Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2050(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0037/2011

Testi mressqa :

A7-0037/2011

Dibattiti :

PV 09/03/2011 - 14
CRE 09/03/2011 - 14

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2011 - 9.3
CRE 10/03/2011 - 9.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0096

Testi adottati
PDF 341kWORD 119k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2011 - Strasburgu
L-approċċ tal-UE rigward l-Iran
P7_TA(2011)0096A7-0037/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-approċċ tal-UE rigward l-Iran (2010/2050(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet perċedenti tiegħu dwar l-Iran, inklużi r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari l-każijiet ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami(1), dik tal-10 ta' Frar 2010 dwar is-sitwazzjoni fl-Iran(2), u dik tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-Iran(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt(4),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICECR), il-Patt dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u l-Patt dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Iran hi firmatarja tagħhom ilkoll,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti tal-Amerika (USA) tat-8 ta' Frar 2010 li tistieden lill-Gvern Iranjan iwettaq l-obbligi tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton (minn hawn “il quddiem ir-”Rappreżentant Għoli“) tal-24 ta' Settembru 2010 dwar ”rimarki xokkanti u inaċċettabbli“ magħmula mill-President Iranjan Mahmoud Ahmadinejad waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-UE dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa adottata waqt il-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa tal-10 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Settembru 2010 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli li tikkundanna l-attakk bil-bombi f'Mahabad, l-Iran,

  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ESS) bit-titolu “Nipprovdu Sigurtà f'Dinja li Qed Tinbidel”, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-22 ta' Settembru 2010 f'isem l-E3+3 dwar soluzzjoni negozjata bikrija għall-kwistjoni nukleari Iranjana,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-12 ta' Awwissu 2010 f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sentenza mogħtija lil 7 mexxejja Baha'i,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Lulju 2010 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli li tikkundanna l-attakk fl-Iran,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2010 dwar aċċess liberu għall-informazzjoni fl-Iran,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet imminenti fl-Iran,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-12 ta' Ġunju 2010 f'isem l-Unjoni Ewropea dwar “is-sitwazzjoni gravament iddeterjorata tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran mill-elezzjonijiet Presidenzjali ta' Ġunju 2009 ”l hawn“,

–  wara li kkunsidra d-data miċ-Ċentru tal-Istatistika tal-Iran dwar iż-żieda fir-rata tal-qgħad tal-Iran fir-rebbiegħa tal-2010 għal 14,6 %, fejn l-għadd ta' nies qiegħda hu stmat li hu ta' “l fuq minn 3,5 miljun ruħ,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-Iran hija firmatarja tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) u bħala tali impenjat ruħha li tabbanduna l-akkwist ta' armi nukleari u hija marbuta legalment li tiddikjara l-attivitajiet nukleari tagħha kollha, inkluż il-materjal nukleari, u tqegħidhom fis-salvagwardja tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA),

–  wara li kkusidra d-dikjarazzjoni tal-IAEA tas-27 ta' Settembru 2005 li tgħid li l-Iran ma kenitx qed tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-NPT,

–  wara li kkunsidra l-fatt li s-sospensjoni tal-arrikkiment u rekwiżiti oħra ġew affermati suċċessivament f'sitt riżoluzzjonijiet (1696, 1737, 1747, 1803, 1835 u 1929) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bħala prekondizzjonijiet biex id-drittijiet tal-Iran skont l-NPT jerġgħu jiġu kif kienu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-IAEA Yukiya Amano fir-rapport tiegħu ta' kull tliet xhur lill-Bord tal-Gvernaturi fit-18 ta' Frar 2010 li l-“Iran mhix qed timplimenta r-rekwiżiti li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Kunsill tas-Sigurtà”,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-IAEA għal ftehim biex ikun pprovdut fjuwil nukleari lir-Reattur ta' Riċerka f'Teħran bi skambju għal uranju b'arrikkiment baxx mill-istokkijiet tal-Iran, u l-proposta pont sponsorjata mill-gvernijiet tat-Turkija u l-Brażil f'tentattiv biex jibnu l-fiduċja u jiffaċilitaw in-negozjati bejn l-Iran u l-E3+3, kif ukoll bejn l-Iran u l-Grupp ta' Vjenna,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) li ddaħħal miżuri restrittivi ġodda kontra l-Iran billi timponi r-raba“ rawnd ta' sanzjonijiet fuq l-Iran minħabba l-programm nukleari tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran tas-26 ta' Lulju 2010 u l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill ta' ġabra ta' miżuri restrittivi li għandhom jiġu imposti fuq l-Iran fl-oqsma tal-kummerċ, is-servizzi finanzjarji, l-enerġija u t-trasport, u ta' regolament li jestendi l-lista ta' entitajiet u individwi soġġetti għal iffriżar ta' assi,

–  wara li kkunsidra s-sanzjonijiet addizzjonali fuq l-Iran imħabbra mill-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada u l-Awstralja,

–  wara li kkunsidra l-impenn li ilu jeżisti tal-Unjoni Ewropea li taħdem għal soluzzjoni diplomatika għall-kwistjoni nukleari Iranjana,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0037/2011),

A.  billi r-Repubblika Iżlamika tal-Iran (minn hawn “il quddiem ”l-Iran“) qed tiffaċċja sensiela ta' sfidi ta' governanza – minn ġlied għall-poter bejn fazzjonijiet rivali fi ħdan l-eliti li qed imexxu l-pajjiż sa sitwazzjoni soċjali u ekonomika ġenerali ħażina li qed tikkawża ħsara kbira, ambjent ta' sigurtà reġjonali problematika u skuntentizza popolari li qed dejjem tikber fil-pajjiż – li ħafna minnhom huma prodotti li ħoloq ir-reġim Iranjan stess,

