– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar “l-Ewropa 2020, strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Professur Mario Monti lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tas-suq waħdieni(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Aġenda taċ-ċittadin – il-kisba tar-riżultati għall-Ewropa ” (COM(2006)0211),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Suq waħdieni għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0724) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li hemm miegħu bit-titlu ' Is-Suq Waħdieni – reviżjoni tal-kisbiet“(SEC(2007)1521), ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Settembru 2007 dwar ir-reviżjoni tas-suq waħdieni(2) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni bit-titlu “Ir-reviżjoni tas-suq waħdieni – wara sena” (SEC(2008)3064),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà – lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0726) u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Servizzi ta' interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid” (COM(2007)0725) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Settembru 2006 dwar il-white paper tal-Kummissjoni dwar servizzi ta' interess ġenerali(3),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq waħdieni(4) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-direttivi li jaffettwaw is-suq intern(5),
– wara li kkunsidra t-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Suq Intern ta' Lulju 2009 (SEC(2009)1007) u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2010(6) u tat-23 ta' Settembru 2008(7) dwar it-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Suq Intern,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titlu “Strateġija tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur 2007-2013 – Aktar poteri lill-konsumaturi, tisħiħ tal-benesseri tagħhom, għal ħarsien effettiv tagħhom” (COM(2007)0099) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur 2007-2013“(8),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2009 bit-titlu “Il-Monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumatur fis-suq waħdieni – It-Tieni edizzjoni tat-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (COM(2009)0025) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li hemm miegħu bit-titlu ” It-Tieni Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur' (SEC(2009)0076),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar “l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330) u r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonli responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur (ir-”Regolament dwar kooperazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur“) (COM(2009)0336),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-ħarsien tal-konsumatur(9),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “in-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE” (COM(2009)0557),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Sezzjoni għas-Suq Waħdieni, Produzzjoni u Konsum, dwar “Tfixkil għas-Suq Waħdieni Ewropew 2008”(10),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali 2008 tas-SOLVIT dwar l-iżvilupp u l-eżekuzzjoni tan-netwerk tas-SOLVIT (SEC(2009)0142), id-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2008 dwar pjan ta' azzjoni dwar approċċ integrat għall-provvediment ta' servizzi ta' għajnuna fis-suq waħdieni u liċ-ċittadini u n-negozji (SEC(2008)1882) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2010 dwar SOLVIT(11),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) No 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, li jimmira biex joħloq qafas ġenerali ta' regoli u prinċipji b'relazzjoni mal-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE), li jistipula li “s-suq intern għandu jikkomprendi zona bla fruntiei interni li fiha jkun assigurat il-moviment ħieles tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), li jorbot l-Unjoni biex taħdem għal ekonomija ta' suq soċjali kompetittiv ħafna, bil-mira li jintlaħqu impjieg totali u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent“,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif inhuma inkorporati fit-Trattati bl-Artikolu 6 tat-TUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat FUE, li jistipula li “għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra ħtiġijiet marbutin mal-promozzjoni għal livell għoli ta' impjiegi, għal garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, għal ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u għal livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-Trattat FUE, li jistipula li “r-rekwiżiti għall-ħarsien tal-ambjent iridu jkunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tat-Trattat FUE, li jistipula li “r-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jiġu kkunsidraw fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tat-Trattat FUE u l-Protokol 26 tiegħu dwar servizzi ta' interess (ekonomiku) ġenerali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0132/2010),
A. billi jeżistu ħafna ostakli, riżultat ta' nuqqas ta' informazzjoni dwar drittijiet u opportunitajiet, regolamenti frammentati, nuqqas ta' inizjattivi leġiżlattivi f'għadd ta' oqsma ewlenin, traspożizzjoni li mhix tajba biżżejjed, applikazzjoni u infurzar inadegwati ta' regoli, u nuqqas ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni, li jfixklu liċ-ċittadini, lill-konsumaturi u lill-SMEs li jkunu jixtiequ jiċċaqalqu, jixtru, jbigħu jew jinnegozjaw f'pajjiżi oħra bl-istess sens ta' sigurtà u kunfidenza li huma jgawdu fl-Istati Membri tagħhom stess,
B. billi fl-istess ħin, l-isforzi biex tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni sabiex jingħelbu dawn l-ostakli, xi drabi wasslu għal regolamentazzjoni żejda b'effetti negattivi fuq il-maġġoranza tal-SMEs, b'mod partikolari l-mikroentitajiet li ma jixtiqux joperaw fil-livell tas-suq Ewropew imma jippreferu jibqgħu attivi lokalment, kif ukoll korpi tal-gvern lokali, u għalhekk huwa mitlub li ssir regolamentazzjoni aħjar b'piżijiet amministrattivi mill-anqas,
C. billi perċentwal żgħir biss ta' ħaddiema, fornituri ta' servizzi u professjonisti jiddeċiedu li jiċċaqalqu għal Stat Membru ieħor, inter alia minħabba li l-burokrazija involuta u r-riskju li jitilfu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali jagħmluha kkomplikata u għalja wisq biex jagħmlu hekk,
D. billi ftit huma l-intraprendituri u l-SMEs li joffru l-merkanzija u s-servizzi tagħhom barra s-swieq domestiċi tagħhom, minħabba ostakli tal-lingwa, nuqqas ta' ċertezza rigward investimenti, ħlasijiet u obbligi u minħabba differenzi fit-tradizzjonijiet legali, amministrattivi, soċjali u kulturali tal-Istati Membri differenti,
E. billi s-suq waħdieni ma jistax jitiqies b'mod iżolat minn oqsma oħra ta' politika orizzontali, b'mod partikolari s-saħħa, il-ħarsien soċjali u tal-konsumatur, il-liġi tax-xogħol, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u l-politiki esterni,
F. billi l-Istrateġija UE 2020 għandha tistabbilixxi miri realistiċi biex tinkiseb ekonomija soċjali tas-suq ekoloġika u bbażata fuq l-għarfien u tkabbir sostenibbli sal-2020, kif ukoll biex jinħolqu impjiegi, inkluż fis-settur ambjentali; billi l-bażi tal-Istrateġija UE 2020 għandha tkun is-suq waħdieni Ewropew, bl-isfidi ta' ġustizzja soċjali u tkabbir ekonomiku u li tiffoka fuq il-benefiċċji għaċ-ċittadini, il-ħarsien tal-konsumatur u l-SMEs,
G. billi, kulma jmur, il-kwistjonijiet tas-suq waħdieni u tal-kummerċ internazzjonali aktar qed isiru interdipendenti u aktar qed jaffettwaw lil xulxin,
H. billi ħafna ċittadini Ewropej mhumiex konxji mill-benefiċċji prattiċi tas-suq waħdieni li jgawdu minnhom huma stess, peress li hemm ftit wisq tagħrif disponibbli dwar is-suq waħdieni u dan l-anqas m'hu spjegat kif għandu jkun,
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Iqis li l-Unjoni qed tħabbat wiċċha ma' żmien partikularment problematiku fl-istorja tal-integrazzjoni tas-suq waħdieni Ewropew; hu tal-opinjoni li l-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni jridu jiġu indirizzati b'koerenza, determinazzjoni, impenn u qawwa, inevitabilment imsieħba mas-sensitività u l-prattiċità, fi spirtu ta' kooperazzjoni u solidarjetà; jenfasizza li dan il-proċess se joħloq il-ħtieġa ta' awtorità soda u inizjattiva konsiderevoli min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, u impenn politiku mill-Kunsill, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew;
2. Jenfasizza li s-suq waħdieni mhuwiex biss struttura ekonomika, u l-leġiżlazzjoni tas-suq waħdieni tħares u tippreserva drittijiet fundamentali speċifiċi taċ-ċittadini, bħal ma huma s-sigurtà u l-privatezza, u li għal din ir-raġuni suq waħdieni li jiffunzjona bla intoppi jkun fl-aħjar interessi taċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs Ewropej, meta wieħed iqis il-ħafna sfidi ekonomiċi u oħrajn li bħalissa qed taffaċċja l-UE;
3. Jenfasizza li, minkejja d-dgħufijiet teknoloġiċi u leġislattivi fl-istruttura tiegħu, is-suq waħdieni Ewropew, flimkien maż-żona euro, juri aħjar it-tifsira vera tal-integrazzjoni u l-unità ekonomika tal-UE, u ċertament huwa s-suċċess l-aktar viżibbli tal-integrazzjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-UE;
4. Jenfasizza li s-suq waħdieni għandu jiftaħ orizzonti ġodda fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li jkun qed jagħmel aktar biex jippromwovi l-iżvilupp ta' merkanzija u servizzi, b'enfasi fuq l-għarfien u t-teknoloġija, li jikkostitwixxu forza li tmexxi “l quddiem l-iżvilupp ekonomiku ġejjieni;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon u jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li “terġa” tpoġġi fil-qalba tas-suq intern lil dawk li jgħixu fih u jużawh kuljum' kif ukoll l-impenn tagħha li tkun difensur sod tas-suq waħdieni permezz tal-użu sħiħ tal-poteri ta' infurzar tagħha u li toħroġ b'viżjoni soċjali u ambjentali tas-suq waħdieni bbażata fuq l-obbligi tat-Trattat ta' Liżbona;
Il-proċess ta' integrazzjoni tas-suq waħdieni mhux irreversibbli
6. Jenfasizza li l-integrazzjoni fis-suq waħdieni mhijiex proċess irreversibbli u li m'għandniex inserrħu moħħna mill-eżistenza kontinwa tas-suq waħdieni;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu li jekk jerġa' jitfaċċa l-protezzjoniżmu ekonomiku dan x'aktarx iwassal għall-frammentazzjoni tas-suq waħdieni u għalhekk jeħtieġ li jiġi evitat; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-falliment ekonomiku u finanzjarju attwali jista' jintuża biex jiġġustifika li jerġgħu jitqajmu miżuri ta' protezzjoniżmu f'diversi Stati Membri, filwaqt li, minflok hekk, it-tnaqqis fl-attività ekonomika jitlob mekkaniżmi ta' salvagwardja komuni;
8. Iqis li l-kriżi għamlet ħafna ħsara lill-proċess ta' integrazzjoni tas-suq waħdieni u li l-antagoniżmu u n-nuqqas ta' fiduċja fir-rigward tas-suq waħdieni kibru b'riżultat tad-difetti u l-inugwaljanzi li ħarġu mis-sistemi ekonomiċi tal-Istati Membri;
9. Ifakkar li l-politiki biex tiġi affrontata l-kriżi ma għandhomx inaqqsu l-proċess ta' integrazzjoni tas-suq waħdieni, imma minflok għandhom jipprovdu żmien ta' opportunità biex tiġi riformata, ikkonsolidata u mtejba l-istruttura preżenti tas-suq waħdieni, fejn jiġi realizzat il-potenzjal ta' ħolqien tal-impjiegi ta' ekonomija ħadra u terġa' tinkiseb il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini, speċjalment tal-konsumaturi u l-SMEs;
10. Jenfasizza li t-tnedija mill-ġdid tas-suq waħdieni ma tridx tkun iddettata kompletament mit-tnaqqis fir-ritmu finanzjarju ta' dan l-aħħar u li l-qawmien mill-ġdid irid imur lil hinn mil-lezzjonijiet fundamentali li ttieħdu mill-kriżi;
11. Jenfasizza li t-tnedija mill-ġdid tas-suq waħdieni għandha tilħaq miri konkreti, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, relevanti u b'kalendarju definit, li jridu jintlaħqu permezz ta' strumenti ta' politika adattati u effikaċi, ibbażati fuq l-erba' libertajiet tal-moviment disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE;
12. Jenfasizza l-fatt li s-suq waħdieni Ewropew jinsab fi bżonn urġenti ta' imbottatura ġdida, u li hemm bżonn ta' tmexxija qawwija mill-istituzzjonijiet Ewropej, speċjalment mill-Kummissjoni, u sjieda politika mill-Istati Membri biex jerġgħu jitnisslu l-kredibilità u l-fiduċja fis-suq waħdieni;
Il-bżonn ta' approċċ olistiku u komuni għas-suq waħdieni
13. Hu tal-fehma li l-idea antika tas-suq waħdieni għandha tiġi ssupplementata sabiex issir iktar inklussiva; jenfasizza li dawk kollha involuti fil-formazzjoni u l-implimentazzjoni tas-suq waħdieni għandhom bżonn jadottaw approċċ aktar olistiku, li jintegra bis-sħiħ it-tħassib taċ-ċittadini;
14. Jenfasizza li suq waħdieni aktar b'saħħtu, aktar profond u mwessa' huwa ta' importanza vitali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;
15. Jenfasizza li s-suq waħdieni għandu jkun ċentrali biex tintlaħaq il-mira ta' ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u kompetittiva ħafna fil-kuntest tal-viżjoni ta' terminu twil tal-Istrateġija UE 2020;
16. Jemmen li s-suq waħdieni huwa prerekwiżit importanti ħafna għas-suċċess tal-Istrateġija UE 2020; jipproponi għalhekk li kull strateġija u politika mmirati biex jerġgħu jqajmu mill-ġdid is-suq waħdieni Ewropew għandhom ikunu kkoordinati mill-istituzzjonijiet Ewropej u bbażati fuq ftehim pragmatiku, komprensiv u wiesa' appoġġjat mill-Istati Membri kollha u ffukat prinċipalment fuq prijoritajiet li l-Istati Membri jagħmlu tabilħaqq tagħhom u jimplimentawhom b'mod effikaċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;
17. Jenfasizza li s-suq waħdieni għandu jipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi f'termini ta' kwalità aħjar, varjetà akbar, prezzijiet raġonevoli u sikurezza tal-merkanzija u s-servizzi;
18. Jitlob li jkun hemm mudell ġdid ta' fehma politika, li tkun tiffoka fuq iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs fit-tnedija mill-ġdid tas-suq waħdieni Ewropew; huwa tal-fehma li dan jista' jintlaħaq billi ċ-ċittadin Ewropew jitqiegħed fil-qalba tat-tiswir tal-politika tal-Unjoni Ewropea;
19. Isostni li t-tiġdid tas-suq waħdieni jeħtieġ implimentazzjoni effikaċi ta' kontrolli u bilanċi aktar adegwati, u aktar djalogu, sabiex jiġi garantit li l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u l-konsumaturi jitqiesu b'mod adegwat; iqis li approċċ ibbażat fuq l-evidenza u fuq iċ-ċittadin se jgħin lill-Unjoni tirbaħ lura l-fiduċja popolari fis-suq waħdieni Ewropew u ssib il-formula tajba biex jiġu adottati inizjattivi li jagħtu lill-Unjoni l-vantaġġ kompetittiv li għandha bżonn, bla ħsara għad-dimensjoni soċjali;
20. Itenni li evalwazzjoni sinifikanti tal-impatti soċjali, tal-konsumaturi, ambjentali u ekonomiċi tas-suq waħdieni – li għandha tidher fil-proposti kollha għal suq waħdieni – hija kruċjali biex tintrebaħ il-fiduċja pubblika u tiġi assigurata wkoll l-integrazzjoni realistika ta' miri soċjali, tal-protezzjoni tal-konsumatur, ambjentali u ekonomiċi;
21. Jemmen li l-abolizzjoni tal-fruntieri fis-suq waħdieni kompliet issaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa f'dinja globalizzata;
22. Jenfasizza li l-funzjonament kif suppost tas-suq intern ma jistax jinfired mir-rwol li trid twettaq l-Ewropa bħala attur ekonomiku globali; hu tal-fehma li l-Unjoni Ewropea trid tipproteġi l-mudell soċjali u ambjentali tagħha billi tinforza b'mod strett ir-regoli tagħha fuq s-servizzi u l-prodotti importati u billi tiddefendi bis-sod l-applikazzjoni ta' dawk ir-regoli, inkluż b'mod partikolari, fil-kuntest ta' korpi multilaterali u fil-kuntest tal-proċeduri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għar-riżoluzzjoni tat-tilwim;
23. Jenfasizza li s-suq intern u l-munita komuni servew ta' tarka ta' protezzjoni fl-Ewropa biex tnaqqas l-impatt negattiv tal-kriżi finanzjarja fuq in-negozji u ċ-ċittadini fl-Ewropa;
Sfidi u opportunitajiet li jridu jitqiesu fil-politika tas-suq waħdieni
24. Hu tal-fehma li l-akbar sfida li qed tiffaċċja l-Unjoni hija biex jinstab bilanċ bejn ekonomija miftuħa, li kapaċi tistimula tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi u tipprovdi reazzjoni integrata għall-isfidi maġġuri tal-ġejjieni (bħalma huma l-kompetittività, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-politika industrijali, il-kwistjonijiet demografiċi, l-ambjent u t-teknoloġiji l-ġodda), u sistema ekonomika bil-kapaċità ugwali li toffri protezzjoni lill-konsumatur u s-salvagwardji soċjali u ambjentali li jeħtieġu ċ-ċittadini;
25. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq waħdieni għadha waħda irregolari, peress li n-netwerks tas-suq mhumiex interkonnessi b'mod suffiċjenti, li jfisser li kemm l-intrapriżi u kemm iċ-ċittadini jridu jiffaċċjaw ir-realtà ta' kuljum ta' diffikultajiet li persistenti fl-attivitajiet transkonfinali tagħhom, li għandhom mnejn jinvolvu 27 sistema legali differenti għal transazzjoni waħda;
26. Jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit suq waħdieni aħdar għal teknoloġiji, servizzi u prodotti emerġenti ambjentali u b'emissjonijiet tal-karbonju baxxi, billi jiġu żviluppati standards għall-UE kollha għall-emissjonijiet tal-karbonju; jinnota li t-tikkettar u l-istandards ċari għall-prodotti effiċjenti f'sens ta' enerġija jridu jsiru, progressivament, mandatorji fl-Unjoni kollha; jinnota li għandhom jitqiesu l-metodoloġiji u l-istandards eżistenti meta jkunu qed jiġu żviluppati standards ġodda għall-marki tal-karbonju; jenfasizza li dawn l-istandards ma għandhomx joħolqu rekwiżiti li jkunu ta' piż esaġerat b'mod partikolari għall-SMEs;
27. Jinsisti li, fl-era diġitali, l-Unjoni għandha tirrealizza bis-sħiħ il-potenzjal u l-opportunitajiet offruti permezz tal-Internet, il-kummerċ elettroniku u d-diffużjoni tal-ICTs fl-SMEs u fl-amministrazzjoni pubblika għall-iżvilupp ulterjuri tas-suq waħdieni, filwaqt li tagħmilhom disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; jenfasizza li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda jrid jagħti kas il-bżonn li jiġu protetti ċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs u dawk li jinsabu f'qagħda vulnerabbli;
28. Jenfasizza kemm hu importanti li jiġu stabbiliti mudelli kummerċjali ġodda fejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jkunu rimunerati kif għandu jkun mingħajr ma jinħolqu limiti bla bżonn fir-rigward tal-aċċess tal-konsumaturi għal kontenut kreattiv onlajn;
29. Japprova l-inizjattivi meħudin mill-Kummissjoni biex ir-riċerka, l-għarfien u l-innovazzjoni jingħataw prijorità f'kull strateġija futura; jistenna li jiġu allokati fondi suffiċjenti fil-baġits suċċessivi tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet kruċjali; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa urġenti li tiġi riżolta l-kwistjoni pendenti tal-privattiva Komunitarja; jipproponi li l-Kummissjoni tibda teżamina modi possibbli li bihom jistgħu jinstabu punti ta' riferiment konkreti bil-għan li jitkejjel is-suċċess fl-oqsma tar-riċerka, l-għarfien u l-innovazzjoni;
30. Japprova l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi s-sikurezza tal-oġġetti manifatturati permezz tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti;
Iċ-ċittadini u l-konsumaturi fis-suq waħdieni
31. Hu konvint li l-perċezzjoni, il-fehim u l-għarfien taċ-ċittadin Ewropej fir-rigward tas-suq waħdieni huma baxxi, ma jeżistux, konfużi jew saħansitra negattivi, parzjalment minħabba nuqqas ta' impenn politiku u informazzjoni u minħabba livell baxx ta' sensibilizzazzjoni pubblika; huwa tal-fehma li trid tittieħed azzjoni deċiżiva biex ikun żgurat li l-politika ġejjiena tal-Unjoni Ewropea dwar is-suq waħdieni tindirizza l-bżonnijiet taċ-ċittadini, speċjalment tal-konsumaturi u tal-SMEs, u tipprovdilhom riżultati tanġibbli;
32. Jenfasizza li, sabiex jiġu żgurati l-appoġġ soċjali u ekonomiku u l-kooperazzjoni taċ-ċittadini Ewropej, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jippromwovu b'mod intensiv il-possibilitajiet li joħorġu mill-integrazzjoni ekonomika Ewropea u jbiddlu l-perċezzjonijiet popolari tas-suq waħdieni billi jagħmlu n-nies konxji tiegħu u kapaċi jifhmu l-benefiċċji li joffrilhom u l-mezzi biex jitlobu b'mod effikaċi d-drittijiet tagħhom; għalhekk, jemm li huwa importanti li s-setturi b'impatt dirett fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tal-konsumatur għandhom ikunu fiċ-ċentru tas-suq waħdieni;
33. Iqis li wħud mill-problemi l-aktar evidenti li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi, speċjalment fis-settur tas-servizzi, u li jeħtieġ li tittieħed azzjoni dwarhom bħala prijorità sabiex jinkisbu riżultati ta' malajr huma: (1) aċċess għal prodotti sikuri u servizzi ta' kwalità; (2) aċċess għal informazzjoni affidabbli, komparabbli u objettiva, inkluż it-tqabbil tal-prezzijiet; (3) sigurtà u ċarezza legali akbar fir-relazzjonijiet kuntrattwali; (4) sigurtà akbar dwar ħlas; (5) aċċess għal sistemi ta' rimedju adegwati, għall-but ta' kulħadd u effikaċi, u (6) għarfien aħjar u fiduċja akbar fir-rigward tas-sistema;
34. Isostni li ċ-ċittadini mhux qed jingħataw informazzjoni biżżejjed dwar il-leġislazzjoni tas-suq waħdieni u d-disponibilità u l-infurzar tad-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-bżonn li jiġu organizzati l-websajts relevanti, is-SOLVIT u l-punti ta' kuntatt b'mod iktar effikaċi; jemmen li hemm bżonn ta' koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar ta' tali inizjattivi, minħabba li s'issa ma rnexxilhomx jilħqu l-udjenza indirizzata tagħhom; jenfasizza r-rwol tal-portal tal-Kummissjoni “L-Ewropa Tiegħek” li jagħti tagħrif kemm liċ-ċittadini u kemm lin-negozji dwar aspetti ta' opportunitajiet ta' għajxien, xogħol u negozju fl-Unjoni Ewropea; jipproponi li l-offerti eżistenti jissaħħu minflok ma jinħolqu punti ta' kuntatt ġodda;
35. Jemmen li approċċ responsabbli mid-dinja tan-negozju, b'rispett għall-prinċipju tar-responsabilità tal-kumpaniji, ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi se jgħin biex inissel fiduċja fil-konsumaturi, u dan hu l-minimu meħtieġ jekk għandu jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi;
36. Isostni li l-inizjattivi għal integrazzjoni ekonomika jirnexxilhom isseħħu aħjar jekk iċ-ċittadini jkunu konvinti li d-drittijiet soċjali tagħhom qed ikunu salvagwardjati u li l-politiki tas-suq intern se jkollhom impatt pożittiv fuq il-politiki soċjali;
37. Jiddeplora l-fatt li perċentwal żgħir biss ta' ċittadini, konsumaturi u SMEs huma konxji mill-mekkaniżmi eżistenti ta' rimedju alternattiv, jew jafu kif jirreġistraw ilment mal-Kummissjoni; jinnota li jeħtieġ li s-sistemi eżistenti għas-soluzzjoni tal-problemi għaċ-ċittadini u n-negozji bħalma hu s-SOLVIT jissaħħu skont ir-rapport tal-Parlament dwar is-SOLVIT tat-2 ta' Marzu 2010 (2009/2138(INI)); jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi proċedura mħaffa ta' ksur tat-Trattat jekk ilment tas-SOLVIT li ma jkunx ġie solvut juri, a prima facie, ksur tal-liġi Komunitarja; iħoss li hu ta' dispjaċir li, minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tal-konflitti għadhom ma ġewx stabbiliti b'mod korrett jew għadhom mhumiex joperaw b'mod sodisfaċenti;
38. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur fir-rigward taċ-ċirkulazzjoni ta' tagħrif lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom, meta jappoġġaw lill–konsumaturi fit-tilwim tal-konsumatur, u meta jippromwovu l-interessi tal-konsumatur fil-kostruzzjoni tas-suq intern;
Intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fis-suq waħdieni
39. Jafferma li l-SMEs jifformaw parti essenzjali mis-sinsla tal-ekonomija Ewropea u huma l-fatturi ewlenin għall-ħolqien ta' impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, iċ-ċaqliqa lejn ekonomija ħadra u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa; isostni li l-parteċipazzjoni attiva tal-SMEs fl-UE mkabbra hija essenzjali biex is-suq waħdieni jsir aktar innovattiv u kompetittiv, u jenfasizza li jridu jsiru sforzi akbar biex jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-suq waħdieni, biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tagħhom u biex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal intraprenditorjali tagħhom;
40. Iqis li għandhom jitneħħew iktar ostakli li jwaqqfu lill-SMEs milli jkollhom aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku bil-għan li tkompli tingħata spinta lill-kompetittività fis-suq waħdieni, speċjalment billi jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti għall-SMEs fis-sejħiet għall-offerti tal-awtoritajiet kontraenti;
41. Jinkoraġġixxi inizjattivi konġunti futuri mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex: (1) jgħinu n-negozji ż-żgħar li joperaw minn naħa għal oħra tal-fruntieri madwar l-UE; (2) iġibu tnaqqis tanġibbli fil-piżijiet amministrattivi, finanzjarji u regolatorji, partikolarment it-tfixkil amministrattiv li jiffaċċjaw l-SMEs, irrispettivament minn jekk joperawx lokalment, nazzjonalment jew fil-livell Ewropew, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità; f'dan ir-rigward jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw u japplikaw strettament il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” kif spjegat b'mod ġenerali fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar;
42. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex tgħin lill-SMEs jegħelbu s-separazzjoni lingwistika li spiss iżżommhom milli jagħmlu negozju fi Stati Membri għajr tagħhom stess, billi toffri t-tagħrif u s-servizzi kollha dwar is-suq waħdieni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea;
43. Jibqa' impenjat li jnaqqas il-“gold plating” fil-leġiżlazzjoni l-ġdida tas-suq waħdieni u jistieden lill-Istati Membri, u b'mod partikolari lill-parlamenti tagħhom, biex jibqgħu impenjati għall-ġlieda kontra l-“gold plating” meta jkunu qed jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE, peress li dawn il-piżijiet żejda huma partikolarment diffiċli għall-SMEs;
44. Jaqbel li l-implimentazzjoni xierqa tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, b'mod partikolari fir-rigward ta' applikazzjoni stretta tat-test tal-SME mill-Kummissjoni meta tkun qed tipproponi miżuri leġiżlattivi ġodda tas-suq intern u l-introduzzjoni ta' statut Ewropew għal kumpanija privata se jiggarantixxi l-integrazzjoni prattika tal-SMEs f'sistema Ewropea waħda relevanti u vijabbli;
45. Jappoġġa bil-qawwa r-regolament li jirregola r-rekwiżiti tat-traduzzjoni għall-privattiva futura tal-UE, li sa fl-aħħar se tagħmel il-Privattiva tal-UE realtà u se ssaħħaħ lill-Ewropa bħala forza li tmexxi l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fid-dinja; barra minn hekk jappoġġa l-eżami mill-ġdid tas-sistema tat-Trade Mark Komunitarja biex jinkisbu kwalità ogħla u perspetti aħjar għal din is-sistema;
46. Jinnota li l-problema l-aktar importanti għall-SMEs fi żminijiet ta' kriżi ekonomika hija l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; iħoss li hu ta' dispjaċir li b'riżultat tal-irtirar ta' banek kbar minn żoni rurali u b'popolazzjoni baxxa jew li huma ekonomikament dgħajfa inħolqot problema maġġuri għall-SMEs fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol importanti tal-banek tat-tfaddil u d-diversi movimenti kooperattivi fir-rigward tal-finanzjament tal-ekonomija reġjonali, kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-ekonomija soċjali tas-suq fil-forma tal-promozzjoni li jagħmlu ta' proġetti etiċi u soċjali;
47. Jaqbel li l-proċedura ta' notifika li ddaħħlet bid-Direttiva 98/34/KE hija għodda effiċjenti ħafna biex tittejjeb il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq naħa waħda u biex jiġu evitati l-ostakli fis-suq waħdieni, b'mod partikolari għall-SMEs fuq in-naħa l-oħra; jemmen li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-mekkaniżmu billi tagħti bidu għal proċedura ta' infrazzjoni li ssir aktar malajr mis-soltu jekk Stat Membru ma jikkonformax ma' opinjoni dettaljata maħruġa mill-Kummissjoni jew jekk ma jirreaġixxix għal opinjoni dettaljata maħruġa minn Stat Membru;
48. Jemmen li politiki ekonomiċi u soċjali differenti bħalma huma l-politiki tal-baġit, tat-taxxa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka għandhom jiġu kkoordinati fil-livell tal-UE;
Sjieda u infurzar tal-leġislazzjoni tas-suq waħdieni u regolamentazzjoni aħjar
49. Jasserixxi li, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, parti sustanzjali tar-responsabilità amministrattiva u legali għas-suq waħdieni tinsab f'idejn l-Istati Membri u, fejn xieraq, f'idejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, li flimkien ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, għandhom għalhekk jieħdu sjieda reali is-suq waħdieni Ewropew u l-ġestjoni tiegħu;
50. Jargumenta li t-Tabelli tal-Valutazzjoni tas-Suq Intern u t-Tabelli tal-Valutazzjoni tal-Konsumatur jikxfu b'mod ċar li l-Istati Membri għad ma rnexxilhomx jilħqu l-objettivi tagħhom biex jitrasponu, japplikaw u jinfurzaw il-leġislazzjoni tas-suq waħdieni b'mod korrett u li hemm dewmien fit-traspożizzjoni tal-liġijiet Ewropej, u dan idgħajjef is-sitwazzjoni ta' kondizzjonijiet indaqs għal kulħadd li huma essenzjali għal suq intern li jiffunzjona tajjeb, speċjalment fis-settur tas-servizzi;
51. Jinnota li l-frammentazzjoni gradwali tar-regoli u l-inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni fl-UE qegħdin juru dejjem iżjed li huma ta' ħsara biex jitlesta s-suq waħdieni; jinnota li l-UE għad trid tadotta sett ta' politiki koerenti b'mod intern maħsuba biex ineħħu ostakli diretti u indiretti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern;
52. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal “regolamentazzjoni aħjar” li ssaħħaħ l-effettività tar-regoli u l-applikazzjoni xierqa tagħhom mill-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli żżomm l-impetu tagħha hawnhekk, minħabba li l-implimentazzjoni mgħaġġla ta' din l-istrateġija tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-suċċess tat-tnedija mill-ġdid tas-suq waħdieni;
53. Jieħu nota tal-kunċett il-ġdid ta' “regolamentazzjoni intelliġenti”, kif introdott fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-UE 2020;
Kisbiet Rwol istituzzjonali aktar b'saħħtu biex jiġu stabbiliti u implimentati r-regoli tas-suq waħdieni
54. Jipproponi li, bil-ħsieb li jittejbu t-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni tas-suq waħdieni, il-Kummissjoni toħloq sħubija bejn il-partijiet interessati kollha involuti fil-formazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' tali leġiżlazzjoni, permezz tal-użu ta' mekkaniżmi ġodda bħalma huwa l-forum annwali propost għas-suq waħdieni;
55. Jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura implimentazzjoni u traspożizzjoni xierqa permezz ta' monitoraġġ aktar sistematiku u indipendenti sabiex jitħaffu u jitmexxew “il quddiem il-proċedimenti ta' ksur; issostni li d-dewmien biex jitranġaw il-proċedimenti ta' ksur se jkollu effett negattiv fuq l-interessi taċ-ċittadini fis-suq waħdieni;
56. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa modi ġodda, minbarra l-proċeduri formali rigward ksur, biex jittejbu t-traspożizzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-suq waħdieni; f'dan il-kuntest, jitlobha tqis mekkaniżmi innovattivi, bħalma hi l-proċedura ta' valutazzjoni reċiproka prevista fid-Direttiva tas-Servizzi, biex jiġu inkuraġġiti r-reviżjoni mill-pari u s-sjieda tal-Istati Membri, kif ukoll biex ittejjeb mekkaniżmi informali għas-soluzzjoni tal-problemi bħalma huma s-SOLVIT u l-EU-PILOT li jkunu ta' benefiċċju sinifikanti għaċ-ċittadini li kuljum jiffaċċjaw frustrazzjonijiet fis-suq waħdieni;
57. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni akbar fir-rigward tal-evalwazzjoni u s-simplifikazzjoni sistematiċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-suq waħdieni, filwaqt li tneħħi l-burokrazija kulfejn ikun fattibbli, u dan ikun ta' benefiċċju kemm għaċ-ċittadini u kemm għall-intrapriżi;
58. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura koordinazzjoni xierqa u taħdem f'kollaborazzjoni mal-Parlament u l-Istati Membri, kif ukoll ma' sħab kummerċjali maġġuri u ma' assoċjazzjonijiet tan-negozji u tal-konsumaturi, fis-sorveljanza tas-suq tal-oġġetti u fl-infurzar transkonfinali tal-liġi tal-ħarsien tal-konsumatur u biex tinforma lill-konsumaturi u ċ-ċittadini Ewropej b'mod iktar effikaċi;
59. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel eżerċizzju indipendenti biex tidentifika l-aktar 20 kawża ta' skuntentizza u frustrazzjoni relatati mas-suq waħdieni li jiltaqgħu magħhom kuljum iċ-ċittadini, b'mod partikolari fis-suq tax-xogħol, fir-rigward tal-kummerċ elettroniku, il-kura medika transkonfinali, ix-xiri u l-kiri ta' vetturi, it-trasferiment tal-pensjoniiet, ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, il-kustodja, l-adozzjoni, il-manteniment u l-allowances tat-tfal;
60. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti ħalli jinħoloq mekkaniżmu aħjar għar-reviżjoni ta' kif ir-regoli tas-suq waħdieni japplikaw fil-prattika fil-livelli kollha fl-Stati Membri differenti, u kif iċ-ċittadini u n-negozji huma mogħtija s-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq waħdieni;
61. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti aktar għajnuna lill-Istati Membri, u fejn xieraq, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom ħalli tiġi faċilitata konformità xierqa mal-istandards tal-UE; jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE b'mod ġenerali jridu jissikkaw ir-regoli u jinkuraġġixxu lill-Istati Membri biex itejbu t-traspożizzjoni tal-liġijiet b'mod korrett u f'waqtu, sabiex jiġi żgurat li l-istess regoli japplikaw fl-Unjoni kollha;
62. Jappella biex ir-rwol tal-Parlament jissaħħaħ fl-oqsma tal-applikazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ tal-leġislazzjoni tas-suq waħdieni; iqis li r-rwol imtejjeb tal-PE u tal-parlamenti nazzjonali skont it-Trattat ta' Liżbona jrid iġib miegħu sinerġiżmu aħjar bejn iż-żewġ livelli parlamentari;
63. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw koordinazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki aħjar fis-suq waħdieni, b'mod partikolari permezz tas-sistema ta' tagħrif tas-suq intern u t-taħriġ ta' speċjalisti tas-suq waħdieni u l-ħarsien tal-konsumatur fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;
64. Jinsisti li l-Kummissjoni tiżgura: skrutinju indipendenti tal-proposti regolatorji fir-rigward tal-kwalità tagħhom; l-adozzjoni ta' mekkaniżmi ex-ante u ex-post biex tiġi aċċertata l-effikaċja tal-leġislazzjoni; l-użu ta' punti ta' riferiment marbuta mal-aħjar prattiki internazzjonali; l-użu ta' valutazzjoni tal-konformità biex jitkejjel l-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;
Miżuri meħtieġa biex iċ-ċittadini u l-SMEs ikunu informati u mogħtija s-setgħa b'mod aktar effikaċi fis-suq waħdieni
65. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġija ta' komunikazzjoni mmirata li tiffoka fuq il-problemi ta' kuljum li ċ-ċittadini jiltaqgħu magħhom meta jmorru joqogħdu u jibdew impjieg fi Stat Membru ieħor, speċjalment meta jagħmlu transazzjonijiet transkonfinali, jiċċaqalqu, jixtru jew ibigħu minn fruntiera għal oħra, u l-istandards soċjali, ta' saħħa, ta' ħarsien tal-konsumatur u protezzjoni ambjentali li jistgħu jserrħu fuqhom; iqis li din l-istrateġija ta' komunikazzjoni għandha tinkludi espressivament metodi għas-soluzzjoni ta' problemi bħalma hu s-Solvit;
66. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-istandards użati għall-prodotti fi ħdan is-suq waħdieni jsiru l-istandard globali prinċipali, u b'hekk ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji Ewropej, u b'mod partikolari l-SMEs, li jkunu jixtiequ joperaw lil hinn mis-suq waħdieni;
67. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tippjana l-attivitajiet annwali tagħha, tiffoka fuq il-prijoritizzazzjoni ta' leġiżlazzjoni relatata mas-suq waħdieni li tkun “favur il-konsumatur” u li tagħmel differenza fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej; jemmen li din il-prijoritizzazzjoni trid tiġi segwita b'kampanji ta' tagħrif adegwati sabiex jissaħħu l-perċezzjonijiet taċ-ċittadini dwar is-suq waħdieni;
68. Itenni li huwa importanti li paripassu mal-attivitajiet emblematiċi tal-istil ta' “kampanja ta' pubbliċità” tal-istituzzjonijiet tal-UE jew ir-relazzjonijiet pubbliċi deċentralizzati tal-Istati Membri, jitmexxew miżuri li jassoċjaw b'mod aħjar il-partijiet interessati lokali u l-midja nazzjonali, reġjonali u lokali (filwaqt li jiġu enfasizzati b'mod speċjali l-midja lokali), li huma aktar iffokati fuq il-problemi ta' kuljum li jesperjenzaw il-konsumaturi fis-suq waħdieni (eżempji ta' tariffi bankarji fi Stat Membru ieħor, studju dwar il-possibilitajiet ta' tibdil tal-operatur, paraguni tal-ispejjeż tat-telefonija, eċċ.);
69. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi serje regolari ta' studji li jesploraw ir-relazzjoni bejn is-suq waħdieni u ċ-ċittadin Ewropew medju, li jkunu jiffokaw b'mod partikolari fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji li joħorġu minn din ir-relazzjoni, kif ukoll l-isfidi ta' kuljum li huma jiffaċċjaw;
70. Jistieden lill-Istati Membri, biex bl-għajnuna tal-Kummissjoni jtejbu l-kapaċità ta' mekkaniżmi li jsovu l-problemi, b'mod partikolari s-SOLVIT, billi jallokaw aktar riżorsi finanzjarji u umani u billi jeżaminaw mill-ġdid il-mandat tagħhom sabiex jiżguraw li dawn il-mekkaniżmi jkunu jistgħu jindirizzaw b'mod effikaċi l-firxa wiesgħa ta' problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji; jistieden lill-Kummissjoni biex tlesti l-proġett tas-servizzi ta' assistenza għas-suq waħdieni bħala kwistjoni ta' prijorità, sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess faċli għat-tagħrif u l-iggwidar li jeħtieġu, filwaqt jsibu soluzzjonijiet għall-problemi li jiffaċċjaw;
71. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex jibqgħu għaddejjin bl-isforzi tagħhom u jżiduhom, permezz ta' kampanji ta' tagħrif u kontrolli aktar stretti, fit-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-marka tas-CE, għodda fundamentali biex ikunu żgurati d-drittijiet tal-konsumatur u l-istandards ta' kwalità fis-suq waħdieni;
72. Jenfasizza r-rwol ewlieni li jwettaq l-“Enterprise Europe Network” billi jagħmilha possibbli għall-SMEs li jagħmlu użu tal-opportunitajiet offruti mis-suq waħdieni; jenfasizza li l-obbligi burokratiċi jirrikjedu riżorsi importanti u minħabba f'hekk iżommu milli jkun hemm fokus aktar qawwi fuq il-ħidma ewlenija tal-“Enterprise Europe Network” li jipprovdi appoġġ imfassal apposta għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar użu tal-“Enterprise Europe Network” għad-distribuzzjoni ta' tagħrif b'miri speċifiċi u biex tnaqqas il-burokrazija għas-sħab tal-“Enterprise Europe Network”;
Rapporti u proposti strateġiċi
73. Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li l-istrateġija għas-suq waħdieni għandu jkollha erba' stadji: l-ewwel li tinkludi valutazzjoni jew kontroll tas-saħħa tas-sitwazzjoni attwali biex jiġi eżaminat il-grad ta' tgħawwiġ u pressjoni li d-diversi partijiet li għandhom interess fis-suq waħdieni sofrew, notevolment minħabba l-kriżi; it-tieni biex tara t-tnedija ta' proċess ta' konsolidazzjoni li jorbot it-truf maħlula; it-tielet biex iġġib żvilupp u titjib tas-suq waħdieni; u r-raba' biex tikkonċentra fuq viżjoni iktar fit-tul tas-suq (l-Istrateġija UE 2020);
74. Jemmen li kemm is-servizzi finanzjarji kif ukoll l-aċċess għall-finanzjament iridu jkunu parti mill-istrateġija UE 2020.
