Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-Evalwazzjoni tal-ġestjoni tal-influwenza H1N1 fl-2009-2010 fl-UE (2010/2153(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa - IHR (2005) 2005(1),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-Istat ta' Tħejjija u l-Ippjanar tar-Rispons fil-Komunità Ewropea għall-Influwenza Pandemika (COM(2005)0607),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2007 dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tas-saħħa(2),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar is-sigurtà tas-saħħa(3),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' gwida interim tal-ECDC dwar l-“Użu ta' tilqim speċifiku kontra l-influwenza pandemika matul l-influwenza H1N1 2009”(4),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' gwida tal-WHO ta' April 2009 dwar it-tħejjija u r-rispons għall-influwenza pandemika(5),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' April 2009(6) dwar l-infezzjoni tal-Influwenza A/H1N1,
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet bejn id-Direttur tal-ECDC u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament, li sar fl-4 ta' Settembru 2009,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2009 dwar l-Influwenza Pandemika (H1N1) 2009(7),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2009 dwar akkwist konġunt tat-tilqima kontra l-influwenza A (H1N1)(8),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2009 dwar komunikazzjoni mal-pubbliku u mal-midja rigward l-Influwenza Pandemika (H1N1) 2009(9),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2009 dwar appoġġ lil pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-Influwenza A (H1N1)(10),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2009 dwar proċess regolatorju għall-awtorizzazzjoni ta' mediċini u tilqimiet kontra l-virusijiet fil-protezzjoni kontra l-influwenza pandemika (H1N1) 2009(11),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2009 dwar strateġiji ta' tilqim kontra l-influwenza pandemika (H1N1) 2009(12),
– wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu “Strateġija Ewropea għall-Influwenza A/H1N1 – Monitoraġġ tal-Benefiċċji u r-Riksji tat-Tilqima”, ta' Ottubru 2009(13),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2009 dwar l-Influwenza Pandemika (H1N1) 2009 – approċċ strateġiku(14),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2009 dwar is-Sigurtà tas-Saħħa fl-Unjoni Ewropea u fil-Livell Internazzjonali(15),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Evalwazzjoni tas-16 ta' April 2010 dwar Rispons madwar l-UE għall-Influwenza Pandemika (H1N1) 2009(16),
– wara li kkunsidra r-rapport finali ta' Jannar 2010 dwar l-Evalwazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini(17),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1749(2010) “Ġestjoni tal-Influwenza Pandemika H1N1: ħtieġa għal iktar trasparenza”, adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa f'Ġunju 2010(18),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-lezzjonijiet mgħallma mill-influwenza pandemika A (H1N1), li saret fl-1 u t-2 ta' Lulju 2010(19),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew dwar l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini tad-29 ta' April u tad-19 ta' Mejju 2010(20),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Evalwazzjoni tal-25 ta' Awwissu 2010 dwar Strateġiji ta' Tilqim kontra l-Influwenza Pandemika madwar l-UE(21),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2010 dwar il-Lezzjonijiet Mgħallma mill-Influwenza A/H1N1 – Sigurtà tas-Saħħa fl-UE(22),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2010 dwar lezzjonijiet li tgħallimna mill-pandemija H1N1 u s-sikurezza tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea (SEC(2010)1440),
