Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2570(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0158/2011

Dibattiti :

PV 09/03/2011 - 15
CRE 09/03/2011 - 15

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2011 - 9.4
CRE 10/03/2011 - 9.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0097

Testi adottati
PDF 328kWORD 91k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2011 - Strasburgu
Is-16-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ġinevra, 28 ta' Frar - 25 ta' Marzu 2011)
P7_TA(2011)0097RC-B7-0158/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-prijoritajiet għas-16-il Sessjoni tal-Kunsill tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem u r-reviżjoni 2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar it-13-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti(1), u tal-14 ta' Jannar 2009 dwar l-iżvilupp tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, inkluż r-rwol tal-UE(2), kif ukoll dawk tas-16 ta' Marzu 2006 dwar ir-riżultat tan-negozjati dwar il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar it-62 sessjoni tal-UNCHR(3), tad-29 ta' Jannar 2004 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti(4), tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti(5), tad-29 ta' Settembru 2005 dwar l-eżitu tas-Samit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti tal-14-16 ta' Settembru 2005(6) u tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra s-sessjonijiet regolari u specjali preċedenti tal-UNHRC, kif ukoll rawnds preċedenti tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU),

–  wara li kkunsidra is-16-il Sessjoni tal-UNHRC u l-ħdax-il rawnd tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) li ser isir bejn it-2 u t-13 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-eżami tal-UNHRC li ser iseħħ tul l-2011,

–  wara li kkunsidra l-bidliet istituzzjonali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verzjoni tiegħu li rriżultat mit-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-unità u tal-integrità Ewropea(8),

B.   billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki tagħhom stess, sabiex tissaħħaħ u ssir kredibbli l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-UNHRC,

C.  billi l-UNHRC hija pjattaforma unika li tispeċjalizza fid-drittijiet universali tal-bniedem u forum speċifiku li jittratta d-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tan-NU, billi ġie fdat il-kompitu u r-responsabilità importanti li jsaħħaħ il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja,

D.   billi l-eżami tal-UNHRC qed isegwi żewġ binarji: l-istatus tal-korp qiegħed jiġi diskuss fi New York, u l-proċeduri f'Ġinevra; billi, fl-istess ħin, il-parteċipanti internazzjonali kollha għandhom jaħdmu għat-tneħħija ta' standards doppji u l-evitar tas-selettività u l-politiċizzazzjoni meta jkunu qed jiġu kkunsidrati kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem,

E.  billi l-kwistjonijiet ta' sovranità u ġurisdizzjoni domestika ma jistgħux jibqgħu jintużaw biex jipproteġu stati mill-iskrutinju tar-rekords tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

F.  billi l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi bħala attur globali fil-kuntest tan-NU b'mod ġenerali u fil-UNHCR b'mod speċifiku, u billi l-inklużjoni ta' approċċ ġdid fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandha tkun instrumentali biex l-Unjoni tiġi megħjuna taġixxi b'mod aktar effettiv u magħruf, biex tilqa“ u tindirizza l-isfidi globali b'mod koerenti, konsistenti u effiċjenti,

G.  billi twaqqaf Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fi ħdan is-SEAE,

H.  billi delegazzjoni mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewopew se tmur Ġinevra għas-16-il Sessjoni tal-UNHRC, kif sar fis-snin ta' qabel għas-sessjoniet tal-UNHRC, u qabel dan, għall-predeċessur tal-UNHRC, il-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

1.  Jenfasizza l-importanza tas-16-il Sessjoni tal-UNHRC u b'mod partikolari tal-proċess ta' eżami tal-UNHRC, li joffri opportunità unika biex jiġi vvalutat kif il-Kunsill implimenta l-mandat tiegħu u jippreżenta okkażjoni għall-Kunsill biex isaħħaħ il-metodi ta' ħidma tiegħu biex ikun aktar effiċjenti u biex jirreaġixxi b'mod sistematiku għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa“ l-fatt li l-eżami tal-HRC ħatar żewġ kofaċilitaturi għal dan il-proċess, il-Marokk u l-Liechtenstein;

