Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2102(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0027/2011

Testi mressqa :

A7-0027/2011

Dibattiti :

PV 07/03/2011 - 25
CRE 07/03/2011 - 25

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2011 - 9.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0082

Testi adottati
PDF 447kWORD 134k
It-Tlieta, 8 ta' Marzu 2011 - Strasburgu
Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa
P7_TA(2011)0082A7-0027/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-Taxxa u l-Iżvilupp - kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali (2010/2102(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Taxxa u l-Iżvilupp - Kooperazzjoni ma' Pajjiżi li qed Jiżviluppaw dwar il-Promozzjoni ta' Governanza Tajba fi Kwistjonijiet tat-Taxxa (COM(2010)0163),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- 25 ta' Marzu 2010 dwar l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp(2), u wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Monterrey (2002), il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp f'Doha (2008), id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi (2005) u l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni (2008) li permezz tagħhom il-ħarba ta' kapital u l-flussi finanzjarji illeċiti ġew identifikati b'mod espliċitu bħala ostaklu maġġuri għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku għall-iżvilupp,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-progress li sar sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta' nofs it-terminu bi preparazzjoni għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU f'Settembru 2010(3),

–   wara li kkunsidra s-samit tal-G20 li sar f'Seoul fil-11 u t-12 ta' Novembru 2010, u l-inizjattiva biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, varata mill-Ministeru Ġermaniż għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, magħrufa bħala l-“Patt Fiskali Internazzjonali” (ITC),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar it-Tassazzjoni fi Pretorja fid-29 ta' Awwissu 2008,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit tal-G20 f'Londra tat-2 u t-3 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja maħruġa wara l-Laqgħa Għolja tal-G20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009 u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2009 dwarha(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar is-Samit tal-G20 ta' Londra tat-2 ta' April 2009(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2007 dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 rigward informazzjoni dwar oqsma operattivi(6),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-Gvern Norveġiż “Ir-Rifuġji Fiskali u l-Iżvilupp”, Ġunju 2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0027/2011),

A.  billi t-tisħiħ tas-sistema tat-taxxa hu waħda mill-isfidi prinċipali li qed jaffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

B.  billi t-tassazzjoni tista“ tkun għajn affidabbli u sostenibbli ta' żvilupp finanzjarju jekk ikun hemm reġim ta' tassazzjoni progressiva, amministrazzjoni effikaċi u effiċjenti tat-taxxi biex jiġi promossa ir-rispett għall-obbligi tat-taxxa, u użu trasparenti u bl-obbligu ta' rendikont tad-dħul pubbliku,

C.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw sfidi importanti biex iżidu d-dħul mit-taxxa minħabba riżorsi umani u finanzjarji insuffiċjenti biex jiġbru t-taxxi, kapaċità amministrattiva dgħajfa, korruzzjoni, nuqqas ta' leġittimità tas-sistema politika, distribuzzjoni inugwali tad-dħul u governanza tat-taxxa batuta,

D.  billi s-suriet ewlenin ta' flussi finanzjarji illeċiti u ta' ħarba ta' kapital jinkludu b'mod speċjali: l-ipprezzar ħażin tat-trasferimenti bejn il-pajjiżi biex jiġbdu l-investiment dirett barrani, ir-round-tripping, id-dħul doppju mill-istess sors (double-dipping), il-movimenti ta' flus kontanti bil-massa, protokolli ta' investimenti opaki u żvantaġġużi u l-kuntrabandu,

E.  billi ċ-ċentri finanzjarji offshore u r-rifuġji fiskali jiffaċilitaw ħarba illeċita tal-kapital ta' US$1 triljun fis-sena; billi dawn il-flussi monetarji illegali ħerġin “il barra huma madwar għaxar darbiet l-ammont tal-flus għall-għajnuna li jingħataw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għat-titfija tal-faqar u għall-iżvilupp ekonomiku,

F.   billi r-rifuġji fiskali, li joffru regoli ta' segretezza u domiċilji fittizji kkombinati ma' skemi ta' “taxxa żero'sabiex jattiraw il-kapital u d-dħul li suppost kellu jiġi intaxxat f'pajjiżi oħra, jiġġeneraw kompetizzjoni fiskali dannuża,

G.  billi l-kompetizzjoni fiskali rriżulat fil-fatt li l-piż fiskali mar fuq il-ħaddiema u l-unitajiet domestiċi bi dħul baxx u ġiegħlet li jsir tnaqqis dannuż fis-servizzi pubbliċi fil-pajjiżi fqar,

H.  billi l-frodi fiskali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw twassal għal telf annwali tad-dħul fiskali li jikkorrispondi għal għaxar darbiet l-ammont tal-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-pajjiżi żviluppati,

I.  billi l-possibilità li tissaħħaħ il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi tkompli tintlaqat ukoll mill-kuntest globali talliberalizzazzjoni tas-swieq internazzjonali, li jinvolvi s-sostituzzjoni tad-dħul doganali b'riżorsi domerstiċi oħra; billi r-riċerka tal-FMI turi li filwaqt li l-pajjiżi sinjuri rnexxielhom jibbilanċjaw it-tnaqqis tat-taxxi kummerċjali bħala sors ewlieni tad-dħul b'sorsi oħra ta' dħul, partikolarment il-VAT, l-ifqar pajjiżi fl-aħjar każi ssostitwixxew madwar 30% tat-taxxi kummerċjali mitlufa(7),

J.   billi l-“istħarriġ komparattiv” immexxi mill-Patt Fiskali Internazzjonali juri li hemm bżonn ta' aktar koordinament tad-donaturi fil-qasam tat-tassazzjoni u l-iżvilupp,

K.  billi l-eżistenza ta' settur kbir informali fl-ekonomija qed iżomm lura l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi,

L.   billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jitilfu l-opportunità offruta mill-kwantità kbira ta' prodotti bażiċi billi mhux qed jirċievu sehem diċenti mid-drittijiet dovuti minerali li huma ġustifikati,

M.   billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw lanqas biss jiksbu l-livell fiskali minimu li jkun meħtieġ biex jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi u l-impenji internazzjonali bħat-tnaqqis tal-faqar,

N.   billi t-taxxa tipprovdi sors ta' dħul li hu potenzjalment iktar stabbli u sostenibbli mill-flussi tal-għajnuna u tinkoraġġixxi s-sieda tal-pajjiżi rispettivi b'mod aħjar,

