Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011 (COM(2010)0623),
– wara li kkunsidra l-aħħar Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Anness 4 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi huwa kruċjali li d-Djalogu bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandu jitwettaq bla dewmien sabiex l-isforzi jiffukaw fuq id-definizzjoni tal-għanijiet strateġiċi ewlenin tal-UE għas-sena d-dieħla u s-snin li ġejjin,
B. billi l-prijoritajiet politiċi għandhom jitqabblu mar-riżorsi finanzjarji disponibbli,
C. billi l-politika u l-azzjoni Ewropea, id f'id ma' dawk tal-Istati Membri bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jistgħu u għandu jkollhom influwenza reali biex jgħinu liċ-ċittadini jantiċipaw u jirreaġixxu għal soċjetà li qed tinbidel malajr,
D. billi l-2011 sejra tkun ta' importanza kruċjali għas-suċċess futur tal-Unjoni u sfida sinifikanti għall-Kummissjoni Ewropea u għall-Unjoni kollha kemm hi,
E. billi l-kriżi finanzjarja għadu qed ikollha effetti sinfikanti fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u billi jeħtieġ li jsiru aġġustamenti maġġuri sew fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; billi l-irkupru sħiħ jeħtieġ strateġija komuni Ewropea għal tkabbir sostenibbli u ħolqien ta' impjiegi, appoġġata bis-setgħat u r-riżorsi meħtieġa,
1. Jinnota li dan il-programm ta' ħidma huwa l-ewwel wieħed li se jiġi adottat skont il-ċiklu l-ġdid ta' programmazzjoni, u jenfasizza li d-djalogu stabbilit mal-Kummissjoni jeħtieġ li jiġi approfondit sabiex tittejjeb ir-rabta evidenti bejn il-prijoritajiet politiċi u l-baġit biex jiġu ffinanzjati fil-livell tal-UE;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha biex twettaq eżerċizzju ta' programmazzjoni realistiku u operattiv li għandu jkun effikaċi u tradott fir-realtà, kif ukoll li jkun implimentat aħjar milli fil-passat; jitlob skeda aktar ċara marbuta mal-proposti ewlenin li jridu jitressqu;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadatta l-acquis għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE mill-aktar fis possibbli skont skeda ċara;
Introduzzjoni
4. Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi sal-limitu aħħari tal-poteri legali u tal-awtorità politika tagħha; jinnota li l-Unjoni Ewropea ma tistax tiffunzjona b'effikaċja sakemm il-Kummissjoni ma tidentifikax, ma tartikulax u ma tippromovix l-interess ġenerali tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha, u sakemm ma taqdix b'effiċjenza dmirha li tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-liġijiet tal-UE;
5. Jinnota li l-isforzi li saru s'issa biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi finanzjarja u biex isostnu l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa baqgħu wisq lura minn dak li huwa meħtieġ; u jiddeplora l-fatt li l-programm ta' ħidma ma jinkludix miżuri addizzjonali biex jinħolqu aktar impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tispjega t-tweġiba dettaljata tagħha dwar kif l-inizjattivi u l-proposti tagħha se jilqgħu l-isfida;
6. Hu tal-fehma li l-UE se jkollha tindirizza r-riforma strutturali mingħajr dewmien sabiex ittejjeb il-kompetittività tagħha u terġa' tvara mill-ġdid it-tkabbir; jemmen ukoll li l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura (inkluża l-broadband), iż-żieda fl-isforzi fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, politika li tiżgura enerġija suffiċjenti, ekonomika u nadifa, l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma s-sisien ċentrali tal-istrateġija;
