Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2851(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0022/2011

Testi mressqa :

B7-0022/2011

Dibattiti :

PV 17/01/2011 - 17
CRE 17/01/2011 - 17

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2011 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0011

Testi adottati
PDF 246kWORD 80k
L-Erbgħa, 19 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Ftehim ta' Sħubija Interim bejn il-KE u l-Istati tal-Paċifiku
P7_TA(2011)0011B7-0022/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar il-Ftehima ta' Sħubija bejn il-KE u l-Istati tal-Paċifiku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li saret f'Cancún(1), tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004(2), tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-preparamenti għas-Sitt Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Ħong Kong(3), tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs)(4), tal-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong(5), tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: it-tfassil ta' politiki kummerċjali biex ikun massimizzat il-kontribut tal-kummerċ għat-tnaqqis tal-faqar(6), tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha(7), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku(8), tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku(9) il-pożizzonijiet tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, x (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u (KE) Nru 1100/2006(10), u ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehima Tranżitorju ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, fuq in-naħa l-oħra(11),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Tranżitorja ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, fuq in-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku (ACP) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku (COM(2007)0635),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Hong Kong,

–  wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-10 ta' Ottubru 2006,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000 li stabbiliet l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti kollettivament mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kigali adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE f'Kigali, Rwanda, fit-22 ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Fiġi(13), li fiha kkundanna bil-qawwa l-ħtif tal-poter mill-forzi militari tal-Fiġi,

–  wara li kkunsidra katalgu ta' 103 rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, maħruġa fir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Rieżami Perjodiku Universali tat-23 ta' Marzu 2010, u wara li kkunsidra r-risposta uffiċjali tal-gvern tal-Fiġi tal-10 ta' Ġunju 2010 li tistqarr li l-elezzjonijiet ġenerali tant mitluba u bosta drabi posposti issa kienu ġew iffissati għall-2014 u li din id-data mhijiex negozjabbli,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tas-16 ta' Diċembru 2010 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima Tranżitorja ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, fuq in-naħa l-oħra (O-0212/2010 – B7-0807/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi mill-1 ta' Jannar 2008 ir-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-UE mal-pajjiżi tal-ACP - li kienet tagħti lil dawn tal-aħħar aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiprokata - ma baqgħetx tikkonforma aktar mar-regoli tad-WTO,

B.  billi l-EPAs huma ftehimiet kompatibbli mad-WTO mmirati biex jappoġġaw l-integrazzjoni reġjonali u jippromwovu l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija, biex b'hekk jisseddaq l-iżvilupp sostenibbli soċjali u ekonomiku ta' dawk il-pajjiżi u jingħata kontribut għall-isforz globali biex jinqered il-faqar hemmhekk,

C.  billi l-EPAs għandhom jintużaw biex tinbena relazzjoni fit-tul li fiha l-kummerċ jappoġġa l-iżvilupp,

D.  billi l-Protokoll dwar iz-Zokkor taħt il-Konvenzjonijiet ta' Lomé u l-Ftehima ta' Cotonou suċċessivi pprovdew għal dħul prevedibbli għal gżejjer żgħar tal-Paċifiku, li għandhom potenzjal limitat ta' diversifikazzjoni fis-settur agrikolu,

E.  billi l-Ftehimiet Interim ta' Sħubija Ekonomika (IEPAs) huma ftehimiet dwar kummerċ ta' merkanzija li għandhom l-għan li jevitaw it-tfixkil tal-kummerċ tal-AKP mal-Unjoni Ewropea,

F.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali tfisser li l-politika kummerċjali hi importanti aktar minn qatt qabel għad-dinja li għadha qed tiżviluppa,

G.  billi mill-Stati AKP tal-Paċifiku s'issa l-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi biss iffirmaw IEPA (fi tmiem l-2009); billi l-pajjiżi l-oħra AKP tal-Paċifiku lkoll huma koperti jew mill-inizjattiva ta' Kollox Barra Armi, li toffri aċċess liberu għal kwoti mingħajr dazji għas-suq tal-UE, jew mis-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi regolari tal-UE,

H.  billi fil-każ tal-Papwa Ginea Ġdida l-ftehima ġiet proviżorjament applikata sa mill-20 ta' Diċembru 2009; billi fil-każ tar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi l-applikazzjoni tagħha għadha pendenti sakemm ikun hemm notifika ta' applikazzjoni proviżorja jew ratifika mir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi,

