Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma (2010/2276(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 8, 19, 20, 21, 24, 25, 35 u 45,
– wara li kkunsidra l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, primarjament il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali, id-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1992 dwar id-Drittijiet ta' Persuni li jappartjenu lil Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet Ewropej li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, partikolarment il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-każistika relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet relatati tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea, inklużi l-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u tal-moviment liberu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jipprovdi l-bażi legali għall-azzjoni tal-Unjoni jekk l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu kif xieraq mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jittratta dwar id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jipprevedi sanzjonijiet u s-sospensjoni tad-drittijiet f'każ ta' ksur serju tal-liġi tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jobbligaw lill-Unjoni tikkunsidra – bħala rekwiżit orizzontali – il-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jagħti lill-Kunsill is-setgħa li jieħu azzjoni adegwata biex jiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiddefinixxi il-promozzjoni tal-impjieg, kundizzjonijiet aħjar ta' għajxien u ta' impjieg, u protezzjoni soċjali adegwata bħala objettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiddefinixxi l-oqsma li fihom l-Unjoni għandha tappoġġa u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(1)(h) dwar l-integrazzjoni ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol u l-Artikolu 153(1)(j) dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali,
– wara li kkunsidra t-Titolu XVIII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“klawsola tal-flessibilità”), li jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri adegwati biex jintlaħaq wieħed mill-objettivi stabbiliti fit-Trattati,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 8, 16, 18, 20, 21 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1355(1998) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda Kontra l-Esklużjoni Soċjali u t-Tisħiħ tal-Koeżjoni Soċjali fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa, li tagħraf lil-lingwi reġjonali jew minoritarji bħala partijiet integrali tal-wirt kulturali Ewropew, kif ukoll il-Konvenzjoni ta' Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar il-qagħda tar-Roma fl-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-qagħda tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea(2),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008 dwar Strateġija Ewropea għar-Roma(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008 dwar iċ-ċensiment tar-Roma fuq bażi tal-etniċità fl-Italja(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar it-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Roma(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2010 dwar il-qagħda tar-Roma u dwar il-libertà tal-moviment fl-Unjoni Ewropea(8),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data(9),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika(10),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(11),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta“ April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri(12);
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(13),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati(14),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej ta' Diċembru 2007 u ta' Ġunju 2008 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Impjieg, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur fir-rigward tal-inklużjoni tar-Roma, iffirmati fil-Lussemburgu fit-8 ta' Ġunju 2009, b'attenzjoni partikolari lill-Għaxar Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Roma, annessi mal-konklużjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa (COM(2010)0133), il-ħolqien ta' task-force(15) (fis-7 ta' Settembru 2010), l-ewwel riżultati tal-ħidma tat-Task Force(16) u r-rapporti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni bl-isem: “Ir-Roma fl-Ewropa: L-Implimentazzjoni tal-Istrumenti u l-Politiki tal-Unjoni Ewropea għall-Inklużjoni tar-Roma – Rapport dwar il-Progress 2008-2010”(SEC(2010)0400),
– wara li kkunsidra l-Ewwel Samit Ewropew dwar ir-Roma, li sar fi Brussell fis-16 ta' Settembru 2008, u t-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Roma, li sar f'Córdoba fit-8 ta' April 2010,
– wara li kkunsidra r-Rapporti dwar ir-Rom, ir-razziżmu u l-ksenofobija fl-Istati Membri tal-UE fl-2009, ippubblikat mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali(17), u r-rapporti tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Thomas Hammarberg,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet u dikjarazzjonijiet relatati magħmula mill-Kunsill tal-Ewropa, bħall-konklużjonijiet tal-laqgħa ta' livell għoli dwar ir-Roma tal-Kunsill tal-Ewropa (Strasburgu, 20 ta' Ottubru 2010)(18),
– wara li kkunsidra l-proklamazzjoni tal-2005 tad-Deċennju ta' Inklużjoni tar-Roma u tat-twaqqif tal-Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma, minn għadd ta' Stati Membri tal-UE, ta' pajjiżi kandidati għall-UE u ta' pajjiżi oħra fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom preżenza sinifikanti,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumtat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali matul is-77 sessjoni tiegħu (2-27 t'Awwissu 2010),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titlu “Ir-Raba” Rapport tal-ECRI dwar Franza“, ippubblikat fil-15 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-apport tal-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0043/2011),
A. billi parti kbira mill-10 sa 12-il miljun Roma fl-Ewropa – li ħafna minnhom huma ċittadini tal-UE – soffrew minn diskriminazzzjoni sistematika u għalhekk qed jiffaċċjaw livell intollerabbli ta' esklużjoni soċjali, kulturali u ekonomika kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jsofru minn stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni severi fil-ħajja pubblika u privata,
B. billi għadhom jeżistu disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni differenti tal-Unjoni Ewropea u billi proporzjon sinifikanti tal-komunità tar-Roma jgħix f'reġjuni li huma fost l-inqas avvanzati ekonomikament u soċjalment fl-Unjoni,
C. billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fit-Trattati tal-UE, li fosthom hemm il-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni, id-drittijiet speċifiċi li jiddefinixxu ċ-ċittadinanza tal-UE, il-moviment liberu u l-ugwaljanza,
D. billi t-trio tal-UE, fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom fit-tieni samit tar-Roma li sar f'Cordoba bejn it-8-9 ta' April 2010 impenjaw ruħhom li jmexxu “l quddiem l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mar-Roma fil-politiki Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni kontra r-razziżmu, il-faqar u l-esklużjoni soċjali; itejbu t-tfassil tal-pjan direzzjonali tal-Pjattaforma Integrata dwar l-Inklużjoni tar-Roma u jipprijoritizzaw l-objettivi u r-riżultati fundamentali; u jiżguraw li l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Fondi Strutturali, ikunu disponibbli għar-Roma,
E. billi l-esklużjoni tat-tfal Roma mis-sistema tal-edukazzjoni għandha konsegwenzi negattivi fuq id-drittijiet l-oħra tar-Roma, partikolarment id-dritt għax-xogħol u dan jaggrava l-l-emarġinazzjoni tagħhom,
F. billi l-popolazzjonijiet li jixtiequ jżommu t-tradizzjoni tagħhom ta' nomadiżmu ġewwa l-Ewropa huma dawk l-aktar milquta mill-illitteriżmu u billi jeżistu għalhekk ostakli kulturali fil-konfront tal-iskolarizzazzjoni tat-tfal,
G. billi jeħtieġ li lit-tfal Roma jiġuhom garantiti l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-iskolarizzazzjoni tagħhom, inkluża l-ħatra ta' medjaturi skolastiċi,
H. billi l-UE żviluppat sensiela ta' għodda, mekkaniżmi u fondi utli biex trawwem l-inklużjoni tar-Roma, iżda dawn huma mifruxa f'oqsma politiċi, ma ġewx immonitorjati kif suppost, u għalhekk mhux faċli li wieħed ikejjel l-effett u l-benefiċċju tagħhom, li għadu limitat; billi minkejja l-eżistenza ta' bosta mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u istituzzjonijiet, il-problemi u l-isfidi fir-rigward tal-inklużjoni tar-Roma s'issa għadhom ma ġewx trattati kif xieraq u għalhekk l-għażla li ma jsir l-ebda tibdil mhijiex sostenibbli,