B.  billi l-iżviluppi politiċi fl-Iran wara l-elezzjonijiet presidenzjali kontroversjali ta' Ġunju 2009, meqjusa minn ħafna bħala li kienu qarrieqa, urew li hemm potenzjal kbir għall-bidla demokratika fil-pajjiż immexxija mill-poplu, bl-azzjoni ta' attakk immexxija mis-soċjetà vibranti u attiva tagħha, jinnota li r-riformisti saru identifikati bl-aktar mod komuni mal-Moviment l-Aħdar li ssawwar waqt il-protesti tal-massa li seħħew kontra l-elezzjoni mill-ġdid tal-President Ahmadinejad,

C.  billi l-forzi tas-sigurtà tal-Iran – il-Gwardji Rivoluzzjonarji, il-milizja Basij u l-pulizija – irreaġixxew b'repressjoni qawwija, bl-arrest arbitrarju ta' eluf ta' dimostranti u dissidenti paċifiċi, inklużi studenti u akkademiċi, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, trejdjunjonisti, avukati, ġurnalisti, bloggers, kleriċi u difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan ċar li jintimidaw il-kritiċi u joħonqu l-espressjoni tan-nuqqas ta' qbil; billi l-ġudikatura organizzat proċessi ta' massa ta' mijiet ta' riformisti u attivisti prominenti biex jingħata eżempju bihom, li rriżultaw fl-issentenzjar ta' xi wħud għal żmien twil il-ħabs u saħansitra għall-mewt,

D.  billi mindu ġie elett il-President Ahmadinejad fl-2005 l-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana uża fondi akkumulati mis-snin tmenin biex jixtri intrapriżi u negozji statali li ġew privatizzati permezz tal-Borża ta' Teheran,

E.  billi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-Iranjani – id-dritt għall-ħajja, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u d-dritt għall-ħelsien mill-arrest arbitrarju, mid-detenzjoni u mit-tortura u minn kull forma ta' diskriminazzjoni – għadhom qed jiġu miksura b'impunità,

F.  billi l-Iran jinsab fost l-aktar nazzjonijiet fil-Lvant Nofsani mqabbda mal-Internet u t-telekomunikazzjonijiet, u dan jagħmel minnu t-tielet l-ikbar blogosfera fid-dinja wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina; billi mhix b'kumbinazzjoni li t-telekomunikazzjonijiet u l-Internet ilhom ikunu interrotti regolarment mill-elezzjonijiet ta' Ġunju 2009 “l hawn,

G.  billi l-Iran għad għandu l-piena tal-mewt u huwa wieħed mit-tliet pajjiżi fid-dinja li jwettqu l-iktar eżekuzzjonijiet; billi l-Iran iżomm ir-rekord għall-ogħla numru ta' delinkwenti minorenni ġġustizzjati; billi l-Iran għadu japplika l-piena tal-mewt bit-tħaġġir, ħaġa li tmur kontra t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

H.  billi għadd kbir ta' Iranjani kienu ġġustizzjati għal raġunijiet politiċi, numru bla għadd għadhom il-ħabs, u mijiet ġew sfurzati jaħarbu mill-pajjiż għaliex beżgħu għal ħajjithom u/jew minn ħabs għal żmein indefinit, interrogazzjoni u tortura,

I.  billi l-korpi għad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran (eż. il-Kummissjoni Iżlamika għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni għall-Artikolu 90) huma alleati mal-Gvern u għadhom fil-biċċa l-kbira insinifikanti,

J.  billi l-programm nukleari tal-Iranj għandu passat ta' ħabi, li maż-żmien naqqar il-kredibilità tal-pretensjonijiet tal-Iran li l-programm huwa biss għal skopijiet paċifiċi,

K.  billi l-Iran għad irid jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont kull riżoluzzjoni tal-UNSC rilevanti, li l-aktar waħda riċenti fosthom hija r-Riżoluzzjoni 1929 (2010), u r-rekwiżiti kollha tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA, li jindikaw aċċess sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet mill-Aġenzija għas-siti kollha, għat-tagħmir, għan-nies u għad-dokumenti kollha li jippermettu spezzjoni xierqa tal-iskopijiet nukleari tal-Iran u jkunu jippermettu lill-IAEA twettaq ir-rwol tagħha bħala l-għassiesa nukleari,

L.  billi xi wħud mill-politiki tal-Gvern Iranjan jippreżentaw theddida għall-istabilità u l-paċi fir-reġjun; billi Iżrael u r-reġjun tal-Golf b'mod partikolari jħossuhom intimidati mir-retorika aggressiva u b'miri speċifiċi tal-Iran, mill-programm nukleari tiegħu li għadu għaddej, u l-appoġġ tiegħu għall-Ħeżbollaħ u l-Ħamas; billi, mill-banda l-oħra l-influwenza stabbilizzanti li l-Iran jista“ potenzjalment jiggwadanja mill-ġdid tkun ta' benefiċċju għar-reġjun kollu kemm hu, sakemm jinnormalizza r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu, b'mod partikolari mal-ġirien tiegħu, ineħħi darba għal dejjem it-tħassib fir-rigward tal-għanijiet reali tal-programm nukleari tiegħu u jiggarantixxi rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,

M.  billi l-Iran ospita żewġ ġenerazzjonijiet ta' rifuġjati Afgani fil-pajjiż, li bbenefikaw minn servizzi bażiċi tas-saħħa u tal-edukazzjoni; billi fl-2010 kien hemm aktar minn miljun Afgan irregistrat residenti fl-Iran; billi l-Iran irċieva biss appoġġ internazzjonali limitat f'dan il-qasam,