– wara li kkunsidra l-“Annual epidemiological report on communicable diseases in Europe 2010” mill-ECDC(23),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0035/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-laqgħa ta' ħidma tal-5 ta' Ottubru 2010 tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew dwar l-Influwenza Pandemika A(H1N1) – Ir-rispons tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea,
A. billi l-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali u internazzjonali, inkluża l-WHO, iddikjaraw f'Mejju 2009 li l-influwenza H1N1 f'dak il-mument kienet qed tikkawża biss mard ħafif, iżda li wieħed ma setax jassumi li din ix-xejra kienet se tkompli,
B. billi, skont ir-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa (IHR) – strument legali li jorbot lill-istati kontraenti – il-mandat tal-WHO jinkludi s-sorveljanza tas-saħħa pubblika, il-koordinazzjoni tal-miżuri internazzjonali tas-saħħa pubblika u, fir-rigward ta' virusijiet pandemiċi potenzjali, id-determinazzjoni ta' fażijiet attwali ta' twissija fuq skala bejn wieħed u sitta,
C. billi l-fażijiet ta' pandemija globali huma determinati b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-IHR u b'konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra u mal-Istati Membri milquta,
D. billi l-kriterji għad-definizzjoni ta' “influwenza pandemika”, kif riveduti mill-WHO fl-2009, huma bbażati unikament fuq il-propagazzjoni tal-virus u ma jagħtu l-ebda kas tas-severità tal-mard ikkawżat minnha,
E. billi l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-entitajiet esterni bħall-WHO għandhom iqisu l-ħila ta' epidemija ta' influwenza fil-ġejjieni li tinfirex b'ħeffa, kif ukoll il-propagazzjoni tal-virus meta jieħdu deċiżjonijiet b'rabta mas-saħħa pubblika li jistgħu jeffettwaw il-politika tas-saħħa pubblika u l-politika soċjali fl-Istati Membri,
F. filwaqt li jikkkunsidra l-grad għoli ta' imprevedibilità fir-rigward tas-severità tal-pandemija u dwar kif din kienet se tiżviluppa, u l-possibilità li l-pandemija tista“ tiggrava fl-Ewropa, kif għamlet fl-1918 u l-1968,
G. billi, fuq il-bażi tat-twissija dwar il-pandemija tal-WHO u tar-rakkomandazzjonijiet sussegwenti, l-Istati Membri rreaġixxew rapidament, b'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni, billi użaw dawk ir-riżorsi li kellhom disponibbli biex jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni b'rabta mas-saħħa pubblika; billi d-dikjarazzjoni tal-ogħla livell ta' twissjia, li kienet tindika l-preżenza ta' pandemija, wasslet biex, f'xi każijiet, ittieħdu deċiżjonijiet dwar is-saħħa pubblika li kienu sproporzjonati,
H. billi l-WHO damet sa Awwissu 2010 biex iddikjarat it-tmiem tal-istat ta' twissija rigward l-influwenza H1N1 (dikjarazzjoni mid-Direttur Ġenerali tal-WHO tal-10 ta' Awwissu 2010(24)),
I. billi, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà, il-preparazzjoni u r-rispons għar-riskji għas-saħħa fl-Unjoni Ewropea huma kompetenza tal-Istati Membri; billi t-Trattat ta' Lisbona jħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni, l-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajba fil-qafas tal-WHO u tal-istrutturi eżistenti tal-UE; billi miżuri ta' koordinazzjoni b'saħħithom mill-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-ECDC u tal-EMA fil-qafas tal-IHR, isaħħu l-effettività tal-miżuri nazzjonali,
J. billi l-industrija farmaċewtika kella tirrispondi għal talba immedjata, urġenti u esponenzjali għall-provvista ta' tilqimiet mill-Istati Membri; billi l-industrija kellha tiżviluppa, b'urġenza kbira, tilqima ġdida li setgħet tkun effikaċi kontra l-virus,
K. billi l-ispejjeż b'rabta mal-ġestjoni ta' din il-kriżi fl-Istati Membri kienu sinifikanti u setgħu forsi jitnaqqsu kieku kien hemm kooperazzjoni itjeb bejn l-Istati Membri u koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u l-ECDC,
L. billi n-nefqa minfuqa minn ċerti Stati Membri għall-pjanijiet ta' rispons fil-parti l-kbira tagħha hija marbuta mal-kwantitajiet kbar ta' tilqimiet u trattamenti kontra l-virusijiet, u billi l-proċeduri tax-xiri wasslu għal tħassib f'termini ta' konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u ta' trasparenza f'ċerti Stati Membri,
