Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2107(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0331/2010

Testi mressqa :

A7-0331/2010

Dibattiti :

PV 14/12/2010 - 18
CRE 14/12/2010 - 18

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2010 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0485

Testi adottati
PDF 427kWORD 179k
L-Erbgħa, 15 ta' Diċembru 2010 - Strasburgu
Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza Enerġetika
P7_TA(2010)0485A7-0331/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (2010/2107(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2006 intitolata “Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija: Nikkonkretizzaw il-Potenzjal”(COM(2006)0545),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 bit-titolu “20 għal darbtejn sa l-2020 – L-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa” (COM(2008)0030),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “L-effiċjenza fl-enerġija: il-kisba tal-mira ta' 20%” (COM(2008)0772),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 bit-titolu “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa” (COM(2007)0001), segwita mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titolu “It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija – Pjan ta' azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija”, flimkien mad-dokumenti li jakkumpanjawha (COM(2008)0781),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Enerġija)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) No 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-twaqqif ta' qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodisinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħra ta' trasport(8),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riepilogu tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2010 bit-titolu “Lejn Strateġija ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa 2011 – 2020”,

–  wara li kkunsidra l-istudju indipendenti bit-titolu “Company Car Taxation. Subsidies, welfare and economy”, imħejji fuq talba tal-Kummissjoni(9),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar it-tieni analiżi strateġika tal-politika dwar l-Enerġija(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 170 paragrafu 1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li skont dan l-Unjoni se tikkontribwixxi għat-twaqqif u l-iżvilupp ta' netwerks madwar l-Ewropa fl-oqsma ta' infrastrutturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-mobilizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 34 paragrafu 3 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar li jiddikjara li l-Unjoni se tassigura eżistenza diċenti għal dawk kollha li m'għandhomx riżorsi biżżejjed,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0331/2010),

A.  billi l-effiċjenza u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija huma l-aktar mod rapidu u effikaċi mil-lat ta' nefqa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u emissjonijiet oħra u biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista; billi l-faqar tal-fjuwil jista' jiġi ttrattat b'mod strateġiku permezz tal-effiċjenza f'livelli għoljin fl-użu tal-enerġija fil-bini u fl-apparat domestiku; billi l-effiċjenza fl-enerġija hija prijorità ewlenija tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020 u l-Istrateġija tal-Enerġija tal-Ewropa 2011-2020, filwaqt li r-riżorsi fl-istituzzjonijiet pubbliċi ma jaqblux ma' din l-ambizzjoni fil-preżent,

B.  billi l-iffrankar tal-enerġija huwa l-qofol biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista, eż bħalma hi l-kisba tal-mira ta' 20% iffrankar tal-enerġija jiffranka enerġija daqs kemm jistgħu jagħtu ħmistax-il pipeline Nabucco,

C.  billi l-iffrankar tal-enerġija jista' jġib miegħu vantaġġi ekonomiċi sinifikanti għall-utenti finali u għall-ekonomija kollha kif ukoll vantaġġi soċjali inkluż il-ħolqien ta' madwar miljun impjieg sal-2020; billi l-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE qed jiżdiedu u swew EUR 332 biljun fl-2007, u skont ċifri tal-Kummissjoni l-benefiċċji tal-enerġija kull sena jistgħu jammontaw għal massimu ta' EUR 1 000 għal kull dar li jerġa' jiġi investit x'imkien ieħor fl-ekonomija u l-ilħuq b'suċċess tal-objettiv tal-effiċjenza fl-enerġija għandu l-potenzjal li bih l-UE tiffranka madwar EUR 100 biljun u tnaqqas l-emissjonijiet bi kważi 800 miljun tunnellata fis-sena; billi, għalhekk, politiki tal-iffrankar tal-enerġija u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma rimedji għall-faqar tal-enerġija,

D.  billi żviluppi futuri fil-prezz tal-enerġija jħeġġu lil individwi jnaqqsu l-konsum tagħhom tal-enerġija; għalhekk it-tkabbir sinifikanti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jista' jintlaħaq billi jinċentivaw infrastrutturi komuni aktar effiċjenti fil-bini, fis-sistemi ta' tisħin u fis-settur tat-trasport fejn deċiżjonijiet mod ieħor li jtejbu l-użu tal-enerġija huma “l bogħod mill-kontroll u l-influwenza ta' individwi jew kumpaniji,

E.  billi evidenza akkademika l-isforzi jeħtieġ li jkunu intensifikati sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' effiċjenza fl-enerġija ta' 20% sal-2020, billi kif inhuma r-rati preżenti tal-progress madwar nofs dan l-objettiv biss se jintlaħaq sal-2020, u diġa jeżistu prattiki u teknoloġiji biex jintlaħaq dan l-objettiv,

F.  billi, għalkemm hawn għadd kbir ta' dispożizzjonijiet legali fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali maħsuba biex jirriżultaw fi ffrankar tal-enerġija, mhux kollha qed iwasslu għar-riżultat mixtieq,

G.  billi l-perjodu tal-ħlas lura tal-investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa relattivament qasir mqabbel ma' investimenti oħra u l-investimenti joħolqu impjiegi ġodda f'żoni rurali kif ukoll urbani li, sa ċertu punt, ma jistgħux jiġu esternalizzati, b'mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni u fi ħdan l-SMEs, filwaqt li l-għarfien pubbliku u l-ħaddiema bil-kompetenzi huma meħtieġa biex jitwettaq dan,

H.  billi l-użu ta' fondi pubbliċi fl-ambitu ta' strumenti finanzjarji rotattivi bil-għan li jingħataw inċentivi finanzjarji għal miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija għandu l-vantaġġ, fi żminijiet ta' limiti baġitarji, li jagħmilha possibbli biex matul iż-żmien jiġu sostnuti l-biċċa l-kbira ta' dawn il-fondi,

I.  billi l-aspett tad-domanda kien katalist importanti għall-konsum akbar ta' enerġija u hemm ħtieġa reali biex jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji u tas-suq għal prodotti aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u biex jiġi promoss l-użu tagħhom, sabiex jiġi sseparat il-konsum tal-enerġija mit-tkabbir ekonomiku,

J.  billi firxa ta' ostakli qed ittellef l-esplojtazzjoni sħiħa ta' opportunitajiet għall-iffrankar tal-enerġija, inklużi l-ispejjeż bil-quddiem tal-investiment u n-nuqqas ta' disponibilità ta' finanzi xierqa, nuqqas ta' għarfien, inċentivi maqsuma bħal bejn is-sidien u l-inkwilin, u nuqqas ta' ċarezza dwar min huwa responsabbli biex iseħħ l-iffrankar tal-enerġija,

K.  billi objettivi mandatorji ntwerew fil-każ ta' oqsma oħra ta' prijorità bħal fl-enerġija rinnovabbli u l-kwalità tal-arja biex jipprovdu l-imbuttatura, is-sjieda u l-konċentrazzjoni fil-livell tal-UE u nazzjonali li huma meħtieġa biex tiġi assigurata biżżejjed ambizzjoni f'politiki speċifiċi u dedikazzjoni għall-implimentazzjoni tagħhom,

L.  billi l-progress dwar l-iffrankar tal-enerġija hu mxekkel b'nuqqas ta' kontabilità u impenn biex jintlaħaq l-objettiv ta' 20%,

M.  billi l-binjiet huma responsabbli għal madwar 40% tal-konsum tal-enerġija u għal madwar 36% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE u billi l-kostruzzjoni tirrappreżenta parti kbira mill-ekonomija tal-UE b'madwar 12% tal-PDG tal-UE; billi r-rata ta' tiġdid ta' bini eżistenti huwa baxx wisq u billi għad hemm nuqqas ta' miżuri xierqa biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija ta' bini eżistenti; billi ż-żieda fin-numru u fil-livell ta' rinnovazzjonijiet kumplessi fil-bini eżistenti huma essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta' politiki tal-UE tal-2020 u l-2050 dwar il-klima u l-enerġija u jistgħu joħolqu għadd sostanzjali ta' impjiegi biex b'hekk jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-irkupru ekonomiku tal-UE, u billi s-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-pakkett tal-bini u s-sistemi tekniċi u istallazzjonijiet diġà jeżistu u jistgħu jiġu implimentati kemm fuq bini eżistenti kif ukoll ġdid iwasslu għall-iffrankjar sinifikanti tal-enerġija,

N.  billi d-djar mhumiex imħejjija għall-bidla fil-klima: hemm djar mhumiex kesħin biżżejjed fis-sajf fil-pajjiżi kollha u hemm djar li mhumiex sħan biżżejjed fix-xitwa (aktar minn 15% fl-Italja, il-Latvja, il-Polonja, Ċipru u 50% fil-Portugall) u f'pajjiż bħal Ċipru u l-Italja id-djar mhumoex imħejjija għal xitwa kiesħa,

O.  billi l-muturi elettriċi industrijali jikkunsmaw 30%-40% tal-enerġija elettrika ġġenerata fid-dinja u billi l-ottimizzazzjoni xieraq tas-sistemi bil-mutur rilevanti bl-użu ta' veloċità regolata u tekniki oħra tista' tiffranka bejn 30% u 60% tal-enerġija kkunsmata,