7. Jilqa' bi pjaċir il-prijorità mogħtija lir-riforma tal-governanza ekonomika Ewropea; iwissi li, jekk l-UE ma tiżviluppax governanza ekonomika kredibbli, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro, li tkun kapaċi tiżgura politika fiskali soda u terġa' lura għal stat ta' tkabbir, il-futur tal-euro se jkun ipperikolat; jinsisti li riforma bħal din għandha tqis għalkollox il-pożizzjoni tal-Parlament, kif spjegata fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010, u għandu jkollha bħala skop l-ilħuq tal-objettivi ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-Trattat ta' Lisbona;
8. Ifakkar li l-Parlament u l-Kunsill, bħala ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, għandhom ikunu involuti b'mod ugwali fi kwalunkwe mobilizzazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabilità Finanzjarja; jitlob li jiġu ppreżentati proposti malajr biex il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tal-kriżijiet isir permanenti (pereżempju l-Fond Monetarju Ewropew), biex l-Istrateġija UE 2020 tiġi integrata fil-qafas makroekonomiku għal perjodu twil ta' żmien, biex jittieħdu l-ewwel passi li jwasslu għall-ħruġ reċiproku ta' parti mid-dejn sovran u l-introduzzjoni ta' bonds għal dan il-għan, kif deskritt fir-rapporti preċedenti tal-Parlament, u biex tiġi żgurata rappreżentazzjoni esterna unika taż-żona tal-euro; jippreferi bidla żgħira fit-Trattat li tkun tipprevedi bażi legali għal mekkaniżmu bħal dan minflok ma wieħed jirrikorri għal emenda sostanzjali tat-Trattat;
9. Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tressaq malajr proposti biex tirrevedi l-qafas finanzjarju multiannwali attwali; jiddikjara li l-MFF għall-perjodu wara l-2013 għandu jirrifletti wkoll l-ambitu akbar ta' dawk ir-responsabilitajiet; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ta' investiment ambizzjuża biex tilħaq il-miri tal-istrateġija UE 2020, u biex jinħolqu l-impjiegi, tingħata spinta lit-tkabbir u tiġi garantita s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej; iqis li l-flessibilità f'dan il-qafas se tkun essenzjali u li l-baġit tal-UE għandu jippermetti li jiġu mobilizzati sorsi alternattivi ta' finanzjament (allokazzjonijiet, bonds tal-proġetti, eċċ);
10. Ifakkar li l-adozzjoni tar-Regolament MFF jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-adozzjoni rapida ta' ftehim interistituzzjonali dwar ir-rwol tal-Parlament fit-tħejjija u n-negozjar tal-MFF li jmiss;
11. Iħeġġeġ b'mod qawwi lill-Kummissjoni biex f'Ġunju 2010, wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament rigward l-MFF il-ġdid, tersaq bi proposti kuraġġużi u innovattivi għal reviżjoni sostantiva tas-sistema tar-riżorsi proprji, biex tinħoloq sistema li tkun ġusta, ċara, trasparenti u newtrali rigward il-piż tat-taxxa għaċ-ċittadini tal-UE; jemmen b'mod qawwi li l-MFF u l-kwistjoni tar-riżorsi proprji huma interkonnessi, għandhom jiġu deċiżi fl-istess ħin fuq il-bażi ta' dibattitu interistituzzjonali miftuħ, b'involviment b'saħħtu tal-parlamenti nazzjonali, u li ma jistax jiġi pospost aktar;
12. Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta wieħed mill-istrumenti l-aktar importanti tal-UE ta' reazzjoni għall-kriżi ekonomika, permezz tal-promozzjoni tal-investiment fl-ekonomija reali; jilqa b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-ewwel valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri marbuta mal-politika ta' koeżjoni fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, li jenfasizza r-rwol prinċipali ta' din il-politika fil-proċess li jilqa' għall-effetti tal-kriżi; Jenfasizza l-konnessjoni inkontestabbli tal-politika ta' koeżjoni mat-tliet prijoritajiet il-kbar tal-Istrateġija Ewropa 2020, billi tiffaċilita l-kisba ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ogħla, filwaqt li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż fil-271 reġjun tal-Unjoni;
Lura għat-tkabbir għall-impjiegi: Aċċelerazzjoni lejn l-2020
13. Jinnota l-introduzzjoni ta' “Semestru Ewropew”; jemmen li l-kumitati tal-Parlament għandu jkollhom rwol aktar importanti biex juru l-għarfien espert tagħhom billi jipproduċu “rapporti tal-aħħar tas-sena” dwar il-progress fl-ilħuq ta' għanijiet importanti, segwiti minn riżoluzzjonijiet (konġunti) ta' gruppi politiċi;
