Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 6 ta' Mejju 2010 - Brussell
Deċiżjoni biex ma tissejjaħx Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati - Miżuri transitorji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew ***
 Reviżjoni tat-Trattati - Miżuri transitorji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew *
 Il-Kirgiżistan
 Il-Karozzi elettriċi
 Ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija fil-qasam tal-Vetturi bil-Mutur
 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea
 Il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju
 White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni
 Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet - Ġlieda kontra l-frodi - Rapport Annwali 2008
 Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2008
 Atroċitajiet tal-massa f'Jos, in-Niġerja

Deċiżjoni biex ma tissejjaħx Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati - Miżuri transitorji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew ***
PDF 205kWORD 36k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-proposta tal-Kunsill Ewropew biex ma ssirx Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati fir-rigward tal-miżuri transitorji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (17196/2009 – C7-0002/2010 –2009/0814(NLE))
P7_TA(2010)0147A7-0116/2010

(Proċedura ta' Kunsens)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kunsill Ewropew indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2009 dwar l-emenda tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji (17196/2009),

–   wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni magħmula mill-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 48(3)(2), tat-Trattat UE (C7-0002/2010),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, anness mat-Trattat ta' Lisbona,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 14(3), tat-Trattat UE,

–   wara li kkunsidra l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju dirett universali tal-20 ta' Settembru 1976,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 kif ukoll dawk tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 u tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 74a u l-Artikolu 81(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0116/2010),

A.   billi l-Konvenzjoni li saret bejn it-22 ta' Frar 2002 u t-18 ta' Lulju 2003 wasslet għat-tfassil tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li s-sustanza tiegħu, bażikament, tinsab inkorporata fit-Trattat ta' Lisbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009,

B.   billi saret ukoll il-Konvenzjoni ta' bejn is-17 ta' Diċembru 1999 u t-2 ta' Ottubru 2000 għat-tfassil tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

C.   billi dawn iż-żewġ konvenzjonijiet, li għall-ewwel darba laqqgħu flimkien rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, tal-Parlament Ewropew, tal-gvernijiet nazzjonali u tal-Kummissjoni, bl-għan li jsir xogħol fuq it-tfassil ta' proġett komuni għall-Unjoni Ewropea, kienu ta' avvanz importanti favur mekkaniżmi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jkunu fl-istess ħin demokratiċi u effikaċi fuq skala Ewropea,

D.   billi madankollu dawn iż-żewġ konvenzjonijiet tlaqqgħu biex jittrattaw is-suġġetti ewlenin marbuta mal-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri minn naħa waħda hemm ir-riforma tal-istruttura istituzzjonali Ewropea u min-naħa l-oħra t-tfassil ta' test li jiġbor il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali li jiffurmaw il-bażi komuni tal-Ewropej,

E.   billi, skont l-Artikolu 48(3)(1), tat-Trattat UE, il-Parlament Ewropew irid jiġi kkonsultat mill-Kunsill Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-parti tal-Protokoll nru 36, annessa mat-Trattat ta' Lisbona, li tittratta d-dispożizzjonijiet transitorji marbuta mal-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew,

F.   billi l-Kunsill Ewropew qed jipproponi li ma tissejjaħx Konvenzjoni u li l-Protokoll emendat jiġi adottat fil-qafas ta' Konferenza intergovernattiva,

G.   billi, fid-dawl tal-preċedent, mhuwiex meħtieġ li ssir Konvenzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda transitorja u ta' ambitu limitat tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat UE dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew,

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew biex jemenda l-Protokoll Nru 36 fil-qafas ta' Konferenza intergovernattiva, mingħajr ma ssir Konvenzjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


Reviżjoni tat-Trattati - Miżuri transitorji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew *
PDF 213kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-abbozz ta' protokoll li jemenda l-Protokoll nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għall-kumplament tal-leġiżlatura 2009-2014 : opinjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 48(3) tat-Trattat UE) (17196/2009 – C7-0001/2010 – 2009/0813(NLE))
P7_TA(2010)0148A7-0115/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kunsill Ewropew indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew fit-18 ta' Diċembru 2009 rigward l-emendi tal-Protokoll nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji (17196/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C7-0001/2010),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll nru 36 dwar id-dispożizzjonijet transitorji li huwa anness mat-Trattat ta' Lisbona,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 14(2) u (3) tat-Trattat UE,

–   wara li kkunsidra l-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar il-ħatra tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett (minn hawn “il quddiem imsejjaħ ”Att tal-1976“),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(1),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008, tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 kif ukoll tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 11(4) u 74a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0115/2010),

A.   billi, l-Artikolu 14(2) tat-Trattat tal-UE, hekk kif emendat bit-Trattat ta' Lisbona, jipprevedi li l-Kunsill Ewropew għandu jadotta b'unanimità, fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u bl-approvazzjoni tiegħu, deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew,

B.   billi, bil-għan tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, u skont il-Protokoll Nru 36 li jinstab anness ma' dan it-trattat, il-Parlament Ewropew fil-11 ta' Ottubru 2007, permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq li toħroġ mir-rapport Lamassoure-Severin, ippreżenta abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi d-distrubzzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew,

C.   billi, meta ġie ffirmat it-Trattat ta' Lisbona, il-Kunsill Ewropew ma kienx adotta deċiżjoni formali dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew iżda kien qabel mal-proposta stabbilita fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq, wara li l-għadd ta' MEPs żdied għal 751 minflok is-750 li kien previst bil-bidu,

D.   billi, skont il-ftehim milħuq b'dan il-mod fil-Kunsill Ewropew, l-għadd totali ta' Membri żdied bi 15 meta mqabbel mat-Trattat ta' Nizza (minn 736 għal 751), fejn 18-il siġġu addizzjonali tqassmu bejn it-12-il Stat Membru, filwaqt li l-Ġermanja ġiet allokata 3 siġġijiet anqas b'konformità mal-għadd massimu stabbilit fit-Trattat tal-UE,

E.   billi t-Trattat ta' Lisbona ma kien għadu ma daħalx fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009, dawn saru skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Nizza, u billi l-Parlament Ewropew attwalment jgħodd 736 Membru,

F.   billi, peress li t-Trattat ta' Lisbona sa fl-aħħar daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, it-18-il Membru addizzjonali mit-12-il Stat Membru kkonċernat għandhom b'mod leġittimu jkunu jistgħu jokkupaw is-siġġu tagħhom mill-aktar fis, biex b'hekk l-Istati Membri li ħatruhom ikunu f'qagħda li jgawdu r-rappreżentanza li huma intitolati għaliha,

G.   billi, skont l-Artikolu 5 tal-Att tal-1976 rigward il-ħatra tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, mhuwiex possibbli li jiġi interrott il-mandat ta' Membru matul leġiżlatura, u għaldaqstant l-għadd ta' Membri tad-delegazzjoni Ġermaniża tal-Parlament Ewropew ma jistax jitnaqqas bi tlieta,

H.   billi kważi l-Istati Membri kollha nnominaw lill-MEPs tagħhom b'mod konformi mas-sistemi elettorali tagħhom u skont il-limiti stipulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009,

I.   billi l-wasla ta' 18-il Membru addizzjonali matul il-leġiżlatura 2009-2014 konsegwentement se ġġib l-għadd ta' Membri Parlamentari għal total ta' 754 , u billi l-fatt li din iċ-ċifra taqbeż iċ-ċifra ta' 751 prevista fit-Trattat ta' Lisbona joħloq il-ħtieġa li ssir emenda fil-liġi primarja,

J.   billi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 diġà jipprevedu l-adozzjoni ta' miżuri transitorji li għandhom l-għan li jippermettu l-wasla tal-Membri addizzjonali matul il-leġiżlatura attwali, u billi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 ffissaw il-kundizzjonijiet li għandhom jirregolaw iż-żieda temporanja tal-għadd tal-Membri Parlamentari Ewropej,

K.   billi l-Parlament Ewropew min-naħa tiegħu emenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu fil-25 ta' Novembru 2009 b'mod li jippermetti l-wasla ta' Membri addizzjonali bħala osservaturi sakemm jidħlu fis-seħħ il-miżuri li jippermettulhom jokkupaw is-siġġu tagħhom,

L.   billi waħda mill-innovazzjonijiet kostituzzjonali l-aktar importanti li hemm fit-Trattat ta' Lisbona hi li l-Konvenzjoni tiddaħħal bħala parti ewlenija mill-proċedura ordinarja għar-reviżjoni tat-Trattati,

1.  Iqis li l-emenda proposta tal-Protokoll nru 36 mitluba mill-Kunsill Ewropew hija riżultat dirett tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Lisbona u għalhekk tikkostitwixxi soluzzjoni tranżitorja li tippermetti lill-Istati Membri kollha li qed jibbenefikaw minn siġġijiet addizzjonali li jinnominaw lill-Membri kkonċernati; jaqbel li 18-il MEP addizzjonali għandhom jinħatru għall-Parlament għall-bqija tal-leġiżlatura 2009-2014; jisħaq li madankollu t-18-il membru għandhom jibdew jokkupaw is-siġġu tagħhom fil-Parlament fl-istess waqt biex ma joħolqux żbilanċ bejn in-nazzjonalitajiet irrappreżentati fil-Parlament; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex mill-aktar fis ilestu l-proċeduri elettorali tagħhom b'mod pragmatiku;

2.  Jiddispjaċih li l-Kunsill ma adottax fil-mument propiżju l-miżuri li kellhom jagħtu l-awtorizzazzjoni lill-Membri addizzjonali biex jokkupaw is-siġġu mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, u li waħda mis-soluzzjonijiet possibbli fl-emenda mitluba mhijiex konformi mal-ispirtu tal-Att tal-1976 li jesiġi li l-Membri Ewropej jinħatru b'mod dirett, u mhux b'mod indirett permezz ta' elezzjoni fil-Parlament Nazzjonali;

3.  Jaqbel madankollu li tissejjaħ Konferenza Intergovernattiva, kemm-il darba din tkun ristretta biss għas-suġġett speċifiku tal-adozzjoni ta' miżuri transitorji li jirrigwardaw il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għall-bqija tal-leġiżlatura 2009-2010, u wkoll kemm-il darba dawn il-miżuri transitorji jkollhom natura eċċezzjonali marbuta maċ-ċirkustanzi partikulari tar-ratifikazzjoni tat-trattat ta' Lisbona u dawn ma jkunu jikkostitwixxu fl-ebda każ preċedent għall-ġejjieni;

4.  Ifakkar li, matul l-intervall bejn l-approvazzjoni tal-emenda tal-Protokoll nru 36 u bid-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Membri addizzjonali għandhom, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-possibilità li jkollhom siġġu bħala osservaturi;

5.  Ifakkar barra minn hekk li deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għandha fi kwalunkwe każ tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fil-mument propizju qabel tmiem il-leġiżlatura attwali, u li l-Parlament għandu jressaq inizjattiva f'dan ir-rigward skont l-Artikolu 14(2) tat-Trattat UE;

6.  Jinnotifika lill-Kunsill Ewropew li fi żmien qasir biħsiebu jfassal proposti biex jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-elezzjoni tal-Membri tiegħu b'vot dirett universali skont proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha u skont il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha, u li l-Parlament se jibda din ir-riforma elettorali skont l-Artikolu 48(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 223 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jinsisti wkoll li tissejjaħ Konvenzjoni ddedikata għar-riforma tal-Parlament Ewropew biex tħejji r-reviżjoni tat-Trattati;

7.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali biex jaġixxu u jżommu l-liġi primarja tal-Unjoni Ewropea li ilha stabbilita u li biha l-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti b'vot dirett universali f'votazzjoni ħielsa u sigrieta;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 132.


Il-Kirgiżistan
PDF 218kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
P7_TA(2010)0149RC-B7-0246/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan u l-Asja Ċentrali, rigward, b'mod partikolari, dik tat-12 ta' Mejju 2005,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan tas-7 u t-8 ta' April 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-26 ta' April 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE dwar il-qagħda fil-Kirgiżistan tat-22 ta' April 2010,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Kirgiżistan li daħal fis-seħħ fl-1999,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija Reġjonali tal-Komunità Ewropea dwar l-Għajnuna għall-Asja Ċentrali għall-perjodu 2007-2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi huwa fl-interessi tal-popli kemm tal-Asja Ċentrali kif ukoll tal-Unjoni Ewropea li jaraw li jkun hemm progress lejn stabilità u livelli ogħla ta' żvilupp demokratiku u uman, ta' sigurtà umana u ta' tkabbir sostenibbli fir-reġjun,

B.   billi l-Kirgiżistan huwa membru tal-OSKE u fi ħdan dan il-qafas huwa impenjat li jirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u li jimplimenta l-istandards demokratiċi tal-OSKE,

C.   billi Kurmanbek Bakiyev, li ħa l-kariga l-ewwel darba f'Lulju 2005 wara l-hekk imsejħa Rivoluzzjoni tat-Tulipani, is-sena li għaddiet reġa' ġie elett għal mandat ieħor bħala president f'elezzjoni li l-osservaturi indipendenti qalu li kienet imċappsa bi frodi kbira; billi wara l-ewwel impenji demokratiċi tiegħu t-tmexxija ta' Bakiyev saret awtoritarja,

D.   billi fis-7 ta' April 2010, truppi Kirgiżi intervenew bl-użu ta' balal, gass tad-dmugħ u stun grenades kontra folla ta' dimostranti li nġabret quddiem l-uffiċċju presidenzjali f'Bixkek u li wara attakkat bini tal-gvern bi protesta kontra żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku u tat-tisħin, u li dan ħalla 80 ruħ mejta u aktar minn 500 midruba,

E.   billi l-President Bakiyev kien imġiegħel jaħrab mill-belt kapitali u postu ttieħed minn gvern proviżorju mmexxi mill-kap tal-oppożizzjoni Roza Otunbayeva li ħarġet digriet dwar is-suċċessjoni tal-poter u ordni ta' konformità mal-kostituzzjoni Kirgiża u xoljiet il-parlament; billi wara li pprova jagħmel il-kundizzjonijiet għar-riżenja tiegħu ġimgħa wara l-irvell, Bakiyev telaq mill-pajjiż lejn il-Kazakistan skont ftehim innegozjat bejn ir-Russja, l-Istati Uniti u l-Kazakistan,

F.   billi l-Kirgiżistan jiġbed attenzjoni speċjali mill-Istati Uniti u r-Russja minħabba l-pożizzjoni strateġika tiegħu qrib l-Afghanistan u qrib il-Wied ta' Ferghana, li jinsab ġeografikament, politikament u ekonomikament f'nofs l-Asja Ċentrali; billi ċ-Ċentru ta' Transitu ta' Manas imħaddem mill-militar tal-Istati Uniti għandu rwol kruċjali fin-Netwerk ta' Distribuzzjoni tat-Tramuntana għall-provvisti għat-truppi tan-NATO fl-Afghanistan, filwaqt li r-Russja wkoll għandha bażi militari importanti fil-Kirgiżistan,

G.   billi r-relazzjoni bejn l-UE u l-Asja Ċentrali hija kruċjali, minħabba l-isfidi komuni f'termini ta' enerġija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-kontroll tat-traffikar tad-droga, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu,

H.   billi l-kompetizzjoni ġeografika fir-reġjun għandha potenzjal distruttiv ħafna, iżda għandha wkoll interessi komuni fir-rigward tal-Afganistan u l-firxa tal-Islamiżmu radikali, li joħloq il-potenzjal li titnaqqas din il-kompetizzjoni u jinkiseb ftehim dwar il-ħtieġa li jkun hemm governanza aħjar,

I.   billi l-UE għandha dejjem tħares l-impenn tagħha li tintegra d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'kull ftehim ma' stati terzi u li tippromwovi riformi demokratiċi permezz ta' politiki koerenti li jsaħħu l-kredibilità tagħha bħala attur reġjonali,

J.   billi l-preżenza tal-UE fil-Kirgiżistan, esseżjalment bħala donatur tal-għajnuna, hija sinifikanti u tqiegħed lill-UE f'qagħda tajba biex tassumi rwol importanti ta' appoġġ fir-reġjun,

K.   billi l-Kummissjoni u l-Kunsill qegħdin fl-istadju ta' reviżjoni tal-Istrateġija għall-Asja Ċentrali u qed jippreparaw rapport li se jiġi ppreżentat fil-laqgħa ta' smigħ ta' Ġunju tal-Kunsill tal-Ewropa,

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha tal-avvenimenti traġiċi;

2.  Jistieden lill-partijiet kollha biex itemmu l-vjolenza, jeżerċitaw ir-rażan u jagħmlu kull sforz sabiex jinbeda djalogu ġenwin immirat lejn l-ilħiq tal-istabilità u jipprovdu l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-ritorn paċifiku għal ordni kostituzzjonali demokratiku;

3.  Jenfasizza li, minn perspettiva istituzzjonali, qafas kostituzzjonali koerenti u stabbli huwa essenzjali biex jipprevjeni inkwiet soċjali fil-ġejjieni u jiżgura futur paċifiku għall-poplu Kirgiżtan; jilqa“, minn din il-perspettiva, il-kooperazzjoni tal-gvern proviżorju mal-Kummissjoni ta' Venezja;

4.  Jieħu nota tal-ewwel passi meħuda mill-gvern proviżorju biex terġa' tiddaħħal id-demokrazija rigward, b'mod partikolari, il-pjanijiet biex issir kostituzzjoni ġdida li tikkoreġi r-reviżjoni ta' Bakiyev li kienet poġġiet poter eċċessiv f'idejn il-presidenza;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, it-tħabbira tal-gvern proviżorju li se jagħmel referendum dwar il-kostituzzjoni l-ġdida fis-27 ta' Ġunju 2010 u elezzjonijiet ġenerali ġodda fl-10 ta' Ottubru 2010 biex issaħħu d-demokrazija u r-responsabbiltà politika; jistieden lill-gvern proviżorju sabiex jirrispetta l-obbligi internazzjonali tal-Kirgiżistan u sabiex jiżgura li l-elezzjonijiet ikunu liberi u ġusti;

6.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol attiv tal-UE mal-gvern proviżorju, bil-għan li jiġu esplorati u sfruttati l-possibilitajiet għall-promozzjoni ta' governanza tajba, l-indipendenza tal-ġudikatura, u objettivi oħra ta' politiki tal-UE stipulati fl-Istrateġija għall-Asja Ċentrali, kif ukoll sabiex jiġu ffaċilitati l-impenn u l-attivitajiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra;

7.  Jitlob investigazzjoni internazzjonali dwar dawn l-avvenimenti sabiex jiġu identifikati r-responsabilitajiet u n-nuqqasijiet u tiġi pprovduta assistenza lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Kirgiżistan, u jħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-gvern proviżorju sabiex jitlob l-għajnuna tal-OHCHR sabiex ikun żgurat li l-investigazzjonijiet fl-avvenimenti tas-6-7 ta' April 2010 jkunu metikolużi, imparzjali u kredibbli;

8.  Jinnota li r-Rivoluzzjoni tat-Tulipani tal-2005 ħolqot aspettattivi kbar ta' riformi demokratiċi fis-soċjetà Kirgiża li ma mmaterjalizzawx; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex juru koerenza u assertività u jużaw din l-opportunità sabiex isibu modi biex jassistu lill-gvern proviżorju tal-Kirgiżistan u jgħinu lill-awtoritajiet sabiex jagħmlu riformi demokratiċi u jtejbu l-ħajjiet tan-nies permezz tal-iżvilupp nazzjonali u r-responsabilizzazzjoni taċ-ċittadini, b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha u s-soċjetà ċivili tal-Kirgiżistan;

9.  Jinnota li n-nuqqas qawwi ta' riżorsi naturali u l-vulnerabilità tal-Kirgiżistan jagħmluh dipendenti ħafna fuq l-appoġġ estern; jinnota wkoll li fil-viċinat tiegħu hemm nuqqas serju ta' mudelli ta' governanza demokratika u li tiffunzjona tajjeb u ta' żvilupp soċjali pożittiv; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-assistenza internazzjonali se tkun ta' importanza kruċjali;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżviluppi fil-Kirgiżistan jinfluwenzaw l-iżviluppi reġjonali u internazzjonali kif ukoll huma fl-istess waqt influwenzati minnhom; huwa konvint li hemm interessi komuni kbar bejn ir-Russja, l-Istati Uniti u interessi oħrajn, b'mod partikulari rigward l-Afghanistan u l-firxa tal-Islamiżmu radikali fir-reġjun, inkluż fil-Kirgiżistan; iqis li dan għandu jippermetti li tiġi limitata l-kompetizzjoni ġeopolitika u li jinstabu sinerġiji; jemmen li suċċess f'dan ir-rigward ikollu effetti pożittivi usa' fuq ir-relazzjonijiet u s-sigurtà internazzjonali;

11.  Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali għall-Asja Ċentrali tal-VP/RGħ biex isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni, jipprovdi assistenza u jiffaċilita l-bidu mill-ġdid tad-djalogu bejn il-komponenti kollha tas-soċjetà tal-Kirgiżistan;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jeżaminaw b'urġenza jekk jeżistux jew jistgħux jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-varar ta' programm ta' għajnuna ġdid u kbir għall-Kirgiżistan, mhux l-anqas fil-qies ta' kemm jidher qawwi l-impenn reali tal-gvern proviżorju tal-Kirgiżistan favur id-demokratizzazzjoni u t-tmexxija nadifa; iqis li jekk jiġi kkunsidrat li jkunu jeżistu kundizzjonijiet favorevoli suffiċjenti, l-UE għandha tmexxi hi biex isiru l-arrangamenti għal konferenza tad-donaturi fil-Kirgiżistan;

13.  Jitlob użu estensiv tal-Istrument għall-Istabilità; jenfasizza l-bżonn ta' għajnuna għal Kirgiżistan sabiex jegħleb l-problemi soċjali u ekonomiċi tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji proposti dwar ir-riallokazzjoni ta' fondi tal-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp biex tiżgura li fiż-żmien qasir kif ukoll f'dak medju, ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni l-ġdida fil-Kirgiżistan tkun ta' daqs adegwat; jenfasizza li għandha tingħata prijorità speċjali sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi fil-qasam tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-provvista tal-ilma;

14.  Jinsisti sabiex l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea tkun koerenti mal-isforzi tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, mal-estenzjoni tal-faċilitajiet edukattivi u ma politika li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja, biex jinħolqu l-kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta' difiża kontra l-espansjoni tal-estremiżmi;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni, wara li jittieħed kont tas-sitwazzjoni attwali, biex tikkontrolla jekk hux meħtieġ li tintbagħat għajnuna umanitarja urġenti;

16.  Jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun u jitlob li jsiru sforzi sabiex din issir aktar kredibbli, konkreta u koerenti;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern proviżorju tal-Kirgiżistan, lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-OSKE u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.


Il-Karozzi elettriċi
PDF 225kWORD 69k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-karozzi elettriċi
P7_TA(2010)0150B7-0261/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Rkupru tal-UE, b'mod partikolari l-“Inizjattiva tal-karozzi ekoloġiċi” ta' Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, li tistabbilixxi limitu minimu ta' 10% ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu fit-trasport,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 443/2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana tat-30 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa informali tal-Kunsill li saret f'San Sebastian fid-9 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” tat-3 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea għal vetturi nodfa u li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti tas-27 ta' April 2010,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tas-16 ta' Frar 2010 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-vetturi elettriċi (O-0019/2010 – B7-0016/2010, O-0020/2010 – B7-0015/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-isfidi li jinvolvu t-tibdil fil-klima, l-emissjonijiet tas-CO2 u sustanzi oħra li jniġġsu, u l-volatilità tal-pezzijiet tal-fjuwils wasslu għall-iżvilupp teknoloġiku ta' batteriji u sistemi ta' ħżin ta' enerġija, u għal kuxjenza akbar fis-suq ta' dawn il-kwistjonijiet, li kollha kemm huma ħolqu ambjent pożittiv għall-iżvilupp tal-vetturi elettriċi fid-dinja kollha,

B.   billi l-vettura elettrika hija innovazzjoni sinifikanti b'potenzjal kbir fis-suq, b'mod partikolari fuq perjodu twil ta' żmien, u billi l-kapaċità li wieħed jidħol malajr f'dan is-suq, bi prodotti ta' kwalità għolja u livell ġeneralizzat ta' standardizzazzjoni, se tiddetermina l-mexxejja futuri tiegħu,

C.   billi l-vetturi elettriċi qed jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ta' Ewropa 2020 li tiġi żviluppata ekonomija bbażata fuq l-għerf u l-innovazzjoni u li tiġi promossa ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod aktar effiċjenti, li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent u li tkun aktar kompetittiva,

D.   billi fil-laqgħa informali tal-Kunsill li saret f'San Sebastian fid-9 ta' Frar 2010, il-ministri tal-kompetittività tal-UE qablu mal-Kummisjoni dwar il-ħtieġa li l-UE tadotta strateġija komuni dwar il-vetturi elettriċi,

E.   billi hemm bosta raġunijiet politiċi għalfejn għandhom jiġu innovati s-sistemi ta' propulsjoni (elettriċi jew ibridi), jiġifieri:

   (i) tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu,
   (ii) tnaqqis fit-tniġġis tal-ħoss,
   (iii) titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija u fl-utilizzazzjoni potenzjali ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu,
   (iv) l-iskarsità u l-ispiża ekonomika li tvarja tas-sorsi ta' enerġija fossili,
   (v) il-promozzjoni tal-innovazzjoni, ibbażata fuq it-tmexxija teknoloġika, li tista' tippermetti lill-industrija Ewropea tirkupra mis-sitwazzjoni ekonomika attwali u tiżgura l-kompetittività industrijali ġenerali tagħha fil-futur;

F.   billi l-medja tat-taħlita tal-enerġija tal-UE għall-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika eżistenti fl-Ewropa hija tali li tagħmel il-vetturi elettriċi u l-ibridi li jistgħu jitqabbdu mad-dawl għażla ewlenija fl-istrateġija usa' biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, u billi t-tranżizzjoni favur sistema ta' trasport li tuża l-enerġija b'mod effiċjenti u li tkun sostenibbli għandha tkun prijorità tal-UE jekk irridu li sal-2050 nilħqu l-mira ta' sistema ta' trasportazzjoni li fil-parti l-kbira tagħha ma tinvolvix emissjonijiet tal-karbonju,

G.   billi hemm numru ta' sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex tiġi appoġġjata l-introduzzjoni b'suċċess fis-suq tal-vetturi elettriċi, b'mod partikolari:

   (i) il-prezz għoli tal-vetturi elettriċi, ikkawżata l-aktar mill-prezz tal-batteriji,
   (ii) il-ħtieġa ta' aktar riċerka u żvilupp biex jittejbu l-karatteristiċi, u jitnaqqsu l-prezzijiet, tal-vetturi elettriċi,
   (iii) l-aċċettazzjoni mill-konsumaturi, fir-rigward tal-prezz, id-distanza u l-ħin ta' rriċarġjar,
   (iv) infrastruttura adegwata għall-irriċarġjar,
   (v) standardizzazzjoni Ewropea u globali, bħall-“interfaces” bejn il-vetturi u l-infrastruttura tal-irriċarġjar,
   (vi) emissjonijiet “well-to-wheel” tal-vetturi elettriċi,

H.   billi hemm potenzjal ikkonfermat offrut mill-karozzi elettriċi f'termini ta' kapaċità ta' ħżin, li jippermetti titjib fl-użu ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu fid-dawl tal-benefiċċji offruti min-netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti,

I.   billi l-Komunikazzjoni dwar il-Karozzi Nodfa ssemmi fil-qosor il-bżonnijiet tal-industrija għal ħiliet li qed jiżviluppaw meta ssir it-tranżizzjoni minn vetturi konvenzjonali għal dawk elettriċi, filwaqt li ma tindirizzax l-effetti fuq l-impjiegi kkawżati minn dik it-tranżizzjoni, u billi se jkun neċessarju approċċ ikkoordinat biex jingħelbu l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema tas-settur tal-karozzi,

J.   billi diġà hemm bosta pajjiżi u reġjuni li bdew jintroduċu infrastrutturi ta' ċċarġjar għall-vetturi elettriċi,

K.   billi l-Istati Mmbri tal-UE bdew jintroduċu programmi nazzjonali ta' appoġġ għall-vetturi elettriċi bil-ħsieb li jiddaħħlu fis-suq Komunitarju,

L.   billi l-industrija u r-riċerka f'pajjiżi kompetituri rċevew appoġġ konsiderevoli, u billi fl-UE dan l-eżempju għandu jiġi segwit,

M.   billi r-reviżjoni tal-politika ta' investiment fl-infrastruttura tal-UE fl-2010 tipprovdi opportunità eċċellenti biex issir it-tranżizzjoni favur investiment infrastrutturali f'teknoloġiji aktar nodfa u avvanzati, l-iktar in-netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti,

N.   billi fl-Ewropa n-numru għoli ta' bliet u żoni urbani b'densità għolja ta' popoplazzjoni joffri kundizzjonijiet adattati għat-tnedija mgħaġġla tal-karozza elettrika, b'mod li joffri lill-produtturi Ewropej il-possibilità li jsiru mexxejja bikrija fis-suq,

O.   billi l-produzzjoni ta' vetturi elettriċi tista' tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u tiżgura l-vijabilità fuq perjodu twil ta' żmien tal-industrija tal-karozzi Ewropea, ibbażata fuq vetturi b'emissjonijiet baxxi,

1.  Jinnota l-prijorità mogħtija lill-iżvilupp ta' vetturi elettriċi mill-Presidenza Spanjola fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetittività li jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjan ta' azzjoni għal vetturi nodfa u li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti, li jkun jinkludi t-titjib tan-netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti, u jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea għal vetturi nodfa u li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti tas-27 ta' April 2010;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżistenza ta' suq uniku għall-vetturi elettriċi, filwaqt li jiggarantixxu l-koordinament effiċjenti tal-politiki fil-livell tal-UE, biex jiġu evitati l-impatti negattivi soċjali u fuq l-impjiegi tat-tranżizzjoni favur sistema tat-trasport mingħajr emissjonijiet tal-karbonju u wkoll biex tiġi evitata l-eżistenza ta' skemi u standards inkompatibbli li ma jkunux interoperabbli;

3.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-vetturi elettriċi għandu jkun ibbilanċjat sew u kkonċepit fil-qafas ta' politika ta' mobilità sostenibbli futura, fejn inter alia jkunu kruċjali t-tnaqqis tal-aċċidenti, l-użu tal-ispazju, il-konġestjoni mnaqqsa, il-konsum totali tal-enerġija, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-emissjonijiet tal-ħsejjes u tal-gassijiet, filwaqt li jenfasizza li l-iżvilupp tal-mobilità elettrika għandha tinkludi l-karozzi elettriċi, ir-roti elettriċi, it-trams, il-ferroviji, eċċ.;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu azzjoni konġunta fir-rigward ta':

   i. l-istandardizzazzjoni internazzjonali fejn din tkun possibbli, jew mill-inqas Ewropea, tal-infrastrutturi u t-teknoloġiji ta' ċċarġjar, inklużi n-netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti, standards ta' komunikazzjoni miftuħa u teknoloġija ta' kejl fil-vettura stess u interoperabilità. Dawn jimplikaw l-użu ta' teknoloġiji ġodda fl-iżvilupp tal-infrastruttura interoperabbli neċessarja fl-Ewropa għall-mobilità elettrika transkonfinali,
   ii. appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, b'enfasi prijoritarja fuq it-titjib tat-teknoloġija tal-batteriji u tal-magni,
   iii. it-titjib tan-netwerks elettriċi permezz tal-introduzzjoni ta' netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti u l-introduzzjoni ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni sostenibbli b'intensità ta' karbonju baxxa, l-iktar permezz ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu,
   iv. appoġġ għal inizjattivi li jiżguraw l-eżistenza ta' suq uniku u l-iżvilupp ta' regolamenti għall-approvazzjoni tat-tip fil-qasam tal-karozzi nodfa li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti u, fuq kollox, fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq,
   v. il-koordinament tal-miżuri ta' appoġġ u inċentivi nazzjonali għall-vetturi elettriċi,
   vi. il-promozzjoni ta' miżuri biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija tal-karozzi nodfa li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti,
   vii. dispożizzjonijiet b'saħħithom għal miżuri antiċipatorji fir-rigward tal-kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi kalkolu komprensiv tal-emissjonijiet globali ta' CO2 mill-vetturi elettriċi, filwaqt li tqis il-bidliet antiċipati fil-produzzjoni tal-kapaċitajiet ta' elettriku u ħżin sal-2050;

