Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 8 ta' Lulju 2010 - Strasburgu
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-USA dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu ***
 Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna *
 Il-Kosovo
 L-Albanija
 Is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
 L-HIV/AIDS fil-perspettiva tat-XVIII-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS (Vjenna, 18-23 ta' Lulju 2010)
 Id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-Tip Cluster (CCM) fl-1 ta' Awwissu 2010 u rrwol tal-UE
 Il-futur tal-PAK wara l-2013
 Is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS
 Iż-Żimbabwe, b'mod partikolari l-każ ta' Farai Maguwu
 Il-Venezwela, b'mod partikolari l-każ ta' Maria Lourdes Afiuni
 Il-Korea ta' Fuq

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-USA dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu ***
PDF 210kWORD 38k
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (11222/1/2010/REV 1 u COR 1 – C7-0158/2010 – 2010/0178(NLE))
P7_TA(2010)0279A7-0224/2010

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11222/1/2010/REV 1 u COR 1),

–  wara li kkunsidra t-test tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, li hu mehmuż mal-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill hawn fuq imsemmija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-22 ta' Ġunju 2010(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni espressa mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja fil-25 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 218(6)(a) flimkien mal-Artikolu 87(2), punt (a) u l-Artikolu 88(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0158/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0224/2010),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, li tirrikjedi li d-data personali tkun taħt il-kontroll ta' “awtoritajiet indipendenti”, biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malajr kemm jista' jkun bl-għażla ta' tliet kandidati mil-liema jagħżlu għar-rwol tal-persuna indipendenti tal-UE msemmija fl-Artikolu 12(1) tal-Ftehim; jirrimarka li l-proċedura għandha tkun l-istess, mutatis mutandis, bħal dik segwita mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għall-ħatra tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif previst fir-Regolament (KE) Nru 45/2001(3) li jimplimenta l-Artikolu 286 tat-Trattat KE;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika; jagħti ukoll istruzzjonijiet lill-President biex jidħol fi djalogu interparlamentari mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti u mal-President pro tempore tas-Senat tal-Istati Uniti dwar il-ftehim ta' qafas futur dwar il-protezzjoni tad-data bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0143.
(2) Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna *
PDF 611kWORD 216k
Riżoluzzjoni
Test konsolidat
Anness
Anness
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (08029/2010 – C7-0090/2010 – 2010/0816(NLE))
P7_TA(2010)0280A7-0228/2010

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (08029/2010),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli fil-plenarja lill-Parlament Ewropew fit-8 ta' Lulju 2010, dwar l-organizzazzjoni bażika tal-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli dwar ir-responsabbiltà politika,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta l-Parlament (C7-0090/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0228/2010),

1.  Japprova kif emendata l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà;

2.  Huwa determinat li jsaħħaħ il-koooperazzjoni tiegħu mal-Parlamenti nazzjoanli tal-Istati Membri kif jesiġi t-Trattat, fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-unjoni, u speċjalment rigward il-PESK u l-PSDK;

3.  Huwa tal-fehma li l-emendi tar-Regolament Finanzjarju għandhom, flimkien ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill, jispeċifikaw aktar ir-rwol tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-poteri ta' sottodelegazzjoni tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet biex jimplimentaw approprjazzjonijiet operazzjonali, b'mod partikolari billi jkun żgurat ukoll fir-Regolament Finanzjarju li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tiggarantixxi li s-sottodelgazzjoni tal-poteri ma taffettwax il-proċedura ta' kwittanza;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fid-dokument komprensiv ta' ħidma tagħha dwar l-infiq relatat mal-azzjoni esterna tal-UE, li għandu jitfassal flimkien mal-Abbozz ta' baġit tal-UE, dettalji li, inter alia, jolqtu l-pjanijiet ta' stabbiliment tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll l-infiq għall-azzjoni esterna għal kull pajjiż u kull missjoni;jinnota li biħsiebu jimmmodifika r-Regolament Finanzjarju skont dan;

5.  Itenni li, fl-eventwalità ta' nuqqas ta' qbil dwar istruzzjonijiet mill-Kummissjoni lil Kpaijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE li, skont l-Artikolu 221(2) tat-TFUE, jitqiegħdu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli, u fil-każ li ma jkunx hemm qbil bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissarji responsabbli għall-programmazzjoni tal-istrumenti rilevanti tal-assistenza esterna, ikun kompitu tal-Kulleġġ tal-Kummissarji li jieħdu d-deċiżjoni finali.

6.  Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli biex tiżgura li d-dispożizzjonjiet stipulati fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, skont liema tal-anqas 60 % tal-persunal kollu tas-SEAE fil-livell AD għandhom ikunu uffiċjali permanenti, ikunu riflessi fil-gradi kollha tal-ġerarkija tas-SEAE;

7.  Huwa tal-fehma li miżuri addizzjonali speċifiċi maħsuba fl-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill għat-tisħiħ tal-bilanċ ġeografiku u tal-ġeneru għandhom jinkludu, f'dak li jirrigwarda l-bilanċ ġeografiku, miżuri analogi għal dawk li dwarhom jiddisponi r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 401/2004(1);

8.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

9.  Jitlob lill-Kunsill biex jikkonsulta lill-Parlament mill-ġdid jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà;

10.  Jagħti istruzzjonjiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-8 ta' Lulju 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

P7_TC1-NLE(2010)0816


IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabblixxi l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 27(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”)(2),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew(3),

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Kummissjoni(4),

Billi:

(1)  L-għan ta' din id-Deċiżjoni hu li jistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”), korp funzjonalment awtonomu tal-Unjoni taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli, stabbilit bl-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), kif emendat bit-Trattat ta' Lisbona. Din id-Deċiżjoni u b'mod partikolari r-referenza għat-terminu “Rappreżentant Għoli” ser jiġu interpretati skont il-funzjonijiet differenti tagħha skont l-Artikolu 18 tat-TUE.

(2)  F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) tat-TUE, l-Unjoni ser tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn il-linji politiċi u l-linji politiċi l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli, ser jiżguraw dik il-konsistenza u għandhom jikkoperaw għal dak il-għan.

(3)  Is-SEAE ser jappoġġa r-Rappreżentant Għoli, li hija wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill Affarijiet Barranin, fit-twettiq tal-mandat tagħha biex tmexxi l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (“PESK”) tal-Unjoni Ewropea u biex tkun żgurata l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-UE kif deskritt, b'mod partikolari, fl-Artikoli 18 u 27 TUE. Is-SEAE ser jappoġġa r-Rappreżentant Għoli fil-kapaċità tagħha ta' President tal-Kunsill Affarijiet Barranin, mingħajr preġudizzju għall-kompiti normali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Is-SEAE ser jappoġġa wkoll ir-Rappreżentant Għoli fil-kapaċità tagħha bħala Viċi President tal-Kummissjoni, għar-responsabbiltajiet tagħha fil-Kummissjoni għal-responsabbiltajiet inkombenti għal din tal-aħħar fir-relazzjonijiet esterni u fil-koordinazzjoni ta' aspetti oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompiti normali tas-servizzi tal-Kummissjoni.

(4)  Fil-kontribut tiegħu għall-programmi ta' kooperazzjoni esterna tal-UE, is-SEAE għandu jfittex li jiżgura li dawn il-programmi jwieġbu għall-objettivi għall-azzjoni esterna stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, b'mod partikolari l-paragrafu tiegħu (2)(d) u li jirrispettaw l-objettivi tal-politika tal-UE għall-iżvilupp f'konformità mal-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F'dan il-kuntest, is-SEAE għandu wkoll jippromwovi t-twettiq tal-objettivi tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

(5)  Mit-Trattat ta' Lisbona jirriżulta li, sabiex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tiegħu, is-SEAE jeħtieġ li jkun operattiv kemm jista' jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta' dak it-Trattat.

(6)  Il-Parlament Ewropew ser ikollu rwol sħiħ fl-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluż il-funzjonijiet tiegħu ta' kontroll politiku kif previst fl-Artikolu 14(1) tat-TUE, kif ukoll fi kwistjonijiet leġislattivi u baġitarji kif stipulati fit-Trattati. Barra minn hekk, f'konformità mal-Artikolu 36 tat-TUE, ir-Rappreżentant Għoli ser jikkonsulta regolarment mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK u ser jiżgura li l-fehmiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut. Is-SEAE ser jassisti lir-Rappreżentant Għoli f'dan ir-rigward. Għandhom isiru arranġamenti speċifiċi fir-rigward tal-aċċess għall-Membri tal-Parlament Ewropew għal dokumenti u informazzjoni klassifikata fil-qasam tal-PESK. Sal-adozzjoni ta' tali arranġamenti, ser japplikaw dispożizzjonijiet eżistenti skont il-Ftehim Internazzjonali tal-2002 dwar dokumenti u informazzjoni klassifikata fil-qasam tal-PESD.

(7)  Ir-Rappreżentant Għoli, jew ir-rappreżentant tagħha, għandha teżerċita fir-rigward tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà u l-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża, ir-responsabbiltajiet previsti fl-atti fundaturi rispettivi tagħhom. Is-SEAE għandu jipprovdi dawn l-entitajiet bl-appoġġ attwalment ipprovdut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

(8)  Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet relatati mal-persunal tas-SEAE u r-reklutaġġ tagħhom fejn tali dispożizzjonijiet huma meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE. B'mod parallel, għandhom isiru l-emendi meħtieġa, f'konformità mal-Artikolu 336 tat-TFUE, għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Ħaddiema Oħra ta' dawk il-Komunitajiet (“CEOS”) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 298 tat-TFUE. Għal kwistjonijiet relatati mal-persunal tiegħu, is-SEAE għandu jiġi ttrattat bħala istituzzjoni fit-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-Rappreżentant Għoli ser tkun l-Awtorità li Taħtar, fir-rigward kemm ta' uffiċjali soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal ▌u ta' aġenti soġġetti għas-CEOS. In-numru ta' uffiċjali u aġenti oħra għandu jiġi deċiż kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja u ser ikun rifless fil-pjan ta' stabbiliment.

(9)   Il-membri tal-persunal tas-SEAE ser iwettqu dmirijiethom u jimxu biss mal-interessi tal-Unjoni.

(10)  Ir-reklutaġġ ser ikun ibbażat fuq il-mertu filwaqt li jiżgura bilanċ ġeografiku adegwat u bilanċ bejn is-sessi adegwat. Il-persunal tas-SEAE għandu jinkludi preżenza sinifikanti ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha. Ir-reviżjoni prevista fl-2013 għandha wkoll tkopri din il-kwistjoni, inkluż, kif adatt, suġġerimenti għal miżuri speċifiċi addizzjonali biex jiġu kkoreġuti żbilanċi possibbli.

(11)  F'konformità mal-Artikolu 27(3) tat-TUE, is-SEAE ser ikun magħmul minn uffiċjali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif ukoll minn persunal li ġej mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri. Għal-dik il-fini, id-dipartimenti u l-funzjonijiet rilevanti fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u fil-Kummissjoni ser jiġu ttresferiti lis-SEAE, flimkien mal-uffiċjali u l-aġenti temporanji li għandhom post f'tali dipartimenti jew funzjonijiet. Qabel l-1 ta' Lulju 2013, is-SEAE ser jirrekluta esklussivament uffiċjali li joriġinaw mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif ukoll persunal li ġej mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri. Wara dik id-data, kull uffiċjal u aġent ieħor tal-Unjoni Ewropea għandu jkun jista' japplika għall-postijiet battala fis-SEAE.

(12)  Is-SEAE jista“, f'każijiet speċifiċi, jirrikorri għal esperti nazzjonali sekondati (SNEs), li r-Rappreżentant Għoli għandha awtorità fuqhom. L-Esperti Nazzjonali Sekondati li għandhom kariga fis-SEAE mhux ser jingħaddu fit-terz li l-persunal mill-Istati Membri għandu jirrappreżenta meta s-SEAE jilħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu. It-trasferiment tagħhom matul il-fażi tal-istabbiliment tas-SEAE mhux ser ikun awtomatiku u ser isir bil-kunsens tal-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-oriġini. Sa meta jiskadi l-kuntratt ta' SNE ttrasferit lis-SEAE skont l-Artikolu 7, il-funzjoni ser tiġi kkonvertita f'kariga ta' aġent temporanju fil-każijiet fejn il-funzjoni mwettqa mill-SNE tikkorrispondi għal funzjoni normalment imwettqa minn persunal fil-livell AD, dment li l-kariga meħtieġa tkun disponibbli skont il-pjan ta' stabbiliment.

(13)  Il-Kummissjoni u s-SEAE ser jaqblu dwar il-modalitajiet għall-ħruġ ta' struzzjonijiet mill-Kummissjoni lid-delegazzjonijiet. Dawn għandhom jipprevedu partikolarment li meta l-Kummissjoni toħroġ struzzjonijiet lid-delegazzjonijiet, hija ser tipprovdi simultanjament kopja ta' dawn lill-Kap tad-Delegazzjoni u lill-amministarzzjoni ċentrali tas-SEAE.

(14)  Ir-Regolament Finanzjarju għandu jiġi emendat sabiex jinkludi lis-SEAE fl-Artikolu 1 tar-Regolament Finanzjarju, b'taqsima speċifika fil-baġit tal-Unjoni. F'konformità mar-regoli applikabbli, u bħalma huwa l-każ għal istituzzjonijiet oħra, parti mir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri ser tiġi ddedikata wkoll lis-SEAE u s-SEAE ser iwieġeb għal tali rapporti. Is-SEAE għandu jkun soġġett għall-proċeduri dwar ir-rilaxx kif previst fl-Artikolu 319 tat-TFUE u fl-Artikoli 145 sa 147 tar-Regolament Finanzjarju. Ir-Rappreżentant Għoli ser tipprovdi lill-Parlament Ewropew bl-appoġġ kollu meħtieġ biex jikkompleta d-dritt tal-Parlament Ewropew bħala awtorità ta' rilaxx. L-implimentazzjoni tal-baġit operattiv ser tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 317 tat-TFUE. Id-deċiżjonijiet li għandhom impatt finanzjarju ser jirrispettaw b'mod partikolari r-responsabbiltajiet imniżżlin fit-Titolu IV tar-Regolament Finanzjarju, speċjalment l-Artikolu 75 tiegħu dwar l-operazzjonijiet tal-infiq u l-Artikoli 64 sa 68 dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji.

(15)  L-istabbiliment tas-SEAE għandu jkun iggwidat mill-prinċipju tal- effiċjenza meta mqabbla mal-ispejjeż li jimmira lejn in-newtralità baġitarja. Għal dan l-għan, ser ikollhom jintużaw arranġamenti transizzjonali u l-bini gradwali tal-kapaċità. Għandhom jiġu evitati d-duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-kompiti, il-funzjonijiet u r-riżorsi ma' strutturi oħra. Għandhom jintużaw l-opportunitajiet kollha għar-razzjonalizzazzjoni.
Barra minn hekk, ser ikun meħtieġ numru ta' postijiet addizzjonali għal aġenti temporanji tal-Istati Membri li jkollhom jiġu ffinanzjati fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali attwali.

(16)  Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jkopru l-attivitajiet tas-SEAE u l-persunal tiegħu fir-rigward tas-sigurtà, il-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata u t-trasparenza.

(17)  Huwa mfakkar li l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni japplika għas-SEAE, l-uffiċjali tiegħu u aġenti oħrajn, li għandhom ikunu soġġetti jew għar-Regolamenti tal-Persunal jew għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għas-CEOS.

(18)  L-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jkomplu jużaw qafas istituzzjonali uniku. Għalhekk huwa essenzjali li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-relazzjonijiet esterni tat-tnejn li huma, u li jkun possibbli għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jirrappreżentaw lill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika f'pajjiżi terzi u f'organizzazzjonijiet internazzjonali.

(19)  Ir-Rappreżentant Għoli għandha, sa nofs l-2013, tagħmel rieżami tal-funzjonament u l-organizzazzjoni tas-SEAE, akkumpanjat, jekk meħtieġ, mill-proposti għal reviżjoni ta' din id-Deċiżjoni. Tali reviżjoni għandha tiġi adottata mhux aktar tard mill-bidu tal-2014.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Natura u Ambitu

1.  Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”).

2.  Is-SEAE, li għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu fi Brussell, għandu jkun korp funzjonalment awtonomu tal-Unjoni Ewropea, separat mill-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, bil-kapaċità legali meħtieġa li jwettaq il-kompiti tiegħu u jilħaq l-objettivi tiegħu.

3.  Is-SEAE għandu jitqiegħed taħt l-awtorità tar-Rappreżentan Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“Rappreżentant Għoli ”).

4.  Is-SEAE għandu jkun magħmul minn amministrazzjoni ċentrali u mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 2

Kompiti

1.  Is-SEAE għandu jappoġġa r-Rappreżentant Għoli fit-twettiq tal-mandati tagħha kif deskritt, b'mod partikolari, fl-Artikoli 18 u 27 TUE:

   fit-twettiq tal-mandat tagħha li tmexxi l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (“PESK”) tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (“PSDK”), li tikkontribwixxi bil-proposti tagħha għall-iżvilupp ta' dik il-politika, li għandha twettaq kif ingħatat mandat mill-Kunsill u li tiżgura l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-UE;
   fil-kapaċità tagħha ta' President tal-Kunsill Affarijiet Barranin, mingħajr preġudizzju għall-kompiti normali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;
   fil-kapaċità tagħha bħala Viċi President tal-Kummissjoni għat-twettiq tar-responsabbiltajiet inkombenti fil-Kummissjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha u għall-koordinazzjoni ta' aspetti oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompiti normali tas-servizzi tal-Kummissjoni.

2.  Is-SEAE għandu jassisti lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, u lill-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni.

Artikolu 3

Koperazzjoni

1.  Is-SEAE għandu jappoġġa lis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri kif ukoll lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lis-servizzi tal-Kummissjoni ▌, sabiex tkun żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u bejn dawn il-politiki u l-politiki l-oħra tagħha.

2.  Is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-materji kollha li jirrigwardaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom ħlief dwar materji koperti mill-PSDK. Is-SEAE għandu jieħu sehem fil-ħidma u l-proċeduri ta' tħejjija rigward l-atti li jitħejjew mill-Kummissjoni f'dan il-qasam. Dan il-paragrafu għandu jiġi implimentat f'konformità mal-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-TUE, u mal-Artikolu 205 tat-TFUE.

3.  Is-SEAE jista' jidħol f'arranġamenti fil-livell ta' servizz ma' servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill , jew uffiċċji jew korpi interistituzzjonali oħra tal-Unjoni Ewropea.

4.  Is-SEAE għandu jestendi l-appoġġ u l-kooperazzjoni kif meħtieġ lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari lill-Parlament Ewropew. Is-SEAE jista' jibbenifika wkoll mill-appoġġ u l-kooperazzjoni ta' dawn l-istituzzjonijiet u korpi, inklużi l-aġenziji kif adatt. L-awditur intern tas-SEAE ser jikkoopera mal-awditur intern tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-politika tal-verifika, b'referenza partikolari għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-infiq operattiv. Barra minn hekk, is-SEAE għandu jikkoopera mal-Uffiċċju għall-Ġlieda kontra l-Frodi (OLAF) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1073/1999. Dan għandu b'mod partikolari jadotta rapidament id-deċiżjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament skont it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni. Kif ipprovdut f'dan ir-Regolament, l-Istati Membri, f'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, u l-istituzzjonijiet għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ biex jippermettu lill-aġenti OLAF iwettqu l-kompitu tagħhom.

Artikolu 4

Amminstrazzjoni Ċentrali

1.  Is-SEAE għandu jiġi ġestit minn Segretarju Ġenerali eżekuttiv li jopera taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli. Is-Segretarju Ġenerali eżekuttiv għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikun żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-SEAE, inkluża l-ġestjoni amministrattiva u baġitarja tiegħu. Is-Segretarju Ġenerali għandu jiżgura l-koordinazzjoni effettiva bejn id-dipartimenti kollha fl-amministrazzjoni ċentrali kif ukoll mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni▌.

2.  Is-Segretarju Ġenerali eżekuttiv għandu jiġi assistit minn żewġ Viċi Segretarji Ġenerali.

3.  L-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE għandha tiġi organizzata fid-direttorati ġenerali. Dawn jinkludu b'mod partikolari:

   numru ta' direttorati ġenerali li jinkludu uffiċċji ġeografiċi li jkopru l-pajjiżi u r-reġjuni kollha tad-dinja, kif ukoll uffiċċji multilaterali u tematiċi. Dawn id-dipartimenti għandhom jikkoordinaw kif meħtieġ ma' servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;
   direttorat ġenerali għal kwistjonijiet amministrattivi, ta' persunal, baġitarji, ta' sigurtà u tas-sistema ta' komunikazzjoni u informazzjoni li jaħdem fil-qafas tas-SEAE ġestit mis-Segretarju Ġenerali eżekuttiv. Ir-Rappreżentant Għoli għandha taħtar, f'konformità mar-regoli normali tar-reklutaġġ, Direttur Ġenerali għall-baġit u l-amministrazzjoni li għandu jaħdem taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli. Huwa għandu jkun responsabbli għar-Rappreżentant Għoli għall-ġestjoni baġitarja amministrattiva u interna tas-SEAE. Huwa għandu jsegwi l-istess linji baġitarji u regoli amministrattivi kif applikabbli fil-parti tat-Taqsima III tal-baġit tal-UE li taqa' taħt l-Intestatura V tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali;
   il-ġestjoni tal-kriżijiet u d-direttorat tal-ippjanar, il-kapaċità tal-ippjanar u l-kondotta ċivili, il-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea u ċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni tal-Unjoni Ewropea, imqegħdin taħt l-awtorità u r-responsabbiltà diretta tar-Rappreżentant Għoli għandhom jassistuha fil-kompitu tat-twettiq tal-PESK tal-Unjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, filwaqt li jirrispettaw, f'konformità mal-Artikolu 40 tat-TUE, il-kompetenzi l-oħra tal-Unjoni.

L-ispeċifiċitajiet ta' dawn l-istrutturi, kif ukoll il-partikularitajiet tal-funzjonijiet tagħhom, ir-reklutaġġ u l-istatus tal-persunal għandhom jiġu rispettati.

Għandha tkun żgurata koordinazzjoni sħiħa bejn l-istrutturi kollha tas-SEAE.

   dipartiment għall-ippjanar ta' politika strateġika;
   dipartiment legali taħt l-awtorità amministrattiva ▌tas-Segretarju Ġenerali eżekuttiv li għandu jaħdem mill-qrib mas-Servizzi Legali tal-Kunsill u l-Kummissjoni;
   dipartimenti għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, l-informazzjoni u d-diplomazija pubblika, il-verifika u l-ispezzjonijiet interni, u l-protezzjoni tad-data personali.

4.  Ir-Rappreżentant Għoli għandha tinnomina ▌ l-presidenti tal-korpi preparatorji tal-Kunsill li huma ppreseduti minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli, inkluż il-president tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, konformement mal-modalitajiet stabbiliti fl-Anness II tad-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tal-1 ta' Diċembru 2009 li tistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill, u dwar il-presidenza tal-korpi preparatorji tal-Kunsill (2009/908/UE)(5).

5.  Ir-Rappreżentant Għoli u s-SEAE għandhom jiġu appoġġati fejn meħtieġ mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan jistgħu jitfasslu arranġamenti fil-livell ta' servizz mis-SEAE, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Delegazzjonijiet tal-Unjoni

1.  Id-deċiżjoni biex tinfetaħ jew tingħalaq delegazzjoni għandha tiġi adottata mir-Rappreżentant Għoli ▌, bi qbil mal-Kunsill u mal-Kummissjoni.

2.  Kull delegazzjoni tal-Unjoni għandha titqiegħed taħt l-awtorità ta' Kap tad-Delegazzjoni.

Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jkollu awtorità fuq il-membri kollha tal-persunal fid-delegazzjoni, hu x'inhu l-istatus tagħhom, u fuq l-attivitajiet kollha tad-delegazzjoni. Huwa għandu jagħti rendikont lir-Rappreżentant Għoli għall-ġestjoni ġenerali tal-ħidma tad-delegazzjoni u biex tkun żgurata l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni.

Il-persunal fid-delegazzjonijiet għandu jinkludi l-persunal tas-SEAE u, meta dan ikun adatt għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u l-politiki tal-Unjoni barra dawk li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-SEAE, il-persunal tal-Kummissjoni.

3.  Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jirċievi l-istruzzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli u s-SEAE, u għandu jkun responsabbli għat-twettiq tagħhom.

F'oqsma fejn il-Kummissjoni teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati, il-Kummissjoni tista' wkoll, konformement mal-Artikolu 221(2) tat-TFUE, tagħti istruzzjonijiet lid-delegazzjonijiet, li għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ġenerali tal-Kap tad-Delegazzjoni.

4.  Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jimplimenta krediti operattivi fir-rigward tal-proġetti tal-UE fil-pajjiż terz korrispondenti, fejn issottodelegat mill-Kummissjoni, f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

5.  L-operat ta' kull delegazzjoni għandu jkun perjodikament evalwat mis-Segretarju Ġenerali tas-SEAE; l-evalwazzjoni għandha tinkludi verifiki finanzjarji u amministrattivi. Għal din il-fini s-Segretarju Ġenerali tas-SEAE jista' jitlob biex jiġi assistit mid-dipartimenti tal-Kummissjoni rilevanti. Barra mill-miżuri interni mis-SEAE, l-OLAF għandu jeżerċita s-setgħat tiegħu, b'mod partikolari billi jwettaq miżuri kontra l-frodi, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

6.  Ir-Rappreżentant Għoli għandha tidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-pajjiż ospitanti, l-organizzazzjoni internazzjonali jew il-pajjiż terz ikkonċernat. B'mod partikolari, ir-Rappreżentant Għoli għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li l-Istati ospitanti jagħtu lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, lill-persunal u l-proprjetà tagħhom, il-privileġġi u l-immunitajiet ekwivalenti għal dawk imsemmijin fil-Konvenzjoni ta' Vjenna tat-18 ta' April 1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi.

7.  Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandu jkollhom il-kapaċità li jaqdu l-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE, b'mod partikolari ▌l-Parlament Ewropew, fil-kuntatti ▌tagħhom mal-organizzazzjonijiet internazzjonali jew il-pajjiżi terzi li għalihom huma akkreditati d-delegazzjonijiet.

8.  Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jirrappreżenta lill-UE fil-pajjiż fejn id-delegazzjoni hi akkreditata, b'mod partikolari għall-konklużjoni ta' kuntratti u billi jkun parti għall-proċedimenti legali.

9.  Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib u jikkondividu informazzjoni mas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri.▌

10.  Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom, jaġixxu f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 35 tat-TUE u fuq talba mill-Istati Membri, jappoġġaw lill-Istati Membri fir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom u fir-rwol tagħhom li jipprovdu protezzjoni konsulari liċ-ċittadini tal-Unjoni f'pajjiżi terzi.

Artikolu 6

Persunal

1.  Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, ħlief il-paragrafu 2, għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Ħaddiema Oħra ta' dawk il-Komunitajiet (“CEOS”), inklużi l-emendi li saru għal dawk ir-regoli, f'konformità mal-Artikolu 336 tat-TFUE, sabiex jġu adattati għall-ħtiġijiet tas-SEAE.

2.  Is-SEAE għandu jinkludi ▌ uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, inklużi membri tal-persunal mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri maħturin bħala aġenti temporanji(6).

Ir-Regolamenti tal-Persunal u s-CEOS għandhom japplikaw għal dan il-persunal.

3.  Jekk meħtieġ, is-SEAE jista“, f'każijiet speċifiċi, jirrikorri għal numru limitat ta' esperti nazzjonali sekondati speċjalizzati (SNEs).

Ir-Rappreżentant Għoli għandha tadotta r-regoli, ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/479/KE kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/829/KE tal-5 ta' Diċembru 2007(7), li skontha l-SNEs jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SEAE sabiex jipprovdu ħiliet speċjalizzati.

4.  Il-membri tal-persunal tas-SEAE għandhom iwettqu dmirijiethom u jimxu biss mal-interessi tal-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2(1), it-tielet inċiż, 2(2) u 5(3), huma m'għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet mill-ebda Gvern, awtorità, organizzazzjoni jew persuna barra mis-SEAE jew kwalunkwe korp jew persuna oħra ħlief ir-Rappreżentant Għoli. F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persunal tas-SEAE jista' ma jaċċettax kwalunkwe ħlas ta' kwalunkwe tip minn kwalunkwe sors barra mis-SEAE.

5.  Is-setgħat mogħtija lill-awtorità li taħtar mir-Regolamenti tal-Persunal u lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti bis-CEOS għandhom jingħataw lir-Rappreżentant Għoli, li tista' tiddelega dawk is-setgħat fis-SEAE.

6.  Ir-reklutaġġ fis-SEAE għandu jkun ibbażati fuq il-mertu, filwaqt li jiżgura bilanċ ġeografiku u bilanċ bejn is-sessi adegwat. Il-persunal tas-SEAE għandu jinkludi preżenza sinifikanti ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha. Ir-reviżjoni li għandha ssir fl-2013 għandha wkoll tkopri din il-kwistjoni, bl-inklużjoni, fejn ikunu xierqa, ta' suġġerimenti għal miżuri addizzjonali speċifiċi biex jikkoreġu żbilanċi possibbli.

7.  L-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-aġenti temporanji li ġejjin mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri, għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi, u għandhom jiġu ttrattati b'mod ugwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-eliġibbiltà li jassumu l-pożizzjonijiet kollha taħt kondizzjonijiet ekwivalenti. M'għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn aġenti temporanji li ġejjin minn servizzi diplomatiċi nazzjonali u uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-għoti tad-dmirijiet biex jitwettqu fl-oqsma kollha tal-attivitajiet u l-politiki implimentati mis-SEAE. F'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, l-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-Unjoni fl-infurzar tar-responsabbiltajiet finanzjarji li jirriżultaw minn kwalunkwe responsabbiltà skont l-Artikolu 66 tar-Regolament Finanzjarju tal-aġenti temporanji tas-SEAE li ġejjin minn servizzi diplomatiċi nazzjonali.

8.  Ir-Rappreżentant Għoli għandha tistabbilixxi l-proċeduri tal-għażla għall-persunal tas-SEAE, li għandhom jitwettqu permezz ta' proċedura trasparenti bbażata fuq il-mertu bl-għan li jinkisbu s-servizzi tal-persunal bl-ogħla standard ta' kapaċità, effiċjenza u integrità filwaqt li jiġi żgurat bilanċ ġeografiku ubilanċ bejn is-sessi xieraq u t preżenza sinifikattiva ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha tal-UE fis-SEAE. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu involuti fil-proċedura ta' reklutaġġ għal postijiet battala fis-SEAE. ▌

9.  Meta s-SEAE jkun laħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu, il-persunal mill-Istati Membri, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, għandu jirrappreżenta tal-inqas terz mill-persunal tas-SEAE kollu fil-livell AD. Bl-istess mod, l-uffiċjali permanenti tal-UE għandhom jirrappreżentaw tal-inqas 60 % tal-persunal tas-SEAE fil-livell AD, inklużi membri tal-persunal li ġejjin minn servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri, li saru uffiċjali permanenti tal-UE, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-okkupazzjoni ta' postijiet fis-SEAE.

10.  Ir-Rappreżentant Għoli għandha tistabbilixxi r-regoli dwar il-mobbiltà sabiex ikun żgurat li l-membri tal-persunal tas-SEAE jkunu soġġetti għal grad għoli ta' mobbiltà. Għall-persunal imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4 (3), għandhom japplikaw modalitajiet speċifiċi. Fil-prinċipju, il-persunal tas-SEAE kollu għandu perjodikament iservi fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tistabbilixxi regoli għal dak l-għan.

11.  F'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali tiegħu, kull Stat Membru għandu jipprovdi l-uffiċjali tiegħu li saru aġenti temporanji fis-SEAE b'garanzija ta' reintegrazzjoni immedjata fi tmiem il-perjodu ta' servizz tagħhom mas-SEAE. Dan il-perijodu ta' servizz, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50b tas-CEOS, ma għandux ikun aktar minn tmien snin, ħlief jekk jiżdied b'mhux aktar minn sentejn f'ċirkostanzi eċċezzjonali u fl-interess tas-servizz.

L-uffiċjali tal-UE li jservu fis-SEAE għandu jkollhom id-dritt li japplikaw għal postijiet fl-istituzzjoni tal-oriġini tagħhom taħt l-istess kondizzjonijiet bħal applikanti interni.

12.  Għandhom jittieħdu passi sabiex il-persunal tas-SEAE jiġi pprovdut b'taħriġ komuni adegwat, waqt li jibni b'mod partikolari fuq il-prattiki u l-istrutturi nazzjonali u tal-UE eżistenti. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tieħu miżuri adatti għal dak l-għan fis-sena ta' wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet transitorji dwar il-persunal

1.  Id-dipartimenti u l-funzjonijiet rilevanti fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u fil-Kummissjoni elenkati fl-Anness għandhom jiġu trasferiti lis-SEAE. L-uffiċjali u l-aġenti temporanji li għandhom post f' dipartimenti jew funzjonijiet elenkati fl-Anness għandhom jiġu trasferiti lis-SEAE. Dan għandu japplika mutatis mutandis għal membri tal-persunal b'kuntratt u dawk lokali assenjati lil dawn id-dipartimenti u l-funzjonijiet. L-SNEs li jaħdmu f'dawk id-dipartimenti jew funzjonijiet għandhom ukoll jiġu ttrasferiti lis-SEAE bil-kunsens tal-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini.

Dawn it-trasferimenti għandom isiru effettivi fl-1 ta' Jannar 2011.

F'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, mat-trasferiment tagħhom lis-SEAE, ir-Rappreżentant Għoli għandha tassenja kull uffiċjal għal post fil-grupp ta' funzjoni tiegħu li jikkorrispodi għall-grad tiegħu.

2.  Il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-persunal għal postijiet trasferiti fis-SEAE li jkunu għadhom għaddejjin fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu validi: huma għandhom jitkomplew u jitlestew taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli f'konformità mal-avviżi ta' post vakanti rilevanti u r-regoli applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal u tas-CEOS.

Artikolu 8

Baġit

1.  Id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għat-taqsima tas-SEAE tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ddelegati f'konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tadotta r-regoli interni għall-ġestjoni tal-linji baġitarji amministrattivi. L-infiq operattiv għandu jibqa' fit-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit.

2.  Is-SEAE għandu jeżerċita s-setgħat tiegħu f'konformità mar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni fil-limiti tal-approprjazzjonijiet allokati lilu.

3.  Meta tfassal l-estimi tal-infiq amministrattiv għas-SEAE, ir-Rappreżentant Għoli ser ikollha konsultazzjonijiet, rispettivament, mal-Kummissarju għall-Politika tal-Iżvilupp u mal-Kummissarju għall-Politika tal-Viċinat dwar ir-responsabbiltà rispettiva tagħhom.

4.  F'konformità mal-Artikolu 314(1) tat-TFUE, is-SEAE għandu jfassal l-estimi tal-infiq tiegħu għas-sena finanzjarja li jmiss. Il-Kummissjoni għandha tikkonsolida dawn l-estimi f'abbozz ta' baġit, li jista' jkun fih estimi differenti. Il-Kummissjoni tista' temenda l-abbozz ta' baġit kif previst fl-Artikolu 314(2) tat-TFUE.

5.  Sabiex tkun żgurata t-trasparenza baġitarja fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, il-Kummissjoni ser tittrasmetti lill-awtorità baġitarja, flimkien mal-Abbozz ta' Baġit tal-UE, dokument ta' ħidma li jippreżenta, b'mod komprensiv, l-infiq kollu relatat mal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

6.  Is-SEAE għandu jkun soġġett għall-proċeduri dwar ir-rilaxx previsti fl-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 145 sa 147 tar-Regolament Finanzjarju. F'dan il-kuntest, is-SEAE ser jikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta' rilaxx u jipprovdi, kif adatt, l-informazzjoni meħtieġa addizzjonali, inkluż permezz tal-attendenza fil-laqgħat tal-korpi rilevanti.

Artikolu 9

Strumenti u pprogrammar tal-Azzjoni Esterna

1.  Il-ġestjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni esterna tal-UE hija taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kummissjoni u tas-SEAE fl-ipprogrammar kif stabbilit fil-paragrafi li ġejjin.

2.  Ir-Rappreżentant Għoli għandha tiżgura l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-azzjoni esterna tal-UE, billi tiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE b'mod partikolari permezz tal-istrumenti esterni ta' assistenza:

   l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp,
   il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp,
   l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem,
   l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija,
   l-Istrument għall-Kooperazzjoni ma' Pajjiżi Industrijalizzati,
   l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari,
   l-Istrument għall-Istabbiltà, rigward l-assistenza prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru. 1717/2006 tal-15 ta' Novembru 2006.

3.  B'mod partikolari, is-SEAE għandu jikkontribwixxi għall-ipprogrammar u ċ-ċiklu ta' ġestjoni għall-istrumenti msemmijin, abbażi tal-objettivi tal-politika stabbiliti f'dan ir-rigward. Huwa għandu jkollu r-responsabbiltà għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġejjin dwar il-passi strateġiċi u pluriennali fiċ-ċiklu ta' programmar:

   (i) allokazzjonijiet tal-pajjiż biex jiġi ddeterminat il-pakkett finanzjarju globali għal kull reġjun (soġġett għall-analiżi dettaljata indikattiva tal-perspettivi finanzjarji). F'kull reġjun, ser jiġi riżervat proporzjon tal-finanzjament għall-programmi reġjonali;
   (ii) dokumenti ta' strateġija għall-pajjiż u reġjonali (CPSs/RSPs);
   (iii) programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali (NIPs/RIPs).

F'konformità mal-Artikolu 3, matul iċ-ċiklu sħiħ ta' programmar, ippjanar u implementazzjoni ta' dawn l-istrumenti, ir-Rappreżentant Għoli u s-SEAE għandhom jaħdmu mal-membri u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(3). Il-proposti kollha għal deċiżjoni ser jitħejjew permezz tal-proċeduri tal-Kummissjoni u ser jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għal deċiżjoni.

4.  Fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, kwalunkwe proposta, inklużi dawk għal bidliet fir-regolamenti bażiċi u d-dokumenti ta' programmar fil-paragrafu 3 hawn fuq, għandha titħejja konġuntament mis-servizzi rilevanti fis-SEAE u fil-Kummissjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju responsabbli għall-Politika ta' Żvilupp u mbagħad għandha tiġi ppreżentata konġuntament mar-Rappreżentant Għoli għal deċiżjoni mill-Kummissjoni.

▌Programmi tematiċi, ħlief l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari u l-parti tal-Istrument għall-Istabbiltà msemmija fis-seba' inċiż tal-paragrafu 2, għandhom jitħejjew mis-Servizz tal-Kummissjoni adatt taħt il-gwida tal-Kummissarju responsabbli għall-Iżvilupp u għandhom jiġu ppreżentati lill-Kulleġġ bi qbil mar-Rappreżentant Għoli u Kummissarji rilevanti oħra.

5.  Fir-rigward tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, kwalunkwe proposta, inklużi dawk għal bidliet fir-regolamenti bażiċi u d-dokumenti ta' programmar fil-paragrafu 3 hawn fuq, għandha titħejja konġuntament mis-servizzi rilevanti fis-SEAE u fil-Kummissjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju responsabbli għall-Politika ta' Viċinat u mbagħad għandha tiġi ppreżentata konġuntament mar-Rappreżentant Għoli għal deċiżjoni mill-Kummissjoni.

