Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2960(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0029/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2011 - 6.7

Testi adottati :

P7_TA(2011)0013

Testi adottati
PDF 206kWORD 45k
L-Erbgħa, 19 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
L-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea
P7_TA(2011)0013RC-B7-0029/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar l-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Novembru 1989, u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea tal-1967 dwar l-Adozzjoni tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni rigward l-Adozzjoni bejn il-Pajjiżi (iffirmata fl-Aja fid-29 ta' Mejju 1993) u l-Konvenzjoni Ewropea tal-25 ta' Jannar 1996 dwar l-Eżerċizzju tal-Jeddijiet tat-Tfal (ETS Nru 160),

–  wara li kkunisidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 1996 dwar it-titjib tal-liġijiet u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-adozzjoni tal-minuri(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta'Jannar 2008: Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-benessri tat-tfal u s-salvagwardja tal-aqwa interess tat-tfal huma tal-akbar importanza. u billi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija għan tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi fil-qasam tal-adozzjoni l-kompetenza hija eżerċitata mill-Istati Membri, li jimplimentaw il-proċeduri rilevanti skont l-aqwa interessi tat-tfal,

C.  billi hemm fis-seħħ konvenzjonijiet li jittrattaw il-protezzjoni tat-tfal u r-responsabbiltajiet tal-ġenituri, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea tal-1967 dwar l-Adozzjoni tat-Tfal, li għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri f'każijiet fejn l-adozzjoni tinvolvi li t-tfal imorru minn pajjiż għall-ieħor, u l-Konvenzjoni tal-1993 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni rigward l-Adozzjoni bejn il-Pajjiżi (il-Konvenzjoni tal-Aja),

D.  billi l-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji tal-Konvenzjoni tal-Aja,

E.  billi, bħala riżultat tal-Konvenzjoni tal-Aja, sar progress konsiderevoli,

F.  billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tal-Aja jiddeskrivu l-familja bħala l-grupp fundamentali fis-soċjetà, bħala l-ambjent naturali għat-trobbija u għall-benessri tat-tfal fil-maġġoranza kbira tal-każijiet, u bħala l-ewwel għażla rigward il-kura tat-tfal,

G.  billi, jekk ma tkunx disponibbli l-kura primarja tat-tfal mill-familja, l-adozzjoni għandha tkun fost l-għażliet sekondarji naturali, filwaqt li t-tqegħid tat-tfal fil-kura istituzzjonali għandu tabilħaqq ikun l-aħħar għażla,

H.  billi fl-Ewropa l-problema tat-tfulija prekarja, u b'mod partikolari dik tat-tfal abbandunati u istituzzjonalizzati, hija waħda sinifikanti u għandha tiġi ttrattata bl-akbar serjetà,

I.  billi l-ksur tad-drittijiet tat-tfal, il-vjolenza kontra tagħhom u t-traffikar tat-tfal għall-adozzjonijiet, il-prostituzzjoni, ix-xogħol illegali, iż-żwieġ furzat, u x-xogħol bħala tallaba fit-toroq jew għal kull skop illegali ieħor, jibqa' problema fl-UE,

J.  billi huwa importanti li nipproteġu d-dritt tat-tfal għal ħajja tal-familja u li niżguraw li t-tfal ma jiġux sfurzati jgħixu għal perjodi twal fl-orfanatrofji,

K.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali saret vinkolanti; billi, skont l-Artikolu 24 tal-Karta, “it-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom”; u billi, barra minn hekk, l-Artikolu 3 tat-Trattat ta' Lisbona jistqarr li “l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal” hija mira tal-Unjoni,

1.  Jistieden biex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li, fil-livell Ewropew, jiġu kkoordinati l-istrateġiji relatati mal-istrument tal-adozzjoni internazzjonali, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali, biex tittejjeb l-assistenza fl-oqsma tas-servizzi ta' informazzjoni, it-tħejjija għall-adozzjoni barra l-pajjiż, l-ipproċessar ta' proċeduri ta' applikazzjoni għal adozzjoni internazzjonali u s-servizzi ta' wara l-adozzjoni, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal orfni jew abbandunati li jkollhom familja u jkunu protetti;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-funzjonament tas-sistemi nazzjonali fil-livell Ewropew;

3.  Iqis li l-prijorità għandha tingħata, kulfejn possibbli u fl-aqwa interessi tat-tfal, għall-adozzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tat-tfal, bl-alternattivi possibbli ta' soluzzjoni tal-kura f'familja, bħall-fostering jew kura residenzjali, jew is-sejbien ta' familja permezz tal-adozzjoni internazzjonali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, u li t-tqegħid f'istituzzjoni għandu jintuża biss bħala soluzzjoni temporanja;

4.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż tal-oriġini tal-familja li tkun qed tfittex tifel jew tifla għall-adozzjoni internazzjonali jeħtieġ li tapplika rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fit-tul;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Konferenza tal-Aja, mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-organizzazzjonijiet tat-tfal, biex jiżviluppaw qafas li jiżgura t-trasparenza u l-valutazzjoni effikaċi tax-xejriet rigward it-tfal abbandunati u adottati, inklużi dawk li jkunu għaddew minn adozzjoni internazzjonali, u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom bil-għan li jevitaw it-traffikar tat-tfal għall-adozzjoni;

6.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jieħdu rwol aktar attiv fil-Konferenza tal-Aja bil-għan li jagħmlu pressjoni fuq il-Konferenza biex ittejjeb, tissimplifika u tiffaċilita l-proċeduri għall-adozzjoni internazzjonali u telimina l-burokrazija żejda, filwaqt li jikkommettu rwieħhom għas-salvagwardja tat-tfal minn pajjiżi terzi;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jirrapportaw perjodikament lill-Istat Membru tal-oriġini dwar l-iżvilupp tat-tfal li jkunu għaddew minn adozzjoni internazzjonali;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-implikazzjonijiet psikoloġiċi, emozzjonali, fiżiċi u soċjali/edukattivi tat-tneħħija tat-tfal mill-post tal-oriġini tagħhom u biex joffru assistenza xierqa lill-ġenituri adottivi u t-tfal adottati;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lil tfal bi bżonnijiet speċjali, bħal tfal li jeħtieġu kura medika u tfal b'diżabilità;

10.  Jirrikonoxxi li salvagwardji proċedurali u skrutinju adegwat tad-dokumenti kollha tal-adozzjoni, inklużi ċ-ċertifikati tat-twelid, jgħinu biex iħarsu lit-tfal mill-ksur ta' drittijiethom minħabba dubji dwar l-età jew l-identità; jemmen li sistema affidabbli tar-reġistrazzjoni tat-twelid tista' tipprevjeni t-trafikar tat-tfal għall-adozzjoni, u jitlob li jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet legali biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-dokumenti meħtieġa għall-adozzjoni;

11.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri kollha biex jipparteċipaw attivament fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal għall-adozzjoni;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Konferenza tal-Aja u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 20, 20.1.1997, p. 176.
(2) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 24.

Avviż legali - Politika tal-privatezza