6.  Jenfasizza li l-vetturi elettriċi jirrappreżentaw avvanz teknoloġiku li jirrikjedi strateġiji integrati ta' innovazzjoni u ta' żvilupp teknoloġiku, permezz ta' finanzjament adegwat u l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp f'firxa dejjem tikber ta' oqsma importanti, bħall-batteriji u l-infrastrutturi (inkluża l-integrazzjoni man-netwerks ta' distribuzzjoni tal-elettriku); jilqa' f'dan il-kuntest il-miżuri ta' ekoinnovazzjoni disponibbli għall-produtturi, iżda jinsab imħasseb minħabba d-diffikultajiet li qed ikun hemm fl-implimentazzjoni tagħhom;

7.  Ifakkar fil-konklużjoni tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-1 ta' Marzu 2010 li tirreferi għall-proposta li daqt se tagħmel il-Kummissjoni għal Pjan Ewropew ta' Riċerka u Innovazzjoni orjentat lejn il-kummerċ li għandu jikkumplimenta l-istrateġiji nazzjonali tal-innovazzjoni, u li jkun jinkludi l-promozzjoni ta' għodda u inizjattivi b'potenzjal qawwi, bħal swieq ewlenin u akkwisti pubbliċi prekummerċjali, u aċċess aħjar għall-finanzi b'mod partikolari għall-SMEs permezz ta' mobilizzazzjoni aħjar tal-istrumenti tal-kapital ta' riskju;

8.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex gradwalment jissostitwixxu l-flotta ta' vetturi bil-kombustjoni tas-servizzi pubbliċi tagħhom b'vetturi elettriċi, b'mod li jistimulaw id-domanda permezz tal-akkwisti pubbliċi; u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jintroduċu l-infrastruttura hekk kif jibdew jitħaddmu l-istandards;

9.  Ifakkar li skont il-Pjan ta' Rkupru, l-Inizjattiva tal-Karozzi Ekoloġiċi tappoġġja l-iżvilupp ta' forom ġodda u sostenibbli ta' trasport fit-toroq, fejn il-karozzi elettriċi ġew identifikati bħala prijorità;

10.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi standard Ewropew sal-2011 għall-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi li jiggarantixxi l-interoperabilità u s-sikurezza tal-infrastrutturi, u jiddefendi t-twaqqif ta' standards tekniċi għas-sistemi tal-iċċarġjar, inklużi kategoriji differenti ta' vetturi; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel ħilitha biex ikun hemm standards globali kull fejn ikun possibbli u biex tiżgura li l-istandard tal-iċċarġjar jinkoraġġixxi teknoloġiji moderni, bħall-iċċarġjar intelliġenti u l-istandards ta' komunikazzjoni miftuħa u jkun konsistenti mal-mandati fir-rigward tal-istrutturi tal-użu ta' arloġġi tad-dawl intelliġenti;

11.  Huwa konvint li l-istandardizzazzjoni se tippermetti proċess ta' approvazzjoni sempliċi mingħajr kumplikazzjonijiet u se tikkontribwixxi biex tħaffef l-introduzzjoni fis-suq u t-tixrid ta' vetturi b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju fl-UE, b'mod li żżid il-kompetittività tal-industrija tal-mobilità tal-UE permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' żvilupp għall-produtturi u l-eliminazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju mit-trasport fit-toroq;

12.  Jenfasizza li l-istandardizzazzjoni tal-vetturi elettriċi, tal-infrastrutturi u tal-metodi ta' ċċarġjar m'għandhiex tfixkel milli jkun hemm aktar innovazzjoni, l-iktar fl-oqsma tal-mobilità elettrika jew tal-magni konvenzjonali tal-vetturi;

13.  Jitlob li jkun hemm rekwiżiti armonizzati għall-approvazzjoni ta' vetturi elettriċi, b'rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-utenti finali, u li dawn ir-rekwiżiti jiġu inklużi fil-qafas tal-UE għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi billi jsir obbligatorju r-Regolament 100 tal-UNECE; jappoġġja b'mod qawwi l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tar-rekwiżiti tas-sikurezza f'każijiet ta' ħbit għall-vetturi elettriċi u jappoġġja l-attenzjoni li qed tagħti lill-kwistjoni tas-sikurezza tal-karozzi elettriċi għal utenti vulnerabbli tat-toroq;

14.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li sal-2010 tippreżenta linji gwida koordinati dwar l-inċentivi għax-xiri tal-vetturi elettriċi; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħsbu għal pakkett adegwat ta' inċentivi għall-implimentazzjoni ta' netwerk vast ta' ċċarġjar, skont mudelli armonizzati tal-mobbiltà elettrika;

15.  Jenfasizza li l-pakketti ta' għajnuna pubblika pprovduta lill-kumpaniji jeħtieġ li jkunu marbuta ma' sett ta' kundizzjonijiet ċari soċjali, teknoloġiċi, ekonomiċi u ta' kriterji tal-effiċjenza ambjentali, u jistenna mill-Kummissjoni li twettaq valutazzjonijiet ex-post ta' għajnuna finanzjarja ta' dan it-tip;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippermetti struttura settorjali Ewropea bil-għan li timmaniġġa t-tranżizzjoni soċjali involuta f'politika tal-mobbiltà b'użu baxx tal-karbonju u li tikkoordina miżuri ta' antiċipazzjoni biex tiżgura rkupru sostenibbli fl-industrija tal-karozzi u tnaqqas kwalunkwe impatt soċjali; jesiġi li jittieħdu passi effikaċi biex it-tibdil fis-settur awtomottiv u fil-katina ta' provvista ikun antiċipat, f'koordinament mal-persuni interessati kollha, partikolarment permezz tal-varar mill-ġdid tal-pjattaforma CARS-21 bi grupp ta' ħidma speċifiku dwar il-kwistjonijiet soċjali;

17.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw għalkollox l-użu tal-fond ta' Globalizzazzjoni u fondi strutturali oħra bħall-Fond Soċjali Ewropew, biex jinċentiva l-ksib ta' ħiliet ġodda u sforzi ta' taħriġ immirati sewwa u r-reorjentament tat-taħriġ settorjali u tal-istrutturi edukattivi biex jintlaqa' għall-ħtiġijiet emerġenti ta' ħiliet li jirriżultaw minn din it-teknoloġija;

18.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Kunsill Ewropew tal-Ħiliet Settorjali, bil-għan li jinħoloq netwerk tal-osservatorji nazzjonali tal-Istati Membri;

19.  Jiddefendi l-implimentazzjoni ta' pjattaforma tal-informazzjoni u koordinament konġunti bejn l-atturi, proġetti u inizjattivi Ewropej u t-twaqqif ta' osservatorju (il-livell dinji) dwar il-mobbiltà elettrika, li jiffoka fuq il-mudelli tan-negozju, it-teknoloġiji tal-vetturi u tal-iċċarġjar u l-integrazzjoni man-netwerks elettriċi intelliġenti, filwaqt li jlaqqa' flimkien il-persuni interessati l-aktar rilevanti, inizjattivi mmexxija mill-industrija u/jew mill-politika;

20.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-politika fiskali fit-tul li hija meħtieġa għall-promozzjoni ta' vetturi nodfa u b'użu effiċjenti tal-enerġija, u jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi viżjoni komuni fit-tul dwar kwistjonijiet bħal dawn relatati mas-CO2, bl-antiċipazzjoni tat-tibdiliet strutturali li jirriżultaw mill-bidla mill-fjuwils konvenzjonali għall-elettriku u l-promozzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija tal-mobbiltà elettrika biex jikkunsidraw ir-riżorsi, l-enerġija u l-bilanċ ambjentali tal-vetturi elettriċi matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-vetturi, mill-produzzjoni sar-rimi, inkluż ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-batteriji;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għad-disponibbiltà tal-materja prima meħtieġa għal-produzzjoni tal-batteriji u l-komponenti, li tqajjem il-kwistjonjiet tal-ispejjeż ta' produzzjoni ogħla u d-dipendenza tal-UE; Jistieden lill-Industrija biex tagħmel ħilitha ħalli tuża r-riżorsi disponibbli u jistieden lill-Kummissjoni biex tiffinanzja r-riċerka applikata skont il-Programmm Kwadru kurrenti u dak tal-ġejjieni dwar il-materja prima użata għall-batteriji elettriċi, biex tinkoraġġixxi netwerk aħjar bejn is-surveys ġeoloġiċi tal-UE u tippromwovi l-ħiliet u t-teknoloġiji f'dan is-settur bil-għan li tingħata spinta l-esplorazzjoni għal depożiti ġodda tal-materja prima;

23.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' kampanji ta' informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-vantaġġi, possibbiltajiet u aspetti prattiċi tal-vetturi elettriċi;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-sħab soċjali u lill-industrija.


Ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija fil-qasam tal-Vetturi bil-Mutur
PDF 243kWORD 77k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar ir-Regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija tal-vetturi bil-mutur
P7_TA(2010)0151B7-0245/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 101(1) u (3), l-Artikolu 103(1) u l-Artikolu 105(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn “il quddiem ”TFUE“),

–   wara li kkunsidra r-Regolament Nru 19/65/KEE tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta' Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom(2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tal-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma(3) (ir-regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija tal-ftehimiet vertikali ġenerali, minn hawn “il quddiem il-”GBER attwali“),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur(4) (ir-regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija tal-vetturi bil-mutur, minn hawn “il quddiem l-”MVBER attwali“),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief tal-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi(5); u r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi(6),

–   wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat lil kategoriji ta' ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma (ir-regolament il-ġdid ta' eżenzjoni ta' kategorija tal-ftehimiet vertikali ġenerali, minn hawn “il quddiem il-”GBER il-ġdid“), ippubblikat fit-28 ta' Lulju 2009 għal konsultazzjoni fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat lil kategoriji ta' ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ir-regolament il-ġdid ta' eżenzjoni ta' kategorija tal-vetturi bil-mutur, minn hawn “il quddiem l-”MVBER attwali“), ippubblikat fil-21 ta' Diċembru 2009 għal konsultazzjoni fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-avviż tal-Kummissjoni – Linji gwida fuq trażżin vertikali(7),

–   wara li kkunsidra l-opuskolu spjegattiv tal-Kummissjoni dwar id-distribuzzjoni u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur fl-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-avviż tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat(8),

–   wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Avviż tal-Kummissjoni – Linji gwida fuq trażżin vertikali, ippubblikat fit-28 ta' Lulju 2009 għal konsultazzjoni fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Avviż tal-Kummissjoni – Linji gwida supplimentari dwar restrizzjonijiet vertikali fi ftehimiet dwar il-bejgħ u t-tiswija ta' vetturi bil-mutur u d-distribuzzjoni ta' partijiet tal-bdil għal vetturi bil-mutur, ippubblikat fil-21 ta' Diċembru 2009 għal konsultazzjoni fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bit-titolu “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir – Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (COM(2008)0394),

–   wara li kkunsidra r-“Rapport tal-Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 dwar id-distribuzzjoni u s-servizzi tal-vetturi bil-mutur” u d-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjawh, ippubblikat f'Mejju 2009 fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni (minn hawn “il quddiem ir-”rapport tal-evalwazzjoni“),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2009 dwar “Il-Qafas Ġejjieni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni applikabbli għas-settur tal-vetturi bil-mutur” (COM(2009)0388) u d-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjawha,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Marzu 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Il-Qafas Ġejjieni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni applikabbli għas-settur tal-vetturi bil-mutur (INT/507 – CESE 444/2010),

–   wara li kkunsidra l-kontributi mid-diversi partijiet interessati mibgħuta lill-Kummissjoni matul il-perjodi ta' konsultazzjonijiet pubbliċi u ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni, kif ukoll il-pożizzjonijiet espressi mill-partijiet interessati matul il-laqgħa konġunta tal-Kumitati ECON u IMCO fid-19 ta' Ottubru 2009 u l-workshop tal-Kumitat ECON tat-12 ta' April 2010, it-tnejn li huma dwar l-MVBER,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2002 dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat lil kategoriji ta' ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma fl-industrija tal-vetturi bil-mutur (2002/2046(INI))(9),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi (2007/2120(INI))(10),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi(11),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008 (2009/2173(INI))(12),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-ftehimiet ta' distribuzzjoni huma regolamentati fuq livell tal-UE permezz ta' żewġ oqfsa ġuridiċi separati, jiġifieri, fuq naħa, Direttiva li tipprevedi l-koordinament tal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-ftehimiet ta' rappreżentanza kummerċjali (Direttiva 86/653/KEE, l-hekk imsejħa Direttiva dwar l-aġenzija kummerċjali), u min-naħa l-oħra, iż-żewġ regolamenti ta' eżenzjoni ta' kategorija fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni għal dak li għandu x'jaqsam mal-ftehimiet vertikali ta' distribuzzjoni (il-GBER u l-MVBER attwali),

B.   billi fl-1999 il-Kummissjoni ddefiniet fil-GBER attwali kategorija ta' ftehimiet vertikali li tqis li normalment tissodisfa l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE mill-projbizzjoni tal-klawżoli u tal-prattiki antikompetittivi,

C.   billi s-settur tal-vetturi bil-mutur ilu suġġett għal qafas ta' regolamentazzjoni speċifiku relatat mal-kompetizzjoni min-nofs is-snin tmenin,

D.   billi fl-2002 il-Kummissjoni qieset li s-settur tal-vetturi bil-mutur ma għandux jiddaħħal fis-sistema tal-GBER attwali, peress li kienu għadhom jinħtieġu provvedimenti speċifiċi biex jindirizzaw problemi partikolari marbuta mal-kompetizzjoni identifikati minnha f'dan is-settur, jiġifieri sitwazzjoni oligopolistika fis-suq tal-karozzi Ewropew; billi sa dak iż-żmien il-Kummissjoni kienet imħassba bil-fatt li l-kompetizzjoni bejn il-manufatturi tal-karozzi kienet baxxa,

E.   billi l-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tadotta regoli aktar rigorużi għall-MVBER attwali għal dan is-settur, partikolarment limiti speċifiċi tas-sehem fis-suq u restrizzjonijiet u kundizzjonijiet fundamentali ulterjuri,

F.   billi l-ambitu ta' applikazzjoni tal-MVBER attwali jħaddan tlett iswieq ta' produzzjoni differenti: (a) vetturi bil-mutur ġodda (suq primarju); (b) partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur (suq ta' wara l-bejgħ); u (c) servizzi ta' tiswija u manutenzjoni (suq ta' wara l-bejgħ); billi fost il-vetturi bil-mutur insibu kemm il-karozzi tal-passiġġieri kif ukoll vetturi kummerċjali,

G.   billi kemm il-GBER kif ukoll l-MVBER attwali se jiskadu fil-31 ta' Mejju 2010; billi l-Kummissjoni nediet il-proċess ta' eżaminar mill-ġdid taż-żewġ regolamenti u tal-linji gwida li jakkumpanjawhom,

H.   billi issa l-Kummissjoni tqis li s-swieq tal-bejgħ tal-vetturi bil-mutur ġodda huma kompetittivi ħafna u li l-livelli ta' konċentrazzjoni qegħdin jonqsu; billi l-Kummissjoni tqis ukoll li l-ostakli għad-dħul huma baxxi f'dan is-suq u li ġie reġistrat tkabbir b'ritmu mgħaġġel ta' dħul ta' parteċipanti ġodda mill-Asja tal-Lvant iġġenerat minn prezzijiet aggressivi,

I.   billi l-Kummissjoni tosserva li, b'konsegwenza ta' dan, il-prezzijiet bl-imnut tal-karozzi tal-passiġġieri qegħdin jogħlew; billi, bil-kuntrarju ta' dan, il-Kummissjoni tosserva li l-kompetizzjoni fis-swieq tat-tiswija u manutenzjoni għadha limitata ħafna u li l-prezzijiet huma ferm għoljin għal ċerti tipi ta' partijiet tal-bdil,

J.   billi l-Kummissjoni tipproponi li eżenzjoni speċifika ta' kategorija għax-xiri u l-bejgħ ta' vetturi bil-mutur ġodda (suq primarju) m'għadhiex meħtieġa u li l-GBER il-ġdid se japplika għas-suq primarju wara perjodu ta' proroga ta' 3 snin; filwaqt li sal-31 ta' Mejju 2013, l-MVBER attwali se jibqa' japplika għas-suq primarju,

K.   billi l-Kummissjoni tipproponi wkoll l-adozzjoni ta' linji gwida speċifiċi għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni li japplikaw għas-settur tal-vetturi bil-mutur, kemm għas-suq primarju kif ukoll għal dak ta' wara l-bejgħ,

L.   billi, għas-suq ta' wara l-bejgħ (partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur, servizzi ta' tiswija u manutenzjoni), il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' regolament speċjali ta' eżenzjoni ta' kategorija, l-MVBER il-ġdid,

M.   billi ma jistax jinċaħad il-fatt li l-maġġoranza kbira tal-impriżi fil-kummerċ u fit-tiswija tal-karozzi espremiet it-tħassib serju tagħha dwar riskju ta' sospensjoni temporanja jew proroga għal perjodu qasir tal-MVBER attwali, billi dan ikun jissarraf f'deterjorament ulterjuri tal-bilanċ tal-poteri bejn il-manufatturi u l-bqija tal-katina tal-valur fis-settur tal-karozzi u se jibbenefikaw biss grupp ċkejken ta' manufatturi kbar ta' vetturi,

N.   billi bosta rappreżentanti tas-suq tal-partijiet tal-bdil tal-vetturi u tas-settur tat-tiswija u manutenzjoni esprimew l-appoġġ tagħhom favur ġabra ġdida ta' regoli għas-suq ta' wara l-bejgħ bħala pass “il quddiem importanti meta mqabbel mal-MVBER attwali,

O.   billi s-suq primarju u s-suq ta' wara l-bejgħ mhumiex reċiprokament esklussivi u l-vijabilità kummerċjali ta' ħafna bejjiegħa indipendenti tiddependi kemm fuq il-flessibilità tagħhom li jbigħu kif ukoll li jsewwu l-vetturi,

P.   billi l-UE attwalment qiegħda tħabbat wiċċha ma' kriżi finanzjarja u ekonomika u rati tal-qgħad għoljin liema bħalhom; billi l-UE għandha tippromwovi ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva u timmira li tnaqqas il-faqar; billi l-industrija tal-karozzi Ewropea tirrappreżenta settur fundamentali tal-ekonomija Ewropea peress li tikkontribwixxi għall-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija kollha kemm hi; billi din l-industrija ntlaqtet b'mod partikolari mill-kriżi attwali u rċeviet sostenn mill-interventi Statali f'bosta Stati Membri,

Q.   billi d-dispożizzjonijiet relatati mal-bejgħ ta' bosta marki (multi-branding) japplikaw għad-distribuzzjoni tal-bejgħ fl-istess stabbiliment, f'vetrini separati fl-istess żona jew fi stabbilimenti separati,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni fetħet bosta konsultazzjonijiet pubbliċi fir-rigward tal-eżaminar mill-ġdid tal-MVBER u tal-GBER; japprezza li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament ir-rapport tal-evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-MVBER attwali;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem b'mod proattiv fi spirtu ta' ftuħ u trasparenza mal-Parlament u biex tinforma u tibgħat dokumenti leġiżlattivi, preleġiżlattivi u mhux leġiżlattivi lill-Parlament f'fażi bikrija, kif aċċerta l-Kummissarju Almunia matul is-seduta ta' smigħ tiegħu bħala Kummissarju nominat;

3.  Jenfasizza li approċċ bħal dan għandu jippermetti dibattitu fil-fond fost il-Membri Parlamentari u jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika biċ-ċar liema kontributi tal-partijiet interessati, f'każ li hemm, bisħiebha tinkorpora fir-regolament finali bil-għan li tiggarantixxi abbozzar trasparenti tal-MVBER u tal-GBER finali;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ġenerali biex l-industrija tal-vetturi bil-mutur fl-UE, inklużi kemm il-manufatturi ta' vetturi kif ukoll il-produtturi tal-partijiet tal-vetturi, issir sostenibbli u tkun tista' tibqa' ekonomikament effiċjenti u minn ta' quddiem nett f'dik li hija innovazzjoni teknoloġika, ekoloġika u soċjali; jenfasizza l-importanza li jinstab bilanċ bejn ir-rekwiżi marbuta mal-kompetizzjoni u l-proprjetà intellettwali, kemm fis-suq intern kif ukoll ma' pajjiżi terzi;

6.  Jemmen li l-MVBER il-ġdid għandu jitqies bħala biċċa minn approċċ integrat għal-leġiżlazzjoni fis-settur tal-vetturi bil-mutur;

7.  Ifakkar fl-importanza taċ-ċertezza ġuridika; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tabbozza dokument ta' Mistoqsijiet Komuni jew Opuskolu Spjegattiv li jispjegaw f'aktar dettall lill-atturi fis-suq il-qafas leġiżlattiv il-ġdid;

8.  Jiġded l-attenzjoni għall-fatt li r-relazzjoni bejn il-manufatturi, fuq naħa, u l-bejjiegħa, il-fornituri ta' servizzi u l-atturi ekonomiċi rilevanti l-oħra fil-katina tal-provvista fis-settur tal-karozzi, min-naħa l-oħra, għandha tiġi analizzata bir-reqqa u jittieħed f'kunsiderazzjoni l-poter ekonomiku mhux indaqs tagħhom bħala msieħba kummerċjali;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li teżisti ħtieġa li lill-atturi żgħar u ta' daqs medju fil-katina tal-provvista fis-settur tal-karozzi jiġihom garantit il-fatt li jgawdu minn kundizzjonijiet favorevoli; jenfasizza l-importanza li jiġi adottat qafas sod ta' regolamentazzjoni kapaċi li jipprevjeni b'mod effikaċi kwalunkwe abbuż ta' kwalunkwe pożizzjoni dominanti u jiggarantixxi li ma jkunx hemm żieda fid-dipendenza tal-SMEs fil-konfront tal-manufatturi l-kbar; ifakkar fl-importanza tal-SMEs bħala atturi li jagħtu x-xogħol, partikolarment f'mument ta' kriżi ekonomika, u bħala fornituri ta' prossimità u jirrispondu għall-esiġenzi tal-popolazzjoni, anki f'żoni b'popolazzjoni skarsa;

10.  Mhuwiex favur it-tneħħija ta' ċerti kundizzjonijiet imposti mill-MVBER attwali għall-eżenzjoni ta' ftehim, jiġifieri klawżoli kuntrattwali dwar il-bejgħ ta' bosta marki, avviż ta' terminazzjoni, tul ta' żmien, arbitraġġ ta' tilwim, litigazzjoni u trasferimenti tan-negozju fi ħdan in-netwerk; ifakkar, b'mod partikolari, li l-ħtieġa ta' semplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet għat-trasferimenti tan-negozju tifforma parti mill-ewwel prinċipju tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar; jiġded l-attenzjoni għar-riskju rappreżentat mill-obbligu ta' mmarkar uniku għall-għażla tal-konsumatur u l-indipendenza tal-bejjiegħ fil-konfront tal-manufatturi; jibża' li dawn il-klawżoli aktarx isiru suġġetti għal liġijiet nazzjonali differenti dwar il-kuntratti;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li d-distributuri, inklużi dawk mis-settur tal-vetturi bil-mutur, jibbenefikaw mill-istess livell ta' protezzjoni kuntrattwali fl-UE kollha hekk kif attwalment jibbenefikaw l-aġenti kummerċjali; jemmen li dan l-allinjament jista' jintlaħaq bl-emenda tad-Direttiva 86/653/KEE u parzjalment permezz tat-twessigħ tal-ambitu ta' applikazzjoni biex jinkludi l-ftehimiet ta' distribuzzjoni;

12.  Jenfasizza li huwa importanti, partikolarment fi żminijiet ta' diffikultà ekonomika, li jitħallew alternattivi kummerċjali konkreti għall-pussess, bħall-kiri, biex l-eżiġenzi ta' mobilità tal-individwi jkunu sodisfatti; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi li l-MVBER u l-GBER il-ġodda jistipulaw il-kundizzjonijiet meħtieġa, bħad-definizzjoni ta' utent finali, sabiex it-tali alternattivi kummerċjali jiżviluppaw u jikkontrobwixxu għal kompetizzjoni tajba fis-suq tal-karozzi;

13.  Mhuwiex favur Kodiċi ta' Kondotta mhux vinkolanti li jistabbilixxi obbligi reċiproċi bejn bejjiegħa konċessjonarji u l-fornituri tagħhom billi ma tkunx effikaċi biex tħares l-interessi tal-bejjiegħa fil-konfront tal-manufatturi; kwalunkwe Kodiċi ta' Kondotta għandu jkun akkumpanjat minn mekkaniżmu ta' infurzar xieraq, jiġifieri r-rikors għal proċedura ta' arbitraġġ adegwata;

14.  Jibża' li l-objettiv tal-Kummissjoni li tkompli tippromwovi kompetizzjoni effikaċi fis-suq ta' wara l-bejgħ tas-settur tal-vetturi bil-mutur billi tindirizza l-għażla tal-konsumatur u permezz ta' aċċess effikaċi għall-operaturi indipendenti tas-suq ma jkunx jista' jintlaħaq permezz ta' din ir-riforma; jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq ta' wara l-bejgħ tas-settur tal-vetturi bil-mutur għandhom ukoll konsegwenza diretta fuq is-sikurezza pubblika;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-limitu tat-30% għall-obbligu tax-xiri tal-partijiet tal-bdil (spare parts), bil-għan li tinżamm il-libertà tas-sewwejja awtorizzati li jixtru partijiet tal-bdil minn sorsi li mhumiex il-manufattur tal-vetturi u għalhekk tiġi evitata sitwazzjoni fejn nerġgħu lura għall-provvista vinkolata (captive) li tgħolli l-prezzijiet tal-partijiet tal-bdil u tnaqqis l-attività ta' fornituri oħra tal-partijiet tal-bdil;

16.  Jisħaq fuq il-fatt li l-konsumaturi Ewropej kif ukoll utenti finali oħra ma għandhomx iħabbtu wiċċhom ma' ostakli fix-xiri ta' karozza bi prezzijiet kompetittivi, anki fi kwantitajiet kbar u indipendentement mis-sistema ta' distribuzzjoni magħżula mill-fornitur, u jkunu jistgħu jagħżlu fejn u kif isiru t-tiswija u l-manutenzjoni;

17.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-appelli ripetuti tal-Parlament favur vetturi ekoloġiċi u fid-dikjarazzjonijiet mill-President tal-Kummissjoni dwar ekonomija li tirrispetta l-ambjent; jemmen li l-immarkar multiplu kif ukoll l-aċċess faċli għas-servizzi ta' tiswija u manutenzjoni jgħinu biex jintlaħaq l-objettiv ta' vetturi b'emissjonijiet aktar baxxi permezz ta' tqabbil faċli ta' vetturi fil-mument ta' xiri ta' karozza u ta' vetturi li jaħdmu b'mod adegwat; itenni t-talba tiegħu għal investigazzjoni tal-effikaċja tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lis-settur tal-vetturi bil-mutur għal “irkupru li jirrispetta l-ambjent”;

18.  Jinsab imħasseb li l-linji gwida proposti mill-Kummissjoni għas-settur tal-vetturi bil-mutur mhumiex biżżejjed preċiżi biex jiggarantixxu li l-informazzjoni teknika tkun disponibbli għall-bejjiegħa indipendenti fl-istess format komprensiv kif previst fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u fir-Regolament (KE) Nru 595/2009; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni taġġorna d-definizzjoni ta' informazzjoni teknika abbażi tal-progress teknoloġiku u tiggarantixxi aċċess kontinwu għal servizzi aġġornati u data tal-partijiet f'formati elettroniċi aċċessibbli faċilment;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika r-regoli l-ġodda marbuta mas-suq ta' wara l-bejgħ mill-1 ta' Ġunju 2010, indipendentement mis-soluzzjonijiet li għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-bejgħ ta' vetturi ġodda;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tittratta forom ġodda ta' miżuri kontra l-kompetizzjoni li jorbtu lill-klijenti pereżempju kwalunwe tip ta' servizz ta' wara l-bejgħ li jkun subordinat għat-tiswija jew manutenzjoni esklussiva ta' vetturi fin-netwerk speċifiku tal-marka;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-operat tal-qafas ġuridiku l-ġdid għas-settur tal-karozzi fuq bażi regolari; iħeġġeġ partikolarment lill-Kummissjoni terġa' twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-kundizzjonijiet marbuta mal-kompetizzjoni fis-suq primarju tal-vetturi bil-mutur qabel it-tmien tal-perjodu ta' proroga, b'attenzjoni fuq l-impatt ta' ċerti klawżoli kuntrattwali bħall-immarkar multiplu, it-trasferimenti tan-negozju u l-limitu għall-partijiet tal-bdil, kif ukoll fuq id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Kondotta propost; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħalli l-għażliet ta' regolamentazzjoni kollha miftuħa u biex tieħu miżuri xierqa, fosthom proroga ġdida ta' parti tal-MVBER jew reviżjonijiet tal-GBER, f'każ li jkun jidher li l-kundizzjonijiet kompetittivi partikolarment fis-suq primarju marru konsiderevolment għall-agħar;

22.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament għandu jkun infurmat mill-Kummissjoni bi kwalunkwe adattament tal-qafas ġuridiku l-ġdid li hija aktarx tipprevedi tadotta bħala konsegwenza tas-sorveljanza tagħha tas-suq u li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat mingħajr dewmien qabel ma tittieħed deċiżjoni bħal din;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU 36, 6.3.1965, p. 533.
(2) ĠU L 382, 31.12.1986, p. 17.
(3) ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21.
(4) ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30.
(5) ĠU L 171, 29.6.2007, p.1.
(6) ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1.
(7) ĠU C 291, 13.10.2000, p. 1.
(8) ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97.
(9) ĠU C 187 E, 7.8.2003, p. 149.
(10) Testi adottati, P6_TA(2008)0007.
(11) Testi adottati, P6_TA(2009)0186.
(12) Testi adottati, P7_TA(2010)0050.


