Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2084(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0366/2010

Testi mressqa :

A7-0366/2010

Dibattiti :

PV 18/01/2011 - 14
CRE 18/01/2011 - 14

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2011 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0016

Testi adottati
PDF 272kWORD 117k
L-Erbgħa, 19 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta' Alzheimer u dimenzji oħrajn
P7_TA(2011)0016A7-0366/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta' Alzheimer u dimenzji oħrajn (2010/2084(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, partikolarment il-marda ta' Alzheimer, permezz ta' programmazzjoni konġunta ta' attivitajiet ta' riċerka, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġiji tas-saħħa pubblika għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv assoċjat mal-età u, b'mod partikolari, mal-marda ta' Alzheimer,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-proġett tal-UE tal-organizzazzjoni Alzheimer Europe bl-isem EuroCoDe (European Collaboration on Dementia) (2006/2008) iffinanzjat mid-DĠ SANCO u r-Rapport Dinji dwar il-Marda ta' Alzheimer tal-2009 maħruġ mill-Alzheimer's Disease International (ADI) fil-kuntest tal-Jum Dinji tal-Marda ta' Alzheimer fil-21 ta' Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-EuroCoDe (European Collaboration on Dementia), proġett Ewropew tal-organizzazzjoni Alzheimer Europe iffinanzjat mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta' Alzheimer u dimenzji oħrajn (COM(2009)0380),

–  wara li kkunsidra l-objettiv strateġiku tal-UE tal-promozzjoni ta' saħħa tajba f'Ewropa li qiegħda tixjieħ, stabbilit abbażi tal-White Paper tal-Kummissjoni “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013”, li tenfasizza l-bżonn li tiġi intensifikata r-riċerka fl-interessi tal-kura palljattiva u ta' għarfien ikbar tal-mard newrodeġenerattiv,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2010 dwar il-kura fit-tul għall-anzjani(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar ir-rwol tan-nisa f'soċjetà li qed tixjieħ(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0366/2010),

A.  billi huwa stmat li, fl-2010, 35.6 miljun ruħ fid-dinja kollha se jkunu qed ibatu bid-dimenzja fil-forom kollha tagħha, u billi huwa stmat li kull 20 sena din iċ-ċifra sejra kważi tirdoppja, u possibbilment tilħaq il-65.7 miljun ruħ fl-2030, (Rapport tal-2010 ta' Alzheimer's Disease International); billi l-istima tal-għadd ta' persuni li jbatu bid-dimenzja mhijiex korretta minħabba diffikultajiet ta' dijanjożi bikrija,

B.  billi l-istima tal-għadd ta' persuni li jbatu bid-dimenzja fl-Ewropa tilħaq id-9.9 miljun ruħ, u l-marda ta' Alzheimer tirrappreżenta l-maġġoranza kbira ta' dawn il-każijiet (Rapport tal-2010 ta' Alzheimer's Disease International); filwaqt li jitqies li l-mard newrodeġenerattiv jista' jolqot lil persuni ta' kull età iżda jirrappreżenta waħda mill-kawżi ewlenin ta' diżabilità u ta' dipendenza f'persuni ixjeħ, kif ukoll li l-għadd ta' persuni li jbatu b'dan il-mard huwa mistenni li jiżdied drammatikament sal-2020 minħabba li n-nies qed jgħixu aktar fit-tul u minħabba nuqqas ta' ħajja soċjali fost il-persuni li jirtiraw; billi din iċ-ċifra għall-għadd ta' persuni milquta kważi tittriplika meta jitqiesu wkoll l-għadd ta' persuni li informalment jieħdu ħsieb il-pazjenti bid-dimenzja,

C.  billi, skont ir-Rapport Dinji dwar l-Alzheimer għall-2009, l-Ewropa tirrappreżenta “l fuq minn 28 % tal-għadd totali ta' persuni li jbatu bid-dimenzja, u b'hekk tikklassifika ruħha fit-tieni post wara l-Asja (b'35 %), filwaqt li fost ir-reġjuni kollha tad-dinja l-Ewropa tal-Punent għandha l-ogħla perċentwali ta' persuni li jbatu b'din il-marda (19 %),

D.  billi l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ, u l-persuni li għandhom aktar minn 80 sena jikkostitwixxu l-koorti li qed tikber l-aktar malajr fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej; billi l-għadd ta' persuni li rtiraw huwa akbar meta mqabbel mal-għadd ta' persuni li jaħdmu u billi għalhekk huwa mistenni li d-dimenzja tkun waħda mill-isfidi ewlenin għas-sostenibilità tas-sistemi nazzjonali soċjali u tal-kura tas-saħħa, inklużi l-kura informali u l-faċilitajiet għall-kura fit-tul, fid-deċennji li ġejjin,

E.  billi skont ċerti stimi (Rapport tal-2010 ta' Alzheimer's Disease International) it-total tal-ispejjeż għall-kura medika u soċjali diretta tal-marda ta' Alzheimer fl-Ewropa jammontaw għal USD 135.04 biljun,

F.  billi d-dijanjożi bikrija tista' tgħin fil-ġestjoni tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa kollha,

G.  billi l-Unjoni Ewropea attwalment ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha statistika preċiża biżżejjed dwar id-dimenzji, u b'mod partikolari dwar il-mard newrodeġenerattiv, u billi l-istimi jistgħu jvarjaw sa fattur ta' tlieta, skont l-istudji; billi huwa għalhekk indispensabbli li jsiru studji epidemjoloġiċi Ewropej abbażi ta' indikaturi komuni u rigorużi,

H.  billi l-konsegwenzi tad-dimenzja huma soċjali kif ukoll ekonomiċi u jolqtu s-sistemi tas-saħħa kollha fl-Istati Membri,

