Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2112(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0376/2010

Testi mressqa :

A7-0376/2010

Dibattiti :

PV 17/01/2011 - 21
CRE 17/01/2011 - 21

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2011 - 7.6
CRE 18/01/2011 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0006

Testi adottati
PDF 331kWORD 91k
It-Tlieta, 18 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel
P7_TA(2011)0006A7-0376/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel (2010/2112(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-agrikoltura tal-UE u t-tibdil fil-klima(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji kummerċjali, SEC(2010)1058,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel”,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, li jinkludu li sal-2015 jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-popolazzjoni dinjija li tbati minħabba l-ġuħ meta mqabbel mal-1990,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0376/2010),

A.  billi l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-Ewropa, il-fatt li l-konsumaturi jingħataw ikel tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli, u s-salvagwardja tad-dħul tal-bdiewa ilhom l-objettivi ewlenin tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) mindu bdiet u għadhom l-objettivi ewlenin tal-UE sal-lum,

B.  billi l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista alimentari Ewropea u dinjija u billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel laqtet l-agħar lill-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli,

C.  billi l-volatilità tal-prezzijiet fl-agrikoltura hija fin-natura tagħha permanenti, peress li l-prezzijiet jirrispondu sproporzjonatament għal varjazzjonijiet żgħar fil-livell ta' produzzjoni, ta' spiss bħala riżultat tal-ispekulazzjoni,

D.  billi waqt laqgħa reċenti tal-Kumitat għas-Sigurtà tal-Ikel Dinji fil-FAO, l-UE saħqet fuq il-problema tal-volatilità estrema tal-prezzijiet u l-Panel ta' Esperti ta' Livell Għoli l-ġdid ġie mitlub li jirrapporta dwar il-kawżi u l-miżuri fir-rigward taċ-ċaqliq fil-prezzijiet,

E.  billi fenomeni klimatiċi u oħrajn jistgħu jwasslu lil xi pajjiżi biex jadottaw politiki protezzjonisti, kif ġara fil-każ tal-projbizzjoni reċenti fuq l-esportazzjoni tal-qamħ li ġiet imposta fuq l-Ukraina mir-Russja, li flimkien jesportaw madwar 30% tal-qamħ dinji,

F.  billi l-produzzjoni dinjija tal-ikel tista' tiġi ostakolata b'mod regolari minn firxa ta' fatturi inklużi l-impatt tal-annimali li jagħmlu l-ħsara u tal-mard, id-disponibilità tar-riżorsi naturali u d-diżastri naturali, kif ġara fl-2010 minħabba n-nixfa u n-nirien li damu ħafna fir-Russja u l-għargħar enormi fil-Pakistan,

G.  billi t-tibdil fil-klima se jirriżulta f'każijiet aktar frekwenti ta' tali diżastri naturali, u b'hekk tiġi pperikolata s-sigurtà tal-ikel,

H.  billi l-isfida hija li jiġi prodott “aktar minn anqas”, b'enfasi fuq il-produzzjoni sostenibbli minħabba pressjoni fuq ir-riżorsi naturali,

I.  billi l-UE hija l-akbar importatur nett ta' prodotti agrikoli, u tiddependi żżejjed mill-importazzjonijiet tal-proteini, ta' prodotti oljużi u tal-qamħirrum għas-settur tagħha tat-trobbija tal-annimali, kif ukoll tal-frott u l-ħaxix, mhux l-anqas għax il-produtturi tagħna mhumiex permessi li jużaw l-istess metodi ta' produzzjoni għal tali prodotti,

J.  billi skont l-FAO, it-tkabbir stmat fil-popolazzjoni dinjija minn 7 biljun ruħ għal 9.1 biljun ruħ se jeħtieġ żieda ta' 70% fil-provvista tal-ikel sas-sena 2050,

