Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-agrikoltura tal-UE u l-kummerċ internazzjonali (2010/2110(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Tielet Parti, Titolu III u l-Ħames Parti, Titoli II u V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-prinċipji relatati mar-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali stipulati fl-Artikolu 13 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-ftehimiet tad-WTO, u b'mod partikolari l-Ftehim dwar l-Agrikoltura li ġie nnegozjat waqt ir-Rawnd ta' Urugwaj u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni adottata fir-raba“ Konferenza Ministerjali li saret f'Doha mid-9 sal-14 ta' Novembru 2001, id-Deċiżjoni adottata mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-1 ta' Awwissu 2004 u d-Dikjarazzjoni adottata fis-sitt Konferenza Ministerjali li saret f'Ħong Kong mit-13 sat-18 ta' Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar il-valutazzjoni tar-Rawnd ta' Doħa wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong(1),
– wara li kkunsidra l-abbozzi ta' modalitajiet riveduti għall-agrikoltura li ġew iċċirkulati fis-6 ta' Diċembru 2008 mill-president min-naħa tad-WTO li ppresieda n-negozjati dwar l-agrikoltura,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tal-15 ta' Mejju 2009 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kummissjoni Ewropea rigward l-importazzjoni taċ-ċanga ġejja minn annimali li ma jkunux ġew ittrattati b'ċerti ormoni li jinkoraġġixxu t-tkabbir u rigward id-dazji ogħla applikati mill-Istati Uniti għal ċerti prodotti tal-Komunitajiet Ewropej,
– wara li kkunsidra s-soluzzjoni miftiehma b'mod reċiproku li ntlaħqed fil-15 ta' Lulju 2009 bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea għat-tilwima bit-titolu “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jolqtu l-Approvazzjoni u l-Marketing tal-Prodotti Bijoteknoloġiċi”,
– wara li kkunsidra l-ftehim li ġie inizjalat fil-15 ta' Diċembru 2009 bejn l-UE u l-pajjiżi Latino-Amerikani li jistipola l-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni aħħarija tat-tilwimiet pendenti dwar ir-reġim tal-importazzjoni tal-UE għall-banana (Ftehim ta' Ġinevra),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2009 dwar il-prospetti għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) wara s-Seba“ Konferenza Ministerjali tad-WTO(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjoni, fis-17 ta' Diċembru 2009, tan-negozjati bejn l-UE u l-Marokk dwar ftehim li jirrigwarda miżuri ta' liberalizzazzjoni fuq prodotti agrikoli u tas-sajd,
– wara li kkunsidra l-konklużjoni, fl-1 ta' Marzu 2010, tan-negozjati bejn l-UE, il-Perù u l-Kolombja dwar l-iffirmar ta' Ftehim bejn Bosta Partijiet,
– wara li kkunsidra s-soluzzjoni miftiehma b'mod reċiproku li ntlaħqed fit-18 ta' Marzu 2010 bejn ir-Repubblika Arġentina u l-Unjoni Ewropea għat-tilwima bit-titolu “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jolqtu l-Approvazzjoni u l-Marketing tal-Prodotti Bijoteknoloġiċi”,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar “Il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: liema strateġija għandna nsegwu?(3),
– wara li kkunsidra l-konklużjoni, fid-19 ta' Mejju 2010, tan-negozjati bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali dwar il-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(4),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea t'Isfel iffirmat fis-6 ta' Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Mercosur għal Ftehim ta' Assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Kanada għal Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Indja għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Ukraina għal Ftehim ta' Assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bit-titolu “Bilanċ tan-Negozjati Agrikoli tad-WTO wara l-Falliment tat-Taħdidiet tal-2008”, ta' Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra l-gwida bit-titolu “Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Ftehim TRIPs: 10 Snin Wara. Pjan direzzjonali għad-detenturi tal-IĠ tal-UE biex jakkwistaw ħarsien f'Membri oħra tad-WTO”, li ġiet ikkummissjonata mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ta-15 ta' Settembru 2010 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontrapartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (COM(2010)0484),
– wara li kkunsidra l-kwistjoni tal-liberalizzazzjoni tad-dmirijiet għall-Pakistan, prevista fl-Artikolu 1 tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi preferenzi kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għall-Pakistan (COM(2010)0552),
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU,
– li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7–0030/2011),
A. billi l-UE għadha bil-wisq l-akbar importatriċi ta' prodotti agrikoli fid-dinja, fejn l-importazzjonijiet kważi rduppjaw fil-valur f'dawn l-aħħar għaxar snin u issa jiffurmaw kważi 20% tal-importazzjonijiet kollha tad-dinja,