M. billi kien hemm differenzi sinifikanti fil-prezzijiet fost l-Istati Membri li kellhom ftehimiet ta' xiri minn qabel għat-tilqimiet, ibbażati, fost affarijiet oħra, fuq il-kundizzjonijiet differenti ta' responsabilità ta' kull ftehim,
N. billi saru kawżi fil-qrati f'diversi Stati Membri, li allegaw korruzzjoni u assoċjazzjoni min-naħa ta' ħaddiema taċ-ċivil b'relazzjoni ma' kuntratti ffirmati fis-sajf tal-2009 bejn ministeri tas-saħħa pubblika u l-produtturi tat-tilqimiet kontra l-influwenza H1N1,
O. billi, skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta' rieda tal-fornituri tat-tilqimiet li jġorru r-responsabilità sħiħa għall-prodott seta“ wassal biex naqset il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sikurezza tat-tilqima; billi l-fiduċja fit-tilqimiet kontra l-influwenza H1N1 iddgħajfet ukoll minħabba tagħrif mhux komplut jew kontradittorju dwar il-benefiċċji u r-riskji tat-tilqimiet, kif ukoll minħabba r-riskji li l-influwenza H1N1 jista” jkollha fuq il-pubbliku,
P. billi r-rakkomandazzjonijiet diverġenti fi ħdan l-UE u l-Istati Membri fir-rigward tal-gruppi prijoritarji fil-mira tat-tilqima juru l-inċertezzi sinifikanti u l-fehmiet diverġenti dwar ir-rispons xieraq għall-influwenza H1N1,
Q. billi l-ippjanar għat-tħejjija għall-influwenza pandemika jiddependi ħafna fuq l-istrateġiji tat-tilqim; billi l-istratġeiji tat-tilqim iridu jiddependu fuq tliet kundizzjonijiet biex ikunu ta' suċċess: l-effikaċja tat-tilqima, bilanċ pożittiv bejn il-vantaġġi u r-riskji tat-tilqima, u l-għażla tal-gruppi fil-mira,
R. billi jeħtieġ li jkun hemm trasparenza meta jiġu biex ikunu sodisfati dawn il-kundizzjonijiet,
S. billi r-relazzjoni perċentwali bejn il-benefiċċju u r-riskju tat-tilqima issa ġie muri fi studji dwar it-tolleranza u l-immoġeniċità bbażati fuq l-użu fir-realtà,
T. billi hemm il-bżonn ta' studji dwar tilqim u mediċinali kontra l-virusijiet li jkunu indipendenti mill-kumpaniji farmaċewtiċi sabiex ikun hemm bilanċ bejn studji sponsorjati mill-privat u dawk sponsorjati minn fondi pubbliċi,
U. billi fl-eventwalità ta' pandemija ta' influwenza fil-ġejjieni, għandha ssir iktar ħidma biex jitjiebu r-riżultati tat-tilqim kontra l-influwenza, speċjalment għall-gruppi ta' riskju għoli u kontra l-varjanti dderivati,
V. billi, minħabba l-akkwist bikri tat-tilqimiet u l-istrateġiji ta' tilqim sistematiku, speċjalment fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, l-UE kienet ir-reġjun l-aktar ippreparat fid-dinja; billi, madankollu, ħarġu differenzi kunsiderevoli fil-livelli ta' tħejjija fost l-Istati Membri tal-UE, u n-nuqqas ta' kooperazzjoni ġenwina dgħajfet il-livell ġenerali ta' tħejjija tal-UE,
W. billi l-kooperazzjoni limitata fost l-Istati Membri, speċjalment in-nuqqas ta' sistema konġunta ta' akkwist tat-tilqima, in-nuqqas ta' ħażniet konġunti tal-istokkijiet, in-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' solidarjetà u ta' medjazzjoni bejn l-Istati Membri, u n-nuqqas ta' ftehimiet ta' xiri minn qabel f'bosta Stati Membri kienu l-fatturi prinċipali li ma ħallewx li jkun hemm tħejjija aħjar tal-UE,
X. billi minkejja t-talbiet ripetuti tal-Ombudsman Ewropew lill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA), id-dokumenti f'idejn l-EMA li jikkonċernaw il-protokolli ta' riċerka, il-provi kliniċi u l-effetti mhux mixtieqa tal-mediċini mressqa għall-evalwazzjoni tagħha mhux dejjem huma aċċessibbli għall-pubbliku,
Y. billi l-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar l-influwenza H1N1 fl-2009-2010 fl-UE wrew ir-rwol kruċjali li kellha l-midja meta ttrażmettiet prekawzjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar saħħa pubblika, iżda anki enfasizzat aspetti magħżula tal-epidemija u tal-konsegwenzi tagħha, biex b'hekk, potenzjalment, dawret il-perċezzjonijiet tal-opinjoni pubblika u r-reazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi,
