Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2521(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0039/2011

Dibattiti :

PV 19/01/2011 - 10
CRE 19/01/2011 - 10

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2011 - 7.2
CRE 20/01/2011 - 7.2

Testi adottati :

P7_TA(2011)0021

Testi adottati
PDF 241kWORD 62k
Il-Ħamis, 20 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tal-Kristjani fil-kuntest tal-libertà tar-reliġjon
P7_TA(2011)0021RC-B7-0039/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, u b'mod partikolari dik tal-15 ta' Novembru 2007 dwar avvenimenti serji li jikkompromettu l-eżistenza tal-komunitajiet Insara(1) u dik ta' komunitajiet reliġjużi oħra(2), dik tal-21 ta' Jannar 2010 dwar l-attakki li saru fuq il-komunitajiet Insara, dik tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, in-Niġerja(3), dik tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan(4) u dik tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-iraq: il-piena tal-mewt (notevolment il-każ ta' Tariq Aziz) u l-attakki kontra l-komunitajiet Insara(5),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(6);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażata fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u b'mod partikolari r-rapporti tagħha tad-29 ta' Diċembru 2009, tas-16 ta' Frar 2010 u tal-29 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidraw l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliemi ta' Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni wara l-attakk kontra l-kongregazzjoni fi knisja Kopta f'Lixandra, l-Eġittu, fl-1 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek, dwar l-isplużjoni qattiela fi knisja fl-Eġittu fl-1 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha; billi l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-libertajiet ċivili huwa l-bażi komuni li fuqha l-Unjoni Ewropea tibni r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u dwaru tipprovdi l-klawsola dwar id-demokrazija fil-ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi,

B.  billi l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistqarr li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed ikollu jew jadotta r-reliġjon jew it-twemmin tal-għażla tiegħu, u l-libertà li, waħdu jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim,

C.  billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon tapplika għal dawk li jħaddnu reliġjon, iżda wkoll għall-atei, għall-anjostiċi u għall-persuni li m'għandhomx twemmin,

D.  billi fl-2010 kien hemm żieda fin-numru ta' attakki fuq il-komunitajiet Insara madwar id-dinja kif ukoll fin-numru ta' proċessi u sentenzi tal-mewt għall-blasfemija, li spiss jaffettwaw lin-nisa; billi l-istatistika dwar il-libertà reliġjuża f'dawn l-aħħar snin turi li l-parti l-kbira tal-atti vjolenti ta' nisel reliġjuż saru kontra l-Insara, kif indikat fir-rapport tal-2009 dwar il-Libertà Reliġjuża fid-Dinja mħejji mill-organizzazzjoni “Għajnuna għall-Knisja fil-Bżonn”; billi f'xi każijiet il-qagħda li magħha qed iħabbtu wiċċhom il-komunitajiet Insara hija tali li tipperikola l-eżistenza tagħhom fil-ġejjieni, u jekk kellhom jgħibu, dan jimplika t-telf ta' parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tal-pajjiżi kkonċernati,

E.  billi għal darb' oħra ħajjiet inqatgħu ħesrem f'attakki atroċi maħsub biex jolqtu lill-komunità Nisranija fin-Niġerja fil-11 ta' Jannar 2011; billi fl-24 ta' Diċembru 2010 saru attakki fuq bosta knejjes f'Maiduguri u billi fil-25 ta' Diċembru 2010 seħħew attakki bil-bombi fil-belt Niġerjana ta' Jos, li fihom inqatlu 38 persuna ċivili u sfaw midruba tużżani ta' persuni oħra; billi fil-21 ta' Diċembru 2010 rġiel armati bis-sjuf u l-machetes ħebbew għal grupp ta' Nsara lokali tal-villaġġi, qatlu 3 min-nies u darbu 2 oħra f'Turu, fin-Niġerja; billi fit-3 ta' Diċembru 2010 nstabu mejta 7 Nsara, fosthom nisa u tfal, filwaqt li 4 persuni oħra tħallew midruba f'attakk fil-belt ta' Jos, fin-Niġerja,

F.  billi l-assassinju ta' Salman Taseer, Gvernatur tal-Punjab, fl-4 ta' Jannar 2011, kif ukoll il-każ ta' Asa Bibi fil-Pakistan, ipprovokaw protesti mill-komunità internazzjonali,

G.  billi attakk terroristiku fuq Insara Kopti qatel u darab ċivili innnoċenti f'Lixandra fl-1 ta' Jannar 2011,

H.  billi fil-25 ta' Diċembru 2010 qassis u tifla ta' 9 snin kienu fost il-11-il ruħ li sfaw midruba meta splodiet bomba f'kappella f'Jum il-Milied, f'Sulu, fil-Filippini,