B. billi s-sehem tal-UE mill-esportazzjonijiet agrikoli globali qed jonqos bħala riżultat tat-tkabbir aktar mgħaġġel ta' sħab kummerċjali agrikoli ewlenin oħra; billi l-prodotti finali ffurmaw 68% tal-valur tal-esportazzjonijiet tal-UE fl-2007-2009, filwaqt li l-prodotti intermedji u l-kommoditajiet irrappreżentaw 23% u 9% rispettivament; billi, barra minn hekk, il-prezzijiet tas-suq dinji huma fattur mid-diffikultajiet li l-UE qed tesperjenza fl-esportazzjoni tal-prodotti tagħha, minħabba li, in ġenerali, il-prezzijiet huma baxxi u l-Unjoni għandha spejjeż tal-produzzjoni ogħla,
C. billi l-iżbilanċ tal-kummerċ agrikolu tal-UE laħaq l-ogħla livell rekord ta' EUR 7 biljun fl-2008; billi l-iżbilanċ kummerċjali tal-UE mal-Mercosur, pereżempju, aktar milli rdoppja mill-2000 “il hawn u l-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli mill-Mercosur li jidħlu l-UE issa għandhom il-valur ta' EUR 19-il biljun, meta mqabbla mal-valur ta' EUR 1 biljun ta' esportazzjonijiet,
D. billi l-UE hija l-akbar importatriċi fid-dinja fir-rigward tal-prodotti agrikoli mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn timporta aktar mill-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, l-Awstralja u n-New Zealand kollha f'daqqa; billi madwar 71% tal-importazzjonijiet agrikoli totali joriġinaw mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala riżultat tal-inizjattiva Kollox ħlief Armi (EBA) għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), is-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi (SĠP), u l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE),
E. billi l-abbozzi ta' modalitajiet dwar l-agrikoltura li ħarġet id-WTO fl-2008 jkunu jeħtieġu li l-UE tagħmel konċessjonijiet jerġa“ akbar minn dawk stabbiliti fl-offerta, li diġà hija waħda sostanzjali, magħmula mill-UE f'Ottubru 2005,
F. billi l-applikazzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp (PCD) għall-agrikoltura u l-kummerċ se tħalli effett ukoll fuq il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju 1 (l-eradikazzjoni tal-faqar estrem u l-ġuħ) u 8 (is-sħubija globali għall-iżvilupp), inkluż permezz tad-dispożizzjonijiet għal regoli kummerċjali u aċċess għas-suq aktar ġusti,
G. billi l-UE diġà naqqset drastikament l-appoġġ domestiku tagħha li jgħawweġ il-kummerċ, mhux bħas-sħab kummerċjali ewlenin, b'mod partikolari l-Istati Uniti, li żammet u f'xi każijiet saħħet l-istrumenti tagħha skont il-Liġi tal-Biedja (Farm Bill) tal-2008,
H. billi l-UE b'mod unilaterali għamlet tnaqqis sostanzjali fir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tagħha, fejn is-sehem tagħhom mill-baġit tal-PAK niżel minn 29,5% fl-1993 għal biss 1,2% fl-2009, u bil-proporzjon tal-valur tal-esportazzjonijiet agrikoli li għalih ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni li jitħallsu waqgħu minn 25% fl-1992 għal biss 0,9% fl-2009; billi xi sħab kummerċjali ewlenin qed ikomplu jagħmlu użu konsiderevoli minn suriet oħra ta' inċentivi għall-esportazzjoni,
I. billi, fil-qafas tat-tilwima tal-“ormoni taċ-ċanga”, l-Istati Uniti qed tkompli timponi sanzjonijiet fuq l-UE u kienet anke ħabbret li se jieħdu sistema rotattiva biex ikopru prodotti agrikoli oħra tal-UE, bil-għan li l-impatt tagħhom jiżdied (leġiżlazzjoni “karużell”); billi skont il-Memorandum ta' Qbil (MtQ) l-UE tagħti kwota tariffarja ta' importazzjoni mingħajr dazju ta' 20 000 tunnellata ċanga,
J. billi l-Istati Uniti sfidat, fi ħdan id-WTO, ir-regoli tal-UE li jirregolaw l-iġjene u l-ikkummerċjar tat-tjur,
K. billi soluzzjoni miftiehma b'mod reċiproku intlaħqet mal-Kanada u l-Arġentina dwar it-“tilwima tal-OĠM”; billi l-Istati Uniti għamlet talba ta' ritaljazzjoni ġenerali,
L. billi d-deċiżjoni mogħtija mill-panel tad-WTO dwar iz-zokkor kienet waħda mill-muturi prinċipali tar-riforma taz-zokkor tal-UE tal-2006 u għadha qed ikollha impatt ewlieni fuq il-kummerċ taż-żokkor; billi l-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor tirrispetta l-impenji tal-kummerċ tal-UE kollha; billi fi żmien tliet snin l-UE nbidlet mit-tieni l-akbar esportatriċi taz-zokkor għat-tieni l-akbar importatriċi netta, b'mod ewlieni għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (LDC u l-pajjiżi tal-AKP),
M. billi r-riforma taz-zokkor tal-2006 laħqet l-objettivi ta' żieda fil-kompetittività, tnaqqis fil-prezzijiet taz-zokkor u tnaqqis fil-kwota tal-produzzjoni taz-zokkor b'madwar 30%; billi, madankollu, wasslet għall-għeluq ta' 83 fabbrika minn total ta' 189 fl-UE ta' 27, it-telfa ta' “l fuq minn 16 500 impjieg dirett f'żoni rurali, u t-tmiem tal-kultivazzjoni tal-pitravi taz-zokkor għal madwar 140 000 bidwi,
N. billi s-suq dinji taz-zokkor huwa wieħed mill-aktar swieq tal-prodotti agrikoli volatili u jinsab iddominat minn pajjiż wieħed (il-Brażil); billi l-produzzjoni taz-zokkor tal-UE tipprovdi provvista affidabbli lis-suq dinji u tiżgura provvista interna regolari ta' prodotti sostenibbli u ta' kwalità għolja lill-utenti Ewropej,