6.  L-azzjonijiet imwettqin taħt il-baġit tal-PESK, l-Istrument għall-Istabbiltà ħlief il-parti msemmija fis-seba' inċiż tal-paragrafu 2, l-Istrument għall-Kooperazzjoni mal-Pajjiżi Industrijalizzati, id-Diplomazija ta' Komunikazzjoni u Pubblika kif ukoll il-Missjonijiet ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet huma taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli/SEAE. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli fil-kapaċità tagħha ta' Viċi President tal-Kummissjoni(8). Id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għal din l-implimentazzjoni ser jiġu ko-allokati mas-SEAE.

Artikolu 10

Sigurtà

1.  Ir-Rappreżentant Għoli, wara li tikkonsulta l-Kumitat imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE, għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli ta' sigurtà għas-SEAE u tieħu l-miżuri adatti kollha sabiex ikun żgurat li s-SEAE jimmaniġġa b'mod effettiv ir-riskji għall-persunal, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni tiegħu, u li jwettaq dmiru fir-responsabbiltajiet tal-kura. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw għall-persunal kollu tas-SEAE, u għall-persunal kollu fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, irrispettivament mill-istatus amministrattiv jew l-oriġini tagħhom.

2.  Sakemm toħroġ id-Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1:

   rigward il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata, is-SEAE għandu japplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE;
   rigward aspetti oħra ta' sigurtà, is-SEAE għandu japplika d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE.

3.  Is-SEAE għandu jkollu dipartiment responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà, li għandu jiġi assistit mis-servizzi kompetenti tal-Istati Membri.

4.  Ir-Rappreżentant Għoli għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jiġu implimentati regoli ta' sigurtà fis-SEAE, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata u l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta' nuqqas mill-persunal tas-SEAE li jikkonforma mar-regoli ta' sigurtà. Għal dik il-fini, is-SEAE għandu jfittex parir mill-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u mis-servizzi rilevanti tal-Istati Membri.

Artikolu 11

Aċċess għad-dokumenti, l-arkivji u l-protezzjoni tad-data

1.  Is-SEAE għandu japplika r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli implimentattivi għas-SEAE.

2.  Is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE għandu jorganizza l-arkivji tas-Servizz. L-arkivji rilevanti tad-dipartimenti trasferiti mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiġu trasferiti lis-SEAE.

3.  Is-SEAE għandu jipproteġi lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali f'konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli implimentattivi għas-SEAE.

Artikolu 12

Proprjetà immobbli

1.  Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u s-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex it-trasferimenti msemmijin fl-Artikolu 7bis ikunu jistgħu jiġu akkumpanjati mit-trasferimenti tal-bini tal-Kunsill u l-Kummissjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-SEAE.

2.  Il-kondizzjonijiet li taħthom il-proprjetà immobbli ssir disponibbli għall-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE u għad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu deċiżi konġuntament mar-Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni, kif adatt.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet finali

1.  Ir-Rappreżentant Għoli, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jagħmlu hekk.

2.  Ir-Rappreżentant Għoli għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-funzjonament tas-SEAE mhux aktar tard mit-tmiem tal-2011. Dan ir-rapport għandu jkopri b'mod partikolari l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) u (10) u Artikolu 9.

3.  Sa nofs l-2013, ir-Rappreżentant Għoli għandha tagħmel rieżami tal-funzjonament u l-organizzazzjoni tas-SEAE, li ser ikopri fost l-oħrajn l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(8) u (11). Dan ir-rieżami għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat minn proposti adatti għar-reviżjoni ta' din id-Deċiżjoni. F'dan il-każ, il-Kunsill, f'konformità mal-Artikolu 27(3) TUE għandu, jirrevedi din id-Deċiżjoni fid-dawl tar-reviżjoni mhux aktar tard mill-bidu tal-2014 ▌.

4.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha. Id-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-ġestjoni finanzjarja u r-reklutaġġ ▌għandhom isiru effettivi ladarba jiġu adottati l-emendi meħtieġa għar-Regolamenti tal-Persunal u r-Regolament Finanzjarju, kif ukoll tal-baġit emendatorju. Għandhom isiru arranġamenti mir-Rappreżentant Għoli, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni, u għandhom isiru konsultazzjonijiet mal-Istati Membri biex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel.

5.  L-aktar tard xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandha tippreżenta lill-Kummissjoni stima tad-dħul u l-infiq tas-SEAE, inkluż pjan ta' stabbiliment, sabiex tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju.

6.  Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, [data]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

DIPARTIMENTI U FUNZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU TRASFERITI GĦAS-SEAE(9)

Li ġejja hija lista tal-entitajiet amministrattivi kollha li għandhom jiġu trasferiti en bloc għas-SEAE. Dan ma jippreġudikax il-ħtiġijiet addizjonali u l-allokazzjoni tar-riżorsi li għandhom jiġu ddeterminati fin-negozjati tal-baġit ġenerali li jistabbilixxi s-SEAE, u lanqas id-deċiżjonijiet dwar il-proviżjoni ta' persunal adegwat responsabbli għall-funzjonijiet ta' appoġġ, u l-ħtieġa korrelatata għal akkordi fuq livell ta' servizz bejn is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni u s-SEAE.

1.  SEGRETARJAT ĠENERALI TAL-KUNSILL

Il-persunal kollu fid-dipartimenti u l-funzjonijiet elenkati hawn taħt għandhom jiġu trasferiti en bloc għas-SEAE, ħlief għal numru limitat ħafna ta' persunal biex iwettaq il-kompiti normali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 2(1), it-tieni inċiż, u għal ċerti funzjonijiet speċifiċi li huma indikati hawn taħt:

Unità ta' Politika

Strutturi tal-PESD u għall-maniġġar ta' kriżijiet

·  Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD)

·  Il-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC)

·  Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMS)

o Dipartimenti taħt l-awtorità diretta tad-DGEUMS

o Direttorat tal-Kunċetti u l-Kapaċità

o Direttorat tal-Intelligence

o Direttorat tal-Operazzjonijiet

o Direttorat tal-Loġistika

o Direttorat tas-Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni

·  Iċ-Ċentru ta' Sitwazzjonijiet tal-UE (SITCEN)

L-eċċezzjoni:

·  Persunal fis-SITCEN li jappoġġa l-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà

Direttorat Ġenerali E

·  Entitajiet taħt l-awtorità diretta tad-Direttur Ġenerali

·  Direttorat għall-Ameriki u n-Nazzjonijiet Uniti

·  Direttorat għall-Balkani tal-Punent, l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali

·  Direttorat għan-Non-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

·  Direttorat għall-affarijiet Parlamentari fil-qasam tal-PESK

·  L-Uffiċju ta' Kollegament ta' New York

·  L-Uffiċju ta' Kollegament ta' Ġinevra

L-uffiċjali tas-SĠK issekondati lir-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea u l-missjonijiet ta' PSDK

2.  KUMMISSJONI (INKLUŻI D-DELEGAZZJONIJIET)

Il-persunal kollu fid-dipartimenti u l-funzjonijiet elenkati hawn taħt għandu jiġi trasferit en bloc lis-SEAE, ħlief għal numru limitat ta' persunal imsemmi hawn taħt bħala eċċezzjonijiet.

Direttorat-Ġenerali Relazzjonijiet Esterni

·  Il-karigi kollha tal-ġerarkija u l-persunal ta' appoġġ marbut direttament magħhom

·  Direttorat A (Pjattaforma ta' Kriżi u Koordinazzjoni Politika fil-PESK)

·  Direttorat B (Relazzjonijiet Multilaterali u Drittijiet tal-Bniedem)

·  Direttorat C (l-Amerika ta' Fuq, l-Asja tal-Lvant, l-Awstralja, in-New Zealand, iż-ŻEE, l-EFTA, San Marino, l-Andorra, Monako)

·  Direttorat D (Koordinazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat)

·  Direttorat E (l-Ewropa Orjentali, il-Kawkasu t'Isfel, ir-Repubbliki tal-Asja Ċentrali)

·  Direttorat F (il-Lvant Nofsani, in-Nofsinhar tal-Mediterran)

·  Direttorat G (Amerika Latina)

·  Directorate H (l-Asja (minbarra l-Ġappun u l-Korea))

·  Direttorat I (Riżorsi tal-kwartieri ġenerali, informazzjoni, relazzjonijiet interistituzzjonali)

·  Direttorat K (Servizz Estern)

·  Directorate L (Strateġija, Koordinazzjoni u Analiżi)

·  Task Force għas-Sħubija tal-Lvant

·  Unità Relex-01 (verifika)

Eċċezzjonijiet:

·  Persunal responsabbli għall-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji

·  Persunal responsabbli għall-ħlas tal-pagi u l-allowances għall-persunal fid-delegazzjonijiet

Servizz Estern

·  Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet u l-Viċi Kapijiet tad-Delegazzjonijiet kollha u l-persunal ta' appoġġ marbut direttament magħhom

·  It-Taqsimiet tal-Politika jew iċ-ċelluli u l-persunal kollha

·  It-taqsimiet tal-informazzjoni u d-diplomazija pubblika u l-persunal kollha

·  It-taqsimiet amministrattivi kollha

Eċċezzjonijiet

·  Persunal responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji

Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp

·  Direttorat D (AKP II – Afrika tal-Punent u Ċentrali, il-Karibew u l-OCT) minbarra t-task force għall-OCT

·  Direttorat E (Il-Qarn tal-Afrika, il-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika, l-Oċean Indjan u l-Paċifiku)

·  Unità CI (AKP I: Programmazzjoni u ġestjoni tal-għajnuna): Persunal responsabbli għall-ipprogrammar

·  Unità C2 (Kwistjonijiet u Istituzzjonijiet Pan-Afrikani, Governanza u Migrazzjoni): Persunal responsabbli għar-relazzjonijiet Pan-Afrikani

·  Il-karigi tal-ġerarkija applikabbli u l-persunal ta' appoġġ marbut direttament magħhom

ANNESS

Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli(10)dwar ir-responsabbiltà politika

Fir-relazzjoni tagħha mal-Parlament Ewropew, ir-Rappreżentant Għoli ser tibni fuq il-konsultazzjoni, l-informazzjoni u l-impenji ta' rappurtar meħuda matul l-aħħar leġislatura mill-Kummissarju preċedenti għar-relazzjonijiet esterni, mir-Rappreżentant Għoli preċedenti għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), kif ukoll mill-Presidenza tal-Kunsill b'rotazzjoni. Fejn meħtieġ, dawn l-impenji ser jiġu aġġustati fid-dawl tar-rwol tal-Parlament ta' kontroll politiku u d-definizzjoni mill-ġdid tar-rwol tar-Rappreżentant Għoli kif stabbilit mit-Trattati u f'konformità mal-Artikolu 36 TUE.

F'dan ir-rigward:

1.  Rigward il-PESK, ir-Rappreżentant Għoli ser titlob il-fehmiet tal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi ta' din il-politika f'konformità mal-Artikolu 36 TUE. Kwalunkwe skambju ta' fehmiet qabel l-adozzjoni ta' mandati u strateġija fil-qasam tal-PESK ser isiru fil-format adatt, skont is-sensittività u l-kunfidenzjalità tas-suġġetti diskussi. F'dan il-kuntest, ser tissaħħaħ ukoll il-prattika tal-Laqgħat ta' Konsultazzjoni Konġunta mal-Uffiċċji tal-AFET (Kumitat għall-Affarijiet Barranin) u tal-COBU (Kumitat dwar il-Baġits). L-informazzjoni mogħtija f'dawn il-laqgħat ser tirrigwarda b'mod partikolari l-missjonijiet tal-PESK iffinanzjati mill-baġit tal-UE, kemm dawk li qed jiġu implimentati kif ukoll dawk li qed jitħejjew. Jekk meħtieġ, jistgħu jiġu organizzati aktar Laqgħat ta' Konsultazzjoni Konġunta, flimkien mal-laqgħat regolari. Il-preżenza tas-SEAE (fil-laqgħat kollha) ser tinkludi, flimkien mal-President permanenti tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, uffiċjali għolja responsabbli għall-politika.

2.  Ir-riżultati tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim Qafas bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar negozjati ta' ftehimiet internazzjonali ser jiġu applikati mutatis mutandis mir-Rappreżentant Għoli għal ftehimiet li jaqgħu fil-qasam tagħha ta' responsabbiltà, fejn il-kunsens tal-Parlament hu meħtieġ. Il-Parlament Ewropew ser ikun, f'konformità mal-Artikolu 218 (10) TFUE, infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluż għal ftehimiet konklużi fil-qasam tal-PESK.

3.  Ir-Rappreżentant Għoli ser tkompli bil-prattika kemm ta' djalogu fil-fond dwar il-fażijiet strateġiċi ta' ppjanar tal-istrumenti finanzjarji (bl-eċċezzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp), kif ukoll li tkompli tikkomunika d-dokumenti kollha. L-istess ser japplika għad-dokumenti konsultattivi kollha ppreżentati lill-Istati Membri matul il-fażi preparatorja. Din il-prattika hi mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati dwar l-ambitu u l-applikazzjoni tal-Artikolu 290 tat-TFUE dwar atti delegati.

4.  Is-sistema attwali li tiġi pprovduta informazzjoni kunfidenzjali dwar missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK (permezz tal-Kumitat Speċjali IIA 2002 ESDP EP) ser tinżamm. Ir-Rappreżentant Għoli tista' tipprovdi wkoll aċċess għal dokumenti oħra fil-qasam tal-PESK lil MPE oħra li jeħtieġu l-informazzjoni, li, fir-rigward ta' dokumenti klassifikati, jiġu debitament awtorizzati f'konformità mar-regoli applikabbli, fejn tali aċċess hu meħtieġ għall-eżerċizzju tal-funzjoni istituzzjonali tagħhom fuq talba tal-President tal-AFET, u, jekk meħtieġ, il-President tal-PE. Ir-Rappreżentant Għoli ser, f'dan il-kuntest, teżamina mill-ġdid u fejn meħtieġ tipproponi li jiġu aġġustati d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għall-Membri tal-Parlament Ewropew għal dokumenti u informazzjoni klassifikati fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża (2002 IIA ESDP). Sakemm isir dan l-aġġustament, ir-Rappreżentant Għoli ser tiddeċiedi dwar miżuri transitorji li hi tqis neċessarji biex MPE debitament indikati u notifikati li jeżerċitaw funzjoni istituzzjonali jingħataw aċċess aktar faċli għall-informazzjoni ta' hawn fuq.

5.  Ir-Rappreżentant Għoli ser twieġeb pożittivament għal talbiet mill-Parlament Ewropew biex Kapijiet ta' Delegazzjonijiet maħtura reċentement f'pajjiżi u organizzazzjonijiet li l-Parlament jikkunsidra bħala strateġikament importanti jidhru quddiem l-AFET għal skambju ta' fehmiet (li huma differenti minn seduti) qabel ma jibdew il-mandat tagħhom. L-istess ser japplika għar-RSUE (Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea). Dawn l-iskambji ta' fehmiet ser isiru f'format maqbul mar-Rappreżentant Għoli, skont is-sensittività u l-kunfidenzjalità tas-suġġetti diskussi.

6.  F'każijiet fejn ir-Rappreżentant Għoli ma tistax tipparteċipa f'dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, hi tiddeċiedi dwar is-sostituzzjoni tagħha minn Membru ta' istituzzjoni tal-UE, jiġifieri jew Kummissarju għal kwistjonijiet li jaqgħu esklussivament jew prevalentament fil-kompetenza tal-Kummissjoni, jew Membru tal-Kunsill Affarijiet Barranin għal kwistjonijiet li jaqgħu esklussivament jew prinċipalment fil-qasam tal-PESK. Fil-każ tal-aħħar, is-sostituzzjoni ser issir jew minn ħdan il-Presidenza b'rotazzjoni jew minn ħdan it-trio tal-Presidenzi, f'konformità mal-Artikolu 26 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat bid-deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli dwar is-sostituzzjoni.

7.  Ir-Rappreżentant Għoli ser tiffaċilita l-preżenza tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet, ir-RSUE, il-Kapijiet ta' missjonijiet tal-PSDK u uffiċjali għolja tal-SEAE f'kumitati u sottokumitati parlamentari rilevanti sabiex iseħħu laqgħat ta' informazzjoni regolari.

8.  Fir-rigward ta' operazzjonijiet militari tal-PSDK, iffinanzjati mill-Istati Membri, l-informazzjoni ser tkompli tiġi pprovduta permezz tal-Kumitat Speċjali IIA 2002 ESDP EP soġġett għal kwalunkwe reviżjoni tal-IIA, f'konformità mal-punt 4 ta' hawn fuq.

9.  Il-Parlament Ewropew ser jiġi kkonsultat dwar l-identifikazzjoni u l-ippjanar ta' Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali u s-segwitu tagħhom - f'konformità mad-drittijiet tal-Parlament ta' skrutinju baġitarju tal-istrument rilevanti ta' finanzjament, jiġifieri l-EIDHR. Il-ħatra ta' Osservaturi Għolja tal-UE ser issir f'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Koordinazzjoni Elettorali, fi żmien debitu qabel il-bidu tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali.

10.  Ir-Rappreżentant Għoli ser ikollha rwol attiv fid-deliberazzjonijiet li jmiss dwar l-aġġornament ta' arranġamenti eżistenti rigward il-finanzjament tal-PESK li jinsabu fi IIA 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda, abbażi tal-impenn fir-rigward tal-kwistjonijiet li jinsabu fil-punt 1. Il-proċedura baġitarja l-ġdida introdotta mit-Trattat ta' Lisbona ser tapplika bis-sħiħ għall-baġit tal-PESK. Ir-Rappreżentant Għoli ser ukoll taħdem għal aktar trasparenza dwar il-baġit tal-PESK, inkluż, inter alia, il-possibbiltà li jiġu identifikati missjonijiet ewlenin tal-PSDK fil-baġit (bħall-missjonijiet preżenti fl-Afganistan, il-Kosovo u l-Ġeorġja), filwaqt li jiġu ppreservati l-flessibbiltà fil-baġit kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata kontinwità ta' azzjoni għall-missjonijiet diġà fis-seħħ.

Dikjarazzjoni mogħtija mir-Rappreżentant Għoli fil-plenarja tal-Parlament Ewropew dwar l-organizzazzjoni bażika tal-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE

Ir-Rappreżentant Għoli ser tistabbilixxi s-servizzi u l-funzjonijiet meħtieġa fis-SEAE biex jiġu ssodisfati l-objettivi tiegħu u biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE għal azzjoni esterna konsistenti, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni. Meta jkun meħtieġ hija ser tiżgura li jiġu ppreżentati proposti adatti lill-awtorità baġitarja.

Is-servizzi u l-funzjonijiet ser jiġu adatti matul iż-zmien fid-dawl ta' prijoritajiet ġodda u żviluppi.

Is-SEAE mill-bidu ser tinkludi, fost oħrajn, id-dipartimenti li ġejjin:

   - Dipartiment li jassisti lir-Rappreżentant Għoli ir-relazzjonijiet istituzzjonali tagħha mal-Parlament Ewropew kif imniżżel fit-Trattati u fid-Dikjarazzjoni dwar il-Kontabbiltà Politika u mal-Parlamenti nazzjonali.
   - Dipartiment li jassisti lir-Rappreżentant Għoli fil-kompitu tagħha tal-iżgurar tal-konsistenza fl-azzjoni esterna tal-Unjoni. Dan id-Dipartiment ser jipprovdi, fost l-oħrajn, informazzjonu u ser jiżgura segwitu għal-laqgħat regolari tar-Rappreżentant Għoli ma' membri oħra tal-Kummissjoni. Fil-livell ta' servizz id-Dipartiment ser jiżgura l-interazzjoni u l-koordinazzjoni meħtieġa mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni dwar l-aspetti esterni tal-linji ta' politika interni.
   - Direttur Ġenerali għall-Baġit u l-Amministrazzjoni. Dan ser ikun persuna anzjana fis-SEAE b'esperjenza kbira fil-baġit tal-UE u l-amministrazzjoni.

Ġestjoni tal-kriżi u bini tal-paċi: l-istrutturi tal-PSDK ser ikunu parti mis-SEAE fil-mod kif maqbul mill-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2009 u kif previst fid-Deċiżjoni tas-SEAE. L-istruttura adatt hija l-integrazzjoni tal-unitajiet rilevanti fil-Kummissjoni li jittrattaw ir-rispons għall-kriżi u l-bini tal-paċi.

Ir-Rappreżentant Għoli ser tiżgura li l-unitajiet rilevanti mill-Kummissjoni trasferiti għas-SEAE li jittrattaw l-ippjanar u l-ipprogrammar tar-rispons għall-kriżi, il-prevenzjoni tal-konflitti u l-bini tal-paċi, u l-istrutturi tal-PSDK, jaħdmu f'kooperazzjoni u sinerġija mill-qrib, kemm taħt ir-responsabbiltà u l-awtorità diretti tagħha fl-istruttura adatta. Dan huwa naturalment mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika, notevolment intergovernattiva u Komunitarja, tal-linji ta' politika.

Taħt l-awtorità diretta u r-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli, ser tiġi żgurata koordinazzjoni sħiħa bejn is-servizzi kollha tas-SEAE, b'mod partikolari bejn l-istrutturi tal-PSDK u s-servizzi rilevanti l-oħra tas-SEAE, filwaqt li jiġu rispettati l-ispeċifiċitajiet ta' dawn l-istrutturi.

Ir-Rappreżentant Għoli ser tiżgura li tiġi stabbilita l-koordinazzjoni meħtieġa bejn ir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE u d-Dipartimenti rilevanti fis-SEAE.

Ir-Rappreżentant Għoli ser tagħti prijorità għolja lill-promozzjoni tad-Drittijiet Umani u l-governanza tajba madwar il-globu u ser tippromwovi l-integrazzjoni fil-linji ta' politika esterni, fis-SEAE kollu. Ser ikun hemm struttura tad-drittijiet tal-bniedem u demokratika fil-livell tal-kwartieri ġenerali, kif ukoll punti fokali fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni rilevanti kollha bl-impenn tal-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta' realizzazzjoni effettiva tal-miri tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 401/2004 tat-23 ta' Frar 2004 li jdaħħal, fl-okkażjoni ta' l-adeżjoni ta' Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja, miżuri speċjali tempoanji għar-reklutaġġ ta' uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 67, 5.3.2004, p. 1).
(2) ĠU...
(3) ĠU...
(4) ĠU...
(5) ĠU L 322, 9.12.2009, p. 28.
(6) L-Artikolu 98(1), it-tieni subparagrafu tar-Regoli tal-Persunal għandu jaqra kif ġej: “Mill-1 ta' Lulju 2013, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tqis ukoll l-applikazzjonijiet ta' uffiċjali minn istituzzjonijiet oħra mingħajr ma tagħti prijorità lill-ebda waħda minn dawn il-kategoriji.”
(7) ĠU L 327, 13.12.2007, 10.
(8) Il-Kummissjoni ser tagħmel dikjarazzjoni li tgħid li r-Rappreżentant Għoli ser ikollha l-awtorità meħtieġa f'dan il-qasam, b'rispett sħiħ tar-Regolament Finanzjarju.
(9) Ir-riżorsi umani li għandhom jiġu trasferiti huma kollha ffinanzjati mill-intestatura tan-nefqa 5 (Amministrazzjoni) tal-qafas finanzjarju multiannwali.
(10) It-terminu Rappreżentant Għoli f'din id-dikjarazzjoni jkopri l-funzjonijiet kollha tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li huwa wkoll Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, u l-President tal-Kunsill Affarijiet Barranin mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet speċifiċi skont il-funzjonijiet speċifiċi li hi teżerċita.


Il-Kosovo
PDF 262kWORD 106k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo
P7_TA(2010)0281B7-0409/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza li ħarġu mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, fejn saret il-wegħda lill-istati kollha tal-Balkani tal-Punent li dawn jissieħbu mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta' Diċembru 2009 li jisħqu li l-Kosovo, bla ħsara għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-istatus tiegħu, għandu jibbenefika wkoll mill-prospettiva ta' proċess eventwali tat-tneħħija tar-rekwiżit ta' viża ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha u jistiednu lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi b'approċċ strutturat biex tressaq lin-nies tal-Kosovo eqreb lejn l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO, emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/445/PESK tad-9 ta' Ġunju 2009,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/123/PESK tal-4 ta' Frar 2008 li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/118/PESK tal-25 ta' Frar 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2009 bl-isem “Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2009-2010” (COM (2009)0533) u r-rapport mehmuż tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-Kosovo fl-2009 u l-istudju bl-isem “Il-Kosovo(1) - It-Twettiq tal-Perspettiva Ewropea tiegħu' (COM(2009)0534),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tat-2 Laqgħa Interparlamentari bejn il-PE u l-Kosovo tas-7 ta' April 2009 u tat-3 Laqgħa Interparlamentari bejn il-PE u l-Kosovo tat-23 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-Kosovo u l-irwol tal-UE(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-Kosovo u l-irwol tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa(4) u partikolarment l-Anness I tiegħu li fih saret referenza għall-persuni residenti fil-Kosovo (UNSCR 1244) għal finijiet ta' ċarezza legali u ta' sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Ottubru 2008 (A/RES/63/3) li talbet lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja sabiex tagħti opinjoni konsultattiva dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza mill-Istituzzjonijiet Proviżorji tal-Gvern Awtonomu tal-Kosovo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar id-dokument ta' strateġija tal-2009 tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir li jikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tas-26 ta' Marzu 2007 tal-Mibgħut Speċjali tan-NU dwar l-istatus ġejjieni tal-Kosovo u dwar il-Proposta ta' Status Komprensiv sabiex jiġi Riżolt l-Istatus tal-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-istabilità reġjonali fil-Balkani tal-Punent u l-integrazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fl-UE huma prijoritajiet għall-Unjoni Ewropea; billi dawn il-prijoritajiet jistgħu jinżammu biss jekk l-isħubija mal-UE hija prospett tanġibbli għall-pajjiżi kollha ta' dan ir-reġjun,

B.  billi l-komunità internazzjonali minn dejjem iddefendiet is-sostenibilità ta' stati multietniċi u plurireliġjużi fil-Balkani tal-Punent, abbażi tal-valuri tad-demokrazija, tat-tolleranza u tal-multikulturaliżmu,

C.  billi ċ-ċittadini tas-Serbja, ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tal-Montenegro setgħu jivvjaġġaw lejn l-UE mingħajr viża mid-19 ta' Diċembru 2009 “l quddiem u l-istess hu mistenni li jkun possibbli għaċ-ċittadini tal-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina dalwaqt; billi ċ-ċittadini tal-Kosovo ma jistgħux jitħallew l-art u iżolati miċ-ċittadini tal-pajjiżi l-oħra tar-reġjun u għalhekk il-proċess tat-tneħħija tar-rekwiżit ta' viża mal-Kosovo għandu jinbeda mingħajr dewmien, sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji neċessarji kollha,

D.  billi attwalment il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ntalbet opinjoni konsultattiva dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-Dikjarazzjoni Unilaterali ta' Indipendenza mill-Istituzzjonijiet Proviżorji tal-Gvern Awtonomu tal-Kosovo u billi l-konklużjonijiet tagħha għadhom pendenti,

E.  billi d-deċiżjoni li l-Kosovo ma jkunx inkluż fit-tneħħija tar-rekwiżit ta' viża turi kontradizzjoni qawwija fl-istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Kosovo li tikkonsisti, minn naħa, fid-diskrepanza bejn l-isforz ta' għajnuna enormi f'termini ta' riżorsi u persunal u, min-naħa l-oħra, fiż-żamma tal-fruntieri magħluqa għal dawk kollha li xogħolhom jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp,

1.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo tas-17 ta' Frar 2008, li ġiet rikonoxxuta minn 69 pajjiż; jinnota li 22 Stat Membru tal-UE għarfu lill-Kosovo bħala pajjiż indipendenti u li ħamsa m'għamlux dan; iħeġġeġ lill-Istati Membri, sabiex il-politiki tal-UE jkunu iktar effettivi għall-poplu tal-Kosovo, biex isaħħu l-approċċ komuni tagħhom lejn il-Kosovo bil-għan li sseħħ l-adeżjoni tal-Kosovo fi ħdan l-UE; jilqa' l-approċċ kostruttiv lejn il-Kosovo enfasizzat mill-Presidenza Spanjola minkejja n-nuqqas ta' rikonoxximent tagħha tal-pajjiż; jilqa' r-rikonoxximent mill-Istati Membri kollha tal-indipendenza tal-Kosovo (jekk dan iseħħ);

2.  Jenfasizza l-importanza kbira tal-proċessi ta' integrazzjoni mal-UE tal-pajjiżi kollha fir-reġjun għall-istabbilizzazzjoni reġjonali; jissottolinja li l-prospettiva ta' adeżjoni fl-UE hija inċentiv qawwi għar-riformi meħtieġa fil-Kosovo u jitlob li jittieħdu passi prattiċi biex din il-prospettiva ssir iktar tanġibbli kemm għall-gvern kif ukoll għaċ-ċittadini ; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-Kosovo fil-proċess ta' sorveljanza li jibda fil-bidu tal-2011 u bil-għan li l-pajjiż jitħejja għat-tnedija tan-negozjati dwar il-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u biex tinforma lill-awtoritajiet tal-Kosovo bil-passi li għandhom jittieħdu qabel ma l-Kummissjoni tipprepara l-pjan direzzjonali għall-proċess tat-tneħħija tar-rekwiżit ta' viża u biex tiddefinixxi l-pjan direzzjonali mill-ewwel ġaladarba jkunu ttieħdu dawn il-passi;

3.  Jieħu nota tar-rikonoxximent tal-indipendenza tal-Kosovo mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ġirien tiegħu, u r-relazzjoni tajba magħhom; jinnota l-fatt li l-Kosovo tħalla jsir membru tal-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;

4.  Itenni l-opinjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjonijiet tad-29 ta' Marzu 2007 u tal-5 ta' Frar 2009 li tirrifjuta l-possibilità tat-tqassim tal-Kosovo;

5.  Huwa mħasseb dwar l-istat tar-relazzjoni mas-Serbja u jenfasizza li relazzjoni tajba mal-pajjiżi ġirien hija kriterju essenzjali għall-aspirazzjonijiet tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo u tal-pajjiżi l-oħra kollha tar-reġjun sabiex jissieħbu mal-UE; filwaqt li jifhem l-implikazzjonijiet emozzjonali tal-gwerra tal-1999 u jifhem li r-rikonoxximent uffiċjali tal-Kosovo mhuwiex għażla politika fattibbli bħalissa għall-mexxejja ta' Belgrad, madankollu jitlob lis-Serbja biex tkun prammatika dwar il-kwistjoni tal-istatus; jilqa“, għal dan il-għan, l-iffirmar tal-protokoll tal-pulizija mal-EULEX u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni miżjuda mal-missjoni; jitlob, barra minn hekk, lis-Serbja biex toqgħod lura milli timblokka s-sħubija tal-Kosovo f'organizzazzjonijiet internazzjonali u partikolarment l-applikazzjoni riċenti biex jissieħeb fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jenfasizza li l-kunflitt jaffettwa wkoll il-kummerċ u l-kooperazzjoni reġjonali skont il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA), billi jikkawża ħsara lill-ekonomiji tal-pajjiżi fir-reġjun; jitlob lin-naħat kollha biex jieħdu approċċ prammatiku sabiex tkun tista” tinkiseb l-integrazzjoni reġjonali tal-Kosovo; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-opinjoni konsultattiva mistennija mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar jekk id-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza mill-Istituzzjonijiet Proviżorji ta' Tmexxija Proprija tal-Kosovo hix skont il-liġi internazzjonali m'għandhiex iżżomm lill-partijiet kollha involuti milli jintrabtu biċ-ċar f'kooperazzjoni effikaċi fuq livell transkonfinali, reġjonali u lokali fl-aħjar interess tal-popolazzjoni kollha fil-Kosovo u tal-madwar;

6.  Ifakkar li kwalunkwe pajjiż li jixtieq isir membru tal-UE għandu jissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni u, fil-każ tal-Balkani tal-Punent, il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni huwa l-qafas tan-negozjati mal-UE; jenfasizza li wieħed mit-tliet għanijiet importanti tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni huwa l-kooperazzjoni reġjonali;

7.  Jisħaq li l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali huma kruċjali għas-sigurtà u għall-istabbilità tal-Ewropa kif ukoll għall-ħolqien ta' kuntest favorevoli għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo; huwa tal-fehma li pakkett ta' qbil dwar is-sigurtà u l-kooperazzjoni fil-Balkani tal-Punent ikun ta' min wieħed jixtiequ;

8.  Jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn is-Serbja u l-Kosovo, partikolarment fil-livell lokali, dwar il-kwistjonijiet li huma importanti għaċ-ċittadini, bħall-ambjent, l-infrastruttura u l-kummerċ;

9.  Jinnota li ċerti Stati Membri japplikaw miżuri ta' faċilitazzjoni tal-viżi b'mod unilaterali filwaqt li tmien Stati Membri jibqgħu jitolbu tariffi sħaħ għall-viżi; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull sforz sabiex jadottaw bil-ħeffa proċedura faċilitata proviżorja uniformi sabiex l-ivvjaġġar isir iktar sempliċi għaċ-ċittadini tal-Kosovo, partikolarment fid-dawl tal-possibbiltajiet offruti skont il-kodiċi l-ġdid tal-viżi;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-elezzjonijiet lokali li saru fil-15 ta' Novembru 2009 bħala l-ewwel elezzjonijiet organizzati bir-responsabbiltà politika tal-Gvern tal-Kosovo; jilqa' l-fatt li b'mod ġenerali dawn saru bil-kalma u f'atmosfera tajba; jenfasizza madankollu li ġew irrappurtati għadd ta' irregolaritajiet; jistieden lill-awtoritajiet biex jimplimentaw malajr ir-rakkomandazzjonijiet tal-komunità internazzjonali, inkluż it-tibdil meħtieġ għal-liġi elettorali sabiex jiġu ċċarati l-livelli ta' ġurisdizzjoni li jittrattaw l-ilmenti u biex il-kompetenzi jitqassmu sew bejn il-Kummissjoni tal-Elezzjonijiet Ċentrali u l-Kummissjoni tal-Ilmenti u l-Appelli, biex jiġu aġġornati l-listi tal-votanti u biex tiġi żgurata l-edukazzjoni konsistenti tal-votant; jenfasizza l-ikbar importanza tar-rieda politika għall-avvanz ta' dawn ir-riformi u biex jinżammu responsabbli dawk li jkunu wettqu frodi elettorali bil-ħsieb tal-elezzjonijiet ġenerali li jmiss;

11.  Jiddispjaċih li Belgrad għadha ssostni strutturi paralleli fiż-żoni Serbi u li b'hekk jiddgħajfu u jiġu kompromessi s-setgħat tal-muniċipalitajiet li għadhom kif ġew stabbiliti; jistieden lis-Serbja tadotta atitudni aktar kostruttiva u żżarma dawn l-istrutturi;

12.  Itenni l-importanza ta' implimentazzjoni effettiva tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni u jilqa' r-rata għolja ta' parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo tan-naħa t'isfel tax-xmara Ibar fl-aħħar elezzjonijiet bħala pass lejn il-bini ta' ġejjieni sostenibbli għalihom fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern biex jappoġġa bi sħiħ il-mexxejja li għadhom kif ġew eletti f'dawn il-muniċipalitajiet b'għajnuna finanzjarja u politika suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu l-istrutturi meħtieġa malajr sabiex jipprovdu servizzi importanti bl-assistenza tal-Kummissjoni; iqis il-funzjonament effiċjenti tal-istrutturi muniċipali bħala kruċjali għall-parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo fil-proċessi politiċi u l-istrutturi amministrattivi tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-proġetti ta' żvilupp u ta' infrastruttura mibdija fil-muniċipji li għadhom kif ġew stabbiliti; sabiex jiġi evitat kunflitt mal-istrutturi paralleli, partikolarment fil-qasam tal-edukazzjoni u s-saħħa, iħeġġeġ lill-Gvern biex bl-għajnuna tar-RSUE/ICR ifassal strateġija dwar kif għandu jkun l-approċċ għal strutturi bħal dawn;

13.  Jilqa' t-twaqqif ta' Dar l-UE fit-Tramuntana tal-Kosovo iżda huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni f'din il-parti tal-Kosovo, li għadha qed tbati minn nuqqasijiet kbar fl-istat tad-dritt, aktar pressjoni u intimidazzjoni tas-soċjetà ċivili mill-gruppi radikali u mill-kriminalità organizzata; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-Kunsill jagħmel il-missjoni dwar l-istat ta' dritt operattiva fit-territorju kollu tal-Kosovo u jitlob lill-Kummissjoni biex tgħolli l-profil tal-ħidma tagħha f'isem il-komunità Serba fit-Tramuntana, filwaqt li jiġi enfasizzat lill-atturi kollha li għaddejjin minn din is-sitwazzjoni li l-kooperazzjoni lokali, reġjonali u transkonfinali hija ta' valur għall-popolazzjoni kollha kemm hi; għal dan il-għan, jilqa' r-reġistrazzjoni ta' oġġetti kummerċjali fil-Passaġġi 1 u 31, ħaġa li għenet biex jitnaqqsu l-attivitajiet ta' kuntrabandu fir-reġjun, u jitlob li jittieħdu iktar passi biex jerġa' jiddaħħal il-ġbir tad-dazji; jesprimi tħassib dwar il-problemi fil-funzjonament ta' bħalissa tal-ġudikatura fir-reġjun ta' Mitrovica u jistieden lis-Servja u lill-Kosovo biex jiffinalizzaw il-ftehim dwar ir-reklutaġġ fil-qorti ta' Mitrovica tat-Tramuntana b'imħallfin u prosekutur Serbi Kosovari; jappoġġa l-pjanijiettal-integrazzjoni mill-ġdid tat-Tramuntana tal-pajjiż fl-istrutturi politiċi u amministrattivi tal-Kosovo u jitlob li dawn jiġu implimentati b'attenzjoni xierqa għas-sensittivitajiet tal-minoranza Serba ħalli jitjiebu u jitkattru s-servizzi governattivi fir-reġjun u jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' ħajja għaċ-ċittadini t'hemmhekk b'mod li jippermetti li jkun hemm gvern awtonomu b'firxa wiesa“; jistieden lill-EULEX biex tagħmel sforzi sabiex jiżdiedu l-attivitajiet tagħha fit-Tramuntana, b'mod partikolari sabiex tkattar relazzjonijiet interetniċi tajbin, filwaqt li l-popolazzjoni li għaddejja minn din is-sitwazzjoni tkun infurmata dwar l-azzjoni tal-UE u dwar il-missjoni li għaddejja bħalissa favur l-istat ta' dritt;

14.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-isplużjoni qattiela li qatlet persuna u weġġgħet għaxra oħra li seħħet f'Mitrovica Tramuntana fit-2 ta' Lulju 2010 waqt id-dimostrazzjonijiet kontra l-ftuħ ta' ċentru ta' servizzi ċivili u dwar l-attakk tal-5 ta' Lulju 2010 fuq membru Serb etniku tal-assemblea tal-Kosovo; jikkundanna bil-qawwa kull att ta' vjolenza u jsejjaħ lill-partijiet biex jaġixxu b'mod responsabbli; iħeġġeġ lill-EULEX biex jagħmel kull sforz biex itaffi it-tensjoni u jipprevjeni aktar vjolenza u jsejjaħ lill-Pulizija tal-Kosovo biex, bl-għajnuna tal-EULEX, jibdew minnufih investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali dwar il-ġrajjiet sabiex iressqu lill-min wettaqhom għall-ġustizzja;