O.   billi r-rappurtar fuq bażi konsolidata spiss jagħmilha diffiċli li jiġu identifikati l-kumpaniji li għandhom jiġu intaxxati u li jiġi determinat il-livell fiskali korrett minħabba l-istrutturi korporattivi kumplessi tagħhom u d-distribution tal-attività ekonomika ta' bejniethom,

P.  billi l-hekk imsejħa fondi opportunistiċi (vulture funds), li spiss ikunu bbażati fir-rifuġji fiskali, qed jixtru dejjem b'iktar frekwenza d-dejn tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bi skont kbir u wara jfittxuhom bil-qorti għall-ammont oriġinali tad-dejn (spiss bl-interessi u t-tariffi tal-multa) u meta jagħmlu dan, jirristrinġu sostanzjalment il-grad sa liema l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jaġixxu permezz tad-dħul fiskali addizzjonali tagħhom,

Q.  billi m'hemm l-ebda liġi li tagħmel limitu għall-ammont ta' profitti li jista“ jiġbor fond opportunistiku permezz ta' kawża kontra l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jinġabar id-dejn oriġinali u billi m'hemm l-ebda struttura regolatorja li tiżvela min huma l-fondi opportunistiċi u wkoll kemm ħallsu għal dan id-dejn li qabel kien stmat bħala bla valur,

R.  billi f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw jeżistu rati korporattivi multipli tat-taxxa fuq id-dħul ibbażati mhux biss fuq id-dħul u d-dividenti, imma wkoll fuq is-setturi tal-negozju, jiġifieri l-allokazzjoni settorjali tar-riżorsi hija mgħawġa minħabba d-differenzi fir-rati tat-taxxa,

S.  billi l-konformità fiskali għandha tiġi definita bħala li wieħed jipprova jħallas fil-post xieraq, fil-ħin xieraq, fejn “xieraq” tfisser li s-sustanza ekonomika tat-transazzjonijiet li jsiru tkun tikkoinċidi mal-post u l-forma li fihom jiġu rrappurtati għall-finijiet tat-tassazzjoni,

L-importanza tat-tassazzjoni biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li sistemi fiskali effiċjenti u ġusti huma kruċjali għat-tnaqqis tal-faqar, il-governanza tajba u l-bini tal-istat;

2.  Jilqa“ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxi favur l-iżvilupp u jara l-ħtieġa ta' qafas regolatorju maħsub biex jappoġġa l-kooperazzjoni internazzjonali fit-taxxi, it-trasparenza, l-iżviluppp tas-settur pubbliku u privat u t-tkabbir ekonomiku;

3.  Jenfasizza li l-proporzjonijiet bejn it-taxxa u l-PGD fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ivarjaw bejn l-10% u l-20% meta jitqabblu mal-proporzjon ta' bejn il-25% u l-40% fil-pajjiżi żviluppati; jiddispjaċih li s'issa ngħata ftit wisq appoġġ mid-donaturi lill-għajnuna relatata mat-taxxa; f'dan il-kuntest, jilqa“ l-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi appoġġ imsaħħaħ għall-assistenza għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-riformi fiskali u għat-tisħiħ tal-amministrazzjonijiet fiskali fir-rigward tal-FEŻ għall-Istati tal-AKP, l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-PEV u l-Istrument ta' Sħubija, u appoġġ għall-korpi superviżorji, il-parlamenti u l-atturi mhux statali nazzjonali;

4.  Jinnota li għandha ssir iktar enfasi fuq l-isforzi biex titwettaq ħidma biex jinbnew il-kapaċitajiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn jiġu megħjuna jagħmlu użu effettiv tal-iskambju ta' informazzjoni u jikkumbattu b'mod effettiv l-evażjoni fiskali bil-leġiżlazzjoni interna proprja tagħhom;

Id-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu d-dħul mit-taxxa

5.  Jinnota bi tħassib li s-sistema fiskali f'ħafna pajjiżi fqar għadha kkaratterizzata minn bażijiet tat-taxxa estremament stretti, eżenzjonijiet fiskali għall-elit, vaganzi fiskali korporattivi li jipprovdu inċentiv qawwi għall-evitar tat-taxxa, peress li l-intrapriżi intaxxati jistgħu jidħlu f'relazzjonijiet ekonomiċi ma' dawk eżenti biex iċaqilqu l-profitti tagħhom, dħul massiv minn riżorsi naturali li ħadd ma jkun jaf bih u flussi ta' kapital illeċiti kbar relatati ma' evażjoni fiskali massiva;

6.  Jenfasizza li d-dħul fiskali m'għandux jitqies bħala alternattiva għall-għajnuna barranija, iżda bħala parti integrali tad-dħul pubbliku li jiffaċilita l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi;

7.  Jinnota li sistemi effiċjenti, progressivi u ekwi tat-taxxa huma kruċjali għall-iżvilupp minħabba li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-provvista ta' beni u servizzi pubbliċi u għall-kostruzzjoni tal-istat u l-governanza tajba, li l-mira tal-pajjiżi fqar għandha tkun li l-awtosuffiċjenza tat-taxxi tieħu post id-dipendenza mill-għajnuna barranija, u li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, madankollu, qed ixekklu lil dawn il-miri fl-iżvilupp;

8.  Jiddeplora l-fatt li r-rifuġji fiskali jdgħajfu l-governanza demokratika, iwasslu biex ir-reati ekonomiċi jrendu aktar qligħ, iħeġġu r-rent seeking u jżidu d-distribuzzjoni inekwa tad-dħul mit-taxxa; iħeġġeġ lill-UE biex tagħmel il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali u l-korruzzjoni prijorità assoluta tal-aġenda fl-istituzzjonijiet internazzjonali tal-finanzi u tal-iżvilupp;

9.  Ifakkar li l-evażjoni fiskali tirrappreżenta telf finanzjarju konsiderevoli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-miżuri għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali u l-evażjoni fiskali huma waħda mill-prijoritajiet tal-UE bil-għan li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw għajnuna effikaċi biex jiksbu aċċess għad-dħul fiskali tagħhom; ifakkar fil-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri adegwati f'dak ir-rigward fil-livell Ewropew u internazzjonali, bi qbil mal-impenji mogħtija, b'mod partikolari mill-G20;

