Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2011 dwar ir-rapport ta' progress tat-Turkija għall-2010
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress tat-Turkija għall-2010 tal-Kummissjoni (SEC(2010)1327),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-27 ta' Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni(1), tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija(2), tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ir-rapport ta' progress tat-Turkija(3) għall-2007, u tat-12 ta' Marzu 2009 dwar ir-rapport ta' progress tal-2008 dwar it-Turkija(4), u tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-rapport ta' progress tat-Turkija għall-2009(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta' Settembru 2010 dwar il-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Korea(6),
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija(7) (is-Sħubija għall-Adeżjoni), u d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-14 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-negozjati għall-adeżjoni mat-Turkija nfetħu fit-3 ta' Ottubru 2005 wara l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Qafas tal-Innegozjar, u billi l-ftuħ ta' dawn in-negozjati kien il-punt ta' tluq ta' proċess dewwiemi u li m'għandux limitu ta' żmien,
B. billi t-Turkija impenjat ruħha li twettaq riformi u li tfittex relazzjonijiet tajba mal-ġirien u l-allinjament progressiv mal-UE, u billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija stess biex timmodernizza ruħha,
C. billi l-bażi għall-adeżjoni ma' l-UE għadha f'konformità sħiħa mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-UE, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, li hija komunità bbażata fuq regoli konġunti,
D. billi l-Kummissjoni kkonkludiet li fl-2010 t-Turkija kienet kompliet bil-proċess ta' riforma politika tagħha, iżda wkoll li n-nuqqas ta' djalogu u spirtu ta' kompromess bejn il-partijiet politiċi ewlenin għandu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet politiċi ewlenin u tnaqqas ir-ritmu tax-xogħol fuq riformi politiċi,
E. billi t-Turkija, għall-ħames sena konsekuttiva, għadha ma implimentatx id-dispożizzjonijiet tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali tagħha,
1. Jifraħ liċ-ċittadini Torok u s-soċjetà ċivili għall-appoġġ tagħhom għal iktar demokratizzazzjoni tat-Turkija u l-impenn tagħhom għal soċjetà miftuħa u pluralista; u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti kollha tal-UE tal-politika tat-tkabbir għall-pajjiżi kandidati f'dan ir-rigward;
2. Jinnota l-progress li mixi bil-mod tat-Turkija fir-rigward tar-riformi u jfakkar li l-Gvern Tork impenja ruħu li jagħmel riformi komprensivi bil-ħsieb li jissodisfa l-Kriterji ta' Kopenħagen, kif ukoll għall-modernizzazzjoni tat-Turkija stess; jistieden lill-Gvern iżid l-isforzi tiegħu f'dak ir-rigward;
3. Huwa mħasseb dwar il-konfront attwali bejn il-partiti politiċi u n-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Gvern u l-oppożizzjoni biex jaħdmu lejn kunsens dwar ir-riformi ewlenin; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha, lill-Gvern u lill-oppożizzjoni, biex jaħdmu flimkien biex isaħħu l-pluralità politika fl-istituzzjonijiet tal-istat u biex jippromwovu l-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-istat u s-soċjetà; jitlob lill-forzi tal-oppożizzjoni kollha biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fil-proċess ta' riforma;
4. Jindika r-rwol kruċjali ta' sistema ta' verifiki u bilanċi fil-governanza ta' stat demokratiku modern li għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u l-bilanċ bejn l-eżekuttiv, il-funzjonijiet leġiżlattivi u ġudizzjarji, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, – partikolarment il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja – u fuq kultura politika parteċipattiva li tirrifletti verament il-pluralità ta' soċjetà demokratika;
5. Jenfasizza r-rwol tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka bħala l-istituzzjoni li għandha tikkontribwixxi b'mod kruċjali għat-tisħiħ ta' sistema ta' verifiki u bilanċi, u li tappoġġa, b'mod attiv u kostruttiv, abbażi ta' impenn ta' partiti differenti, ir-riformi ta' modernizzazzjoni, filwaqt li tiżgura li l-politiki tal-Gvern jkunu suġġetti għall-iskrutinju demokratiku;