15.  Jenfasizza l-importanza tas-suċċess tal-Missjoni tal-UE għall-Istat tad-Dritt EULEX, kemm għall-iżvilupp sostenibbli, il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-istabbiltà tal-Kosovo, u għall-ambizzjonijiet tal-UE bħala parteċipant globali fil-konsolidazzjoni tal-paċi; jenfasizza r-responsabilità tal-EULEX fir-rigward tal-poteri eżekuttivi tagħha kif ukoll tal-mandat tagħha li tissorvelja, tiggwida u tagħti pariri; jinkoraġġixxi, f'dan is-sens, lill-EULEX tieħu azzjonijiet aktar konkreti ħalli jsir progress fil-każijiet ta' korruzzjoni f'livelli għoljin; jagħraf il-progress tajjeb li sar f'xi oqsma bħall-pulizija u d-dwana iżda jenfasizza li x-xogħol għandu jiġi aċċellerat sabiex il-missjoni sa fl-aħħar tibda turi riżultati tanġibbli f'oqsma oħra, partikolarment f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, il-kriminalità organizzata u d-delitti tal-gwerra; jilqa' għalhekk l-aktar approċċ riċenti tal-EULEX ħalli jkunu indirizzati l-każijiet possibbli ta' korruzzjoni wkoll fl-ogħla livell governattiv u amministrattiv u jenfasizza l-ħtieġa li tissokta f'din it-triq ħalli jkunu żgurati l-kredibilità u l-viżibilità tal-azzjonijiet tal-EULEX; jenfasizza li f'dan ir-rigward attenzjoni partikolari fuq il-qasam tal-akkwisti pubbliċi hija ta' importanza kbira u li fil-qafas tal-kriminalità organizzata, il-EULEX għandha tissokta biex tikseb riżultati konkreti fil-lok; huwa mħasseb, f'dan ir-rigward, dwar għadd kbir ta' każijiet pendenti minħabba l-għadd kbir mhux mistenni ta' każijiet trasferiti lill-EULEX mill-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo; jenfasizza li n-numru ta' mħallfin u prosekuturi disponibbli għall-EULEX huwa insuffiċjenti, u jitlob lill-Istati Membri biex jissekondaw l-għadd meħtieġ ta' esperti jew biex jipprovdu għar-reklutaġġ tagħhom; jissottolinja l-importanza tas-simplifikazzjoni tal-burokrazija fi ħdan l-EULEX; jisħaq, f'dan is-sens, dwar in-neċessità għal ġestjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni interni kompetenti, ħalli l-missjoni taħdem b'mod effiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa għat-trasparenza u r-responsabbiltà fix-xogħol tal-EULEX kif ukoll biex jintwera element ta' sensittività għall-kuntest politiku tal-attivitajiet tagħha sabiex tiżdied il-leġittimità tagħha mill-perspettiva taċ-ċittadini; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li tinżamm komunikazzjoni mill-qrib mal-Gvern, maċ-ċittadini u mal-mezzi tax-xandir tal-Kosovo; jinkoraġġixxi lill-EULEX biex tikkomunika l-kisbiet tal-missjoni liċ-ċittadini Kosovari u, barra minn hekk, biex taħdem ħalli tkattar il-fiduċja fil-missjoni u tkun b'għajnejha miftuħin għall-istennijiet taċ-ċittadini; jilqa' t-twaqqif riċenti ta' Grupp ta' Esperti għas-Sorveljanza tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkarigat biex jara l-ilmenti ppreżentati minn persuni li jallegaw li huma vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-EULEX hi u twettaq il-mandat eżekuttiv tagħha;

16.  Jistieden lill-korpi kompetenti tiegħu, b'mod partikolari s-Sottokumitat għas-Sikurezza u d-Difiża, biex iżidu l-iskrutinju u s-sorveljanza tal-EULEX, possibilment b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili tal-Kosovo; jitlob, għal dan il-għan, lill-Kunsill biex jgħaddi kull valutazzjoni u kull rapport ta' reviżjoni, regolari u eċċezzjonali, dwar il-EULEX lill-Parlament;

17.  Josserva l-isforzi kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo ħalli jinsabu persuni mitlufa wara l-kunflitt tal-1998-1999 permezz tal-“Grupp ta' ħidma dwar il-persuni li għebu marbuta mal-avvenimenti fil-Kosovo”; jenfasizza s-sinifikat li għandha r-riżoluzzjoni ta' din il-kwistjoni ħalli jsir progress mill-kunflitt tal-1998-1999; jinnota wkoll l-1 862 każ ta' persuni li għadhom mitlufa u jistieden lill-Kosovo u lis-Serbja jestendu l-kooperazzjoni possibbli kollha lil xulxin, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-EULEX u lill-entitajiet l-oħra fit-tfittxija ta' dawn il-persuni;

18.  Jenfasizza li s-sena 2010 hija kruċjali kemm għall-Gvern tal-Kosovo kif ukoll fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni sabiex isir progress fuq ir-riformi ewlenin bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, id-diċentralizzazzjoni u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; jenfasizza li l-proċess ta' riforma, sabiex ikun ta' suċċess, għandu jkun ibbażat fuq dibattitu fid-dettall dwar l-abbozzi tal-leġiżlazzjoni b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, inklużi l-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili; ifakkar, barra minn hekk, lill-Gvern li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni effiċjenti u rapida tal-liġijiet, li fin-nuqqas tagħha, l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ma jkollha l-ebda impatt reali fuq is-sitwazzjoni fil-Kosovo;

19.  Huwa estremament imħasseb dwar il-korruzzjoni mifruxa li tibqa' waħda mill-ikbar problemi fil-Kosovo, filwaqt li l-kriminalità organizzata hija oħra, u jitlob li jittieħdu azzjonijiet urġenti biex jiġġielduha billi jittejjeb il-qafas legali għat-trattament tal-korruzzjoni, l-adozzjoni ta' strateġija u ta' pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiżi kollha tar-reġjun; huwa profondament imħasseb dwar it-tixrid riċenti ta' demm ikkawżat minn inċident vjolenti ħdejn il-konfini tal-Kosovo u jitlob li jittieħdu provvedimenti immedjati ħalli inċidenti bħal dan jiġu evitati fil-futur u ħalli jintemm it-traffikar tal-armi li jikkontribwixxi għad-destabilizzazzjoni tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent; jilqa' t-twaqqif ta' dipartiment speċjali kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-Uffiċċju ta' Prosekuzzjoni Speċjali tal-Kosovo iżda jenfasizza li l-impenn tal-ministeri kollha huwa meħtieġ sabiex dan id-dipartiment ikun effettiv u li l-persunal fil-każijiet kollha għandu jinkludi biss nies b'imġiba tajba li wieħed ma jkunx jista' jsibilhom difetti; jitlob għal adozzjoni b'ħeffa ta' liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi, li tirregola l-finanzjament tal-partiti b'mod effettiv u trasparenti, bl-iżgurar tal-iżvelar komplut tar-rapporti finanzjarji tagħhom;

20.  Jenfasizza l-importanza kbira tar-riforma tas-servizz tal-ġudikatura u tas-servizz ta' prosekuzzjoni, li għadu fi stadju bikri, sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-professjonalità tal-imħallfin u l-prosekuturi u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jerġgħu jafdaw fl-istat tad-dritt; jilqa“, għal dan il-għan, il-ħatra ta' Ombudsman, tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, tal-prosekuturi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat, u l-prosekuturi tal-Uffiċju ta' Prosekuzzjoni Speċjali tal-Kosovo; huwa mħasseb li n-nuqqasijiet fil-protezzjoni tax-xhieda għadhom jimpedixxu l-ġustizzja għall-aktar delitti gravi; jitlob għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni mħeffa tal-Liġi dwar il-Qrati u għall-istabbiliment ta' sistema ta' protezzjoni effettiva ta' xhieda u mħallfin; iħeġġeġ, f'dak is-sens, lir-rappreżentanti tal-EULEX biex ikomplu jirrapportaw pubblikament dwar l-isfidi li fadal fir-rigward tal-istat ta' dritt fil-Kosovo;

21.  Jitlob li jkun hemm iktar sforzi biex titħaffef ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika sabiex jinħoloq servizz pubbliku professjonali u indipendenti li jirrispetta l-bilanċ bejn is-sessi u li jirrifletti bis-sħiħ il-kompożizzjoni etnika diversa tal-poplu tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv għal dan il-għan u biex tingħata attenzjoni xierqa u biex jiġu pprovduti fondi għall-bini tar-riżorsi umani; huwa mħasseb dwar l-indħil politiku fil-ħatriet ta' min se jokkupa pożizzjonijiet fundamentali fis-servizz pubbliku u jitlob li din il-prattika, li tipperikola l-ħidma tal-amministrazzjoni, tintemm;

22.  Iħeġġeġ lill-Gvern biex jiżgura l-pluraliżmu fil-midja u l-indipendenza finanzjarja u editorjali tal-midja, mingħajr pressjoni politika, u t-trasparenza tas-sjieda u tal-finanzjamenti; jitlob li jkun hemm jeddijiet operattivi għall-ġurnalisti kif ukoll proċeduri effiċjenti għall-protezzjoni ta' ġurnalisti investigattivi minn theddid jenfasizza l-importanza tax-xandar pubbliku biex jipprovdi informazzjoni indipendenti ta' kwalità għolja lill-poplu kollu kemm hu u hu mħasseb dwar in-nuqqas ta' sistema finanzjarja sostenibbli biex tiżgura dan; jilqa' l-investimenti li saru mill-Gvern fil-provvista ta' aċċess għall-internet; iħeġġeġ lill-Gvern iwessa' l-aċċess għall-internet miċ-ċittadini; jisħaq dwar ir-rwol importanti ta' aċċess ħieles miċ-ċensura għall-impriżi u għall-politika, l-aktar ħalli toktor il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi żmien l-elezzjonijiet;

23.  Jitlob għall-appoġġ biex tissaħħaħ l-Assemblea tal-Kosovo sabiex tkun tista' twettaq il-funzjonijiet leġiżlattivi tagħha b'mod effettiv u twettaq sorveljanza demokratika tal-attivitajiet politiċi u baġitarji tal-Gvern; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-ħolqien ta' programm ta' ġemellaġġ ad hoc sabiex il-persunal amministrattiv tal-Assemblea tal-Kosovo jingħata l-opportunità ta' taħriġ fil-Parlament Ewropew u jistieden lill-parlamenti tal-Istati Membri biex jistabbilixxu programmi ta' ġemellaġġ sabiex il-membri parlamentari u l-persunal amministrattiv tal-Assemblea tal-Kosovo jkollhom l-opportunità ta' skambju u bini ta' kapaċità fir-rigward tal-proċeduri leġiżlattivi u ta' kontroll parlamentari, partikolarment għall-gruppi ta' oppożizzjoni u tal-minoranzi parlamentari;

24.  Ifaħħar lill-Gvern dwar il-progress fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġusabiex il-liġijiet li fadal jiġu adottati malajr; jinnota, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tibqa' mhux sodisfaċenti u li l-progress globali miexi bil-mod; jitlob li jkun hemm iktar politiki attivi biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni (etniċità, reliġjon, orjentazzjoni sesswali, diżabilità u oħrajn) u li jiġi żgurat il-bilanċ bejn il-ġeneri kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tal-minoranzi fil-ħajja politika u fl-istrutturi amministrattivi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni f'dan il-proċess, jistieden lill-Gvern biex jipprovdi edukazzjoni għall-minoranzi bil-lingwi tagħhom stess, inkluż il-kurrikula u l-kotba, b'mod li jippermettilhom jippreservaw il-kultura u l-identità tagħhom, u biex dan jgħinhom jibnu l-kapaċitajiet umani;

25.  Huwa mħasseb dwar il-livelli għoljin ta' vjolenza domestika, id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-fenomenu tat-traffikar tal-persuni, partikolarment tfajliet u nisa għall-isfruttar sesswali; jitlob li jittieħdu passi attivi biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex jiġu protetti b'mod effettiv id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal;

26.  Jenfasizza l-wirt diffiċli ħafna tal-kunflitt bl-armi, li dgħajjef il-fiduċja pubblika fil-possibbiltà ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, kemm fost il-gruppi soċjali kif ukoll fil-ħajja privata;

27.  Jissottolinja li s-sitwazzjoni politika fraġli, is-seħħ ta' inċidenti interetniċi f'ċerti nħawi u l-kundizzjonijiet ekonomiċi ħżiena fixklu r-ritorn sostenibbli tar-refuġjati u jitlob li jsiru aktar sforzi ħalli titjieb is-sitwazzjoni tagħhom;

28.  Jenfasizza s-sitwazzjoni diffiċli u d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom il-minoranzi u partikolarment ir-Roma fl-aċċess għall-edukazzjoni, akkomodazzjoni, servizzi soċjali u impjiegi; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tagħlaq il-kampijiet ikkontaminati biċ-ċomb fit-Tramuntana ta' Mitrovica u biex toffri akkomodazzjoni alternattiva għall-familji li kienu jgħixu fihom u jitlob li din tiġi implimentata malajr; jaqsam it-tħassib li esprima l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa li l-Kosovo għadu mhux f'pożizzjoni li jipprovdi l-kundizzjonijiet xierqa biex jintegra mill-ġdid ir-Roma mibgħuta lura bil-forza, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu din il-prattika; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tal-ftehim li ntlaħaq bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u tal-Kosovo biex b'mod gradwali jibagħtu lura 14 000 refuġjat lejn il-Kosovo, li 10 000 minnhom huma Roma, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-programmi ta' għajnuna ad hoc; jistieden lill-pajjiżi li jipparteċipaw fid-Deċennju tar-Roma biex jiffaċilitaw l-involviment tal-Kosovo fil-programmi;

29.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-edukazzjoni, kemm biex iż-żgħażagħ jingħataw il-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol kif ukoll biex tikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni bejn il-gruppi etniċi; iħeġġeġ, għal dan il-għan, l-introduzzjoni gradwali ta' klassijiet komuni, it-tagħlim tal-lingwi tal-minoranzi, partikolarment is-Serb, lill-istudenti ta' etniċità Albaniża, u tal-lingwa Albaniża lill-minoranzi kollha; jilqa' t-twaqqif riċenti tal-Kulleġġ Internazzjonali tan-Negozju f'Mitrovica li, filwaqt li jirrappreżenta investiment sinifikanti fl-ekonomija lokali, jattira studenti mill-komunitajiet kollha, għandu l-għan li joħloq prospetti għaż-żgħażagħ billi jippromwovi l-intraprenditorjat, u jintroduċihom għall-istandards professjonali Ewropej fil-ġestjoni negozjali, ambjentali u pubblika;

30.  Jisħaq li r-rispett għad-diversità kulturali hija dejjem fil-qalba tal-proġett Ewropew u li l-wirt reliġjuż u kulturali huwa kundizzjoni neċessarja għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jisħaq li protezzjoni adegwata tal-wirt kulturali hija ta' importanza għall-komunitajiet kollha tal-Kosovo; jitlob lill-Gvern jipproċedi bir-riformi istituzzjonali ppjanati fis-settur tal-wirt kulturali; jenfasizza li l-adozzjoni tal-Lista tas-Siti ta' Wirt Kulturali hija prekundizzjoni importanti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-wirt kulturali; jilqa' l-attivitajiet tal-Faċilitatur għall-Protezzjoni tal-Wirt Reliġjuż u Kulturali tal-Knisja Ortodossa Serba u jinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkooperaw attivament miegħu;

31.  Jenfasizza li l-iskambji akkademiċi għandu jingħatalhom l-appoġġ u jiġu promossi permezz ta' programmi bħalma huma Erasmus Mundus ħalli ċ-ċittadini Kosovari jkunu jistgħu jiksbu l-kwalifiki u l-esperjenza fl-UE u jsaħħu l-interazzjoni tagħhom maċ-ċittadini tal-UE;

32.  Jitlob lill-awtoritajiet biex jappoġġaw b'mod attiv lis-soċjetà ċivili u l-involviment tagħha fit-tfassil ta' politiki soċjali u ekonomiċi b'appoġġ sħiħ għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, jenfasizza r-rwol importanti li għandhom is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonjiet mhux governattivi internazzjonali fir-rikonċiljazzjoni bejn il-gruppi etniċi u jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-għajnuna finanzjarja tagħha f'xogħolhom; jenfasizza f'dan is-sens il-ħtieġa ta' inkwadrament effettiv ta' dawn il-kwistjonijiet fil-Programmi Annwali għall-Kosovo skont l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni; jinnota li teżisti kooperazzjoni interpersonali tajba u partikolarment fin-negozju bejn individwi ġejjin minn komunitajiet etniċi differenti u li huma meħtieġa aktar sforzi mill-awtoritajiet Kosovari, mis-soċjetà ċivili u mill-komunità internazzjonali ħalli jingħata appoġġ lill-proġetti lokali li jtejbu dan it-tip ta' kooperazzjoni;

33.  Huma mħasseb b'mod serju dwar il-fatt li l-Kosovo jibqa' wieħed mill-ifqar pajjiżi fl-Ewropa, b'livell ta' qgħad li jaqbeż l-40%; jenfasizza li din is-sitwazzjoni mhix sostenibbli u li l-kundizzjonijiet diffiċli tal-għajxien wasslu għal żieda fin-nuqqas ta' kuntentizza fis-soċjetà; jitlob azzjonijiet urġenti għat-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi soċjali biex jipprovdu xibka ta' sikurezza għall-elementi vulnerabbli tas-soċjetà u biex isegwu politiki ta' impjieg attivi biex jitnaqqas il-qgħad; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tuża bis-sħiħ l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni biex toħloq żvilupp soċjoekonomiku fil-Kosovo partikolarment għaż-żgħażagħ; jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jaċċettaw kemm jista' jkun ċittadini Kosovari bħala ħaddiema staġjonali u fl-oqsma b'nuqqas ta' ħaddiema;

34.  Iqis l-iżvilupp ekonomiku bħala element ewlieni fir-riżoluzzjoni ta' problemi importanti fil-pajjiż, inkluż il-kontribut prinċipali tiegħu biex itejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-minoranzi u biex jiffaċilita r-relazzjonijiet interetniċi; jenfasizza l-importanza tas-settur agrikolu għal dan il-għan; jilqa' l-għadd ta' liġijiet li qed jitħejjew f'dan il-qasam u jitlob li jiġu adottati malajr; jenfasizza, madankollu, li l-implimentazzjoni effiċjenti tal-qafas legali li diġà ġie adottat hija prerekwiżit biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-post;

35.  Jisħaq li l-Kosovo għandu jagħżel il-politiki ekonomiċi xierqa li jiżgurawlu tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-protezzjoni ambjentali, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali; jistieden lill-awtoritajiet Kosovari biex itejbu l-klima ekonomika għall-investiment barrani u t-trasparenza fir-relazzjonijiet kummerċjali;

36.  Jitlob li jittieħdu passi attivi fil-qasam tal-enerġija sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-enerġija meħtieġa għall-iżvilupp tal-Kosovo; jenfasizza li l-ħtiġijiet infrastrutturali enormi f'dan il-qasam huma opportunità biex il-provvista tal-enerġija tiġi ddiversifikata b'mod li tinkludi sorsi iktar ekoloġiċi, biex tiġi modernizzata u msaħħa l-effiċjenza enerġetika tan-netwerk tal-elettriku u biex jiġu implimentati l-aqwa teknoloġiji disponibbli inkluż fl-impjanti li jaħdmu bil-faħam li huma ppjanati; jitlob li l-impjant tal-enerġija Kosovo A jingħalaq mingħajr dewmien u ta' Kosovo B mill-iktar fis possibbli mingħajr ma jiġu kompromessi l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-pajjiż;

37.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex ikomplu jinvestu fl-enerġija rinnovabbli u jipprovaw joħolqu kooperazzjoni reġjonali f'dan il-qasam;

38.  Jindika li l-politika ta' trasport tal-Kosovo kienet ikkonċentrata s'issa fuq il-bini tat-toroq; jiddispjaċih dwar il-kundizzjoni ħażina tat-trasport pubbliku, partikolarment il-ferroviji; jistieden lill-Gvern Kosovar biex jagħmel użu sħiħ mill-fondi IPA ħalli jiżviluppa, itejjeb u jimmodernizza n-netwerk tal-ferroviji u jtejjeb l-interkollegamenti mal-pajjiżi ġirien kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija bil-għan li l-mobilità ssir sostenibbli;

39.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-problemi ambjentali mifruxa ma' kullimkien li jaffettwaw l-art, l-arja u l-ilma u jitlob lill-Gvern biex jemenda u jimplimenta l-qafas leġiżlattiv sabiex jiġi konformi mal-istandards tal-UE u sabiex l-edukazzjoni ambjentali ssir element ewlieni tal-edukazzjoni;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-preżenza tal-UE fil-Kosovo tiġi ssimplifikata b'mod konformi mal-iżvilupp tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-ħolqien ta' Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja, u li l-Uffiċċju ta' Kollegament tal-Kummissjoni jinbidel f'Delegazzjoni tal-UE sabiex tittejjeb l-effettività u l-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-UE fil-Kosovo; jieħu nota tal-ftuħ ta' Uffiċċju ġdid tal-UE f'Belgrad fil-qafas tal-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kosovo, li qed jopera separatament mid-Delegazzjoni eżistenti tal-UE fis-Serbja;

41.  Jiddeplora n-nuqqas ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-estensjoni l-aktar riċenti tal-mandat għar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kosovo, inkluża żieda sostanzjali tal-approprjazzjonijiet; ifakkar li l-adozzjoni ta' ftehim interistituzzjonali ġdid dwar il-kwistjonijiet baġitarji għandu jindirizza sewwa r-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-PE billi jqis it-Trattat ta' Lisbona;

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill u l-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE/Rappreżentant Ċivili Internazzjonali għall-Kosovo, lill-Gvern u l-Assemblea tal-Kosovo, lill-Gvern tas-Serbja, lill-membri tal-Grupp ta' Tmexxija Internazzjonali għall-Kosovo u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
(2) ĠU C 27 E, 31.01.2008, p. 207.
(3) ĠU C 67 E, 18.03.2010, p. 126.
(4) ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.
(5) Testi adottati, P7_TA(2009)0097.


L-Albanija
PDF 248kWORD 94k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar l-Albanija
P7_TA(2010)0282B7-0408/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza maħruġa wara l-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2009-2010” (COM(2009)0533) u r-Rapport ta' Progress dwar l-Albanija 2009 ta' magħha (SEC(2009)1337) tal-14 ta' Ottubru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/210/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mal-Albanija u t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/54/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Albanija, li saret fit-3 u l-4 ta' Mejju 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Albanija tat-18 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/821/KE tat-8 ta' Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubbika tal-Albanija dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-16-il Laqgħa Interparlamentari bejn l-UE u l-Albanija, tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jżid il-frekwenza tad-djalogu politiku mal-Albanija fil-livell parlamentari biex din tirrifletti d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1709(2010) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Funzjonament tal-Istituzzjonijiet Demokratiċi fl-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, kif espress fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006, jafferma mill-ġdid li l-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-UE,

B.  billi l-prospett ta' integrazzjoni fl-UE qed jagħti spinta lil bosta riformi fil-Balkani tal-Punent u għandu jkollu rwol kostruttiv biex tiżdied il-kapaċità tar-reġjun għall-paċi, l-istabilità u l-prevenzjoni tal-kunflitti, jissaħħu r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali permezz tal-iżvilupp sostenibbli; billi kwalunkwe prospett realistiku ta' sħubija jinvolvi mhux biss it-tlestija ta' proċedura amministrattiva u teknika, iżda jirrikjedi wkoll impenn politiku ġenwin mill-persuni kollha relevanti li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Istati Membri,

C.  billi l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Albanija daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2009; billi l-pajjiż applika għal sħubija fl-UE fit-28 ta' April 2009 u ressaq it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju ta' qabel l-adeżjoni tal-Kummissjoni fl-14 ta' April 2010; billi l-Kummissjoni qed tħejji l-opinjoni tagħha dwar dan,

D.  billi l-progress ta' kull pajjiż lejn l-Unjoni Ewropea jiddependi mill-isforzi tal-pajjiż ikkonċernat biex jikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen u jikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta mal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni,

1.  Jikkonferma, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, mad-Dikjarazzjoni ta' Salzburg tal-11 ta' Marzu 2006 u mal-konklużjonijiet sussegwenti relevanti tal-Kunsill, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-applikazzjoni tal-Albanija għal sħubija fl-UE (u għal sħubija futura fl-UE għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent), ladarba tkun kisbet ċertu livell ta' stabilità politika u ta' affidabilità u li tkun tissodisfa bis-sħiħ il-kriterji ta' Kopenħagen;

2.  Jirrikonoxxi l-progress li kisbet l-Albanija fil-kuntest tal-proċess ta' riforma, iżda jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi ulterjuri sostanzjali, meħtieġa kemm għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż;

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-14 ta' April 2010 l-Albanija wieġbet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija tal-opinjoni tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Albanija għal sħubija fl-UE u, fl-istess waqt, jenfasizza li l-progress ta' pajjiż kandidat lejn l-UE jiddependi mill-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen, inkluża l-eżistenza ta' istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija;

4.  Jesprimi t-tama li l-Gvern Albaniż u l-oppożizzjoni jirnexxielhom jifhmu li s-sejba ta' soluzzjoni għall-kontroversji politiċi attwali hija kruċjali biex isir progress fl-integrazzjoni tal-pajjiż lejn l-UE u biex jintlaħqu l-għanijiet Ewropej tal-Albaniżi; itenni l-konklużjoni milħuqa fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tas-14 ta' Ġunju 2010 li wasal sew iż-żmien li l-kriżi politika attwali tingħeleb b'mod dejjiemi u li hija r-responsabilità tal-Gvern tal-Albanija biex, flimkien mal-oppożizzjoni, u b'mod trasparenti u f'rispett sħiħ tal-Kostituzzjoni Albaniża, isib minnufih soluzzjonijiet u mezzi “l quddiem li se jkunu meħtieġa biex il-pajjiż ikompli fi triqtu lejn l-UE;

5.  Jiddeplora l-kriżi politika ta' wara l-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju 2009 fl-Albanija, u jenfasizza li istituzzjonijiet rappreżentattivi li jaħdmu kif suppost (partikolarment il-parlament) jikkostitwixxu s-silsla ta' sistema demokratika konsolidata u, bħala prijorità ewlenija għal Sħubija Ewropea, kriterju politiku importanti għall-integrazzjoni tal-UE; jilqa' d-deċiżjoni tal-oppożizzjoni li tipparteċipa b'mod attiv fil-ħidma tal-Parlament Albaniż, iżda jiddeplora l-fatt li, minkejja d-diskussjonijiet reċenti ffaċilitati mill-UE, għadu ma ntlaħaqx kunsens fir-rigward tal-elezzjonijiet tal-2009; iħeġġeġ bil-qawwa lill-partiti politiċi kollha biex jassumu r-responsabilitajiet tagħhom u jimpenjaw ruħhom fi djalogu politiku kostruttiv, inkluż diskussjonijiet dwar liġi elettorali ġdida li tiżgura proċess elettorali totalment trasparenti għal elezzjonijiet futuri; jenfasizza li soluzzjoni għall-kriżi tista' biss tinstab billi l-Kostituzzjoni u l-prinċipji tat-trasparenza jiġu rrispettati bis-sħiħ;

6.  Huwa tal-fehma li l-ftehim bażiku dwar it-twaqqif ta' kumitat parlamentari ta' inkjesta biex jinvestiga l-tmexxija tal-elezzjonijiet parlamentari tal-2009, ippresjedut u b'maġġoranza tal-membri mill-oppożizzjoni u b'mandat biex jinvestiga l-materjal elettorali , għandu jiġi implimentat mill-aktar fis; jenfasizza li dan il-kumitat ta' inkjesta għandu jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu f'waqthom biex il-parlament ikun jista' jadotta leġiżlazzjoni ġdida ħafna qabel l-elezzjonijiet lokali u reġjonali li jmiss, fuq bażi tas-sejbiet tal-kumitat u fuq proposti magħmula mill-OSCE/ODIHR;

7.  Jistieden lill-gvern u lill-oppożizzjoni sabiex, jekk ma tkunx tista' tinstab soluzzjoni mingħajr għajnuna minn barra, jaqblu dwar medjazzjoni, pereżempju billi flimkien jistiednu membri mill-Kunsill tal-Ewropa u/jew mill-Parlament Ewropew;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi biex ifasslu u jimplimentaw mill-aktar fis riforma, ibbażata fuq kunsens, tar-regoli ta' proċedura tal-parlament, li tiggarantixxi t-trasparenza fir-rigward tar-riżorsi amministrattivi u finanzjarji, il-kwalità tal-leġiżlazzjoni bbażata fuq għarfien espert estensiv, it-titjib tal-kapaċitajiet ta' sorveljanza għall-parlament u drittijiet u rappreżentanza adegwati tal-oppożizzjoni fil-kumitati parlamentari u fl-attivitajiet parlamentari; jitlob liż-żewġ naħat, il-maġġoranza u l-oppożizzjoni, biex jiżviluppaw djalogu kostruttiv sabiex jiżguraw proċess leġiżlattiv miftuħ u trasparenti, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti u mal-protagonisti tas-soċjetà ċivili, sabiex jadottaw u japprovaw mingħajr dewmien ulterjuri leġiżlazzjoni kruċjali, inklużi liġijiet li jirrikjedu maġġoranza ta' 3/5 tal-voti;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib li sar fil-qafas legali u amministrattiv tal-proċess elettorali u jinnota l-evalwazzjoni ġeneralment pożittiva tal-Kummissjoni ta' Venezja fl-Opinjoni Konġunta tagħha dwar il-Kodiċi Elettorali tar-Repubblika tal-Albanija; jinnota, barra minn hekk, li, skont il-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju 2009 issodisfaw il-parti l-kbira tal-istandards internazzjonali, iżda ma rnexxewx fl-għan tagħhom li jżidu l-fiduċja fil-proċess elettorali; jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn ta' implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet imniżżla fir-rapport finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-2009 u jistieden kemm lill-maġġoranza kif ukoll lill-oppożizzjoni fil-Parlament Albaniż biex jibdew il-ħidma tagħhom bil-għan li jimplimentaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet bis-sħiħ;

10.  Jiddispjaċih li fil-laqgħat tal-Kumitat dwar il-Liġi Parlamentari qabel is-sessjoni plenarja tat-18 ta' Marzu 2010 tal-Parlament Albaniż, il-maġġoranza u l-oppożizzjoni ma qablux dwar il-proposti li jikkonċernaw il-kumitat ta' inkjesta dwar l-elezzjonijiet tal-2009;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-ħolqien ta' kunsens bejn il-partiti dwar riformi ekonomiċi, politiċi u soċjali sabiex jitjieb il-benessri taċ-ċittadini Albaniżi u biex il-pajjiż ikun jista' jkompli jagħmel progress fi triqtu lejn sħubija fl-UE;

12.  Jilqa' l-adozzjoni fis-27 ta' Mejju 2010 tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi, u jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika li l-benchmarks li fadal jintlaħqu fix-xhur li ġejjin, bl-għan li titwitta t-triq għall-Kunsill u għall-Parlament biex japprovaw l-introduzzjoni tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini Albaniżi sa tmiem l-2010;

13.  Jilqa' l-appoġġ politiku mill-partiti kollha għal-liberalizzazzjoni tal-viżi, espress fir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Albaniż fil-11 ta' Marzu 2010;

14.  Jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati u protetti d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi bħala prijorità ewlenija;

15.  Ifakkar li l-ħarsien tad-data personali għandu dejjem jiġi rrispettat u ma jistax jiġi injorat b'mod arbitrarju, u jistieden lill-awtoritajiet kollha sabiex jilleġiżlaw u jaġixxu skont dik ir-regola;

16.  Jilqa' l-progress li sar fil-qasam tas-sistema ġudizzjarja, iżda jenfasizza li r-riformi għadhom fi stadju bikri ta' implimentazzjoni; huwa tal-fehma li r-riforma ġudizzjarja, inkluż it-tisħiħ tal-qrati, tikkostitwixxi prerekwiżit ewlieni għall-proċess ta' applikazzjoni għal sħubija fl-UE min-naħa tal-Albanija, u jenfasizza l-importanza ta' separazzjoni tal-poteri f'soċjetà demokratika; jenfasizza li ġudikatura trasparenti, imparzjali u effiċjenti, indipendenti minn kull pressjoni jew kontroll politiċi, hija fundamentali għall-istat tad-dritt, u jitlob li jkun hemm adozzjoni urġenti ta' strateġija komprensiva fuq medda twila ta' żmien f'dan il-qasam, inkluż pjan direzzjonali għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa u tal-miżuri implimentattivi; jistieden lill-oppożizzjoni biex tagħmel parti mit-tfassil ta' din l-istrateġija u sabiex tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha għar-riforma tal-ġudikatura; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed fondi pprovduti lill-ġudikatura sabiex tkun tista' taħdem b'mod effettiv madwar il-pajjiż kollu; jistenna bil-ħerqa l-inizjattivi ġodda ta' għajnuna mill-Kummissjoni u jilqa' f'dan ir-rigward l-inawgurazzjoni riċenti ta' Qorti għall-Krimini Serji f'Tirana;

17.  Jilqa' l-fatt li l-implimentazzjoni tal-liġi tat-tisfija ġiet sospiża mill-Qorti Kostituzzjonali u li din il-liġi attwalment qed tiġi riveduta; jitlob li jkun hemm konsultazzjoni u kunsens usa“, speċjalment mal-Kummissjoni ta' Venezja, jekk jitħejja abbozz ta' liġi ġdid, u jenfasizza l-importanza li tiġi mħarsa l-indipendenza tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali;

18.  Jilqa' l-miżuri meħuda għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni mhux serja, u b'mod partikulari l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Integrat Kontra l-Korruzzjoni għall-2010; jinnota li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadha sfida politika ewlenija, li l-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni għadhom dgħajfa u li jeħtieġ li jittieħdu iktar passi qawwija biex ireġġgħu lura s-sitwazzjoni ta' impunità fir-rigward ta' persuni li jinsabu ħatja ta' korruzzjoni; jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit rekord ta' investigazzjonijiet u kundanni, inkluż f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, u li titkompla l-implimentazzjoni tal-aħħar rakkomandazzjonijiet tal-GRECO, partikolarment fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont ta' uffiċjali li jibbenefikaw mill-immunità; jilqa' l-fatt li d-dokumenti strateġiċi ġew ippubblikati sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tagħhom; barra minn hekk, jitlob li jiġi adottat qafas leġiżlattiv dwar it-trasparenza sħiħa tal-finanzjament tal-partiti politiċi;

19.  Jilqa' pjanijiet għat-twaqqif ta' Istitut tal-Amministrazzjoni Pubblika u jitlob għal passi ulterjuri għall-implimentazzjoni tal-istrateġija għar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u għall-iżgurar ta' infurzar sħiħ tal-liġi tas-servizz ċivili, inkluża sistema ta' ġestjoni adegwata tar-riżorsi umani; jiġbed l-attenzjoni għar-riskji tal-politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni bi proċeduri ta' reklutaġġ mhux trasparenti u għall-prattika tar-reklutaġġ ta' staff temporanju barra mill-ambitu tal-liġi, u jistieden lill-awtoritajiet biex iwaqqfu dawn il-prattiki u joħolqu servizz ċivili depolitiċizzat ibbażat fuq il-mertu, li jikkontribwixxi wkoll biex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-amministrazzjoni pubblika;

20.  Jenfasizza l-importanza kruċjali ta' midja professjonali, indipendenti u pluralista, kemm pubblika kif ukoll privata, bħala sies tad-demokrazija; jinsab imħasseb li ma sarx wisq progress fit-tlestija tal-qafas legali għall-midja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jagħmlu kull sforz ħalli jadottaw u jimplimentaw il-qafas legali skont standards tal-UE u jiżguraw il-ħelsien tagħhom mill-indħil politiku jew minn kwalunkwe interferenza oħra, inkluża dik mill-eżekuttiv; huwa mħsasseb dwar il-pressjoni politika fuq il-Kunsill Nazzjonali għar-Radju u t-Televiżjoni (NCRT) u jistieden lill-awtoritajiet relevanti biex jiggarantixxu l-indipendenza tiegħu; jitlob biex jittieħdu passi biex jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda u tal-finanzjament tal-midja; jiddeplora n-nuqqas ta' drittijiet tax-xogħol stabbiliti għall-ġurnalisti, fatt li jimminalhom il-ħila li jaħdmu b'mod oġġettiv u indipendenti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu passi adegwati biex jegħlbu din is-sitwazzjoni; jitlob b'mod partikolari biex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni dwar ix-xandir elettroniku u biex il-kodiċi ċivili jiġu aġġustati sabiex il-malafama u d-diffamazzjoni jiġu dikriminalizzati; jilqa' n-nuqqas ta' restrizzjonijiet mill-gvern fuq l-aċċess għall-internet u jħeġġeġ lill-gvern biex iwessa' l-aċċessibilità għall-internet għaċ-ċittadini kollha;

21.  Jilqa' l-istabbiliment ta' qafas legali biex jindirizza u jipprevjeni forom ta' kriminalità organizzata, inklużi l-ħasil tal-flus, it-traffikar tad-drogi u tal-persuni; jieħu nota tal-isforzi biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, iżda jinnota li jeħtieġ li tittieħed azzjoni ulterjuri għall-implimentazzjoni u li jingħataw ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa sabiex jinkisbu riżultati konkreti; jenfasizza l-importanza ta' investigazzjoni, prosekuzzjoni u kastig effikaċi tad-delinkwenti; jilqa' d-deċiżjoni li jiġi stabbilit kumitat interistituzzjonali għal miżuri kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar, ippresedut mill-Prim Ministru; jenfasizza li minħabba l-implikazzjonijiet reġjonali tal-kriminalità organizzata, jenħtieġu sforzi aktar b'saħħithom biex tiżdied il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja mal-pajjiżi konfinali inklużi kontrolli konġunti fil-fruntieri;

22.  Jenfasizza l-importanza li jagħti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jirrikonoxxi l-passi żgħar ta' progress li saru min-naħa tal-gvern biex jikkonsultahom dwar abbozzi ta' liġijiet u riformi; jitlob li jittieħdu aktar passi biex jifformalizzaw u jkattru l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-formulazzjoni tal-politika u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-effikaċja tagħha fil-livelli kollha, inkluża t-trasparenza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-finanzjament tagħhom;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' mobilità, speċjalment dawk għaż-żgħażagħ, għall-għalliema u għar-riċerkaturi, u huwa tal-fehma li l-għadd ta' parteċipanti f'dawn il-programmi għandu jiżdied; b'rabta ma' dan, jilqa' l-inizjattivi li jagħtu lill-istudenti Albaniżi opportunitajiet biex jistudjaw fil-pajjiżi tal-UE;

24.  Jirrikonoxxi li għalkemm id-drittijiet bażiċi tat-trejdjunjins huma rikonoxxuti fil-Kostituzzjoni, l-attivitajiet tal-unjins spiss jiġu bblukkati, u r-restrizzjonijiet fuq l-istrajks fis-servizz ċivili u l-utilitajiet pubbliċi huma wesgħin wisq skont l-istandards internazzjonali; jiddeplora l-akkwist reċenti min-naħa tal-Gvern Albaniż ta' assi tat-trejdunjins; jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Kosttuzzjonali tat-22 ta' April 2010 li tgħid li din il-liġi mhijiex kostituzzjonali, u jitlob lill-gvern biex jirritorna l-assi minnufih; jitlob lill-gvern Albaniż biex jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-unjins u biex jieħu l-passi legali meħtieġa biex jiżgura li l-parteċipazzjoni fl-unjins tkun id-dritt tal-ħaddiema kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat;