N.  billi l-Iran huwa kklassifikat fost l-iktar tliet pajjżi li għandhom riservi ppruvati kemm ta' żejt u kemm ta' gass naturali,

O.  billi kien hemm approfondiment notevoli tar-relazzjonijiet bejn l-Iran u t-Turkija; billi l-Iran qed juża l-alleati statali u mhux statali tiegħu s-Sirja, il-Ħeżbollaħ u l-Ħamas, kif wkoll il-Fraternità Musulmana, biex jiddestabbilizza r-reġjun,

P.  billi l-Artikolu IV tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armami Nukleari (NPT) jinnota d-dritt inaljenabbli tal-Partijiet kollha għat-Trattat li jiżviluppaw ir-riċerka, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nukleari għal skopijiet ċivili paċifiċi bla diskriminazzjoni u skont l-Artikoli I u II ta' dak it-Trattat,

Is-sitwazzjoni interna

1.  Jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni politika interna, b'mod partikolari fir-rigward tad-demokrażija; jinnota wkoll l-aspirazzjonijiet għall-bidla demokratika tal-poplu Iranjan, b'mod partikolari l-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa, u jiddeplora profondament il-fatt li l-Gvern u l-Parlament Iranjan apparentement mhumiex kapċi jwieġbu għat-talbiet ġustifikabbli li jagħmlu bi dritt iċ-ċittadini Iranjani; jenfasizza li l-iskuntentizza popolari bil-Gvern Iranjan bħala riżultat tas-sitwazzjoni soċjoekonomika gravi kkombinata ma' nuqqas ta' libertà u ta' rispett bażiku għad-dinjità umana fi ħdan l-Iran tirrappreżenta l-isfida prinċipali tas-sopravivenza tar-reġim;

2.  Jenfasizza li l-bidla demokratika ma tistax tkun imposta minn barra jew saħansitra permezz ta' mezzi militari iżda għandha tinkiseb permezz ta' proċess demokratiku paċifiku; jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu għall-kuraġġ tal-għexieren ta' eluf ta' Iranjani li jkomplu jirriskjaw il-karrieri professjonali tagħhom u ħajjithom billi jitolbu għal libertà akbar u għal aktar drittijiet demokratiċi fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran;

3.  Jirrimarka li, għalkemm il-President Ahmadinejad ġie elett fl-2005 fuq pjattaforma ta' ġustizzja soċjali u populiżmu ekonomiku, il-problemi domestiċi tal-Iran komplew sejrin għall-agħar minkejja l-fatt li l-prezzijiet taż-żejt telgħu rapidament; jiddeplora, għalhekk, il-għan tas-Sur Ahmadinejad li jappoġġja l-pożizzjoni politika tiegħu f'pajjiżu billi jħaddan aġenda internazzjonali radikali bl-istennija li pożizzjoni akuta u ħarxa kontra l-Punent u kontra Iżrael se ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' tmexxija li għandu l-Iran fid-dinja Musulmana;

4.  Josserva li movimenti tal-massa Iranjani preċedenti kienu bbażati fuq tfittxija doppja – it-tfittxija għall-benesseri u għal-libertà, u li dawn għadhom wegħdi mhux miżmuma tar-rivoluzzjoni tal-1979; jirrimarka li n-nuqqasijiet ekonomiċi bħalma huma l-inflazzjoni, il-korruzzjoni, ir-rata għolja tal-qgħad, in-nuqqas ta' enerġija, settur statali ineffiċjenti u l-ħela tal-fondi pubbliċi żdiedu drastikament matul l-aħħar snin;

5.  Jinnota li l-moviment riformista jkopri firxa ta' tendenzi intelletwali u aġendi politiċi li jvarjaw minn xewqa għall-modernizzazzjoni gradwali tal-istituzzjonijiet governattivi tal-Iran għall-objettiv tar-rieżami mill-qiegħ u tiswija tar-reġim;

6.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-miljuni ta' Iranjani li niżlu fit-toroq mindu saru l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju 2009 bit-tama ta' bidla politika fl-Iran;

7.  Jikkundanna bil-qawwa ż-żamma illegali tal-kapijiet tal-oppożizzjoni Iranjani Mir Hossein Mousavi u Mehdi Karroubi flimkien man-nisa tagħhom mill-qawwiet ta' sigurtà Iranjani u jsejjaħ għall-ħelsien minnufih u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom; jiġbed l-attenzjoni li ż-żamma tagħhom saret bi ksur tal-liġi Iranjana; jikkundanna l-attitudni tal-awtoritajiet Iranjani lejn l-eżerċitar mill-oppożizzjoni tal-jedd leġittimu tagħha li tipprotesta u jiddikjara s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Iranjan fl-aspirazzjonijiet demokratiċi tiegħu; jikkundanna il-wiċċ b'ieħor tal-gvern Iranjan, li uża saħħa żejda, tbeżżigħ u arresti arbitrarji kontra dimostranti paċifiċi b'solidarjetà mal-poplu Eġizzjan fl-14 ta' Frar 2011, filwaqt li jgħid li jappoġġja l-libertà fl-Eġittu;

8.  Jirrofta bil-qawwa l-kundanna min-naħa tar-reġim tad-dimostranti u l-opponenti wara l-elezzjonijiet tal-2009 bħala “għedewwa ta' Allah” (“muharib”), li, skont l-Iżlam, għandhom jirċievu l-eħrex fost il-pieni; jikkonkludi li, filwaqt li matul ir-renju tax-Xah il-kritika tar-reġim kienet titqies bħala delitt, taħt ir-reġim attwali din hija ekwivalenti għal dnub kontra l-Iżlam;