Kooperazzjoni
1. Jappella biex il-pjanijiet ta' prevenzjoni li ġew stabbiliti fl-UE u fl-Istati Membri tagħha għal pandemiji tal-influwenza fil-ġejjieni jiġu rieżaminati biex jikbru fl-effettività u fil-koerenza tagħhom u biex isiru awtonomi u flessibbli biżżejjed biex jiġu adattati, mill-iktar fis u skont il-każ, għar-riskju reali, abbażi ta' informazzjoni rilevanti aġġornata;
2. Jitlob kjarifika u, jekk ikun hemm il-ħtieġa, rieżami, tar-rwoli, dmirijiet, mandati, limiti, relazzjonijiet u responsabilitajiet tal-atturi u l-istrutturi ewlenin fil-livell tal-UE għall-immaniġġjar tat-theddidiet għas-saħħa – li huma l-Kummissjoni Ewropea, l-ECDC, l-EMA u l-Istati Membri, iżda wkoll tal-entitajiet aktar informali bħall-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, il-HEOF u l-grupp “saħħa pubblika” magħmula minn uffiċjali mlaħħqa li jistgħu jintervjenu fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-ġestjoni ta' kriżi tas-saħħa – u jitlob biex dik l-informazzjoni issir pubblikament disponibbli;
3. Jilqa“ l-fatt li l-Kummissjoni kkommettiet ruħha li tistudja l-possibilità ta' rieżami u ta' tisħiħ fuq perjodu ta' żmien twil tal-bażi legali tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa;
4. Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-preparazzjoni bejn setturi fi ħdan il-qafas tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa;
5. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u l-koordinazzjoni tal-Istati Membri mal-ECDC, biex jiġi żgurat li jkun hemm ġestjoni koerenti tar-riskju bi tweġiba għal pandemija, f'konformità mar-Regolament Internazzjonali dwar is-Saħħa;
6. Jappella għall-kontinwazzjoni u t-titjib fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, partikolarment fl-istadji bikrija ta' epidemija ta' virus, sabiex tiġi ddeterminata s-severità tagħha u biex jittieħdu d-deċiżjonijiet xierqa dwar ġestjoni;
7. Iqis xieraq li jissaħħaħ il-mandat tal-Kumitat għas-Saħħa Pubblika, li l-azzjoni u r-rwol tiegħu għandhom jittejbu biex jingħata appoġġ aħjar lill-Membri sabiex dawn jiksbu approċċ koerenti fl-aspetti ta' tħejjija u rispons għat-theddidiet u emerġenzi dwar saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali, skont kif iddefinit mill-IHR;
8. Iħeġġeġ lill-WHO terġa“ teżamina d-definizzjoni ta' pandemija, billi tikkunsidra mhux biss il-firxa ġeografika tagħha iżda wkoll is-severità tagħha;
9. Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-professjonisti tas-saħħa aktar mill-qrib f'kull stadju fil-preparazzjoni u l-applikazzjoni ta' strateġiji għall-prevenzjoni tal-pandemiji u sabiex dawn jiġu miġġielda;
10. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea talloka aktar riżorsi għar-riċerka u l-iżvilupp rigward miżuri preventivi fil-qasam tas-saħħa pubblika, filwaqt li tikkonforma mal-objettiv dikjarat tagħha li talloka 3% tal-PDG Ewropew lir-R&Ż; b'mod aktar speċifiku tappella għal żieda fl-investimenti dedikati għal valutazzjoni u antiċipazzjoni aħjar tal-impatt ta' virus tal-influwenza kemm fl-intervall bejn il-pandemiji kif ukoll fil-bidu ta' pandemija;
11. Jitlob għal investiment kontinwu fiċ-ċentri ta' sorveljanza epidemjoloġika, serloġika u viroloġika;
12. Japprova t-twaqqif ta' proċedura li tippermetti lill-Istati Membri jipproċedu biex flimkien jixtru tilqimiet u mediċini kontra l-virus fuq bażi volontarja, bil-għan li, fost l-oħrajn jinkisbu, fuq prodott partikolari, aċċess ugwali, tariffi vantaġġjużi u flessibilità għall-ordnijiet;
13. Ifakkar li skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni dwar prodottti mediċinali, ir-responsabilità għall-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja fir-rigward tal-indikazzjonijiet awtorizzati ta' prodott mediċinali hija tal-prodottur, u jappella lill-Istati Membri biex japplikaw bis-sħiħ din ir-regola fil-kuntratti kollha tal-akkwist ta' tilqimiet, bħala fattur importanti biex tinżamm/terġa tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sikurezza tat-tilqima;