25.  Jilqa' l-miżuri meħuda biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika; iqis, madankollu, li l-Kumitat Statali dwar l-Opportunitajiet Indaqs għadu dgħajjef u li l-Att dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-biċċa l-kbira baqa' mhux implimentat; iqis, għal dik ir-raġuni, li jeħtieġ aktar azzjoni biex tiffaċilita l-inklużjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

26.  Jilqa' r-riformi legali tas-snin reċenti dwar il-protezzjoni ta' vittmi tal-vjolenza domestika u t-traffikar; jirrikonoxxi madankollu li dawn mhumiex adegwati u li għandhom jittieħdu passi ulterjuri, u għadu serjament imħasseb dwar il-vjolenza domestika u t-traffikar mifruxa b'rabta man-nisa u t-tfal għal skopijiet ta' sfruttament sesswali u ta' xogħol furzat; jesprimi tħassib dwar il-fatt li meta jkun hemm żieda sinifikanti fir-rapporti ta' inċidenti ta' dat-tip, din mhux dejjem tiġi segwita b'investigazzjoni xierqa mill-pulizija jew b'ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa mill-qrati; jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti għall-ħarsien tan-nisa u t-tfal kontra kull forma ta' vjolenza u għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' sistema sħiħa għall-protezzjoni u r-riabilitazzjoni tagħhom, inkluża r-reġistrazzjoni obbligatorja u effiċjenti tat-tfal u trabi tat-twelid kollha, l-għoti sħiħ u b'xejn ta' assistenza legali, soċjali u psikoloġika lill-vittmi, kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika, taħriġ adegwat ta' aġenziji tal-infurzar tal-liġi u ħolqien ta' netwerk ta' rifuġji (li għandhu jkun ta' kwantità u kwalità suffiċjenti u kapaċi jkopri l-ħtiġijiet tal-vittmi tal-vjolenza domestika u tat-traffikar); jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet Albaniżi f'dan ir-rigward;

27.  Jirrikonoxxi l-progress li sar fil-ħarsien tal-minoranzi u li tista' tgħid tlesta t-twaqqif ta' qafas istituzzjonali u leġiżlattiv adegwat għall-ħarsien tal-minoranzi; jinnota, madankollu, li d-diskriminazzjoni għadha problema fl-Albanija, b'mod partikulari dik kontra l-kategoriji ta' persuni vulnerabbli u r-rispett għall-identità tas-sessi u l-orjentament sesswali, u li jeħtieġ isiru aktar sforzi sabiex tiġi miġġielda, inkluża s-sensibilizzazzjoni; jinnota bi tħassib, b'rabta ma' dan, il-protesti reċenti kontra l-omosesswalità fl-Albanija; jenfasizza li jeħtieġ li jsiru iktar sforzi biex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea fir-rigward tal-minoranzi, u b'mod iktar speċifiku l-użu tal-lingwi minoritarji u l-provvista ta' edukazzjoni b'dawn il-lingwi u ta' trattament mhux diskriminatorju għall-membri tal-minoranzi kollha;

28.  Jilqa' t-tibdil li sar fil-Kodiċi Kriminali bl-għan li jiġu indirizzati l-krimini razzisti; għal dan il-għan, ifaħħar l-adozzjoni reċenti tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni, imfassla b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jitlob l-implimentazzjoni rapida u effikaċi tagħha; jilqa' b'mod partikolari l-istabbiliment ta' kummissarju indipendenti għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, b'responsabbiltà għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-liġi u l-investigazzjoni tal-ilmenti; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal data statistika preċiża u affidabbli, li hija essenzjali għall-implimentazzjoni effikaċi ta' miżuri kontra d-diskriminazzjoni u għal dan il-għan, jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li jitwettaq ċensiment nazzjonali ppjanat għall-2011, li jkun konformi ma' standards magħrufa fuq livell internazzjonali li jiżguraw ir-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-awtoidentifikazzjoni libera;

29.  Jitlob għal aktar sforzi biex titjieb is-sitwazzjoni tar-Roma, li jkomplu jħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet tal-għajxien diffiċli u jsofru diskriminazzjoni fl-oqsma tal-aċċess għall-edukazzjoni, il-ħarsien soċjali, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-akkomodazzjoni adegwata; għal dan il-għan, jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-gvern għad-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma iżda jinnota li l-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali għandu jkollhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u li għandhom ikunu pprovduti b'baġit adegwat biex jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet relevanti biex jimplimentaw il-pjan ta' azzjoni u jippubblikaw rapporti regolari dwar il-progress;

30.  Jirrikonoxxi t-tnaqqis sinifikanti fil-faqar f'dawn l-aħħar snin b'riżultat ta' tkabbir tal-PGD reali akbar; jinnota, madankollu, li minkejja l-progress ekonomiku, parti kunsiderevoli mill-popolazzjoni għadha tgħix fil-faqar, u għaldaqstant jeħtieġ li jkun hemm sforzi kontinwi biex jibqa' jitnaqqas il-faqar, b'mod partikulari fl-inħawi rurali u f'dawk muntanjużi;

31.  Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tal-prevenzjoni tat-tortura u tat-trattament ħażin, anke fis-sistema tal-ħabsijiet; jitlob li jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-ħabsijiet sabiex dawn ikunu konformi ma' standards ta' dinjità umana u biex jingħelbu l-livelli għoljin ta' korruzzjoni fis-servizz tal-ħabs; jenfasizza li jeħtieġ li jsir progress fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-faċilitajiet ta' detenzjoni wara li l-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u tat-Trattament jew Kastigi Inumani u Degradanti (CPT) kien għamel dawn ir-rakkomandazzjonijiet fl-2008, u jfakkar fil-konklużjonijiet tal-Ombudsman li l-kundizzjonijiet huma taħt l-istandards nazzjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem għad-detenzjoni tal-priġunieri u sforzi fil-ġlieda kontra l-livelli għoljin ta' korruzzjoni fis-servizz tal-ħabs;

32.  Jenfasizza li ħafna qrati ma jwettqux reviżjonijiet ġudizzjarji ex officio għal pazjenti psikjatriċi, u għalhekk ma jingħatax ċans lil pazjenti mibgħuta fl-isptarijiet b'mod furzat li jinstemgħu minn imħallef; ifakkar fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ ta' Dybeku vs l-Albanija, u jitlob li jiġi żgurat li l-ħabsin li jsofru minn mard mentali ma jitqegħdux fl-istess faċilitajiet bħal dawk li ma jsofrux minn kundizzjonijiet simili;

33.  Jesprimi tħassib dwar it-tqegħid bla bżonn ta' tfal f'orfanatrofji minħabba l-faqar u dwar il-konsegwenzi fuq medda twila ta' żmien u t-trattament inugwali għall-orfni adulti fir-rigward tal-aċċess ugwali għall-faċilitajiet soċjali, bħad-djar;

34.  Jagħraf ir-relazzjoni tajba li l-Albanija għandha mal-ġirien tagħha bħala kontribuzzjoni essenzjali għall-istabbiltà reġjonali u jilqa' t-tendenza reċenti pożittiva bejn l-Albanija u s-Serbja, flimkien mal-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiż f'inizjattivi reġjonali bħall-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa, il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Komunità tal-Enerġija u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Bank Ċentrali Ewropew (CEFTA), l-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa (SEETO) u n-negozjati għall-konklużjoni ta' Trattat li jwaqqaf il-Komunità tat-Trasport; jenfasizza li l-kooperazzjoni transkonfinali reġjonali hija essenzjali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħat-traffikar tal-persuni;

35.  Jinnota b'sodisfazzjoni l-inizjattivi tal-Albanija biex jitneħħew ir-rekwiżiti ta' viżi għall-pajjiżi ġirien, li jikkostitwixxu pass pożittiv li jiffaċilita l-kuntatti bejn il-popli u jtejjeb ir-rikonċiljazzjoni reġjonali; huwa tal-fehma li inizjattivi bħal dawn għandhom jittieħdu b'mod parallel għall-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viżi bl-involviment tal-pajjiżi fiż-żona ta' Schengen u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

36.  Jifraħ lill-Albanija dwar it-tkabbir ekonomiku tagħha matul riċessjoni ekonomika globali; jiġbed l-attenzjoni madankollu lejn l-ekonomija kbira informali tagħha, ir-rata għolja tal-qgħad u s-suq tax-xogħol mhux irregolat, li jwasslu għal inċertezza fl-impjiegi u jimminaw b'mod sostanzjali d-drittijiet tal-ħaddiema; jinnota d-dejn fiskali u pubbliku dejjem jogħla tal-Albanija;

37.  Jittama li l-istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) jista' jgħin sabiex titjieb is-sitwazzjoni ekonomika tal-Albanija; jinnota, madankollu, li l-programmi ta' finanzjament tal-IPA jridu jkunu akkumpanjati minn sistema effiċjenti ta' evalwazzjoni;

38.  Huwa tal-fehma li l-Albanija trid tkompli l-ħidma tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi neċessarji biex tiżgura tkabbir ekonomiku sostenibbli, protezzjoni ambjentali u ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza l-importanza li tinżamm l-istabilità makroekonomika;

39.  Jinnota li ftit li xejn sar progress f'termini ta' konsolidazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, u b'hekk jixxekkel l-iżvilupp ta' suq tal-proprjetà li jaħdem kif suppost; jirrimarka li l-proċess tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà, l-inventorju tal-art statali u l-kumpens possibbli għad ma fihomx trasparenza u għadhom iridu jiġu kkompletati b'mod ġust, mingħajr diskriminazzjoni kontra persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; jappella biex ikun hemm aktar sforzi fir-rigward tal-ewwel reġistrazzjoni tal-proprjetà, tar-radd lura tal-proprjetà, tal-leġiżlazzjoni tal-kostruzzjoni informali, u tal-kumpens;

40.  Jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet Albaniżi biex itejbu l-klima tan-negozju billi jissimplifikaw il-proċeduri biex jiġu rreġistrati negozji u biex jingħataw liċenzji u permessi; madankollu jenfasizza li jenħtieġ titjib ulterjuri minħabba li l-klima għan-negozju fl-Albanija għadha meqjusa bħala waħda mill-aktar diffiċli fil-Balkani tal-punent; jappella lill-awtoritajiet biex jiġu indirizzati għadd ta' nuqqasijiet, pereżempju b'rabta mal-proċeduri biex jinkisbu titoli fuq is-sjieda tal-art, l-infurzar tal-kuntratti, l-amministrazzjoni pubblika dgħajfa u l-livelli għolja ta' korruzzjoni;

41.  Meta wieħed iżomm f'moħħu li parti importanti tal-ekonomija tal-pajjiż hija bbażata fuq flus li jibagħtu l-emigranti li jgħixu fil-pajjiżi ġirien, jinkuraġġixxi lill-Albanija biex tkompli l-ħidma fuq politiki pubbliċi u investimenti biex tittejjeb l-infrastruttura fl-oqsma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-koeżjoni soċjali, inter alia fl-edukazzjoni, is-saħħa, il-ġustizzja, it-trasport u l-agrikoltura;

42.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, filwaqt li fl-istess ħin tittejjeb l-effiċjenza enerġetika; jiġbed attenzjoni partikolari lejn il-potenzjal konsiderevoli tal-Albanija fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u jitlob li jsiru iktar sforzi biex dan il-potenzjal jiġi żviluppat ulterjorment, filwaqt li jitqies li ħafna mill-istruttura tal-provvista tal-enerġija fil-pajjiż qed tiġi żviluppata bħalissa; jilqa, f'dan ir-rigward, il-proġetti ġodda fis-settur tal-enerġija idroelettrika u jappella biex ikun hemm aktar sforzi fir-rigward tal-iżvilupp ta' proġetti tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ; jirirmarka li l-investiment fl-enerġija minn sorsi rinnovabbli joħloq opportunitajiet għat-tkabbir u għall-impjiegi fuq livell lokali u reġjonali;

43.  Jenfasizza, fir-rigward tal-proġett imħabbar fl-2007 għall-kostruzzjoni ta' impjant tal-enerġija nukleari fl-Albanija, l-importanza fuq kollox tas-sikurezza nukleari u tal-protezzjoni mir-radjazzjoni; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-Albanija għadha ma ffirmatx il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Fjuwil Nukleari Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv;

44.  Iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż biex jiżviluppa sorsi tal-enerġija rinnovabbli, itejjeb l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-ġestjoni tal-iskart u jiżviluppa aktar it-turiżmu sostenibbli mil-lat ambjentali sabiex jippreserva l-wirt sabiħ naturali u arkitettoniku;

45.  Jesprimi tħassib dwar il-kundizzjonijiet miżeri tat-trasport pubbliku, partikolarment tal-ferroviji; jistieden lill-Gvern Albaniż sabiex jagħmel użu sħiħ mill-fondi IPA sabiex jiżviluppa, itejjeb u jimmodernizza n-netwerk tal-ferroviji u jtejjeb il-kollegamenti mal-pajjiżi ġara kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija;

46.  Jitlob għal aktar progress fil-protezzjoni ambjentali, kemm fiż-żoni urbani kif ukoll fil-kampanja, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali bil-għan li tiġi promossa s-sostenibilità ambjentali; għal dan il-għan, jilqa' l-ftehim dwar il-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli ta' Prespa Park li ffirmaw l-Albanija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja, flimkien mal-Kummissjoni;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.

(1) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 1.
(2) ĠU L 334, 19.12.2007, p. 84.


Is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
PDF 220kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
P7_TA(2010)0283RC-B7-0419/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgiżistan u l-Ażja Ċentrali, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Mejju 2005 u tas-6 ta' Mejju 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali(1),

–  wara li kkunsidra l-Programm tal-UE għall-Prevenzjoni ta' Kunflitti Vjolenti adottat mill-Kunsill Ewropew f'Göteborg fl-2001,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-kunflitti l-ġodda li seħħew fil-Kirgiżistan fil-11 ta' Ġunju 2010 u dwar ir-referendum kostituzzjonali tat-28 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan mill-Mibgħut Speċjali tal-President fil-kariga tal-OSKE, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Kirgiżistan tas-16 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Ażja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar il-Progress tal-14 ta' Ġunju 2010 mill-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni(PCA) bejn l-UE u l-Kirgiżistan li daħal fis-seħħ fl-1999,

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Strateġija Reġjonali tal-Komunità Ewropea għal Assistenza lill-Ażja Ċentrali għall-perjodu 2007-2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-11 ta' Ġunju 2010 faqqaw kunflitti vjolenti fil-bliet Kirgiżi tan-Nofsinhar ta' Osh u Jalal-Abad, li komplew jintensifikaw ruħhom sal-14 ta' Ġunju 2010, meta ġie rrapurtat li mijiet ta' rġiel armati attakkaw it-toroq tal-bliet, jisparaw fuq iċ-ċivili u jqabbdu l-ħwienet, waqt li l-objettivi tagħhom għażluhom skont l-etniċità,

B.  billi skont l-awtoritajiet Kirgiżi madwar 300 persuna mietu fil-ġlied iżda ntwera li hemm il-biża“, anki mill-kap tal-gvern interim Rosa Otunbayeva, li ċ-ċifra reali tista” tkun akbar; billi aktar minn 2000 persuna sfaw midruba jew kellhom jiddaħħlu l-isptar u għad fadal ħafna li huma neqsin,

C.  billi hu stmat li, minħabba l-vjolenza, 300 000 persuna ġew spostjati internament u 100 000 persuna fittxew kenn fl-Uzbekistan qariba; billi l-gvern ta' Tashkent ipprovda assistenza umanitarja lir-refuġjati bl-għajnuna ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, iżda għalaq il-fruntiera tiegħu mal-Kirgiżistan fl-14 ta' Ġunju 2010 waqt li semma' nuqqas ta' kapaċità biex jilqa' aktar nies,

D.  billi l-gvern interim iddikjara stat ta' emerġenza fiż-żona u l-forzi tas-sigurtà ma rnexxielhomx jikkontrollaw is-sitwazzjoni; billi l-appelli li l-president interim Roza Otunbayeva għamlet lill-President Russu Medvedev u lill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva għal appoġġ militari biex jerġa' jiġi instawrat l-ordni ġew irrifjutati; billi talba biex tintbagħat forza tal-pulizija internazzjonali fil-Kirgiżistan ġiet mgħoddija lill-OSKE u qed tiġi eżaminata minnha,

E.  billi l-UE għandha interess ċar f'Kirgiżistan li jgħix fil-paċi, fid-demokrazija u fil-prosperità ekonomika; billi l-UE impenjat ruħha, b'mod partikulari permezz tal-Istrateġija tagħha għall-Ażja Ċentrali, biex tkun sieħba tal-pajjiżi fir-reġjun; billi issa hemm bżonn urġenti ta' ħafna aktar involviment internazzjonali u r-rispons tal-UE se jkollu impatt fuq l-kredibilità tagħha bħala sieħba,

F.  billi l-Kummissjoni allokat 5 miljun euro biex tipprovdi għajnuna medika ta' emerġenza, għajnuna umanitarja, materjal mhux tal-ikel, protezzjoni u assistenza psikoloġika għall-persuni effettwati mill-kriżi; billi dan l-ammont għandu jitqabbel mal-appell urġentissimu tan-NU għal USD 71 miljun f'għajnuna ta' emerġenza,

G.  billi l-UE, permezz tal-Programm ta' Göteborg adottat fl-2001 u d-dokumenti sussegwenti, tirrikonoxxi l-importanza ta' prevenzjoni tal-kunflitt u billi s-sitwazzjoni attwali fil-Kirgiżistan titlob sabiex ir-raġunament teoretiku jissarraf f'azzjoni prattika,

H.  billi referendum li tmexxa taħt ċirkustanzi pjuttost paċifiċi fis-27 ta' Ġunju 2010 u b' rata ta' parteċipazzjoni għolja irriżulta fl-approvazzjoni ta' iktar minn 90% tal-votanti għal kostituzzjoni ġdida li tibbilanċja s-setgħat presidenzjali u s-setgħat parlamentari, għal konferma ta' Rosa Otunbayeva bħala president interim sal-31 ta' Diċembru 2011 u għax-xoljiment tal-Qorti Kostituzzjonali; billi l-elezzjonijiet parlamentari huma ppjanati għall-10 ta' Ottubru 2010,

I.  billi l-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali qed jiffaċċjaw għadd ta' sfidi komuni, bħall-faqar u theddidiet serji għas-sigurtà tal-bniedem, u l-bżonn li tissaħħaħ id-demokrazija, governanza tajba u l-istat tad-dritt; billi jeħtieġ li titrawwem u titjieb il-kooperazzjoni reġjonali sabiex jiġi żviluppat approċċ komuni għall-problemi u l-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun; billi l-protagonisti reġjonali u internazzjonali għandhom ifittxu approċċ iktar komuni għall-problemi u l-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun,

J.  billi l-UE dejjem għandha tirrispetta l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-ftehimiet tagħha ma' stati terzi, u tippromwovi riformi demokratiċi permezz ta' politiki koerenti u b'hekk iżżid il-kredibilità tagħha bħala protagonista fir-reġjun,

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kunflitti traġiċi u vjolenti li faqqgħu fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha;

2.  Jikkundanna l-vjolenza reċenti fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan; jiddeplora l-mewt ta' persuni u jesprimi t-tama li tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fil-Kirgiżistan, ibbażata fuq prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jistieden lill-gvern interim biex imexxi stħarriġ kredibbli, imparzjali u indipendenti fir-rigward tal-vjolenza, bil-possibilità ta' assistenza minn protagonisti internazzjonali, bl-għan li ssir ġustizzja minn min wettaq il-vjolenzi;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet interim biex jagħmel kull sforz biex jirritornaw għan-normalità u biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ir-refuġjati u l-persuni spostjati internament (IDPs) ikunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom fis-sikurezza u d-dinjità; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali biex jieħdu miżuri effettivi biex tinbena l-fiduċja u biex jinbeda djalogu ġenwin mal-komunitajiet etniċi kollha li jgħixu fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan bil-għan li jiġi żviluppat proċess ta' rikonċiljazzjoni kredibbli;

5.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tintensifika l-assistenza umanitarja b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u biex tniedi programmi ta' rikostruzzjoni fuq medda ta' żmien qasira u medja għad-djar meqruda, biex tintradd lura l-proprjetà mitlufa u għall-proġetti ta' riabilitazzjoni b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Kirgiżi u donaturi oħra, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għar-ritorn tar-refuġjati u tal-persuni spostjati internament; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-importanza tal-proġetti għall-iżvilupp lokali;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jsir sforz maġġuri internazzjonali biex tingħata assistenza għar-rikostruzzjoni, l-istabilizzazzjoni u r-rikonċiljazzjoni fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan, u għall-opportunità li toffri l-laqgħa tad-donaturi ppjanata li ssir f'Bishkek fis-27 ta' Lulju 2010 biex jitqegħdu l-pedamenti għal dan l-isforz;

7.  Jenfasizza li r-rispons umanitarju jrid ikun akkumpanjat minn sforzi sabiex is-sitwazzjoni tiġi stabbilizzata u jitnaqqas u jitwaqqaf ir-riskju konsiderevoli ta' vjolenza ġdida, li hija theddida wkoll għall-paċi u s-sigurtà f'partijiet oħra ta' Wied Ferghana, li huwa maqsum bejn l-Uzbekistan, il-Kirgiżistan u t-Taġikistan;

8.  Jitlob żieda sostanzjali fl-għajnuna umanitarja tal-UE lill-persuni effettwati mill-vjolenza reċenti fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan, kif ukoll biex isir użu komprensiv tal-Istrument għall-Istabilità;

9.  Jemmen li se jkun neċessarji livell ġdid ta' impenn tal-UE fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan, ukoll fuq medda twila ta' żmien; itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tħejji proposti għar-riallokazzjoni ta' fondi taħt l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, maħsub biex l-UE titqiegħed f'pożizzjoni aħjar biex tagħti rispons qawwi lis-sitwazzjoni l-ġdida fil-Kirgiżistan; iqis li iffokar fuq is-sigurtà tal-bniedem huwa essenzjali fil-politika tal-UE għall-Ażja Ċentrali;

10.  Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri biex jappoġġaw u jikkontribwixxu b'mod attiv għall-użu mgħaġġel tal-missjoni tal-pulizija tal-OSKE bl-għan li jiġi evitat it-tfaqqigħ ta' vjolenzi ġodda, tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni fil-bliet effettwati mill-kunflitti, jiġu protetti l-vittmi u l-iktar persuni vulnerabbli u jiġi ffaċilitat ir-ritorn tar-refuġjati u tal-persuni spostjati internament;

11.  Jieħu nota tal-imġiba pjuttost paċifika tar-referendum kostituzzjonali fil-Kirgiżistan fis-27 ta' Ġunju 2010; jenfasizza li r-ritorn għall-ordni kostituzzjonali u l-istat tal-liġi huma kruċjali għall-prospettiva ta' stabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiż fuq perjodu ta' żmien twil; jenfasizza li l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss (provviżorjament ippjanati għal Ottubru 2010) għandhom jagħtu l-bażi kostituzzjonali għal gvern li jgawdi kemm leġittimità qawwija kif ukoll appoġġ popolari wiesa“; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet biex jieħdu miżuri immedjati u deċiżi biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet sinifikattivi identifikati mill-OSKE / ODIHR qabel l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss; jistenna bil-ħerqa l-ħolqien ta' rabtiet interparlamentari b'saħħithom mal-Parlament futur tal-Kirgiżistan;

12.  Jesprimi tħassib fir-rigward ta' rapporti dwar arresti ta' xi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kirgiżistan u jitlob biex dawn jinħelsu minnufih; jistieden lill-awtoritajiet Kirgiżi biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jwettqu xogħlhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr xkiel;

13.  Jenfasizza l-interessi u r-responsabilitajiet komuni li għandhom il-Kirgiżistan, il-pajjiżi ġara tiegħu, ir-Russja, iċ-Ċina, l-UE, l-Istati Uniti, l-OSKE u l-bqija tal-komunità internazzjonali fir-rigward tal-prevenzjoni tad-destabilizzazzjoni, u jitlob biex il-protagonisti kollha involuti biex jidentifikaw sinerġiji;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diffikultajiet tal-proċess ta' demokratizzazzjoni fil-Kirgiżistan, li jidhru li ġejjin mill-pożizzjoni dgħajfa tal-gvern interim tal-Kirgiżistan u l-qawwa ta' netwerks kriminali fil-pajjiż, inkluż ta' traffikanti tad-droga fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan;

15.  Jemmen li l-ħolqien ta' sistema politika pluralista li tippermetti r-rappreżentanza ta' interessi differenti u l-arbitraġġ bejniethom huwa fundamentali sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet u jiġi evitat li tfaqqa' vjolenza ġdida u li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġaw attivament id-demokratizzazzjoni u jistinkaw biex inaqqsu d-distakk bejn l-attitudnijiet ta' protagonisti internazzjonali, sabiex itejbu l-prospetti għall-proċess ta' riforma fil-Kirgiżistan;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvern interim tal-Kirgiżistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-OSKE u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 49.


L-HIV/AIDS fil-perspettiva tat-XVIII-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS (Vjenna, 18-23 ta' Lulju 2010)
PDF 248kWORD 78k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għar-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS
P7_TA(2010)0284RC-B7-0412/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-XVIII-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS: “Right Here, Right Now” li ser tinżamm fi Vjenna bejn it-18 u t-23 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Impenn tan-NU dwar l-HIV/AIDS, “Kriżi Globali – Azzjoni Globali” adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta' Ġunju 2001, waqt is-26 Sessjoni Speċjali tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGASS) dwar l-HIV/AIDS tat-2 ta' Ġunju 2006 u d-dikjarazzjoni politika adottata f'dik il-laqgħa,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida Internazzjonali tal-UNAIDS dwar l-HIV/AIDS u d-Drittijiet tal-Bniedem ,tal-2006, imsejsa fuq it-Tieni Konsultazzjoni Internazzjonali dwar l-HIV/AIDS u d-Drittijiet tal-Bniedem, li saret f'Ġinevra bejn it-23 u l-25 ta' Settembru 1996 u t-Tielet Konsultazzjoni Internazzjonali dwar l-HIV/AIDS u d-Drittijiet tal-Bniedem, li saret f'Ġinevra bejn il-25 u s-26 ta' Lulju 2002,

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO, “Lejn Aċċess Universali: Inżidu l-Interventi ta' Prijorità dwar l-HIV/AIDS fis-Settur tas-Saħħa”,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Abuja tas-27 ta' April 2001 dwar l-HIV/AIDS, it-Tuberkulożi u Mard Infettiv Ieħor Relatat, il-Pożizzjoni Komuni tal-Afrika dwar il-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-UNGASS tal-2006 u l-Appell għal Azzjoni Aċċellerata lejn l-Aċċess Universali għas-Servizzi li jirrigwardaw l-HIV u l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja fl-Afrika, iffirmata f'Abuja fl-4 ta' Mejju 2006 mill-Unjoni Afrikana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-HIV/AIDS: Żmien ta' Azzjoni, tal-24 ta' April 2007 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, 2006-2009, u tal-20 ta' Novembru 2008 dwar l-HIV/AIDS: dijanjożi bikrija u kura bikrija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Progress fil-Programm Ewropew għal Azzjoni kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi permezz tal-Azzjoni Esterna (2007-2011), Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi tal-madwar” u l-istrateġija għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-UE u fil-pajjiżi tal-madwar 2009-2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-UNAIDS dwar l-Epidemija Dinjija tal-AIDS,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Riżultati tal-UNAIDS għall-perjodu 2009-2011,

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2010 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-progress li sar biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta' nofs it-terminu bi tħejjija għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU f'Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-għadd ta' persuni li għandhom l-HIV għadu qed jikber, b'madwar 33.4 miljun ruħ li għandhom l-HIV fid-dinja u, billi fatt partikolarment inkwetanti huwa t-2.7 miljun ruħ li ġew infettati fl-2008, li jfisser li l-HIV/AIDS tikkostitwixxi emerġenza dinjija li tirrikjedi reazzjoni dinjija straordinarja u komprensiva,

B.  billi l-HIV/AIDS għadha waħda mill-kawżi ewlenin ta' mewt fid-dinja, u kienet il-kawża tal-mewt ta' 2 miljun ruħ fl-2008, u huwa mistenni li tibqa' kawża dinjija sinifikanti ta' mortalità prematura fid-deċennji li ġejjin,

C.  billi, sal-aħħar tal-2009, hu stmat li 5 miljun ruħ f'pajjiżi bi dħul ta' livell baxx jew medju kienu qegħdin jirċievu terapija antiretrovirali – li jfisser żieda ta' għaxar darbiet fuq ħames snin u żieda f'daqqa bla preċedent fl-istorja tas-saħħa pubblika,

D.  billi n-numru ta' infezzjonjiet ġodda għadu jiżboq l-espansjoni tat-trattament, u madwar żewġ terzi tan-nies fi bżonn ta' trattament fl-2009 għad mhumiex qegħdin jirċevuh, li jfisser li 10 miljun ruħ fil-bżonn ma kellhomx aċċess għat-trattament effettiv meħtieġ,

E.  billi l-Africa sub-Saħarjana, bi 22.4 miljun ruħ li għandhom l-HIV/AIDS, għadha l-aktar reġjun milqut ħażin, b'71 % tat-total ta' infezzjonijiet ġodda bl-HIV/AIDS fl-2008,

F.  billi hemm evidenza qawwija li turi li l-miżuri ta' prevenzjoni tal-HIV/AIDS huma mezz effettiv għat-tnaqqis ta' infezzjonijiet ġodda,

G.  billi hemm differenza kbira fil-programmazzjoni fir-rigward tal-involviment ta' persuni li għandhom l-HIV/AIDS fl-isforzi ta' prevenzjoni – partikolarment dawk maħsuba għall-persuni li għandhom l-HIV/AIDS - u fl-isforzi biex jitnaqqsu l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni,

H.  billi n-nisa u t-tfajliet għadhom jiġu affettwati sproporzjonatament mill-HIV/AIDS, u n-nisa jirrappreżentaw madwar 60 % tal-infezzjonijiet bl-HIV/AIDS fl-Afrika sub-Saħarjana u l-HIV/AIDS għadha l-kawża ewlenija ta' mewt u mard fin-nisa fl-età riproduttiva,

I.  billi l-għażliet attwali rigward il-prevenzjoni tal-HIV mhumiex effettivi biżżejjed biex jipproteġu lin-nisa, u metodi ta' prevenzjoni bħall-kondoms u l-astinenza mhumiex għażliet realistiċi għal ħafna nisa, speċjalment għan-nisa miżżewġin, li jrid ikollhom it-tfal jew li jkunu f'riskju ta' vjolenza sesswali, u billi tilqima jew mikrobiċida sikuri u effikaċi jistgħu jagħtu lin-nisa għodda ġdida b'saħħitha biex jipproteġu lilhom infushom mill-HIV bla ma tiġi limitata l-għażla riproduttiva,

J.  billi hemm evidenza li kulma jmur qed tiżdied ta' livelli ogħla ta' infezzjonijiet u riskju fost popolazzjonijiet ewlenin, inklużi l-ħaddiema sesswali, l-irġiel li jkollhom x'jaqsmu sesswalment ma' rġiel oħra, il-persuni transgender, il-priġunieri, dawk li jinjettaw id-droga, il-popolazzjonijiet migranti, ir-refuġjati u l-ħaddiema mobbli kważi fir-reġjuni kollha, u anke f'pajjiżi b'epidemiji ġeneralizzati, u l-programmi ta' prevenzjoni tal-HIV/AIDS għal dawk il-popolazzjonijiet spiss ma jingħatawx biżżejjed prijorità u finanzjament,

K.  billi, minħabba l-istigma assoċjata mal-HIV/AIDS, madwar 30 % tan-nies fl-UE li huma infettati mhumiex konxji li huma pożittivi għall-HIV/AIDS, u l-istudji jissuġġerixxu li l-infezzjoni mingħajr dijanjożi tiffaċilità t-trażmissjoni kontinwa tal-HIV/AIDS u tkabbar is-suxxettibilità għal mortalità bikrija fost in-nies li għandhom l-HIV/AIDS,

L.  billi, skont ir-rapport 2009 tad-WHO, “Lejn Aċċess Universali Aħjar: Inżidu l-Interventi ta' Prijorità dwar l-HIV/AIDS fis-Settur tas-Saħħa”, huwa stmat li l-livell ta' kopertura b'mediċini antiretrovirali huwa biss 23 % fl-Ewropea u fl-Asja Ċentrali, livell li jitqies bħala baxx ħafna, meta titqies is-sitwazzjoni fir-Russja u fl-Ukraina,

M.  billi l-imġiba omosesswali għadha stigmatizzata bil-qawwa, l-aktar fl-Afrika sub-Saħarjana, fejn 31 pajjiż jikkriminalizzaw l-attività omosesswali bejn adulti konsenswali, erba' pajjiżi jikkundannawha permezz tal-piena kapitali, u oħrajn għandhom pieni kriminali ta' aktar minn 10 snin ħabs, u din l-istigmatizzazzjoni xxekkel il-ħidma preventiva kontra l-HIV/AIDS,

N.  billi f'ħafna pajjiżi l-kriminalizzazzjoni ta' dawk li jużaw id-drogi illegali twaqqafhom milli jaċċedu għall-prevenzjoni tal-HIV/AIDS, it-trattament, il-kura u l-appoġġ, u għandha l-effett li żżid it-trażmissjoni tal-HIV/AIDS permezz tal-użu ta' drogi li jiġu injettati,

O.  billi 106 pajjiż jirraportaw li għad għandhom liġijiet u politiki li jostakolaw b'mod sinifikanti r-reazzjonijiet effettivi kontra l-HIV/AIDS,

P.  billi huwa stmat li fl-2008, 17.5 miljun tifel u tifla tilfu ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma minħabba l-HIV/AIDS – bil-maġġoranza l-kbira ta' dawn it-tfal jgħixu fl-Afrika sub-Saħarjana – u dawn it-tfal spiss ibatu minn stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni u jistgħu jiġu miċħuda l-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni u l-kenn, filwaqt li jiżdied ukoll il-livell ta' vulnerabbiltà tagħhom għall-infezzjoni bl-HIV/AIDS,

Q.  billi r-relazzjoni bejn l-HIV/AIDS u d-diżabbiltà ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed, għalkemm instab li l-persuni b'diżabbiltajiet jinstabu fil-popolazzjonijiet ewlenin kollha li għandhom riskju ogħla ta' esponiment għall-HIV/AIDS, u jaffaċċjaw żvantaġġi fir-rigward tal-aċċess għal servizzi ta' prevenzjoni, trattament u kura,

R.  billi approċċ bbażat fuq id-drittijiet b'reazzjoni għall-HIV/AIDS huwa kruċjali fl-isforzi biex l-epidemija tintemm,

1.  Jafferma mill-ġdid li l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa parti mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u li l-gvernijiet għandhom id-dmir li jissodisfaw l-obbligu tagħhom billi jipprovdu servizz tas-saħħa pubblika lil kulħadd;

2.  Iqis, fl-istess ħin, li l-UE trid tagħti prijorità għolja lill-ħarsien u l-promozzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, fosthom dawk li jiffokaw l-azzjoni tagħhom l-aktar fuq l-edukazzjoni ta-komunitajiet dwar l-HIV/AIDS; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tiżgura li l-azzjonijiet u l-miżuri prattiċi kollha previsti fil-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem jiġu implimentati kif xieraq fir-rigward tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tal-HIV/AIDS;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw l-impenji tagħhom u jżidu l-isforzi tagħhom biex l-HIV/AIDS titqies bħala prijorità għas-saħħa pubblika dinjija bl-għoti ta' prominenza lid-drittijiet tal-bniedem fil-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS, anke fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-UE;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu d-dekriminalizzazzjoni tat-trażmissjoni u l-espożizzjoni(1) għall-HIV/AIDS fl-isforzi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-UE, fosthom billi jitħeġġeġ r-rikonoxximent tal-HIV/AIDS bħala diżabilità għal raġunijiet ta' leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja attwali u futura;

5.  Jistieden lill-Istati Baltiċi, ir-Russja u l-Ukraina biex idaħħlu fis-seħħ politiki li jiġġieldu vigorożament kontra l-HIV/AIDS fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu l-aħjar politiki u prattiki fid-djalogu politiku fil-livell dinji u nazzjonali dwar ir-reazzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet għall-HIV/AIDS:

   billi jiżguraw il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem– inklużi d-drittijiet ta' saħħa sesswali u riproduttiva(2) – tal-persuni li għandhom l-HIV/AIDS u tal-popolazzjonijiet oħrajn ewlenin,
   billi jindirizzaw l-ostakoli ekonomiċi, legali, soċjali u tekniċi ewlenin, kif ukoll il-liġijiet u prattiki punittivi, li jxekklu r-reazzjonijiet effettivi kontra l-HIV, b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjonijiet ewlenin,
   billi jappoġġjaw ir-reviżjoni u l-emendar tal-leġiżlazzjonijiet li jostakolaw il-programmi u s-servizzi għall-HIV/AIDS, ibbażati fuq l-evidenza, b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjonijiet ewlenin,
   billi jiġġieldu kontra kull leġiżlazzjoni jew deċiżjoni li tikkriminalizza t-trażmissjoni tal-HIV mingħajr intenzjoni, jew li ssaħħaħ id-diskriminazzjoni kontra n-nies li għandhom l-HIV/AIDS u billi jikkundannaw u jieħdu azzjoni kontra l-ostakli legali li jxekklu l-miżuri effettivi kontra l-HIV għan-nisa u t-tfajliet, bħal-liġijiet u politiki ta' saħħa sesswali u riproduttiva, liġijiet ta' wirt u proprjetà, liġijiet ta' żwieġ ta' minorenni, eċċ.,
   billi jqiegħdu id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tad-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' finanzjament għal reazzjonijiet għall-HIV/AIDS fl-UE u barra l-UE,
   b'ipprogrammar immirat dwar l-HIV/AIDS għall-persuni li għandhom l-HIV/AIDS u għall-popolazzjonijiet oħrajn ewlenin u mmirati għat-tisħiħ tal-inividwi u l-komunitajiet biex iwieġbu għall-HIV/AIDS, għat-tnaqqis tar-riskju u tal-vulnerabilità għall-infezzjoni mill-HIV/AIDS u għall-mitigazzjoni tal-impatt negattiv tal-HIV/AIDS,
   billi jiffaċilitaw u jippromwovu l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-popolazzjonijiet ewlenin fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-ipprogrammar ta' appoġġ, u billi jnaqqsu l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni,
   billi jiffaċilitaw l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa, kemm jekk fir-rigward tal-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS jew għal dispożizzjonijiet mediċi oħrajn li mhux relatati mal-HIV/AIDS,
   billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg għall-persuni li għandhom l-HIV/AIDS u għal popolazzjonijiet oħrajn ewlenin,
   billi jiżguraw li l-monitoraġġ tal-progress fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fil-ġejjieni jinkludi indikaturi li jindirizzaw u jivvalutaw b'mod dirett il-kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-HIV/AIDS,
   billi jirrispettaw il-prinċipju tat-3C (kunsens infurmat, kunfidenzjalità u konsulenza) fl-ittestjar tal-HIV/AIDS u f'servizzi oħrajn relatati mal-HIV/AIDS,
   billi jiġġieldu kontra l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni ta' nies li għandhom l-HIV/AIDS u ta' popolazzjonijiet oħrajn ewlenin u billi jipproteġu d-drittijiet tagħhom għas-sikurezza u l-protezzjoni mill-abbuż u mill-vjolenza,
   billi jippromwovu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni akbar tan-nies li għandhom l-HIV/AIDS u tal-popolazzjonijiet oħrajn ewlenin fir-reazzjonijiet għall-HIV/AIDS,
   billi joffru informazzjoni oġġettiva u imparzjali dwar il-marda,
   billi jagħtu s-setgħa, il-ħiliet, l-għarfien u r-riżorsi lin-nies biex jipproteġu lilhom infushom mill-HIV/AIDS;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nisa fil-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-HIV/AIDS bħala miżura essenzjali għat-trażżin tal-epidemija, b'mod partikolari bl-espansjoni tal-aċċess għall-programmi ta' kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, bl-ittestjar għall-HIV/AIDS, bl-integrazzjoni sħiħa tas-servizzi ta' konsulenza u prevenzjoni, u billi jitreġġgħu lura l-fatturi soċjoekonomiċi sottostanti li jikkontribwixxu għar-riskju tan-nisa għall-HIV/AIDS, bħall-inugwaljanza tal-ġeneru, il-faqar, in-nuqqas ta' opportunità ekonomika u ta' edukazzjoni, u n-nuqqas ta' protezzjoni legali u tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament ġust u flessibbli għar-riċerka f'teknoloġiji preventivi ġodda, inklużi l-vaċċini u l-mikrobiċidi;