14. Jiddispjaċih li l-proposti għas-Semestru Ewropew u l-pakkett ta' governanza jipprovdu ftit li xejn opportunità għal skrutinju demokratiku Ewropew, u jinsisti li għandu jkun hemm involviment parlamentari qawwi fit-tnejn li huma;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis possibbli proposti dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq u tad-Direttiva dwar is-Suq tal-Istrumenti Finanzjarji; jinnota li l-Kummissjoni għandha żżomm quddiem għajnejha l-impatt kumulattiv possibbli tal-proposti li qed tintroduċi biex tiżgura li jsaħħu l-istabilità, it-trasparenza u r-responsabilità tas-settur finanzjarju u l-kapaċità tiegħu li jaqdi lill-ekonomija reali fis-sens ta' tkabbir u impjiegi;
16. Jitlob li l-inizjattiva leġiżlattiva fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kriżijiet fis-settur bankarju tkun koordinata mar-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni biex jinħoloq qafas komprensiv għall-ġestjoni tal-kriżijiet, li jkun ikopri l-parteċipanti privati u pubbliċi u li jipproteġi lill-kontributuri tat-taxxa; jemmen li r-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu għandha tindirizza n-nuqqas ta' kompetizzjoni fis-settur u jitlob lill-Kummissjoni taġixxi fir-rigward tat-talba riċenti tal-Parlament li jiġu eżaminati l-għażliet għal aġenzija Ewropea indipendenti tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u involviment aktar b'saħħtu tal-entitajiet pubbliċi indipendenti fil-ħruġ tal-klassifikazzjonijiet;
Tkabbir intelliġenti
17. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni komprensiv, bi skeda u miri, biex jintlaħaq suq uniku għall-kontenut u għas-servizzi online, fl-interess ta' soċjetà diġitali miftuħa u prospera, u biex jingħelbu d-differenzi diġitali;
18. Jenfasizza li l-aġenda diġitali u l-investiment fl-ICTs huma kruċjali għall-kompetittività tal-Ewropa fit-tul, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-introduzzjoni fis-suq tan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss u l-aċċess għalihom permezz ta' liberalizzazzjoni kontinwa tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fl-UE;
19. Jinkoraġġixxi b'mod qawwi lill-Kummissjoni biex trawwem l-għarfien u l-innovazzjoni fl-FP8 fis-segwitu tal-eżami ta' nofs it-terminu, u jfakkar li hu importanti li l-Parlament ikollu l-opportunità li jesprimi l-prijoritajiet tiegħu qabel l-adozzjoni tal-FP8 fl-2012;
20. Jilqa' l-ambizzjoni tal-Kummissjoni rigward l-Unjoni tal-Innovazzjoni li se tinvolvi l-eżami tal-għajnuna tal-istat għall-oqfsa tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-innovazzjoni, bit-tisħiħ tar-rwol tal-BEI u tal-kapital ta' riskju; jirrikonoxxi wkoll ir-rwol li jista' jkollu l-akkwist pubbliku biex jistimola l-innovazzjoni;
21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tnaqqas il-burokrazija żejda fil-programmi tagħha għar-riċerka u l-iżvilupp u żżid il-parteċipazzjoni tad-ditti innovattivi fil-proġetti; iqis li l-Kummissjoni għandha tippromwovi ulterjorment is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat biex trawwem ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-Ewropa;
22. Jenfasizza l-importanza li għandha tingħata lill-programmi multiannwali ġodda ta' wara l-2013 fil-qasam tal-edukazzjoni, il-kultura, il-mezzi awdjoviżivi, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza, li huma mistennija jiġu ppreżentati fl-2011; iqis li l-azzjonijiet u l-miżuri meħuda f'dawn il-programmi għandhom iwieġbu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini Ewropej u jkunu bbażati fuq qafas baġitarju adegwat u effiċjenti; iqis li l-inizjattiva “Żgħażagħ Mobbli” tenfasizza l-importanza ta' dawk il-programmi;
Tkabbir sostenibbli