I.  billi n-negozjati rigward EPA komprensiva mal-14-il Stat tal-Paċifiku kollha tal-AKP għadhom għaddejjin,

J.  billi IEPA tinkorpora d-dispożizzjonijiet kollha ta' ftehima rigward kummerċ ta' merkanzija,

K.  billi l-impatt tal-impenji fuq il-pajjiżi konċernati u fuq ir-reġjun tal-Paċifiku inklużi fil-ftehima jista' jkun sostanzjali ħafna,

L.  billi l-IEPA se tinfluwenza l-ambitu u l-kontenut tal-ftehimiet futuri konklużi bejn il-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi u sħab kummerċjali oħra u l-pożizzjoni tar-reġjun fin-negozjati tal-EPA,

M.  billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-UE u l-Istati tal-Paċifiku minħabba li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjoni mill-UE tikkonsisti prinċipalment minn prodotti li l-Istati tal-Paċifiku ma jipproduċux imma li sikwit ikunu jeħtiġuhom għall-konsum direttjew bħala ħtiġijiet tal-industrija domestika,

N.  billi s-sajd u l-attivitajiet u l-industriji marbuta miegħu juru l-akbar potenzjal għaż-żieda fl-esportazzjoni għall-ġejjieni sakemm is-sajd isir b'mod sostenibbli mil-lat ambjentali,

O.  billi regoli ġodda dwar il-kummerċ iridu jkunu maħsuba bil-għan li jappoġġaw l-iżvilupp ta' industriji domestiċi u jagħtuhom kenn mill-ħela tar-riżorsi u mill-bidla fil-klima u billi jeħtiġilhom ikunu akkumpanjati b'iktar appoġġ għall-għajnuna relatata mal-kummerċ,

P.  billi l-objettiv tal-Għajnuna għall-Kummerċ huwa li tkun imsaħħa l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kummerċjali ġodda,

Q.  billi l-UE u l-pajjiżi tal-AKP innegozjaw regoli tal-oriġini mtejba ġodda u aktar flessibbli li se jwasslu għal benefiċċji konsiderevoli jekk jiġu implimentati kif jixraq f'rispett sħiħ tal-finijiet tal-ftehima u b'kunsiderazzjoni xierqa għal-livelli ta' kapaċità mnaqqsa ta' dawk il-pajjiżi,

R.  billi d-deroga mir-regoli tal-oriġini fl-EPA interim tkopri l-katina sħiħa tal-produzzjoni, mill-estrazzjoni tal-materja prima għall-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-esportazzjoni,

S.  billi d-domanda kbira għall-prodotti tat-tonn tfisser li dawn tal-aħħar għandhom karatteristiki speċifiċi – pereżempju, li jirreaġixxu bil-ħeffa għal varjazzjonijiet fil-prezz – li wasslu biex jiġu kklassifikati bħala “prodotti sensittivi” fis-suq internazzjonali, ħaġa li jeħtieġ li titqies fin-negozjati kummerċjali kollha,

T.  billi l-Kummissjoni tas-Sajd tal-Punent u ċ-Ċentru tal-Paċifiku (WCPFC), l-organizzazzjoni internazzjonali responsabbli għall-iżgurar li l-istokkijiet tal-ħut fiż-żona jkunu sostenibbli, irrappurtat li pajjiżi terzi – b'mod partikolari ċ-Ċina – li ilhom jinvestu fi proġetti kbar fil-Papwa Ginea Ġdida mindu ġew stabbiliti r-regoli l-ġodda dwar l-oriġini, żiedu b'mod massiv il-kapaċità tas-sajd tagħhom fiż-żona u billi din ix-xejra tidher li se tkompli tikber, bi tkabbir tar-riskju li l-istokkijiet tal-ħut jiġu sfruttati żżejjed,

1.  Jemmen li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn dan ir-reġjun u l-UE għandhom jippromwovu u jżidu l-kummerċ, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali, filwaqt li jġibu “l quddiem id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tnaqqis tal-faqar; jinnota li l-IEPA jeħtiġilha tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-MDGs;

2.  Jenfasizza li l-konklużjoni pożittiva tan-negozjati tal-IEPA mal-Papwa Ginea Ġdida u l-Fiġi turi li l-Unjoni Ewropea għandha interess qawwi li tkompli żżomm relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib u ta' livell għoli mal-Istati tal-Paċifiku; jittama li dan l-IEPA, illum limitat għal żewġ pajjiżi, jista' jwitti t-triq għal ftehim usa' li jinkludi pajjiżi oħra fiż-żona tal-Paċifiku;

