Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar appoġġ għat-tisħiħ tal-projbizzjoni tal-Unjoni Ewropea tat-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi “it-tneħħija tax-xewka” hija l-prattika ħalja tal-qtugħ tax-xewka ta' klieb il-baħar u r-rimi tal-karkassa lura fil-baħar u hija sostnuta mid-domanda kbira għall-ikel raffinat tas-soppa tax-xewka tal-kelb il-baħar,
B. billi t-tneħħija tax-xewka qed tikkontribwixxi għat-tnaqqis estrem tal-popolazzjoni tal-kelb il-baħar li bil-mod li tiżdied,
C. billi terz tal-ispeċijiet Ewropej tal-kelb il-baħar huma mhedda mill-estinzjoni,
D. billi l-projbizzjoni tal-UE hija l-aktar waħda dgħajfa fid-dinja b'eżenzjonijiet biex jitħalla trasbord ta' xewk u karkassi separati, u hemm relazzjoni ta' piż eċċessiva bejn xewk u karkassi,
E. billi l-Kummissjoni qed tikkunsidra firxa wiesgħa ta' possibiltajiet għall-emendar tal-projbizzjoni tat-tneħħija ta' xewka ta' klieb il-baħar abbord il-bastimenti (Regolament (KE) Nru 1185/2003),
F. billi l-Parlament talab lill-Kummissjoni sabiex tagħlaq lakuni fil-projbizzjoni tat-tneħħija ta' xewka tal-klieb il-baħar,
G. billi l-maġġoranza tax-xjenzjati u l-IUCN jirrakkomandaw it-trasbord tal-kelb il-baħar bix-xewka mwaħħla miegħu kif inhu naturali,
H. billi l-Costa Rica fin-Nazzjonijiet Uniti ħarġet favur il-metodu ta' “xewk imwaħħal kif inhu naturali” li qed jintuża f'ħafna sajd fl-Amerika Ċentrali u l-Amerika ta' Fuq,
1. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex sat-tieni anniversarju tal-Pjan ta' Azzjoni Komunitarju għal Klieb il-Baħar (Frar 2011) tipprovdi proposta li tipprojbixxi t-tneħħija tax-xewka ta' klieb il-baħar abbord bastimenti;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kummissjoni.