23. Jenfasizza l-importanza strateġika tal-inizjattiva emblematika dwar l-effiċjenza tar-riżorsi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem rapidament fuq proposta ambizzjuża maħsuba biex tilħaq miri vinkolanti u benchmarks konkreti fil-qafas tas-Semestru Ewropew tal-UE 2020 dwar il-koordinament tal-politiki; u jistieden lill-Kummissjoni tersaq b'leġiżlazzjoni biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-UE;
24. Iqis li għandha tingħata prijorità lill-implimentazzjoni xierqa u funzjonali tal-istrumenti leġiżlattivi eżistenti bħat-Tielet Pakkett tal-Enerġija u jappoġġa bis-sħiħ l-istrateġija 2050, in-netwerks intelliġenti u l-inizjattivi dwar is-sigurtà tal-provvista;
25. Jenfasizza li sabiex it-tkabbir ekonomiku jkun sostenibbli, is-sigurtà tal-enerġija hija importanti ħafna biex ikunu żgurati l-provvista mingħajr interruzzjonijiet, ir-rispett għall-arranġamenti kuntrattwali, prezz tas-suq ġust, u l-evitar ta' dipendenza fuq għadd żgħir wisq ta' produtturi;
26. Jemmen li l-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali ġdida għall-Ewropa għandha tiġi segwita b'miżuri effikaċi, b'mod partikolari biex tintlaħaq il-bidla mixtieqa għal ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju u sostenibbli u biex jiġi żgurat li l-mira tal-UE ta' 20% għall-effiċjenza enerġetika tintlaħaq;
27. Jenfasizza li l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih huma prijorità għolja li se tkun ta' benefiċċju wkoll għall-kompetittività tal-industrija Ewropea u tal-SMEs;
28. Jilqa' b'sodisfazzjon il-prijoritajiet ewlenin rigward il-pubblikazzjoni tal-White Paper u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef it-tħejjija tar-reviżjoni tal-linji gwida TEN-T u tal-mekkaniżmi modernizzati ta' finanzjament tiegħu, skont l-istrateġija Ewropa 2020 u r-rieżami tal-baġit tal-UE;
29. Jinsisti mill-bidu nett li l-proċess ta' riforma tal-PAK għandu jirriżulta f'politika b'saħħitha, ġusta, ġenwinament komuni u multifunzjonali li tissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi u l-produtturi u tagħti effettivament “prodotti pubbliċi”, b'mod speċjali s-sigurtà tal-ikel, u tiggarantixxi l-awtosuffiċjenza tal-UE fir-rigward tal-ikel;
30. Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013, insista li fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss l-ammonti allokati għall-PAK fis-sena baġitarja 2013 għandhom għall-inqas jinżammu;
31. Jitlob li l-importazzjonijiet agrikoli minn pajjiżi terzi għandhom ikunu biss permessi fl-UE jekk ikunu ġew prodotti b'mod konsistenti ma' standards Ewropej tal-protezzjoni tal-konsumatur, tal-benessri tal-annimali u tal-protezzjoni ambjentali u ma' standards soċjali minimi; jinsisti li l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ bilaterali jew multilaterali m'għandhomx isiru bi ħsara għall-produtturi agrikoli tal-UE;
32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-riforma tas-suq taz-zokkor, biex teżamina mill-ġdid il-proċeduri tagħha ta' valutazzjoni tal-impatt sabiex tkun żgura li tintuża l-aħjar informazzjoni u dik l-aktar f'waqtha meta tħejji l-valutazzjonijiet kollha, li se jkun determinanti meta jiġi vvalutat l-impatt tal-ftehimiet ta' kummerċ bilaterali tal-ġejjieni għal setturi ewlenin tal-ekonomija tal-UE;
33. Jilqa' l-proposti imminenti tal-Kummissjoni biex tiġu implimentata l-Politika Marittima Integrata, bħall-proposta dwar il-qafas tal-Ippjanar tal-Ispazji fil-Baħar u l-Komunikazzjoni għal tkabbir sostenibbli fir-reġjuni tal-kosta u s-setturi marittimi, kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima; jenfasizza, madankollu, li l-finanzjament għall-implimentazzjoni tal-PMI għandu jiġi ggarantit fil-baġit Komunitarju permezz ta' kontribut proporzjonali mis-setturi kollha affettwati minn din il-politika;
Tkabbir inklużiv
