Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2011 dwar id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni hemm għal problema li ilha teżisti? (2010/2111(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali (COM(2010)0672),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-16 ta' Lulju 2010 bit-titolu “It-Tieni Pjan direzzjonali dwar it-TSE. Karta ta' strateġija dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli għall-2010-2015” (COM(2010)0384),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/355/KEE(1) tat-8 ta' Ġunju 1993 rigward il-konklużjoni ta' Memorandum ta' Qbil dwar ċerti żrieragħ żejtnija bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika fil-qafas tal-GATT, li adottat il-Ftehim ta' Blair House filwaqt li ffissat limitu fuq il-produzzjoni tal-uċuħ taż-żrieragħ żejtnija u tal-uċuħ tal-proteini fl-Unjoni Ewropea u fuq tariffi speċifiċi għal tali għelejjel,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2009 imressaq mill-Kummissjoni mill-LMC Internationali bit-titolu “Evalwazzjoni tal-Miżuri applikati taħt il-Politika Agrikola Komuni lis-settur tal-għelejjel tal-proteina”(2),
– wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1431/82(3) li stabbilixxa miżuri għall-piżelli, il-fażola ta' l-għalqa u l-lupini ħelwa u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999 li jwaqqaf sistema ta' appoġġ għal produtturi ta' ċerti prodotti tar-raba“ li jinħarat(4), li stabbilixxew miżuri speċjali fis-settur tal-għelejjel tal-proteina u introduċew l-erja ggarantita massima, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003(5) u l-Artikoli 79 sa 80 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009(6), li jipprovdu li appoġġ speċifiku għall-għelejjel tal-proteina jitneħħa fażi fażi, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009(7), li stipola regoli ddettaljati rigward il-primjum tal-għelejjel tal-proteina,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 767/2009(8) dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-għalf,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu appoġġ għall-għelejjel tal-proteina fuq it-territoju tagħhom, u ġie utilizzat speċifikament minn Franza, Spanja, il-Polonja u l-Finlandja,
– wara li kkunsidra l-istudju mid-direttorat ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali dwar “l-Impatt Ekonomiku tal-GMOs mhux approvati fuq l-Importazzjonijiet tal-Għalf tal-UE u l-Produzzjoni tal-Bhejjem”,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet rigward ir-rwol tar-riċerka u l-għarfien lokali, inkluż ir-rwol tal-pjanti proteiċi leguminużi, li saru fir-rapport tal-“Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, ix-Xjenza u t-Teknoloġija Agrikoli (IAASTD)” dwar il-provvista dinjija tal-ikel, imwettaq mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja (FAO) u l-Bank Dinji,
– wara li kkunsidra l-istudji mitluba mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u li ġew ippreżentati fil-workshop li sar fil-11 ta' Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2008 dwar “Agrikoltura sostenibbli u l-bijogass: reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE”(9),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Procedura tieghu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0026/2011),
Fatti bażiċi dwar id-defiċit tal-proteini: provvista, domanda u kummerċ internazzjonali
