Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/3006(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0707/2010

Dibattiti :

PV 15/12/2010 - 18
CRE 15/12/2010 - 18

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2010 - 6.7

Testi adottati :

P7_TA(2010)0492

Testi adottati
PDF 218kWORD 49k
Il-Ħamis, 16 ta' Diċembru 2010 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire
P7_TA(2010)0492RC-B7-0707/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Côte d'Ivoire,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Elettorali tal-Côte d'Ivoire, b'mod partikolari l-Liġi 2001-303 u l-Ordinanza 2008-133, b'mod partikolari l-Artikolu 64 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-missjoni ta'osservazzjoni elettorali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-communiqué tal-President tal-Unjoni Afrikana, l-istqarrija tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, u l-communiqué finali tas-7 ta' Diċembru 2010 tas-Sessjoni Straordinarja tal-Kummissjoni ECOWAS tal-Awtorità tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern dwar il-Côte d'Ivoire, li saret f'Abuja, in-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE adottata fit-3 ta' Diċembru 2010 f'Kinxasa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-RGħ/VP Catherine Ashton dwar il-proċess elettorali u, b'mod partikulari, dawk tat-3 ta' Diċembru 2010 dwar ir-riżultati tal-elezzjoni tal-Côte d'Ivoire, u tal-1 ta' Diċembru 2010 dwar it-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-3 ta' Diċembru 2010 tas-Sur Young Jin Choi, Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fil-Côte d'Ivoire dwar iċ-ċertifikazzjoni tar-riżultati tat-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali tat-28 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-8 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet dwar il-Côte d'Ivoire adottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE fit-3085 laqgħa tiegħu fit-13 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  wara li kkunsidra ż-żamma tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire u l-kriżi politika u istituzzjonali serja li ħakmet il-pajjiż fil-perjodu ta' wara t-tieni rawnd tal-votazzjoni fit-28 ta' Novembru 2010; billi l-kampanja elettorali għat-tieni rawnd tal-elezzjonijiet kienet ikkaraterizzata minn klima ta' tensjoni u atti vjolenti li korrew persuni u kkawżaw bosta mwiet,

B.  billi skont rapporti ta' osservazzjoni indipendenti, b'mod partikolari min-NU u mill-Unjoni Ewropea, l-elezzjonijiet – li l-organizzazzjoni tagħhom swiet USD 400 miljun – b'mod ġenerali seħħew b'mod sodisfaċenti,

C.  billi l-Kummissjoni Elettorali Indipendenti tal-Côte d'Ivoire ħabbret li Ouattara kien rebaħ l-elezzjonijiet, iżda l-Kunsill Kostituzzjonali tal-pajjiż dawwar ir-riżultat, filwaqt li qal li kien hemm frodi f'xi nħawi, u ddikjara li Gbagbo kien rebaħ,

D.  billi l-Kunsill Kostituzzjonali għandu dmir fil-konfront tal-poplu tal-Côte d'Ivoire li japplika l-liġi b'mod imparzjali, u billi l-Kostituzzjoni, il-Liġi 2001-303 u l-Artikolu 64 tal-Ordinanza tal-2008 ituh biss is-setgħa li jannulla l-elezzjonijiet presidenzjali iżda mhux li jipproklama riżultati li jkunu differenti minn dawk tal-Kummissjoni Elettorali Indipendenti,

E.  billi żewġ riżoluzzjonijiet tan-NU adottati wara l-ftehim ta' paċi tal-2005 jagħtu lin-Nazzjonijiet Uniti r-responsabilità li tiċċertifika r-riżultati, l-ewwel darba li dan seħħ fl-Afrika,

F.  billi r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ċċertifika l-kwalità tal-proċess elettorali tal-Côte d'Ivoire u li r-riżultati ppublikati mill-Kummissjoni Elettorali Indipendenti jirrappreżentaw ir-rieda taċ-ċittadini tal-Côte d'Ivoire, u ddikjara lis-Sur Ouattara rebbieħ tal-elezzjonijiet,

G.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU laqa“ t-tħabbira tar-riżultati proviżorji tal-Kummissjoni Elettorali Indipendenti tal-Côte d'Ivoire (CEI) u tenna li kien lest jieħu l-miżuri adegwati kontra dawk li jostakolaw il-proċess ta' paċi, u b'mod partikulari l-ħidma tas-CEI, kif stipulat fil-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1946(2010),

H.  billi l-uniku sors ta' leġittimità demokratika huwa l-vot universali, li r-riżultati tiegħu ġew iċċertifikati min-NU,

I.  billi fil-laqgħa straordinarja tagħha tas-7 ta' Diċembru 2010, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) stiednu lis-Sur Ggagbo “iċedi l-poter mingħajr dewmien” u ssospendew lill-Côte d'Ivoire “mill-attivitajiet kollha tagħha sakemm jingħata avviż ieħor”,

J.  billi l-President tal-Unjoni Afrikana (UA), is-Sur Binga Wa Mutharika, huwa tal-fehma, kif espress fid-dikjarazzjoni uffiċjali tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2010, li “is-Sur Ggagbo għandu jirrispetta r-rieda tal-poplu kif espressa fil-kaxxi tal-voti u jċedi l-poter b'mod paċifiku biex jiġi evitat tixrid ieħor ta' demm fl-Afrika” u li l-UA “tappoġġa lill-ECOWAS u lill-osservaturi internazzjonali li ċċertifikaw li s-Sur Ouattara kien rebaħ l-elezzjonijiet”,

K.  wara li kkunsidra t-tħassib tal-partijiet interessati ekonomiċi, peress li s-sitwazzjoni preżenti tista“ tfaqqar lill-pajjiż u għalhekk lill-popolazzjoni tiegħu, u lill-Afrika tal-Punent kollha kemm hi, peress li l-Côte d'Ivoire hija responsabbli għal 40% mill-PGD tal-WAEMU,