6. Jilqa“ l-adozzjoni ta' emendi kostituzzjonali, li jirrappreżentaw pass importanti fid-direzzjoni t-tajba, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni xierqa tagħhom, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ l-istandards tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza madankollu fl-istess ħin il-ħtieġa pressanti għal riforma kostituzzjoni globali li tbiddel it-Turkija f'demokrazija pluralista sħiħa, bil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-qalba tagħha; jilqa” r-rieda ddikjarata tal-Gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni biex iwettqu riforma bħal din, u jistieden lill-Gvern biex jiżgura li l-partiti politiċi kollha, kif ukoll is-soċjetà ċivili, jkunu involuti mill-qrib fil-proċess kostituzzjonali kollu; jitlob l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' emendi kostituzzjonali; jirrakkomanda li l-Kummissjoni ta' Venezja tkun mistiedna tipparteċipa wkoll;
7. Jilqa“ għadd ta' azzjonijiet simboliċi u ta' rieda tajba tal-Gvern, kif ukoll ċerti passi konkreti, fl-oqsma tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-religjon, kif ukoll il-protezzjoni tal-minoranzi u d-drittijiet kulturali; jinsisti madankollu li hemm ħtieġa ta' titjib sistematiku biex it-Turkija tirrikonoxxi d-drittijiet tal-minoranzi bis-sħiħ; iħeġġeġ partikolarment lill-Gvern biex jipprovdi l-ftuħ demokratiku b'impetu ġdid, u jitlob lill-oppożizzjoni biex tappoġġa b'mod kostruttiv u timpenja ruħu f'dan il-proċess;
L-issodisfar tal-Kriterji ta' Kopenħagen
8. Huwa mħasseb dwar id-deterjorazzjoni tal-libertà tal-istampa, dwar ċerti atti ta' ċensura u dwar iż-żieda fiċ-ċensura proprja fi ħdan il-midja Torka, inkluż fl-internet; jistieden lill-Gvern tat-Turkija sabiex jirrispetta l-prinċipji tal-libertà tal-istampa; jenfasizza li l-istampa indipendenti hija kruċjali għas-soċjetà demokratika, u jindika f'dan il-kuntest ir-rwol essenzjali tal-ġudikatura għall-protezzjoni u t-tisħiħ tal-libertà tal-istampa, biex b'hekk ikun iggarantit spazju pubbliku għad-dibattitu ħieles u l-kontribuzzjoni għal funzjonament xieraq tas-sistema ta' verifiki u bilanċi; jenfasizza l-ħtieġa għall-adozzjoni ta' liġi tal-midja ġdida li tindirizza fost affarijiet oħra, il-kwistjonijiet ta' indipendenza, is-sjieda u l-kontroll amministrattiv; jiddeċiedi li jsegwi mill-qrib il-każijiet ta' Nedim Şener, Ahmet Şık u ta' ġurnalisti oħra li qed jiġu ppersegwitati mill-pulizija jew mill-ġudikatura;
9. Jilqa“ l-liġijiet ġodda dwar ir-radju u t-televiżjoni li huma l-anteċedenti ta' diversi żviluppi pożittivi bħal żieda fil-persentaġġ li entitajiet barranin jistgħu ikollhom legalment mill-kumpaniji tal-midja Torok (50%, meta qabel kien 25%) iżda jesprimi tħassib dwar il-fatt li x-xandir jista” jitwaqqaf għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali mingħajr l-użu ta' ordni tal- qorti jew sentenza minn imħallef; jinnota bi tħassib il-prattika li jitressqu prosekuzzjonijiet kriminali – speċjalment skont l-Artikolu 285 tal-Kodiċi Penali dwar “ksur tal-kunfidenzjalità ta' investigazzjoni kriminali” u l-Artikolu 288 “tentattiv biex wieħed jinfluwenza l-ġudikatura” – kontra ġurnalisti li jirrapportaw provi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew li jqajmu kwistjonijiet oħra fl-interess pubbliku; iqis il-kriminalizzazzjoni tal-opinjonijiet bħala ostaklu ewlieni għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u jiddeplora r-restrizzjonijiet sproporzjonati għal-libertajiet tal-espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-assemblea; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex jaderixxu strettament mal-obbligi internazzjonali tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem f'dan ir-rigward billi jemendaw il-leġiżlazzjoni rilevanti u billi jħarrġu l-pulizija tagħhom u l-ġudikatura;
10. Jiddeplora l-fatt li għadd ta' dispożizzjonijiet legali bħall-Artikoli 301- 318- 220(6) użati flimkien mal-Artikolu 314/2 tal-Kodiċi Penali, u l-Artikolu 7(2) tal-liġi kontra t-terroriżmu, il-Liġi Nru 5816 tal-25/07/1951 – kif ukoll dikjarazzjonijiet tal-Gvern u attivitajiet ta' prosekuturi pubbliċi – qed ikomplu jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; itenni t-talbiet tiegħu lill-Gvern biex jiffinalizza r-reviżjoni tal-qafas legali dwar il -libertà tal-espressjoni u biex mingħajr dewmien jagħmlu konformi mal-każistika tal-QEDB u l-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem; f'dan il-kuntest, itenni l-ħtieġa li l-Gvern Tork jagħti gwida ċara lill-prosekuturi dwar il-liġijiet li qed jintużaw spiss biex jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jiddeplora r-rikors sproporzjonat u ripetut ta' għeluq websajts u jitlob lill-Gvern biex jipprepara emendi għal-liġi tal-internet (Liġi Nru 5651) sabiex jiżgura li ma tibqax tillimita l-libertà tal-espressjoni jew id-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess għall-informazzjoni;