I.  billi bil-għan li nilqgħu għall-impatt ekonomiku u soċjali tal-marda ta' Alzheimer u l-forom l-oħra ta' dimenzja, jeħtieġ ninvestu fir-riċerka xjentifika u f'approċċi effiċjenti għas-sistemi tal-kura,

J.  billi l-biċċa l-kbira tal-isforzi tar-riċerka f'dan il-qasam issir mill-Istati Membri, b'livell relattivament baxx ta' koordinament transnazzjonali, u dan iwassal għal frammentazzjoni u kondiviżjoni limitata tal-għarfien u tal-aħjar prassi fost l-Istati Membri, u billi r-riċerka dwar il-marda ta' Alzheimer qiegħda taqa' lura meta mqabbla mar-riċerka dwar mard importanti ieħor fl-Ewropa,

K.  billi r-riżultati reċenti ta' Alzheimer Europe juru li l-marda ta' Alzheimer tibqa' sottodijanjostikata fl-UE u li jeżistu bosta inugwaljanzi fl-Istati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni, l-aċċess għat-trattament u l-għoti ta' servizzi xierqa,

L.  billi r-riċerka attwali turi li d-dieta tista' tkun fattur kawżali sinifikanti fl-iżvilupp tal-marda ta' Alzheimer u għalhekk il-prevenzjoni tad-dimenzja permezz ta' interventi modifikabbli għandha tkun prijorità u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-fatturi preventivi bħal dieta tajba għas-saħħa, promozzjoni tal-attività fiżika u konjittiva u kontroll tal-fatturi ta' riskju kardjovaskolari bħad-dijabete, il-kolesterol għoli, l-ipertensjoni u t-tipjip,

M.  billi teżisti sensibilizzazzjoni li kulma jmur qiegħda tiżdied li r-riperkussjonijiet tal-mard newrodeġenerattiv fuq il-popolazzjoni tal-Ewropa tant huma kbar li l-ebda Stat Membru mhu kapaċi jsib tarfhom waħdu; billi jeħtieġ għalhekk li l-Istati Membri u l-UE jsaħħu konsiderevolment il-kooperazzjoni u l-koordinament tal-isforzi tar-riċerka klinika innovattiva u multidixxiplinari dwar il-kawżi, il-prevenzjoni u t-trattament tal-marda ta' Alzheimer, tal-qsim ta' informazzjoni kif ukoll il-livell ta' riżorsi finanzjarji f'dan il-qasam, bil-għan li jiġi miġġieled il-mard newrodeġenerattiv, partikolarment il-marda ta' Alzheimer, li tirrappreżenta sfida kbira għas-soċjetajiet Ewropej,

N.  billi din l-inizjattiva Ewropea mhjiex maħsuba biex tissostitwixxi l-pjanijiet nazzjonali diġà eżistenti tal-ġlieda kontra l-marda ta' Alzheimer u tal-forom l-oħra ta' dimenzja, iżda għandha tintuża bħala mezz biex tikkoordina r-riċerka Ewropea f'dan il-qasam b'mod aktar effikaċi,

O.  billi d-dimenzja mhux biss hija disturb devastanti għall-pazjenti nfushom iżda tista' wkoll, jekk ma jiġux ipprovduti servizzi adegwati ta' kwalità tajba, issir piż tqil ħafna fuq spallejn il-qraba tal-pazjenti u ta' dawk li jieħdu ħsiebhom, minħabba d-diffikultajiet emottivi, fiżiċi u finanzjarji li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom il-qraba u l-ħbieb ta' dawk li jbatu bit-tipi kollha ta' dimenzja; billi f'kull familja b'pazjent, medja ta' tliet persuni jintlaqtu direttament, u dan ifisser li madwar 19-il miljun ċittadin Ewropew jintlaqtu direttament mid-dimenzji,

P.  billi jeżisti tnaqqis fil-kapaċità fil-kura istituzzjonali għall-persuni li jbatu bil-marda ta' Alzheimer, u dan it-tnaqqis se jaggrava fil-futur; billi jeżisti nuqqas ta' professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u ta' assistenti soċjali li jieħdu ħsieb il-persuni li jbatu bil-marda ta' Alzheimer, u dan in-nuqqas se jaggrava fil-futur; billi fl-istess ħin huwa ċar li l-aħjar ħaġa għal dawn il-persuni hija li jingħataw assistenza u jibqgħu fil-kuntest familjari tagħhom tad-dar,

Q.  billi b'rabta mal-assistenza għall-persuni li jbatu bid-dimenzja u ta' appoġġ għal dawk li jieħdu ħsiebhom, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom isegwu objettiv triplu: jiżguraw assistenza ta' kwalità għall-morda, jiggarantixxu ħin ta' mistrieħ għal dawk li jieħdu ħsiebhom adattat għall-eżiġenzi tagħhom u jiżguraw li l-morda jinżammu d-dar jew fi strutturi ta' kura innovattivi u ta' kwalità għolja,

R.  billi s-servizzi moderni tat-telemediċina jistgħu jagħtu appoġġ effikaċi ħafna lill-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer, kif ukoll lil min jieħu ħsiebhom, u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu għal kwalità tal-ħajja aħjar għall-pazjenti fil-kuntest familjari tagħhom u jservu ta' alternattiva tajba għall-kura istituzzjonali,

S.  billi teżisti stigma marbuta mal-marda ta' Alzheimer u l-atteġġjament tal-pubbliku lejn il-marda u l-persuni milquta minnha jikkawża l-iżolament tal-morda, tal-familji tagħhom u ta' qrabathom; billi l-approċċ ġenerali għall-problema għadu dak żbaljat, u jwassal għall-esklużjoni soċjali tal-persuni milquta u ta' qrabathom; billi, għalhekk, jinħtieġ għarfien aħjar tal-istigma, il-preġudizzju u d-diskriminazzjoni marbuta mad-dimenzja filwaqt li hija meħtieġa wkoll riċerka dwar kif tiġi evitata l-esklużjoni soċjali u kif titħeġġeġ iċ-ċittadinanza attiva sabiex jitħarsu d-dinjità u r-rispett tal-persuni bid-dimenzja fiċ-ċentru ta' kull azzjoni,