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea
PDF 286kWORD 129k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea (2009/2103(INI))
P7_TA(2010)0152A7-0121/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea (COM(2009)0291),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013”(2),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(3),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-piż Ewropew tal-kanċer adottati fl-10 ta' Ġunju 2008(4),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrinjar tal-kanċer(5),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-bżonn ta' strateġija komprensiva biex jiġi kkontrollat il-kanċer(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea mkabbra(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea(9),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 646/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Marzu 1996 li tadotta pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-kanċer fi ħdan il-qafas għal azzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika (1996 sa 2000)(10),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk(11),

–   wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer: it-tielet verżjoni,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kanċer fid-Dinja 2008 tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Epatite Ċ(12),

–   wara li kkunsidra l-attività u l-konklużjonijiet tal-grupp ta' interess tal-partijiet kollha Membri tal-Parlament Ewropew Kontra l-Kanċer,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(13),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0121/2010),

A.   billi l-kanċer qed jikber b'mod epidemiku fid-dinja kollha minkejja l-progressi fil-mediċina,

B.   billi ċerti pajjiżi għamlu progress fit-tnaqqis tar-rati tal-kanċer bis-saħħa ta' politiki kontra t-tipjip, prevenzjoni sekondarja mtejba u trattament ta' ċerti forom ta' kanċer(14),

C.   billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-kanċer huwa waħda mill-kawżi ewlenin tal-mewt fid-dinja u jammonta għal madwar 13% tal-imwiet kollha fl-2004,

D.   billi l-kanċer kien it-tieni kawża l-iktar komuni ta' mwiet fl-2006, li wassal għal żewġt imwiet minn kull għaxra għan-nisa u tlett imwiet minn kull għaxra għall-irġiel, ekwivalenti għal madwar 3.2 miljun ċittadin fl-UE djanjostikat bil-kanċer kull sena; billi fil-biċċa l-kbira tagħhom l-imwiet ikunu kkawżati mill-kanċer tal-pulmun, mill-kanċer kolorettali u mill-kanċer tas-sider,

E.   billi, skont estimi li saru mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, wieħed minn kull tliet ċittadini Ewropej jiġi djanjostikat bil-kanċer matul ħajtu u wieħed minn kull erba' ċittadini Ewropej imut bil-marda,

F.   billi t-tbassir jissuġġerixxi li fl-2010 tliet miljun Ewropew se jiżviluppalhom il-kanċer u kważi żewġ miljuni mistennija jmutu bil-kanċer, u billi l-previzjonijiet għall-2020 jissuġġerixxu li 3.4 miljun Ewropew se jiżviluppalhom il-kanċer u iktar minn 2.1 miljun se jmutu kaġun tal-marda,

G.   billi l-aktar tipi ta' kanċer frekwenti jvarjaw bejn in-nisa u l-irġiel u n-nisa jintlaqtu l-aktar mill-kanċer tas-sider, tal-għonq tal-utru, tal-endometriju, tat-tubu fallopjan, tal-ovari u tal-vaġina iżda sikwit ukoll mill-kanċer tal-istonku u tal-kolon; billi l-inċidenza tal-kanċer tas-sider qiegħda tikber fost in-nisa f'ħafna pajjiżi Ewropej u qiegħda taffettwa wkoll lin-nisa żgħażagħ u kull sena 275,000 mara fl-UE jaqbadha l-kanċer tas-sider,

H.   billi l-ġlieda kontra l-kanċer għandha titqies parti essenzjali mill-Istrateġija għas-Saħħa,

I.   billi madwar 30% tal-każi ta' kanċer jistgħu jiġu evitati u l-konsegwenzi tagħhom jonqsu jekk dawn jiġu skoperti u trattati fi stadju bikri u filwaqt li l-effikaċja tal-programmi nazzjonali tal-iskrinjar għan-nisa tvarja u tiddependi mill-kopertura tal-popolazzjoni femminili, mill-aċċessibilità għall-mammografija u l-kwalità tagħha, mit-trattament u minn fatturi oħra,

J.   billi l-kanċer fit-tfulija, li huwa l-iktar kawża komuni tal-mewt bil-mard fost iż-żgħar, jista' jiġi ttrattat b'suċċess sabiex tintlaħaq rata ta' sopravivenza ta' 80%,

K.   billi l-prevenzjoni tinvolvi kemm prevenzjoni primarja tal-inċidenza u kemm prevenzjoni sekondarja permezz tal-iskrinjar u tas-sejbien bikri,

L.   billi l-prevenzjoni primarja effettiva tista' tikkontribwixxi bil-kbir biex tittejjeb is-saħħa permezz ta' intervenzjonijet ibbażati fuq il-popolazzjoni u b'miżuri li jħeġġu stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa,

M.   billi l-prevenzjoni tinvolvi kemm prevenzjoni primarja tal-inċidenza, li tista' tintlaħaq billi l-popolazzjoni tkun anqas espota għal sustanzi li jikkontaminaw li jkunu marbuta mal-kanċer fl-ambjent, flimkien ma' prevenzjoni sekondarja permezz tal-iskrinjar u s-sejbien bikri,

N.   billi l-inċidenza tal-kanċer tal-għonq tal-utru (it-tieni tip ta' kanċer l-aktar komuni fin-nisa wara l-kanċer tas-sider) tista' tiġi evitata bi trattament xieraq bħat-tilqim profilattiku kontra l-vajrusis karċinoġeniċi,

O.   billi l-kanċer huwa kkawżat minn ħafna fatturi fi stadji multipli u, għalhekk, jeħtieġ paradigma ġdida għall-prevenzjoni tal-kanċer li tittratta fatturi li għandhom x'jaqsmu mal-ġenetika, mal-istil tal-ħajja, max-xogħol u mal-ambjent fuq l-istess livell b'mod li jkunu riflessi l-effetti veri tat-tagħqid ta' fatturi differenti, iktar milli bl-għoti ta' attenzjoni lil kawżi iżolati,

P.   billi l-fatturi ambjentali ma jinkludux biss duħħan ambjentali mit-tabakk, radjazzjoni u esponiment eċċessiv għall-UV iżda wkoll esponiment għal sustanzi kimiċi li jikkontaminaw fl-ikel, fl-arja, fil-ħamrija u fl-ilma minħabba, inter alia, proċessi industrijali, prattiki agrikoli jew il-kontenut ta' tali sustanzi, pereżempju, fil-prodotti tal-kostruzzjoni u fil-prodotti għall-konsum,

Q.   billi prinċipalment din il-marda hija kkawżata minn esponiment individwali għal aġenti karċinoġeniċi li dak li jkun jiġbed man-nifs, jiekol jew jixrob, jew minn esponiment għal aġenti karċinoġeniċ li jkun espost għalihom fl-ambjent personali jew professjonali tiegħu; billi ċerti vizzji, bħall-użu tat-tabakk, tendenzi ripetuti fid-dieta u fl-attivitajiet fiżiċi – kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ambjent – għandhom irwol ewlieni fl-iżvilupp tal-kanċer,

R.   billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, tal-inqas 10% tal-imwiet annwali kkawżati mill-kanċer ikunu kkaġunati b'mod dirett minn esponiment għal karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol; billi tali esponiment jista' jiġi evitat jekk il-karċinoġeni jiġu sostitwiti b'sustanzi inqas perikolużi,

S.   billi r-rata mgħaġġla fiż-żieda ta' ċerti kanċers, bħal pereżempju l-kanċer tat-testikoli u l-Limfoma Non-Hodgkins, u ż-żieda fl-Ewropa ta' 1% kull sena f'dawn l-aħħar 20 sena ta' kanċers fit-tfulija, skont id-WHO, juri li bilfors hemm involuti fatturi ambjentali,

T.   billi l-prevenzjoni sekondarja effettiva maħsuba għas-sejbien bikri tal-marda tista' tikkontribwixxi wkoll biex tittejjeb il-prevenzjoni tas-saħħa u tista' tikkontribwixxi bil-kbir biex tittejjeb is-saħħa; billi tbassar li permezz tal-implimentazzjoni ta' kopertura demografika ta' 100 % fir-rigward tal-iskrinjar tal-kanċer ċervikali, jistgħu jiġu salvati madwar 94 % ta' snin ta' ħajja mitlufa u, għal kull 152 pap smear test li jsir, tista' tinkiseb sena waħda ta' ħajja,

U.   billi l-kimiċi li jħawdu s-sistema endokrinali jista' jkollhom sehem importanti fl-iżvilupp tal-kanċer, pereżempju fil-każ tal-kanċer tas-sider jew tat-testikoli, u għalhekk dawn jeħtieġu azzjoni speċifika,

V.   billi s-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi kbar għas-sostenibilità tagħhom għaż-żmien twil u l-ewwel fosthom huwa l-impatt li se jkollha l-popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ fuq ir-rekwiżiti tal-forza tax-xogħol u fuq l-infiq globali fuq il-kura tas-saħħa; barra dan, għalkemm it-teknoloġiji l-ġodda jġibu benefiċċji sostanzjali, dawn jeħtieġu persunal imħarreġ b'mod adegwat u possibbilment żieda fl-infiq,

W.   billi l-inċidenza ta' ċerti kanċers bħall-kanċer tal-għonq tal-utru hija ogħla b'mod sinifikanti f'ċerti popolazzjonijiet migranti ta' nisa, u għalhekk jeħtieġ jiġi garantit li l-prevenzjoni u l-programmi tas-sejbien bikri tal-marda jkunu ffukati fuq dawn il-gruppi b'riskju għoli u disponibbli għalihom,

X.   billi l-fatt li l-popolazzjoni fl-Unjoni qed tixjieħ huwa wieħed mill-kawżi taż-żieda fil-piż tal-kanċer madwar l-Unjoni, u billi ż-żieda fl-inċidenza tal-kanċer se toħloq pressjoni addizzjonali fuq il-finanzi pubbliċi u fuq il-produttività tal-ekonomija tas-settur privat u għalhekk titjib fl-indikaturi tas-saħħa li jirrigwardaw il-kanċer se jikkontribwixxu wkoll għat-titjib fl-indikaturi ekonomiċi fuq medda twila ta' żmien,

Y.   billi l-prevalenza tal-kanċer hija korelatata maż-żieda fl-età u hija marbuta mill-qrib max-xjuħija, huwa l-każ ukoll li iżjed ma l-popolazzjoni tixjieħ, iżjed se tiżdied ukoll l-inċidenza inġenerali tal-kanċer; din ix-xejra se tidher l-aktar fost nisa iktar anzjani, minħabba li n-nisa għandhom jgħixu iktar mill-irġiel, u għalhekk jeħtieġ li jiġi garantit li l-prevenzjoni u l-programmi tas-sejbien bikri ma jkunux disponibbli biss għal nisa ta' età medja izda anke għal nisa anzjani kif ukoll għal dawk l-aktar anzjani fost l-anzjani,

Z.   billi fit-Trattat ta' Lisbona tapplika l-kompetenza maqsuma bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fi kwistjonjiet ta' sigurtà komuni fis-saħħa pubblika, bħall-protezzjoni tas-saħħa fiżika u mentali,

AA.   billi r-rati tal-mewt bil-kanċer fl-Istati l-Membri l-ġodda huma ogħla minn dawk tal-UE-15,

AB.   billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa stmat li mill-inqas terz tal-każi kollha tal-kanċer jista' jiġi evitat u li l-prevenzjoni toffri l-iżjed strateġija effettiva għal żmien twil f'termini ta' spiża fuq il-kontroll tal-kanċer, u billi ġie stmat li l-kanċer jista' jiġi evitat billi jiġu mibdula jew evitati fatturi ewlenin ta' riskju bħat-tipjip, il-ħxuna żejda, in-nuqqas ta' konsum ta' frott u ta' ħxejjex, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-konsum tal-alkoħol, aġenti li jxerrdu l-infezzjonijiet u l-esponiment għal ċerti sustanzi kimiċi u r-radjazzjoni jonizzanti,

AC.   billi n-nutrizzjoni fqira, in-nuqqas ta' attività fiżika, l-obeżità, it-tabakk u l-alkoħol huma fatturi ta' riskju komuni għal mard kroniku ieħor, bħas-CVD, id-dijabete tat-tip 2 u mard respiratorju, u għalhekk il-programmi ta' prevenzjoni tal-kanċer għandhom isiru fil-kuntest ta' programm integrat ta' prevenzjoni tal-mard kroniku,

AD.   billi sa mill-1987 l-esperti żviluppaw il-Kodiċi Ewoprew Kontra l-Kanċer bħala strument ibbażat fuq l-evidenza biex tiġi trattata l-prevenzjoni,

AE.   billi d-differenzi sorprendenti u inaċċettabbli fil-kwalità tal-faċilitajiet tat-trattament tal-kanċer, tal-programmi tal-iskrinjar, tal-linji gwida tal-aħjar prassi bbażati fuq l-evidenza, tal-faċilitajiet tar-radjoterapija, u l-aċċess għal mediċini kontra l-kanċer huma fost il-kawżi tad-differenzi kbar fl-ilħuq tar-rata ta' sopravivenza ta' ħames snin f'ħafna każi ta' kanċer madwar l-Ewropa,

AF.   billi l-inugwaljanza tas-saħħa għadha mifruxa fl-Unjoni Ewropea, u billi l-komunitajiet żvantaġġati – minħabba li għandhom aċċess limitat għar-riżorsi, għall-informazzjoni u għas-servizzi – jiffaċċaw riskji ikbar ta' problemi ta' saħħa minn dawk li għandhom pożizzjoni soċjoekonomika ogħla,

AG.   billi l-kanċer jista' jitnaqqas u jiġi kkontrollat bl-implimentazzjoni ta' strateġiji bbażati fuq l-evidenza għas-sejbien bikri u għat-trattament ta' pazjenti bil-kanċer,

AH.   billi huwa stmat li 25% mill-imwiet bil-kanċer fl-Unjoni huma kkawżati mit-tipjip; billi t-tipjip jikkawża bejn 80% u 90% tal-imwiet bil-kanċer tal-pulmun madwar id-dinja, u billi qed jiżdied l-għadd ta' tfajliet li jibdew ipejpu, bir-riżultat li fil-ġejjieni jiżdied ir-riskju tal- kanċer tal-pulmun fin-nisa,

AI.   billi fl-aħħar 20 sena l-inċidenza tal-kanċer tal-fwied żdiedet b'iktar mid-doppju u fl-2006 kien hemm 50,300 każ ġdid ta' kanċer fl-UE-27 u 45,771 persuna mietu bil-marda, u billi, barra l-piż żejjed u l-konsum tal-alkoħol, minn 75% sa 80% tal-każi tal-kanċer tal-fwied primarju huma kkawżati minn infezzjonijiet persistenti b'epatite virali (B jew Ċ),

AJ.   billi ġie stabbilit fis-sod li l-istil tal-ħajja, b'mod partikulari d-drawwiet alimentari, jinfluwenza l-iżvilupp tat-tumuri u għalhekk iż-żamma ta' stat ta' alimentazzjoni ħażina tikkontribwixxi għas-sopravivenza (għall-inqas għal ċerti tipi ta' tumuri) u għall-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer,

AK.   billi ċerti kanċers jistgħu jiġu evitati u s-saħħa tista' tittejjeb b'mod ġenerali billi jiġu adottati stili ta' ħajja iżjed tajbin għas-saħħa, u billi l-kanċers jistgħu jitfejqu jew il-prospetti tal-fejqan jistgħu jiżdiedu bil-kbir jekk dawn jinstabu fi stadju bikri,

AL.   billi l-kanċer huwa marbut ukoll mill-qrib mal-istejtus ekonomiku u soċjali, u billi l-ogħla fatturi tar- riskju tal-kanċer jinsabu fil-gruppi li għandhom l-iżjed livelli baxxi ta' edukazzjoni. Barra minn hekk, pazjenti li jinsabu fil-klassijiet soċjoekonomiċi l-aktar baxxi għandhom, b'mod konsistenti, l-aktar rati baxxi ta' sopravivenza mill-pazjenti li jinsabu fi klassijiet ogħla,

AM.   billi programm nazzjonali tal-kontroll tal-kanċer li jkun imfassal tajjeb u ġestit sewwa jnaqqas l-inċidenza u l-mortalità bil-kanċer, f'xi każi b'iktar minn 70%, u jtejjeb il-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer, minkejja l-limiti fir-riżorsi li jkun qed iħabbat wiċċu magħhom il-pajjiż,

AN.   billi hemm differenzi kbir fost l-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-kwalità tal-pjanijiet tal-kontroll tal-kanċer,

AO.   billi l-implimentazzjoni fil-pajjiż ta' programmi effettivi ta' skrinjar ibbażati fuq il-poplazzjoni – immexxija skont il-linji gwida Ewropej jekk dawn diġà jkunu jeżistu – ittejjeb b'mod sinifikanti l-kwalità u l-aċċessibilità tal-iskrinjar, id-dijanjosi u s-servizzi terapewtiċi tal-kanċer għall-popolazzjoni u, b'hekk, jittejjeb ukoll il-kontroll tal-kanċer,

AP.   billi fil-mument hemm differenzi kwalitattivi kunsiderevoli fl-UE fir-rigward tal-iskrinjar tal-kanċer, tas-sejbien bikri u tas-segwitu; billi dawn id-differenzi huma marbuta b'mod partikulari mal-applikazzjoni ta' proċeduri bil-għan ta' sejbien bikri, metodu maħsub biex inaqqas l-impatt tal-marda, u li l-ispiża tiegħu tista' tiġi kkalkulata u tkun effiċjenti apparagun man-nefqa,

AQ.   billi r-reġistri nazzjonali tal-kanċer fl-Istati Membri kollha huma essenzjali biex tiġi pprovduta data komparabbli dwar il-kanċer,

AR.   billi l-kooperazzjoni interistituzzjonali tista' ttejjeb l-effettività tal-isforzi konġunti tagħna,

AS.   billi l-onkoloġija mhix rikonoxxuta bħala speċjalità medika fl-Istati Membri kollha, u billi trid tiġi provduta edukazzjoni medika kontinwa,

AT.   billi l-moviment liberu tal-persuni u l-moviment liberu tal-ħaddiema huma garantiti mil-liġi Komunitarja u, bħala prinċipju, il-libertà tal-istabbiliment tgħin tiżgura li l-professjonisti tas-saħħa jkunu jistgħu jmorru fejn ikun hemm bżonnhom l-iżjed, filwaqt li l-pazjenti jibbenefikaw direttament u jiġu evitati d-diffikultajiet prinċipali inerenti fil-moviment tal-pazjenti bejn il-fruntieri,

AU.   billi s-saħħa fiżika u s-saħħa mentali huma marbutin u interkonnessi mill-qrib, u din il-konnesjoni fuq żewġ livelli tiġi injorata wisq ta' spiss fil-kura ta' min isofri mill-kanċer u ta' utenti oħra tas-servizz,

AV.   billi l-kumplessità tal-kanċer tirrikjedi titjib fil-komunikazzjoni bejn il-bosta professjonisti varjati tal-kura tas-saħħa involuti fit-trattament tal-pazjenti bil-kanċer, u billi l-kura psikosoċjali u s-saħħa mentali tal-pazjenti bil-kanċer jistgħu jtejbu t-tul tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja tagħhom,

AW.   billi l-pazjenti bil-kanċer bħalissa għandhom aċċess mhux ugwali għal informazzjoni medika u jeħtieġu b'mod urġenti iktar informazzjoni f'kull stadju tal-marda tagħhom,

1.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer għall-perjodu 2009-2013 li tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jittrattaw il-kanċer, billi tipprovdi qafas għall-identifikazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni, tal-kapaċità u tal-għarfien espert fil-prevenzjoni u fil-kontroll tal-kanċer u billi jiġu involuti l-partijiet interessati rilevanti madwar l-Unjoni Ewropea fi sforz kollettiv;

2.  Jargumenta li azzjoni b'saħħita dwar il-kanċer fuq livell Ewropew għandha l-potenzjal li tistabbilixxi qafas għal azzjoni koordinata fil-livell tal-Istati Membri, reġjonali u lokali. Is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer għandha tikkumplimenta u tibni fuq il-ħidma li qed isir bħalissa mill-Istituzzjonijiet Ewropej fil-qasam tas-saħħa, u għandha tfittex li tifforma sħubiji ma' servizzi u setturi oħra sabiex tiżgura approċċ komprensiv fil-prevenzjoni u fil-kura tal-kanċer;

3.  Jirrikonoxxi li, skont l-Artikolu 168 tat-Trattat FUE, l-azzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' saħħa huma primarjament ir-responsabilità tal-Istati Membri, iżda jenfasizza l-importanza li jitfassal pjan direzzjonali Komunitarju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni konġunta permezz ta' approċċ trażversali billi jdaħħlu l-qasam mediku f'oqsma tal-politika bħall-edukazzjoni, l-ambjent, ir-riċerka u l-kwistjonijiet soċjali;

4.  Jisħaq li għandha tiġi stabbilita koperazzjoni eqreb mal-partijiet interessati, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fil-livell internazzjonali, Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, għal sħubija rappreżentattiva u effettiva. Is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer għandha tlaqqa' lil dawk il-partijiet li jkollhom interess ġenwin li jtejbu r-riżultati fis-saħħa. Ma għandux jingħata mertu baxx lill-potenzjal ta' dan il-forum għall-kontribut fl-iżvilupp u fit-tixrid ta' linji gwida tal-aqwa prattiki. Is-Sħubija għandha tistabbilixxi wkoll mezzi ta' komunikazzjoni ma' fora oħra, bħall-Forum dwar il-Politika dwar is-Saħħa tal-UE, biex tiżgura li l-ħidma kontra l-kanċer tqis kif mistħoqq il-kwistjonijiet l-oħra bħall-inugwaljanzi fis-saħħa, id-determinanti tas-saħħa u r-rwol tal-professjonisti tas-saħħa, li kollha kemm huma għandhom impatt ċar fuq il-prevalenza u l-kura tal-kanċer;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew biex jikkooperaw mal-Parlament Ewropew fi sħubija interistituzzjonali li tkun ikkoordinata tajjeb sabiex jitnaqqas il-piż tal-kanċer, billi jużaw il-bażi legali stabbilita fit-Trattat ta' Lisbona li tipproteġi s-saħħa pubblika u tevita l-mard. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew għandhom iqisu l-bosta strutturi formali u informali li hemm fis-seħħ ħalli jikkonsultaw mal-Membri tal-Parlament Ewropew;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tispeċifika n-natura tal-finanzjament u s-sorsi tiegħu għas-Sħubija Ewropea għal Azzjoni Kontra l-Kanċer;

7.  Jisħaq li strateġija kompensiva dwar il-kanċer u timijiet multidixxiplinari jistgħu jiżguraw kura iktar effettiva għall-pazjenti bil-kanċer, u jsostni li l-kura integrata tal-kanċer, li tqis b'mod xieraq l-benessri u l-appoġġ psikosoċjali u mentali, hija parti vitali mill-kura u għandha titħeġġeġ ukoll;

8.  Jenfasizza li jeħtieġ tittieħed azzjoni speċjali għal kanċers rari u inqas komuni, bil-għan li tiġi aċċellerata d-dijanjosi u l-għarfien espert isir aktar disponibbli f'ċentri ta' eċċellenza;

9.  Jinnota li skont it-Trattat ta' Lisbona l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, jistgħu jadottaw ukoll miżuri inċentivi mfassla biex jipproteġu u jtejbu s-saħħa tal-bniedem;

10.  Iqis li s-suċċess tas-sħubija, meta jitqies li mhux ser ikun hemm finanzjament supplimentari sa tmiem il-qafas finanzjarju attwali (2013), jiddependi mill-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet integrati dwar il-kanċer kemm jista' jkun malajr, peress li dawn huma fatturi prinċipali fl-ilħiq tal-għan ambizzjuż għal żmien twil tas-Sħubija li l-piż tal-kanċer jitnaqqas bi 15% sal-2020;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tibni fuq is-sejbiet tas-Sħubija tal-Kanċer fir-rigward tal-pjanijiet tal-kontroll tal-kanċer u tippreżenta proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pjanijiet ta' Kontroll tal-Kanċer; jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja b'mod indipendenti fuq bażi annwali l-implimentazzjoni u l-progress tar-rakkomandazzjoni adottata;

13.  Jenfasizza li l-prevenzjoni hija r-reazzjoni l-iktar effettiva f'termini ta' spiża, peress li terz tal-kanċers jistgħu jiġu evitati, u jħeġġeġ li jiġu investiti b'mod sistematiku u strateġiku iktar riżorsi fil-prevenzjoni primarja kif ukoll f'dik sekondarja; jenfasizza l-importanza li jinżammu l-investimenti fis-saħħa, b'mod partikulari permezz ta' azzjonijiet preventivi. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew għandhom jikkunsidraw aktar azzjoni sabiex jiżguraw ambjent li jtejjeb is-saħħa, inkluża ħidma fuq l-użu tat-tabakk, in-nutrizzjoni u l-alkoħol u d-dispożizzjonijiet li jtejbu l-opportunitajiet ta' attività fiżika;

14.  Jistieden lis-Sħubija tiżgura li l-azzjonijiet kollha tal-grupp “Il-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni” u “Riċerka” jinkludu komponent dwar il-fatturi ambjentali, bil-fatturi ambjentali definiti li ma jinkludux biss id-duħħan ambjentali mit-tabakk, ir-radjazzjoni u l-esponiment eċċessiv għall-UV, iżda wkoll il-kimiki perikolużi fl-ambjent ta' barra u ta' ġewwa li n-nies huma esposti għalihom, inklużi l-perturbaturi tas-sistema endokrinali;

15.  Iqis li t-trattament ta' “fatturi ta' riskju” tal-kanċer huwa fundamentali għall-prevenzjoni u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrattaw dan bħala prijorità;

16.  Jenfasizza l-fatt li hemm il-ħtieġa dejjem tikber li niffokaw fuq il-kwalità tal-ħajja għal għadd dejjem jikber ta' pazjenti bil-kanċer kroniku li minkejja li l-marda tagħhom ma tistax titfejjaq tista' tiġi stabbilizzata għal numru ta' snin;

17.  Jisħaq li l-azzjonijiet maħsuba biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-piż tal-kanċer għandhom jinkludu l-promozzjoni mmirata ta' programmi ta' saħħa, edukazzjoni pubblika u prevenzjoni kif ukoll il-ġbir ta' data minn reġistri nazzjonali dwar il-kanċer ibbażata fuq il-popolazzjoni u data tar-reġistri dwar il-kanċer li tkun kompluta u preċiża;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkuraġġixxi “l dawk l-Istati Membri li għandhom rati għolja ta' mwiet bil-kanċer biex jirriformaw ir-reġistri nazzjonali tagħhom dwar il-kanċer, sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-data meħtieġa għat-tfassil ta' politiki li jkunu aktar infurmati u aktar iffukati;

19.  Iħeġġeġ biex, barra l-promozzjoni tas-saħħa u l-ġlieda kontra l-piż żejjed u l-konsum tal-alkoħol, il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li jista' jiżviluppa f'kanċer, pereżempju l-prevenzjoni primarja u sekondarja tal-epatite virali u l-kura tagħha fejn ikun xieraq, għandhom jiġu trattati mis-Sħubija tal-Kanċer u f'inizjattivi ġejjiena tal-UE, bħal rakkomandazzjoni riveduta tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer;

20.  Jenfasizza li r-rwol tal-iskrinjar huwa wieħed mill-aktar strumenti importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fi programmi tal-iskrinjar tal-kanċer u jqis li dawn l-inizjattivi jkunu l-aktar effiċjenti meta jkunu disponibbli għall-firxa l-aktar wiesgħa ta' nies u fuq bażi regolari;

21.  Jisħaq li għandhom jiġu żviluppati riċerki integrati (bażiċi u kliniċi) dwar l-użu tal-alimentazzjoni fil-prevenzjoni tal-kanċer jew fit-trattament tal-alimentazzjoni ħażina assoċjata mal-kanċer kif ukoll linji gwida vvalidati u aċċettati b'mod wiesa' dwar l-appoġġ alimentari għall-pazjenti bil-kanċer; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament biex tiġi żviluppata u vvaliditata riċerka integrata (bażika u klinika) dwar l-użu tan-nutrizzjoni fil-prevenzjoni tal-kanċer u t-trattament ta' alimentazzjoni ħażina marbuta mal-kanċer, kif ukoll għall-iżvilupp ta' linji gwida li huma aċettati b'mod ġenerali dwar appoġġ nutrittiv għall-pazjenti bil-kanċer għal professjonisti soċjali u tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa, u jitlob lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida;

22.  Jisħaq li jeħtieġ li l-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer jiġi rivedut u promoss b'mod iktar wiesa' u b'iktar saħħa fl-UE-27, u li għandhom jiġu diretti sforzi partikulari lejn l-Istati Membri l-ġodda skont is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer;

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu obbligu legali biex jiddikjaraw il-każi tal-kanċer, billi jużaw terminoloġija Ewropea standardizzata, bil-għan li jipprovdu mezzi li jevalwaw il-prevenzjoni, l-iskrinjar, u l-programmi tal-kura, ir-rati ta' sopravivenza, u l-kumparabilità tad-data bejn Stat Membru u ieħor u biex, fuq il-bażi tas-sejbiet, jipproduċu informazzjoni maħsuba għall-pubbliku ġenerali;

24.  Jisħaq li l-kanċer jista' jitnaqqas u jitrażżan bl-implimentazzjoni ta' strateġiji bbażati fuq l-evidenza għas-sejbien bikri u għall-kura tal-pazjenti bil-kanċer, inkluża informazzjoni xierqa biex ikun żgurat li titqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-iskrinjar għal dawk li għandhom jibbenefikaw minnu; f'dan ir-rigward iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw jekk l-iskrinjar tal-kanċer tas-sider għal nisa taħt il-50 sena u għal nisa ikbar minn 69 sena għandux funzjoni utli u jitlob lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza din l-informazzjoni;

25.  Jisħaq fuq il-bżonn urġenti li l-istandards mifthiema dwar il-kura ta' kwalità tal-kanċers fit-tfulija jinxterdu u jiġu applikati fl-UE-27;

26.  Jitlob lill-Istati Membri jaħdmu aktar ħalli jqajmu kuxjenza dwar il-kanċers speċifiċi għal kull ġeneru, sabiex iżidu l-livelli ta' prevenzjoni u jħeġġu l-iskrinjar għal dan il-mard;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi fondi biex jiġu żviluppati iktar testijiet ibbażati fuq id-demm u l-awrina (testijiet bijomarker) fi ħdan is-seba' Programm Qafas għar-Riċerka, filwaqt li tiftakar li dawn il-proċeduri ta' dijanjosi bikrija huma għodod promettenti fis-sejbien ta' tipi differenti ta' kanċer (kanċer tal-prostata, tal-kolon, tal-ovarju, tal-fwied u tal-bużżieqa tal-awrina);

28.  Iqis li l-fondi allokati fil-kuntest tas-7 programm qafas għall-ġlieda kontra l-kanċer għandhom jintużaw b'mod aktar effikaċi, partikolarment permezz ta' koordinazzjoni mtejba bejn id-diversi ċentri ta' riċerka dwar il-kanċer fl-UE;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq bis-sħiħ ir-rwol tagħha ta' appoġġ billi tistabbilixxi azzjonijiet konġunti ta' riċerka;

30.  Jitlob li jiżdied l-appoġġ għar-riċerka fil-prevenzjoni tal-kanċer, inkluża r-riċerka dwar l-effetti ta' kimiċi li jagħmlu l-ħsara u ta' kontaminaturi ambjentali, l-alimentazzjoni, l-istil tal-ħajja, il-fatturi ġenetiċi, u r-relazzjoni bejn dawn kollha, u jitlob li jiġu investigati r-rabtiet bejn il-kanċer u l-fatturi potenzjali ta' riskju bħat-tabakk, l-alkoħol u l-ormoni farmaċewtiċi u sintetiċi li hemm fl-ambjent;

31.  Jinnota li l-Gvern Ċek għadu ma rratifikax il-Konvezjoni ta' Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li daħlet fis-seħħ fi Frar 2005, u għalhekk iħeġġu jagħmel dan;