75. Jissuġġerixxi li fl-ewwel stadju tal-kontroll tas-saħħa msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tmexxi verifika finanzjarja tal-baġit tal-UE u talloka bħala prijorità aktar fondi bħala investimenti fl-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-istess prijoritajiet fl-infieq tal-baġit tagħhom;
76. Jemmen li, biex jiġi stabbilit Suq Waħdieni effikaċi, il-Kummissjoni trid tipproduċi ġabra ċara ta' prijoritajiet politiċi permezz tal-adozzjoni ta' “Att dwar is-Suq Waħdieni”, li għandu jkopri kemm l-inizjattivi leġiżlattivi u kemm dawk mhux leġiżlattivi u li jkun intenzjonat biex joħloq suq soċjali u ekonomija ħadra kompetittivi ħafna;
77. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta “l-Att” sa Mejju 2011 – ferm qabel l-20 anniversarju tal-Programm għal Suq Waħdieni tal-1992 – biex iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs jitqiegħdu fil-qalba tas-suq waħdieni; jenfasizza li għandu jitqies bħala pjan dettalljat għal azzjoni fil-ġejjieni jekk għandna niksbu ekonomija tas-suq li tkun ibbażata fuq l-għerf, kompetittiva ħafna, soċjali, ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u ħadra li tiżguraw wkoll kundizzjonijiet li kredibbilment ikunu ndaqs għal kulħadd;
78. Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-“Att dwar is-Suq Waħdieni” tinkorpora miżuri speċifiċi li jkunu indirizzati biex, imma mhux limitati għal:
–
iqiegħdu l-interessi tal-konsumatur imsemmijin fl-Artikolu 12 Trattat FUE u l-politika soċjali bbażata fuq l-Artikolul 9 Trattat FUE fil-qalba tas-suq waħdieni;
–
ipoġġu lis-suq waħdieni f'kundizzjoni tajba għall-ġejjieni billi jtejbu l-aċċess tal-konsumatur u l-SMEs għall-kummerċ elettroniku u s-swieq diġitali;
–
jappoġġaw il-ħolqien ta' suq waħdieni sostenibbli bbażat fuq l-Artikolu 11 Trattat FUE permezz tal-iżvilupp ta' ekonomija inklussiva, b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, ħadra u bbażata fuq l-għerf, flimkien ma' miżuri biex titmexxa l-quddiem kwalunkwe innovazzjoni f'teknoloġiji aktar ġodda;
–
jiżguraw il-protezzjoni tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fuq il-bażi tal-Artikolu 14 Trattat FUE u l-Protokoll 26;
–
joħolqu strateġija għal komunikazzjoni aħjar tal-benefiċċji soċjali tas-suq waħdieni;
79. Jistieden lill-Kummissjoni, fit-tħejjija tal-“Att dwar is-Suq Waħdieni, biex tqis il-konsultazzjonijiet u r-rapporti tad-diversi istituzzjonijiet tal-UE (UE 2020, ir-rapporti Monti, Gonzales u IMCO, eċċ.), u biex tniedi konsultazzjoni pubblika estensiva addizzjonali, bil-għan li titressaq proposta għal politika koordinata għal suq waħdieni aktar koerenti u vijabbli;
80. Jirrakkomanda li ssir analiżi biex jiġu identifikati l-modi u l-mezzi għall-integrazzjoni tal-interess tal-konsumatur fil-politiki relevanti tal-UE, biex b'hekk il-protezzjoni tal-konsumatur awtomatikament ikollha post prominenti fit-tfassil tal-leġislazzjoni relevanti tal-UE;
81. Itenni l-importanza tad-Direttiva dwar is-Servizzi fit-tlestija tas-suq waħdieni u l-potenzjal enormi li għandha biex tipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi u l-SMEs; jenfasizza li l-implimentazzjoni b'suċċess ta' din il-leġiżlazzjoni tirrikjedi impenn u appoġġ politiċi sostnuti mill-atturi kollha fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara l-fażi ta' implimentazzjoni, twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi biex tistabbilixxi jekk laħqitx l-għanijiet ewlenin tagħha; jitlob li jkun hemm involviment ċar tal-Parlament Ewropew f'din il-ħidma u jinsisti fuq il-bżonn li jiġi preżervat il-bilanċ bejn il-ħtieġa li jittejjeb is-suq waħdieni fis-servizzi waqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni soċjali;
82. Jikkonsidra li implimentazzjoni xierqa tal-leġislazzjoni dwar is-suq waħdieni (eż. id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, id-Direttiva dwar is-Servizzi u r-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Swieq) għandha tibqa' l-ogħla prijorità għall-Kummissjoni l-ġdida;
83. Jinnota li l-mekkaniżmi ta' rimedju applikabbli fl-Unjoni taw riżultati limitati u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, sa Mejju 2011, tressaq proposta leġislattiva biex tiżgura l-implimentazzjoni ta' sistema ta' rimedju kollettiv li tkun għall-but ta' kulħadd, espedjenti u aċċessibbli fl-Ewropa kollha kemm hi;
84. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-adozzjoni ta' “Karta għaċ-ċittadini” li tkun tħaddan l-aspetti diversi tad-dritt li wieħed jgħix u jaħdem kullimkien fl-UE; isostni li dan id-dritt irid ikun faċilment disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; jenfasizza li fis-suq waħdieni għad fadal ċerti restrizzjonijiet fil-qasam tax-xogħol għall-ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda; jistieden lill-Istati Membri biex, waqt li jqisu l-effetti pożittivi u negattivi kollha tal-ftuħ tas-swieq nazzjonali, jikkunsidraw li jneħħu r-restrizzjonijiet eżistenti;
85. Jistieden lill-Kummissjoni biex, waqt il-leġiżlatura parlamentari attwali, tressaq quddiem il-Parlament u l-Kunsill proposta għal regolament dwar Statut Ewropew għas-Soċjetajiet u l-Assoċjazzjonijiet Mutwi;
86. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi li hemm bżonn biex, mill-aktar fis possibbli, tipproponi studju dwar il-fattibilità u proċess ta' konsultazzjoni maħsuba biex iwasslu għall-introduzzjoni ta' Statut Ewropew għas-Soċjetajiet Mutwi;
87. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka aktar mill-qrib fuq il-monitoraġġ tas-suq, speċjalment fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji, l-assigurazzjoni, it-telefonija, is-servizzi bankarji u l-utilitajiet, u jemmen li l-monitoraġġ effettiv tas-swieq se jsaħħaħ il-kompetizzjoni ġusta u jżid l-effiċjenza tagħhom, biex b'hekk jibbenefikaw kemm l-ekonomija kif ukoll il-konsumaturi;
88. Hu tal-fehma li l-kwalità tal-protezzjoni tal-konsumatur fis-settur tas-servizzi finanzjarji tirrikjedi titjib konsiderevoli, speċjalment fir-rigward tal-aspetti ta' monitoraġġ u sorveljanza;
89. Isostni li żvilupp sostenibbli kontinwu tas-suq intern jiddependi minn: (1) l-impenn kontinwu tal-Kummissjoni rigward l-inizjattivi kollha tas-suq meħtieġa biex iqanqlu u jtejbu b'mod sinifikanti l-pożizzjoni u l-vantaġġ kompetittiv tagħna fis-suq globali; (2) l-adozzjoni ta' qafas ġenerali biex jiġi żgurat li s-suq waħdieni tabilħaqq jagħti riżultati lill-partijiet interessati kollha; u, fundamentalment, (3) il-fatt li s-suq waħdieni jilħaq ukoll liċ-ċittadini;
o o o
90. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej
329k
102k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar id-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej (2009/2099(INI))
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kumissjoni tat-2 ta' April 2009 bl-isem “Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji” (COM(2009)0158),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2006 bl-isem “Inwasslu għar-Riżultati tal-Aġenda ta' Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: l-Edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni” (COM(2006)0208),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza maħruġa wara l-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza maħruġa wara l-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008, b'mod partikolari l-parti dwar “investiment fin-nies u mmodernizzar tas-swieq tax-xogħol”,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza maħruġa wara l-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009, b'mod partikolari l-parti dawr “l-użu sħiħ tal-Istrateġija mġedda ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi”,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 dwar kompetenzi ġodda għal impjiegi ġodda(1),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 bl-isem “It-tagħlim għall-adulti: qatt ma huwa tard wisq biex titgħallem”(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar il-Proċess ta' Bolonja u l-mobilità tal-istudenti(4),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-4 ta' Diċembru 2009 dwar id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji(5) u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009(6),
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew bl-isem “L-iżvilupp ulterjuri tad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji”,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0108/2010),
A. billi l-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 stieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu s-sħubijiet bejn in-negozji, ir-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ,
B. billi l-Komunikazzjoni tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-edukazzjoni għolja, tat-28 u d-29 ta' April 2009, li titlob lill-politiki pubbliċi “jirrikonoxxu bis-sħiħ il-valur ta' diversi missjonijiet tal-edukazzjoni għolja, li jvarjaw mit-tagħlim u r-riċerka għas-servizz mogħti lill-komunità u li jinkludu wkoll l-impenn għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp kulturali”,
C. billi l-universitajiet, fid-dawl tal-irwol triplu tagħhom (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni), għandhom irwol essenzjali għall-futur tal-Unjoni u tat-taħriġ taċ-ċittadini tagħha u billi huwa importanti li wieħed ifakkar li l-irwol tat-tagħlim fil-livell superjuri huwa li joffri ambjent ta' tagħlim li jiffavorixxi –l-awtonomija, il-kreattività u l-valorizzazzjoni tal-kompetenzi,
D. billi r-responsabbiltà għad-definizzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni tibqa' kompitu tal-Istati Membri, li huma responsabbli għall-organizzazzjoni, il-kontenut u r-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom,
E. billi d-differenzi fil-livell ekonomiku u soċjali tal-abitanti ta' partijiet differenti tal-Ewropa jitolbu għall-opportunitajiet indaqs għall-edukazzjoni għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u jappoġġjaw liż-żgħażagħ li huma ifqar u li għandhom talent,
F. billi minħabba l-kriżi ekonomika kontinwa, li qed twassal għal telf ta' impjiegi, hu importanti li jkun hemm kooperazzjoni effettiva ħafna bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u n-negozji,
G. billi huwa urġenti li jiġi implimentat, ikkoordinat u promoss approċċ koerenti fost il-pajjiżi kollha li ffirmaw il-Proċess ta' Bolonja, speċjalment fil-qasam tal-mobbiltà tal-istudenti u r-rikonoxximent sħiħ tal-kwalifiki u billi dan jeħtieġ evalwazzjoni xierqa tal-proċess imsemmi li jidentifika d-diffikultajiet u l-ostakli,
H. billi l-Kummissjoni Ewropea għandha rwol importanti fil-faċilitazzjoni tal-iskambji tal-informazzjoni u tal-prattiki tajbin fost l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tal-UE,
I. billi l-firxa mżewqa ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, ċrieki tan-negozju u tipi ta' kooperazzjoni tagħmilha diffiċli li jsir qbil dwar mudell ideali tal-kooperazzjoni li jaqdi l-profil, il-prijoritajiet u r-rekwiżiti ta' kull istituzzjoni fl-Ewropa, billi l-awtononija tal-universitajiet u tal-fakultajiet tagħhom li jagħżlu l-mudelli ta' sħubija man-negozji li jwieġbu l-aħjar għall-objettivi tagħhom għandhom ikunu miżmuma fiċ-ċirkustanzi kollha,
J. billi l-edukazzjoni hija missjoni li s-soċjetà kollha kemm hi hija responsabbli minnha u, għalhekk l-Istat m'għandux jaħrab mir-responsabilitajiet finanzjarji tiegħu,
K. billi l-edukazzjoni għolja tibqa' responsabilità pubblika u billi għalhekk il-finanzjament pubbliku tal-universitajiet huwa kruċjali biex jiġi assigurat finanzjament ġust għall-oqsma kollha, pereżempju l-istudji letterarji, billi huwa importanti li l-universitajiet jingħataw l-appoġġ finanzjarju (pereżempju permezz ta' sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat), filwaqt li fl-istess ħin tiġi ggarantita l-awtonomija u l-assikurazzjoni tal-kwalità tagħhom,
L. billi l-edukazzjoni u t-taħriġ, li għandhom jippermettu li tinkiseb il-bażi fundamentali tal-kulturi ġenerali u ċivili, huma mezzi eċċelenti biex jgħinu lir-reġjuni sottożviluppati biex jirkupraw, u apparti l-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-kompetittività, huma essenzjali għall-pluralità kulturali u intelletwali u l-ħajja ċivili,
M. billi l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji hija mirfuda minn bosta programmi tal-UE, imma l-azzjonijiet ta' dan it-tip mhux dejjem ikunu kkoordinati fost l-istituzzjonijiet,
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija hawn fuq bl-isem “'Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet tal-Ewropa: Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji”, u l-oqsma li tipproponi biex tiffoka l-kooperazzjoni fil-ġejjieni;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li tiżen l-ewwel tliet snin ta' ħidma tal-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji u li tistabilixxi l-isfidi għall-futur, bħalma huwa l-appoġġ għall-innovazzjoni, il-promozzjoni tar-riċerka, il-ħolqien tal-intraprenditorija, it-tisħiħ tat-trasferiment tal-għarfien u t-tħajjir ta' riċerkaturi żgħażagħ lejn is-suq tax-xogħol Ewropew;
3. Jirrikonoxxi li l-isfidi identifikati fil-komunikazzjoni mhumiex ġodda, u li s'issa ma ġewx indirizzati b'suċċess; jemmen, madankollu, li d-djalogu u l-kollaborazzjoni kontinwi, f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattika dwar programmi u istrumenti, huma essenzjali għall-ħolqien ta' rabtiet u sħubijiet eqreb bejn l-università u l-komunitajiet tan-negozju, sabiex b'hekk jingħelbu l-ostakli kulturali, istituzzjonali u operattivi li jista' jkun hemm bejniethom, kif ukoll tingħata għajnuna għall-ħolqien ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien, għall-iżvilupp ta' riċerka applikata u għat-titjib tal-prospetti tas-suq tal-impjiegi għall-gradwati;
4. Jirrikonixxi l-fatt li hemm differenzi kbar fost l-universitajiet Ewropej fir-rigward tad-daqs, tar-riżorsi, tad-dixxiplini, tal-organizzazjoni, tan-nazzjonalità u tat-tip tagħhom; jemmen, madankollu, li kull waħda minnhom tista' tibbenefika individwalment minn kollaborazzjoni mal-komunità tan-negozju, sakemm ikun hemm għarfien ċar tal-kuntest reali li fih huma żviluppati l-kapaċitajiet tagħhom għar-riċerka u l-edukazzjoni; huwa tal-fehma li qed jingħata kontribut ewlieni għall-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-komunità tan-negozju wkoll fil-livell reġjonali;
5. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-edukazzjoni għolja, tat-28 u d-29 ta' April 2009, li tenfasizza l-impenn tagħhom biex jilħqu l-għanijiet taz-zona Ewropea tal-edukazzjoni għolja, zona fejn l-edukazzjoni għolja hija responsabilità pubblika u fejn l-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni sekondarja huma attenti għall-ħtiġijiet tas-soċjetà b'mod ġenerali permezz tad-diversità tal-missjonijiet tagħhom;
6. Japprova l-fehma li d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jibqgħu prijoritajiet fil-ġejjieni qrib, bl-istess mod li d-djalogu u l-koperazzjoni mas-setturi l-oħra kollha tas-soċjetà, sabiex il-partijiet jistgħu jibbenefikaw minn għarfien kulturali, xjentifiku u tekniku, magħmul u mferrex fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja; jenfasizza b'mod parallel f'dan il-kuntest li l-indipendenza intellettwali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fir-rigward tal-intrapriżi għandha tkun miżmuma u m'għandhiex ikollha relazzjoni ġerarkika bejn l-edukazzjoni għolja u n-negozji; jenfasizza li l-universitajiet għandhom fiċ-ċirkustanzi kollha jżommu l-awtonomija biex jiddeċiedu dwar il-kurrikulu u lill-istrutturi tal-governanza;
7. Jitlob għall-għarfien u azzjoni konkreta fl-Istati Membri fejn il-qafas legali u finanzjarju għadu jonqos milli jippremja jew jista' saħansitra jtellef l-isforzi tal-universitajiet milli jikkoperaw mas-settur tan-negozju;
8. Jenfasizza li d-djalogu università–negozju m'għandux ikun limitat għas-setturi tal-matematika, tax-xjenza u tat-tekniki biss iżda għandu jikkonċerna wkoll l-oqsma kollha, pereżempju l-istudji letterarji;
9. Iqis li huwa neċessarju li jissaħħu kemm l-interdixxiplinarità u t-transdixxiplinarità tal-programmi ta' edukazzjoni u riċerka u kemm il-koperazzjoni bejn l-universitajiet u li, minn din il-perspettiva, l-ICT huma għodda essenzjali;
10. Jitlob għal titjib tal-prestazzjoni tal-universitajiet Ewropej permezz tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-triangolu tal-għarfien “riċerka-edukazzjoni-innovazzjoni”, fil-qies tal-ħtieġa għal rabtiet aqwa bejn in-negozji u l-universitajiet, hekk kif jagħtu eżempju l-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjon (KICs) tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u fl-istess waqt, jinkoraġġixxi lill-universitajiet biex jinkludu l-ambjent ekonomiku u soċjali fl-attività ewlenija tagħhom fl-ambitu tal-programmi tagħhom ta' riċerka u innovazzjoni;
11. Jenfasizza li djalogu u kollaborazzjoni mtejba bejn l-universitajiet u n-negozji jagħtu opportunitajiet ħalli jinkisbu benefiċċji reċiproki li mhux biss jistimulaw tkabbir ekonomiku, iżda huma wkoll ta' siwi f'sens soċjali iwsa' billi jikkontribwixxu għat-titjib kostanti ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien;
12. Jenfasizza li l-benefiċċji ta' djalogu u kollaborazzjoni mtejba bejn l-universitajiet u n-negozji jkunu daqstant rilevanti f'termini tat-titjib tad-djalogu u tal-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll fit-titjib tal-interazzjoni bejn l-universitajiet u s-soċjetà in ġenerali;
13. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex, flimkien mas-settur privat, jissoktaw fl-esplorazzjoni u fil-finanzjament ta' proċessi għat-titjib tal-interazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju u għat-tneħħija tal-ostakli amministrattivi li jxekkluhom jinnota li r-regolament dwar il-Fond Strutturali jagħti l-possibilità ta' finanzjament ta' miżuri ta' appoġġ għall-SMEs fuq l-istess linji tas-sistema ta' vawċers ta' għarfien li jintużaw bħalissa f'għadd ta' Stati Membri;
14. Jipproponi li tingħata attenzjoni partikolari għall-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għar-riċerka universitarja, billi fl-istess waqt jiżdiedu l-finanzjamenti pubbliċi u jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi;
15. Jenfassizza l-ħtieġa li l-ħidma investigattiva u ta' riċerka tingħata prestiġju u motivazzjoni, mhux biss fl-oqsma xjentifiċi u tekniċi iżda wkoll fl-oqsma tax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi li jikkostitwixxu minjiera ta' għarfien ta' kwalità għall-attivitajiet kummerċjali ewlenin;
16. Jappoġġja r-rwol tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jagħmlu xogħol ta' riċerka billi jqisu prijoritarju fir-rigward tan-netwerks ta' eċċellenza bbażati fuq proġetti integrati kbar;
17. Jappella lill-intrapriżi u lill-universitajiet biex jikkoperaw biex jirrimedjaw għat-tqassim inugwali tal-irġiel u n-nisa f'ċertu setturi tal-università;
Tagħlim tul il-Ħajja
18. Ifakkar fl-importanza tad-definizzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-bosta kunċetti li tkopri, mill-edukazzjoni ġenerali għall-edukazzjoni nonformali u informali utli għall-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ kontinwu fil-ħajja ekonomika, soċjali, kulturali, u ċivika;
19. Jenfasizza li, billi t-tagħlim tul il-ħajja li jagħti aċċess kostanti mhux biss għall-edukazzjoni u t-taħriġ iżda wkoll għall-kultura, huwa kruċjali li l-Unjoni Ewropea tinkoraġġixxi li l-Istati jappoġġjaw, u li l-universitajiet pubbliċi jħarsu u jiżviluppaw, l-inklużjoni tal-istudji artistiċi fil-programmi edukattivi;
20. Ifakkar li wieħed mill-messaġġi ewlenin huwa li jogħla l-livell tal-investiment fir-riżorsi umani tal-Ewropa, biex nagħtu l-prijorità lill-aktar assi importanti tal-UE – niesha, li jistgħu jadottaw għaċ-ċirkostanzji dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol;
21. Jinnota l-ħtieġa li l-opportunitajiet tat-tagħlim tul il-ħajja jkunu jikkorrispondu kemm jista' jkun mal-ħtiġijiet tal-individwi, u jenfasizza li t-tibdil kostanti ta' dawk il-ħtiġijiet jagħmel it-tagħlim tul il-ħajja ħtieġa inevitabbli u għalhekk huwa partikolarment attent għall-isfidi li jirriżultaw fil-livell soċjali u finanzjarju; ifakkar li m'għadhiex tgħodd l-idea ta' “impjieg wieħed tul il-ħajja” u li t-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid huma essenzjali; itenni li jeħtieġ jinħolqu kundizzjonijiet adegwati biex titrawwem attitudni pożittiva fir-rigward tat-tagħlim mit-tfulija;
22. Jenfasizza li l-edukazzjoni, l-informazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajjja, minbarra li huma vantaġġi partikolarment importanti għas-suq tax-xogħol, jipprovdu wkoll prekundizzjoni għall-iżvilupp u għall-iżvilupp mentali u l-iżvilupp personali sħiħ tal-individwu;
23. Jenfasizza kemm huwa importanti li jinħolqu u jiġu promossi metodi moderni ta' taħriġ tul il-ħajja permezz tal-Internet biex it-taħriġ isir strument aktar dirett u li jeħtieġ inqas ħin għall-persunal tal-intrapriżi;
24. Fid-dawl tat-trasformazzjoni demografika tal-Ewropa (f'soċjetà li qed tixjieħ) u tat-trasformazzjoni fis-suq tax-xogħol minħabba l-kriżi ekonomika, soċjali u tal-impjiegi, jistieden lill-universitajiet biex ikabbru l-aċċess għat-tagħlim u jimmodernizzaw il-programmi tagħhom billi jiffukawhom iktar fuq l-isfidi l-ġodda sabiex itejbu l-kompetenzi tal-impjegati Ewropej;
25. Wara li kkunsidra wkoll il-fatt li l-edukazzjoni hija wieħed mill-mezzi l-aktar importanti u l-aktar effikaċi ta' integrazzjoni soċjali u għall-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi, jappella lill-universitajiet biex iwessgħu l-aċċess għat-tagħlim u għall-programmi ta' skambju internazzjonali għall-persuni b'diżabilità;
26. Itenni l-importanza tat-trażmissjoni u l-iskambju tal-għarfien, ħiliet u esperjenza miksuba mill-adulti, bħala mezz li bih il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jiġu ggwidati fis-suq tax-xogħol (pereżempju permezz ta' skemi ta' “mentoring”);
27. Jipproponi li jintużaw aktar il-metodi edukattivi l-ġodda, bħalma huma t-tagħlim sperimentali, it-tagħlim b'distanza, it-taħriġ online u forom oħra mħallta ta' tagħlim;
28. Jenfasizza li jeħtieġ li tiġi stabbilita, promossa u mseddqa kultura msaħħa ta' tagħlim u li t-taħriġ kontinwu u t-taħriġ mill-ġdid fl-istadji kollha tal-ħajja huwa ta' importanza kritika għall-kompetittività tal-Ewropa u biex jiġu mħeġġa t-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa;
29. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun stimulat iktar l-adattament kontinwu għall-bdil fis-suq tax-xogħol – li hu ta' prijorità għall-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-riċessjoni attwali – billi jitrawwem it-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' korsijiet ta' tagħlim b'distanza adattati b'mod speċjali għat-teknoloġiji l-ġodda u għal korsijiet għal dawk ta' aktar minn 45 sena, li huma aktar vulnerabbli u f'riskju akbar ta' esklużjoni soċjali;
30. Iħeġġeġ lin-negozji biex iħeġġu iktar lill-imġjegati tagħhom biex jitħarrġu billi jinkoraġġixxu, pereżempju, l-organizzazzjoni ta' seminars regolari u l-iffinanzjar ta' studji post-universitarji;
31. Jissuġġerixxi approċċ ġdid għall-gwida tul il-ħajja, li permezz tiegħu l-universitajiet, l-istudenti u l-oqsma ekonomiċi u soċjali bid-diversitajiet kollha tagħhom jibbenefikaw billi jsegwu aktar mill-qrib lill-gradwati żgħażagħ biex jivvalutaw l-utilità soċjali u ekonomika tal-programmi tal-edukazzjoni;
32. Ifakkar fil-ħtieġa li t-tagħlim virtwali jkompli jsir aktar attraenti u aċċessibbli;
Mobbiltà, sħubijiet u kurrikulu
33. Itenni li l-mobbiltà hija ġebla tax-xewka tal-qasam Ewropew tal-edukazzjoni għolja, li fih l-universitajiet Ewropej huma mistiedna jwettqu riforma innovattiva, wiesgħa u metodika tal-kurrikulu; jenfasizza li dan għandu jkun prijorità politika fil-kuntest tar-ridefinizzjoni tal-għanijiet ewlenin tal-Proċess ta' Bolonja lil hinn mill-2010;
34. Jenfasizza li l-mobbiltà bejn il-pajjiżi u bejn l-universitajiet u n-negozji hija fattur ewlieni fl-ilħiq ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn iż-żewġ dinjiet;
35. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas legali maħsub biex jappoġġa u jiffaċilita l-mobbiltà bejn l-universitajiet u n-negozji, u bejn l-istudenti u l-lekċerers tal-università, u biex tenfasizza l-ħtieġa li din is-sura ta' tagħlim tkun rikonoxxuta u ċċertifikata;
36. Jenfasizza mhux biss l-estensjoni u l-espansjoni ta' skemi individwali ta' mobilità bħall-Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ u l-Erasmus għall-Apprendisti, iżda wkoll l-organizzazzjoni ta' programmi post-lawrja “European Masters of Excellence”, b'kooperazzjoni ma' universitajiet differenti u bis-sehem attiv tan-negozji, flimkien ma' boroż ta' studju għall-istudenti u inċentivi għar-riċerkaturi; jemmen li dawn l-inizjattivi jistgħu jservu għat-temma tal-miri ta' mobilità, ta' tagħlim tal-lingwa u tal-kisba ta' esperjenza multikulturali u intraprenditorjali;
37. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja jżidu l-possibilitajiet, apparti dawk universitarji, ta' tagħlim ta' lingwi oħra, fid-dawl tal-fatt li l-akkwist ta' lingwi ġodda huwa vitali biex inġibu “l quddiem u ninkoraġġixxu l-mobbiltà u l-iskambju tal-istudenti, ir-riċerkaturi, l-għalliema u l-impjegati tan-negozji;
38. Iħeġġeġ lill-universitajiet biex ifittxu metodi ġodda ta' koperazzjoni bejn l-istabbilimenti pubbliċi u s-settur privat, speċjalment permezz tal-ħolqien ta' fondi komuni ta' innovazzjoni pubbliċi u privati sabiex tittejjeb il-mobilità fis-setturi kollha;
39. Jenfasizza l-vantaġġi importanti li l-istudenti jistgħu jieħdu mill-ksib ta' kompetenzi fil-qasam tat-teknoloġiji l-ġodda, li jżidu l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tal-impjiegi;
40. Wara li kkunsidra prattiki tajba fis-seħħ fil-qasam tat-tagħlim f'pajjiżi oħra, jissuġġerixxi li pajjiżi lil hinn mill-UE jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-forum tal-UE biex jaqsmu u jiddibattu l-esperjenzi u l-ħsibijiet tagħhom, fejn dawn id-dibattiti għandhom jibbażaw fuq miri, terminoloġija u kunċetti definiti u jiffukaw fuq oqsma speċifiċi tal-attività;
41. Jenfasizza l-ħtieġa li l-għalliema inkarigati mill-korsijiet ta' tagħlim fil-qasam tal-intraprenditorija jiġu ppreparati u mħarrġa b'mod adegwat; jappoġġa l-idea li l-kultura tal-intraprenditorija tiddaħħal fil-kurrikulu (b'bidu minn dak tal-primarja);
42. Iħeġġeġ lid-dinja tan-negozju biex tieħu sehem attiv fit-tfassil tal-materjal edukattiv dwar kif jiffunzjonaw l-attivitajiet tal-intraprenditorija, li għandu jkun disponibbli għal-livelli kollha tal-edukazzjoni, bl-istituzzjonijiet ta' tagħlim ikunu ħielsa biex jiddeċiedu jekk jużawhx jew le, u biex tippreżenta fuq bażi regolari l-opportunitajiet tal-impjieg li jistgħu joffru lill-Istudenti;
43. Iħeġġeġ lid-dinja tan-negozju biex tgħin biex tadatta l-kurrikulu tal-università, billi tagħti bidu u tiffinanzja korsijiet speċifiċi, bil-għan li l-istudenti jiffamiljarizzaw rwieħhom mal-isfidi tal-intraprenditorija;
44. Jitlob li tiġi studjata u mħeġġa l-integrazzoni tal-lekċerers tal-università fl-intrapriżi u, b'analoġija, dik tal-intraprendituri fl-universitajiet;
45. Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji l-ġodda, li jiffavorixxu l-mobilità u l-koperazzjoni bejn n-negozji, l-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi aktar immedjati;
46. Ifakkar li l-intraprenditorija kummerċjali fid-diversi forom tagħha għandha tiġi prevista bħala waħda mill-alternattivi ta' xogħol għall-gradwati żgħażagħ u li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jipprovdu lill-istudenti tagħhom għarfien dettaljat dwar il-forom kollha ta' intraprenditorija, inkluż dwar l-ekonomija soċjali u solidali, kif ukoll kunċetti profondi relatati ma' ġestjoni responsabbli u etika;
47. Jenfasizza li d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju għandhom jissejsu fuq ir-reċiproċità, il-fiduċja, ir-rispett reċiproku u t-trasparenza, biex jitħeġġu universitajiet aktar intraprenditorjali u ukoll kumpaniji aktar ibbażati fuq l-għarfien; itenni li dan jista' jinkiseb, pereżempju, bl-introduzzjoni ta' sistema ta' vawċers ta' għarfien bħal dik li bħalissa qed tintuża f'għadd ta' Stati Membri, li tippermetti li l-SMEs b'mod partikulari jtejbu l-kapaċità tagħhom ta' riċerka mingħajr ma jikkompromettu l-indipendenza, l-awtonomija u n-natura pubblika tal-universitajiet;
48. Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni u r-riċerka jeħtieġ li jadottaw approċċ aktar multidixxiplinarju għall-għarfien, u għalhekk jemmen li kemm l-universitajiet kif ukoll in-negozju jistgħu jibbenefikaw mill-iżvilupp konġunt ta' ħiliet interdixxiplinarji, multidixxiplinarji u intraprenditorjali u mill-adattament flessibli ta' oqsma ta' studju, speċjalitajiet u speċjalizzazzjonijiet għall-ħtiġiet tal-ekonomja, inklużi dawk ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jenfasizza l-inizjattivi ta' suċċess bħalma huma l-apprendistati għall-istudenti u l-istaff, l-użu ta' intraprendituri mistiedna bħala professuri, korsijiet paralleli u staff konġunt;
49. Jenfasizza li sabiex jitrawwem spritu ta' intrapriża fost l-istudenti, dawk kollha involuti (staff akkademiku, studenti u nies tan-negozju) għandhom jingħataw informazzjoni adegwata dwar l-għodod u l-mekkaniżmi li jistgħu jużaw biex jiżviluppaw kooperazzjoni aktar effiċjenti, effettiva u ta' benefiċċju reċiproku; jemmen li hu essenzjali li min-naħa l-waħda jittejjeb it-taħriġ għall-istaff akkademiku universitarju f'dan is-settur permezz ta' inizjattivi bħat-tagħlim tul il-ħajja, u li min-naħa l-oħra l-universitajiet jiftħu l-bibien tagħhom għan-negozji u għal min jimpjega sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar il-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ, l-għarfien u l-ħiliet li l-istudenti għandu jkollhom;
50. Jirrakkomanda li jiġu mħarsa bis-sħiħ iċ-ċentri universitarji ta' konsulenza dwar il-karriera fil-livell istituzzjonali, li jkomplu jiġu żviluppati u li jkunu marbuta aktar mill-qrib mas-suq tax-xogħol;
51. Jenfasizza l-importanza li jingħataw opportunitajiet biex jagħmlu żminijiet ta' xogħol fil-kumpaniji bħala parti mill-kurrikulu, speċjalment l-istudenti tal-edukazzjoni għolja u billi dawn l-esperjenzi tax-xogħol ikunu kkumensati b'mod finanzjarju jew permezz tas-Sistema Ewropea ta' trasferiment ta' kredtu;
52. Jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi pjan għal dottorat tal-UE fl-industrija ibbażat fuq il-mudell tad-dottorati dwar l-industrija li jeżistu fl-UE bħala attivitajiet Marie Curie tal-programm ta' qafas, sabiex jiġu mħeġġa r-riċerka li tkun immirata u li finanzjarjament tkun tista' tintlaħaq mill-intrapriżi Ewropej kif ukoll il-kontributi tas-settur tan-negozju fl-universitajiet Ewropej;
53. Jipproponi li l-assoċjazzjonijiet tax-xogħol jikkoperaw mal-universitajiet biex iħejju programmi effikaċi li jippermettu lill-istudenti jadatttaw irwieħhom malajr għad-dinja tan-negozju;
54. Jenfasizza l-importanza li d-dinja tan-negozju tisponsorja lill-universitajiet u tinkorġġixxi kumpaniji biex jagħtu boros ta' studju sabiex jagħtu l-opportunità lill-istudenti biex jiksbu l-għarfien u l-ħiliet li għandhom valur sostanzjali fuq is-suq tax-xogħol;
55. Jenfasizza l-importanza kbira li jiġu trażmessi lis-soċjetà l-għarfien u r-riżultati li jirriżultaw mill-kollaborazzjoni bejn id-dinja universitarja u dik tan-negozju;
56. Jistieden lill-intrapriżi jsaħħu l-appoġġ tagħhom għat-talent żagħżugħ permezz ta' boroż ta' studju;
Riċerka
57. Jenfasizza l-ħtieġa li l-impriżi jkabbru l-kapaċità tagħhom għall-assorbiment ħalli jużaw u jittrasformaw l-għarfien xjentifiku ġġenerat mill-universitajiet biex titrawwem ir-riċerka interna, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni kontinwa, u biex iħaddnu politika attiva li tikkomunika l-ħtiġiet tagħhom lill-komunità akkademika u biex jirreklutaw gradwati u riċerkaturi f'livell ta' dottorat u ta' post-dottorat;
58. Jenfasizza l-ħtieġa għal staff speċjalizzat fl-istituzzjonijiet ta' riċerka li jkun kapaċi jidentifika u jimmaniġġja riżorsi ta' għarfien b'potenzjal kummerċjali;
59. Jagħti importanza kbira lit-trasferiment tal-għarfien f'ambjent miftuħ; jirrikonoxxi li hemm strumenti differenti sabiex dan isir, bħalma huma l-pubblikazzjonijiet u s-seminars, l-uffiċċji għat-trasferiment tat-teknoloġija, il-kooperazzjoni reġjonali, l-appoġġ għall-istart-ups u għall-ispin-offs, ir-riċerka kollaborattiva u l-mobilità tar-riċerkaturi; jemmen, madankollu, li d-dimensjoni soċjali u umana tal-interazzjoni hija ferm importanti; għalhekk jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattivi li jsostnu l-interazzjoni wiċċ imb'wiċċ bejn l-universitajiet u n-negozju, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
60. Jilqa' t-tnedija ta' netwerk uniku Ewropew taċ-ċentri tan-negozju u tal-innovazzjoni, li jinkludi s-servizzi li bħalissa qed jingħataw mill-Euro Info Centres (EICs) u miċ-Ċentri għat-Tixrid tal-Innovazzjoni (IRCs);
61. Iqis li l-mobilità akbar tar-riċerkaturi - kemm fuq perjodu ta' ż-żmien qasir kif ukoll medju, bejn in-nazzjonijiet u bejn id-dinja l-akkademika u n-negozju, bir-rispett dovut għall-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni - hija fundamentali għat-tisħiħ tat-trasferiment tal-għarfien; f'dan is-sens, jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirrevedu bir-reqqa l-qafas legali u finanzjarju eżistenti u jnaqqsu x-xkiel bla bżonn għall-mobilità, billi tingħata attenzjoni speċjali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u għat-tnaqqis tal-burokrazija żejda; jistieden lill-universitajiet biex jintroduċu possibilitajiet ta' karriera aktar flessibbli u paralleli għall-istaff tagħhom;
62. Iħeġġeġ lill-Kummisssjoni sabiex toħloq inċentivi għall-iżvilupp ta' suq kompetittiv tal-UE għall-jeddijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR) li jippermetti lill-universitajiet, lill-organizzazzjonijiet pubbliċi ta' riċerka, u lill-SMEs isibu sħab u investituri għall-IPR, għall-ħiliet u għall-għarfien tagħhom; jindika li l-ġestjoni tal-IPR tista' tkun aktar professjonali f'ħafna universitajiet;
63. Jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffu l-isforzi għall-promozzjoni ta' Privattiva Ewropea Unika li tiżgura ħarsien legali irħis, effiċjenti, effettiv u ta' kwalità għolja għall-prodotti u għas-servizzi innovattivi, speċjalment għall-SMEs, u sistema Ewropea armonizzata dwar is-soluzzjoni ta' tilwim dwar il-privattivi;
64. Jindika li l-parteċipazzjoni konġunta tal-universitajiet u n-negozji fi sħubijiet pubbliċi-privati, bħalma huma l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti u l-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni, jistgħu jtejbu l-valorizzazzjoni tal-għarfien u jgħinu lill-UE tindirizza l-isfidi maġġuri li qed tiffaċċja; f'dan is-sens, jiġbed l-attenzjoni għal-Linji-Gwida għal Sħubija Responsabbli eżistenti;
65. Filwaqt li jirrikonoxxi li kull kollaborazzjoni teħtieġ approċċ partikolari u li hemm tipi differenti ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni, jemmen li wieħed jista' jitgħallem mill-istrutturi, eżempji, dimostrazzjonijiet u mudelli ta' mġiba li rnexxew u li għandu jissaħħaħ it-tixrid tal-eżempji tal-prattika t-tajba u tal-istejjer ta' suċċess u l-aċċess għall-istess; jenfasizza b'mod speċjali l-ħtieġa li jitqiesu l-prattiki t-tajba implimentati minn impriżi innovattivi, kif ukoll l-għarfien miksub bħala parti mis-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka fir-rigward tal-formazzjoni kollaborattiva tad-dottorati.
66. Jemmen li jekk għandhom jinstabu rabtiet eqreb bejn il-komunitajiet tan-negozju u tar-riċerka u l-universitajiet, jeħtieġ li l-Istati Membri u l-Ewropa jiffaċilitaw is-sehem konġunt tal-fondazzjonijiet, sptarijiet u universitajiet pubbliċi u privati fil-proċess edukattiv u fil-promozzjoni għar-riċerka;
Prattiki tajbin
67. Jinnota u jilqa' l-eżempji ta' prattiki tajbin fi ħdan l-UE u lil hinn minnha, li juru l-valur ta' dan it-tip ta' kooperazzjoni għal dawk kollha involuti, bil-kunsiderazzjoni li eżempji bħal dawn huma meħtieġa biex jgħinu ħalli jiżviluppaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għad-djalogu u jkattru l-possibiltajiet tas-suċċess;
68. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi inventarju tal-aqwa prattiki, u jistedinha biex dan l-inventarju tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha interessati;
69. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi forom ġodda ta' sħubija strutturata bejn l-intrapriżi, l-universitajiet u setturi oħra ta' tagħlim u ta' taħriġ, b'mod partikolari l-iskejjel sekondarji u l-aġenziji ta' taħriġ professjonali, speċjalment bl-għan li l-għalliema jkunu jistgħu jaġġornaw irwieħhom; iqis li dawn l-isħubiji jistgħu wkoll jipprevedu l-preżenza ta' entitajiet mis-setturi;
70. Jipproponi li jitwaqqaf website bil-għan tal-qsim u t-tixrid tal-esperjenzi u għall-komunikazzjoni ffukata fuq il-qsim tal-prattiki t-tajba u biex kull min iżur is-sit jingħata ispirazzjoni flimkien ma' għodod u mekkaniżmi konkreti biex ifassal u jimplimenta proġetti ta' kooperazzjoni, u jenfasizza l-importanza tal-użu ta' teknoloġiji ġodda biex titrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-universitajiet u l-komunitajiet tan-negozju;
71. Isejjaħ, abbażi tal-prattiki tajba fis-seħħ f'ċertu Stati Membri, għall-promozzjoni ta' Jum Ewopew iddedikat għall-inventuri żgħażagħ jew għal- innovazzjonijiet, l-invenzjonijiet jew il-privattivi maħluqa minn żgħażagħ Ewropej;
72. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissokta tippromwovi d-djalogu fil-livell nazzjonali, lokali u reġjonali filwaqt li tiffoka fuq l-aqwa prattiki, filwaqt li jkun opportun li jiġi żgurat li dan id-djalogu jinvolvi lill-partijiet kollha interessati (pereżempju s-sħab soċjali) u l-forom kollha ta' intrapriżi (SMEs, intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, eċċ) iżda wkoll rappreżentanti ta' pajjiżi terzi (NGOs, eċċ.), bil-ħsieb li joħroġ il-valur miżjud soċjali u ekonomiku tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ dinjiet tal-università u tan-negozju;
73. Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li tiżgura l-konsistenza fost l-azzjonijiet tal-UE u tevita d-duplikazzjoni tal-attivitajiet, biex grupp ta' ħidma mid-Direttorati Ġenerali differenti jivvalutaw u jiżviluppaw is-sinerġiji bejn dan id-djalogu u inizjattivi oħra, fejn id-diskussjonijiet għandhom ikopru sew il-prijoritajiet politiċi kif ukoll l-opportunitajiet ta' finanzjament;
o o o
74. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Assistenza finanzjarja tal-Komunità dwar id-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy fil-Bulgarija – “Il-Programm Kozloduy” *
535k
167k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill fuq assistenza finanzjarja tal-Komunità dwar id-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy fil-Bulgarija – “Il-Programm Kozloduy” (COM(2009)0581 – C7-0289/2009 – 2009/0172(NLE))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (KUMM(2009)0581),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 30 tal-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-emendi tat-Trattati li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa, fir-rigward tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy fil-Bulgarija,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sikurezza nukleari fl-Unjoni Ewropea “Nuclear safety in the European Union”, COM(2002)0605),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom, liema Artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7–0289/2009),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits kif ukoll tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7–0142/2010),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Iqis li l-proposta għal regolament tal-Kunsill hija konformi mal-limitu massimu għas-sottointestatura 1a tal-qafas finanzjarju pluriennali (MFF) għall-2007-2013 iżda jqis li l-marġni li jibqa' fis-sottointestatura 1a għall-2011-2013 huwa limitat ħafna; jenfasizza li l-finanzjament għal attivitajiet ġodda ma jridx jostakola l-programmi u l-inizjattivi eżistenti taħt is-sottointestatura 1a;
3. Itenni t-talba tiegħu, għalhekk, għall-preżentazzjoni ta' strateġija pluriennali għall-programm ta' dekummissjonar ta' Kozloduy, kif ukoll għal prijoritajiet politiċi oħra taħt is-sottointestatura 1a, fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-MFF attwali, flimkien ma' proposti konkreti biex jiġi aġġustat u rrevedut qabel it-tmiem tal-ewwel semestru tal-2010 billi jintużaw il-mekkaniżmi kollha disponibbli skont il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), partikolarment dawk fil-punti 21 sa 23 tiegħu;
4. Jinnota li l-ammont annwali allokat għall-programm ta' dekummissjonar ta' Kozloduy se jiġi determinat waqt il-proċedura baġitarja annwali skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 38 tal-IIA tas-17 ta' Mejju 2006;
5. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom u l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
6. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
7. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda1 Proposta għal Regolament Premessa 1
(1) Il-Bulgarija kkommettiet ruħha li tagħlaq l-Unitajiet 1 u 2 u l-Unitajiet 3 u 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy sal-31 ta' Diċembru 2002 u 31 ta' Diċembru 2006, rispettivament u tagħmel tiddekummissjona dawn l-unitajiet. L-Unjoni Ewropea esprimiet ir-rieda tagħha li tkompli tipprovdi assistenza finanzjarja sal-2009 bħala estensjoni tal-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni ppjanata taħt il-programm Phare b'sapport għall-isforzi tad-dekummissjonar tal-Bulgarija.