T.  billi t-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti spiss huwa marbut mal-ħajja emottiva tal-qraba tal-pazjenti,

U.  billi l-Gruppi ta' Appoġġ jirrappreżentaw spazju idoneu għar-riflessjoni fi grupp għas-sostenn u l-kondiviżjoni tar-“responsabilità konxja” tal-qraba tal-pazjenti,

V.  billi l-marda ta' Alzheimer u l-forom l-oħra ta' dimenzja ma għandhomx jinħassu bħala problema normali li jħabbtu wiċċhom magħha l-individwi bħala parti mill-proċess ta' tixjiħ mingħajr ma dawn ikollhom id-dritt għal trattament idoneu, assistenza medika u kura speċjalizzata,

W.  billi, għalkemm is-sensibilizzazzjoni soċjali u l-għarfien xjentifiku dwar il-marda ta' Alzheimer żdiedu b'mod sostanzjali, u jenfasizzaw b'mod partikolari kif il-marda hija kkaratterizzata mhux biss mid-dimenzja klinika iżda anke mill-iżvilupp aktar bikri tal-predimenzja, l-għażliet terapewtiċi għadhom limitati għall-mediċini sintomatiċi; billi attwalment jeżistu disparitajiet kbar bejn u anke fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll nuqqasijiet fir-rigward tat-taħriġ u l-kwalifiki tal-persunal u d-disponibilità tat-tagħmir meħtieġ għad-dijanjożi u r-riċerka u billi d-dijanjożi tal-marda ta' Alzheimer spiss issir snin wara li tkun bdiet il-marda, u għalhekk idum ma jibda jingħata trattament li jista' jnaqqas ir-rata ta' żvilupp tal-marda,

X.  billi l-avvanzi reċenti fl-użu ta' bijomarkaturi affidabbli għall-marda ta' Alzheimer stimolaw l-iżvilupp ta' kriterji ġodda għad-definizzjoni tal-marda ta' Alzheimer bħala entità klinika li tiġbor fiha mhux biss fażi li tolqot il-memorja u l-konjizzjoni iżda wkoll fażi aktar bikrija,

Y.  billi l-marda ta' Alzheimer u l-forom l-oħra ta' dimenzja ma jolqtux biss lill-anzjani, iżda jistgħu wkoll jikkonċernaw liż-żgħażagħ; billi jeħtieġ għalhekk li jitjiebu l-aċċess għas-servizzi dijanjostiċi, ir-riċerka u s-servizzi ta' kura, assistenza u alloġġ għall-morda żgħażagħ,

Z.  billi sensibilizzazzjoni pubblika u professjonali akbar dwar il-marda ta' Alzheimer, sew f'livell nazzjonali sew f'dak Ewropew, għandha tippermetti l-popolazzjoni tagħraf l-ewwel sinjali tal-marda, titlob dijanjożi bikrija u taċċedi għal trattament u servizzi f'fażi bikrija,

AA.  billi attenzjoni akbar fuq il-fażi ta' predimenzja tal-marda ta' Alzheimer tista' tikkontribwixxi għas-sostenn tal-iżvilupp ta' interventi terapewtiċi xierqa li kapaċi jnaqqsu r-rata tal-iżvilupp tal-marda, u fl-aħħar mill-aħħar jittardjaw id-dħul tal-pazjent fl-istadju gravi ta' Alzheimer, jiġifieri l-aktar forma debilitanti tal-marda,

AB.  billi l-iżvilupp ta' aġenti effikaċi li jimmodifikaw il-marda (minflok aġenti purament sintomatiċi) jirrappreżenta qasam ta' bżonn kritiku u urġenti li għadu ma ġiex issodisfat għall-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer,

AC.  billi, barra minn hekk, id-dijanjożi tal-marda ta' Alzheimer, applikata għal kważi 70 % tal-każijiet ta' dimenzja tonqos milli tqis il-varjetà ta' leżjonijiet ċerebrali indentifikati u l-fatt li l-morda żgħażagħ u anzjani ma jurux l-istess stampa patoloġika u klinika,

1.  Jistieden lill-Kunsill jiddikjara d-dimenzja bħala prijorità tal-UE fil-qasam tas-saħħa u jħeġġeġ b'mod qawwi lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet u strateġiji nazzjonali speċifiċi għall-marda ta' Alzheimer biex jaffrontaw il-konsegwenzi soċjali u rigward is-saħħa tad-dimenzja u biex jagħtu servizzi u sostenn lin-nies li jbatu bid-dimenzja u lill-familji tagħhom, kif inhu l-każ f'ċerti Stati Membri fejn il-pjan “Alzheimer u mard simili” mniedi fl-2008 ppermetta li tiġi kkoordinata l-kura medika u soċjali u r-riċerka klinika u bażika dwar din il-marda fil-livell nazzjonali;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Programmazzjoni Konġunta tal-UE promossa mill-Istati Membri bil-għan li jagħtu spinta lir-riċerka dwar il-marda ta' Alzheimer u mard newrodeġenerattiv ieħor u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tniedi attivitajiet biex tittratta sfidi soċjali, teknoloġiċi, ambjentali u relatati mas-saħħa għat-trattament tal-marda ta' Alzheimer u mard newrodeġenerattiv ieħor;

