Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 80kWORD 35k
Il-Ħamis, 16 ta' Diċembru 2010 - Strasburgu
L-istrateġija tal-UE għall-persuni bla dar
P7_TA(2010)0499P7_DCL(2010)0061

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għall-persuni bla dar

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar it-tmiem tal-problema ta' persuni bla dar li jgħixu fit-toroq(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-nuqqas ta' akkomodazzjoni qed ikompli jolqot il-persuni fl-Istati Membri kollha tal-UE u huwa vjolazzjoni mhux aċċettabbli tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

B.  billi l-2010 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

1.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kunsill biex jimpenja ruħu sa tmiem l-2010 li jtemm il-problema ta' persuni bla dar li jgħixu fit-toroq sal-2015;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa strateġija tal-UE ambizzjuża dwar il-persuni bla dar u tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali effikaċi li jsegwu l-linji gwida tar-Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali adottat f'Marzu 2010 u bħala parti mill-UE 2020;

3.  Jistieden lill-EUROSTAT biex jiġbor data dwar il-persuni bla dar fl-UE;

4.  Jappoġġa l-prijoritajiet ta' azzjoni li ġejjin: Ħadd ma jorqod f'kundizzjonijiet ħżiena; Ħadd ma jgħix f'akkomodazzjoni ta' emerġenza aktar mill-perjodu ta' “emerġenza”; Ħadd ma jgħix f'akkomodazzjoni tranżitorja aktar milli meħtieġ sakemm tinstab akkomodazzjoni definitiva; Ħadd ma jħalli istituzzjoni mingħajr ma jkollu għażliet fejn joqgħod; Ebda żagħżugħ ma jispiċċa mingħajr dar minħabba t-tranżizzjoni tiegħu lejn ħajja indipendenti;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(2), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 19.
(2) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 3 għall-Minuti tas-16 ta' Diċembru 2010 (P7_PV(2010)12-16(ANN3)).

Avviż legali - Politika tal-privatezza