10.  Ifakkar li, filwaqt li l-impatt pożittiv tal-FSE se jinħass biss fuq perjodu twil jew medju, it-telf ta' dħul huwa konsegwenza immedjata tat-tnaqqis fit-tariffi doganali;

11.  Jenfasizza li trid tingħata aktar attenzjoni lid-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu d-dħul domestiku f'kuntest globali, peress li eżenzjonijiet multipli jingħataw lil kumpanijiet domestiċi u barranin kbar bil-għan li jiġu attirati l-investimenti; jistieden lill-UE tgħin tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibnu sistemi fiskali li jagħmluha possibbli għalihom li jibbenefikaw mill-proċess tal-globalizzazzjoni;

12.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ifqar pajjiżi qed ikollhom diffikulatjiet biex jikkumpensaw għat-tnaqqis fit-taxxi kummerċjali li jirriżulta mill-kuntest dinji attwali tal-liberalizzazzjoni kummerċjali, billi jissostitwuhom b'tipi oħra ta' riżorsi domestiċi, billi fl-aħjar sitwazzjoni ġew sostitwiti madwar 30 % tat-taxxi kummerċjali li ntilfu;

13.  Jisħaq li r-rifuġji fiskali, peress li jżidu l-kompetizzjoni fuq il-kapital mobbli, ftit ftit inaqqru s-sovranità li għandhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għad-dħul fiskali mill-kapital bħala mezz biex titwessa“ l-bażi fiskali, filwaqt li dawn diġà għandhom bażi fiskali idjeq mill-pajjiż sinjuri;

14.  Ifakkar li l-asimetrija tal-informazzjoni, li tirriżulta mir-regoli ta' segretezza tar-rifuġji fiskali, tnaqqas l-effiċenza tas-swieq finanzjarji internazzjonali, peress li din wasslet għal premji tar-riskju ogħla u b'hekk spejjeż akbar tas-self kemm għall-pajjiżi s-sinjuri kif ukoll għal dawk fqar;

15.  Jagħraf li t-titjib kwalitattiv u kwantitattiv fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jħalli l-frott fuq żmien twil. jistieden lill-Unjoni Ewropea żżomm l-offerta tagħha ta' għajnuna fil-forom kollha tagħha sakemm il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jidhrilhom li tkun meħtieġa biex tiffinanzja l-iżvilupp tagħhom stess;

Appoġġ għal sistemi fiskali effikaċi, effiċjenti, ġusti u sostenibbli

16.  Itenni li l-governanza tajba u l-kwalità tal-istituzzjonijiet jirrappreżentaw il-mutur l-aktar importanti għall-prosperità ekonomika; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassisti lill-awtoritajiet fiskali, lill-ġudikatura u lill-aġenziji ta' kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jibnu sistema fiskali progressiva u sostenibbli li eventwalment iġġib “divident ta' governanza” permezz ta' leġittimità u obbligu ta' rendikont akbar, u tintegra b'mod effikaċi l-prinċipji ta' governanza tajba fil-kwistjonijiet fiskali fl-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi u r-reġjuni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-għajnuna tagħhom għat-taxxa u jiġġieldu kontra t-tixħim imwettaq minn kumpaniji ddomiċiljati fil-ġurisdizzjoni tagħhom imma li għandhom operazzjonijiet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi l-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-proċess baġitarju, u b'hekk tħeġġeġ relazzjoni armonjuża u tippromwovi trasparenza ikbar f'dan il-proċess;

17.  Jirrimarka li l-governanza tajba fil-qasam fiskali ma tistax tiġi esportata jew imposta minn barra, u li huwa f'idejn kull pajjiż li jiddetermina l-politika fiskali tiegħu; f'dak il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali biex ma jkunux ta' tfixkil, u jikkooperaw ma' kull pajjiż li jiddeċiedi favur żieda fit-taxxa, b'mod konsistenti u ġust, li jkollha riperkussjoni fuq il-kumpaniji barranin li jkunu preżenti fit-territorju tiegħu, partikolarment dawk fl-oqsma tal-estrazzjoni tar-riżorsi primarji, li hija għajn ta' rikkezza ewlenija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawsola ta' governanza fiskali, inkluż is-superviżjoni tal-implimentazzjoni tagħha, fil-ftehimiet rilevanti bejn pajjiżi terzi u l-UE;

19.  Jinnota li t-tnaqqis fir-riżorsi doganali li seħħ partikolarment b'riżultat tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mal-Unjoni Ewropea qiegħed ikollu impatt negattiv fuq ir-riżorsi finanzjarji disponibbli immedjatament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; f'dak il-kuntest, u bħala kumpens għal dan it-telf, jistieden lill-Kummissjoni tinkuraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala parti ta' kwalunkwe għajnuna mogħtija bil-għan li jsir titjib fis-sistemi fiskali nazzjonali tagħhom, jagħtu prijorità lit-taxxi diretti progressivi fuq it-taxxi indiretti, speċjalment dawk li huma imposti fuq il-konsum, li, min-natura tagħhom, jolqtu l-aktar severament lill-popolazzjonijiet bi dħul baxx;

20.  Jitlob l-implimentazzjoni sistematika, fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE), ta' miżuri li jappoġġaw ir-riformi fiskali, speċjalment fil-forma kemm ta' għajnuna materjali (sistemi tal-informatika) u ta' għajnuna organizzattiva (taħriġ legali u fiskali tal-persunal tal-awtoritajiet tat-taxxa), jekk mitlub minn pajjiż li qed jiżviluppa; jenfasizza l-bżonn li jsir sforz partikulari mal-pajjiżi Afrikani li għadhom ma jibbenefikawx minn għajnuna fit-tul fir-rigward kwistjonijiet ta' tassazzjoni;

21.  Itenni mill-ġdid il-ħtieġa li jissaħħaħ il-grad ta' koerenza bejn il-politika ta' żvilupp u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea; ifakkar li, filwaqt li l-kriżi setgħet ħarrxet il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, u kkawżat tnaqqis fil-flussi ta' kapital lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali, inklużi l-Istati Membri tagħha, għadha l-ikbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp u fl-2009 kienet responsabbli għal EUR 49 biljun minn din l-għajnuna, jiġifieri 56% tat-total dinji; jenfasizza li, f'dan il-kuntest, it-twaqqif ta' sistema fiskali effikaċi għandu jkun prijorità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex titnaqqas id-dipendenza tagħhom mill-għajnuna esterna u minn flussi finanzjarji esterni, imprevedibbli, oħra;