P.  billi bejn 50 u 125 miljun Ewproew qed ibatu mill-faqar tal-enerġija u dawn iċ-ċifri jistgħu jiżdiedu bil-kriżi ekonomika u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija; billi l-kawżi tal-faqar tal-enerġija huma universali madwar l-UE u jinvolvu kombinazzjoni ta' dħul baxx għal kull dar, nuqqas ta' tisħin u standards ta' insulazzjoni baxxi u prezzijiet tal-enerġija li ma jistgħux ikampaw magħhom; jenfasizza li l-politiki tal-iffrankar tal-enerġija u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma rimedji strateġiċi għall-faqar tal-enerġija,

Q.  billi t-trasport huwa responsabbli għal kważi 30% tal-emissjonijiet kollha Ewropej tal-gass serra, bidla minn karozzi konvenzjonali li jużaw fjuwils fossili għal vetturi b'teknoloġija ekoloġika li jaħdmu b'enerġija rinnovabbli, tista' tikkontribwixxi għal tnaqqis sustanzjali ta' CO2, u toħloq ħażna fl-għażla ta' enerġija li tippermetti l-grilji tal-elettriku jlaħħqu mal-produzzjoni varjabbli ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli,

R.  billi hu stmat li 69% tad-djar fl-Ewropa huma okkupat mis-sid u 17% huma mikrijin lill-privat il-biċċa l-kbira minn sidien individwali u billi s-settur tad-djar privati jħabbat wiċċu ma' limitazzjonijiet finanzjarji biex isiru arranġamenti għall-enerġija,

S.  billi l-kriżi ekonomika tal-preżent tista' twassal biex taċċellera t-tranżizzjoni għal ekonomija b'karbonju baxx u b'enerġija effiċjenti u trawwem bidla fl-imġiba taċ-ċittadini rigward il-konsum tal-enerġija,

T.  billi l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji ġodda ewlenin fil-qasam tal-enerġiji huma assolutament neċessarji għall-ġenerazzjoni sostenibbli tal-enerġija u l-użu aktar effiċjenti tagħha,

U.  billi l-objettiv vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli ta' 20% tal-konsum finali tal-enerġija sal-2020 jintlaħaq biss jekk il-bini eżistenti jiġi indirizzat,

V.  billi kumpaniji Ewropej għandhom records impressjonanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom tal-gass serra u, aktar importanti, talli ppermettew tnaqqis ta' emissjonijiet mas-soċjetà Ewropea u mad-dinja permezz ta' prodotti u soluzzjonijiet innovattivi,

W.  billi jeħtieġ li titħares il-kompetittività, fil-kompetizzjoni globali, ta' dawk l-intrapriżi Ewropej li jużaw ħafna enerġija,

Il-Konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-implimentazzjoni tagħha

1.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali, u speċjalment lill-Kummissjoni, biex l-effiċjenza enerġetika tingħata l-attenzjoni li tistħoqqilha , u jiġu stabbiliti riżorsi (staff u finanzi) li jkunu jaqblu mal-ambizzjonijiet tagħhom;

2.  Jirrimarka li l-effiċjenza enerġetika għandha tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-politika rilevanti, bħall-finanzi, l-iżvilupp reġjonali u urban, it-trasport, l-agrikoltura, il-politika industrijali u l-edukazzjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq fi żmien suffiċjenti qabel is-Samit dwar l-Enerġija tal-4 ta' Frar 2011 fl-EEAP tagħha, evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; iqis li skont ir-riżultat tal-evalwazzjoni, EEAP għandu jinkludi miżuri li għandhom jitressqu mill-Kummissjoni biex jitnaqqas dan id-distakk sabiex tintlaħaq il-mira globali tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-2020, bħall-miri indiviwali tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li jikkorrispondi ma' titjib ta' mill-inqas 20% fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sal-2020 fil-livell tal-UE u li jqisu l-pożizzjonijiet inizjali relattivi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali kif ukoll approvazzjoni minn qabel tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija nazzjonali ta' kull Stat Membru; iqis li tali miżuri addizzjonali għandhom ikunu ġusti, ikunu jistgħu jitkejlu, ikollhom impatt effettiv u dirett fuq l-implimentazzjoni ta' miri ta' pjanijiet nazzjonali dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiftiehmu fuq metodoloġija komuni biex jitkejlu l-objettivi nazzjonali ta' effiċjenza fl-enerġija u jimmonitorjaw il-progress meta jinkisbu dawn l-objettivi;

4.  Jagħti importanza kbira lill-proċessi tal-ippjanar fil-livell Ewropew. L-effiċjenza enerġetika għandha tingħata l-attenzjoni xierqa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Enerġija 2011-2020. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija għandu jiġi ppreżentat mill-aktar fis possibbli, u l-effiċjenza tal-enerġija għandu jkollha rwol importanti fil-Pjan Direzzjonali tal-ġejjieni lejn sistema u ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju sa l-2050;

5.  Jappella lill-UE biex tadotta objettiv vinkolanti dwar l-effiċjenza fl-enerġija b'mill-anqas 20% sal-2020, u b'hekk tavvanza t-tranżizzjoni f'ekonomija sostenibbli u ekoloġika;

6.  Iqis li l-Pjan ta “Azzjoni ta' Effiċjenza fl-Enerġija ambizzjuż li jqis il-progress miksub bil-miżuri kollha li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni 2006, isaħħaħ l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija adottati kif mfisser fil-Pjan ta' Azzjoni 2006, li għadhom għaddejjin, u jinkludi miżuri addizzjonali u adegwati, li jridu jkunu konformi mal-kriterji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, li huma meħtieġa biex jinlaħaq l-objettiv tal-2020;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal l-EEAP il-ġdid billi jitqiesu l-bżonnijiet ta' konsumaturi tal-enerġija vulnerabbli; jinnota li konsumaturi tal-enerġija huma l-aktar li jistgħu jibbenefikaw minn titjib fl-effiċjenza tal-enerġija imma huma neqsin mir-riżorsi li bihom isiru l-investimenti neċessarji; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri xierqa u politiki effettivi bħal pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali jew miżuri soċjali mmirati biex inaqqsu l-faqar tal-enerġija u biex jirrappurtaw regolarment dwar l-azzjonijiet tagħhom biex jindirizzaw dan it-tħassib; jilqa' l-fatt li l-Kunsill tal-Enerġija jindirizza l-problema tal-faqar tal-enerġija u jappoġġa l-isforzi tal-presidenza Belġjana f'dan ir-rigward; jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta l-faqar tal-enerġija fil-politiki kollha dwar l-enerġija;

8.  Jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttivi tas-Servizzi tal-Enerġija (ESD) fl-2011 li tinkludi qafas ta' żmien itwal sal-2020, valutazzjoni kritika tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Effiċjenza fl-Enerġija u l-implimentazzjoni tagħhom, inklużi standards komuni għar-rappurtar li jinkludu elementi minimi vinkolanti dwa pereżempju politiki rilevanti tal-effiċjenza fl-enerġija inklużi għodod ħfief u ta' appoġġ bħall-iffinanzjar; l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istat Membri kif ukoll rekwiżiti ta' rappurtar magħqud mill-ESD, it-tikkettar tal-enerġija u l-ekodisinn fejn xieraq u meta jidher li dan ineħħi piż għall-Istati Membri;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw bil-ħeffa u l-effiċjenza sorveljanza tas-suq u programmi ta' monitoraġġ tal-konformità għal Direttiva 2009/125/KE li tistabbilixxi qafas għall-rekwiżiti ta' ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija, Direttiva 2010/30/UE dwar l-indikazzjoni mit-tikkettar u l-informazzjoni tal-prodott standard tal-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti relatati mal-enerġija , u Regolament (KE) Nru 1222/2009 dwar it-tikkettar tat-tajers rigward l-effiċjenza tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita u timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi u jibda proċeduri ta' ksur jekk ikun meħtieġ;

10.  Jissuġġerixxi li, meta tifhem l-isfida u l-importanza tas-sorveljanza tas-suq, li hija kompetenza nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-koperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, partikularment bil-ħolqien ta' bażi tad-dejta tal-UE miftuħa bir-riżultati tal-eżami u bil-prodotti li ma jkunux konformi identifikati fl-Istati Membri u billi jittieħdu passi biex jiġi assigurat li prodott li ma jkunx konformi identifikat fi Stat Membru jkun imneħħi malajr mis-27 suq kollha;

11.  Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva riveduta dwar it-Tikkettar tal-Enerġija, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tevalwa, qabel l-iskadenza fl-2014 imsemmija fid-Direttiva, l-impatt tat-tqassim tat-tikketti tal-enerġija ġdida u tar-referenza mandatorja għall-iskema tat-tikketti tal-enerġija fir-reklami fuq l-imġiba tal-konsumaturi, u biex tieħu aktar miżuri jekk ikun hemm bżonn biex tiżdied l-effikaċja tagħhom;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuru li jżidu l-livell ta' kuxjenza u ta' għarfien dwar kwistjonijiet ta' effiċjenza tal-enerġija fost il-partijiet interessati rilevanti kollha u l-atturi professjonali kollha involuti f'kull stadju (valutazzjoni tar-rendiment tal-enerġija eżistenti, tfassil u implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ta' effiċjenza tal-enerġija, tħaddim u manutenzjoni effiċjenti fl-enerġija);