3.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu l-kunċett tad-dimenzja huma u jħejju azzjonijiet futuri fil-qasam tal-politika tas-saħħa preventiva, primarjament fir-rigward tal-interazzjoni tagħha mal-mard kardjovaskolari, is-saħħa mentali, l-attività fiżika, l-edukazzjoni fil-qasam tas-saħħa u tat-teknoloġiji l-ġodda;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE b'informazzjoni dwar l-istil ta' ħajja bil-għan li jiġi ttardjat jew prevenut il-bidu tal-marda ta' Alzheimer u tal-forom l-oħra ta' dimenzja, billi jippromwovu l-kunċett ta' “stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa għal moħħ b'saħħtu”;

5.  Jipproponi li l-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu t-tnedija ta' Sena Ewropea tal-Mard Mentali, li tikkomplementa l-Jum Dinji tal-Marda ta' Alzheimer fil-21 ta' Settembru, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-mard marbut mal-moħħ assoċjat mat-tixjiħ kif ukol dwar il-modi biex jiġu identifikati s-sintomi bikrin ta' tali mard, b'kampanji ta' informazzjoni pubblika dwar il-prevenzjoni tagħhom kif ukoll dwar it-trattament ta' problemi ċerebrovaskulari; is-Sena Ewropea għandha sservi wkoll ta' opportunità biex jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prassi fil-pajjiżi Ewropej;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li (a) it-tixjiħ demografiku progressiv u (b) il-pressjoni li qiegħda tikber fuq il-finanzi pubbliċi u fuq il-produttività privata, minħabba ż-żieda fl-ispejjeż għall-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ se joħolqu problema strutturali għall-Istati Membri; għaldaqstant l-Unjoni Ewropea għandha tadotta fl-istrateġija fit-tul tagħha l-politika ta' promozzjoni soda tal-prinċipju ta' prevenzjoni (f'termini ta' prattiki mediċi kif ukoll f'termini ta' inkoraġġiment ta' stili ta' ħajja aktar tajbin għas-saħħa). L-indikaturi tas-saħħa se jikkontribwixxu għal titjib sinifikanti tal-indikaturi ekonomiċi;

7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jirrikonoxxu r-rwol tal-għaqdiet tal-pazjenti fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv u jinvolvuhom fil-kampanji ta' informazzjoni, prevenzjoni u appoġġ għall-persuni li jbatu bid-demenzja kif ukoll fit-tħejjija tal-programmi ta' riċerka;

8.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra tippromwovi “Ġurnata għall-persuni li jieħdu ħsieb il-morda” biex tissensibilizza l-popolazzjoni u tirrikonoxxi r-rwol kruċjali ta' dawk li jieħdu ħsieb il-morda b'mod formali u informali fl-Ewropa kollha;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iskoperta ta' interventi effikaċi li jipprevjenu l-bidu jew jittardjaw l-avvanzament tal-marda ta' Alzheimer trid tassumi urġenza ġenerali;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaġixxu biex jissensibilizzaw l-Unjoni dwar id-dimenzja, jiffaċilitaw l-għarfien tas-sintomi bikrin tad-dimenzja bil-għan li ssir dijanjożi bikrija u jingħata trattament korrispondenti kif ukoll appoġġ adegwat;

11.  Jenfasizza n-natura primordjali tal-prevenzjoni kif ukoll ir-rilevanza ta' dijanjożi bikrija għal interventi effikaċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' dejta klinika u epidemjoloġika u jistieden lill-Istati Membri jtejbuha bħala għajnuna għar-riċerka, ir-riabilitazzjoni u l-azzjoni diretti, b'mod partikolari matul il-fażijiet asintomatiċi u qabel ma tibda l-fażi ta' inkapaċità;

12.  Josserva li attwalment m'hemmx prevenzjoni speċifika tal-marda ta' Alzheimer u jinkoraġġixxi għalhekk l-istabbiliment ta' politika bħal din, anke fuq livell Ewropew, li tkun ibbażata fuq ambjent favorevoli għall-attività fiżika u intellettwali tal-pazjenti, fuq ikel konformi ma' dak rakkomandat mill-Pjattaforma Ewropea għal Azzjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-politiki kollha biex jitnaqqas it-tipjip, sew attiv kif ukoll passiv;

13.  Huwa konvint li t-testijiet għal dijanjożi bikrija proposti mill-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali dwar il-Kriterji l-Ġodda għall-Marda ta' Alzheimer, ir-riċerka dwar il-fatturi ta' riskju u d-definizzjoni tal-kriterji ta' dijanjożi bikrija huma ta' importanza vitali;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom b'mod attiv għad-definizzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' protokolli komuni għad-dijanjożi bikrija, biex jiġu stabbiliti bijomarkaturi bil-għan li jsir avvanz fil-ħolqien ta' terapiji ġodda kemm għad-dimenzja kif ukoll għall-predimenzja, u biex tiġi definita aġenda komuni ta' riċerka fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv u l-qsim tal-aħjar prassi fil-qasam tar-riċerka dwar il-mard newrodeġenerattiv, biex b'hekk jitnaqqsu l-inugwaljanzi prevalenti bejn l-Istati Membri u fi ħdan l-Istati Membri fir-rigward tad-dijanjożi u t-trattament; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proċeduri operattivi standard għall-valutazzjoni tal-markaturi tal-mard se jkunu fundamentali għall-iskoperta tal-mediċini u għall-iżvilupp ta' assistenza aktar effikaċi u megħjuna mit-teknoloġija għall-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer;

15.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li l-mediċini li jistgħu jtawlu ż-żmien qabel ma tibda l-marda ta' Alzheimer isiru disponibbli għall-pazjenti kollha li jbatu bil-marda u mhux biss għall-pazjenti li jiġu dijanjostikati b'każijiet gravi tal-marda ta' Alzheimer;

16.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tfassal linji gwida għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' servizzi komuni ta' dijanjożi bikrija abbażi ta' valutazzjoni multidixxiplinari tal-istat tal-memorja tal-pazjent kif ukoll ta' sistema adattata ta' informazzjoni u notifika biex il-pazjenti u l-familji tagħhom jingħataw l-aħjar qafas possibbli li bih jistgħu jaffrontaw il-bidu tal-marda;