9.  Jesprimi tħassib serju għall-fatt li nofs l-infezzjonijiet tal-HIV l-ġodda jseħħu fit-tfal u ż-żgħażagħ; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS u biex jiżguraw li dawn ikollhom aċċess għas-servizzi tal-HIV/AIDS, b'mod partikolari d-dijanjożi bikrija tat-tfal ta' età żgħira, formulazzjonijiet xierqa u li jistgħu jaffordjaw ta' antiretrovirali, appoġġ psikosoċjali, protezzjoni soċjali u protezzjoni legali;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabilità fir-reazzjoni għall-HIV/AIDS u jinkludu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom fil-pjanijiet u l-politiki strateġiċi nazzjonali għall-HIV/AIDS, u jiżguraw li jkollhom aċċess għas-servizzi ta' HIV/AIDS imfasslin skont il-bżonnijiet u li huma ekwivalenti għal servizzi oħrajn disponibbli għall-komunitajiet l-oħra;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġjaw programmi ta' tnaqqis ta' ħsara għall-priġunieri u għal dawk jużaw id-drogi li jiġu injettati;

12.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħeġġu lill-pajjiżi milquta l-aktar bl-HIV u bl-AIDS biex jistabbilixxu oqfsa politiċi dwar l-HIV li jkunu koordinati, trasparenti u bbażati fuq ir-responsabbiltà, u li jiggarantixxu l-aċċessibilità u l-effikaċja tal-miżuri marbuta mal-HIV għall-prevenzjoni u l-kura; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-gvernijiet nazzjonali u tinkludi lis-soċjetà ċivili biex tindirizza l-kopertura baxxa tal-programmi għat-tnaqqis tal-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni u biex tkabbar l-aċċess għall-ġustizzja fir-reazzjonijiet nazzjonali għall-HIV/AIDS;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu flimkien mal-UNAIDS u ma' msieħba oħrajn biex itejbu l-indikaturi għall-kejl tal-progress u l-qsim tal-għarfien f'livell dinji, nazzjonali u programmatiku biex jitnaqqsu l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni marbutin mal-HIV/AIDS, inklużi l-indikaturi speċifiċi għal popolazzjonijiet ewlenin u kwistjonijiet dwar drittijiet tal-bniedem marbuta mal-HIV u mekkaniżmi ta' protezzjoni f'livell internazzjonali;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jappoġġjaw il-ħidma tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-HIV li twaqqfet reċentement u l-Liġi li tiżgura li l-leġiżlazzjoni taħdem għal reazzjoni effettiva għall-HIV/AIDS;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali biex tiġbor aktar evidenza dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni li għandhom l-HIV/AIDS u ta' popolazzjonijiet oħrajn ewlenin fl-Ewropa, b'kunsiderazzjoni speċjali tal-vulnerabilità tagħhom għal diskriminazzjoni multipla u intersettorjali;

16.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex jallokaw tal-inqas 20 % tan-nefqa totali għall-iżvilupp għas-saħħa bażika u għall-edukazzjoni, biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja, u biex iżidu l-iffinanzjar tagħhom ta' programmi oħra maħsuba biex isaħħu s-sistemi tas-saħħa u s-sistemi tal-Komunità; jistieden ukoll, lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex b'mod ġenerali, jagħtu prijorità lill-infiq għas-saħħa u b'mod partikolari lill-ġlieda kontra l-HIV/AIDS; u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi inċentivi lill-pajjiżi msieħba biex tħeġġeġ l-għoti ta' prijorità lis-saħħa bħala settur ewlieni fil-Karti ta' Strateġija tal-Pajjiż;

17.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni jsibu rimedju għat-tnaqqis allarmanti fil-finanzjament tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u biex jappoġġjaw politiki dwar it-trattament ta' infezzjonijiet trażmessi b'mod sesswali u l-forniment ta' provvisti tas-saħħa riproduttiva li jikkonsistu f'mediċini li jsalvaw il-ħajja u kontraċettivi, inklużi l-kondoms;

18.  Jistieden lill-UE biex tkompli il-ħidma tagħha b'taħlita ta' strumenti finanzjarji fil-livelli globali u nazzjonali flimkien ma' appoġġ baġitarju u permezz ta' organizzazzjonijiet u mekkaniżmi partikolari li kienu ta' suċċess fl-indirizzar tad-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-HIV/AIDS, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet bbażati fuq il-komunità;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jimplimentaw leġiżlazzjoni li twassal għal mediċini effikaċi kontra l-HIV għall–but ta' kulħadd, inklużi mediċini antiretrovirali u mediċini, dijanjostika u teknoloġiji relatati oħra sikuri u effikaċi, għat-trattament preventiv, kurattiv u paljattiv tal-HIV u ta' infezzjonijiet opportunistiċi u kundizzjonijiet relatati;

20.  Jikkritika l-ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali li jinkludu dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-Ftehim TRIPS tad-WTO (“TRIPS-plus”) u li fil-fatt jostakolaw jekk mhux de facto jirrestrinġu s-salvagwardji stabbiliti mid-Dikjarazzjoni ta' Doha sabiex tkun żgurata l-prijorità tas-saħħa fuq l-interessi kummerċjali; jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà ta' dawk il-pajjiżi li jqiegħdu pressjoni fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiffirmaw tali ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

21.  Jisħaq li l-ħruġ obbligatorju ta' liċenzji u prezzijiet differenzjali ma solvewx il-problema għalkollox, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi soluzzjonijiet ġodda biex ikun żgurat aċċess ġenwin għat-trattamenti tal-HIV/AIDS bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd;

22.  Jirrakkomanda l-adozzjoni tat-Toolkit to Promote and Protect the Enjoyment of all Human Rights by Lesbian, Gay, Bisexual and Transgender People maħruġ mill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom;

23.  Jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet tal-UE li skont it-termini ta' referenza tagħhom, iħejju r-rapporti annwali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, biex jinkludu f'dawn ir-rapporti attenzjoni partikolari fuq drittijiet tal-bniedem relatati mal-HIV, b'tali mod li tingħata vuċi lill-persuni li għandhom l-HIV u lil dawk li huma vulnerabbli għall-infezzjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtennu l-appoġġ tagħhom għall-Paragrafu 16 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Azzjoni ta' Novembru 2009: biex iniedu proċess konsultattiv wiesa' ma' Stati Membri u ma' parteċipanti interessati għat-tħejjija ta' Programm ta' Azzjoni Ewropew għall-Ġlieda Kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi permezz ta' Azzjoni Esterna għall-2012 u “l quddiem; u biex jagħtu spinta lill-ħolqien ta' Skwadri għall-Azzjoni tal-UE bħala mezz għal azzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri f'oqsma prijoritarji stabbiliti;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Programm Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-HIV/AIDS, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u lill-organizzaturi tat-XVIII-il Konferenza Internazzjali dwar l-AIDS.

(1) Skont it-Taqsira Politika tal-UNAIDS dwar il-Kriminalizzazzjoni tat-Trażmissjoni tal-HIV, il-gvernijiet għandhom jillimitaw il-kriminalizzazzjoni għal każijiet ta' trażmissjoni b'intenzjoni, jiġifieri meta persuna tkun konxja mill-pożittività għall-HIV tagħha u taġixxi bl-intenzjoni li tittrażmetti l-HIV, u fil-fatt tittrażmettiha.
(2) Il-promozzjoni u l-indirizzar tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet ta' persuni li jgħixu bl- HIV/AIDS huwa element ċentrali f'approċċ għall-HIV ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem. Tali approċċ għandu jirrifletti d-dritt tal-persuni li jgħixu bl-HIV/AIDS li jkollhom ħajja sesswali sħiħa u sodisfaċenti, u jirrispetta l-għażliet ta' fertilita' u x-xewqat tal-persuni li huma pożittivi għall-HIV.


Id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-Tip Cluster (CCM) fl-1 ta' Awwissu 2010 u rrwol tal-UE
PDF 214kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) u r-rwol tal-UE
P7_TA(2010)0285RC-B7-0413/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) adottata minn 107 pajjiżi fil-konferenza diplomatika li saret f'Dublin mid-19 sat-30 ta' Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra l-messaġġ tat-30 ta' Mejju 2008 mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li fih ħeġġeġ “lill-Istati biex jiffirmaw u jirratifikaw din il-ftehima importanti mingħajr dewmien” u stqarr li jistenna bil-ħerqa “d-dħul fis-seħħ tiegħu fi żmien qasir”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea fil-kuntest tal-ESDP(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-CCM ilha miftuħa għall-iffirmar mit-3 ta' Diċembru 2008, l-ewwel f'Oslo u sussegwentement fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York, u billi se tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara t-tletin ratifika, jiġifieri fl-1 ta' Awwissu 2010,

B.  billi s-CCM tiddefinixxi l-munizzjonijiet tat-tferrix bħala munizzjonijiet maħsuba biex iferrxu jew jirrilaxxaw sottomunizzjonijiet splussivi, kull waħda tiżen anqas minn 20 kilogramma, u tinkludi dawk is-sottomunizzjonijiet splussivi,

C.  billi s-CCM se tipprojbixxi l-użu, il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasferiment tal-munizzjonijiet ta' tferrix bħala kategorija ta' armi,

D.  billi s-CCM se tesiġi li l-Istati kontraenti jeqirdu ħażniet ta' munizzjonijiet ta' dan it-tip,

E.  billi s-CCM se tistabbilixxi standard umanitarju ġdid għall-assistenza tal-vittmi u tobbliga lill-Istati kkonċernati biex inaddfu l-fdalijiet mhux sploduti tal-munizzjonijiet ta' tferrix li tħallew wara l-kunflitti,

F.  billi l-munizzjonijiet ta' tferrix jirrappreżentaw riskju serju għaċ-ċivili meta jintużaw madwar żoni popolati minħabba li jinfirxu letalment fuq medda kbira, u billi fil-kuntesti ta' wara l-kunflitti l-użu ta' dawn il-munizzjonijiet ikkawża bosta korrimenti u mwiet traġiċi fost iċ-ċivili, ġaladarba s-sottomunizzjonijiet mhux sploduti li jitħallew spiss isibuhom it-tfal u nies innoċenti oħra li ma jkunux konxji mill-periklu,

G.  billi sal-lum 20 Stat Membru tal-UE ffirmaw, 11 irratifikaw, u sebgħa la ffirmaw u lanqas irratifikaw is-CCM,

H.  billi wara d-dħul fis-seħħ tas-CCM fl-1 taAwwissu 2010 l-proċess tal-adeżjoni mal-konvenzjoni se jsir aktar esiġenti minħabba li l-Istati se jkun jeħtiġilhom jaderixxu mal-Konvenzjoni fi proċess ta' pass uniku,

I.  billi l-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, inizjattivi interparlamentari u għadd enormi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kien deċiżiv biex ikkonkluda b'suċċess il-“Proċess ta' Oslo” li rriżulta fis-CCM,

J.  billi l-iffirmar u r-ratifika tas-CCM mis-27 Stat Membru tal-UE kollha qabel id-dħul fis-seħħ tagħha fl-1 ta' Awwissu 2010 jkunu jirrappreżentaw sinjal politiku qawwi favur dinja ħielsa mill-munizzjonijiet ta' tferrix u l-objettivi tal-UE fir-rigward tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi li joqtlu b'mod indiskriminat,

1.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) fl-1 ta' Awwissu 2010;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE u lill-pajjiżi kandidati biex jiffirmaw u jirratifikaw is-CCM bħala kwistjoni ta' urġenza, preferibbilment qabel l-1 ta' Awwissu 2010, inklużi l-Istati mhux firmatarji li huma l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Istati li ffirmaw iżda li għadhom ma rratifikawx jiġifieri l-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u l-Isvezja;

3.  Ifaħħar l-Istati kollha li ffirmaw u rratifikaw is-CCM u wkoll adottaw moratorju fuq l-użu, il-produzzjoni u t-trasferiment tal-munizzjonijiet ta' tferrix u kkompletaw il-qerda tal-ħażniet tagħhom ta' munizzjonijiet ta' dan it-tip;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li ffirmaw il-Konvenzjoni dwar is-CCM biex jieħdu kull opportunità jħeġġu Stati li mhumiex partijiet fis-CCM biex jiffirmaw u jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni mill-aktar fis possibbli, inkluż permezz ta' laqgħat bilaterali, djalogu bejn is-servizzi militari u fora multilaterali, u biex, bi qbil mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 21 tas-CCM, jagħmlu ħilithom kollha ħalli jiskoraġġixxu lil Stati li mhumiex partijiet fil-Konvenzjoni milli jużaw munizzjonijiet ta' tferrix;

5.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex ma jieħdu l-ebda azzjoni li tista' ddur mas-CCM u d-dispożizzjonijiet tagħha jew tipperikolahom; isejjaħ, b'mod partikolari, lill-Istati Membri kollha tal-UE biex la jadottaw, la japprovaw jew lanqas sussegwentement jirratifikaw kwalunkwe protokoll possibbli għal Konvenzjoni dwar l-Armi Konvenzjonali (CCW) li jippermetti l-użu ta' munizzjonijiet ta' tferrix li ma jkunx kompatibbli mal-projbizzjoni ta' dan it-tip ta' munizzjon skont l-Artikoli 1 u 2 tas-CCM; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE biex jaġixxu skont dan fil-laqgħa li jmiss tas-CCW mit-30 ta' Awwissu sat-3 ta' Settembru 2010 f'Ġinevra;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li għad mhumiex parti fis-CCM biex jieħdu passi fl-istennija tal-adeżjoni, inkluż li jadottaw moratorju fuq l-użu, il-produzzjoni u t-trasferiment tal-munizzjonijiet ta' tferrix u li jibdew b'urġenza jeqirdu l-ħażniet ta' munizzjonijiet ta' tferrix;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex jipparteċipaw fl-Ewwel Laqgħa tal-Istati Partijiet (1MSP) li ġejja li għandha ssir bejn it-8 u t-12 ta' Novembru 2010 fi Vientiane, Laos, il-pajjiż l-aktar kontaminat bil-munizzjonijiet ta' tferrix fid-dinja;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu passi ħalli jibdew jimplimentaw il-Konvenzjoni inkluż billi jeqirdu l-ħażniet, iwettqu t-tindif u jipprovdu għajnuna lill-vittmi, u biex jikkontribwixxu għall-finanzjament jew għal forom differenti ta' assistenza lil Stati oħrajn biex jimplimentaw il-Konvenzjoni;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li ffirmaw il-Konvenzjoni biex jgħaddu leġiżlazzjoni li timplimentaha fil-livell nazzjonali;

10.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tagħmel kull sforz ħalli tilħaq l-adeżjoni tal-Unjoni mas-CCM, li hija possibbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u, barra minn hekk, biex tiżviluppa strateġija għall-ewwel konferenza ta' reviżjoni fil-forma ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar pożizzjoni komuni;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkludu l-projbizzjoni tal-munizzjonijiet ta' tferrix bħala klawsola standard fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, flimkien mal-klawsola standard dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa;

12.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex il-ġlieda kontra l-munizzjonijiet ta' tferrix jagħmluha parti integrali fil-programmi Komunitarji ta' għajnuna esterna biex jirfdu lil pajjiżi terzi fil-qerda tal-ħażniet u fl-għoti ta' assistenza umanitarja;

13.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ħalli ma jħallux li pajjiżi terzi jipprovdu munizzjonijiet ta' tferrix lil atturi mhux statali;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ikunu trasparenti dwar l-isforzi li jagħmlu b'risposta għal din ir-riżoluzzjoni u biex jirrappurtaw pubblikament dwar l-attivitajiet tagħhom taħt il-Konvenzjoni;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi kandidati, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet ta' Tferrix.

(1) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 61.
(2) Test adottati, P7_TA(2010)0061.


Il-futur tal-PAK wara l-2013
PDF 499kWORD 176k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013 (2009/2236(INI))
P7_TA(2010)0286A7-0204/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra it-Tielet Parti, t-Titolu III, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' L-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu dwar “L-iskema ta' Pagament Uniku wara l-2013: Approċċ Ġdid, Objettivi Ġodda”,

–  wara li kkunsidra r-Rapport IAASTD (Evalwazzjoni Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija Agrikola għall-Iżvilupp) imfassal mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u l-Bank Dinji u ffirmat minn 58 pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Prospects for agricultural markets and income 2008-2015”,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni “The CAP in perspective: from market intervention to policy innovation”,

–  wara li kkunsidra l-istudju “Provision of public goods through agriculture in the European Union” mill-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147), kif ukoll id-dokument ta' ħidma tal-istaff bl-isem “L-adattament għat-tibdil fil-klima: l-isfida għall-agrikoltura u għaż-żoni rurali Ewropej” (SEC(2009)0417) u “Ir-rwol tal-agrikoltura Ewropea fit-taffija tat-tibdil fil-klima” (The role of European agriculture in climate change mitigation) (SEC(2009)1093),

–  wara li kkunsidra l-istudju “Ir-riforma tal-PAK lil hinn mill-2013: Idea għal viżjoni fil-bogħod” immexxi minn Notre Europe,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar l-integrazzjoni tal-Istati Membri l-Ġodda fil-PAK(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-agrikoltura tal-UE u t-tibdil fil-klima(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: liema strateġija għandna nsegwu?(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0204/2010),

A.  billi l-UE jeħtieġ li tkompli tassigura s-sikurezza tal-ikel għaċ-ċittadini tagħha u tipparteċipa fil-provvista globali tal-ikel filwaqt li tikkoopera aħjar u b'mod aktar koerenti mal-bqija tad-dinja, speċjalment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li tgħin fl-iżvilupp fit-tul tas-setturi agrikoli tagħhom b'mod sostenibbli li jimmassimizza l-għarfien espert lokali, billi fis-sitwazzjoni attwali fejn in-numru globali ta' nies bil-ġuħ issa jaqbeż il-biljun ruħ u fl-Unjoni Ewropea hemm “il fuq minn 40 miljun nies foqra li m'għandhomx biżżejjed x'jieklu, l-iżviluppi xjentifiċi għandhom jintużaw jekk jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet xierqa biex itaffu l-ġuħ tad-dinja, l-aktar permezz ta' effiċjenza aħjar tar-riżorsi,

B.  billi, skont il-FAO, id-domanda globali għall-ikel hija mistennija li tirdoppja u l-popolazzjoni dinjija tikber minn 7 biljuni llum għal 9 biljuni sal-2050, u l-produzzjoni dinjija tal-ikel jeħtieġ li tiżdied konsegwentement fl-isfond tal-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, li jfisser li d-dinja se jkun jeħtiġilha tipproduċi aktar ikel filwaqt li tuża anqas ilma, anqas art, anqas enerġija, anqas fertilizzanti u anqas pestiċidi,

C.  billi l-objettivi tal-PAK, kif elenkati fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE), għandhom l-għan li tiżdied il-produttività agrikola, jiġi ggarantit livell ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, jiġu stabbilizzati s-swieq, tiġi garantita d-disponibilità tal-provvisti, u li jkun żgurat li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; billi, s'issa, il-PAK fil-parti l-kbira laħqet l-għanijiet tagħha, u pparteċipat fl-isforzi biex trawwem l-integrazzjoni tal-UE, il-koeżjoni territorjali fl-Ewropa u l-funzjonament tas-Suq Uniku; madankollu, huwa biss b'mod parzjali li kkontribwixxiet għal livell ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, u għadu ma rnexxielhiex twettaq l-istabbilizzazzjoni tas-suq, peress li s-swieq saru estremament vulnerabbli, u b'hekk is-sigurtà tal-ikel qed titqiegħed f'riskju; billi, biex il-PAK twettaq sal-aħħar l-għanijiet tagħha, filwaqt li tippreserva l-ambjent u l-impjiegi rurali, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi,

D.  billi l-agrikoltura u s-silvikultura jibqgħu setturi importanti għall-ekonomija u fl-istess ħin jipprovdu prodotti essenzjali lill-pubbliku billi jieħdu ħsieb riżorsi naturali u pajsaġġi kulturali, li hija prekondizzjoni għall-attivitajiet kollha tal-bniedem f'żoni rurali, billi dawn is-setturi diġà qed jagħmlu l-akbar kontribut fl-UE biex jintlaħqu l-objettivi Ewropej fir-rigward tal-klima u tal-enerġija, b'mod partikolari l-objettivi għall-enerġiji rinnovabbli mill-bijomassa li ġejja mill-agrikoltura u mis-silvikultura, billi dan il-kontribut irid ikompli jikber fil-ġejjieni, u billi dawn is-sorsi tal-bijoenerġija jgħinu wkoll biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija u, fil-kuntest tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew, jgħinu biex jinħolqu impjiegi ġodda u biex jittejjeb id-dħul tas-settur,

E.  billi ċ-ċittadini tal-UE jirċievu benefiċċji konsiderevoli mill-PAK f'termini ta' disponibilità u għażla ta' ikel sikur u ta' kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli, sigurtà tal-ikel, protezzjoni tal-ambjent, ħolqien ta' impjiegi u miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima,

F.  billi bħalissa hemm 13.6 miljun ruħ impjegati direttament fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd, b'5 miljun ruħ oħra jaħdmu fl-industrija tal-ikel agrikolu, fejn l-UE hija l-akbar produttur tal-ikel u x-xorb fid-dinja; billi dan jirrappreżenta 8.6% tal-impjiegi kollha tal-UE u jirrappreżenta 4% tal-PGD tal-UE,

G.  billi, b'riżultat tal-aħħar tkabbir tal-UE (2004 u 2007), 7 miljun bidwi ieħor żdied mat-total tal-forza tax-xogħol agrikolu u l-erja tal-art agrikola żdiedet b'40%; billi d-dħul agrikolu reali għal kull ras niżel bi 12.2% fl-UE-27 fl-aħħar 10 snin, u gradwalment nieżel sal-livelli tal-1995, billi d-dħul medju mill-agrikoltura fl-UE-27 huwa anqas minn 50% tad-dħul medju fil-bqija tal-ekonomija, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' affarijiet bażiċi bħalma huma l-fertilizzanti, l-elettriku u l-fjuwil jinsabu fl-ogħla livell ta' dawn l-aħħar 15-il sena, fatt li jagħmel diffiċli ħafna l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni agrikola fl-UE,

H.  billi minħabba li 7% tal-bdiewa fl-Ewropa għandhom età inqas minn 35 sena filwaqt li 4.5 miljun bidwi b'età “l fuq minn 65 sena se jieqfu jaħdmu sal-2020, il-futur tas-settur agrikolu jista” jkun f'riskju jekk l-għadd ta' bdiewa jibqa' nieżel,

I.  billi l-agrikoltura tirrappreżenta l-użu prinċipali tal-art fl-UE, u tokkupa 47% tat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea; billi madwar l-UE hemm 13.7 miljun impriża tal-biedja, li jiġġeneraw “l fuq minn EUR 337 biljun fi produzzjoni, filwaqt li 15% tal-art agrikola fl-UE (madwar 26 miljun ettaru) tinsab f'żoni muntanjużi, u billi l-iżvantaġġi naturali f'dawk iż-żoni jxekklu lill-biedja,

J.  billi d-daqs medju fiżiku tal-impriżi agrikoli żdied b'riżultat tar-ristrutturar tas-settur, iżda l-farms żgħar xorta għadhom predominanti fl-UE, b'daqs medju ta' 12.6 ettaru kull farm; billi l-farms ta' sussistenza jibqgħu sfida kruċjali, speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda, fejn ix-xogħol tal-biedja sussistenti jammonta għal nofs it-total tal-forza tax-xogħol, u billi l-farms żgħar u l-bdiewa li jħaddmuhom huma partikolarment importanti fl-għoti ta' beni pubbliċi mhux tal-produzzjoni,

K.  billi l-kriżi ekonomika kellha effett negattiv serju fuq l-agrikoltura, fejn id-dħul tal-farms naqas b'medja ta' 12.2% bejn l-2008 u l-2009 u l-qgħad fiż-żoni rurali żdied fl-aħħar sena; billi bħala effett dirett tal-kriżi ekonomika, il-konsum fl-Ewropa naqas b'medja ta' 10.55% bejn l-2008 u l-2009, u f'xi Stati Membri dan it-tnaqqis kien ta' aktar minn 20%; billi effetti oħra tal-kriżi ekonomika kienu n-nuqqas ta' aċċess għall-kreditu għall-bdiewa u pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, u dawn dgħajfu l-kapaċità tagħhom biex jipprovdu kofinanzjament,

L.  billi l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli huwa aspett permanenti, iżda li dan l-aħħar żdied drammatikament minħabba kombinazzjoni ta' fatturi - inklużi kundizzjonijiet estremi tat-temp, il-prezzijiet tal-enerġija, l-ispekulazzjoni u l-bidliet fid-domanda – u, kif imbassar mill-OECD u mill-FAO, hija mistennija li se tiżdied aktar, u għaldaqstant se twassal għal żidiet u nżulijiet estremi fil-prezzijiet ta' prodotti bażiċi agrikoli fis-swieq Ewropej, billi bejn l-2006 u l-2008, il-prezzijiet ta' diversi prodotti bażiċi għolew b'mod konsiderevoli, xi wħud saħansitra b'180%, kif kien il-każ tal-qmuħ; billi l-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib ikkollassaw fl-2009, u tbaxxew b'medja ta' 40%, u billi prodotti oħra bħaċ-ċereali, il-frott u l-ħaxix u ż-żejt taż-żebbuġa ntlaqtu wkoll, u ċ-ċaqliq estrem fil-prezzijiet kellu konsegwenzi detrimentali għall-produtturi u mhux dejjem kien ta' benefiċċju għall-konsumaturi,

M.  billi l-indikaturi agroambjentali juru potenzjal importanti għas-settur agrikolu fl-isforz biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima, partikolarment rigward il-ħżin tal-karbonju, it-tnaqqis dirett fl-emissjonijiet netti tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli, li jiżguraw iffrankar ġenwin tal-emissjonijiet; billi l-attività agrikola pprattikata b'mod sostenibbli hija essenzjali għall-ħarsien tal-bijodiversità, il-ġestjoni tal-ilma u l-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u tista' tkun fattur essenzjali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima,

N.  billi l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra kkawżati mill-attività agrikola (inkluż it-trobbija tal-annimali) naqas b'20% bejn l-1990 u l-2007 fis-27 Stat Membru; billi l-proporzjon ta' dawn l-emissjonijiet li tipproduċi l-agrikoltura niżel minn 11% fl-1990 għal 9% fl-2007, fost l-oħrajn b'riżultat ta' użu aktar effettiv ta' fertilizzanti u demel likwidu, tar-riformi strutturali reċenti tal-PAK u tal-implimentazzjoni gradwali tal-inizjattivi agrikoli u ambjentali,

O.  billi l-UE saret importatur nett tal-prodotti agrikoli b'aktar minn b'kemm jiswew €87.6 biljun fi prodotti li jigu importati kull sena (madwar 20% tal-importazzjoni agrikola dinjija); billi f'xi każijiet il-bilanċ tal-kummerċ qaleb b'mod stabbli favur pajjiżi terzi (l-UE issa qed timporta b'kemm jiswew €19 biljun fi prodotti agrikoli mill-pajjiżi tal-Mercosur u l-esportazzjonijiet tagħha lejn ir-reġjun lanqas ilaħħqu €1 biljun); billi l-UE qed tkompli tesperjenza defiċit dejjem jikber fil-kummerċ fil-prodotti agrikoli,

P.  billi l-UE għadha l-esportatur ewlieni fid-dinja ta' prodotti agrikoli (bejn wieħed u ieħor 17% tat-total tal-kummerċ dinji); billi l-UE tilfet sehem sinifikanti tas-suq fl-aħħar 10 snin (fl-2000 l-UE kkontribwixxiet madwar 19% tal-kummerċ dinji); billi l-UE tesporta prinċipalment prodotti b'valur miżjud għoli u pproċessati (67% tal-esportazzjonijiet agrikoli kollha tagħha),

Q.  billi l-prodotti ta' kwalità għolja huma essenzjali għall-potenzjal tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżentaw sehem kbir ħafna tal-kummerċ internazzjonali tagħha; billi l-UE qed tesporta prodotti ta' profil għoli b'valur ekonomiku konsiderevoli, u fil-każ ta' prodotti b'oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti l-valur nett ta' dawn il-prodotti u affarijiet tal-ikel huwa ta' EUR 14-il biljun fis-sena (barra l-inbejjed u l-ispirti, li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-prodotti li tesporta l-UE), billi, bil-għan li tkompli tiġi żviluppata produzzjoni ta' kwalità għolja biex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi, iridu jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn is-setturi biex tkun żgurata l-kompetittività tagħhom, inkluża l-ħtieġa ta' ħarsien aktar effikaċi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE u tal-marki ta' oriġini protetti tal-UE minn sħab kummerċjali minn pajjiżi terzi,

R.  billi l-estimi ta' appoġġ għall-produttur (PSE) juru li l-appoġġ totali lill-biedja fl-UE kien ilu gradwalment jonqos mill-2000 u issa huwa komparabbli fuq bażi per capita mal-livell ta' appoġġ li jingħata lil dawk li huma sħab ewlenin tal-UE fil-kummerċ, filwaqt li sħab kummerċjali oħrajn fl-aħħar ftit snin żammew u żiedu sussidji li jikkawżaw distorsjoni tal-kummerċ,

S.  billi d-distribuzzjoni u l-livell ta' appoġġ attwali lill-Istati Membri u lill-bdiewa jirriżultaw mid-distribuzzjoni u mil-livell ta' dak l-appoġġ fil-passat, meta kienu marbuta mat-tip u l-iskala tal-produzzjoni u kienu jirrappreżentaw kumpens għat-tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa li kien irriżulta mill-waqgħa sostanzjali fil-prezzijiet garantiti; billi dak il-metodu ta' distribuzzjoni jqajjem sens ta' inġustizzja komprensibbli min-naħa ta' wħud mill-bdiewa tal-UE u, barra minn hekk, jekk jinżamm, ikun inkonsistenti mal-objettivi futuri tal-PAK,

T.  billi, mill-2007, mekkaniżmi ta' modulazzjoni volontarji wasslu biex terġa' tingħata l-għajnuna finanzjarja bejn ħlasijiet diretti u żvilupp rurali, mingħajr, madankollu ma tjiebu t-trasparenza, il-legalità u s-simplifikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji allokati għall-agrikoltura,

U.  billi s-sehem tan-nefqa tal-PAK fil-baġit tal-UE naqas b'mod stabbli minn kważi 75% fl-1985 għal 39.3% li huwa pproġettat għall-2013; billi dan jirrappreżenta anqas minn 0.45% tal-PGD tal-UE; billi t-tnaqqis fin-nefqa baġitarja fuq miżuri tas-suq huwa saħansitra aktar sinifikanti – minn 74% tan-nefqa kollha tal-PAK fl-1992 għal anqas minn 10% fil-preżent; billi l-infiq tal-PAK tbiegħed b'mod kostanti minn appoġġ lis-suq u sussidji lill-esportazzjoni għal ħlasijiet diżakkoppjati u żvilupp rurali,

V.  billi dawn ir-riformi mmodifikaw sostanzjalment l-istrumenti ta' appoġġ għall-agrikoltura filwaqt li żammew it-tliet prinċipji fundamentali tal-PAK, jiġifieri:

     - l-għaqda tas-suq,
     - il-preferenza Komunitarja,
     - is-solidarjetà finanzjarja,

W.  billi minħabba li l-PAK wara l-2013 se jkollha tħabbat wiċċha ma' bosta sfidi u l-objettivi tagħha se jiġu estiżi, huwa kruċjali li l-baġit li l-UE talloka għall-PAK jinżamm tal-anqas fil-livelli attwali,

X.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħmel il-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) att legalment vinkolanti li għandu jikkonforma miegħu l-baġit annwali,

Y.  billi n-nefqa f'forma ta' għajnuna diretta hija ta' 0.38% tal-PGD tal-UE (ċifra tal-2008), billi n-nefqa marbuta mal-politika ta' żvilupp rurali tirrappreżenta 0.11 % tal-PGD tal-UE,

Z.  billi l-marġni żgħir attwali disponibbli taħt l-Intestatura 2 li jibda fis-sena baġitarja 2011 jagħmilha diffiċli ħafna biex l-Unjoni tirreaġixxi kif jixraq għall-kriżijiet tas-suq u l-avvenimenti globali mhux mistennija u jista' jiċħad il-proċedura baġitarja annwali mis-sustanza tagħha,

AA.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew kiseb is-setgħa li jfassal il-politika agrikola tal-Unjoni, mhux biss fir-rigward tal-programmi multiannwali iżda wkoll billi jagħmel emendi għall-baġit annwali tal-agrikoltura, biex b'hekk ta lill-Parlament ir-responsabilità li jiżgura politika agrikola komuni ġusta u sostenibbli,

AB.  billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Politika Agrikola Komuni hija soġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja u l-Parlament Ewropew għandu responsabilità importanti biex jgħin jadotta leġiżlazzjoni soda u effiċjenti f'dan il-qasam,

AC.  billi skont l-aħħar Eurobarometer, 90% taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa jikkonsidraw li l-agrikoltura u ż-żoni rurali huma importanti għall-futur tal-Ewropa, 83% taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa huma favur l-appoġġ finanzjarju lill-bdiewa u, fil-medja tagħhom, jemmnu li l-politika agrikola għandha tkompli tiġi deċiża fuq livell Ewropew,

AD.  billi l-objettivi u s-sustanza tal-futur tal-Politika Agrikola Komuni jridu jkunu soġġetti għal diskussjonijiet pubbliċi wiesgħa sabiex jiżdied l-għarfien pubbliku tal-PAK, u billi, għaldaqstant, għandha tintlaqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar dibattitu pubbliku dwar il-PAK wara l-2013,

AE.  billi l-PAK trid tkun orjentata lejn iż-żamma u l-iżvilupp ta' agrikoltura multifunzjonali, li tkopri zona wiesgħa u sostenibbli fl-Ewropa,

L-evoluzzjoni tal-PAK: minn distorsjoni tas-suq għal orjentazzjoni lejn is-suq

1.  Ifakkar li l-PAK għaddiet minn riformi radikali matul l-aħħar 25 sena, li ġabu, b'mod partikolari, bidla fundamentali minn appoġġ għall-produzzjoni għal appoġġ għall-produttur(5), naqqsu l-intervent regolari fix-xiri u d-dumping ta' prodotti Ewropej żejda fi swieq dinjija(6) u għamlu li l-PAK u l-bdiewa tal-UE jkunu aktar orjentati lejn is-suq;

2.  Ifakkar li l-PAK kellha rwol kruċjali fiż-żieda tal-produzzjoni u biex titma' l-popolazzjoni Ewropea wara t-Tieni Gwerra Dinjija; ifakkar ukoll li l-PAK kienet l-ewwel politika komuni tal-KEE, li ħejjiet it-triq għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea f'oqsma politiċi oħrajn;

3.  Jirrimarka li l-istrumenti tas-suq tal-PAK speċifiċi għal kull settur għandhom rwol fundamentali u issa qed jintużaw bħala xbieki ta' sikurezza biex jgħinu fit-tnaqqis tal-volatilità tas-suq sabiex jiggarantixxu lill-bdiewa ċertu grad ta' stabilità; (jenfasizza li l-bidla fil-politika tas-suq ma wasslitx għal tnaqqis tad-dipendenza tal-bdiewa fuq ix-xerrejja; jinnota, barra minn hekk, li mindu ġiet adottata l-iskema ta' Pagamenti Agrikoli Uniċi diżakkoppjati kien hemm tbegħid determinat mill-miżuri li jgħawġu l-kummerċ, b'konformità mar-rekwiżiti tad-WTO;

4.  Jinnota li r-riformi tal-PAK li nbdew fl-1992 u l-1999 u, b'mod partikolari, ir-riforma tal-2003, li ġiet riveduta matul il-Kontroll tas-Saħħa u li introduċiet il-prinċipju tal-firda, kif ukoll id-diversi riformi settorjali, ilkoll kellhom l-iskop li jippermettu lill-bdiewa tal-UE jwieġbu u jirreaġixxu aħjar għas-sinjali u l-kundizzjonijiet tas-suq; juri x-xewqa li din it-tendenza tkompli f'aktar riformi filwaqt li xi miżuri tas-suq għadhom meħtieġa minħabba l-aspetti speċifiċi tal-produzzjoni agrikola;

5.  Jirrimarka li l-iżvilupp rurali issa huwa parti integrali mill-arkitettura tal-PAK, u għandu jibqa' element importanti tal-PAK futura permezz ta' strateġija ta' żvilupp rurali li tkun mgħammra tajjeb li tiffoka fuq il-komunitajiet rurali, fuq it-titjib tal-ambjent, fuq l-immodernizzar u r-ristrutturar tal-agrikoltura, fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni fiż-żoni rurali tal-UE, fuq l-għoti tal-ħajja mill-ġdid liż-żoni żvantaġġati u liż-żoni li jinsabu f'riskju li jiġu abbandunati, fuq it-titjib fil-kummerċjalizzazzjoni u l-kompetittività tal-prodotti u ż-żamma tal-impjiegi u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fiż-żoni rurali, kif ukoll fuq l-isfidi l-ġodda indirizzati fil-Kontroll tas-Saħħa, jiġifieri t-tibdil fil-klima, l-enerġiji li jiġġeddu, il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiveristà;