11. Iħeġġeġ lill-Gvern biex iħares id-drittijiet tal-libertà tal-assemblea u l-libertà tal-assoċjazzjoni, imħaddna fl-Artikoli 33 u 34 tal-Kostituzzjoni Torka; jiddeplora u jikkundanna f'dan il-kuntest ir-represessjoni vjolenti mill-pulizija tal-manifestazzjoni tal-istudenti fl-Università ta' Ankara f'Diċembru 2010;
12. Jirrikonoxxi li l-kwistjoni tad-drittijiet tar-Roma fit-Turkija issa qed tirċievi attenzjoni sinifikanti u li kemm il-Gvern u kemm il-partiti tal-oppożizzjoni qed jimpenjaw ruħhom fiha politikament; jagħti parir li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' akkomodazzjoni tal-Gvern rigward ir-Roma, speċjalment fir-rigward tas-sostenibbiltà u l-metodoloġija tal-pjan innifsu, għandu jkun immonitorjat u rieżaminat b'attenzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern biex jipprattika l-inklużjoni attiva u l-konsultazzjoni kredibbli tal-komunitajiet tar-Roma fil-kuntest ta' kwalunkwe proċess relatat mal-inklużjoni tar-Roma fil-pajjiż;
13. Japprezza l-progress li sar fir-riforma tal-ġudikatura u jtenni l-opinjoni tiegħu li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura huma fost is-soluzzjonijiet kruċjali għall-funzjonament ta' soċjetà demokratika pluralista; huwa mħasseb li l-arranġamenti tal-ġudikatura Torka għadhom ma ttejbux biżżejjed sabiex ikun żgurat id-dritt ta' proċess ġust u mingħajr dewmien żejjed; jitlob lill-Gvern biex jimplimenta l-emendi kostituzzjonali adottati f'dan il-qasam b'rispett sħiħ għas-separazzjoni tal-poteri bejn l-eżekuttiv u l-ġudikatura u l-indipendenza u l-imparzjalità ġudizzjarja, b'konformità ma' standards Ewropej;
14. Huwa madankollu mħasseb mill-interpretazzjoni tal-Qorti Suprema tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali li testendi l-perjodu ta' detenzjoni qabel il-proċess sa 10 snin, bi ksur ċar tal-istandards Ewropej f'dan ir-rigward jistieden lill-Gran Assemblea Nazzjonali Torka sabiex temenda l-liġi relevanti skont il-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem; jiġbed l-attenzjoni fl-istess ħin għall-obbligu tat-Turkija li tikkonforma b'mod strett mal-impenn tagħha skont l-Artikolu 6 tal-KEDB dwar smigħ xieraq fi żmien raġonevoli, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' qrati tal-appell fis-sistema legali tagħha u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-qrati supremi tagħha;
15. Jilqa“ d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Dink v. it-Turkija tal-14 ta' Settembru 2010; għalhekk jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jappoġġaw bis-sħiħ il-konsegwenzi tad-deċiżjoni bl-implimentazzjoni ta' miżuri adegwati biex jipproteġu l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ostakoli artifiċjali li tqajmu mill-amministrazzjoni tal-Istat Tork biex tevita l-iżvelar tal-istigaturi veri tal-qtil tal-ġurnalista Armen Hrant Dink;
16. Jilqa“ l-fatt li l-emendi kostituzzjonali adottati saflaħħar jipprovdu l-bażi għall-istabbiliment ta' istituzzjoni ta' ombudsman u jħeġġeġ lill-Gvern biex jipprepara, u lill-Parlament biex jadotta, il-leġiżlazzjoni rilevanti li tippermettu li ssir ħatra abbażi ta' proċedura demokratika sabiex tiddaħħal personalità rispettata f'din il-kariga ġdida; jilqa” b'sodisfazzjon it-twaqqif addizzjonali propost ta' Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem , u jitlob lill-Assemblea Nazzjonali Torka sabiex tikkonsulta lis-soċjetà ċivili u tagħti garanziji suffiċjenti tal-indipendenza tal-korp ġdid skont il-“Prinċipji ta' Pariġi”;
17. Jikkumplimenta l-progress li sar rigward ir-relazzjonijiet ċivili-militari, speċjalment iż-żieda tal-kontroll ċivili permezz tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati militari, id-dispożizzjoni tas-sentenzi Qorti Suprema Militari għar-rieżami ġudizzjarju u tal-arranġamenti li saru biex uffiċjali ta' grad għoli jitressqu quddiem il-qrati ċivili; jinnota li dan il-progress għandu jitkompla sabiex tkun żgurata sorveljanza ċivili sħiħa, u jistieden lill-Parlament Tork biex isir attiv fl-iżgurar tal-kontroll parlamentari fuq il-forzi ta' sigurtà, inkluż il-kontroll sħiħ fuq il-baġit tad-difiża;
18. Jenfasizza li l-investigazzjonijiet tal-każijiet ta' allegazzjonijiet ta' pjanijiet ta' coup bħal “Ergenekon” u “Sledgehammer” għandhom juru s-saħħa u l-funzjonament xieraq, indipendenti u trasparenti tal-istituzzjonijiet demokratiċi Torok u tal-ġudikatura; huwa mħasseb dwar il-perjodi ta' detenzjoni twal ta' qabel proċedimenti u jenfasizza l-ħtieġa għal garanziji ġudizzjarji effikaċi għall-persuni susspettati kollha; huwa mħasseb min-nuqqas ta' progress f'dawn l-investigazzjonijiet u jinnota li d-detenzjoni reċenti ta' ġurnalisti magħrufa bħal Nedem Şener u Achmet Şik tista“ twassal għal telfa fil-kredibbilta” ta' dawn il-proċessi ġudizzjarji li għandhom, kuntrarjament, isaħħu d-demokrazija;