17.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu ċentri speċjalizzati u jipprovdu apparat mediku sodisfaċenti (inkluż il-magnetic resonance imaging, li l-kontribut tiegħu għar-riċerka dwar id-dimenzja huwa indisputabbli) madwar il-pajjiż kollu;

18.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu t-tixrid b'rata mgħaġġla tad-dimenzja u tal-marda ta' Alzheimer, kif ukoll l-impatt tagħhom, meta jfasslu pjanijiet ta' azzjoni għar-riċerka;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għar-riċerka fil-qasam tad-dimenzja u tal-marda ta' Alzheimer, inkluża r-riċerka dwar il-prevenzjoni, fuq bażi proporzjonata għall-impatt ekonomiku ta' dan il-mard fuq is-soċjetà;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' approċċ multidixxiplinari għall-modi li bihom il-kooperazzjoni u l-koordinament fil-qasam tar-riċerka f'livell Ewropew jistgħu jtejbu l-għarfien, id-dijanjożi, it-trattament, il-prevenzjoni u r-riċerka soċjali dwar il-benesseri tal-pazjenti, ta' qrabathom u ta' dawk li jieħdu ħsieb il-pazjenti; jemmen li r-riċerka dwar il-validazzjoni ta' kriterji dijanjostiċi ġodda, l-iżvilupp ta' testijiet ta' skrinjar bikri, u l-identifikazzjoni tal-fatturi tar-riskju għall-iżvilupp tal-marda mill-fażi tal-predimenzja sal-istadji avvanzati huma kruċjali; jirrakkomanda li rappreżentanti tal-pazjenti, l-organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa u l-fornituri ta' servizzi mediċi jiġu involuti f'dan il-proċess; għaldaqstant, jara valur miżjud ċar fit-twettiq ta' studji epidemjoloġiċi u kliniċi fuq skala kbira abbażi ta' kollaborazzjoni transnazzjonali;

21.  Jirrikonoxxi l-importanza attwali tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, li tagħti total ta' EUR 159 miljun, għal 34 proġett dwar il-mard newrodeġenerattiv; iqis li huwa essenzjali, madankollu, fil-kuntest tat-8 Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp, li tiġi indirizzata n-natura frammentata tar-riċerka, partikolarment dik dwar il-marda ta' Alzheimer, kif ukoll li jiġu inklużi proġetti fl-oqsma mhux esplorati biżżejjed tat-terapiji konoxittivi, tal-imġiba u bla mediċini;

22.  Iqis it-testijiet dijanjostiċi bikrin, ir-riċerka dwar il-fatturi tar-riskju u l-kriterji għal dijanjożi bikrija bħala kruċjali; għaldaqstant, jara valur miżjud ċar fit-twettiq ta' studji epidemjoloġiċi u kliniċi fuq skala kbira abbażi ta' kollaborazzjoni transnazzjonali; iqis li l-Istħarriġ Ewropew dwar l-Eżami tas-Saħħa, li jkun jista' jipprovdi informazzjoni siewja, permezz tal-modulu dwar it-testijiet konoxxittivi, dwar l-għadd ta' persuni b'nuqqasijiet konoxxittivi fl-istadju bikri, huwa daqstant importanti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, li jirrappreżentaw id-doppju tal-persuni morda meta mqabbla mal-irġiel u jikkostitwixxu għadd sproporzjonat tal-persuni li jieħdu ħsieb il-pazjenti, fl-oqsma tar-riċerka medika u soċjali, tas-saħħa u tal-politiki soċjali u tal-impjieg;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki u pjanijiet ta' azzjoni għal perjodu twil ta' żmien fil-qasam tal-kura u l-prevenzjoni, li jantiċipaw u jindirizzaw it-tendenzi soċjali u demografiċi, kif ukoll jiffukaw fuq l-appoġġ mogħti lill-familji tal-pazjenti li jkunu qed jieħdu ħsieb, biex b'hekk tingħata l-protezzjoni soċjali lil persuni vulnerabbli li jbatu bid-dimenzja;

25.  Jisħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni tal-marda ta' Alzheimer billi jitħeġġeġ stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, li jinkludi impenn kontinwu soċjali u mentali, il-promozzjoni ta' dieti tajbin u l-eżerċizzju;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw Pjan ta' Azzjoni għar-Riċerka Strateġika li jistabbilixxi l-eżiġenzi u l-objettivi għat-terminu medju u twil tar-riċerka fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv, inklużi l-ħtiġijiet ta' għoti ta' kura, speċjalment fil-qasam tal-marda ta' Alzheimer. Dawn il-pjanijiet ta' azzjoni għandhom jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tar-riċerkaturi żgħażagħ u fuq l-appoġġ ta' approċċi innovattivi għar-riċerka abbażi ta' sħubija pubblika-privta; jirrakkomanda li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' ċentri ta' eċċellenza għal oqsma speċifiċi ta' riċerka kif ukoll li jiġu involuti rappreżentanti tal-pazjenti, tal-organizzazzjonijiet ta' min jieħu ħsieb il-pazjenti u tal-fornituri pubbliċi/privati tal-kura tas-saħħa;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni bil-għan li jiġu evalwati inizjattivi possibbli tal-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw l-aġenda komuni dwar ir-riċerka;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni bil-għan li jittejbu l-benesseri u l-kwalità ta' ħajja tal-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u b'forom oħra ta' dimenzja, kif ukoll dawk tal-familji tagħhom;

29.  Jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej jappoġġjaw kemm jistgħu l-Osservatorju għar-Riċerka dwar id-Dimenzja ta' Alzheimer Europe bħala għodda utli għat-tixrid tal-aħjar prassi u tar-riżultati tar-riċerka lill-pazjenti u lil min jieħu ħsiebhom;