I.  billi ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Milied fil-knisja lokali ta' San Sinesios fil-villaġġ ta' Rizokarpaso fit-Tramuntana ta' Ċipru sfat interrotta bil-forza fil-25 ta' Diċembru 2010,

J.  billi fit-30 ta' Diċembru 2010 attakki terrosirtiċi jihadi kontra familji Nsara Assirjani ħallew tal-anqas żewġ persuni mejta u 14-il persuna midruba f'sensiela ta' attakki koordinati bil-bombi fuq djar tal-Insara f'Bagdad, l-Iraq; billi fis-27 ta' Diċembru 2010 bomba mħollija fil-ġenb ta' triq qatlet mara Nisranija Assirjana u darbet ir-raġel tagħha f'Dujail, fl-Iraq; billi żewġ Insara Iraqini nqatlu f'Mosul fit-22 ta' Novembru 2010; billi sensiela ta' attakki fuq inħawi Nsara qatlu ċivili innoċenti f'Bagdad fl-10 ta' Novembru 2010; billi nqatlu 52 persuna, fosthom nisa u tfal, fil-massakru tal-1 ta' Novembru 2010 fil-Knisja Kattolika Sirjana tal-Madonna tal-Ħelsien f'Bagdad,

K.  billi l-gvern Iranjan intensifika l-kampanja tiegħu kontra l-Insara fir-Repubblika Iżlamika, b'aktar minn 100 ruħ arrestati f'dan l-aħħar xahar, bir-riżultat li ħafna ġġiegħlu jaħarbu mill-pajjiż jew jiffaċċaw akkużi kriminali u l-possibbiltà ta' sentenza tal-mewt,

L.  billi anki fil-Vjetnam, l-attivitajiet tal-Knisja Kattolika u ta' komunitajiet reliġjużi oħra ġew ripressi bil-qawwa, kif turi l-qagħda serja li qed jaffrontaw il-komunitajiet tal-“montagnards” Vjetnamiżi; billi, madankollu, nistgħu nilqgħu il-bidla tal-attitudni tar-reġim tal-Vjetnam rigward il-każ tal-qassis Nguyen Van Ly, li wasslet biex inħeles,

M.  billi attakki min-naħa ta' estremisti Iżlamisti vjolenti huma wkoll attakki fuq ir-reġim attwali tal-istati kkonċernati, immirati biex joħolqu kunflitt u biex jagħtu bidu għal gwerra ċivili bejn il-gruppi reliġjużi differenti,

N.  billi l-Ewropa, bħal partijiet oħra tad-dinja, mhijiex ħielsa minn każijiet ta' ksur tal-libertà reliġjuża, minn attakki fuq membri ta' minoranzi reliġjużi abbażi tat-twemmin tagħhom, u mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' reliġjon,

O.  billi d-djalogu bejn il-komunitajiet huwa kruċjali għall-promozzjoni tal-paċi u tal-fehim reċiproku bejn il-popli,

1.  Jikkundanna l-attakki reċenti kontra minoranzi Nsara f'diversi pajjiżi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta' episodji ta' intolleranza u ripressjoni, u dwar ġrajjiet vjolenti reċenti kontra komunitajiet Insara, partikolarment fil-pajjiżi ta' l-Afrika, ta' l-Ażja u tal-Lvant Nofsani;

2.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati biex jidentifikaw lil dawk li ppjanaw u wettqu l-attakki fuq il-komunitajiet Insara; iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jiżguraw li dawk li wettqu dawn ir-reati u dawk kollha responsabbli għall-attakki, kif ukoll għal atti vjolenti oħra kontra l-Insara jew kontra reliġjonijiet jew minoranzi oħra, jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jgħaddu mill-qrati;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-Insara u kontra komunitajiet reliġjużi oħra kif ukoll kull tip ta' diskriminazzjoni u intolleranza bbażati fuq ir-reliġjon u t-twemmin kontra persuni reliġjużi, apostati u persuni bla twemmin; jenfasizza mill-ġdid li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

4.  Jinsab imħasseb dwar l-eżodu tal-Insara minn diversi pajjiżi, b'mod speċjali mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, f'dawn l-aħħar snin;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-liġi Pakistana kontra l-blasfemija, li opponieha pubblikament il-Gvernatur Salam Taseer li safa maqtul, għadha qed tintuża biex tippersegwita denominazzjonijiet reliġjużi, fosthom Insara bħal Asia Noreen, omm Nisranija b'ħamest itfal li ġiet ikkundannata għall-mewt, u li l-qattiel tal-Gvernatur Salam Taseer huwa ttrattat bħala eroj minn partijiet kbar tas-soċjetà Pakistana;