O. billi l-UE qed tippromwovi produzzjoni sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli, permezz ta' rekwiżiti li jridu jiġu applikati sa tmiem l-2010; billi l-UE diġà timporta aktar minn 25% tal-konsum tal-fjuwil bijoetanol tagħha, bl-esklużjoni tal-bijoetanol importat fil-forma ta' taħlitiet bil-għan li jiġu evitati d-dazji tal-importazzjoni; billi l-Kummissjoni għandha bżonn tiżgura li jkun hemm bilanċ bejn il-produzzjoni interna tal-bijoetanol u l-importazzjonijiet bi qbil mal-Artikolu 23(5)(a) tad-Direttiva tal-Enerġija Rinnovabbli (Direttiva 2009/28/KE(5)),
P. billi r-Raba“ Sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk se ssir f'Novembru 2010; billi tniedet konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni possibbli tad-Direttiva tal-Prodotti tat-Tabakk (Direttiva 2001/37/KE(6)); billi ħafna membri tad-WTO qajmu l-kwistjoni tal-konformità mal-Ftehima TBT tal-Liġi Kanadiża C-32, li tinvolvi b'mod effettiv il-projbizzjoni tal-prodotti kollha tat-tabakk imħallat tradizzjonali, barra dawk li jużaw biss it-tabakk tal-Virġinja, l-unika varjetà prodotta fil-Kanada u użata fil-manifattura tal-prodotti tat-tabakk Kanadiż,
Q. billi l-UE trid toħloq bilanċ fil-ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali bejn il-liberalizzazzjoni tas-suq u l-protezzjoni għas-setturi ekonomiċi u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-konsumaturi,
R. billi l-ftehimiet tal-kummerċ tal-UE ma' pajjiżi terzi jridu jipproteġu s-setturi tal-UE li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet – b'mod partikolari s-setturi tal-frott u l-ħaxix, tal-bhejjem u taċ-ċereali, li fihom id-dħul waqa“ b'mod sostanzjali – u, fl-istess ħin, joffrulhom opportunitajiet tal-esportazzjoni ġenwini,
S. billi l-bdiewa lokali ż-żgħar, li jagħtu kontribut sinifikanti lis-sigurtà tal-ikel fir-reġjuni tagħhom, ma jridux jiġu affettwati b'mod negattiv mill-konklużjoni tal-ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali tal-UE,
T. billi l-UE trid tfittex li tiżgura mmonitorjar aħjar tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali meta tikkonkludi ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali,
U. billi l-kunsens tal-Parlament huwa meħtieġ għall-konklużjoni tal-ftehimiet tal-kummerċ innegozjati mill-Kummissjoni,
Konsistenza bejn il-politika agrikola u l-politika kummerċjali komuni tal-UE
1. Iqis li s-settur agrikolu tal-UE għandu valur miżjud ċar għall-ekonomija Ewropea u għandu rwol strateġiku xi jwettaq fl-istrateġija UE 2020 biex jinstab tarf tal-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed tiffaċċja l-UE; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żgurata koerenza bejn il-politiki tal-UE tal-agrikoltura, tal-kummerċ u tal-iżvilupp;
2. Jenfasizza li l-politika tal-kummerċ estern m'għandhiex tipperikola l-abilità tal-UE li żżomm settur agrikolu b'saħħtu u tiżgura s-sigurtà tal-ikel fi sfond ta' volatilità akbar tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefendi, fil-fora kollha, u b'mod partikolari fid-WTO, ir-rwol multifunzjonali tal-agrikoltura tal-UE, inkluż ir-rwol vitali li għandha biex tipprovdi l-impjieg f'żoni rurali u biex issostni l-vitalità tagħhom, u l-mudell agroalimentari Ewropew li huwa komponent strateġiku tal-ekonomija tal-Ewropa;
3. Jikkundanna l-approċċ tal-Kummissjoni, li wisq ta' spiss tagħmel konċessjonijiet fuq l-agrikoltura bil-għan li tottjeni aċċess imtejjeb għas-suq f'pajjiżi terzi għall-prodotti industrijali u s-servizzi; jitlob lill-Kummissjoni biex tieqaf tpoġġi l-interessi agrikoli wara l-interessi tas-settur industrijali u tas-servizzi;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi approċċ li jġib bilanċ bejn il-produzzjoni domestika u l-importazzjonijiet, filwaqt li, għal kull settur agrikolu jitqiesu l-iżvilupp ta' negozjati ta' kummerċ multilaterali u bilaterali, kif ukoll l-istandards ambjentali, soċjali, tal-benessri tal-annimali u ta' sikurezza tal-UE u rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jenfasizza li, fir-rigward tas-settur agrikolu, il-Kummissjoni trid twettaq valutazzjonijiet tal-impatt li jridu jixxandru qabel ma jinbdew in-negozjati u aġġornamenti proposti ħalli jqisu pożizzjonijiet ġodda li joħorġu min-negozjati; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm proċess xieraq u trasparenti biex jiġu kkonsultati l-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari fil-Parlament u l-Kummissjoni; ifakkar li kunsill konsultattiv domestiku kien inkluż fil-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea t'Isfel u jinnota li dan jista“ jkun preċedent għall-involviment ta' partijiet interessati fi ftehimiet tal-kummerċ ħieles;
6. Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt iridu jqisu l-ispeċifiċitajiet ta' kull prodott, bħas-suq taċ-ċanga, filwaqt li titqies is-segmentazzjoni tas-suq; jisħaq fuq il-fatt li valutazzjonijiet tal-impatt preċedenti pprovdew biss figuri globali; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati filwaqt li jitqiesu l-effetti fuq setturi speċifiċi tas-suq li joħorġu mill-ftuħ tas-swieq agrikoli tal-UE għall-blokk tal-kummerċ tal-Mercosur;
7. Huwa tal-opinjoni li m'għandhomx jittieħdu deċiżjonijiet biex jinfetaħ aktar is-suq tal-UE għall-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli mingħajr ma jiġi żgurat li l-bdiewa tal-UE jkunu kkumpensati għat-telf tagħhom;
8. Jisħaq fuq il-fatt li l-kumpens finanzjarju ma jistax ipatti għall-impatti negattivi tal-qtugħ tal-kontinwità tal-produzzjoni agrikola tal-UE, li tiggarantixxi s-sikurezza u l-kwalità tal-ikel u hija essenzjali għall-prosperità taż-żoni rurali tal-UE u l-ħarsien tal-pajsaġġi rurali kontra t-theddida tal-abbandun tal-art u l-ispopolament rurali; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jinżammu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-bdiewa tal-UE jibqgħu vijabbli u jirċievu dħul ġust fl-Istati Membri kollha, b'hekk jitneħħa x-xkiel għar-revitalizzazzjoni tal-biedja fl-Ewropa, fid-dawl tar-rwol ewlieni li kellu l-PAK fl-istruttura tal-UE;
9. Ifakkar li l-produtturi tal-UE huma obbligati li jissodisfaw l-ogħla standards f'dawk li huma kwalità, iġjene tal-prodotti, metodi ta' produzzjoni sostenibbli, saħħa tal-pjanti, saħħa u benessri tal-annimali, traċċabilità, kontroll tar-residwu tal-pestiċidi, mediċina veterinarja u addittivi;
10. Huwa konvint li l-metodi ta' produzzjoni ta' pajjiżi terzi għall-esportazzjoni lejn l-UE jridu jipprovdu lill-konsumaturi Ewropej bl-istess garanziji f'termini ta' saħħa, sikurezza tal-ikel, benessri tal-annimali, żvilupp sostenibbli u standards soċjali minimi bħal dawk meħtieġa mill-produtturi tal-UE; jenfasizza li dan huwa l-uniku mod li bih jiġi żgurat li l-produtturi tal-UE jkunu jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell ma' pajjiżi terzi, u jinsisti fuq il-ħtieġa li fil-fruntieri jsiru kontrolli aktar stretti tal-importazzjoni u biex jiżdiedu l-kontrolli fuq il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tat-tqegħid fis-suq li jsiru mill-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel f'pajjiżi li jkunu qed jesportaw lejn l-UE sabiex tiġi ggarantita l-konformità mal-istandards tal-UE;
11. Jenfasizza l-ħtieġa, fir-rigward tal-importazzjonijiet, ta' konformità stretta mar-regoli tal-oriġini u mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-kummerċ triangolari;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod proattiv l-interessi agrikoli offensivi tal-UE u biex issir aktar faċli għall-prodotti tal-UE li jiksbu aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi, minħabba l-potenzjal wiesa“ ta' esportazzjoni u ta' stabilizzazzjoni tas-suq dinji tal-prodotti agroalimentari ta' kwalità għolja tal-UE; jenfasizza, inter alia, il-ħtieġa li l-programmi ta' promozzjoni jiġu intensifikati; jinnota li dawn il-miżuri huma kompatibbli mad-WTO, peress li jaqgħu fil-”kaxxa l-ħadra“;
13. Jinnota li r-reġjuni l-aktar periferiċi (OR) huma parti integrali tal-UE u li ftehimiet tal-kummerċ japplikaw fis-sħuħija tagħhom għal tali reġjuni; jenfasizza li tariffi doganali aktar baxxi joħolqu theddida għall-ekonomiji fraġli tar-reġjuni l-aktar periferiċi , li huma bbażati b'mod ewlieni fuq il-biedja u jipproduċu prodotti simili għal dawk prodotti minn, fost l-oħrajn, pajjiżi msieħba tal-Amerika Latina; jinnota li, skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, il-politiki tal-UE jistgħu jitfasslu b'mod speċifiku għaċ-ċirkustanzi ġeografiċi u ekonomiċi speċifiċi ta' reġjuni bħal dawn; b'hekk jitlob lill-Kummissjoni biex matul in-negozjati tqis is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni l-aktar periferiċi, sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp tagħhom ma jiġix ostakolat;
L-agrikoltura fis-sistema ta' kummerċ multilaterali L-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (ADŻ)
14. Iqis li, fi sforz biex ikun żgurat riżultat ta' suċċess għad-DDA, l-UE għamlet offerta estremament ġeneruża fuq l-agrikoltura, li ma tistax tiżdied, imma dan għadu sal-lum il-ġurnata ma ġiex reċiprokat minn livell ekwivalenti ta' ambizzjoni minn pajjiżi żviluppati u minn pajjiżi li qed jiżviluppaw avvanzati oħrajn;
15. Ifakkar li r-riforma tal-PAK tal-2003 u l-“Kontroll tas-Saħħa” tal-2008 wrew is-serjetà tal-impenji tal-UE favur riforma billi antiċipaw ir-rirżultati probabbli tar-Rawnd ta' Doha, filwaqt li għadna nistennew konċessjonijiet ekwivalenti mis-sħab kummerċjali tal-UE;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma strettament mal-mandat tagħha ta' negozjar mill-Kunsill, li jistabbilixxi r-riforma l-aktar riċenti tal-PAK bħala l-limitu tal-azzjoni tagħha, kemm-il darba jiġu ottenuti konċessjonijiet ekwivalenti mis-sħab kummerċjali tagħha; jitlobha żżomm lura milli tagħmel xi proposta li tkun tiddetermina minn qabel id-deċiżjonijiet li jridu jsiru dwar il-ġejjieni tal-PAK wara l-2013;