K.  billi l-karestija u l-faqar għadhom jeżistu fl-Unjoni Ewropea; billi 79 miljun ruħ fl-UE għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar (60 % tad-dħul medju tal-pajjiż li fih tgħix il-persuna); u billi fix-xitwa li għaddiet 16-il miljun ċittadin tal-UE ngħataw għajnuna alimentari minn istituzzjonijiet tal-karità,

L.  billi s-sigurtà tal-ikel ma tfissirx biss id-disponibilità ta' provvisti tal-ikel, iżda skont l-FAO tinkludi wkoll id-dritt għall-ikel u l-aċċessibilità għal nutriment tajjeb għas-saħħa għal kulħadd; billi, billi ssir dejjem aktar kompetittiva, l-Ewropa tista' tikkontribwixxi għas-sigurtà dinjija tal-ikel,

M.  billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel għall-ifqar membri tas-soċjetà kien aggravat mill-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija,

N.  billi d-dħul tal-bdiewa naqas b'mod drammatiku fl-2009 wara deċennju ta' staġnar tad-dħul, l-aktar minħabba kundizzjonijiet tas-suq diffiċli u spejjeż dejjem jiżdiedu tal-produzzjoni; billi d-dħul agrikolu huwa aktar baxx b'mod sinifikanti (b'estimu ta' 40 % għal kull unità tax-xogħol) mill-bqija tal-ekonomija, u billi d-dħul għal kull abitant f'żoni rurali huwa ferm aktar baxx (b'madwar 50 %) minn f'żoni urbani,

O.  billi l-bdiewa jirċievu sehem li gradwalment dejjem qed jonqos tal-valur miżjud iġġenerat mill-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li s-sehem tal-industrija tal-ikel żdied; billi katina tal-provvista li tiffunzjona kif suppost hija prerekwiżit neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jieħdu qligħ ġust għall-prodotti tagħhom,

P.  billi matul il-katina sħiħa tal-produzzjoni, tal-provvista u tal-konsum tal-ikel, sa 50% tal-ikel prodott fl-UE qed jintrema,

Q.  billi 7% biss tal-bdiewa fl-UE huma taħt l-età ta' 35 sena,

R.  billi s-sigurtà tal-ikel hija kwistjoni ta' importanza kbira għall-Ewropa u teħtieġ koerenza u koordinament bejn diversi oqsma politiċi settorjali fil-livell tal-UE, jiġifieri l-PAK, il-politika dwar l-enerġija, il-programmi ta' riċerka, il-politiki kummerċjali u dwar l-iżvilupp, u r-regolament finanzjarju,

1.  Jisħaq fuq il-fatt li settur agrikolu b'saħħtu u sostenibbli fl-UE kollha u ambjent rurali sostenibbli u li jkun qed jiżviluppa, żgurat minn PAK b'saħħitha, huma komponenti vitali sabiex tingħeleb l-isfida tas-sigurtà tal-ikel;

2.  Jafferma li l-UE għandha l-ogħla standards tal-produzzjoni agrikola u tal-ikel fid-dinja b'enfasi qawwija fuq is-sikurezza tal-ikel, il-kwalità tal-ikel u s-sostenibilità ambjentali tal-agrikoltura;

3.  Huwa tal-fehma li jeħtiġilna nużaw il-forom kollha ta' biedja biex inkunu nistgħu nitimgħu lill-Ewropa u lil pajjiżi terzi;

Is-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja

4.  Jemmen li d-dritt għas-sigurtà tal-ikel huwa dritt tal-bniedem bażiku u jinkiseb biss meta kulħadd, f'kull ħin, ikollu aċċess fiżiku u ekonomiku għal ikel xieraq, sikur (fir-rigward tas-saħħa) u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-preferenzi alimentari tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa;