34. Jemmen li t-tkabbir inklużiv jista' jinbena biss fuq pedament ta' trattament indaqs għall-ħaddiema kollha fil-post tax-xogħol u kundizzjonijiet indaqs għan-negozji kollha; jemmen li l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għandu jinkludi proposti biex jiġu garantiti dawn il-prinċipji, u jinsisti li l-proposta leġiżlattiva dwar l-impliemntazzjoni tal-Istazzjonar tal-Ħaddiema, kif previst fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, għandha tiċċara l-eżerċitar tad-drittijiet soċjali fundamentali;
35. Jitlob li tiġi ppreżentata proposta tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-ħaddiema fil-qligħ tal-kumpaniji;
36. Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-rapporti tagħha dwar “Ħiliet u Impjiegi Ġodda” u “Pjattaforma kontra l-Faqar” tqis id-diffikultajiet speċifiċi li jaffaċċjaw in-nisa, b'mod speċifiku biex tiġi promossa l-ugwaljanza fil-post tax-xogħol bħala mezz biex jiġi indirizzat il-faqar, u biex in-nisa jiġu inkoraġġiti jsiru intraprendisti, billi jittieħdu miżuri li jaqsmu l-aħjar prattika;
37. Hu ta' fehma soda li t-tnaqqis tad-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi tibqa' sfida reali li jeħtieġ li tingħeleb, u jtenni t-talbiet li saru lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2008 biex tippreżenta lill-Parlament proposta leġiżlattiva dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet annessi mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-2008;
38. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti widen għall-fehmiet tas-sħab soċjali fil-qasam tal-pensjonijiet u biex tiżgura li l-White Paper tirrifletti l-aspettattivi taż-żewġ naħat tal-industrija, inkluż it-tisħiħ tal-ewwel pilastru;
39. Jilqa' r-riforma tal-EURES, il-websajt għall-impjiegi, li permezz tagħha hemm iktar aċċess għall-informazzjoni u l-pariri dwar l-impjiegi għall-ħaddiema żgħażagħ, iżda jiddispjaċih li din il-proposta kienet posposta għall-2012, filwaqt li ż-żgħażagħ jeħtiġuha llum;
40. Jitlob li jkun hemm iktar effikaċja u riżultati rigward żewġ aġenziji ewlenin għat-taħriġ tal-UE – is-Cedefop, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali, u l-ETF, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ;
41. Jappoġġa b'mod qawwi integrazzjoni akbar tas-suq, li tindirizza d-diskrepanzi persistenti sinifikanti, kif identifikati mill-Professur Monti, u li ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini, il-ħaddiema, in-negozji żgħar u l-konsumaturi tal-UE; jemmen, filwaqt li jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku, li l-proposti għandhom ikunu aktar ambizzjużi u konkreti; jistieden lill-Kummissjoni tressaq, malajr kemm jista' jkun, prijoritajiet ċari u proposti leġiżlattivi;
42. Jitlob modernizzazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, permezz tal-armonizzazzjoni tad-direttivi u tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku, u jitlob skeda aktar ċara għas-sena li jmiss;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura approċċ konsistenti bejn l-istrument legali dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur; iqis li huwa essenzjali li Strateġija Politika ċara tal-Kummissjoni għall-Konsumaturi tiġi indirizzata b'mod integrat b'urġenza fl-2011, u mhux fl-2014 kif inhu propost bħalissa;
44. Jappoġġa r-reviżjoni tad-Direttiva tal-Ivvjaġġar b'Kollox Inkluż u l-eżami tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti b'enfasi fuq is-sorveljanza tas-suq;
45. Jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas legali effiċjenti għas-sikurezza tal-prodotti fl-UE; jappoġġa l-eżami tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, li jirrikjedi li jiġi stabbilit kalendarju aktar ċar, bi qbil mal-eżami tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni teżamina s-sistema tal-marka CE biex tiżgura li l-marka CE tkun tista' titqies bħala marka ta' sikurezza mill-konsumaturi;