17. Jisħaq fuq ir-rwol ta' tħassib mhux kummerċjali (NTC) fl-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA); huwa tal-opinjoni li, fin-negozjati tas-settur agrikolu, irid jintlaħaq bilanċ bejn id-dimensjoni ekonomika tal-kummerċ u l-valuri mhux ekonomiċi, bħal ma huma l-valuri soċjali, it-tħassib ambjentali, is-saħħa tal-bniedem u s-saħħa u l-benessri tal-annimali;
18. Jiddeplora l-assenza ta' progress fir-rigward tal-istabbiliment ta' reġistru multilaterali għall-imbejjed u l-ispirti kif ukoll fir-rigward tal-estensjoni tal-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli kollha; ifakkar li dawn l-elementi huma sine qua non għalbiex joħroġ riżultat ibbilanċjat għan-negozjati agrikoli; jisħaq fuq il-bżonn li jitħeġġu b'mod usa“ fil-livell multilaterali u bilaterali l-prinċipji li jsejsu l-politika tal-kwalità tal-prodott agrikolu tal-UE;
19. Ifakkar li l-UE diġà naqqset b'mod sinifikanti l-appoġġ domestiku tagħha li jgħawweġ il-kummerċ u jitlob mis-sħab kummerċjali l-oħra li jagħmlu impenn sod li jagħmlu l-istess;
20. Ifakkar fl-impenn li sar mill-membri tad-WTO waqt il-Konferenza Ministerjali ta' Ħong Kong li jaslu għall-eliminazzjoni ta' kull sura ta' sussidji tal-esportazzjoni f'paralleliżmu sħiħ mal-impożizzjoni tad-dixxiplini fuq il-miżuri kollha tal-esportazzjoni b'effett ekwivalenti, notevolment il-krediti tal-esportazzjoni, intrapriżi kummerċjali agrikoli tal-istat u l-regolazzjoni tal-għajnuna f'sura ta' ikel;
21. Iqis li t-tnaqqis ġenerali fit-tariffi tad-dwana għandu jkun ivvalutat fid-dawl tal-offerta tal-UE rigward il-pilastri tal-appoġġ domestiku u tal-kompetizzjoni tal-esportazzjoni, u għandu jiddepenti mill-possibilità li tinżamm il-klawżola tas-Salvagwardja Speċjali, minn eżenzjoni speċifika mid-dixxiplini tas-simplifikazzjoni tat-tariffi u minn flessibilità adegwata fil-formula għat-tnaqqis fit-tariffi u fin-nomina ta' prodotti sensittivi; huwa tal-fehma li l-mekkaniżmu propost għan-nomina ta' prodotti sensittivi huwa mdgħajjef b'mod fatali mill-obbligu li tintlaħaq espansjoni sinifikanti tal-kwota tariffarja;
22. Jisħaq fuq il-bżonn li l-prinċipju “impriża waħda” jinżamm fin-negozjati tal-ADŻ tad-WTO; jenfasizza li, għal xi żmien issa, kien hemm tendenza li n-negozjati jiffukaw fuq firxa limitata ta' oqsma ta' negozjar, inkluża l-agrikoltura, li l-UE għandha interessi difensivi ewlenin fiha, b'relattivament anqas progress magħmul f'oqsma ta' nnegozjar oħrajn, u dan qed jhedded li jfixkel il-pożizzjoni ta' nnegozjar tal-UE; barra minn hekk jinnota li dan qed jagħmilha diffiċli li jitqies ir-Rawnd fis-sħuħija tiegħu;
23. Jerġa“ jafferma li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom b'mod leġittimu jitħallew jgħaddu politiki li joħolqu valur miżjud domestiku;
24. Jenfasizza li l-volatilità tal-prezzijiet aggravat il-problemi tal-malnutrizzjoni mad-dinja kollha, kif tosserva l-FAO, u li liberalizzazzjoni akbar tal-kummerċ dinji fil-prodotti agrikoli, li ġiet inkuraġġita minn ftehimiet tad-WTO, sa issa ma rnexxilhiex tagħmilha possibbli li tiġi kkontrollata t-theddida tal-ġuħ fid-dinja; jenfasizza li l-UE għandha wkoll id-dmir li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel fid-dinja;
Riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO
25. Jinnota l-fatt li l-ftehim dwar il-kummerċ fil-banana jsolvi 20 sena tal-aktar tilwima tad-WTO teknikament kumplessa, politikament sensittiva u sinifikanti, jikkostitwixxi pass importanti lejn il-konsolidament ta' sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, u li fl-istess ħin jista“ jagħmel kontribut deċiżiv għar-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet marbuta ma' prodotti tropikali u preferenzi fin-negozjati tad-WTO;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riżoluzzjoni tat-tilwima tal-“ormoni taċ-ċnga” se tippermetti s-sospensjoni tas-sanzjonijiet fuq il-prodotti tal-UE, filwaqt jiġi ggarantit li l-importazzjonijiet taċ-ċanga għal ġo l-UE se jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-UE;
27. Iqis, fir-rigward tat-tilwima dwar it-“tjur klorinati”, li l-importazzjoni ta' prodotti bħal dawn għal ġol-UE tmur kuntrarju għad-domanda pubblika fl-UE għal prodotti sikuri u għall-prinċipji li jsejsu l-mudell tal-ikel Ewropew;
28. Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod vigoruż tiddefendi r-reġim tal-UE għall-awtorizzazzjoni u l-ikkummerċjar tal-OĠM fl-isfond tal-isfidi fid-WTO;
L-agrikoltura fir-relazzjonijiet kummerċjali plurilaterali, interreġjonali u bilaterali