19. Jiddispjaċih li l-emendi dwar l-għeluq tal-partiti politiċi proposti bħala parti mir-riforma reċenti tal-kostituzzjoni ma sabux maġġoranza fil-Gran Assemblea Nazzjonali Torka, u jħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex l-leġiżlazzjoni rilevanti tikkonforma mal-opinjoni rilevanti tal-Kummissjoni ta' Venezja;
20. Itenni s-sejħiet tiegħu fir- riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu biex issir riforma tas-sistema elettorali billi jitnaqqas il-limitu ta' 10%, u b'hekk jissaħħaħ il-pluraliżmu tal-partiti u jirrifletti aħjar il-pluralità tas-soċjetà Torka; jiddeplora b'mod partikolari l-fatt li ma ngħata bidu għal ebda riforma f'dan il-qasam fl-2010; jitlob rieżami komprensiv tar-regoli tal-finanzjament tal-partiti u tal-infiq għall-elezzjonijiet bl-iskop li tissaħħaħ id-demokrazija interna tal-partiti u tisseddaq sistema politika aktar miftuħa; iħeġġeġ lill-partiti politiċi biex isaħħu d-demokrazija interna tagħhom u biex iġiegħlu l-membri eletti isiru aktar r-responsabbli lejn il-kostitwenzi tagħhom;
21. Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress b'mod partikulari biex jiġu limitati l-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament rigward offiżi relatati mal-korruzzjoni, filwaqt li jinnota li hemm tħassib dwar il-protezzjoni xierqa tal-espressjoni ta' opinjonijiet mhux vjolenti fil-Parlament; jistieden għalhekk lill-Gvern u lill-Parlament biex jaqblu dwar riforma xierqa tas-sistema tal-immunitajiet parlamentari;
22. Jieħu nota tal-presidenza attwali tat-Turkija fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u jħeġġeġ lit-Turkija biex tirrifletti l-impenn tagħha għall-valuri tal-Kunsill tal-Ewropa billi tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni ta' Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali u billi jiġu ratifikati l-protokolli addizzjonali kollha tal-QEDB;
23. Jilqa“ r-ratifika mill-Gran Assemblea Nazzjonali Torka tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, u jistieden lit-Turkija timplimenta d-dispożizzjonijiet tagħha bla dewmien u b'kooperazzjoni mill-qrib mas-Sottokumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta' Trattament jew Kastig Inuman jew Degradanti ieħor;
24. Jappoġġa d-djalogu li għaddej bħalissa tal-Gvern mal-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-komunitajiet Alevis, kif ukoll Griegi, Armeni, Aramej u komunitajiet Kristjani oħra; iżda hu ddispjaċut li sar biss progress limitat rigward il-qafas legali tal-funzjonament ta' dawn il-komunitajiet, partikolarment rigward l-abbiltà tagħhom biex jiksbu personalità legali, biex jiftħu u jħaddmu djar ta' qima, iħarrġu lill-kleru u jsolvu problemi ta' proprjetà li ma ġewx ittrattati mil-Liġi dwar il-Fondazzjonijiet; jitlob - b'riferenza għad-dewmien prevalenti u l-problemi proċedurali - li jsir sforz effettiv u kontinwu fl-implementazzjoni tal-Liġi dwar il-Fondazzjonijiet, li trid jippermetti lill-komunitajiet reliġjużi msemmija jitħallew jiffunzjonaw mingħajr limitazzjonijiet bla bżonn f'konformità mal-KEDB u l-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-Gvern biex ikompli jżid l-appoġġ tiegħu għal-libertà tal-kuxjenza u l-pluralità reliġjuża fis-soċjetà Torka;
25. Jitlob għalhekk li l-Gvern jindirizza b'mod sistematiku dawn il-kwistjonijiet billi jemenda l-leġiżlazzjoni u billi jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tagħha fil-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-muniċipji; f'dan il-kuntest jindika wkoll r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni ta' Venezja fir-rebbiegħa tal-2010 rigward il-personalità legali tal-komunitajiet reliġjużi u t-titlu ekkleżjastiku “Ekumeniku” tal-Patrijarkat Ortodoss; jilqa“ d-deċiżjoni reċenti tal-”Assemblea tal-Fondazzjonijiet“ li tittrasferixxi l-Orfanotrofju Grieg tas-Subien ta' Büyükada lill-Patrijarkat Ekumeniku skont id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-għoti ta' ċittadinanza Torka lill-għadd ta' membri tal-kleru Grieg Ortodoss sabiex jiffaċilità l-Patrijarka u Sinodu Santu; jilqa” bi pjaċir iċ-ċerimonja reliġjuża fil-Mużew tal-Monasteru ta' Sümela fi Trabzon u ċ-ċerimonja fil-knisja fuq il-Gżira Akdamar fil-provinċja ta' Van; jiddispjaċih għad-deċiżjoni li ħadet il-Qorti Suprema tat-Turkija kontra Mor Gabriel Monastery rigward il-kwistjoni dwar l-art mal-villaġġi u t-Teżor Tork; itenni l-aspettattiva tiegħu li l-istqarrija tal-Gvern rigward il-ftuħ mill-ġdid tas-seminarju Grieg Ortodoss ta' Halki tiġi segwita malajr minn azzjoni konkreti u minn miżuri li jipprevedu t-taħriġ bla xkiel tal-kleru tal-komunitajiet Kristjan; iħeġġeġ lill-Gvern biex jagħti attenzjoni speċjali lill-materjal edukattiv fl-iskejjel li għandu jirrifletti l-pluralità reliġjuża tas-soċjetà Torka, u għall-ħtieġa ta' materjal ta' tagħlim mhux preġudikat;
26. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza terroristika kontinwa mwettqa mill-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK), li qiegħed fuq il-lista ta' Organizzazzjonijiet terroristiċi tal-UE, u minn gruppi terroristiċi oħrajn fit-territorju Tork; iħeġġeġ lit-Turkija, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-koordinatur kontra t-terroriżmu u l-Europol u b'konformità stretta mal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
27. Jitlob lill-Gvern biex iħeġġeġ l-isforzi tiegħu, fil-qafas tal-ftuħ demokratiku, biex jindirizza b'mod komprensiv il-kwistjoni Kurda sabiex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni, partikolarment billi jiżgura l-interpretazzjoni konsistenti ta' liġijiet li jippermettu l-użu tal-lingwa Kurda fil-ħajja politika u dik pubblika u fl-edukazzjoni; billi tiġi emendata l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu sabiex jiġi evitat abbuż jew interpretazzjoni estensiva; billi jiġu garantiti d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea; billi jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-problemi ta' persuni li tressqu mir-reġjuni ta' oriġini tagħhom bħala konsegwenza ta', fost affarijiet oħra, il-kunflitt fit-tul; u billi tittejjeb iktar is-sitwazzjoni soċjoekonomika fix-xlokk tal-pajjiż; f'dan il-kuntest jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proċessi li għadhom għaddejjin ta' 151 attivisti politiċi Kurdi, inklużi tmien sindki eletti u fil-poter f“ Diyarbakir, li jirrappreżentaw indħil fl-attivitajiet politiċi legali;
28. Jilqa“ t-tisħiħ tal-qafas legali li jiggarantixxi d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza tas-sessi permezz ta' pakkett kostituzzjonali; jinsab imħasseb dwar ir-rati li dejjem qed jonqsu tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol anke fost in-nisa b'edukazzjoni għolja; ħeġġeġ lill-Gvern, u lis-soċjetà ċivili u tan-negozji, biex jieħdu miżuri komprensivi , bħal pereżempju l-ġlieda kontra l-illitteriżmu femminili, l-appoġġ attiv tal-aċċess ta' bniet għall-edukazzjoni sekondarja jew l-għoti ta' faċilitajiet tal-kura tat-tfal, sabiex jittrattaw il-faqar tan-nisa, iżidu l-inklużjoni soċjali tan-nisa u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; barra minn hekk, iħeġġeġ l-introduzzjoni ta' sistema ta' kwoti riżervati sabiex tkun żgurata preżenza reali tan-nisa fil-livelli kollha tan-negozju, is-settur pubbliku u l-politiki; jitlob b'mod partikolari lill-partiti politiċi biex jużaw l-opportunità tal-elezzjonijiet li ġejjin biex isaħħu l-impenn attiv tan-nisa fil-politika;
29. Jiddeplora bis-sħiħ il-livelli għolja u persistenti ta' vjolenza domestika, inklużi l-hekk imsejħa reati tal-unur u l-fenomenu ta' żwiġijiet sfurzati; jilqa“, f'dan il-kuntest, l-inizjattivi minn movimenti tan-nisa li jtellgħu fil-wiċċ dawn il-problemi u jħeġġeġ lill-Gvern biex jintensifika l-isforzi preventivi fil-livelli kollha, partikolarment bl-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 4320 dwar il-Protezzjoni tal-Familja u sabiex jissorvelja l-implimentazzjoni tagħha permezz tal-pulizija u l-ġudikatura billi jobbliga lill-muniċipiji jistabbilixxu kenn ta' kwalità għolja f'kull muniċipalità b'iktar minn 50 000 persuna, billi jimmonitorja b'mod effikaċi l-konformità sħiħa ma' dan l-obbligu, u billi jistabbilixxi sistema għal assistenza ta' segwitu għan-nisa li jitilqu minn dan il-kenn sabiex jipprovdilhom appoġġ psikoloġiku xieraq, assistenza legali, kura tas-saħħa u integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà; jistieden lill-Gvern biex jistabbilixxi sorveljanza adegwata u effikaċi tal-konformità tal-muniċipalitajiet ma' dan l-obbligu; iħeġġeġ lill-ġudikatura biex tiżgura li l-vjolenza kontra n-nisa u minorenni, kif ukoll kontra dawk li jiġġieldu l-hekk imsejħa reati tal-unur, tiġi kkastigata b'mod konsisteni u xieraq;