46. Jenfasizza li l-inizjattivi tal-liġi ċivili huma importanti biex is-Suq Uniku terġa' tingħatalu l-ħajja; jappoġġa l-azzjonijiet tal-Kummissjoni, fejn tidħol il-ġustizzja ċivili, biex l-istrumenti tal-liġi ċivili jsiru aktar kompatibbli mal-ġustizzja elettronika;
47. Jitlob li jkun hemm riżoluzzjoni finali tal-problemi madwar l-istabbiliment ta' privattiv Ewropew, u, jekk dan ikun meħtieġ, jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal kooperazzjoni msaħħa;
48. Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' inizjattiva leġiżlattiva rigward il-kabotaġġ u d-dewmien sal-2012 tal-aċċess għas-suq ferrovjarju, inkluż il-ftuħ tas-suq għall-passiġġieri domestiċi; itenni l-konvinzjoni soda tal-Parlament li għandha tinżamm u tiġi żviluppata politika komprensiva dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fl-Ewropa;
Il-promozzjoni tal-aġenda taċ-ċittadini: libertà, sigurtà u ġustizzja
49. Jinsab imħasseb ferm li m'hemm l-ebda proposti konkreti dwar id-drittijiet fundamentali jew dwar id-Direttiva orizzontali tan-Nondiskriminazzjoni, u li l-kwistjoni tan-nondiskriminazzjoni lanqas biss tissemma; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'ħeffa biex tneħħi l-imblukkar tad-Direttiva tan-Nondiskriminazzjoni;
50. Jitlob li ssir proposta għal Komunikazzjoni dwar solidarjetà msaħħa fl-UE fil-qasam tal-asil, iżda jiddispjaċih għan-nuqqas ta' proposti leġiżlattivi dwar l-asil, filwaqt li jitqies li l-Unjoni għandu jkollha politika komuni ta' asil stabbilita sal-2012;
51. Jitlob li jsiru proposti dwar il-migrazzjoni; ifakkar li l-funzjonament tajjeb tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ proposta se jiddependi mis-suċċess tal-VIS u tas-SIS II, għalkemm is-SIS II għadha mhix titħaddem kompletament;
52. Jenfasizza l-bżonn ta' politika ambizzjuża dwar id-drittijiet fundamentali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l-ħtieġa li d-drittijiet fundamentali stipulati fil-Karta jsiru effikaċi kemm jista' jkun; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-kompatibilità ta' kull inizjattiva legali mad-drittijiet fundamentali kif ukoll tiggarantixxi li l-Istati Membri jirrispettaw il-Karta meta jimplimentaw il-liġi tal-UE; jitlob li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' sorveljanza ta' każijiet ta' ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u li jiġu applikati l-mekkaniżmi tat-trattati kontrihom;
53. Jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tal-UE għandhom jiġu rrispettati bi sħiħ u li l-protezzjoni tad-data u d-dritt ta' rimedju legali huma essenzjali fil-ħolqien ta' politika ta' sigurtà kredibbli u effikaċi; iqis li l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta' reati jeħtieġ aktar pjanijiet Komunitarji dwar il-kriminalità organizzata u s-sigurtà fl-Internet;
54. Jilqa' l-proposta dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità u, fuq kollox, dwar id-dritt għal assistenza legali u għal għajnuna legali, iżda jiddispjaċih li din hija l-unika miżura maħsuba; jitlob li jkun hemm skeda ċara għall-miżuri li għad fadal tal-pjan direzzjonali għad-drittijiet proċedurali;
55. Jilqa' l-varar fl-2011 ta' qafas legali komprensiv ġdid għall-protezzjoni tad-data personali fl-UE; jenfasizza li sejjer jeżamina bir-reqqa kull proposta, inklużi l-UE-PNR u l-UE-TFTP, biex jiżgura l-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali;
56. Jilqa' l-proposti dwar il-liġi ċivili, iżda jitlob lill-Kummissjoni, biex jintlaħqu standards komuni għaċ-ċittadini tal-UE fl-Istati Membri, biex tqis li tħaffef ir-reviżjoni tal-acquis fil-qasam tal-liġi ċivili u kriminali u tirrapporta lill-Parlament;