32.  Jitlob li r-riċerka permezz tal-bijomonitoraġġ tagħti attenzjoni partikulari lill-aktar sorsi importanti ta' esponiment għal sustanzi karċinoġeniċi, b'mod partikulari t-traffiku, l-emissjonijiet mill-industrija, il-kwalità tal-arja fi bliet kbar, u l-emissjonijiet u l-ilmijiet tal-wiċċ fil-viċinanzi ta' postijiet fejn jintrema l-iskart;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li tittieħed azzjoni aktar immedjata skont l-Istrateġija Komunitarja dwar il-Perturbaturi Endokrini;

34.  Jenfasizza li s-sejbiet tar-riċerka għandhom jiġu tradotti f'azzjoni konkreta kemm jista' jkun malajr, u li r-riċerka li għaddejja bħalissa ma għandhiex tintuża biex tittardja l-azzjoni kontra fatturi magħrufa jew suspettużi li jikkawżaw jew jippromwovu l-inċidenza tal-kanċer;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw politiki biex jappoġġaw il-prinċipji inkorporati fl-Istrateġija Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa li ġiet imnedija fl-2004;

36.  Iqis li jeħtieġ issir aktar riċerka dwar il-konnessjoni bejn il-kanċer u l-ġeneru kif ukoll riċerka speċifika, iżda mhux frammentata, dwar l-impatt tal-ambjent tax-xogħol fuq it-tipi ta' kanċer li jolqtu lin-nisa;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi b'kull mezz possibbli l-prinċipju tal-prevenzjoni kemm fil-prattiki tal-mediċina u kemm fi stili ta' ħajja aktar sani, u biex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu aktar mir-riżorsi tagħhom fil-prevenzjoni, kemm dik primarja (jiġifieri l-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' fatturi li jikkawżaw jew jippromwovu l-inċidenza tal-kanċer bħall-esponiment għal sustanzi ambjentali niġġiesa) u kemm dik sekondarja permezz tal-iskrinjar u tas-sejbien bikri;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' programmi ta' riċerka fuq skala kbira biex jiġu żviluppati alternattivi għal sustanzi li jagħmlu ħafna ħsara u li mhumiex karċinoġeni. L-innovazzjoni għandha tiġi mħeġġa u għandha twassal għall-qerda gradwali tas-sustanzi kollha li jagħmlu ħsara li jakkumulaw fil-ġisem tal-bniedem jew fl-ambjent, li jikkawżaw il-kanċer jew effetti mutaġeniċi. Fil-ġejjieni, dawk is-sustanzi għandhom jiġu sostitwiti fis-suq;

39.  Iqis li għandha ssir riċerka iktar bir-reqqa dwar proċeduri u tekniċi ta' sejbien bikri qabel ma jiġu applikati b'mod wiesa' sabiex jiġi garantit li l-użu u l-applikazzjoni tagħhom jkunu siguri u bbażati fuq l-evidenza; għalhekk, jeħtieġ li din ir-riċerka twassal għal rakkomandazzjonijiet u linji gwida li ma jkunux ambigwi u bbażati fuq l-evidenza;

40.  Iqis li l-finanzjament li hemm disponibbli bħalissa għall-ġlieda kontra l-kanċer fl-UE mhuwiex biżżejjed biex jipproduċi r-riċerka u l-koordinazzjoni meħtieġa u biex jipprovdi informazzjoni preventiva diċenti għaċ-ċittadini tal-UE;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ddaħħalfil-perspettivi finanzjarji fondi biex tiġi promossa l-prevenzjoni tal-kanċer;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni skont l-Isħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer li jittratta l-fatturi determinanti kollha tas-saħħa li huma relevanti għall-kanċer, inklużi dawk ambjentali;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tappoġġja inizjattivi li jlaqqgħu flimkien firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bil-għan li jiġi prevenut il-kanċer billi jnaqqsu l-esponiment għall-kaċinoġeni fuq ix-xogħol u fl-ambjent u sustanzi oħra li jipproduċu l-kanċer u billi jippromwovu stili ta' ħajja sani, u mhux bl-inqas billi jenfasizzaw il-fatturi ewlenin tar-riskju bħat-tabakk, l-alkoħol, l-obeżità, id-dieta fqira, in-nuqqas ta' eżerċizzju, u l-esponiment għax-xemx, filwaqt li l-ewwel u qabel kollox jiffukaw fuq it-tfal u ż-żgħażagħ;

44.  Jitlob għall-ħtieġa li jiġu ttrattati l-problemi marbuta mas-saħħa ambjentali li għandhom impatt fuq l-iżvilupp ta' tipi speċifiċi ta' kanċer f'konformità ma' dak li ġie definit mill-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010, jiġifieri permezz tal-evalwazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Ambjent u s-Saħħa nazzjonali sussegwenti u permezz tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-riżultati miksuba matul il-proċess, sabiex jiġi żgurat li r-riżultati miksuba f'kull pajjiż ikunu jistgħu jgħinu biex jiġi promoss l-intervent Ewropew f'dan il-qasam;

45.  Jenfasizza li kura ottima tal-pazjent tirrikjedi strateġija multidixxiplinarja, li r-rwol tal-onkoloġist mediku ta' interlokutur tal-pazjent huwa ċentrali u li l-edukazzjoni, kriterji ċari u linji gwida huma meħtieġa sabiex tkun żgurata l-kwalifikazzjoni ottima tat-tobba li jużaw id-drogi għat-trattament tal-kanċer;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Sħubija jirrevedu r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi l-aktar riċenti sabiex jipprovdu inkuraġġiment għal programmi Ewropej ta' akkreditament/ċertifikazzjoni fil-qasam tal-iskrinjar, tad-dijanjosi u tal-kura tal-kanċer, li għandhom jitfasslu fuq bażi tal-linji gwida Ewropej dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità, filwaqt li jiftakru li tali programmi jistgħu jservu wkoll ta' eżempju għal oqsma oħra tal-kura tas-saħħa;

47.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-kampanji ta' informazzjoni dwar l-iskrinjar tal-kanċer maħsuba għall-pubbliku ġenerali u għall-fornituri kollha tal-kura tas-saħħa, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prassi dwar l-użu ta' miżuri preventivi jew ta' sejbien bikri, bħall-integrazzjoni effettiva f'termini ta' spiża tal-ittestjar xieraq għall-virus uman tal-papilloma (HPV) għall-iskrinjar tal-kanċer tal-għonq tal-utru u t-tilqim kontra l-HPV li jipproteġi lit-tfajliet mill-kanċer tal-għonq tal-utru, u jitlob lis-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer teżamina l-ħtieġa li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tiġi aġġornata dwar l-iskrinjar tal-kanċer biex din tqis l-evidenza fir-rigward tal-iskrinjar effettiv tal-kanċer tal-prostata fl-irġiel;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) li diġà jeżisti billi żżid il-mard li ma jittiħidx fil-mandat tiegħu u billi tużah bħala kwartieri ġenerali tal-UE għar-riċerka dwar il-kanċer, fejn id-data kollha li diġà nġabret f'kull Stat Membru tkun tista' tinġabar u tiġi analizzata sabiex tipprovdi lix-xjentisti u lit-tobba l-aħjar prattiki u għarfien akbar tal-marda;

49.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni kontra l-Kanċer għall-perjodu 2009-2013 u l-proposta biex jitnaqqas il-piż tal-marda tal-kanċer billi jiġi introdott l-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, tal-għonq tal-utru u tal-kolon għal mija fil-mija tal-popolazzjoni sal-2013, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ dawn il-linji gwida;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji karta għall-protezzjoni tad-drittjiet tal-pazjenti bil-kanċer u tal-persuni b'mard kroniku fuq il-post tax-xogħol, bil-għan li l-kumpaniji jintalbu jippermettu lill-pazjenti ikomplu jaħdmu matul il-kura tagħhom u jmorru lura x-xogħol wara tmiem il-kura;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lill-Aġenzija Ewropea tas-Sustanzi Kimiċi jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), u jaġġornaw il-lista ta' sustanzi li jikkawżaw tħassib kbir li tkopri wkoll il-karċinoġeni;

52.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fil-ħidma tagħha fis-Sħubija tħeġġeġ u tappoġġja inizjattivi ta' appoġġ li jfittxu li jipprevjenu l-importazzjoni ta' oġġetti li jkun fihom kimiċi li jipproduċu l-kanċer, u biex tieħu miżuri għall-Ewropa kollha bil-għan li tintensifika l-kontrolli ħalli jiġu identifikati dawn il-kimiċi, inklużi l-pestiċidi, li jistgħu jkunu preżenti fl-oġġetti tal-ikel;

53.  Jinnota li l-kura li ttaffi l-uġigħ tal-pazjenti bil-kanċer li huma morda b'mod terminali tvarja fil-kwalità bejn l-Istati Membri, u li din tista' tibbenefika minn skambju ta' prassi tajba, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jippromwovu l-kura li ttaffi l-uġigħ u biex jistabbilixxu linji gwida dwar l-użu tagħha;

54.  Jenfasizza li għandhom isiru iktar sforzi fil-programmi psikosoċjali u ta' rijabilitazzjoni tax-xogħol għall-pazjenti bil-kanċer li jkunu jinkludu sensiela wiesgħa ta' attivitajiet maħsuba biex jipprovdu l-informazzjoni, il-konsulenza, l-għoti ta' pariri dwar bidliet possibbli fl-istil tal-ħajja u fl-imġiba, l-appoġġ psikoloġiku u l-għajuna fi kwistjonijiet tal-benessri soċjali; jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa mentali ta' nies morda bil-kanċer;

55.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-istħarriġ permezz tal-bijomonitoraġġ tal-bniedem mifrux mal-Ewropa kollha jirċievi l-finanzjament meħtieġ sabiex l-karċinoġeni u sustanzi oħra li jipproduċu l-kanċer ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati ħalli titkejjel l-effettività tal-politika;

56.  Iqis li s-sħubija jrid ikollha l-għan li tintegra b'mod effikaċi l-inizjattivi li diġà jeżistu fil-koordinazzjoni tar-riċerka dwar il-kanċer u li tinkuraġġixxi aktar is-sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati biex jiġu stimulati r-riċerka u d-dijanjożi bikrija, l-aktar fil-qasam tal-immaġni medika;

57.  Iqis li l-istruttura proposta hija difettuża minħabba li ma fihiex definizzjoni ċara tal-objettivi speċifiċi ta' azzjoni, bħal kif tista' tinkiseb l-integrazzjoni tal-pjanijiet tal-Istati Membri kollha fil-ġlieda kontra l-kanċer sal-2013, u jistieden lill-Kummissjoni tirranġa dan in-nuqqas ta' koerenza;

58.  Jitlob li jiġi allokat aktar finanzjament għall-programmi tal-politika reġjonali u tal-Fond Soċjali Ewropew sabiex iċ-ċittadini jiġu edukati u informati dwar il-protezzjoni mill-kanċer u l-prevenzjoni tiegħu;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun tinkludi inċentivi għall-industrija u r-riċerkaturi biex tkun tista' ssir riċerka kontinwa bil-għan li jiżviluppaw mediċini u trattamenti ġodda bbażati fuq l-evidenza sabiex jissieltu u jrażżnu l-kanċer;

60.  Jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni tad-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta' prattika korretta ta' klinika fit-twettiq ta' provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (id-Direttiva rigward il-Provi Kliniċi)(15) bil-għan li tħeġġeġ sforz akbar fir-riċerka dwar il-kanċer, li tiffoka b'mod partikulari fuq l-iskrinjar, inkluż is-sejbien bikri, mingħajr madankollu, ma tinjora l-impatt tan-nefqa li tirriżulta għas-settur li mhux kummerċjali, u biex titjieb l-informazzjoni disponibbli għall-pazjenti u l-pubbliku ġenerali dwar provi kliniċi li għaddejjin jew li diġà saru b'suċċess;

61.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tinkludi inċentivi għar-riċerkaturi u l-industrija biex jiżviluppaw approċċi nutrittivi u oħrajn ibbażati fuq prodotti naturali għall-prevenzjoni tal-kanċer, ivvaliditati permezz ta' riċerka nutriġenomika u epiġenetika;

62.  Jinsisti, bl-istess mod, fuq l-urġenza li tiddaħħal privattiva Komunitarja;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz ta' netwerks tal-professjonisti tas-saħħa, tipprevedi t-tixrid tal-aħjar prassi fit-trattament u l-kura, bil-għan li tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-aħjar kura disponibbli;

64.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw u jsaħħu inizjattivi li jipprovdu appoġġ għall-persuni milquta direttament jew indirettament mill-kanċer, b'mod partikulari permezz tal-bidu u l-iżvilupp tal-kura u l-appoġġ psikoloġiċi fl-UE għas-superstiti tal-kanċer;

65.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jużaw kull mezz meħtieġ biex jipproduċu linji gwida għal definizzjoni komuni ta' diżabilità li tkopri persuni li jsofru minn mard kroniku jew mill-kanċer u, fl-istess ħin, jiżguraw li dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jieħdu l-passi meħtieġa mingħajr dewmien ħalli jinkludu persuni fil-kategoriji msemmijin hawn fuq fid-definizzjonijiet nazzjonali tagħhom tad-diżabilità;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-mediċini tal-kanċer, inklużi trattamenti għall-kanċers rari u inqas komuni, ikunu disponibbli b'mod uniformi għall-pazjenti kollha li jkollhom bżonnhom fl-Istati Membri kollha; u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni speċifika u kkoordinata sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għat-trattament u l-kura tal-kanċer, inklużi l-mediċini l-ġodda “maħsuba” għall-kanċer li tqiegħdu riċentement fis-suq;

67.  Jistenna li l-Istati Membri jadottaw politiki aħjar ta' informazzjoni dwar l-importanza tal-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, tal-għonq tal-utru u tal-musrana l-ħoxna, bil-għan li jiżdiedu r-rati tal-aċċettazzjoni u tal-parteċipazzjoni fost il-gruppi kollha mmirati tal-popolazzjoni, b'attenzjoni partikulari fuq l-inklużjoni tal-gruppi minoritarji u tal-gruppi li għandhom żvantaġġi soċjoekonomiċi;

68.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-objettivi stipulati fl-Isħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer huma għal żmien twil, u għalhekk iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej jappoġġaw is-sostenibilità u l-vijabilità ta' għaxar snin tas-Sħubija tal-Kanċer f'baġit ġejjieni għas-saħħa tal-Komunità; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, tissorvelja u tirrapporta fuq bażi annwali dwar il-progress u l-effettività fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mis-Sħubija Ewropea;

69.  Jikkunsidra li implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti fir-rigward ta' sustanzi li jikkawżaw jew jippromwovu l-kanċer hija ta' importanza kruċjali fl-azzjoni kontra l-kanċer; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-saħħa tal-ħaddiem u tikkontribwixxi malajr u b'mod determinanti favur l-istabbiliment ta' lista komprensiva ta' sustanzi kandidati li jikkawżaw tħassib kbir bħala tarġa li twassal għal deċiżjonijiet li jittieħdu malajr dwar sustanzi CMR fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet skont ir-REACH;

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
(2) Testi adotatti, P6_TA(2008)0477.
(3) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(4) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tnaqqis tal-Piż tal-Kanċer, l-2876 Laqgħa tal-Kunsill dwar l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur, il-Lussemburgu, 10 ta' Ġunju 2008.
(5) ĠU L 327, 16.12.2003, p. 34.
(6) ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 160.
(7) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 11.
(8) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p.273.
(9) ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 611.
(10) ĠU L 95, 16.4.1996, p. 9.
(11) ĠU L 213, 15.6.2004, p. 8.
(12) ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 247.
(13) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(14) Jemal A, Ward E, Thun M (2010) Declining Death Rates Reflect Progress against Cancer. PLoS ONE 5(3): e9584. doi:10.1371/journal.pone.0009584.
(15) ĠU L 121, 1.5.2001, p. 34.


Il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju
PDF 294kWORD 103k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju (2009/2228(INI))
P7_TA(2010)0153A7-0120/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2009 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju (COM(2009)0111), u r-rakkomandazzjoni sussegwenti tad-9 ta' Ottubru 2009 (C(2009)7604),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Ninvestu illum għall-Ewropa ta' għada” (COM(2009)0036),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008, b'mod partikolari l-miri tal-klima u tal-enerġija stipulati fihom,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar pjan Ewropew għall-irkupru ekonomiku (COM(2008)0800),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni” (COM(2008)0241),

–  wara li kkunsidra l-ftehim politiku bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (riformulazzjoni) (COM(2008)0780),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 bl-isem “Pjan ta' Azzjoni biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa” (COM(2008)0886),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Pjan ta' Azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija: Inwettqu l-potenzjal” (COM(2006)0545),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0120/2010),

A.  billi biex tittieħed azzjoni għat-tnaqqis tal-impatt tat-tibdil fil-klima jeħtieġ li jiġu adottati miżuri speċifiċi biex jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, partikolarment permezz ta' sforzi għall-promozzjoni tal-effiċjenza tal-użu tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli,

B.  billi l-miri ambizzjużi tal-klima u tal-enerġija li l-Unjoni stabbiliet għall-2020 jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' taħlita ta' miżuri tal-iffrankar u tal-effiċjenza tal-enerġija u miżuri rilevanti oħrajn, b'mod notevoli fi ħdan ir-riċerka u l-innovazzjoni, u bl-istabbiliment kontinwu ta' miri ambizzjużi għal setturi mhux irregolati mill-ETS u għal prodotti b'rendiment enerġetiku,

C.  billi l-iffrankar tal-enerġija mhux qed isir bil-ħeffa meħtieġa sabiex tintlaħaq il-mira tal-2020 u billi l-miżuri eżistenti marbuta mal-isfruttar tal-ICT ma jaqblux mal-iskala tal-isfidi biex tinkiseb sistema sostenibbli ta' enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju,

D.  billi s-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) huwa responsabbli għal madwar 8% tal-konsum tal-enerġija u 2% tal-emissjonijiet tal-karbonju fl-Ewropa (1.75% li jirriżultaw mill-użu tal-prodotti u s-servizzi tal-ICT u 0.25% mill-produzzjoni tagħhom) u billi l-emissjonijiet tal-karbonju tiegħu dejjem qed jiżdiedu b'pass mgħaġġel,

E.  billi l-ICTs jirrappreżentaw kważi 7% tal-ħaddiema u iktar minn 6% tal-PDG, u billi hemm riskju serju li l-UE qed titlef postha fil-quċċata tat-teknoloġija diġitali, hemm ħtieġa urġenti għal żieda fl-innovazzjoni f'dan is-settur kemm għall-benefiċċju tal-klima tagħna kif ukoll għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi fil-futur,

F.  billi l-ICTs għandhom potenzjal enormi li għadu ma ntużax għall-iffrankar tal-enerġija u jistgħu jgħinu biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz ta' firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet; billi, barra minn hekk, s'issa sar użu ineffiċjenti minn dawn l-applikazzjonijiet,

G.  billi l-ICTs jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-effiċjenza tal-enerġija tal-ekonomija tal-UE, b'mod partikulari fis-settur tal-bini u tat-trasport iżda wkoll fis-soċjetà b'mod ġenerali permezz ta' produzzjoni u distribuzzjoni aħjar tal-enerġija bil-għan li jintlaħaq l-objettiv ta' 20% tal-iffrankar tal-enerġija sal-2020,

H.  billi s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jintużaw tajjeb biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-ICTs; billi sistemi bbażati fuq l-ICTs jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-enerġija fil-bini b'sa 17% u l-emissjonijiet tal-karbonju mit-trasport b'sa 27%,

I.  billi l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tan-negozju, b'mod partikolari fis-setturi tat-trasport, tal-manifattura u tal-bini, għandhom rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u f'dan ir-rigward għandhom jippromwovu wkoll l-użu tal-ICTs,

J.  billi l-ICT hija tekonoloġija li tiffaċilita t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra permezz ta' netwerks ta' distribuzzjoni tal-elettriku (netwerks intelliġenti), bini intelliġenti, djar intelliġenti u l-użu tal-arloġġi intelliġenti, trasport u dematerjalizzazzjoni ekoeffiċjenti, proċessi industrijali ekoeffiċjenti u sostennibilità organizzattiva,

K.  billi s-sistemi industrijali motorizzati huma responsabbli għal 65% tal-enerġija elettrika totali użata fl-attivitajiet industrijali, u billi l-użu mifrux ta' magni intelliġenti se jwassal għal tnaqqis ta' 0.97 Gt fl-emissjonijiet tas-CO2 sal-2020,

L.  billi huma meħtieġa metodoloġiji u għodod kompatibbli biex titkejjel u tiġi mmoniterjata l-effiċjenza tal-konsum tal-enerġija; billi l-introduzzjoni ta' arloġġi tal-elettriku intelliġenti tista' tnaqqas il-konsum tal-enerġija b'sa massimu ta' 10%, tippromwovi użu iktar mifrux tal-ġenerazzjoni mqassma (mikroġenerazzjoni) u tnaqqas it-telf f'netwerks b'kapaċità baxxa, biex b'hekk tiġi promossa l-firxa ta' enerġiji rinnovabbli,

M.  billi l-użu ta' dawn it-teknoloġiji huwa direttament marbut mal-introduzzjoni u l-iżvilupp tal-broadband fl-Ewropa,

N.  billi l-miżuri meħuda s'issa skont il-politika Ewropea għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-iskambji tal-informazzjoni u tal-aħjar prattika jeħtieġ li jiġu inkorporati biex ikollhom l-aħjar effett, u billi l-fondi tar-riċerka u l-iżvilupp u dawk strutturali tal-UE kif ukoll l-azzjonijiet tal-Istati Membri u l-mekkaniżmi finanzjarji tal-BEI jeħtieġu li jiġu kkoordinati aħjar sabiex joħolqu sinerġiji,

O.  billi ċerti responsabilitajiet u poteri fl-oqsma tal-ippjanar tat-territorju, il-provvista tal-enerġija u l-ġestjoni tat-traffiku u tal-bini pubbliku huma tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali,

P.  billi huwa importanti li tiżdied il-kuxjenza tal-konsumaturi dwar it-teknoloġiji l-ġodda u l-benefiċċji ekonomiċi u tal-iffrankar tal-enerġija potenzjali tagħhom, u li jingħataw kapaċitajiet imtejba biex jimmaniġġjaw il-konsum tal-enerġija,

Q.  billi bħalissa 15-20% tal-flus li jintefqu fuq it-tħaddim ta' ċentri tad-data jintilfu fuq l-enerġija u t-tkessiħ,

R.  wara li kkunsidra l-benefiċċji ambjentali li ġabu l-ICTs billi taw lis-servizzi tad-diversi setturi disponibilità fuq l-internet,

S.  wara li kkunsidra r-rwol li fih l-effiċjenza tal-enerġija tista' tgħin biex tindirizza t-tħassib dejjem jikber tas-sigurtà tal-enerġija madwar l-Unjoni Ewropea,

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni u r-rakkomandazzjoni sussegwenti u japprova l-linji ġenerali tagħhom;

2.  Jitlob l-introduzzjoni ta' miżuri biex tiġi garantita l-privatezza tal-informazzjoni personali fir-rigward tal-arloġġi tad-dawl intelliġenti;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tippreżenta, sal-aħħar tal-2010, sett ta' rakkomandazzjonijiet biex jiġi żgurat li l-użu ta' arloġġi intelliġenti jiġi implimentat b'konformità mal-iskeda ta' żmien stipulata fit-tielet pakkett tas-suq tal-enerġija u li jiġi definit sett ta' funzjonalitajiet minimi għall-arloġġi intelliġenti biex il-konsumaturi jingħataw kapaċitajiet imtejba biex jimmaniġġjaw il-konsum tal-enerġija tagħhom, u biex titwitta l-kurva tad-domanda, kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta' servizzi ġodda tal-enerġija u netwerk intelliġenti Ewropew innovattiv, armonizzat u interoperabbli, filwaqt li jiġu kkunsidrati dawk il-prattiki kollha li ġie ppruvat li huma l-aħjar u li jintużaw f'uħud mill-Istati Membri, partikolarment rigward il-ġestjoni tal-fluss ta' skambju ta' informazzjoni u tal-enerġija f'ħin reali; id-definizzjoni tal-funzjonalitajiet minimi għandha tikkunsidra kif jixraq ix-xogħol li qed isir mill-Organizzazzjonijiet Ewropej ta' Standardizzazzjoni, CEN, CENELEC u ETSI fid-definizzjoni ta' “funzjonalitajiet addizzjonali” skont il-Mandat 441 dwar l-istandardizzazzjoni tal-arloġġi intelliġenti;

4.  Jenfasizza li hu mistenni li jkun hemm progress teknoloġiku sinifikanti u innovazzjonijiet organizzativi marbuta mill-qrib mal-ICT fid-deċennji li ġejjin sabiex jinkiseb il-potenzjal fl-iffrankar tal-enerġija;

5.  Iqis li l-ICT hija indispensabbli għas-separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mill-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra permezz ta' tliet strateġiji bażiċi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima: tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli;

6.  Jinnota li l-uniku mod kif jiġi żgurat li d-data prodotta fid-diversi Stati Membri tkun tista' tiġi paragunata u li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija titjieb huwa li tiġi adotatta metodoloġija komuni għall-kejl tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju u qafas ta' metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli ta' spiża ottimali ta' rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija fis-settur tal-bini; jindika, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' standardizzazzjoni rapida tal-ICTs bħala rekwiżit minimu għall-interoperabilità; hu tal-fehma li l-istandardizzazzjoni għandha tkopri, minbarra funzjonijiet tal-kejl, l-aċċess għall-informazzjoni kuntrattwali u d-data dwar il-konsum, il-komunikazzjoni mas-sistemi ċentrali tal-operaturi permezz tan-netwerk tal-elettriku u konnessjoni u skonnessjoni mill-bogħod tal-provvista;

7.  Jenfasizza li l-istandardizzazzjoni tal-ICT tifforma parti mill-attivitajiet ġenerali ta' standardizzazzjoni, u tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki għat-titjib tal-kompetittività tal-industrija Ewropea, kif speċifikat fl-istrateġija ta' Lisbona; jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma ta' Standardizzazzjoni tal-2009 fl-oqsma ta' prijorità identifikati: eHealth, e-Inclusion, Trasport Intelliġenti, ICT għall-Ambjent, e-Business, e-Skills, e-Learning, il-Protezzjoni tad-Data Personali, il-Privatezza, is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni;

8.  Iqis li jekk l-ICTs jistgħu jgħinu biex tiġi ffrankata l-enerġija billi jippermettu li d-data tkun immoniterjata kontinwament biex jiġi ottimizzat il-konsum pubbliku u privat tal-enerġija u tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f'ħafna setturi, is-settur tal-ICT – filwaqt li jitqies it-tkabbir esponenzjali tal-konsum tal-enerġija tiegħu stess – għandu jkun ta' eżempju billi jimpenja ruħu fit-tnaqqis tal-konsum tiegħu b'marġni sinifikanti ħafna; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis, minn issa “l quddiem, kif l-ICTs jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija effiċjenti f'termini ta' użu ta' riżorsi;

9.  Jenfasizza li l-Ewropa għandha tkun minn ta' quddiem fl-iżvilupp ta' applikazzjonijiet tal-ICT b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; iqis li huwa essenzjali li l-eċċellenza fir-riċerka dwar l-ICT tiġi promossa u jiġi mħeġġeġ l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT kollaborattiva b'riskju għoli;

10.  Iqis li l-ICTs jista' jkollhom rwol importanti fil-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-effetti globali tat-tibdil fil-klima u l-evalwazzjoni ta' miżuri għall-protezzjoni tal-klima, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-irfinar tal-politika dwar il-klima;

11.  Jenfasizza li l-impenn tas-settur tal-ICT li jnaqqas mill-konsum tal-enerġija tiegħu stess għandu japplika l-iktar għaċ-ċentri tad-data;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-konsum tal-enerġija tas-settur tal-ICT stess u jħeġġeġ lil dan is-settur biex jimplimenta r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (C(2009)7604) malajr kemm jista' jkun u bħala minimu sad-dati ta' skadenza tar-Rakkomandazzjoni;

13.  Iqis li sabiex jinkiseb il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija fid-deċennji li ġejjin, in-Netwerks tal-Elettriku jistgħu jsiru sistemi intelliġenti bi flussi ta' enerġija flessibbli u kkontrollati b'appoġġ minn teknoloġija ta' informazzjoni avvanzata;

14.  Jinnota li fid-djar u fis-setturi tal-bini, tat-trasport, tal-loġistika u tal-industrija, l-ICTs jistgħu jintużaw f'varjetà ta' modi biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ġestjoni tal-enerġija; jinnota li dawn l-applikazzjonijiet għandhom impatt fuq, fost l-oħrajn, id-distribuzzjoni tal-elettriku, id-dawl, it-tisħin, ir-refriġerazzjoni, il-ventilazzjoni u l-arja kkundizzjonata u l-opportunitajiet li joffru l-ICTs f'termini ta' kejl, monitoraġġ u awtomazzjoni; isostni li l-arloġġi intelliġenti, id-dawl effiċjenti, il-“cloud computing” u s-softwer mifrux jistgħu jbiddlu l-mudelli ta' użu tas-sorsi tal-enerġija;

15.  Jinnota li l-ICTs jistgħu jipprovdu ppjanar urban u governanza infrastrutturali tal-bliet b'soluzzjonijiet innovattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju;

16.  Huwa tal-fehma li l-użu tal-ICTs jista' jkollu rwol prinċipali fit-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, b'mod partikulari fl-immaniġġjar u t-tħaddim tal-agglomerazzjonijiet urbani; huwa tal-fehma li l-proġett Smart Cities huwa eżempju tal-potenzjal tal-ICTs fir-rigward tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, u jħeġġeġ lil bliet oħrajn biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom u jibdew jużaw prattiki tajbin;

17.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-fornituri tas-servizzi pubbliċi fl-introduzzjoni tal-arloġġi intelliġenti tista' twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż u tipprovdi servizzi aħjar lill-konsumaturi;

18.  Jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-utilitajiet pubbliċi, il-kunsilli lokali u l-awtoritajiet muniċipali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet bil-ħsieb li jiġu introdotti miżuri prattiċi mfassla biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; jenfasizza l-importanza tal-ICTs f'dan ir-rigward;

19.  Jenfasizza li s-setturi kollha li jużaw l-enerġija għandhom jagħtu l-akbar kontribut possibbli biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; jinnota li l-ilħuq tal-mira ġenerali tal-iffrankar tal-enerġija fil-livell Ewropew se jiddependi mis-somma tal-iffrankar magħmul fil-livelli kollha aktar baxxi;

20.  Jenfasizza li s-settur tal-ICT għandu jimpenja ruħu wkoll biex itejjeb l-effikaċja tal-enerġija u l-użu iktar mifrux tal-forniment ta' enerġija li hija newtrali mil-lat tal-karbonju permezz tal-iżvilupp ta' tagħmir, netwerks ta' komunikazzjoni u sistemi ta' trasmissjoni. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni għandha tkun flessibbli fl-aġġustament tar-regolamenti għall-iżvilupp tekniku tas-settur;

21.  Jenfasizza li fis-settur industrijali, it-teknoloġiji tal-kejl u tal-kontroll flimkien mas-softwer korrispondenti huma kruċjali għall-kisba tal-potenzjal tal-iffrankar tar-riżorsi;

22.  Jiddispjaċih fir-rigward tar-rata kajmana tal-progress biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-iffrankar tal-enerġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis b'mod sħiħ il-potenzjal ta' ffrankar ta' enerġija tal-ICT fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/125/KE tal-21 ta' Ottubru 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija(1);

23.  Jenfasizza l-importanza tal-influwenza tal-ICT fuq l-effiċjenza tal-enerġija, xi ħaġa li ġiet enfasizzata wkoll meta fl-2007 din il-kwistjoni ngħatat prijorità partikulari għall-ICT taħt is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku(2);