30. Iħeġġeġ lill-Gvern sabiex jiżgura li ugwaljanza indipendentement mis-sess, il-ġeneru, l-oriġini razzjali u etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar miżuri biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali jew identità sesswali; jistieden lill-Gvern tat-Turkija sabiex javża lill-Forzi Armati Torok sabiex itemmu l-klassifikazzjoni tal-omosesswalità bħala marda “psikosesswali”; jitlob li l-Abbozz ta' Liġi dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni u l-Kumitat għall-Ugwaljanza jsir konformi mal-istandards tal-UE, anke fir-rigward tal-ugwaljanza abbażi tas-sess u l-orjentazzjoni sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jwaqqfu l-qtil kontinwu ta' persuni transġeneru, fosthom il-ħaddiema sesswali transġeneru;
31. Jemmen li t-Turkija, b'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha, għandha tgħaddi leġiżlazzjoni li bħala alternattiva għas-servizz militari tinroduċi servizz ċivili u soċjali li bħala tul ma jkunx punittiv u li jkun bbażat fuq għażla libera; jitlob lill-Gvern sabiex jiġura konformità sħiħa mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Dink v. it-Turkija, filwaqt li jemenda l-leġiżlazzjoni sabiex iwaqqaf il-prosekuzzjoni kontinwa tal-objetturi kuxjenzjużi minħabba li jirrifjutaw li jagħmlu s-servizz militari; jitlob lill-Gvern sabiex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' trattament ħażin tal-objetturi kuxjenzjużi li jinsabu taħt arrest militari u jieħu passi sabiex tali abbuż ma jseħħx fil-ġejjieni;
32. Jenfasizza l-importanza li tiġi pprovduta protezzjoni effikaċi għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi tħassib dwar il-kontinwazzjoni tal-każijiet fil-qorti kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-proċess kontra Pinar Selek, li dam għaddej tnax-il sena minkejja tliet deċiżjonijiet biex tinħeles; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib il-każ tagħha, kif ukoll każijiet simili, u tattendi sistematikament proċessi bħal dawn;
33. Iħeġġeġ lill-partiti politiċi ewlenin sabiex isibu soluzzjoni dwar il-projbizzjoni tal-velu fl-universitajiet biex jingħelbu l-effetti polarizzanti tal-kwistjoni fuq is-soċjetà Torka; jinsisti li din is-soluzzjoni għandha tkun ibbażata fuq ir-rispett tal-għażla libera tan-nisa;
34. Itenni bil-qawwa t-talba tiegħu lill-Gvern Tork - peress li s'issa ma sar l-ebda progress, b'segwitu għar-Riżoluzzjoni 1625 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) - sabiex isegwi politiki għall-preservazzjoni tal-karattru bikulturali tal-gżejjer Torok Gokceada (Imvros) u Bozcaada (Tenedos), u b'mod partikulari biex jindirizza l-problemi li ltaqgħu magħhom membri tal-minoranza Griega fir-rigward tad-drittijiet tal-edukazzjoni u tal-proprjetà tagħhom;
It-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u tal-propsperità
35. Ifaħħar r-reżiljenza tal-ekonomija Torka f'dak li għandu x'jaqsam mal-kriżi ekonomika globali; jenfasizza li dan il-qawmien ekonomiku hu opportunità unika għaż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol u r-rati tal-impjiegi, li għadhom baxxi ħafna billi bilkemm jilħqu 50%, u jiġi rrankat proċess ta' inklużjoni soċjali progressiva; jinnota r-responsabbiltà maqsuma tal-Gvern u s-sħab soċjali, u jħeġġiġhom jintensifikaw il-kooperazzjoni sabiex jankraw aktar fis-sod l-ekonomija tas-suq orjentata lejn il-lat soċjali;
36. Iħeġġeġ lill-Gvern Tork u lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE li għandhom oriġini Torka fis-soċjetajiet tal-pajjiżi ġodda li qed jgħixu fihom jikkunsidrawha u jippreżentawha mhux bħala theddida, imma bħala opportunità għall-ġejjieni tas-soċjetajiet tagħna;
37. Jinnota l-interdipendenza tal-ekonomiji tal-UE u tat-Turkija u jinnota l-potenzjal tagħha biex isaħħaħ il-prosperità għat-tnejn li huma, filwaqt li tavvanza l-integrazzjoni tat-Turkija fis-suq tal-UE;
38. Jilqa“ bi pjaċir it-titjib introdott mill-emendi kostituzzjonali fil-qasam tad-djalogu soċjali u d-drittijiet tat-trejdjunjins; iżda, jinsisti li minbarra dan, il-qafas legali, inkluża l-leġiżlazzjoni pendenti rigward trejdjunjins, għandu jiġi adattat b'mod komprensiv biex jiġi konformi mal-istandards tal-ILO u tal-UE; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali biex isaħħu l-impenn u l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jimxu lejn dan il-għan;
39. Itenni l-ħtieġa tat-tisħiħ tal-koeżjoni bejn ir-reġjuni Torok u bejn iż-żoni rurali u urbani; jenfasizza f'dan il-kuntest, ir-rwol partikolari tal-edukazzjoni u l-ħtieġa li jiġu ttrattati d-disparitajiet reġjonali kbar persistenti fejn jidħlu l-kwalità tal-edukazzjoni u r-rati ta' reġistrazzjoni;