3.  Jenfasizza li l-IEPA għandha l-iskop li żżomm miftuħ is-suq għall-esportazzjonijiet mill-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi u tippermetti negożjati għal EPA komprensiva jekk l-Istati konċernati jkunu jixtiequ hekk;

4.  Jirrimarka li l-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi - iż-żewġ pajjiżi tal-Paċifiku li għandhom esportazzjonijiet sinifikkattivi lejn l-UE - huma l-uniċi membri tar-reġjun tal-Paċifiku li s'issa kkonkludew il-ftehim, waqt li l-membri l-oħra ta' dak il-grupp jagħżlu li ma jiffirmawx minħabba l-livelli iktar baxxi ta' kummerċ ta' merkanzija mal-UE min-naħa tagħhom;

5.  Ifakkar li waqt li l-IEPA tista' titqies bħala l-ewwel pass fil-proċess, f'termini legali din hija ftehima internazzjonali kompletament indipendenti li tista' ma twassalx awtomatikament la lejn EPA sħiħa u lanqas għall-firma tal-EPA komprensiva min-naħa tal-firmatarji inizjali kollha tal-IEPA;

6.  Ifakkar lill-istituzzjonijiet u lill-gvernijiet tal-UE li la l-konklużjoni u lanqas ir-rinunzja għal EPA m'għandhom iwasslu għal sitwazzjoni fejn pajjiż tal-AKP jista' jsib ruħu f'pożizzjoni anqas favorevoli milli kien fiha skont id-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ tal-Ftehima ta' Cotonou;

7.  Jenfasizza li l-kunsens possibbli mill-Parlament għall-IEPA ma jiddeterminax minn qabel il-pożizzjoni tal-Parlament rigward il-kunsens tiegħu għall-EPA komprensiva, ladarba l-proċedura tal-konklużjoni hija relatata ma' żewġ ftehimiet internazzjonali differenti;

8.  Ifakkar li suq reġjonali ġenwin huwa bażi essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-IEPA - u bl-istess mod kwalunkwe EPA komprensiva tal-futur - u li l-integrazzjoni u l-koperazzjoni reġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Istati Paċifiċi; jemmen li dan għandu jitqies fil-kuntest tal-implimentazzjoni;

9.  Jenfasizza li l-iskop ta' dispozizzjionijiet speċifiċi dwar regoli tal-oriġini għall-prodotti tas-sajd huwa l-izvilupp tal-kapaċità ta' pproccessar fuq l-art fl-Istati tal-Paċifiku tal-AKP sabiex jiġu ġenerati impjiegi lokali u dħul ekonomiku;

10.  Jinnota li EPA tranżitorja wittiet it-triq għall-iżvilupp ta' proġetti industrijali fil-Papwa Ginea Ġdida, bħaż-Żona Industrijali Marina tal-Paċifiku f'Madang, li hi mistennija li tipproduċi aktar minn 400 000 tunnellata ta' bottijiet tat-tonn tul sentejn;

11.  F'dan il-kuntest, huwa mħasseb u allarmat b'miżuri, pereżempju bħala ma hi r-rieżami reċenti tal-leġiżlazzjoni ambjentali min-naħa tal-awtoritajiet tal-Papwa Ginea Ġdida, li fil-prattika jneħħi r-rekwiżit li jitressqu rapporti ambjentali għal proġetti bħal dawn u jfixkel il-proċess tal-klejms;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-industrija tas-sajd bħala sors primarju ta' impjiegi għan-nisa fir-reġjun tal-Paċifiku; jemmen li l-Kummissjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika, politika u finanzjarja sabiex ittejjeb l-opportunitajiet ta' xogħol għan-nisa fl-Istati tal-Paċifiku;

13.  Jirrimarka bi tħassib li d-dejta tal-WCPFC turi li pajjiżi terzi kabbru l-kapaċità tas-sajd tagħhom f'dawn l-ilmijiet tal-Paċifiku u li għalhekk hemm riskju ta' sajd u sajd żejjed illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, li ma jwasslux għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd lokali;