9.  Iwissi li l-iżvilupp ta' rwol li kulma jmur qed isir aktar prominenti għall-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana (KGRI) fis-soċjetà Iranjana, f'dak li hu militari, politiku u ekonomiku, iqajjem biżgħat li l-istat se jkompli jiġi militarizzat aktar; jesprimi t-tħassib l-aktar profond tiegħu għall-fatt li tali tendenzi jista“ jagħti l-każ li jirriżultaw f'eskalazzjoni tal-vjolenza u tal-oppressjoni kontra l-opponenti politiċi;

10.  Jinsab imħasseb serjament dwar ir-rwol maġġuri li twettaq l-Organizzazzjoni tal-Istudenti Basij (OSB) fis-soċjetà Iranjana fil-kontroll u s-soppressjoni tal-espressjoni tan-nuqqas ta' qbil tal-istudenti, taħt il-kontroll ċentrali tal-KGRI, u jirrimarka li l-moviment studentesk tal-Iran kien wieħed mill-atturi l-aktar prominenti fil-ġlieda għad-demokrazija, il-libertà u l-ġustizzja;

Id-drittijiet tal-bniedem

11.  Iħeġġeġ lill-Iran biex item għalkollox kull forma ta' diskriminazzjoni fil-pajjiż; jinsab inkwetat minħabba d-diskriminazzjoni u r-ripressjoni politika u soċjali li qed tolqot lin-nisa b'mod partikolari fl-Iran; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jieqfu jiddiskriminaw kontra l-persuni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali tagħhom; jiddenunċja l-prattika inumana u medjevali tal-ikkundannar ta' persuni għall-piena tal-mewt għal offiżi allegati li jappartienu l-għażla tas-sieħeb jew sieħba jew tal-prattiki sesswali;

12.  Jinsab imkexkex bl-informazzojni, skont ir-rapporti annwali dwar il-piena tal-mewt fl-Iran, li l-għadd ta' eżekuzzjonijiet fl-2009 kien l-ogħla għal dawn l-aħħar 10 snin, ħaġa li tagħmel lill-Iran il-pajjiż bl-ogħla għadd ta' eżekuzzjonijiet per kapita fid-dinja; jistieden lill-Iran joħroġ statistika uffiċjali dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt; jistieden lill-Iran jabolixxi definittivament il-piena tal-mewt għal delitti mwettqa qabel l-età ta' 18-il sena u jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu, li tikser il-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li l-Iran irratifika, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-ICCPR; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, f'konformita mar-Riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/138 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, jistitwixxu moratoju fuq l-eżekuzzjonijiet fl-istennija tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jeżerċitaw pressjoni kostanti fuq l-Iran f'dan ir-rigward;

13.  Jikkundanna bis-saħħa kollha l-eżekuzzjoni ta' Zahra Bahrami ta' nazzjonalità Iranjana-Olandiża li seħħet f'Tehran fid-29 ta' Jannar 2011; jinsab ixxukkjat li l-awtoritajiet Iranjani ċaħdu l-aċċess konsulari għas-Sa Bahrami u li ma żgurawx proċss trasparenti u ġust;

14.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Iranjani li huma kontra d-diskriminazzjoni razzjali, iżda jenfasizza li l-minoranzi etniċi tal-Iran jilmentaw mis-sottożvilupp ekonomiku tal-provinċji fejn huma fil-maġġoranza; jikkundanna l-attakki terroristiċi numerużi mwettqa mill-Jundullah fis-Sistan u l-Balukistan mit-twaqqif tiegħu fl-2003 “l hawn; fl-istess ħin, jitlob provi konkreti tad-dikjarazzjoni uffiċjali Iranjana li l-Jundullah huwa appoġġjat mis-servizzi tal-intelliġenza Amerikani u Ingliżi;

15.  Jesprimi l-kosternazzjoni profonda tiegħu gaħll-fatt li l-Iran għadu fost il-ftit pajjiżi, flimkien mal-Afganistan, is-Somalja, l-Arabja Sawdija, is-Sudan u n-Niġerja, li għadhom jipprattikaw it-tħaġġir; jistieden lill-Parlament Iranjan jgħaddi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi din is-sura ta' piena krudili u inumana;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani iwaqqfu għalkollox, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta' tortura u trattament jew piena oħra ta' natura krudili, inumana jew degradanti u jiddefendi l-proċedura dovuta tal-liġi u jwaqqaf għalkollox l-impunità f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; b'mod partikolari, jistieden lill-Parlament u lill-ġudikatura Iranjani biex jabolixxu tali kastigi krudili u inumani, bħalma huma l-amputazzjoni, it-tħaġġir u s-swat bil-frosta, li huma inkonsistenti mal-obbligi internazzjonali tal-Iran; jirrifjuta bis-saħħa kollha l-kunċett promoss mill-awtoritajiet ġudizzjarji Iranjani li tali kastigi huma kulturalment ġustifikati;

17.  Ifakkar fl-għajtiet ma' kullimkien – u ġustifikabbli – ta' “Fejn hu l-vot tiegħi?” mid-dimostranti Iranjani fit-13 ta' Ġunju 2009 b'referenza għall-konvinzjoni tagħhom li kien hemm frodi mifruxa ħafna fl-elezzjonijiet tal-jum ta' qabel, li se jibqgħu tebgħa fuq it-tieni mandat tal-President Ahmadinejad;