40. Jistieden lill-Gvern Tork biex iqis bis-sħiħ il-konsegwenzi ambjentali u ta' sostenibbiltà tal-pjanijiet tiegħu għal infrastruttura ġdida tal-ilma u l-enerġija skont il-proġett tax-Xlokk tal-Anatolja (GAP) li jirriskja li jeqred l-ambjent u l-pajsaġġ uniku ta' bosta reġjuni, u b'mod partikolari l-impatt li dan il-proġett għandu fuq il-pajjiż ġar tal-Iraq; jenfasizza speċjalment il-ħtieġa li jkun żgurat li l-abbozz ta' liġi dwar il-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità jiġi emendat sabiex jinżamm il-wirt kulturali u arkeoloġiku b'konformità sħiħa mal-istandards Ewropej, u biex tiġi allokata r-responsabbiltà b'mod ċar għall-protezzjoni tan-natura fi ħdan l-eżekuttiv; jistieden lill-Gvern sabiex jadotta qafas ta' politika iktar ambizzjuż imsejjes fuq pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi kontra ż-żieda fl-emissjonijiet tal-karbonju;
Il-bini ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien
41. Jitlob lill-Gvern Tork u l-partijiet kollha konċernati biex jappoġġaw b'mod attiv in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-kwistjoni ta' Ċipru u biex jikkontribwixxi f'termini konkreti għal soluzzjoni komprensiva u jistieden lill-Gvern biex jiffaċilita ambjent xieraq għan-negozjati billi jibda jirtira l-forzi tiegħu minn Ċipru minnufih; iħeġġeġ bil-qawwa liż-żewġ komunitajiet f'Ċipru biex jaħdmu b'mod intensiv kif mitlub mis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex ikomplu jaħdmu fuq il-progress li diġà sar fin-negozjati sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli, konformi mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurta tan-NU, u jippromwovu partikolarment ir-Riżoluzzjoni 550 (1984) u mal-prinċipji li fuqhom twaqqfet l-UE, għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ċiprijotti, l-UE u t-Turkija;
42. Iħeġġeġ lit-Turkija biex tintensifika l-appoġġ tagħha għall-Kumitat dwar il-Persuni Neqsin f'Ċipru, partikolarment billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tiegħu għall-arkivji u ż-żoni militari u biex tieħu kull azzjoni xierqa oħra f'konformità mar-riżulati miksuba mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kwistjoni umanitarja ta' persuni li għebu;
43. Jistieden lit-Turkija u lill-awtoritajiet Torok-Ċiprijotti sabiex ma jagħmlux iktar insedjamenti ġodda ta' ċittadini Torok fuq il-gżira peress li dan ikompli jbiddel il-bilanċ demografiku u jnaqqas il-lealtà taċ-ċittadini tagħha lejn stat komuni futur mibni fuq il-bażi tal-imgħoddi komuni tiegħu; jistieden lit-Turkija sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-insedjament ta' ċittadini Torok fuq il-gżira f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-prinċipji tal-Liġi Internazzjonali;
44. Iħeġġeġ liż-żewġ partitjiet, it-Turkija u l-Armenja, biex jirratifikaw mingħajr kundizzjonijiet minn qabel, il-protokolli u biex tinfetaħ il-fruntiera, u jistieden lit-Turkija sabiex tuża l-qawwa reġjonali tagħha biex jissaħħu l-miżuri tat-tisħiħ tal-fiduċja;
45. Jieħu nota tal-isforzi intensifikati bejn it-Turkija u l-Greċja għat-titjib tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom; jiddispjaċih madankollu li l-casus belli ddikjarat mill-Gran Assemblea Nazzjonali Torka kontra l-Greċja għadu ma ġiex irtirat; jistenna li l-Gvern Tork għandu jtemm l-atti ta' vjolazzjonijiet kontinwi tal-ispazju tal-ajru Grieg u t-titjiriet militari fuq il-ġżejjer Ġriegi;
46. Jenfasizza li l-UNCLOS ġiet iffirmata mis-27 Stat Membru, l-UE u l-pajjiżi kandidati l-oħra kollha, u li din hija parti mill-acquis communautaire; għalhekk jistieden lill-Gvern biex jiffirma u jirratifikaha mingħajr aktar dewmien;
47. Japprezza t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Iraq, inkluż il-gvern reġjonali Kurd tiegħu, u jindika partikolarment il-kontribut tat-Turkija għall-istabilizzazzjoni tal-Iraq; iħeġġeġ lit-Turkija biex tartikula mal-Gvern tal-Iraq, u ma' pajjiżi ġirien oħra, miżuri kontra l-impatt negattiv tal-proġett għal diga idroelettrika, li tħabbar mill-Gvern tat-Turkija;
L-avvanzi fil-kooperazzjoni UE-Turkija
48. Jiddeplora n-nuqqas ta' implimentazzjoni mit-Turkija tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija li qed ikompli jaffettwa l-proċess tan-negozjati u jistieden lill-Gvern tat-Turkija sabiex jimplimenta bis-sħiħ il-protokoll;
49. Jieħu nota tal-progress li nkiseb mit-Turkija fil-kapitolu tal-enerġija u jerġa“ jħeġġeġ lill-Kunsill biex jiftaħ in-negozjati dwar dan il-kapitolu mingħajr iktar dewmien; jitlob lill-Gvern Tork biex isaħħaħ l-isforzi fin-negozjati biex jaderixxi mat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija; jilqa” r-ratifika tal-Ftehim Intergovernamentali Nabucco u l-iffirmar tal-memorandum ta' fehim għat-tħaddim tal-pipeline tal-gass naturali ITGI, (Interconnector-Turkey-Greece-Italy) li t-tnejn li huma jirrappreżentaw proġetti importanti għas-sigurtà tal-enerġija fl-UE;