(1) Matul in-negozjati ta' adeżjoni fl-2005, il-Bulgarija qablet li tagħlaq l-Unitajiet 1 u 2 u l-Unitajiet 3 u 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy sal-31 ta' Diċembru 2002 u sal-31 ta' Diċembru 2006, rispettivament, u li tiddekummissjona dawn l-unitajiet. L-Unjoni Ewropea esprimiet ir-rieda tagħha li tkompli tipprovdi assistenza finanzjarja sal-2009 bħala estensjoni tal-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni ppjanata taħt il-programm Phare b'sapport għall-isforzi tad-dekummissjonar tal-Bulgarija. L-Unjoni Ewropea, f'dak iż-żmien, assigurat ukoll li l-assistenza finanzjarja kienet se tiġi kkunsidrata bħala parti mir-reviżjoni ġenerali tal-appoġġ Komunitarju għall-perjodu 2007-2013.
Emenda2 Proposta għal Regolament Premessa 2
(2) It-Trattat tal-2005 li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari Artikolu 30 tal-Att li għandu x'jaqsam mal-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Romanija u l-emendi tat-Trattati li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa, stabbilixxa fid-dawl tal-impenn tal-Bulgarija biex tagħlaq Unità 3 u Unità 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy programm ta' assistenza (minn issa 'l hemm imsejjaħ “Il-Programm Kozloduy”) b'baġit ta' EUR 210 miljun għall-perjodu 2007 sa 2009.
(2) It-Trattat tal-2005 li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari Artikolu 30 tal-Att li għandu x'jaqsam mal-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Romanija u l-emendi tat-Trattati li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa, stabbilixxa fid-dawl tal-impenn tal-Bulgarija biex tagħlaq Unità 3 u Unità 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy programm ta' assistenza (minn issa 'l hemm imsejjaħ “Il-Programm Kozloduy”) b'baġit ta' EUR 210 miljun għall-perjodu 2007 sa 2009. Dak il-programm jinkludi għajnuna biex tkopri t-telf tal-kapaċità bħala konsegwenza tal-għeluq tal-impjant nukleari ta' Kozloduy.
Emenda3 Proposta għal Regolament Premessa 2 a (ġdida)
(2a)Il-prinċipji ta' solidarjetà tal-Unjoni u t-trattament ugwali jirrikjedu li, bħalma ġara fil-passat, issa jittieħed approċċ imparzjali għall-Istati Membri fil-bżonn ta' għajnuna finanzjarja għad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari, wara l-impenji li ħadu biex jagħlqu l-unitajiet tal-impjanti nukleari, kif stipulat fit-Trattati tal-Adeżjoni tagħhom jew fil-Protokolli annessi.
Emenda4 Proposta għal Regolament Premessa 4
(4) L-Unjoni tirrikonoxxi l-isforzi magħmula u l-progress tajjeb miksub mill-Bulgarija fl-istadju ta' preparazzjoni għad-dekummissjonar tal-Programm Kozloduy u utilizzat il-fondi tal-Komunità sal-2009, u l-ħtieġa għal aktar għajnuna finanzjarja wara l-2009 sabiex jitkompla l-progress fl-operazzjoni taiż-żarmar.
(4) L-Unjoni tirrikonoxxi l-isforzi magħmula u l-progress tajjeb miksub mill-Bulgarija fl-istadju ta' preparazzjoni għad-dekummissjonar tal-Programm Kozloduy u utilizzat il-fondi tal-Komunità sal-2009, u l-ħtieġa għal aktar għajnuna finanzjarja wara l-2009 sabiex jitkompla l-progress fl-operazzjoni taż-żarmarbi qbil mat-Trattat ta' Adeżjoni 2005, filwaqt li jiġu applikati l-ogħla standards tas-sikurezza.
Emenda5 Proposta għal Regolament Premessa 5
(5) Huwa daqstant importanti li jintużaw ir-riżorsi stess tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy, għax dan jikkontribwixxi biex ikun hemm l-kompetenza neċessarja u fl-istess ħin itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-għeluq kmieni billi jitħaddem kontinwament l-istaff mill-impjant nukleari magħluq. L-għajnuna finanzjarja kontinwata hija għalhekk importanti biex iżżomm l-istandard meħtieġ għas-sikurezza.
(5) Huwa daqstant importanti li jintużaw ir-riżorsi stess tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy, għax dan jikkontribwixxi biex ikun hemm l-expertise neċessarju, iżid l-għarfien u l-ħiliet, u fl-istess ħin itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-għeluq kmieni billi jitħaddem kontinwament l-istaff mill-impjant nukleari magħluq. L-għajnuna finanzjarja kontinwata hija għalhekk importanti biex iżżomm l-istandards meħtieġ għas-sikurezza, għas-saħħa u għall-ambjent.
Emenda6 Proposta għal Regolament Premessa 6
(6) L-Unjoni tagħraf ukoll il-bżonn għall-għajnuna finanzjarja biex timxi 'l quddiem b'miżuri ta' taffija fis-settur tal-enerġija wara t-telf minħabba l-għeluq tal-unitajiet nukleari u l-impatt tiegħu fuq is-sigurtà tal-provvista fir-reġjun.
(6) L-Unjoni tagħraf ukoll il-bżonn u n-neċessità għall-għajnuna finanzjarja biex timxi 'l quddiem favur ekonomija aktar effiċjenti fl-enerġija li jkollha impatt pożittiv fuq is-sigurtà tal-provvista, fuq il-prezzijiet tal-elettriku u fuq il-volum ta' emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra fil-Bulgarija. Billi hemm bżonn ta' aktar progress fil-Bulgarija fir-rigward tal-iżmaltiment finali tal-fjuwil użat u ta' skart radjuattiv ħafna, u billi l-iżmaltiment finali ta' kull sustanza radjuattiva li tirriżulta mill-għeluq tal-impjant nukleari ta' Kozloduy huwa proċess importanti ħafna li għandu bżonn ikun ippjanat bir-reqqa, l-Unjoni għandha tgħin lill-Gvern Bulgaru fil-proċess tal-identifikazzjoni tas-soluzzjonijiet finali tal-iżmaltiment, jekk ikun xieraq fuq il-bażi ta' studju mill-Gvern Bulgaru rigward l-iżmaltiment sikur finali tas-sustanzi radjuattivi kollha involuti fid-dikummissjonar.
Emenda7 Proposta għal Regolament Premessa 6 a (ġdida)
(6a)It-telf tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni minħabba l-għeluq bikri tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy wassal għal volum addizzjonali sinifikattiv ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, stmat għal 15 TWh għall-perjodu 2011-2013 b'emissjonijiet ekwivalenti ta' CO ta' madwar 1,2 Gg/GWh, u wassal għal kważi 18,000 Gg (jew 18,000 kt) ta' effett addizzjonali ekwivalenti ta' CO għall-Bulgarija, li se jirrikjedi tnaqqis ulterjuri ta' CO.
Emenda8 Proposta għal Regolament Premessa 6 b (ġdida)
(6b)L-Unjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li ttaffi l-effett tad-dannu ambjentali u tal-emissjonijiet li dejjem jiżdiedu minħabba l-kapaċità ta' sostituzzjoni, ikkaġunata l-iktar minn żieda fl-użu tal-impjanti ta' faħam artab kannella (lignite).
Emenda9 Proposta għal Regolament Premessa 6 c (ġdida)
(6c)Miżuri ta' mitigazzjoni biex jitnaqqas l-impatt soċjoekonomiku tal-għeluq tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy, bħal programmi ta' taħriġ mill-ġdid għall-istaff milqut biex jużaw il-ħiliet tagħhom f'setturi oħra, pereżempju għar-riċerka industrijali jew għall-enerġija li tiġġedded, jistgħu jeħtieġu l-assistenza finanzjarja tal-UE.
Emenda10 Proposta għal Regolament Premessa 7
(7) Għaldaqstant, għandu jkun jiġi pprovdut għas-somma ta' EUR 300 miljun mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea biex jiffinanzja d-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy matul il-perjodu mill-2010 sal-2013.
(7) Jekk wieħed jirrikonoxxi li l-għeluq qabel iż-żmien ta' dawn l-impjanti ma ppermettiex allokazzjoni adegwata ta' fondi għad-dekummissjonar u għat-trattament ta' skart radjuattiv minn profitti operattivi, għandu jkun jiġi pprovdut għas-somma ta' EUR 300 miljun mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea biex jiffinanzja d-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy matul il-perjodu mill-2010 sal-2013. Minn din is-somma, EUR 180 miljun għandhom jintużaw biex jappoġġjaw il-programm tad-dekummissjonar u l-EUR 120 miljun li jibqa' biex jiffinanzjaw kemm l-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll il-miżuri għall-iffrankar tal-enerġija.
Emenda11 Proposta għal Regolament Premessa 7 a (ġdida)
(7a)Fid-dawl tal-Evalwazzjoni Ex Ante tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2009, EUR 180 miljun tal-fondi huma maħsuba biex jgħinu l-proġetti li ġejjin: (1) ġestjoni tal-proġetti, assistenza teknika u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-programm tad-dekommissjonar; (2) il-ħlas ta' salarji għal esperti (operazzjoni, manutenzjoni, appoġġ tekniku, ġestjoni ta' proġetti) fuq is-sit ta' Kozloduy, li jaħdmu għad-dekummissjonar tal-Unitajiet 1-4; (3) kontribuzzjoni għall-kostruzzjoni tal-Faċilità Nazzjonali għar-Rimi ta' Skart Radjuattiv, kruċjali għall-implimentazzjoni tal-programm ta' dekummissjonar, b'mod partikolari għall-ħżin ta' skart ta' livell baxx u intermedjarju fl-ewwel 10 snin tal-implimentazzjoni; (4) infrastruttura tas-sit u trattament tal-iskart żarmat (inkluż allokazzjoni addizzjonali għal proġetti li diġà qegħdin fi proċess ta' offerti). It-titjib tal-infrastruttura tas-sit imsemmija fil-proġett 4 jista' jinkludi biss miżuri relatati mad-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4.
________ 1 SEC (2009) 1431.
Emenda12 Proposta għal Regolament Premessa 8
(8) L-approprijazzjonijiet tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għad-dekummissjonar m'għandhomx iwasslu għal tfixkil fil-kompetizzjoni tal-kumpaniji li jipprovdu l-enerġija fis-suq tal-enerġija fl-Unjoni. Dawn l-approprijazzjonijiet għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw miżuri li jikkompensaw it-telfien tal-kapaċità tal-produzzjoni skont l-acquis.
(8) L-approprijazzjonijiet tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għad-dekummissjonar m'għandhomx iwasslu għal tfixkil fil-kompetizzjoni tal-kumpaniji li jipprovdu l-enerġija fis-suq tal-enerġija fl-Unjoni. Dawn l-approprijazzjonijiet għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw miżuri għall-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija skont l-acquis u r-regoli tal-funzjonament tas-suq tal-enerġija Ewropea komuni.
Emenda13 Proposta għal Regolament Premessa 10
(10) Il-kompiti tal-EBRD jinkludu l-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi allokati għall-programmi tad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari u tal-monitoraġġmonitoraġġ tal-kontroll finanzjarju ta' dawn il-programmi sabiex jottimizzaw l-użu tal-flus pubbliċi. Barra minn hekk, l-EBRD tmexxi l-kompiti tal-baġit fdat lilha mill-Kummissjoni mal-bżonnijiet tal-Artikolu 53quinquies tar-Regolament Finanzjarju.
(10) Il-kompiti tal-EBRD jinkludu l-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi allokati għall-programmi tad-dekummissjonar ta' dawk l-unitajiet nukleari li kienu soġġetti għal ftehimiet ta' għeluq marbuta mal-adeżjoni. L-EBRD qed jimmonitorja l- kontroll finanzjarju ta' dawn il-programmi sabiex jottimizzaw l-użu tal-flus pubbliċi. Barra minn hekk, l-EBRD tmexxi l-kompiti tal-baġit fdat lilha mill-Kummissjoni mal-bżonnijiet tal-Artikolu 53d tar-Regolament Finanzjarju.
Emenda14 Proposta għal Regolament Premessa 11
(11) Sabiex tkun assiguratab l-ogħla effiċjenza possibbli, id-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy għandu jitwettaq permezz tal-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli, filwaqt li jitqiesu kif xieraq in-natura u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tal-unitajiet li se jingħalqu.
(11) Sabiex tkun assigurata l-ogħla effiċjenza possibbli u jkunu mminimizzati l-konsegwenzi ambjentali possibbli, id-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy għandu jitwettaq permezz tal-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli, filwaqt li jitqiesu kif xieraq in-natura u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tal-unitajiet li se jingħalqu.
Emenda15 Proposta għal Regolament Premessa 11 a (ġdida)
(11a)Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika u t-trasparenza, għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa kollha matul id-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy biex ikunu rrispettati l-obbligi stipulati fil-konvenzjonijiet internazzjonali li diġà jipprovdu għar-rekwiżiti meħtieġa fil-kuntesti nazzjonali, internazzjonali jew transkonfinali, bħalma huma l-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal-25 ta' Ġunju 19981.
________ 1 ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1.
Emenda16 Proposta għal Regolament Premessa 12
(12) Id-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy jitmexxa skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent, b'mod partikulari d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/EEC tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima taleffetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.
(12) Id-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 fl-Impjant Nukleari ta' Kozloduy jitmexxa b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali Bulgara, l-arranġamenti għal-liċenzjar tagħha u skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent, b'mod partikulari d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.
Emenda17 Proposta għal Regolament Premessa 12 a (ġdida)
(12a)L-attivitajiet relatati mad-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy se jsiru b'konformità mal-objettiv fundamentali li l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jkunu mħarsa mill-effetti dannużi tar-radjazzjonijiet jonizzanti, kif previst fil-leġiżlazzjoni eżistenti, partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta' Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli mir-radjazzjonijiet jonizzanti, u b'hekk ikun żgurat l-ogħla livell ta' sikurezza u ħarsien għas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali. Il-miżuri li jtaffu fis-settur tal-enerġija permezz tal-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli għandhom ikunu appoġġjati minn strateġija nazzjonali speċifika Bulgara.
--------------- 1 ĠU L 159, 29.6.1996, p.1.
Emenda18 Proposta għal Regolament Premessa 12 b (ġdida)
(12b)Il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività fir-rigward tal-fondi allokati għandhom jiġu żgurati permezz ta' evalwazzjoni u verifiki tal-prestazzjoni tal-programmi ffinanzjati preċedentement.
Emenda19 Proposta għal Regolament Premessa 13 a (ġdida)
(13a)L-Artikoli 53d, 108a u 165 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej1, u l-Artikoli 35 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej2 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati skont il-metodu ta' ġestjoni konġunta tal-implimentazzjoni tal-baġit.
------------ 1 ĠU L 248, 16.9.2002, p.1. 2 ĠU L 357, 31.12.2002, p.1.
Emenda20 Proposta għal Regolament Premessa 13 b (ġdida)
(13b)Il-każ ta' Kozloduy għandu jservi ta' eżempju, u l-Kummissjoni għandha tfassal baġit sħiħ u preċiż tad-dekummissjonar għall-analiżi u għall-previżjoni tal-ispejjeż għad-dekummissjonar futur ta' impjanti nukleari.
Emenda21 Proposta għal Regolament Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm u jagħti regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità biex jindirizza d-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy u l-konsegwenzi tal-għeluq tagħhom fil-Bulgarija (hawn taħt imsejjaħ “Il-Programm Kozloduy”).
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm u jagħti regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità biex jindirizza l-proċess ulterjuri tad-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy u l-konsegwenzi, fir-rigward tal-ambjent, l-ekonomija u s-sigurtà tal-provvista fir-reġjun, tal-għeluq bikri tagħhom fil-Bulgarija (hawn taħt imsejjaħ “Il-Programm Kozloduy”).
Emenda22 Proposta għal Regolament Artikolu 2
Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-programm Kozloduy tingħata biex tipprovdi għajnuna finanzjarja għal miżuri konnessi mad-dekummissjonar tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy, miżuri għal titjib ambjentali skont l-acquis u għall-immodernizzar tal-kapaċità konvenzjonalitall-produzzjoni biex tissostitwixxi l-kapaċità tal-produzzjoni tal-erba' reatturi tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy, u miżuri oħra li jinbtu minn din id-deċiżjoni biex jingħalaq u jkun iddekommissjonat l-impjant u li jikkontribwixxu għal ristrutturazzjoni, it-titjib tal-ambjent u l-modernizzazzjoni neċessarji tas-setturi tal-produzzjoni , it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija fil-Bulgarija kif ukoll biex titkabbar is-sikurezza tal-provvista u tal-effiċjenza tal-enerġija fil-Bulgarija.
Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-programm Kozloduy tingħata primarjament biex tipprovdi għajnuna finanzjarja għal miżuri konnessi mad-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy. Barra minn hekk hija tipprevedi miżuri għal titjib ambjentali skont l-acquis u għall-immodernizzar tal-kapaċità tal-produzzjoni biex tissostitwixxi l-kapaċità tal-produzzjoni tal-erba' reatturi tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy, u miżuri oħra li jinbtu minn din id-deċiżjoni biex jingħalqu u jkunu ddekommissjonati dawk l-unitajiet u li jikkontribwixxu għal ristrutturazzjoni, it-titjib tal-ambjent u l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ neċessarji tas-setturi tal-produzzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija fil-Bulgarija kif ukoll biex titkabbar is-sikurezza u standard ogħla tal-provvista u tal-effiċjenza tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-Bulgarija, filwaqt li jitħeġġu miżuri għall-iffrankar tal-enerġija u jiġu promossi l-enerġiji rinnovabbli. L-għajnuna finanzjarja tista' tingħata wkoll biex jittaffa l-impatt tat-tranżizzjoni soċjoekonomika fil-komunitajiet milquta, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta' impjiegi u industriji ġodda sostenibbli.
Emenda23 Proposta għal Regolament Artikolu 3 - paragrafu 1
1. L-ammont neċessarju tar-referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-programm Kozloduy għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013 għandu jkun ta' EUR 300 miljun.
1. L-ammont neċessarju tar-referenza finanzjarja, fi ħdan it-tifsira tal-punt 38 tal-IIA tas-17 ta' Mejju 2006, għall-implimentazzjoni tal-programm Kozloduy għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013 għandu jkun ta' EUR 300 miljun.
Emenda24 Proposta għal Regolament Artikolu 3 – paragrafu 2
2. L-approprijazzjonijiet annwali jkunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-perspettivi finanzjarji.
2. L-approprijazzjonijiet annwali jkunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-perspettivi finanzjarji u skont ir-rekwiżiti tal-proċess tad-dekummissjonar.
Emenda25 Proposta għal Regolament Artikolu 3 - paragrafu 3
3. L-ammont tal-approprijazzjonijiet allokati għall-Programm Kozloduy jista“ jkun revedut matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013 biex jeżamina l-progress magħmul bl-implimentazzjoni tal-programm u jassigura li l-programm u l-allokazzjoni tar-riżorsi huma bbażati fuq il-ħtiġijiet reali tal-ħlas u l-kapaċità tal-assorbiment.
3. L-ammont tal-approprijazzjonijiet allokati għall-Programm Kozloduy għandu jkun revedut kull sena matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013 biex jitqiesu l-progress magħmul bl-implimentazzjoni tal-programm u l-impatti fuq medda twila ta' żmien kif ukoll il-konsegwenzi għall-ambjent, l-ekonomija u s-sigurtà tal-provvista bl-għeluq bikri tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy, u jassigura li l-programm u l-allokazzjoni tar-riżorsi huma bbażati fuq il-ħtiġijiet reali tal-ħlas u l-kapaċità tal-assorbiment.
Emenda26 Proposta għal Regolament Artikolu 5 – paragrafu 2
2. Il-miżuri taħt il-Programm Kozloduy ikunu adottati skont l-Artikolu 8(2).
2. Il-miżuri taħt il-Programm Kozloduy għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 8(2). Huma għandhom jirrispettaw ir-regoli Ewropej li jirrigwardaw l-akkwist pubbliku.
Emenda27 Proposta għal Regolament Artikolu 6 – paragrafu 1
1. Il-Kommissjoni jista' jkollha verifika tal-użu tal-assistenza mwettqa jew direttament mill-persunal tagħha stess jew minn xi awtorità kkwalifikata oħra barranija li tagħżel hi. Dawn il-verifiki jistgħu jitwettqu matul il-perjodu tal-ftehim bejn il-Komunità u l-EBRD fuq il-fondi tal-Komunità għall-Fond Internazzjonali ta' Għajnuna għad-Dekummissjonar ta' Kozloduy u għall-perjodu ta' ħames snin mid-data tal-ħlas tal-bilanċ. Fejn ikun xieraq, ir-riżultati tal-verifika jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta' rkupru mill-Kummissjoni.
1. Il-Kommissjoni għandha timmoniterja, u jista' jkollha verifika tal-użu tal-assistenza mwettqa jew direttament mill-persunal tagħha stess jew minn xi awtorità kkwalifikata oħra barranija li tagħżel hi. Dawn il-verifiki jistgħu jitwettqu matul il-perjodu tal-ftehim bejn il-Komunità u l-EBRD fuq il-fondi tal-Komunità għall-Fond Internazzjonali ta' Għajnuna għad-Dekummissjonar ta' Kozloduy b'konformità mar-regoli tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u għall-perjodu ta' ħames snin mid-data tal-ħlas tal-bilanċ. Fejn ikun xieraq, ir-riżultati tal-verifika jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta' rkupru mill-Kummissjoni. L-iffinanzjar ta' tali verifiki u kwalunkwe stima oħra ma jaqgħux fil-qasam ta' applikazzjoni tal-baġit għall-assistenza għad-dekummissjonar.
2. Il-persunal tal-Kummissjoni u l-persunal minn barra awtorizzat mill-Kummissjoni għandu jkollhom dritt xieraq għall-aċċess, b'mod partikulari għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f'format elettroniku, meħtieġa sabiex jitmexxew dawn ir-reviżjonijiet.
2. Il-persunal tal-Kummissjoni u l-persunal minn barra awtorizzat mill-Kummissjoni għandu jkollhom dritt xieraq għall-aċċess, b'mod partikulari għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f'format elettroniku, meħtieġa sabiex jitmexxew dawn ir-reviżjonijiet. Il-verifiki għandhom ikopru wkoll l-istat ta' approvazzjoni li jkun intlaħaq fil-qafas tad-dekummissjonar.
Il-Qorti tal-Awdituri jkollha l-istess drittijiet, speċjalment tal-aċċess, bħall-Kummissjoni.
Il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew għandu jkollhom l-istess drittijiet, speċjalment tal-aċċess, bħall-Kummissjoni.
Emenda30 Proposta għal Regolament Artikolu 7
Il-Kommissjoni tassigura l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u tirrapporta f'intervalli regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għandha twettaq reviżjoni ta' nofs it-terminu, kif ipprovdut f'Artikolu 3 (3).
Il-Kommissjoni tassigura l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u tirrapporta f'intervalli regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu ta' fondi u l-attivitajiet imwettqa. Għandha twettaq evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u evalwazzjoni ex post, kif ipprovdut fl-Artikolu 3(3) u tirrapportahom it-tnejn lill-Parlament Ewropew.
L-evalwazzjoni ex-post għandu jkollha baġit sħiħ u preċiż tal-ispejjeż għad-dekummissjonar tal-impjant nukleari sabiex tkun tista' tippjana għan-nefqa tad-dekummissjonar għall-ġejjieni. Għandha tanalizza wkoll l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u ambjentali, u tiffoka fuq l-impatt tar-residwi tar-radjazzjoni ħielsa u l-konsegwenzi għas-sigurtà tal-provvista.
Emenda31 Proposta għal Regolament Artikolu 7 a (ġdid)
Artikolu 7a
Qabel l-iffirmar tal-ftehim ta' kontribuzzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-konformità, b'konformità mal-istandards aċċettati fuq livell internazzjonali, għall-anqas għal dawk li huma l-proċeduri tal-kontabilità, tal-verifika, tal-kontroll intern u tal-akkwist tal-EBRD.
L-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni
350k
107k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni (2009/2243(INI))
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titoli XVII, XVIII u XIX ta' dan,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(3),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013)(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2007 dwar il-politika reġjonali futura għall-kapaċità ta' innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2007 dwar it-tqegħid tal-għarfien fil-prattika: strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-Ewropa(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar l-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika reġjonali u l-ostakli għall-użu tal-Fondi Strutturali(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-24 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji ta' koeżjoni nazzjonali u l-programmi operattivi(9),
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew imsejjaħ “Sinerġiji bejn is-7 Programm Kwadru għar-Riċerka tal-UE, il-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-Fondi Strutturali”,
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew imsejjaħ “Lejn territorjalizzazzjoni ta' politiki Ewropej ta' Riċerka u Żvilupp u ta' Innovazzjoni”,
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew imsejjaħ “L-appoġġ tal-Fondi Strutturali għall-innovazzjoni – l-isfidi ta' implimentazzjoni għall-2007-2013 u lil hinn minn dan il-perjodu”,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Awwissu 2007 msejħa “Reġjuni Ewropej Kompetittivi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni – Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb” (COM(2007)0474),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar it-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni tal-istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, 2007-2013 (COM(2007)0798),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Mejju 2008 dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 (COM(2008)0301),
– wara li kkunsidra l-20 rapport annwali tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali (2008) (COM(2009)0617),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2007 dwar reġjuni li qed jimplimentaw l-innovazzjoni permezz tal-Politika ta' Koeżjoni (SEC(2007)1547),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2009 dwar il-konsultazzjoni dwar l-istrateġija futura tal-“UE2020” (COM(2009)0647),
– wara li kkunsidra l-ħames rapport ta' progress tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali - Reġjuni li jikbru, Ewropa li tikber (COM(2008)0371) (il-Ħames Rapport ta' Progress),
– wara li kkunsidra s-sitt rapport ta' progress tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali – Reġjuni kreattivi u innovattivi (COM(2009)0295) (is-Sitt Rapport ta' Progress),
– wara li kkunsidra li n-nota tal-Kumitat għar-Riċerka Xjentifika u Teknika (Crest) tal-4 ta' Diċembru 2006 dwar ir-rapport imsejjaħ “Lessons for R&D policies on the basis of the national reform programmes and the 2006 Progress Reports” (Lezzjonijiet għal politiki tar-riċerka u l-iżvilupp abbażi tal-programmi nazzjonali ta' riforma u r-Rapporti ta' Progress tal-2006) (CREST1211/06),
– wara li kkunsidra l-gwida tal-Kummissjoni msejħa “Reġjuni Ewropej Kompetittivi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni – Il-Gwida Prattika għall-Opportunitajiet ta' Finanzjament tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Forum Ewropew tal-Istrateġija dwar l-Infrastrutturi tar-Riċerka msejjaħ “Pjan Direzzjonali Ewropew dwar l-Infrastrutturi ta' Riċerka, Rapport 2006”,
– wara li kkunsidra r-rapport indipendenti, imħejji fuq talba tal-Kummissjoni, imsejjaħ “Aġenda għal Riformi tal-Politika ta' Koeżjoni” (rapport ta' Fabrizio Barca) (2009),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0138/2010),
A. billi l-istrateġija mġedda ta' Lisbona tagħti importanza kbira lir-riċerka u l-innovazzjoni biex tilqa' għal sfidi bħall-bidla fil-klima u l-kompetizzjoni globali li qed tiżdied; filwaqt li fl-era ta' wara l-kriżi l-istimular tat-tkabbir u tal-postijiet tax-xogħol permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni qed isir dejjem aktar importanti, u dan jikkostitwixxi għan ewlieni tal-Istrateġija proposta tal-UE 2020,
B. billi l-implimentazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni hija ħtieġa kondiviża mill-istrata kollha tas-soċjetà u l-iskop tagħha huwa li ttejjeb il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tan-nies,
C. billi l-appoġġ Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni hu primarjament provdut permezz tal-politika tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-koeżjoni, ladarba l-istrumenti ewlenin tagħhom huma l-Fondi Strutturali, is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka (FP7) u l-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP),
D. billi l-politika ta' koeżjoni hi pilastru essenzjali fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u hi waħda mill-politiki li kellhom l-aktar suċċess, peress li tiffaċilita l-konverġenza bejn reġjuni li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jiddistingwu ruħhom minn xulxin u peress li tistimula t-tkabbir u l-impjiegi,
E. billi l-innovazzjoni tiġi indirizzata bl-aktar mod effettiv fil-livell reġjonali fil-prossimità tal-atturi, bħall-universitajiet, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka pubblika u l-industrija, u tippromwovi s-sħubijiet fit-trasferiment tal-għerf u l-iskambju tal-prattiki tajba bejn ir-reġjuni,
F. billi t-tieni Linja Gwida Strateġika Komunitarja dwar il-koeżjoni għall-perjodu ta' bejn l-2007 u l-2013 tirreferi għat-titjib tal-għerf u tal-innovazzjoni għat-tkabbir, u konsegwentement 25% tal-allokazzjoni totali ġew ibbaġitjati,
G. billi l-kumplessità tal-isfidi tal-preżent jirrikjedu taħlita integrata ta' dawn il-politiki; billi s-soċjetà tal-għarfien teħtieġ aktar minn sempliċement aggregazzjoni tal-attivitajiet tas-setturi differenti sinerġija bejn l-aġenti u l-istrumenti hi essenzjali sabiex huma jsaħħu lil xulxin u jappoġġjaw l-implimentazzjoni sostenibbli tal-proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni, biex tintlaħaq valorizzazzjoni aħjar tar-riżultati tar-riċerka f'għamla ta' ideat konkreti dwar il-prodott fir-reġjuni,
H. billi, filwaqt li ċerti elementi tal-arkitettura ta' dawn l-istrumenti, bħall-istess qafas ta' żmien u allinjament mal-aġenda ta' Lisbona, jippermettu li jkun hemm sinerġiji, għad hemm xi differenzi, bħal bażijiet legali differenti, fokus tematiku kontra dak territorjali, u ġestjoni kondiviża kontra dik ċentralizzata,
Il-Politika ta' Koeżjoni biex jintlaħqu objettivi ta' riċerka u innovazzjoni
1. Japprezza li, fil-perjodu 2007-2013, f'konformità mat-tieni Strateġija tal-Linja Gwida Komunitarja dwar il-Koeżjoni, l-Istati Membri kollha taw ammont sinifikanti mill-allokazzjonijiet finanzjarji totali tagħhom lir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), innovazzjoni u żvilupp ta' ekonomija bbażata fuq l-għerf, u dan irriżulta f“246 Programm Operazzjonali Nazzjonali jew Reġjonali b'madwar EUR 86 biljun allokati għar-riċerka u għall-innovazzjoni, li EUR 50 biljun minnhom diġà ġew allokati għar-R&Ż fundamentali u għall-innovazzjoni; jinnota li l-politika ta' koeżjoni saret sors maġġuri ta' appoġġ Ewropew għal dan il-qasam, li jħabbatha mal-baġit kemm tal-FP7 (EUR 50.5 biljun) u kemm tas-CIP (EUR 3.6 biljun); jenfasizza l-effettività u l-possibilità li jiġu ddeterminati objettiv kwantifikati f'termini tal-ammonti allokati għan-nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp;
2. Jilqa' l-fatt li l-metodi finanzjarji l-ġodda eżistenti u jenfasizza l-potenzjal tal-inizjattiva JEREMIE u l-Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar-Riskju tal-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment fl-għoti ta' spinta fl-opportunitajiet ta' ffinanzjar għall-intrapriżi innovattivi; jirrakkomanda li l-atturi reġjonali jesplojtjaw dawn l-opportunitajiet il-ġodda b'mod kumplimentari għall-iffinanzjar tal-Fondi Strutturali; jenfasizza f'dan il-kuntest il-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni effikaċi tal-investimenti pubbliċi u privati;
3. Jistenna r-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni skont kif inhuwa stipulat fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament Ġenerali; jikkunsidra li r-Rapport se jagħti sommarju komprensiv tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-kisba tal-objettivi għall-perjodu tal-2007 – 2009 u dan se jservi ta' bażi għal diskussjoni rigward il-prospetti futuri tal-politika ta' koeżjoni;
4. Itenni l-ħtieġa għal approċċ integrat ta' governanza f'diversi livelli lejn politiki speċifiċi fl-UE, jenfasizza li sistema funzjonali ta' governanza f'diversi livelli hi prekundizzjoni għall-iffissar u l-implimetazzjoni tal-objettivi ta' assenjazzjoni b'mod effiċjenti; jinnota li r-responsabilità għall-implimentazzjoni ta' Fondi Strutturali hija tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, filwaqt li s-CIP u l-FP7 huma mmexxija b'mod ċentralizzat mill-Kummissjoni; huwa konxju tad-diversità amministrattiva eżistenti fil-livell tal-Istati Membri u jemmen li huwa importanti li jiġi identifikat il-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet li huwa l-aktar effikaċi għaċ-ċittadini;
5. Jikkunsidra importanti li jiġu koordinati l-politiki Komunitarji li għandhom rwol fil-kisba tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; Jemmen li jeħtieġ li ssir analiżi aktar mill-qrib tal-impatt tagħhom fuq it-territorju u fuq il-koeżjoni bil-għan li jiġu promossi sinerġiji effettivi u sabiex jiġu identifikati u promossi l-aktar mezzi xierqa fil-livell Ewropew ta' appoġġ għall-investiment lokali u reġjonali fl-innovazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jitqiesu ċ-ċirkustanzi soċjali u ekonomiċi differenti tat-tliet tipi ta' reġjuni (konverġenza, tranżizzjoni u kompetittività), u l-varjazzjonijiet fil-kapaċità kreattiva u innovattiva u l-ispirtu ta' intraprendenza; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-investiment fir-R&Ż, kif ukoll dak fl-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-teknoloġiji effiċjenti fir-riżorsi, jibbenefika s-setturi tradizzjonali u ż-żoni rurali bħalma jibbenefika l-ekonomiji ta' servizzi ta' ħiliet avvanzati, u għalhekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;
6. Jenfasizza l-potenzjal kbir tal-ibliet li jsegwu r-riċerka u l-innovazzjoni; jemmen li politika urbana aktar intelliġenti bbażata fuq l-avvanzi teknoloġiċi u li tindirizza l-fatt li 80% tal-popolazzjoni tal-Ewropa tgħix fl-ibliet, li propju fihom insibu l-akbar differenzi soċjali, tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli; u għalhekk jitlob sabiex id-dimensjoni urbana tiddaħħal fil-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni;
Sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali, l-FP7 u s-CIP
7. Jirrikonoxxi li, permezz tal-assenjazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-2007-2013, il-politika ta' koeżjoni hi f'pożizzjoni aħjar li toħloq sinerġiji mal-politiki ta' riċerka u ta' innovazzjoni, u li fl-istess waqt id-dimensjoni territorjali saret aktar u aktar importanti fl-FP7 u s-CIP; jappella li tingħata kunsiderazzjoni lil mekkaniżmu ta' assenjazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni b'fokus tematiku aktar b'saħħtu li jippermetti li jingħataw risposti politiki xierqa għall-isfidi l-ġodda;
8. Jinnota li l-infiq fuq ir-R&Ż&I skont il-programm ta' qafas huwa allokat fuq il-bażi tal-kriterji ta' eċċellenza, li jinvolvi modalità aktar kompetittiva tal-aċċess għall-parteċipanti, li jirrikjedi kapaċità teknika għolja u għarfien qawwi tal-proċeduri amministrattivi u finanzjarji; jenfasizza li din is-sitwazzjoni toħloq konċentrazzjoni għolja fil-clusters ekonomiċi u fir-reġjuni ewlenin tal-UE, u b'hekk tillimita s-sinerġiji pożittivi fil-grupp ta' reġjuni u Stati Membri li mixjin fid-direzzjoni t-tajba iżda li għadhom ma laħqux l-għan; jinnota li ż-żieda fid-disparità reġjonali f'termini ta' potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni u l-garanzija tal-koerenza reali tal-politika huma sfidi li jridu jiġu indirizzati kemm mill-politika ta' koeżjoni, kif ukoll mill-politika ta' riċerka u innovazzjoni, irrispettivament mill-fatt li l-korpi implimentattivi jeżistu fuq livelli differenti (supranzzjonali, nazzjonali, sottonazzjonali) u huma rregolati minn loġiki differenti (il-koeżjoni vs. l-eċċellenza);
9. Jinsisti li l-innovazzjoni effettiva tiddependi mill-qrubija tas-sinerġiji miksuba, u jiddispjaċih li l-opportunitajiet eżistenti għal dawn is-sinerġiji fl-iffinanzjar għadhom mhumiex magħrufin sew; jistieden lir-reġjuni, bħala l-aġenti prinċipali għall-informazzjoni u l-kapaċità ta' analiżi, kif ukoll lill-Istati Membri, biex iżidu l-isforzi biex itejbu l-komunikazzjoni; jenfasizza li sinerġiji effettivi jeħtieġu sett kumpless ta' relazzjonijiet bejn l-aġenti li jipproduċu, iqassmu, jippromwovu u jimplimentaw forom differenti ta' għarfien; jenfasizza wkoll li l-korpi nazzjonali, reġjonali u lokali differenti li jamministraw l-FP7, is-CIP u l-Fondi Strutturali għandhom ikunu konxji tal-possibilitajiet offruti minn kull wieħed minn dawn l-istrumenti u jitlob sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar bejn dawn l-atturi u l-politiki;
10. Jenfasizza li l-interventi mmirati lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jikkapitalizzaw fuq l-assi u l-kapaċitajiet reġjonali u jifformaw parti minn strateġija ta' innovazzjoni reġjonali bbażata fuq innovazzjoni intelliġenti; jikkunsidra li tali strateġiji jeħtieġu rwol imsaħħaħ għar-reġjuni u l-ibliet fl-issettjar u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali; jitlob għalhekk sabiex tiġi kkunsidrata l-possibilità li jerġgħu jiġi stabbiliti azzjonijiet innovattivi fi ħdan il-Fondi Strutturali bl-iskop li jippromwovu l-istrateġiji ta' innovazzjoni reġjonali;
11. Jinnota l-possibilitajiet eżistenti tal-finanzjament imħallat; għaldaqstant, jenfasizza li l-finanzjament imħallat mhuwiex permess bejn il-Fondi Strutturali u l-programmi ta' qafas; jenfasizza li l-istrumenti jistgħu jitħalltu biex ikopru jew attivitajiet kumplimentari iżda separati, bħal fil-każ tal-infrastruttura tar-riċerka, jew partijiet konsekuttivi ta' proġetti relatati, bħall-iżvilupp u s-segwitu ta' idea ġdida dwar ir-riċerka, jew inkella proġetti fl-istess netwerk jew kluster;
12. Jemmen li l-fatt li mhuwiex permess il-finanzjament mist bejn il-Fondi Strutturali u l-Programmi Qafas jipprevjenji lir-reġjuni milli jużaw iż-żewġ strumenti fl-istess waqt u li proċessi strateġiċi “minn isfel ”il fuq' effettivi f'livelli reġjonali u lokali jistgħu jgħinu fl-eliminazzjoni tal-qabżiet jew sovrappożizzjonijiet tal-fondi mill-SF, FP7 u CIP;
13. Jenfasizza li s-sinerġija hija b'mod speċjali effiċjenti fil-bini tal-kapaċità; f'dan il-kuntest jirreferi għall-proġett tal-immaniġjar tal-iffinanzjar fil-Forum għal Strateġija Ewropea dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka (ESFRI) u l-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni tal-prijoritajiet ta' ffinanzjar tar-riċerka tal-UE fil-livell reġjonali u nazzjonali;
14. Jenfasizza li s-sinerġija tmur lil hinn mill-finanzjament kumplimentari tal-proġett; iqis li l-iżvilupp tal-kapaċità, in-netwerking u t-trasferiment tal-għerf huwa għamla importanti ta' sinerġija u jinnota li l-istrumenti kollha joffru opportunitajiet għal tali skambji;
15. Jinnota li s-sinerġiji attwali mill-perspettiva tal-benefiċjarju dirett tal-finanzjament jiddependu mill-kapaċità organizzattiva u strateġika tal-benefiċjarju li jikkombina l-appoġġ minn strumenti differenti tal-UE; jstieden lill-atturi reġjonali joħolqu strateġiji reġjonali li jistgħu jiffaċilitaw il-kombinament tal-finanzjamenti;
16. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jallokaw biżżejjed riżorsi mill-SF għar-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari l-innovazzjonijiet sostenibbli, u jsaħħu l-kapaċitajiet għar-riċerka; isostni l-ħtieġa li jkun hemm promozzjoni u applikazzjoni b'suċċess tal-mudelli fit-trijangolu tal-għerf u biex jiġi żgurat li jkun hemm żvilupp sostenibbli tal-oqfsa ta' riċerka reġjonali u strateġiċi għall-innovazzjoni b'kollaborazzjoni mal-intrapriżi, maċ-ċentri tar-riċerka, mal-universitajiet u mal-awtoritajiet pubbliċi; jenfasizza l-potenzjal ta' clusters innovattivi reġjonali ta' għarfien għoli fl-immobilizzazzjoni tal-kompetittività reġjonali u jilqa' l-inklużjoni tal-iżvilupp tal-kluster kemm fl-FP7 u anke fis-CIP (azzjoni tar-Reġjuni ta' Għerf fl-FP7); Jenfasizza l- Komunitajiet għall-Għarfien u l-Innovazzjoni (KICs) il-ġodda stabbiliti fil-qafas tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), li jorbtu l-clusters reġjonali Ewropej ta' għarfien intensiv; jinnota li l-iskambju ta' għarfien fil-klusters reġjonali jista' jkun iffaċilitat ukoll mill-Fondi Strutturali; jenfasizza li tali clusters jirrappreżentaw opportunità maġġuri b'mod partikolari għar-reġjuni żvantaġġati;
17. Jitlob lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jagħmlu użu aħjar mill-SF ħalli jibnu l-kapaċità għar-riċerka, l-għarfien u l-innovazzjoni fir-reġjuni tagħhom, ngħidu aħna bit-twaqqif ta' infrastruttura tar-riċerka, billi dan jippermettilhom jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE; jinkoraġġixxi lir-reġjuni jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom ta' R&Ż b'mod li jkunu komplementari għal dawk tal-FP7 u jappella għal ippjanar fit-tul f'livell reġjonali biex jinkisbu s-sinerġiji li jidderivaw mill-komplementarjetajiet tematiċi bejn l-istrumenti li bihom isir il-finanzjament;
18. Jenfasizza l-importanza tal-analizzar, tal-qsim u tal-integrar tal-aqwa prattiki li jirrigwardaw is-sinerġiji bejn l-istrumenti tal-politika; f'dan il-kuntest jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-koperazzjoni interdipartimentali u jitlobha żżid l-analiżi fil-livell reġjonali tal-potenzjal u l-ħtiġijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġbir tad-dejta kwalitattiva disponibbli; kif ukoll eżami tal-interrelazzjonijiet ma' strumenti oħrajn fl-istudji tal-valutazzjoni dwar wieħed mit-tliet strumenti finanzjarji, sabiex tkun tista' tingħata gwida konġunta;
19. Jinnota b'sosdifazzjon il-Gwida Prattika tal-UE għal Opportunitajiet ta' Finanzjament għar-Riċerka u l-Innovazzjoni; jirrakkomanda li fil-futur tali noti ta' gwida ta' min ikunu pprovduti hekk kif l-oqsfa leġiżlattivi jidħlu fis-seħħ; jistenna d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jinkludi eżempji ta' sinerġiji fil-prattika; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu r-rwol ta' faċilitatur, billi tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki, u tevalwa l-possibilità li tagħti appoġġ espert addizzjonali dwar opportunitajiet ta' finanzjament Komunitarju permezz ta' noti ta' gwida ex-ante u permezz ta' “manwal għall-utent”; għall-immaniġġjar u l-amministrazzjoni prattika tal-proġetti ta' riċerka u ta' innovazzjoni bl-iskop li jinkisbu r-riżultati maħsuba;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-burokrazija għall-FP7 u s-CIP biex jissaħħu l-effetti tas-sinerġiji mal-Fondi Strutturali;
21. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar kif tista' ssir aktar faċli l-applikazzjoni għall-għajnuna taħt id-diversi programmi permezz tal-użu ta' programmi tal-kompjuter b'manwali standardizzati;
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-attivitajiet tagħha li għandhom l-għan li jrawmu s-sinerġija, u biex iżżomm lill-Parlament Ewropew aġġornat dwar l-iżvilupp tagħhom, partikolarment dwar is-sitwazzjoni tal-koperazzjoni vertikali bejn l-UE u l-entitajiet nazzjonali u reġjonali;
23. Jappoġġja kollaborazzjoni isħaħ bejn il-punti ta' kuntatt nazzjonali tal-FP7, il-ġesturi tal-programmi tar-R&Ż u tal-aġenziji tal-innovazzjoni, billi jippermettu li l-aspetti jew il-fażijiet differenti tal-proġetti ta' riċerka u żvilupp jiġi ffinanzjati minn għejun differenti;
Rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss
24. Jilqa' l-enfasi fl-abbozz tal-istrateġija tal-UE 2020 dwar l-interdipendenza bejn il-politiki, l-importanza tal-integrazzjoni tal-politika u l-ħtieġa ta' sinerġiji aħjar u ta' sħubija aktar b'saħħitha fit-tfassil tal-politiki pubbliċi; jappella biex tingħata kunsiderazzjoni lill-ħtieġa espressa mill-bliet u mir-reġjuni għal qafas aktar komprensiv fit-tliet setturi tal-politika inkluża struttura ta' liaison tekniku fi ħdan il-Kummissjoni biex timmonitorja u tikkoordina s-sinerġiji għall-innovazzjoni u r-riċerka u l-programmi ta' żvilupp, u jitlob biex jiġi assoċċjat mat-tifsil u l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-iffinanzjar tal-UE u r-regolamenti tal-għajnuna statali; jappella wkoll sabiex l-koeżjoni territorjali jkollha rwol speċjali f'dan ir-rigward;
25. Jemmen li l-programmi futuri tar-R&Ż&I għandhom jikkumplimentaw l-isforzi nazzjonali, billi jorjentawhom u jiddinamizzawhom bl-iskop li jirrivitalizzaw l-irwol gwidatur u l-effett multiplikatur tal-għarfien, l-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-investiment nazzjonali fir-R&Ż&I;
26. Jenfasizza li sabiex l-għarfien u l-innovazzjoni jiġu kkonsolidati bħala mezzi ta' tkabbir ekonomiku futur, jeħtieġ li tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni, nibnu fuq ir-riżultati tar-riċerka, nippromwovu l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien madwar l-Unjoni, nisfruttaw l-ITCs bl-aktar mod sħiħ, niżguraw li l-ideat innovattivi jiġu riflessi fil-prodotti u s-servizzi li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi ta' kwalità u li jkkontribwixxu biex jintlaqgħu l-isfidi tal-bidla soċjali fl-Ewropa u fid-dinja, minkoraġġixxu l-intraprendenza, nagħtu prijorità lill-ħtiġijiet tal-utenti u l-opportunitajiet tas-suq, u niggarantixxu ffinanzjar aċċessibbli u adegwat abbażi ta' rwol ewlieni għall-Fondi Strutturali;
27. Jappoġġa t-tliet inizjattivi bandiera tal-Istrateġija tal-UE 2020 għall-kisba tat-tkabbir intelliġenti, jiġifieri “Unjoni għall-Innovazzjoni”, “Youth on the move” u “Aġenda diġitali għall-Ewropa”, li fl-implimentazzjoni tagħhom il-Fondi Strutturali se jkollhom rwol ewlieni;
28. Iqis li politika reġjonali tal-UE qawwija u ffinanzjata sew u li minnha jibbenefikaw ir-reġjuni kollha tal-UE hija prekundizzjoni biex jintlaqħu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE tal-2020 sabiex jiġi żgurat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u integrat b'livelli għolja ta' impjiegi, u produttività, kif ukoll biex tinkiseb koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza mogħtija mill-istrateġija tal-UE 2002 fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni;
29. Jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni u konsolidazzjoni tal-irwol tal-istrumenti tal-UE li jappoġġaw l-innovazzjoni, speċjalment il-Fondi Strutturali, l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD), il-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, is-CIP u l-pjan SET, bl-iskop li jkun hemm razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, li jiffaċilitaw l-aċċess għall-iffinanzjar, speċjalment għall-SMEs, u jiġu introdotti mekkaniżmi ta' inċentivi innovattivi bbażati fuq il-kisba tal-objettivi marbuta mat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u integrattiv, kif ukoll għall-promozzjoni ta' koperazzjoni eqreb mal-EIB;
30Jikkunsidra li l-Fondi Strutturali huma l-istrumenti xierqa ta' appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-kreattività u l-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar flessibilità biex jiġi żgurat l-użu malajr ta' dan l-iffinanzjar għall-iskopijiet ta' promozzjoni ta' inizjattivi innovattivi tan-negozju; jenfasizza f'dan il-kuntest il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikulari lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fuq skala wiesgħa, billi jiġi offrut appoġġ faċilment aċċessibbli, u jiġi pprovdut aċċess imtejjeb għar-riċerka, u t-trasferiment tat-teknoloġija u l-innovazzjoni orjentata lejn applikazzjoni prattika;
31. Jirrikkmanda li t-total tal-finanzjament li ma jintefaqx f'reġjuni partikolari skont in-N+2 u n-N+3 jerġa' jiġi assenjat lil proġetti u inizjattivi Komunitarji fuq bażi reġjonali;
32. Ifakkar li l-koeżjoni territorjali hi ta' natura orizzontali u multisettorjali, u għalhekk il-politiki tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tagħha; itenni li dan il-kunċett mhuwiex limitat għall-effetti tal-politika reġjonali, iżda jiffoka wkoll fuq il-koordinazzjoni ma' politiki oħra tal-Unjoni li huma maħsuba għall-iżvilupp sostenibbli u li joffru riżultati tanġibbli fil-livell reġjonali, sabiex il-forom speċifiċi ta' potenzjal reġjonali jiġu żviluppati u jintużaw bis-sħiħ, u sabiex jiżdied l-impatt tagħhom fuq il-post, biex ir-reġjuni jingħataw spinta ħalli jsiru aktar kompetittivi u attraenti u biex tinkiseb il-koeżjoni territorjali; huwa tal-opinjoni li “l-konċentrazzjoni, il-koperazzjoni, u l-konnessjoni” huma l-koordinati ewlenin tal-koeżjoni territorjali biex jintlaħaq żvilupp territorjali aktar ibbilanċjat fl-UE;
33. Jenfasizza l-ħtieġa ta' politiki bbażati lokalment u jqis li l-bliet u r-reġjuni għandhom jistinkaw għal speċjalizzazzjoni intelliġenti u sostenibbli billi jiddefinixxu ftit prijoritajiet ta' innovazzjoni bbażati fuq l-objettivi tal-UE u fuq il-ħtiġijiet tagħhom, kif identifikati fl-Istrateġiji ta' Innovazzjoni Reġjonali tagħhom, u jikkonċentraw ir-riżorsi assenjati mill-UE fuq dawn il-prijoritajiet identifikati; huwa tal-opinjoni li l-kapaċità ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-intraprendituri li jattiraw u jikkonvertu l-għarfien f'vantaġġ kompetittiv sostenibbli hija kruċjali għall-prestazzjoni ekonomika reġjonali b'valur miżjud anki għar-reġjuni tal-madwar inklużi partijiet ta' Stati Membri ġirien;
34. Jindika li r-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp ta' emissjonijiet baxxi jew saħansitra zero tal-karbonju u l-iffrankar enerġetiku, huma ta' importanza kritika fl-indirizzar tal-isfidi dinjin, bħalma hija l-bidla klimatika u s-sigurtà tal-provvisti enerġetiċi kif ukoll it-titjib tal-kompettittività f'livell reġjonali u lokali;
35. Jappoġġja l-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-ħolqien ta' “netwerk virtwali ta' kreattività” li jkun miftuħ għal kulħadd (negozji, awtoritajiet lokali u reġjonali, l-awtoritajiet pubbliċi ċentrali, is-settur privat u ċ-ċittadini) u li jipprovdi pariri, assistenza u aċċess għal kapital ta' riskju u servizzi tekniċi; jenfasizza li netwerk virtwali joffri l-vantaġġ addizzjonali li jipprovdi, lill-abitanti ta' gżejjer, reġjuni periferali, żoni rurali u muntanjużi u żoni b'popolazzjoni ta' densità baxxa, aċċess aktar faċli għal pariri esperti, edukazzjoni u informazzjoni, appoġġ għan-negozju u gwida finanzjarja;
36. Jenfasizza li l-koperazzjoni transnazzjonali hi l-bażi fundamentali tal-FP7 u s-CIP, u li l-koperazzjoni territorjali (permmezz ta' programmi transnazzjonali, interreġjonali u transkonfinali) tkun integrata mill-Fondi Strutturali; jitlob lill-Kummissjoni biex fil-futur issaħħaħ l-objettiv tal-koperazzjoni territorjali Ewropea permezz tal-integrazzjoni ulterjuri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilitajiet ta' tisħiħ tal-koperazzjoni territorjali fil-qasam tal-innovazzjoni f'kull wieħed mill-objettivi tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li għarfien aħjar tar-riżultat tal-FP7 u tas-CIP fil-livell reġjonali jiffaċilita l-koordinazzjoni prattika bejn il-politika Reġjonali tal-UE u dawk il-programmi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari għal din il-koordinazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jieħdu aktar miżuri għal kooperazzjoni transnazzjonali effettiva billi jiżviluppaw strateġiji reġjonali u nazzjonali koerenti għall-ksib tas-sinerġiji; jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-aċċessibilità tad-dejta f'din il-kwistjoni;
37. Jenfasizza li taħt is-Seba' Programm ta' Qafas jingħata appoġġ lill-koperazzjoni transnazzjonali fid-diversi forom tagħha kemm fl-UE u kemm barra l-UE, f'numru ta' oqsma tematiċi li jikkorrispondu għall-oqsma prinċipali tal- għarfien u t-teknoloġija, li fihom huwa neċessarju li r-riċerka ta' kwalità għolja tiġi appoġġjata u kkonsolidata sabiex l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali u industrijali li qed tiffaċċja l-Ewropa jiġu trattati;
38. Jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-impatt ta' miżuri ta' simplifikazzjoni meħuda diġà fuq l-immaniġjar tal-Fondi Strutturali bl-iskop li jiġi ppreparat il-qafas leġiżlattiv futur;
39. Jirrikonoxxi li kemm il-ġestjoni kondiviża kif ukoll il-ġestjoni ċentralizzata jirrikjedu regoli speċifiċi, u li l-approċċ “top-down” tal-FP7 u tas-CPI u l-approċċ “bottom-up” tal-Fondi Strutturali t-tnejn għandhom il-vantaġġi tagħhom; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li r-regoli, proċeduri u prattiki (regoli tal-eliġibilità, prezz standard għal kull unità, pagamenti ta' darba, eċċ.) li jirregolaw strumenti differenti jiġu armonizzati u li jkun żgurat li jkun hemm koordinazzjoni mtejba (tal-iskedi għas-sejħiet għall-proposti, temi u tipi ta' sejħiet, eċċ.); jappella lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilitajiet għal dan l-għan, mingħajr preġudizzju għall-ħiliet tal-Istati Membri u tar-reġjuni li jinsabu taħt ġestjoni kondiviża, filwaqt li jinkuraġġixxi kultura amministrattiva li tippromwovi approċċ multidixxiplinarju permezz ta' strateġiji trans-settorajli komuni f'sensiela ta' oqsma tematiċi, u permezz tad-djalogu kontinwu bejn il-komunitajiet differenti tal-politika sabiex tissaħħaħ il-koerenza fil-politika; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-amministrazzjoni tal-fondi kkonċernati u jitlob sabiex, fl-istess ħin li jsir użu mis-sinerġiji, iż-żvantaġġi speċifiċi taż-żewġ pilastri ta' appoġġ jiġu promossi u fl-istess waqt jiżdied l-impatt tagħhom;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Pjan tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li daqt se jiġi ppreżentat, ikun redatt bil-ħsieb li jsaħħaħ s-sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u l-Programmi ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazjzoni (FP7, CIP);
41. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kriterji speċifiċi ta' evalwazzjoni għall-valutazzjoni ta' proġetti inovattivi, u biex tqis il-proponiment ta' inċentivi regolatorji futuri għall-implimentazzjoni ta' miżuri innovattivi;
42. Jara ħtieġa ċara għal aktar għarfien esperti fil-livel reġjonali fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-iffinanzjar, il-proċeduri amministrattivi u finanzjarji, l-immaniġjar finanzjarju u l-inġinerija finanzjarja; jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibilità li jiġi pprovdut aktar appoġġ speċjalizzat u li tiżgura koperazzjoni eqreb bejn in-Netwerk Enterprise Europew u l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fond strutturali u rabta aktar mill-qrib bejn l-Inizjattiva Lead-Market, il-pjattaformi tat-teknoloġija u l-pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi reġjonali;
43Jinsisti dwar l-importanza li jiġu kkunsidrati l-opportunitajiet indaqs meta tiġi evalwata s-sostenibilità ta' proġetti u jiġi determinat l-aċċess għall-iffinanzjar mill-Fondi Strutturali u strumenti Komunitarji oħra;
44. Jenfasizza l-importanza ta' għajnuna aħjar fl-implimentazzjoni ta' politiki u programmi li jkabbru s-sinerġija fi ħdan il-katina ta' infrastrutturi tar-riċerka u l-iżvilupp – innovazzjoni – ħolqien tax-xogħol;
45. Jemmen li infrastrutturi ta' riċerka kbar kofinanzjati mill-Fondi Strutturali għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ogħla minn bord ta' evalwazzjonijiet inter pares internazzjonali, li jkollha effett pożittiv fuq l-infiq effiċjenti ta' Fondi Strutturali allokati;
46. Huwa konvint li l-impenn mil-leadership politika hija kemm prekondizzjoni għall-koerenza fil-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll għodda għat-titjib tagħha; b'dan quddiem għajnejh, jitlob li jitwaqqaf qafas ta' politika strateġika għar-riċerka u l-innovazzjoni, aġġustat fid-dawl tal-progress, l-informazzjoni ġdida u ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, u konsistenti mal-miri u l-prijoritajiet nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;
47. Itenni li l-mekkaniżmi informali li jiggvernaw il-koeżjoni territorjali u l-ippjanar spazjali fil-Kunsill għandhom jiġu sostitwiti minn strutturi aktar formali; huwa tal-opinjoni li dan l-iżvilupp akkumpanjat mill-ħolqien u t-tisħiħ ta' strutturi integrati u intertematiċi jirriżulta f'koordinazzjoni aħjar tal-politiki;
o o o
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra
340k
103k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra (2010/2038(INI))
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-12 ta' Awwissu 2009 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM 2009 (SEC(2009)1120),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2009 bit-titolu “Sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra (COM(2009)0545),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2009 dwar l-aġġornament tal-2009 tal-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2009)0034),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-UEM@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-finanzi pubbliċi fl-UEM 2007–2008(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2007(4),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-Samit ta' Pittsburgh li jistiednu biex jinżamm l-isforz ta' sostenn tat-tkabbir sakemm l-irkupru jikkonsolida ruħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Baġits (A7–0147/2010),
A. billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tesprimi tħassib dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi fil-kuntest ta' livelli ta' defiċit u ta' dejn għoljin, speċjalment fid-dawl ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, u billi l-effett tat-tixjiħ fuq id-distakk tas-sostenibilità, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, jiġi kkalkolat li hu bejn ħames darbiet u 20 darba ogħla mill-effetti tal-kriżi ekonomika attwali,
B. billi l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, minkejja r-reviżjoni tiegħu fl-2005, ma kienx biżżejjed biex jipprevjeni l-kriżi attwali,
C. billi hemm ħtieġa urġenti biex jiġi eżaminat b'aktar reqqa l-fenomenu tar-rata ta' twelid li qed tonqos fl-Unjoni Ewropea u l-kawżi u l-implikazzjonijiet ta' din, bl-għan li tittreġġa' lura din ix-xejra inkwetanti,
D. billi l-politika fiskali mhijiex waħda sostenibbli jekk timplika akkumulu eċċessiv ta' dejn pubbliku tul iż-żmien,
E. billi, fid-dawl tal-projezzjonijiet tal-komunikazzjoni u l-fatt li t-tixjiħ tal-popolazzjoni se jkollu impatti gravi fuq is-sostenibilità fuq il-medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi Ewropej, orizzont politiku sal-2060 huwa wieħed xieraq,
F. billi ż-żidiet fid-dejn u d-defiċit li qegħdin iġarrbu l-Istati Membri waqt il-kriżi u l-iżviluppi demografiċi proġettati se jagħmlu s-sostenibilità fiskali sfida kbira,
G. billi bidliet demografiċi fuq medda twila ta' żmien, partikolarment it-tixjiħ tal-popolazzjoni, fl-Istati Membri tal-UE għandhom implikazzjonijiet għall-finanzjament tal-iskemi nazzjonali tal-pensjonijiet,
H. billi xi wħud mill-Istati Membri ma ħadux biżżejjed miżuri biex inaqqsu n-nefqa amministrattiva tagħhom, iżommu taħt kontroll l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa u jirriformaw is-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet tagħhom, u billi l-Istati Membri kollha għandhom jadottaw l-aħħar prattika f'dan il-qasam,
I. billi matul is-sena 2009, id-defiċits u l-proporzjon ta' dejn tal-Istati Membri kollha żdiedu minħabba t-tnaqqis tad-dħul mit-taxxi kkawżata mill-kriżi u l-implimentazzjoni ta' miżuri eċċezzjonali ta' rkupru,
J. billi, bħala rispons għall-ewwel sinjali ta' rkupru, il-Kunsill Ewropew irrakkomanda f'Settembru 2009 li l-politiki fiskali għandhom ikunu “orjentat[i] mill-ġdid lejn is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien”, u enfasizza li “l-istrateġiji ta' ħruġ jeħtieġ li jkunu mfassla issa u mħaddma b'mod koordinat malli l-irkupru jibda jaqbad sew, filwaqt li jittieħed kont tal-qagħda speċifika ta' pajjiżi individwali”,
K. billi dan l-aħħar kien possibbli li tiġi osservata korrelazzjoni pożittiva bejn finanzi pubbliċi sodi u r-reżiljenza tal-ekonomija ta' pajjiż,
L. billi ż-żieda fid-dejn pubbliku tpoġġi piż gravi fuq il-ġenerazzjonijiet futuri,
M. billi id-dejn pubbliku f'ċerti Stati Membri żdied b'tali mod li jdgħajjef l-istabbiltà u li jirriżulta fi nfiq pubbliku kbir marbut mal-pagamenti ta' mgħax għad-detriment tan-nefqa li qed issir dejjem aktar importanti fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet,
N. billi s-self pubbliku li qed jiżdied jikkawża tagħwiġ fis-swieq finanzjarji minħabba li jgħolli r-rati ta' mgħax, b'konsegwenzi negattivi fuq il-familji kif ukoll fuq investimenti f'impjiegi ġodda,
O. billi nuqqas ta' governanza statistika effikaċi jew ta' istituzzjonijiet statistiċi indipendenti fl-Istati Membri qiegħda ddgħajjef l-integrità u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi,
P. billi partijiet oħra tad-dinja li sa reċentement kienu qed jikkompetu billi jipproduċu oġġetti ta' kwalità baxxa issa qed jidħlu f'livelli ta' kwalità għolja; billi dawn il-kompetituri jużaw teknoloġija avvanzata, filwaqt li xorta jħallsu pagi moderati bis-siegħa, mingħajr ma jkollhom jaffaċċjaw evoluzzjonijiet demografiċi negattivi, u f'kuntest li fih l-individwu qed itella' għadd kbir ta' sigħat tax-xogħol tul ħajtu; billi fl-Ewropa l-aħħar darba li ntlaħaq livell massimu ta' impjiegi kienet qabel il-kriżi taż-żejt tal-1973, billi l-livell massimu ta' impjiegi jibqa' madankollu objettiv li l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tilħaq, b'rispett tal-ispirtu tat-Trattati, u mhux askapitu tal-livell għoli tagħha ta' protezzjoni soċjali u ta' żvilupp uman,
Q. billi jeżistu diversi mezzi li jnaqqsu d-distakk tas-sostenibilità, bħaż-żieda fil-produttività ġenerali, u, l-aktar importanti ż-żieda fil-produttività fis-servizzi soċjali, età tal-irtirar ogħla, iż-żieda fir-rata ta' twelid jew iż-żieda fin-numru ta' immigranti,
R. billi l-evoluzzjonijiet demografiċi jiddependu mill-evoluzzjoni tar-rata ta' fertilità, li hija fil-parti l-kbira tagħha dipendenti fuq stimoli u benefiċċji tal-maternità, u tal-flussi migratorji,
S. billi l-livelli attwali ta' dejn u defiċit jheddu l-istess eżistenza tal-istat soċjali,
T. billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' riformi strutturali u ta' konsolidament ta' finanzi pubbliċi se jkollu effett mhux mixtieq fuq in-nefqa fir-rigward tal-kura tas-saħħa, il-pensjonijiet u l-impjiegi,
U. billi bosta Stati Membri qed jiksru l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u billi konformità korretta ma' dan kieku kienet ittaffi l-effetti negattivi tal-kriżi,
V. billi s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi mhux biss hija kruċjali għall-Ewropa inġenerali, imma wkoll speċifikament għall-baġit tal-Unjoni Ewropea,
W. billi, minkejja li l-baġit tal-Unjoni Ewropea fil-preżent huwa limitat għal madwar 1% tad-Dħul Nazzjonali Gross totali tal-Ewropa, il-prinċipji ġenerali u l-presupposti sottostanti tas-“sostenibilità” għandhom japplikaw ukoll għalih,
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-fondi pubbliċi fir-rigward tal-konsegwenzi tal-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi; ifakkar li l-isforzi magħmula fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir qabel il-kriżi kienu fil-parti l-kbira tagħhom immirati biex jilqgħu l-isfida demografika li qed tikber; jirrikonoxxi li ħafna minn dan l-isforz ġie fix-xejn minħabba l-ħtieġa li jiżdied drammatikament l-infiq pubbliku sabiex jiġi evitat kollass mad-dinja kollha tas-sistema finanzjarja u biex jittaffew il-konsegwenzi soċjali ta' dan il-kollass;
2. Jiddeplora l-fatt li anke qabel ma faqqgħat il-kriżi, il-prestazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri fil-konsolidament tal-fondi pubbliċi tagħhom ma kinitx impressjonanti minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi kienu favorevoli; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan kien ksur tal-miżuri preventivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, partikolarment wara li ġie mfassal mill-ġdid fl-2005, u li serjament naqqas il-kapaċità tal-Istati Membri li jaġixxu b'mod kontraċikliku hekk kif żvolġiet l-kriżi, u li wassal għal aktar inċertezza, livelli ogħla ta' qgħad u żieda fil-problemi soċjali;
3. Huwa konxju li l-livelli attwali tan-nefqa pubblika ma jistgħux jinżammu b'mod indefinit; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li joqogħd lura milli jiddeċiedi rigward pakkett ta' segwitu ta' miżuri ta' għajnuna sakemm ir-riżultati ta' dan preżenti jkunu ġew analizzati bir-reqqa u l-ħtieġa għal aktar azzjoni tkun intweriet b'mod ċar;
4. Jirrikonoxxi li l-operazzjonijiet maħsuba biex jipprevjenu kollass tas-settur finanzjarju kienu ta' suċċess, għalkemm għad hemm ħtieġa kbira ta' viġilanza; jistenna li jitnaqqas il-piż finanzjarju fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja lis-settur bankarju; ifaħħar l-approċċ ikkoordinat tal-banek ċentrali sabiex jiksbu dan l-objettiv; jappoġġa bis-sħiħ ir-riforma tas-sistema ta' superviżjoni prudenzjali u t-tfassil mill-ġdid tal-qafas tal-arkitettura finanzjarja;
5. Jenfasizza li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandu jimmira għall-bilanċ jew bilanċ pożittiv matul iż-żmien, li jirrikjedi bilanċ pożittiv fiż-żminijiet ekonomikament favorevoli u skemi tal-pensjonijiet li huma finanzjati b'mod trasparenti fil-qafas tal-baġits pubbliċi jew minn skemi privati finanzjati;
6. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien hija essenzjali għall-istabbiltà u t-tkabbir, u biex jinżammu livelli xierqa tan-nefqa pubblika; jenfasizza li livelli għoljin ta' dejn u ta' defiċit huma theddida għas-sostenibilità u se jkollhom effetti negattivi fuq il-kura tas-saħħa pubblika, il-pensjonijiet u l-impjiegi;
7. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-livelli għoljin ta' defiċit u ta' dejn fl-Istati Membri; iwissi kontra l-użu tal-kriżi bħala pretest biex ma jiġux ikkonsolidati l-finanzi pubbliċi, biex ma titnaqqasx in-nefqa pubblika u biex ma jiġux implimentati riformi strutturali, liema fatturi huma essenzjali għal ritorn għat-tkabbir u għall-impjiegi;
8. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-konsolidament tal-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis tal-livelli ta' defiċit u ta' dejn huma essenzjali biex jinżamm stat soċjali modern u sistema ta' ridistribuzzjoni li tipprovdi għas-soċjetà kollha kemm hi iżda li tappoġġa b'mod partikolari l-partijiet l-anqas privileġġati tagħha;
9. Jenfasizza li, jekk id-dejn pubbliku u r-rati ta' mgħax ikomplu jiżdiedu, il-ġenerazzjonijiet ta' għada u tal-lum mhumiex se jkunu jistgħu jifilħu jġarrbu spejjeż f'forma ta' pagamenti tar-rata ta' mgħax mingħajr ma jiġu pperikolati l-mudelli tal-istat soċjali;
10. Jinsab imħasseb sew li ħafna Stati Membri qegħdin jiksru l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri naqsu milli jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom fi żminijiet ekonomikament favorevoli qabel ma faqqgħet il-kriżi; jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni li s-sostenibilità tad-dejn għandha tingħata rwol prominenti u espliċitu ħafna fil-proċeduri ta' sorveljanza; iħeġġeġ bil-qawwi lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi l-konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;
11. Iwissi kontra t-twaqqif ħesrem tal-appoġġ għall-ekonomija reali sabiex jiġi evitat li jkun hemm reċessjoni tat-tip “double dip”; jiġbed l-attenzjoni fuq l-effetti mhux mixtieqa jew ta' rtirar prematur tal-miżuri ta' sostenn jew ta' dewmien żejjed biex jittieħdu miżuri korrettivi fir-rigward tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn il-miżuri kienu intenzjonati espliċitament li jkunu f'waqthom, immirati u temporanji; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-istrateġija ta' ħruġ mill-miżuri kontinġenti attwali; jappoġġa l-approċċ tal-Kummissjoni msejjes fuq strateġiji ta' ħruġ li huma differenzjati bejn pajjiżi f'termini ta' żmien u ta' ambitu; jifhem li l-irtirar mill-miżuri, għall-ewwel grupp ta' pajjiżi, se jibda fl-2011; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom sabiex jimplimentaw l-istrateġiji ta' ħruġ bl-aktar mod sod u mill-aktar fis possibbli;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal Green Paper dwar ir-rata ta' twelid fl-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika l-kawżi u l-implikazzjonijiet tar-rata ta' twelid li qed tonqos, kif ukoll soluzzjonijiet u alternattivi li jirrigwardaw din il-problema;
13. Iqis li l-istrateġija fiskali ta' ħruġ għandha titnieda qabel l-istrateġija monetarja ta' ħruġ sabiex tippermetti li din tal-aħħar tiġi implimentata b'mod korrett, u b'hekk jiġi żgurat li l-BĊE, li b'suċċess irnexxilu jevita milli jaqa' f'deflazzjoni, ikun jista' jiżgura b'mod daqstant ieħor tajjeb li l-inflazzjoni ma tirrovinax l-irkupru; jifhem li l-BĊE tefa' ħjiel li fin-nuqqas ta' riedni fiskali f'waqtu, sfortunatament, il-miżuri monetarji ristrettivi ser ikollhom ikunu iktar stretti milli mistenni;
14. Jenfasizza li t-tnaqqis fl-istimolu finanzjarju għandu jkun ikkumbinat ma' sforzi biex is-suq intern isir aktar dinamiku, kompetittiv u attraenti għall-investiment;
15. Jenfasizza li ħruġ gradwali u kontrollat mid-defiċits huwa ta' importanza kruċjali sabiex ir-rati ta' mgħax jinżammu baxxi u l-piż tad-dejn jinżamm limitat, u b'hekk tiġi salvagwardata l-kapaċità li jinżammu n-nefqa soċjali u l-istandards ta' ħajja għall-familji;
16. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rati baxxi ta' mgħax iwasslu għal investiment u rkupru; huwa konxju tal-effetti li attivitajiet intensi ta' self ta' gvern għandhom fuq il-livelli ta' mgħax; jiddeplora bil-qawwi l-fatt li dan wassal għal tixrid taż-żieda tar-rati ta' mgħax fl-UE; iwissi lill-Istati Membri biex jieħdu f'kunsiderazzjoni l-effetti tad-deċiżjonijiet baġitarji tagħhom fuq ir-rati ta' mgħax tas-suq; huwa tal-fehma li finanzi pubbliċi sodi huma prerekwiżit għal impjiegi sikuri; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-gvernijiet, huma u jgħollu l-prezz tas-self, iżidu wkoll il-piż fuq il-baġits tagħhom stess;
17. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-effetti antiċikliċi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jistgħu jaħdmu biss jekk l-Istati Membri jiksbu b'mod effikaċi bilanċ pożittiv tal-baġit fiż-żminijiet favorevoli; jappella, fid-dawl ta' dan, għal implimentazzjoni aħjar tal-miżuri preventivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ukoll; jappella biex jitwarrab il-prinċipju ta' “onfoq l-ewwel u rrimborsa wara” u jieħu postu l-prinċipju ta' “iffranka għal emerġenza futura possibbli”, ifakkar li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jirrikjedi li l-Istati Membri jiksbu, f'terminu medju ta' żmien, baġit li jkun f'bilanċ jew pożittiv, fis-sens li defiċit ta' 3% mhuwiex objettiv, iżda l-limitu assolut permess, anki fl-ambitu tal-Patt rivedut;
18. Jappella għal riformi strutturali mwettqa b'mod parallel għall-korrezzjoni tal-pakketti tal-għajnuna sabiex jiġu evitati kriżijiet futuri kif ukoll biex tiżdied il-kompetittività tal-impriżi Ewropej, jinkiseb aktar tkabbir u tingħata spinta lill-impjiegi;
19. Jenfasizza li, fil-kuntest li fih ikun hemm ħtieġa li jinkisbu finanzi pubbliċi sodi, sa mhux aktar tard mill-2011 l-Istati Membri kollha għandhom ikunu bdew inaqqsu d-distakk ta' sostenibilità tagħhom;
20. Jirrikonoxxi li l-istimolu fiskali u l-istabbilizzaturi awtomatiċi mingħajr irbit urew li kienu ta' suċċess u jipproponi li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jimmiraw għal bilanċ fil-baġit billi l-eċċess tal-baġit primarju jiġi allokat għall-ħlas lura tad-dejn meta l-ekonomija tkun miexja lejn irkupru fit-tul;
21. Jenfasizza l-importanza speċjali tal-miżuri li jippromwovu l-impjiegi u l-investimenti fuq medda twila ta' żmien immirati lejn iż-żieda tal-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku u lejn spinta lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;
22. Jenfasizza li, fir-rigward tal-isfidi demografiċi attwali li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE, il-miżuri għal kontra l-kriżi m'għandux ikollhom effetti għal medda twila ta' żmien fuq il-finanzi pubbliċi, li l-ispiża tagħhom kieku jkollha titħallas mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada;
23. Jappoġġa l-idea li koordinament akbar tal-politiki ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa ħtieġa imperattiva u jġib miegħu sinerġiji addizzjonali;
24. Jirrikonoxxi li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir mhuwiex strument suffiċjenti għall-armonizzazzjoni tal-politiki fiskali u ekonomiċi tal-Istati Membri;
25. Jappoġġa, għaldaqstant, reviżjoni tal-mekkaniżmi meħtieġa biex l-ekonomiji nazzjonali fi ħdan l-UE jitreġġgħu lura għat-triq tal-konverġenza;
26. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tfassal mekkaniżmu adegwat ta' kooperazzjoni flimkien mal-FMI f'każijiet speċjali fejn l-Istati Membri jingħataw appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti mill-FMI;
27. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inflazzjoni għolja ma tistax tkun risposta għall-ħtieġa ta' aġġustament fiskali, minħabba li timponi spejjeż ekonomiċi sostanzjali u tirrappreżenta theddida għal tkabbir sostenibbli u inklussiv;
28. Jaqbel mal-Kummissjoni li “l-espansjoni fiskali b'suċċess biex tpatti għar-reċessjoni u s-sostenibilità fiskali fuq medda twila ta' żmien mhumiex inkompatibbli”, iżda jwissi kontra r-riskji ta' estensjoni żejda u artifiċjali bbażata fuq nefqa pubblika ogħla, li hemm ċans li jdgħajfu l-politika;
29. Huwa tal-fehma li l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fuq il-bażi ta' sensiela ta' deċiżjonijiet speċifiċi għal medda qasira ta' żmien se tistabbilixxi s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi, u li huwa fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din is-sensiela ta' deċiżjonijiet għal medda qasira ta' żmien, permezz tal-għoti ta' struttura għal medda qasira ta' żmien, li l-kwistjoni tas-sostenibilità tad-dejn pubbliku għandha tiġi indirizzata;
30. Iqis li l-politika baġitarja għandha, b'mod predominanti permezz ta' allokazzjoni mill-ġdid, tbiddel it-tfaddil disponibbli f'investimenti li jagħtu spinta lit-tkabbir, pereżempju investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, il-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali, l-iżvilupp ta' ekonomija tal-UE iktar ekoloġika, iktar intelliġenti, iktar innovattiva u iktar kompetittiva u kapaċi tegħleb l-isfida tal-edukazzjoni;
31. Jenfasizza li proporzjon sostanzjali tan-nefqa pubblika u soċjali tista' tkun spiża produttiva, jekk tkun immirata lejn proġetti li għandhom impatt ta' benefiċċju fuq l-akkumulu ta' kapital fiżiku u uman, kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkontrollata ż-żieda fil-piż ikkawżat mid-dejn biex jiġi żgurat li l-ispiża li qed tiżdied għar-rati ta' mgħax ma ċċekkinx in-nefqa soċjali essenzjali; jisħaq fuq il-fatt li riżorsi saħansitra aktar skarsi jagħmlu essenzjali t-titjib tal-kwalità tan-nefqa pubblika;
32. Jenfasizza li l-miżuri li jtaffu l-effett tal-qgħad li huma s-sistemi ta' protezzjoni soċjali rriżultaw partikolarment effikaċi fi żminijiet ta' kriżi; jenfasizza li finanzi pubbliċi stabbli jikkostitwixxu prekundizzjoni biex jiġi żgurat li dan ikun il-każ fil-futur ukoll;
33. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-iskemi statutarji tal-pensjonijiet tiddependi mhux biss mill-evoluzzjoni demografika, iżda wkoll mill-produttività tal-popolazzjoni attiva (li tinfluwenza r-rata tat-tkabbir potenzjali), l-età ta' rtirar effettiva kif ukoll il-parti tal-PDG allokata għall-finanzjament tal-iskemi msemmija; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-konsolidament tal-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis tal-livelli tad-dejn u tad-defiċit huma fatturi importanti għas-sostenibilità;
34. Jinnota li demografija li qed tinbidel, partikolarment popolazzjoni li qed tixjieħ, tfisser li l-iskemi tal-pensjonijiet tal-Istat f'ħafna Stati Membri, speċjalment fir-rigward tal-bażi kontributtiva, għandhom jiġu riformati minn żmien għal żmien biex jibqgħu finanzjarjament sostenibbli;
35. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-piż tad-dejn jiżdied meta r-rati ta' mgħax reali huma ogħla mir-rata ta' tkabbir tal-PDG, u li s-swieq jivvalutaw ir-riskji bħal aktar gravi meta jiżdied il-piż tad-dejn;
36. Huwa tal-fehma li r-rati ta' mgħax assoċjati mas-self min-naħa tal-Istat jirriflettu kif is-swieq jivvalutaw is-sostenibilità tad-dejn ta' Stat Membru;
37. Josserva li defiċit li qed jiżdied jgħolli l-prezz tas-self, parzjalment minħabba l-fatt li s-swieq jivvalutaw li r-riskji jkunu aktar gravi meta l-piż tad-dejn ikun qed jiżdied b'ritmu iktar mgħaġġel mit-tkabbir ekonomiku u l-kapaċità li jitħallas lura s-self;
38. Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi finanzjarja attwali enfasizzat bl-iktar mod ċar possibbli r-rabta diretta bejn l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; jenfasizza, f'dak il-kuntest, il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni superviżorja msaħħa u integrata dwar is-swieq finanzjarji li għandha tinkludi mekkaniżmi sodi għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri;
39. Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studji li jivvalutaw il-kwalità tad-dejn tal-Istati Membri;
40. Josserva li jekk il-finanzi pubbliċi ta' Stat Membru jridu jkunu kredibbli, effettivi u ġenwinament indipendenti, jinħtieġu governanza statistika u viġilanza xierqa mill-Kummissjoni;
41. Jissuġġerixxi, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tan-nefqa fiskali mġarrba mill-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom, f'termini ta' impatt fuq il-produzzjoni, fuq il-kontijiet pubbliċi u biex jistimulaw u jħarsu l-impjiegi, kemm f'terminu qasir ta' żmien kif ukoll fit-tul;
42. Jinnota li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għadu jifforma s-sinsla tad-dixxiplina meħtieġa biex tintlaħaq sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi u li l-Istati Membri għandhom jiġġeneraw bilanċi pożittivi mill-finanzi pubbliċi tagħhom fi “żminijiet favorevoli” u defiċits fi “żminijiet sfavorevoli” biss;
43. Jenfasizza li l-attakki spekulattivi reċenti fuq bosta ekonomiji Ewropej kellhom bħala mira primarja l-munita euro nnifisha u l-konverġenza ekonomika Ewropea; huwa konvint, f'dan is-sens, li l-problemi Ewropej jeħtieġu soluzzjonijiet Ewropej, li għandhom joffru strumenti interni biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' nuqqasijiet bil-kumbinazzjoni ta' dixxiplina fiskali nazzjonali ma' mekkaniżmi ta' appoġġ finanzjarju meta jkun falla kull tentattiv ieħor;
44. Jappella biex id-defiċit strutturali jinżamm bħala wieħed mill-indikaturi użati biex jiddetermina s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi;
45. Iqis strateġija mġedda għat-tkabbir u l-impjiegi bħala kontributur prinċipali għal finanzi pubbliċi sostenibbli fl-Unjoni Ewropea; jemmen li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li timmodernizza l-ekonomija tagħha, partikolarment il-bażi industrijali tagħha; jappella għal allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi fil-baġit tal-UE u tal-Istati Membri lejn investiment ikbar fir-riċerka u l-innovazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrateġija l-ġdida “Ewropa 2020” teħtieġ strumenti vinkolanti biex tirnexxi;