5.  Jiddikjara li l-UE għandha d-dmir li titma' liċ-ċittadini tagħha u li t-tkomplija tal-attività tal-biedja fl-UE hija importanti ferm f'dan ir-rigward; jiġbed l-attenzjoni rigward id-dħul tal-biedja li qed jonqos fl-UE, minħabba l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu u l-volatilità tal-prezijiet, li għandhom impatt negattiv fuq il-ħila tal-bdiewa li jżommu l-produzzjoni; jenfasizza l-ispejjeż li jkollhom iġarrbu l-bdiewa Ewropej biex jissodisfaw l-ogħla standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel, tal-benesseri tal-annimali u tax-xogħol fid-dinja; jisħaq fuq il-fatt li l-bdiewa għandhom jiġu kkumpensati għal dawn l-ispejjeż addizzjonali u talli jipprovdu l-prodotti lis-soċjetà; jenfasizza li l-ikel minn pajjiżi terzi li jidħol fl-UE jrid jissodisfa l-istess standards għoljin, biex il-produtturi Ewropej ma jbatux mil-lat tal-kompetittività;

6.  Jirrikonoxxi li l-garanzija ta' provvista tal-ikel adegwata hija komponent essenzjali tas-sigurtà tal-ikel, imma jirrikonoxxi wkoll li l-aċċess għall-ikel u kemm wieħed jista' jaffordja l-ikel jeħtieġu li tingħata attenzjoni għat-twaqqif ta' standard ta' għajxien xieraq, partikolarment għal min m'għandux biżżejjed riżorsi ekonomiċi, li spiss ikunu tfal, anzjani, migranti, refuġjati u persuni qegħda;

7.  Jappoġġja l-formula Sigurtà tal-Ikel - Nutriment - Kwalità – Qrubija – Innovazzjoni - Produttività; jemmen li biex dan iseħħ il-PAK futura għandha tieħu nota tal-aspettattivi tan-nies li għandha tkun kemm politika agrikola kif ukoll politika dwar l-ikel immirati biex jipprovdu informazzjoni pubblika dwar id-dieta b'saħħitha;

8.  Iqis li l-UE għandha toħloq kundizzjonijiet aħjar għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' nutrizzjoni bħal “School Fruit” u “School Milk” fl-Istati Membri, kif ukoll appoġġ aħjar għall-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-oriġini ta' prodotti u nutrizzjoni, meta jitqies il-fatt li għażliet infurmati dwar id-dieta jistgħu jipprevjenu l-mard u jnaqqsu l-piż kbir fuq l-infiq soċjali fl-Ewropa; u jitlob li jsiru aktar programmi ta' appoġġ rigward id-dieta, li għandu jkollhom piż amministrattiv inqas, kif ukoll li jiżdied il-baġit għal dawk il-programmi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-prattiċità ta' dawn il-programmi;

9.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm tal-UE “Il-Persuni l-Aktar Imċaħħda”; ifakkar li permezz tal-Liġi tagħha dwar il-Farms, l-Istati Uniti talloka appoġġ sinifikanti lill-Programm Supplimentari ta' Għajnuna għan-Nutriment (SNAP), li jiġġenera dħul sostanzjali għas-settur u għall-ekonomija b'mod ġenerali, minbarra li jissodisfa ftit mill-ħtiġijiet alimentari tal-ifqar nies tagħha;

10.  Huwa konxju mill-isfida kbira li jġib it-tibdil fil-klima għall-kisba tas-sigurtà tal-ikel, speċjalment permezz ta' żieda fil-frekwenza u fl-iskala ta' fenomeni klimatiċi, bħan-nixfiet, l-għargħar, in-nirien u l-maltempati; jisħaq fuq l-isfida dejjem tikber tal-iskarsezza tal-ilma u l-impatt tagħha fuq il-produzzjoni tal-ikel; jisħaq fuq il-bżonn li l-immaniġġjar tal-ilma u t-tibdil fil-klima jiġu ttrattati b'urġenza;