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu l–effikaċja tal-miżuri leġiżlattivi biex jiffrankaw l-enerġija u jżidu l-effiċjenza fl-enerġija;

14.  jikkunsidra li ftehimiet fuq perjodu ta' żmien twil mas-settur tal-industrija jassiguraw rata għolja ta' konformità mar-rekwiżiti tal-effiċjenza fl-enerġija u b'hekk ikunu kapaċi jirriżultaw f'titjib annwali ta' 2% fl-effiċjenza enerġetika;

L-infrastruttura tal-enerġija (il-produzzjoni u t-trażmissjoni)

15.  Iqis li hemm bżonn ta' enfasi aktar qawwija fuq l-innovazzjonijiet tas-sistemi, bħal netwerks intelliġenti (għall-elettriku kif ukoll għat-tisħin u t-tkessiħ), miters intelliġenti, netwerks tal-gass li jintegraw il-bijogass u ħażna ta' enerġija, li jistgħu jiffaċilitaw l-effiċjenza enerġetika permezz ta' tnaqqis tal-konġestjoni, anqas skonnettjar minn mal-grilja, integrazzjoni eħfef ta' teknoloġiji rinnovabbli, inkluż il-produzzjoni diċentralizzata, tnaqqis ta' rekwiżiti għall-ġenerazzjoni ta' riserva u kapaċitajiet għal ħażna akbar u aktar flessibbli; jitlob għall-iżgurar li jsir tqassim ġust ta' dawn il-kisbiet lill-klijenti finali;

16.  Jenfasizza li t-tisħin tad-distrett u netwerks tat-tkessiħ jikkontribwixxu għall-kisba ta' ekonomija effiċjenti fl-enerġija sal-2050 kif ukoll li strateġija espliċita u komprensiva għall-ġenerazzjoni tas-sħana u l-użu (sħana industrijali, tisħin domestiku, tkessiħ) hija meħtieġa (inkluż metodu ta' limiti ta' multi-fjuwils għat-tisħin tad-distrett u netwerks tat-tkessiħ) li tibni fuq sinerġiji bejn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq inkjesta dwar iż-żieda fl-effiċjenza tagħhom; jenfasizza li dawn in-netwerks iridu jkunu miftuħa għal kompetizzjoni; jinnota li titjib fl-effiċjenza enerġetika tad-djar se jwassal għal tnaqqis fid-domanda għat-tisħin li għandha tiġi inkluża meta ssir l-evalwazzjoni tal-kapaċità tat-tisħin distrettwali;

17.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-aspett tal-provvista tal-effiċjenza tal-enerġija; jindika li t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni, jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għat-telf tal-enerġija (partikolarment fil-generators u t-transformers, kif ukoll dawk li jirriżultaw minn reżistenzi għoljin b'mod eċċessiv waqt it-trasmissjoni) u li t-tqassir ta' ktajjen ta' konverżjoni li huma twal iż-żejjed għall-konverżjoni ta' tip ta' enerġija għal tip ieħor ta' elettriku jirrappreżenta sors ewlieni tal-iffrankar; jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom il-mikroġenerazzjoni u l-ġenerazzjoni diċentralizzata u diversifikata fil-garanzija tas-sigurtà tal-provvista u t-tnaqqis tat-telf; iqis li għandhom jinħolqu inċentivi li jimmiraw lejn titjib tal-infrastruttura u jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar l-użu ta' potenzjal ta' iffrankar li għadu ma bediex jintuża, inkluż billi jiġu introdotti rapporti ta' sostenibbiltà għall-impjanti tal-enerġija u tieħu l-miżuri biex tiffaċilita l-modifika u ll-modernizzazzjoni ta' dawn l-impjanti;

18.  Jenfasizza l-fatt li wara l-effiċjenza fl-enerġija fis-sors, (jiġifieri fil-produzzjoni tal-enerġija primarja), l-indirizzar tat-telf tal-enerġija (elettrika) waqt id-distribuzzjoni fin-netwerks, għandu jitqies bħala t-tieni prijorità. Il-mixja lejn sistema ta' produzzjoni aktar deċentralizzata tnaqqas id-distanzi tat-trasport kif ukoll it-telf ta' enerġija matul it-trasport;

19.  Iħeġġeġ lill-industriji (petro)kimiċi fl-UE jtejbu l-irkupru tal-enerġija matul il-flaring;

20.  Iqis li hija meħtieġa attenzjoni aktar qawwija biex tiżdied l-effiċjenza globali tas-sistema tal-enerġija, partikularment biex jitnaqqas it-telf tas-sħana; għalhekk jappella għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Koġenerazzjoni ta' Sħana u Elettriku (CHP) fi ħdan il-programm ta' ħidma tal-2011 biex jiġu promossi CHP b'effiċjenza għolja, Micro-CHP, użu ta' sħana skartat mill-industrija u tkessiħ distrettwali billi l-Istati Membri jitħeġġu jistabbilixxu qafas regolatorju stabbli u favorevoli billi jikkunsidraw li jagħtu aċċess prijoritarju għan-netwerk lis-CHP u billi jippromwovu l-użu minn CHP b'effiċjenza għolja, Micro-CHP u tat-tisħin distrettwali fil-bini u finanzjament sostenibbli għas-CHP, pereżempju, billi l-Istati Membri jitħeġġu biex jintroduċu inċentivi finanzjarji;

21.  Jenfasizza l-importanza ta' netwerk tas-sħana u l-enerġija kkombinati (CHP), jew netwerk għat-triġenerazzjoni, imqassam fuq għadd ta' impjanti żgħar, li jippermettu fil-prattika l-irduppjar tal-effiċjenza enerġetika globali; jirrimarka, barra minn hekk, li l-ħżin ta' enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ jista' jżid il-flessibbiltà tan-netwerk matul il-ħinijiet bl-ogħla domanda, u jippermetti l-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-ħażna tas-sħana meta l-ġenerazzjoni taqbeż il-bżonnijiet lokali;

22.  Jistieden lill-Istati Membri mhux biss biex ma jappoġġjawx il-ġenerazzjoni ta' CHP industrijali b'effiċjenza għolja iżda wkoll biex jippromwovu l-użu tas-CHP billi jappoġġjaw l-istabbiliment u t-tiġdid ta' sistemi ta' tisħin distrettwali, li jinkludi billi jaqilbu mill-fjuwil fossilu għal dak tal-bijomassa u biex jippromwovu użu dejjem akbar ta' enerġija skartata mill-industrija;

23.  Iqis li huwa neċessarju li, fil-proċessi tat-trattament tal-iskart, jiġi evitat li jkun hemm telf ta' bijogass u ta' sħana permezz tal-irkupru u l-ġenerazzjoni tal-fwar u/jew tal-elettriku. Hu tal-fehma li l-impjanti tat-trattament tal-iskart li ma jkollhom l-ebda forma ta' rkupru tas-sħana jew ġenerazzjoni ta' enerġija ma għandux jingħatalhom permess;

24.  Jilqa' l-ħidma li għaddejja tal-Kummissjoni dwar netwerks intelliġenti u miters intelliġenti; iqisha importanti li jiġi assigurat ambjent regolatorju armonizzat stabbli fit-tul għal netwerks intelliġenti u miters intelliġenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja u tinċentiva l-iżvilupp ta' netwerks intelliġenti u miters intelliġenti billi jiġu stabbiliti standards komuni, li jridu jinkludu rekwiżiti dwar il-privatezza, id-dejta u l-frekwenzi; jirrakkomanda li grupp ta' ħidma għan-Netwerks Intelliġenti fi ħdan il-Kummissjoni, jikkunsidra l-opinjonijiet ta' dawk kollha interessati; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'rapporti regolari tal-progress dwar ix-xogħol tagħha;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni “towards a single Energy network” u jistedinha, f'dan il-kuntest, biex tippreżenta proposti konkreti għas-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri ta' approvazzjoni ta' proġetti prijoritarji ta' infrastruttura;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-koperazzjoni bejn l-UE u l-operaturi tan-netwerks tal-enerġija (irwol imsaħħaħ tal-ENTSO), bil-għan li jissaħħu n-netwerks transkonfinali u sabiex tiżdied l-effiċjenza;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa u tippromwovi t-twaqqif u l-iżvilupp ta' Netwerk Ewropew ta' Kurrent Dirett ta' Vultaġġ Għoli (HVDC) kapaċi li jottimizza l-isfruttament ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, partikolarment l-enerġija mir-riħ u mill-ilma. Dan in-netwerk għandu jipprovdi trażmissjoni ta' enerġija fuq medda fit-tul b'telf żgħir ta' enerġija, filwaqt li bih jista' jkun hemm sinerġija fost is-sorsi kollha tal-enerġija rinnovabbli;