I. billi “Deċennju ta' inklużjoni tar-Roma” kien varat fl-2005 biex jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni u jtejjeb is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tar-Roma, u billi l-firmatarji tad-Dikjarazzjoni tad-Deċennju – il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Montenegro, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovakkja u Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja – impenjaw ruħhom li jaħdmu biex jeqirdu għalkollox id-diskriminazzjoni u biex jagħlqu l-lakuni inaċċettabbli li hemm bejn ir-Roma u l-bqija tas-soċjetà,
J. billi l-integrazzjoni vera tar-Roma hija possibbli biss permezz tal-għarfien reċiproku tad-drittijiet u tal-obbligi tal-komunitajiet ikkonċernati,
K. billi f'diversi Stati Membri twettqu ripatrijazzjonijiet u bgħit lura tar-Roma u dawn spiss isiru flimkien mal-istigmatizzazzjoni tar-Roma u ma' diskors politiku b'sentiment ġenerali antiżingaru,
L. billi n-nondiskriminazzjoni – għalkemm hija indispensabbli – mhijiex biżżejjed bħala tweġiba għall-istorja tad-diskriminazzjoni strutturali li qed taffettwa r-Roma u billi huwa għalhekk meħtieġ li l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar l-ugwaljanza jiġu kkumplimentati u rinforzati billi jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi tar-Roma fir-rigward tar-rispett sħiħ, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, l-applikazzjoni sħiħa u mhux diskriminatorja tal-leġiżlazzojni, il-politiki u l-mekkaniżmi biex jiġi mmonitorjat u sanzjonat il-ksur tad-drittijiet tar-Roma, kif ukoll it-twettiq u l-aċċess ugwali tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem speċifiċi fir-rigward tal-impjieg, l-akkomodazzjoni, il-kultura, il-kura tas-saħħa, il-parteċipazzjoni f'affarijiet pubbliċi, it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-moviment ħieles permezz ta' strateġija fil-livell tal-UE,
M. billi l-approċċ ta' politika mhux vinkolanti (soft policy) tal-Metodi Miftuħa ta' Koordinazzjoni li jiddependi fuq il-parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri, mingħajr ebda inċentiv konkret li jwassal għal rendiment effettiv, irriżulta li kien insuffiċjenti biex tiġi promossa l-inklużjoni tar-Roma u din il-limitazzjoni tista“ tkun parzjalment evitata billi l-mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE jintrabtu aktar mill-qrib mal-proċessi tar-reviżjoni minn pari,
N. billi n-nisa minn minoranzi etniċi u speċjalment in-nisa Roma jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni multipla ħafna aktar serja mill-irġiel mill-istess grupp etniku jew nisa mill-maġġoranza, u billi r-rata ta' impjieg tan-nisa Roma hija saħansitra aktar baxxa minn dik tal-irġiel Roma u, mill-banda l-oħra, minħabba r-rwol tagħhom fil-familja, in-nisa jistgħu jkunu l-pedament tal-inklużjoni tal-komunitajiet marġinalizzati,
O. billi jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikulari lill-minorenni u lit-tfal meta tkun qed titfassal strateġija Ewropea għall-integrazzjoni tar-Roma,
P. billi l-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni tar-Roma għandha tindirizza l-forom kollha ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tar-Roma – inklużi d-diskriminazzjoni, is-segregazzjoni, id-diskors tal-mibegħda, il-“profiling” etniku u t-teħid tal-marki tas-swaba“, kif ukoll l-iżgrumbrament u t-tkeċċija mhux legali – billi jiġu żgurati t-transpożizzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni aktar b'saħħitha tad-direttivi u l-liġi tal-UE relatati kollha,
Q. billi l-istigmatizzazzjoni dejjem tikber tar-Roma u s-sentiment antiżingaru fid-diskors politiku u fost il-pubbliku ġenerali huma raġunijiet għal tħassib, billi r-ripatrijazzjonijiet u l-bgħit lura diskutibbli tar-Roma li seħħew f'diversi Stati Membri ħolqu biża“ u ansjetà fost il-popolazzjoni Roma kif ukoll wasslu għal livelli preokkupanti ta' razziżmu u diskriminazzjoni,
R. billi ċ-ċansijiet li r-Roma jkollhom aċċess għall-istess drittijiet u obbligi bħala ċittadini ta' Stat Membru jiddependu ħafna fuq li huma jingħataw dokumentazzjoni legali ta' ċittadinanza,
S. billi l-aċċess tal-poplu Roma għal edukazzjoni u għal taħriġ professjonali ta' kwalità għolja, il-kondiviżjoni u l-fehim tal-kultura u tal-valuri tagħhom u tal-wirt kulturali tagħhom, il-parteċipazzjoni tagħhom fl-assoċjazzjonijiet u r-rappreżentanza aħjar tagħhom huma elementi essenzjali ta' approċċ olistiku għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà;
T. billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja jinfluwenzaw il-ħajja ġejjiena ta' kull individwu kemm fuq livell personali kif ukoll fuq dak professjonali u fil-parteċipazzjoni tiegħu jew tagħha fis-soċjetà, u għalhekk huwa essenzjali li jkun żgurat li l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-edukazzjoni u għat-taħriġ ikunu ndaqs għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip, u billi l-inklużjoni tad-diversità kulturali u ta' azzjoni biex jiġu miġġielda l-istereotipi fil-kurrikula skolastiċi minn età ċkejkna ħafna hija għodda importanti għall-integrazzjoni tar-Roma u għall-fehim reċiproku,
U. billi fid-19 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni ħabbret li f'April 2011 se jiġi ppreżentat Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali dwar ir-Roma(19),
1. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi u lill-Kunsill jadotta Strateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni tar-Roma (minn hawn “l isfel: ”l-Istrateġija“) bħala pjan ta' azzjoni mal-UE kollha, indikattiv, inklużiv u fuq ħafna livelli, li jkun ippreparat u implimentat fil-livelli politiċi u amministrattivi kollha u li jista” jevolvi kif ikun hemm bżonn, li jinbena fuq il-valuri fundamentali tal-ugwaljanza, l-aċċess għad-drittijiet, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi u li huwa bbażat fuq il-kompiti, l-objettivi, il-prinċipji u l-istrumenti definiti fit-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif imsemmija hawn fuq, kif ukoll fil-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE u barra minn hekk ibbażat fuq il-kompetenzi maqsuma, kif ukoll fuq l-azzjonijiet ta' appoġġ, ta' koordinazzjoni u kumplimentari tal-Unjoni;
2. Jirrikonoxxi li r-Roma għadhom vittmi ta' diskriminazzjoni persistenti f'ħafna Stati Membri u li s-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali li wasslet għat-telf tal-impjiegi; jenfasizza li l-inklużjoni tal-popolazzjoni tar-Roma hija r-responsabilità kemm tal-Istati Membri kollha kif ukoll tal-Istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jikkoperaw bis-sħiħ mal-UE u mar-rappreżentanti tal-popolazzjoni Roma fit-tfassil ta' politiki integrati, fejn jintużaw ir-riżorsi finanzjarji tal-UE disponibbli taħt il-fondi tal-UE, u b'mod partikolari taħt il-FEŻR, il-FSE u l-FAEŻR, biex tiġi promossa l-inklużjoni tar-Roma fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari għat-talbiet ta' assistenza teknika bl-għan li titjieb l-effettività tal-istrumenti kollha disponibbli għall-integrazzjoni tal-komunitajiet Roma;
3. Ifakkar li l-programmi u l-finanzjament Ewropej huma disponibbli u jistgħu jintużaw għall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u l-impjieg tal-popolazzjoni tar-Roma iżda li l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u l-gruppi fil-mira potenzjali ta' dawn il-programmi mhumiex infurmati biżżejjed dwarhom; barra minn hekk, iħeġġeġ l-użu tal-fondi eżistenti tal-UE għall-bini ta' djar ġodda jew għar-rinovazzjoni ta' dawk li jeżistu, għat-titjib tal-infrastruttura tal-inġinerija, tas-servizzi lokali, tas-sistemi ta' komunikazzjoni, tal-edukazzjoni, u ta' miżuri għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, eċċ.;
4. Jistieden lill-Kummissjoni:
(a)
tadotta oqsma prijoritarji għall-Istrateġija, l-ewwel u qabel kollox:
–
id-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari n-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u l-moviment ħieles,
–
l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ta' matul il-ħajja,
–
il-kultura,
–
l-impjiegi,
–
id-djar, inkluż ambjent tajjeb għas-saħħa u infrastruttura adegwata,
–
il-kura tas-saħħa, u t-titjib tas-sitwazzjoni tas-saħħa tar-Roma, u
–
il-partecipazzjoni politika u ċivili tas-soċjetà ċivili tar-Roma, inklużi taż-żgħażagħ Roma;
(b)
tippreżenta fl-Istrateġija pjan direzzjonali biex, fil-livell tal-UE, jiddaħħlu standards minimi li jorbtu għall-oqsma prijoritarji dwar l-edukazzjoni, l-impjieg, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa;