14.  Jenfasizza li anki minejja l-fatt li l-Papwa Ginea Ġdida u l-Fiġi għandhom kapaċità limitata ta' sajd u għalhekk provvista limitata ta' ħut miksub sħiħ u kapaċità limitata ta' pproċessar fuq l-art, id-deroga mir-regoli dwar l-oriġini għal-prodotti tas-sajd ipproċessati, li qed tintuża attivament mill-Papwa Ginea Ġdida, lil dan il-pajjiż għamlitu tabilħaqq ċentru għall-ipproċessar ta' kwantitajiet enormi ta' tonn minn diversi sorsi (il-Filippini, it-Tajlandja, Ċina, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Awstralja); jiġbed attenzjoni għall-fatt li d-deroga mir-regoli dwar l-oriġini jista' jkollha effett destabilizzanti fuq l-industrija tal-ipproċessar u tal-konservazzjoni fil-laned tal-UE;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, malajr kemm jista' jkun, tippreżenta lill-Parlament rapport dwar dawn l-aspetti speċifiċi tas-settur tas-sajd tal-Istati tal-Pacifiku u dwar il-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Pacifiku, inklużi prattiki ta' żvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien tibda l-konsultazzjonijiet previsti mill-Artikolu 6(6)(d) tal-Protokoll II anness mal-IEPA u twettaq is-sospensjoni tal-arranġamenti eċċezzjonali rigward ir-regoli dwar l-oriġini fil-każ li r-rapport ta' valutazzjoni juri l-effett destabilizzanti fuq l-industrija tas-sajd u tal-prodotti fil-laned tal-UE;

16.  Jinnota li tali rapport dwar l-implimentazzjoni tar-regoli speċjali ta' oriġini għandhom jitħejjew matul l-2011, jiġifieri tliet snin wara li ssir notifika lill-Papwa Ginea Ġdida tal-adozzjoni tar-regoli fir-Regolament (KE) Nru 1528/2007, u li għandu jikkunsidra l-impatt ekonomiku ambjentali u soċjali tad-deroga dwar global sourcing (strateġija li biha negozju jfittex l-aħjar lokalità, mill-aspett finanzjarju, biex jimmanifattura xi prodott minn tiegħu) fuq il-popolazzjoni tal-Papwa Ginea Ġdida, b'mod partikolari fuq il-komunitajiet li jgħixu fuq l-ixtut f'dan ir-rigward, jitlob għal informazzjoni immedjata dwar it-termini ta' referenza ta' dan ir-rapport u dwar jekk il-partijiet interessati u dawk affettwati kollha inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Papwa Ginea Ġdida, se jiġux ikkonsultati matul it-tħejjija tar-rapport;

17.  Iħeġġeġ lill-Fiġi sabiex taċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-komunità internazzjonali u sabiex timplimenta prattiki ta' governanza tajba; jemmen li passi bħal dawn għandhom jirriżultaw fir-rilaxx ta' assistenza finanzjarja għas-settur taz-zokkor fil-Fiġi; jirrikonoxxi li dawn il-flus huma meħtieġa ħafna sabiex jappoġġaw is-settur taz-zokkor li huwa sors kruċjali ta' impjiegi fil-Fiġi;

18.  Jenfasizza li kull EPA reġjonali għandu jitfassal fuq pjan ta' azzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi bl-approvazzjoni tar-raggruppamenti politiċi partikolari kollha fir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi;

19.  Jirrakkomanda strateġija flessibbli, asimmetrika u pragmatika fin-negozjati li għadhom għaddejjin għal Ftehima ta' Sħubija Ekonomika komprensiva; jinsisti fuq l-inklużjoni ta' kapitolu tal-koperazzjoni fl-iżvilupp fl-EPA komprensiva;

20.  Ifakkar li l-ftehima jista' jkollha wkoll implikazzjonijiet għar-relazzjonijiet bejn ir-reġjun Paċifiku u l-eqreb u l-ikbar sħab kummerċjali tiegħu, l-Awstralja u n-New Zealand, u li jrid ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-ftehima attwali ma jkunux ta' tfixkil għall-ftehimiet kummerċjali futuri ma' dawk il-pajjiżi;

21.  Ifakkar li l-EPA għandha tappoġġa l-objettivi, il-politiki u l-prijoritajiet ta' żvilupp tal-Istati tal-Paċifiku, mhux biss fl-istruttura u l-kontenut, iżda wkoll fil-mod u l-ispirtu tal-implimentazzjoni tagħha;

22.  Ifakkar fl-adozzjoni f'Ottubru 2007 tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2 biljun fis-sena sal-2010 (EUR 1 biljun mill-Komunità u EUR 1 biljun mill-Istati Membri); jinsisti li r-reġjun Paċifiku għandu jirċievi sehem xieraq u ġust ta' din l-għajnuna;