29. Jemmen li l-konklużjoni ta' negozjati multilaterali hija prijorità li l-UE trid tfittex li twettaq; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali jridu jikkomplementaw il-proċessi multilaterali fis-sura ta' rispett għal kundizzjonijiet indaqs tax-xogħol, regoli ambjentali komuni u standards tas-sikurezza tal-ikel li diġà huma fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea u jevitaw li jiġu inkoraġġiti biss programmi ta' żviluopp sostenibbli. ifakkar li l-UE għandha interessi offensivi sostanzjali fl-agrikoltura, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti pproċessati ta' kwalità għolja; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali ma' sħab kummerċjali maġġuri jistgħu jippromwovu b'suċċess l-interessi ta' esportazzjoni tal-industrija agroalimentari tal-UE, filwaqt li jipprovdu benefiċċji ekonomiċi sostanzjali;
30. Jitlob biex l-importazzjonijiet agrikoli fl-UE jipprovdu lill-konsumatur Ewropew bl-istess garanziji f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur, benessri tal-annimali, protezzjoni ambjentali u standards soċjali minimi bħal dawk provduti mill-metodi ta' produzzjoni Ewropej, u jitfa“ attenzjoni fuq il-pożizzjoni soda tal-Parlament dwar din il-kwistjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi klawżoli fil-ftehimiet tal-kummerċ bilaterali li jobbligaw il-pajjiżi terzi biex jikkonformaw mal-istess kundizzjonijiet sanitarji u fitosanitarji li huma imposti fuq il-produttur Ewropew; iqis li tali ftehimiet iridu jipprevedu tal-anqas għal konformità mal-obbligi u l-istandards internazzjonali;
31. Jenfasizza li bil-għan li jiġi evitat li “jsir ħlas darbtejn” – l-ewwel fil-livell bilaterali u mbagħad f'dak multilaterali – irid jiġi appoġġjat il-kunċett ta' “ftehim ta' but wieħed”, li skont dan il-kunċett il-konċessjonijiet fil-ftehimiet bilaterali se jkunu konnessi mal-eżitu finali tan-negozjati ta' Doha;
32. Jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni stretta tar-regoli preferenzjali tal-oriġini; jitlob rieżami tal-preferenzi kummerċjali kollha mogħtija mill-Unjoni Ewropea lill-pajjiżi emerġenti li huma membri tal-G-20;
33. Huwa tal-opinjoni li għandhom jitwaqqfu limiti li jevitaw il-prattiki irregolari fil-kummerċ agroalimentari bħal ma huma l-kummerċ triangolari meta pajjiż jesporta l-produzzjoni tiegħu lejn l-UE, filwaqt li jieħu vantaġġ mill-preferenzi tal-aċċess għas-suq tal-UE, u mbagħad jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu stess billi jimporta l-prodotti minn barra; iqis li, sabiex jiġu evitati tali irregolaritajiet, il-konċessjonijiet tal-aċċess għas-suq tal-UE offruti mill-UE fil-ftehimiet tal-kummerċ konklużi ma' pajjiżi terzi m'għandhomx jaqbżu l-produzzjoni attwali u l-kapaċitajiet tal-esportazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati;
34. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefendi b'saħħa l-inklużjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) bħala parti essenzjali tal-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni (ACTA); jiddispjaċih li, fil-qafas tan-negozjati li ġew konklużi dan l-aħħar jew li għadhom għaddejjin bħalissa, hija biss “lista qasira” ta' IĠ li għandha tiġi mħarsa minn sħabna fil-kummerċ; jinnota li, b'konformità mal-istrateġija tal-Ewropa Globali, il-ftehimiet bilaterali jridu jiżguraw protezzjoni internazzjonali mkabbra għal indikazzjonijiet ġeografiċi permezz ta' dispozżizzjonijiet tad-WTO+; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm proċess xieraq u trasparenti biex jiġu kkonsultati l-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari fil-Parlament u l-Kummissjoni;
35. Ifakkar li l-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles mal-Korea t'Isfel ippermetta li jiġu rikonoxxuti numri sinifikanti ta' Indikaturi Ġeografiċi; jitlob biex isiru sforzi ulterjuri biex dan ikun previst fil-ftehimiet tal-kummerċ futur; jinnota li l-protezzjoni u r-rikonoxximent tal-Indikaturi Ġeografiċi f'pajjiżi terzi huma potenzjalment ta' valur kbir għas-settur agroalimentari tal-UE;
36. Jinnota li, skont il-Kummissjoni, il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) UE-Korea t'Isfel ikun iserraħ lill-esportaturi tal-UE mill-piż ta' EUR 380 miljun f'dazji kull sena, billi jelimina d-dazju minn fuq 99% tal-esportazzjonijiet agrikoli tal-UE;
37. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet tal-kummerċ ma jfixklux is-sistema tal-UE tal-prezzijiet ta' entrata tal-frott u l-ħxejjex, filwaqt li żżomm kif inhuma l-iskedi attwali tal-importazzjonijiet; iħeġġeġ madankollu lill-Kummissjoni biex tagħmel il-bidliet neċessarji biex ittejjeb il-funzjonament tas-sistema kemm jista“ jkun malajr;
38. Jenfasizza, b'mod partikolari, li s-sistema kumplessa tal-prezzijiet tad-dħul li tapplika għall-importazzjonijiet tat-tadam mill-Marokk qed toħloq il-problemi; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel il-bidliet relevanti mingħajr dewmien;
39. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-ftehim UE-Marokk; juri li, filwaqt li s-swieq Ewropej infetħu kważi għal kollox għal importazzjonijiet mill-Marokk, ċerti prodotti agrikoli għadhom suġġetti għal kwoti tal-esportazzjonijiet mill-UE, inklużi prodotti importanti bħal ma huwa l-frott mill-familja tat-tuffieħ;