50. Jilqa“ n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-kapitolu dwar is-Sigurtà fl-Ikel, Politika Veterinarja u Fitosanitarja li nfetħu fit-30 ta' Ġunju 2010; iħeġġeġ lit-Turkija biex tlesti l-passi neċessarji għall-għeluq ta' ċerti kapitoli bħal ma huma l-Intrapriża u l-Politika Industrijali u n-Netwerks Trans Ewropej;
51. Jilqa“ l-finalizzazzjoni tan-negozjati dwar il-ftehim ta' riammissjoni UE-Turkija, u jitlob lill-Gvern Tork jiżgura li, sakemm dan il-ftehim jidħol fis-seħħ, il-ftehimiet bilaterali eżistenti għandhom jiġu implimentati bi sħiħ; jenfasizza l-importanza tal-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kontrolli fuq il-fruntieri, ukoll minħabba l-perċentwali ta' immigranti illegali deħlin fit-territorju tal-UE permezz tat-Turkija; jilqa” l-konsultazzjoni mas-soċjeta“ ċivili dwar tliet abbozzi tal-liġi fil-qasam tal-ażil u jħeġġeġ il-Gvern biex iressaq il-liġijiet quddiem il-Parlament mingħajr dewmien; huwa tal-opinjoni li ladarba l-ftehim ta' riammissjoni jidħol fis-seħħ, il-Kunsill għandu jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tkun tista” tibda djalogu dwar il-viżi b'attenzjoni partikolari għall-kundizzjonijiet ta' dħul għal professjonisti u studenti li qegħdin jivvjaġġaw lejn UE;
52. Jieħu nota tal-politika barranija dejjem iktar attiva tat-Turkija mmirata lejn it-tisħiħ tar-rwol tagħha bħala personaġġ reġjonali; ħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika għas-Sigurtà biex tqis din id-dimensjoni bis-sħiħ u jaħdem mat-Turkija għall-koordinazzjoni tal-għanijiet u l-valorizzazzjoni xierqa tal-interessi tal-UE; jistieden lill-Gvern Tork biex jintensifika l-koordinazzjoni tal-politika barranija tiegħu mal-UE; jilqa“, bħala prinċipju, il-politika ta' ”problemi żero“ li tħabbret dan l-aħħar fir-rigward tal-pajjiżi ġirien tat-Turkija, iżda jindika l-bżonn li t-Turkija tħaddan impenn mhux ambigwu għall-valuri u l-interessi komuni Ewropej tagħna; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika għas-Sigurtà biex tintensifika d-djalogu mat-Turkija dwar kwistjonijiet tal-politika barranija fid-dawl tal-fatt li t-Turkija hija ta' ispirazzjoni għal ħafna fid-dinja Għarbija, bħala demokrazija sekulari b'maġġoranza ta' popolazzjoni Musulmana, jinkoraġġixxi bil-qawwa li jsiru sforzi miftiehma biex jirfdu d-demokratizzazzjoni u l-iżvilupp fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq;
53. Jenfasizza l-importanza strateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-UE, jemmen li t-Turkija hija msieħba importanti tal-UE f'dan ir-reġjun u jistieden lit-Turkija biex tappoġġa u tikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-UE fir-reġjun, li tinkludi strateġija tal-UE eventwali għall-Baħar l-Iswed;
54. Iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex tipprevjeni lill-Iran milli takkwista armi nukleari, u jiddeplora l-vota tat-Turkija kontra r-riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; huwa tal-opinjoni li t-Turkija tista“ tikkontribwixxi għad-demokratizzazzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, filwaqt li tikkoordina l-isforzi tagħha mal-UE;
55. Jemmen li t-Turkija għandha jkollha rwol importanti fit-tkattir ta' djalogu fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u fil-kontribut tagħha għall-istabbilizzazzjoni fil-Lebanon u jitlob li t-Turkija ġġedded ir-relazzjonijiet mill-qrib tagħha mal-Iżrael, terġa tibda“ bil-medjazzjoni kostruttiva tagħha u partikolarment tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-Awtorità Palestinjana;
56. Japprezza l-impenn kostruttiv tat-Turkija fl-appoġġ tal-isforzi tas-sħab transatlantiċi fl-Afganistan u l-Balkani; jiddispjaċih madankollu li kooperazzjoni strateġika bejn in-NATO u l-UE li tmur lil hinn mill-arranġamenti “Berlin Plus” tinsab imblukkata minn oġġezzjonijiet tat-Turkija;
57. Jistieden lill-Gvern Tork sabiex jiffirma u jirratifika l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, biex b'hekk iżid il-kontribuzzjoni, kif ukoll l-impenn, tat-Turkija għas-sistema multilaterali globali;
58. Jieħu nota tal-konklużjonijiet u tal-elementi ta' titjib proposti mill-Kummissjoni Ewropea fir-rapport annwali tal-2009 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) sabiex jiġu prijoritizzati l-miri u l-proġetti previsti b'konformità mal-kriterji ta' adeżjoni, kif propost fir-Rapport Speċjali mill-Qorti tal-Awdituri Nru 16/2009. jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ komprensiv tal-implimentazzjoni tal-IPA hekk kif jibdew jitwettqu aktar proġetti;
o o o
59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.