L-iżvilupp urban u l-binjiet

28.  Jappoġġa approċċ diċentralizzat fuq livelli differenti għall-politika dwar l-effiċjenza tal-enerġija; jisħaq dwar ir-rwol prinċipali li jista' jkollha l-effiċjenza enerġetika fl-iżvilupp ta' żoni urbani u rurali; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-appoġġ għall-inizjattivi li jiffukaw fuq il-livell lokali u reġjonali biex titjieb l-effiċjenza enerġetika u jitbaxxew l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, bħall-Patt tas-Sindki u l-inizjattiva “Bliet Intelliġenti” (Smart Cities); jenfasizza l-potenzjal għall-inkoraġġiment u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki rigward l-Effiċjenza Enerġetika fil-livell ta' muniċipju u aġenziji reġjonali; barra minn hekk, l-allinjament tal-politika ta' Koeżjoni mal-istrateġija tal-UE2020 jista' jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti u sostenibbli fl-Istati Membri u r-reġjuni;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-potenzjal tal-effiċjenza f'bini eżistenti billi tibda bil-bini tal-amministrazzjoni pubblika inklużi skejjel u jipproponi mira kost-effiċjenti għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija primarja tal-bini; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw programmi prattiċi biex jappoġġaw ir-rinnovazzjonijiet kumplessi li permezz tagħhom id-domanda għall-enerġija l-ewwel titnaqqas b'iktar minn 50% fuq ir-rendiment ta' qabel ir-rinnovazzjoni u fejn il-livell ta' appoġġ finanzjarju u/jew fiskali jew ta' tip ieħor ikun marbuta b'mod proporzjonali mal-livell ta' titjib; jitlob li l-Istati Membri għadhom ikunu meħtieġa li jinkludu sett annwali ta' miri ta' rinnovazzjoni fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi għażliet ta' politika dwar kif jinkiseb stokk ta' bini ta' kważi livell żero fil-kuntest tal-pjan direzzjonali tal-enerġija tal-2050;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni biex testendi għall-“eco-districts” il-qasam ta' applikazzjoni tal-politika dwar il-bini, bil-għan li jiġi żgurat li permezz tal-aħjar użu possibbli tar-riżorsi f'livell lokali jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija primarja fil-bini u l-ispejjeż għall-konsumatur;

31.  Jemmen li huwa essenzjali li d-djar ta' familji foqra fl-enerġija jiġu rranġati għall-ogħla standards possibbli ta' effiċjenza enerġetika u mingħajr ma jogħlew l-ispejjeż ta' kuljum għall-fqar fl-enerġija; Jenfasizza li dan ħafna drabi jeħtieġ investiment sostanzjali fid-djar iżda fl-istess ħin jiġġenera ħafna benefiċċji mhux marbuta mal-enerġija, pereżempju it-tnaqqis tal-mortalità, titjib fis-saħħa ġenerali, livelli baxxi ta' djun u tnaqqis ta' spejjeż għall-kura tas-saħħa billi jitnaqqsu t-tniġġis u l-istress termali fid-djar;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw verifiki bil-gradi għall-investimenti sabiex jevalwaw il-kwalità taċ-Ċertifikati tal-Prestazzjoni tal-Enerġija; abbażi ta' dawn l-evalwazzjonijiet, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi linjigwida għall-Istati Membri biex ikunu assigurati l-kwalità taċ-Ċertifikati tagħhom tal-Prestazzjoni tal-Enerġija u t-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-miżuri meħuda bħala riżultat tar-rakkomandazzjonijiet ta' dawn iċ-ċertifikati;

33.  Jinsab konvint li, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-iffrankar tal-enerġija, huwa essenzjali li l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jagħtu l-eżempju; jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu aktar mir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva tal-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini, partikularment billi ssir rinnovazzjoni tal-istokk kollu tagħhom li jeżisti kmieni kemm jista' jkun għal-livell komparabbli ta' standard tal-enerġija kważi żero, fejn teknikament u ekonomikament hu fattibbli; jirrikonoxxi, mill-banda l-oħra, li r-restrizzjonijiet baġitarji li jeżistu, l-aktar fuq livell reġjonali u lokali, spiss jillimitaw il-kapaċità tal-entitajiet pubbliċi li jinvestu għall-ġejjieni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw u jippromwovu l-emerġenza ta' soluzzjonijiet innovattivi biex jindirizzaw din il-problema inkluż l-Ikkuntrattar għall-Prestazzjoni tal-Enerġija jew strumenti bbażati fis-suq, kif ukoll jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi biex iqisu l-iffrankar fin-nefqa permezz ta' qafas ta' baġit multiannwali fejn dan għadu ma sarx;

34.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-Unjoni Ewropea bħala pijunier; jemmen li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE għandhom jagħtu eżempju, partikolarment f'dak il-bini li ġie identifikat għandu potenzjal ta' effiċjenza fl-enerġija, billi jiġi rinnovat il-bini b'mod kost-effiċjenti għal livell ta' kważi żero sal-2019 bħala parti minn verifika usa' tal-użu tal-enerġija mill-istituzzjonijiet;

35.  Jirrikonoxxi l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija fil-bini, kemm fl-ibliet kif uikoll fiz-zoni rurali; jinnota li diversi ostakli jeżistu għar-rinnovazzjoni tal-enerġija partikolarment fis-settur residenzjalim bħal spejjeż minn qabel, inċentivi maqsuma jew negozjati kumplessi f'bini b'iktar minn appartament wieħed; jitlob għal soluzzjonijiet innovattivi biex jitwarrbu dawn l-ostakli, bħal pjanijiet ta' rinnovazzjonijiet distrettwali, inċentivi finanzjarji u għajnuna teknika; jenfasizza li skemi tal-UE għandhom jipprovdu inċentivi għal bini ta' modifika biex imorru lil'hinn mir-rekwiżiti legali minimi u jindirizzaw biss bini b'potenzjali tal-effiċjenza fl-enerġija; jitlob biex jiġu promossi tekniki li huma iktar ekonomiċi filwaqt li jiżguraw livell għoli ta' ffrankar;

36.  Jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu l-prezzijiet għoljin tal-fjuwil lill-aktar familji fqar billi jgħinu fir-rinnovazzjonijiet mill-qiegħ sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-ispejjeż; jitlob lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE biex joqogħdu attenti b'mod partikolari għad-djar tal-gvern billi jiżguraw li l-ispejjeż addizzjonali tal-investimenti tal-iffrankar tal-enerġija ma jsirux piż ta' kerrejja vulnerabbl;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi ġodda b'appoġġ għat-tiġdid tal-binjiet fil-kuntest tal-istrateġija għall-innovazzjoni li ġejja, bħas-sħubija ta' innovazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bliet effiċjenti fl-enerġija/b'emissjonijiet żero;

38.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-bdil ta' ċerti binjiet ineffiċjenti bla valur ta' wirt, fejn ir-rinnovazzjoni ma tkunx sostenibbli jew effikaċi fl-ispejjeż;

39.  Jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-introduzzjoni taċ-Ċertifikati ta' Rendiment tal-Enerġija li jinħardu b'mod indipendenti minn esperti bi kwalifiki u/jew akkreditati, kif ukoll biex joħolqu one-stop shops li jipprovdu aċċess għall-parir tekniku u l-appoġġ kif ukoll inċentivi finanzjarji fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-użu usa' ta' verifiki tal-enerġija u proċessi strutturati għall-ġestjoni enerġetika f'kumpaniji u bini industrijali u jfasslu mekkaniżmi biex jgħinu lill-SMEs; b'hekk jiġi appoġġat it-tisħiħ jew l-istabbiliment ta' skemi nazzjonali jew ftehimiet volontarji;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor ir-riżorsi kollha neċessarji biex tikkonsulta b'mod wiesa“, sabiex tevita problemi ulterjuri mal-Istati Membri, qabel ma tippreżenta sat-30 ta' Ġunju 2011 il-qafas ta' metodoloġija komparattiva tagħha għall-ikkalkolar tal-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku skont id-Direttiva dwar ir-Rendiment Enerġetiku tal-Bini; jemmen li malli din tkun implimentata, il-metodoloġija komparattiva se timmotiva lill-parteċipanti fis-suq biex jinvestu f'soluzzjonijiet effiċjenti mil-lat ta' enerġija;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi limiti ta' enerġija jew rekwiżiti rigward l-istallazzjoni ta' dwal fit-toroq mill-awtoritajiet pubbliċi inkluż l-użu ta' kontrolli iktar intelliġenti u mudelli ta' ffrankar ta' enerġija sal-2012; iħeġġeġ li dawn il-miżuri jinkludu speċifikazzjoni tal-ispejjeż totali tul il-ħajja kollha għall-akkwist pubbliku tal-istallazzjonijiet tad-dawl;