18.  Iħossu mkexkex mill-fatt li l-isparar fuq il-folol tad-dimostranti kien meqjus bħala aċċettabbli mill-forzi tas-sigurtà mil-lejl tal-15 ta' Ġunju 2009 “il quddiem, kif jidher fil-vidjos li nġibdu; jinsab profondament inkwetat minħabba ż-żieda fir-ripressjoni sena wara l-protesti popolari fl-Iran, inkluż rapporti dwar arresti arbitrarji, tortura, trattament ħażin u eżekuzzjonijiet tad-dissidenti politiċi; jikkundanna l-isforzi tal-Gvern Iranjan biex isikket kull oppożizzjoni politika, kif ukoll id-drabi kollha fejn l-Iran ipprova jevita kwalunkwe skrutinju internazzjonali tal-vjolazzjonijiet li seħħew matul il-ferment li qam wara l-elezzjoni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jippreżentaw lill-awtoritajiet Iranjani lista ddettaljata tal-inċidenti/azzjonijiet vjolenti magħrufa kollha li saru kontra persuni ċivili Iranjani f'dak li seħħ wara l-elezzjoni u jinsistu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti u li l-fatti li jinstabu permezz tagħha għandhom jinħarġu fil-pubbliku;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu immedjatament lil dawk kollha detenuti talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, u jinvestigaw u jtellgħu l-qorti l-uffiċjali tal-gvern u l-membri tal-forzi tas-sigurtà li huma responsabbli għall-qtil, l-abbuż u t-tortura ta' membri tal-familja ta' dissidenti, dimostranti u detenuti;

20.  Jinsisti li fi kwalunkwe negozjati futuri mal-Iran, ir-Rappreżentant Għoli għandha tagħti l-ogħla prijorità lis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-istrumenti kollha li hemm għad-dispożizzjoni tagħha għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; iħeġġiġha b'mod partikolari biex tinvinta miżuri addizzjonali fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jiġu protetti b'mod attiv id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-iffaċilitar tal-provvediment ta' rifuġju għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta' aċċess għal riżorsi organizzattivi u pjattaformi ta' komunikazzjoni hija ta' importanza partikolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw il-Programm Ewropew ta' Belt ta' Rifuġju u programmi għall-iżvilupp ta' miżuri kontra t-teknoloġija tal-interċettazzjoni tal-midja;

21.  Jiddeplora l-fatt li l-irġiel miżżewġa Iranjani jistgħu jiddikjaraw li r-relazzjonijiet adulteri tagħhom fil-fatt huma żwiġijiet temporanji legali, filwaqt li n-nisa miżżewġin akkużati b“ adulterju ma jistgħu jiksbu proroga b'dan il-mod; jiddeplora wkoll il-fatt li l-Artikolu 105 tal-Kodiċi Penali tar-Repubblika Iżlamika tagħti l-kapaċità lill-imħallef li jagħti sentenza ta' tħaġġir lil persuna adultera sempliċement fuq il-bażi li huwa ”jaf“, kif ukoll il-fatt li l-Iran tipprova tillimita l-għarfien internazzjonali dwar il-brutalità tiegħu billi ma jħabbarx pubblikament il-verdetti ta' tħaġġir;

22.  Jikkundanna l-fastidju sistematiku mill-awtoritajiet Iranjani kontra l-attivisti fis-suq tax-xogħol, kuntrarjament għall-pleġġijiet li l-Iran ta matul il-proċess ta' Rieżami Perjodiku Universali tan-Nazzjonijiet Uniti li jirrispetta d-drittijiet soċjali u ekonomiċi taċ-ċittadini tiegħu u d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu l-attivisti kollha tas-suq tax-xogħol li huma arrestati u jirrispettaw id-dritt tal-attivisti tat-trejdunjins u tal-għalliema li jipparteċipaw fil-Jum Dinji tal-Ħaddiema (l-1 ta' Mejju) u fil-Jum Nazzjonali tal-Għalliema (2 ta' Mejju); jistieden lill-Gvern Iranjan jirrispetta d-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema, kif stabbiliti fl-istandards internazzjonali tax-xogħol;

23.  Jikkundanna l-kampanja ta' tkeċċijiet ta' professuri magħrufa tal-università għal raġunijiet politiċi bħala attakk intollerabbli fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà akkademika tagħhom; jemmen li dawn il-politiki se jkomplu jippolitiċizzaw aktar u jkomplu jwaqqgħu l-livell tal-universitajiet Iranjani, li ilhom żmien twil għajn ta' kburija nazzjonali u oġġett ta' ammirazzjoni għall-akkademiċi madwar id-dinja; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jieħdu passi immedjati biex jirrestawraw il-libertà akkademika fil-pajjiż;

24.  Jiddeplora l-fatt li, kuntrarjament għall-Kostituzzjoni, membri ta' minoranzi reliġjużi qed isofru diskriminazzjoni fl-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-impjiegi uffiċċjali, li qed iwassal biex membri żgħażagħ ta' dawn il-minoranzi jagħżlu li jemigraw; jikkundanna b'mod partikolari l-persekuzzjoni sistematika tal-komunità Baha'i, il-mewġa ta' arresti ta' Insara fl-2009, u l-fastidju lil dissidenti reliġjużi, lil dawk li kkonvertew kif ukoll lill-Musulmani Sufi u Sunniti; itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien ta'seba“ mexxejja Baha'i u jistieden lill-Parlament Iranjan jibdel il-leġiżlazzjoni Iranjana sabiex jiżgura li dawk kollha li jagħmlu parti minn twemmin differenti fl-Iran, kemm jekk ikunu rikonoxxuti mill-Kostituzzjoni u kemm jekk le, ikunu jistgħu jsegwu l-konvinzjonijiet tagħhom mingħajr ma jiġu persegwitati u jiġu ggarantiti drittijiet ugwali skont il-liġi u fil-prattika;