A. billi l-produzzjoni totali tal-għelejjel tal-proteina tal-UE bħalissa tokkupa biss 3% tal-art tal-ħrit tal-Unjoni u tforni biss 30% tal-għelejjel tal-proteina kkunsmati bħala għalf tal-annimali fl-UE, b'tendenza fuq dawn l-aħħar għaxar snin lejn żieda f'dan id-defiċit,
B. billi f'ċerti Stati Membri, żoni sostanzjali ta' art għall-agrikoltura baqgħu mhux maħduma sena wara l-oħra, bil-potenzjal produttiv tagħhom li qed jinħela,
C. billi, storikament, dan id-defiċit sinifikanti fil-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina jmur lura għal ftehimiet kummerċjali internazzjonali li ġew stabbiliti preċedentement, speċjalment mal-Istati Uniti, li ppermettew lill-UE tipproteġi l-produzzjoni tagħha taċ-ċereali u min-naħa l-oħra ppermettew l-importazzjoni ta' prodotti tal-għelejjel tal-proteina u taż-żrieragħ żejtnija mingħajr dazju għal ġo l-UE (GATT u l-Ftehim ta' Blair House tal-1992); billi dan kien relatat mal-progress sinifikanti fl-effiċjenza tal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina u l-użu ta' teknoloġiji ġodda barra mill-UE, li jwasslu għal żvantaġġ kompetittiv għall-bdiewa tal-UE li jqisu l-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina ekonomikament mhux attraenti,
D. billi 70% (45 miljun tunnellata fl-2009) tal-għelejjel tal-proteina kkunsmati, speċjalment il-fażola tas-sojja, qed jiġu importati, prinċipalment mill-Brażil, l-Arġentina u l-Istati Uniti tal-Amerika u madwar 60% ta' dawn l-importazzjonijiet huma prodotti sekondarji, li jirriżultaw fil-produzzjoni ta' żejt tal-pjanti raffinat u bħala dqiq għall-għalf tal-annimali (partikolarment id-dqiq tas-sojja),
E. billi, minħabba li l-volumi prodotti huma tant baxxi, l-industrija tal-ikel kompost Ewropea tuża biss 2 miljun tunnellata ta' għelejjel tal-proteini kull sena imma tqis li tkun kapaċi tuża kważi 20 miljun tunnellata fis-sena,
F. billi dawn il-prodotti importati jirrappreżentaw l-ekwivalent ta' 20 miljun ettaru kkultivat barra l-UE, jew aktar minn 10% tal-art tal-ħrit tal-UE u dawn il-prodotti mhumiex suġġetti għall-istess restrizzjonijiet regolatorji ambjentali, tas-saħħa u tal-GMOs bħall-produtturi Ewropej,
G. billi ż-żieda ta' konsumaturi ġodda għall-fornituri tal-Amerika t'Isfel, b'mod partikolari ċ-Ċina, li mhumiex daqshekk eżiġenti bħall-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u strateġija tal-provvista pjuttost opaka, tista“ fl-aħħar mill-aħħar iddgħajjef l-istabilità tas-swieq u l-katina tal-provvista tal-UE,
H. billi s-settur kollu kemm hu tal-bhejjem tal-UE sar vulnerabbli għall-volatilità tal-prezzijiet u d-distorsjoni fis-suq, kif ukoll huwa dipendenti mill-importazzjoni ta' proteini bi prezzijiet raġonevoli u ta' valur għoli u l-kompetittività tiegħu hija pperikolata mill-ispejjeż żejda ta' proteini importati għall-għalf, li jirriżultaw minħabba n-nuqqas ta' soluzzjonijiet tekniċi fil-qafas tal-politika ta' ebda tolleranza fir-rigward tal-preżenza ta' GMOs mhux permessi fil-pjanti,
I. billi n-nuqqas ta' prodotti importati tas-sojja u l-qamħirrum jimponi piż addizzjonali fl-ispejjeż għas-setturi tat-trobbija tal-bhejjem u tal-prodotti tal-għalf fl-UE, u jqiegħed fil-periklu l-vijabilità ekonomika tal-produzzjoni domestika tal-laħam,
J. billi, bħala konsegwenza tal-persentaġġ żgħir ta' għelejjel tal-magħlef leguminuż niexef (xnien, silla, tip ta' ħuxlief eċċ.) u għelejjel taż-żrieragħ (piżelli, sojja, lupina, tip ta' ful, ġulbiena, eċċ.) prodotti fl-UE, in-numru ta' programmi għar-riċerka tal-proteini tal-pjanti fl-UE waqa“ minn 50 fl-1980 għal 15 fl-2010, u t-taħriġ u l-akkwist ta' esperjenza prattika fil-produzzjoni domestika tal-għelejjel tal-proteina ġew ittraskurati, ħaġa li wasslet għal livell baxx ta' innovazzjoni u ta' produzzjoni taż-żrieragħ adattata reġjonalment fl-UE,