22.  Jitlob li jkun hemm koerenza bejn l-appoġġ finanzjarju tal-UE u l-għoti ta' aċċess għas-swieq tal-UE lil pajjiżi partikolari u biex ikun infurzat il-livell ta' kooperazzjoni tagħhom fir-rigwart tal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam fiskali;

23.  Jilqa“ b'sodisfazzjon l-inizjattiva reġjonali dwar il-kooperazzjoni fil-qasam fiskali li tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddiskutu r-rwol tat-taxxa fil-bini tal-istat u fl-iżvilupp tal-kapaċità u biex jaqsmu l-aħjar prattiki dwar l-amministrazzjoni fiskali;

24.  Ifakkar li l-isfida ewlenija għall-pajjiżi l-fqar hi li jwessgħu l-bażi tat-taxxa; jindika li fost fatturi oħra t-tnaqqis fit-taxxi kummerċjali wassal għall-introduzzjoni ta' taxxi fuq il-konsum (VAT jew taxxi fuq l-enerġija); jikkunsidra li anke jekk il-VAT tista“ tippermetti li l-bażi għat-taxxa fl-ekonomiji bl-ikbar setturi informali titwessa”, in-natura mhux diskriminatorja tal-VAT l-agħar li tolqot huwa l-fqar; jemmen li l-għajnuna għall-iżvilupp li tagħti l-UE għandha tpoġġi bħala prijorità l-inizjattivi li jtejbu l-effikaċja u t-trasparenza tas-sistemi fiskali, pereżempju billi jiġu investigati modi kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jwessgħu il-bażi tat-taxxa tagħhom/il-fluss tad-dħul mit-taxxa tagħhom permezz ta' tassazzjoni diretta u indiretta;

25.  Ifakkar li l-objettiv ta' espansjoni tal-kummerċ mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi; jinnota li t-tneħħija tad-dazju doganali tikkawża telf inevitabbli ta' dħul doganali, u għalhekk għandha tkun soġġetta għal superviżjoni aktar stretta, aktar progressiva u li tmur id f'id mal-implimentazzjoni ta' riformi fiskali li jippermettu l-kisba ta' forom ta' dħul alternattivi li jikkumpensaw għal dan in-nuqqas (VAT, taxxa fuq il-proprjetà, taxxa fuq id-dħul);

26.  Jinnota bi tħassib li biljuni ta' dollari fis-sena ħallew il-kontinent Afrikan bejn l-1991 u l-2004; b'mod partikolari, jissottolinja li dawn il-flussi “l barra huma stmata li jammontaw għal 7,6% tal-PGD annwali tar-reġjun, ħaġa li tagħmel il-pajjiżi Afrikani kredituri netti tal-pajjiżi donaturi; iqis li l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u l-ħelsien mid-dejn provdut mill-pajjiżi żviluppati se jkun effettiv biss jekk jittieħdu b'mod ugwali miżuri konkreti mill-G20, l-OECD u l-UE biex ikun żgurat li l-bażi fiskali potenzjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw mhux qed iġġarrab ħsara mill-evażjoni fiskali; jinkoraġġixxi f'dan il-kuntest lin-NU u lill-OECD, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Forum Afrikan tal-Amministrazzjoni Fiskali, biex ikomplu bil-ħidma tagħhom f'dan il-qasam;

27.  Jinsisti li l-mezzi xierqa biex jinstabu sorsi alternattivi ta' ġbir ta' dħul għandhom jappoġġaw, u mhux jiskoraġġixxu, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-ħolqien ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, filwaqt li jsaħħu s-sjieda u l-iżvilupp lokali;

28.  Jenfasizza li l-ispejjeż amministrattivi, speċjalment għal sistema tal-VAT ta' rata multipla, jistgħu jkunu għoljin wisq għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-awtoritajiet fiskali tagħhom mhumiex mgħammra bir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa, u għalhekk għandhom jiġu skrutinizzati bir-reqqa; jemmen li f'każi bħal dawn it-taxxi tas-sisa għandhom ikunu selettivi ħafna, fejn ikunu mmirati fuq ftit prodotti prinċipalment għar-raġuni li l-komsum tagħhom jinvolvi esternalitajiet negattivi fuq is-soċjetà, li d-domanda għalihom normalment mhix waħda elastika (it-tabakk, l-alkoħol, eċċ.); jitlob, fil-każ ta' limitazzjoni, ukoll li jiġu identifikati u intaxxati dawk il-kumpaniji li jistgħu jaqgħu taħt dħul fiskali miżjud (pereżempju dawk involuti fl-estrazzjoni tal-materja prima);

29.  Jisħaq li rekwiżit importanti sabiex tiżdied it-tassazzjoni diretta għandu jkun li s-settur informali jiddaħħal fis-settur formali u li jitjieb l-ambjent tan-negozju;

30.  Jenfasizza li, fil-kuntest globali tal-kompetizzjoni fiskali, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jottjenu parti akbar mid-dħul mit-taxxa tagħhom mill-kapital u ftit għandhom possibilità li jiġbru taxxi alternattivi; jinnota li t-tnaqqis fid-dħul mit-taxxa minħabba dik il-kompetizzjoni għandu jiġi indirizzat billi titwessa“ l-bażi tat-taxxa jew billi wieħed jastjeni minn dik il-kompetizzjoni għalkollox jekk ikun konvenjenti u jekk fatturi oħra bħall-governanza tajba, is-sigurtà legali u l-evitar tan-nazzjonalizzazzjoni jintefgħu f'periklu fil-proċess tal-kompetizzjoni għall-investiment dirett barrani; jirrimarka li l-pajjiżi bi dħul baxx għandhom bżonn il-kapaċità li jinnegozjaw b'mod effikaċi mal-korporazzjonijiet multinazzjonali sabiex jiżguraw sehem ekwu mill-profitti tal-korporazzjonijiet u jfakkar li dawn għandu jkollhom spazju politiku adegwat biex jimponu l-kontrolli kapitali peress li d-dritt li jinġabar u jerġa” jitqassam id-dħul mit-taxxi huwa kriterju ewlieni għas-sovranità u l-leġittimità tal-istati u għalhekk prerekwiżit għall-governanza tajba;