30.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta' riċerka dwar ir-rabta kif ukoll dwar id-distinzjoni bejn il-proċess ta' tixjiħ u d-dimenzja, bejn id-dimenzja u d-depressjoni f'persuni ixjeħ, u bejn id-differenzi bejn is-sessi u d-diversi tipi ta' dimenzja; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jippromwovu programmi speċifiċi ta' riċerka u fil-qasam tal-kura tas-saħħa li jagħtu importanza kbira lill-għażla u lill-prospettiva tal-pazjenti, u biex ifasslu rakkomandazzjonijiet li jiffukaw fuq il-prinċipji ewlenin tad-dinjità u l-inklużjoni soċjali, biex b'hekk jiġu promossi l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni tal-pazjenti;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi xierqa għall-kura tas-saħħa għall-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer kif ukoll għal skambji ta' informazzjoni u netwerking fir-rigward tar-riżultati miksuba;

32.  Jisħaq fuq l-importanza tal-għajnuna domiċiljari għall-pazjenti u għall-anzjani, kif ukoll fuq il-kontribut vitali mill-organizzazzjonijiet volontarji u bla skop ta' qligħ lill-kura tal-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u lil min ibati b'mard ieħor marbut mal-età; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri joħolqu forom ta' sħubija ma' dawk l-organizzazzjonijiet kif ukoll jappoġġjaw l-attivitajiet tagħhom; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jagħtu kreditu u rixonoxximent xierqa lir-rwol tal-kura informali mogħtija mill-qraba ta' min ibati b'dan il-mard;

33.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' azzjonijiet li ma jiffukawx biss fuq it-trattament ibbażat fuq il-mediċini tal-marda ta' Alzheimer ladarba din il-kundizzjoni tkun żviluppat, iżda anke fuq miżuri ta' prevenzjoni, fosthom id-dieta u n-nutriment, biex jitnaqqsu l-possibilitajiet li tiżviluppa l-marda ta' Alzheimer; jitlob li ssir riċerka estensiva dwar l-effetti tad-dieta u n-nutriment fuq il-marda ta' Alzheimer, kif ukoll li jiġu żviluppati u mxerrda lill-pubbliku pariri, fosthom pariri nutrizzjonali, dwar il-prevenzjoni tal-marda, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

34.  Jissottolinja li r-riċerka dwar l-ekonomiji tas-saħħa, ix-xjenzi soċjali u umanistiċi, u l-approċċi nonfarmakoloġiċi hija meħtieġa wkoll biex nifhmu l-aspetti psikoloġiċi u soċjali tad-dimenzja;

35.  Huwa tal-fehma li d-dijanjożi tas-sintomi bikrin tad-disturbi tal-memorja għandu jkun wieħed mill-oqsma fokali fil-kura tas-saħħa professjonali;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-istabbiliment ta' standards ta' sikurezza applikabbli għall-istituzzjonijiet li jispeċjalizzaw fil-kura tal-anzjani, għall-komunitajiet li jappartjenu għalihom u għall-arranġamenti ta' kura domiċiljari;

37.  Jistieden lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u flimkien ma' organizzazzjonijiet tar-riċerka, biex ifasslu linji gwida komuni għat-taħriġ tal-persunal li jaħdem fi kwalunkwe kapaċità mal-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer (professjoni medika u paramedika) u għat-taħriġ u l-monitoraġġ tal-familji u ta' min jieħu ħsieb il-morda b'mod informali biex jiġi garantit użu kompetenti u effikaċi tar-riżorsi eżistenti; jiġbed l-attenzjoni li l-ħtieġa ta' persuni tas-sengħa li jaħdmu ma' persuni bid-dimenzja qed tiżdied rapidament;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw opportunitajiet offruti mill-Istrateġiji UE 2020 “Aġenda għal impjiegi ġodda” u “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” biex isaħħu l-kapaċità tal-forza tax-xogħol futura marbuta mal-kura tal-persuni li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u b'tipi oħra ta' dimenzja; jeħtieġ li jiġu promossi impjiegi ġodda b'ħiliet speċifiċi fl-Ewropa kollha biex tkun tista' tingħata l-kura lil popolazzjoni li kulma jmur qed tixjieħ u ssir aktar dipendenti;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza r-riżorsi tal-inizjattiva ewlenija “Unjoni ta' Innvoazzjoni” fl-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll is-sħubija pilota ppjanata dwar it-tixjiħ attiv u b'mod li jkun tajjeb għas-saħħa (li se titnieda fil-bidu tal-2011) biex tiġi affrontata d-dimenzja fl-Ewropa;

40.  Jenfasizza li l-avvanzi reċenti fir-riċerka fil-qasam tal-imaging u tal-bijomarkaturi jwittu t-triq għall-identifikazzjoni ta' proċessi molekolari siekta u ta' sinjali bikrin tal-marda ta' Alzheimer bl-użu, pereżempju, ta' markatur li qed jiġi studjat attwalment li jagħmilha possibbli li jidhru plakek amilojdi, waħda miż-żewġ leżjonijiet assoċjati ma' din il-marda, fil-moħħ;

41.  Jirrikonoxxi l-kontribut vitali li l-familji, min jieħu ħsieb il-pazjenti u l-komunitajiet għandhom fl-iżgurar li l-pazjenti li jkunu qed ibatu jwettqu l-potenzjal tagħhom, u jitlob lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-familji, lil min jieħu ħsieb il-pazjenti u l-ħajja komunitarja;