11.  Ifakkar li s-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel għandhom rabta b'saħħitha ħafna; jagħraf li l-ispejjeż enerġetiċi huma fattur ewlieni fid-determinazzjoni tal-livell tal-profitabilità tal-agrikoltura, li huwa s-settur li jiddependi l-aktar miż-żejt; jinkoraġġixxi miżuri li jkunu ta' inċentiv għall-bdiewa li jsiru aktar effiċjenti fir-rigward tal-enerġija u jiżviluppaw sorsi alternattivi ta' provvista ta' enerġija; ifakkar li jinħtieġ appoġġ aktar konsistenti għar-riċerka u l-iżvilupp u għal servizzi ta' konsulenza;

12.  Iqis, madankollu, li l-isforzi akbar biex jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija li jiġġeddu u biex jintlaħqu l-miri 2020 iridu jqisu l-impatt fuq il-produzzjoni u l-provvista tal-ikel; jisħaq fuq il-bilanċ delikat involut biex tingħeleb l-isfida ikel/fjuwil;

13.  Jinnota li l-livell ta' dipendenza minn importazzjonijiet ta' proteini u ta' prodotti oljużi minn pajjiżi terzi, li għandu konsegwenzi negattivi għall-industrija alimentari u agrikola, b'mod partikolari għas-settur tat-trobbija tal-annimali meta l-prezzijiet tal-annimali jogħlew f'daqqa;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjoni teknika għall-problema ta' preżenza f'livell baxx ta' materjal ĠM f'importazzjonijiet ta' materjal mhux ĠM u sabiex tipproponi proċess ta' approvazzjoni aktar rapidu fl-UE għall-importazzjoni ta' varjanti ta' għalf ĠM ġaladarba jkun approvat li hu sikur;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pubbliku jkollu aċċess għat-tagħrif dwar l-eżitu tal-kontrolli fuq is-sigurtà tal-ikel bil-għan li tiżdied it-trasparenza fuq livell Ewropew;

16.  Huwa preokkupat dwar il-ħolqien tal-fenomenu tal-akkapparrar tal-art u l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-futur tal-agrikoltura u tal-bdiewa; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga din is-sitwazzjoni b'relazzjoni mad-dritt taż-żamma tal-art u r-riżorsi naturali;

17.  Jagħmel l-osservazzjoni li minħabba l-prezz għoli tal-għalf is-sitwazzjoni tal-farms għat-trobbija tal-annimali fl-UE marret għall-agħar; jitlob għalhekk li jsir użu speċifiku tal-istrumenti disponibbli skont ir-Regolament tal-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni (KE) Nru 1234/2007 sabiex jiġi stabbilizzat is-suq u tiġi evitata kriżi;

18.  Jemmen li l-kisbiet fil-produzzjoni li jsiru fl-Istati Membri ġodda se jżidu l-ammont ta' art disponibbli u jipprovdu opportunità biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-proteini u prodotti oljużi fl-UE;

19.  Jinnota li s-sikurezza alimentari ma tistax tkun żgurata jekk ma jkunx disponibbli aċċess ħieles għal riżorsi ġenetiċi tal-ikel u l-agrikoltura; jirrikonoxxi t-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura tal-FAO bħala strument importanti għall-preservazzjoni tal-bijodiveristà agrikola biex b'hekk jiġu evitati l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;

20.  Jenfasizza li l-inċentivi għall-għelejjel tal-enerġija sostenibbli li bħalissa qed jiġu ppjanati ma għandhom bl-ebda mod jikkompromettu s-sigurtà tal-ikel għall-pubbliku;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw programmi li jkun fihom miżuri agrikoli konkreti mmirati biex itaffu u jadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa t-tnedija ta' kampanja ta' informazzjoni għall-konsumaturi rigward l-isforzi li jsiru min-naħa tal-bdiewa u s-settur agrikolu f'dawk li huma ħarsien ambjentali u sigurtà tal-ikel;

L-agrikoltura, is-swieq finanzjarji u l-volatilità tal-prezzijiet

23.  Jemmen li s-swieq finanzjarji u agrikoli llum huma aktar interkonnessi minn qatt qabel; iqis li reazzjoni Ewropea waħedha m'għadhiex biżżejjed u li l-Ewropa għandha taġixxi flimkien ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-volatilità tal-prezzijiet u tas-sigurtà tal-ikel; japprova l-azzjoni li ttieħdet għal dan il-għan mill-Presidenza tal-G20;