57. Jappoġġa inizjattivi maħsuba biex jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol ma' dik tal-familja permezz, inter alia, ta' miżuri dwar il-frank parentali minimu u l-promozzjoni ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli għan-nisa u l-irġiel, kif ukoll għajnuna għal min jieħu ħsieb persuni oħrajn biex ikunu jistgħu jikkombinaw l-impjieg mar-responsabbiltajiet ta' kura;
58. Jiddispjaċih għad-dewmien tal-Kummissjoni fit-tressiq ta' proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-“Lisbonizzazzjoni” tal-“acquis” attwali fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali, li hija prijorità fil-qasam tal-Libertà, il-Ġustizzja u l-Intern;
59. Iqis li wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, ir-reviżjoni tal-qafas legali hija essenzjali, u jiddispjaċih li din ir-reviżjoni ġiet proposta biss għall-2012 – 2013; jinsisti li l-aġenziji kollha tal-ĠAI għandhom ikunu effiċjenti, u - l-iktar importanti - responsabbli;
L-Ewropa fid-dinja: Piż xieraq fl-isfera globali
60. Jenfasizza li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja hi objettiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-livell globali u li titjib fir-relazzjonijiet kummerċjali u għajnuna għall-iżvilupp imsaħħa jistgħu jgħinu għall-inkorraġġiment tal-progress f'dan il-qasam;
61. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm il-momentum għall-proċess ta' tkabbir;
62. Jenfasizza li, fir-rigward tas-suġġetti li ġejjin, jintlaqgħu inizjattivi ġodda:
– is-sehem tal-UE kontra t-terroriżmu, biex tonqos il-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa,
– l-iżvilupp tal-industrija Ewropea tad-difiża u l-ambizzjonijiet tal-politika Ewropea tad-difiża f'perspettiva fit-tul (2020),
– id-diżarm u l-governanza globali,
– l-istrateġija vis-à-vis l-pajjiżi BRIC,
– ir-rieżami dwar l-Unjoni tal-Mediterran, minħabba l-imblokk attwali,
– ħajja mill-ġdid lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u possibilment rieżami konġunt tas-sigurtà strateġika, wara r-rieżami strateġiku l-ġdid tan-NATO;
63. Jemmen li biex turi l-valuri u l-prinċipji tagħha b'mod effikaċi u biex tikkontribwixxi għall-istabilità politika u l-iżvilupp ekonomiku fil-viċinat tagħha, l-UE għandha tappoġġa demokraziji ġodda madwar l-Ewropa u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mas-sħab tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-eżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm koerenza aħjar bejn l-objettivi tal-politika u l-istrumenti finanzjarji; iqis li fir-rabtiet tagħha mal-ġirien, il-kundizzjonalità fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija għandha tissaħħaħ;
64. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar prijorità lis-sigurtà tal-ikel fl-Afrika kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ is-settur agrikolu fl-Afrika, b'mod sostenibbli; f'dan il-kuntest iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura aktar aċċess għall-fqar għas-servizzi ta' kreditu u finanzjarji fl-Afrika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri biex tingħata spinta lill-kummerċ intrakontinentali Afrikan, fosthom pakketti ta' għajnuna mtejba għall-komunitajiet ekonomiċi reġjonali u biex titjieb l-infrastruttura fil-kontinent Afrikan kollu;
65. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rapport annwali dwar il-progress tal-UE lejn l-ilħuq tal-MDGs sal-2015 u sabiex tintroduċi miżuri biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jissodisfaw l-impenji tagħhom li jallokaw 0.7% tad-DNG għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u jimmoniterjaw dawn l-impenji;
66. Jenfasizza li fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (EPAs), għandu jkun hemm fokus imġedded fuq id-dimensjoni tal-iżvilupp;
67. Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi attivament progress tanġibbli fin-negozjati tad-WTO li huma għaddejjin biex ir-Rawnd ta' Doha jiġi konkluż mill-aktar fis possibbli; jinsisti li t-tisħiħ tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles bilaterali u reġjonali eżistenti u l-konklużjoni ta' oħrajn ġodda huwa importanti, imma għandu jitqies bħala strateġija komplementari u mhux bħala alternattiv għall-qafas multilaterali;