24.  Iqis li għandha tkun prijorità li tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea billi jsiru investimenti f'teknoloġiji ġodda u b'mod partikolari billi jiġi żviluppat il-broadband fid-diversi Stati Membri bħala mod kif jinkiseb it-tkabbir ekonomiku, jingħata aċċess għal sistemi u applikazzjonijiet ġodda għal numru dejjem akbar ta' ċittadini u negozji Ewropej, u jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li l-UE stabbiliet għall-2020; barra minn hekk, l-iżvilupp tal-ICT responsabbli għat-tibdil favur ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju se jikkontribwixxi kemm għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-provvista tal-enerġija kif ukoll biex wieħed ikun jista' jlaħħaq mal-ispejjeż għoljin tal-materji primi;

25.  Jistieden lill-Istati Membri biex, permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura xierqa, jiffaċilitaw id-disponibilità tal-Internet broadband għaċ-ċittadini kollha tal-UE sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għas-servizzi fuq l-internet li jistgħu jnaqqsu l-bżonn tal-ivvjaġġar;

26.  Jitlob li jiġu żviluppati u introdotti servizzi online (eBanking, eCommerce, eGovernment, eLearning, eHealth) u x-xogħol minn distanza bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità tas-servizz ipprovdut lill-pubbliku u, fl-istess ħin, jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju; jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw dawn is-servizzi li, minbarra li jiffrankaw il-ħin lin-nies, iwasslu għal tnaqqis fl-ivvjaġġar;

27.  Jenfasizza l-importanza tal-loġistika fir-razzjonalizzazzjoni tat-trasport u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiżdied l-investiment pubbliku u privat fl-għodda tal-ICT sabiex jiġu żviluppati infrastrutturi tal-enerġija intelliġenti għat-trasport u, b'mod partikulari, biex jinkisbu t-trasport elettroniku tal-merkanzija u s-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport;

28.  Jemmen li l-użu ta' sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) li jiġu applikati għat-trasport bit-triq u li jiddaħħlu mal-mezzi l-oħra ta' trasport jistgħu jgħinu fit-tnaqqis tal-konġestjoni u l-effetti ħżiena tagħha fuq l-ambjent; jemmen li l-applikazzjoni tal-ICTs għat-trasport tal-passiġġieri u d-disponibilità ta' teknoloġiji ġodda u informazzjoni minima fuq it-toroq u l-interazzjoni tagħhom mat-tajers u l-kundizzjonijiet tat-temp, b'displej fil-vettura, se jiffaċilitaw l-ivvjaġġar u t-trasport tal-oġġetti b'mod iktar effikaċi, mgħaġġel u sikur;

29.  Jenfasizza l-importanza tal-ICT fl-ippjanar ta' politika ġdida Ewropea tat-trasport; jitlob li kwalunkwe pjan ta' dan it-tip mill-Kummissjoni jkun jinkludi soluzzjonijiet tal-ICT, fost affarijiet oħrajn, fir-regolamentazzjoni tal-flussi tat-traffiku u biex tiżdied l-intermodalità fis-settur tat-trasport u jinkiseb l-aħjar bilanċ fost il-mezzi tat-trasport differenti;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-applikazzjonijiet meħtieġa biex jiżviluppaw infrastruttura teknoloġika li tipprovdi l-possibbiltà għal tnaqqis fit-trasport bit-triq u għal promozzjoni tal-intermodalità;

31.  Jenfasizza li sabiex jinkiseb l-iffrankar tal-enerġija fis-settur tat-trasport, l-ivvjaġġar jista' jiġi evitat permezz ta' laqgħat virtwali, u s-sistemi tat-trasport intelliġenti se jiffaċilitaw sistema tat-trasport effiċjenti ħafna;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha fl-użu tal-ICTs fil-qasam tat-trasport, b'mod partikulari l-użu ta' strumenti ta' monitoraġġ u ta' kejl; iqis essenzjali li r-riżultati tal-kejl jitqiesu fil-kontroll tat-traffiku f'ħin reali u fl-iżvilupp u l-irfinar tan-netwerk tat-trasport urban u reġjonali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-introduzzjoni ta' magni intelliġenti biex jiġu appoġġjati s-setturi ewlenin u l-pjattaformi teknoloġiċi konġunti kkonċernati;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija komuni dwar l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' karozzi tal-elettriku; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza l-karozzi intelliġenti u l-proġetti tat-toroq intelliġenti, kif ukoll il-proġetti pilota ta' riċerka u żvilupp għat-tagħmir V2V u V2R, li jistgħu jiftħu opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-kumpaniji tal-ICT Ewropej;

35.  Jirrakkomanda li, fil-kuntest tal-ħidma tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, tingħata prijorità lil iniżjattivi biex jiġu żviluppati ICTs għal bliet intelliġenti u sostenibbli, minħabba li iktar minn 80% taċ-ċittadini tal-UE jgħixu fil-bliet, li qed jaffaċċjaw l-ikbar sfidi li issa qed jolqtu lis-soċjetajiet Ewropej fl-oqsma tal-iżvilupp sostenibbli, il-mobilità, il-komunikazzjonijiet, is-saħħa, is-sigurtà, l-għajnuna soċjali eċċ.;

36.  Jenfasizza li l-proposta futura tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta' Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa għandu jkollha bħala għan l-integrazzjoni tal-ICT għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; jitlob l-isfruttar tat-teknoloġiji tal-ICT sabiex ikun jista' jinkiseb it-tnaqqis immirat fl-emissjonijiet ta' CO2 fis-setturi ewlenin sal-2020 u jitlob il-promozzjoni ta' konsum għaqli tal-enerġija, speċjalment permezz tal-installazzjoni ta' arloġġi tad-dawl intelliġenti; jinnota wkoll li għandhom jiġu stabbiliti miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-impatt tas-settur tal-ICT għall-2015;

37.  Jinnota li ostaklu kbir għall-użu wiesa' ta' ICTs fl-industrija u fis-servizzi pubbliċi huwa dovut għal-livell insuffiċjenti ta' taħriġ neċessarju f'dan il-qasam;

38.  Jirrakkomanda li l-klawsola ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni Enerġetika tal-Bini tiġi rispettata u li l-ambitu jiġi estiż biex jinkludi bini żgħir fir-reviżjoni li jmiss; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw din id-direttiva; jirrakkomanda wkoll li l-ICTs jiġu inkorporati fil-miżuri ta' implimentazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu ċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija għall-bini pubbliku disponibbli għall-pubbliku u faċli li jitqabblu;

39.  Isostni li m'għandux jinħela ħin fl-introduzzjoni ta' tagħmir intelliġenti permezz tal-użu kummerċjali tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta ARTEMIS;

40.  Isostni li użu aktar mifrux tal-ICTs jistimula t-tkabbir ekonomiku Ewropew, joħloq impjiegi ġodda bi kwalifiki għolja u jagħti spinta lis-suq tat-teknoloġiji l-ġodda tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; jemmen li hemm bżonn ta' investimenti sinifikanti kemm għar-Riċerka u l-Iżvilupp kif ukoll għall-użu tat-teknoloġiji eżistenti; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu inċentivi kemm għall-investimenti pubbliċi kif ukoll għal dawk privati fl-użu effiċjenti tal-enerġija; f'dan ir-rigward itenni r-responsabilità tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni bħala akkwirenti pubbliċi;

41.  Jenfasizza r-rwol sinifikanti tal-investimenti privati biex jintlaħqu l-livelli ta' finanzjament meħtieġa u għalhekk jemmen li l-UE għandha tiżgura suq u qafas regolatorju favorevoli li joffru inċentiv għall-kummerċ sabiex dan isegwi strateġiji ambizzjużi fl-effiċjenza tal-enerġija; jemmen li b'dawn il-kundizzjonijiet is-swieq se jilħqu l-għanijiet stipulati għalihom; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq għanijiet konkreti u ambizzjużi skont il-potenzjal tal-ICTs differenti kif spjegat fil-komunikazzjoni tagħha (COM(2009)0111);

42.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu fl-edukazzjoni dwar l-effiċjenza tal-enerġija li għandha tibda mill-iskejjel u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' korsijiet edukattivi dwar l-effiċjenza tal-enerġija permezz tal-ICTs f'netwerk wiesa' ta' skejjel primarji u sekondarji;

43.  Jemmen li l-arloġġi tad-dawl intelliġenti u l-progetti tal-ICT b'mod ġenerali jirrikjedu kampanji ta' informazzjoni wesgħin sabiex il-benefiċċji tagħhom ikunu spjegati liċ-ċittadini; jenfasizza li l-għoti ta' informazzjoni lis-soċjetà dwar il-ħtieġa tal-użu ta' arloġġi intelliġenti u l-benefiċċji tiegħu huwa kruċjali biex jiġu evitati interpretazzjonijiet ħżiena u n-nuqqas ta' appoġġ pubbliku; isostni, għalhekk, li m'għandu jintilef l-ebda żmien fil-promozzjoni tal-użu ta' arloġġi intelliġenti, li jippermettu lill-konsumaturi jimmaniġġjaw il-konsum tal-enerġija tagħhom b'kemm jista' jkun effiċjenza, bil-ħsieb li jiġu ottimizzati l-produzzjoni u t-twassil tal-enerġija u n-netwerks tal-elettriku; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kejl, il-monitoraġġ u l-awtomazzjoni tal-konsum se jkunu parti integrali tal-istruttura ottimizzata tan-netwerk tal-elettriku, li l-iskop tagħha għandu jkun li, fuq naħa waħda, tiżgura l-effiċjenza tal-enerġija u fuq in-naħa l-oħra tinkorpora s-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu, il-ġestjoni tal-ħażna tal-enerġija u l-iċċarġjar mill-ġdid tal-karozzi tal-elettriku tal-ġejjieni; jenfasizza, madankollu, li filwaqt li s-sistemi tal-arloġġi tad-dawl intelliġenti huma stadju kruċjali fil-proċess, dawn huma sempliċement l-ewwel pass lejn l-iżvilupp ta' netwerks intelliġenti;

44.  Jenfasizza li, b'rabta mal-influwenza importanti tal-ICTs fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' bliet u reġjuni fl-UE, huwa importanti ħafna li jiġu kkonsultati r-rappreżentanti uffiċjali ta' komunitajiet lokali u reġjonali, fejn il-programmi tal-UE jipprovdu appoġġ għat-tfassil ta' dawn l-oqsma ta' azzjoni ta' prijorità importanti għal dawn il-komunitajiet;

45.  Jenfasizza li n-netwerks tal-enerġija intelliġenti fil-livell tal-Istati Membri u dak Ewropew huma meħtieġa sabiex jiġu sfruttati b'mod sħiħ il-benefiċċji tal-arloġġi tad-dawl intelliġenti; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-programmi ta' investiment fuq skala Ewropea; Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu u jiffaċilitaw l-użu ta' arloġġi tad-dawl intelliġenti għall-utenti fi proprjetajiet kummerċjali u residenzjali; Jenfasizza li l-introduzzjoni ta' arloġġi tad-dawl intelliġenti hija biss waħda mill-elementi meħtieġa fil-kostruzzjoni ta' netwerk Ewropew tal-enerġija intelliġenti integrata; Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimxu “l quddiem rigward l-applikazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-ICT għal dan il-għan;

46.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi ssorveljata l-influwenza tal-iżvilupp tal-ICT fuq ċerti aspetti tal-iżvilupp sostenibbli, b'referenza partikulari għall-kwistjonijiet ambjentali u soċjali, fosthom it-theddida għall-ambjent u s-saħħa b'rabta mal-użu ta' tagħmir antik u l-inugwaljanzi soċjali li jirriżultaw mill-esklużjoni diġitali;

47.  Ifaħħar lil dawk l-Istati Membri li diġà introduċew l-użu ta' arloġġi tad-dawl intelliġenti, u jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħrajn biex jagħmlu progress f'dan il-qasam malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkofinanzja l-akbar numru possibbli ta' proġetti kbar, billi tuża strumenti finanzjarji u tar-riċerka eżistenti għal dan l-iskop;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu soluzzjonijiet tal-ICT effiċjenti, li jistgħu jiġu mtejba u estiżi permezz tal-kuntratti ta' akkwist pubbliku;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi portal Ewropew tal-Internet li jkun fih l-aqwa prattiki dwar l-użu tal-ICTs għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li jista' jipprovdi tagħrif utli lill-konsumaturi u lill-awtoritajiet pubbliċi; Jitlob li titwaqqaf kampanja medjatika għall-Ewropa kollha bil-għan li l-pubbliku jiġi edukat dwar il-prattiki tal-iffrankar tal-enerġija fir-rigward tal-użu ta' apparat elettroniku;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ir-reġjuni inqas żviluppati tal-Unjoni fl-ippjanar tal-ICT u biex tiżgura r-riżorsi għall-kofinanzjament tal-implimentazzjoni ta' arloġġi tad-dawl intelliġenti u proġetti oħra tal-ICT f'dawn ir-reġjuni biex il-parteċipazzjoni tagħhom tkun żgurata u biex ikun evitat li jiġu esklużi mill-azzjonijiet komuni Ewropej;

51.  Jilqa' t-twaqqif ta' task force għal netwerks tal-enerġija intelliġenti fil-Kummissjoni u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra kif suppost l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament b'rapporti regolari dwar il-progress fil-ħidma tagħha;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tabbozza, fuq il-bażi tal-ħidma mwettqa mit-task force, komunikazzjoni dwar l-użu ta' arloġġi intelliġenti li:

   a. tidentifika l-ostakli għall-użu mifrux tal-arloġġi intelliġenti,
   b. tilqa' l-gwida prattika mressqa mill-Kummissjoni flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni dwar kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jisfruttaw l-ICTs fil-pjanijiet tal-effiċjenza tal-enerġija u fil-pjanijiet ambjentali tagħhom u jemmen li din l-applikazzjoni se żżid l-opportunitajiet kummerċjali fil-livell lokali u reġjonali,
   c. tissuġġerixxi proċedura għall-abbozzar ta' speċifikazzjoni funzjonali minima komuni għas-sistemi tal-arloġġi tad-dawl intelliġenti kemm jista' jkun malajr,
   d. tistipula pjan direzzjonali għall-ħolqien ta' speċifikazzjonijiet u standards għall-iżvilupp ta' tagħmir elettroniku intelliġenti għall-konsumaturi, li jkun kompatibbli mas-sistemi tal-arloġġi tad-dawl intelliġenti,
   e. tistipula pjan direzzjonali li jistabbilixxi objettivi u miri intelliġenti (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, xierqa, realistiċi u bbażati fuq il-ħin), għall-introduzzjoni ta' sistemi bħal dawn fl-Istati Membri, u
   f. tistabbilixxi sistema għall-ġbir tal-aħjar prattika f'dan il-qasam;

53.  Iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jaqblu, sal-aħħar tal-2010, dwar speċifikazzjoni funzjonali minima komuni għas-sistemi tal-arloġġi tad-dawl intelliġenti, li jħeġġu l-produzzjoni deċentralizzata u l-effiċjenza tal-enerġija, bil-ħsieb li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni komprensiva u relevanti li tippermettilhom jimmonitorjaw il-konsum tal-enerġija tagħhom il-ħin kollu u jadattawha għall-bżonnijiet tagħhom, u b'hekk tgħinhom jimmaniġġjawha b'mod iktar effettiv;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistipula pjan ta' azzjoni konċiż għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija permezz tal-użu tal-ICT fil-bini tal-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex dan ikun ta' eżempju għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini Ewropej;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi, sa tmiem l-2010, skeda ta' żmien b'għanijiet ambizzjużi u li jorbtu ta' ffrankar tal-enerġija permezz tal-ICT għas-setturi kollha tal-ICT u għall-Istati Membri kollha, bil-ħsieb li jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju;

56.  Jemmen li fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-istrumenti legali u l-miżuri konġunti fil-livell Ewropew, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ispejjeż addizzjonali għaċ-ċittadini Ewropej li dawn il-miżuri jafu jinvolvu, kif ukoll il-piżijiet fuq l-industrija Ewropea fir-rigward tal-ispejjeż ta' produzzjoni u ta' amministrazzjoni;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq strument finanzjarju bħala parti mill-finanzjament tal-UE, sabiex l-SMEs jitħeġġu jiżviluppaw it-tekonoloġiji enerġetiċi b'livell baxx ta' karbonju tagħhom;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taġġusta l-baġit tal-UE sabiex jiġi aċċellerat l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u bi nfiq effikaċi, b'mod partikulari bil-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET-Plan);

59.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-Patt tas-Sindki bħala forum għall-iskambju tal-aħjar prattiki u pijunier għall-bliet li qed jistabbilixxu għanijiet ambizzjużi għalihom infushom sabiex itejbu l-effiċjenza tal-enerġija tagħhom; jifraħ, f'dan ir-rigward, lil dawk il-bliet u assoċjazzjonijiet li qed jiżviluppaw prattiki tajbin f'termini ta' użu tal-ICTs biex il-bliet isiru iktar effiċjenti f'sens ta' enerġija, u jħeġġeġ id-disseminazzjoni ta' tali prattiki;

60.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw l-edukazzjoni u t-trawwim ta' kuxjenza fir-rigward tal-utenti sabiex jippermettu li jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-iffrankar tal-enerġija tal-ICT;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi, f'kollaborazzjoni mal-imsieħba internazzjonali xierqa, l-iżvilupp ta' standards internazzjonali komuni għar-rappurtar dwar l-emissjonijiet ta' karbonju tal-kumpaniji sabiex ikunu jistgħu jkejlu l-emissjonijiet tagħhom stess b'mod kumparabbli u effiċjenti;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' proċessar mhux fuq il-post, minħabba l-potenzjal kbir li din it-teknoloġija għandha biex tikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-iskart li normalment huwa assoċjat mat-titjib regolari tal-ICTs;

63.  Jittama li jittieħdu passi biex jiġi utilizzat il-potenzjal tal-ICTs biex titnaqqas il-ħela fil-katina tal-loġistika fil-qasam tal-produzzjoni tal-ikel, b'mod partikulari permezz ta' azzjoni kkoordinata taħt il-politika agrikola komuni u l-FP7;

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(2) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.


White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni
PDF 539kWORD 134k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (2009/2152(INI))
P7_TA(2010)0154A7-0057/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar “Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa ‐ alternattivi għall-azzjoni tal-UE”(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar l-“2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima”(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2009 dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (COP 15)(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 15)(5),

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta' Kyoto għall-UNFCCC u l-eżitu tal-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCC f'Kopenħagen(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/29/KE tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għas-Sajd (A7-0057/2010),

A.  billi t-tisħin globali u t-tibdil fil-klima huma rikonoxxuti bħala theddidiet serji ħafna,

B.  billi l-effetti tat-tibdil fil-klima se jħallu impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali sinifikanti,

C.  Billi, anke jekk id-dinja jirnexxilha tillimita u tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra, xorta teħtieġ sforzi ta' adattament sinifikanti biex tindirizza l-impatti li ma jistgħux ikunu evitati,

D.  billi l-objettiv li t-tisħin globali jitwaqqaf f“+2°C xorta jkun ifisser xenarju ta' tisħin għall-Ewropa, ikkaratterizzat minn tibdil klimatiku reġjonali estrem, u billi l-wegħdiet attwali li ġew innotifikati lill-UNFCC flimkien jammontaw għal tisħin ta' +3.5-4°C jekk jiġu implimentati,

E.  billi l-impatti tat-tibdil fil-klima se jaffettwaw reġjuni Ewropej b'modi differenti, fi gradi differenti ta' severità u f'perjodi ta' żmien differenti,

F.  billi, kif indikat fil-White Paper tal-Kummissjoni, l-adattament se jirrikjedi solidarjetà fost l-Istati Membri tal-UE lejn ir-reġjuni żvantaġġati u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tibdil fil-klima,

G.  billi n-nofsinhar tal-Ewropa u l-baċir Mediterranju huma żewġ żoni tal-Ewropa li huma partikolarment vulnerabbli u li diġà qed jaffrontaw l-iskarsezza tal-ilma, in-nixfiet u n-nirien forestali, u billi r-riċerka riċenti tindika li hu mistenni tnaqqis li jilħaq il-25% fil-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba fin-nofsinhar tal-Ewropa(8),

H.  billi, skont is-Soċjetà Respiratorja Ewropea, għal kull żieda ta' grad Celsius fit-temperatura aktar minn limitu minimu speċifiku għal belt partikulari, il-mortalità fost dawk bi problemi respiratorji tiżdied b“6%,

I.  billi t-taqsima intitolata “Id-dimensjoni esterna u l-ħidma li għaddejja taħt il-UNFCCC” fil-White Paper hija waħda importanti u hemm bżonn li l-UE titkellem b'leħen wieħed sabiex terġa' tieħu rwol mexxej fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, waqt li tgħin biex tinħoloq “diplomazija tal-klima” ġdida, kif mitlub fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen,

J.  billi l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent aktar estensiv se jinħassu bl-aktar mod gravi b'manjiera indiretta, permezz tad-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi li huma fundamentali għall-benessri tal-bniedem, u billi dan jirrikjedi li l-protezzjoni tal-ekosistemi tkun il-pedament ta' strateġija tal-UE għall-adattament,

K.  billi t-temperaturi medji li qed jogħlew inaqqsu t-talba għaż-żejt u l-gass għall-iskopijiet ta' tisħin, imma billi fl-istess ħin qed jiżdied in-numru ta' ġranet meta jkun hemm bżonn tat-tkessiħ, fatt li jista' jżid it-talba għall-elettriku,

L.  billi l-leġiżlazzjoni eżistenti Ewropea li tindirizza direttament il-kwistjonijiet ambjentali trid tipprovdi bażi konkreta biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taffronta l-impatti tat-tibdil fil-klima,

M.  billi l-azzjoni meħuda fuq livell Ewropew għandha tistabbilixxi u tissodisfa l-ogħla standards fejn jidħol ir-rispett tal-ambjent, kemm fuq żmien fil-qosor kif ukoll fit-tul (inkluż l-adattament għat-tibdil fil-klima),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-White Paper imsemmija hawn fuq;

2.  Jaqbel mal-għan tal-Qafas ta' Adattament propost tal-UE, i.e. li jtejjeb il-kapaċità tal-UE li tilqa' għall-impatt tat-tibdil fil-klima;

3.  Jilqa' b'mod speċjali l-enfasi tal-White Paper fuq it-tisħiħ tal-kapaċità ta' rkupru tal-ekosistemi kollha bħala difiża essenzjali kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza b'mod ulterjuri li l-ekosistemi naturali huma żoni għall-assorbiment tal-karbonju l-aktar importanti tad-dinja, peress li jaqbdu 50% tal-emissjonijiet annwali globali tal-gassijiet bl-effett ta' serra u jikkontribwixxu kemm għall-mitigazzjoni u għall-adattament;

4.  Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti pjanijiet ta' adattament nazzjonali bbażati fuq qafas Ewropew komuni li jippermetti li l-Istati Membri jippjanaw u jikkomunikaw l-isforzi ta' adattament tagħhom; jikkunsidra li hemm bżonn li dawn il-pjanijiet jinkludu mapep tar-riskji u tal-perikli li juru l-infrastruttura u l-istallazzjonijiet li jistgħu jkunu ta' riskju għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika f'każ li jseħħu avvenimenti meteoroloġiċi avversi; jitlob li din l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku u għal Stati Membri oħrajn;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni adattata fil-politiki kollha tal-UE, b'mod partikulari l-politiki komuni għall-agrikoltura u s-sajd, il-politika għall-forestrija u l-politika ta' koeżjoni, u fil-leġiżlazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatti ambjentali, il-permessi għall-ippjanar u l-istandards tal-bini, (u tkun żgurata l-koerenza ta' dawn il-miżuri permezz ta' approċċ transsettorjali u orizzontali li jkun ibbażat fuq il-kapaċità ta' rkupru tal-ekosistemi;

6.  Jenfasizza li l-oqsma prinċipali ta' azzjoni identifikati fil-White Paper għandhom jiġu prijoritizzati ulterjorment skont il-kalendarju meta huma mistennija li jseħħu konsegwenzi differenti fl-Ewropa, sabiex ir-riżorsi disponibbli jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod aktar effikaċi;

L-iżvilupp tal-bażi tal-għarfien

7.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li hemm ħtieġa ta' aktar tagħrif dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima, sabiex l-informazzjoni li tirriżulta mill-istħarriġ tkun tista' tiġi mxerrda bl-akbar mod possibbli u, konsegwentement, ikunu żviluppati miżuri ta' adattament xierqa;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, mhux biss tiżviluppa bażi ta' għerf dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima b'referenza speċifika għall-Unjoni Ewropea, imma biex anke tgħaddi dak l-għerf lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qed jiġu industrijalizzati sabiex ikunu jistgħu jiużawh sabiex ifasslu r-risponsi tagħhom għall-problema tat-tibdil fil-klima u biex jagħmlu użu effikaċi tal-fondi għall-miżuri ta' protezzjoni klimatika;

9.  Jenfasizza li għandhom jissaħħu l-isforzi tar-riċerka, fil-qafas tas-Seba' Programm ta' Qafas attwali u l-programmi qafas għar-riċerka futuri, sabiex ikunu indirizzati nuqqasijiet attwali fl-għerf f'dak li għandu x'jaqsam mal-perikli (diżastri relatati mat-temp li seħħew fil-passat u li hemm probabilità tajba li jseħħu fil-futur) u fatturi relevanti oħra bħall-iżviluppi soċjoekonomiċi (id-distribuzzjoni ġeografika attwali u futura tal-beni fir-riskju) f'postijiet speċifiċi u fi żminijiet speċifiċi, u sabiex ikunu żviluppati modalitajiet u tekniki għall-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri għall-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima u l-kontribut rispettiv tagħhom għat-tnaqqis tal-esponiment jew il-vulnerabilità għar-riskji klimatiċi, u li tingħata prijorità għat-twettiq ta' riċerka u għall-iffinanzjar ta' żviluppi teknoloġiċi fi stati li jġarrbu spejjeż għolja ta' adattament;

10.  Hu tal-fehma li għandhom jitfasslu indikaturi ta' vulnerabilità bħala kwistjoni urġenti, minħabba l-firxa differenti ta' xenarji klimatiċi fi ħdan il-Komunità u jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar riċerka sabiex isir modellar xieraq fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll il-ħtieġa li tkun definita l-kapaċità ta' adattament fit-territorju tal-UE iħeġġeġ, għaldaqstant, liż-ŻEE tipproduċi rapporti li janalizzaw ir-riskji li jippreżenta t-tibdil fil-klima għar-reġjuni l-aktar vulnerabbli tal-Ewropa, li jidentifikaw il-bżonnijiet, il-limiti, il-kalendarji, l-opportunitajiet, il-livelli politiċi u l-għażliet għall-adattament, sabiex tinsilet gwida politika dwar il-prattika ta' adattament u sabiex il-partijiet reġjonali u lokali li għandhom sehem fil-qasam jiġu assistiti biex jiżviluppaw strateġiji ta' adattament b'saħħithom;

11.  Ifakkar, madankollu, li l-inċertezza dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima hija parti integrali mill-problema, u li ġie li jridu jittieħdu deċiżjonijiet f'dan il-qasam mingħajr ma wieħed joqgħod jistenna ċ-ċertezza xjentifika, bi qbil ma' approċċ prekawzjonali;

12.  Hu tal-fehma li huwa meħtieġ li jiġu allokati fondi għar-riċerka dwar il-klima, li tista' ssir b'mod aktar effikaċi fil-livell Ewropew u se tipprovdi bażi soda għall-iżvilupp ta' politiki ta' adattament dwar il-bidla fil-klima;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm aċċess faċli għal data dettaljata (inkluża l-metadata li tiddeskrivi l-metodoloġiji tas-settijiet tad-data) għall-partijiet pubbliċi u privati kollha li għandhom sehem fil-qasam; hu tal-fehma li d-data dwar it-tibdil fil-klima għandha titqies bħala beni pubbliku u għaldaqstant, bi qbil mal-Artikolu 14 tad-Direttiva INSPIRE, għandha ssir disponibbli għall-pubbliku bla ħlas jew bi ħlas li jkopri l-ispiża tal-manteniment ta' settijiet tad-data u s-servizzi tad-data korrispondenti;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żviluppat netwerk ta' inizjattivi lokali u reġjonali għall-adattament għat-tibdil fil-klima u li tiġi skambjata l-esperjenza fuq skala Ewropea; jindika li l-identifikazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-aħjar prattika tista' tiġġenera valur miżjud għall-istrateġija tal-UE;

15.  Jenfasizza r-relevanza tal-metodi ta' riċerka parteċipatorja bħal dawk imħeġġa fi ħdan il-programm “Ix-Xjenza fis-Soċjetà” taħt is-Seba' Programm Qafas ta' Riċerka tal-UE, li jiffaċilitaw il-bini komuni ta' għerf b'mod konġunt mal-komunitajiet u l-awtoritajiet lokali bl-intenzjoni li jiġu stabbiliti l-aħjar strateġiji ta' adattament fil-livelli reġjonali jew lokali u li tiġi żgurata disseminazzjoni aħjar tal-għerf;

16.  Jilqa' s-suġġeriment tal-White Paper li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex l-informazzjoni tinqasam bejn kulħadd; jittama li dan il-mekkaniżmu jkun qiegħed jaħdem sal-2011, u li l-mudelli u l-għodod ta' previżjoni jkunu laħqu ġew żviluppati sa dakinhar;

17.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Mekkaniżmu ta' Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif jiġi żviluppat bħala portal, li se jintegra lis-sistemi eżistenti l-oħra bħas-Sistema tal-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) u l-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), anzi dan għandu jżid il-valur fil-preparazzjoni tal-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet privati li għandhom sehem fil-qasam biex jippjanaw, jiffinanzjaw u jimplimentaw pjanijiet xierqa ta' adattament;

18.  Jenfasizza l-importanza ta' servizzi bbażati fuq is-satellita, primarjament għal attivitajiet ta' salvataġġ f'każ ta' diżastri naturali; jistieden lil dawk kollha involuti biex il-GMES jagħmluh kompletament operazzjonali malajr kemm jista' jkun;

L-integrazzjoni tal-adattament fil-politiki tal-UE
Prinċipju ġenerali

19.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi adottat approċċ transsettorjali bbażat fuq il-kapaċità ta' rkupru tal-ekosistemi, il-protezzjoni tal-ambjenti naturali u l-bijodiversità u s-servizzi pprovduti mill-ekosistemi, u li jiġu żgurati s-sinerġija u l-koerenza fost il-miżuri li għandhom jittieħdu bħala parti mill-politiki kollha relevanti speċifiċi għas-settur;

L-ilma

20.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar l-ilma, wieħed mir-riżorsi primarji fid-dinja, minħabba li t-tibdil fil-klima se jkollu impatt sinifikanti fuq il-kwantità u l-kwalità tal-ilma, speċjalment l-ilma għax-xorb;

21.  Jenfasizza li l-UE trid tiġġestixxi r-riżorsi tal-ilma tagħha b'mod aktar effikaċi permezz ta' approċċ fuq żewġ korsiji – billi jissaħħaħ il-potenzjal tar-riżors u jitnaqqsu b'mod attiv id-domanda u l-ħela min-naħa tal-popolazzjoni – u ta' attivitajiet soċjoekonomiċi;

22.  Jenfasizza l-importanza li l-adattament ikun integrat b'mod sħiħ fil-Pjanijiet Amministrattivi tal-Baċiri tax-Xmajjar bi qbil mal-linji gwida maħruġa fit-30 ta' Novembru 2009;