24.  Jenfasizza l-problemi li jiffaċċjaw il-bdiewa fi żminijiet ta' volatilità estrema tas-suq u tal-prezzijiet; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-bdiewa biex jippruvaw jippjanaw minn qabel fi żminijiet ta' volatilità estrema; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi b'urġenza miżuri permanenti u b'saħħithom biex jindirizzaw il-volatilità fis-swieq agrikoli; jemmen li dan ikun fattur ewlieni sabiex jiġi żgurat li tinżamm il-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea;

25.  Jinnota li l-indiċi tal-prezzijiet fis-swieq finanzjarji għal prodotti agrikoli primarji qatt ma kien daqshekk instabbli; isemmi bħala eżempju ż-żieda reċenti tal-prezz tal-kuntratti għall-qamħ, li żdied b'70% f'xahrejn, filwaqt li l-volum tal-kummerċ tagħhom irdoppja u aktar fis-suq tal-prodotti bażiċi ta' Pariġi;

26.  Jenfasizza l-fatt li dawn il-fenomeni huma biss parzjalment ikkawżati mill-prinċipji fundamentali tas-suq bħad-domanda u l-provvista u fil-biċċa l-kbira huma r-riżultat ta' spekulazzjoni; jinnota li l-imġiba spekulattiva kkaġunat madwar 50% taż-żidiet reċenti tal-prezzijiet; japprova l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel rigward ir-rwol ta' investituri istituzzjonali kbar, bħall-fondi spekulattivi, il-fondi tal-pensjonijiet u l-banek tal-investiment – li kollha ġeneralment ma tantx ikollhom interess fis-swieq agrikoli – fil-mod li bih jaffettwaw l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi permezz taċ-ċaqliq tagħhom fis-swieq tad-derivattivi;

27.  Jappoġġja, f'dan il-kuntest, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-istrumenti finanzjarji, li għandha tipprevedi kummerċ aktar trasparenti; ifakkar li l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu ta' servizz għall-ekonomija u jgħinu l-produzzjoni agrikola tegħleb il-kriżijiet u l-fenomeni klimatiċi; fl-istess ħin, l-ispekulazzjoni m'għandhiex titħalla thedded lil impriżi agikoli li jkunu effiċjenti;

28.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji kummerċjali; jixtieq li jinħolqu salvagwardji kontra l-volatilità estrema tal-prezzijiet bħala għodda ta' reazzjoni rapida għall-kriżijiet; jixtieq jara koordinazzjoni rigward leġiżlazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi, bħall-Istati Uniti, sabiex jitnaqqsu l-opportunitajiet għal spekulaturi li japprofittaw ruħhom b'mod inġust mid-differenzi bejn is-sistemi regolatorji varji;

29.  Huwa favur azzjoni Ewropea aktar b'saħħitha biex tiġi ttrattata l-problema tal-ispekulazzjoni, anke permezz ta' mandat maħruġ għar-regolaturi u għall-korpi ta' sorveljanza biex tiġi limitata l-ispekulazzjoni; jemmen li d-derivattivi tal-prodotti bażiċi huma differenti minn derivattivi finanzjarji oħra u li tal-ewwel għandhom jiġu ttrattati biss minn negozjanti li għandhom interessi leġittimi li jipproteġu l-merkanzija agrikola mir-riskji kif ukoll minn kategoriji oħra ta' persuni marbuta direttament mal-produzzjoni agrikola vera; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-negozju ta' derivattivi ta' prodotti bażiċi tal-ikel ikun limitat kemm jista' jkun għal investituri marbuta direttament mas-swieq agrikoli;