14. Jitlob, fil-qafas ta' ġestjoni komuni u responsabbli tal-provvista tat-tilqim, li tiġi kkunsidrata l-possibilità li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-prodotti ta' tilqim fil-każ ta' pandemija;
Indipendenza
15. Huwa tal-fehma li ċ-Ċentru Ewropew ta' Prevenzjoni u ta' Kontroll tal-Mard (ECDC) għandu jeżerċita s-setgħat tiegħu bħala aġenzija indipendenti biex jevalwa u jikkomunika s-severità tar-riskju ta' infezzjoni, u jingħata mezzi adegwati għall-inkarigi kollha tiegħu;
16. Jistieden lill-ECDC biex, bl-appoġġ tal-WHO, jikkontribwixxi biex isir rieżami tal-aħjar prattika dwar il-pjanijiet nazzjonali ta' tħejjija għall-influwenza, u biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika f'oqsma bħat-tekniki ta' ġestjoni ta' kriżi, u strateġiji ta' tilqim u komunikazzjoni;
17. Jitlob li jiġu ggarantiti viġilanza akbar u trasparenza sħiħa rigward l-evalwazzjoni u l-irrappurtar dwar prodotti mediċinali rakkomandati f'każ ta' emerġenza tas-saħħa, u iktar partikolarment f'każ ta' sitwazzjonijiet ta' pandemija reali;
18. Jenfasizza l-ħtieġa ta' studji indipendenti tal-kumpaniji farmaċewtiċi dwar tilqimiet u medikazzjonijiet kontra l-virusijiet, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ tal-kopertura tat-tilqim;
19. Jixtieq jiżgura li l-esperti xjentifiċi ma jkollhom l-ebda interessi finanzjarji jew ta' xorta oħra fl-industrija farmaċewtika li jistgħu jeffettwaw l-imparzjalità tagħhom; jitlob għall-iżvilupp ta' kodiċi ta' kondotta Ewropew relatat mal-eżerċizzju tal-funzjoni ta' espert xjentifiku fi kwalunkwe awtorità Ewropea inkarigata mis-sikurezza, il-ġestjoni u l-antiċipazzjoni tar-riskji; jesiġi li kull espert jaċċetta l-prinċipji etiċi ta' dan il-kodiċi ta' kondotta qabel jassumi dmirijietu;
20. Jitlob li, għalkemm l-esperti li huma involuti fis-settur farmaċewtiku jkunu jistgħu jiġu kkonsultati, huma għandhom jiġu esklużi mit-teħid ta' deċiżjonijiet;
21. Jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni Ewropea biex, bl-appoġġ tal-EMA, ittejjeb il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni aċċellerata għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti mediċinali maħsuba biex jirrispondu għal kriżi tas-saħħa – fost l-oħrajn billi jiġu adattati għal varjanti differenti tal-influwenza, livelli varji ta' severità u differenzi fil-gruppi fil-mira – b'mod li testijiet kliniċi xierqa jitwettqu qabel ma tfaqqa“ pandemija, biex jiġi żgurat li ssir evalwazzjoni sħiħa tal-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji assoċjati mal-użu ta' dawk il-prodotti mediċinali għall-gruppi fil-mira relevanti u biex jiġu ppreżentati proposti leġiżlattivi korrispondenti fejn ikun meħtieġ;
Trasparenza
22. Jitlob li ssir evalwazzjoni tal-istrateġiji tat-tilqim kontra l-influwenza rrakkomandati fl-UE u applikati fl-Istati Membri, li tkopri l-effikaċja tat-tilqimiet, il-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji u l-gruppi fil-mira differenti rrakkomandati, bil-ħsieb li jkun hemm użu sikur u effettiv;
23. Jistieden lill-Istati Membri jirrapportaw l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni qabel it-8 ta' Settembru 2011:
a)
dwar tilqimiet u trattamenti differenti kontra l-virus, rispettivament:
(i)
l-għadd ta' dożi mixtrija,
(ii)
in-nefqa totali tax-xiri,
(iii)
l-għadd ta' dożi li fil-fatt jintużaw,
(iv)
l-għadd ta' dożi maħżuna, mibgħuta lura lill-manifattur u rrimburżati, jew mibjugħin lil Stati Membri oħra jew lil pajjiżi terzi,
b)
dwar il-mard u l-effetti sekondarji tat-tilqimiet u tat-trattamenti kontra l-virus, rispettivament:
(i)
l-għadd ta' infezzjonijiet bl-H1N1,
(ii)
l-għadd ta' mwiet minħabba l-infezzjonijiet bl-H1N1,
(iii)
l-għadd u n-natura tal-effetti negattivi rrappurtati kkawżati mit-tilqimiet jew mit-trattamenti kontra l-virus kontra l-H1N1,