42.  Jisħaq fuq l-importanza ta' sostenn psikoloġiku għall-pazjenti u għall-familji tagħhom; jenfasizza l-importanza li approċċ psikosoċjali jiġi kombinat mal-proċess ta' tixjiħ fir-rigward tar-riċerka medika u bijomedika; jaqbel mal-ħtieġa ta' riċerka fl-oqsma tal-ekonomija tas-saħħa, l-aspetti soċjali u umanistiċi u l-approċċi nonfarmaċewtiċi għat-trattament, sabiex jinkiseb għarfien tal-aspetti psikoloġiċi, ekonomiċi u soċjali tad-dimenzja u biex jiġi promoss l-użu ta' teknoloġiji eżistenti (is-saħħa elettronika, l-ITC, it-teknoloġiji ta' assistenza, eċċ);

43.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina kif jistgħu jiġu estiżi l-inizjattivi tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni li għandhom id-dimenzja, inklużi l-użu ta' istruzzjonijiet testamentarji (testmenti bijoloġiċi) u l-kwistjoni ta' sistemi ta' tutela;

44.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jqisu t-tnaqqis tal-użu ta' mediċini antipsikotiċi fil-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom biex jgħinu lill-persuni li jbatu bid-dimenzja, billi filwaqt li dawn il-mediċini bħalissa qed jiġu preskritti spiss biex jikkumbattu l-effetti tad-dimenzja, intwera li l-effett benefiku tagħhom huwa limitat, u barra minn hekk ikkontribwew għal ħafna mwiet kull sena, bħala riżultat tal-fatt li ġew preskritti;

45.  Jenfasizza li jeħteġ li titħares id-dinjità tal-persuni li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u jeħtieġ ukoll li jiġu eliminati l-istigma u d-diskriminazzjoni kontrihom;

46.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw inċentivi ġodda bbażati fuq il-politika biex jiffaċilitaw it-tixrid tal-informazzjoni kif ukoll strateġiji dwar l-aċċess għas-suq għal terapiji innovattivi u testijiet dijanjostiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer li sal-lum għadhom ma ġewx issodisfati;

47.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa bil-prinċipju ċentrali li jimmassimizzaw il-kopertura u jiggarantixxu aċċess ekwu u ugwaljanza biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' għoti ta' servizzi integrati fil-komunitajiet u fid-djar, għall-ġid tal-persuni li jbatu bid-dimenzja indipendentement mill-età, sess, etniċità, riżorsi finanzjarji, diżabilità u residenza rurali jew urbana; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jittrattaw dawk il-fatturi li jkollhom impatt inekwu fuq is-saħħa tal-popolazzjoni b'mod li jista' jkun evitat; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-ġbir ta' dejta dwar l-inugwaljanzi rigward is-saħħa;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jkunu konxji mit-trattament ta' prevenzjoni li jgħin biex idewwem il-bidu tad-dimenzja kif ukoll jiżguraw l-aċċess għall-kura affordabbli u ta' kwalità għall-morda; ifakkar lill-Istati Membri li tali servizzi jridu jitħarsu fi żmien ta' konsolidament fiskali fl-Ewropa kollha;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu netwerk interkonness Ewropew ta' ċentri ta' referenza fejn il-kompetenza fid-dijanjożi, it-trattament u l-kura tad-dimenzja u tal-marda ta' Alzheimer tkun kkonċentrata u li permezz tiegħu l-informazzjoni u d-dejta jkunu jistgħu jiġu skambjati u evalwati bejn l-Istati Membri;

50.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw metodi personalizzati għal kura u appoġġ multiprofessjonali u multidixxiplinari kkoordinati minn persuna ta' referenza waħda mill-mument li d-dijanjożi tiġi nnotifikata, biex titġi ffaċilitata l-kura domiċiljari b'użu akbar ta' servizzi ta' kura u ta' għajnuna domiċiljari speċjalizzati u polivalenti, id-domotika u t-teknoloġiji informatiċi u ta' komunikazzjoni ġodda;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw faċilitajiet diversi, innovattivi u ta' kwalità għolja biex joffru serħan lil min jieħu ħsieb il-pazjenti, bħal ċentri ta' akkomodazzjoni u akkoljenza temporanja, kif ukoll jimmonitorjaw is-saħħa ta' min jieħu ħsueb il-pazjenti billi, pereżempju, jingħataw kura medika xierqa u appoġġ psikoloġiku jew soċjali;

52.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsaħħu r-riċerka, itejbu l-aċċess għas-servizzi dijanjostiċi u jadattaw is-servizzi ta' kura u ta' appoġġ għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ li jkunu morda;

53.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħtu lill-pazjenti aċċess għal trattamenti ġodda li l-effikaċja terapewtika tagħhom ġiet verifikata u stabbilita, u li dan jagħmluh mill-aktar fis possibbli wara li jsiru disponibbli;

54.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-għarfien pubbliku u professjonali dwar id-dimenzja fost il-professjonisti speċjalizzati/semispeċjalizzati fil-qasam tal-kura tas-saħħa, min ifassal il-politika dwar il-kura tas-saħħa u l-midja, li jwassal għal identifikazzjoni aħjar tas-sintomi tal-marda ta' Alzheimer kif ukoll għal għarfien akbar tal-marda u tal-kura tagħha; l-għarfien irid jiffoka fuq komponenti differenti bħad-dijanjożi, it-trattament u l-appoġġ xieraq;

55.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-Rapport Bowis 2006 li jistieden lil min jimpjega jintroduċi politiki dwar “Is-Saħħa Mentali fil-Post tax-Xogħol” bħala parti neċessarja mir-responsabilità tagħhom rigward is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, bil-għan li tkun żgurata l-aħjar integrazzjoni possibbli fis-suq tax-xogħol ta' persuni b'disturbi mentali, kif ukoll li dawn il-politiki għandhom jiġu ppubblikati u mmonitorjati fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-saħħa u s-sikurezza; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament għadu qed jistenna li dawn il-politiki jiġu ppubblikati;