30.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konċentrazzjoni b'effetti wiesgħa ħafna li seħħet fil-kummerċ taċ-ċereali li bħala riżultat tagħha n-negozji konċernati kapaċi jinfluwenzaw il-prezzijiet tas-suq; jinnota li dan jista' jżid il-volatilità tal-prezzijiet billi n-negozjanti taċ-ċereali għandhom interess li jkun hemm ċaqliq fil-prezz minħabba t-tranżazzjonijiet spekulattivi tagħhom; iqis li dan juri wkoll il-bżonn ta' stokkijiet ta' intervent jew għal xi salvagwardja oħra biex jippromwovu l-istabilità tal-prezzijiet u jiddefendu l-interessi tal-bdiewa u l-konsumaturi;

31.  Jenfasizza li mhux possibbli li tittieħed azzjoni effikaċi kontra caċliq kbir ta' prezzijiet mingħajr stokkijiet ta' intervent jew stokkijiet strateġiċi; iqis għalhekk li r-rwol ta' strumenti ta' intervent fis-suq irid jisseddaq fil-PAK tal-futur;

32.  Jenfasizza li aktar trasparenza u ekwità fil-katina tal-provvista tal-ikel huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat profitt ġust għall-bdiewa, qligħ u pprezzar ġusti fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel u settur agrikolu vijabbli li jipprovdi sikurezza alimentari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti tanġibbli u effettivi biex jindirizzaw din il-kwistjoni;

33.  Jiġbed l-attenzjoni li, meta affaċċjati bil-volatilità tal-prezzijiet, il-pajjiżi bi dħul baxx u b'defiċit alimentari (LIFDC) x'aktarx li jkunu aktar vulnerabbli;

Stokkijiet dinjija tal-ikel għas-sigurtà dinjija tal-ikel

34.  Jinnota li attwalment il-provvista dinjija totali tal-ikel mhijiex insuffiċjenti u li fil-fatt huma l-inaċċessibilità u l-prezzijiet għoljin li jċaħħdu lil bosta nies mis-sigurtà tal-ikel;

35.  Jinnota, madankollu, li l-istokkijiet dinjija tal-ikel huma ħafna aktar limitati milli fl-imgħoddi, billi naqsu għal-livell rekord ta' 12-il ġimgħa ta' riżervi dinjija tal-ikel matul il-kriżi tal-ikel tal-2007; jiġbed l-attenzjoni li l-produzzjoni dinjija tal-ikel hija dejjem aktar vulnerabbli għal fenomeni meteoroloġiċi estremi marbuta mat-tibdil fil-klima, għal pressjoni globali li qed tiżdied fuq l-art bħala riżultat tal-urbanizzazzjoni, u għal għadd akbar ta' pesti u mard li jistgħu jikkawżaw nuqqasijiet tal-ikel għal għarrieda u imprevedibbli;

36.  Iqis, għalhekk, li sistema dinjija mmirata ta' stokkijiet tal-ikel (kemm stokkijiet ta' emerġenza biex inaqqsu l-ġuħ, kif ukoll stokkijiet użati biex jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti ta' konsum) tkun ta' benefiċċju billi tgħin biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji meta l-prezzijiet jogħlew f'daqqa, tilqa' għall-protezzjoniżmu rikorrenti u ttaffi l-pressjoni fuq is-swieq dinjija tal-ikel; iqis li dawn l-istokkijiet għandhom ikunu mmaniġġjati minn korp komuni taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti, jew mill-FAO, u għandha tintuża b'mod sħiħ l-esperjenza miksuba mill-Programmi Dinjija tal-Ikel tal-FAO u tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni biex b'urġenza twettaq studju u tirrapporta lill-Parlament dwar l-aktar mod effikaċi biex dan isir; jistieden ukoll lill-Kummissjoni jkollha rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' din is-sistema dinjija mmirata ta' stokkijiet tal-ikel;