46. Jenfasizza l-ħtieġa biex is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE tkun immonitorjata kostantement sabiex jiġi valutat il-kobor tal-isfidi fit-tul; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal pubblikazzjoni regolari ta' informazzjoni dwar il-passivi miftuħa tas-settur pubbliku u l-passivi tas-sistemi soċjali, eż. l-iskemi tal-pensjonijiet;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra t-tnaqqis fid-distakk tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi bħala parti essenzjali mill-istrateġija UE 2020;
48. Jistieden lill-Istati Membri biex wara li jimlew id-distakk tas-sostenibilità tagħhom, inaqqsu l-proporzjon pubbliku tagħhom bejn id-dejn u l-PDG għal massimu ta' 60%;
49. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-firxa tar-rati ta' mgħax fis-swieq kapitali hija l-indikatur prinċipali tas-solvenza tal-Istati Membri individwali;
50. Huwa estremament imħasseb dwar id-diskrepanzi fil-kwalità tal-istatistika, li tista' tiġi osservata fl-UE b'mod ġenerali u fiż-żona euro b'mod partikolari;
51. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi hija wkoll fundamentalment marbuta mal-baġit tal-UE u mal-finanzjament tiegħu;
52. Jenfasizza r-rwol pożittiv ħafna tal-baġit tal-UE, minkejja li limitat ħafna mill-MFF, fit-taffija tal-effetti tal-kriżi permezz tal-finanzjament tal-Pjan ta' Rkupru Ewropew u r-riallokazzjoni tal-fondi favur oqsma prijoritarji f'dak ir-rigward; jiddeplora, madankollu, in-nuqqas ta' koordinament adegwat bejn il-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja, kif ukoll biex jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi;
Id-dimensjoni soċjali u tal-impjiegi tal-istrateġija ta' ħruġ mill-kriżi
53. Jinnota li ż-żieda fil-qgħad u d-dejn pubbliku kif ukoll it-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku kkawżati mill-kriżi ekonomika ma jaqblux mal-objettiv tal-finanzi pubbliċi sostenibbli; jinnota l-bżonn li l-Istati Membri jikkonsolidaw il-kontijiet tagħhom u jtejbu l-likwidità tal-finanzi pubbliċi biex inaqqsu l-prezz tad-dejn iżda anki l-bżonn li dan isir b'mod bilanċjat f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari eżistenti fl-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, li qtugħ indiskriminat fl-investimenti pubbliċi, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-iżvilupp għandhom konsegwenzi negattivi fuq il-prospettivi għat-tkabbir, għall-impjiegi u għall-inklużjoni soċjali u għalhekk iqis li investimenti fuq medda twila ta' żmien f'dawn l-oqsma jridu jkomplu jiġu promossi, u fejn meħtieġ imwessgħin;
54. Jenfasizza li l-irkupru attwali għadu fraġli u li l-qgħad għadu qed jiżdied fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u speċjalment iż-żgħażagħ huma dawk l-aktar milquta; jemmen bil-qawwi li l-kriżi finanzjarja ma tistax titħabbar bħala mitmuma sakemm il-qgħad jonqos sostanzjalment u b'mod sostenibbli u jenfasizza l-fatt li s-sigurtà soċjali tal-Ewropa wriet il-valur tagħha billi pprovdiet stabbiltà u kkontribwixxiet għall-irkupru;
55. Iqis li huwa essenzjali li jiġu valutati sew l-effetti soċjali u dawk relatati mal-impjiegi tal-kriżi u li tiġi definita fuq livell tal-UE strateġija ta' rkupru bbażata fuq l-appoġġ għall-impjiegi, it-taħriġ u l-investiment li jwassal għal attività ekonomika għolja, it-tisħiħ tal-kompetittività u tal-produttività tal-impriżi, speċjalment għall-SMEs, u r-rivitalizzazzjoni tal-industrija filwaqt li tiżgura t-tranżizzjoni tagħha lejn ekonomija sostenibbli kompetittiva; jemmen li dawn il-miri għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020;
56. Hu tal-fehma li l-istrateġija tal-irkupru ekonomiku fl-ebda ċirkostanza ma għandha tagħti lok għal żbilanċi strutturali ġodda u għal disparitajiet tad-dħul prinċipali, li qed iżommu lura l-produttività u l-kompetittività fl-ekonomija, iżda anzi għandha tintroduċi r-riformi meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċi; iqis li l-miżuri finanzjarji u fiksali meħuda mill-Istati Membri għandhom iħarsu s-salarji, il-pensjonijiet, il-benefiċċji għall-qgħad u l-kapaċità tal-akkwist tal-familji mingħajr ma jipperikolaw is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi jew il-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali fil-futur;
57. Jinnota li t-tixjiħ tal-popolazzjoni mbassar fis-snin li ġejjin se jippreżenta sfida liema bħalha għall-pajjiżi tal-UE; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-miżuri kontra l-kriżi ma għandhomx, fil-prinċipju, joħolqu konsegwenzi fit-tul għall-finanzi pubbliċi jew jitfgħu piż żejjed fuq il-ġenerazzjonijiet futuri bi ħlasijiet lura tad-dejn attwali;
58. Jisħaq fuq l-importanza li l-irkupru ekonomiku jkun marbut ma' politiki mmirati biex ikun indirizzat il-qgħad strutturali, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità u n-nisa, bil-għan li jiżdiedu l-impjiegi ta' kwalità, u b'hekk tissaħħaħ il-produttività tax-xogħol u tal-investiment; f'dan ir-rigward, iqis bħala importanti l-politiki li jtejbu l-kwalità tal-kapital uman, bħall-edukazzjoni jew il-politiki fil-qasam tal-kura tas-saħħa mmirati li jiżviluppaw forza tax-xogħol aktar produttiva u li topera aktar fit-tul u l-politiki mmirati biex itawlu l-perjodu tal-attività professjonali; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex isaħħu l-politiki u l-miżuri tagħhom fil-qasam tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol, billi jqegħduhom fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020;
L-impatt tal-bidla demografika u l-istrateġija għall-impjiegi
59. Iqis li s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi tiddependi ħafna fuq l-abilità li jogħla l-livell ta' persuni impjegati biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u dawk marbuta mal-baġit, b'referenza partikolari għas-sostenibilità tal-iskemi tal-pensjonijiet; huwa tal-fehma li l-kapital uman Ewropew eżistenti jista' jiġi appoġġat fit-terminu medju b'politiki xierqa dwar il-migrazzjoni li jissarrfu fl-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u fl-għoti taċ-ċittadinanza;
60. Jisħaq fuq il-fatt li żieda fil-livelli ta' impjiegi hija essenzjali biex l-UE tlaħħaq mal-popolazzjoni li qed tixjieħ u jenfasizza li l-parteċipazzjoni għolja fis-suq tax-xogħol hija prekundizzjoni għat-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni soċjali u l-ekonomija tas-suq soċjali li tkun sostenibbli u kompetittiva;
61. Hu tal-fehma li l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tieħu l-forma ta' “patt dwar il-politika ekonomika, tal-impjiegi u soċjali” li jkollha l-għan li ssostni l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u tiffoka fuq l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol għal kulħadd, jiġifieri waħda li tħares bl-aħjar mod iċ-ċittadini mill-esklużjoni soċjali; jisħaq fuq il-fatt li l-politiki kollha għandhom isaħħu lil xulxin biex jinkisbu sinerġiji pożittivi; hu tal-fehma li l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq linji gwida, u fejn possibbli indikaturi u parametri ta' referenza li jistgħu jitkejlu u jitqabblu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak tal-UE;
Is-sostenibilità tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali
62. Iqis li l-politika tal-finanzi pubbliċi kkoordinata fuq livell tal-UE u orjentata lejn it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi ta' kwalità u l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa biex tkun żgurata l-vijabilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali hija waħda mir-reazzjonijiet meħtieġa għall-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali u l-isfidi tal-bidliet demografiċi u dawk marbuta mal-globalizzazzjoni;
63. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ekwilibriju fit-tul tal-iskemi statutarji tal-pensjonijiet jiddependi mhux biss mill-evoluzzjonijiet tal-popolazzjoni, iżda wkoll mill-produttività ta' dawk attivi f'xogħol, li tinfluwenza r-rata tat-tkabbir potenzjali, kif ukoll mill-proporzjon tal-PDG riservat għall-finanzjament tal-iskemi msemmija;
64. Jisħaq fuq l-importanza tal-Green Paper imminenti dwar ir-riforma tal-pensjonijiet u jqis li l-iżvilupp ta' sistemi tal-pensjonijiet sostenibbli, siguri u diversifikati sew b'sorsi differenti ta' finanzjament marbuta mal-andament tas-suq tax-xogħol jew mas-swieq finanzjarji u li jistgħu jieħdu l-forma ta' skemi tal-kumpaniji, u li jinvolvu skemi pubbliċi, oħrajn supplimentari bbażati fuq minn iħaddem u oħrajn individwali, huma vitali u għandhom ikun mħeġġa kuntrattwalment u fiskalment; jirrikonoxxi, għalhekk, l-importanza tal-litteriżmu tal-pensjoni fost iċ-ċittadini tal-UE;
65. Jenfasizza li, fuq medda twila ta' żmien, l-obbligi tal-pensjonijiet impliċiti jirrappreżentaw waħda mill-akbar partijiet tad-dejn pubbliku totali, u li l-Istati Membri għandhom jippubblikaw regolarment tagħrif dwar l-obbligi tal-pensjonijiet impliċiti tagħhom, billi jsegwu l-metodoloġija komuni li hemm qbil dwarha;
66. Huwa tal-fehma li l-bżonn li jkun hemm finanzi pubbliċi sostenibbli kif ukoll sigurtà soċjali adegwata u skemi ta' inklużjoni jirrikjedi li tiżdied il-kwalità u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni u tan-nefqa pubblika, u li l-Istati Membri għandhom jitħeġġew iqisu miżuri biex jiżguraw li l-piż fiskali jinqasam b'mod ekwu bi tnaqqis progressiv u inċiżiv tal-piż fiskali fuq l-impjiegi u fuq l-SMEs; hu tal-fehma li dan għandu jgħin biex jonqos il-faqar, jiggarantixxi l-koeżjoni soċjali u jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-produttività, li huma fatturi fundamentali fil-kompetittività u fis-sostenibilità tal-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew;
o o o
67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
Il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona
312k
81k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona (2009/2235(INI))
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 174 sa 178 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-Koeżjoni(2),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar “l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji ta' koeżjoni u l-programmi operazzjonali”(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Awwissu 2007 dwar “Reġjuni Ewropej kompetittivi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni - Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb” (COM(2007)0474),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2007 dwar “Reġjuni li jwasslu l-innovazzjoni permezz tal-politika ta' koeżjoni” (SEC(2007)1547),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona” (COM(2005)0024),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni “Dokument ta' evalwazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona” (SEC(2010)0114),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar “It-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni tal-Istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, 2007-2013” (COM(2007)0798),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Mejju 2008 dwar “Ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013” (COM(2008)0301),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2009 dwar l-20 rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali (2008) (COM (2009)0617),
– wara li kkunsidra l-evalwazzjonijiet ex post tal-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2009 dwar Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Futura “EU2020” (COM(2009)0647),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew Informali tal-11 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020 u r-riżultat tagħha (SEC2010)0116),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 “Ewropa 2020. Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 li jħeġġeġ dibattitu tal-UE dwar il-koeżjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7–0129/2010),
A. billi, wieħed iżomm f'moħħu li l-għan finali tal-politika ta' koeżjoni huwa li jitnaqqas id-distakk bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u l-limitu sa fejn ir-reġjuni l-inqas favoriti u l-gżejjer (inklużi ż-żoni rurali) qed jaqgħu lura, mill-2007 r-regolamenti tal-Fondi Strutturali jinkludu l-għoti obbligatorju ta' flus għall-objettivi ta' Lisbona għall-UE15 u mekkaniżmu simili għall-għoti mhux obbligatorju ġie applikat b'mod volontarju mill-UE12, b'tali mod li r-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni jappellaw għall-Istati Membri u r-reġjuni, it-tkabbir u l-impjiegi,
B. billi - b'mod partikolari matul ir-reċessjoni attwali - il-politika ta' koeżjoni hija waħda mill-istrumenti ewlenin biex jitrawmu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi fl-UE minħabba, fost affarijiet oħra, l-ammont stabbli tagħha ta' fondi għal programmi u politiki ta' żvilupp fuq tul ta' żmien twil, is-sistema ta' mmaniġġjar deċentralizzata applikata u l-inklużjoni ta' prijoritajiet ta' żvilupp sostenibbli Komunitarji fost l-objettivi fundamentali tagħha,
C. billi żewġ terzi tal-investiment tas-settur pubbliku madwar l-UE ġej mil-livelli reġjonali u lokali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali spiss jikkonċentraw kompetenzi sostanzjali tal-politika u huma atturi ewlenin fit-twassil kemm tal-Istrateġija attwali ta' Lisbona kif ukoll tal-Istrateġija futura tal-UE2020,
D. billi l-politika ta' koeżjoni u l-Istrateġija UE 2020 għandhom jiġu integrati minħabba li l-politika ta' koeżjoni hija inkluża fit-Trattat ta' Lisbona sabiex jitrawmu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg, li huma l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija,
E. billi l-istrateġija proposta UE2020, simili għall-Istrateġija ta' Lisbona, ma tirriflettix b'mod suffiċjenti l-livelli ta' żvilupp differenti ta' reġjuni u Stati Membri u għalhekk ma tenfasizzax biżżejjed il-koeżjoni ekonomika fl-UE mkabbra,
Il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġija ta' Lisbona
1. Josserva li fl-allokazzjonijiet tal-programm għall-2007-2013 madwar €228 biljun ġew assenjati matul il-perjodu ta' 7 snin għall-prijoritajiet ta' Lisbona; jindika li l-allokazzjonijiet inġenerali, fl-UE12 ukoll, marru “l bogħod mill-persentaġġi suġġeriti;
2. Jinnota li l-allokazzjonijiet ivarjaw ħafna madwar l-Istati Membri u fost l-Objettivi; jenfasizza li m'hemmx politika waħda li tgħodd għall-oqsma kollha u li tentattiv bħal dan iwassal għal nuqqas ta' sjieda u identifikazzjoni bi kwalunkwe strateġija għat-tkabbir u jirriżulta fl-implimentazzjoni fqira tagħha;
3. Ifakkar li diġà fil-perjodu 2000-2006, minkejja l-assenza ta' mekkaniżmu ta' assenjazzjoni, ir-rabta bejn il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġija ta' Lisbona kienet b'saħħitha b'€10.2 biljuni investiti fir-riċerka u l-innovazzjoni;
4. Huwa tal-fehma li l-Istrateġija ta' Lisbona oriġinali, ibbażata biss fuq il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, strutturalment ma kienx possibbli li jinkisbu l-miri msemmija u li kien biss meta kienet marbuta mal-Politika ta' Koeżjoni li ntlaħqu riżultati veri; jisħaq li dan l-iżball għandu jiġi evitat fl-istrateġija proposta UE 2020;
5. Jiddispjaċih li minħabba d-dewmien għall-bidu tal-programmi u n-nuqqas sussegwenti ta' data dwar l-infiq, il-korrispondenza bejn l-allokazzjonijiet tal-programm u n-nefqa proprja ma tistax tiġi verifikata f'dan l-istadju, u lanqas hu possibbli li jiġi evalwat jekk l-investimenti ta' Lisbona humiex affidabbli, b'mod partikolari fir-rigward ta' programmar f'pajjiżi inqas avvanzati; jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport strateġiku tal-Kummissjoni u jitlob li dibattitu interistituzzjonali ta' livell għoli jsir fuq din il-bażi biex janalizza l-kontribuzzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-objettivi ta' Lisbona u biex jevalwa interrelazzjonijiet futuri;
6. Jikkritika n-nuqqas ta' evalwazzjoni ġenerali tal-impatt tan-nefqa ta' koeżjoni dwar l-iżvilupp reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt territorjali tal-assenjazzjoni ta' Fondi Strutturali għall-Istrateġija ta' Lisbona u biex tevalwa jekk din is-sistema hijiex verament qiegħda tikkontribwixxi għal żvilupp reġjonali bilanċjat u koerenti;
7. Jirrikonoxxi li evalwazzjoni effettiva għandha tkun ibbażata fuq indikaturi li jippermettu t-tqabbil tad-data u l-aggregazzjoni fost ir-reġjuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħejji proposta għall-indikaturi tal-evalwazzjoni qabel l-2012 sabiex tipprovdi l-mezzi biex tkejjel ir-riżultat tal-impatt kif ukoll fir-rigward tal-kwantità u l-kwalità u biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;
8. Jiddispjaċih li, filwaqt li l-objettivi ewlenin tal-Aġenda ta' Lisbona inizjalment inkludew it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali, it-tnedija mill-ġdid tal-Istrateġija fl-2005 ppreżentat programm anqas ambizzjuż;
9. Jikkunsidra l-governanza dgħajfa f'ħafna livelli bħala waħda mil-limiti ewlenin tal-Istrateġija ta' Lisbona, bl-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġija; jirrakkomanda l-integrazzjoni qawwija tagħhom fil-futur fl-istadji kollha;
10. Jenfasizza li meta l-prinċipju ta' sħubija ġie applikat fl-Istrateġija ta' Lisbona, żied is-sens ta' approprjazzjoni tal-objettivi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll mill-partijiet ekonomiċi u soċjali interessati, u sostenibilità ogħla żgurata tal-intervenzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija fl-Istati Membri b'mod aktar effikaċi;
11. Jinnota li r-reġjuni u l-ibliet tal-Ewropa jiżvolġu rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona, minħabba li huma atturi ewlenin fil-qasam tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-politika ta' edukazzjoni; jindika li huma jimplimentaw aktar minn terz tal-investiment pubbliku kollu fl-UE u kulma jmur qed jiffikuaw aktar l-infiq tal-Fond Strutturali fuq it-tkabbir – u l-objettivi relatati mal-impjiegi;
12. Jindika li l-livell reġjonali u b'mod partikolari dak lokali għandu rwol kruċjali x'jilgħab bħala l-magna biex tilħaq atturi ekonomiċi u soċjali numerużi li jgħixu u jipproduċu fl-Ewropa, partikolarment l-SMEs, u dawk li jrawmu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;
13. Jiddispjaċih dwar is-sinerġiji dgħajfin li jeżistu bejn l-Oqsfa ta' Referenza Strateġika Nazzjonali u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma skont l-istrateġija; jirrakkomanda djalogu aktar b'saħħtu u regolari fil-livelli kollha, inkluż il-livell Komunitarju, bejn amministrazzjonijiet responsabbli mill-politika ta' koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Lisbona/UE2020 u l-isħab relevanti mill-kumitat tal-monitoraġġ;
14. Japprezza li r-riżultati li saru sa issa permezz tal-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja u l-koperazzjoni mal-BEI fit-trawwim tal-innovazzjoni u r-riċerka permezz ta' forom rinnovabbli ta' finanzjament u jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu r-rabtiet bejn l-istrument ta' finanzjament tal-UE u l-istrumenti ta' finanzjament tal-BEI; jirrikonoxxi l-potenzjal għall-ingranaġġ għal investimenti u jitlob għat-tisħiħ tagħhom b'mod speċjali fir-rigward ta' JEREMIE u JESSICA biex jiżguraw appoġġ aħjar għan-negozji u l-SMEs; jirrakkomanda li r-regoli li jiggvernaw dawn l-istrumenti ikunu simplifikati biex jippermettu użu akbar mill-benefiċjarji;
Il-Politika ta' Koeżjoni u l-UE2020
15. Jilqa' d-dibattitu dwar l-istrateġija UE2020; jenfasizza n-natura ta' din l-istrateġija fuq medda twila ta' żmien li għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet qafas għal tkabbir stabbli u ħolqien ta' impjiegi fl-Ewropa u tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, u jaqbel mal-prijoritajiet definiti; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żviluppat b'mod sussegwenti approċċ ta' governanza fuq ħafna livelli għall-koeżjoni territorjali li tant hemm bżonnha fl-Ewropa;
16. Jiddispjaċih li din l-istrateġija ġiet proposta qabel it-tlestija tar-reviżjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona attwali; Jirrakkomanda bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tipprepara evalwazzjoni onesta tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona; Jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet ta' dan ir-rapport parlamentari għandhom jiġu inklużi fil-verżjoni finali tal-istrateġija l-ġdida;
17. Jitlob għall-bżonn li tiġi żgurata infrastruttura effiċjenti u estensiva billi jiġu mmodernizzati s-sistemi ta' trasport, jiġu introdotti arranġamenti ta' trasport li ma jħammġux, li jitjieb b'mod kwalitattiv l-aċċess għall-ilma u d-dranaġġ u s-sistemi ta' mmaniġġjar tal-iskart, billi jiġi introdott immaniġġjar ambjentali effettiv, u billi jiġi żgurat l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali u enerġiji rinnovabbli, bil-għan li jkun hemm żvilupp ekonomiku u koeżjoni soċjali mtejba;
18. Iħeġġeġ lill-UE tadotta dispożizzjonijiet speċfiċi u tieħu azzjoni xierqa biex tilħaq il-ħtiġijiet speċjali ta' reġjuni kkaratterizzati minn nuqqasijiet naturali jew demografiċi ta' natura serja u permanenti, bħal ma huma reġjuni kostali, gżejjer, reġjuni muntanjużi u reġjuni transkonfinali u l-aktar imbiegħda, fid-dawl tal-bażi legali għall-koeżjoni territorjali li jipprovdi t-Trattat ta' Lisbona l-ġdid;
19. Japprezza li d-dimensjoni soċjali hija kkunsidrata fil-proposta, iżda jenfasizza li l-pilastru ekonomiku għandu r-rwol ċentrali f'termini ta' ħolqien tax-xogħol u għalhekk huwa importanti li jitlesta s-Suq Intern ħieles, miftuħ u funzjonali li jippermetti lin-negozji jirreaġixxu mal-flessibilità ta' tendenzi makroekonomiċi; jenfasizza li l-kriżi riċenti wriet li l-ebda strateġija għat-tkabbir ma tista' tittraskura l-objettivi tal-protezzjoni soċjali, l-aċċess għas-servizzi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-ħolqien ta' xogħlijiet ta' kwalità;
20. Jilqa' t-talba għal impjiegi aktar sostenibbli u intelliġenti, iżda jagħraf li mudell ġdid ekonomiku jista' jwassal għal distribuzzjoni mhux ugwali tal-ispejjeż u l-benefiċċji fost Stati Membri u reġjuni individwali, u għalhekk biex jipprevjeni dan milli jseħħ, jitlob lill-Unjoni tieħu r-responsabilità u tidentifika oqsma ewlenin tal-azzjoni fejn skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà l-intervent fil-livell Ewropew huwa l-aktar xieraq biex jinkisbu l-aqwa riżultati għal kulħadd;
21. Jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni huma strumenti ewlenin għall-iżvilupp tal-UE u biex ikunu jistgħu jagħmluha aktar kompetittiva quddiem sfidi globali; huwa tal-opinjoni li għandu jkun hemm investiment regolari f'dawn l-oqsma kif ukoll evalwazzjoni regolari tal-progress li sar fuq bażi tar-riżultati li nkisbu; f'dan ir-rigward jappella għal koordinazzjoni aħjar tal-Fondi Strutturali u l-Programm ta' Qafas biex ikabbru l-benefiċċji tal-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-futur u għall-iżvilupp ta' gruppi innovattivi reġjonali fl-Istati Membri u bejniethom;
22. Jinsab konvint li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma prekundizzjonijiet fundamentali għall-iżvilupp tal-UE u biex ikunu jistgħu jagħmluha aktar kompetittiva quddiem sfidi globali; jemmen li l-investiment irid jiġi żgurat f'dan il-qasam b'mod regolari u li l-progress tal-objettivi jrid jiġi valutat regolarment;
23. Jirrikonoxxi li l-istruttura stabbilita ta' oġġetti fil-politiki strutturali taw prova li kien hemm suċċess waqt l-ewwel snin tagħha; jappella f'ġieħ l-affidabilità tal-ippjanar għall-kontinwazzjoni ta' din l-istruttura kif ukoll għall-kontinwazzjoni tal-prinċipju ta' mmaniġġjar maqsum; jirrikonoxxi li jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' aġġustament tal-kontenut oġġettiv għal adattament għall-miri tal-2020;
24. Jinnota li n-nuqqasijiet infrastrutturali, partikolarment f'reġjuni rurali, xorta jvarjaw b'mod konsiderevoli madwar l-Ewropa li jibblokkjaw it-tkabbir potenzjali tagħha u l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern; jenfasizza l-importanza ta' koperazzjoni transkonfinali f'dan ir-rigward u jemmen li jeħtieġ li tinħoloq sitwazzjoni verament bl-istess kondizzjonijiet fit-trasport, l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet u l-infrastruttura tal-IT, u għandha tiġi inkluża fl-istrateġija u tkompli tkun parti essenzjali tal-politika ta' koeżjoni;
25. Jirrikonoxxi li l-Baġit tal-UE għandu jilgħab rwol ċentrali biex jinkisbu l-miri tal-UE 2020; jikkunsidra li l-politika ta' koeżjoni, minħabba l-fokus strateġiku tagħha, il-kundizzjonalità b'saħħitha u li torbot, l-interventi magħmula bil-qies, u l-monitoraġġ u l-għajnuna teknika, hija mekkaniżmu effiċjenti u effettiv għat-twassil tal-istrateġija UE2020;
26. Jinnota li, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal broadband, jeżistu defiċits kbar f'żoni rurali, li għandhom jingħelbu skont l-objettiv imsemmi fl-Aġenda Diġitali, biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli ta' dawn ir-reġjuni;
27. Jilqa' r-rikonoxximent tar-rwol tal-Fondi Strutturali fit-twassil tal-miri UE2020; madankollu jenfasizza, li l-politika ta' koeżjoni mhijiex sempliċiment is-sors ta' allokazzjonijiet finanzjarji stabbli, iżda hi strument qawwi għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni kollha tal-Ewropa. Il-miri ewlenin tagħha – li jegħlbu n-nuqqas ta' qbil bejn ir-reġjuni u jintroduċu koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali reali fl-Ewropa, u prinċipji - approċċ integrat, governanza fuq ħafna livelli u sħubija reali - huma l-elementi prinċipali kumplimentari għas-suċċess tal-istrateġija u għandhom ikunu kkoordinati magħha;
28. Jenfasizza li politika ta' koeżjoni b'saħħitha u ffinanzjata sew, li tiġbor fiha r-reġjuni Ewropej kollha, għandha tkun element ewlieni għall-Istrateġija UE2020; jemmen li din il-politika, bl-approċċ orizzontali tagħha, hija prekundizzjoni fundamentali għat-twassil b'suċċess tal-miri UE2020, kif ukoll għal ksib ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE; jirrifjuta kull tentattiv biex din il-politika ta' koeżjoni tiġi nazzjonalizzata mill-ġdid u jitlob għad-dimensjoni reġjonali biex tkun appoġġjata bis-sħiħ fir-reviżjoni tal-baġit tal-UE;
29. Jenfasizza li d-definizzjoni fil-ħin ta' mekkaniżmi ta' twassil hija ta' importanza kbira għas-suċċess tal-Istrateġija UE 2020;
30. Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni mhijiex subordinata għall-Istrateġija UE2020; jenfasizza li filwaqt li l-prijoritajiet tal-politika ta' koeżjoni għandhom ikunu konformi mal-objettivi tal-UE2020, għandha tkun permessa biżżejjed flessibilità biex takkomoda l-ispeċifiċitajiet reġjonali u tappoġġja r-reġjuni anqas b'saħħithom u l-aktar li għandhom bżonn biex jegħlbu d-diffikultajiet soċjoekonomiċi tagħhom, nuqqasijiet naturali u jnaqqsu n-nuqqas ta' qbil;
31. Jitlob għal sistema ta' governanza mtejba fl-Istrateġija UE2020 meta mqabbla mal-Istrateġija ta' Lisbona; jirrakkomanda t-tfassil u l-implimentazzjoni, filwaqt li jintużaw il-fondi ta' Koeżjoni u dawk strutturali, skont il-prinċipju ta' governanza fuq ħafna livelli sabiex jiżgura involviment akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li dan l-involviment jaf jinkludi l-adozzjoni ta' ftehimiet ta' governanza fuq ħafna livelli;
32. Jikkunsidra li l-istrateġija tal-UE2020 għandha tkun parti integrali fil-ksib tal-mira ta' koeżjoni territorjali, inkluża bħala objettiv ġdid fit-Trattat ta' Lisbona; jemmen li l-inizjattivi lokali għal koperazzjoni transkonfinali joffru potenzjal għal koeżjoni territorjali li għadha ma ġietx sfruttata biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposti tagħha tistabbilixxi r-rwol tal-istrateġiji tal-makroreġjuni f'aktar dettall għall-arranġamenti ta' koperazzjoni territorjali futuri;
33. Jindika li dimensjoni territorjali aktar b'saħħitha tal-istrateġija, li tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet u l-livelli differenti tal-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej, bl-involviment dirett tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-imsieħba kif imsemmija fir-Regolament dwar il-Fondi Strutturali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi relevanti, twassal għal sens akbar ta' approprijazzjoni tal-miri tiegħu fil-livelli kollha u tiżgura għarfien aħjar tal-objettivi u r-riżultati fir-realtà; jemmen, barra minn hekk, li r-reġjuni jeħtieġu jiġu appoġġjati kontinwament billi jiġu żviluppati strumenti finanzjarji innovattivi biex b'hekk jinżamm ir-rwol tagħhom biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija ta' Lisbona;
34. Jenfasizza l-importanza ta' għarfien bażiku, kemm lokalment u b'mod reġjonali, għall-objettivi tal-IstrateġijaUE2020; minn dan il-lat, iqis li huwa essenzjali li tiġi żgurata d-dispożizzjoni ta' statistiċi konġunti, kif ukoll titkejjel il-kapaċià fir-rigward tal-indikaturi, kemm fil-livell reġjonali u lokali;
35. Jindika li r-rwol prinċipali tal-ibliet fil-ksib tal-miri UE2020; iħeġġeġ li l-esperjenza u l-kontribuzzjoni tagħhom jiġu kkunsidrati fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet UE2020, b'mod partikolari fir-rigward ta' tibdil fil-klima, fl-integrazzjoni soċjali u fid-demografija u investimenti fl-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, fl-enerġija, fit-trasport, fil-ġestjoni tal-ilma, fil-kura tas-saħħa, fis-sigurtà pubblika eċċ; jaqbel mal-konklużjonijiet abbozzati tal-Kunsill li r-reġjuni għandhom ikunu involuti fl-istrateġiji tal-impjiegi u tat-tkabbir fil-futur; jissuġġerixxi li, minħabba li kull strateġija f'dan il-qasam għandha tiġi eżegwita f'koperazzjoni mar-reġjuni u l-ibliet, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iqisu l-parir tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija UE 2020;
36. Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti għall-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-politika ta' koeżjoni u l-politiki settorali eżistenti skont approċċ integrat; jirrakkomanda razzjonalizzazzjoni tal-objettivi, strumenti u proċeduri amministrattivi tal-programmi u allinjament tat-tul ta' żmien tal-programm ta' dawn il-politiki;
37. Jemmen, madankollu, li l-Unjoni għandha tkompli tuża bħala l-mekkaniżmi ta' finanzjament ewlenin, il-Fond ta' Koeżjoni u l-fondi struturali, li għandhom metodi ta' twassil operazzjonali stabbiliti ħafna; iqis li m'hemmx bżonn jinħolqu fondi tematiċi separati ġodda biex jiġu indirizzati l-miri UE2020 u minflok jaħseb li għandhom jiġu inklużi fil-politika ta' koeżjoni u dik ta' żvilupp rurali;
38. Jirrakkomanda l-adozzjoni ta' approċċ simplifikat għall-użu tal-Fondi Strutturali fil-qafas regolatorju tal-futur; jenfasizza li l-armonizzazzjoni tar-regoli u proċeduri kif ukoll l-attenzjoni mogħtija lill-mudelli tal-aħjar prattika jistgħu jwasslu għal sistemi simplifikati ta' twassil u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni minn benefatturi potenzjali fi programmi kofinanzjati tal-UE;
39. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq reviżjoni annwali tal-prijoritajiet tal-Istrateġija UE-2020, fuq bażi tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tagħha u tqis kwalunkwe tibdil fil-kundizzjonijiet kif previsti mill-bidu u l-identifikazzjoni ta' prijoritajiet ġodda bħala dawk marbuta mill-qrib ma' bidliet ta' natura permanenti fil-livell lokali, reġjonali u globali;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament, kemm jista' jkun malajr, programm ta' ħidma strutturat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u, fil-futur, evalwazzjonijiet ta' implimentazzjonijiet ċari; barra minn hekk jappella għal dokument ta' ħidma ċar li jistabbilixxi r-relazzjoni bejn il-politika tal-Istrateġija u tal-Koeżjoni;
41. Jikkunsidra li l-Kumitat tar-Reġjuni, permezz tal-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona, għandha tkompli timmoniterja l-progress fuq bażi tal-istrateġija futura UE2020 u li l-Istati Membri għandhom jintalbu jirrappurtaw kull sena, f'manjiera strutturata, fuq il-progress li sar;
o o o
42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li saret f'Barċellona fis-27 u t-28 ta' November 1995, li stabbiliet sħubija Ewro-Mediterranja,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem ta' “'Il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran” (COM(2008)0319),
– wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008 tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit ta' Pariġi għall-Mediterran, li sar f'Pariġi fit-13 ta' Lulju 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni għall-Mediterran, li saret f'Marsilja fit-3 u l-4 ta' Novembru 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) ta' Pariġi (12 ta' Lulju 2008), tal-Kajr (22 ta' Novembru 2009) u ta' Rabat (22 ta' Jannar 2010),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa ta' ftuħ tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (EMRLA), li saret f'Barċellona fil-21 ta' Jannar 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tas-Samit Ewro-Mediterranju tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u ta' Istituzzjonijiet Simili, li sar f'Lixandra fid-19 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika Mediterranja tal-Unjoni Ewropea, l-aktar dawk tal-15 ta' Marzu 2007(1) u tal-5 ta' Ġunju 2008(2), u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 bit-titolu “Il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran”(3),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-Tieni Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja dwar it-Tisħiħ tar-Rwol tan-Nisa fis-Soċjetà, li saret f'Marrakesh fil-11 u t-12 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-politika Ewropea tal-pajjiżi ġirien(4),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitati tal-EMPA adottati fis-sitt seduta plenarja li saret f'Amman fit-13 u l-14 ta' Marzu 2010,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-EMPA adottata fit-13 ta' Ottubru 2008 fil-Ġordan u mibgħuta għall-ewwel laqgħa tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran f'Marsilja,
– wara li kkunsidra l-istatuti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran adottati fit-3 ta' Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali kif ukoll tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0133/2010),
A. billi ż-żona Mediterranja hija reġjun ta' importanza kruċjali għall-UE u billi, f'dinji multipolari u interdipendenti, il-blokok reġjonali l-kbar integrati se jkunu iktar kapaċi li jiffaċċjaw l-isfidi soċjali, kulturali, ekonomiċi, ambjentali, demografiċi, politiċi u ta' sigurtà,
B. billi l-Unjoni Ewropea għandha tadotta viżjoni strateġika li tikkunsidra dawn l-isfidi kollha fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi ġirien fin-nofsinhar tagħha, bl-iżvilupp soċjali, ekonomiku u demokratiku tar-reġjun bħala prijorità,
C. billi, f'konformità mal-Artikolu 8 tat-Trattat UE, l-Unjoni tiżviluppa mal-pajjiżi viċini tagħha relazzjonijiet privileġġjati, sabiex tistabbilixxi żona ta' prospertià u ta' viċinat tajjeb, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaraterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni,
D. billi l-Unjoni għall-Mediterran tippermetti li tissaħħaħ aktar id-dimensjoni reġjonali u multilaterali tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji u tiftaħ perspettiva għall-bini ta' żona ta' paċi, sigurtà u prosperità għal 800 miljun abitant, u toffri l-qafas ideali biex jiġu identifikati l-isfidi soċjoekonomiċi, tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali u jiġi garantit il-kożvilupp tal-Istati msieħba,
E. billi l-politika tal-viċinat, minħabba li tpoġġi l-enfasi fuq it-tkabbir tar-relazzjonijiet bilaterali differenzjati, waħedha ma tagħmilhiex possibbli li jingħata kontribut għal proċess komuni ta' integrazzjoni u ta' riformi sinifikanti fir-reġjun ; billi f'dan il-qafas titqies l-opportunità, offruta mill-implimentazzjoni tal-Unjoni għall-Mediterran, li tissaħħaħ il-kumplimentarità bejn il-politiki bilaterali, minn naħa, u reġjonali, min-naħa l-oħra, sabiex ikun hemm reazzjoni iktar effikaċi għall-objettivi tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja, ibbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta' valuri komuni bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem ; billi jaqbel li wieħed jinsisti biex l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex iwettqu l-politika Ewropea tal-Viċinant (PEV) b'mod koerenti u kredibbli skont l-Artikolu 8 tat-Trattat UE,
F. billi huwa indispensabbli li jsir użu mill-kisbiet tal-Proċess ta' Barċellona li l-objettivi u t-twettiq tiegħu għandhom jissaħħu mill-Unjoni għall-Mediterran, b'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tat-13 ta' Lulju 2008, u sabiex ma jiġux duplikati u ma jirkbux fuq xulxin l-istrumenti politiċi u l-livelli istituzzjonali diġà eżistenti, sabiex tiġi garantita l-effikaċità u l-koerenza tal-għadd ta' strumenti tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja,
G. billi għal dawn l-aħħar 15-il sena jew qribhom, il-pajjiżi Mediterranji kienu qed jiddiversifikaw b'mod rapidu r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tagħhom (pereżempju mar-Russja, iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-istati tal-Golf) u s-soċjetajiet tagħhom ikunu suġġetti għal tibdil sostanzjali (xejriet ta' konsum, mobilità, tranżizzjoni demografika, eċċ) li mhumiex mingħajr konsegwenzi fuq l-ekwilibriji interni, b'mod partikolari dawk territorjali,
H. billi l-iskambji kulturali limitati ma jistgħux, waħedhom, jgħaqqdu l-popli tal-Mediterran, u billi l-Ewropea qed titlef progressivament l-influwenza kulturali tagħha fost l-imsieħba Mediterranji tagħha,
I. wara li kkunsidra l-importanza tad-differenzi dejjem jikbru bejn l-istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi Mediterranji, kif ukoll id-diffikultajiet strutturali preokkupanti, ta' natura soċjoekonomika u istituzzjonali, li jirrikjedu rispons komuni b'saħħtu fl-interess komuni tal-istati kollha tal-Unjoni għall-Mediterran; billi l-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi terzi tal-Mediterran jinkoraġġixxi din il-perspettiva; billi jinnota l-ħtieġa li tittejjeb l-integrazzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar,
J. billi l-kuntest reġjonali li fih qed tissawwar l-Unjoni għall-Mediterran għadu karatterizzat minn kunflitti u minn tensjonijiet politiċi li pprerikolaw u xeħtu lura t-twaqqif tagħha wara s-Samit ta' Pariġi ta' Lulju 2008; billi l-Proċess tal-Paċi tal-Lvant Nofsani llum jinsab f'punt mejjet,
K. billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja żdiedu mal-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li diġà hemm fil-pajjiżi msieħba, u b'mod partikolari ma' dawk relatati mal-problema tal-qgħad; billi huwa fl-interess ta' kulħadd, kemm ta' dawn il-pajjiżi u kemm tal-UE, li jitnaqqas il-livell tal-qgħad fir-reġjun u li tingħata lill-popolazzjoni tiegħu, speċjalment lin-nisa, liż-żgħażagħ u lill-popolazzjoni rurali, tama għall-ġejjieni,
L. billi t-tnedija mill-ġdid tal-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani u l-prospetti konkreti ta' soluzzjoni globali sostenibbli huma essenzjali għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji kif ukoll għall-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran,
M. billi ż-żewġ innovazzjonijiet prinċipali tal-Unjoni għall-Mediterran, jiġifieri dik istituzzjonali (il-kopresidenza, il-kumitat permanenti konġunt u s-segretarjat) u dik operazzjonali (proġetti ta' integrazzjoni) iridu jiffunzjonaw b'mod effikaċi u trasparenti biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għaxjien taċ-ċittadini, il-benefiċjarji ewlenin ta' dan il-proġett,