(c)
tiddefinixxi l-objettivi tal-Istrateġija b'rabta mal-oqsma prijoritarji, l-ewwel u qabel kollox:
–
l-adozzjoni u t-tisħiħ ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u miżuri biex ikun hemm protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluża diskriminazzjoni multipla, u biex jiġu garantiti, protetti u promossi d-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-dritt għal moviment ħieles, inklużi azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni mmirati kemm għar-Roma kif ukoll għal dawk li mhumiex, sabiex jiġu eliminati l-ostakli diskriminatorji,
–
il-ġlieda kontra s-sentiment antiżingaru, il-preġudizzji, l-isterjotipi, ir-razziżmu u l-ksenofobija, l-istigmatizzazzjoni u d-diskors ta' mibgħeda kontra r-Roma, b'mod partikolari billi tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni relevanti u l-impożizzjoni ta' kastigi xierqa għal reati mmotivati mir-razziżmu,
–
il-garanzija li l-midja ma xxerridx il-preġudizzju kontra l-komunità Roma u li hija tippromwovi immaġni pożittiva tad-diversità, kif ukoll tippermetti li jkun hemm parteċipazzjoni aktar proporzjonata tar-Roma fil-midja,
–
il-prevenzjoni ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-vittmi, filwaqt li jiġi żgurat li jingħatawlhom għajnuna legali u rimedji legali effettivi, b'attenzjoni partikulari għas-sitwazzjoni tat-tfal u n-nisa Roma li sikwit iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni multipla,
–
l-introduzzjoni ta' miżuri preventivi kontra t-traffikar tal-persuni, li fih hemm rati għolja ta' vittmi Roma,
–
it-taħriġ għall-persuni involuti fil-livelli kollha tas-servizzi ta' amministrazzjoni, tal-ġustizzja u tal-pulizija dwar prattiki non-diskriminatorji,
–
it-twaqqif ta' djalogu bejn l-awtoritajiet lokali, l-entitajiet ġudizzjarji, il-pulizija u l-komunità Roma sabiex tiġi abolita d-diskriminazzjoni fil-qasam ġudizzjarju, tissaħħaħ il-fiduċja u jiġi miġġieled il-profiling etniku,
–
jiġi żgurat li jkun hemm aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd,
–
l-għoti ta' aċċess indaqs għat-taħriġ vokazzjonali għall-adulti u aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja,
–
jiġi żgurat aċċess ugwali għas-servizzi soċjali u għall-infrastruttura tal-kura bażika, bħal ma huma l-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani,
–
it-tneħħija tas-segregazzjoni fl-iskejjel u l-klassijiet, anki billi jinħoloq ambjent inklużiv fl-iskejjel u bl-impjieg ta' medjaturi Roma fl-iskejjel,
–
l-għoti ta' aċċess indaqs għall-preparazzjoni adegwata għall-kompetittività fis-suq tal-impjiegi,
–
l-għoti ta' aċċess indaqs għall-edukazzjoni tat-tfal f'età żgħira,
–
tiġi ggarantita l-edukazzjoni tal-bniet,
–
tingħata edukazzjoni interkulturali,
–
jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn il-familji u l-iskejjel, partikolarment permezz ta' medjaturi,
–
jiżdied l-għadd ta' għalliema Roma u jiġi żgurat il-ħarsien tal-lingwa u tal-identità għat-tfal Roma billi tingħata edukazzjoni fil-lingwa tagħhom stess,
–
l-introduzzjoni ta' miżuri li jipprevjenu li l-istudent iħalli l-iskola bikri jew li ma jirnexxix fl-iskola,
–
miżuri sabiex it-tfal li jkunu ħarġu mis-sistema tal-iskola jerġgħu jiddaħħlu lura l-iskola, bħall-ħolqien ta' programmi li jagħtu ċans ieħor,
–
l-għoti ta' aċċess ugwali għal edukazzjoni sekondarja u ogħla ta' kwalità u programmi ta' boroż ta' studju,
–
il-ġlieda kontra r-rappreżentanza żejda tar-Roma fl-iskejjel speċjali,
–
il-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal, u għat-tnaqqis tas-separazzjoni tat-tfal mill-familji tagħhom u l-prevenzjoni li t-tfal jitqiegħdu f'foster homes u f'kura speċjali minħabba l-faqar,
–
jiġi żgurat aċċess effettiv għas-suq tax-xogħol u l-iżvilupp, kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni, ta' mikrokrediti għall-intraprenditorija u għall-impjieg tal-persuni għal rashom,
–
jiġi żgurat aċċess ugwali għal djar li wieħed jista“ jaffordja u sikuri u titneħħa s-segregazzjoni territorjali,
–
jiġi garantit id-dritt għal indirizz irreġistrat, inkluża l-possibilità li ssir reġistrazzjoni permezz ta' organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, u jiġu ggarantiti reġistri tat-twelid, taż-żwieġ u tal-mewt kompluti u aġġornati għaċ-ċittadini kollha tar-Roma, kif ukoll tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fil-ħruġ ta' dokumenti amministrattivi,
–
jiġu miġġielda l-inugwaljanzi fis-saħħa billi jingħata aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa ta' kwalità u għall-promozzjoni tas-saħħa biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi tas-saħħa b'enfasi speċjali fuq il-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli inklużi n-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità,
–
it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili tar-Roma, inkluż permezz ta' politika li tibni l-kapaċità u billi tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll billi titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ċivili u politika tal-poplu tar-Roma,
–
it-tisħiħ ta' ċittadinanza attiva, li tinvolvi r-Roma fl-isferi kollha tal-ħajja pubblika u politika u ssaħħaħ ir-rappreżentanza tagħhom fl-istituzzjonijiet u korpi eletti fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE,
–
l-introduzzjoni ta' dimensjoni tat-tkabbir u tal-viċinat tal-Istrateġija, billi jinħtieġ it-titjib tas-sitwazzjoni tar-Roma fil-pajjiżi li se jissieħbu u dawk kandidati kif ukoll kandidati potenzjali u dawk il-pajjiżi involuti fil-Politika Ewropea tal-Viċinat; barra minn hekk tingħata prijorità lill-evalwazzjoni tal-progress f'dan il-qasam fir-Rapporti ta' Progress annwali kif ukoll fil-Valutazzjonijiet tal-Pajjiżi Ġirien tal-UE,
–
jiġi żgurat ir-rispett għall-kultura u l-preservazzjoni tal-kultura,
–
tiġi żgurata l-inklużjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tan-nisa Roma, waqt li jiġu involuti fl-iżvilupp tal-politiki; it-twaqqif tal-prattika taż-żwiġijiet tat-tfal;
–
it-twaqqif tar-ritorn tar-Roma f'pajjiżi fejn jistgħu jkunu suġġetti għal tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti;
5. Jenfasizza li programmi kumplessi u programmi adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-komunitajiet tar-Roma li jgħixu f'ċirkostanzi differenti huma kruċjali, u li f'dan il-kumtest hemm il-ħtieġa li r-Roma jingħataw aċċess għal servizzi personalizzati fuq il-post;
6. Ifakkar li l-appoġġ ta' dħul adegwat, is-swieq tax-xogħol inklużivi u l-aċċess għal servizzi ta' kwalità huma pilastru bażiċi tal-istrateġija tal-inklużjoni attiva ppreżentata fir-Rakkomandazzjoni 2008/867/KE;
7. Jenfasizza li l-għajnuna soċjali, l-akkomodazzjoni u l-ilbies diċenti, programmi ta' żvilupp bikri aċċessibbli u ta' kwalità għolja u edukazzjoni mhux segregata ta' kwalità għolja bi klima inklussiva u b'rieda li jiġu involuti l-ġenituri huma essenzjali biex jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs, il-possibilità ta' parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni fil-ġejjieni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-iskartar u t-tluq bikri mill-iskola, u li jiġu pprovduti għotjiet u appoġġ finanzjarju; isostni li l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' taħriġ u l-għajnuna fl-impjiegi offruti lill-adulti huma kruċjali biex jiġi sostnut ir-reklutaġġ u l-impjegar kontinwu tar-Roma bil-għan li tiġi evitata r-riproduzzjoni tal-esklużjoni soċjali;
8. Iħeġġeġ li l-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni għandha tibda fit-tfulija bikrija, sabiex malli tarbija titwieled tiddaħħal fir-reġistru tal-popolazzjoni b'mod li n-nazzjonalità tagħha tiġi rikonoxxuta u tidħol fl-isfera tas-servizzi soċjali kollha; jikkunsidra b'mod partikolari li t-tfal Roma għandhom jingħataw garanzija ta' servizzi ta' edukazzjoni bikrija ta' kwalità għolja u li għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex l-edukazzjoni tagħhom tiġi appoġġjata;
9. Ifakkar dwar l-isfidi li jiffaċċjaw ir-Roma, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, f'dawk li huma faqar estrem, diskriminazzjoni u esklużjoni, li jirriżultaw f'nuqqas ta' aċċess għal livelli għolja ta' edukazzjoni, għall-impjiegi u għas-servizzi soċjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-bżonnijiet partikolari tan-nisa u tal-bniet Roma billi japplikaw perspettiva tas-sessi fil-politiki kollha għall-inklużjoni tar-Roma, u jipprovdu protezzjoni għas-sottogruppi li huma partikolarment vulnerabbli;
10. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni konkreta biex jgħarrfu liċ-ċittadini tagħhom bis-sitwazzjoni storika u attwali tar-Roma billi jużaw, fost affarijiet oħra, ir-rapporti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bħala għajn ta' materjal għal dan il-għan;
11. Jenfasizza li l-Istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma għandha tinkludi wkoll miżuri biex jiġi żgurat li jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni tar-Roma fir-rigward tar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali tagħhom, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni libera fl-UE;
12. Jisħaq li l-aċċess tal-poplu Roma għal edukazzjoni u għal taħriġ professjonali ta' kwalità, il-kondiviżjoni u l-fehim tal-kultura u tal-valuri tagħhom u tal-wirt kulturali tagħhom, il-parteċipazzjoni tagħhom fl-assoċjazzjonijiet u r-rappreżentanza aħjar għall-komunità tagħhom huma elementi essenzjali ta' approċċ olistiku għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà;
13. Jenfasizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità jinfluwenzaw il-ħajja personali u professjonali tal-futur ta' individwu, u għaldaqstant huwa essenzjali li jiġi garantit aċċess ekwu għal sistemi effikaċi tal-edukazzjoni u taħriġ, mingħajr ebda diskriminazzjoni jew segregazzjoni ta' kwalunkwe tip;
14. Jenfasizza l-importanza li wieħed jaċċetta l-Istrateġija u jissorvelja l-implimentazzjoni tagħha b'mod trasparenti bir-responsabilità ewlenija li taqa“ f'idejn ministri maħtura b'mod demokratiku fi ħdan il-Kunsill, u jenfasizza li l-Istrateġija m'għandha bl-ebda mod ikollha effett li taqsam għall-UE, li joħloq diverġenzi bejn l-Istati Membri, imma bil-maqlub għandha tikkontribbwixxi għar-rinfurzar tal-integrazzjoni tal-komunità;
15. Jenfasizza l-importanza tal-użu xieraq tal-fondi allokati lill-Istati Membri individwali fis-setturi ta' prijorità previsti f'din l-Istrateġija;
16. Jenfasizza l-ħtieġa li l-objettivi tal-Istrateġija jkunu suġġetti għal kontrolli u kejl fir-rigward tal-grad ta' suċċess sabiex ikunu introdotti kriterji li jippremjaw l-Istati Membri konformi u penali għal nuqqas ta' konformità;
17. Jistieden lill-Kummissjoni:
–
tieħu rwol minn ta' quddiem fil-koordinazzjoni strateġika fir-rigward tal-progress fl-oqsma prijoritarji u l-ilħuq tal-objettivi b'rabta mal-Istrateġija, flimkien mal-Istati Membri u bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,
–
tistabbilixxi “task force” bħala entità permanenti li tieħu r-responsabilità għas-superviżjoni, il-koordinazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar, l-evalwazzjoni, l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni, l-integrazzjoni u s-segwitu, u b'hekk jiġi ssodisfatt il-bżonn ta' entità indipendenti u multisettorjali li sservi bħala “faċilitatur estern” li jista“ jivvaluta u jibbilanċja l-bosta interessi nazzjonali u settorjali b'mod li jkun aċċettabbli għal kulħadd,
–
tirrevedi u taġġorna l-Istrateġija kif ikun xieraq fuq bażi regolari, u tfittex l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-tibdil magħmul,
–
tqis l-oqsma prijoritarji u l-objettivi tal-Istrateġija fl-inizjattivi politiċi kollha rilevanti tagħha u fl-ippjanar tal-programmazzjoni fil-livell tal-UE,
–
tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u l-progress tal-Istrateġija u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, b'evalwazzjoni tar-riżultati, inklużi l-punti ta' referenza u l-indikaturi, u żżomm lill-Kunsill u lill-Parlament infurmati fuq bażi annwali, filwaqt li tqis li l-effikaċja tal-politika u l-evalwazzjoni ex-post għandhom isiru kriterji għall-provvediment ta' appoġġ għal tul ta' żmien,
–
tiżgura l-ġbir u t-tixrid ta' dejta statistika neċessarja u biex jiġu żgurati l-konsolidazzjoni u t-tisħiħ ta' prattiki tajbin żviluppati lokalment,
–
tivvalida l-konformità tal-pjanijiet nazzjonali mal-istrateġija tal-UE,
–
tibdel il-qafas regolatorju tat-transfinanzjament, tnaqqas il-piżijiet burokratiċi, tissimplifika u taċċellera l-proċeduri għall-fondi tal-UE, u tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jintroduċu proċeduri sempliċi u normattivi ta' finanzjament u jutilizzaw l-Għotjiet Globali,
–
iddaħħal gradwalment garanziji istituzzjonali obbligatorji sabiex il-miżuri ta' nondiskriminazzjoni u ta' kontra s-segregazzjoni jiġu integrati b'mod ġenerali filwaqt li jitqiesu d-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE, kif ukoll sabiex tali miżuri jiġu mmonitorjati u tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni,
–
tiżgura l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha u fl-istadji kollha u l-komunitajiet Roma mil-livelli kollha permezz tal-Pjattaforma Ewropea għar-Roma, u taħdem id f'id mal-istituzzjonijiet l-oħra, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-istituzzjonijiet internazzjonali ta' finanzjament, il-korpi ta' pprogrammar transnazzjonali u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-inizjattivi intergovernattivi, billi jiġi nnotat li huwa meħtieġ titjib fil-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-atturi u n-netwerks tal-politika kkonċernati sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni u jkunu mtejba l-effetti li jsaħħu lil xulxin tal-azzjonijiet tal-politika fil-qasam u biex ikunu eliminati r-riskji li l-politiki jikkoinċidu u jkun hemm kunflitt fil-politiki sforz tal-proliferazzjoni tan-netwerks tal-partijiet interessati;
18. Ifakkar li l-Kummissjoni għandha responsabilità speċjali li tippromwovi Strateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma, imma li din l-istrateġija trid tiġi implimentata fil-livell lokali;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmobilizzaw l-istrateġiji u l-istrumenti eżistenti tal-UE bil-ħsieb li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjoekonomika tar-Roma, jippjanaw u jimplimentaw il-politiki rilevanti kollha billi jikkunsidraw, fejn xieraq, il-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Roma;
20. Jikkunsidra li kollaborazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-mexxejja tar-Roma, l-awtoritajiet lokali u l-organi tal-UE hija kruċjali biex jiġu determinati l-isfidi u s-soluzzjonijiet ewlenin li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw fir-rigward tal-inklużjoni soċjoekonomika għall-popolazzjoni tar-Roma;
21. Jistieden lill-Istati Membri jikkonferixxu lill-organi tat-teħid tad-deċiżjonijiet is-setgħat meħtieġa biex jiżguraw finanzjament tal-UE kumpless u orjentat lejn l-iżvilupp li jsostni inizjattivi lokali tajba u jwieġeb għad-diversi bżonnijiet lokali tal-poplu Roma; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati u skambjati prattiki tajba fir-rigward tal-integrazzjoni tar-Roma u li tiżdied il-viżibilità tal-istejjer ta' suċċess; jitlob ukoll li tiġi żviluppata l-kapaċità istituzzjonali biex tipprovdi l-għajnuna meħtieġa (għajnuna amministrattiva u ta' mmaniġġjar ta' proġetti) fil-livell lokali;
22. Iqis li l-azzjoni u r-responsabilità miftiehma għandhom ikomplu jittieħdu matul il-proċess kollu kemm mill-organizzazzjonijiet Roma u kemm minn dawk li mhumiex Roma, mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u l-organi tal-UE billi jinbnu fuq l-aħjar prattiki, fuq il-bażijiet vasti ta' għarfien eżistenti li ġew ikkompilati mill-Istati Membri u fuq l-esperjenzi tal-ewwel perjodu tad-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma; jenfasizza kemm hu importanti li jiġu organizzati l-kampanji ta' għarfien b'mod partikolari għar-reġjuni li fihom komunitajiet kbar ta' Roma;
23. Iqis li l-inklużjoni soċjali tar-Roma mhijiex possibbli mingħajr il-ħolqien u t-tisħiħ tar-rappreżentanza tal-interess tagħhom, inkluż fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, u l-attivitajiet ċivili tagħhom permezz tal-NGOs fil-livell nazzjonali u Ewropew;
24. Jirrakkomanda bil-qawwa lill-organi tal-UE jiżguraw involviment akbar tal-livell nazzjonali fil-konsultazzjonijiet u fil-mekkaniżmu tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex tintlaħaq strateġija futura li tista“ tkun ta' ġid għall-partijiet kollha involuti; jiġbed ukoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri lejn il-fatt li jeħtieġ li jiġu ppjanati, żviluppati, implimentati u evalwati politiki tal-inklużjoni tar-Roma f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, ma' gruppi tal-popolazzjoni kemm Roma kif ukoll mhux Roma, rappre'entanti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u mal-Kumitat tar-Reġjuni u organizzazzjonijiet internazzjonali bil-għan li tittejjeb l-aċċettazzjoni u l-effikaċja tal-politiki;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u xxerred l-informazzjoni dwar l-esperjenza miksuba u l-azzjoni meħuda fid-diversi Stati Membri, partikolarment fil-qasam edukattiv u kulturali;