6.  ifakkar li l-agrikoltura minn dejjem ipproduċiet beni pubbliċi li, fil-kuntest attwaoli, jissejħu “beni pubbliċi tal-ewwel ġenerazzjoni”; jinsisti fuq is-sikurezza u s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll fuq il-valur nutrizzjonali għoli tal-prodotti agrikoli, li għandhom jibqgħu l-ewwel raġuni għall-eżistenza tal-Politika Agrikola Komuni, minħabba li jirrappreżentaw l-essenza tal-PAK u jikkostitwixxu l-preokkupazzjoni ewlenija taċ-ċittadini Ewropej; il-beni pubbliċi msemmija l-aktar reċenti, dawk “tat-tieni ġenerazzjoni”, l-ambjent, l-ippjanar tal-artijiet jew il-benessri tal-annimali, li wkoll huma għanijiet tal-PAK, huma supplimentari għall-beni tal-ewwel ġenerazzjoni, u għalhekk m'għandhomx jeħdulhom posthom;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tar-rwol multifunzjonali tal-bdiewa fil-provvista ta' beni pubbliċi bħall-ħarsien tal-ambjent tagħna, il-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità għolja, it-trobbija tajba tal-annimali, il-formazzjoni u t-titjib tad-diversità u l-kwalità tal-pajsaġġi ta' valur fl-UE, u l-mixja lejn prassi ta' biedja aktar sostenibbli billi mhux biss jintlaħqu r-rekwiżiti bażiċi biex l-art tinżamm f'Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba iżda jintlaħqu wkoll standards saħansitra ogħla permezz ta' skemi agroambjentali, xogħol tal-biedja preċiż u produzzjoni organika, kif ukoll il-forom kollha oħrajn ta' prattika agrikola sostenibbli;

8.  Ifakkar li l-PAK hija l-aktar waħda integrata mill-politiki kollha tal-UE u għalhekk b'mod loġiku tirrappreżenta l-akbar sehem mill-baġit tal-UE; jagħraf li s-sehem tagħha mill-baġit naqas kostantement minn madwar 75% tat-total tal-baġit tal-UE fl-1985 għal 39.3% sal-2013(7), li jirrappreżenta anqas minn 0.45% tat-total tal-PDG tal-UE(8), filwaqt li fl-istess ħin l-għajnuna llum hija mifruxa aktar minħabba t-12-il Stat Membru ġdid li ssieħbu mal-UE;

9.  Huwa tal-fehma, għalhekk, li l-PAK evolviet, saret aktar ekoloġika u aktar orjentata lejn is-suq, u naqqset b'mod drammatiku l-impatt tagħha fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa lill-bdiewa biex jipproduċu ikel ta' kwalità għolja għall-konsumaturi Ewropej;

L-isfidi li trid tilqa' l-PAK wara l-2013

10.  Jirrimarka li s-sikurezza tal-ikel tibqa' l-isfida ċentrali għall-agrikoltura mhux biss fl-UE imma globalment, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba li, skont il-FAO, il-popolazzjoni tad-dinja mistennija tikber minn 7 għal 9 biljuni sal-2050 u d-domanda għall-ikel hija mistennija li tirdoppja sal-2050 (speċjalment f'ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja);

11.  Jafferma li jeħtieġ li l-Ewropa tkompli tikkontribwixxi għall-provvisti tal-ikel globali biex tikkontribwixxi biex jiġi ssodisfat dak il-bżonn fl-isfond ta' abandun dejjem jiżdied tal-biedja, anqas ilma u provvista ta' enerġija mnaqqsa minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima, li ser ikun restrizzjoni serja fuq il-kapaċità tal-Ewropa biex iżżid il-provvista;

12.  Jinnota li l-kriżi dinjija tal-enerġija u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija ser jgħollu l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola, iwasslu għall-għoli tal-prezzijiet tal-ikel u għal volatilità dejjem akbar fil-prezz tas-suq kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi, u li ser ikollhom effetti ħżiena fuq l-istabilità tal-provvista tal-ikel u ser jirrestrinġu serjament il-kapaċità biex jinżammu u jiżdiedu l-livelli tal-produzzjoni attwali; iqis, madankollu, li l-awtosuffiċjenza fl-enerġija għas-settur agrikolu u għal dak tas-silvikultura tista' żżid is-sostenibilità tagħha;

13.  Jemmen li l-agrikoltura tinsab f'pożizzjoni tajba biex tagħti kontribut sinifikanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' Gass b'effett Serra u żżid il-qbid tal-karbonju;

14.  Jagħraf li l-biedja diġà għamlet progress konsiderevoli fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u, b'mod ġenerali, fl-indirizzar tal-problemi ambjentali (il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità, il-bijomassa, eċċ), iżda jsostni li dawk l-isforzi jeħtieġu li jitkomplew sabiex il-metodi ta' produzzjoni jkunu lesti għal forma iktar sostenibbli ta' żvilupp li tkun effiċjenti f'termini ambjentali, soċjali u ekonomiċi;

15.  Ifakkar li l-aspettattivi tal-konsumaturi dwar is-sikurezza garantita tal-ikel iridu jintlaħqu, kif ukoll it-talbiet tagħhom għal standards ogħla fil-kwalità, benesseri aħjar tal-annimali u valur tajjeb għal flushom;

16.  Iqis li l-PAK trid tkompli tipprovdi soluzzjonijiet, u assistenza tanġibbli għat-theddida tal-abbandun tal-art, id-depopolazzjoni taż-żoni rurali u l-popolazzjoni rurali li qed tixjieħ fl-UE, billi jiġu stabbiliti fondi u assistenza xierqa għal dak il-għan, biex tiġi żgurata s-sostenibilità fit-tul tal-komunitajiet rurali fl-UE; jemmen, għalhekk, li jinħtieġ ukoll li jitkompla l-iżvilupp rurali b'mira speċifika fil-PAK;

17.  Jemmen li l-PAK trid tipprovdi risposti immedjati għall-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-impriżi agrikoli, bħan-nuqqas ta' aċċess għall-kreditu għall-bdiewa, limitazzjonijiet fuq id-dħul mill-biedja(9), u l-qgħad li qed jiżdied f'żoni rurali;

18.  Jirrimarka, għalhekk, li d-differenzi fil-kapaċità tal-Istati Membri biex jiffaċċjaw il-kriżi ekonomika jistgħu jwasslu biex jiżdiedu l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni rurali fl-UE;

19.  Jagħraf li l-PAK għandha tqis id-differenzi fl-istruttura u l-ħtiġijiet tal-modernizzazzjoni tal-agrikoltura f'UE ikbar, bl-għan li jinkisbu livelli ugwali ta' żvilupp u koeżjoni;

20.  Jemmen li, fid-dawl ta' dawn l-isfidi, il-prijoritajiet tal-PAK ta' wara l-2013 għandhom jiddaħħlu fis-sod f'politika tal-ikel u agrikola multifunzjonali b'saħħitha, sostenibbli, appoġġjata tajjeb u kredibbli, li tibgħat sinjali qawwija biex tappoġġja l-bdiewa b'effiċjenza u b'mod immirat, u tipprovdi tweġibiet għat-tħassib tal-komunità rurali filwaqt li tkun ta' ġid għas-soċjetà aktar wiesgħa;

Il-bżonn ta' PAK b'saħħitha wara l-2013
Biex jintlaħqu bżonnijiet soċjo-ekonomiċi

21.  Huwa tal-opinjoni li, minħabba l-Istrateġija Ewropa 2020, tinħtieġ Politika Agrikola Komuni Ewropea b'saħħitha u sostenibbli biex isservi l-interessi tal-bdiewa Ewropej kollha u ġġib benefiċċji aktar estensivi għas-soċjetà; hu tal-fehma li din il-Politika għandha tħalli lill-agrikoltura twettaq il-parti tagħha fl-ekonomija Ewropea u tiżgura li jkollha l-għodda biex tikkompeti fis-swieq dinjija; jemmen li, għal raġunijiet strateġiċi, l-UE ma tistax tippermetti lilha nnifisha li sserraħ fuq partijiet oħra tad-dinja biex jipprovdu s-sikurezza tal-ikel Ewropea fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, l-instabilità politika f'ċerti reġjuni tad-dinja u l-possibilità ta' epidemiji ta' mard jew avvenimenti oħra li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-kapaċità tal-produzzjoni;

22.  Ifakkar li l-agrikoltura tal-UE għadha settur ċentrali tal-ekonomija tal-UE, billi tagħti kontribut importanti lill-PGD u lill-impjiegi tal-UE, kemm direttament kif ukoll indirettament, permezz tal-effett multiplikatur fis-suq tal-industrija – upstream u downstream – tal-ikel u x-xorb; jemmen, għaldaqstant, li agrikoltura b'saħħitha u industrija tal-ikel u x-xorb b'saħħitha ma jistgħux jinfirdu u t-tnejn li huma jikkontribwixxu għas-suċċess ta' xulxin, partikolarment fis-swieq tal-esportazzjoni;

23.  Ifakkar li waħda mir-raġunijiet li għalihom l-UE teħtieġ PAK b'saħħitha hija biex tikkontribwixxi għaż-żamma u għall-iżvilupp ta' komunitajiet rurali vijabbli u dinamiċi, fil-qalba tad-diversità kulturali Ewropea, u li dawn huma ferm importanti għal żvilupp soċjo-ekonomiku sostenibbli u bilanċjat madwar it-territorju Ewropew kollu; huwa tal-fehma li dan jitlob li d-differenza bejn il-komunitajiet rurali u urbani tonqos, bil-għan li jiġi evitat l-abbandun tal-art u d-depopulazzjoni rurali li qegħdin dejjem jiżdiedu, fatti li min-naħa tagħhom qed ikomplu jiżolaw iż-żoni rurali;

24.  Jirrimarka li hemm bżonn urġenti li ġenerazzjonijiet żgħażagħ u nisa jiġu attirati lejn żoni rurali permezz ta' politiki fuq perjodu twil u li jiġu provduti lilhom opportunitajiet ekonomiċi alternattivi ħalli tiġi assigurata popolazzjoni rurali sostenibbli; iqis li għandhom jiġu esplorati modi ġodda kif jistgħu jinġibdu ż-żgħażagħ bħalma huma d-disponibilità ta' self u kreditu favorevoli għall-investimenti, u l-għarfien tal-ħiliet professjonali tagħhom biex jiġi żgurat li jistgħu jidħlu fl-ekonomija rurali b'mod relattivament faċli; jirrikonoxxi l-ostakli li jiffaċċjaw il-bdiewa żgħażagħ meta jippruvaw jidħlu fis-settur, bħall-ispejjeż għolja biex wieħed jibda negozju, il-prezz xi drabi projbittiv tal-art u d-diffikultà biex ikollhom aċċess għall-opportunitajiet ta' kreditu, speċjalment fi żminijiet diffiċli;

25.  Jemmen li ż-żieda fil-qgħad f'żoni rurali għandha tiġi ttrattata billi jiġu ppreservati l-impjiegi eżistenti, jiġu inkoraġġuti impjiegi ta' kwalità għolja u jiġu mrawma opportunitajiet addizzjonali għal diversifikazzjoni u sorsi ġodda ta' dħul;

26.  Ifakkar, kif jissuġġerixxi tajjeb l-Artikolu 39 tat-Trattat ta' Lisbona, li l-agrikoltura hija settur speċifiku li jsofri minn ċiklu ta' produzzjoni fuq perjodu ta' żmien twil u diversi tipi ta' fallimenti tas-suq bħaċ-ċaqliq qawwi tas-suq, esponiment kbir għal diżastri naturali, livell għoli ta' riskju, nuqqas ta' elastiċità tad-domanda, u l-fatt li l-bdiewa huma dawk li “jieħdu l-prezz” aktar milli dawk li “jagħmlu l-prezz” fil-katina tal-provvista tal-ikel;

27.  Iqis li, fil-każ ta' xi setturi agrikoli li jeħtieġu investiment tal-kapital sustanzjali fiċ-ċikli multiannwali tal-produzzjoni (tal-ħalib, il-frott taċ-ċitru, l-inbid, iż-żebbuġ u l-frott b'mod ġenerali), jeħtieġ li jiġu introdotti metodi ġodda ta' ġestjoni tal-provvista;

28.  Jirrimarka, bħala l-punt l-aktar importanti, li fil-ġejjieni l-politika agrikola Ewropea trid tibqa' politika komuni u li hija biss sistema bbilanċjata u ġusta ta' appoġġ madwar l-UE kollha b'sett ta' objettivi u regoli komuni li - għalkemm tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi ta' ċerti setturi u reġjuni - tista' tikseb il-kundizzjonijiet xierqa għall-bdiewa u funzjonament tajjeb ta' suq uniku b'kundizzjonijiet kompetittivi u ġusti għall-prodotti agrikoli u għall-bdiewa fi ħdan l-UE, u b'hekk jinkiseb aktar valur għall-flus milli kieku jinkiseb permezz ta' politiki agrikoli rinazzjonalizzati, u possibilment konfliġġenti, f'kull Stat Membru individwali;

29.  Iqis li l-PAK għandha tiżgura l-eżistenza simultanja ta':

   il-biedja b'valur għoli miżjud bi prodotti primarji u proċessati ta' kwalità għolja, li ttiha pożizzjoni b'saħħitha fis-swieq dinjija;
   il-biedja miftuħa għas-swieq reġjonali;
   il-biedja maħsuba għas-swieq lokali, filwaqt li jitqies li wħud mill-bdiewa involuti huma bdiewa żgħar bi dħul limitat li, li kieku kellhom jabbandunaw il-biedja – minħabba l-età tagħhom, il-kwalifiki jew l-għażliet tal-istil ta' ħajja li jgħixu – isibuha diffiċli ħafna li jsibu xogħol barra l-biedja, partikolarment fi żmien ta' reċessjoni u ta' livell għoli ta' qgħad;

Benefiċċji f'termini ta' beni għall-pubbliku

30.  Jenfasizza li l-ikel huwa l-aktar importanti mill-beni pubbliċi prodotti mill-biedja; jagħraf li l-bdiewa jipprovdu varjetà ta' beni lill-pubbliku li s-suq ma jħallashomx tagħhom; għaldaqstant jinsisti li huma għandhom jiġu ppremjati b'mod ġust u inċentivati aktar biex ikomplu jagħtu prodotti sikuri u ta' kwalità għolja, kundizzjonijiet aħjar għall-benesseri tal-annimali u benefiċċji ambjentali oħra, minbarra li jinħolqu aktar impjiegi, sabiex tiġi ppreservata l-kampanja madwar l-Ewropa;

31.  Ifakkar, għaldaqstant, li jekk l-attività agrikola sostenibbli (vijabbli ekonomikament, soċjalment u ambjentalment fuq żmien twil) ma titkompliex madwar l-UE, il-provvista ta' beni għall-pubbliku tkun f'riskju;

32.  Jagħraf li ġenerazzjonijiet ta' bdiewa ffurmaw il-pajsaġġi ta' valur tal-UE u għalhekk, għandhom jiġu ppremjati talli jkomplu jagħmlu hekk b'mod sostenibbli, speċjalment f'żoni muntanjużi u f'żoni żvantaġġjati mill-aspett naturali; jemmen li huma qegħdin jikkontribwixxu b'mod attiv għall-valur u l-faxxinu kulturali kbar tal-Ewropa, billi jipprovdu x-xenarju biex jirnexxi t-turiżmu rurali; jirrimarka li dan għandu, madankollu, ikun ikkumplimentat minn politika reġjonali Ewropea u minn strumenti nazzjonali biex jiġi żgurat, permezz ta' effetti sinerġetiċi xierqa, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet reġjonali stabbli, li huma prekondizzjoni essenzjali biex l-agrikoltura taħdem sewwa;

33.  Jirrimarka li l-bdiewa għandhom il-potenzjal li jagħtu benefiċċji ambjentali oħra li jissodisfaw id-domandi tas-soċjetà, b'mod partikolari l-preservazzjoni u r-restawrazzjoni tal-ħamrija, il-ġestjoni tajba u t-titjib tal-kwalità tal-ilma u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-art agrikola, u li huma jridu jiġu inkuraġġuti li jagħmlu hekk, u li għandu jingħata l-appoġġ għall-investiment għal dan il-għan;

34.  Jirrimarka li, s-sistema tal-kundizzjonalità tagħmel l-għoti tal-għajnuna diretta huwa soġġett għall-konformità mal-ħtiġijiet statutorji u maż-żamma ta' art agrikola f'kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, għadha waħda mill-mezzi xierqa biex tiġi ottimizzata l-provvista ta' servizzi tal-ekosistema mill-bdiewa u l-ilħuq ta' sfidi ambjentali ġodda permezz tal-iżgurar tal-provvediment ta' prodotti pubbliċi bażiċi; jinnota madankollu, li l-introduzzjoni tal-kundizzjonalità qajmet firxa sħiħa ta' problemi relatati ma' kwistjonijiet amministrattivi u mal-aċċettazzjoni mill-bdiewa, li kellhom l-impressjoni li kienu qed jitilfu ċerta libertà fix-xogħol tagħhom jitlob għalhekk li l-piż amministrattiv fuq il-bdiewa jitnaqqas permezz ta' sistema ta' implimentazzjoni simplifikata għar-rekwiżiti tal-kondizzjonalità;

35.  Jemmen li l-impatt tal-agrikoltura fuq il-klima jista' jittaffa b'mod konsiderevoli permezz ta' titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ ta' nies li jaħdmu fl-agrikoltura, użu aħjar ta' innovazzjonijiet li joħorġu mir-riċerka u l-iżvilupp u titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni agrikola;

36.  Jemmen, skont l-aħħar riċerka disponibbli, li mingħajr politika agrikola komuni u Prattika Agrikola Tajba, jistgħu jiżviluppaw metodi mhux sostenibbli ta' produzzjoni min-naħa għall-oħra tal-UE (intensifikazzjoni estrema fuq l-aħjar art u abbandun ġenerali tal-art f'żoni żvantaġġjati), li jikkawżaw ħsara kbira lill-ambjent; jinsisti li l-prezz tal-appoġġ permezz ta' PAK b'saħħitha mhu xejn meta jitqabbel mal-prezz jekk ma tittieħed ebda azzjoni u l-konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati;

Il-prijoritajiet ġodda tal-PAK għas-seklu 21

37.  Jemmen li l-agrikoltura tinsab f'pożizzjoni tajba biex tagħmel kontribuzzjoni kbira biex twassal il-prijoritajiet ġodda tal-Istrateġija tal-UE 2020 biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u biex jinħolqu impjiegi ġodda permezz ta' tkabbir ekoloġiku u l-provvista ta' enerġija li tiġġedded filwaqt li fl-istess ħin tkompli tipprovdi sikurezza tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej billi tipproduċi prodotti tal-ikel u ta' kwalità għolja;

PAK ġusta

38.  Jinsisti li l-agrikoltura tal-UE trid tibqa' kompetittiva kontra l-kompetizzjoni ħarxa u l-miżuri li jgħawġu l-kummerċ min-naħa tas-sħab kummerċjali u/jew il-pajjiżi fejn il-produtturi mhumiex soġġetti għal standards għoljin daqs dawk fl-UE fir-rigward, b'mod partikolari, tal-kwalità tal-prodotti, is-sikurezza tal-ikel, l-ambjent, il-leġiżlazzjoni soċjali, u l-benesseri tal-annimali; għalhekk jemmen li t-titjib tal-kompetittività f'livelli differenti (lokali, reġjonali, tas-Suq Intern, u tas-swieq dinjija) għandu jibqa' objettiv fundamentali tal-PAK wara l-2013 biex ikun żgurat li l-UE jkollha għażla wiesgħa ta' prodotti tal-ikel u ta' prodotti agrikoli oħra li jkunu ta' valur għoli u diversifikati li jkomplu jirbħu sehem akbar tas-suq dinji, kif ukoll jiġi żgurat kummerċ ġust u prezzijiet rimunerattivi għall-bdiewa;

39.  Ifakkar li l-bdiewa tal-UE jipproduċu ikel tal-ogħla standards ta' sikurezza, kwalità u benesseri tal-annimali u għandhom ikunu ppremjati talli jagħmlu dan; jemmen li l-oġġetti impurtati minn pajjiżi terzi għandhom, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet u l-obbligi tad-WTO, jilħqu l-istess rekwiżiti biex tiġi assigurata kompetizzjoni ġusta u jiggarantixxu li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla informata dwar il-prodotti li jixtru, ibbażata, fost l-oħrajn, fuq traċċabilità affidabbli; jistiden lill-Kummissjoni biex tiddefendi l-interessi tal-bdiewa Ewropej fil-kuntest ta' ftehimiet ta' kummerċ multilaterali u bilaterali li jiġu nnegozjati f'isem l-UE;

40.  Jinsisti li ż-żamma tal-attività agrikola min-naħa għall-oħra tal-Ewropa kollha hija fundamentali sabiex tinżamm il-produzzjoni tal-ikel differenti u lokali, jiġu żgurati d-dinamiżmu soċjoekonomiku u l-impjiegi, partikolarment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali u tiġi evitata t-theddida tal-abbandun tal-art madwar it-territorju rurali tal-UE permezz tal-preservazzjoni kontinwa tal-ambjent u l-immaniġġjar tal-pajsaġġ; jemmen, għalhekk, li r-reġjuni żvantaġġati għandhom jingħataw l-opportunità li jegħlbu l-ostakoli addizzjonali kkawżati mis-sitwazzjoni speċifika tagħhom u li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw irwieħhom; iqis li l-isfida speċifika tal-biedja ta' sussistenza trid tiġi indirizzata;

41.  Jenfasizza li l-bdiewa jeħtieġu prospettivi ta' investiment fit-tul u dħul adegwat biex iwettqu l-ħidmiet tagħhom; jitlob għalhekk li l-garanzija ta' profitt ġust u stabbli għall-komunità agrikola jibqa' għan primarju għall-PAK il-ġdida, filwaqt li tipprovdi valur tajjeb għall-flus u trattament ġust għall-konsumaturi, mhux l-anqas billi tiżdied il-kompetittività fis-settur agrikolu u billi l-bdiewa jitħallew ikopru l-ispejjeż reali tagħhom u jirrispondu għas-sinjali tas-suq;

42.  Jitlob biex jittieħdu miżuri ħalli jissaħħu l-kapaċità ta' mmaniġġjar u s-setgħa ta' negozjar tal-produtturi primarji u tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi vis-à-vis operaturi ekonomiċi oħra fil-katina alimentari, u li titħeġġeġ il-formazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jsaħħu r-rabtiet bejn id-diversi partijiet interessati fi ħdan il-fergħat, sakemm dawn ikunu jistgħu jtejbu l-iskambju tat-tagħrif u l-adegwatezza tal-provvista mad-domandi tal-konsumaturi; huwa tal-fehma li żviluppi bħal dawn jistgħu jtejbu l-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel b'aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-ikel u fl-azzjoni biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti, b'mod li l-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu l-valur miżjud li jistħoqqilhom; jemmen li dawn l-objettivi jistgħu jirrikjedu aġġustament jew iċċarar tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex iqisu l-aspetti speċifiċi tas-swieq agrikoli, kemm-il darba ma jxekklux il-funzjonament xieraq tas-suq uniku;

43.  Jemmen li għandu jkun hemm miżuri tas-suq flessibbli u effiċjenti sabiex jiżguraw xibka ta' sikurezza adegwata fi ħdan il-qafas futur tal-PAK sabiex tiġi evitata l-volatilità estrema tal-prezzijiet tas-suq, jingħata livell akbar ta' stabilità, u sabiex jiġu pprovduti reazzjonijiet rapidi u effiċjenti għall-kriżijiet ekonomiċi li jinqalgħu fis-settur; huwa tal-fehma li dan għandu jkun ikkumplementat b'sistema ta' mmaniġġjar tar-riskji li tkun tgħin biex jiġu mminimizzati l-konsegwenzi tad-diżastri naturali u tas-saħħa;

44.  Huwa tal-fehma wkoll, li, sabiex is-suq ikun jista' jiġi mmaniġġjat b'mod aktar effiċjenti u tiġi evitata kriżi ta' produzzjoni żejda, l-istrumenti speċifiċi għall-immaniġġjar tal-potenzjal tal-produzzjoni li huma disponibbli f'ċerti setturi għandhom jinżammu, ibbażati fuq il-prinċipji tal-ġustizzja u n-non-diskriminazzjoni;

45.  Jitlob għal distribuzzjoni ġusta tal-ħlasijiet tal-PAK u jinsisti li din għandha tkun ġusta mal-bdiewa kemm tal-Istati Membri ġodda kif ukoll ma' dawk antiki;

46.  Iqis li t-tnaqqis ta' ħlasijiet diretti taħt l-ewwel pilastru jkollu konsegwenzi devastanti, mhux biss għall-bdiewa imma, b'mod ugwali, għall-kampanja, għas-servizzi pubbliċi marbuta mal-agrikoltura, għall-konsumaturi u għas-soċjetà, minħabba l-fatt li tal-aħħar hija benefiċjarja fis-sħuħija tagħha; il-ħlasijiet diretti għalhekk huma essenzjali u jridu jinżammu; jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt, li jista' jkun negattiv, tat-tnaqqis tal-fondi tal-PAK fuq il-valur tal-irziezet, b'riperkussjonijiet serji partikolarment għall-bdiewa li sselfu mill-banek, partikolarment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika li affettwat b'mod gravi l-agrikoltura Ewropea;

47.  Jemmen li negozji agrikoli vijabbli huma fundamentali biex jiġu sostnuti komunitajiet rurali b'saħħithom għax negozji bħal dawn jiġġeneraw impjieg u servizzi fil-livell lokali; iqis għalhekk li l-PAK għandha tinvolvi l-komunitajiet lokali biex tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-vijabilità soċjoekonomika tagħhom, inkluż permezz tal-preservazzjoni tal-impriżi tal-biedja tal-familja, u r-ristrutturar u l-immodernizzar kontinwi tal-farms, fejn dawn ikunu meħtieġa; ifakkar li l-miżuri ta' diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura rurali wkoll huma importanti f'dan ir-rigward;

PAK sostenibbli

48.  Jemmen li l-agrikoltura għandha sehem importanti x'tagħti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima billi tnaqqas l-emissjonijiet GHG, iżżid il-kapaċità tal-qbid tal-karbonju u tiżviluppa u tuża aktar sorsi ta' enerġija rinnovabbli u materjali bijoloġiċi; jemmen li l-kunsiderazzjonijiet tal-klima għandhom jiġu integrati fil-miżuri kollha tal-PAK, fejn ikun xieraq;

49.  Iqis li produzzjoni effiċjenti hija fundamentali għal ġestjoni aktar sostenibbli ta' riżorsi skarsi u li l-bdiewa għandhom ikunu innovattivi fil-metodi tekniċi ta' produzzjoni tagħhom billi jużaw l-aktar għodda finanzjarja, xjentifika u teknika effiċjenti ta' mmaniġġjar ħalli tkun tista' tintlaħaq id-domanda li qed tikber għall-ikel u għall-materjali agrikoli rinnovabbli b'mod aktar sostenibbli ekonomikament, soċjalment u ambjentalment;

50.  Jenfasizza, fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE 2020, li r-riċerka u l-iżvilupp, l-użu ta' teknoloġiji ġodda u prattiki agrikoli tajba huma importanti biex tittejjeb il-kompetittività u tiżdied il-produzzjoni filwaqt li jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi, il-fertilizzanti, u l-użu ta' riżorsi skarsi bħalma huma l-ilma u l-enerġija; huwa tal-fehma li l-investiment fl-innovazzjoni agrikola għandu jkompli jitħeġġeġ aktar, fost l-oħrajn, permezz tal-programmi ta' qafas tar-riċerka u l-iżvilupp tal-PAK u tal-UE bil-għan li jiġu indirizzati sfidi ġodda;

51.  Jirrakkomanda għal dan il-għan il-preżenza attiva ta' konsulenti agronomiċi fir-reġjuni biex jiggwidaw lill-bdiewa fl-isforzi tagħhom li jwasslu prodotti pubbliċi ambjentali;

52.  Jemmen li jeħtieġ li jiddaħħlu salvagwardji sabiex jiġi żgurat li l-bijoteknoloġija tista' tkompli tiġi użata aktar fl-agrikoltura mingħajr ma jkollha impatt fuq il-metodi ta' produzzjoni eżistenti;

PAK ekoloġika

53.  Jinnota li s'issa s-suq naqas milli jippremja kif suppost lill-bdiewa talli jħarsu l-ambjent u beni pubbliċi oħra; għalhekk jemmen li l-PAK trid tqiegħed enfasi akbar fuq is-sostenibilità billi tipprovdi inċentivi ekonomiċi xierqa lill-bdiewa biex jottimizzaw it-twassil ta' servizzi tal-ekosistema u ħalli jtejbu aktar il-ġestjoni b'saħħitha tar-riżorsi ambjentali tal-art agrikola tal-UE; jenfasizza li dan għandu jintlaħaq mingħajr ma jinħoloq piż finanzjarju jew burokratiku ieħor fuq il-bdiewa;

54.  Jemmen li, bis-saħħa tat-titjib fil-fatturi tal-produzzjoni marbuta mal-avvanzi fl-għarfien, il-bdiewa jinsabu f'pożizzjoni tajba biex jikkontribwixxu għat-tkabbir ekoloġiku u jirreaġixxu għall-kriżi tal-enerġija permezz tal-iżvilupp tal-enerġija ekoloġika f'forom bħall-bijomassa, il-bijoskart, il-bijogass, il-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni u enerġija fuq skala żgħira mir-riħ, mix-xemx u mill-ilma, li wkoll tgħin biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjiegi ekoloġiċi;

Politika komuni u sempliċi

55.  Jinsisti li politika agrikola komuni hija aktar relevanti minn qatt qabel biex jiġi żgurat li d-dimensjoni transkonfinali tal-provvista tal-ikel, tat-tibdil fil-klima, tal-istandards komuni għoljin ta' protezzjoni ambjentali, tas-sikurezza u l-kwalità tal-prodott u tal-benesseri tal-annimali jkunu garantiti f'Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb;

56.  Jemmen li l-PAK il-ġdida, permezz ta' sistema ta' appoġġ simplifikata, trid tkun faċli biex tiġi amministrata, trasparenti, u trid tnaqqas il-burokrazija u piżijiet amministrattivi għall-bdiewa, b'mod partikolari għall-produtturi ż-żgħar, ħalli l-bdiewa jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-kompitu prinċipali tagħhom li jipprovdu prodotti agrikoli ta' kwalità; jemmen li dan jista' jinkiseb, fost l-oħrajn, billi navvanzaw lejn l-użu ta' għodda ta' prestazzjoni li jiffissaw l-għanijiet u jagħtu s-setgħa lill-bdiewa li jagħżlu huma s-sistemi tal-biedja tagħhom biex jilħqu dawn l-għanijiet, bħal ftehimiet dwar riżultati, kuntratti sempliċi u ħlasijiet multiannwali;

57.  Jitlob li jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi spjegat fiex tikkonsisti l-PAK, mhux biss lill-bdiewa imma wkoll liċ-ċittadini Ewropej kollha, filwaqt li jiġi pprovdut tagħrif b'mod trasparenti dwar l-objettivi li jkunu qed jiġu segwiti, il-mezzi disponibbli u l-effetti ta' ġid mistennija bl-implimentazzjoni tal-PAK;

58.  Iqis li jeħtieġ li l-approċċ tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-kontrolli regolatorji, għat-tmexxija tal-verifiki tal-konformità u għall-impożizzjoni tat-tiswijiet finanzjarji jrid ikun aktar proporzjonat u bbażat fuq ir-riskju;

59.  Jitlob li l-Parlament Ewropew jingħata tagħrif aġġornat u fil-pront dwar l-istat attwali tal-baġit tal-agrikoltura;

Il-kisba ta' PAK ġusta, ekoloġika u sostenibbli

60.  Jistenna li l-PAK tiġi ddisinjata mill-ġdid, skont il-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa dwar l-Ewropa 2020, bil-ħsieb li tipprovdi strumenti li jġibu tkabbir intelliġenti, inklussiv u ekoloġiku;

61.  Jagħraf l-iskala wiesgħa ta' prijoritajiet eżistenti u ġodda għall-PAK u jinnota li l-aspettattiva ġġustifikata tal-Istati Membri l-ġodda meta ssieħbu mal-Unjoni Ewropea kienet li l-għajnuna tal-PAK setgħet, maż-żmien, tkun komparabbli ma' dik tal-Istati Membri l-antiki; bil-għan li tingħata tweġiba sħiħa għall-isfidi l-ġodda u jitwettqu l-prijoritajiet ta' PAK riformata, jitlob li l-ammonti allokati għall-PAK fil-baġit tal-2013 tal-anqas jinżammu kif inhuma matul il-perjodu ta' pprogrammar finanzjarju li jmiss;

62.  Jitlob li l-baġit tal-PAK ikollu mekkaniżmu ta' flessibilità għat-tmiem tas-sena sabiex dak li ma jintefaqx jgħaddi u jiġi riallokat għas-sena ta' wara;

63.  Jinsisti li l-PAK m'għandhiex tiġi rinazzjonalizzata u għalhekk jemmen li l-għajnuna diretta għandha tibqa' ffinanzjata kompletament mill-baġit tal-UE, u b'hekk jiġi rrifjutat kull kofinanzjament ieħor li jista' jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-Suq Uniku tal-UE;

64.  Jitlob għal distribuzzjoni ġusta tal-fondi tal-PAK lill-bdiewa madwar l-UE; ifakkar li biex tiġi rispettata d-diversità tal-biedja fl-UE, iridu jinstabu kriterji oġġettivi sabiex tiġi definita sistema ġusta ta' distribuzzjoni; jirrimarka li l-ħlasijiet diretti jikkontribwixxu għall-għoti ta' beni pubbliċi, jgħinu biex jiġi stabbilizzat id-dħul tal-bdiewa u jassiguraw kontra r-riskji, filwaqt li parzjalment jibbilanċjaw l-istandards għolja soċjalment mixtieqa fl-UE, u t-tnaqqis kontinwu fil-barrieri tat-tariffi, kif ukoll jippremjaw l-għoti ta' beni pubbliċi bażiċi li ma jirċievu l-ebda kumpens mis-suq;

   - Jemmen li biex jitnaqqsu d-differenzi fid-distribuzzjoni tal-fondi ta' appoġġ dirett bejn l-Istati Membri u biex issir riflessjoni fuq id-diversità wiesgħa li tikkaratterizza l-agrikoltura Ewropea,, mhux biżżejjed li tintuża l-bażi tal-ettaru biss u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar kriterji oġġettivi u biex tevalwa l-impatt potenzjali tagħhom, filwaqt li tqis il-kumplessità tas-settur agrikolu u d-differenzi fl-Istati Membri ħalli tintlaħaq distribuzzjoni aktar bilanċjata;
   - Jitlob li jiġu definiti b'mod ċar il-kriterji ġusti u oġġettivi għall-allokazzjoni ta' fondi għal għanijiet ta' żvilupp rurali;

65.  Jemmen li appoġġ dirett għandu jimxi lejn bażi ta' żona fl-Istati Membri kollha fi żmien il-perjodu ta' pprogrammar finanzjarju li jmiss; dan ikun jikkostitwixxi perjodu ta' tranżizzjoni suffiċjenti li jippermetti lill-bdiewa u l-istrutturi agrikoli li għadhom jużaw is-sistema storika ta' ħlasijiet l-flessibilità li jadattaw ruħhom għall-bidliet, u li jevita li ssir ridistribuzzjoni radikali wisq tal-appoġġ, mingħajr ma jiġi preġudikat l-ilħuq malajr ta' distribuzzjoni bbilanċjata tal-appoġġ fost l-Istati Membri; jinnota li t-tbegħid mill-bażi storika jista' joħloq sfidi partikolari għal Stati Membri jew reġjuni b'ammont relattivament kbir tal-hekk imsejħa “art għarwiena” (art eliġibbli li mhix is-suġġett ta' talba għal għajnuna); jitlob li l-bżonnijiet speċifiċi ta' reġjuni bħal dawn jingħataw kunsiderazzjoni sħiħa meta jkun qed jitfassal l-appoġġ futur; jemmen ukoll li l-Stati Membri u r-reġjuni jridu jkomplu jżommu l-flessibilità li jirreġjonalizzaw is-sistema ta' ħlasijiet għaż-żona tagħhom b'tali mod li jirriflettu l-prijoritajiet speċifiċi tagħhom filwaqt li jirrispettaw il-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern;

66.  Iqis li m'għandux ikun hemm ritorn għall-ħlasijiet akkoppjati bħala prinċipju ta' gwida tal-PAK; huwa tal-fehma, madankollu, li, minħabba ċ-ċaqliq minn mudell ta' appoġġ storiku għal dak ta' appoġġ għal żona, fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħuda wara l-Kontroll tas-Saħħa, għandu jitħalla marġni adegwat għal flessibilità lill-Istati Membri; jemmen li din il-flessibilità se tagħmel mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorju tagħhom u jkunu jistgħu jipprevjenu li l-produzzjoni tieqaf għalkollox jew li tonqos id-diversità tal-biedja; hu tal-fehma li dan il-marġni għall-immanuvrar ikun jieħu s-sura ta' ħlasijiet akkoppjati limitati għas-setturi u territorji agrikoli vulnerabbli u żoni li huma ambjentalment sensittivi, b'konformità mar-rekwiżiti tad-WTO filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet tas-suq ġusti għall-bdiewa madwar l-UE kollha;

67.  Jidentifika l-ħtieġa ta' pedamenti ċentrali ewlenin – is-Sikurezza tal-Ikel u l-Kummerċ Ġust, is-Sostenibilità, l-Agrikoltura madwar l-Ewropa, il-Kwalità tal-Ikel, il-Protezzjoni tal-Bijodiversità u tal-Ambjent, u t-Tkabbir Ekoloġiku, biex tinkiseb PAK ġusta u aktar sostenibbli; iqis li l-istruttura ta' żewġ pilastri għandha tinżamm kif inhi, imma li għandha tevita li l-objettivi tal-politika u l-istrumenti jiġu rduppjati, kif ukoll li tirrifletti l-kontenut tal-pedamenti identifikati hawnhekk;

68.  Jemmen li, fl-interess tas-simplifikazzjoni, taċ-ċarezza u ta' approċċ komuni, irid jiġi maqbul mill-bidu tar-riforma l-finanzjament għal kull waħda mill-prijoritajiet tal-PAK;

Sikurezza tal-ikel u kummerċ ġust

69.  Isostni li jekk għandha tkompli l-attività agrikola, din għandha tkun b'kundizzjoni li jinżammu l-vijabilità u l-kwalità tal-ħajja għall-bdiewa; jemmen, għaldaqstant, li għandu jkun hemm pagament bażiku dirett għal żona mill-fondi tal-UE lill-bdiewa kollha tal-UE sabiex tkun żgurata s-sostenibilità soċjali u ekonomika tal-mudell Ewropew tal-produzzjoni agrikola, li għandu jipprovdi sigurtà bażika tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej, jippermetti lill-bdiewa li jipproduċu ikel ta' kwalità għolja b'mod kompetittiv, jassigura li l-attività agrikola u l-impjiegi fiż-żoni rurali jkunu inkoraġġuti madwar l-UE u jipprovdi beni pubbliċi ta' bażi permezz ta' rekwiżiti ta' kundizzjonalità għall-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin, kif ukoll standards ta' kwalità għolja u ta' benesseri tal-annimali;

70.  Jappella għal rekwiżit assolut li tiġi ppremjata biss il-produzzjoni agrikola attiva, li permezz tagħha r-rekwiżiti minimi ta' attività jkunu inklużi fir-regoli ta' kundizzjonalità bħala prekundizzjoni għall-ħlasijiet, u sabiex il-proporzjonalità tkun il-prinċipju prinċipali applikat meta jiġu infurzati r-regoli;

Sostenibilità

71.  Jemmen li pagament top-up għal żona mill-fondi tal-UE għandu jkun disponibbli għall-bdiewa permezz ta' kuntratti sempliċi multiannwali biex jippremjahom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom tal-karbonju għal kull unit ta' produzzjoni u/jew jżidu l-qbid tagħhom tal-karbonju fil-ħamrija u permezz ta' metodi ta' produzzjoni sostenibbli u permezz tal-produzzjoni ta' bijomassa li tista' tintuża fil-produzzjoni ta' agromaterjali li jservu fit-tul;