N. billi s-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran jeħtieġ li jsir il-qofol tal-istruttura, billi l-effikaċja tagħha tiddependi mill-kapaċità tal-istaff tagħha li jaħdem b'mod indipendenti, u billi l-preżenza ta' uffiċjal għoli Iżraeljan u ta' uffiċjal għoli Palestinjan li jikkooperaw f'organizzazzjoni internazzjonali fuq livell reġjonali hija xi ħaġa ġdida li tnissel tama,
O. billi r-reġjuni tal-Mediterran huma milquta direttament minn kwistjonijiet transnazzjonali bħall-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà tal-provvista enerġetika, il-flussi migratorji, l-iskabji migratorji u t-turiżmu, u billi dawn jiffaċċjaw ukoll problemi transkonfinali bħall-ġestjoni tal-ilma u l-aċċess għalih, it-tniġġis, l-iżvilupp tan-netwerks ta' trasport, u billi, allura, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkostitwixxu punti ta' referenza importanti fil-ħolqien ta' politiki territorjali sostenibbli adattati għall-partikolaritajiet lokali u għall-implimentazzjoni tal-proġetti konkreti u inklużivi,
P. wara li kkunsidra l-isfida ewlenija tal-agrikoltura fil-pajjiżi tal-Mediterran, minħabba l-piż soċjoekonomiku tagħha, l-impatt ambjentali tagħha u l-implikazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-ekwilibriju territorjali,
Q. billi 60 % tal-popolazzjoni dinjija nieqsa mill-ilma huma kkonċentrati fin-Nofsinhar tal-baċir tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani u billi minn issa sal- 2025, 63 miljun persuna jistgħu, skont ir-rapporti tal-UNDP dwar id-dinja Għarbija u tal-Plan Bleu jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' skarsezza tal-ilma,
R. Ifakkar fid-deċiżjoni meħuda fil-Konferenza Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran tal- 4 ta' Novembru 2008 f'Marsilja li titnaqqas il-firda diġitali bejn iż-żewġ xtut tal-Mediterran, li waslet għall-proposta BB-MED (broadband għall-Mediterran),
S. billi wara s-Samit ta' Pariġi, il-proġetti mħabbra fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran batew minn nuqqas ġenerali ta' fondi, ħaġa li jirriskja li jittarda l-implimentazzjoni tagħhom,
T. wara li kkunsidra l-importanza tal-flussi migratorji u tal-isfidi differenti li joħolqu fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran fil-livell uman, soċjali, kulturali u ekonomiku,
U. wara li kkunsidra l-importanza kbira tal-flussi kapitali ġġenerati mill-fondi li l-immigranti jibagħtu lill-popolazzjonijiet tal-pajjiżi fix-xtut tan-nofsinhar tal-Mediterran,
V. wara li kkunsidra, min-naħa l-waħda, id-dħul fis-seħħ reċenti tat-Trattat ta' Lisbona u l-bidliet istituzzjonali li ġab miegħu, u min-naħa l-oħra, id-dibattitu li għaddej dwar it-tħaddim u l-finanzjament tal-Unjoni għall-Mediterran, li jirrikjedi lill-Parlament Ewropew li jsegwi mill-aktar qrib possibbli l-iżviluppi tal-Unjoni għall-Mediterran bil-għan li s-Samit ta' Barċellona jkun suċċess,
1. Jistieden lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern fi ħdan l-Unjoni għall-Mediterran, li se jiltaqgħu f'Barċellona fis-7 ta' Ġunju 2010, biex jagħmlu ħilithom sabiex, wara sentejn diffiċli, din il-laqgħa tkun suċċess bil-għan li jitwaqqfu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-Mediterran u jiġu implimentati proġetti kbar u biex issir avvanz fl-aspetti kollha tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja;
2. Jibqa“, minkejja l-ħolqien tal-Unjoni għall-Mediterran, imħasseb dwar in-nuqqas ta' definizzjoni ċara tal-politika Mediterranja tal-UE u ta' viżjoni strateġika fit-tul għall-iżvilupp u l-istabilizzazzjoni tar-reġjun; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranja jerġa” jsir prijorita politika fl-aġenda tal-UE;
3. Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran sabiex jirrevedu bir-reqqa, jintensifikaw u jtejbu d-djalogu kontinwu; jinsisti dwar il-fatt li r-rispett u l-komprensjoni reċiproċi jikkostitwixxu elementi essenzjali ta' dan id-djalogu u jfakkar li l-promozzjoni u r-rispett tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, jekk ikunux ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali, kif ukoll id-drittijiet kollettivi, għandhom jiddaħħlu b'mod ċar fl-objettivi ta' din l-inizjattiva l-ġdida, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi eżistenti ; jinsisti f'dan il-qafas fuq l-importnza tar-rispett tal-libertajiet ta' espressjoni, tal-ħsieb u tat-twemmin kif ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu garantiti d-drittijiet tal-minoritajiet, inklużi dawk reliġjużi ; jenfasizza li d-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali jirrikjedu attenzjoni partikolari; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lill-organizzazzjonijiet politiċi demokratiċi u tas-soċjetà ċivili fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran u jirrikonoxxi x-xogħol ta' valur li jsir minn organizzazzjonijiet tan-nisa;
4. Huwa tal-fehma li t-tensjonijiet politiċi u l-kunflitti reġjonali fil-Mediterran m'għandhomx ifixklu l-possibilità ta' progress tanġibbli lejn il-kooperazzjoni settorjali u multilaterali, u li huwa permezz tal-implimentazzjoni ta' proġetti integraturi kbar u ta' djalogu politiku miftuħ li l-Unjoni għall-Mediterran tikkontribwixxi biex tiżviluppa klima ta' fiduċja xierqa li tiffaċilita t-tiftix ta' objettivi komuni ta' ġustizzja u sigurtà fi spirtu ta' solidarjetà u paċi; jenfasizza, madankollu, li ma jistax ikun hemm suċċess sħiħ tal-Unjoni għall-Mediterran mingħajr ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti reġjonali differenti fl-osservanza tal-liġi internazzjonali, li tagħmel mill-Mediterran xatt wieħed ta' paċi;
5. jinsisti fuq l-urġenza li wieħed jasal għal soluzzjoni ġusta u sostenibbli tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani u jitlob li jkun hemm impenn determinat tal-UE u tal-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni tal-Mediterran f'dan is-sens ; ifakkar it-talba tiegħu li jerġgħu jibdew negozjati serji fil-qafas tal-proċess ta' paċi, sabiex tinkiseb il-koeżistenza ta' żewġ stati, stat Palestinjan indipendenti, demokratiku u vijabbli, u stat Iżraeljan, li jgħixu ħdejn xulxin fil-paċi, is-sigurtà u bi fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ il-kontribut importanti li l-Unjoni għall-Mediterran tista' tagħti għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, speċjalment permezz tal-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti Iżraeljani u Palestinjani fi ħdanha;
6. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proċess ta' dikolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent għadu ma spiċċax;
7. Jifraħ bin-nomina tas-segretarju ġenerali u bl-adozzjoni tal-istatuti tas-segretarjat ġenerali u jirrakkomanda li, bi tħejjija għas-Samit ta' Barċellona, id-definizzjoni tal-istruttura istituzzjonali u funzjonali tal-Unjoni għall-Mediterran għandha titlesta skont il-passi li ġejjin:
–
li s-segretarjat jingħata l-mezzi adegwati meħtieġa, kemm finanzjarji u kemm statutarji, biex ikun jista' jiffunzjona b'mod effikaċi u indipendenti; jinsisti fuq l-urġenza li s-segretarjat isir kompletament operattiv u fuq il-ħtieġa li l-persunal tiegħu jingħażel fuq il-kriterju tal-mertu, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-prinċipji tad-distribuzzjoni ġeografika u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
–
li jiġu ċċarati l-kriterji ta' deċiżjoni, ta' finanzjament u ta' implimentazzjoni tal-proġetti kbar, b'mod partikolari d-definizzjoni tal-prijoritajiet għat-tliet snin li ġejjin;
–
li tiġi żgurata r-rappreżentanza konġunta tal-parteċipanti tal-UE (l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni), skont it-Trattat ta' Lisbona, filwaqt li fl-istess ħin tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiżi terzi Mediterranji kollha;
–
li tiġi żgurata l-leġittimità demokratika tal-Unjoni għall-Mediterran billi l-EMPA tiġi kkonfermata bħala parti integrali tal-istruttura istituzzjonali;
–
li tissaħħaħ il-koordinazzjoni mal-proġetti u l-programmi tal-UE approvati mill-konferenzi ministerjali speċjalizzati billi, b'mod partikolari, jitqiesu l-possibilitajiet ta' sinerġija;
–
li jitħalla li jkun hemm ftehimiet ta' kooperazzjoni ta' “ġeometrija varjabbli” li jkunu miftuħa għall-pajjiżi u għall-istituzzjonijiet multilaterali li jixtiequ jaħdmu flimkien fuq proġetti ta' interess komuni;
–
li jiġi żgurat li jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn is-segretarjat u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi rispettivi tagħhom; li jitlob lill-Kummissjoni biex tikkollabora b'mod attiv fl-Unjoni għall-Mediterran u jitlob għal aktar ċarezza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha f'din l-istruttura istituzzjonali ġdida;
–
li jiġu żviluppati azzjonijiet ta' komunikazzjoni biex tkun żgurata l-viżibilità tal-attivitajiet tal-Unjoni għall-Mediterran; li ċ-ċittadini jkunu informati dwar il-proġetti l-kbar u l-avvanzi tal-Unjoni għall-Mediterran b'mod partikolari permezz ta' sit tal-internet komplut u mtejjeb;
–
li tiġi żgurata l-leġittimità demokratika tal-Unjoni għall-Mediterran b'mod li d-deċiżjonijiet jittieħdu b'manjiera trasparenti, bis-sehem tal-Parlament Ewropew, tal-EMPA u tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; li jenfasizza li l-EMPA għandha tiġi rikonoxxuta bħala parti integrali tal-Unjoni għall-Mediterran ladarba hija komponent parlamentari;
–
li jiġi żgurat djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha (awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet relatat mal-proġetti prinċipali;
8. Ifakkar li fis-Samit ta' Pariġi kien hemm qbil dwar sitt oqsma strateġiċi orizzontali ewlenin (il-protezzjoni ċivili, l-awtostradi tal-baħar u dawk tal-art, it-tindif mit-tniġġis tal-Mediterran, il-Pjan dwar l-Enerġija Solari tal-Mediterran, l-Inizjattiva għall-Espansjoni tal-Affarijiet tal-Mediterran u l-Università Ewro-Mediterranja), li fil-maġġoranza tagħhom diġà qed jitwettqu proġetti impenjati fil-qafas tas-sħubija Ewro-Med; jissottolinja allura l-importanza ta' evalwazzjoni fid-dettall tal-programmi reġjonali u tal-mezzi li diġà ġew implimentati fil-qafas tal-isħubija Ewro-Mediterranja u jixtieq li l-għażla tal-proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran tkun ibbażata fuq il-kriterju tal-valur miżjud fil-livell kemm reġjonali kif ukoll lokali ; jitlob li dawn il-proġetti prijoritarji jidħlu fis-seħħ mill-iktar fis possibbli;
9. Iqis essenzjali li l-finanzjamenti ta' proġetti permezz ta' taħlita ta' fondi pubbliċi u privati jkunu garantiti, imsaħħa u mobilizzati; f'dan il-kuntest:
–
jistieden lill-membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jallokaw fondi għall-proġetti li jkunu proporzjonati mal-kwistjoni kkonċernata u jistenna li jkun hemm impenn storiku mill-parteċipanti waqt is-Samit ta' Barċellona;
–
il-fondi allokati għall-komponent tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tal-UE għall-proġetti tal- Unjoni għall-Mediterran jiżdiedu konsiderevolment; filwaqt li tingħata konsiderazzjoni għall-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-isfidi tal-konsolidazzjoni fiskali;
–
jilqa' l-azzjoni ta' xi istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali, Ewropej (BEI-FEMIP, EBRD) u internazzjonali (Bank Dinji) diġà joperaw fir-reġjun; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu identifikati sinerġiji fir-rigward ta' proġetti kbar u jipproponi l-ħolqien ta' bank Ewro-Mediterranju għall-investiment u l-iżvilupp biex isaħħaħ in-natura ta' parità Tramuntana-Nofsinhar tal-Unjoni għall-Mediterran;
–
jinsisti fuq l-irwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li jiżgura l-koordinazzjoni ta' tlieta mis-sitt proġetti prijoritarji (it-tindif mit-tniġġis tal-Mediterran, il-Pjan dwar l-Enerġija Solari u l-awtostradi tal-baħar u tal-art);
–
jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ta' kooperazzjoni ikbar u ta' integrazzjoni finanzjarja u ekonomika aħjar bejn il-pajjiżi Membri tal-Unjoni għall-Mediterran, u b'mod iktar partikolari bejn il-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar;
–
jilqa' t-tnedija reċenti ta' fondi ta' investiment għall-finanzjament tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran, fosthom il-fond InfraMed, maħsub għall-proġetti ta' infrastruttura, u jistieden lid-diversi partijiet interessati biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' inizjattivi simili u biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-investituri, b'mod partikolari, bejn l-investituri għaż-żmien twil;
–
jittama li jkun hemm fondi ta' investiment maħsuba għall-finanzjament tal-proġetti ta' komunitajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli;
10. Jinkoraġġixxi l-isforzi biex jittejjeb l-ambjent ekonomiku u legali fil-pajjiżi terzi, bi prijorità għat-twaqqif ta' istituzzjonijiet finanzjarji subreġjonali vijabbli u kredibbli, li kapaċi jattiraw investimenti barranin; jappella wkoll sabiex:
–
tiġi abbozzata karta ta' protezzjoni tal-investimenti konġunti għall-pajjiżi terzi tal-Mediterran sabiex din il-protezzjoni tal-investimenti tkun armonizzata u mtejba u l-investimenti jiġu mħeġġa;
–
tinħoloq sistema ta' assigurazzjoni u ta' sigurtà finanzjarja għall-investituri, ibbażata fuq is-sistema tal-Aġenzija Multilaterali għall-Garanzija tal-Investimenti (MIGA) u adattata għall-kuntest Ewro-Mediterranju;
–
ikun hemm riformi li jkollhom l-għan li jtejbu l-limiti amministratti u b'mod partikolari li jtejbu u jissimplifikaw it-twettiq tal-kuntratti;
–
il-promozzjoni ta' armonizzazzjoni progressiva u effettiva tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol li tirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran;
–
it-titjib tal-aċċess għall-kreditu għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju kif ukoll l-offertà fil-qasam tal-formuli ta' krediti u ta' mikrokrediti;
11. Jixtieq jara titjib tal-ambjent ekonomiku u ġuridiku tar-reġjun, garanzija indispensabbli għall-investimenti fil-futur; jisħaq fuq l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-impjieg b'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għall-ġlieda kontra l-faqar, jenfasizza li l-preservazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi solidi jikkostitwixxu element ieħor essenzjali sabiex ikun garantit l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun;
12. Iqis li żieda fil-kooperazzjoni ekonomika bilaterali u multilaterali Nofsinhar-Nofsinhar għandha tiġġenera benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini u għandha ttejjeb il-klima politika fir-reġjun;
13. jinsisti fuq il-ħtieġa importanti li jittejjeb il-kummerċ bejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jirrappreżenta 6% biss tal-kummerċ, u għalhekk biex wieħed jaġixxi sabiex iwessa' l-ftehim ta' Agadir, jiġbed l-attenzjoni dwar l-interess li dawn il-pajjiżi għandhom fit-titjib tar-relazzjonijiet u l-kummernċ tagħhom sabiex jiffurmaw żona ekonomika b'saħħita u magħquda li tattira l-investituri u kapaċi tiddefendi l-interessi tar-reġjun filwaqt li tingħata spinta “l quddiem lill-iżvilupp tagħha, jenfasizza li l-Unjoni għall-Mediterran għandha tagħmilha aktar faċli biex tirrispondi għat-talbiet għall-għajnuna teknika u finanzjarja bil-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika tan-Nofsinhar-Nofsinhar, iqis li l-estensjoni u s-simplifikazzjoni tal-akkumulazzjoni tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranja tista” tgħin biex jintlaħaq dan;
14. Jenfasizza l-importanza tan-negozjati kurrenti dwar iż-Żona Ewro-Mediterranja ta' Kummerċ Ħieles u jħeġġeġ lill-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jaħdmu ħalli jarmonizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom fil-kuntest tan-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ;
15. Jitlob lill-Kummissjoni biex, waqt in-negozjati tagħha ta' ftehimiet kummerċjali, tqis ir-riżultati tal-istudji eżistenti dwar l-impatt u tevalwa l-effetti soċjali u ambjentali tal-proċess ta' liberalizzazzjoni mill-perspettiva tal-bidla fil-klimla u tal-kriżi ekonomika u soċjali u biex tippermetti applikazzjoni progressiva u asimetrika filwaqt li jiġu protetti setturi ta' produzzjoni simili fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, li huma aktar possibbli li jaffaċċjaw il-kompetizzjoni b'riżultat ta' liberalizzazzjoni akbar; jistieden lill-Unjoni għall-Mediterran sabiex tagħżel il-proġetti prinċipalment skont il-bżonnijiet soċjali u ekonomiċi u skont il-bżonn li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent;
16. Jixtieq li l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni jkunu riveduti filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet ġodda marbuta mal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, u mal-kriżijiet tal-ikel u tal-enerġija; ifakkar li l-objettivi prinċipali tal-ħolqien ta' żona Ewro-Mediterranja ta' kummerċ ħieles għandhom jibqgħu dawk ta' spinta “l quddiem tal-kummerċ fil-qasam tal-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar, u jittama li l-pjan direzzjonali tas-Samit ministerjali tad-9 ta' Diċembru 2009 jagħmilha possibbli li jinkiseb dan l-objettiv;
17. Jiddispjaċih li l-aspetti soċjoekonomiċi , kummerċjali u tal-enerġija, bħall-investiment dirett barrani, l-impjiegi, l-effiċjenza fl-enerġija, l-ekonomija informali jew tnaqqis tal-faqar, ma daħlux fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u jitlob li dan jiġi rrimedjat fis-Samit ta' Barċellona;
18. Ifakkar li l-politiki ta' migrazzjoni jikkostitwixxu waħda mill-prijoritajiet tas-sħubija Ewro-Mediterranja u jistieden lill-istati u lill-istituzzjonijiet membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-ġestjoni kkoordinata tal-flussi migratorji ; jenfasizza li l-bini tal-Unjoni għall-Mediterran ma tistax tkun separata mill-għoti ta' valur lir-riżorsi umani u lill-iskambji bejn il-popolazzjonijiet fiż-żona tal-Mediterran u jinkoraġġixxi, minbarra l-irregolar tal-flussi u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina, il-faċilitazzjoni progressiva ta' moviment ħieles bejn iż-żewġt ixtut, it-tisħiħ tal-liġijiet dwar l-integrazzjoni tal-migranti, it-tħejjija tal-politiki attivi favur l-impjieg, u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tad-drittijiet ta' ażil ; iqis li għandna niżguraw il-kontinwità tal-konferenza ministerjali Euromed dwar il-migrazzjonijiet li seħħet f'Albufeira fit-18 u d-19 ta' Novembru 2007;
19. Jistieden lill-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jiffaċilitaw it-trasferimenti ta' fondi mill-immigranti lejn il-popolazzjonijiet tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom, l-aktar billi jagħmlu sforz ħalli jitnaqqsu l-ispejjeż involuti;
20. Ifakkar fl-importanza tar-raba' kapitolu tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja (dwar il-migrazzjoni, l-integrazzjoni soċjali, il-ġustizzja u s-sigurtà) u jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni għall-Mediterran tippromwovi l-kooperazzjoni fil-qafas ta' dan il-kapitolu;
21. Jenfasizza l-importanza strateġika tal-kwistjonijiet tal-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, l-adattament għall-bidla fil-klima, l-użu razzjonali tal-ilma u tal-enerġija fil-pajjiżi Mediterranji u jitlob li l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet agrikoli tkun prijorità politika; iħeġġeġ lill-istati tal-Unjoni għall-Mediterran biex javvanzaw kemm jista' jkun lejn armonizzazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħhom fil-qafas tan-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ u biex jipprogressaw lejn konverġenza akbar tal-politiki agrikoli Ewro-Mediterranji, partikolarment fil-qasam tal-osservanza tal-istandards soċjali xierqa, ta' sikurezza tal-ikel, fitosanitarja u ambjentali, u tal-kwalità tal-prodotti; iqis li dawn il-politiki għandhom jintegraw l-eżiġenzi ta' żvilupp sostenibbli (inkluża l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali), biex jagħmluha possibbli eventwalment li jkun hemm swieq reġjonali, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni partikolari u kompetittiva tal-agrikolturi Mediterranji, kif ukoll iż-żamm' neċessarja ta' settur agrikolu b'saħħtu ;
22. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika reġjonali agrikola, skont il-pjan direzzjonali Ewro-Mediterranju għall-agrikoltura, li tippreserva l-produzzjoni tal-ikel lokali u s-sikurezza tal-ikel, u tippromwovi l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u d-diversifikazzjoni tal-prodotti tipiċi Mediterranji, l-iżvilupp tal-isfruttament żgħir u ta' daqs medju, u li tkun adattata għall-iżvilupp sostenibbli ; fid-dawl ta' żieda fin-nuqqas ta' sikurezza tal-ikel f'ħafna pajjiżi msieħba Mediterranji, jistieden lill-Kummissjoni biex taċċetta t-talbiet tal-imsieħeb rigward is-salvagwardji estiżi u l-proċeduri ta' malajr biex jimplimentawhom fi żminijiet ta' kriżi alimentari;
23. Jerġa' jikkonferma l-appoġġ tiegħu għad-dimensjoni ambjentali tal-Unjoni għall-Mediterran u jfakkar fl-inizjattiva Ewro-Mediterranja kontra t-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-Mediterran ; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, it-tnedija tat-tieni fażi tal-programm ta' investiment għall-eliminazzjoni tas-sorsi prinċipali tat-tniġġis fil-Mediterran – mekkaniżmu ta' finanzjament tal-preparazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-proġetti (MeHSIP PPIF); iqis li l-progress fil-qasam speċifiku tal-prevenzjoni tat-tniġġis fil-baħar huwa urġenti u li l-baħar Mediterran għandu jkun suġġett għal attenzjoni partikolari bħala baħar magħluq ; jippreċiża li l-proġetti kollha tal-Unjoni għall-Mediterran għandhom jiġu ppjanati u mwettqa b'koerenza mal-programmi eżistenti relatati, b'mod partikolari, fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Mediterran UNEP għall-konvenzjoni ta' Barċellona;
24. Jistieden lill-istati msieħba, fil-qafas tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran dwar it-trasport bl-art u bil-baħar, biex itejbu l-infrastrutturi sabiex jiżguraw titjib fil-moviment tal-persuni u tal-merkanzija fil-Mediterran u jiffavorixxu politika sostenibbli tat-trasport, billi jitqiesu l-eżiġenzi ta' żvilupp sostenibbli, ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, ta' effiċjenza f'sens ta' enerġija u ta' intermodalità; jenfasizza li tali sforzi għandhom jitwettqu, partikolarment, f'rabta mal-politika ambjentali, industrijali, tas-saħħa pubblika u tal-iżvilupp territorjali; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati proġetti ta' awtostradi fil-baħar sabiex jiġu mħeġġa r-rapporti modali u sabiex jinħolqu rotot ta' navigazzjoni kummerċjali siguri, adegwati u sostenibbli;
25. Huwa tal-opinjoni li t-titjib fl-infrastruttura tat-trasport fil-port u bl-art jista' jgħin biex jippromwovi t-tkabbir u l-kummerċ ekonomiku bejn il-pajjiżi Ewro-Mediterranji;
26. jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fil-qasam tal-enerġija u jappella għall-implimentazzjoni immedjata ta' pjanijiet ta' żvilupp li se jiffavorixxu d-distinzjoni tas-sorsi u tal-mezzi ta' provvista tal-enerġija, biex b'hekk wieħed jikkontribwixxi b'mod deċiżiv għal provvista sikurezza tal-enerġija fir-reġjun tal-Mediterran;
27. Ifakkar fil-potenzjal kbir tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari dawk tar-riħ u solari, fir-reġjun Ewro-Mediterranju; jappoġġa implimentazzjoni bla dewmien u kkoordinata tal-Pjan dwar l-Enerġija Solari tal-Mediterran, li l-objettiv prinċipali tagħha hu l-implimentazzjoni, minn issa sal-2020, ta' 20 GW ta' kapaċità ġdida ta' produzzjoni tal-enerġija rinovabbli fil-Mediterran, u tal-inizjattivi industrijali bħad-DESERTEC, kif ukoll l-adozzjoni ta' strateġija Ewro-Mediterranja għall-effikaċità enerġetika; jixtieq li l-proġetti jissodisfaw prijoritarjament il-bżonnijiet tal-pajjiżi fornituri u jenfasizza f'dan ir-rigward il-pass lura fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku għall-pajjiżi msieħba tat-titsħiħ, b'mod partikolari fix-xatt tan-Nofsinhar, tal-infrastrutturi tan-netwerk, tal-implimentazzjoni prograssiva ta' suq reġjonali interdipendenti u l-ħolqien ta' settur industrijali ġdid marbut pereżempju mal-fabrikazzjoni tal-komponenti solari;
28. Isejjaħ għal aktar promozzjoni u appoġġ għall-inizjattiva “Solari għall-Paċi” fi ħdan il-qafas tal-Proġett Ewro-Mediterranju għal-Integrazzjoni tas-Suq tal-Enerġija (MED-EMIP);
29. Jirrakkomanda li l-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-proċess Ewro-Mediterranju jissieħbu fl-inizjattiva “bliet intelliġenti” prevista fil-Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija (SET Plan);
30. Jappoġġa l-promozzjoni ta' interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-elettriku, il-gass u ż-żejt bil-għan li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li ċ-ċirkuwitu tal-Mediterran għall-elettriku jiġi kkompletat u jappoġġa l-iżvilupp ta' kuritur tal-gass fin-Nofsinhar; jinkoraġġixxi l-użu ta' flussi lura fejn dan ikun ġustifikat f'termini ta' sigurta, effikaċja tan-nefqa u vijabbiltà;
31. Jisħaq li l-miri klimatiċi 202020 se jkollhom effett sinifikanti fuq id-domanda għall-gass, u għaldaqstant il-ħolqien ta' pjan ta' azzjoni dwar l-LNG għal-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran itejjeb id-diversità u s-sigurtà tal-provvista, speċjalment għall-pajjiżi li jserrħu fuq fornituri esklussivi;
32. Jenfasizza l-importanza tal-progress fit-teknoloġija tal-LNG u tal-investimenti fil-kapaċità tal-bastimenti tat-trasport tal-LNG u fit-terminals għall-rikonverżjoni tal-LNG f'gass; jinnota li, flimkien mal-iżvilupp tal-infrastrutturi, is-sigurtà marittima hija neċessità wkoll;
33. Jinsisti dwar l-urġenza li jinħolqu kooperazzjonijiet imsaħħa fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fil-Mediterran biex jiġu miġġielda l-katasrofi naturali, partikolarment it-terremoti, l-għargħar u n-nirien tal-foresti; iħeġġeġ il-ħolqien ta' istitut Ewro-Mediterranju għan-nirien fil-foresti;
34. Jinsisti dwar l-importanza li fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran jiġu żviluppati proġetti ġodda dedikati għat-tagħlim, l-iskambji skolastiċi u universitarji u għar-riċerka, bħala fatturi li jressqu lejn xulxin il-popli tal-ixtut tal-Mediterran; iqis bħala prijorità, bl-indħil attiv tas-soċjetà ċivili, il-ħolqien ta' spazju veru Ewro-Mediterranju tat-tagħlim superjuri, tax-xjenza u tar-riċerka u, f'dan ir-rigward :
–
jifraħ bil-ħolqien tal-Università Ewro-Mediterranja EMUNI u jistieden lill-istituzzjonijiet imsieħba biex japprofondixxi l-impenn tagħhom fl-iżvilupp tal-attivitajiet tagħha;
–
jitlob li jissaħħu l-finanzi dedikati għall-programmi ta' skambji universitarji bħal pereżempju “Erasmus Mundus” u li jkun hemm informazzjoni aħjar dwar il-programmi ta' skambju eżistenti; jistieden biex wieħed b'mod partikolari jinspira ruħu mill-esperjenza tal-programm Ewropew Averroes;
–
jappella biex jitwaqqaf Erasmus Ewro-Mediterranju għaż-żgħar ambizzjuż, li jagħmilha possibbli li jiġu intensifikati l-iskambji skolari bejn l-istati membri tal-Unjoni għall-Mediterran;
–
jitlob kooperazzjoni iktar strutturata fil-qasam tat-tagħlim superjuri u tar-riċerka biex iħeġġeġ ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, l-applikazzjoni tad-diplomi komuni u tal-iskejjel tad-dottorat komuni sabiex b'mod partikolari tikber il-mobilità tar-riċerkaturi, flimkien ma' miżuri għall-ġlieda kontra l-ħarba tal-imħuħ;
–
jixtieq li tingħata attenzjoni partikolari lit-tqarrib tal-attivitajiet ta' taħriġ, ta' riċerka u ta' innovazzjoni, b'aċċent fuq id-djalogu bejn l-intrapriżi u l-universitajiet u fuq is-sħubiji pubbliċi-privati fil-qasam tar-riċerka;
35. Jitlob li fl-aġenda tal-Unjoni għall-Mediterran malajr kemm jista' jkun ikun hemm proġetti ġodda li jkollhom l-għan li jiffavorixxu l-fehim reċiproku bejn is-soċjetajiet, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta' strateġija Ewro-Mediterranja fil-qasam kulturali u l-iżvilupp tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż ; jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Konferenza Permanenti tal-Operaturi Awdjoviżivi fil-Mediterran (COPEAM), u b'mod partikolari dak ta' kanal tat-televixin Ewro-Mediterranju, kif ukoll l-edizzjoni mill-ġdid ta' inizjattivi li kellhom suċċess bħall-Ġimgħa Għarbija u l-EurMedScola ; jilqa' l-azzjoni tal-Librerija ta' Lixandra, tal-Istitut tad-Dinja Għarbija u tal-Fondazzjoni Anna Lindh, u b'mod partikolari l-organizzazzjoni minn din tal-aħħar ta' jum tal-Forum għad-djalogu interkulturali f'Barċellona f'Marzu 2010; jitlob lill-pajjiżi u lill-istituzzjoni membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex iżommu l-impenn tagħhom fil-qafas tal-Alleanza taċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti;
36. Jilqa' b'sodisfazzjon l-għażla tal-kandidatura ta' Marseille-Provence bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2013, li l-proġett tagħha, b'mod deċiżiv, ħa xejra Ewro-Mediterranja bl-għan li ż-żewġ popli taż-żewġt ixtut tal-Mediterran jersqu dejjem iktar qrib xulxin; jenfasizza l-għan ta' dan il-proġett kulturali ta' valur simboliku għoli li għandu jwassal għal azzjonijiet konkreti u innovattivi għas-servizz tad-djalogu tal-kulturi tal-Ewropa u tal-Mediterran;
37. Jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta' politiki industrijali biex itejbu l-ekonomiji tal-iskala, filwaqt li jappoġġaw l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u jsaħħu s-setturi tat-teknoloġija avvanzata; jistieden lill-pajjiżi membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-Mediterran biex jieħdu rwol attiv fl-appoġġ tal-SMEs, b'enfasi partikolari fuq servizzi finanzjarji effiċjenti u l-għajnuna teknika u amministrattiva, biex b'hekk tinħoloq bażi intraprenditorjali qawwija, speċjalment fis-setturi li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi tal-Mediterran;
38. Jenfasizza li l-EMPA għandha l-għan li ssir l-assemblea parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, demokratika leġittima, u jappoġġa l-proposta tas-6 sessjoni plenarja tal-EMPA li saret f'Amman fit-13 u l-14 ta' Marzu 2010 sabiex l-titgħammed mill-ġdid bħala Assemblea Parlamentari - Unjoni għall-Mediterran;
39. Ifakkar fis-setgħat tiegħu fil-proċedura baġitarja tal-Unjoni Ewropea u jenfasizza l-importanza li l-EMPA teżerċita minn issa responsabilitajiet akbar filwaqt li tassumi rwol konsultattiv u ta' kontroll demokratiku fejn jidħlu d-definizzjoni tal-punti prinċipali ta' ħidma, is-segwitu regolari tal-proġetti impenjati u t-twettiq tal-baġit; jistieden lill-kumitati kompetenti differenti tal-EMPA biex jipproċedu bis-smigħ regolari tas-segretarju ġenerali u tad-deputati segretarji ġenerali ; jemmen, madankollu, li din ir-responsabilità trid timxi id f'id mat-titjib tal-funzjonament u tal-metodi ta' ħidma tal-EMPA, inkluż il-provvediment tar-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa kif ukoll allinjament aħjar tal-ħidma tal-EMPA fuq dak tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni għall-Mediterran; jilqa' d-deċiżjonijiet adottati f'dan ir-rigward matul is-sitt sessjoni plenarja tal-EMPA li seħħet f'Amman bejn it-13 u l-14 ta' Marzu 2010;
40. Jilqa' t-twaqqif reċenti tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (EMRLA) u jitlob għal sforz sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa tal-ħidma tal-EMRLA ma' dik tal-EMPA, l-aktar permezz ta' laqgħat konġunti jew stediniet reċiproċi għall-membri tal-bureaux rispettivi tagħhom għal-laqgħat ta' ħidma; jinsisti fuq l-interess ta' dawn l-assembleji li jlaqqgħu lill-eletti taż-żewġt ixtut tal-Mediterran, li jappoġġjaw l-iskambji tal-prattiki demokratiċi tajbin;
41. Jinsisti li s-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-bosta netwerks professjonali u soċjoprofessjonali żviluppati fil-qafas tas-sħubija Ewro-Mediterranja jkunu regolarment ikkonsultati u involuti fl-attivitajiet u fil-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran; u jinkoraġġixxi:
–
lill-assemblea ġenerali tal-Kunsilli ekonomiċi u soċjali u lil istituzzjonijiet simili biex jistudjaw it-twaqqif ta' kunsill ekonomiku u soċjali Ewro-Mediterranju;
–
l-iżvilupp ta' proġetti li jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet kummerċjali, l-investimenti u s-sħubijiet tal-intrapriżi bjen iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, bħal pereżempju l-programm Invest in Med;
–
it-twaqqif ta' kmamar tal-kummerċ Ewro-Mediterranji u ta' assoċjazzjonijiet sindikalisti u tal-patruni Ewro-Mediterranji;
–
it-tkabbir tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-grupp ta' kooperazzjoni industrijali li huwa inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Karta Ewro-Mediterranja għall-intrapriżi sabiex din issir il-mezz li bih jingħeleb kull xkiel għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;
42. Jilqa' l-impenn kkonfermat mill-ġdid fl-okkażjoni tat-tieni konferenza tal-ministri Ewro-Mediterranja dwar it-tisħiħ tal-irwol tan-nisa fis-soċjetà (Marrakech, 11 u 12 ta' Novembru 2009), bl-għan li jiffavorixxu l-ugwaljanza de jure et de facto bejn l-irġiel u n-nisa, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u r-rispett tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel; jitlob b'insistenza li jittieħdu miżuri konkreti u jirrakkomanda l-adozzjoni ta' proġett tal-Unjoni għall-Mediterran dwar is-sens ta' intraprenditorjat fost in-nisa u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika; ifakkar il-pożizzjoni kostanti tiegħu li skontha r-rispett tat-tradizzjonijet u tal-użanzi ma jistax iservi ta' skuża għall-vjolenza tad-drittijiet fundamentali tan-nisa;
43. Jistieden lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-azzjoni esterna maħluq reċentement biex jipprovdu l-isforzi meħtieġa biex jiżguraw il-koerenza tal-UE fil-parteċipazzjoni fl-Unjoni għall-Mediterran u biex jassoċjaw lill-Parlament Ewropew fid-definizzjoni tal-politika Ewropea;
44. Jilqa' l-integrazzjoni reċenti fl-Unjoni għall-Mediterran tal-pajjiżi Balkani tal-Punent li huma kandidati għall-adeżjoni fl-UE;
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Barranija u s-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kopresidenza u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati sħab.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nofsinhar tal-Kawkasu, inklużi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP)(1), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar politika aktar effettiva għan-Nofsinhar tal-Kawkasu(2) u dwar Approċċ ta' Politika Reġjonali dwar il-Baħar l-Iswed(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni riċenti tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Ażerbajġan: il-liberta' tal-espressjoni(4) tat-3 ta' September 2008 dwar il-Ġeorġja(5); tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar id-Deterjorazzjoni tas-Sitwazzjoni fil-Ġeorġja(6); u tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-Armenja(7),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati mal-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI), li hu marbut mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP,
– wara li kkunsidra r-Rapporti ta' Progress ENPI dwar l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Georġja adottati mill-Kummissjoni fit-23 ta' April 2009,
– wara li kkunsidra d-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi 2007-2013 u l-Programmi Indikattivi Nazzjonali 2007-2010 taħt l-ENPI għall-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra r-Reviżjoni Intermedja tad-Dokumenti ta' Programmar tal-ENPI għall-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni milħuqa mal-Armenja, mal-Ażerbajġan u mal-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra r-rapporti ta' monitoraġġ rilevanti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali ta' Tfittxija tal-Fatti dwar il-Kunflitt fil-Ġeorġja, li ġie ppubblikat fit-30 ta' Settembru 2009 (ir-Rapport Tagliavini),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0123/2010),
A. billi fil-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-8 Diċembru 2009 l-UE affermat mill-ġdid l-intenzjoni tagħha li tippromwovi l-istabbiltà, il-koperazzjoni, il-prosperità u l-governanza tajba mal-Kawkasu tan-Nofsinhar kollu, inkluż permezz ta' programmi ta' assistenza teknika,
B. billi minħabba l-gwerra fil-Ġeorġja ta' Awwissu 2008, tal-intervent ta' suċċess mill-UE biex jintlaħaq ftehim ta' waqfien mill-ġlied u tal-ħtieġa kbira għal aktar impenn li segwew wara dawn l-iżviluppi, l-UE saret attur sinifikanti għas-sigurtà fir-reġjun, billi bagħtet il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE, bit-tnedija ta' programm ta' assistenza ta' wara l-gwerra u billi nediet missjoni ta' inkjesta dwar il-kawżi u l-andament tal-gwerra,
C. billi fl-2009 rajna l-intensifikazzjoni tan-negozjati għas-soluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno Karabakh immexxija mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) tal-Grupp ta' Minsk,
D. billi persuni li kienu spostati bil-forza miz-zoni tal-kunflitt fin-Nofsinhar tal-Kawkasu għadhom miċħuda mid-dritt li jerġgħu lura lejn djarhom; billi minkejja li t-tliet pajjiżi bdew programmi għall-integrazzjoni lokali tar-refuġjati u tal-persuni spostati internament (IDPs) tagħhom, xorta għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diversi diffikultajiet li qed ifixklu s-suċċess tagħhom; billi r-refuġjati u l-persuni spostati internament ma għandhomx jintużaw mill-awtoritajiet ikkonċernati bħala strumenti politiċi fil-kunflitti,
E. billi l-iffirmar mill-Armenja u mit-Turkija f'Ottubru 2009 tal-protokolli dwar it-twaqqif u l-iżvilupp ta' relazzjonijiet diplomatiċi u dwar il-ftuħ tal-fruntiera komuni tagħhom kienu passi promettenti, iżda r-ratifika tal-ftehim ma saritx,
F. billi l-kunflitti staġnati huwa impediment għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u jfixklu t-titjib fil-livell tal-għajxien tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu kif ukoll l-iżvilupp sħiħ tas-Sħubija tal-Lvant tal-ENP; billi riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti hija essenzjali għall-istabilità fil-Viċinat tal-UE; billi għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu identifikati oqsma komuni ta' interess li jistgħu jegħlbu d-diverġenzi, jiffaċilitaw id-djalogu u jippromwovu l-koperazzjoni reġjonali u l-opportunitajiet ta' żvilupp,
G. billi l-UE tirrispetta l-prinċipji ta' sovranità u integrità territorjali fir-relazzjonijiet tagħha mal-istati tan-Nofsinhar tal-Kawkasu,
H. billi s-Sħubija tal-Lvant toħloq possibbiltajiet ġodda għall-approfondiment tar-relazzjonijiet bilaterali u tintroduċi wkoll il-koperazzjoni multilaterali,
I. billi s-Sħubija tal-Lvant timmira li tħaffef ir-riformi, l-approssimazzjoni legali u l-integrazzjoni ekonomika, u li tagħti għajnuna tanġibbli għall-konsolidazzjoni tal-istatus ta' stat u integrità territorjali ta' pajjiżi sħab, hija bbażata fuq il-prinċipji tal-kundizzjonalità, id-divrenzjar u s-sjieda konġunta u tipprevedi n-negozjar ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ġodda, li ser jeħtieġu l-qbil tal-Parlament Ewropew,
J. billi l-Assemblea Parlamentari tal-Viċinat tal-UE (EURONEST) se titwaqqaf b'mod uffiċjali bħala mekkaniżmu multilaterali kruċjali ta' djalogu interparlamentari intensifikat bejn il-Parlament Ewropew u s-sitt isħab tal-Lvant tal-UE, inklużi l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja, bil-ħsieb li jqarrbu aktar lil dawn il-pajjiżi lejn l-UE,
K. billi s-sitwazzjoni fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu titlob politika dejjem iżjed proattiva fl-impenn tal-UE f'dan ir-reġjun, u billi t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona jipprovdu opportunità tajba biex titfassal strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu,