2.  Jilqa“ l-fatt li fuq l-aġenda tas-16-il Sessjoni regolari hemm, fost l-oħrajn, rapporti dwar id-”Drittijiet ta' persuni li jiffurmaw parti mill-minoranzi nazzjonali jew etniċi, reliġjużi u lingwistiċi“ u dwar il-”Promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu“, kif ukoll laqgħat estensivi dwar id-drittijiet tat-tfal;

3.  Jilqa“ n-nominazzjonijiet ta' din is-sena ta' Rapporteurs Speċjali dwar dawn is-suġġetti ewlenin u jieħu nota tar-rapporti li għandhom jitressqu mir-Rapporteurs Speċjali dwar it-tortura u forom oħra ta' trattament jew kastigi krudili, inumani jew degradanti, dwar il-libertà tar-reliġjon jew twemmin, u dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jikkontribwixxu għal dawn id-dibattiti b'mod attiv;

4.  Jilqa“ d-Direttorat il-ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u jappoġġa t-twaqqif ta' Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-UE, ibbażat fi Brussell, dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) li jkun jinkludi esperti dwar id-drittijiet tal-bniedem mis-27 Stat Membru tal-UE, peress li Brussell qiegħda f'pożizzjoni aħjar biex wieħed jimmonitorja l-politiki tal-UE u li se jgħin biex tiġi organizzata l-ħidma multilaterali fir-rigward tal-ħidma bilaterali;

5.  Jappoġġa l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE ta' livell għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u jerġa“ jisħaq fuq il-ħtieġa ta' strateġiji tal-pajjiżi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

6.  Jenfasizza l-importanza taż-żamma ta' pożizzjonijiet komuni mill-UE dwar kwistjonijiet għal diskussjoni tul is-16-il Sessjoni, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex isaħħu l-prattika tal-UE li twassal “messaġġ wieħed, iżda b'ħafna ilħna”, li ħadmet tajjeb fi snin reċenti, pereżempju rigward l-inizjattivi tal-UE kontra l-piena kapitali;

Il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem

7.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri tal-UE sabiex jopponu attivament kull tentattiv biex jiddgħajjef il-kunċett tal-universalità, l-indiviżibilità u l-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem, u sabiex iħeġġu lill-UNHRC jagħti l-istess attenzjoni lid-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni, inkluż ġeneru, diżabilità, oriġini razzjali jew etnika, età, orjentazzjoni sesswali, u reliġjon jew twemmin;

8.  Ifakkar fl-importanza tal-interdipendenza tad-drittijiet ċivili u politiċi u dawk ekonomiċi, soċjali u kulturali; jitlob li l-ilma u s-sanità jitqiesu bħala dritt fundamentali għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-bniedem;

9.  Jinsab imħasseb li l-akbar ostaklu biex il-UNHRC jwettaq il-mandat tiegħu b'mod aktar effikaċi huwa “l-politika tal-blokkijiet” li ta' spiss tiddomina, u l-impatt tagħha fuq l-għażla tal-pajjiżi u s-sitwazzjonijiet li jirċievu l-attenzjoni tal-UNHRC; itenni l-fehma li l-kapaċità tal-UNHRC li jindirizza s-sitwazzjonijiet tal-pajjiżi b'mod effikaċi u f'waqtu u b'mod xieraq hija ċentrali għall-awtorità u l-kredibilità tiegħu;