31.  Jinnota li l-Gvern Franċiż ikkommissjona riċerka dwar it-tema tal-inċentivi politiċi għat-tassazzjoni, imma għad hemm bżonn ta' iktar; jistaqsi għalhekk lill-Kummissjoni tistudja jekk approċċi differenti għat-trasferiment tal-għajnuna, eż. għotjiet minflok selfiet, jistgħux jgħinu biex jiġu limitati jew impaċija l-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna fuq it-tkattir tad-dħul, u jekk l-appoġġ baġitarju u t-titjib relatat fit-trasparenza u l-effikaċja tal-ġestjoni tal-infiq pubbliku jikkontribwixxux biż-żmien fuq perjodu twil biex iċ-ċittadini jkollhom rieda akbar li jħallsu t-taxxa;

32.  Jinnota li ngħatat ftit wisq attenzjoni lejn kif il-gvernijiet jistgħu jużaw il-politiki fiskali biex inaqqsu l-inugwaljanzi fid-dħul u bil-benessri milli jiġu minimizzati d-differenzi eżistenti tal-ġeneru fir-responsabilitajiet fiskali;

33.  Jitlob għal konċentrazzjoni fuq il-prinċipji tan-newtralità, l-ugwaljanza u s-sempliċità fir-rigward tas-sistemi fiskali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandhom jintlaħqu permezz ta':

   (a) taxxa li ma tieħux sehem ikbar mid-dħul tal-persuni fqar imma proporzjon ikbar mid-dħul ta' min iħallas it-taxxa jew mill-ġid hekk kif jikber;
   (b) taxxa li ma tiddiskriminax fuq il-bażi tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, it-tip ta' unità domestika, iċ-ċittadinanza jew l-istatus ċivili;
   (c) sistema fiskali ċara, sempliċi u trasparenti li teskludi tipi differenti ta' interpretazzjonijiet mhux mixtieqa tal-liġijiet fiskali bil-għan li jinkiseb tnaqqis massiv tat-taxxa minn fuq l-infiq soċjali;
   (d) trattament identiku għall-finijiet fiskali ta' profitt veru u telf veru minn kwalunkwe sors partikolari ta' dħul, jiġifieri li l-profitt ikun taxxabbli u t-telf ikun deduċibbli;
   (e) livell ta' tassazzjoni li jkun marbut b'mod robust ma' stadji differenti tal-iżvilupp ekonomiku;
   (f) l-unifikazzjoni ta' rati tat-taxxa multipli fuq id-dħul tal-kumpaniji billi r-rati tat-taxxa fuq id-dħul jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-volum tal-kummerċ aktar milli fuq is-setturi tal-kummerċ;

34.  Iqis li hu meħtieġ li l-OECD tfassal linji gwida ġodda dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti, mezz essenzjali biex jiġi evitat li ċerti kumpaniji multinazzjonali jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn il-pajjiżi li għandhom l-aktar sistemi fiskali favorevoli u biex jiġi żgurat li jħallsu t-taxxi tagħhom fil-pajjiżi – inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw – fejn ikunu fil-fatt iġġeneraw il-profitti tagħhom;

35.  Jikkunsidra li hija indispensabbli sistema ta' taxxa b'rata baxxa għal dħul baxx u medju, ibbażata fuq it-twessigħ tal-bażi fiskali, u li tkun teskludi kwalunkwe eżenzjoni u preferenza fiskali diskrezzjonali, inkluż fir-rigward tal-industriji tal-estrazzjoni; jenfasizza l-bżonn ta' investiment pubbliku fi proġetti li għandhom impatt lokali pożittiv fil-livell ekonomiku, soċjali, u ambjentali, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' kwalunkwe opportunità għal xi forma ta' dumping fiskali;

Il-ħidma għal ambjent fiskali internazzjonali trasparenti, kooperattiv u ġust
L-ipprezzar kummerċjali ħażin

36.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ipprezzar kummerċjali ħażin hu wieħed mill-muturi l-aktar prominenti tal-flussi finanzjarji illeċiti; jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-għarfien espert pubbliku mtejjeb dwar kwistjonijiet bħal dawn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u taħdem fuq proposti konkreti biex tiżgura li l-G20, l-OECD, in-NU u d-WTO jikkunsidraw sett aktar estensiv ta' indikaturi u metodi biex jiġi affrontat l-ipprezzar kummerċjali ħażin, li fosthom hemm “il-metodi ta' qligħ kumparabbli” tal-Istati Uniti li wrew indikazzjoni ta' riżultati tajbin biex jiġi identifikat l-ipprezzar inkorrett ta' tranżazzjonijiet;

37.  Jitlob li tittieħed azzjoni kontra l-manipulazzjoni illeġittima tal-prezzijiet tat-trasferimenti (transfer price manipulation) u li jsir rieżami tar-regoli fiskali dinjija li jmorru lilhinn mill-metodu tal-profitti kumparabbli, fil-każ li hemm alternattivi oħra iktar promettenti li jindirizzaw b'mod iktar effikaċi l-problema tal-ipprezzar ħażin; jisħaq li l-UE, il-G20, l-UE u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ b'mod ġenerali għandhom jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq approċċi li jistrieħu fuq l-hekk imsejjaħ prinċipju tad-distakkament (arm's length principle) li jiddikjara li t-tranżazzjonijiet fiskalment relevanti għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jsiru bejn intrapriżi indipendenti;

38.  Iħeġġeġ lill-UE tiddefendi fi ħdan il-G20 u l-OECD l-prinċipju tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar il-kwistjonijiet fiskali fuq il-linji tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni ta' Riżervi fuq id-Dħul, bħala mod kif jitrażżnu l-flussi finanzjarji illeċiti fil-ġurisdizzjonijiet ta' segretezza;

39.  Jitlob l-introduzzjoni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li d-dħul minnha jmur biex itejjeb it-tħaddim tas-suq billi titnaqqas l-ispekulazzjoni u jgħin biex jiġu ffinanzjati l-beni pubbliċi globali bħalma huma l-iżvilupp u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jitnaqqsu d-defiċits pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq malajr studju ta' fattibilità li jqis il-kundizzjonijiet ugwali globali u, jekk ikun xieraq, biex tippreżenta proposti leġiżlattivi konkreti;