37.  Ifakkar li l-UE sal-lum irreaġiet b'għajnuna u flus, anke permezz tal-Faċilità tal-Ikel; jixtieq li jsiru rapporti dwar l-effikaċja ta' din il-faċilità, anke fir-rigward tal-progress fil-ġlieda kontra l-kawżi u s-sintomi, u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibilità li jiddaħħal strument li jgħin fil-ġlieda kontra l-karestija fid-dinja;

38.  Itenni l-importanza tal-iżviluppi tal-agrikoltura fid-dinja li qed tiżviluppa u l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) tal-UE lis-settur agrikolu; jiddispjaċih li kien hemm tnaqqis kbir ħafna fil-livell ta' għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin “l hawn u jilqa” b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li din it-tendenza tinbidel; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-agrikoltura fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha, inkluża l-għajnuna lill-bdiewa biex ikollhom aċċess għas-swieq;

39.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-konklużjonijiet tas-Samit tal-2010 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG), filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pajjiżi żviluppati għadhom “il bogħod wisq milli jissodisfaw l-impenji mogħtija f'dik li hi assistenza uffiċjali għall-iżvilupp;

40.  Ifaħħar l-inizjattiva li ħa l-Bank Dinji, waqt is-Samit tal-2010 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), biex iżid is-sostenn tiegħu lis-settur agrikolu bil-għan li jiġu stimolati d-dħul finanzjarju, l-impjiegi u s-sigurtà tal-ikel, partikolarment fiż-żoni bi dħul baxx;

PAK ġdida bħala reazzjoni għall-isfidi

41.  Itenni l-pożizzjoni stabbilita f'dan ir-rapport dwar il-futur tal-PAK wara l-2013; itenni l-impenn tiegħu favur politika agrikola u ta' żvilupp rurali li tkun b'saħħitha u li tiżgura s-sigurtà tal-ikel għal kulħadd, iżżomm il-vitalità tal-Ewropa rurali, tagħmel l-agrikoltura aktar kompetittiva, tiżgura l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni agrikola madwar l-UE kollha, tappoġġja l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi, u jkollha sehem fl-affaċċjar ta' sfidi dinjija kbar, bħat-tibdil fil-klima; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar simplifikazzjoni u għad-deburokratizzazzjoni tal-PAK biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' implimentazzjoni għall-benefiċjarji;

42.  Jenfasizza r-rwol li għandu jkollhom il-bdiewa żgħażagħ fil-PAK futura; jiġbed l-attenzjoni li 7% biss tal-bdiewa Ewropej għandhom anqas minn 35 sena, u fl-istess ħin li mhux anqas minn 4.5 miljun bidwi se jirtiraw fl-10 snin li ġejjin; jiffavorixxi t-tisħiħ ta' miżuri ta' benefiċċju għal bdiewa żgħażagħ bħall-primjums ta' installazzjoni, rati tal-interess sussidjati fuq self u inċentivi oħra li ġew implimentati mill-Istati Membri permezz tal-baġits tagħhom għall-iżvilupp rurali; itenni s-sustanza tal-emenda baġitarja tiegħu dwar il-programm ta' skambju għaż-żgħażagħ u jixtieq li dan jiġi implimentat bħala proġett pilota; jitlob ukoll li jitneħħew l-ostakoli amministrattivi kollha li ma jħallux iż-żgħażagħ jidħlu għax-xogħol tal-biedja;

43.  Jemmen li r-riċeka u l-innovazzjoni huma kruċjali sabiex tiġi ffaċċjata l-isfida tas-sigurtà tal-ikel biż-żieda tal-produzzjoni filwaqt li jintużaw anqas riżorsi; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tat-taħriġ professjonali, l-aċċess għall-edukazzjoni, it-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju tal-aħjar prattiki fis-settur tal-biedja; itenni l-ħtieġa ta' approċċ koordinat bejn il-PAK u politiki oħra sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprofittaw ruħhom għalkollox mill-opportunitajiet offruti mis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika bil-għan li jtejbu l-produttività filwaqt li jirrispettaw il-kriterji tal-effiċjenza enerġetika u tas-sostenibilità;