26. Jitlob biex jingħataw pariri aqwa lill-organizzaturi ta' proġetti li jkunu eliġibbli għall-finanzjament Ewropew għall-integrazzjoni tal-popolazzjoni tar-Roma, billi jinħolqu pjattaformi għall-informazzjoni, l-analiżi u l-iskambji ta' prattika tajba;
27. Isostni li parti mis-soluzzjoni tinsab fl-impenn sħiħ tal-Istati Membri sabiex jipprovdu appoġġ effettiv lill-organizzaturi tal-proġetti u li l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, għandhom ir-rwol li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet lokali jagħżlu proġetti biex jintegraw il-popolazzjoni tar-Roma;
28. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji li jnaqqsu l-faqar bejn is-setturi li jagħtu każ il-kwistjoni ta' sikwit sensittiva tal-koeżistenza tal-komunità tar-Roma u l-maġġoranza tal-komunità, li huma t-tnejn affettwati min-nuqqas ta' impjiegi, faqar u marġinalizzazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' miżuri ta' inċentiva li permezz ta' benefiċċji viżibbli jinkoraġġixxu lill-fqar biex jidħlu fis-suq tax-xogħol minflok li jgħixu bil-benefiċċji soċjali u forsi b'xogħol fis-suq illegali; jenfasizza, li huma tal-ikbar importanza l-programmi li jippromwovu fehim u tolleranza reċiproċi lejn xulxin;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora d-dimensjoni tat-tkabbir fl-Istrateġija billi tiżviluppa proġetti pilota fil-pajjiżi kandidati u fil-kandidati potenzjali, li jiggarantixxu l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali skont l-Istrateġija tal-UE;
30. Jistieden lill-Istati Membri jaħtru uffiċjal għoli tal-gvern jew korp amministrattiv biex jaġixxi bħala punt ta' kuntatt nazzjonali għall-implimentazzjoni trasparenti u effiċjenti tal-Istrateġija, b'setgħat eżekuttivi u responsabbli għall-implimentazzjoni, il-koordinazzjoni, il-monitoraġġ, l-integrazzjoni u l-infurzar tal-Istrateġija fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali billi jiġu żgurati l-burokrazija minima u l-immaniġġjar u l-kontroll effiċjenti tal-fondi kif ukoll trasparenza tar-rappurtar;
31. Jistieden lill-ministeri nazzjonali tal-edukazzjoni u lill-Kummissjoni jistabbilixxu boroż ta' studju innovattivi u flessibbli biex jikkultivaw it-talenti u biex jiżdied is-sostenn għall-għotjiet u għall-programmi attwali;
32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw il-komponenti miżjuda u dettaljati tal-iIndikaturi ta' Laeken“ meta jkunu qed ikejlu l-esklużjoni soċjali u territorjali, kif ukoll li jevalwaw il-progress; jenfasizza fl-istess waqt li d-diviżjonijiet orizzontali tal-”Indikaturi ta' Laeken“ għandhom jiġu estiżi wkoll għall-iċken unitajiet statistiċi u amministrattivi (LAU 1 u LAU 2); barra minn hekk jirrimarka li l-indikaturi ta' Laeken jistgħu jiżdiedu ma' indikaturi futuri fil-politika ta' koeżjoni, speċjalment rigward id-dimensjoni soċjali;
33. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkumplimenta l-indikaturi b'sistema ta' objettivi u limiti biex ikollhom impenn politiku reali għall-progress; barra minn hekk jisħaq fuq il-bżonn urġenti għal progress fil-ġbir ta' data mhux aggregrata biex il-progress ikun jista“ jitkejjel favur il-miri/limiti/indikaturi u biex jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza kif ukoll jiżdiedu l-effettività u l-evalwazzjoni;
34. Jitlob b'mod urgenti għall-iżvilupp – bil-għajnuna tal-aħjar prattiki – ta' punti ta' riferiment, indikaturi, monitoraġġ indipendenti u mekkaniżmi ta' valutazzjoni tal-impatt sabiex jappoġġaw u jevalwaw l-effiċjenza u r-riżultati tanġibbli tal-programmi aktar milli sempliċement jiġi vverifikat li l-proġetti li qed jirċievu l-fondi qegħdin ta' bilħaqq jissodisfaw il-formalitajiet proċedurali, u jitlob għal monitoraġġ effikaċi tal-użu tal-fondi ħalli r-riżorsi finanzjarji ġenwinament jispiċċaw itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi tar-Roma;
35. Jikkunsidra li l-kooperazzjoni strutturata tal-Istati Membri fil-metodi miftuħa ta' koordinazzjoni eżistenti fl-oqsma tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali hija ta' importanza vitali biex l-inklużjoni sħiħa tar-Roma timxi “l quddiem u jitlob lill-Kummissjoni torganizza skambji ta' prattiki tajba u ta' esperjenzi bejn l-Istati Membri u l-partijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-Roma;
36. Jitlob – fl-interess li jiġi żgurat li fondi b'oġġettivi ddikjarati u speċifikati b'mod preċiż effettivament jilħqu lir-Roma li jinsabu fil-bżonn u jġibu avvanzi dewwiema fil-ħajja tagħhom – għal impenn ġenwin min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għal aktar programmi sostenibbli, flessibbli u kumplessi li jkunu orjentati lejn miri partikolari u lejn l-iżvilupp u li jkunu jkopru żmien itwal u jkollhom relevanza territorjali akbar, filwaqt li jiffukaw fuq il-mikroreġjuni l-aktar żvantaġġjati fil-kuntest ġeografiku, soċjoekonomiku u kulturali tagħhom, filwaqt ukoll li jindirizzaw il-problema tal-faqar suburban u rurali u tal-kwartieri segregati tar-Roma, u jagħmlu enfasi speċjali fuq it-titjib tal-akkomodazzjoni inferjuri (li tkun nieqsa, pereżempju, mill-ilma tax-xorb, it-tisħin, l-elettriċità u l-kundizzjonijiet tajba għall-iġjene) u fuq il-forniment ta' għajnuna ulterjuri lill-familji biex tiġi sostnuta s-sitwazzjoni mtejba tal-akkomodazzjoni tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni timmonitorja l-eżiti tal-proġetti wara li l-finanzjament tagħhom ikun ġie eżawrit;
37. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-opportunitajiet ekonomiċi tar-Roma inkluża l-promozzjoni tal-faċilità tal-mikrokreditu fost l-intraprendituri; jistieden lill-Istati Membri jibnu fuq l-esperjenza ta' proġetti li kienu suċċess, pereżempju fejn impriżi mhux iddikjarati ġew mibdula f'attivitajiet ekonomiċi legali bil-għajnuna ta' esperti;
38. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfasslu politiki ċari għall-inklużjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol, u joħolqu u jadottaw miżuri biex jiġu miġġielda l-effetti negattivi li ġġib magħha d-dipendenza mis-sistema tas-sigurtà soċjali fit-tul;
39. Jagħraf il-fatt li l-biċċa l-kbira tar-Roma huma impjegati f'xogħlijiet mhux iddikjarati, u, minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jikkumbattu b'mod effikaċi dan il-fenomenu;
40. Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jinvolvu atturi pubbliċi bħalma huma l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-mikrokumpaniji fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' inklużjoni għall-popolazzjoni Roma fir-rigward tal-impjegabilità;
41. Jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu jwettqu l-SMEs u l-mikrokumpaniji fl-integrazzjoni tar-Roma u jesprimi ruħu favur li jsiru miżuri biex jiġu ppremjati dawk li jikkontribwixxu biex jinkiseb dan il-għan;
42. Jemmen li prospettivi aħjar għall-popolazzjoni Roma, partikolarment fid-dawl tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, jistgħu jkunu garantiti permezz ta' żieda fl-investiment min-naħa tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ – b'attenzjoni partikolari fuq it-teknoloġiji l-ġodda u l-internet – bl-inklużjoni ta' miżuri approvati mill-komunità xjentifika internazzjonali, fondazzjonijiet u NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-inklużjoni soċjali f'livell reġjonali u lokali;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal mappa Ewropea ta' kriżi, li tidentifika, tkejjel u tissorvelja dawk il-mikroreġjuni fi ħdan l-UE fejn l-abitanti jkunu ntlaqtu l-iżjed mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali tal-inqas fuq il-bażi tal-elementi li ġejjin:
–
l-aċċessibilità tal-postijiet tax-xogħol,
–
id-distanza miċ-ċentri tal-bliet jew konċentrazzjoni żejda problematika qrib iċ-ċentri tal-bliet,
–
ir-rata għolja ta' qgħad,
–
is-servizzi pubbliċi inadegwati,
–
il-kundizzjonijiet ambjentali inadegwati,
–
in-nuqqas ta' kumpaniji fil-viċinanzi,
–
in-nuqqas ta' infrastruttura adegwata,
–
id-dħul baxx,
–
il-livell baxx ta' edukazzjoni,
–
il-livell baxx ta' riżorsi umani,
–
l-infrastruttura tat-trasport ta' livell baxx jew għalja,
is-sitwazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, diskriminazzjoni, żgumbramenti, tkeċċijiet, razziżmu, il-popolazzjoni Roma fil-mira tal-awtoritajiet lokali jew reġjonali jew ta' partijiet terzi;
44. Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom biex jipprovdu data rigward is-sitwazzjoni soċjoekonomika tar-Roma (prinċipalment rigward l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-impjiegi tagħhom) u jistieden lill-organizzazzjonijiet internazzjonali (eż. l-ILO u l-OECD) jelaboraw fuq dawn il-kwistjonijiet bħala parti mis-stħarriġiet ġenerali tagħhom, u jgħinu biex jiġu stabbiliti miri speċifiċi rigward, pereżempju, il-persentaġġ mill-komunità tar-Roma li jkomplu l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, li jkunu impjegati fl-amministrazzjoni pubblika u li jkunu rappreżentati f'setturi differenti tal-ħajja soċjali u politika, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tgħin biex tiġi stabbilita strateġija ċara u vijabbli tal-UE rigward l-inklużjoni tar-Roma bil-għajnuna ta' din id-data;
45. Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex iġġib appoġġ speċifiku, inkluż appoġġ finanzjarju, lil dawn il-mikroreġjuni u tiżviluppa direttament proġetti pilota li jinkludu l-parteċipazzjoni ta' medjaturi skont il-programm tal-Kunsill tal-Ewropa u segwitu speċifiku tal-evoluzzjoni tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija;
46. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fl-Istrateġija, tinkoraġġixxi lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet rilevanti internazzjonali u Ewropej, lill-NGOs, lill-komunitajiet tar-Roma, lil partijiet interessati oħra u lill-pubbliku biex jużaw it-termini “Roma” / “Roma u Sinti” fir-referenzi kollha għal din il-minoranza;
47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jallokaw finanzjament iddedikat fil-politika ta' koeżjoni fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali espliċitament b'appoġġ għall-Istrateġija billi tinħoloq riżerva ta' prestazzjoni għall-Istrateġija tal-UE dwar ir-Roma;
48. Hu tal-fehma li r-rati ta' assorbiment attwali tal-fondi tal-UE huma baxxi wisq; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tanalizza r-raġunijiet għal dan il-fenomenu u telabora approċċ aktar effiċjenti lejn il-monitoraġġ tal-assorbiment tal-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk il-fondi li huma maħsuba speċifikament għall-gruppi emarġinati; fuq kollox, jitlob b'mod urġenti li tinġabar id-dejta – bil-kunsiderazzjoni dovuta għad-direttivi tal-protezzjoni tad-dejta – dwar l-effikaċja tal-fondi tal-UE, bil-għan li jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza;
49. Isostni li l-esklużjoni soċjali li taffettwa lir-Roma għandha dimensjoni territorjali verament qawwija ta' faqar u marġinalizzazzjoni, u din tinsab l-aktar f'mikroreġjuni sottożviluppati li għandhom nuqqas kbir ta' riżorsi finanzjarji neċessarji biex jipprovdu kontribuzzjoni tagħhom stess lill-finanzjament Komunitarju li huma eliġibbli għalih u bosta drabi huma m'għandhomx il-kapaċità amministrattiva u r-riżorsi umani sabiex ikunu jistgħu jużaw il-finanzjament b'mod korrett; Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm konċentrazzjoni ta' sforzi speċifiċi fil-mikroreġjuni li huma ta' spiss żoni intrareġjonali periferali u għas-simplifikazzjoni sostanzjali għar-regoli burokratiċi u implimentattivi sabiex l-allokazzjoni massima possibbli tar-riżorsi tkun tista“ tinkiseb taħt l-ambitu tal-Politika ta' Koeżjoni;
50. Iqis li hemm ukoll il-ħtieġa ta' regolamenti ġodda dwar l-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali sabiex jistabbilixxu kondizzjonalità rigward l-eliminazzjoni tas-segregazzjoni u l-assigurazzjoni ta' aċċess ugwali tar-Roma għas-servizzi pubbliċi; hu tal-fehma li pjanijiet dwar opportunitajiet indaqs u pjanijiet kontra s-segregazzjoni għandhom jiġu mħejjija wkoll fil-livell lokali, ibbażati fuq indikaturi miżurabbli u fuq azzjonijiet konkreti;
51. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi strumenti xierqa biex jiggwidaw lill-Istati Membri ħalli jiżguraw il-kumplementarjetà bejn il-FSE, il-FEŻR, u l-Fonda Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) u jistieden lill-Istati Membri jutilizzaw programmi oħra, bħalma hu l-programm PROGRESS, il-programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja Kollha, il-programm tal-Kultura (2007-2013) u l-programm tas-Saħħa (2008-2013) fl-interessi tal-inklużjoni tar-Roma;
52. Jitlob lill-entitajiet ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-UE li jiddelegaw taħt is-superviżjoni u l-kontroll tat-“Task Force” tar-Roma sabiex:
–
jiżguraw l-iffinanzjar tal-UE favur l-iżvilupp bħala appoġġ għal inizjattivi lokali tajbin,
–
jidentifikaw u jirrapportaw fil-ħin dwar l-użu ħażin ta' fondi,
–
jagħmlu kontrolli regolari dwar il-konsistenza u l-effiċjenza tal-użu tal-iffinanzjar fir-rigward tar-riżultat mistenni, inkluż għal raġunijiet li għalihom l-iffinanzjar jiġi allokat fl-Istrateġija,
–
iservu ta' konsulenza billi jikkapitalizzaw fuq l-għarfien kumpless mal-UE kollha billi jelaboraw fuq l-indikaturi, il-valutazzjonijiet tal-impatt eċċ. u
–
jipprovdu appoġġ immirat tal-inizjattivi, proġetti u programmi kumplessi lokali li l-aħjar li jissodisfaw l-Objettivi tal-Istrateġija u jiġġeneraw soluzzjonijiet effiċjenti għall-problemi konkreti tal-komunitajiet tar-Roma;
53. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex japplikaw monitoraġġ u evalwazzjoni parteċipattivi li jinvolvu l-komunitajiet Roma u jgħinu biex tkun żviluppata l-kapaċità tal-partijiet interessati fuq naħa u, fuq l-oħra, l-għarfien espert estern sabiex tinkiseb idea realistika u oġġettiva tas-suċċess jew falliment globali tal-miżuri u strumenti differenti; barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament lista ta' proġetti ffinanzjati mill-Kummissjoni mill-2000 li kienu ta' benefiċċju għar-Roma, filwaqt li tippreżenta indikazzjonijiet dwar ir-riżultati milħuqa;
54. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-prijorità orizzontali “Komunitajiet Marġinalizzati” fi ħdan il-qafas tal-Fondi Strutturali tal-UE u biex jipparteċipaw fin-netwerk UE-Roma li qed jaħdem biex ikun hemm implimentazzjoni tajba tal-fondi strutturali għall-inklużjoni soċjali tar-Roma; jenfasizza li miżuri eżistenti, mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u dawk ta' monitoraġġ iridu jittejbu b'mod sinifikanti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw proġetti kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u li huma maħsuba għandhom għar-Roma jew li joffru benefiċċju indirett lir-Roma għandhom jinżammu responsabbli u għandhom jimplimentaw l-azzjonijiet b'mod trasparenti; barra minn hekk jitlob għal analiżi kontinwa tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-proporzjon ta' fondi ddedikati u minfuqa għall-programmi u l-ispejjeż operattivi nfushom;
55. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jestendu l-ambitu tal-finanzjament tal-UE sabiex, minbarra l-iżvilupp, isir eliġibbli wkoll il-provvediment ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità; jenfasizza wkoll li l-kofinanzjament għandu jiġi eżaminat mill-ġdid u possibilment differenzjat biex jirrifletti aħjar id-diversità tal-azzjonijiet u tal-benefiċjarji, u għalhekk il-proġetti mmirati għar-Roma jista“ jkun li jkollhom rekwiżit ta' sehem iżgħar ta' kofinanzjament mill-pajjiż, b'sehem akbar min-naħa tal-UE;
56. Jenfasizza li l-koordinazzjoni fost il-politiki relatati tal-UE għandha tittejjeb b'mod sinifikanti sabiex jitrawmu sinerġiji u komplementarjetajiet; ir-regoli burokratiċi u ta' implimentazzjoni jridu jkunu ssimplifikati sostanzjalment u l-ostakli kollha bejn il-fondi varji għandhom jitneħħew sabiex tkun tista“ tinkiseb l-akbar allokazzjoni ta' riżorsi possibbli mill-istrumenti kollha;
57. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Fondi Strutturali jikkombinaw l-approċċi nazzjonali u lokali billi jaġixxu permezz ta' programmi li joperaw fl-istess ħin bi strateġija nazzjonali u jipprovdu rispons lokali għall-ħtiġijiet speċifiċi; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji bejn l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u l-istrateġiji tal-gvern għar-Roma, kif ukoll bejn l-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-Fond Soċjali Ewropew u l-unitajiet speċjalizzati fuq ir-Roma jew strutturi ta' koordinazzjoni li jittrattaw kwistjonijiet tar-Roma;
58. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex itejbu l-aċċess għall-fondi tal-UE għall-gvernijiet lokali u l-NGOs li jaħdmu għall-inklużjoni tar-Roma, billi jissimplifikaw il-proċess ta' applikazzjoni u r-regoli;
59. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi fl-Istrateġija mekkaniżmu li jippromwovi l-impjieg tar-Roma fl-amministrazzjoni pubblika kemm fil-livell tal-UE u kemm f'dak nazzjonali, u jistieden lill-Istati Membri jimpjegaw staff Roma fl-amministrazzjoni pubblika, speċjalment fl-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' programmi għall-inklużjoni tar-Roma ffinanzjati mill-UE jew fil-livell nazzjonali;
60. Jenfasizza l-importanza tal-firma u r-ratifika min-naħa tal-Istati Membri tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità li tgħid b'mod ċar li m'għandha teżisti l-ebda diskriminazzjoni fil-liġi interna ta' stat dwar in-nazzjonalità minħabba raġuinijiet ta' sess, reliġjon, oriġini nazzjonali jew etnika;
61. Jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li l-programmi tal-UE jkomplu għaddejjin, bħall-Programm għall-Progress għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u JASMINE biex jinvestu fil-bini tal-kapaċità, u jitlob biex tali programmi jkunu żviluppati aktar wara l-2013;
62. Jilqa“ l-opportunità li nħolqot permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 , li jipprovdi sa 3% tal-allokazzjoni tal-FEŻR għall-programmi speċifiċi jew 2% tal-baġit ġenerali allokat għar-riabilitazzjoni tad-djar għall-benefiċċju tal-komunitajiet marġinalizzati; jiddispjaċih li l-ebda pjan operattiv ma nbidel biex jipprijoritizza mill-ġdid l-akkomadazzjoni tal-popoloazzjoni Roma; jiltob għal darba oħra lill-Istati Membri, biex jagħmlu użu sħiħ u fil-pront ta' din l-opportunità ġdida fi ħdan il-qafas tal-Fondi Strutturali, sabiex isaħħu l-prospetti ta' inklużjoni soċjali effettiva; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq ”il quddiem pjan ta' azzjoni speċifiku dwar dan ir-regolament biex tgħaġġel l-użu tal-fondi. Jitlob lill-Istati Membri biex jużaw b'mod effettiv il-potenzjal għall-interazzjoni bejn l-FEŻR, l-FSEu l-FAEŻR fl-iżvilupp ta' programmi ta' finanzjament għall-integrazzjoni tar-Roma;
63. Jirrikonoxxi li l-Komunitajiet Roma huma gruppi estremament eteroġeni, u bħala konsegwenza ma hemmx lok għal strateġija unika biss; jirrakkomanda għalehekk li l-awtoritajie reġjoanli u lokali tal-Istati Membri għandhom jipproponu politiki ta' integrazzjoni effettiva li għandhom ikunu differenti minn xulxin skont l-isfondi speċifiċi (ġeografiku, ekonomiku, soċjali, kulturali); jirrakkomanda li l-Kummissjoni tuża l-esperjenza miksuba minn dawn l-awtoritajiet li attivament ikkontribwixxew għall-integrazzjoni tal-komunitajiet tar-Roma u għall-inkoraġġiment tal-użu tal-aqwa prattiki u tal-passi li jwasslu għas-suċċess, sabiex jiksbu l-inklużjoni soċjali tagħhom;
64. Ifakkar li l-prerekwiżit primarju ta' integrazzjoni b'suċċess fl-isforzi konġunti magħmula kemm mis-soċjetà razzjonalizzata kif ukoll mill-komunità tar-Roma; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu l-għajnuna tagħhom biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni u tal-impjieg, u jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali pubbliċi jintegraw – b'konformità mar-regolament li jirregola l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – l-allokazzjoni ta' akkomodazzjoni ġdida lill-komunitajiet marġinalizzati f'qafas ta' politika usa“, aktar kumpless ta' impenn soċjali reċiproku, bħall-bini tal-komunitajiet, li jinkludi l-parteċipazzjoni tar-Roma fil-proċess tral-bini tal-istabbilimenti ġodda u sforzi reċiproċi biex tissaħħaħ l-attendenza tal-iskola għal uliedhom u jitnaqqas sostanzjalment il-qgħad; l-Istati Membri jistgħu għalhekk jikkontribwixxu lejn soluzzjoni konkreta għall-bżonnijiet ta' lokalità tal-gruppi marġinalizzati li qegħdin jgħixu f'kundizzjonijiet ħżiena ta' akkomodazzjoni; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jużaw in-netwerk UE-Roma sabiex jinkoraġġixxu skambju tal-aħjar prattiki;
65. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu l-aħjar użu mill-programmi taħt l-Objettiv Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali, bħal programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali, programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali u programmi ta' kooperazzjoni interreġjonali, u biex jisfruttaw il-possibilitajiet ipprovduti mill-Grupp Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali;
66. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex janalizzaw u jeliminaw l-ostakli għad-dħul fis-suq tax-xogħol, jew għad-dħul mill-ġdid fih, tan-nisa Roma, kif ukoll l-ostakoli għall-impjieg għal rashom, u wkoll biex jenfasizzaw kif inhu xieraq ir-rwol tan-nisa fit-tisħiħ ekonomiku tar-Roma emarġinati u fit-tnedija ta' negozji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-involviment tan-nisa Roma fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni tar-Roma;
67. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu bħala għan orizzontali l-bini tal-kapaċità u t-tisħiħ tan-nisa Roma fl-oqsma ta' prijorità kollha tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni tar-Roma;
68. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkludu l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fost l-għanijiet tal-Istrateġija kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali;
69. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru, janalizzaw u jippubblikaw informazzjoni statistika affidabbli diżaggregata skont is-sessi sabiex ikunu jistgħu jevalwaw u jaġġornaw l-Istrateġija kif ukoll ikejlu l-impatti tal-proġetti tal-Istrateġija u l-interventi għan-nisa Roma;
70. Jitlob għall-inklużjoni fl-Istrateġija ta' mekkaniżmu ta' koperazzjoni, ta' skambju ta' informazzjoni u monitoraġġ, mhux biss fl-UE iżda wkoll fil-livell nazzjonali, flimkien mal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, mal-Kunsill tal-Ewropa u ma' istituzzjonijiet oħra rilevanti internazzjonali u Ewropej, NGOs, komunitajiet Roma, partijiet interessati oħrajn, sabiex jiġu indirizzati l-problemi u jinstabu soluzzjonijiet u biex ikun żgurat li l-Istrateġija tkun implimentata b'mod korrett u bis-sħiħ kemm fil-livell tal-UE u kemm f'dak nazzjonali minn dawk responsabbli għaliha, biex b'hekk ikun żgurat is-suċċess tal-Istrateġija;
71. Jistieden lill-Kummissjoni toffri l-appoġġ tekniku meħtieġ biex jittejbu l-kapaċitajiet amministrattivi tal-organi involuti fl-amministrazzjoni tal-Fondi Strutturali, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu parir u għajnuna amministrattiva, eż. billi jorganizzaw taħriġ u billi jgħinu fl-applikazzjoni tal-għajnuna u fl-ispjegazzjonijiet, biex jagħmluha aktar faċli għar-Roma li jottjenu tagħrif rigward programmi Ewropej u nazzjonali ta' finanzjament b'appoġġ għall-intraprenditorija u l-impjiegi u li jressqu l-applikazzjonijiet relevanti;
72. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miri konkreti u speċifiċi, u għanijiet iddettaljati u li jistgħu jitkejlu, dwar l-inklużjoni soċjali tar-Roma meta jkunu qed jittrasponu l-objettivi ta' Ewropa 2020 dwar il-faqar u l-inklużjoni soċjali fil-programmi nazzjonali, u jitlob b'mod urġenti għal miżuri li jinfurzaw l-ilħuq tal-għanijiet fil-mira;
73. Jemmen li futur aħjar għall-poplu Roma jista“ jiġi żgurat permezz tal-edukazzjoni, u li l-investiment fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ Roma għalhekk huwa essenzjali; jenfasizza li l-iskolarizzazzjoni mhijiex biss dritt iżda anki dmir u jippromwovi attivitajiet għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-istudenti Roma fl-iskola permezz ukoll tal-involviment attiv tal-familji;
74. Jemmen li l-promozzjoni tal-għarfien tal-kultura Roma madwar l-Ewropa se taġevola l-fehim reċiproku bejn l-poplu Roma u dak li mhuwiex Roma fl-Ewropa filwaqt li jagħti spinta lid-djalogu interkulturali Ewropew;
75. Huwa tal-fehma li l-istrateġija tal-futur għall-minoranza Roma għandha tikkonċentra fuq l-edukazzjoni, bħala l-istrument ewlieni għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;
76. Jemmen li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' sostenn, bħal boroż ta' studju u arranġamenti ta' tutoraġġ għaż-żgħażagħ Roma biex dawn mhux biss jitħeġġu jiksbu diplomi, iżda wkoll biex jinkitbu f'korsijiet tal-edukazzjoni ogħla u jtejbu l-kwalifiki tagħhom;
77. Huwa tal-fehma li għandu jiġi żviluppat tip ġdid ta' programm ta' boroż ta' studju biex jiggarantixxi l-ogħla kwalità ta' istruzzjoni għall-istudenti Roma bil-għan li tiġi edukata ġenerazzjoni ġdida ta' mexxejja Roma;
78. Jemmen li l-istituti skolastiċi li l-istudenti żvantaġġati tagħhom jottjenu postjiet f'istituti ta' livell ogħla, jew li l-perċentwal ta' studenti lawrjati hija ogħla mill-medja, għandhom ikunu ppremjati, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proġetti f'dan il-qasam;