43.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw sistematikament il-prattiki ta' akkwist pubbliku għall-effiċjenza enerġetika; hu tal-fehma li d-definizzjoni b'mod sistematiku tal-effiċjenza enerġetika bħala kriterju fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku u bħala kundizzjoni għall-proġetti ffinanzjati pubblikament, tagħti spinta kbira lil din il-politika;

l-ICT u l-prodotti

44.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa Politika tal-Prodott li tiżgura konsistenza akbar bejn il-politiki tal-prodott ambjentali billi tikkoordina aħjar l-artikulazzjoni, ir-reviżjoni u l-implimentazzjoni tal-istrumenti politiki differenti, biex jitħeġġeġ dinamiżmu akbar fit-trasformazzjoni tas-suq u informazzjoni għall-konsumatur li tagħmel iktar sens dwar l-iffrankar enerġetiku; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttivi dwar l-Eko-Disinn u t-Tikkettar Enerġetiku flimkien (i.e. billi tmexxi d-data ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar Enerġetiku “l quddiem); idealment ir-regoli dwar l-ekotikkettar u l-akkwist pubbliku ekoloġiku għandhom jiġu reveduti wkoll fl-istess żmien u implimentati b'koordinazzjoni mal-miżuri dwar l-Eko-Disinn u t-Tikkettar Enerġetiku;

45.  Jitlob għall-implimentazzjoni mħeffa u xierqa tad-Direttivi dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija u jiddispjaċih id-dewmien twil li għaddej bħalissa; jissuġġerixxi skadenzi iktar ċari u stretti għall-adozzjoni, permezz ta' proposta ta' atti ta' implimentazzjoni jew rispettivament atti delegati li jkopru prodotti ġodda marbuta mal-enerġija; jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma sfruttatx il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva tal-Ekodisinn u jemmen bil-qawwa li għandha tkopri iktar prodotti inkluż, jekk ikun xieraq, tagħmir ġdid tad-dar, ICT, prodotti relatati mal-enerġija għall-użu f'bini (bħal muturi elettriċi industrijali, makkinarju, tgaħmir għall-arja kkondizjonata, skambjaturi tas-sħana, tagħmir ta' tisħin u dawl u pompi), tagħmir industrijali u agrikolul, materjali tal-bini, u prodotti għall-użu effiċjenti tal-ilma; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis id-differenzi bejn l-oġġetti għall-konsumatur u l-oġġetti ta' investiment meta jiġu adottati atti ta' implimentazzjoni, u biex turi l-potenzjal u l-prattiċità tal-iffrankfar tal-enerġija qabel ma jitressqu atti ta' implimentazzjoni; iħeġġeġ li rekwiżiti minimi ta' effiċjenza tal-enerġija fi ħdan id-direttiva tal-ekodisinn inkluż l-ispeċifikazzjoni ta' spejjeż total tul il-ħajja kollha u emissjonijiet għall-prodotti inkluż il-proċess ta' reċiklaġġ;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tgħaqqad il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti bħad-Direttiva dwar l-Eko-disinn u d-Direttiva dwar it-Tikketti tal-Enerġija, sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE bl-iktar mod effiċjenti u biex isir użu tas-sinerġiji, partikolarment għall-konsumatur;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi konkreti biex ittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi ta' prodotti bħal permezz ta' miżuri leġiżlattivi; jinnota li t-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi jwassal ukoll għal vantaġġi sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika;

48.  Jinsisti li għandha ssir enfasi akbar fuq l-analiżi tal-konsegwenzi ta' standards fl-effiċjenza enerġetika, inklużi r-rabta bejn il-prezz u l-kwalità tal-prodotti finali, l-effetti tal-effiċjenza enerġetika u l-benefiċċji għall-konsumaturi; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tanalizza dawn l-effetti kollha, iżda jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz akbar fuq il-komunikazzjoni u l-kontroll tal-prodotti kollha, fosthom l-importazzjonijiet, bħal pereżempju bozoz tad-dawl effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

49.  Jinnota, f'dan il-kuntest, li standards tekniċi uniformi huma l-mezzi xierqa biex tinkiseb penetrazzjoni ogħla fis-suq għall-prodotti, pompi u magni eċċ. b'effiċjenza enerġetika;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa leġiżlazzjoni li tindirizza l-prodotti, is-sistemi u l-konsum tagħhom tal-enerġija, u jqis li jeħtieġ li tiżdied il-kuxjenza taċ-ċittadini tal-UE inklużi ħaddiema professjonali tal-bejgħ rilevanti dwar l-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi ta' prodotti għall-konsumatur u prodotti relatati mal-enerġija; iqis li meta tkun qed tevalwa l-konsum tal-enerġija, prodotti u komponenti uniċi għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda, minflok bħala prodotti individwali;

51.  Jenfasizza li l-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta' teknoloġiji bl-Internet u marbuta mal-enerġija u applikazzjonijiet tal-ICT b'livell ta' karbonju baxx; jenfasizza li l-ICT jista' u għandu jkolllha rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' konsum ta' enerġija responsabbli fid-djar, it-trasport, il-ġenerazzjoni tal-elettriku u d-distribuzzjoni kif ukoll fis-settur tal-ICT innifsu (li jirrappreżenta madwar 8% tal-konsum tal-elettriku); jitlob għalhekk li jiġi evalwat b'mod partikolari l-potenzjal tal-effiċjenza fl-enerġija ta' ċentri tad-data; iqis li l-appoġġ imsaħħaħ għall-innovazzjoni għandu jkun akkumpanjat dejjem minn tnaqqis fil-burokrazija li jiffaċċjaw l-applikanti; jirrikonoxxi l-bżonn li jiġu appoġġati s-sħubiji bejn is-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u setturi emittenti maġġuri sabiex jitjiebu l-effiċjenza enerġetika u l-emissjonijiet ta' dawn is-setturi;

52.  Jisħaq li sabiex l-arloġġi tad-dawl intelliġenti jkunu suċċess huwa kruċjali li s-soċjetà tkun mgħarrfa dwar il-benefiċċji tagħhom; ifakkar li r-rapport ta' inizjattiva proprja “dwar id-definizzjoni ta' Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu” stabbilixxa bħala għan tal-politika li 50% tad-djar fl-Ewropa jkunu mgħammra b'arloġġi tad-dawl intelliġenti sal-2015; Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tat-taskforce dwar il-miters intelliġenti u jitlob lill-Kummissjoni tressaq għadd ta' rakkomandazzjonijiet qabel tmiem l-2011 biex tiżgura li:

   il-miters intelliġenti jiġu implimentati skont l-iskeda tat-3 Pakkett tas-Suq tal-Enerġija sabiex jintlaħaq l-objettiv, mit-tielet Pakkett tal-Enerġija, li 80% tal-binjiet ikunu mgħammra b'miters intelliġenti sal-2020,
   l-Istati Membri jaqblu, sal-aħħar tal-2011 dwar funzjonalitajiet komuni minimi għall-miters intelliġenti,
   għandu jkun hemm benefiċċji ta' miters intelliġenti għall-konsumaturi bħal tnaqqis tal-enerġija, għajnuna għal konsumaturi bi dħul baxx jew dawk vulnerabbli u li aggregazzjoni, li fiha jinġabru bosta klijenti finali multipli sabiex jinkisbu rati iktar baxxi minn dawk li kieku l-utenti kienu jkunu kapaċi jiksbu individwalment, titħalla u tiġi promossa fis-swieq nazzjonali,
   l-Istati Membri jiżviluppaw u jippubblikaw strateġija biex jagħtu l-benefiċċju potenzjali tal-miters intelliġenti lill-konsumaturi kollha, inklużi l-persuni vulnerabbli u bi dħul baxx,
   jkun hemm obbligu għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u r-regolaturi biex jinstallaw tariffi tan-netwerk għall-ħin tal-użu sabiex jinħoloq inċentiv finanzjarju għat-tqassim tal-piżijiet u l-ġestjoni min-naħa tad-domanda,
   titħejja miżura implimentattiva tal-Eko-Disinn għall-miters intelliġenti sabiex ikun żgurat li dawn il-prodotti jkunu effiċenti mil-lat tal-enerġija u ma jżidux konsum enerġetiku mhux neċessarji għall-unitajiet domestiċi,
   l-istudju preparatorju li qed isir bħalissa dwar l-istati standby innetwerkjati (li qed jitwettaq skont id-Direttiva dwar l-Eko-Disinn) jindirizza l-miters intelliġenti, fid-dawl ta' regolamentazzjoni futura possibbli;

53.  Jinnota li l-avvanzi teknoloġiċi jistgħu jiftħu opportunitajiet għal bidliet gradwali fl-effiċjenza enerġetika; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-Pjan SET tinkludi parti għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' teknoloġija, materjali għal pereżempju l-kostruzzjoni jew il-produzzjoni tal-makkinarju u prodotti bħal dwal b'użu ta' enerġija baxx ħafna jew apparat elettroniku ta' stampar li jkattru l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu inċentivi u programmi għal teknoloġiji partikolarment innovattivi inkluż ir-Riċerka u l-Iżvilupp immiriat, produzzjoni b'volumi żgħar eċċ;

54.  Sabiex tiġi promossa l-effiċjenza tal-enerġija, jistieden lill-Kummissjoni fi sħubija mal-awtoritajiet ta' regolazzjoni dwar l-enerġija nazzjonali biex tiġbor ix-xogħol dwar in-netwerks intelliġenti u l-miters intelliġenti mal-inċentivi tal-prezz (prezzijiet differenti) u żieda fil-flessibbiltà tal-prezzijiet, bħal skont is-sigħat, f'tariffi nazzjonali għall-inċentivazzjoni ta' tnaqqis fl-użu tal-elettriku, u jfakkar id-dispożizzjonijiet li għandhom l-Istati Membri skont it-tielet pakkett dwar l-enerġija biex jiżviluppaw sistemi innovattivi ta' deċiżjoni dwar il-prezz;