1. Jikkonferma mill-ġdid li l-objettiv ewlieni tal-UE fir-reġjun huwa li jinkuraġixxi l-iżvilupp tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja lejn stati miftuħa, paċifiċi, stabbli u demokratiċi, li jkunu lesti jistabbilixxu relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien tagħhom u kapaċi jittrasformaw lin-Nofsinhar tal-Kawkasu f'reġjun ta' paċi, stabilità u prosperità sostenibbli, bil-ħsieb li tissaħħaħ l-integrazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-politiki tal-UE; iqis li sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-UE teħtieġ ikollha rwol politiku dejjem aktar attiv, billi bi ftehim mal-pajjiżi tar-reġjun tiżviluppa strateġija li tgħaqqad is-soft power tagħha ma' approċċ sod u li tkun ikkumplimentata b'politiki bilaterali;
Kwistjonijiet ta' sigurtà u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti
2. Jenfasizza li l-persistenza tal-istatus quo fil-kunflitti fir-reġjun hija inaċċettabbli u insostenibbli, peress li din tirrappreżenta r-riskji kontinwi li jeskalaw it-tensjonijiet u li jerġgħu jibdew l-ostilitajiet bl-armi; iqis li n-naħat kollha għandhom jaħdmu b'mod attiv biex jinkisbu l-istabilità u l-paċi; jirrakkomanda l-użu ta' programmi u djalogu transkonfinali fost is-soċjetajiet ċivili bħala għodda biex jiġi ttrasformat il-kunflitt u jkun hemm bini ta' fiduċja bejn il-linji ta' separazzjoni; jenfasizza li l-UE għandha sehem importanti x'tikkontribwixxi favur il-kultura ta' djalogu fir-reġjun u fl-iżgurar li jiġu implimentati r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU; inkluża r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU;
3. Jinnota li l-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti kif ukoll id-djalogu bażiku jeħtieġu, inter alia, ir-rikonoxximent tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tal-partijiet u tal-komunitajiet kollha rilevanti, ir-rieda li ssir reviżjoni tal-perċezzjonijiet tal-ġrajjiet tal-imgħoddi u li jintlaħaq fehim komuni dwar dawn il-ġrajjiet, il-volontà li jintgħelbu l-mibegħda u l-biża“, id-dispożizzjoni li jsiru kompromessi dwar pożizzjonijiet massimalisti u li jiġu abbandunati attitudnijiet ta' tpattija u d-dispożizzjoni li jiġu diskussi konċessjonijiet reali, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkonsolidati l-istabbiltà u l-prosperità;
4. Jirrimarka l-importanza tal-prevenzjoni tal-kunflitti, inkluż permezz tar-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali kollha, it-tolleranza reliġjuża u l-isforzi biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u ekonomika;
5. Jenfasizza li l-atturi esterni għandhom ir-responsabilità li jużaw is-setgħa u l-influwenza tagħhom b'modi li jkunu konsistenti għalkollox mal-liġi internazzjonali, inkluż mal-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li għand u jkun hemm iżjed koperazzjoni bbilanċjata bejn l-atturi esterni fir-reġjun sabiex jingħata kontribut favur l-ilħiq ta' soluzzjoni paċifika tal-kunflitti; iqis li huwa inaċċettabbli għal kull attur estern li jiġu introdotti kundizzjonijiet għar-rispett lejn is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati tan-Nofsinhar tal-Kawkasu;
Il-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh
6. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pass dinamiku tan-negozjati dwar il-kunflitt Nagorno-Karabakh li ħareġ fid-dieher permezz tas-sitt laqgħat bejn il-presidenti tal-Armenia u tal-Ażerbajġan li saru matul l-2009 fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni ta' Moska; jistieden lill-partijiet jintensifikaw l-isforzi tat-taħditiet tagħhom tal-paċi ħalli tinstab soluzzjoni fix-xhur li ġejjin, juru attitudni iżjed kostruttiva u jabbandunaw il-preferenzi li jipperpetwaw l-istatus quo li nħoloq bil-forza u bla ebda leġittimità internazzjonali, li permezz tiegħu ġiet ikkaġunata l-instabbiltà u twalet it-tbatija tal-popolazzjonijiet milquta mill-gwerra; jikkundanna l-idea ta' soluzzjoni militari u l-konsegwenzi gravi tal-forza militari li diġà ntużat, u jistieden liż-żewġ naħat jevitaw kwalunkwe ksur tal-waqfien mill-ġlied tal-1994;
7. Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi ta' medjazzjoni tal-Grupp ta' Minsk tal-OSCE, il-Prinċipji Bażiċi li jinsabu fid-Dokument ta' Madrid u d-dikjarazzjoni mill-pajjiżi tal-Kopresidenza tal-Grupp Minsk tal-OSCE li saret fl-10 ta' Lulju 2009 fil-marġini tas-Summit tal-G8 fl-L'Aquila; jistieden lill-komunità internazzjonali turi kuraġġ u rieda politika ħalli tassisti biex jingħelbu l-bqija tal-punti pendenti li qed ixekklu l-ilħiq ta' ftehim;
8. Huwa mħassab ferm dwar il-fatt li l-mijiet ta' eluf ta' refuġjati u IDPs li ħarbu minn djarhom matul jew minħabba l-gwerra tan-Nagorno-Karabakh għadhom imxerrdin u mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, inkluż mid-dritt tar-ritorn, mid-drittijiet għall-proprjetà u mid-dritt għas-sigurtà personali; jistieden lill-partijiet kollha biex jirrikonoxxu dawn id-drittijiet mingħajr ambigwità u mingħajr kundizzjoniiet, il-ħtieġa li dawn jitwettqu minnufih u l-ħtieġa li malajr kemm jista' jkun tinstab soluzzjoni għal din il-problema li tkun tirrispetta l-prinċipji tal-liġi internazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-forzi Armeni jirtiraw minn kull territorju okkupat tal-Ażerbajġan , akkumpanjati mill-forzi internazzjonali li jkunu organizzati b'mod li jirrispetta l-Karta tan-NU sabiex jiġu pprovduti l-garanziji tas-sigurtà meħtieġa f'dan il-perjodu ta' tranżizzjoni, li jiżguraw is-sigurtà tal-popolazzjoni ta' Nagorno-Karabakh u jippermettu li l-persuni spostati jirritornaw lejn djarhom u li jiġu evitati iżjed kunflitti minħabba l-persuni bla dar; jistieden lill-awtoritajiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan u lill-mexxejja tal-komunitajiet rilevanti juru l-impenn tagħhom favur il-ħolqien ta' relazzjonijiet interetniċi paċifiċi permezz ta' tħejjijiet prattiċi għar-ritorn ta' persuni spostati u permezz ta' mezzi oħra; iqis li s-sitwazzjoni tal-IDPs u tar-refuġjati għandha tiġi ttrattata b'konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż mar-Rakkomandazzjoni 1877 (2009) tal-PACE, “Il-persuni minsija tal-Ewropa: il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni li ilhom spostati”;
9. Jenfasizza li sforzi reali huma meħtieġa biex iwittu t-triq għal paċi dejjiema; jitlob lill-awtoritajiet rilevanti kollha jevitaw politiki u retoriki provokattivi, dikjarazzjonijiet infjammatorji u manipulazzjonijiet tal-istorja; jistieden lill-mexxejja tal-Armenja u Ażerbajġan biex jaġixxu b'mod responsabbli, ikunu aktar diskreti fid-diskorsi u jippreparaw il-bażi, hekk li l-opinjoni pubblika taċċetta u tifhem sew il-benefiċċji ta' soluzzjoni komprensiva;
10. Jemmen li l-pożizzjoni li skontha n-Nagorno-Karabakh jinkludi l-artijiet okkupati kollha tal-Ażerbajġan li jinsabu madwar Nagorno-Karabakh għandha tiġi abbandunata malajr; jinnota li l-għoti ta' status temporanju għan-Nagorno-Karabakh jista' joffri soluzzjoni sakemm jiġi stabbilit l-istatus finali u li dan jista' joħloq qafas tranżitorju għall-koeżistenza paċifika u għall-koperazzjoni bejn il-popolazzjonijiet Armeni u Ażerbajġani fir-reġjun;
11. Jenfasizza li s-sigurtà għal kulħadd hija element indispensabbli għal kwalunkwe soluzzjoni; jirrikonoxxi l-importanza ta' arranġamenti adegwati għaż-żamma tal-paċi li jkunu konformi mal-istandards tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem li jinvolvu kemm aspetti militari u kemm aspetti ċivili; jistieden lill-Kunsill jesplora l-possibbiltà li jappoġġa l-proċess ta' paċi b'missjonijiet tal-Politika Komuni ta' Sigurtà u Difiża (PKSD), anke billi jibgħat missjoni kbira ta' monitoraġġ fil-post li tkun tista' tiffaċilita l-ħolqien ta' forza internazzjonali għaż-żamma tal-paċi, wara li tkun instabet soluzzjoni politika;
Ir-rapprochement bejn l-Armenja u t-Turkija
12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-protokolli dwar it-twaqqif u l-iżvilupp ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Armenja u t-Turkija, li jinkludu l-ftuħ tal-fruntiera komuni; jistieden liż-żewġ naħat jaħtfu din l-opportunità biex itejbu r-relazzjonijiet tagħhom permezz tar-ratifika u tal-implimentazzjoni mingħajr kundizzjonijiet minn qabel u fi żmien raġonevoli; jenfasizza li r-rapprochement bejn l-Armenja u t-Turkija u n-negozjati tal-Grupp ta' Minsk tal-OSCE huma proċessi separati li għandhom jimxu “l quddiem skont ir-razzjonal tagħhom stess; jinnota, madankollu, li progress f'wieħed miż-żewġ proċessi jista” jkollu konsegwenzi wiesgħa u potenzjalment pożittivi ħafna fir-reġjun kollu;
Il-kunflitti fil-Ġeorġja
13. Jinsisti fuq l-appoġġ bla kundizzjoni tiegħu għas-sovranità, għall-integrità territorjali u l-invjolabilità tal-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tal-Ġeorġja , u jitlob lir-Russja biex tirrispettahom iħeġġeġ lill-awtoritajietĠeorġjani biex jagħmlu aktar sforzi ħalli tinkiseb soluzzjoni għall-kunflitti interni tal-Ġeorġja fl-Abkażja u fin-Nofsinhar tal-Ossezja; jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport Tagliavini u jappoġġa l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet ewlenin tiegħu; jistenna li l-ħafna informazzjoni ġenerali provduta minn dan ir-Rapport tista' tintuża għal proċeduri legali quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u minn ċittadini individwali rigward ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB); jappoġġa l-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ (EUMM) tal-UE; jitlob estensjoni tagħha fit-tul jitlob lir-Russja u l-awtoritajiet de facto tar-reġjuni li jridu jinqatgħu għal rashom tal-Abkażja u tan-Nofsinhar tal-Ossezja biex jieqfu milli jibblukkaw l-implimentazzjoni tagħha;
14. Jinnota b'sodisfazzjon li l-komunità internazzjonali tirrifjuta b'mod kważi unanimu d-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tan-Nofsinhar tal-Ossezja u tal-Abkazja, jikkundanna r-rikonoxximent mill-Federazzjoni Russa tal-indipendenza tal-Abkażja u tan-Nofsinhar tal-Ossezja bħala kuntrarju għal-liġi internazzjonali; u jistieden lill-partijiet kollha biex jirrispettaw il-Ftehim tal-Waqfien mill-Ġlied tal-2008 u jiggarantixxu s-sikurezza u l-aċċess ħieles tal-persunal tal-EUMM fil-post, u jistieden lir-Russja tirrispetta l-impenn li ħadet biex tirtira t-truppi tagħha għall-pożizzjonijiet li kienu fiha qabel ma faqqgħet il-gwerra f'Awwissu 2008; jinnota bi tħassib il-ftehim li sar fis-17 ta' Frar 2010 bejn il-Federazzjoni Russa u l-awtoritajiet de facto tal-Abkazja biex tiġi stabbilita bażi militari Russa fl-Abkazja mingħajr il-kunsens tal-Gvern tal-Ġeorġja, u jinnota li ftehim bħal dak huwa kuntradittorju għall-Ftehimiet ta' Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta' Awwissu u tat-8 ta' Settembru 2008;
15. Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-persuni kollha li għadhom jgħixu f'dawn ir-reġjuni li sseparaw, tal-promozzjoni tar-rispett għad-dritt tal-Ġeorġjani etniċi li jirritornaw f'kundizzjonijiet sikuri u dinjitużi, li jieqaf il-proċess li jsiru passaporti b'mod sfurzat, tal-kisba ta' tnaqqis fil-fruntieri de facto magħluqa u tal-kisba tal-possibbiltà li l-UE u atturi internazzjonali oħrajn jgħinu lill-persuni li qegħdin f'dawn iż-żewġ reġjuni; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm objettivi għal żmien qasir u medju li jkunu identifikati b'mod iżjed ċar f'dan ir-rigward; jinkuraġġixxi lil Ġeorġja tkompli timplementa l-Pjan ta' Azzjoni tagħha għall-IDPs u tgħin lill-IDPs li jinsabu fit-t-territorju tagħha;
16. Jenfasizza l-bżonn li tiġi indirizzata d-dimensjoni tal-kunflitti bejn il-Ġeorġja u l-Abkazja u bejn il-Ġeorġja u l-Ossezja tan-Nofsinhar u li jiġi żgurat li d-drittijiet u l-interessi tal-popolazzjonijiet kollha involuti jkunu meqjusa ugwalment; jenfasizza l-fatt li l-iżolament tal-Abkazja u tan-Nofsinhar tal-Ossezja huwa kontraproduttiv għas-soluzzjoni tal-kunflitt, u jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrateġija tal-Istat dwar it-teħid ta' impenn permezz tal-koperazzjoni li ġiet adottata fis-27 ta' Jannar 2010; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jikkonsultaw mal-partijiet involuti kollha rigward it-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija; jenfasizza l-importanza ta' miżuri għall-bini tal-kunfidenza u tal-kuntatti bejn il-popli involuti fil-kunflitt; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-UE tippromwovi proġetti ta' moviment ħieles flimkien ma' Linji Amministrattivi tal-Fruntiera bejn il-popli milquta;
17. Iqis l-importanza kbir tad-diskussjonijiet ta' Ġinevra bħala l-uniku forum li fih in-naħat kollha involuti fil-kunflitt huma rappreżentati u fejn it-tliet atturi internazzjonali ewlenin – l-UE, l-OSCE u n-NU – jaħdmu b'koperazzjoni mill-qrib għas-sigurtà u l-istabilità tar-reġjun; jiddispjaċih li l-potenzjal ta' dan il-forum għadu ma tatx riżultati sostanzjali u li fuq il-linja tal-waqfien mill-ġlied għadhom għaddejjin l-inċidenti minkejja l-ilħuq tat-twaqqif tal-Mekkaniżmu għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti; jistieden lill-partijiet jieħdu vantaġġ bis-sħiħ mill-Mekkaniżmu u mill-potenzjal tiegħu sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni (VP/HR) biex tagħmel kull sforz possibbli ħalli tingħata spinta ġdida u friska lil dawn it-taħdidiet bil-ħsieb li tintlaħaq stabilizzazzjoni sodisfaċenti tas-sitwazzjoni u ħalli jiġi implimentat bis-sħiħ il-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied ta' Awwissu 2008;
Progress fit-triq tad-demokratizzazzjoni u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt
18. Jenfasizza li r-rispett għad-demokratizzazzjoni, għall-governanza tajba, għall-pluraliżmu politiku, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali huwa importanti ħafna sabiex jiġu determinati r-relazzjonijiet ġejjiena tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja mal-UE; jitlob li jsiru sforzi ġodda mill-pajjiżi biex jiġu implimentati bis-sħiħ il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-ENP, u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tgħinhom f'dawn l-isforzi; huwa mħasseb bil-progress limitat li sar mill-pajjiżi tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu f'dan il-qasam, kif jidher fir-rapporti ta' progress tal-2009 tal-Kummissjoni u kif rifless fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa; jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Ġeorġja u l-Armenja, u jistieden lill-Ażerbajġan u l-UE biex jiffinalizzaw id-diskussjonijiet dwar struttura ta' koperazzjoni ekwivalenti;
19. Jenfasizza l-importanza li titkompla l-parteċipazzjoni f'riformi demokratiċi u tar-rwol essenzjali tad-djalogu u tal-koperazzjoni politiċi bħala fatturi kruċjali fl-iżvilupp ta' konsensus nazzjonali; jenfasizza l-importanza li jissaħħu istituzzjonijiet aktar indipendenti, trasparenti u aktar b'saħħithom demokratikament, inklużi l-indipendenza tal-ġudikatura, it-tisħiħ tal-kontroll parlamentari fuq l-eżekuttiv u l-iżgurar tal-bidla demokratika tal-poter, l-appoġġ u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp tal-kuntatti bejn il-popli fil-promozzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jinnota l-progress kajman fil-proċess tad-demokratizzazzjoni, minkejja l-impenji li saru;
20. Jinnota li l-korruzzjoni għadha mifruxa fir-reġjun u jistieden lill-awtoritajiet iżidu l-miżuri biex jissiltulha, peress li din thedded it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiżi kkonċernati; għandha tingħata iżjed attenzjoni lill-ġlieda kontra l-monopolji kif ukoll lill-ingaġġ tal-persunal fis-servizz pubbliċi; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-Ġeorġja fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
21. Jinnota l-elezzjonijiet li saru dan l-aħħar fil-pajjiżi tar-reġjun; u jenfasizza l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti li jsiru skont l-impenji u l-istandards internazzjonali u l-ħtieġa li dawn il-pajjiżi jagħmlu sforzi ulterjuri biex jadottaw u jimplimentaw riformi ħalli jilħqu dawn l-istandards, inkluż bil-ħsieb li jissaħħu l-mekkaniżmi tal-kontroll ta' wara l-elezzjoni u jkun żgurat li jkun hemm stħarriġ u responsabbilità xierqa fir-rigward ta' kull inċident vjolenti li jiġri wara l-elezzjoni; jenfasizza r-rwol tal-UE fl-għoti ta' għajnuna teknika u fl-iżgurar li jkun hemm monitoraġġ internazzjonali u indipendenti tal-elezzjonijiet; jikkonferma l-pożizzjoni li l-UE ma tirrikonoxxix il-qafas kostituzzjonali u legali li fih isiru l-elezzjonijiet fit-territorji mifrudin u jiddefendi d-drittijiet politiċi tal-persuni spostati;
22. Iqis li l-libertà tal-espressjoni hija dritt u prinċipju fundamentali u li r-rwol tal-midja huwa essenzjali, u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-midja tkun libera u indipendenti; huwa imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà tal-espressjoni u dwar in-nuqqas ta' pluraliżmu tal-midja fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, u jistieden lill-awtoritajiet biex jiżgurawhom it-tnejn; jiddeplora l-atti ta' fastidju u ta' intimidazzjoni li qed isru b'mod kontinwi fuq il-professjonisti tal-midja, u l-attakki, it-tortura u t-trattament ħażin tal-ġurnalisti; iqis li jeħtieġ li l-prinċipji u l-mekkaniżmi awto-regolatorji - li huma element importanti tal-libertà tal-kelma - ikunu mtejba u msaħħa minn korpi professjonali kompetenti;
–
huwa mħasseb dwar l-attakki li saru fuq il-ġurnalisti fl-Armenja u b'mod partikulari dwar id-detenzjoni kontinwa tal-attivist u ġurnalist tal-oppożizzjoni Nikol Pashinian, minkejja l-amnestija tat-18 Ġunju 2009;
–
għadu mħasseb dwar id-deterjorazzjoni tal-klima tal-midja fl-Ażerbajġan; filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjon il-maħfra Presidenzjali lil 99 priġunier li ngħatat fil-25 ta' Diċembru 2009, u lil 62 priġunier fis-17 ta' Marzu 2010, jikkundanna d-detenzjoni u l-għoti tas-sentenza lil żewġ attivisti u bloggejja żgħażagħ Emin Milli u Adnan Hajizade;
–
għaldaqstant jitlob li huma jinħelsu; jistieden lill-awtoritajiet Ġeorġjani jiċċaraw is-sitwazzjoni rigward is-sjieda tal-midja u l-għoti tal-liċenzji tal-midja; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Parlament Ġeorġjan biex jkabbar il-Bord tax-Xandir Pubbliku ħalli jinkludi aktar rappreżentanti tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili u jistenna li jara r-riżultati f'dan ir-rigward;
23. Huwa tal-fehma li għandha tkun iggarantita l-libertà tas-sħubija, peress li din hija essenzjali fl-iżvilupp ta' soċjetà libera, demokratika u vibranti; huwa jinnota bi tħassib id-diffikultajiet, diretti u indiretti, li qed tiffaċċja s-soċjetà ċivili biex torganizza ruħha, u jinsab imħasseb dwar l-adozzjoni ta' liġijiet u prattiki li b'mod indirett jistgħu jillimitaw il-libertà tas-sħubija, inkluż il-fastidju amministrattiv dwar kwistjonijiet fiskali; jenfasizza r-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili fil-proċessi tad-demokratizzazzjoni, tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun;
24. Jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun biex jieħdu sehem b'mod attiv fil-ħidma tal-UE u l-Assemblea Parlamentari (EURONEST) u biex jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħha bħala qafas għall-iskambji multilaterali u bilaterali ta' fehmiet, kif ukoll għall-approsimazzjoni leġiżlattiva lejn l-istandards tal-UE u l-iskrutinju parlamentari fuq ir-riformi demokratiċi; f'dan ir-rigward jinnota li d-djalogu intensifikat bejn il-membri tal-parlament tal-pajjiżi fir-reġjun huwa fattur kruċjali; jittama li dan jista' joħloq qafas għal laqgħat bilaterali bejn il-membri tal-parlamenti tal-Armenja u l-Ażerbajġan sabiex jibdew djalogu parlamentari, fil-preżenza ta' membri tal-Parlament Ewropew; jappella lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE interessati u lill-Parlament Ewropew biex isaħħu l-koperazzjoni parlamentari mal-parlamenti tar-reġjun sabiex isaħħu r-rwol u l-kapaċitajiet tagġhom fit-tfassil tal-politika;
Il-kwistjonijiet ekonomiċi u l-iżvilupp soċjali
25. Huwa tal-fehma li koperazzjoni usa' f'livell reġjonali u mal-UE f'setturi bħall-ekonomija, it-trasport, l-enerġija u l-ambjent hija essenzjali biex dawn is-setturi jiżviluppaw bl-aqwa mod possibbli u biex tiġi żgurata l-istabilità fir-reġjun, iżda jemmen ukoll li l-koperazzjoni għandha tinkludi wkoll il-bini tal-kapital uman fir-reġjun kollu bħala investiment fit-tul; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-tliet pajjiżi qed jibbenefikaw mis-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi, tal-UE, u jinnota li dawn jikkwalifikaw kollha kemm huma għall-GSP+ għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba; jinnota li l-koperazzjoni reġjonali fl-oqsma tal-pulizija u tal-ġudikatura u l-istabbiliment ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri huma essenzjali biex issir iżjed promozzjoni tal-mobilità fir-reġjun u lejn l-UE; jikkundanna l-fatt li l-implimentazzjoni ta' proġetti reġjonali bl-involvimrnt tat-tliet pajjiżi kollha għadha mxekkla bil-persistenza ta' kunflitti mhux riżolti;
26. Jenfasizza l-importanza tal-bini ta' klima favorevoli għan-negozju u l-iżvilupp tas-settur privat; jinnota li t-tkabbir ekonomiku notevoli tal-Ażerbajġan huwa prinċipalment ibbażat fuq id-dħul miż-żejt u l-gass; jappoġġa l-proċess ta' riforma, li tagħmel l-ekonomija aktar attraenti għall-investituri barranin; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jgħaġġlu n-negozjati dwar id-dħul f-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja aktar lill-Ażerbajġan f'dan il-proċess; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fir-riformi ekonomiċi fl-Armenja u fil-Ġeorġja; jinnota, madankollu, li l-iżvilupp ekonomiku tal-Armenja u tal-Ġeorġja ntlaqat mill-kriżi ekonomika globali, u jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li ħadet l-UE fl-aħħar tal-2009 li tingħata għajnuna makrofinanzjarja liż-żewġ pajjiżi;
27. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-infiq li qiegħed jiżdied b'rata mgħaġġla fuq il-militar u tad-difiża fil-Kawkasu t'Isfel u dwar l-akkumulazzjoni ta' ħażniet militari; jindika li din il-parti relevanti tal-baġits domestiċi taħli ammont kbir ta' riżorsi finanzjarji li setgħu jintużaw għal kwistjonijiet aktar urġenti bħat-tnaqqis tal-faqar, is-sigurtà soċjali u l-iżvilupp ekonomiku; jappella, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ma jħallux għajnuna makrofinanzjarja tal-UE tiffinanzja indirettament lejn it-tkabbir tal-militar fir-reġjun;
28. Jinnota l-pożizzjoni ġeopolitika strateġika tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-importanza dejjem tikber tagħha bħala kuridur ta' enerġija, trasport u komunikazzjoni li jgħaqqad ir-reġjun Kaspju u l-Asja Ċentrali mal-Ewropa; iqisha tal-akbar importanza, għalhekk, li l-koperazzjoni bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Kawkasu tingħata priorità għolja, mhux anqas f'materji relatati mal-enerġija; jenfasizza li r-rwol tat-tliet pajjiżi huwa essenzjali għat-tranżitu tar-riżorsi tal-enerġija, kif ukoll għad-diversifikazzjoni tal-provvista u r-rotot tal-enerġija tal-UE; f'dan id-dawl, ifakkar għal darb'oħra li l-Unjoni għandha tieħu passi konkreti biex tiżgura l-istabilità politika fir-reġjun; jilqa' b'sodisfazzjon il-volontà tal-Gvernijiet tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja biex ikomplu jagħtu sehem attiv fil-promozzjoni tal-provvista tal-enerġija bbażata fuq is-suq u tad-diversifikazzjoni tat-tranżitu fir-reġjun; jirrakkomanda bil-qawwi li l-pajjiżi involuti u l-Kummissjoni għandhom jinkludu lill-Armenja fi proġetti relevanti ta' trasport u enerġija fir-reġjun;
29. Jirrikonoxxi s-sinifikat tar-reġjun għall-koperazzjoni fl-enerġija u sigurtà tal-enerġija tal-UE speċjalment fil-kuntest ta' żvilupp tal-Kuridur tan-Nofsinhar (pipeline tan-Nabucco); jenfasizza l-importanza tal-approfondiment tas-sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan u jinnota l-valur kbir tar-riżorsi tal-enerġija l-Ażerbajġan u r-rwol essenzjali tagħhom fl-iżvilupp ekonomiku tagħha; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-benefiċċji li jittieħdu mill-isfruttament tar-riżorsi naturali jkunu mqassma b'mod ugwali u investiti fl-iżvilupp tal-pajjiż kollu, sabiex il-pajjiż ikun jista' jilqa' kontra l-konsegwenzi negattivi ta' tnaqqis eventwali fil-produzzjoni taż-żejt; jinnota li l-isħubija bejn ir-Russja u l-Ażerbajġan qiegħda tkompli tintensifika ruħha, b'mod partikulari fis-settur tal-enerġija, u f'dan il-kuntest jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Ażerbajġan li jiddiversifika l-ekonomija tiegħu; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fis-settur tal-enerġija f'dan ir-reġjun bħala rekwiżit ewlieni għall-fiduċja tal-investituri, u jfaħħar lill-Ażerbajġan għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-Inizjattivia ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi;
30. Jirrikonoxxi r-rwol vitali tal-iżvilupp ta' infrastrutturi ġodda u ta' kurituri tat-trasport, proġetti li jgħaqqdu l-Baħar Kaspju mar-reġjuni tal-Baħar l-Iswed permezz tal-Kawkasu tan-Nofsinhar jew minnu, kif imsemmi wkoll fil-komunikazzjoni dwar “It-Tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija”; f'dan il-kuntest, jappoġġa l-inizjattivi li ser jagħtu kontribut favur it-twaqqif ta' djalogu aktar b'saħħtu bejn il-produtturi u l-konsumaturi u l-pajjiżi ta' tranżitu, bi skambju ta' kompetenzi dwar sistemi regolatorji tal-enerġija u dwar is-sikurezza tal-leġiżlazzjonijiet fuq il-provvista kif ukoll bi skambju tal-aħjar prattiki, inklużi l-mekkaniżmi ta' trasparenza u solidarjetà u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' twissija bikrija dwar interruzzjonijiet fl-enerġija; jemmen li dan imur id f'id mal-konverġenza tal-oqfsa regolatorji, tal-integrazzjoni tas-suq u tar-reġim mhux diskriminatorju għall-infrastrutturi tat-trasmissjoni transkonfinali;
31. Jenfasizza l-importanza li ssir promozzjoni għal miżuri effiċjenti tal-enerġija, li jsir investiment fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u li jiġi żgurat li jiġi ttrattat it-tħassib dwar l-ambjent; jirrikonoxxi li l-ġenerazzjoni tad-diversità fil-provvista hija vitali u tista' tinkiseb biss permezz ta' koperazzjoni msaħħa mal-istati ġirien; hu tal-fehma li ċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali għall-Kawkasu għandu jingħata fondi u jkun megħjun b'mod adegwat sabiex ikunu jistgħu jsiru wkoll proġetti transkonfinali li jkunu kredibbli; iqis li l-pjanijiet imħabbra mill-Ażerbajġan biex l-iżvilupp ta' sorsi alternattivi tal-enerġija jsir prijorità tal-gvern huma ta' min ifaħħarhom, u jinkuraġġixxi li jibqgħu jiġu segwiti għanijiet bħal dawn; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Armenja biex tiddiżattiva l-impjant nukleari f'Medzamor, u jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Armenja biex isibu soluzzjonijiet alternattivi u vijabbli għall-provvista tal-enerġija, kif mitlub mill-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-gvern Ġeorġjan biex jiżviluppa settur tal-idroenerġija u jenfasizza l-bżonn ta' appoġġ mill-UE f'dan ir-rigward;
32. Iqis li l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u tad-djalogu soċjali permezz tal-involviment tal-atturi soċjali kollha, il-promozzjoni tal-ugwaljanzi bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tan-nisa, l-investiment fl-edukazzjoni u fis-saħħa, l-iżvilupp tal-kapital uman u l-iżgurar ta' livelli xierqa ta' għajxien huma essenzjali sabiex jinbnew soċjetajiet demokratiċi u vibranti; jinnota pożittivament l-adozzjoni mit-tliet pajjiżi tal-programmi rispettivi tagħhom dwar it-tnaqqis tal-faqar u jinkuraġġixxi l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;
Lejn strateġija tal-UE
33. Jilqa' b'sodisfazzjon is-Sħubija tal-Lvant u jieħu nota tal-inizjattivi relatati li ġew attivati u tal-laqgħat li saru; jenfasizza li biex issir aktar kredibbli għandha tkun akkumpanjata bi proġetti konkreti u inċentivi adegwati; biħsiebu jkompli jiżviluppa d-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija;
34. Jilqa' b'sodisfazzjon il-possibilità provduta mis-Sħubija tal-Lvant li tqawwi r-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u tal-UE billi jiġu stabbiliti relazzjonijiet kuntrattwali ġodda fil-forma ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' kisbiet prinċipali u standards inkorporati biex jiġu inklużi fid-dokumenti tal-Pjanijiet ta' Azzjoni kurrenti; ifakkar li l-kundizzjonijiet biex jinbdew in-negozjati jridu jinkludu livell suffiċjenti ta' demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna teknika fejn ikun hemm bżonn sabiex tgħin lill-pajjiżi jissodisfaw il-prekundizzjonijiet; jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikulari, il-Programm Komprensiv ta' Bini ta' Istituzzjonijiet offrut mis-Sħubija tal-Lvant bħala għodda innovattiva, speċifikament maħsuba biex tgħin lill-pajjiżi jissodisfaw dawn il-prekundizzjonijiet; jinsisti li l-prerogattiva tal-Parlament Ewropew tkun infurmata minnufih u kollha kemm hi fl-istadji kollha tal-proċess tan-negozjati tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, ukoll ladarba jkollha tagħti l-kunsens tagħha għall-konklużjoni tagħhom; jistenna li l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta'Assoċjazzjoni mill-pajjiżi kollha tan-Nofsinhar tal-Kawkasu jgħaġġlu l-proċess ta' integrazzjoni ekonomika u koperazzjoni politika mal-UE;
35. Iqis li l-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP u l-implimentazzjoni tagħhom jikkostitwixxu bażi essenzjali għall-valutazzjoni tar-rispett għall-impenji u l-progress tar-relazzjonijiet bilaterali mal-UE u biex jiġi kkunsidrat it-titjib tar-relazzjonijiet kuntrattwali mal-pajjiżi kkonċernati; jinnota l-impenn tal-Armenja u tal-Ġeorġja favur l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP, u jappella lill-Ażerbajġan biex jgħaġġel l-isforzi tiegħu f'dan ir-rigward; huwa tal-fehma li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut f'dan il-proċess; jinnota l-progress differenti magħmul mit-tliet pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP rispettivi; jemmen li n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni l-ġodda għandhom iqisu dawn id-differenzi u l-objettivi differenti kif ukoll id-dimensjoni reġjonali u li l-pajjiżi iridu jiġu trattati b'mod ugwali;
36. Hu tal-fehma li d-dimensjoni reġjonali tal-Istrateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu għandha tiġi msaħħa kif imiss; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi finanzjarji għall-ENPI fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant għal programmi ta' żvilupp reġjonali u koperazzjoni multilaterali; jappella lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi sett ta' proġetti reġjonali u transkonfinali u programmi għat-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu f'oqsma bħat-trasport, l-ambjent, il-kultura u s-soċjetà ċivili, sabiex tipprovdi inċentivi konkreti għal titjib tal-koperazzjoni u bini tal-fiduċja bejn il-partijiet;
37. Ifakkar li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu huma wkoll parti mill-inizjattiva tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-imsieħba billi trawwem il-koperazzjoni reġjonali f'ċerti zoni, anke permezz ta' programmi transkonfinali; jenfasizza l-importanza li għandu r-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-UE, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u speċjalment lill-Viċipresident tal-Kummissjoni/Rappreżentat Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni, biex jiżviluppaw ideat u strateġiji għal koperazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed u għat-tkabbir ta' kuntatti mal-Unjoni Ewropea; minħabba dan, jirrakkomanda t-twaqqif ta' struttura istituzzjonalizzata li tieħu s-sura ta' Unjoni tal-Baħar l-Iswed;
38. Isostni li l-pożizzjonijiet tar-Russja, tat-Turkija u tal-Istati Uniti għandhom rwol importanti fis-soluzzjoni tal-kunflitt fin-Nofsinhar tal-Kawkasu; jirrimarka li l-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant mhux maħsub biex jiżola lir-Russja iżda, għall-kuntrarju, għandu l-ħsieb li jġib il-paċi, l-istabilità u l-progress ekonomiku sostenibbli lill-partijiet kollha konċernati, b'benefiċċji għar-reġjun kollu u għall-pajjiżi ġirien;
Kwistjonijiet ta' sigurtà u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti
39. Jemmen li l-għoti ta' appoġġ favur il-proċessi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti huwa kruċjali, u jemmen ukoll li l-UE tinsab f'pożizzjoni tajba biex tappoġġa l-bini tal-fiduċja, ir-rikostruzzjoni u r-rijabilitazzjoni u li għandha l-possibilità li tgħin lill-komunitajiet milquta biex jinvolu ruħhom; f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' spazji għal impenn ċiviku mhux biss bejn il-mexxejja iżda wkoll bejn l-organizzazzjonijiet ċiviċi huwa tal-akbar importanza; barra minn dan, iqis li huwa essenzjali li jinżamm livell għoli ta' attenzjoni internazzjonali fuq il-kunflitti fir-reġjun biex jiġi żgurat li dawn jinħallu malajr; jirrikonoxxi li l-koperazzjoni reġjonali hija kundizzjoni meħtieġa għall-bini ta' fiduċja u għat-tisħiħ tas-sigurtà skond il-prijoritajiet tal-ENP; jappella lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fid-direzzjoni tas-Sħubija tal-Lvant lejn koperazzjoni multilaterali mingħajr ma jorbtuha mas-soluzzjoni finali tal-kunflitti;
40. Jenfasizza l-potenzjal perikoluż għal tixrid ta' kunflitti staġnati fir-reġjun; f'dan il-kuntest, jirrakkomanda t-tlaqqigħ ta' Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fin-Nofsinhar tal-Kawkasu, li tħaddan il-pajjiżi konċernati u l-atturi relevanti reġjonali u globali, bil-ħsieb li jiġi żviluppat Patt ta' Stabilità għan-Nofsinhar tal-Kawkasu;
41. Jieħu nota tal-involviment attwali tal-UE fil-proċessi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti fir-reġjun, u jemmen li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona jiġġustifika rwol aktar prominenti għall-UE; jappoġġja bis-sħiħ ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE (EUSR) għan-Nofsinhar tal-Kawkasu, is-Sur Peter Semneby; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Missjoni ta' Monitoraġġ (EUMM) fil-Ġeorġja u jistieden lill-UE biex tieħu azzjoni iżjed b'saħħitha ħalli tikkonvinċi lir-Russja u lill-awtoritajiet de facto rilevanti biex ma jkomplux jimblokkaw id-dħul tal-EUMM fin-Nofsinhar tal-Ossezja u fl-Abkazja; iqis li l-UE issa għandha l-opportunità li tappoġġa s-soluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, u jenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-UE f'dan ir-rigward; għalhekk iqis li huwa inevitabbli li jiġi aġġornat ir-rwol tal-UE fil-Grupp Minsk permezz tat-twaqqif ta' mandat tal-UE għall-President Konġunt Franċiż tal-Grupp Minsk; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li tiġi provduta għajnuna u assistenza umanitarja lill-popolazzjoni tar-reġjun tan-Nagorno-Karabakh kif ukoll lill-IDPs u lir-refuġjati li ħarbu mir-reġjun; jitlob lill-Kummissjoni u lill-EUSR Semneby jikkunsidraw jestendu l-istess tip ta' għajnuna u tixrid ta' informazzjoni lin-Nagorno-Karabakh bħal ma sar fl-Abkazja u f'Ossezja;
42. Jitlob lill-Viċipresident tal-Kummissjoni/Rappreżentat Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni biex isegwi mill-qrib l-iżviluppi fir-reġjun u biex ikun involut b'mod attiv fil-proċessi tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jirrikonoxxi l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali għan-Nofsinhar tal-Kawkasu u jesprimi t-tama li r-Rappreżentant Għoli ser tiżgura l-kontinwità u l-konsistenza tagħha; jinkuraġġixxi lill-Kunsill biex jikkunsidra l-possibilità tal-użu ta' għodod mill-PSDK biex iżid il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċessi tat-tisħiħ tal-paċi u tal-ġestjoni tal-kunflitti;
43. Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilità li tagħti appoġġ finanzjarju u tekniku sostanzjali sabiex tappoġġa miżuri li jibnu l-fiduċja u li jippromwovu l-fiduċja bejn u fost il-popolazzjonijiet, u biex tieħu sehem fir-rijabilitazzjoni u fir-rikostruzzjoni tar-reġjuni milquta mill-kunflitti, permezz ta' proġetti li jiġġeneraw id-dħul u ta' proġetti relatati mal-integrazzjoni soċjoekonomika tal-IDPs u r-ripatrijati u permezz tar-rijabilitazzjoni tad-djar u tal-isforzi favur id-djalogu u l-medjazzjoni, u jistedinha wkoll telabora u tappoġġa proġetti tas-soċjetà ċivili li jkollhom l-għan li jmexxu “l quddiem ir-rikonċiljazzjoni u l-kuntatti bejn il-popolazzjonijiet lokali u l-individwi;
Id-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt
44. Jappoġġja l-finanzjament u l-assistenza mill-UE għar-reġjun biex tippromwovi dawn il-prinċipji u l-proċessi, u jqis li din l-assistenza mill-UE għandha tingħata fil-qafas tal-kundizzjonalità politika, bħar-riforma tal-ġudikatura u l-progress fil-proċessi tad-demokratizzazzjoni; iwissi kontra l-possibilità li l-gvernijiet jużaw ħażin il-kunflitti biex jaljenaw l-interess tal-komunità internazzjonali mill-kwistjonijiet domestiċi;
45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li jkunu rrispettati l-impenji inklużi f'pakketti ta' kundizzjonalità politika, bħall-impenn speċifiku mill-Gvern Ġeorġjan li jagħti spinta ġdida lir-riformi demokratiċi inklużi fl-assistenza fl-UE ta' wara l-kunflitt li dwarha sar ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Ġeorġja f'Jannar 2009, u sabiex b'mod regolari tressaq rapporti dwar il-progress lill-Parlament Ewropew;
46. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE lill-Armenja; jilqa' b'sodisfazzjon il-possibilità ta' aktar assistenza finanzjarja fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża l-assistenza fin-negozjar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni l-ġdid mal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tistħarreġ il-possibilità li toffri assistenza maħsuba apposta lill-Ażerbajġan u lill-Ġeorġja wkoll;
47. Huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-drittijiet tal-minoranzi u tal-gruppi vulnerabbli, u jinkuraġġixxi lill-Armenja, lill-Ażerbajġan u lill-Ġeorġja jimplimentaw programmi ta' edukazzjoni pubblika fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-valuri tat-tolleranza, tal-pluraliżmu u tad-diversità, inkluż ir-rispett lejn il-minoranzi sesswali u lejn gruppi oħra li huma emarġinati u stigmatizzati;
48. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward ir-rifjut ta' Eutelsat li jxandar is-servizz tax-xandir pubbliku Ġeorġjan bil-lingwa Russa billi dan ir-rifjut jidher li hu motivat politikament; jindika li dan ir-rifjut iħalli de facto monopolju fit-trażmissjoni bis-satellita fuq udjenza reġjonali li titkellem bir-Russu lill-Intersputnik u lill-klijent prinċipali tiegħu, Gazprom Media Group; jenfasizza li hu importanti ħafna li f'soċjetà demokratika u pluralistika x-xandir ta' midja indipendenti ma jiġix imfixkel;
49. Jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Isħubija tal-Lvant bħala l-ispazju fejn jitrawwem l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u jissaħħu l-għeruq tiegħu fl-istati tar-reġjun, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Forum jirċievi biżżejjed appoġġ finanzjarju u tekniku; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-finanzjament ta' proġetti tas-soċjetà ċivili u tar-rwol li għandhom id-Delegazzjonijiet tal-UE fir-reġjun fl-għażla tagħhom, u dwar l-importanza li jista' jkollhom dawn il-proġetti fil-promozzjoni ta' kuntatti f'livell reġjonali;
Il-koperazzjoni ekonomika u l-iżvilupp soċjali
