Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar il-Malasja: il-prattika tas-swat bil-qasba
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-projbizzjoni assoluta tat-tortura u t-trattament jew pieni oħra krudili, inumani jew degradatanti, liema projbizzjoni hi applikabbli fiċ-ċirkostanzi kollha u għall-Istati kollha, bħala regola perentorja fil-liġi internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-espressjoni prattika li ingħatat lil din il-projbizzjoni f'numru ta' strumenti u dokumenti internazzjonali u reġjonali fi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradatanti (Konvenzjoni kontra t-Tortura),
– wara li kkunsidra r-Regoli Standard Minimi tan-NU għat-Trattament tal-Priġunieri,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Refuġjati,
– wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN dwar l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, li daħlet fis-seħħ fil-15 ta' Diċembru 2008 u l-ħolqien tal-Kummissjoni Intergovernativa tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fit-23 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ASEAN dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigranti tat-13 ta' Jannar 2007,
– wara li kkunsidra l-linjigwida tal-politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u t-trattament jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, adottati fl-2001 u riveduti fl-2008,
– wara li kkunsidra l-Karta ta' Strateġija bejn l-UE u l-Malasja għall-perjodu 2007-2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kastig korporali f'kull forma tiegħu u f'kull ċirkostanza, hu pprojbit skont il-liġi internazzjonali,
B. billi l-liġi tal-Malasja tistipula s-swat bil-qasba (magħruf bħala “flaġellazzjoni”) għal mill-anqas 66 reat, u billi skont l-istima ta' Amnesty International, 10 000 ċittadin tal-Malasja u numru dejjem akbar ta' refuġjati u immigranti jissawtu bil-qasba kull sena fil-ħabsijiet tal-Malasja,
C. billi tul l-aħħar snin, l-awtoritajiet tal-Malasja żiedu l-lista ta' reati kastigabbli bis-swat bil-qasba, inkluż id-dħul illegali fil-pajjiż u l-abbuż tad-droga,
D. billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li tiegħu il-Malasja hi membru, adotta r-Riżoluzzjoni 8/8 li tiddikjara li l-kastig korporali hu ekwivalenti għat-tortura u billi l-prattika tas-swat bil-qasba toħloq uġigħ u tbatija kbira kif ukoll trawma fiżika u psikoloġika fit-tul,
E. Billi, għalkemm is-swat bil-qasba – tifkira tad-dominazzjoni kolonjali – għadu pprattikat f'numru żgħir ta' pajjiżi, il-Malasja għadha l-uniku pajjiż b'daqs konsiderevoli ta' popolazzjoni u b'livell għoli ta' żvilupp tal-bniedem, li tapplika dan it-tip ta' kastig,
F. billi l-vittmi barranin tas-swat bil-qasba spiss ma jiġux informati dwar l-akkużi kontrihom u jiġu mċaħħda mid-dritt għall-interpretazzjoni u ta' aċċess għall-assistenza legali, bi ksur tad-dritt tagħhom għal proċess objettiv u imparzjali,
G. billi t-tobba nvoluti fil-proċess - li ma jagħmlu xejn aktar milli jiċċertifikaw li l-priġunieri jifilħu għas-swat bil-qasba u jerġgħu jġibuhom f'tagħhom jekk dawn jintilfu minn sensihom - qegħdin jiksru l-etika medika,
H. billi l-Assoċjazzjoni tal-Avukati tal-Malasja, li tirrapreżenta 8000 avukat, talbet għall-projbizzjoni ta' dan it-tip ta' kastig, billi sostniet li dan jikser kull regolament internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u wkoll bosta konvenzjonijiet dwar it-tortura,
1. Jikkundanna bil-qawwa s-swat bil-qasba u kull forma ta' kastig korporali u moħqrija tal-priġunieri; jemmen bil-qawwa li l-Malasja ma tistax tinvoka l-liġijiet nazzjonali biex tiġġustifika prattika ekwivalenti għat-tortura u li ovvjament hi illegali skont il-liġi internazzjonali;
2. Iħeġġeġ lill-Malasja tapplika moratorju dwar is-swat bil-qasba u kull forma ta' kastig korporali taħt kull ċirkostanza, sabiex dawn jiġu pprojbiti fil-liġi u fil-prattika;
3. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Malasja biex minnufih iwaqqfu l-prattika attwali li ġġiegħel lill-uffiċjali tal-priġunieri u lit-tobba jkunu kompliċi fil-moħqrija tal-priġunieri u fl-amministrazzjoni tas-swat bil-qasba;
4. Jistieden lill-Parlament tal-Malasja jirratifika l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Opzjonali tagħha u l-ICCPR u l-protokolli tiegħu u jemenda l-liġi tal-Malasja sabiex ir-reati ta' immigrazzjoni jiġu trattati bħala reati amministrattivi, aktar milli bħala reati kastigabbli bi priġuniera jew b'kastig korporali, u li r-reati marbutin mal-abbuż tad-droga ma jibqgħux jiġu kastigati bis-swat bil-qasba;
6. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Malasja jimplimentaw l-istandards internazzjonali rigward il-protezzjoni tal-immigranti, r-refuġjati u dawk li qed jitlob asil, inkluż fil-proċeduri kriminali kontrihom, sabiex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tagħhom kontra t-tortura u l-moħqrija;
7. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex, fil-kuntatti politiċi tagħhom mal-pajjiż, sistematikament ikabbru l-għarfien dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Malasja u b'mod partikolari dwar l-allegazzjonijiet ta' abbużi differenti u l-moħqrija ta' immigranti u ta' dawk li qed jitolbu asil;
8. Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex ikomplu jħeġġu lill-imsieħba internazzjonali kollha tal-Unjoni Ewropea jirratifikaw u jimplimentaw konvenzjonijiet internazzjonali li jipprojbixxu l-użu tat-tortura u l-moħqrija; jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex fil-politika għad-drittijiet tal-bniedem tagħha, tagħti prijorità ewlenija lill-ġlieda kontra t-tortura u l-moħqrija, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni msaħħa tal-linjigwida tal-Unjoni Ewropea u tal-istrument kollha l-oħra tal-Unjoni Ewropea, bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;
9. Jikkunsidra l-ħolqien tal-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem bħala pass importanti lejn approċċ komprensiv u għal implimentazzjon aktar effikaċi tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun; jemmen li l-kwistjoni tas-swat bil-qasba fil-Malasja, li spiss tikkonċerna lill-immigranti u lil dawk li qed jitolbu asil li joriġinaw minn Stati Membri tal-ASEAN, tista“ tiġi ndirizzata minn din l-organizzazzjoni;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Malasja, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.