55.  Jitlob miżuri biex jindirizzaw l-effetti “rebound” biex jiżguraw li l-impatt tat-titjib tekniku ma jixxejjinx bil-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-enerġija u biż-żieda fil-konsum;

Trasport

56.  Jitlob lill-Kummissjoni tippubblika White Paper ambizzjuża dwar it-trasport bil-għan li tiżviluppa politika Ewropea tat-trasport li tkun sostenibbli li tippromwovi l-introduzzjoni ta' teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija ġodda u tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, speċjalment iż-żejt, possibbilment permezz tal-elettrifikazzjoni u mezzi oħra; u f'dan ir-rigward jippromwovi kuxjenza ogħla dwar l-enerġija fl-infrastruttura u l-ippjanar spazjali;

57.  Iqis li l-istrumenti kollha, inklużi t-tassazzjoni tal-vetturi u tal-fjuwil, it-tikkettar, l-istandards minimi ta' effiċjenza u miżuri li jtejbu u jiffavorixxu t-trasport pubbliku, huma meħtieġa b'urġenza biex jindirizzaw l-emissjonijiet mit-trasport;

58.  Jissottolinja li l-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għas-settur tat-trasport tat-toroq u l-konnessjoni tiegħu ma' modi oħra ta' trasport se tagħmel kontribut sinifikanti biex jittejbu l-effiċjenza enerġetika, is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport tat-toroq u iktar jekk ikun f'kombinazzjoni mat-titjib loġistiku u razzjonalizzazzjoni oħra ta' trasport, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw tnedija koordinata u effettiva tat-Trasport Elettroniku tal-Merkanzija u s-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (ITS) fl-Unjoni b'mod ġenerali;

59.  Jenfasizza li biex jintlaħqu l-objettivi tal-effiċjenza enerġetika msemmija hawn fuq, huwa kruċjali li jsir investiment fis-settur tat-trasport, speċjalment fis-sistemi ferrovjarji u tat-trasport urban, biex jitnaqqas l-użu tal-mezzi li jeħtieġu aktar enerġija;

60.  Jenfasizza l-bżonn li tiżdied l-effiċjenza enerġetika tas-sistema globali ta' trasport permezz ta' bidla modali minn modi ta' trasport intensivi li jużaw ħafna enerġija, bħat-trakkijiet u l-karozzzi, għal modi intensivi li jużaw ftit enerġija, bħall-ferroviji, ir-roti u l-mixi għall-passiġġieri jew trasport ferrovjarju u bil-bastimenti ambjentalment nadif tal-merkanzija;

61.  Jagħraf li effiċjenza ikbar tal-fjuwil fil-vetturi jistgħu jbaxxu l-konsum tal-fjuwil b'mod konsiderevoli, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa l-progress li qed isir biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet għal mezzi ta' trasport differenti u biex tiżgura kalendarju ta' ppjanar fit-tul, partikolarment fis-settur tal-vetturi u t-trasport fit-toroq billi jiġu stabbiliti iktar miri, jekk ikun xieraq, u tippromwovi iktar standards effiċjenti fl-enerġija, bħal apparat tal-arja kkondizzjonata mobbli u huwa tal-opinjoni li l-UE għandha timmira lejn ir-realizzazzjoni tal-kisbiet ta' effiċjenza li qed imexxu fid-dinja; jinnota li l-informazzjoni tal-konsumatur u r-reklamar jista' jkollhom parti importanti x'jilagħbu biex jiddirezzjonaw lill-konsumaturi lejn għażliet tax-xiri u drawwiet tas-sewqan aktar effiċjenti;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-iżvilupp u l-użu ta' apparat innovattiv biex tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija (eż spojlers għat-trakkijiet u forom oħra ta' titjib ajrudinamiku jew tat-tħaddim) għall-mezzi kollha ta' trasport b'mod effiċjenti mil-lat ta' nefqa;

63.  Jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, il-promozzjoni tal-użu ta' tajers effiċjenti fl-enerġija mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà u jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta' effiċjenza tal-enerġija għall-vetturi mixtrija minn awtoritajiet pubbliċi u għat-tajers imwaħħla fuq dawk il-vetturi; jitlob lill-Kummissjoni biex sal-aħħar tal-2011 tippreżenta strateġija għat-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tas-CO2 ta' vetturi tqal, li bħallis bilkemm huma indirizzati;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tadotta sistema ta' tikkettar pan-Ewropea unika obbligatora għall-vetturi tal-passiġġieri li jkollha effett pożittiv fuq it-tnaqqis tad-distorzjonijiet fis-suq, filwaqt li żżid il-kuxjenza pubblika fl-Ewropa u tassisti l-innovazzjoni teknoloġika fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet li jniġġsu mill-vetturi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità li testendi s-sistema ta' tikkettar unika proposta biex tinkludi vetturi elettriċi u ibridi;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard minn nofs l-2011, tiżgura li jkun hemm kundizzjonijiet qafas għall-iżvilupp ta' vetturi elettriċi, l-aktar f'dak li jikkonċerna l-istandardizzazzjoni ta' insfrastrutturi u teknoloġiji ta' ċċarġjar li se tiggarantixxi l-interoperabilità u s-sikurezza tal-insfrastrutturi u tippromwovi l-istabbiliment ta' infrastruttura ta' ħlas fl-Istati Membri; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati għall-approvazzjoni ta' vetturi elettriċi, f'kunsiderazzjoni speċifika għas-saħħa u s-sikurezza kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-utenti finali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura kundizzjonijiet ta' qafas komparabbli għall-iżvilupp ta' vetturi li jużaw ċelluli tal-fjuwil jew sorsi oħra ta' enerġija iktar sostenibbli;

66.  Itenni l-ħtieġa li jiġu promossi soluzzjonijiet intermodali tat-trasport kif ukoll l-iżvilupp ta' sistemi intelliġenti tat-trasport sabiex jinkiseb iffrankar fl-enerġija fis-settur tat-trasport (inkluż ħlasijiet għall-konġestjoni, teknoloġiji għall-immaniġġjar ta' informazzjoni dwar it-traffiku, infrastruttura tal-ferroviji, eċċ);

67.  Jitlob lill-Istati Membri jneħħu r-reġimi fiskali li jinċentivizzaw ix-xiri ta' karozzi b'konsum ineffiċjenti tal-fjuwil u jbiddluhom b'reġimi fiskali tat-taxxa li jinċentivizzaw ix-xiri ta' karozzi b'konsum effiċjenti tal-fjuwil;

68.  Jirrikonoxxi li l-introduzzjoni ta' ferroviji tat-toroq modulari hija soluzzjoni sostenibbli li tikkontribwixxi għal livell tal-effiċjenza tal-enerġija ogħla fis-settur tat-trasport tat-toroq; jirrikonoxxi b'mod ulterjuri li s-sett ta' regoli diverġenti li jaffaċċjaw il-ferroviji tat-toroq modulari meta jaqsmu l-fruntieri tal-pajjiżi huwa detrimentali għall-użu miżjud ta' dan il-metodu ta' transport tat-toroq; Jitlob lill-Kummissjoni biex tfittex liema differenzi fir-regoli jistgħu faċilment jingħelbu u kif livell miżjud ta' transport transkonfinali bil-ferroviji tat-toroq modulari jista' jiġi żgurat;

69.  Jemmen li s-sinjali tal-prezzijiet huma kruċjali biex tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija u li tassazzjoni tal-Enerġija riveduta għandha tkun parti minn Pjan ta' Azzjoni tal-Effiċjenza tal-Enerġija rivedut, peress li l-użu tal-istrumenti ekonomiċi huwa l-metodu l-iktar kost-effiċjenti għall-promozzjoni tal-iffrankfar tal-enerġija;

Inċentivi u finanzjament

70.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar it-trias energetica, skont liema d-domanda tal-enerġija għandha titnaqqas qabel ma jkun hemm qbil ma' kwalunkwe investiment fil-provvista tal-enerġija addizzjonali;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq rapport dwar il-bżonn ta' aktar għajnuna finanzjarja sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija fl-istokk tal-bini eżistenti u jiġu evalwati l-istrumenti finanzjarji attwali; il-Kummissjoni għandha tressaq proposti dwar kif jiġi stabbilit qafas tal-UE ta' strumenti finanzjarji rotattivi biex ikunu ta' appoġġ jew garanzija għall-miżuri komplimentari ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija, skemi nazzjonali eżistenti u kanali ta' distribuzzjoni (eż. permezz tal-qsim tar-riskju) u li jħeġġu t-twaqqif u t-titjib ta' skemi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi għażliet ta' politika dwar l-EEAP dwar kif jiġi żgurat li l-fondi tal-effiċjenza tal-enerġija jkunu stabbiliti fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali; iqis li dawn il-fondi jista“, jiġifieri permezz ta' intermedjarji finanzjarji, ikollhom rwol importanti fl-iżvilupp ta' instrumenti bħal dawn, li jistgħu jipprovdu possibbiltajiet ta' finanzjament għas-sidien ta' proprjetà privata , SMEs u ESCOs; jappoġġa l-idea li strumenti bħal dawn jippromwovu iktar appoġġ għal miżuri ta' ffrankar tal-enerġija iżjed impenjattivi;