40. Jiddispjaċih li, fin-negożjati dwar il-kapitlu agrikolu tal-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Marokk, ma ngħatat l-ebda garanzija fir-rigward tal-konformità mal-kwoti tal-importazzjoni preferenzjali jew mal-prezzijiet ta' dħul li japplikaw għall-esportazzjonijiet Marokkini;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tagħha rigward is-settur taz-zokkor tal-UE u fin-negozzjati kummerċjali bilaterali u multilaterali twaqqaf il-konċessjonijiet sistematiċi li hemm fuq iz-zokkor; jinnota f'dan il-kuntest l-inizjattivi tas-settur taz-zokkor li żiedu l-kompetittività tiegħu filwaqt li jtejbu s-sostenibilità ambjentali tiegħu u jikkontribwixxu għall-aġenda tal-UE dwar l-iżvilupp permezz tal-preferenzi mogħtija lill-pajjiżi tal-AKP u dawk l-anqas żviluppati;
42. Jirrimarka li kwalunkwe konċessjoni bilaterali addizzjonali tal-UE għal aċċess għas-suq taz-zokkor mogħtija lil pajjiżi terzi (pereżempju lill-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Ukraina) se tkun destabbilizzanti għas-suq taz-zokkor tal-UE u se tikkawża erożjoni tal-preferenzi għal-LDCs u għall-pajjiżi tal-AKP; aktar u aktar jinsab imħasseb mill-fatt li konċessjonijiet bħal dawn, meta mogħtija lil pajjiżi li huma importaturi netti, jinkoraġġixxu mekkaniżmi ta' tpartit; jistieden lill-Kummissjoni tkompli teskludi z-zokkor u l-prodotti derivati miz-zokkor, inkluż l-etanol, mill-ambitu tan-negozjati bilaterali;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tgħasses kontra ċ-ċirkumvenzjoni tad-dazji tal-importazzjoni fuq l-etanol, peress li issa qed jidħlu fl-UE kwantitajiet dejjem jiżdiedu ta' etanol fis-sura ta' taħlitiet b'taxxa tal-importazzjoni baxxa ħafna;
44. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm konċessjonijiet tat-tariffi simetriċi fil-ftehimiet taż-żoni tal-kummerċ ħieles konklużi mill-UE ma' pajjiżi b'kapaċitajiet tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni agrikoli sinifikanti, eż. il-Mercosur;
45. Jinnota l-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur – ftehim tal-akbar importanza, li jkun jaffettwa 700 miljun ruħ u jkun il-ftehim bireġjonali l-aktar ambizzjuż tad-dinja – u għalhekk jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut mill-qrib fl-istadji kollha tan-negozjati;
46. Iqis li hija ħaġa inaċċettabbli li l-Kummissjoni reġgħet fetħet in-negozjati mal-Mercosur mingħajr ma għamlet disponibbli b'mod pubbliku valutazzjoni dettaljata tal-impatt u mingħajr ma daħlet f'dibattitu politiku kif għandu jkun mal-Kunsill u l-Parlament; jitlob għal studju dwar l-impatt ta' dawn in-negozjati fuq is-setturi u r-reġjuni agrikoli Ewropej li jrid isir u diskuss qabel ma jkun hemm skambju ta' kwalunkwe proposta tat-tariffi bejn l-UE u l-Mercosur; jinnota li, minħabba l-implikazzjonijiet agrikoli tan-negozjati, huwa neċessarju li tiġi stabbilita rabta mar-Rawnd ta' Doħa; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex ma tikkonkludix in-negozjati mal-Mercosur qabel ma jkun ingħalaq ir-rawnd tad-WTO kif ġie stipulat fil-mandat tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Kunsill u l-Parlament infurmati kif suppost dwar l-iżviluppi tan-negozjati mal-Mercosur u biex fil-futur tinforma lill-Kunsill u l-Parlament qabel jibdew negozjati tal-kummerċ bħal dawn;
47. Jinsab imħasseb serjament dwar l-impatti fuq is-settur agrikolu sħiħ tal-UE ta' ftehim ta' assoċjazzjoni li possibilment mal-Mercosur, minħabba t-talba magħmula mill-Mercosur f'Marzu 2006 għal aċċess għas-suq agrikolu tal-UE, li marret konsiderevolment lil hemm mill-offerta, li diġà hija waħda sostanzjali, magħmula mill-UE fl-2004; għalhekk iqis li huwa neċessarju li jiġu eżaminati mill-ġdid il-konċessjonijiet sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-bdiewa tagħna;
48. Iqis li l-pożizzjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma tqisitx fin-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur ibbażata fuq il-mandat miftiehem mill-Kunsill fl-1999;
49. Jinnota li l-impriżi tal-biedja fil-pajjiżi tal-Mercosur għandhom spejjeż tal-produzzjoni wisq inqas, inklużi l-art, ix-xogħol u spejjeż kapitali oħra, u li l-produtturi tal-Mercosur ma jridux jissodisfaw l-istess standards bħall-produtturi tal-UE fir-rigward tal-ambjent, il-benessri tal-annimali, is-sikurezza tal-ikel u l-miżuri fitosanitarji; jenfasizza li r-riżultat ibbilanċjat għaż-żewġ partijiet irid jintlaħaq billi jiġi żgurat li n-negozjati jqisu fid-dettall kollu l-konsegwenzi u l-impatti, b'mod partikolari fuq l-isfidi ambjentali u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-konsegwenzi ta' tali ftehim għas-settur agrikolu;
50. Hu tal-fehma li l-livell tal-integrazzjoni tas-suq fl-unjoni doganali tal-Mercosur bħalissa mhijiex biżżejjed biex tiggarantixxi ċirkolazzjoni adegwata tal-prodotti importati fi ħdan ir-reġjun; huwa tal-opinjoni li ftehim mingħajr dispożizzjonijiet li jiżguraw iċ-ċirkulazzjoni sħiħa u effettiva ta' prodotti fiż-żona tal-Mercosur ma joffri l-ebda dividend reali;