23.  Jitlob li jkun deċiż u pprovdut minn kmieni s-sehem tar-riżorsi tar-reġjun tal-Paċifiku ta' Għajnuna għall-Kummerċ; jenfasizza li dawn il-fondi għandhom ikunu riżorsi addizzjonali u mhux biss fondi mill-EDF ippreżentati f'pakket ġdid, u li għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi kif ukoll tar-reġjun usa' tal-Paċifiku, u li l-għoti tagħhom isir f'waqtu, b'mod prevedibbli u skont l-iskedi ta' twettiq tal-pjanijiet strateġiċi ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-impenji li ttieħdu mill-Kunsill f'Settembru 2007 b'konnessjoni mal-Ftehima dwar Aspetti li Għandhom x'Jaqsmu mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS) u l-aċċess għall-mediċini, sabiex ma tinnegozjax dispożizzjonijiet TRIPS-Plus relatati mal-farmaċewtika li jaffettwaw is-saħħa pubblika u l-aċċess għall-mediċini fl-EPA, sabiex toqgħod lura milli titlob l-adeżjoni mat-Trattat ta' Kooperazzjoni dwar il-Privattivi jew mat-Trattat tal-Liġi dwar il-Privattivi jew l-aċċettazzjoni tal-obbligi marbuta magħhom, u biex toqgħod lura wkoll milli tinkorpora t-termini tad-Direttiva 2004/48/KE(14) u biex ma tintroduċix fl-EPA regoli bħall-protezzjoni ta' bażi ta' dejta mhux originali;

25.  Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għal EPA finali bejn L-UE u l-Istati tal-Paċifiku; jaqbel li l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu nnegozjati jinkludu:

   a) negozjati dwar id-dritt tal-proprjetà intellettwali li jkopru mhux biss l-għarfien tradizzjonali iżda wkoll prodotti teknoloġiċi tal-Punent;
   b) it-trasparenza tal-akkwist pubbliku b'opportunitajiet għal kuntratturi tal-UE li tibda taħdem f'punt xieraq għall-ħtigijiet tal-Istati Pacifici;
   c) viżi għax-xogħol li għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċittadini tal-Gżejjer Paċifiċi għal perjodi ta' mhux anqas minn 24 xahar sabiex ikunu jistgħu jaħdmu bħala “carers” jew f'xogħlijiet simili;

26.  Jitlob madankollu li l-Kummissjoni tkompli taħdem għal ftehim aktar komprensiv u tfittex alternattivi possibbli, aċċessibbli u vijabbli li jiggarantixxu aċċess għas-suq, f'konformità mar-regoli tad-WTO, b'użu kreattiv tal-flessibilitajiet kollha disponibbli taħt dawk ir-regoli, inklużi rinunzji għal dawk il-pajjiżi li ma jixtiqux li jimpenjaw ruħhom fl-IEPA jew fl-EPA sħiħa jew fit-tnejn li huma;

27.  Huwa tal-fehma li fl-EPA komprensiva għandu jitwaqqaf Kumitat Parlamentari biex jimmoniterja l-implimentazzjoni tal-ftehima u li l-kompożizzjoni ta' dan il-kumitat min-naħa tal-PE għandha għalhekk tkun konformi ma' dik tal-Kumitat Parlamentari Konġunt Cariforum-UE;

28.  Jisħaq li sew l-IEPA kif ukoll l-EPA komprensiva għandhom tinkorporaw klawsola ta' rieżami li tipprevedi evalwazzjoni globali tal-impatt indipendenti, li tinkludi l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali u l-kosts u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni, li għandha xsir fi żmien perjodu ta' bejn tlieta u ħames snin wara l-iffirmar tal-ftehima; jenfasizza li l-klawsola ta' rieżami tal-IEPA - u sussegwentament, dik tal-EPA - għandu jkollha dispożizzjoni li l-firmatarji kollha jkunu intitolati li jinvokawha abbażi tal-evalwazzjoni tal-impatt diġà msemmi; jitlob li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti tal-Istati tal-Paċifiku għandhom ikunu involuti f'kull rieżami tal-ftehima;

29.  F'dan il-kuntest, jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li din id-deroga ġenerali mir-regoli dwar l-oriġini tkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola fil-ftehimiet ta' sħubija tal-ġejjieni;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-AKP, lill-Kunsill AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.
(2) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 397.
(3) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.
(4) ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.
(5) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
(6) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.
(7) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p 244.
(8) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.
(9) ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.
(10) ĠU C 285 E, 26.11.2009, p. 126.
(11) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 118.
(12) ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.
(13) ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 898.
(14) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.

Avviż legali - Politika tal-privatezza