25.  Jinnota li l-pożizzjoni tal-NGOs Iranjani marret għall-agħar b'mod konsederevoli wara l-protesti li kien hemm wara l-elezzjoni presidenzjali kontroversjali tat-12 ta' Ġunju 2009; jikkritika bil-qawwa kollha l-fatt li l-kuntatti internazzjonali kollha jew l-appoġġ finanzjarju kollu għall-NGOs fl-Iran jiġu sistematikament sfruttati mill-awtoritajiet biex jipprovaw jiskreditaw lil dawn l-organizzazzjonijiet u lix-xogħol tagħhom;

26.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-għadd kbir ta' eżekuzzjonijiet ta' minorenni u tat-tħaġġir pubbliku ta' nisa li jsiru ta' kull sena minkejja l-appelli internazzjonali biex l-Iran jirrispetta l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

27.  Jitlob biex jerġa“ jiġi stabbilit mandat tan-NU għal Rapporteur Speċjali biex jinvestiga l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jiżgura l-obbligu ta' rendikont għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jirreaġixxu b'mod pożittiv għat-talbiet li ilhom isiru minn diversi Rapporteurs Speċjali tan-NU (eż. dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji; it-tortura; il-libertà ta' reliġjon jew twemmin; l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati) biex isiru żjarat uffiċċjali fl-Iran;

28.  Jiddeplora l-fatt li, kuntrarjament għall-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar ir-Rwol tal-Avukati, is-sitwazzjoni tal-avukati fl-Iran iddeterjorat kunsiderevolment mill-elezzjoni presidenzjali ta' Ġunju 2009 “l hawn, peress li l-awtoritajiet Iranjani qed jirrikorru għal metodi oppressivi (pereżempju arresti, tneħħija mill-elenku tal-avukati, ksur tal-libertà tal-espressjoni, investigazzjonijiet mhux ġustifikati fuq it-taxxi u pressjoni finanzjarja oħra) biex l-avukati ma jitħallewx jipprattikaw il-professjoni tagħhom liberament;

29.  Jiddispjaċih għall-fatt li s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem u d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, li qed jiġu mmirati b'mod partikolari, qed tiddeterjora; jinsab ferm inkwetat dwar il-fatt li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem sofrew diversi attakki u ġew issoġġettati għal prosekuzzjoni inġusta u qed jinżammu milli jużaw id-drittijiet kostituzzjonali tagħhom; jitlob biex jinħelsu immedjatament dawk id-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri tal-kuxjenza li għadhom qed jinżammu fil-ħabsijiet;

30.  Jistieden lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex tiffirma, tirratifika u timplimenta l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

31.  Jappoġġa l-kampanja “Miljun Firma li Jitolbu Tibdil fil-Liġijiet Diskriminatorji”, li għandha l-għan li tiġbor miljun firma b'appoġġ għal tibdil fil-liġijiet diskriminatorji kontra n-nisa fl-Iran; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jwaqqfu għalkollox l-atti ta' fastidju, inkluż mill-awtoritajiet ġudizzjarji, kontra membri ta' din il-kampanja;

32.  Iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan itejjeb id-drittijiet tan-nisa, ħalli jagħraf ir-rwol kruċjali li jwettqu n-nisa fis-soċjetà, u jirrispetta l-impenji tal-Iran fi ħdan il-qafas tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; itenni l-istedina tiegħu lill-Parlament Iranjan biex jgħaddi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-prattika krudili u inumana tat-tħaġġir; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tagħti attenzjoni partikolari lid-drittijiet tan-nisa fl-Iran u tqajjem il-każijiet ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami mal-awtoritajiet Iranjani;

33.  Jenfasizza li r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżviluppaw kuntatti mar-rappreżentanti ta' firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet politiċi u soċjali Iranjani, inklużi difensuri Iranjani prominenti tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Mmebri jżidu l-appoġġ tagħhom għal attivitajiet fil-livell lokali (grassroots) u għall-kuntatti bejn il-persuni;

34.  Jikkundanna r-ripressjoni min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani tal-midja indipendenti, inkluża ċ-ċensura tal-materjal bil-vidjo u fotografiku, bil-għan li jiġi limitat il-fluss tal-komunikazzjonijiet u tal-informazzjoni u l-aċċess għalihom; jinsab estremament inkwetat dwar il-fatt li l-amministrazzjoni arbitrarja tal-ġustizzja fl-Iran tirriżulta f“(awto)ċensura qawwija mill-midja; iħeġġeġ lir-rappreżentanti uffiċjali tal-UE u l-Istati Membri tagħha jfakkru lill-Iran fl-obbligu internazzjonali tiegħu li jiddefendi l-libertà tal-midja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, meta jiltaqgħu mal-kontrapartijiet Iranjani tagħhom, jinsistu fuq il-ħruġ mill-ġdid tal-ħafna gazzetti ta' kuljum li sfaw magħluqa bil-forza, kif ukoll fuq il-ħelsien tal-priġunieri politiċi, kif ukoll biex jippreżentaw listi ta' ismijiet fiż-żewġ każijiet; jikkundanna l-prattika tal-espulsjoni tal-korrispondenti barranin mill-Gvern Iranjan, inklużi riporters minn gazzetti Ewrope maġġuri; jilqa” l-varar ta' servizz tal-Euronews bil-lingwa Farsi;