68. Ifakkar li l-multilateraliżmu għandu jibqa' l-prijorità ewlenija tal-UE, u jitlob bi dritt li n-negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa u dawk ġodda għandhom jirrispettaw il-prinċipju tat-trattament speċjali u divrenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen bis-saħħa li hemm bżonn ta' qafas kummerċjali multilaterali effikaċi u riformat biex tinbena sistema ekonomika aktar bilanċjata u ġusta bħala parti minn governanza globali ġdida li taqdi l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar;
69. Jenfasizza li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għandhom isibu ruħhom fis-swieq tal-UE biss jekk jikkonformaw mal-istandards Ewropej dwar il-ħarsien tal-konsumatur; iqis li, fin-negozjati internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tinsisti li s-sħab kummerċjali tagħna jikkonformaw mal-istandards ambjentali, soċjali u tax-xogħol Ewropej;
70. Jitlob li fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali ffirmati mill-UE tiddaħħal klawsola dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (CSR); iqis li dan irid jinkludi rappurtar u trasparenza min-naħa tal-kumpaniji u diliġenza xierqa min-naħa tal-impriżi u l-gruppi ta' impriżi, investigazzjonijiet f'każ ta' ksur ippruvat tal-impenji tas-CSR u aċċess aħjar għall-qrati għall-vittmi tal-azzjonijiet tal-kumpaniji;
71. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva simili għal-Liġi l-ġdida tal-Istati Uniti dwar il-“Minerali tal-Gwerer” sabiex tissaħħaħ it-trasparenza u l-governanza tajba fil-qasam tal-industrija tal-estrazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'dawn il-pajjiżi, li ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;
73. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi aktar apertament għal attitudni pożittiva lejn id-Dikjarazzjonijiet ta' Ġestjoni Nazzjonali (NMD) iffirmati mill-ministri tal-finanzi; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri joħorġu NMDs; jitlob li jiġu introdotti bażijiet ta' data komprensivi fuq l-internet li jkunu faċli li tużahom;
74. Jitlob, għalhekk, li jsiru valutazzjonijiet sistematiċi, regolari u indipendenti tal-programmi tal-UE - kemm il-politiki interni kif ukoll l-għajnuna għall-iżvilupp - sabiex ikun żgurat li jinkisbu r-riżultati mixtieqa u li dan isir b'mod kost-effettiv, sabiex:
–
jitqiesu l-kummenti tal-Parlament fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu,
–
ikun possibbli li tingħata ħarsa orizzontali aktar strateġika għall-konklużjonijiet tad-diversi valutazzjonijiet li jsiru, u għall-prestazzjoni tal-Kummissjoni;
75. Hu ta' fehma soda li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta u f'waqtha tad-direttivi Ewropej hija partikolarment importanti biex titneħħa n-nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini fl-azzjonijiet tal-UE; iqis li dan jirrikjedi kooperazzjoni effikaċi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;
76. Jisħaq li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi ssimplifikata u jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt, qabel il-leġiżlazzjoni, għandhom jintużaw b'mod imparzjali u effiċjenti, filwaqt li titqies l-implimentazzjoni; jappoġġa b'mod sod l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proġett Regolamentazzjoni Intelliġenti;
77. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni se tagħti aktar attenzjoni lill-aspetti tal-kompetittività fil-valutazzjonijiet tal-impatt u jisħaq fuq l-importanza tal-evalwazzjoni tal-effetti kumulattivi fuq il-kompetittività ta' atti kkombinati ta' leġiżlazzjoni (“fitness checks”);
o o o
78. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.