40.  Jipproponi li dispożizzjoni speċifika relatata mal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tiddaħħal fir-reviżjoni tal-ftehim ta' Cotonou;

41.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu miżuri simili fil-programmi ta' assistenza bilaterali tagħhom;

L-industriji estrattivi

42.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' inizjattivi għall-promozzjoni ta' aktar trasparenza fir-renti mir-riżorsi naturali inter alia permezz tal-Konvenzjoni tal-OECD għal kontra l-Korruzzjoni u l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi; jilqa“ l-adozzjoni tal-Emendi dwar il-Minerali minn Inħawi f'Kunflitt tal-Kongo u dwar it-Trasparenza li saru għall-Liġi ta' Riforma tar-Regolament Finanzjarju u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva leġiżlattiva fuq l-istess linji mingħajr ma tnaqqas ir-responsabilità tal-gvernijiet fid-dinja li qed tiżviluppa, u mingħajr ma tpoġġi piż burokratiku żejjed fuq il-kumpaniji, peress li din il-ħaġa diġà ġiet ikkritikata mill-partijiet interessati fid-dinja li qed tiżviluppa u tista” tkun ħaġa kontraproduttiva;

43.  Jisħaq li l-isfruttar tar-riżorsi naturali għandu jitkompla sabiex pajjiż jiġi megħjun jilħaq l-għanijiet soċjali u ekonomiċi iktar wiesgħa tiegħu li, għall-gvernijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dan ifisser li tiġi deskritta b'mod ġenerali viżjoni, jekk dan ikun mixtieq flimkien mal-partijiet interessati internazzjonali u mal-esperti, dwar kif is-settur tar-riżorsi jidħol fil-futur ekonomiku tal-pajjiż; iqis li għal xi pajjiżi l-aħjar użu tal-kwalitajiet tar-riżorsi jista“ jkun li dawn jitħallew fl-art biex jintużaw fil-futur filwaqt li għal oħrajn, dan jista” jkun li jiġu estratti malajr, bħala għajn intermedjarju ta' dħul domestiku, sabiex jiġi ġġenerat dħul biex isostni l-investiment meħtieġ għat-tkabbir u sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet umani urġenti;

44.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu sħab ugwali fid-diskussjoni u fl-adozzjoni ta' inizjattivi ġodda fis-settur tal-estrazzjoni tar-riżorsi; jisħaq li l-arranġamenti ġodda f'dan il-qasam għandhom jieħdu l-forma ta' standards internazzjonali ġeneralizzati sabiex ikun evitat il-ħolqien ta' tgħaqqid flimkien ta' biċċiet ta' regolamenti, ħaġa li tkun kontraproduttiva mill-perspettiva tal-gvernijiet, tal-amministrazzjoni fiskali u tal-kumpaniji internazzjonali;

45.  Jisħaq li l-proposti tal-Kummissjoni u inizjattivi trasparenti mhux governattivi għas-settur tal-industriji tal-estrazzjoni, eż. il-Karta tar-Riżorsi Naturali, il-Prinċipji tal-Ekwatur u l-Linji Gwida għall-Investituri u għall-Kumpaniji minn “Critical Resource”, fil-fatt huma favur in-negozju; dawn jipproduċu sigurtà legali u sħubijiet sostenibbli fuq żmien twil u jservu ta' salvagwardji kontra r-rinazzjonalizzazzjoni, il-ftuħ mill-ġdid ta' negozjati u l-espulsjoni; jinnota li hemm problemi li għandhom jiġu indirizzati wkoll, pereżempju l-fatt li n-negozji jista“ jkun li jkollhom jiżvelaw informazzjoni kummerċjali sensittiva, ħaġa li tpoġġihom fi żvantaġġ kompetittiv, jew li xi ftehimiet mal-gvernijiet huma bbażati fuq il-fatt li informazzjoni tinżamm sigrieta;

46.  Jinnota li r-renti mir-riżorsi dejjem għandhom jitqiesu bħala mezz intermedjarju sabiex jiżdied id-dħul domestiku; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li s-suċċess fit-tassazzjoni tar-riżorsi spiss iġib avvanzi f'taxxi diretti, bħat-taxxi tad-dħul għall-kumpaniji, u dħul mhux fiskali, bħat-tariffi tad-drittijiet;

47.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li numru kbir ta' stati li għandhom renti akbar, li jibbenefikaw minn renti abbundanti mir-riżorsi, partikolarment dawk miż-żejt u l-minerali, għandhom ftit inċentiv biex ikunu obbligati jagħtu rendikont, biex iwieġbu jew biex ikunu effiċenti; itenni li mekkaniżmi ta' kontrol istituzzjonali u demokratiku b'saħħithom huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp dwar il-formolazzjoni ta' kuntratti bejn kumpaniji multinazzjonali u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kwistjonijiet ta' sfruttar tar-riżori;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimpenjaw ruħhom iktar mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi, permezz tad-disponibilità tal-finanzi u l-parteċipazzjoni fil-korp governattiv tagħha;

49.  Ifakkar li l-kwalità tar-rappurtar finanzjarju hi kruċjali biex l-evażjoni fiskali tiġi miġġielda b'mod effikaċi; Iqis li r-rappurtar fuq il-bażi ta' kull pajjiż għalih huwa tal-akbar importanza għall-industriji estrattivi, imma jfakkar li jkun ta' ġid ukoll għall-investituri fis-setturi kollha, u b'hekk isir jikkontribwixxi għall-governanza tajba globalment; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-inklużjoni ta' rekwiżit fl-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà li l-korporazzjonijiet multinazzjonali kollha jirrappurtaw id-dħul tagħhom u t-taxxa li ħallsu abbażi ta' kull pajjiż individwalment; ifakkar li din it-talba hija konsistenti mal-bżonn li tittejjeb ir-responsabilità soċjali korporattivi tal-intrapriżi multinazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra r-rappurtar pajjiż b'pajjiż fir-riforma tagħha tad-direttivi dwar il-kontabilità;