35.  Jesprimi tħassib dwar ir-ripressjoni tal-espressjoni kulturali, mużikali u artistika permezz taċ-ċensura, il-projbizzjoni, kif ukoll ir-ripressjoni ta' artisti, mużiċisti, diretturi tal-films, kittieba u poeti;

36.  Jitlob li l-impunità fl-Iran tintemm għalkollox permezz tal-ħolqien ta' proċedura ta' rieżami ġudizzjarju indipendenti fil-pajjiż jew riferiment permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU lil istituzzjonijiet li joperaw skont il-liġi internazzjonali, bħalma hi l-Qorti Kriminali Internazzjonali;

37.  Jilqa“ l-passi meħuda minn diversi Stati Membri biex jippovdu kenn lil dawk l-Iranjani li huma difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dissidenti, ġurnalisti, studenti, nisa, tfal u artisti li huma ppersegwitati għat-twemmin reliġjuż tagħhom, għall-opinjonijiet tagħhom, l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, jew aspetti oħra tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-bniedem li huma għandhom;

Id-dossjer nukleari

38.  Itenni, minkejja d-dritt tal-Iran li jiżviluppa l-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi skont ir-regoli tar-reġim ta' nonproliferazzjoni, li r-riskji tal-proliferazzjoni marbuta mal-programm nukleari Iranjan jibqgħu għajn ta' tħassib serju għall-Unjoni Ewropea u għall-komunità internazzjonali, kif espress b'mod ċar ħafna f'bosta riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

39.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani tissodisfaw l-obbligi tal-Iran skont l-NPT; jistieden bil-qawwa kollha lil Tehran tirratifika u timplimenta l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tas-Salvagwardji; jikkundanna r-rifjut kontinwu min-naħa tal-Iran li jikkoopera għalkollox mal-IAEA, il-fatt li qed jostakola x-xogħol tal-IAEA, il-fatt li qed jiċħad l-aċċess sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet għall-faċilitajiet ewlenin u l-fatt li qed joġġezzjonia għall-ħatra ta' spetturi;

40.  Jefasizza, barra minn hekk, il-fatt li, f'konformità ma' prinċipju ċentrali tal-NPT, l-Iran għandu d-dritt li jarrikkixxi l-uranju għal skopijiet paċifiċi u li jirċievi assistenza teknika għall-istess objettivi;

41.  Jappoġġja lill-Kunsill fl-approċċ tiegħu ta' żewġ binari mmirat li jsib soluzzjoni negozjata u paċifika għall-istaġnar nukleari, u jfaħħru għall-pożizzjoni komuni l-ġdida tiegħu tas-26 ta' Lulju 2010 li ddaħħal miżuri awtonomi ġodda b'miri speċifiċi u b'effetti wiesgħa ħafna applikabbli għall-Iran; jiddispjaċih għall-fatt li l-Iran ma kienx lest li jaċċetta l-offerti li tressqu fuq il-mejda fl-aħħar rawnd tat-taħdidiet tal-P5+1 li l-Iran ospita f'Istanbul, u għall-fatt li sussegwentement dawk it-taħdidiet fallew; jibqa“ konvint, madankollu, li l-UE għandha tinvinta strateġija aktar wiesgħa lejn l-Iran li tmur lilhinn mill-kwistjoni nukleari u li tindirizza wkoll is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Iran u r-rwol reġjonali tiegħu;

42.  Ifakkar li l-kwistjoni tal-programm nukleari tal-Iran tqiegħdu f'oppożizzjoni għan-Nazzjonijiet Uniti kollha kemm hi, u mhux biss għall-“Punent”;

43.  Jinnota li sanzjonijiet addizzjonali huma l-konsegwenza loġika tal-fatt li l-Iran qed tonqos milli tikkoopera għalkollox mal-IAEA; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri tal-UE jivvalutaw il-mekkaniżmi kollha għall-infurzar tal-implimentazzjoni tal-pożizzjoni komuni tal-UE – speċjalment fir-rigward tal-għoti tal-liċenzji għall-esportazzjoni, il-kontrolli tad-dwana u tal-fruntieri, it-tagħbijiet tal-merkanzija bl-ajru u t-traffiku marittimu – bil-għan li l-Iran tinżamm milli tevadi r-reġim tas-sanzjonijiet u tkun tista“ ssir evalwazzjoni realistika dwar jekk is-sanzjonijiet jipproduċux jew le ir-riżultat antiċipati; itenni l-pożizzjoni tiegħu li dawn il-miżuri ma għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv il-popolazzjoni ġenerali; jilqa” f'dawn ir-rigward id-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi sanzjonijiet b'miri speċifiċi fuq uffiċjali Iranjani li huma maħsuba li kienu responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, jew li kienu kompliċi fihom, minn meta saret l-elezzjoni presidenzjali kontroversjali ta' Ġunju 2009; jistieden lill-Kunsill jadotta miżuri simili;