6.  Jilqa' r-reazzjoni tal-opinjoni pubblika fl-Eġittu li kkundannat bil-qawwi l-att terroristiku u li fehmet mill-ewwel li l-attakk sar biex jipperikola r-rabtiet soċjali b'saħħithom u fil-fond bejn l-Insara u l-Musulmani fl-Eġittu; jilqa' d-dimostrazzjonijiet konġunti min-naħa tal-Insara Koptiċi u l-Musulmani fl-Eġittu bi protesta kontra l-attakk; jilqa' wkoll il-kundanna pubblika tal-attakk mill-President tal-Eġittu Hosni Mubarak u x-Xejk il-Kbir ta' Al-Azhar u l-Mufti l-Kbir tal-Eġittu;

7.  Jikkundanna l-interruzzjoni bil-forza, min-naħa tal-awtoritajiet Torok, tal-Quddiesa tal-Milied iċċelebrata f'Jum il-Milied mit-300 Nisrani li għad fadal fil-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru;

8.  Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-abbuż tar-reliġjon minn dawk li jwettqu attakki terroristċi f'diversi nħawi tad-dinja; jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon f'diversi kunflitti politiċi;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' stati li fihom qegħdin jitwettqu livelli għoljin ta' attakki kontra denominazzjonijiet reliġjużi biex jieħdu responsabbiltà jiżguraw l-issuktar ta' prattiki reliġjużi pubbliċi u normali għad-denominazzjonijiet reliġjużi kollha, biex iżidu fl-isforzi tagħhom ħalli jipprovdu protezzjoni affidabbli u effiċjenti għad-denominazzjonijiet reliġjużi f'pajjiżhom u jiżguraw is-sikurezza personali u l-integrità fiżika tal-membri tad-denominazzjonijiet reliġjużi fil-pajjiż biex b'hekk ikunu konformi mal-obbligi tagħhom fi ħdan l-arena internazzjonali;

10.  Jerġa' jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi;

11.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu aktar attenzjoni għas-suġġett tal-libertà tar-reliġjon u għas-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi, inklużi l-Insara, fil-ftehimiet u fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi kif ukoll fir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin li ġej tal-31 ta' Jannar 2011 biex jiddiskuti l-kwestjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara u r-rispett tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, liema diskussjoni għandha twassal għal riżultati konkreti, speċjalment rigward l-istrumenti li jistgħu jintużaw ħalli jipprovdu sigurtà u protezzjoni għall-komunitajiet Insara mhedda, ikunu fejn ikunu fid-dinja;

13.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa b'urġenza strateġija tal-UE dwar l-infurzar tad-dritt tal-bniedem tal-libertà reliġjuża, inkluża lista ta' miżuri kontra stati li konxjament jonqsu milli jipproteġu denominazzjonijiet reliġjużi;

14.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli, fid-dawl tal-ġrajjiet ta' dan l-aħħar u tal-ħtieġa dejjem tkber li tiġi analizzata u mifhuma l-evoluzzjoni ta' żviluppi kulturali u reliġjużi fir-relazzjonijiet internazzjonali u fis-soċjetajiet kontemporanji, biex tiżviluppa kapaċità permanenti fi ħdan id-direttorat għad-drittijiet tal-bniedem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-monitoraġġ tar-restrizzjonijiet governamentali u soċjetali fuq il-libertà reliġjuża u drittijiet relatati, u biex tirrapporta kull sena lill-Parlament;

15.  Jistieden lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament biex jinkludu kapitlu dwar il-libertà reliġjuża fir-Rapport Annwali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

16.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jimxu skont l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 17 tat-TFUE li żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u mhux konfessjonali, biex jiżguraw li l-kwestjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara u ta' komunitajiet reliġjużi oħra tkun waħda prijoritarja li tiġi diskussa fuq bażi sistematika;

17.  Jistieden lill-mexxejja tal-komunitajiet reliġjużi kollha fl-Ewropa biex jikkundannaw l-attakki fuq i-komunitajiet Insara u fuq gruppi oħra ta' fidi fuq il-bażi ta' rispett ugwali għal kull denominazzjoni;

18.  Jerġa' jsostni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha li jfittxu jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn ir-reliġjonijiet u bejn komunitajiet oħra; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estremista;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-parlament u lill-gvern tal-Eġittu, lill-parlament u lill-gvern tal-Iraq, lill-parlament u lill-gvern tan-Niġerja, lill-parlament u lill-gvern tal-Pakistan, lill-parlament u lill-gvern tal-Filippini, lill-parlament u lill-gvern tal-Vjetnam u lill-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika.

(1) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 474.
(2) ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 7.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0157.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0194.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0448.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.

Avviż legali - Politika tal-privatezza