56.  Jenfasizza l-kobor tal-ispejjeż mediċi marbuta mal-marda ta' Alzheimer u ma' forom oħra ta' dimenzja u li huwa importanti li jinstabu soluzzjonijiet vijabbli li jqisu: l-ispejjeż mediċi diretti (inklużi l-ispejjeż tas-sistema tas-saħħa: spejjeż ta' speċjalisti, prodotti mediċinali, eżamijiet mediċi u visti regolari); l-ispejjeż soċjali diretti (inkluża l-ispiża ta' servizzi formali li mhumiex inklużi fis-sistema medika: servizzi komunitarji, kura domiċiljari, forniment ta' ikel, trasport, u kollokazzjoni ta' pazjenti f'ċentri residenzjali speċjalizzati għall-kura tal-anzjani, fejn ikunu jistgħu jingħataw għajnuna medika); u l-ispejjeż informali (inklużi l-ispejjeż marbuta ma' produttività mnaqqsa f'każ ta' titwil tal-ħajja tax-xogħol, u nuqqas ta' produzzjoni bħala riżultat ta' rtirar bikri, liv għal raġunijiet mediċi jew mewt);

57.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta' informazzjoni għall-pubbliku ġenerali u għal gruppi speċifiċi bħat-tfal tal-iskola, il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-assistenti soċjali, iqabblu u jiskambjaw l-esperjenzi dwar miżuri ta' sostenn għall-familji li jieħdu ħsieb il-morda, l-għaqdiet tal-pazjenti u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi permezz tal-promozzjoni tal-pubblikazzjoni u tad-distribuzzjoni ta' opuskoli informattivi – anke onlajn – dwar it-taħriġ u l-organizzazzjoni ta' ħaddiema volontarji u ta' assistenti legali, psikoloġiċi u sanitarji kemm fid-dar kif ukoll f'ċentri ta' matul il-jum billi jippromwovu jew iwaqqfu għaqdiet tal-marda ta' Alzheimer biex dawk ikkonċernati jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi; jenfasizza l-importanza fil-kampanji kollha ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni tal-kapaċità li jintgħarfu s-sintomi tad-dimenzja;

58.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu, fuq bażi volontarja, il-prattika ta' skrinjar b'xejn tal-memorja, għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li skont dejta xjentifika għandhom riskju għoli li jiżviluppaw il-marda ta' Alzheimer jew forom oħra ta' dimenzja;

59.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-morda u approċċ etiku għall-morda sabiex jiġi ggarantit ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, kif ukoll jikkunsidraw l-istatus legali tal-persuni li jbatu b'mard newrodeġenerattiv bil-għan li jipprovdu qafas legali għat-tiċħid tal-libertà u għall-protezzjoni legali għall-morda;

60.  Jitlob ir-rikonoxximent tal-assoċjazzjonijiet tal-marda ta' Alzheimer bħala sħab ewlenin kif ukoll li jiġu involuti 1) fid-definizzjoni ta' rakkomandazzjonijiet ta' prevenzjoni u tal-aħjar prassi u fit-tixrid tagħhom lill-pubbliku ġenerali, 2) fl-għoti ta' informazzjoni u ta' appoġġ ferm meħtieġa lill-persuni bid-dimenzja u lil min jieħu ħsiebhom, 3) fil-preżentazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persuni bid-dimenzja u tal-persuni li jieħdu ħsiebhom lil min ifassal il-politika, u 4) fil-promozzjoni ta' sħubijiet mal-professjoni medika biex jiġi pprovdut approċċ olistiku; jiġbed l-attenzjoni li biex dan isir, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jinvestigaw il-possibilitajiet li l-Programm Ewropew għas-Saħħa Pubblika jipprovdi finanzjament bażiku regolari lill-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Marda ta' Alzheimer u għandhom jinkoraġġixxu lill-Istati Membri jappoġġjaw l-assoċjazzjonijiet tal-marda ta' Alzheimer f'livell nazzjonali;

61.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw gruppi ta' appoġġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jaħdmu f'istituzzjonijiet, għall-qraba tal-pazjenti li jiddaħħlu l-isptar, għall-qraba li jgħinu lill-pazjent id-dar u għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jaħdmu fis-servizz domiċiljari tal-kura tas-saħħa;

62.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex flimkien mal-Parlament Ewropew, iħeġġu l-awtonomija tal-persuni bid-dimenzja u jippromwovu d-dinjità u l-inklużjoni soċjali tagħhom permezz tal-pjan ta' azzjoni fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll jipprovdu informazzjoni dwar l-aħjar prassi fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-persuni vulnerabbli u tal-ġlieda kontra l-maltrattament tal-pazjenti bid-dimenzja;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu l-iżvilupp, b'rabta mal-implimentazzjoni tal-proġetti ta' riċerka, ta' sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati, biex b'hekk jinkisbu faċilitajiet, riżorsi u esperjenza fis-setturi pubbliċi u privati biex jiġu miġġielda l-effetti tal-marda ta' Alzheimer u ta' forom oħra ta' dimenzja;

64.  Jiġbed l-attenzjoni li għad irid isir progress konsiderevoli fil-qasam tal-aċċess għall-provi terapewtiċi għal pazejnti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u b'mard simili biex ikun żgurat li l-molekuli ġodda jkunu effikaċi; jenfasizza li din il-problema għandha tiġi affrontata fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva tal-UE dwar provi kliniċi fuq prodotti mediċinali (2001/20/KE);

65.  Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-impatt distruttiv tal-marda ta' Alzheimer fuq il-memorja u l-kapaċitajiet mentali, ifasslu strateġiji nazzjonali li jippermettu lill-awtoritajiet responsabbli mill-għajnuna finanzjarja għall-morda jimmonitorjaw tali għajnuna biex ikun żgurat li tintuża esklużivament għall-benefiċċju tal-morda;

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0313.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0306.

Avviż legali - Politika tal-privatezza