23.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni attiva tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE)(9) u l-effikaċja tal-Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Baċini tax-Xmajjar, b'mod speċjali fil-każ ta' baċini transkonfinali u fir-reġjuni fejn il-pressjoni tal-ilma għad tilħaq livell kritiku u/jew fejn il-frekwenza tal-għargħar qed tiżdied;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għargħar li tipprovdi mekkaniżmu komprensiv biex ikunu evalwati u sorveljati r-riskji akbar ta' għargħar minħabba t-tibdil fil-klima u biex ikunu żviluppati metodi ta' adattament, flimkien mal-benefiċċji ta' ambjent li jkun kapaċi jirkupra u ekosistemi li jkunu kapaċi jirkupraw f'dak li għandu x'jaqsam mal-monitoraġġ u l-minimizzazzjoni tal-impatt tal-għargħar;

Il-biedja u l-forestrija

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżistenza tal-ekosistemi agrikoli bl-użu aktar sostenibbli tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari l-ilma u l-ħamrija, billi jiġu skoraġġuti b'mod attiv il-prattiki insostenibbli u t-tiżrigħ ta' tipi ta' wċuħ li mhumiex xierqa minħabba l-konsum tal-ilma tagħhom u b'użu akbar ta' bijodiversità intra u interspeċji f'dak li għandu x'jaqsam maż-żerriegħa u r-razez tal-annimali;

26.  Iqis li l-politika komuni agrikola għandha rwol ċentrali fil-kontribuzzjoni għall-adattament u li hemm bżonn li jiġi żviluppat approċċ li jkun aktar ibbażat fuq l-ekosistemi lejn l-agrikoltura, il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-forniment ta' servizzi oħra għall-ekosistemi, inklużi l-konservazzjoni tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma tal-għargħar u l-konnettività ekoloġika bejn il-pajsaġġi, u li l-introduzzjoni ta' prattiki ta' biedja sostenibbli se jkollhom benefiċċji ewlenin għall-konservazzjoni tal-ħamrija, il-ġestjoni tal-ilma, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-kapaċità tal-ekosistema li tirkupra;

27.  Jenfasizza li l-miżuri tal-UE għall-protezzjoni tal-foresti se jkollhom jinkorporaw l-adattament, peress li l-ekosistemi forestali se jiġu affettwati fil-fond mit-tibdil tal-klima u se jkun hemm riskju akbar ta' nirien;

28.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għall-aġġornament tal-istrateġija tal-UE dwar il-forestrija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi dibattitu dwar il-protezzjoni forestali malajr kemm jista' jkun;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri ta' agroforestrija għat-tisġir tal-pajjiżi Mediterranji bħala mod effettiv meta mqabbel mal-ispejjeż biex jiġu pprovduti servizzi ta' ekosistemi bażiċi;

30.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li f'dawn l-aħħar snin, l-Ewropa batiet minn nirien li qerdu aktar minn 400 000 ettaru ta' foresta fis-sena kkawżati mill-abbandun progressiv tal-kampanja u tal-attivitajiet tradizzjonali assoċjati magħha, manteniment insuffiċjenti tal-foresti, l-eżistenza ta' meded kbar ta' foresti bi speċi waħda ta' siġra, it-tixtil ta' tipi ta' siġar mhux adegwati, in-nuqqas ta' politika xierqa ta' prevenzjoni u penalitajiet mhux severi biżżejjed fil-każijiet meta n-nirien jitqabbdu volontarjament, flimkien mal-implimentazzjoni mhux adegwata tal-liġijiet li jipprojbixxu l-bini illegali u li jiżguraw ir-riafforestazzjoni; jinnota li, bin-nirien li qed iseħħu fuq din l-iskala, speċjalment fin-nofsinhar tal-Ewropa, il-foresti mhumiex kapaċi jerġgħu jiġġeneraw ruħhom, u li dan għandu konsegwenzi ekoloġiċi u effetti ekonomiċi u soċjali gravi; jinnota wkoll li l-kundizzjonijiet ta' temp mhux tas-soltu li ġew esperjenzati fl-2007 aggravaw il-fenomenu tal-meganirien,, xi ħaġa li hemm ċans tajjeb li terġa' sseħħ b'mod aktar ta' spiss fis-snin li ġejjin; jinnota ulterjorment li t-tisħin globali se jiżdied mill-anqas matul it-30 sena li ġejjin, u li dan jista' jaffettwa prinċipalment lir-reġjuni speċifiċi li huma partikularment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-proposta tagħha għal pjan ta' azzjoni tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima, tipprijoritizza l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra n-nixfiet u n-nirien forestali, b'enfasi fuq in-nofsinhar tal-Ewropa, kif suġġerit mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu adattati s-sistemi tal-protezzjoni ċivili nazzjonali biex ikunu jifilħu għall-impatt tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ b'mod partikulari lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex tespandi r-Riżerva Tattika Ewropea għan-Nirien Forestali f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi u l-kapaċità;

33.  Jirrakomanda li l-Kummissjoni tfassal programmi ta' riċerka biex tinvestiga r-reazzjoni tal-foresti għal livelli ogħla ta' CO, temperaturi aktar għoljin u nixfa;

34.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal programmi ta' riċerka għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda għall-ġestjoni forestali tal-ekosistemi affettwati minħabba ċ-ċirkostanzi ġodda li qed jinħolqu mit-tibdil fil-klima;

L-industrija tas-Sajd

35.  Jistieden biex jitqiesu sistemi alternattivi ta' mmaniġġjar tas-sajd u t-tnaqqis fil-kapaċità ta' diversi taqsimiet tal-flotta Ewropea, bil-għan li jiġu stabbiliti prattiki sostenibbli tas-sajd u tal-akwakultura;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel studji maħsuba biex jivvalutaw il-fenomenu tal-alka ħadra u l-impatt tagħha fuq l-industrija tas-sajd; jitlob, ukoll, li jitwettaq studju dwar kif it-tibdil fil-kurrenti li jseħħ minħabba t-tisħin tal-klima jinfluwenza l-movimenti ta' ċerti speċi marini;

37.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali jiġu rinforzati u implimentati fil-kuntest usa' tal-Politika Marittima Integrata, filwaqt li jġibu flimkien il-politiki settorjali kollha marbuta mal-baħar u l-oċeani;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-adattament permezz tal-kapaċità ta' rkupru tal-ekosistemi jiġi integrat fil-pożizzjoni tal-Komunità fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali dwar is-sajd u l-ambjent tal-baħar, u b'mod l-aktar partikolari fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd u l-ORS;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipparteċipa b'mod attiv fit-twaqqif ta' “fond għall-karbonju blu” fil-kuntest tal-UNFCC; jisħaq li t-tali fond għandu jesplora mekkaniżmi finanzjarji u ta' koordinament għall-protezzjoni u l-ġestjoni tal-ekosistemi tal-kosta u tal-baħar u tal-karbonju oċeaniku, bħala parti minn strateġija globali għall-ippjanar rigward il-baħar;

Il-ħamrija

40.  Hu tal-fehma li mhux biss il-ħamrija għandha impatt kbir fuq it-tibdil fil-klima, imma t-tibdil fil-klima nnifsu jista' jirriżulta f'degradazzjoni jew erożjoni severi tal-ħamrija;

41.  Jirrikonoxxi li d-degradazzjoni tal-ħamrija prinċipalment għandha kawżi lokali u reġjonali, u li konsegwentement il-prinċipju ta' sussidjarjetà għandu jiġi rrispettat; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri mingħajr leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-ħamrija biex jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom;

Inħawi kostali u gżejjer

42.  Hu tal-fehma li l-inħawi kostali u l-ġżejjer għandhom ikunu eliġibbli għall-miżuri ta' adattament prijoritarju, minħabba l-fatt li huma partikularment vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima u huma popolati densament, u li l-interessi ekonomiċi huma għoljin ħafna;

Is-saħħa u l-politiki soċjali

43.  Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki għall-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jkollhom l-ambizzjoni li jsiru l-mutur tat-tkabbir sostenibbli; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li dawn il-politiki jista' u jrid ikollhom il-kapaċità li joħolqu l-impjiegi u jħarsu l-ġustizzja soċjali, biex b'hekk jikkontribwixxu għal livelli ogħla ta' okkupazzjoni u jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali;

44.  Jenfasizza li hemm bżonn li titqies id-dimensjoni soċjali u tal-impjiegi tal-politiki ta' adattament fi ħdan l-istrateġija ta' rkupru tal-UE;

45.  Josserva li l-pjanijiet ta' aġġustament ambizzjużi se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-impjiegi ħodor fl-Ewropa, li se jgħinuna naslu għal ekonomija ħielsa mill-karbonju, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex għaldaqstant jagħmlu sforzi akbar biex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli kullimkien fl-Ewropa;

46.  Jenfasizza li l-komunitajiet jew il-gruppi l-aktar vulnerabbli għandhom jingħataw biżżejjed appoġġ fir-rigward tal-ispejjeż għoljin ta' adattament;

47.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni biex ikunu żviluppati linji gwida u mekkaniżmi ta' sorveljanza dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa sal-2011; jenfasizza ż-żieda fir-riskju tal-propagazzjoni ta' mard trasmess minn organiżmi, l-impatti serji fuq is-saħħa respiratorja u l-ħtieġa li ċ-ċittadin Ewropew jiġi edukat dwar il-miżuri preventivi effettivi rakkomandati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard;

48.  Jinnota li l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa x'aktarx li se jolqtu l-aktar il-komunitajiet li għandhom nuqqasijiet soċjali u ekonomiċi, il-popolazzjonijiet l-aktar fqar u l-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħat-tfal, ix-xjuħ u dawk li huma diġà morda; iqis bħala essenzjali li jkunu kkunsidrati l-miżuri ta' adattament fil-kuntest tal-inugwaljanzi tas-saħħa, u li miżuri ta' dan it-tip iħeġġu azzjoni li tippromwovi l-kobenefiċċji tas-saħħa;

49.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu intensifikati s-sistemi eżistenti għas-sorveljanza u l-kontroll tal-mard tal-annimali;

50.  Jirrikonoxxi r-rwol li għandu s-settur tas-saħħa fl-adattament; jistieden lill-UE biex tappoġġja azzjoni għat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tas-settur, u biex jiġi żgurat finanzjament xieraq għall-miżuri ta' adattament fis-settur tas-saħħa;

L-infrastruttura

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-awtorizzazzjoni industrijali u l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tkun teħtieġ li kwalunkwe infrastrutturi ppjanati jew attivitajiet industrijali awtorizzati jqisu sew il-previżjonijiet tal-kundizzjonijiet klimatiċi tal-ġejjieni u r-riskji li jirriżultaw minnhom, filwaqt li jżommu ċerta kapaċità ta' adattament; jinnota li f'bosta każijiet ikun iktar xieraq li żoni vulnerabbli ma jiġux żviluppati aktar milli jinbnew difiżi fit-tħejjija għal effetti klimatiċi negattivi;

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat, li l-evalwazzjonijiet tal-impatt ambjentali, fejn ikun relevanti, il-pjanijiet urbani u l-ippjanar tal-użu tal-art b'mod ġenerali jqisu xenarji differenti ta' adattament probabbli b'mod li dawn ix-xenarji jkunu sostanzjati xjentifikament;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa metodoloġiji ta' proġetti ta' infrastruttura “li jifilħu għat-tibdil fil-klima”, inklużi analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji u l-alternattivi possibbli;

54.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tqis metodi kif tħeġġeġ ippjanar xieraq tal-użu tal-art (inkluża l-kartografija tar-riskji u l-perikli) fost il-possibiltajiet li għandha l-intenzjoni li tesplora f'konnessjoni mal-valutazzjoni tal-impatt klimatiku tal-investiment pubbliku u privat;

55.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bil-pjan tagħha li tinkorpora l-impatti klimatiċi fl-istandards tal-bini (bħall-Eurocodes) sabiex ittejjeb ir-reżistenza tal-bini li jkun f'żoni iktar suxxettibbli għal riskji;

56.  Hu tal-fehma li, mill-aspett mikroklimatiku, m'għandux jitħalla li jsir bini li jħalli l-ilma jiskula minn fuq l-art f'żoni u bliet b'popolazzjoni densa.

It-trasport

57.  Jiddispjaċih bin-nuqqas ta' attenzjoni mogħtija lis-settur tat-trasport fil-White Paper, minkejja li dan hu responsabbli għal 27% tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet bl-effett ta' serra u li hemm bżonn ta' miżuri ta' adattament effikaċi;

58.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-settur tat-trasport ukoll ikun parti integrali mill-istrateġija Ewropea dwar it-tibdil fil-klima, u jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tressaq proposta għal “Pakkett Ewropew għall-Klima u t-Trasport”;

59.  Iqis li huwa essenzjali li tiġi appoġġjata bidla modali bħala mezz kif wieħed jersaq lejn in-nuqqas ta' karbonizzazzjoni tat-trasport;

60.  Jenfasizza li l-mezzi kollha tat-trasport għandhom jinternalizzaw gradwalment l-ispejjeż esterni tagħhom relatati mat-tibdil fil-klima;

61.  Iqis li l-implikazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u finanzjarji tal-miżuri ta' adattament meħtieġa fis-settur tat-trasport, bħalma huma l-effetti tal-organizzazzjoni mill-ġdid tas-settur (primarjament minħabba l-bidla modali), għadhom mhux magħrufa jew previsti b'mod adegwat; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi indikaturi u metodi ta' vulnerabilità għall-iskambju tal-aħjar prattiki għall-komponenti differenti fis-settur (trasport bil-ferrovija, bit-triq u marittimu);

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu politika ta' mobilità urbana effiċjenti li tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u t-tniġġis miż-żoni urbani kbar permezz tal-iżvilupp ta' trasport pubbliku u komodalità u permezz tal-użu ta' sistemi ta' trasport intelliġenti;

63.  Jenfasizza wkoll li sabiex tiġi promossa politika tat-trasport moderna u sostenibbli, jeħtieġ li jingħata l-appoġġ finanzjarju xieraq għall-proġetti prijoritarji ferrovjarji, marittimi u tal-passaġġi tal-ilma tat-TEN matul il-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss tal-UE (2014-2020);

64.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkompli għaddej il-proċess leġiżlattiv tad-Direttiva “Eurovignette” biex tiġi ffaċilitata l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fuq il-bażi tal-prinċipju li “min iniġġes iħallas”, b'mod li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali għall-kompetizzjoni bejn il-modi tat-trasport;

Enerġija

65.  Jenfasizza li t-tibdil fil-klima għandu impatt kbir fuq il-provvista u d-domanda tal-enerġija fl-Istati Membri tal-UE;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi dettaljata ta' xenarji futuri tal-enerġija filwaqt li tqis l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-infrastrutturi u d-domanda għall-enerġija;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk il-potenzjal tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija li jiġġeddu u oħrajn ta' fjuwils fossili hux se jinbidel konsegwenza tat-tibdil fil-klima u jiġbed l-attenzjoni għal-limiti fuq it-tkessiħ tal-impjanti tal-enerġija termali u l-konsegwenzi ta' dan;

68.  Jinnota, b'rabta mat-tkessiħ tar-reatturi, ir-riskji partikulari għas-sikurezza tal-impjanti nukleari waqt mewġiet tas-sħana, problema li potenzjalment jista' jkollha impatti ambjentali negattivi b'mod sinifikanti fuq l-ilmijiet tal-madwar u implikazzjonijiet fuq is-sigurtà tal-provvista;

69.  Jinnota li l-kundizzjonijiet estremi tat-temp bħall-għargħar u l-maltempati jistgħu jagħmlu ħsara lill-impjanti tal-enerġija, lill-piluni tal-elettriku, lis-sottostazzjonijiet u lill-kaxxi tal-elettriku, jew iwaqqfuhom temporanjament milli jaħdmu; huwa tal-opinjoni li netwerks tal-elettriku ta' kwalità differenti u robusti biex ilaħħqu mal-ħtieġa akbar fil-flessibilità tan-netwerks, u għalhekk jeħtieġ li jissaħħu kemm in-netwerks lokali kif ukoll is-sistemi internazzjonali ta' tensjoni għolja;

70.  Jenfasizza li l-użu tal-enerġija fil-binjiet se jinbidel minħabba l-bidla fil-klima, u li l-ikbar sfida hawnhekk tinsab fl-indirizzar tal-problema marbuta mas-sħana żejda tal-binjiet; huwa tal-opinjoni li t-tkessiħ naturali, it-tkessiħ mekkaniku, ir-rendiment enerġetiku u l-ippjanar bil-ħsieb tal-ispazji għandu jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward;

71.  Hu tal-fehma li, b'politiki tal-enerġija intelliġenti li jippromwovu attivament is-sorsi li jiġġeddu tal-enerġija, bi provvista tal-enerġija deċentralizzata u b'effiċjenza tal-enerġija fit-terrritorji tagħhom, ir-reġjuni mhux biss jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima, imma jiftħu wkoll opportunitajiet u prospetti ekonomiċi ġodda għaċ-ċittadini tagħhom;

72.  Jenfasizza li l-miżuri li jikkonċernaw il-provvista tal-enerġija u l-aċċess għall-enerġija għandhom jiġu definiti f'kuntest ta' solidarjetà fost l-Istati Membri u li l-UE għandha tikkontribwixxi għal ċaqliq politiku globali favur effiċjenza akbar tal-enerġija u l-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija b'użu baxx tal-karbonju, pereżempju sorsi ta' enerġija li jiġġeddu;

73.  Jistieden lill-Istati Membri biex sat-30 ta' Ġunju 2010 jipprovdu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ambizzjużi, komprensivi u realistiċi skont il-mudelli u l-parametri stipulati mill-UE, filwaqt li jinnota li l-ħtiġijiet ta' kull Stat Membru għal enerġija minn sorsi li jiġġeddu għandha tiġi ssodisfata prinċipalment bil-konsum domestiku, filwaqt li l-mekkaniżmu għat-trasferiment statistiku bejn l-Istati Membri ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu għandu jintuża biss fejn dan jitqies li jkun kompletament ġustifikat;

74.  Jenfasizza li għandha tingħata prijorità immedjata lil miżuri addizzjonali biex tiġi promossa l-istrateġija Komunitarja li għandha l-għan li tikseb żieda ta' 20% fl-effiċjenza tal-enerġija sas-sena 2020; iqis li hu xieraq ukoll, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-pjanijiet attwali ta' azzjoni favur l-effiċjenza tal-enerġija, li tiġi kkunsidrata l-possibilità li dan l-objettiv isir jorbot legalment fil-livell Komunitarju;

Il-bijodiversità

75.  Minħabba li NATURA 2000 tifforma l-pilastru ċentrali tal-isforzi tal-politika tal-UE li jħarsu l-ekosistemi f'kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu, jitlob sabiex ikun hemm ġestjoni attiva tas-siti NATURA 2000 u ta' pajsaġġi oħra, b'finanzjament xieraq mill-UE u mill-Istati Membri u bbażat fuq kooperazzjoni mill-qrib kif ukoll konsultazzjoni tal-komunitajiet lokali, u jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' linji gwida sabiex tiġi żgurata l-konnettività bejn iż-żoni naturali; jenfasizza li, kif mistqarr fl-Evalwazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni (SEC(2008)2887) annessa mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Strateġija tal-UE dwar speċi invażivi”, għad hemm ħafna x'wieħed jitgħallem dwar il-kobor u l-passaġġi tal-ispeċi invażivi, kif dawn jaffettwaw l-ekosistemi, u kif it-tibdil fil-klima se jaffettwa l-invażjonijiet bioloġiċi;

76.  Jenfasizza li r-reżistenza tal-ekosistemi fuq l-art kif ukoll dawk fil-baħar jiddependu fl-aħħar mill-aħħar mill-preservazzjoni tad-diversità bijoloġika;

77.  Jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(10) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina(11), tista' tgħin biex tindirizza r-reżistenza tal-ekosistemi fl-Ewropa sakemm il-pjanijiet ta' ġestjoni jinkorporaw approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu l-ogħla prijorità lill-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki;

78.  Jenfasizza l-importanza tal-istudju tal-fenomenu tal-invażjoni ta' ekosistemi Ewropej minn speċji aljeni (pereżempju speċji marini tropiċi fil-Mediterran) u tal-iżvilupp ta' politiki xierqa sabiex jikkumpensaw għaliha;

Ambjenti urbani

79.  Jenfasizza l-fatt li ż-żoni urbani fl-Ewropa jakkomodaw kważi 75% tal-popolazzjoni u li t-tibdil fil-klima huwa fattur ieħor li għandu impatt fuq il-kwalità tal-ħajja fil-bliet il-kbar u ż-żgħar; iħeġġeġ lill-EEA biex tistudja l-impatt mistenni tat-tibdil fil-klima fuq il-mikroklimi f'żoni urbani (filwaqt li jitqies pereżempju l-effett tal-gżejjer urbani tas-sħana);

Il-migrazzjoni

80.  Jenfasizza li t-tibdil fil-klima x'aktarx se tikkawża migrazzjoni ambjentali fuq skala kbira minn reġjuni li diġà huma l-oriġini tal-flussi ta' migrazzjoni lejn l-Ewropa (l-Afrika, il-Lvant Nofsani, in-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja);

81.  Jenfasizza li l-migrazzjoni ambjentali għandha tiġi kkunsidrata fl-ippjanar fit-tul tal-politika tal-għajnuna għall-iżvilupp, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta' prevenzjoni f'waqthom u miżuri umanitarji fil-pront fil-pajjiżi tal-oriġini;

Il-wirt kulturali

82.  Jenfasizza l-importanza li jkunu żviluppati miżuri ta' adattament li jikkunsidraw sew l-aspetti kollha tal-wirt kulturali Ewropew;

L-istruttura u l-governanza

83.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu rikonoxxuti bħala parteċipanti ta' importanza ċentrali fil-ġlieda kontra l-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima;

84.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm livell xieraq ta' intervent, integrazzjoni transsettorjali u bażi ambjentali reżistenti sabiex jintlaħaq il-massimu tal-effikaċja tal-miżuri implimentati;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex meta jindirizzaw l-adattament jinkoraġġixxu approċċ koordinat sabiex tkun garantita l-koeżjoni territorjali fl-UE kollha;

86.  Hu tal-opinjoni li għandhom jittieħdu miżuri li jirrikonċiljaw l-azzjoni ekonomikament innovattiva u sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent naturali u b'hekk jitnaqqsu sa fejn hu possibbli l-kunflitti tal-użu bejn l-interessi ekoloġiċi u dawk ekonomiċi;

87.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi fir-rigward tal-proposti li jiġu introdotti Strateġiji ta' Addatament Nazzjonali u Reġjonali obbligatorji;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa metodu komprensiv fir-rigward tal-involviment tal-industrija tal-assigurazzjoni fl-għarfien tar-riskju u l-qsim tar-riskju;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw is-sħubijiet pubbliċi-privati meħtieġa biex jinħoloq qafas ta' ġestjoni tar-riskju klimatiku fuq perjodu twil ta' żmien, b'saħħtu u effikaċi (li jkun ikopri l-aspetti kollha mill-għarfien tar-riskju għall-qsim tar-riskju u l-irkupru), bi tmexxija b'saħħitha mill-awtoritajiet pubbliċi u bl-involviment tagħhom;

90.  Iqis li r-reġjuni l-aktar imbiegħda, minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali tagħhom, kif imsemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat ta' Lisbona, u minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom f'żoni tropikali, huma vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima u għaldaqstant jistħoqqilhom l-attenzjoni speċjali tal-Kummmissjoni; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżviluppa valutazzjoni tal-impatt u pjan ta' azzjoni speċifiku għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u tappoġġa l-iskambju tal-informazzjoni u ta' prattiki tajba bejn l-awtoritajiet lokali ta' dawk ir-reġjuni u l-awtoritajiet reġjonali f'pajjiżi terzi fiż-żoni ġeografiċi ta' madwarhom;

91.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta b'mod komprensiv id-drittijiet il-ġodda li ngħataw lilha bl-Artikolu 260 tat-Trattat ta' Lisbona, sabiex taqdi d-dmir tagħha ta' gwardjan tat-trattati;

Il-finanzjament

92.  Jenfasizza li l-baġit tal-UE bħalissa ma jirriflettix il-prijoritajiet politiċi tal-UE fil-qasam tal-adattament għat-tibdil fil-klima;

93.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali, biex tiffoka fuq il-kapaċità tal-baġit tal-UE li jiflaħ għat-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għandu jagħti importanza kbira lit-tibdil fil-klima, u b'mod partikolari lill-miżuri ta' adattament, filwaqt li jiżgura li l-fondi meħtieġa jkunu disponibbli;

94.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-reviżjoni tal-baġit tal-UE, u sabiex jiġi żgurat li jitqiesu l-impatti tat-tibdil fil-klima, biex tipproponi proċedura għar-reżistenza tal-bini għat-tibdil fil-klima;

95.  Jitlob, fil-futur, biex tingħata prijorità lit-tibdil fil-klima, fil-klima, b'mod partikolari billi tiġi integrata l-istrateġija ta' adattament fil-politiki tal-Unjoni Ewropea;

96.  Jitlob li, fl-approvazzjoni ta' proġetti ffinanzjati b'riżorsi Ewropej li jolqtu l-effiċjenza tal-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart u l-bini tal-infrastrutturi, l-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu kkunsidrati bl-akbar attenzjoni;

97.  Jenfasizza li l-objettivi tat-tibdil tal-klima u tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fl-objettivi ta' konverġenza u tkabbir tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, mingħajr ma jieħdu post il-kompiti tradizzjonali tal-politika strutturali.

98.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq, f'konformità mal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli(12), u b'urġenza, Pjan Direzzjonali għar-riforma, settur b'settur, tas-sussidji li għandhom impatt negattiv konsiderevoli fuq l-ambjent, bil-ħsieb li jitneħħew gradwalment; jenfasizza, barra minn hekk, li r-riżorsi finanzjarji li jsiru disponibbli permezz ta' din ir-riforma għandhom jiġu diretti għall-isforzi ta' adattament u għall-impjiegi “ħodor”;

99.  Jenfasizza li l-fondi disponibbli fid-diversi pjanijiet ta' rkupru ekonomiku għandhom jiġu mgħoddija ukoll għal investimenti ta' adattament, u fi kwalunkwe każ jeħtieġ li jkunu jifilħu għall-klima;

100.  Jenfasizza l-prinċipju tal-prevenzjoni fl-adattament għat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa approċċi biex jiġi żgurat li l-ispejjeż li jiġu minn nuqqas li jittieħdu miżuri ta' adattament ma jiġux mgħoddija lill-pubbliku inġenerali;

101.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fit-tħeġġiġ tal-Kunsill sabiex jerġa' jibda jħaddem il-proċess tar-reviżjoni tar-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà (EUSF), li jagħmilha possibbli li tkun indirizzata l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem b'mod aktar effettiv, flessibbli u fil-ħin;

102.  Jenfasizza li parti sostanzjali mid-dħul finanzjarju ġġenerat mill-bejgħ bl-irkant tal-kwoti fl-iskema Komunitarja tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gass b'effett serra (UE ETS), li tinkludi l-irkant għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu, għandha tkun assenjata biex tippermetti lill-Istati Membri u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jadattaw għat-tibdil fil-klima; huwa tal-opinjoni li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jappoġġjaw ukoll il-modi ta' trasport sostenibbli fl-Ewropa, bħat-trasport ferrovjarju; jitlob li l-finanzjament li diġà ġie assenjat mill-ETS tal-UE għall-iskop ta' solidarjetà u tkabbir fil-Komunità (dħul li ġej minn 10% tal-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jinbiegħu bl-irkant) jitqassam fost l-Istati Membri b'livell ta' dħul aktar baxx, b'mod ugwali bejn miżuri ta' adattament u oħrajn ta' mitigazzjoni;

103.  jitlob li l-allokazzjoni tal-fondi li ġejjin mill-ETS u minn sorsi oħrajn Komunitarji biex jgħinu lill-Istati Membri jadattaw għat-tibdil fil-klima tqis il-vulnerabilità għat-tibdil fil-klima ta' kull Stat Membru jew reġjun;

104.  Jirrikonoxxi r-responsabilità storika li għandhom il-pajjiżi industrijalizzati għaż-żieda attwali fit-temperaturi globali; itenni d-dikjarazzjonijiet li għamel fir-riżoluzzjoni tal-10 ta' Frar 2010, inklużi li l-impenji tal-UE li tiffinanzja l-isforzi tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu ġodda u addizzjonali għal impenji eżistenti ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u indipendenti mill-proċeduri baġitarji annwali fl-Istati Membri;

Id-dimensjoni esterna

105.  Itenni l-ħtieġa li jiġu inklużi l-miżuri ta' adattament fil-politiki esterni kollha tal-UE, f'konformità mal-punt 8 tal-Ftehim ta' Kopenħagen;

106.  Jenfasizza li l-valur tas-servizzi tal-ekosistema u tar-reżistenza tal-ekosistema hija dejjem aktar sinifikanti fil-pajjiżi l-inqas żviluppati(13); jenfasizza li l-politiki ta' adattament għat-tibdil fil-klima, u speċjalment il-politiki tar-reżistenza tal-ekosistemi, għandhom jitqiesu kif suppost fin-negozjati internazzjonali kollha, inklużi n-negozjati kummerċjali;

107.  Hu konvint bis-sod li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha żżomm u ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala waħda minn ta' quddiem fil-ġlieda internazzjonali kontra t-tisħin globali, u hu tal-fehma li kull dewmien biex tittieħed azzjoni bħal din se jkompli jżid ir-riskju ta' effetti negattivi ambjentali, ekonomiċi u soċjali u dan aktarx li jkompli jżid l-ispejjeż;

108.  Jenfasizza li, fir-rigward tal-iżgurar tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar l-Adattament, fattur deċiżiv se jkun l-inklużjoni tiegħu bħala parti minn ftehim dinji ambizzjuż u koeżiv (b'objettivi li jorbtu legalment) dwar miżuri kontra t-tibdil fil-klima, u jenfasizza wkoll li l-UE għandha tieħu rwol ta' tmexxija f'din id-direzzjoni.

109.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis it-tisħiħ tal-fondi pubbliċi ddedikati għall-kooperazzjoni internazzjonali fit-Tmien Programm ta' Qafas (FP8) imminenti, sew ma'

   a. pajjiżi żviluppati, biex jiżdied it-tifrix ta' teknoloġiji li jużaw sorsi tal-enerġija li jiġġeddu;
   b. pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex tiġi appoġġjata l-ġlieda tagħhom kontra t-tibdil fil-klima li jaffettwa r-reġjuni l-aktar vulnerabbli f'dawn il-pajjiżi, filwaqt li jiġu rrispettati dejjem iċ-ċirkostanzi partikulari ta' kull reġjun, fejn il-kriterju huwa l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta' dawk ir-reġjuni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li magħhom hija organizzata kooperazzjoni internazzjonali; u
   c. pajjiżi terzi ġirien tal-UE fejn l-effetti tat-tibdil fil-klima huma simili għal dawk osservati fl-UE;

Il-Grupp ta' Tmexxija dwar l-impatt u l-adattament

110.  Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li twaqqaf grupp ta' tmexxija dwar l-impatt u l-adattament; jenfasizza li huwa importanti li dan il-grupp jinvolvi l-parteċipanti reġjonali u lokali minbarra r-rappreżentanti statali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li dan il-grupp jinkludi rappreżentanti tal-Parlament bħala osservaturi, kif ukoll partijiet interessati privati fil-kapaċità ta' esperti; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-grupp ta' tmexxija jagħti attenzjoni partikolari lill-iktar impatti serji tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa, bħaż-żidiet f'imwiet relatati mat-temp u mard li jinġarr minn vettur;

Ir-rapport ta' progress tal-Kummissjoni

111.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex sal-2012 tgħaddi rapport lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar biex tkun implimentata l-White Paper imsemmija hawn fuq;

o
o   o

112.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 41.
(2) Testi adottati, P6_TA(2009)0042.
(3) Testi adottati, P7_TA(2009)0013.
(4) Testi adottati, P7_TA(2009)0089.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0019.
(6) Abbozz ta' Deċiżjoni tal-UNFCCC -/CP.15, Qbil ta' Kopenħagen, FCCC/CP/2009/L.7.
(7) ĠU L 140, 5.6.2009, p.63.
(8) Ċentru ta' Riċerka Konġunta – Istitut għall-Istudji Teknoloġiċi Prospettivi: “L-impatti tat-tibdil fil-klima fl-agrikoltura fl-Ewropa. PESETA–Studju agrikolu”, EUR 24107 EN, 2009.
(9) ĠU L 327, 22.12.2000, p.1.
(10) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 60).
(11) Direttiva 2008/56/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(12) Reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli (SŻS tal-UE), Dokument tal-Kunsill 10917/06.
(13) Soluzzjonijiet Konvenjenti għal Verità Inkonvenjenti: Approċċi bbażati fuq l-ekosistema għall-Tibdil fil-Klima, Bank Dinji, Dipartiment Ambjentali, 2009, u Is-Soluzzjoni Naturali? Ir-Rwol tal-Ekosistemi fil-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima, UNEP, 2009.


Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet - Ġlieda kontra l-frodi - Rapport Annwali 2008
PDF 337kWORD 94k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet – Ġlieda kontra l-frodi - Rapport Annwali 2008 (2009/2167(INI))
P7_TA(2010)0155A7-0100/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta' Lulju 2009 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport annwali 2008” (COM (2009)0372), inkluż l-annessi (SEC (2009)1002 u SEC (2009)1003) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-OLAF għall-2008(1), u t-tieni rapport tal-OLAF tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra, kif ukoll il-linji gwida li jissostitwixxu l-OLAF Vademecum,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF għall-perjodu bejn Ġunju 2008 sa Mejju 2009(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-Kumitat ta' Sorveljanza l-OLAF għall-perjodu bejn Ġunju 2007 u Mejju 2008(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(4),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu – Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-Programm ta' Stokkolma(5), b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-kriminalità ekonomika u l-korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 319(3) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0100/2010),

Konsiderazzjonijiet ġenerali: l-ammont ta' irregolaritajiet li ġew notifikati

1.  Jinnota li l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet, safejn ġew identifikati, niżel minn EUR 1 024 miljun fl-2007 għal EUR 783.2 miljun fl-2008, bi tnaqqis li laqat kull qasam ta' nfiq ħlief tal-infiq dirett u l-fondi ta' qabel l-adeżjoni, b'mod partikolari:

   - Riżorsi proprji: EUR 351 miljun (12.5% anqas mill-2007),
   - Nefqa agrikola: EUR 102.3 miljun (34 % anqas mill-2007),
   - Azzjonijiet strutturali: EUR 585.2 miljun (27% anqas mill-2007),
   - Fondi ta' qabel l-adeżjoni: EUR 61 miljun (90.6% aktar mill-2007),
   - Spejjeż diretti: EUR 34.7 miljun (5.15% aktar mill-2007);

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża informazzjoni dwar l-irregolaritajiet biex tiċċara l-proporzjon tar-riżorsi totali fl-oqsma ta' nfiq varji u fl-Istati Membri varji milquta minn żbalji u każijiet ta' suspett ta' frodi;

3.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni huwa dover importanti tal-Istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri kollha, li għandhom jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn il-fenomeni b'mod effikaċi sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-kontribwenti kif ukoll tiġi affrontata l-kriminalità organizzata, li skont indikaturi nazzjonali, qed iżżid il-kapaċità tagħha ta' kollużjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet, b'mod partikulari permezz ta' frodi fil-baġit tal-Komunità;

4.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li ammont kbir ta' fondi tal-UE għadu qiegħed jitqassam ħażin, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa għall-irkupru ta' dawn il-fondi;

Riżorsi proprji

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-ammont stmat ta' irregolaritajiet kien 12.5% inqas minn dak fl-2007; jinnota, madankollu, li bħas-snin preċedenti l-ogħla numru ta' irregolaritajiet kien irreġistrat għal settijiet tat-televiżjoni u ta' moniters u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tħares partikolarment mill-qrib dawn il-prodotti u tieħu l-passi meħtieġa biex tirkupra r-riżorsi proprji jew l-imgħaxijiet dovuti; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex trawwem bilanċ xieraq bejn il-kontrolli fiżiċi fuq l-importazzjoni u fuq il-verifiki wara tneħħija tal-operaturi; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu statistika aħjar f'dan il-qasam;

6.  Iqis li huwa essenzjali li tiġi ppromulgata leġiżlazzjoni effettiva biex titjieb il-kooperazzjoni amministrattiva fil-ġlieda kontra prattiki fiskali li jagħmlu l-ħsara u jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (COM(2009)0029) sottomessa mill-Kummissjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal dawk il-każijiet fejn l-Istati Membri jirrifjutaw li jgħaddu informazzjoni speċifika jew li jagħmlu inkjesta amministrattiva li għandha tkun sorveljata mill-qrib u għall-Parlament li għandu jingħata informazzjoni ċara u komprensiva dwar każijiet kollha bħal dawn;

7.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tar-regolament tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (COM(2009)0427); jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jsiru iktar responsabbli f'dan ir-rigward, billi jibdew mill-kwalità tal-informazzjoni li tiddaħħal fid-databases; jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika kemm l-informazzjoni hija eżatta u biex tiżgura li l-ammonti kollha pagabbli tal-VAT jinġabru;

8.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tagħti informazzjoni komprensiva li tippermetti li jsir paragun bejn l-ispejjeż li ntefqu mill-Istati Membri fil-ġbir tar-riżorsi tradizzjonali proprji u l-ammont miżmum biex ikopri dawk l-ispejjeż tal-ġbir;

Nefqa Agrikola

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-ammont stmat li kien milqut minn irregolaritajiet kien 34% inqas minn dak fl-2007; jenfasizza li n-numru relattivament żgħir ta' irregolaritajiet jidher li ġej prinċipalment mil-limitu ogħla tan-notifika obbligatorja (ta' EUR 10 000) introdott bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta' somom imħallsa ħażin b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u mal-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam(7);

10.  Jenfasizza l-importanza li jigu ssodisfati r-rekwiżiti tar-rappurtar ta' irregolaritajiet u jiddeplora n-nuqqasijiet reġistrati fir-rigward tal-Awstrija, tal-Isvezja, tas-Slovakkja u tal-Ungerija;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi ulterjuri biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tar-Regolament (KE) Nru 1975/2006(8) li jistabbilixxi regoli ġodda ta' kontroll għall-miżuri ta' sostenn għall-iżvilupp rurali bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-benefiċjarji jissodisfaw l-obbligi tagħhom;

12.  Jappoġġa l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (punt 5.2 tar-rapport annwali tagħha msemmi hawn fuq) li s-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u ta' Kontroll (IACS) hija effettiva għax tillimita r-riskju ta' żbalji u l-ispejjeż irregolari jekk tkun użata sew u jekk data ta' min joqgħod fuqha tiddaħħal fis-sistema kif suppost; jiddeplora n-nuqqasijiet kbar li ġew identifikati fis-sistemi użati mir-Renju Unit (l-Iskozja), mill-Bulgarija u mur-Rumanija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni soda jekk dawn il-problemi jippersistu;

Azzjonijiet strutturali

13.  Jilqa' l-fatt li l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet, stmat mill-Kummissjoni, kien 27% anqas meta mqabbel mal-2007; jinnota, fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, li r-rata ta' żbalji kkwotata fil-qasam tal-politika tal-koeżjoni fid-Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni (DAS) tal-2008 tal-Qorti tal-Awdituri għadha “l fuq minn 5%; huwa mħasseb dawr il-fatt li l-Italja, il-Polonja, ir-Renju Unit u Spanja rrapportaw l-akbar ammont ta' irregolaritajiet; japprezza, fl-istess ħin, il-kollaborazzjoni tajba stabbilita minn uħud minn dawn l-Istati Membri mal-Kummissjoni biex isolvu l-problemi u jittama li l-oħrajn se jikkollaboraw bl-istess mod; ifakkar li, kif enfasizzat il-Qorti tal-Awdituri, il-miżuri strutturali huma l-kapitolu ta' nfiq suġġett għall-aktar regolamentazzjoni stretta u għall-aktar proċeduri ta' ġestjoni kumplessi fil-baġit tal-Unjoni u li, kif innutat il-Kummissjoni, volum għoli ta' irregolaritajiet finanzjarji fi Stat Membru mhux neċessarjament jimplika numru ta' żbalji u frodi ogħla meta mqabbel ma' Stati oħra iżda jista” jkun ir-riżultat ta' kontrolli aktar bir-reqqa u stretti; ifakkar ukoll li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-Baġit 2008 ma jqisx il-programmazzjoni 2007-2013 li matulha ddaħħlu sistemi ġodda ta' ġestjoni u kontroll tal-infiq; jinnota l-inċidenza għolja ta' żbalji marbuta ma' nfiq ineliġibbli u ma' ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u għaldaqstant iqis bħala xieraq li l-Kummissjoni tintroduċi linji gwida preventivi maħsuba għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet lokali biex tiġi ċċarata l-applikazzjoni tar-regoli u jkun evitat li l-infiq irrifjutat mill-Kummissjoni bħala ineliġibbli jiġi sostitwit mill-awtoritajiet ta' ġestjoni bi nfiq ġdid ineliġibbli;

14.  Jenfasizza li d-dewmien fl-approvazzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-programmi 2007-2013 setgħu għamluha aktar diffiċli biex jinstabu żbalji u frodi possibbli fl-infiq marbut ma' ħlas minn qabel; iqis barra minn hekk li d-dewmien li jirriżulta fl-infiq għal ħlasijiet interim jista' jagħti lok għal żieda qawwija fl-infiq qabel tasal l-iskadenza tad-diżimpenn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tirrevedi r-regoli ta' diżimpenn bil-ħsieb li titjieb il-kwalità tal-infiq u jkun żgurat li l-miri kwantitattivi jintlaħqu;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib li sar minn xi Stati Membri fl-armonizzazzjoni tas-sistemi tagħhom ta' notifika tal-irregolaritajiet bis-saħħa ta' użu akbar tas-sistema AFIS; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma introduċewx sistemi elettroniċi ta' rappurtar biex jagħmlu dan kemm jista' jkun malajr, fid-dawl tar-riżultati tajbin li ntlaħqu sal-lum f'termini ta' kwalità tad-data u r-rispett tal-iskadenzi għar-rappurtar;

16.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu informazzjoni sħiħa u aktar affidabbli lill-Kummissjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji għall-perjodu 2000-2006; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkun soda fil-ħtieġa tagħha li l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni komprensiva u biex japplikaw ir-regoli ta' korrezzjoni finanzjarja b'mod metikoluż b'konnessjoni ma' programmi operattivi;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni tal-Kummissjoni ta' strateġija konġunta ta' prevenzjoni tal-frodi għall-miżuri strutturali, li kienet abbozzata b'kooperazzjoni mal-OLAF u jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni aktar effikaċi mal-awtoritajiet reġjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti;

Fondi ta' qabel l-adeżjoni

18.  Jiddeplora l-fatt li l-ammont stmat ta' irregolaritajiet rapportati mill-UE 10 żdied bi 8%, filwaqt li għall-UE 2 żdied b“152%, filwaqt li l-ammonti rkuprati naqsu bi 15.6% meta mqabbla mal-2007; jistieden partikolarment lill-Bulgarija u lir-Rumanija biex: isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE, jeliminaw il-kunflitti ta' interess eżistenti jew potenzjali fil-ġestjoni tal-fondi, itejbu s-sorveljanza u t-trasparenza tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali kif ukoll jadottaw malajr il-miżuri prekawzjonarji, korrettivi u/jew dixxiplinari, li għandhom jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni; jirrikonoxxi u jappoġġa l-passi meħuda mill-Bulgarija u mir-Rumanija biex itejbu l-ġestjoni maqsuma u l-istandards tal-kontroll finanzjarju bħala rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi xierqa biex tnaqqas ir-riskji ġġenerati mill-ambjent li jinbidel ħafna li fih jopera d-DĠ ELARG, bil-ħsieb li jiġi żgurat ippjanar pluriennali effikaċi tal-operazzjonijiet ta' verifika interna; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tadotta fil-pront politika speċifika għall-kontrolli ex-post skont l-arranġamenti ta' ġestjoni ċentralizzata, mill-esperjenza li kisbet fl-2008 filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat il-valur għall-flus;

20.  Jenfasizza li l-miri strateġiċi tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni għandhom jiġu definiti ulterjorment kif imsemmi fir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-fondi ta' qabel l-adeżjoni għat-Turkija, biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni ta' proġetti mwettqa fir-rigward tal-miri ġenerali; iqis li l-objettivi u r-riżultati għandhom jiġu kkomunikati b'mod trasparenti;

21.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkompli b'inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti; jenfasizza li huwa meħtieġ li jitjieb il-mekkaniżmu għar-rapportar dwar l-implimentazzjoni ta' proġetti u t-twettiq tal-attivitajiet u r-riżultati tagħhom; iqis li għandu jkun żgurat li l-eżitu tal-proġetti (ir-riżultati u l-impatti) jiġu rrapportati fit-tmiem ta' kull proġett kif ukoll f'intervalli xierqa sabiex jiġi pprovdut tagħrif dwar il-prestazzjoni li jgħin it-tfassil tal-pjanifikazzjoni futura;

Nefqa diretta

22.  Jirrimarka li l-għajnuna esterna hija settur li huwa dejjem aktar effettwat mill-irregolaritajiet u mill-frodi;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni għall-problema ta' finanzjament doppju ta' proġetti;

24.  Jenfasizza li, matul l-aħħar ħames snin, il-kontribut tal-Unjoni Ewropea lin-Nazzjonijiet Uniti ammonta għal aktar minn EUR 1 biljun fis-sena; itenni għalhekk il-ħtieġa li jissaħħaħ il-mandat tal-OLAF fl-ambitu internazzjonali u li l-Uffiċċju jiġi pprovdut bl-istrumenti legali kollha meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu ta' kontroll fuq dan l-infiq dirett li qed jiżdied; jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna lill-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni;

Qafas ta' kontroll intern integrat

25.  Jilqa' l-fatt li bil-Komunikazzjoni relatata mar-riskju tollerabbli (COM(2008)0866) il-Kummissjoni ħejjiet il-bażi għal dibattitu dwar il-kwistjoni u jistidinha tkompli tipprovdi aktar informazzjoni f'dan ir-rigward; huwa tal-opinjoni li tiffissa limiti ta' żbalji tollerabbli differenti għal kull settur, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiki u tar-regolamenti rispettivi; iħeġġiġha, fl-istess ħin, biex tqis elementi oħra meħtieġa għal ġestjoni finanzjarja aħjar tal-fondi tal-Unjoni Ewropea (eż. bit-titjib tal-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll li jkunu orjentati lejn il-kwalità tal-infiq, bis-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti);

26.  Huwa tal-fehma li s-sommarji annwali mogħtija lill-Kummissjoni mill-Istati Membri għandu jkollhom bażi legali aktar soda minn dik li hemm bħalissa (l-Artikolu 53b(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (Regolament Finanzjarju)); jistieden, għalhekk, b'rabta mar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, biex dawn is-sommarji jipprovdu analiżi kwalitattiva eżawrjenti tas-sejbiet tal-verifiki mwettqa minn kull Stat Membru; iqis, barra minn hekk, li huwa importanti li l-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-“kuntratti ta' fiduċja” tal-Fondi Strutturali mal-Istati Membri u, fl-istess ħin, tiżgura garanziji addizzjonali fir-rigward ta' sistemi nazzjonali ta' kontroll billi jissawru rabtiet eqreb mal-Istituzzjonijiet indipendenti ta' Verifika Suprema;

Żieda fit-trasparenza u ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u r-reati finanzjarji

27.  Jinnota li l-qasam tal-akkwist pubbliku huwa dak l-aktar espost għar-riskji ta' ġestjoni irregolari, frodi u korruzzjoni u dawn il-prattiki illegali jgħawġu s-suq, jikkawżaw żieda fil-prezzijiet u fit-tariffi li jħallsu l-konsumaturi għax-xiri ta' oġġetti u servizzi u jxerrdu l-isfiduċja lejn l-Unjoni Ewropea; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw b'attenzjoni r-regoli attwali għall-akkwist pubbliku u biex jiżviluppaw proposti ta' titjib; jagħraf ukoll il-progress li sar b'risq aktar trasparenza dwar il-benefiċjarji tal-fondi Ewropej u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema li tippermetti l-pubblikazzjoni tal-listi tal-benefiċjarji fuq l-istess sit tal-internet, indipendentement mill-awtorità ta' ġestjoni involuta u b'informazzjoni ċara u komparabbli fornuta mill-Istati Membri kollha f'għall-inqas waħda mil-lingwi ta' ħidma tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tintervjeni biex tiggarantixxi li l-Istati Membri kollha jipprovdu informazzjoni affidabbli u omoġenja dwar il-benefiċjarji ta' fondi Ewropej li għandhom jiddaħħlu fis-Sistema tal-Ewwel Twissija u fis-Central Exclusion Database;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibda diskussjonijiet u konsultazzjonijiet kemm jista' jkun malajr mal-partijiet interessati, inkluża s-soċjetà ċivili, dwar l-aspetti kollha relatati mal-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew għall-ġlieda kontra reati li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 86 tat-TFUE, u biex titħaffef l-adozzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa biex dan l-uffiċċju jiġi stabbilit;

29.  Iħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill biex tagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet kontra l-frodi fl-iqsar żmien possibbli ma' Andorra, Monako u San Marino u biex tinnegozja ftehim ġdid li jkompli fl-istess triq mal-Isvizzera;

30.  Jenfasizza li l-protezzjoni attiva tal-interessi finanzjarji tal-UE teħtieġ tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u ekonomika; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ l-istrumenti rilevanti tal-Unjoni, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka 2000 u l-Protokoll tagħha dwar it-tranżazzjonijiet bankarji, id-Deċiżjoni ta' Qafas dwar ordnijiet ta' konfiska (2006/783/ĠAI)(9) kif ukoll id-Deċiżjoni ta' Qafas dwar Sanzjonijiet Finanzjarji (2005/214/ĠAI)(10);

31.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa proposta dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-iskwalifiki, b'mod partikolari għall-professjonijiet fil-qasam finanzjarju, bħall-esklużjoni ta' dawk li wettqu frodi milli jkollhom il-kariga ta' kapijiet eżekuttivi;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa valutazzjoni tal-impatt u proposta biex testendi l-acquis tal-UE għal definizzjonijiet komuni tar-reati fil-qasam tal-kriminalità ekonomika u finanzjarja;

33.  Iqis li biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huwa meħtieġ li titwaqqaf l-evażjoni fiskali u l-attivitajiet illegali li jgħaddu minn offshore havens; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tipprojbixxi lil dawk il-kumpaniji li joperaw permezz ta' offshore havens milli jagħmlu ftehimiet ta' negozju ma' kumpaniji residenti fl-Unjoni Ewropea jekk il-lokalizzazzjoni offshore iddewwem unilateralment l-adozzjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Unjoni;

34.  Jinnota li skont l-Eurobarometer 2009, 78% taċ-ċittadini tal-UE jaqblu li l-korruzzjoni hija ta' tħassib kbir f'pajjiżhom; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintrabtu u jiggarantixxu r-riżorsi meħtieġa biex l-infiq ta' fondi Ewropej ma jkunx suġġett għal korruzzjoni, biex iħaffu l-qbid tal-beni kriminali involuti fit-twettiq ta' frodi, l-evażjoni fiskali, il-ħasil ta' flus u reati relatati, u biex japplikaw regoli ċari u trasparenti fir-rigward ta' personalitajiet esposti politikament, skont l-indikazzjonijiet tat-Tielet Direttiva dwar il-ħasil ta' flus (Direttiva 2005/60/KE)(11); jistiedem lill-Kummissjoni biex tiżviluppa mill-aktar fis possibbli indikaturi biex tikkwantifika l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'attenzjoni partikolari għall-akkwist pubbliku, skont kif stabbilit bil-Programm ta' Stokkolma; jappella għal kollaborazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Uffiċċji tal-Irkupru ta' Assi sabiex il-qbid tal-beni jsir iktar effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tassumi inizjattivi immedjati biex tippromwovi governanza tajba fil-qasam fiskali, partikolarment fir-rigward tal-problema tar-rifuġji fiskali (tax havens), hekk kif stabbilit bir-Riżoluzzjoni adottata mill-Parlament f'dan il-qasam fl-10 ta' Frar 2010(12);

Il-ħidma tal-OLAF

35.  Jirrikonoxxi u jappoġġa l-ħidma tal-OLAF u l-bżonn li tkun żgurata l-indipendenza operattiva fit-twettiq ta' ħidmietu, li jqis li għandu rwol essenzjali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u, b'hekk taċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll rwol ewlieni biex jipproteġi r-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej; iqis, għalhekk, li għandha titfassal strateġija tar-riżorsi umani li tiżgura li l-livell għoli kwalitattiv attwali tal-persunal jinżamm;

36.  Huwa tal-opinjoni li l-OLAF għandu joqgħod b'mod aktar estensiv fuq il-ħidma mwettqa mis-servizzi ta' verifika interna tal-Kummissjoni meta tibda l-investigazzjonijiet, aktar milli joqgħod fuq informazzjoni pprovduta prinċipalment mill-uffiċjali jew mill-Istati Membri; iqis li huwa daqstant importanti li jiġi sorveljat jekk u kif is-servizz ta' verifika interna tal-Kummissjoni iqisx ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF; jistieden, għaldaqstant, lill-OLAF biex jipprovdi statistika rilevanti fir-rapporti annwali futuri tiegħu;

37.  Iqis li x-xogħol tal-OLAF jista' jsir saħansitra aktar effikaċi billi jiġi żgurat ippjanar bir-reqqa u dettaljat tal-investigazzjonijiet, permezz tal-adozzjoni ad hoc ta' regolament proċedurali bħala gwida vinkolanti, bil-promozzjoni tal-objettivi SMART u l-indikaturi RACER għall-investigazzjonijiet infushom, bit-titjib fil-kooperazzjoni u l-iskambju ta' data bejn l-OLAF u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali mill-bidu tal-proċess investigattiv u bl-applikazzjoni rapida ta' politika ta' “ħidmiet ċentrali”, kif ukoll bi proċeduri ta' segwitu matul il-fażi inizjali tal-investigazzjonijiet mill-OLAF, fejn każijiet ta' frodi fuq skala żgħira jiġu mmaniġġjati minn entitajiet oħra; jistieden lill-OLAF għalhekk biex jippreżenta fir-rapport li jmiss tiegħu l-progress li sar f'dan ir-rigward u jindika kif dan tqies fil-manwal operattiv tal-OLAF li għandu jiġu ppubblikat fil-futur qrib;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod attiv tinkludi l-OLAF fin-negozjar tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni li jittrattaw il-ġlieda kontra l-frodi u l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mat-taxxa;

Ir-relazzjoni tal-OLAF mal-Europol u mal-Eurojust

39.  Jilqa' l-arranġamenti prattiċi għal koordinazzjoni eqreb u għal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi finanzjarji li ġew miftiehma bejn l-OLAF u l-Eurojust;

40.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-Europol; jinnota li, bl-għaqda tar-riżorsi analitiċi tal-Europol u l-esperjenza operattiva tal-OLAF, jista' jingħata servizz effiċjenti lill-Istati Membri u tista' tiġi evitata d-duplikazzjoni; jistieden lill-OLAF biex jispjega, fir-rapport annwali tiegħu li jmiss, l-implikazzjonijiet prattiċi tal-bidla fl-istatus tal-Europol fl-1 ta' Jannar 2010;

Il-kooperazzjoni tal-OLAF mal-Istati Membri

41.  Jiddeplora n-nuqqasijiet li jidhru fl-Anness I tar-rapport annwali 2008 (L-implimentazzjoni tal-Artikolu 280 tat-Trattat mill-Istati Membri fl-2008 – SEC(2009)1002) rigward kemm il-mod li bih l-Istati Membri jirrispondu għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni u t-tipi ta' mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni, li jonqsu li jattiraw tweġibiet kwantifikabbli, jew li l-Istati Membri jistgħu faċilment jevitaw; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tqis it-tibdiliet li jistgħu jsiru lill-kwestjonarju flimkien mal-Awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex dan l-eżerċizzju jkun kemm effiċjenti kif ukoll effikaċi;

42.  Jistieden lill-OLAF biex jippreżenta, fir-rapport tiegħu li jmiss, analiżi dettaljata tal-istrateġiji u tal-miżuri implimentati minn kull Stat Membru fil-ġlieda kontra l-frodi u għall-prevenzjoni u identifikazzjoni tal-irregolaritajiet fin-nefqa tal-fondi Ewropej, inklużi l-irregolaritajiet dovuti għall-korruzzjoni; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tal-fondi agrikoli u strutturali; iqis li r-rapport, komplut b“27 skeda tal-pajjiż, għandu janalizza l-approċċ segwit minn kull Stat mill-awtoritajiet ġudizzjarji u investigattivi u l-kwalità u l-kwantità tal-kontrolli mwettqa, kif ukoll l-istatistika u r-raġunijiet relatati mal-każijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali ma tawx segwitu għar-rappurtar tal-OLAF; iqis, barra minn hekk, li r-rapport għandu jipprovdi bażi ta' għarfien utli biex jiġu definiti aħjar l-istrateġija tal-OLAF il-prijoritajiet li għandhom jiġu segwiti għall-investigazzjonijiet speċjali u biex jitniedu inizjattivi ”apposta“, u biex titjieb il-kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-effiċjenza tal-OLAF u tal-awtoritajiet ta' kontroll lokali;

43.  Jenfasizza li r-regoli Ewropej jeħtieġu li l-Istati Membri jirrappurtaw l-irregolaritajiet kollha fi żmien xahrejn mit-tmien tat-trimestru li fih l-irregolarità kienet suġġetta għal investigazzjoni preliminari amministrattiva jew ġudizzjarja u/jew li ssir magħrufa l-informazzjoni l-ġdida dwar irregolarità diġà rappurtata; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom biex iqarrbu d-distakk eżistenti bejn meta tinstab l-irregolarità u meta din tiġi rrappurtata, fosthom billi jirrazzjonalizzaw il-proċeduri amministrattivi nazzjonali;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tibda l-proċedura għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-liġi kriminali tal-interessi finanzjarji tal-Komunità (2001/0115 (COD)), imblukkata mill-Kunsill sa mill-2002, u tar-Regolament dwar l-assistenza reċiproka amministrattiva għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità (2004/0172 (COD)), imblukkata mill-Kunsill sa mill-2005;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF.

(1) http://ec.europa.eu/anti_fraud/reports/olaf/2008/EN.pdf.
(2) http://ec.europa.eu/anti_fraud/reports/sup_comm/2008-2009/Activity-report_en.pdf.
(3) ĠU C 295, 18.11.2008, p. 1.
(4) ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.
(5) Testi Adottati, P7_TA(2009)0090.
(6) ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1.
(7) ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56.
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006 tas-7 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta' sostenn għall-iżvilupp rurali (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 74).
(9) ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59.
(10) ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16.
(11) ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.
(12) Testi Adottati, P7_TA(2010)0020.


Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2008
PDF 344kWORD 102k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2008 (2009/2166(INI))
P7_TA(2010)0156A7-0062/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2008 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 208-209, 271, 308-309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rigward ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2009 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Seba“, it-Tmien u d-Disa” Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2007(1),

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri bejn is-Sur Pöttering, President tal-Parlament Ewropew, u s-Sur Maystadt wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar ir-rapport annwali tal-2006 tal-Bank Ewropew tal-Investiment(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità(4),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Novembru 2008 dwar il-bażi legali tad-Deċiżjoni 2006/1016/KE(5),

–  wara li kkunsidra l-Politika tal-Iżvelar Pubbliku tal-BEI(6) tat-28 ta' Marzu 2006,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni tal-BEI għall-2009-2011, kif approvat mill-Bord tad-Diretturi fis-16 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 2003 dwar is-setgħa tal-Uffiċċju Ewropew għal Kontra l-Frodi (OLAF) li jinvestiga lill-BEI(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku li ġie konkluż bejn il-Qorti tal-Awdituri, il-BEI u l-Kummissjoni rigward il-modalitajiet għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti tal-Awdituri, previsti fl-Artikolu 248(3) tat-Trattat KE(8) u mġedda f'Lulju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat fis-27 ta' Mejju 2008 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment bl-għan li jżid il-koordinazzjoni tal-politiki ta' self estern tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat fid-9 ta' Lulju 2008 bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment rigward l-informazzjoni dwar il-politiki, l-istandards u l-proċeduri tal-bank u l-mod kif il-bank jittratta l-ilmenti, inklużi l-ilmenti minn dawk li mhumiex ċittadini jew residenti tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra il-Politika interim riveduta tal-BEI dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività Annwali għall-2008 tal-Uffiċċju għall-Ilmenti tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-aħħar rapport tal-BEI lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali għall-2008 tal-Kumitat ta' Verifika tal-BEI lill-Bord tal-Gvernaturi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2008 bit-titolu “Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2008)0706),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 bit-titolu “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” (COM(2008)0800),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar UE 2020(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0062/2010),

A.  billi l-BEI ġie stabbilit mit-Trattat ta' Ruma u l-għan prinċipali tiegħu hu li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq komuni u għat-tnaqqis tad-differenzi fl-iżvilupp ta' diversi reġjuni, permezz tas-swieq kapitali u r-riżorsi proprji tiegħu,

B.  billi l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fi ħdan l-Unjoni Ewropea jiffokaw fuq sitt prijoritajiet ta' politika: l-iżgurar tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; it-tħejjija għall-ekonomija tal-għarfien; l-iżvilupp ta' netwerks trans-Ewropej ta' trasport u aċċess; l-appoġġ għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; il-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent; u l-iżgurar ta' enerġija sostenibbli, kompetittiva u żgura,

C.  billi t-transazzjonijiet tal-BEI barra l-Unjoni Ewropea jitwettqu primarjament biex jappoġġaw il-politiki ta' azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

D.  billi, bi qbil mal-Istrateġija ta' Lisbona, il-BEI iddeċieda li jżid il-kapital sottoskritt tiegħu b'EUR 67 biljun minn EUR 165 biljun għal EUR 232 biljun, li minnhom l-Istati Membri ħallsu EUR 8.2 biljuni,

E.  billi, skont l-Istatut tiegħu, wara r-ratifika tat-Trattat ta' Lisbona, il-BEI hu awtorizzat li jkollu self u garanziji massimi ekwivalenti għal 250% mhux biss tal-kapital sottoskritt tiegħu imma wkoll tar-riservi, tal-ammonti mhux allokati u tal-eċċess fil-kont tal-qligħ u t-telf,

F.  billi żdiedu l-ħtiġijiet finanzjarji minħabba l-għafsa tal-kreditu kkawżata mill-kriżi ekonomika u finanzjarja,

G.  billi l-BEI qiegħed enfasi partikolari fuq l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, fuq l-enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll fuq l-investimenti fir-reġjuni ta' konverġenza tal-UE li, b'mod partikolari, intlaqtu sew mit-tnaqqis fl-attività ekonomika reċenti,

H.  billi l-għanijiet tal-istrateġija UE 2020 ma jistgħux jinkisbu mingħajr il-fondi xierqa u fil-paragrafu 35 tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar UE 2020, il-Parlament Ewropew hu tal-opinjoni li “l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għandu jkollhom rwol akbar fl-appoġġ tal-investiment infrastrutturali, tat-teknoloġiji l-ħodor, tal-innovazzjoni u tal-SMEs”,

I.  billi l-volum tas-self tal-BEI żdied b'mod sinifikanti fl-2008, biex l-ammont ta' self iffirmat fil-kuntratti laħaq EUR 57,6 biljuni, u l-ammont maħruġ kien ta' EUR 48,6 biljuni, 10 biljuni aktar milli kien mistenni,

J.  billi l-valur tal-proġetti sottoskritti żdied b“20.5 % meta mqabbel mal-2007, u b”25.9 % meta mqabbel mal-2006. Id-89,34% tal-operazzjonijiet tal-BEI kienu kkonċentrati fuq proġetti fl-Istati Membri tal-UE fl-2008, li juri espansjoni ta' 2.7 % meta mqabbel mal-2007, u ta' 2.25 % meta mqabbel mal-2006,

K.  billi, meta mqabbel mal-2007, il-valur tal-kuntratti sottoskritti, li huma ffukati fuq proġetti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kiber bi 17 % għal EUR 6905 miljuni fl-2008, li jfisser li tela' għal kważi d-doppju tal-valur fl-2004,

L.  billi l-attività ta' self tal-BEI fl-2008 barra l-UE, skont ir-reġjun ġeografiku, twettqet kif ġej: l-Ażja u l-Amerika Latina EUR 469 miljun, l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Russja EUR 170 miljun, il-pajjiżi tal-Mediterran EUR 1 290 miljun, il-pajjiżi fl-istadju ta' qabel l-adeżjoni EUR 3 453 miljun; il-pajjiżi tal-AKP EUR 561 miljun; u l-Afrika t'Isfel EUR 203 miljuni,

Kummenti dwar ir-Rapport Annwali 2008 tal-BEI

1.  Jilqa' r-Rapport Annwali 2008 tal-BEI u jħeġġu biex ikompli bl-attivitajiet tiegħu biex jiġu promossi l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea u biex jitrawmu t-tkabbir, biex jitqanqlu l-impjiegi u biex tiġi promossa l-koeżjoni interreġjonali u soċjali;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon ir-reazzjoni ta' malajr tal-BEI għall-kriżi ekonomika globali billi awtofinanzja żieda fil-kapital tiegħu u b'hekk għolla l-volum tiegħu ta' self bħala appoġġ għall-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku; u jistieden lill-Bank biex ikompli bil-programmi tiegħu għall-ġestjoni tal-kriżi finanzjarja, b'mod partikulari għal dawk l-Istati Membri li ntlaqtu b'mod gravi mill-kriżi, u biex iżid ulterjurment l-attività ta' self tiegħu f'dawk il-pajjiżi; jistenna li l-finanzjamenti tal-BEI fl-2009, li jammontaw għal EUR 75 000 miljun, se jkollhom effett ta' lieva fuq l-investimenti fl-ekonomija reali biex jilħqu ammont totali ta' madwar EUR 225 000 miljun;

3.  Jinnota li l-linji ta' kreditu l-ġodda mal-intermedjarji finanzjarji għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju żdiedu bi 42.4 % għal EUR 8.1 biljun fl-2008, li minnhom ġew realizzati EUR 4.7 biljun fl-aħħar tliet xhur; EUR 30 biljun ġew allokati għal “Self għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju” fl-Ewropa matul il-perjodu 2008-2011;

Il-konsegwenzi tat-Trattat ta' Lisbona

4.  Jilqa' l-fatt li l-Kumitat ta' Verifika ssaħħaħ billi żdied in-numru tal-membri tiegħu minn tlieta għal sitta u billi ngħata l-missjoni li jivverifika li l-attivitajiet tal-Bank jikkonformaw mal-aħjar prattika bankarja u li jivverifika l-kontijiet; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-membri tal-Kumitat ta' Verifika jkollhom esperjenza ta' sorveljanza bankarja b'saħħitha; jenfasizza, madankollu, li, flimkien ma' dan it-tisħiħ tal-Kumitat ta' Verifika, għandhom jittieħdu passi konkreti biex jiġi żgurat li l-BEI jitqiegħed malajr taħt sorveljanza bankarja kif suppost;

5.  Jitlob lill-BEI u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-possibilità (peress li l-UE għandha personalità legali bi qbil mat-Trattat ta' Lisbona) li l-Unjoni Ewropea ssir detentur tal-ishma fil-Bank flimkien mal-Istati Membri, li, fil-fehma tiegħu, tkun tirriżulta f'koperazzjoni msaħħa bejn il-BEI u l-Kummissjoni;

Is-sorveljanza bankarja

6.  Jinnota li, f'Lulju 2009, il-BEI sar parteċipant fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u dan l-istatus jinvolvi ċerti rekwiżiti li jirrapporta lill-BĊE, permezz tal-Banque Centrale du Luxembourg (BCL), b'mod partikulari dwar il-qafas tal-BEI għall-immaniġġjar tar-riskji ta' likwidità;

7.  Jinsab konvint madankollu dwar il-bżonn ta' sistema Ewropea ta' sorveljanza prudenzjali li taħtha l-BEI jkun suġġett għall-istess regoli prudenzjali bħall-istabbilimenti ta' kreditu u għal kontroll prudenzjali ta' veru, li tissorvelja l-kwalità tal-qagħda finanzjarja tal-BEI u li tiżgura li r-riżultati tiegħu jitkejlu b'mod preċiż u li r-regoli ta' mġieba tajba tal-professjoni jitħarsu;

8.  Għal din ir-raġuni jappoġġja l-idea li l-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (KSBE) jinbidel f'Awtorità Bankarja Ewropea aktar kompetenti fi ħdan il-qafas tal-Awtorità Ewropea ta' Sorveljanza Finanzjarja; jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet u l-gruppi finanzjarji kollha, li juru li huma attivi f'aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE, inkluż il-BEI, jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Awtorità Bankarja Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jippermettu li din is-Sistema ta' Superviżuri Finanzjarji l-ġdida tkun tista' tibda l-operat tagħha malajr kemm jista' jkun;

Il-kontroll u l-ġestjoni baġitarji

9.  Jilqa' l-fatt li, minkejja l-volatilità u l-inċertezza tas-suq, il-Bank seta' jżomm l-affidabilità ta' kreditu tal-ogħla kwalità li għandu; jilqa' wkoll il-fatt li l-Bank żied il-limitu massimu tiegħu għal finanzjamenti minn EUR 55 biljun għal EUR 60 biljun u seta' jiġbor ammont ta' EUR 59.5 biljun, li hu żieda sinifikanti (8.8 %) meta mqabbel mal-2007 (EUR 54.7 biljun);

10.  Jistieden lill-BEI biex jagħmel l-isforzi kollha biex iżomm il-klassifikazzjoni ta' AAA, li hi kruċjali sabiex jiġu ggarantiti l-aħjar kundizzjonijiet għas-self tiegħu;

Il-mandat estern u l-faċilità ta' investiment

11.  Jistenna r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-finanzjament estern tal-BEI sat-30 ta' April 2010 u l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ġdida li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE; hu tal-fehma li kemm ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu, kif ukoll il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni, għandhom iqisu mhux biss ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta' tmexxija ppresedut minn Michel Camdessus, imma anke r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Parlament; jitlob b'mod partikolari għal aktar konsistenza fil-mandat estern tal-BEI, kemm fir-rigward tas-suffiċjenza tal-fondi għall-perjodu kollu tal-mandat il-ġdid, kif ukoll fir-rigward tad-distribuzzjoni tagħhom skont żoni ġeografiċi;

12.  Jenfasizza l-fatt li l-azzjoni esterna tal-BEI għandha tkun konformi mal-objettivi politiċi tal-UE kif stipulati fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; huwa tal-fehma li l-BEI, bħala bank orjentat mill-politiki tal-UE, għandu jżomm bilanċ f'termini ta' self bejn ir-reġjuni differenti tal-viċinat tal-UE. jikkunsidra li, fir-rigward tar-reġjuni fejn l-attività tal-BEI tista' tikkoinċidi ma' dik ta' istituzzjonijiet reġjonali jew internazzjonali oħrajn li jkunu ffinanzjati pubblikament, tista' tkun meħtieġa diviżjoni ċara tax-xogħol; jilqa' l-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent f'dan ir-rigward; itenni, madankollu, li jeħtieġ li jiġi rivedut il-ftehim ta' kooperazzjoni attwali bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament fil-Viċinat tal-Lvant, ir-Russja u l-Ażja Ċentrali; jilqa“, għalhekk, il-fatt li l-Kumitat ta' Tmexxija ta' ”persuni għorrief' jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet adottati f'Marzu 2009 mill-Parlament Ewropew dwar fehim reċiproku aħjar bejn il-BEI u l-BERŻ;

13.  Ifakkar li, fil-paragrafu 24 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 April 2008(10) dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tas-Sitt, is-Seba“, it-Tmien u d-Disa” Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2006, hu ssuġġerixxa li, waqt il-proċedura ta' kwittanza, il-BEI jippreżenta r-rapport annwali tiegħu u jispjega l-implimentazzjoni tal-faċilità ta' investiment direttament lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; ifakkar ukoll li r-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp huma flus pubbliċi kkontribwiti mill-Ewropej li jħallsu t-taxxi u mhux mis-swieq finanzjarji;

14.  Itenni s-sogħba tiegħu li r-rapport annwali tal-BEI dwar il-faċilità ta' investiment prinċipalment fih informazzjoni finanzjarja u ftit li xejn - jekk hemm - informazzjoni dwar ir-riżultati tal-programmi varji li ġew iffinanzjati;

15.  Josserva li r-reviżjoni li se ssir tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(11) hi opportunità biex il-proġetti u r-riżultati tal-faċilità ta' investiment jiġu inklużi fil-proċedura ta' kwittanza; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi soluzzjoni possibbli biex jinkiseb dan l-objettiv meta tkun qed tagħmel il-proposta tagħha;

It-trasparenza u l-ġlieda kontra l-frodi

16.  Jinnota b'sodisfazzjon is-segwitu sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament li sar mill-BEI f'dawn l-aħħar snin;

17.  Ifakkar li l-BEI impenja ruħu biex isiru reviżjonijiet formali tal-Politika tal-Iżvelar Pubbliku kull tliet snin u jilqa' l-fatt li, f'Mejju 2009, il-BEI nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti, il-Politika tal-Iżvelar Pubbliku u l-Politika ta' Trasparenza tiegħu; jiddispjaċih li l-Politika tal-Iżvelar Pubbliku ma ġietx riveduta fl-2009 kif previst u jistenna li l-BEI jirrevedi dawn it-tliet politiki malajr kemm jista' jkun;

18.  Jitlob li l-BEI jispeċifika b'mod ċar il-kundizzjonijiet biex ma tiġix żvelata l-informazzjoni fil-Politika tal-Iżvelar Pubbliku l-ġdida li trid toħroġ sabiex jistabbilixxi standards ta' trasparenza għoljin;

19.  Jinnota b'sodisfazzjoni li l-konsultazzjonijiet pubbliċi saru parti integrali mill-politika ta' trasparenza tal-BEI f'dawn l-aħħar snin; jistieden, madankollu, lill-BEI biex jagħti aktar attenzjoni għall-involviment tal-partijiet interessati, billi jipprovdilhom dokumenti ta' gwida ċari dwar l-involviment possibbli tagħhom f'konsultazzjonijiet jew valutazzjonijiet;

20.  Jilqa' l-fatt li l-BEI, b'mod speċjali l-Uffiċjal Kap għall-Konformità, ta aktar attenzjoni lill-iżvilupp ta' sett ġdid ta' regoli dwar il-protezzjoni ta' whistleblowers, ippubblikat f'April 2009, li jipprovdi lill-istaff tal-BEI u lil kull persuna oħra li tipprovdi servizz lill-Bank bi protezzjoni sħiħa; jiġbed madankollu l-attenzjoni tal-Bank għall-fatt li l-BEI ma jipprovdi l-ebda protezzjoni kontra ritaljazzjoni għal ilmenti esterni u jitlob lill-BEI biex jeżamina l-possibilitajiet biex jitranġa dan in-nuqqas;

21.  Jappoġġa l-politika ta' “tolleranza żero” tal-BEI fir-rigward tal-frodi u l-korruzzjoni, u jitlob lill-Bank biex iħaffef, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni, it-twaqqif ta' blacklist ta' dawk li jwettqu frodi u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' interdizzjoni għall-kumpaniji li jinsabu ħatja ta' korruzzjoni mill-BEI u banek ta' żvilupp multilaterali oħra;

22.  Jilqa' l-fatt li l-Politika tal-Iżvelar Pubbliku ġiet tradotta fil-lingwi kollha tal-UE, u jistieden lill-BEI biex jagħmel disponibbli wkoll l-Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali, il-Politika tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti u l-Politika ta' Trasparenza bil-lingwi kollha tal-UE;

Il-politika dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore

23.  Jilqa' l-fatt li l-BEI ħa pass ulterjuri billi rriveda l-politika tiegħu dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore, b'mod li jmur lil hinn miż-żamma tal-projbizzjoni eżistenti tal-finanzjament tal-promoturi li huma bbażati f'rifuġju fiskali;

24.  Jinnota b'sodisfazzjon il-politika mġedda tal-Bank lejn iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore, li tmur lil hinn milli sempliċement iżżomm il-projbizzjoni eżistenti tal-finanzjament tal-promoturi li huma bbażati f'Ċentri Finanzjarji Offshore fil-blacklist, speċjalment l-obbligu l-ġdid impost mill-BEI fuq il-kontropartijiet kollha li qegħdin f'Ċentri Finanzjarji Offshore li mhumiex fil-blacklist imma li huma regolati b'mod dgħajjef biex imorru f'pajjiż li mhux Ċentru Finanzjarju Offshore qabel l-iffirmar tal-kuntratti rilevanti, biex b'hekk jiġi żgurat li, għas-self ġejjieni tal-Bank wara l-31 ta' Marzu 2010, l-ebda wieħed fost dawk li jissellfu mill-BEI mhu se jkun f'Ċentru Finanzjarju Offshore regolat b'mod dgħajjef;

25.  Jitlob lill-BEI biex jispezzjona jekk din il-politika mġedda fir-rigward taċ-Ċentri Finanzjarji Offshore tkoprix il-fondi li jintużaw mill-BEI biex jipprovdi self għal proġetti; hu tal-fehma barra minn hekk li l-BEI għandu jiżgura li d-dħul prodott minn dawn il-fondi ma jkunx jista' jiċċaqlaq lejn rifuġji fiskali wara li jintemmu l-proġetti;

26.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-mod kif jiġi allokat u kkontrollat is-“self globali” f'termini ta' governanza fiskali; ifakkar li l-BEI għandu jiżgura li dawk li jirċievu s-self tiegħu ma għandhomx jinqdew b'rifuġji fiskali jew jużaw prattiki oħra, bħalma huma l-prezzijiet ta' trasferiment abużivi, li jistgħu jwasslu għall-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa; f'dan ir-rigward, jitlob li l-BEI jirrikjedi li l-intermedjarji finanzjarji jagħmlu pubbliku kull użu mis-self globali u ta' qafas li jirċievu, inkluż rapport dwar l-attivitajiet tagħhom f'kull pajjiż individwali li joperaw fih;

27.  Jilqa' r-Rapport dwar l-Attività u r-Responsabbiltà Korporattiva tal-Grupp tal-BEI li jirrapporta dwar l-azzjonijiet meħuda sabiex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tal-Bank li jikkomplementaw u jsaħħu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea;

Strateġija u għanijiet

28.  Jilqa' l-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni tal-BEI għall-2009-2011, li fih il-Bank irreveda l-miri ta' attività operattiva billi għollihom b'mod sinifikanti meta mqabbla mal-orjentamenti mogħtija fil-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni għall-2008-2010;

29.  Jisħaq fuq il-fatt li l-BEI hu mistieden biex jieħu rwol importanti biex jinkisbu l-objettivi UE 2020; għalhekk jitlob lill-Bank biex jiżgura lis-self tiegħu se jikkontribwixxi għall-isforz biex jinkisbu l-objettivi ta' strateġija;

30.  Jinnota li l-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konverġenza, kif ukoll il-pilastru tal-konverġenza tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE b'mod partikulari, huma fost l-għanijiet ewlenin tal-BEI;

31.  Japprezza l-kontribut li l-Bank Ewropew tal-Investiment għamel għall-objettiv ta' konverġenza permezz tas-self ta' EUR 21 biljun, 41% tas-self totali tal-BEI fl-UE, għall-proġetti ta' konverġenza;

32.  Jenfasizza l-valur miżjud tat-teħid ta' azzjonijiet f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u tal-approċċ tal-Bank fl-għoti ta' appoġġ addizzjonali u fl-azzjoni ta' lieva fl-interventi tal-Fondi Strutturali;

33.  Jitlob li jitjieb l-użu kkombinat tal-għotjiet mill-UE mal-istrumenti finanzjarji tal-BEI, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi ta' koeżjoni fejn hemm diffikultajiet partikolari biex jinġabru fondi proprji, ħalli b'hekk il-koeżjoni tingħata appoġġ u jixxekkel id-deklin ulterjuri fil-pajjiżi li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi;

34.  Jitlob li, fil-ġejjieni, ir-rapport tal-BEI jagħti informazzjoni ddettaljata dwar is-self ewlieni li jissupplimenta l-għotjiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għar-reġjuni li jimplimentaw programmi ta' teknoloġija avvanzata jew programmi relatati mal-provvisti ta' enerġija rinnovabbli jew nadifa;

35.  Jenfasizza r-rwol sinifikanti tal-BEI fl-appoġġar tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju waqt il-kriżi finanzjarja wara li kkunsidra li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju jikkonsistu f“99 % tan-negozji fl-UE u jimpjegaw aktar minn 100 miljun persuna u huma għalhekk il-mutur tal-ekonomija tal-Ewropa;

36.  Jammetti li jeżisti effett ta' lieva intrinsiku li jfisser li l-intermedjarji finanzjarji jridu jgħaddu bħala self lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għallinqas id-doppju tal-ammont tas-self mill-BEI u li l-inizjattiva l-ġdida “Self għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju” ttejjeb il-kundizzjonijiet għal dan it-tip ta' intrapriżi; jitlob ulterjurment lill-BEI biex iżid dettalji dwar l-użu effiċjent ta' dan is-self fir-rapport ta' attività li jmiss biex jiġi żgurat li parti mill-benefiċċji li jidderivaw mill-fondi tal-BEI jgħaddu għand l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju b'mod xieraq, u li jagħtu tagħrif dwar l-oriġini tal-fondi;

37.  Jinnota f'dan il-kuntest li fuq talba tad-detentura tal-ishma tal-BEI, EUR 30 biljun ġew assenjati għal self għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għall-perjodu 2008-2011 u li nofs dan l-ammont se jkun disponibbli bejn l-2008 u l-2009; jenfasizza l-importanza ta' livelli għolja ta' sorveljanza biex jiġi żgurat li s-sieħba finanzjarji ma jaħżnux il-kreditu tal-BEI biex jistabbilizzaw il-karti tal-bilanċ tagħhom;

38.  Fid-dawl tal-fatt li l-kriżi ekonomika għadha ma spiċċatx, bir-rati tal-qgħad għadhom telgħin, jistieden lill-BEI biex japplika prinċipju aktar kuraġġuż ta' teħid ta' riskji fil-politika tas-self tiegħu fil-konfront tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju mingħajr ma jikkomprometti l-istatus AAA tiegħu; jissuġġerixxi li l-BEI jadatta l-Mandat għall-Kapital ta' Riskju għall-Fond Ewropew tal-Investiment tal-2006 biex ikun jista' jqis b'mod aħjar it-taqlib ekonomiku ta' bħalissa u l-ħtieġa tat-titjib tal-aċċess tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għall-kapital għal proġetti ta' riskju; jitlob li l-parteċipazzjoni tal-BEI fil-programm Jasmine, li attwalment tammonta għal EUR 20 miljun, tal-anqas tirdoppja;

39.  Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp(12), li fil-paragrafu 8 tagħha tħeġġeġ lill-Bank Ewropew tal-Investiment “biex jimmoniterja aħjar is-self globali tiegħu għall-appoġġ tal-intrapriżi ta' daqs żgħir jew medju u jiżgura li n-natura u d-destinazzjoni finali ta' dan is-self ikunu trasparenti”; jistieden lill-BEI sabiex ikompli jsaħħaħ it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta' intermedjarji finanzjarji u sabiex jistabbilixxi kundizzjonijiet ċari ta' finanzjament għall-intermedjarji finanzjarji u l-kriterji tal-effikaċja tas-self;

40.  Jistieden lill-BEI biex jarmonizza s-self tiegħu lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju permezz ta' allokazzjonijiet mill-Fondi Strutturali fir-reġjuni ta' konverġenza u biex jiżgura li jkun hemm appoġġ ibbilanċjat bejn it-tipi differenti ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

41.  Iħeġġeġ lill-BEI jimmonitorja aħjar u jagħmel aktar trasparenti n-natura u d-destinazzjoni finali tas-self globali tiegħu b'appoġġ għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; jissuġġerixxi t-twaqqif ta' scoreboard dwar l-effetti ta' multiplikazzjoni tal-operazzjonijiet ta' self tal-BEI;

42.  Jistieden lill-BEI biex jiżviluppa analiżi aktar iddettaljata u metodoloġikament armonizzata fir-rapporti annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li jikkomplementaw l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali; f'dan il-kuntest il-Bank jista' jispjega lill-Parlament il-funzjonament tal-Faċilità għall-Finanzjament tal-Kondiviżjoni tar-Riskju li stabbilixxa mal-Kummissjoni; hu tal-fehma li hi ta' relevanza partikulari l-azzjoni reċiproka bejn din il-faċilità u l-finanzjamenti taħt is-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Fondi Strutturali;

43.  Jinnota li skont ir-Rapport Annwali tal-BEI, il-fażi ta' valutazzjoni tal-inizjattiva JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Intrapriżi minn Mikro sa Medji) tlestiet fl-2008; jiddispjaċih li r-rapport ma jinkludix din il-valutazzjoni;

44.  Jitlob lill-BEI biex fir-rapport annwali tiegħu li jmiss iżid dettalji dwar l-ewwel riżultati taż-żewġ politiki mill-2009: l-inizjattiva JASMINE (Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta' Mikronfinanza fl-Ewropa) u l-implimentazzjoni tal-“Faċilità Mezzanina għat-Tkabbir”;

45.  Jitlob lill-BEI biex jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex jissimplifika r-regolamenti kkumplikati u burokratiċi li jinsabu f'ċerti proġetti, kull fejn iseħħu, sabiex il-finanzjament tal-proġetti jsir aktar rapidu u effiċjenti, b'rigward speċjali għall-kriżi globali;

46.  Jenfasizza li s-suċċess tal-programmi l-ġodda għall-makroreġjuni Ewropej jiddependi fuq il-koordinament tal-attivitajiet li jitwettqu skont il-politiki kollha li jkollhom impatt territorjali u fuq is-sejbien ta' soluzzjoni għal żmien fit-tul għall-finanzjament tar-reġjuni makro; jistieden, għaldaqstant, lill-Bank biex iqis il-possibilità tal-għoti tal-fondi tal-BEI u tal-Fond Ewropew tal-Investiment, apparti l-fondi tal-UE, għal dan il-għan fil-perjodu li jmiss tal-ipprogrammar finanazjarju li jibda fl-2014;

47.  Jistieden lill-BEI jiex jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) barra mill-UE; itenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-paragrafu 28 tar-riżoluzzjoni tal-25 ta' Marzu 2009 hawn fuq imsemmija sabiex tinkiseb koperazzjoni strutturata b'mod aħjar bejn il-BEI u l-BERŻ fil-pajjiżi fejn joperaw b'mod komuni;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)ĠU L 255, 26.9.2009, p. 98.
(2)Testi adottati, P6_TA(2009)0185.
(3)ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 14.
(4)ĠU L 414, 30.12.2006, p. 95
(5)Kawża C-155/07, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra.
(6) ĠU C 332, 30.12.2006, p. 45.
(7)Kawża C-15/00, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment [2003] Ġabra I-7281.
(8)L-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(9)Testi adottati, P7_TA(2010)0053.
(10) ĠU L 88, 31.3.2009, p. 253.
(11) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(12) Testi adottati, P6_TA(2009)0185.


Atroċitajiet tal-massa f'Jos, in-Niġerja
PDF 211kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja
P7_TA(2010)0157RC-B7-0247/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża stipulati fil-Kapitolu IV tagħha - Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  maħsud bl-inċidenti ta' vjolenza f'Jannar u f'Marzu ta' din is-sena, li seħħu fil-belt ta' Jos u fil-madwar tagħha, li jinsab f'salib it-toroq bejn it-Tramuntana Musulmana tan-Niġerja u n-Nofsinhar Nisrani, li matulhom inqatlu mijiet ta' persuni f'kunflitti reliġjużi u etniċi,

B.  billi l-armata żvolġiet rwol importanti biex tintervjeni biex tikkontrolla s-sitwazzjoni, iżda billi fl-istess ħin kien hemm rapporti ta' qtil extraġudizzjarju mill-armata u anke mill-pulizija,

C.  billi l-kunflitt bejn il-komunitajiet sar problema rikorrenti f'Jos, bi ġlied kbir li seħħ fl-2001, fl-2004 u fl-2008,

D.  billi, skont rapporti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, iktar minn 14,000 persuna nqatlu fi ġlied reliġjuż jew etniku mit-tmiem tar-reġim militari fl-1999 “l hawn,

E.  billi uffiċjal tas-Salib l-Aħmar ġie kkwotat li qal li tal-anqas żewġ komunitajiet oħrajn fil-qrib sfaw fil-mira wkoll, f'żona qrib ta' fejn ġlied bejn il-fazzjonijiet kien qatel mijiet ta' nies f'Jannar,

F.  billi skont rapporti mis-Salib l-Aħmar minħabba din il-vjolenza tal-anqas 5600 ruħ qed jaħarbu mir-reġjun għax jibżgħu għal ħajjithom,

G.  billi l-problemi fiż-żona ta' Jos ġejjin minn nuqqas ta' żvilupp ekonomiku, mill-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u t-tensjoni li għandha l-għeruq tagħha f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn gruppi indiġeni, l-aktar Kristjani jew animisti, li qed jiġġieldu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u tal-ilsien Hausa,

H.  billi mhuwiex possibbli li l-Musulmani jew il-Kristjani jitqiegħdu b'mod sistematiku fir-rwol jew ta' aggressuri jew ta' vittmi peress li storikament kellhom iż-żewġ rwoli,

I.  billi l-instabilità attwali tenfasizza l-fraġilità tan-nazzjon bl-akbar popolazzjoni fl-Afrika hekk kif qed joqrob il-perjodu tal-kampanja għall-elezzjonijiet tal-2011 filwaqt li qed jiffaċċja l-inċertezza rigward it-tmexxija politika, minħabba l-marda tal-President Yar'Adua,

J.  billi l-istabilità u d-demokrazija tan-Niġerja għandhom sinifikat qawwi lil hinn mill-fruntieri immedjati tagħha, minħabba r-rwol ewlieni tal-pajjiż fir-reġjun u fl-Afrika sub-Saħarjana (in-Niġerja hija membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, produttur globali taż-żejt, mexxej fl-ECOWAS, kontributur ewlieni għall-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, u forza ta' stabilità fl-Afrika tal-Punent),

K.  billi l-UE hija donatur finanzjarju ewlieni tan-Niġerja u billi fit-12 ta' Novembru 2009 l-Kummissjoni u l-Gvern Federali tan-Niġerja ffirmaw id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż bejn in-Niġerja u l-KE u l-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-perjodu 2008-2013, skont liema dokumenti l-UE se tiffinanzja proġetti li jkollhom bħala għanijiet, fost oħrajn, il-garanzija tal-paċi, tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem,

L.  billi s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti timplika wkoll l-aċċess ġust għar-riżorsi u t-tqassim mill-ġdid tad-dħul f'pajjiż li għandu ħafna żejt bħan-Niġerja,

M.  billi, għalkemm in-Niġerja huwa t-tmien l-akbar produttur taż-żejt fid-dinja, il-maġġoranza tal-148 miljun abitant tagħha jgħixu fil-faqar,

N.  billi skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou, l-UE tipparteċipa fi djalogu politiku regolari man-Niġerja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, inkluża d-diskriminazzjoni etnika, reliġjuża u razzjali,

1.  Jikkundanna b'mod qawwi l-vjolenza riċenti u l-imwiet traġiċi f'Jos u fil-madwar tagħha, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' min qiegħed f'luttu u mal-midruba;

2.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex joqogħdu lura u jfittxu soluzzjonijiet paċifiċi biex isolvu d-differenzi ta' bejn il-gruppi reliġjużi u etniċi fin-Niġerja;

3.  Jistieden lill-Gvern Federali Niġerjan biex iwettaq investigazzjoni dwar il-kawżi tal-vjolenza l-aktar riċenti u jiżgura li l-awturi ta' atti ta' vjolenza jitressqu l-qorti b'mod ġust u trasparenti;

4.  Jistieden lill-Gvern Federali Niġerjan biex jieħu miżuri konkreti u urġenti biex jappoġġja djalogu interetniku u interreliġjuż, u jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-aġent President Goodluck Jonathan biex ilaqqa' l-mexxejja reliġjużi u tal-komunitajiet;

5.  Jitlob li jsir eżami usa' tal-kawżi li jinsabu fl-għeruq tal-kunflitt, inklużi t-tensjonijiet soċjali, ekonomiċi u etniċi, u biex wieħed jieħu ħsieb li jiġu evitati spjegazzjonijiet ġeneralizzati u sempliċistiċi bbażati biss fuq ir-reliġjon li mhux se jipprovdu l-bażi għal soluzzjoni dejjiema u fit-tul għall-problemi ta' dan ir-reġjun;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani biex jwaqqfu l-aġir riċenti ta' xi gvernaturi tal-istat Niġerjan, li eżegwew il-piena tal-mewt fuq priġunieri soġġetti għaliha biex inaqqsu r-rassa fil-ħabs, billi dan jikkostitwixxi vjolazjoni ċara tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-gvernaturi tal-istat biex jirrestrinġu ruħhom u jkomplu l-moratorju de facto; ifakkar li l-użu tal-piena tal-mewt jmur kontra l-impenn Niġerjan fil-livell internazzjonali;

7.  Jistieden lill-Gvern Federali Niġerjan biex jipproteġi n-nies tiegħu billi jwettaq rondi regolari madwar ir-reġjun u biex jindirizza l-kwistjonijiet li jinsabu fl-għeruq tal-vjolenza billi jiggarantixxi d-drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u billi jittratta l-problemi relatati mal-kontroll ta' raba' fertili, l-aċċess għar-riżorsi, il-qgħad, il-faqar u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jitlob li dawk il-persuni li kellhom jaħarbu minħabba l-massakru jitħallew imorru lura lejn djarhom b'mod sikur;

8.  Iħeġġeġ lill-UE biex tkompli d-djalogu politiku tagħha man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou, u f'dak il-kuntest biex tindirizza kwistjonijiet relatati mal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, kif jinsabu mnaqqxa fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).

Avviż legali - Politika tal-privatezza