72.  Jemmen li, filwaqt li jiġi żviluppat dan il-qafas, għandha tingħata attenzioni għar-riżorsi finanzjarji kollha disponibbli fl-Istati Membri sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġi evitat irduppjar ma' strumenti finanzjarji oħrajn;

73.  Jilqa' l-appoġġ li ngħata fl-Istrateġija Europe 2020 biex il-piż tat-taxxi jintefa' fuq taxxi tal-enerġija u ambjentali li jistgħu joħolqu inċentivi għall-konsumaturi u l-industrija għall-effiċjenza tal-enerġija u l-ħolqien ta' impjiegi; jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-possibilità li jitnaqqsu r-rati tal-VAT għax-xogħlijiet tat-tiġdid tal-effiċjenza tal-enerġija;

74.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq rapport annwali dwar jekk u kif ġew maħluqa inċentivi xierqa (fiskali u marbuta mas-sussidji) fil-livell nazzjonali, bħal per eżempju fl-isfera privata u fl-SMEs, id-deprezzament ta' tagħmir industrijali fuq skala żgħira sa EUR 10 000 jew, fl-isfera industrijali, deprezzament ta' 50% fl-ewwel sena jew il-ħolqien ta' inċentivi tal-investiment xieraq u tas-sussidji tar-riċerka sabiex jitressqu l-miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija;

75.  Jenfasizza fuq l-UE ETS bħala potenzjal enormi ta' riżors għall-investimenti tal-effiċjenza tal-enerġija; jagħraf li biljuni ta' Ewro ser jinġabru ml-irkant ta' konċessjonijiet ta' emissjonijiet tal-UE; ifakkar li skont id-direttiva ETS tal-inqas 50% ta' dan id-dħul għandu jmura għal miżuri ta' adattament u mitigazzjoni inkluża l-effiċjenza fl-enerġija; jisħaq fuq il-fatt li dan id-dħul mit-tassazzjoni fuq il-karbonju għandu jiġi pprijoritizzat għall-iffinanzjar u d-diffużjoni tat-teknoloġija tal-effiċjenza tal-enerġija li huma kost effettivi; barra minn hekk jinnota li l-kumpaniji tal-UE qed jixtru miljuni ta' krediti tas-CDM, l-aktar fiċ-Ċina u l-Indja, meta jistgħu jinvestu fid-CDM fil-Pajjiżi l-Inqas Żviluupati jew fl-effiċjenza tal-enerġija fl-Ewropa;

76.  Iqis li dan il-qafas għandu jagħti kas tal-esperjenzi marbuta mal-istrumenti rotattivi eżistenti mogħtija minn intermedjarji finanzjarji pubbliċi, jinvolvi fondi eżistenti tal-UE u jkun maħsub biex jattira fondi pubbliċi jew privati oħra biex jinkiseb l-akbar effett ta' lieva possibbli; iqis li l-Kummissjoni Ewropea ma tistax dejjem tkun l-uniku sors tar-riżorsi finanzjarji kollha; jitlob lill-Kummissjoni biex tissodisfa rwol ewlieni fl-iżblukkar u l-lieva ta' fondi li jkunu disponibbli kemm fl-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati; iqis li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ l-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll il-programmi tal-iffinanzjar bħal ma huma l-Bank Ewropew tal-Investiment biex tingħata prijorità kbira lil inizjattivi tal-effiċjenza tal-enerġija innovattivi, speċjalment meta dawn jikkontribwixxu għal għanijiet oħrajn tal-UE bħall-iżvilupp tal-impjieg;

77.  Jirrikonoxxi n-nuqqas ta' finanzi bil-quddiem bħala ostaklu ewlieni għat-tiġdid tal-bini fis-setturi residenzjali u tal-SMEs u jitlob lill-Kummissjoni biex telenka soluzzjonijiet innovattivi u l-aħjar prattika biex tingħeleb din il-problema bħal ma huma l-mekkaniżmi “ħallas hekk kif iġġemma'”, il-fondi rotattivi u banek tal-investiment ħodor (fuq il-mudell ta' KfW fil-Ġermanja jew il-Caisse Depots fi Franza);

78.  Jirrikonoxxi li wieħed mill-akbar ostakli biex tinkiseb effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livell lokali u reġjonali huwa l-ħtieġa ta' investimenti bil-quddiem; jinsab konvint li kull miżura meħuda fil-livell tal-UE għandha tqis l-implikazzjonijiet għall-muniċipalitajiet u r-reġjuni, kif ukoll ir-restrizzjonijiet baġitarji tagħhom; jirrakkomanda, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tikkonsulta mar-rappreżentanti lokali u reġjonali biex jiġu stabbiliti linji gwida ta' żvilupp fil-qasam tal-enerġija u biex jingħata appoġġ finanzjarju lill-proġetti lokali u reġjonali permezz ta' programmi innovattivi, bl-użu tar-riżorsi tal-enerġija u tal-fondi strutturali eżistenti;

79.  Jilqa' l-qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jintużaw il-fondi mhux impenjati taħt ir-Regolament EEPR għall-ħolqien ta' strument finanzjarju ddedikat biex jappoġġja inizjattivi ta' effiċjenza tal-enerġija u ta' sorsi li jiġġeddu fil-livell lokali u reġjonali; jinnota fl-istess ħin li, minkejja l-potenzjal sinifikanti tiegħu tal-ħolqien tal-impjieg, l-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija qed jirċievi mingħajr ma ħaqqu vera ftit appoġġ fil-Programm Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku;

80.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb l-użu tal-fondi eżistenti tal-UE, bħall-ERDF u l-EAFRD, għal miżuri ta' effiċjenza tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-effiċjenza tal-enerġija prijorità fil-programmi operattivi tagħhom u jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiżviluppaw modi biex jiffaċilitaw l-użu ta' fondi strutturali għal miżuri ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fost l-oħrajn billi jiżguraw li jkun hemm titjib fil-fluss ta' informazzjoni għal-livell lokali jew bil-ħolqien ta' one-stop shops, u fl-aħħar ifakkar li dawk il-miżuri għandhom jiġu evalwati u li l-kisbiet fl-effiċjenza tal-enerġija għandhom ikunu parametru importanti f'din l-evalwazzjoni;

81.  Fid-dawl tar-reviżjoni mistennija tal-Politika ta' Koeżjoni u Reġjonali u tal-Perspettiva Finanzjarja tal-UE, jitlob li l-iffrankar tal-enerġija jkun integrat fil-kundizzjonalità għall-għoti ta' għajnuna tal-UE u li titqies il-possibbiltà li proporzjon ogħla tal-allokazzjonijiet nazzjonali jiġu indirizzati lejn miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli;

82.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tuża r-reviżjoni ta' nofs it-terminu sabiex talloka aktar fondi għall-programmi tal-effiċjenza tal-enerġija u tħeġġeġ il-possibilità li jintużaw sa 15% tal-ERDF għall-effiċjenza tal-enerġija;

83.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata għajnuna teknika u inġinerija finanzjarja fil-livell tal-awtorità lokali u reġjonali sabiex jiġu appoġġati l-personaġġi lokali fit-twaqqif ta' proġetti – eż. billi jiġu sfruttati l-faċilità ta' għajnuna teknika ELENA tal-BEI u l-esperjenza tal-ESCOS;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-faċilitajiet ta' finanzjament (eż. ELENA) u tikkunsidra li twaqqaf faċilitajiet komplimentari ffinanzjati taħt il-Programm “Enerġija Intelliġenti – Ewropa”;

85.  Jinnota li politiki għall-effiċjenza tal-enerġija għandhom ifittxu li jinvolvu kemm jista' jkun partijiet, pubbliċi kif ukoll privati, biex jiġi akkwistat l-akbar effett ta' lieva possibbli, jinħolqu l-impjiegi, ikun hemm kontribut għal żvilupp aktar aħdar u jitħeġġeġ il-ħolqien ta' suq Ewropew kompetittiv, konness u sostenibbli għall-effiċjenza tal-enerġija;

86.  Jinnota li l-kumpaniji tal-enerġija li jingħataw il-mandat biex jissodisfaw l-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija jistgħu jipprovdu sorsi addizzjonali ta' ffinanzjar għal miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija bħal ma huma imposti fuq trasferimenti bankarji applikati lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u distribuzzjoni, fondi provduti mill-fornituri bħala mezz li bih jiġu sodisfati l-obbligi tagħhom, jew multi mħallsa minħabba rekwiżiti li ma jkunux ġew issodisfati;