50. Iqis li l-UE għandha tkompli tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment fir-reġjun u li politika ta' kummerċ hija fattur fundamentali għall-istabilità politika u għall-iżvilupp ekonomiku u li jwassal għal tnaqqis fil-faqar fin-Nofsinhar tal-Kawkasu; jemmen li f'dan ir-rigward, in-negozjar u u t-twaqqif ta' Zona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva għandha sehem importanti ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi possibbli biex tgħin lill-pajjiżi fir-reġjun fit-tħejjija, fin-negozjar u fl-implimentazzjoni tagħhom fil-ġejjieni, anke fiż-żamma tal-impenji li jirriżultaw mill-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles profondi u komprensivi (DCFTAs), u jistedinha wkoll tipprovdi fi żmien xieraq evalwazzjoni komprensiva tal-impatt soċjali u ambjentali ta' dawn il-ftehimiet; aktar minn hekk, jinkuraġġixxi lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu biex iqisu li jistabbilixxu zona ta' kummerċ ħieles bejniethom;
51. Jenfasizza l-qagħda ġeopolitika tal-Armenja, tal-Ġeorġja u tal-Ażerbajġan fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, tat-Turkija bħala pajjiż kandidat tal-UE, u tar-Russja u tal-Iran; iqis li l-kummerċ huwa wieħed mill-komponenti ewlenin tal-politika ġenerali tal-UE li trawwem l-istabilità politika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u l-prosperità, u huwa tal-fehma li d-dimensjoni reġjonali tal-Istrateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu teħtieġ approċċ reġjonali fir-rigward tan-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali; jappella lill-Kummissjoni biex tidentifika l-oqsma komuni ta' interess ekonomiku li jistgħu jegħlbu d-diverġenzi, jiffaċilitaw id-djalogu u jippromwovu l-koperazzjoni reġjonali; jappella biex ikun hemm iżjed impenn u involviment mill-UE favur il-kisba tal-integrazzjoni fir-reġjun, ġaladarba l-Komunità issa għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika kummerċjali;
52. Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-istudji ta' fattibilità għall-Ġeorġja u l-Armenja ta' Mejju 2008, li wrew li d-DCFTAs iġibu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għal dawk il-pajjiżi u għall-UE, u b'hekk jippermettu lill-Kummissjoni tidħol f'fażi preparatorja għal negozjati ġejjiena dwar id-DCFTAs; jinkuraġġixxi lill-Ġeorġja, lill-Armenja u lill-Ażerbajġan sabiex itejbu l-progress tagħhom bil-għan li jirrispettaw il-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP rispettivi tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-aktar fir-rigward tat-titjib tal-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali tagħhom u tal-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji (speċjalment fir-rigward tal-livelli baxxi ħafna ta' ħarsien tal-proprjetà intellettwali fit-tliet pajjiżi), li huwa wieħed mill-prekundizzjonijiet għall-implimentazzjoni effettiva, u għas-sostenn tal-effetti ta' dawn l-FTAs ambizzjużi; jemmen li l-konklużjoni ta' FTAs mal-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan tista' twassal mhux biss għal tkabbir ekonomiku, iżda tista' wkoll iżżid l-investiment barrani, toħloq impjiegi ġodda u teqred il-faqar;
53. Ifakkar li s-sigurtà fl-enerġija hija tħassib komuni; għalhekk iħeġġeġ lill-UE tagħti appoġġ aktar b'saħħtu lill-proġetti tal-enerġija fir-reġjun f'konformità mal-istandards Ewropej, inklużi proġetti li jmexxu “l quddiem l-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija alternattiva, biex tikkopera iżjed fil-kwistjonijiet tal-enerġija u biex taħdem bis-sħiħ ħalli malajr kemm jista” jkun jitlesta l-kuridur tal-enerġija tan-nofsinhar, inkluż il-linja ta' pajpijiet Nabukko; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-proġetti tal-enerġija u tat-trasport fin-Nofsinhar tal-Kawkasu jrawmu relazzjonijiet bejn it-tliet pajjiżi u biex taċċerta li dawn ma jikkawżawx l-esklużjoni ta' ċerti komunitajiet; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-Inizjattiva Baku u l-programmi korrispondenti tagħha li jappoġġjawha, jiġifieri l-INOGATE u t-TRACECA;
54. Jenfasizza li l-istabilità politika hija essenzjali għall-forniment affidabbli u bla interruzzjonijiet ta' riżorsi ta' enerġija sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet xierqa għal żvilupp infrastrutturali; f'dan ir-rigward, ifakkar li l-kuritur doppju tal-enerġija ffurmat mil-linja ta' pajpijiet Baku-Tbilisi-Ceyhan (BTC) u l-Baku-Tbilisi-Erzerum (BTE) irawwem it-tqarrib bejn l-UE u r-reġjun Kaspju; jitlob li jerġgħu jitħeġġu l-ftehimiet bilaterali eżistenti jew tal-Memoranda ta' Ftehim li kienu ġew konklużi mat-tliet pajjiżi taln-Nofsinhar tal-Kawkasu fil-qasam tal-enerġija, bl-inklużjoni ta' “klawsola ta' sigurtà tal-enerġija” li tistabbilixxi kodiċi ta' mġiba u miżuri speċifiċi fil-każ ta' interruzzjoni fil-provvista tal-enerġija; iqis li l-provvista tal-enerġija u tad-dispożizzjonijiet ta' tranżitu għandhom ikunu komponent fin-negozjar ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni wiesgħa ma' dawk il-pajjiżi;
55. Itenni l-importanza tal-kuntatti interpersonali u tal-programmi ta' mobilità, speċjalment ta' dawk maħsuba għaż-żgħażagħ, u tal-programmi ta' ġemellaġġi ma' reġjuni tal-UE u komunitajiet lokali li għandhomminoritajiet nazzjonali li qed jesperjenzaw livell għoli ta' awtonomija; jemmen li hemm bżonn ta' żjieda kbira fin-numru ta' studenti, għalliema u riċerkaturi li jipparteċipaw fi programmi ta' mobilità; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-ftehimiet mal-Ġeorġja dwar il-faċilitar tal-viżi u tar-riammissjoni u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu progress lejn l-iffaċilitar tal-viżi u ftehimiet ta' riammissjoni mal-Armenja u l-Ażerbajġan;
56. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-UE tiżviluppa strateġija għan-Nofsinhar tal-Kawkasu, minħabba l-importanza tar-reġjun għall-UE u r-rwol potenzjali li għandha l-UE fit-trawwim ulterjuri tal-iżvilupp tar-reġjun u fis-soluzzjoni tal-kunflitti tiegħu;
o o o
57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni, tal-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Lulju(1), tal-25 ta' Ottubru(2) u tal-15 ta' Novembru 2007(3),
– wara li kkunisdra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adotatti fis-16 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin li fihom il-Kunsill jenfasizza l-importanza strateġika ta' din il-libertà u tal-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Pakistan tas-17 ta' Ġunju 2009, li fiha ż-żewġ naħat saħqu fuq l-importanza ta' strateġija integrata u fit-tul li tinkludi l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u l-istat tad-dritt, kif ukoll irrikonoxxew is-sinifikat ta' mezzi mhux militari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,
– f'antiċipazzjoni tat-tieni Samit UE-Pakistan fl-4 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar il-“Ġlieda kontra d-diffamazzjoni tar-reliġjon” adottata b'maġġoranza żgħira tal-voti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-26 ta' Marzu 2009, proposta kull sena mill-Pakistan f'isem l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika (OIC),
– wara li kkunsidra l-isqarrija tal-4 ta' April 2010 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar attakki fil-Pakistan, kif ukoll dik tal-20 ta' April 2010 dwar l-adozzjoni tat-18-il Emenda Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 (UDHR),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin, tal-25 ta' Novembru 1981,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili huma prinċipji u miri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi,
B. billi fil-Pakistan l-Iżlam Sunnita huwa r-reliġjon tal-maġġoranza u tal-Istat u gruppi reliġjużi u ta' twemmin minoritarji jikonsistu fi Nsara, Ħindu, Sikh, Xiiti, Aħdmadi, Buddisti, Parsi, Baħa'I u oħrajn,
C. billi l-Pakistan huwa wieħed mill-pajjiżi ewlenin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tifrix tal-estremiżmu vjolenti,
D. billi l-istabbiltà interna u l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż għaddejjin minn prova ħarxa minħabba l-għadd li qed jiżdied ta' attakki vjolenti minn estremisti, li jiġru kważi ta' kuljum,
E. billi t-theddida ma taqta' xejn minn forzi Muslim radikali li joperaw fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera tal-Pakistan mal-Afganistan ikomplu jagħmluha ħtieġa saħansitra aktar imperattiva li jsiru sforzi internazzjonali konċertati biex l-iżvilupp soċjali tal-Pakistan jintrifed u jitqawwa,
F. billi d-drittijiet ugwali għall-minoranzi kienu parti mill-viżjoni tal-missier fundatur tal-Pakistan, Moħammed Ali Jinnah, kif esprima fid-diskors tiegħu quddiem l-Assemblea Kostitwenti fl-1947: “Tista” tappartjeni għal kwalunkwe reliġjon, kasta jew twemmin – dak xejn m'għandu x'jaqsam mal-Istat… Qed nitiliqu minn dan il-principju fundamentali, li lkoll kemm ahna cittadini, u cittadini ta' Stat wiehed“,
G. billi l-kapitolu dwar id-Drittijiet Fundamentali fil-Kostituzzjoni tal-Pakistan tal-1973 jiggarantixxi “l-libertà tat-tħaddin ta' reliġjon u l-ġestjoni ta' istituzzjonijiet reliġjużi” (l-Artikolu 20), l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha (l-Artikolu 25) u “d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-minoranzi” (l-Artikol 26),
H. billi, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 260 tal-Kostituzzjoni jiddistingwi bejn il-Musulmani u dawk li mhumiex, biex b'hekk jippermetti d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon;
I. billi rapporti u stħarriġiet minn aġenziji indipendenti jikxfu li l-minoranzi fil-Pakistan huma mċaħħda mil-libertajiet ċivili bażiċi u mill-opportunitajiet indaqs fix-xogħol, fl-edukazzjoni u fir-rappreżentanza politika,
J. billi huwa stmat li aktar minn 85% tan-nisa fil-Pakistan jiffaċċaw l-abbuż domestiku li jinkludi l-abbuż fiżiku u dak psikoloġiku; filwaqt li l-vjolenza kontra t-tfajliet u n-nisa, inklużi l-istupru, il-vjolenza domestika u ż-żwieġ sfurzat, għadhom problemi serji, li parzjalment jistgħu ikunu attribwiti għal-liġi Xarija,
K. billi l-gvern tal-Pakistan ħatar kelliemi għall-minoranzi u lill-Membru tal-Parlament tal-Pakistan Shabaz Bhatti laħħqu Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Minoranzi f'Novembru 2008, filwaqt li għall-ewwel darba refa' din il-kariga għal-livell tal-kabinett,
L. billi fil-perjodu minn Novembru 2008 l-Gvern tal-Pakistan ħoloq kwota ta' ħamsa fil-mija għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, irrikonoxxa vaganzi pubbliċi mhux Musulmani, iddikjara l-11 ta' Awwissu bħala l-Jum Nazzjonali tal-Minoranzi u rriserva xi siġġijiet fis-Senat għal rappreżentanti tal-minoranzi,
M. billi fil-25 ta' Diċembru 2009 il-President Asif Ali Zardari tenna l-wegħda tal-Partit tal-Poplu tal-Pakistan li jirrispetta d-dritt tal-minoranzi kollha li jiġu ttrattati bħala ċittadini ugwali,
N. billi hemm kontradizzjoni bejn l-impenn tal-gvern tal-Pakistan favur il-libertà tar-reliġjon u r-rwol ewlieni tiegħu fl-OIC f'li jmexxi l-aġenda tal-“Ġlieda kontra d-Diffamazzjoni tar-Reliġjon” fin-Nazzjonijiet Uniti,
O. Bili d-dispożizzjonijiet legali magħrufin bħala l-“liġijiet dwar atti blasfemi”, introdotti fl-1982 u fl-1986, jimminaw id-drittijiet fundamentali reliġjużi u tal-minoranzi mogħtija bil-Kostituzzjoni, filwaqt li s-sentenza tal-mewt jew il-priġunerija għall-ħajja huma previsti taħt is-sezzjoni 295 C fil-Kodiċi Penali tal-Pakistan (PPC) f'każijiet ta' atti blasfemi,
P. billi l-liġijiet dwar l-atti blasfemi jiġu abbużati mill-gruppi estremisti u minn dawk li jkollhom aġenda personali kontra ħaddieħor u wasslu għal tkattir tal-vjolenza kontra membri tal-minoranzi reliġjużi, partikolarment l-Aħmadi, imma wkoll l-Insara, il-Ħindu, is-Sikh, ix-Xiiti, il-Buddisti, il-Parsi, il-Baħa'i kif ukoll ċittadini kritiċi li jazzardaw jgħollu leħinhom kontra l-inġustizzja,
Q. billi l-maġġoranza kbira tan-nies akużati taħt il-liġijiet dwar l-atti blasfemi huma Musulmani, imma l-akkużi kontra individwi minn reliġjonijiet minoritarji jistgħu jiskattaw vjolenza sproporzjonata kontra komunità sħiħa, billi kienu akkużi ta' atti blasfemi li skattaw il-vjolenza tal-folla kontra l-Insara f'Gojra u Korian fis-sajf tal-2009, li ħallew tmienja mejta u tal-anqas mitt dar meqruda,
R. billi 76 ruħ ġew akkużati fl-2009 b'atti blasfemi f“25 każ reġistrat, inklużi 17-il ruħ akkużati taħt is-sezzjoni 295 C tal-Kodiċi Penali tal-Pakistan (PPC),
S. billi l-avukati u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan spiss jesperjenzaw theddid ta' qtil u fastidju, u l-avukati li jiddefendu f'kawżi ta' atti blasfemi huma speċjalment vulnerabbli għal riskji bħal dawn, u saħansitra anki dawk li jkunu nħelsu mill-akkużi jkollhom jgħaddu l-bqija ta' ħajjithom moħbija,
T. billi f'Awwissu 2009 il-Prim Ministru tal-Pakistan Gilani ħabbar it-twaqqif ta' kumitat biex jirrevedi u jtejjeb “liġijiet li jagħmlu l-ħsara għall-armonija reliġjuża”, meta fl-istqarrija tiegħu għamel allużjoni għal-liġijiet tal-1982 u l-1986 dwar l-atti blasfemi, billi, madankollu, sal-lum l-ebda reviżjoni tali għadha ma ġiet proposta,
U. billi l-Musulmani Aħmadija fil-Pakistan ibatu minn diskriminazzjoni u persekuzzjoni frekwenti mirfuda mid-dispożizzjonijiet kontra l-Aħmadija fis-sezzjoni 298 tal-Kodiċi Penali tal-Pakistan, u eżempju riċenti ta' dan kien il-qtil ta' professur Aħmadi rtirat minn irġiel armati u b'wiċċhom mgħammad fil-5 ta' Jannar 2010,
V. billi l-Gvern tal-Pakistan jinsab fil-proċess li jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-NU tal-1984 kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra;
1. Jilqa' l-miżuri meħuda fl-interess tal-minoranzi reliġjużi mill-gvern tal-Pakistan minn Novembru 2008 “l hawn, bħalma huwa t-twaqqif ta' kwota ta' ħamsa fil-mija għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, ir-rikonoxximent tal-vaganzi pubbliċi mhux Musulmani u d-dikjarar ra” Jum Nazzjonali tal-Minoranzi;
2. Jappoġġja għalkollox l-isforzi tal-Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Minoranzi biex jistabbilixxi netwerk ta' Kumitati għall-Armonija bejn ir-Reliġjonijiet Lokali biex iħeġġeġ id-djalogu u jtaffi t-tensjonijiet reliġjużi; jitlob lil-livelli l-oħra kollha tal-gvern, inklużi l-Istati, biex jilqgħu dawn il-miżuri bis-sħiħ;
3. Jilqa' l-impenn li ħa l-Prim Ministru tal-Pakistan biex jagħti drittijiet tal-proprjetà lil minoranzi li jgħixu fis-slums f'Islamabad;
4. Jilqa' l-impenn tal-gvern tal-Pakistan biex jipprovdi siġġijiet fis-Senat għall-minoranzi, inkluż għar-rappreżentanti nisa tal-gruppi tal-minoranzi fis-Senat, u jispera li dawn l-impenji jitwettqu;
5. Jistieden lill-Gvern Pakistani biex jirrevedi l-prattika li jinkludi l-identità reliġjuża taċ-ċittadini tiegħu fil-passaporti l-ġodda kollha bil-għan li jevita kull prattiki diskriminatorja;
6. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-gvern tal-Pakistan fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tifrix tal-estremiżmu vjolenti;
7. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu li l-liġijiet dwar l-atti blasfemi - li fil-Pakistan jistgħu jġorru magħhom il-piena tal-mewt u li ta' spiss jintużaw biex jiġġustifikaw iċ-ċensura, il-kriminalizzazzjoni, il-persekuzzjoni u f'ċerti każijiet il-qtil ta' minoranzi politiċi, razzjali u reliġjużi - huma suxxettibbli għal użu ħażin li jaffettwa l-popli tar-reliġjonijiet kollha fil-Pakistan;
8. Jitlob lill-gvern tal-Pakistan biex jirrevedi sew il-liġijiet dwar l-atti blasfemi u l-applikazzjoni attwali tagħhom kif ukoll, fost l-oħrajn, is-Sezzjoni 295 C tal-Kodiċi Penali li titkellem dwar il-piena tal-mewt mandatorja għal kull min jinstab ħati ta' atti blasfemi u, sadanittant, biex jimplimenta emendi kif suġġerit mill-Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Minoranzi;
9. Jitlob lill-Gvern biex iżomm il-wedgħa tiegħu tal-2008 li jbiddel il-pieni kollha tal-mewt għal żmien il-ħabs bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt;
10. Ifakkar fl-istqarrija ripetuta tal-Kummissjoni, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari bil-miktub, li hija qiegħda ssegwi mill-qrib ir-rispons tal-gvern tal-Pakistan għall-vjolenza tal-massa li bdiet minħabba l-akkużi ta' atti blasfemi f'Gojra u Korian; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex titlob għal dettalji dwar il-progress tanġibbli li sar, b'mod partikolari rigward it-tressiq ta' dawk responsabbli duddiem il-qrati;
11. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu għad-diskriminazzjoni li għaddejja bħalissa kontra l-komunità Aħmadija fil-Pakistan u għall-persekuzzjoni tagħha u jitlob lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrevoka s-Sezzjoni 298 tal-Kodiċi Penali tal-Pakistan li tfixkel bil-kbir il-ħajja ta' kuljum ta' dan il-grupp, u biex jiskoraġġixxi avvenimenti xewwiexa bħalma huma l-konferenzi dwar “Tmiem il-Profeti” ġewwa Lahore;
12. Jitlob lill-awtoritajiet Pakistani biex jimplimentaw għalkollox is-sentenza tal-Qorti Suprema tal-Pakistan li biha għandhom l-obbligu jiżguraw ir-reġistrazzjoni tal-votanti eliġibbli kollha fil-listi elettorali l-ġodda, inklużi l-Musulmani Aħmadija;
13. Huwa mħasseb dwar il-possibiltà ta' użu ħażin tal-kampanja “Ġlieda Kontra d-Diffamazzjoni tar-Reliġjon” fin-NU, waqt li jisħaq dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2009;
14. Jitlob lill-Gvern tal-Pakistan biex jirratifika għalkollox u mingħajr riservi l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Konvenzjoni tan-NU tal-1984 kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra; Iqis li l-libertà tat-twemmin, kif imnaqqxa fil-Patt tan-NU, tipprovdi l-qafas u r-referenza adegwati li għandhom jaderixxu magħhom il-firmatarji kollha, b'tali mod li jipprovdu protezzjoni għaċ-ċittadini tagħhom sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-fidi tagħhom liberament;
15. Jitlob lill-Gvern biex jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi stipulati fil-Kostituzzjoni u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari Artikolu 18, li jipprevedi li “kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon”;
16. Jappoġġa kull inizjattiva li għandha l-għan li tippromwovi d-djalogu u r-rispett reċiproku fost il-komunitajiet; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi u politiċi biex jippromwovu t-tolleranza u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u l-estremiżmu vjolenti;
17. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jimplimenta r-riformi proposti tas-sistema edukattiva u biex jirregola u jispezzjona l-Madrasas; jistieden lill-awtoritajiet Pakistani biex ineħħu kull propaganda ta' mibegħda, superjorità reliġjuża u diffamazzjoni ta' reliġjonijiet mill-kotba tal-iskola approvati mill-fergħa tal-kurrikulu nazzjonali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni;
18. Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jiffaċilita żjara fil-Pakistan tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin, is-Sinjura Asma Jahangir;
19. Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jinkludu d-drittijiet tal-minoranzi fil-Pakistan fl-aġenda tas-samit li ġej, bil-għan li tinbeda riforma bikrija tal-leġiżlazzjoni diskriminatorja dwar l-atti blasfemi;
20. Jitlob lill-Kunsill biex jinkludi l-kwistjoni tat-tolleranza reliġjuża fis-soċjetà fid-djalogu tiegħu mal-Pakistan dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ġaladarba din hija ta' importanza ċentrali fil-ġlieda fit-tul kontra l-estremiżmu reliġjuż;
21. Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex ikomplu l-appoġġ finanzjarju tal-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex joħolqu miżuri prattiċi ħalli jappoġġaw il-moviment dejjem jikber tas-soċjetà ċivili fil-Pakistan kontra l-liġijiet dwar l-atti blasfemi u leġiżlazzjoni diskriminatorja oħra;
22. Ifakkar fl-istqarrija ripetuta tal-Kummissjoni, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari bil-miktub, li hija qiegħda ssegwi mill-qrib ir-rispons tal-gvern tal-Pakistan għall-vjolenza kontra l-Insara f'Gojra u Korian, u jitlob lill-Kummissjoni biex titlob għal dettalji dwar il-progress tanġibbli li sar, b'mod partikolari rigward it-tressiq ta' dawk responsabbli duddiem il-qrati;
23. Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jinsistu li l-Gvern tal-Pakistan jimxi mal-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem imnaqqxa fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan; Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni u dwar il-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;
24. Jitlob lill-Kunsill biex jappoġġa lill-Gvern tal-Pakistan fl-iżvilupp tal-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu, u fit-twaqqif ta' Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem bis-sens, indipendenti u awtorevoli;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan.
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Użu tas-Saħħa u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi tal-1990,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-8 u t-13 ta' April 2010 dwar is-sitwazzjoni politika fit-Tajlandja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN tat-12 ta' April 2010 dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-Tajlandja rat taqtigħ vjolenti bejn “l hekk imsejħa dimostranti tal-”'Qomos Ħomor'' u l-gvern, flimkien mal-armata bl-appoġġ tal-moviment tal-“'Qomos Sofor'”, taqtigħ fejn diġà tilfu ħajjithom “il fuq minn 60 persuna u ndarbu iktar minn 1700 persuna,
B. billi ġie ddikjarat stat ta' emerġenza f'iktar minn 20 provinċja madwar il-pajjiż,
C. billi fl-10 ta' April 2010 faqqgħet il-vjolenza bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà f'Bangkok,
D. billi fit-3 ta' Mejju 2010, il-Prim Ministru Abhisit Vejjajiva ressaq pjan direzzjonali bi pjan b'ħames punti li għandu jwassal għal elezzjonijiet ġenerali fl-14 ta' Novembru 2010,
E. billi mit-13 ta' Mejju 2010, kien hemm iktar ġlied vjolenti bejn id-dimostranti militanti u l-forzi tas-sigurtà f'Bangkok,
F. billi l-istat ta' emerġenza ddikjarat mill-Gvern Tajlandiż wassal għal ċensura ta' stazzjon tat-televiżjoni satellitari, ta' bosta stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni u ta' siti tal-internet; billi l-Unjoni Ewropea esprimiet tħassib kbir dwar it-theddida fir-rigward tal-libertà tal-istampa, u affermat mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni tikkostitwixxi dritt fundamentali, kif imħaddan fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
G. billi waqt operazzjoni tal-armata mibdija fid-19 ta' Mejju 2010 biex iċċekken il-kuritur ta' sigurtà madwar il-kamp ewlieni ta' dimostranti, nqatlubosta persuni, inkluż ġurnalista Taljan, u għexieren ta' persuni sfaw midruba,
H. billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-Moon, esprima tħassib dwar il-vjolenza u appella kemm lid-dimostranti kif ukoll lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex jagħmlu kull ma hu fis-setgħa tagħhom biex jevitaw vjolenza u mwiet ulterjuri; billi l-Vjetnam, li għandu l-presidenza tal-ASEAN, esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja li sejra għall-agħar u stieden lill-partijiet kollha biex jevitaw il-vjolenza u jfittxu r-rikonċiljazzjoni,
1. Jesprimi tħassib kbir fir-rigward tal-kunflitt vjolenti bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà fit-Tajlandja, li joħloq theddida għad-demokrazija fil-pajjiż, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Tajlandiż u mal-familji kollha li tilfu lil dawk qrib tagħhom fil-ġimgħat li għaddew;
2. Ifakkar li l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tas-Saħħa u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi jipprevedu li l-awtoritajiet, sakemm ikun possibbli, għandhom japplikaw mezzi mhux vjolenti qabel ma jagħmlu użu mis-saħħa u mill-armi tan-nar, u kull meta l-użu legali ta' dawn tal-aħħar ikun inevitabbli, l-awtoritajiet għandhom jillimitaw dan l-użu u jaġixxu b'mod proporzjonali għas-serjetà tal-reat;
3. Jistieden lill-partijiet kollha biex jagħmlu l-ikbar sforz possibbli sabiex irażżnu lilhom infushom u jwaqqfu l-vjolenza politika;
4. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Tajlandiż li jistabbilixxi kumitat, magħmul minn esperti forensiċi u rappreżentanti ta' istituzzjonijiet akkademiċi, biex jistħarreġ l-imwiet marbuta mal-avvenimenti tal-10 ta' April 2010, u jistieden lill-gvern biex jestendi dan l-istħarriġ għall-każijiet reċenti ta' mwiet; jappoġġa l-inizjattiva biex il-Ministeru għall-Iżvilupp Soċjali u s-Sigurtà tal-Bnedmin iniedi ċentru li jgħin lill-persuni midruba u lill-qraba tal-persuni li nqatlu fil-ġlied ta' bejn l-uffiċjali tal-istat u d-dimostranti tal-Front Magħqud għad-Demokrazija Kontra d-Dittatorjat;
5. Jirrikonoxxi l-pjan direzzjonali ppreżentat mill-Prim Ministru Abhisit Vejjajiva fit-3 ta' Mejju 2010;
6. Jistieden lill-Gvern Tajlandiż biex jiżgura li d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza ma twassalx għal restrizzjoni sproporzjonata tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet individwali; jistieden lill-Gvern Tajlandiż biex itemm iċ-ċensura u r-restrizzjonijiet fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni;
7. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex minnufih jagħtu bidu għal djalogu kostruttiv sabiex jintlaħaq malajr ftehim dwar soluzzjoni u biex il-kriżi attwali tissolva b'mezzi paċifiċi u demokratiċi;
8. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem li jorganizza laqgħa konsultattiva li tlaqqa' intellettwali, rappreżentanti tal-movimenti soċjali, mexxejja reliġjużi u l-4 ex-Prim Ministri, Anand Panyarachun, Banharn Silapa-acha, Chavalit Yongchaiyudh u Chuan Leekpai, biex tinstab u titressaq soluzzjoni ħalli tintemm din il-kriżi;
9. Jenfasizza r-rieda tiegħu li jappoġġa d-demokrazija fit-Tajlandja, billi jqis ir-rabtiet eċċellenti bejn l-UE u t-Tajlandja u r-rwol tat-Tajlandja bħala sors ta' prosperità u ta' stabilità fir-reġjun;
10. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tagħmel l-isforzi kollha possibbli ħalli tintemm il-vjolenza; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex issegwi s-sitwazzjoni politika mill-qrib u tikkoordina l-azzjoni mal-ASEAN sabiex jitrawwem id-djalogu u tissaħħaħ id-demokrazija fit-Tajlandja;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern tat-Tajlandja, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
IL-Mjanmar
223k
61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Burma/Mjanmar
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rapporteur Speċjali tan-NU Tomás Ojea Quintana fil-5 ta' Mejju 2010,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Burma/Mjanmar adottat fit-3009 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin li saret il-Lussemburgu fis-26 ta' April 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tal-1 ta' Marzu 2010 dwar l-oġġezzjoni għall-appell ta' Aung San Suu Kyi mill-Qorti Suprema tal-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-President tas-16-il Samit tal-ASEAN li sar f'Hanoi fid-9 ta' April 2010,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew - Dikjarazzjoni dwar il-Burma/Mjanmar tad-19 ta' Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Burma/Mjanmar adottati fl-2938 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin li saret il-Lussemburgu fis-27 ta' April 2009,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-23 ta' Frar 2009 li sejħet għal djalogu globali inklussiv bejn l-awtoritajiet u l-forzi demokratiċi fil-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-28 ta' Awwissu 2009 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Marzu 2010 dwar is-Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea tal-14 ta' Mejju 2009 dwar l-arrest ta' Aung San Suu Kyi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. wara li kkunsidra l-avviż mill-awtoritajiet Burmiżi dwar l-elezzjonijiet nazzjonali fl-2010, l-ewwel elezzjonijiet mill-1990,
B. billi fil-forma ppubblikata tagħhom il-ħames liġijiet elettorali u l-erba' digrieti jiksru l-prinċipji demokratiċi u jagħmluha impossibbli biex isiru elezzjonijiet ħielsa, partikolarment billi jeskludu l-2200 priġunier politiku magħrufa; billi l-membri tal-ordnijiet reliġjużi fil-Burma/Myanmar, inklużi madwar 400 000 patri buddist, huma pprojbiti espliċitament milli jivvutaw, li juri d-diskriminazzjoni perpetwa mill-ġunta militari abbażi ta' reliġjon jew status,
C. billi dawn il-liġijiet jiksru l-prinċipji bażiċi tal-libertà ta' espressjoni u d-dritt ta' assoċjazzjoni; billi l-midja Burmiża bbażata barra l-pajjiż, li tikkostitwixxi s-sors ewlieni ta' aħbarijiet għall-poplu Burmiż, għadhom ipprojbiti milli joperaw fil-Burma/Mjanmar,
D. billi dawn il-liġijiet huma bbażati fuq il-Kostituzzjoni tal-2010, li tiggarantixxi l-impunità għar-reati li twettqu mir-reġim attwali u tipprovdi għall-waqfien totali tad-drittijiet fundamentali waqt stat ta' emerġenza, għal perjodu ta' żmien indefinit; billi l-kostituzzjoni l-ġdida tal-Burma/Mjanmar hija mfassla biex iżżomm dittatorjat taħt impressjoni ċivili, u ma tagħti l-ebda dritt tal-bniedem jew toffri l-ebda prospett ta' bidla ġenwina,
E. billi kwalunkwe espressjoni ta' opinjonijiet politiċi ta' oġġezzjoni titrażżan b'mod brutali u sistematiku (eż. permezz ta' arresti arbitrarji, proċessi inġusti, priġunerija, torturi u qtil extra-ġudizzjarji),
F. billi l-elezzjonijiet ma jistgħux jitqiesu ħielsa u ġusti jekk ma jkunx hemm l-involviment tal-oppożizzjoni,
G. billi l-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), ir-rebbieħa b'mod ċar fl-aħħar elezzjonijiet demokratiċi, iddeċidiet li topponi l-elezzjonijiet mħabbra għall-2010, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imposti fuq il-parteċipazzjoni; billi l-NLD ġiet imxolta bil-liġi fis-6 ta' Mejju 2010, wara li ma rreġistratx għall-elezzjonijiet,
H. billi d-dikjarazzjoni tas-16-il Samit tal-ASEAN tenfasizza l-importanza ta' rikonċiljazzjoni u li jsiru elezzjonijiet ġenerali regolari ħielsa u miftuħa għal kulħadd,
I. billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Burma/Mjanmar kkundanna l-abbużi “goffi u sistematiċi” tad-drittijiet tal-bniedem li saru mid-dittatorjat tal-Burma/Mjanmar, billi qal li jinvolvu “politika tal-istat li tinvolvi l-awtoritajiet fl-ambitu eżekuttiv, militari u ġudizzjarju fuq il-livelli kollha”, u talab li tiġi stabbilita kummissjoni ta' inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-reati tal-gwerra u r-reati kontra l-umanità li twettqu mid-dittatorjat,
J. billi l-Gvern tal-Burma/Mjanmar jibqa' kontra l-permess għaż-żjara tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Burma f'pajjiżu u li jibda fi djalogu, minkejja bosta talbiet matul ħafna xhur,
K. billi mill-2003 l-Gvern tal-Burma Mjanmar oġġezzjona għal kull proposta min-Nazzjonijiet Uniti u l-komunità internazzjonali biex jiġi riformat il-“pjan direzzjonali lejn id-demokrazija” f'seba' stadji,
L. billi bħalissa hemm 2200 priġunier politiku magħruf li qegħdin jinżammu l-ħabs minħabba li pparteċipaw f'attivitajiet paċifiċi fil-Burma/Mjanmar, u billi iktar minn 140 priġunier politiku intenzjonament mhumiex qed jingħataw trattament mediku, inkluż Ko Mya Aye mexxej mill-grupp 88 Generation Student, li għandu kundizzjoni f'qalbu li tista' twassal għall-mewt,
M. billi l-militar baqa' jwettaq vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjonijiet ċivili f'żoni ta' kunflitti etniċi, inkluż qtil extra-ġudizzjarju, xogħol furzat u vjolenza sesswali,
N. billi jkomplu l-attakki kontra ċ-ċittadini tal-minoranza etnika fil-Lvant tal-Burma/Mjanmar, li wasslu biex mijiet ta' eluf ta' nies ġew spostati, li ħafna minnhom, minħabba restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja mid-dittatorjat, jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' għajnuna transkonfinali mill-pajjiżi ġirien,
O. billi Aung San Suu Kyi, il-kap tal-oppożizzjoni NLD, ilha taħt arrest domiċiljari mill-2003; billi fl-14 ta' Mejju 2009 l-awtoritajiet arrestawha b'akkużi li kienet kisret it-termini tal-arrest domiċiljari tagħha billi ħalliet lil John Yettaw, Amerikan, iżurha; billi fil-11 ta' Awwissu 2009 qorti kriminali fil-ħabs Insein f'Rangoon ikkundannat lil Aung San Suu Kyi għal tliet snin ħabs għall-ksur tal-arrest domiċiljari, sentenza li mbagħad tnaqqset għal 18-il xahar ta' arrest domiċiljari; billi fl-1 ta' Marzu 2010 l-Qorti Suprema tal-Burma/Mjanmar oġġezzjonat għall-appell ta' Aung San Suu Kyi kontra s-sentenza inġusta imposta fuqha fl-2009,
P. billi l-UE tibqa' donatur ewlieni għall-Burma/Mjanmar u hija lesta biex iżżid l-għajnuna tagħha għall-poplu tal-pajjiż, sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tagħhom,
Q. billi l-ECHO naqqas il-fondi għar-rifuġjati fuq il-fruntieri bejn it-Tajlandja u l-Burma minkejja li għadd ta' rifuġjati jibqgħu kważi fl-istess sitwazzjoni, u waqqaf il-finanzjament għall-iskejjel li joffru faċilitajiet ta' akkomodazzjoni għal għajxien fihom fil-kampijiet tar-refuġjati,
R. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u bosta gvernijiet qalu li s-soluzzjoni għall-problemi tal-Burma hija djalogu tripartitiku xieraq bejn Aung San Suu Kyi u l-NLD, rappreżentanti etniċi ġenwini u l-Gvern tal-Burma/Mjanmar, u billi l-Gvern tal-Burma/Mjanmar għadu qed joġġezzjoni li jidħol fi djalogu bħal dan,
1. Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għan-nies tal-Burma/Mjanmar;
2. Jikkundanna li jsiru elezzjonijiet f'kundizzjonijiet assolutament mhux demokratiċi u abbażi ta' regoli li jeskludu lill-partit demokratiku ewlieni fl-oppożizzjoni u li jiċħdu mijiet ta' eluf ta' ċittadini Burmiżi mid-dritt tagħhom biex jivvutaw u joħorġu għall-elezzjoni, f'attentat ovvju tal-esklużjoni tal-oppożizzjoni kollha tal-pajjiż mill-votazzjoni;
3. Jiddeplora l-fatt li, skont il-kostituzzjoni l-ġdida, il-militar se jiġi garantit b'tal-inqas 25% tas-siġġijiet fil-parlament u se jkollu s-setgħa li jwaqqaf il-libertajiet ċivili u jkollu l-awtorità leġiżlattiva kull meta jħoss li hemm il-ħtieġa fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali;
4. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar biex jieħu passi mingħajr dewmien li huma meħtieġa biex jiġi żgurat proċess elettorali ħieles, ġust u trasparenti, inkluż il-parteċipazzjoni tal-votanti kollha, il-partiti politiċi kollha u l-partijiet interessati rilevanti kollha fil-proċess elettorali, u jaqbel li jkun hemm preżenti osservaturi internazzjonali; jitlob li jitħassru l-liġijiet elettorali ppubblikati f'Marzu 2010, li jagħmluha impossibbli li jsiru elezzjonijiet ħielsa u trasparenti;
5. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar biex jagħtu widen lill-appelli tal-komunità internazzjonali biex Aung San Suu Kyi u l-priġunieri tal-kuxjenza l-oħrajn kollha jitħallew jipparteċipaw fil-proċess politiku;
6. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tagħmel kull sforz biex tiżgura li jsiru elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi;
7. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar biex ineħħi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' għaqda, assoċjazzjoni, moviment u espressjoni, inkluża l-midja ħielsa u indipendenti, parzjalment billi s-servizzi tal-Internet u l-mowbajl isiru disponibbli u aċċessibbli u biex titwaqqaf l-użu taċ-ċensura;
8. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet sistematiċi u li għadhom għaddejjin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet demokratiċi bażiċi tan-nies tal-Burma/Mjanmar; jitlob lill-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar biex iwaqqfu l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;
9. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar biex jeħles lill-priġunieri tal-kuxjenza mingħajr dewmien, mingħajr kundizzjonijiet u bl-għoti lura tad-drittijiet politiċi kollha tagħhom u biex ma jibqax iwettaq arresti b'intenzjonijiet politiċi;
10. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri biex jappoġġaw pubblikament ir-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Burma/Mjanmar biex in-Nazzjonijiet Uniti tistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta dwar ir-reati tal-gwerra u r-reati kontra l-umanità fil-Burma/Mjanmar, u biex din it-talba tiddaħħal fl-abbozz ta' riżoluzzjoni li għandu jiġi diskuss fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2010;
11. Jenfasizza li l-isfidi politiċi u soċjoekonomiċi għall-Burma/Mjanmar jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' djalogu ġenwin bejn il-partijiet interessati kollha, inklużi l-gruppi etniċi u l-oppożizzjoni;
12. Jafferma mill-ġdid l-importanza essenzjali ta' proċess ġenwin ta' djalogu u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali għal tranżizzjoni għad-demokrazija; jitlob lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar biex minnufih jibda djalogu ġenwin mal-partiti kollha u mal-gruppi etniċi kollha; jilqa' f'dan il-kuntest l-isforzi ta' medjazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU fil-Burma/Mjanmar;
13. Iħeġġeġ lill-Gvernijiet taċ-Ċina, l-Indja, u r-Russja biex jużaw l-influwenza ekonomika u politika konsiderevoli tagħhom mal-awtoritajiet tal-Burma sabiex ikun hemm titjib sostanzjali fil-Burma/Mjanmar u sabiex jitwaqqaf il-forniment ta' armi u ta' riżorsi strateġiċi oħra; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi ASEAN u taċ-Ċina, li għandhom “relazzjoni privileġġjata” mal-Burma/Mjanmar, biex jużaw l-uffiċċji tajbin tagħhom partikolarment biex jippruvaw ireġġgħu lura l-politika tal-Burma tat-tindif etniku kontra r-Rohingya, li qed twassal għall-ħarba ta' mijiet ta' eluf ta' nies fuq il-fruntieri għal ġol-Bangladexx u qed iżżid fit-tbatija ta' dawk f'faqar estrem li qed jgħixu fid-distrett Cox's Bazaar;
14. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-UE u jistieden lill-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar biex jikkooperaw bis-sħiħ miegħu;
15. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill biex jestendi b'sena l-miżuri restrittivi pprovduti fid-Deċiżjoni attwali tal-UE u jenfasizza r-rieda tiegħu biex jirrevedi, jemenda jew isaħħaħ il-miżuri diġà adottati fid-dawl tal-iżviluppi fil-post;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tagħti l-fondi li kienet naqqset mill-fondi għar-refuġjati fuq il-fruntieri bejn it-Tajlandja u l-Burma, u biex minnufih tibda tiffinanzja għajnuna transkonfinali, partikolarment għajnuna medika;
17. Itenni it-talba tiegħu għal soluzzjoni għall-problema tar-refuġjati ta' Rohingya fil-Bangladexx; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex jawtorizza r-reġistrazzjoni uffiċjali tagħhom bħala refuġjati u lill-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar biex jieqfu minn kwalunkwe forma ta' persekuzzjoni tar-Rohingya u biex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali taghhom bhala minoranza relgijuża u etnika;
18. Jilqa' l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-embargo fuq l-armi globali u jħeġġeġ lill-gvernijiet Ewropej u lill-Kummissjoni biex jibdew jaħdmu b'mod attiv biex jintlaħaq kunsens globali favur projbizzjoni bħal din;
19. Jappoġġa lill-missjoni ta' medjazzjoni li qiegħda f'idejn is-Segretarju Ġenerali tan-NU u jilqa' l-impenn tiegħu biex isolvi din il-problema;
20. Jagħti istruzzjonijiet lid-delegazzjonijiet tiegħu għar-relazzjonijiet mal-ASEAN, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Istati Uniti, l-Indja, il-pajjiżi tal-Asja tan-Nofsinhar u l-Ġappun biex iqiegħdu lill-Burma/Mjanmar fuq l-aġenda fil-laqgħat tagħhom mal-kontrapartijiet tagħhom u l-imsieħba ta' diskussjoni f'dawk il-pajjiżi;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Burma, lill-Kunsill tal-Istat tal-Burma għall-Paċi u għall-Iżvilupp, lill-gvernijiet tal-istati membri tal-ASEAN u l-ASEM, lis-segretarjat tal-ASEM, lill-Caucus Interparlamentari tal-ASEAN dwar il-Mjanmar, lil Daw Aung San Suu Kyi, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burma/Mjanmar.