K. billi l-UE hija dipendenti ħafna fuq il-fażola tas-sojja u l-qamħirrum importati minn pajjiżi terzi u kwalunkwe interruzzjoni tal-provvista ta' dawn il-prodotti minħabba preżenza żgħira ħafna ta' GMOs mhux awtorizzati jkollha konsegwenzi bi spejjeż kbar ħafna fuq l-industrija tal-għalf Ewropea,
L. billi politika tar-riċerka għandha biss il-probabilità li tkun ta' suċċess jekk taqa“ taħt impenji fuq tul ta' żmien medju sa dak twil, li fil-preżent mhuwiex il-każ għall-għelejjel tal-proteina,
M. billi l-għarfien tal-bdiewa ta' prattiki sostenibbli li jorbtu bejniethom il-produzzjoni tal-għelejjel u l-produzzjoni tal-bhejjem permezz ta' newb ibbilanċjat tal-għelejjel u użu adegwat taż-żoni ta' mergħat tal-ħaxix jista“ jintilef, u billi l-kwalità tal-għelejjel tal-proteina domestiċi barra minn hekk ma toffrix il-kwalità ta' għalf kompost meħtieġ fid-diversi setturi tal-produzzjoni tal-annimali,
N. billi, biex l-għelejjel tal-proteina jsiru element sostenibbli fix-xejriet tal-għelejjel, id-dħul minn dan l-għelejjel irid jiżdied fi żmien qasir, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ speċifiku tal-PAK,
Dikjarazzjonijiet bażiċi dwar il-vantaġġi tat-tnaqqis tad-defiċit tal-proteini
O. billi l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-provvista u l-konsum taċ-ċereali, il-proteini u ż-żrieragħ żejtnija fl-UE jista“ jkollu benefiċċji ekonomiċi mill-akbar għall-bdiewa u għall-industrija tal-ikel u tal-għalf, barra milli jtejjeb il-varjetà tal-ikel ta' kwalità u sustanzjuż għall-konsumaturi, jekk l-isfidi l-ġodda li huma enfasizzati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas politiku għar-riforma li se ssir dalwaqt tal-PAK jiġu kkunsidrati,
P. billi għandhom jittieħdu l-opportunitajiet kollha mogħtija mill-miżuri ta' promozzjoni varji biex jitħeġġeġ il-konsum uman taċ-ċereali, tal-għelejjel tal-proteina u taż-żrieragħ żejtnija, li jridu jiġu protetti aktar taħt skema tal-kwalità tal-prodotti agrikoli għall-protezzjoni ta' prodotti ġeografiċi u tradizzjonali, b'hekk tiġi megħjuna l-preservazzjoni tal-ikel lokali u reġjonali magħmul minn dawn il-prodotti,
Q. billi, fil-kuntest tal-bidla fil-klima, jista“ jingħata kontribut għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra permezz tal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina, jiġifieri permezz ta' assimilazzjoni u t-twaħħil tan-nitorġenu fil-ħamrija (li jammonta għal sa 100 kgN/ha fix-xahar) u t-tnaqqis sussegwenti fl-użu tal-fertilizzant tan-nitroġenu sintetiku, li fih l-ossidu nitruż li għandu potenzjal ta' tisħin 310 darbiet ogħla minn dak tad-dijossidu tal-karbonju,
R. billi l-programm “GL-pro” tal-UE wera li l-introduzzjoni ta' għelejjel tal-proteina darba kull erba“ snin fin-newb tal-għelejjel tirriżulta f'waqgħa sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 b'madwar 10% sa 15% u tnaqqas il-produzzjoni tal-ożon,
S. billi, f'dik li hi fertilità tal-ħamrija, persentaġġ ogħla ta' għelejjel tal-proteina kkultivati fuq art tal-ħrit bħala parti minn żieda fis-sistemi ta' newb tal-għelejjel u l-pjanijiet tal-imblukkar jikkontribwixxi għal ħażna aktar ibbilanċjata ta' nutrienti, inqas aċidifikazzjoni tal-ħamrija, reżistenza msaħħa kontra l-mard, struttura aħjar tal-ħamrija (inkluża effiċjenza enerġetika akbar għat-trattament tal-ħamrija), inqas użu tal-erbiċidi u aktar bijodiversità li tgħin il-fertilizzazzjoni bil-polline,