79. Jisħaq fuq il-fatt li huwa kruċjali li l-Istati Membri jippromwovu l-integrazzjoni tar-Roma fil-ħajja assoċjattiva u kulturali tal-postijiet u tal-pajjiżi fejn jgħixu, u jiżguraw il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza fit-tul tagħhom fihom, inkluż permezz ta' miżuri intiżi li jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali (VET) u l-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja mmirati għall-komunità Roma, filwaqt li jitqiesu l-wirt kulturali u l-istil ta' ħajja tad-diversi gruppi Roma fl-Ewropa; jiġbed l-attenzjoni, pereżempju, għall-fatt li jistgħu jsiru sforzi biex jiġi offrut taħriġ speċjali għall-persunal tal-iskejjel, promoss l-impjegar ta' għalliema Roma, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mill-qrib mal-familji u l-għaqdiet Roma, u jipprovdu appoġġ wara l-ħin tal-iskola u boroż ta' studju; josserva li dan il-proċess għandu jinvolvi b'mod attiv lill-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri u jagħti sinjal lis-settur non-profit biex l-attivatajiet tiegħu jinkludu programmi intiżi għall-integrazzjoni fis-soċjetà tal-poplu Roma;
80. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu kontra kull forma ta' esklużjoni soċjali u edukattiva fir-rigward tar-Roma u jħeġġu l-azzjonijiet pedagoġiċi kollha li jinvestu fl-iskolarizzazzjoni tar-Roma;
81. Jemmen li l-gvernijiet lokali għandhom jieħdu r-responsabilità għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-istudenti li jabbandunaw is-sistema skolastika qabel ma jilħqu l-età li fiha l-edukazzjoni ma tibqax obbligatorja; josserva, għal dan il-għan, li l-istituti skolastiċi għandhom jagħtu lill-gvernijiet lokali informazzjoni dwar l-istudenti li jabbandunaw l-iskola;
82. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi ulterjuri maħsuba sabiex jipprovdu opportunitajiet ta' edukazzjoni u assistenza minn mindu t-tfal ikunu żgħar ħafna għat-tfal u ż-żgħażagħ Roma;
83. Jemmen li l-kindergartens u/jew forom alternattivi ta' assistenza preskolastika u edukazzjoni għandhom ikunu stabbiliti f'komunitajiet fejn dawn ma jeżistux, u mkabbra fejn hemm nuqqas ta' postijiet;
84. Jistieden lill-Kummissjoni ssostni dawk l-inizjattivi li wrew ruħhom effikaċi fil-prevenzjoni ta' kull forma ta' segregazzjoni u li jipprijoritizzaw proġetti inklużivi li jippromwovu suċċess edukattiv li jinvolvu l-parteċipazzjoni tal-familji Roma;
85. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rata għolja ta' illitteriżmu fost il-persuni Roma u jqis li hu essenzjali li l-programmi jkunu mfassla u żviluppati b'mod li jiżguraw edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja ta' kwalità għall-bniet u n-nisa Roma, fosthom strateġiji biex jaġevolaw it-tranżizzjoni tagħhom mill-iskola primarja għal dik sekondarja u jippromwovu, matul il-proċess kollu kemm hu, fehim aħjar tal-wirt kulturali, l-istorja u l-valuri Roma kemm fost ir-Roma kif ukoll fost dawk li mhumiex Roma;
86. Jenfasizza li l-attendenza baxxa, ir-rati għolja ta' assenteiżmu fl-iskejjel u riżultati edukattivi baxxi jistgħu jindikaw li l-istudenti u l-ġenituri mhumiex konxji tal-importanza tal-edukazzjoni; fatturi rilevanti oħra jistgħu jinkludu riżorsi insuffiċjenti, problemi ta' saħħa, nuqqas ta' edukazzjoni ta' kwalità fil-post jew nuqqas ta' trasport aċċessibbli lejn l-iskola, akkomodazzjoni u lbies ta' kwalità inferjuri li jagħmlu l-attendenza fl-iskola impossibbli, ambjent skolastiku mhux inklużiv u skejjel segregati li jonqsu milli jagħtu preparazzjoni adegwata fid-dawl tal-kompetittività fis-suq tal-impjiegi; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' azzjoni mmirata lejn il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-iskola min-naħa tal-istudenti Roma u tad-djalogu kontinwu u regolari dwar kwistjonijiet edukattivi ma' dawk il-familji tal-istudenti, il-komunità Roma u l-partijiet interessati kollha;
87. Jenfasizza r-rwol vitali li l-isports tal-massa u ta' dawk ta' kompetizzjoni jistgħu jiżvolġu fil-proċess ta' garanzija ta' inklużjoni tal-popolazzjoni ta' etnija Roma;
88. Jappoġġa l-promozzjoni ta' programmi ta' taħriġ għall-għalliema li jżidu l-kapaċità tal-għalliema li jirrelataw mat-tfal u maż-żgħażagħ ta' oriġini Roma, kif ukoll mal-ġenituri tagħhom u mal-persuni impjegati bħala medjaturi Roma, partikolarment fi skejjel primarji, bħala mod kif tiġi promossa l-attendenza regolari fl-iskola min-naħa tar-Roma;
89. Jissuġġerixxi li approċċ differenti għall-integrazzjoni edukattiva jiġi adattat kemm għat-tfal minn familji Roma li jixtiequ jissistemaw ruħhom f'post wieħed – pereżempju permezz ta' monitoraġġ tal-attendenza regoli tat-tfal fl-iskola – kif ukoll lil dawk minn familji li jixtiequ jkomplu bl-istil ta' ħajja nomada tagħhom – pereżempju permezz ta' miżuri li jiffaċilitaw l-attendenza fl-iskola ġewwa l-kampijiet tar-Roma;
90. Jisħaq fuq l-importanza tal-programmi ta' mobilità, ta' tagħlim tul il-ħajja, ta' taħriġ professjonali u ta' taħriġ kontinwu biex tiġi żgurata l-inklużjoni u jissaħħaħ l-adattament għas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ u tal-adulti li ġejjin mill-komunitajiet Roma;
91. Jemmen li s-sistema ta' taħriġ fil-postijiet tax-xogħol għandha tespandi biex tippermetti l-ksib tal-kompetenzi u tal-kapaċitajiet neċessarji fuq skala kbira;
92. Jemmen li jeħtieġ li jkun hemm armonizzazzjoni bejn l-għoti ta' taħriġ u d-domanda tas-suq tax-xogħol, u jappella għaldaqstant għal tbassiriet nazzjonali u reġjonali għat-terminu ta' żmien medju dwar id-domanda mistennija ta' xogħol;
93. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta sistemi ta' monitoraġġ konġunt li jinvolvu lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-mexxejja tal-komunità Roma fir-rigward tal-programmi u l-proġetti mqiegħda fil-prattika fi ħdan l-Istati Membri;
94. Iqis li l-kultura tar-Roma hija parti integrali mill-mużajk kulturali tal-Ewropa; jirrimarka li mezz ewlieni għal fehim tal-poplu Roma u l-istil ta' ħajja tiegħu hija ż-żieda tal-għarfien min-naħa ta' Ewropej oħra tal-wirt, it-tradizzjonijiet u l-lingwa tar-Roma, u tal-kultura kontemporanja Roma; isostni bil-qawwa l-promozzjoni u l-konservazzjoni tal-attivitajiet kreattivi tagħhom bħala komponent essenzjali tad-djalogu interkulturali;
95. Iqis li l-poplu Roma għandu jagħmel sforz edukattiv biex ikun jaf id-drawwiet u l-kultura tal-popli fejn jgħix u b'hekk jiffaċilita integrazzjoni aħjar fl-ambjent fejn jgħix;
96. Jemmen li l-promozzjoni tal-attivitajiet ta' volontarjat u l-isport li jinvolvu lir-Roma u lil dawk li mhumiex Roma hija importanti biex trawwem aktar inklużjoni soċjali;
97. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-aħjar prattiki kif ukoll mudelli u esperjenzi pożittivi li jinbtu minn programmi implimentati u inizjattivi meħuda mir-Roma stess, bil-għan li titjieb il-perċezzjoni u d-dehra tar-Roma fi ħdan il-komunitajiet li mhumiex Roma u jingħata spinta lill-parteċipazzjoni attiva mill-komunitajiet Roma u lill-kollaborazzjoni kreattiva bejn dawk il-komunitajiet u l-UE, l-Istati Membri u programmi lokali;
98. Jappella għal identifikazzjoni u użu aħjar, fil-livell kollha ta' gvern, tal-fondi tal-UE diġà eżistenti għall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-kultura tal-popli Roma;
99. Jirrakkomanda li l-politiki tal-UE futuri għall-minoranza Roma għandhom ikunu bbażati fuq approċċ differenzjat, adattat għall-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi Stati Membri u n-natura partikolari tal-komunitajiet involuti;
100. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-użu ta' finanzjamenti tal-UE għall-inklużjoni tar-Roma jiġi sottopost għal kontrolli aktar rigorużi;
101. Jemmen li jkunu siewja l-iskambji ta' esperjenzi u ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri li laħqu riżultati tajbin fil-qasam tal-inklużjoni tar-Roma u dawk li għadhom iħabbtu wiċċhom ma' din il-problema;
102. Jirrikonoxxi li l-kumplessità tad-dokumenti tista“ tkun ta' tfixkil għall-organizzaturi tal-proġetti; isostni l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-ħidma dwar l-issimplifikar tal-proċeduri tal-għoti; isostni li r-rata tal-użu tal-finanzjament Ewropew f'dan il-qasam hija baxxa;
103. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
Rapport dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofonija fl-Istati Membri tal-UE fl-2009; Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni, Rapport li Jiffoka fuq id-Data: Ir-Roma fl-2009; Il-Qagħda taċ-Ċittadini tar-Roma tal-UE li Jmorru u Jgħixu fi Stati Membri oħra tal-UE; u l-Kundizzjonijiet tal-Akkomodazzjoni tar-Roma u tat-Travellers fl-Unjoni Ewropea: Rapport Komparattiv.