L.  billi l-President li qed itemm il-kariga tiegħu għandu responsabilità li jippermetti tranżizzjoni paċifika li żżomm il-paċi ċivili, xi ħaġa li hija indispensabbli għall-futur tal-Côte d'Ivoire, billi jirtira, biex b'hekk jevita li jikkawża tbatija ġdida lill-poplu tiegħu stess u lir-reġjun,

1.  Iqis li l-uniku sors ta' leġittimità demokratika huwa l-vot universali, li r-riżultati tiegħu ġew iċċertifikati min-NU, u jistieden għalhekk lis-Sur Ggagbo biex jirriżenja u jgħaddi l-poter lis-Sur Ouattara;

2.  Iħeġġeġ lill-forzi politiċi u armati kollha fil-Côte d'Ivoire biex jirrispettaw ir-rieda tal-poplu li kienet riflessa fir-riżultati tal-elezzjoni tat-28 ta' Novembru 2010, kif imħabbra mis-CEI u ċċertifikati mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU;

3.  Jiddeplora l-ġlied vjolenti li seħħ qabel il-proklamazzjoni tar-riżultati tat-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire u jesprimi l-akbar solidarjetà tiegħu mal-vittmi u mal-familji tagħhom; jiddispjaċih ukoll dwar ix-xkiel politiku u t-tentattivi li jiġu intimidati l-membri tas-CEI, li finalment dewmu t-tħabbir tar-riżultati proviżorji, biex b'hekk fixklu l-iżvolġiment xieraq tal-proċess elettorali demokratiku;

4.  Jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill Kostituzzjonali tal-Côte d'Ivoire, li l-membri kollha tiegħu nħatru mill-President li qed jispiċċa mill-kariga, li jimmodifika r-riżultati mħabbra mill-Kummissjoni Elettorali, bi ksur tal-liġi li kien il-kompitu tiegħu li jinforza, u jqis din id-deċiżjoni bħala li tmur kontra x-xewqa espressa mill-poplu tal-Côte d'Ivoire permezz tal-kaxxi tal-voti;

5.  Jenfasizza l-importanza tad-deċiżjoni tal-UA li tissospendi lill-Côte d'Ivoire “mill-parteċipazzjoni kollha fl-attivitajiet tal-organizzazzjoni sakemm il-President elett demokratikament, Alassane Ouattara, effettivament jeżerċita l-poter”;

6.  Jilqa“ d-dikjarazzjonijiet ta' diversi parteċipanti tal-komunità internazzjonali li jesprimu appoġġ għall-proċess elettorali fil-Côte d'Ivoire u jirrikonoxxu lis-Sur Ouattara bħala r-rebbieħ leġittimu tal-elezzjoni;

7.  Jappoġġja bil-qawwa l-isforzi tal-UA u tal-ECOWAS biex jipprevjenu l-vjolenza u jiżguraw ir-rikonoxximent tal-gvern leġittimu;

8.  Jagħti l-fiduċja kollha tiegħu lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU responsabbli biex jiċċertifika r-riżultati;

9.  Huwa mħasseb serjament bl-imblokk politiku attwali ta' wara l-elezzjoni li qed jaħkem il-pajjiż, kif ukoll bl-atti rrapurtati ta' vjolenza li jinvolvu, f'xi każijiet, il-forzi tas-sigurtà Ivorjani; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssorveljati mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż u l-atti rrappurtati ta' vjolenza;

10.  Jiddeplora l-vjolenza li seħħet u jqis li hija prijorità li tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati fil-Côte d'Ivoire biex jevitaw kwalunwe riskju ta' żieda fit-tensjoni u biex jipprevjenu kwalunkwe konfrontazzjoni; jitlob għalhekk li tittieħed azzjoni biex il-funzjonament demokratiku tal-istituzzjonijiet jerġa“ lura għall-istat li kien fih fl-interess uniku tal-poplu tal-Côte d'Ivoire u l-preservazzjoni tal-paċi;

11.  Jilqa“ l-isforzi kollha ta' medjazzjoni u jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Côte d'Ivoire biex jappoġġaw b'mod attiv tranżizzjoni paċifika u b'hekk jevitaw qasma fil-pajjiż;

12.  Jikkundanna b'mod qawwi l-atti ta' intimidazzjoni kontra l-osservaturi tal-Unjoni Ewropea fil-Côte d'Ivoire li ġiegħlu l-missjoni tirtira għal raġunijiet ta' sigurtà;

13.  Jiddeplora s-sospensjoni tal-midja mhux governattiva fil-Côte d'Ivoire; ifakkar li huwa essenzjali li l-persuni kollha tal-Côte d'Ivoire igawdu minn aċċess sħiħ għal informazzjoni pluralistika u diversifikata fil-midja, u jistieden lill-awtoritajiet Ivorjani biex immedjatament jerġgħu jistabbilixxu aċċess ekwitabbli għall-midja tal-Istat;

14.  Jappoġġa d-deċiżjoni tal-UE li timponi sanzjonijiet kontra Laurent Ggagbo u jilqa“ d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li jadotta miżuri mmirati kontra dawk li qed ifixklu l-proċess ta' paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali, u b'mod partikolari dawk li qed jipperikolaw l-eżitu tal-proċess elettorali; jistieden lir-RGħ/VP Catherine Ashton biex tippreżenta malajr kemm jista” jkun inizjattivi ġodda biex tappoġġa l-awtoritajiet eletti demokratikament fil-Côte d'Ivoire;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-RGħ/VP Catherine Ashton, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-ONUCI, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-ECOWAS, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Istati Membri tal-UE.

Avviż legali - Politika tal-privatezza