72.  Jinnota li dan jista' jkollu benefiċċju doppju li jagħmel l-agrikoltura tal-UE aktar sostenibbli ambjentalment u ekonomikament permezz ta' emissjonijiet aktar baxxi ta' karbonju u/jew effiċjenza mtejba u wkoll jassigura li l-bdiewa jistgħu jibbenefikaw finanzjarjament minn żieda fil-qbid tal-karbonju fuq l-art tagħhom u jpoġġihom fuq l-istess livell ta' industriji oħra li qegħdin fil-ETS tal-UE; jitlob biex jiġu definiti kif jixraq kriterji u objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu biex jippermettu li dawn il-ħlasijiet jiġu implimentati kemm jista' jkun malajr f'kull Stat Membru;

Agrikoltura madwar l-Ewropa

73.  Jitlob għall-kontinwazzjoni ta' miżuri speċifiċi biex jiġu kumpensati l-bdiewa li jipproduċu f'żoni żvantaġġjati bħalma huma ż-żoni li għandhom żvantaġġi naturali, inklużi pereżempju reġjuni muntanjużi, żoni li huma ambjentalment sensittivi u/jew reġjuni li l-aktar li huma affettwati mit-tibdil tal-klima, u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, sabiex jiġi assigurat li l-attività agrikola sseħħ ħalli l-art tibqa' tiġi mmaniġġjata u l-ikel lokali jiġi prodott madwar l-UE kollha, filwaqt li titnaqqas it-theddida tal-abbandun tal-art u tiġi assigurata ġestjoni bilanċjata tat-territorju madwar l-UE kollha u żvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola;

74.  Jemmen li kwalunkwe riforma tal-iskema taż-żoni aktar żvantaġġati (LFA), partikolarment fir-rigward ta' kif l-LFAs huma mfassla u kklassifikati, għandha tqis id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom bdiewa f'kull parti tal-UE, peress li dawn ivarjaw sew skont il-kundizzjonijiet bijofiżiċi u klimatiċi; Huwa tal-fehma li żoni li jistgħu jiġu esklużi skont kwalunkwe regola ġdida għandhom jingħataw perjodu adegwat ta' tħejjija għall-esklużjoni;

75.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol partikolari tal-bdiewa f'żoni peri-urbani, fejn jaf ikun hemm pressjoni intensa fuq riżorsi rurali u agrikoli; jenfasizza li l-produzzjoni ta' ikel u beni pubbliċi qrib popolazzjonijiet urbani għandha tinżamm;

Kwalità tal-ikel

76.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-politika tal-kwalità tal-ikel, inkluż f'dik li hi indikazzjoni ġeografika (PDO/PGI/TSG), għandu jkun aspett ta' prijorità tal-PAK u għandu jiġi approfondit u msaħħaħ sabiex l-UE tkun tista' żżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett f'dan il-qasam; huwa tal-fehma li, fil-każ ta' dawn il-prodotti ta' kwalità għolja, għandu jitħalla li jsir użu ta' strumenti oriġinarji ta' ġestjoni, protezzjoni u promozzjoni, u b'hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw b'mod armonjuż u jkomplu jagħtu l-kontribut maġġuri tagħhom għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli tal-agrikoltura Ewropea;

Protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ambjent

77.  Jemmen li l-bdiewa jistgħu jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-bijodiversità u tal-ambjent, kif ukoll għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-mitigazzjoni tiegħu, b'mod li jkun ta' nfiq effettiv; u għaldaqstant dan jeħtieġ li jkunu inċentivizzat aktar; jappella sabiex il-PAK tipprovdi l-opportunità għall-biċċa l-kbira tal-art agrikola li tkun koperta bi skemi agroambjentali biex l-bdiewa jiġu ppremjati talli jagħtu servizzi oħra fl-ekosistema, filwaqt li jitħeġġu aktar mudelli ta' produzzjoni sostenibbli b'input aktar baxx bħalma hi l-biedja organika, l-agrikoltura integrata, l-iżvilupp ta' biedja ta' valur naturali għoli u prattiki ta' agrikoltura intensiva sostenibbli; iqis li dawn il-miżuri ta' żvilupp rurali għandhom kollha jibqgħu jiġi kofinanzjati u, jekk ikun meħtieġ, b'baġit akbar;

Tkabbir ekoloġiku

78.  Jemmen li “tkabbir ekoloġiku” għandu jkun fil-qalba ta' strateġija ġdida għal żvilupp rurali li tiffoka fuq il-ħolqien ta' impjiegi ġodda ekoloġiċi permezz ta':

   l-iżvilupp ta' għodod dinamiċi lokali bħall-kummerċjalizzazzjoni lokali, l-ipproċessar lokali, l-appoġġ għal proġetti li jinvolvu l-partijiet interessati kollha mis-settur tal-biedja lokali,
   l-iżvilupp tal-bijomassa, tal-bijoskart, tal-bijogass u tal-produzzjoni fuq skala żgħira ta' enerġija rinnovabbli kif ukoll l-inkoraġġiment tal-produzzjoni ta' bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, ta' agromaterjali u ta' prodotti kimiċi ekoloġiċi,
   l-investiment fl-immodernizzar u l-innovazzjoni kif ukoll f'riċerka ġdida u tekniki ta' żvilupp ġodda għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-mitigazzjoni tiegħu,
   il-provvediment ta' taħriġ u pariri lill-bdiewa biex japplikaw tekniki ġodda u l-għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu deħlin fl-industrija;

79.  Jemmen li biex jinforza l-pedamenti prinċipali tal-PAK, għandha tibqa' disponibbli xibka ta' sikurezza adegwata; huwa tal-fehma li din ix-xibka ta' sikurezza għandha tkun flessibbli biżżejjed biex tqis l-iżviluppi tas-suq, u tinkludi għodod bħall-ħażna pubblika u privata, l-intervenzjoni u d-dekonġestjoni tas-suq, li għandhom jiġu attivati meta jkun hemm il-ħtieġa sabiex jikkumbattu l-volatilità estrema u bħala għodda ta' reazzjoni rapida f'każ ta' kriżi għal dan il-għan, huwa jqis li fil-baġit tal-UE għandha tkun disponibbli linja ta' riserva speċjali tal-baġit li tista' tkun attivata malajr biex tirreaġixxi għall-kriżijiet li jinqalgħu;

80.  Jappella biex dawn il-miżuri jkunu appoġġati minn strumenti maħsuba biex jgħinu ħalli jnaqqsu l-volatilità u jipprovdu kundizzjonijiet stabbli għan-negozju u l-ippjanar agrikoli; f'dan il-kuntest, huwa tal-fehma li għandhom ukoll jiġu kkunsidrati wkoll għodod ekonomiċi u finanzjarji ġodda u innovattivi bħalma huma politiki ġenerali ta' assigurazzjoni għar-riskji tal-ħsad, swieq tal-futuri u fondi ta' mutwalizzazzjoni, bħala mod kif wieħed jindirizza l-kundizzjonijiet estremi tas-suq jew tal-klima, mingħajr ma titħarbat kwalunkwe skema privati li qed tiġi żviluppata;

81.  Huwa tal-fehma li r-regolamentazzjoni tal-espansjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni jista' jkollha rwol fundamentali fl-iżgurar ta' tkabbir sostenibbli f'għadd ta' setturi agrikoli;

82.  Jinsisti li, biex jikkumplementaw il-miżuri tas-suq, hemm il-bżonn urġenti li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi primarji fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta' skala ta' azzjonijiet biex jiġu indirizzati t-trasparenza, ir-relazzjonijiet kuntrattwali u l-prattiki kummerċjali inġusti; huwa tal-fehma li għandhom ukoll jiġu investigati aġġustamenti possibbli għar-regoli tal-kompetizzjoni ħalli jippermettu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi primarji jsiru aktar effiċjenti u jikbru fid-daqs fejn ikun meħtieġ, u jarmawhom b'setgħa ta' negozjar imtejba sabiex jiddefendu lilhom infushom kontra negozjanti kbar li jbigħu bl-imnut u proċessuri kbar; f'dan il-kuntest, jemmen li għandha titqies il-ħatra ta' Ombudsmen nazzjonali u/jew Ombudsman Ewropew bil-għan li jiġu solvuti tilwimiet fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel;

83.  Ifakkar li, fost is-sett kurrenti ta' għodda tas-suq u fil-kuntest tal-impenji tad-WTO, fl-UE għandhom jibqgħu jiġu eliminati gradwalment ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, b'mod parallel ma' miżuri simili li qed jittieħdu minn sħab tad-WTO;

84.  Jemmen li l-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea għandha tiġi promossa fil-Komunità u lil hinn minnha sabiex jinstabu mezzi biex jingħelbu l-isfidi ewlenin tal-ġejjieni, inkluża s-sikurezza tal-ikel fl-UE, il-provvista tal-ikel lill-popolazzjoni dinjija li kull ma jmur qiegħda dejjem tikber, approċċ ambjentali b'saħħtu, bijodiversità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

85.  Ifakkar li l-UE tista' tiffinanzja miżuri f'pajjiżi Ewropej u f'pajjiżi terzi li jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti agrikoli u tal-ikel Ewropej, jew li jippromwovu l-vantaġġi tagħhom, fl-Ewropa u madwar id-dinja; jemmen li l-baġit għal dawn il-fondi għandu jiġi rivedut sabiex titkabbar il-viżibilità tal-prodotti agrikoli u tal-ikel Ewropej fis-swieq fi ħdan l-UE u f'pajjiżi terzi; jemmen li dawn l-iskemi promozzjonali għandhom jiġu implimentati b'mod iktar wiesa' u għandhom jiġu applikati aktar u b'mod aktar effettiv taħt il-PAK il-ġdida;

86.  Huwa tal-fehma li l-politika agrikola komuni għandha tippermetti dieta aktar tajba għas-saħħa li għandha tkun disponibbli għall-konsumaturi kollha, b'mod partikolari għall-ifqar fosthom, fuq il-bażi ta' firxa ta' prodotti aktar varji u bi prezzijiet aktar raġonevoli; sabiex jiġi miġġieled il-faqar u titjieb is-saħħa, għandhom jitkomplew il-programmi ta' għajnuna għall-ifqar fis-soċjetà, filwaqt li l-programmi biex tingħata spinta lill-konsum tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel għandhom jiġu estiżi;

87.  Jemmen li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida għandu jkollha s-sempliċità, il-proporzjonalità u t-tnaqqis tal-burokrazija u tal-ispejjeż amministrattivi fil-qalba tagħha;

Il-PAK fil-qafas finanzjarju multiannwali u fil-proċedura baġitarja annwali

88.  Jenfasizza l-ħtieġa, meta jitqiesu l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, li jkun hemm fondi xierqa fl-MFF l-ġdid, sabiex il-politika tkun tista' tiġi appoġġata aħjar skont l-isfidi ewlenin li dan is-settur kruċjali tas-sigurtà tal-ikel tal-UE se jkollu jħabbat wiċċu magħhom fis-snin li ġejjin;

89.  Ifakkar li f'dawn l-aħħar erba' snin tal-MFF attwali, kien possibbli li jiġu miftiehma l-baġits annwali jew bl-użu tal-marġni eżistenti fid-diversi intestaturi jew permezz ta' referenza għar-reviżjoni prevista fil-paragrafu 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 bl-użu tal-marġni disponibbli taħt il-limiti massimi tal-Intestatura 2 sabiex jiġu ffinanzjati l-prijoritajiet l-oħra tal-UE; jindika li, mis-sena baġitarja 2011 sal-iskadenza tal-MFF attwali (2013), il-marġni taħt il-limitu massimu tal-Intestatura 2 se jkun limitat ħafna;

90.  Jenfasizza li n-natura legalment vinkolanti tal-MFF teħtieġ l-introduzzjoni ta' sistema ta' implimentazzjoni aktar flessibbli sabiex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi b'mod effettiv, flessibbli u suffiċjenti għal avvenimenti mhux mistennija;

91.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont l-Artikolu 314(3) TFUE, il-Kummissjoni ma tkunx tista' tibqa' temenda l-abbozz tal-baġit tagħha ladarba jkun iltaqa' l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tippreżenta Ittra Emendatorja biex taġġorna l-previżjoni agrikola fil-ħarifa; jinsisti li l-Ittra Emendatorja għandha tkun disponibbli qabel il-vot tal-PE; jistieden lill-kumitati kompetenti biex jistabbilixxu proċedura interna sabiex tiġi definita l-pożizzjoni tal-Parlament fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni;

92.  Ifakkar li l-Proġetti Pilota (PP) u l-Azzjonijiet Preparatorji (PA) introdotti mill-Parlament Ewropew saru għodda importanti fit-tfassil ta' prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li ta' spiss isiru attivitajiet u programmi tal-UE, inkluż fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali; jemmen li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji jistgħu fil-futur jintużaw ukoll bħala pjattaforma sabiex jiġu ttestjati ideat ġodda ta' riforma;

93.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew meta tkun taħdem fuq il-komunikazzjoni tagħha u tfassal il-proposti leġiżlattivi tagħha;

o
o   o

94.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) AGRI_DT (2010)439305.
(2) Testi adottati, P6_TA(2007)0101.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0131.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0088.
(5) Ara l-graff 1,annessa.mar-rapport A7-0204/2010.
(6) Ara l-graff 2,annessa.mar-rapport A7-0204/2010.
(7) Ara l-graff 3, annessa mar-rapport A7-0204/2010.
(8) Ara l-graff 4, annessa mar-rapport A7-0204/2010.
(9) Ara l-graff 5, annessa.mar-rapport A7-0204/2010.


Is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS
PDF 417kWORD 106k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS (2009/2238(INI))
P7_TA(2010)0287A7-0207/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-4 ta' Awwissu 1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokk ta' Ħut li hu Komuni f'Aktar minn Żona Waħda u Stokk ta' Ħut li hu Migratorju Ħafna (“Il-Ftehim ta' New York”),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) għal Industrija tas-Sajd Responsabbli, li ġie adottat fil-31 ta' Ottubru 1995,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni finali tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar mis-26 ta' Awwissu sal-4 ta' Settembru 2002 f'Johannesburg,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu, “Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd” (COM(2009)0163),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, “Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura - Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea” (COM(2009)0162),

–  wara li kknsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakesh tal-15 ta' April 1994 li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ adottata f'Doha fl-14 ta' Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, “L-Ewropa Globali: Kompetizjoni Dinjija” (COM(2006)0567),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona(8),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0207/2010),

A.  wara li kkunsidra l-importanza strateġika tas-sajd u tas-settur tal-akkwakultura biex ifornu l-popolazzjoni u joffru bilanċ tal-ikel għall-Istati Membri u għall-UE kollha kemm hi, kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-benesseri soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet tal-kosta, għall-iżvilupp lokali, l-impjiegi u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali,

B.  billi l-ħut huwa riżorsa naturali li, f'idejn ġestjoni xierqa, tista' tkun rinnovabbli u tipprovdi kemm ikel kif ukoll impjiegi fi ħdan l-UE u fid-dinja kollha, u jeħtieġ li jkun sostnut bil-għan li jiġi evitat it-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut u t-tbatija sussegwenti fil-komunitajiet tal-kosta; billi, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġestjoni effikaċi tas-sajd, inkluża d-dimensjoni tal-impatt tal-kummerċ internazzjonali fuq ir-riżorsi tal-ħut fid-dinja kollha;

C.  filwaqt li titqies ir-riforma ambizzjuża tal-Politika Komuni tas-Sajd mibdija mill-Kummissjoni Ewropea bl-adozzjoni tal-Green Paper tat-22 ta' April 2009 bil-għan li tkun riveduta l-biċċa l-kbira tal-aspetti ta' din il-politika,

D.  filwaqt li titqies bl-istess mod l-istrateġija ġdida għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea definita mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta' April 2009 (COM(2009)0162),

E.  wara li kkunsidra l-objettivi speċifiċi stabbiliti għall-ġestjoni tas-sajd fis-Samit Dinji tal-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002, fosthom li, sa l-2015, l-isfruttar tal-ħażniet tal-ħut jinżel għal livell kompatibbli mal-Qabda Massima Sostenibbli,

F.  billi l-produzzjoni Komunitarja ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (PSA) naqset b'madwar 30 % matul l-aħħar għaxar snin,

G.  billi dan it-tnaqqis huwa marbut fl-istess ħin mat-tnaqqis tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra Ewropej u mal-miżuri implimentati, bir-raġun, biex ikun limitat il-qbid u tkun żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet skont il-PKS, kemm fl-ibħra tal-UE kif ukoll lil hinn minnhom, b'mod partikolari fejn l-Impriżi tas-Sajd tal-UE jitmexxew permezz ta' ftehimiet ta' Sħubija għas-Sajd,

H.  billi s-sajd Ewropew jirrappreżenta anqas minn 6 % tal-qbid dinji,

I.  billi, anke jekk il-Green Paper dwar ir-riforma tal-PKS tippreżenta l-viżjoni għall-futur imbiegħed ta' taqliba possibbli ta' din it-tendenza ta' tnaqqis tal-qbid, il-miżuri radikali previsti biex jippermettu lir-riżorsi jirriġeneraw (tnaqqis tal-kapaċità tal-flotot, miżuri ta' ġestjoni aktar stretti, kontrolli msaħħa, eċċ.) bil-kontra, jistgħu biss jaċċentwawha f'terminu twil jew qasir ta' żmien,

J.  billi, barra minn hekk, minkejja l-istrateġija l-ġdida ddefinita għaż-żona, il-limitazzjonijiet multipli li jaffettwaw l-iżvilupp tal-akkwakultura fil-Komunità huma tali li probabbli mhux se jkunu jistgħu jiġu kumpensati b'mod sinifikanti, f'tul ta' żmien qasir jew medju, għax-xejra ġenerali ta' produzzjoni inqas fis-settur tal-estrazzjoni,

K.  billi dan jagħmilha essenzjali li tkun imħeġġa aktar produzzjoni Ewropea, speċjalment fl-Istati Membri ġodda b'potenzjal ċar fir-rigward tal-akkwakultura,

L.  billi d-domanda Komunitarja għal PSA, bil-kontra, qed tiżdied b'mod ġenerali fl-Unjoni Ewropea, b'żieda partikolarment qawwija fis-swieq tal-Istati Membri l-ġodda tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, u billi huwa mistenni li diversi fatturi jwasslu għal żieda kostanti tal-konsum fl-għoxrin sena li ġejjin,

M.  billi l-Unjoni Ewropea (12-il miljun tunnellata u 55 biljun euro fl-2007) diġà hija l-akbar suq dinji għall-PSA, qabel il-Ġappun u l-Istati Uniti, li jiddependi ferm mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jkopru aktar minn 60 % tal-bżonnijiet, u li din id-dipendenza x'aktarx li tikber aktar,

N.  billi issa jidher ċar li l-kwistjoni tal-importazzjonijiet tal-PSA fl-UE u tal-kundizzjonijiet li bihom dawn l-importazzjonijiet isiru hija assolutament kruċjali f'kull analiżi tal-politiki mmexxija mill-Unjoni Ewropea dwar is-sajd u l-akkwakultura, u billi trid tingħata attenzjoni partikulari lil din il-kwistjoni fid-dawl tar-riformi li qed isiru,

O.  billi din il-kwistjoni trid titqies mill-aspetti kollha tagħha: kummerċjali, ambjentali, soċjali, sanitarji u kwalitattivi,

P.  billi s-sajd mhux selettiv u l-livelli għolja ta' rimi f'ċerti impriżi tas-sajd li jesportaw lejn is-suq tal-UE jfissru li qed jinħlew ammonti sinifikanti ta' ħut adattat għall-konsum mill-bniedem,

Q.  billi trid issir riflessjoni partikulari dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) fil-qasam tal-PSA, billi r-regoli attwali tagħha jidher li m'għadhomx validi għal għadd ta' raġunijiet u jeħtieġu reviżjoni urġenti,

R.  billi din ir-riflessjoni titlob ukoll li jsir eżami kritiku tal-politika kummerċjali komuni kif applikata, b'mod partikolari, f'dan is-settur u wkoll tal-konsistenza fid-deċiżjonijiet meħuda f'dak il-qafas bil-ħtieġa li tippreserva settur tas-sajd Ewropew vijabbli u responsabbli,

S.  billi, minkejja li l-PSA għadhom soġġetti għal protezzjoni doganali teorika skont it-Tariffa Doganali Komuni (TDK) li hija ftit ogħla mill-medja għall-prodotti mhux agrikoli, din il-protezzjoni tonqos b'mod sinifikanti fil-prattika minħabba diversi eżenzjonijiet u tnaqqis, applikati b'mod awtonomu jew abbażi ta' ftehimiet, li jfisser li l-importazzjonijiet effettivament soġġetti għat-tariffi MFN (applikabbli awtomatikament) jirrappreżentaw madwar 5 % tat-total,

T.  billi hu mistenni li l-politika li jinfetħu s-swieq tal-UE għall-importazzjonijiet tal-PSA tissokta, kemm f'livell multilaterali, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO u partikolarment tal-qasam ASMA (aċċess għas-swieq mhux agrikoli) taċ-Ċiklu ta' Doha, kif ukoll permezz ta' għadd ta' negozjati preferenzjali li għaddejjin ma' kull xorta ta' sħab kummerċjali fl-Asja, fl-Amerika Latina, fl-Amerika ta' Fuq, fil-Mediterran u ma' gruppi differenti ta' pajjiżi tal-AKP,

U.  billi, b'mod partikulari l-konklużjoni tat-taħditiet ASMA taċ-Ċiklu ta' Doha fuq il-bażi prevista attwalment tal-“formula Svizzera” b'koeffiċjent ta' 8 jkollha l-effett li tnaqqas ir-rata massima tat-taxxa doganali applikabbli għall-PSA fl-UE minn 26 % għal madwar 6 % u r-rata medja minn 12 % għal madwar 5 %,

V.  billi tali deċiżjoni, minbarra l-fatt li tnaqqas kważi għalkollox l-effett protettiv tat-tariffi li għadhom fis-seħħ, tneħħi kull sinifikat, billi tgħawwarhom ferm, tal-preferenzi diġà mogħtija jew li qed ikunu nnegozjati għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u billi ddgħajjef is-sisien stess tal-mekkaniżmi tad-WTO li jippermettu l-modulazzjoni tal-aċċess għas-suq Komunitarju fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-industrija Ewropea tal-ipproċessar tal-PSA (sospensjonijiet tariffarji u kwoti tariffarji),

W.  billi r-rekwiżit tal-UE għal koerenza bejn l-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp tagħha (eliminazzjoni tal-faqar, l-iżvilupp ta' operazzjonijiet tas-sajd lokali sostenibbli) u l-politika kummerċjali tagħha jimplika li pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu mħeġġa jesportaw il-prodotti tas-sajd b'valur miżjud akbar, sakemm il-ħut ikun ġej minn operazzjonijiet tas-sajd ġestiti tajjeb u sostenibbli, u jissodisfa l-kondizzjonijiet sanitarji meħtieġa,

X.  billi, barra minn hekk, it-tendenza nnutata fis-snin riċenti min-naħa tan-negozjaturi kummerċjali tal-UE li jippermettu aktar faċilment derogi għar-regoli ta' oriġini preferenzjali applikati tradizzjonalment għall-PSA, kemm għall-prodotti mhux ipproċessati (kriterji għad-determinazzjoni tan-nazzjonalità tal-bastimenti) kif ukoll għall-prodotti pproċessati (possibilità li tinżamm l-oriġini preferenzjali minkejja l-użu ta' materja prima mhux tal-oriġini),

Y.  billi studju tal-FAO wera li anki jekk il-kummerċ internazzjonali fi prodotti tal-ħut jista' jwassal għal aktar sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dan wassal ukoll għal żieda fis-sajd għas-suq tal-esportazzjoni, u dan jista' jiggrava t-tnaqqis fl-istokkijiet, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tas-sajd ikunu ġestiti u kkontrollati sewwa biex jevitaw tnaqqis tal-ħażniet,

Z.  filwaqt li jitqiesu l-interessi diverġenti tal-produtturi Komunitarji tal-PSA (sajjieda u akkwakulturi), tal-industriji tal-ipproċessar, tad-distributuri, tal-importaturi u tal-konsumaturi, li l-politiki mfassla f'livell Ewropew għandhom jippruvaw jirrikonċiljaw b'mod effikaċi u bbilanċjat,

AA.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li jkunu żgurati soluzzjonijiet aċċettabbli għall-produtturi Komunitarji (sajjieda u intrapriżi tal-akkwakultura) fuq bażi ta' prezzijiet remunerattivi biżżejjed, b'qies tal-ispejjeż, limitazzjonijiet u imponderabbli relatati mal-attività tagħhom,

AB.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċessuri tal-Komunità jistgħu jibbenefikaw minn materja prima ta' kwalità uniformi, fi kwantità suffiċjenti u bi prezzijiet stabbli tul is-sena kollha,

AC.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li tkun issodisfata d-domanda mill-konsumaturi fil-Komunità għal prodotti ta' kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi u li titqies ix-xewqa dejjem tikber tagħhom għal informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-oriġini tal-prodotti u l-kondizzjonijiet li fihom ikunu ġew maqbuda jew prodotti,

AD.  filwaqt li jitqies l-impatt divrenzjat ta' importazzjonijiet fis-suq Komunitarju skont l-ispeċijiet involuti, il-grad ta' pproċessar tal-prodott u r-rotot ta “distribuzzjoni użati,

AE.  billi, pereżempju, effett ta' tnaqqis fuq il-prezzijiet fil-punt inizjali tal-bejgħ ikkawżat minn kompetizzjoni mill-importazzjonijiet jidher li hu kwistjoni aktar sensittiva għall-ispeċijiet “industrijali” (dawk destinati għall-industrija tal-ipproċessar) milli għall-ispeċijiet mhux industrijali,

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jiddeplora l-fatt li l-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd tiddedika biss ftit linji għall-kwistjoni tal-importazzjonijiet u tissottovaluta, b'mod ċar, l-importanza tat-trattament xieraq ta'din il-kwistjoni għall-kredibilità u s-suċċess tar-riforma;

2.  Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-aċċess għas-suq tal-UE għall-PSA importati hija diġà avvanzata sew bħala riżultat ta' politika kummerċjali segwita mill-UE matul l-aħħar għoxrin sena;

3.  Jinnota li l-produzzjoni Komunitarja ta' PSA hija nettament insuffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet tal-industrija tal-ipproċessar u d-domanda dejjem tikber tal-konsumaturi u li din mhijiex se tinbidel; jirrikonoxxi, għalhekk, il-ħtieġa li jkun promoss il-konsum responsabbli, ibbażat fuq il-kwalità u s-sostenibbiltà aktar milli fuq il-kwantità, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġestjoni tas-sajd għall-promozzjoni tal-irkupru tal-istokkijiet u l-fatt li l-importazzjonijiet ser ikomplu jkollhom rwol importanti fil-forniment tas-suq tal-UE;

4.  Jirrikonoxxi li hemm limitu massimu fuq l-ammont ta' ħut li jista' jinqabad fuq bażi sostenibbli, kemm għal konsum uman u kemm għal skopijiet industrijali, li jfisser li l-provvista ta' ħut għas-suq tal-UE ma tistax tiżdied ad infinitum;

5.  Madankollu, jenfasizza l-ħtieġa essenzjali li jkun żgurat li fl-UE jinżammu oqsma tas-sajd u tal-akkwakultura ambjentalment sostenibbli u ekonomikament vijabbli, inklużi operazzjonijiet fuq skala żgħira, li jkunu mifruxa b'mod armonizzat mal-kosta tagħha, li jgħinu biex titħares l-identità kulturali tar-reġjuni konċernati, li jipprovdu x-xogħol fl-istadji kollha tal-produzzjoni, u li jipprovdu ikel sikur u ta' kwalità tajba li jimplika li s-sajjieda jingħataw prezz tajjeb għall-prodott tagħhom; jisħaq ukoll li l-impjegati fl-industrija tas-sajd għandhom jaħdmu taħt kundizzjonijiet raġonevoli u skont il-konvenzjonijiet tal-ILO dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol;

6.  Jinnota li l-ftuħ attwali tas-suq tal-Komunità għall-esportazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jista' – f'ċerti ċirkustanzi – jkollu impatt negattiv fuq l-ekonomija lokali f'ċerti reġjuni, speċjalment l-aktar reġjuni mbiegħda, rigward il-bejgħ tal-prodotti tagħhom;

Kunsiderazzjonijiet speċifiċi
Politika Kummerċjali u Doganali

7.  Iqis li l-UE, bħala l-akbar importatur ta' prodotti tas-sajd fid-dinja, taqsam ir-responsabilità politika ma' pajjiżi oħra li huma importaturi ewlenin tal-ħut li tiżgura li r-regoli kummerċjali tad-WTO jirrispettaw l-istandards globali l-aktar għolja possibbli tal-immaniġġjar tas-sajd u tal-konservazzjoni; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali tal-UE il-kummerċ ġust, trasparenti u sostenibbli tal-ħut jiġi msaħħaħ;

8.  iqis li protezzjoni tariffarja raġonevoli hija u trid tibqa' strument importanti u leġittimu tal-kontroll tal-importazzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet politiċi; ifakkar li protezzjoni tariffarja erga omnes hija l-aspett ewlieni tal-preferenzi mogħtija mill-UE lil ċerti pajjiżi, b'mod partikulari lil dawk li qed jiżviluppaw; ifakkar li t-tneħħija ta' din il-protezzjoni ċċaħħad lill-pajjiżi li jibbenefikaw mill-preferenzi mill-vantaġġi kollha li għandhom attwalment; ifakkar ukoll fil-karatteristika utli ta' flessibbiltà ta' din il-protezzjoni tariffarja li l-UE tista' tissospendi l-applikazzjoni tagħha jekk il-produzzjoni Komunitarja ta' meterja prima ma tkunx biżżejjed biex ikun żgurat il-forniment xieraq tal-industrija tal-ipproċessar tagħha;

9.  Għalhekk, ma jistax jaċċetta l-opinjoni, promossa permezz tal-politika tal-kummerċ attwalment fis-seħħ, ta' telf inevitabbli ta' kull protezzjoni tariffarja fil-qasam tal-PSA li dwaru l-produtturi Komunitarji – sajjieda, akkwakulturi u min jipproċessa – ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn għajr jirrassenjaw ruħhom;

10.  Iqis li, bħas-settur agrikolu, l-oqsma tas-sajd u tal-akkwakultura huma oqsma strateġiċi, multifunzjonali, li jiddependu fuq il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi naturali, u vulnerabbli ħafna f'ċerti komponenti tagħhom, li ma jaddattawx ruħhom tajjeb għal approċċ purament ta' kummerċ ħieles ibbażat fuq il-libertà ta' azzjoni tal-vantaġġi komparattivi;

11.  Jiddispjaċih li, bil-kontra tan-negozjati kummerċjali rigward il-prodotti agrikoli li huma mmexxija mill-Kummissarju għall-Agrikoltura, dawk dwar il-PSA huma kkunsidrati bħala negozjati “mhux agrikoli” u huma l-kompetenza tal-Kummissarju għall-Kummerċ, li għalih spiss jirrappreżentaw biss varjant ta' aġġustament f'korp usa' ta' kwistjonijiet;

12.  Jitlob it-trasferiment tal-kompetenza tat-tmexxijja tan-negozjati kummerċjali dwar il-PSA mill-Kummissarju għall-Kummerċ għall-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd;

13.  Jitlob għall-iżvilupp, permezz ta' sensiela ta' studji u konsultazzjonijiet, ta' stampa ċara u sħiħa tas-suq Komunitarju tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, speċi bi speċi, kif ukoll tat-tendenzi probabbli fid-domanda u l-produzzjoni fil-Komunità u tas-soluzzjonijiet li hu mistenni li jinżammu għal produzzjoni fil-kuntest ta' kompetizzjoni ġusta;

14.  Jitlob ukoll li l-Kummissjoni tevalwa bl-aktar mod affidabbli u bl-aktar mod preċiż l-impatt tal-importazzjonijiet ta' PSA fis-suq Komunitarju, partikolarment fir-rigward tal-prezzijiet, u li taħdem favur l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ġbir u ta' skambju ta' dejta li tiffaċilita din l-evalwazzjoni;

15.  Jesiġi li l-PPA jitqiesu bħala prodotti sensittivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-“formula Svizzera” fil-qafas tan-negozjati ASMA taċ-Ċiklu ta' Doha fid-WTO, sabiex ikun evitat it-tgħawwir tal-protezzjoni tariffarja li għadhom jibbenefikaw minnha xi prodotti taħt it-TDK u li jinżammu, b'dan il-mod, il-valur tal-preferenzi mogħtija lil ċerti sħab u l-effikaċja tal-mekkaniżmi tal-OKS;

16.  Ifakkar li, skont il-paragrafu 47 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-14 ta' Novembru 2001, in-negozjati taċ-Ċiklu attwali huma mwettqa fuq il-bażi tal-prinċipju tal-“impriża waħda” u li, sakemm iċ-Ċiklu ma jkunx spiċċa għalkollox, l-Unjoni Ewropea għad tkun tista' tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha dwar ċerti kapitoli tagħha;

17.  Iħeġġeġ ukoll lin-negozjaturi Komunitarji tad-WTO biex jibqgħu jirrifjutaw kategorikament li jinvolvu lill-UE fi kwalunkwe inizjattiva ta' liberalizzazzjoni plurilaterali settorjali tal-PSA;

18.  jappella lill-Kummissjoni biex tesiġi li l-konklużjoni eventwali ta' ftehim dwar is-sussidji fis-settur tas-sajd li qed jiġu nnegozjati fid-WTO, partikolarment dwar il-miżuri ta' kontroll tas-suq, ma tkunx tfisser għall-produtturi Ewropej sitwazzjoni ta' żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma' fornituri ta' pajjiżi terzi; huwa jopponi fil-prinċipju kwalunkwe “ħsad bikri” ta' ftehim tali, li għandu jibqa' inseparabbli mill-elementi l-oħra tar-rawnd ta' Doha;

19.  Jistieden lin-negozjaturi Komunitarji għan-negozjati bilaterali u reġjonali biex jesiġu b'mod aktar sistematiku kontropartijiet effikaċi għall-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija lill-pajjiżi terzi fir-rigward tal-importazzjoni tal-PSA filwaqt li jiddefendu b'determinazzjoni l-interessi offensivi tal-Unjoni Ewropea f'dan is-settur fejn jeżistu;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE żżomm il-kontroll tal-preferenzi kummerċjali li tagħti lil xi sieħba billi tesiġi l-applikazzjoni ta' regoli stretti ta' oriġini, ibbażati fuq il-kunċett ta' prodotti “miksuba sħaħ”; jitlob kawtela fl-għoti ta' kull deroga għall-kriterji tradizzjonali għad-determinazzjoni tan-nazzjonalità tal-bastimenti għall-prodotti mhux ipproċessati, u jesiġi r-rifjut ta' kull talba ġdida ta' deroga fir-rigward ta' prodotti pproċessati; iqis li r-regola magħrufa bħala “no-drawback” trid tkun applikata sistematikament u li l-possibilitajiet ta' akkumulazzjoni ta' oriġini għandhom ikunu limitati;

21.  jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni li ttejjeb, b'mod kwantitattiv u kwalitattiv, l-analiżi tal-impatt fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura tal-preferenzi tarifarrji, mogħtija lil ċerti pajjiżi, b'mod partikolari fir-rigward tal-profitti tal-impriżi u tal-impjieg, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikolari l-pajjiżi tal-AKP; jisħaq ukoll fuq il-fatt li dawn il-valutazzjonijiet iridu jipprovdu riżultati kwantifikati kif jixraq u jqisu b'mod partikolari speċijiet ta' ħut vulnerabbli;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għażla tal-industrija Komunitarja li tagħmel użu mill-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ tal-UE f'każijiet ta' dumping, sussidjar jew żieda fuq skala kbira u mingħajr twissija ta' importazzjonijiet għal ċerti kategoriji ta' PSA;

Aspetti ambjentali, soċjali, sanitarji u kwalitattivi

23.  Jemmen li wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-politika Komunitarja dwar l-importazzjoni tal-PSA għandu jkun li jiġi żgurat li prodotti importati jissodisfaw l-istess rekwiżiti, fl-oqsma kollha, bħal dawk imposti fuq il-produzzjoni Komunitarja; iqis li dan l-għan jikkorrispondi għall-preokkupazzjonijiet fundamentali ta' ekwità, ta' koerenza u ta' effikaċja tal-miżuri implimentati attwalment f'dan il-qasam jew previsti fil-qafas tar-riforma; jinnota wkoll li l-konformità ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE ma' rekwiżiti tal-UE se tgħin biex tinħoloq kompetizzjoni aktar ugwali bejn il-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea u l-produzzjoni ta' pajjiżi mhux fl-UE minħabba l-ispejjeż ogħla li se jonfqu l-pajjiżi mhux tal-UE biex jipproduċu l-ħut skont l-istandards tal-UE;

24.  Huwa mħasseb li l-influss massiv ta' PSA fuq is-suq Komunitarju minn pajjiżi terzi jista' jinfluwenza d-drawwiet tax-xiri tal-konsumaturi;

25.  Iqis li l-intensifikazzjoni tal-isforzi tal-UE fir-rigward tal-konservazzjoni tal-istokkijiet u tad-sostenibilità tas-sajd, fil-qafas tal-PKS, huma inkompatibbli ma' PSA minn pajjiżi li qed iżidu l-isforzi tas-sajd tagħhom mingħajr ma jinteressaw ruħhom fis-sostenibilità u huma interessati biss fil-profitti fuq medda ta' żmien qasira;

26.  jenfasizza li l-politika Komunitarja ta' konservazzjoni tar-riżorsi tikkontribwixxi, b'mod partikolari permezz tal-pjanijiet ta' rkupru u ta' ġestjoni, biex ikunu ffavoriti l-importazzjonijiet ta' PSA minn pajjiżi terzi u biex ikunu jistgħu jieħdu post, b'mod ħafna drabi irreversibbli, il-produzzjoni Komunitarja; jitlob lill-Kummissjoni tqis dan ir-riskju b'mod xieraq fit-tfassil ta' dawn il-pjanijiet;

27.  Jibża“, fin-nuqqas ta' politika stabbilita dwar dan is-suġġett, li l-ġibda konsiderevoli ta' suq Komunitarju tal-PSA b'aċċess liberu ferm u kkaratterizzat minn domanda li qed tikber sew, tikkostitwixxi għal dawn il-pajjiżi stimolu permanenti għas-sajd żejjed;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ riċenti ta' regolament dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u li jimponi ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti kollha mqiegħda fis-suq Komunitarju; jinkoraġġixxi applikazzjoni stretta u effikaċi ta' dan ir-regolament, filwaqt li jagħraf il-fatt li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu l-għajnuna biex jimplimentaw ir-regolament kif suppost u biex jikkumbattu s-sajd illegali; madankollu, ifakkar li dan huwa rekwiżit minimu li ma jkunx biżżejjed biex tkun iggarantita s-sostenibilità tal-impriżi tas-sajd li minnhom jiġu l-prodotti inkwistjoni;