44.  Jemmen li huma meħtieġa sforzi mġedda mad-dinja kollha biex id-dinja tinħeles mit-theddida tal-armamenti nukleari; jilqa“ l-appell tal-President Obama għad-diżarm nukleari u jistieden lir-Rappreżentant Għoli tagħmel din il-kwistjoni waħda mill-prijoritajiet tagħha, kemm fit-trattativi tagħha mal-Istati membri kif ukoll fil-kuntatti tagħha mal-gvernijiet fil-Lvant Nofsani u fl-Asja;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE jevalwaw ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Iran lilhinn mis-sanzjonijiet, bil-mira li jillimitaw il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-esportazzjoni lejn l-Iran ta' teknoloġiji li jissodisfaw standards Ewropej, inklużi telefowns ċellulari, netwerks ta' komunikazzjoni, teknoloġiji (b'użu doppju), teknoloġiji ta' sorveljanza u softwer għall-iskenning tal-Internet u ċ-ċensura u d-data mining, inkluża data personali; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta għal regolament dwar sistema ġdida ta' ħruġ ta' liċenzji jekk dan ir-rieżami jissuġġerixxi li hija meħtieġa azzjoni leġiżlattiva;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu passi immedjati biex jipprojbixxu l-esportazzjoni ta' teknoloġija ta' sorveljanza (speċjalment ċentri ta' monitoraġġ) minn kumpaniji tal-UE lejn l-Iran;

47.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jespandi l-lista tal-individwi Iranjani li għandhom rabtiet mal-programmi nukleari u ballistiċi tal-Iran u n-netwerks ta' akkwist li jaqduhom; jistieden lill-awtoritajiet relevanti biex jaġixxu malajr biex jiffriżaw l-assi tagħhom u jżommuhom milli jidħlu fit-territirju tal-UE u jużaw ġuriżdizzjonijiet tal-UE biex imexxu xi attività relatata ma' dawk il-programmi;

48.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli iżomm id-dossjer nukleari Iranjan u d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Iranjan f'pożizzjoni prijoritarja fuq l-aġenda, u jistieden lill-Iran jimpenja ruħu f'negozjati b'sinifikat bil-ħsieb li jinkiseb ftehim komprensiv u li jservi fit-tul li jagħlaq il-kwistjoni nukleari;

Ir-relazzjonijiet esterni

49.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli x-xewqa espressa mill-President Iranjan Ahmadinejad li “janniħila” lil Iżrael u r-retorika anti-Semitika tiegħu, speċjalment iċ-ċaħda tiegħu li l-Olokawst eżista u l-aġenda sottostanti tiegħu li jiddeleġittimizza l-istat ta' Iżrael; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-eżistenza ta' Iżrael u soluzzjoni ta' żewġ stati għall-Palestina;

50.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimmoniterjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Golf u jagħmlu ħilithom kollha biex jippromwovu l-paċi u l-istabilità f'dan ir-reġjun;

51.  Jagħraf ir-rwol tat-Turkija bħala attriċi reġjonali influwenti u jfaħħar l-isforzi konġunti tagħha mal-Brażil biex isseħħ soluzzjoni negozjata tal-kwistjoni nukleari Iranjana; jinnota b'dispjaċir, madankollu, li t-termini tal-ftehim bejn tliet partijiet tas-17 ta' Mejju 2010 ma jissodisfawx ħlief parzjalment ir-rekwiżiti stabbiliti mill-IAEA; jistieden lill-awtoritajiet Torok isegwu l-approċċ Ewropew lejn it-theddida nukleari Iranjana; iħeġġeġ lit-Turkija biex tinkludi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-djalogu tagħha mal-Iran;

52.  Jenfasizza l-fatt li r-Russja kienet waħda mill-fornituri l-aktar kbar ta' armamenti moderni u uranju arrikkit lill-Iran; jilqa“ d-deċiżjoni mill-Federazzjoni Russa din is-sena li twaqqaf il-bejgħ tal-S-300 lill-Iran u l-appoġġ tagħha għas-sanzjonijiet tan-NU kontra l-Iran rigward il-programm nukleari tiegħu; jistieden bil-qawwa kollha lir-Russja twaqqaf kull tip ta' proliferazzjoni ta' armamenti u kull esportazzjoni ta' uranju lill-Iran, sabiex l-effikaċja tas-sanzjonijiet kontra l-Iran u s-soddisfar tar-rekwiżiti tal-NPT jkunu jistgħu jiġu żgurati;

53.  Jinkoraġġixxi lir-Rappreżentant Għoli ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kumplementarjetà transatlantiċi fir-rigward tal-Iran u tikkonsulta dwar azzjoni lejn l-Iran mal-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u mas-sħab globali u reġjonali relevanti kollha li għandhom l-istess tħassib dwar l-Iran;

54.  Jieħu nota tal-interess komuni li għandhom l-UE u l-Iran biex jiżguraw il-paċi u l-istabilità fl-Afganistan; jilqa“ r-rwol kostruttiv li qed iwettaq l-Iran fir-restawr tal-infrastruttura u fl-għoti tal-ħajja mill-ġdid lill-ekonomija, kif ukoll fil-prevenzjoni tat-traffikar tad-drogi mill-Afganistan; jenfasizza, madankollu, li l-paċi u l-istabilità sostenibbli fl-Afganistan se jeħtieġu li l-ġirien kollha jżommu lura milli jindaħlu politikament fil-pajjiż;

55.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tiftaħ delegazzjoni tal-UE f'Tehran, issa li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ħa f'idejh ir-responsabilità mill-Presidenza b'rotazzjoni li jirrappreżenta l-Unjoni Ewropea f'pajjiżi terzi;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkuraġġixxu lill-Iran iwettaq rwol kostruttiv fir-rigward tal-iżvilupp futur tal-Afganistan, u jenfasizza l-miri komuni tal-UE u l-Iran rigward l-istabilità tal-Afganistan u t-teħid ta' azzjoni effettiva biex jiġu miġġielda l-poduzzjoni tal-oppju u t-traffikar tad-droga;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u lill-gvern u lill-parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0310.
(2) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 9.
(3) ĠU C 265 E, 30.9.2010, p. 26.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0351.

Avviż legali - Politika tal-privatezza