24. Jistieden lill-Kummissjoni biex, bl-appoġġ tal-ECDC u tal-EMA, tfassal rapport sommarju dwar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 23, skont l-Istat Membru, qabel it-8 ta' Marzu 2012 u tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bħala kontribut importanti għar-rieżami tal-pjanijiet attwali ta' tħejjija għall-influwenza pandemika;
25. Ifakkar lill-EMA dwar l-obbligu regolamentari li tagħmel aċċessibbli għall-kulħadd id-dokumenti relatati mal-provi kliniċi, mal-protokolli ta' riċerka u mal-effetti mhux mixtieqa tal-prodotti mediċinali evalwati mill-esperti tagħha, inkluż it-tilqimiet u l-mediċini kontra l-virus rakkomandati bħala mezz biex tiġi miġġielda l-influwenza H1N1; jilqa“ r-regoli l-ġodda dwar l-aċċess għal dokumenti adottati mill-EMA f'Ottubru 2010;
26. Jirrikonoxxi li l-kunflitti ta' interess fost esperti li jagħtu pariri lill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika Ewropej jagħtu lok għal suspetti ta' abbuż tas-setgħa ta' influwenzar u jagħmlu ħsara lill-kredibilità globali ta' dawn l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom; iqis li l-kunflitti ta' interess kollha għandhom jiġu evitati;
27. Jitlob biex tiġi adottata definizzjoni li tkun komuni għall-awtoritajiet tas-saħħa pubblika kollha Ewropej dwar x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess;
28. Jitlob li tali kunflitti ta' interess jinġiebu għall-attenzjoni tal-Parlament permezz ta' investigazzjoni interna mwettqa mill-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju bil-ħsieb li jiġi determinat jekk ħlasijiet li jkunu saru lill-esperti msemmija aktar qabel kinux saru b'mod korrett u trasparenti u jekk il-proċeduri li normalment jintużaw mill-istituzzjonijiet Ewropej biex jipprevjenu tali kunflitti ta' interess ġewx segwiti;
29. Jitlob li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-esperti kollha li jagħtu pariri lill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika Ewropej jiġu pubblikati, inklużi dawk ta' membri ta' gruppi informali;
30. Jinsab konxju tal-ħtieġa li r-riskji u l-benefiċċji jiġu kkomunikati b'mod aktar ċar u trasparenti lill-pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata messaġġ koerenti liċ-ċittadini hekk kif jiġi vverifikat li jkun hemm riskju għas-saħħa; jinsisti dwar l-importanza ta' komunikazzjoni konsistenti mill-Istati Membri dwar il-kontenut informattiv tal-messaġġ (pereżempju fir-rigward tan-natura tal-virus, in-natura tar-riskju, kif l-aħjar li jiġi evitat, u r-riskji u l-benefiċċji tal-prevenzjoni u/jew tat-trattament);
31. Jappella biex ikun hemm approċċ strateġiku globali tal-Ewropa għall-gruppi hekk imsejħa “fir-riskju” dwar kif wieħed jilħaqhom u jikkomunika magħhom fil-każ ta' pandemija;
32. Jitlob li tinbena relazzjoni ta' fiduċja mal-midja kkonċernata mit-tixrid ta' messaġġi dwar is-saħħa pubblika; jitlob li jitwaqqaf grupp magħżul ta' esperti disponibbli biex iwieġbu mistoqsijiet minn ġurnalisti f'kull ħin, kif ukoll li jkun hemm kelliem disponibbli;
33. Jenfasizza l-ħtieġa li l-professjonisti tal-informazzjoni jkunu jistgħu jinżammu responsabbli, u l-prudenza meħtieġa fl-ipproċessar ta' messaġġi ta' informazzjoni dwar is-saħħa, aktar u aktar fil-kuntest ta' pandemija;
34. Jistenna, f'dan ir-rigward, li l-awtoritajiet nazzjonali ta' monitoraġġ dwar is-saħħa jiġbru b'mod aktar komprensiv u jagħtu b'aktar ħeffa dejta koerenti lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE;
35. Iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jwettqu b'ħeffa r-reviżjonijiet meħtieġa, inklużi strateġiji aħjar ta' tilqim u ta' komunikazzjoni, sabiex tikber il-fiduċja fil-miżuri tas-saħħa pubblika li għandhom l-għan li jħejju għall-pandemiji, u li jipprevjenuhom;
o o o
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-WHO u lill-parlamenti nazzjonali.
http://ec.europa.eu/health/communicable_diseases/diseases/influenza/h1n1/index_en.htm#fragment2 u http://ec.europa.eu/health/archive/ph_threats/com/influenza/docs/flu_staff5_en.pdf