50.  Jitlob l-introduzzjoni ta' obbligi ta' rrappurtar finanzjarju pajjiż pajjiż għall-kumpaniji transkonfinali, inklużi l-profitti qabel u wara t-taxxa, bl-għan li tiżdied it-trasparenza u jiżdied ukoll l-aċċess għal data relevanti għall-amministraturi fiskali; huwa tal-fehma li, sabiex jiġi żgurat li s-setturi kollha u l-kumpaniji kollha jkunu koperti b'mod uniformi, l-UE għandha tintroduċi l-prinċipju bħala parti mir-reviżjonijiet li ġejjin tad-direttiva dwar it-trasparenza u d-direttivi ta' kontabilità tal-UE, filwaqt li fil-livell internazzjonali l-Kummissjoni għandha tagħmel pressjoni fuq il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà biex jiżviluppa malajr l-istandard komprensiv korrispondenti; jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika tagħha u dwar id-diskussjonijiet tagħha mal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà fi żmien is-sitt xhur li ġejjin;

51.  Jenfasizza l-importanza ta' rappurtar fuq il-bażi ta' kull pajjiż għalih u jirrikjedi li n-negozjati f'dan il-qasam jiġu intensifikati:

   (a) il-gvernijiet u l-gruppi internazzjonali (inklużi l-G20 u n-Nazzjonijiet Uniti) għandhom jappoġġaw standard ta' rappurtar finanzjarju fuq il-bażi ta' kull pajjiż għalih, u għandhom jirrikjedu formalment lill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà biex jadottah;
   (b) l-OECD għandha tkompli l-istudju tagħha dwar il-fattibilità tar-rappurtar fuq il-bażi ta' kull pajjiż għalih u għandha tirraporta lura kemm lill-G20 kif ukoll lin-NU matul l-2011;
   (c) il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għandu jadotta standard ġdid li jinkludi r-rappurtar fuq il-bażi ta' kull pajjiż għalih;
   (d) is-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir fil-futur għandhom jużaw l-informazzjoni żvelata skont ir-rappurtar fuq il-bażi ta' kull pajjiż biex jirresponsabilizzaw il-gvernijiet u l-kumpaniji multinazzjonali;

Titjib tal-koordinament tad-donaturi

52.  Jieħu nota tar-riżultati tal-“Istħarriġ Komparattiv” tal-Patt Fiskali Internazzjonali, li juru li hemm bżonn aktar koordinament tad-donaturi fil-qasam tat-tassazzjoni u l-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu inizjattivia fuq din il-linja u tintensifika l-appoġġ tagħha għal inizjattivi multilaterali u reġjonali, bħall-Forum Afrikan għall-Amministrazzjoni Fiskali u ċ-Ċentru Inter-Amerikan tal-Amministrazzjonijiet Fiskali;

It-titjib tal-arkitettura internazzjonali għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali

53.  Jisħaq fuq il-fatt li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp mhux se jirnexxielha telimina l-faqar globali jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri ambizzjużi fi ħdan il-G20, l-OECD u l-UE biex jirreprimu r-rifuġji fiskali u l-istrutturi fiskali ta' ħsara;

54.  Jinnota li, mis-Samit tal-G20 tat-2 ta' April 2009 “l hawn, iċ-ċentri finanzjarji offshore impenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-istandards tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni; jinnota, madankollu, li l-istrutturi ta' ħsara tar-rifuġji fiskali għadhom jeżistu; jitlob għal darb'oħra li tittieħed azzjoni barra mill-qafas tal-OECD biex jiġu miġġielda r-rifuġji fiskali minħabba n-nuqqasijiet varji tagħhom; f'dan ir-rigward, itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-istandards internazzjonali tal-OECD jirrikjedu l-iskambju ta' informazzjoni fuq talba imma li ma hemm l-ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni fuq il-linji tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni ta' Riżervi fuq id-Dħul; jikkritika bl-istess mod il-fatt li l-OECD tippermetti lill-gvernijiet jaħarbu l-lista s-sewda tagħha sempliċimenti billi jwiegħdu li se jaderixxu ruħhom mal-prinċipji ta' skambju ta' informazzjoni, mingħajr ma tiżgura li dawn il-prinċipji effettivement jiġu pprattikati; iqis ukoll li r-rekwiżit li jikkonkludu ftehimiet ma' 12-il pajjiż ieħor bil-għan li jitneħħew minn fuq il-lista s-sewda huwa wieħed arbitrarju peress li ma jirreferi għall-ebda indikatur kwalitattiv għal valutazzjoni oġġettiva tal-konformità mal-prattiki tal-governanza tajba;

55.  Jenfasizza li fis-sena jintilfu sa EUR 800 biljun mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba r-rifuġji fiskali u l-flussi finanzjarji illeġittimi; jinnota li trasparenza ikbar fil-proċess finanzjarju tista“ tkun pass deċiżiv lejn it-taffija tal-faqar u l-ħolqien ta' ġid sinifikanti;

56.  Iqis li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għandu jseħħ fiċ-ċirkostanzi kollha; jilqa“ f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni sabiex il-koopereazzjoni bejn l-Istati Membri tiġi estiża biex tkopri t-taxxi ta' kwalunkwe tip, jiġi abolit s-sigriet bankarju u jiġi stabbilit l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bħala regola ġenerali;

57.  Jilqa“ l-fatt li xi Stati Membri huma firmatarji tal-Konvenzjoni bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-OECD dwar l-Għajnuna Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Fiskali, u jħeġġeġ lis-17-il Stat Membru li m'għamlux dan biex jiffirmaw il-Konvenzjoni;

58.  Jistieden lill-UE żżid l-azzjoni tagħha u tieħu miżuri konkreti, bħal sanzjonijiet, kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħarba illeċita tal-kapital; jitlob lill-Kunsill jeżamina l-possibilità li jkun hemm mekkaniżmu multilaterali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fiskali b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet Fiskali;

59.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta kriterji aktar stretti għall-identifikazzjoni tar-rifuġji fiskali u taħdem biex jintlaħaq ftehim multilaterali dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni fiskali li jkun vinkolanti internazzjonalment, inkluż għat-trusts u għall-fondazzjonijiet, u li jipprevedi kontromiżuri fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħruġ illeċitu ta' fondi u l-ħarba illeċita ta' kapital, minħabba li dawn ġew identifikati bħala ostakolu ewlieni għall-mobilizzazzjoni ta' dħul domestiku għall-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni b'mod partikolari lejn il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax (8) u lejn il-miżuri rakkomandati għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali;