87.  Jinnota li filwaqt li ħafna mill-kapital bil-quddiem meħtieġ biex isiru l-investimenti tal-iffrankar tal-enerġija se jkollu jiġi mis-settur privat, l-intervent pubbliku huwa bżonnjuż biex jingħelbu l-fallimenti tas-suq u jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tal-karbonju baxx isir fil-ħin biex ikun hemm konformità mal-miri tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri tal-UE maħsuba biex jappoġġjaw l-assistenza teknika mogħtija minn intermedjarji finanzjarji tal-esperjenza (nazzjonali u internazzjonali) biex:

   titqajjem kuxjenza u jissaħħaħ l-għarfien – fost l-awtoritajiet ta' ġestjoni kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati – dwar strateġiji ta' finanzjament u rekwiżiti istituzzjonali bil-għan li jiġu sostnuti l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija,
   ikunu appoġġjati l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati fl-implimentazzjoni ta' miżuri korrispondenti u strumenti finanzjarji,
   l-istrumenti finanzjarji sostenibbli u effiċjenti jkunu strutturati biex jutilizzaw aħjar il-fondi disponibbli għall-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija,
   jitħeġġeġ it-trasferiment tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u l-intermedjarji finanzjarji tagħhom;
   biex tinħoloq għodda effettiva ta' komunikazzjoni u biex jinbeda djalogu mmirat għaċ-ċittadini sabiex tinxtered l-informazzjoni dwar l-effiċjenza tal-enerġija ma' kategoriji ta' nies fil-mira u biex l-imġiba tagħhom rigward il-konsum tal-enerġija tkun iggwidata;

89.  Jagħraf li suq tal-enerġija li jaħdem sew jagħti inċentiv għall-iffrankar tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tirrapporta dwar ir-rwol tal-kumpaniji tal-enerġija, inklużi l-Kumpaniji tas-Servizzi tal-Enerġija (ESCOs) fit-tħeġġiġ tal-effiċjenza tal-enerġija u tistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi biex jinċentivaw lill-kumpaniji tal-enerġija biex jinvestu fl-effiċjenza tal-enerġija u tiffaċilita t-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija tal-utenti finali; jistieden lill-Kusmmissjoni biex tressaq rakkomandazzjonijiet abbażi tal-aqwa prattiki li minnhom l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-iktar mudell xieraq għas-sitwazzjoni domestika tagħhom, bħal skema ta' ċertifikati bojod, eżenzjonijiet mit-taxxi, inċentivi diretti, eċċ;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri kif ukoll il-livelli lokali u reġjonali tal-gvern biex iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-esperti tal-effiċjenza fl-enerġija ta' kull tip, iżda partikolarment tal-esperti tat-teknika intermedjarji, u fis-setturi kollha, iżda speċjalment fil-katina sħiħa tal-valur tal-bini u fl-SMEs biex jiġu aġġornati l-kompetenzi tas-sengħat tal-bini; b'hekk jinħolqu impjiegi lokali ekoloġiċi filwaqt li tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambizzjuża tal-effiċjenza fl-enerġija; jitlob f'dan il-kuntest għal użu sħiħ u żieda tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni għal raġunijiet ta' taħriġ;

91.  Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-applikabilità ta' forom innovattivi tar-regolament li jista' effettivament jgħaqqad il-potenzjal sostanzjali għall-iffrankar tal-enerġija fl-Istati Membri l-ġodda mal-kapital u l-potenzjal teknoloġiku tal-Istati Membri aktar żviluppati;

92.  Jisħaq fuq il-bżonn li jittejjeb l-iżvilupp tas-swieq għas-servizzi tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis, meta tirrevedi d-Direttiva tas-Servizzi tal-Enerġija, miżuri għall-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija fis-settur pubbliku u privat; Iqis li l-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija huma, f'diversi aspetti, fl-aqwa pożizzjoni biex jgħinu lid-djar, l-SMEs u s-settur pubbliku biex jaqbżu l-ostaklu ta' spejjeż ta' investiment għoljin mill-bidu meta jirrinovaw bini eżistenti għal raġunijiet ta' effiċjenza fl-enerġija; jipproponi lill-Kummissjoni tagħmel studju biex tevalwa l-aħjar prattiċi fl-Istati Membri kif ukoll tidentifika l-ostakli u x-xkilijiet biex tisfrutta kompletament il-potenzjal tal-mekkaniżmu finanzjarju;

93.  Jinnota li l-intrapriżi, permezz tal-isforzi ta' innovazzjoni tagħhom, għandhom rwol kruċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri tal-iffrankar tal-enerġija; jittama li l-fondi strutturali ser iħeġġu lill-intrapriżi b'mod attiv biex jipparteċipaw fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

94.  Itenni t-talba tiegħu li kapitolu dwar l-effiċjenza tal-enerġija fi ħdan il-politika tal-viċinat Ewropew għandu jissaħħaħ u jiġi inkluż b'mod sistematiku fid-djalogi tal-UE ma' pajjiżi terzi;

95.  Jirrikonoxxi ċ-ċansijiet u l-opportunitajiet potenzjali li jirriżultaw għall-impriżi Ewropew mill-iżvilupp, il-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta' teknoloġiji tal-enerġija effiċjenti (eż. għal applikazzjonijiet fil-qasam tal-magni, drives, dwal, tagħmir elettriku eċċ.);

96.  Iqis, f'dan il-kuntest, l-iżvilupp u t-tqegħid fis-suq ta' teknoloġiji innovattivi bħala l-bażi għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija fl-oqsma kollha tal-applikazzjoni, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra u għaż-żieda fis-sehem tal-enerġiji rinnovabbli;

97.  Jinsisti li l-effiċjenza enerġetika għandha tkun prijorità fil-Programm Qafas tar-Riċerka li jmiss (FP 8);

98.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-effiċjenza tal-enerġija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tat-Tmien Programm ta' Qafas ta' Riċerka u talloka parti sinifikanti lis-subprogrammi dwar l-effiċjenza tal-enerġija li tkun simili għall-Programm attwali “Enerġija Intelliġenti”; jenfasizza l-ħtieġa għal żieda fil-fondi għar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija, inkluża żieda sinifikanti fil-baġit futur tal-UE, partikolarment għall-enerġija li tiġġedded, netwerks intelliġenti u effiċjenza fl-enerġija, sal-2020, meta mqabbla mal-livelli attwali;

99.  Huwa tal-opinjoni li għandha tingħata aktar importanza lis-sinifikat tal-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija fil-kuntest ta' taħditiet internazzjonali dwar il-klima; jemmen li jekk il-politiki tal-effiċjenza tal-enerġija ambizzjużi jkunu armonizzati b'mod internazzjonali, ikunu jistgħu jiġu infurzati aħjar u jkollhom impatt inqas fuq il-kompetittività; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkonvinċu l-imsieħba internazzonjali tal-UE fit-taħditiet li ġejjin f'Kankun dwar il-bżonn għal miżuri kkoordinati tal-effiċjenza tal-enerġija;

100.  Jilqa' s-sejħa mill-grupp ta' pajjiżi G20 fid-Dikjarazzjoni tiegħu tas-Samit ta' Toronto tas-27 ta' Ġunju 2010 għal sussidji tal-fjuwils fossili li jridu jitneħħew b'mod gradwali fuq terminu ta' żmien medju, u jinnota li hekk kif dan iseħħ jinħelsu biljuni ta' euro li jkunu jistgħu jiġi direzzjonati mill-ġdid biex jappoġġjaw miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija, b'hekk jikkontribwixxu ħafna aħjar għall-objettivi tal-enerġija strateġika tal-UE tas-sostenibilità, tal-kompetittività u tas-sigurtà tal-provvista;

101.  Iqis li d-dimensjoni soċjali għad-djalogu tal-enerġija, li tkopri aspetti bħal ma huma d-drittijiet tal-bniedem, il-faqar tal-enerġija u l-protezzjoni ta' konsumaturi bi dħul baxx, għandha dejjem titqies waqt l-iżvilupp tal-politiki tal-enerġija;

102.  Jagħraf li s'issa l-politiki dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ma indirizzawx biżżejjed, fir-rigward tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, il-fattur li s-soċjetà taċċetta b'mod favorevoli; jenfasizza li mhux biss l-imġiba tal-utenti hija kruċjali għas-suċċess tal-miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija iżda wkoll għandha tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur; jitlob biex il-pjan ta' azzjoni tal-ġejjieni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jipprovdi miżuri ta' appoġġ addizzjonali biex is-soċjetà tħares lejha b'mod aktar favorevoli; jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom il-livelli reġjonali u lokali biex jintlaħaq kunsens;

103.  Jisħaq fuq l-importanza ta' politika tal-informazzjoni intensifikata tal-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward kwistjonijiet tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-iffrankar tal-enerġija għall-partijiet interessati relevanti kollha u jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex itejbu u jiffaċilitaw aktar tali aċċess għall-informazzjoni dwar kwistjonijiet tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-iffrankar tal-enerġija;

o
o   o

104.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L200, 31.7.2009, p. 31.
(2) ĠU L 114, 27.4.2006, p.64.
(3) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.
(4) ĠU L 342, 22.12.2009, p.46.
(5) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(6) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.
(7) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.
(8) ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.
(9) Copenhagen Economics, http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/taxation/gen_info/economic_analysis/tax_papers/taxation_paper_22_en.pdf
(10) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 16.
(11) Testi adottati, P7_TA(2010)0153.

Avviż legali - Politika tal-privatezza