T. billi n-numru ta' għelejjel li jkunu qed jiġu mnewba huwa fattur fit-tnaqqis tal-probabilità ta' mard u l-propagazzjoni ta' ħaxix ħażin, u konsegwentement il-bżonn għal trattamenti tal-protezzjoni tal-pjanti, u billi l-kultivazzjoni ta' persentaġġ ogħla ta' għelejjel tal-proteina, bħala parti mis-sistema ta' tinwib tal-għelejjel, tista“ tgħin biex jonqos il-konsum tal-enerġija b'10%,
U. billi, f'dak li hu mmaniġġjar tal-ilma, b'mod partikolari l-użu, fil-produzzjoni tal-għalf tal-annimali, ta' għelejjel leguminużi – bħalma huma taħlitiet ta' ħaxix u silla permanenti jew taħlitiet ta' ċereali u għelejjel tal-proteini – u l-kopertura permanenti tal-ħamrija jistgħu sostanzjalment inaqqsu t-tnixxija ta' nutrijenti li jitilqu mal-ilma, speċjalment in-nitrati u l-fosfati, għal ġol-ilma ta' taħt l-art,
V. billi, f'dik li hi bijodiversità agrikola, l-użu estiż tal-għelejjel tal-proteina li huma adattati għall-kondizzjonijiet klimatiċi Ewropej, bħalma huma l-fażola, is-sojja, il-piżelli, l-għads, il-lupina, iċ-ċiċri, l-alfalfa/xnien, is-silla, il-Phacelia spp, il-Lotus corniulatus u l-ħuxlief (sainfoin), se jistabbilizza u jseddaq sostanzjalment id-diversità fi ħdan is-sistema tal-produzzjoni,
W. billi, f'dik li hi produzzjoni tal-proteini u s-sigurtà globali tal-ikel, jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-produzzjoni tal-proteini tal-għelejjel u l-produzzjoni tal-proteini tal-annimali, speċjalment fir-rigward tal-ammont ta' enerġija, ilma u mezzi ta' produzzjoni esterni li bħalissa qed jiġu kkunsmati għall-produzzjoni intensiva tal-proteini tal-annimali f'kuntrast mal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina għall-konsum tal-bniedem, bil-bilanċ dinji tal-ikel dejjem bħala l-punt ewlieni,
X. billi ħafna politiki tal-UE għandhom impatt fuq id-defiċit tal-proteini tal-UE, u billi l-Kummissjoni trid ukoll tanalizza l-kwistjonijiet tal-produzzjoni tal-GMOs ġewwa u barra mit-territorju tal-UE, l-iżvilupp tal-bijofjuwils u l-valutazzjoni mill-ġdid tal-projbizzjoni totali tal-proteini tal-annimali fl-għalf tal-annimali,
Y. billi, minbarra bl-użu tal-għelejjel tal-proteina tal-post, il-kwalità tal-għalf kompost li ma jkunx impurtat jista“ jittejjeb ukoll permezz tal-użu tal-prodotti sekondarji taż-żrieragħ żejtnija bħalma huma dawk tas-sojja u tal-warda tax-xemx u tal-kolza,
Z. billi l-użu ta' għelejjel tal-magħlef leguminuż niexef jew ta' għelejjel taż-żrieragħ minflok proteini importati – primarjament is-smid miċ-ċapep tas-soja – jista“ jwassal għal bidliet sinifikanti fil-metodi tat-trobbija u b'hekk ikollu sehem fit-titjib tal-kwalità ta' prodotti agrikoli (minn prodotti standard għal prodotti ċċerifikati b'bidliet fil-piżijiet relattivi applikabbli) u d-dħul tal-produtturi,
AA. billi l-projbizzjoni tal-użu tal-proteina tal-annimali fl-għalf tal-annimali ġiet introdotta b'segwitu għall-kriżi tal-BSE biex tiġi evitata kull kontaminazzjoni tat-TSE; billi din il-projbizzjoni għandha titneħħa biss fuq il-bażi ta' fatti xjentifiċi u miżuri suffiċjenti ta' prekawzjoni u kontroll; billi fuq il-bażi ta' dawn il-kundizzjonijiet il-proteini tal-annimali pproċessati mill-intern tal-annimali għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali monogastriċi (ħnieżer u tjur) għandhom jiġu kkunsidrati, sakemm l-ingredjenti joriġinaw minn laħam li ġie approvat għall-konsum tal-bniedem, u li l-projbizzjoni tar-riċiklaġġ bejn l-ispeċi u l-kannibaliżmu sfurzat tiġi infurzata u kkontrollata,