45.  Jinnota li kull sena l-ammont ta' art disponibbli għall-produzzjoni agrikola qed jonqos minħabba t-tibdil fil-klima u l-urbanizzazzjoni;

46.  Jixtieq jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tad-diversità fl-agrikoltura Ewropea u tal-iżgurar tal-koeżistenza ta' mudelli agrikoli differenti, inkluża l-biedja fuq skala żgħira li toħloq impjiegi f'partijiet rurali tal-UE, kif ukoll dik tad-diversità u tal-kwalità tal-ikel, inklużi prodotti ta' impriżi agrikoli żgħar u prodotti mhux industrijali f'katini żgħar tal-provvista, u tan-nutriment madwar l-Ewropa kollha, bil-għan li jitħeġġeġ l-iżvilupp taż-żoni rurali u li jitħares il-wirt tas-setturi reġjonali tal-ikel u tal-inbid;

47.  Jinnota li l-prattiki agrikoli tradizzjonali lokali, il-farms immexxijja minn familji, il-biedja fuq skala żgħira, u l-biedja organika, jistgħu jagħtu kontribut siewi lis-sigurtà tal-ikel, għaliex spiss jirrappreżentaw l-aktar modi effikaċi biex tintuża l-art permezz ta' metodi żviluppati speċifikament f'reġjuni individwali fuq perjodi twal ta' żmien u jippermettu li tiġi stabbilita rabta profonda bejn il-prodott u ż-aona li minnha joriġina u li tirrappreżenta l-kwalità u l-awtentiċità tal-prodott; jisħaq fuq il-ħtieġa li dawk it-tipi ta' agrikoltura jikkoeżistu ma' farms moderni sostenibbli, li jikkombinaw produttività għolja ma' użu tal-art sostenibbli;

48.  Jenfasizza wkoll li suddiviżjoni eċċessiva ta' raba' f'xi Stati Membri hija ostakolu għall-produttvità agrikola u li jeħtieġ jittieħdu passi li jinkuraġġixxu l-amalgamazzjoni ta' impriżi agrikoli żgħar;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħares id-diversità tal-agrikoltura fl-UE, u jirrikonoxxi l-fatt li s-swieq lokali li jbigħu prodotti agrikoli friski u mkabbra lokalment huma ambjentalment sostenibbli u jgħinu biex jappoġġjaw il-komunitajiet tal-biedja stabbiliti; jisħaq fuq l-importanza tal-agrikoltura f'żoni anqas vantaġġjati; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-diversi mudelli agrikoli Ewropej fil-proposti futuri tagħha dwar il-PAK, inkluża l-konsiderazzjoni tal-possibilità li jinħolqu inċentivi finanzjarji speċjali u skemi ta' identifikazzjoni;

50.  Il-ħtieġa li tiġi implimentata PAK aktar ġusta, li għandha tiżgura distribuzzjoni bilanċjata ta' appoġġ lill-bdiewa, kemm fi ħdan kif ukoll bejn l-Istati Membri kollha, koeżjoni territorjali akbar, u t-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-esportazzjoni, b'mod parallel mat-tneħħija gradwali tal-forom kollha ta' sussidji għall-esportazzjoni mis-sħab kummerċjali tal-UE u l-impożizzjoni ta' dixxiplina fuq il-miżuri kollha tal-esportazzjoni b'effett ekwivalenti;

51.  Jirrikonoxxi li riformi tal-PAK jnaqqsu b'mod sinifikanti l-impatt tal-produzzjoni agrikola tal-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, hekk li tista' tgħid li kważi ġew eliminati r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni; jitlob li l-UE tirrikonoxxi l-importanza tal-appoġġ għas-setturi agrikoli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari billi tiżgura li l-agrikola tingħata prijorità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fil-baġit ta' għajnuna estera tal-UE għall-iżvilupp;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0286.
(2) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 10.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0131.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0302.
(5) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 71.

Avviż legali - Politika tal-privatezza