51. Jiddispjaċih dwar il-konċessjonijiet tat-tariffi reċentament mogħtija mill-Kummissjoni lill-pajjiżi li jesportaw il-banana lejn l-UE; jitlob għal reviżjoni tal-għajnuna li jirċievu l-produtturi Ewropej taħt il-programmi ta' għajnuna għar-reġjuni l-aktar periferiċi (POSEI) sabiex dawn il-produtturi jiġu kkumpensati għall-effetti li dan it-tnaqqis fit-tariffi se jkollu fuq il-prezzijiet fis-suq tal-UE; jemmen li l-interessi tal-produtturi tal-Komunità u tal-produtturi tal-AKP jridu jiġu meqjusa f'negozjati simili futuri, ħalli dawn is-setturi, li jipprovdu għadd kbir ta' impjiegi, ma jiġux imdgħajfa;
52. Jisħaq fuq il-fatt li serje ta' rapporti mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tenfasizza l-fatt li ċ-ċanga Brażiljana għaddejja minn sitwazzjoni fejn mhix tissodisfa l-istandards tal-produttur u tal-konsumatur tal-UE f'dak li jirrigwarda s-sikurezza tal-ikel, l-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-annimali, is-saħħa u l-kontrolli tal-mard tal-annimali;
53. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja r-rapporti varji ppubblikati mill-Aġenzija għas-Sorveljanza tas-Saħħa Nazzjonali Brażiljana (Anvisa) dwar l-użu kbir fil-Brażil ta' pestiċidi li huma pprojbiti fl-UE u f'ħafna partijiet oħrajn tad-dinja, li jenfasizzaw ir-riskji gravi tas-saħħa li joħorġu minn din il-prattika;
54. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-politika li qed timplimenta l-Arġentina, bi ksur tal-obbligi tad-WTO, bil-għan li tagħmel restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-ikel li jkunu qed jikkompetu mal-produzzjoni domestika; jirrimarka li dawk il-miżuri jeżistu meta hemm ukoll is-sistema mhix awtomatika tal-liċenzjar tal-importazzjoni, li diġà qed ikollha impatt negattiv fuq l-esportazzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex ikun żgurat li dawk il-miżuri, li jmorru kontra l-ispirtu tan-negozjar ta' ftehim UE-Mercosur, jitwaqqfu b'mod effikaċi;
55. Jinsab imħasseb dwar il-konċessjonijiet magħmula għall-frott u l-ħxejjex fil-ftehimiet Euro-Mediterranji; isostni, f'dan ir-rigward, li l-kumplimentarjetà bejn l-istaġuni tat-tkabbir fil-pajjiżi Mediterranji t'isfel u ta' fuq għandha tibqa“ għall-Mediterran il-fattur gwida fil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ agrikolu fl-Unjoni;
56. Jenfasizza li, filwaqt li l-prodotti tat-tabakk iridu jiġu rregolati minn qafas regolatorju riġidu, ir-regolazzjoni tal-ingredjenti fil-prodotti tat-tabakk fil-livell tal-UE u f'dak internazzjonali trid issegwi approċċ proporzjonat, ibbażat fuq ir-riskji li jirrifletti evidenza xjentifika; iwissi kontra kwalunkwe projbizzjoni mhux ibbażata fuq ix-xjenza ta' kwalunkwe ingredjent, li twassal b'mod effettiv għall-projbizzjoni tal-prodotti Ewropej tat-tabakk imħallat b'mod tradizzjonali, għax din ikollha riperkussjonijiet soċjoekonomiċi severi għall-produtturi tat-tabakk tal-UE (ta“ varjetajiet orjentali u Burley), mingħajr xi benefiċċju għas-saħħa pubblika;
57. Jitlob lill-Kummissjoni, fin-negozjati dwar il-ftehimiet tal-kummerċ tal-UE, inklużi dawk mal-Kanada u l-Ukraina, biex tqis l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, biex tibqa“ miftuħa u biex tinforma lill-Parlament b'mod regolari dwar il-progress tan-negozjati; jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma infurmatx lill-Parlament dwar in-negozjati għal ftehim tal-kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Kanada anki jekk dawn in-negozjati bdew f'Ottubru 2009; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament u l-kumitati responsabbli b'informazzjoni dettaljata dwar kull rawnd ta' negozjati ulterjuri; jinsab ukoll imħasseb dwar konċessjonijiet possibbli mill-Kummissjoni fin-negozjati, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ftuħ ta' swieq, l-OMĠ, il-ħalib, il-protezzjoni tal-propjetà intellettwali u t-tikkettar tal-oriġini, u jitlob lill-Kummissjoni biex ma tagħmel l-ebda konċessjoni li jista” jkollha impatt negattiv fuq l-agrikoltura Ewropea;
58. Jinsab imħasseb dwar il-prospett ta' konċessjonijiet fuq iċ-ċereali fin-negozjati mal-Ukraina, minħabba l-fatt li l-produzzjoni Ukraina hija kompetittiva ħafna u wkoll minħabba li l-Ukraina diġà hija l-utenta prinċipali tal-kwoti taċ-ċereali b'tariffi mnaqqsa (qamħ u xgħir) offruti lill-pajjiżi terzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ħalli f'dan is-settur tillimita l-offerta tagħha;
59. Isostni mill-ġdid l-importanza li għandu l-kummerċ agrikolu għall-iżvilupp ekonomiku u għat-tafja tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE tgħin lill-pajjiżi tal-AKP jadattaw irwieħhom għall-kompetizzjoni globali li qed tiżdied;
60. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis kif suppost din ir-riżoluzzjoni meta tfassal u timplimenta l-istrateġija futura tagħha tal-kummerċ;
o o o
61. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.