60.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-effett sfortunat tat-trattati fiskali fuq id-distribuzzjoni tad-dħul mit-taxxa; jinnota li l-metodu biex jiġu assenjat id-dritt għal taxxa bbażata fuq il-prinċipju tad-domiċilju minflok il-pajjiż sors jgħin biex ir-rifuġji fiskali jsiru postijiet aktar vantaġġużi; iqis li t-trattati fiskali għandhom jerġgħu jiġu eżaminati għal kemm huma ġusti, li timplika l-possibilità li d-dritt primarju għal taxxa fil-pajjiż sors jingħata fejn qed jitwettqu l-attivitajiet reali;

61.  Jiddeplora l-fatt li l-G20 għandu ma pproponiex kalendarju ċar u mekkaniżmu konkret ta' sanzjoni biex jagħmel il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali waħda effettiva; jitlob li tiġi adottata konvenzjoni internazzjonali bl-iskop li jiġu eliminati l-istrutturi fiskali ta' ħsara li tkun tinkludi sanzjonijiet kemm għall-ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi u kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw mar-rifuġji fiskali; iħeġġeġ lill-UE tadotta miżuri simili għall-Att tal-Istati Uniti biex jitwaqqaf l-abbuż tar-rifuġji fiskali (Stop Tax Haven Abuse Act) u tqis il-possibilità tat-tneħħija tal-liċenzja bankarja lill-istituzzjonijiet finazjarji li joperaw mar-rifuġji fiskali;

62.  Iqis li l-UE għandha wkoll tiżgura l-konsistenza fl-implimentazzjoni fil-livell tal-UE u dak internazzjonali ta' standards fil-qasam tas-superviżjoni ta' prudenza, it-tassazzjoni u l-ħasil tal-flus;

63.  Jitlob li l-istrutturi tal-fondi opportunistiċi jiġu żvelati internazzjonalment sabiex dawn jiġu identifikati u sabiex l-attivitajiet tagħhom jiġu pprojbiti;

64.  Jitlob il-ħolqien, fil-qafas tal-FSE, ta' mekkaniżmu ta' kontroll indipendenti biex jevalwa l-impatt fiskali nett tat-tneħħija tad-dazji doganali u fl-istess ħin tal-progress miksub fir-rigward tar-riformi fiskali pajjiż pajjiż; jitlob l-introduzzjoni ta' klawsola li tipprovdi għal reviżjoni globali obbligatorja tal-FSE kollha fi żmien tlieta sa ħames snin u li tagħti lok għal modifiki ta' kull ftehim fl-interess tal-qerda tal-faqar, l-iżvilpp sostenibbli u l-integrazzjoni reġjonali; jitlob reviżjoni obbligatorja tal-progress ta' kull pajjiż individwali fl-implimentazzjoni tar-riformi fiskali b'konformità mal-aħħar aġġornamenti tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kaptial tal-OECD;

65.  Jisħaq li l-amministrazzjonijiet fiskali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom bżonn jikooperaw jekk ma jagħmlux parti mill-Ministeri tal-Finanzi rispettivi, speċjalment dwar il-politika fiskali u baġitarja, b'modi li ma jistimulawx ir-rivalità u l-għira imma li jħeġġu r-relazzjonijiet tajba u l-governanza tajba fil-kwistjonijiet fiskali;

66.  Jitlob li jiġu stabbiliti jew (fil-każ li dawn diġà huma stabbiliti) li jittejbu istituzzjonalment l-hekk imsejħa awtoritajiet tad-dħul (semi)awtonomi (ADA), permezz ta' sistemi adegwati ta' spezzjonijiet u bilanċi, sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet tat-taxxa;

67.  Jenfasizza f'dan il-kontest li l-istatus għoli u l-awtonomija maniġerjali tal-awtoritajiet tad-dħul awtonomi għandhom jiġu bbilanċjati permezz ta' arranġamenti ta' governanza pluralistika li jiżguraw:

   (a) li awtorità tad-dħul awtonoma jkollha baġit iggarantit li ma jistax jinbidel mill-gvern;
   (b) li l-istatus, ir-responsabilitajiet u l-poteri tagħha jkunu mnaqqxa fil-liġi u jkunu jistgħu jiġu mħarsa mill-pulizija u mill-qrati;
   (c) li jsiru ħatriet għall-bord superviżorju (li għandu jiġi stabbilit) minn varjeta ta' aġenti pubbliċi (ministeri differenti, negozji u assoċjazzjonijiet ta' avukati);
   (d) li l-ħatriet għall-bord superviżorju jkollhom mandat twil u ta' tul ta' żmien fiss;
   (e) u li l-persunal maniġerjali u operattiv ikun responsabbli biss quddiem il-bord superviżorju;

68.  Iqis li l-iżvilupp ta' sistema fiskali effikaċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun is-sinsla tal-finanzi pubbliċi tagħhom; iqis li l-politika ġdida ta' investiment tal-UE fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit ambjent aħjar, aktar favorevoli għal investiment privat barrani u nazzjonali u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal għajnuna internazzjonli aktar effikaċi; ifakkar li l-politika ta' investiment tal-UE għandha tiffoka fuq l-iżvilupp tal-SMEs, inkluż permezz tal-mikrokreditu, u tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, l-effikaċità tas-servizzi pubbliċi, is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u t-trasferiment tal-għarfien favur it-tkabbir;

o
o   o

69.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 29.
(2) ĠU C 4 E, 7.1.2011, p. 34.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0210.
(4) ĠU C 230 E, 26.8.2010, p. 1.
(5) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 94.
(6) ĠU C 282E, 6.11.2008, p. 323.
(7) Pereżempju, ara l-istudju ta' Baunsgaard & Keen (2005), ikkwotat fir-rapport tal-FMI tal-15 ta' Frar 2005, bit-titolu “Dealing with the Revenue Consequences of Trade Reform” (“It-Trattament tal-Konsegwenzi tad-Dħul tar-Riforma Kummerċjali), li fih il-FMI jikkonkludi li ”many low-income countries and some middle-income countries have had difficulty in replacing trade tax revenues“ (”ħafna pajjiżi bi dħul baxx u xi pajjiżi bi dħul medju kellhom diffikoltà biex jissostitwixxu d-dħul mit-taxxi kummerċjali“).
(8) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 488.

Avviż legali - Politika tal-privatezza