Dikjarazzjonijiet bażiċi bi tweġiba għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni: it-tħejjija tal-bażi għar-rakkomandazzjonijiet u domandi
AB. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Novembru 2010 tenfasizza b'mod ċar il-ħtieġa li tiġi mseddqa l-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina fi ħdan sistema aktar integrata ta' newb tal-għelejjel,
AC. billi diversi studji mwettqa mill-FAO, il-Kummissjoni u awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Istati Membri wrew li l-użu mtejjeb tal-għelejjel tal-proteini fl-agrikoltura tal-UE għandu l-potenzjali li jagħmel il-provvista tal-għalf tal-annimali aktar affidabbli billi jagħmel użu minn miżuri agroambjentali,
AD. billi l-koltivazzjoni tal-għelejjel tal-proteina hija vantaġġjuża għall-bdiewa f'diversi oqsma: il-produzzjoni tal-għalf tal-annimali fuq il-post fl-impriża tal-biedja stess bl-użu ta' għelejjel imħallta bħalma huma ċ-ċereali u l-fażola, il-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina għall-konsum mill-bniedem u l-forom kollha ta' biedja sostenibbli,
AE. billi fil-preżent l-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ speċifiku għall-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina bħala parti mill-programmi agroalimentari u l-“miżuri tal-Artikolu 68” għat-titjib tal-kwalità tas-sistemi tal-produzzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ikel,
AF. billi, flimkien mal-kultivazzjoni taċ-ċereali u tal-qamħirrum għall-produzzjoni tal-għalf u tal-enerġija, l-użu tas-sistemi estiżi tan-newb tal-għelejjel, iż-żrigħ imħallat fuq il-post fl-impriża tal-biedja stess u t-taħlitiet tal-ħaxix u s-silla, li huwa marbut ma' vantaġġi ambjentali u agronomiċi kbar, għandhom jiġu promossi, peress li t-tkabbir tal-għelejjel leguminużi bħala parti minn sistema ta' newb jista“ jħares mill-mard u jirriġenera l-ħamrija, u kif ukoll jista” jkollu effetti pożittivi fuq il-popolazzjoni tad-dakkara u jipproteġi l-klima,
AG. billi ż-żieda fil-produzzjoni taċ-ċereali fl-Ewropa ċentrali se teħles art għar-raba“ mal-Ewropa u tagħmilha possibbli għall-għelejjel, u b'mod partikolari l-għelejjel tal-proteina, li jiġu ttrasferiti mal-Ewropa kollha,
AH. billi ż-żieda reċenti fil-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli bażiċi qajmu preokkupazzjonijiet mill-akbar dwar il-kompetittività tas-settur tat-trobbija tal-bhejjem Ewropew u d-dipendenza għolja tiegħu fuq importazzjonijiet tal-għalejjel tal-proteina, billi l-UE teħtieġ pjan ġenwin ta' żvilupp strateġiku għall-proteini tal-pjanti u r-rwol speċifiku tagħhom biex wieħed jirrispondi għall-isfidi ġodda (it-tibdil fil-klima, ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali); billi tnaqqis fid-defiċit tal-proteina wkoll jeħtieġ sforzi kbar f'riċerka u trobbija tal-bhejjem imtejba, kif ukoll miżuri li jsaħħu infrastruttura adegwata għall-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta' għelejjel tal-proteina; billi anki l-prodotti sekondarji tal-produzzjoni ta' żrieragħ żejtnija u agrofjuwils jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għalf għall-annimali, sakemm jiġu mħarsa regoli stretti biex jiġi żgurat li l-prinċipju ta' prekawzjoni jiġi applikat bis-sħiħ u li ma jkunx hemm riskji għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem,
AI. billi l-problema ta' tolleranza zero għall-importazzjonijiet tal-għalf trid tkun diskussa aktar u billi jridu jinħolqu approċċi li jwasslu għal soluzzjonijiet prattiċi,