29.  Jemmen li, minbarra l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar is-sajd IUU, huwa meħtieġ li jsiru aktar kontrolli aktar downstream fuq il-marketing ta' ħut bħal dan, partikolarment permezz ta' verifiki aktar rigorużi tal-Istati Membri u ta' intrapriżi suspettati b'forniment ta' prodotti li joriġinaw minn sajd illegali;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li l-pajjiżi esportaturi ewlenin ta' PSA lejn l-UE jonoraw l-impenji li ħadu f'Johannesburg u l-implimentazzjoni minn dawn il-pajjiżi ta' politiki stretti dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi; jinkkuraġġiha biex tikkopera ma' dawn il-pajjiżi fil-fora xierqa kollha u partikolarment fil-qafas tal-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO);

31.  L-Unjoni Ewropea trid tinforza wkoll lil dawk l-impriżi sabiex ikun żgurat li l-prodotti kollha esportati lejn l-Unjoni Ewropea, mingħajr eċċezzjoni, huma minn pajjiżi li rratifikaw il-ftehimiet internazzjonali ewlenin fil-qasam tal-liġi marittima, u b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il- Liġi tal-Baħar u l-Konvenzjoni dwar l-istokkijet tal-ħut transżonali u li jpassi ħafna u, f'każijiet fejn l-esportazzjonijiet jiġu minn ilmijiet ġestiti minn RFMO, li dawn huma partijiet kontraenti tal-ftehim RFMO konċernat;

32.  Jenfasizza l-iżvantaġġi kbar li għandhom is-sajjieda, l-akkwakulturi u l-impriżi ta' pproċesar Komunitarji, meta jħabbtu wiċċhom mal-konkorrenza ta' xi pajjiżi terzi minħabba l-ispejjeż ħafna iżgħar għall-ħaddiema f'dawn il-pajjiżi kif ukoll minħabba normi soċjali anqas esiġenti li huma applikati;

33.  Iqis li l-problema tad-“dumping soċjali”, preżenti wkoll f'diversi oqsma oħra tal-ekonomija, hija partikolarment gravi fil-qasam tal-PSA u partikolarment fl-attivitajiet ta' pproċesar, li jużaw ħafna l-ħaddiema;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tal-anqas ikun żgurat li l-pajjiżi esportaturi ewlenin ta' PSA lejn l-UE jħarsu t-tmien Konvenzjonijiet tal-ILO dwar id-drittijiet fundamentali tax-xogħol;

35.  Jesiġi li l-preferenzi kummerċjali kollha mogħtija mill-UE fir-rigward tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura għandhom jiddependu b'mod strett mill-issodisfar ta' rekwiżiti soċjali u ambjentali stretti; jitlob ukoll li d-dispożizzjonijiet inklużi għal dan il-għan fil-ftehimiet konklużi jkun fihom mekkaniżmi kredibbli ta' sorveljanza li jiġu onorati l-impenji li ttieħdu u ta' sospensjoni jew ta' revoka ċara tal-preferenzi f'każ ta' ksur; jitlob, fil-każ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-implimentazzjoni ta' programmi mfassla b'mod speċifiku biex jingħata l-appoġġ tekniku, u l-appoġġ finanzjarju jekk ikun meħtieġ, sabiex l-Istati milquta jkunu jistgħu jonoraw l-impenji ambjentali u soċjali li jkunu ħadu;

36.  Jisħaq fuq l-importanza ta' applikazzjoni stretta għall-PSA importati, inkluż għal kwalunkwe għalf u materjal tal-għalf, tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward in-normi u l-kontrolli sanitarji fl-aspetti kollha tagħhom (sigurtà tal-ikel, traċċabilità, prevenzjoni), li huma aspetti kruċjali għall-ħarsien tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex issaħħaħ il-programm tagħha ta' spezzjonijiet ta' pajjiżi terzi billi ttejjeb il-ħidma tal-missjonijiet tal-Uffiċċji tal-Ikel u Veterinarji, prinċipalment billi żżid l-għadd ta' stabbilimenti spezzjonati waqt kull missjoni, sabiex tikseb riżultati li jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni reali fil-pajjiżi terzi;

37.  Iħeġġeġ kawtela kbira fl-għarfien tal-ħtiġijiet applikati f'ċerti pajjiżi terzi bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni u fil-validazzjoni tal-listi ta' pajjiżi u impriżi awtorizzati li jesportaw il-PSA lejn l-UE; iqis li DĠ SANCO għandu jkun kapaċi jneħħi bastimenti individwali jew impjanti ta' proċessar minn listi approvati fejn dawn jonqsu milli jilħqu standards minimi;

38.  Jitlob viġilanza kbira fir-rigward ta' prodotti minn forom ġodda ta' akkwakultura partikolarment intensivi prattikati f'ċerti reġjuni tad-dinja, kif ukoll analiżi kritika tat-tekniki u l-proċeduri użati biex tiżdied il-produttività ta' dawn l-impjanti u tal-konsegwenzi possibbli tagħhom fuq is-saħħa, kif ukoll l-impatt soċjali u ambjentali lokali tagħhom;

39.  Jesiġi intensità u frekwenza tal-kontrolli li jsiru fil-livelli kollha, u partikolarment tal-kontrolli fil-fruntieri armonizzati effettivament u trasparenti, li jkunu proporzjonali għar-riskji mill-prodotti konċernati, partikolarment fir-rigward tan-natura u l-provenjenza tagħhom; jitlob lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi kollha finanzjarji u umani meħtieġa;

Riforma tal-OKS

40.  Ifakkar fid-diversi riżoluzzjonijiet tiegħu, adottati matul is-sitt leġiżlatura, li jitolbu lill-Kummissjoni twettaq b'urġenza riforma ambizzjuża tal-OKS tal-prodotti tas-sajd sabiex tikkontribwixxi aktar għall-iżgurar tad-dħul f'dan is-settur, tal-istabilità tas-swieq, kummerċjalizzazzjoni aqwa tal-prodotti tas-sajd u żieda tal-valur miżjud maħluq li dawn jirrapreżentaw; jiddeplora d-dewmien f'dan il-qasam; jirreferi għar-riżoluzzjonijiet konċernati dwar il-kwistjoni ta' liema għandhom ikunu l-għanijiet ewlenin ta' din ir-riforma;

41.  Jisħaq fuq il-fatt li l-mekkaniżmi ġodda implimentati f'dan il-qafas iridu assolutament iqisu r-realtà innegabbli li tirrappreżenta l-konkorrenza feroċi ħafna tal-importazzjonijiet irħas li jirriżulta minn prattiki li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew ekwivalenti għal forma ta' dumping soċjali, kif ukoll jippruvaw jiggarantixxu tal-anqas li l-produzzjoni Komunitarja tista' titqiegħed fis-suq b'mod normali u bi prezzijiet remunerattivi biżżejjed;

Informazzjoni għall-konsumatur

42.  Jesprimi l-konvinzjoni li l-konsumaturi Ewropej spiss jagħmlu għażliet differenti kieku jkunu infurmati aħjar dwar in-natura vera, l-oriġini ġeografika, il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni jew qbid, u l-kwalità tal-prodotti offruti għall-bejgħ;

43.  Jenfasizza l-urġenza li jiddaħħlu kriterji ta' ċertifikazzjoni u ttikkettar stretti u trasparenti fir-rigward tal-kwalità u t-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura Ewropej, kif ukoll li titħeġġeġ l-introduzzjoni mill-aktar fis possibbli ta' tikketta ekoloġika Komunitarja speċifika għal dawn il-prodotti sabiex tintemm il-proliferazzjoni inkontrollata tas-sistemi ta' ċertifikazzjoni privati;

44.  Jemmen li l-ekoċertifikazzjoni u l-ekotikkettar tal-PSA għandhom ikunu proċessi trasparenti u li jinftiehmu faċilment mill-konsumatur, u għandhom ikunu disponibbli għas-settur kollu mingħajr eċċezzjoni, suġġett għal konformità stretta mal-kriterji bażiċi ta' attribuzzjoni;

Akkwakultura

45.  Jenfasizza s-sehem li qed jikber tal-prodotti tal-akkwakultura fl-importazzjonijiet ta' PSA tal-Unjoni Ewropea;

46.  Jattribwixxi dan il-fenomenu għal tkabbir konsiderevoli tal-produzzjoni tal-akkwakultura f'ċerti reġjuni tad-dinja matul l-aħħar għaxar snin fi żmien meta l-akkwakultura Komunitarja, li tirrappreżenta biss 2 % tal-produzzjoni dinjija, kienet għaddejja minn perjodu ta' staġnar;

47.  Jinnota l-eżistenza ta' effetti ta' sostituzzjoni sinifikanti, f'termini tad-drawwiet u d-domanda tal-konsumaturi min-naħa tad-distributuri fil-UE, bħal bejn il-prodotti friski ta' oriġini Komunitarja u ċerti tipi ta' prodotti tal-akkwakultura importati;

48.  Iqis li politika determinata ta' għajnuna għall-iżvilupp ta' akkwakultura sostenibbli, b'inqas impatt fuq l-ambjent, fl-UE hija wieħed mill-pedamenti ta' politika bil-għan li titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet fil-qasam tal-PSA, li titħeġġeġ l-attività ekonomika fl-Unjoni Ewropea u li tiġi ssodisfata d-domanda li qed tiżdied b'mod qawwi permezz ta' provvista aktar abbondanti u aktar varjata; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkun hemm impenn qawwi favur ir-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-prodotti Ewropej tal-akkwakultura;

49.  Jirreferi f'dan ir-rigward għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar “Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea”;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet prinċipali ta' dan ir-rapport fil-proposti tagħhom u fid-deċiżjonijiet dwar il-riforma tal-PSK;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.
(2) ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.
(3) ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 271.
(4) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(5) ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0039.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0243.
(8) Testi adottati, P6_TA(2009)0373.


Iż-Żimbabwe, b'mod partikolari l-każ ta' Farai Maguwu
PDF 210kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar iż-Żimbabwe, b'mod partikolari l-każ ta' Farai Maguwu
P7_TA(2010)0288RC-B7-0415/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti numerużi tiegħu dwar iż-Żimbabwe, u l-iktar waħda riċenti tas-17 ta' Diċembru 2008(1),

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2010/92/PESK tal-15 ta' Frar 2010(2) li ġġedded sal-20 ta' Frar 2011 il-miżuri restrittivi imposti kontra ż-Żimbabwe skont il-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK(3), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1226/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008(4), li jemenda l-Pożizzjoni Komuni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-22 ta' Frar 2010 dwar iż-Żimbabwe u l-konklużjonijiet tal-Għaxar Djalogu Politiku Ministerjali bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel tal-11 ta' Mejju 2010 dwar iż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tan-NU dwar id-djamanti tad-demm, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 1459 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley,

–  wara li kkunsidra l-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley, li teħtieġ li l-membri tagħha jiċċertifikaw li djamanti mhux maħduma ma jintużawx biex jiffinanzjaw kunflitti bl-armi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ż-Żimbabwe irratifika,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tas-Seba' Sessjoni Plenarja tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley, li saret fil-5 ta' Novembru 2009 fi Swakopmund in-Namibja, b'mod partikolari l-paragrafi 13,14 u 22 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Laqgħa Internazzjonali tal-Proċess Kimberley li saret bejn il-21 u t-24 ta' Ġunju 2010 f'Tel Aviv l-Iżrael,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou bejn l-UE u l-AKP, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ż-Żimbabwe huwa membru volontarju tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley, li tippermetti lill-membri jbiegħu djamanti mhux maħduma fis-suq internazzjonali leġittimu sakemm dan il-kummerċ ma jiffinanzjax il-kunflitti bl-armi,

B.  billi l-Proċess Kimberley attwalment ma jindirizzax l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem,

C.  billi huwa stmat li, jekk it-territorju tad-djamanti ta' Marange (Chiadzwa) fil-provinċja ta' Manicaland jiġi għal kollox żviluppat, iż-Żimbabwe jaf isir wieħed mill-akbar produtturi ta' djamanti fid-dinja fis-snin li ġejjin, fatt li potenzjalment jaf jiġġenera biljuni ta' euro fi dħul,

D.  billi f'Novembru 2009 fi Swakopmund (in-Namibja), iż-Żimbabwe ħa r-responsabilità li jwettaq serje ta' azzjonijiet biex it-tħaffir għad-djamanti f'Marange isir b'konformità mas-Sistema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley,

E.  billi l-Laqgħa Intersessjonali tal-Proċess Kimberley, li saret bejn il-21 u t-23 ta' Ġunju 2010 f'Tel Aviv, ma kinetx kapaċi tasal għal konsensus rigward l-inklużjoni possibbli tal-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Proċess Kimberley,

F.  billi ħafna NGOs internazzjonali (inklużi Human Rights Watch, Global Witness and Partnership for Africa-Canada) kellhom tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Chiadzwa, b'mod partikolari fir-rigward tal-abbużi fuq id-drittijiet tal-bniedem minn membri tal-forzi tas-sigurtà Żimbabweni,

G.  billi Farai Maguwu, ċittadin Żimbabwen u fundatur/direttur taċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Iżvilupp, NGO tad-drittijiet tal-bniedem ibbażata f'Manicaland, identifika ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà tal-istat Żimbabwen f'ħafna territorji tad-djamanti Żimbabweni, b'mod speċjali f'Chiadzwa,

H.  billi Farai Maguwu ġie arrestat mill-awtoritajiet Żimbabweni fit-3 ta' Ġunju 2010 fuq akkuża li ppubblika informazzjoni preġudizzjali għall-Istat Żimbabwen u ilu miżmum minn dak iż-żmien f'kundizzjonijiet foqra u ġie rrifjutat il-medikazzjoni essenzjali tiegħu, id-dritt li jkollu l-każ tiegħu mismugħ minn imħallef fi żmien 48 siegħa wara l-arrest u d-dritt ta' kawzjoni,

1.  Jeżiġi r-rilaxx immedjat u bla kundizzjonijiet ta' Farai Maguwu u jikkundanna l-kundizzjonijiet tal-arrest u d-detenzjoni tiegħu;

2.  Jinsisti li l-awtoritajiet Żimbabweni jonoraw l-impenji tagħhom tal-Proċess Kimberley li għamlu waqt il-laqgħa ta' Swakopmund, jiddemilitarizzaw għal kollox it-territorji tad-djamanti f'Marange, u jdaħħlu miżuri propji biex jinżammu l-liġi u l-ordni b'tali mod li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-poplu lokali;

3.  Jitlob għar-reviżjoni tal-Proċess Kimberley biex jitqiesu kif suppost il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jinsisti li l-Gvern Żimbabwen juża d-dħul sostanzjali li għandu jiġġenera t-tħaffir għad-djamanti f'Chiadzwa bħala l-bażi għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija Żimbabwena fis-sħuħija tagħha, u bħala mezz biex jiġu provduti s-saħħa, l-edukazzjoni u l-iffinanzjar soċjali li attwalment huma provduti mid-donaturi internazzjonali, u għal dak il-għan iħeġġeġ lill-gvern biex jistabbilixxi Fond Fiduċjarju tad-Djamanti li jitqiegħed għas-servizz tal-poplu ta' Żimbabwe;

5.  Jitlob lill-Gvern Żimbabwen biex jiggarantixxi u jħares id-dritt mhux ristrett għal espressjoni ħielsa fiż-Żimbabwe sabiex l-NGOs (bħaċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Iżvilupp ta' Farai Maguwu) ikunu jistgħu jesprimu b'mod ħieles l-opinjonijiet mingħajr biża' ta' persekuzzjoni jew tfigħ il-ħabs;

6.  Jitlob lill-Proċess Kimberley biex jiżgura li l-monitoraġġ għaż-Żimbabwe jsir b'indipendenza kompleta, b'integrità u b'attenzjoni għad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jitlob lill-Afrika t'Isfel u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, fl-interessi tagħhom kif ukoll f'dawk taż-Żimbabwe u r-reġjun usa' tan-Nofsinhar tal-Afrika, biex jieħdu passi attivi biex iħeġġu ritorn lejn demokrazija sħiħa fiż-Żimbabwe u jkun hemm rispett lejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu taż-Żimbabwe; jirrikonoxxi li Mugabe u l-partitarji qrib tiegħu jibqgħu ostaklu fil-proċess għar-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni politiċi u ekonomiċi fiż-Żimbabwe, bis-serq tagħhom tar-riżorsi ekonomiċi tal-pajjiż għall-benefiċċji tagħhom stess;

8.  Jilqa' t-tiġdid reċenti (Frar 2010) tal-lista tal-UE ta' individwi u entitajiet ipprojbiti b'rabtiet mar-reġim ta' Mugabe; jenfasizza li dawn il-miżuri restrittivi huma mmirati biss lejn elementi tar-reġim Żimbabwen u li bl-ebda mod mhuma se jħallu impatt fuq il-poplu Żimbabwen fis-sħuħija tiegħu;

9.  Jisħaq fuq l-importanza ta' djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe u jilqa' l-progress li sar f'din id-direzzjoni;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti taż-Żimbabwe u tal-Afrika t'Isfel, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-ACP, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana inkluż il-Parlament Panafrikan, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, liċ-Chairperson b'rotazzjoni tal-Proċess Kimberley (Iżrael) u lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0640.
(2) ĠU L 41, 16.2.2010, p. 6.
(3) ĠU L 50, 20.2.2004, p. 66.
(4) ĠU L 331, 10.12.2008, p. 11.


Il-Venezwela, b'mod partikolari l-każ ta' Maria Lourdes Afiuni
PDF 215kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-Venezwela, b'mod partikolari l-każ ta' Maria Lourdes Afiuni
P7_TA(2010)0289RC-B7-0414/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Frar 2010, tas-7 ta' Mejju 2009, tat-23 ta' Ottubru 2008 u tal-24 ta' Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-separazzjoni u l-indipendenza tas-setgħat jiffurmaw il-bażi ta' kull Stat demokratiku u kostituzzjonali,

B.  billi, fl-10 ta' Diċembru 2009, Maria Lourdes Afiuni, “Imħallef ta' Kontroll” ta' Karakas, hi u taġixxi skont il-liġijiet tal-Venezwela u ssegwi opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, tat il-libertà kondizzjonata (skont restrizzjonijiet stretti, fosthom it-tneħħija tal-passaport) lil Eligio Cedeño, li kien ilu detenut qabel il-proċess minn Frar tal-2007,

C.  billi l-perjodu ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess huwa limitat għal sentejn skont il-liġi Venezwelana, u billi l-Imħallef Afiuni, meta ħarġet id-deċiżjoni, irrispettat id-drittijiet fundamentali, imħarsa mil-liġi internazzjonali u Venezwelana,

D.  billi l-Imħallef Afiuni kienet arrestata minnufih bla akkuża quddiem il-qorti minn uffiċjali tad-DISIP (Direttorat tal-Intelligence u l-Prevenzjoni) u kienet ittrasferita fit-12 ta' Diċembru 2009 lill-INOF (Instituto Nacional de Orientación Femenina), ħabs ta' sigurtà kbira, fejn għadha qed tinżamm aktar minn sitt xhur wara, f'kundizzjonijiet li għadhom qed jipperikolaw is-saħħa fiżika u mentali tagħha billi madwar 24 priġunier instabu ħatja minnha għal reati bħall-omiċidju, it-traffikar tad-drogi u l-ħtif; billi, waqt id-detenzjoni tagħha, kienet insultata, mhedda, attakkata verbalment u fiżikament u ppruvaw joqtluha,

E.  billi fil-11 ta' Diċembru 2009, il-President Hugo Chávez, f'diskors imxandar fuq it-televiżjoni, għajjarha brigant, filwaqt li talab lill-Avukat Ġenerali japplika l-piena massima u saħansitra ħeġġeġ lill-Assemblea Nazzjonali tgħaddi liġi ġdida li tħarrax il-pieni għal dan it-tip ta' mġiba, li għandhom ikunu infurzati b'mod retroattiv,

F.  billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Venezwelana jiddikjara li l-ġudikatura għandha tkun awtonoma u indipendenti u li l-President tar-Repubblika tal-Venezwela huwa responsabbli għall-iżgurar tal-indipendenza tal-ġudikatura,

G.  billi, wara d-dikjarazzjonijiet tal-President kontra l-Imħallef Afiuni, kienet akkużata b'abbuż tal-awtorità, korruzzjoni, kospirazzjoni u li għenet lil persuna taħrab, u billi, għalkemm il-prosekutur wera li ma ħaditx flus u li għalhekk ma kien hemm l-ebda evidenza ta' korruzzjoni, għadha l-ħabs,

H.  billi l-każ tal-Imħallef Afiuni wassal għal għadd ta' rapporti, riżoluzzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jikkundannaw lill-awtoritajiet Venezwelani u li jesprimu s-solidarjetà magħha, billi avukati u maġistrati mid-dinja kollha, NGOs bħal Amnesty International u Human Rights Watch, u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem esprimew il-preokkupazzjoni tagħhom dwar is-sitwazzjoni tagħha, filwaqt li ddikjaraw li qiegħda l-ħabs minħabba l-integrità tagħha u minħabba li trid tiġġieled għall-indipendenza tal-ġudikatura, u l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem talbet li jittieħdu miżuri ta' prekawzjoni biex tkun żgurata s-sikurezza personali tagħha,

I.  billi l-każ tal-Imħallef Afiuni mhuwiex attakk iżolat fuq il-ġudikatura min-naħa tal-awtoritajiet politiċi, filwaqt li xi mħallfin tkeċċew waqt li oħrajn għażlu li jitilqu mill-pajjiż,

J.  billi d-deterjorament tad-demokrazija fil-Venezwela hija ċara ħafna f'oqsma oħra wkoll, partikolarment fir-rigward tal-libertà tal-istampa, anke fl-internet, li kienet attakkata kostantement mill-gvern u li kontriha ttieħdu firxa wiesgħa ta' miżuri, fosthom l-għeluq ta' gazzetti, stazzjonijiet tar-radju, websajts u stazzjonijiet tat-televiżjoni,

K.  billi l-libertà tal-midja hija ta' importanza vitali għad-demokrazija u r-rispett għal-libertajiet bażiċi, meta jitqies ir-rwol fundamentali tal-midja fl-iżgurar tal-libertà li wieħed jesprimi l-fehmiet u l-ideat tiegħu, fir-rispett xieraq tad-drittijiet tal-minoranzi, inklużi l-gruppi tal-oppożizzjoni politika, u fil-kontribut lejn l-involviment effettiv tal-individwi fil-proċessi demokratiċi, u għaldaqstant ikunu jistgħu jsiru elezzjonijiet liberi u ġusti,

L.  billi, minħabba li l-elezzjonijiet parlamentari se jsiru fis-26 ta' Settembru 2010, il-Kunsill Elettorali Nazzjonali, fuq talba tal-gvern, immodifika il-konfini tal-kostitwenzi għall-elezzjoni tal-167 Membru tal-Assemblea Nazzjonali, bidliet li jaffettwaw sa 80 % tal-istati ggvernati mill-oppożizzjoni,

M.  billi miżuri bħall-konfiska u l-esproprjazzjoni arbitrarji, li jinvolvu aktar minn 760 impriża mill-2005 “l hawn, li wħud minnhom jaffettwaw l-interessi tal-UE, jipperikolaw id-drittijiet ekonomiċi u soċjali bażiċi taċ-ċittadini,

N.  wara li kkunsidra s-sitwazzjoni politika ta' tensjoni fil-Venezwela, li tidher fil-fastidju, it-theddid, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni kriminali u politika kontra l-oppożizzjoni demokratika, ir-rappreżentanti tagħha, is-sindki u l-gvernaturi tagħha li ġew eletti demokratikament, il-moviment tal-istudenti, il-membri tal-armata u tal-ġudikatura, minn jopponi l-politika uffiċjali ta' Chávez, il-ġurnalisti u l-midja, sitwazzjoni li wasslet biex ħafna minnhom intbagħtu l-ħabs għal raġunijiet politiċi,

1.  Jiddeplora l-attakki fuq l-indipendenza tal-ġudikatura; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-arrest tal-Imħallef Afiuni u jqisu bħala ksur tad-drittijiet personali bażiċi tagħha, u theddida serja ħafna għall-indipendenza tal-ġudikatura, li hija l-pilastru ewlieni tal-istat tad-dritt;

2.  Jitlob li tinħeles u jistieden lill-Gvern Venezwelan jimpenja ruħu li jirrispetta l-valuri tal-istat tad-dritt, filwaqt li jiffaċilita proċess rapidu u ġust, bil-garanziji legali meħtieġa kollha;

3.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-kundizzjoniiet ta' detenzjoni tal-Imħallef Afiuni, li huma theddida għall-integrità fiżika u psikoloġika tagħha, u jistieden lill-awtoritajiet tal-ħabs biex japplikaw minnufih u b'mod strett il-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet appoġġjati mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-11 ta' Jannar 2010 dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tas-Sa Afiuni;

4.  Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-President tar-Repubblika tal-Venezwela, li insulta u mmalafama lill-Imħallef, u talab piena massima u emenda tal-liġi sabiex tkun tista' tiġi imposta piena eħrex; iqis li dawn id-dikjarazzjonijiet qed jaggravaw iċ-ċirkustanzi tad-detenzjoni tagħha u jikkostitwixxu attakk fuq l-indipendenza tal-ġudikatura mill-President ta' nazzjon, li għandu jkun l-ewwel wieħed li jiggarantixxi din l-indipendenza;

5.  Ifakkar lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fl-obbligu tiegħu li jirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni u l-liberta tal-istampa u li jirrispetta l-indipendenza tal-ġudikatura kif huwa marbut li jagħmel skont il-Kostituzzjoni tiegħu stess u skont id-diversi konvenzjonijiet u karti internazzjonali u reġjonali li l-Venezwela hija firmatarja tagħhom; jemmen li l-midja Venezwelana għandha tiggarantixxi kopertura pluralistika tal-ħajja politika u soċjali Venezwelana;

6.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jagħmel appell mal-awtoritajiet Venezwelani bil-għan li jfisser il-preokkupazzjoni tal-UE dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'dan il-pajjiż tal-Amerika t'Isfel kif ukoll li jitħarsu b'mod sod l-interessi u l-proprjetà ta' ċittadini u kumpaniji mill-Istati Membri tal-UE;

7.  Jiġbed l-attenzjoni li, skont il-Karta Demokratika Inter-Amerikana tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, f'demokrazija, barra mil-leġittimità ċara tal-oriġini, fondata u miksuba fl-elezzjonijiet, jeħtieġ ikun hemm ukoll konformità mal-leġittimità tal-eżerċizzju tal-poter, li għandha tkun imsejsa fuq ir-rispett tal-pluraliżmu, tar-regoli stabbiliti, tal-kostituzzjoni, tal-liġijiet u tal-istat tad-dritt bħala garanzija ta' demokrazija li tiffunzjona bis-sħiħ, u dan jeħtieġ li jinkludi r-rispett għal oppożizzjoni politika paċifika u demokratika, b'mod speċjali meta l-oppożizzjoni tkun ġiet eletta u għandha mandat popolari;

8.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan, fil-prospettiva tal-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta' Settembru 2010, biex jirrispetta r-regoli tad-demokrazija u l-prinċipji tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni u tal-elezzjoni, kif ukoll biex jistieden lill-Unjoni Ewropea u lil korpi internazzjonali biex josservaw dawn l-elezzjonijiet;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.


Il-Korea ta' Fuq
PDF 221kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-Korea ta' Fuq
P7_TA(2010)0290RC-B7-0416/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Peniżola Koreana,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjonijiet Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea”, adottata fil-25 ta' Marzu 2010 u appoġjata mill-Istati Membri tal-UE, li kkundannat, “il-vjolazzjonijiet sistematiċi, mifruxa u serji tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali” u ukoll “l-abbużi serji, mifruxa u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem” mill-RDPK,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nri 1718 (2006) u 1874 (2009),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tat-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea” adottata waqt l-64 Sessjoni fid-19 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1002/PESK tat-22 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Universali tal-Pari dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea tas-7 ta' Novembru 2009, u l-qbil min-naħa tal-RDPK li teżamina l-117-il rakkomandazzjoni inklużi fir-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Reviżjoni Perjodika Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottat fit-18 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali, Vitit Muntarbhorn, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea tas-17 ta' Frar 2010,

–  wara li kkunsidra d-29 round ta' Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tad-29 ta' Ġunju 2010 f'Madrid, fejn kienet diskussa l-kwistjoni tar-refuġjati mill-Korea ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-RDPK għadha preokkupanti ħafna, u billi s-sitwazzjoni umanitarja tagħti lok għal tħassib serju,

B.  billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta' Marzu 2010 dwar is-“Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea” esprimiet tħassib serju dwar ir-rapporti kontinwi ta' vjolazzjonijiet sistematiċi, mifruxa u serji tad-drittijiet ċivili, politiċi, soċjali u kulturali fl-RDPK,

C.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-RDPK iddeskriva s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala “mill-agħar” fir-rapport annwali tiegħu lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

D.  billi l-Gvern tal-RDPK jiċħad il-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq, u ċaħadlu l-aċċess għall-pajjiż u rreżista l-kooperazzjoni mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

E.  billi r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti jiddikjara li t-tkomplija tat-Taħdidiet bejn is-Sitt Partijiet dwar id-denuklearizzazzjoni għandhom iservu wkoll ta' opportunità biex jingħata spazju għal ambjent aħjar tad-drittijiet tal-bniedem,

F.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti ssuġġerixxa li l-Kunsill ta' Sigurtà jikkunsidra l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fl-RDPK u li għandha tinħoloq Kummissjoni ta' Inkjesta biex tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' krimini kontra l-umanità mill-Gvern tal-RDPK,

G.  billi bosta organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi għad-drittijiet tal-bniedem talbu lill-Unjoni Ewropea biex timpenja ruħha aktar dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq,

H.  billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tikkundanna l-abbużi serji, mifruxa u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fl-RDPK, b'mod partikolari l-użu tat-tortura u ta' kampijiet ta' xogħol kontra priġunieri poltiċi u ċittadini ripatrijati tal-RDPK,

I.  billi l-awtoritajiet tal-istat tal-RDPK sistematikament iwettqu qtil extra-ġudizzjarju, detenzjonijiet arbitrarji u għejbien,

J.  billi s-sistema ġudizzjarja hi sottomessa għall-Istat u l-piena kapitali tintuża għal firxa wiesgħa ta' krimini kontra l-Istat u hi perjodikament estiża permezz tal-Kodiċi Kriminali, u billi ċ-ċittadini, inkluż it-tfal huma sfurzati li jattendu għall-eżekuzzjonijiet pubbliċi,

K.  billi l-Gven tal-RDPK ma jippermettix oppożizzjoni politika organizzata, elezzjonijiet ħielsa u ġusti, midja ħielsa, libertà reliġjuża, libertà ta' assoċjazzjoni jew negozjar kollettiv,

L.  billi s-sekwestru u l-ħtif ta' ċittadini minn pajjiżi terzi mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea u minn pajjiżi oħrajn, allegatament anke ta' ċittadini tal-UE, baqgħu mingħajr soluzzjoni u jeħtieġu azzjoni deċiża mill-komunità internazzjonali,

M.  billi numru sinifikanti ta' nies mill-Korea ta' Fuq jaħarbu lejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, fejn hu rrapurtat li ħafna nisa huma soġġetti għat-traffikar tal-bniedem u għal żwiġijiet sfurzati, billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina hi rraportata li tirrimpatrija bil-forza lir-Refuġjati tal-Korea ta' Fuq fl-RDPK bi ksur tar-regoli internazzjoni għall-projbizzjoni tar-refoulement u allegatament tipprojbixxi wkoll liċ-ċittadini tal-RDPK mill-jutilzzaw il-proċeduri ta' ażil tal-UNHCR, bi ksur tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Refuġjati tal-1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967, li għalih aderixxiet ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u billi hemm rapporti inkwetanti dwar ix-xorti ta' dawk iċ-ċittadini li kienu rimpatrijati bil-forza,

N.  billi l-prattika tal-Istat, ta' ħtija b'assoċjazzjoni, tirriżulta fit-tfigħ il-ħabs ta' familji sħaħ, inkluż tfal u nanniet; billi dawn il-priġunieri huma esposti għal vjolazzjonijiet kbar tad-drittijiet tal-bniedem, tortura, ġuħ, skjavitù, u skont xi rapporti hu stmat li diġà mietu 100 000 persuna minħabba eżawriment jew ta' mard mhux ikkurat,

O.  billi l-immaġni mis-satellita u rakkonti varji minn persuni li ħarbu mill-Korea ta' Fuq jissostanzjaw l-allegazzjonijiet li l-RDPK topera mill-anqas sitt kampijiet ta' konċentrament, b'aktar minn 150 000 priġunier politiku, u billi, meta jingħaddu l-kategoriji kollha ta' priġunieri bħal dawk ripatrijati bil-forza mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, hu stmat li hemm madwar 200 000 miżmuma fiċ-ċentri ta' detenzjoni,

P.  billi partijiet kbar tal-popolazzjoni qegħdin isofru minn ġuħ u sa ċertu punt jiddependu fuq għajnuna internazzjonali tal-ikel, u billi l-Programm Dinji tal-Ikel f'Settembru 2009 irrapporta li terz tan-nisa u tfal fil-Korea ta' Fuq kienu neqsin mill-ikel,

Q.  billi s-soċjetà hi governata minn politika tal-“militar l-ewwel” u l-ideoloġija juche, li tirrikjedi l-venerazzjoni tal-mexxej tal-pajjiż,

R.  billi skont rapporti kredibbli minn persuni li ħarbu mill-pajjiż, il-popolazzjoni hi soġġetta għal kampanji ta' mobilizzazzjoni ta' ħidma sfurzata, filwaqt li l-aċċess tal-poplu għal opportunitajiet ta' edukazzjoni u impjieg huma bbażati fuq is-songbun (il-livell ta' klassi soċjali) tagħhom, li hu stabbilit skont il-lealtà tagħhom jew tal-familja tagħhom lejn ir-reġim,

S.  billi r-“riforma monetarja” tat-30 ta' Novembru 2009 wasslet għal ħsara kbira f'ekonomija li diġà kienet qed tfalli u sin ħolqot aktar faqar fis-sezzjonijiet mhux privileġġjati tas-soċjetà bir-riżultat ta' skuntentizza soċjali serja,

T.  billi l-ebda ġurnalist barrani mhu permess aċċess mingħajr restrizzjoni għall-RDPK u billi l-Aġenzija Ċentrali tal-Aħbarijiet tal-Korea hi l-unika sors ta' informazzjoni għall-mezzi tal-midja fil-Korea ta' Fuq, u filwaqt li r-radjijiet u t-Televiżjonijiet jistgħu biss jirċievu sinjali minn stazzjonijiet tal-gvern u r-riċeviment ta' xandiriet barranin hu projbit strettament, bl-għoti ta' pieni ħorox; billi l-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiż m'għandha l-ebda aċċess għall-internet,

1.  Jistieden lill–RDPK biex minnufih ittemm il-vjolazzjonijiet serji, mifruxa u sistematiċi kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem mwettqa kontra l-popolazzjoni tagħha, li jistgħu jitqiesu bħala krimini kontra l-umanità u b'hekk ikunu soġġetti għal ġurisdizzjoni kriminali internazzjonali;

2.  Jistieden lill-RDPK biex minnufih u b'mod permanenti twaqqaf l-eżekuzzjonijiet pubbliċi u tabolixxi l-piena kapitali fl-RDPK;

3.  Jistieden lill-RDPK biex ittemm il-qtil extra-ġudizzjarju u l-għejbien sfurzat, twaqqaf l-użu tat-tortura u x-xogħol sfurzat, teħles lill-priġunieri politiċi u tagħti liċ-ċittadini tagħha l-libertà tal-ivvjaġġar;

4.  Jistieden l-awtoritajiet tal-RDPK jiżguraw l-aċċess għall-ikel u l-għajnuna umanitarja għaċ-ċittadini kollha skont il-bżonn;

5.  Jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa, kif ukoll l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-internet taċ-ċittadini kollha tagħha;

6.  Jistieden lill-UE tappoġġja l-ħolqien ta' Kummissjoni ta' Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti biex tevalwa l-ksur ta' drittijiet tal-bniedem fil-passat u attwali fl-RDPK u biex tistabbilixxi sa liema punt dawn il-vjolazzjonijiet u l-impunità assoċjata mal-abbużi tista' toħloq każ ta' krimini kontra l-umanità, u jistieden lill-Istati Membri biex għal dan il-għan iressqu riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Assembea Ġenerali;

7.  Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jitlob lill-UE biex taħtar rappreżentant speċjali għall-Korea ta' Fuq ħalli jiżgura attenzjoni u koordinament persistenti kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-imsieħba ewlenin bħalma huma l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Korea t'Isfel;

8.  Jistieden l-awtoritajiet tal-RDPK biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Reviżjoni Perjodika Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, u biex bħala l-ewwel pass lejn dan, jippermettu l-ispezzjoni ta' kull tip ta' faċilità ta' detenzjoni mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u minn esperti internazzjonali oħra, u biex jippermettu ż-żjarat fil-pajjiż tar-Rapporteurs Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-RDPK jiżgura investigazzjoni komprensiva u b'eżitu trasparenti u sodisfaċenti, u biex fl-aħħarnett u b'mod komplut igħaddi kull informazzjoni dwar ċittadini mill-UE u dwar ċittadini minn pajjiżi terzi li huma suspettati li nħatfu mill-aġenti tal-istat tal-Korea ta' Fuq fid-deċennji li għaddew u biex minnufih jeħilsu lil dawk li nħatfu u li għadhom miżmuma fil-pajjiż;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jagħtu ażil lir-refuġjati mill-Korea ta' Fuq u biex jadottaw approċċ aktar sistematiku għall-organizzazzjoni ta' protezzjoni Ewropea u internazzjonali għal dawk il-persuni mill-Korea ta' Fuq li qegħdin jaħarbu minn sitwazzjoni mwiegħera f'pajjiżhom u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-għajnuna tar-refuġjati mill-Korea ta' Fuq;

11.  Jistieden lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex twaqqaf l-arresti u r-rimpatriju ta' refuġjati mill-Korea ta' Fuq fl-RDPK u biex tirrispetta l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni dwar ir-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967, u biex tagħti aċċess lill-UNHCR għar-refuġjati mill-Korea ta' Fuq biex tiddetermina l-istatus tagħhom u tgħinhom fis-sistemazzjoni mill-ġdid tagħhom u biex tagħti status ta' resident legali lin-nisa mill-Korea ta' Fuq li huma miżżewġin ma' ċittadini mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

12.  Jistieden lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tuża r-rabtiet mill-qrib tagħha mal-RDPK biex tippromwovi riforma ekonomika u soċjali fil-pajjiż, bil-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta' għajxien u d-drittijiet soċjali tal-popolazzjoni tal-Korea ta' Fuq;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-RDPK u l-kwistjoni tar-refuġjati mill-Korea ta' Fuq li jinsabu fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina waqt it-taħdidiet kollha ta' livell għoli u waqt id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli żżomm il-programmi ta' għajnuna umanitarja u l-kanali ta' komunikazzjoni attwali mal-RDPK, u biex issegwi bir-reqqa t-tqassim ta' għajnuna f'ikel u f'assistenza umanitarja fil-Korea ta' Fuq sabiex tirrispetta l-istandards internazzjonali ta' transparenza u responsabilità;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu bid-djalogu u appoġġ attiv għall-NGOs u għall-operaturi tas-soċjetà ċivili għall-ħolqien ta' kuntatti fl-RDPK bil-għan li jħeġġu bidliet li jwasslu għal ambjent aħjar għad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi klawsola għall-monitoraġġ tad-drittijiet tal-ħaddiema li jaħdmu fil-Kumpless Industrijali ta' Kaesong fl-RDPK fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Korea u tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Avviż legali - Politika tal-privatezza