AJ. billi t-toroq tal-prodotti agrikoli u industrijali huma f'ħafna modi marbutin flimkien u ċerti prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-bijofjuwil huma xierqa għal raġunijiet ta' ikel,
1. Jistieden lill-Kummissjoni tassumu perspettiva fuq żmien medju sa żmien twil fir-rieżami tagħha tal-politika dwar il-proteini, filwaqt li tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħha għar-riforma tal-PAK ikunu jinkludu miżuri u strumenti ġodda adegwati u affidabbli sabiex jgħinu lill-bdiewa jtejbu s-sistemi ta' newba biex jonqsu sostanzjalment id-defiċit attwali tal-proteina u l-volatilità tal-prezzijiet;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr lill-Parlament u lill-Kunsill rapport dwar il-possibilitajiet u l-għażliet li hemm biex tiżdied il-produzzjoni domestika tal-għelejjel tal-proteina fl-UE permezz ta' strumenti ġodda tal-politika (anki billi jiġi kkunsidrat l-użu ta' żrieragħ żejtnija u l-prodotti sekondarji tagħhom u l-ammont potenzjali għas-sostituzzjoni tal-importazzjonijiet), l-effett potenzjali fuq id-dħul tal-bdiewa, il-kontribuzzjoni li tagħmel biex ittaffi t-tibdil tal-klima, l-effett fuq il-bijodiversità u l-fertilità tal-ħamrija, u l-potenzjal għat-tnaqqis tal-mezzi tal-produzzjoni esterni meħtieġa fis-sura ta' fertilizzanti minerali u pestiċidi;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-impatt tar-regola tat-tolleranza zero fuq il-preżenza fl-għalf importat ta' GMOs li mhumiex awtorizzati fl-Ewropa, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-possibilità li jiġu introdotti l-valuri tal-limitu u l-applikazzjoni prattika tagħhom;
4. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm f'postha l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-magħlef imnixxef sal-2013, sabiex tiżgura s-sopravvivenza kontinwa ta' dan is-settur ewlieni, li huwa kruċjali fil-produzzjoni ta' proteini tal-għalf għas-settur tat-trobbija tal-bhejjem;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka fit-tnissil u l-provvista taż-żrieragħ tal-għelejjel tal-proteina fl-UE, inkluża l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kontroll tal-mard, u tagħmel proposti għar-riċerka u l-iżvilupp dwar modi kif jittejbu s-servizzi ta' estensjoni u taħt l-intestatura tal-iżvilupp rurali dwar is-servizzi tat-taħriġ għall-bdiewa fl-użu tan-newb tal-għelejjel u ż-żrigħ imħallat għall-produzzjoni u l-faċilitajiet tekniċi għall-produzzjoni tal-għalf fuq il-post stess tal-impriża tal-biedja;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-promozzjoni tal-iżvilupp rurali, tressaq miżuri li jħeġġu żieda fin-numru ta' annimali b'materjal bijoloġiku ta' valur għoli u b'potenzjal produttiv, u t-tixrid tal-aħjar prattiki fl-introduzzjoni tal-użanzi ottimali tal-għalf, bil-għan li jiġi ggarantit użu effiċjenti tal-għelejjel tal-proteina użati għall-għalf tal-annimali;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas għal miżuri ta' żvilupp rurali li jintroduċu faċilitajiet imtejba u deċentralizzati għall-produzzjoni tal-għalf tal-annimali, ibbażati fuq il-varjetajiet lokali u reġjonali tal-għelejjel, il-ħżin ta' dawk l-għelejjel u l-għażla u l-iżvilupp taż-żrieragħ;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-effetti tat-tariffi ta' importazzjoni attwali u l-ftehimiet kummerċjali dwar diversi għelejjel taż-żrieragħ żejtnija u tal-proteina u tissottometti lill-Parlament u l-Kunsill studju legali dettaljat dwar l-ambitu attwali tal-ftehimiet Blair House dwar il-produzzjonijiet tal-għelejjel tal-proteina fl-Ewropa;
9. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura provvista tas-sojja mingħajr ostakli għas-suq tal-UE billi tiġi pprovduta soluzzjoni teknika għall-preżenza ta' livell baxx ta' GMOs għall-għelejjel tal-proteina għall-ikel u l-għalf importat fl-UE; ifakkar li nuqqasijiet fl-importazzjonijiet tas-sojja jimponu piż tal-ispejjeż addizzjonali fuq is-setturi tal-bhejjem u tal-għalf tal-UE, u jqiegħdu l-vijabilità ekonomika tal-produzzjoni domestika tal-laħam f'riskju;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tikkunsidra l-inklużjoni fil-proposti leġiżlattivi tagħha għal PAK riformat u, lilhinn minn dan, il-promozzjoni tal-użu ta' newb tal-għelejjel tal-proteina bħala miżura ta' prekawzjoni kontra l-mard tal-għelejjel u kontribuzzjoni għal prattiki agrikoli mtejba u l-isfidi l-ġodda bħas-sikurezza tal-ikel, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riżorsi eċċ.;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri xierqa li joħolqu kundizzjonijiet tas-suq li jiffavorixxu l-produzzjoni lokali meta mqabbla mal-prodotti importati, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-industrija tal-għalf, inkluża l-introduzzjoni ta' mudelli għal katini tal-provvista qosra u ħielsa mill-GMOs u l-produzzjoni ċċertifikata; jirrikonoxxi l-fatt li l-biedja lokali u tal-prossimità huma ta' benefiċċju akbar għall-ambjent;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposta leġiżlattiva lill-Parlament u l-Kunsill li tawtorizza l-użu ta' proteini tal-annimali pproċessati mill-intern tal-annimali għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali monogastriċi (ħnieżer u tjur), sakemm l-ingredjenti joriġinaw minn laħam li ġie approvat għall-konsum tal-bniedem, u li l-projbizzjoni tar-riċiklaġġ bejn l-ispeċi u l-kannibaliżmu sfurzat tiġi infurzata u kkontrollata;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi programm ta' qafas speċifiku għal riċerka għall-iżvilupp agrikolu u rurali deċentralizzat u biex ittejjeb il-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali, inkluż programmi ta' taħriġ fuq il-post fl-impriżi tal-biedja stess dwar it-titjib tat-trawwim u t-tnissil ta' pjanti tal-proteini adattati lokalment, bil-għan li dan isir qasam innovattiv fl-Istati Membri varji;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi approċċ politiku globali u koerenti għall-applikazzjoni tar-regoli agroambjentali għall-prodotti tal-ikel mibjugħa fit-territorju tal-UE rigward l-importazzjoni ta' għelejjel tal-proteina modifikati ġenetikament;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-oriġini ta' għelejjel tal-proteina impurtati fl-UE, li jiżvela b'mod partikolari s-sostenibilità tal-prattiki agrikoli applikati fil-pajjiż tal-oriġini, bħat-tibdil fl-użu tat-territorju u s-sostenibilità tal-użu tal-ilma, u l-użu ta' teknoloġiji agrikoli; jenfasizza li, għal dan il-għan, jeħtieġ li jkun hemm kontrolli regolari fuq il-post;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-inklużjoni fil-proposti leġiżlattivi tagħha dwar ir-riforma tal-PAK il-provvista ta' appoġġ lill-bdiewa li jikkoltivaw l-għelejjel b'sistemi tan-newba tal-għelejjel, li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-GHGs u d-defiċit tal-proteina tal-għelejjel fl-UE u jtejbu l-kontroll tal-mard u l-fertilità tal-ħamrija;
17. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri bbażati fuq l-inċentivi li jħeġġu l-bidu tal-produzzjoni ta' art mhux maħduma, li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tnaqqis tad-defiċit tal-proteina fl-UE;
o o o
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.