10.  Jemmen li l-HRC għandu jkun armat aħjar biex jindirizza kemm is-sitwazzjonijiet kroniċi u dawk ta' emerġenza, forsi permezz tal-espansjoni tas-sett ta' strumenti li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, billi jintużaw panels, mhux biss waqt imma anke bejn is-sessjonijiet, u billi jsiru sessjonijiet fir-reġjuni “l bogħod minn Ġinevra; jiddispjaċih li f'diversi okkażjonijiet il-UNHRC ma setax jindirizza sitwazzjonijiet serji li jolqtu d-drittijiet tal-bniedem b'mod urġenti u f'waqtu minħabba n-nuqqas ta' strumenti xierqa, u jappoġġa l-idea li jkun hemm sistemi indipendenti li jqanqlu l-mekkaniżmi tal-UNHRC; qiegħed jaħdem attivament għall-ħolqien ta' mekkaniżmi ddedikati tal-UNHRC biex ikun hemm reazzjoni fil-pront għall-kriżijiet tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq, fl-Iran u fil-Belarus;

11.  Jilqa“ t-tentattivi fi ħdan il-UNHRC biex jiġi ffurmat grupp ta' ħidma interreġjonali dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus; iħeġġeġ lill-UNHRC jagħmel dikjarazzjoni li tikkundanna b'mod qawwi il-ksur evidenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u r-ripressjonijiet kontra l-oppożizzjoni demokratika u ċ-ċittadini ordinarji wara l-elezzjonijiet presidenzjali fid-19 ta' Diċembru 2010 u jadotta riżoluzzjoni dwar il-kwistjoni;

12.  Jilqa“ l-inizjattiva tal-Istati Uniti biex tintroduċi riżoluzzjoni dwar l-Iran; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw bil-qawwa l-installazzjoni ta' Mekkaniżmu Speċjali dwar l-Iran; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lis-SEAE jikkoordinaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ta' tħassib komuni, filwaqt li l-UE għandha taġixxi b'mod kompletament indipendenti sabiex tkun effikaċi u kredibbli;

13.  Jilqa“ l-fatt li ntbagħtet missjoni ta' livell għoli tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tuneżija mis-27 ta' Jannar sat-2 ta' Frar 2011 u jħeġġeġ b'mod qawwi l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tagħha; itenni t-talba tiegħu biex titwaqqaf kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti biex tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-avvenimenti ta' wara s-17 ta' Diċembru 2010;

14.  Jappoġġa l-intenzjoni li tintbagħat missjoni tal-OHCHR fl-Eġittu biex tivvaluta s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem wara l-bidla tal-mexxejja tal-pajjiż;

15.  Jilqa“ l-adozzjoni permezz ta' kunsens ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja fil-15-il Sessjoni Speċjali tal-25 ta' Frar 2011 li tikkundanna l-ksur evidenti u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-Libja bl-indikazzjoni li wħud minnhom jistgħu jirriżultaw li huma reati kontra l-umanità; jitlob li tintbagħat kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti fil-Libja biex tinvestiga l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u jappoġġa bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tagħha li tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-UNHCR; jilqa” f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-1 ta' Marzu 2011 li tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-UNHCR;

16.  Jappoġġa l-ftuħ tal-uffiċċju reġjonali tal-OHRHC fir-reġjun tal-Mediterran;

17.  Jilqa“ l-fatt li, fuq inizjattiva tan-Niġerja u l-Istati Uniti, saret l-14-il Sessjoni Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Côte d'Ivoire fil-kuntest tal-konklużjoni tal-elezzjoni presidenzjali tal-2010, u kkundannat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u stiednet lill-partijiet kollha jirrispettaw kompletament id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; itenni l-appoġġ tiegħu għall-eżitu tal-elezzjonijiet kif rikonoxxut min-NU u jistieden lill-atturi kollha jirrikonoxxu l-awtorità ta' Alassane Ouattara bħala l-president elett; jappoġġa d-deċiżjoni tal-Unjoni Afrikana li twaqqaf panel tal-Kapijiet ta' Stat biex ikun hemm soluzzjoni paċifika u negozjata għall-kriżi postelettorali fil-Côte d'Ivoire;

18.  Fid-dawl tar-rapporti mir-Rapporteurs Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (DPRK), u dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar/Burma, jerġa“ jiddikjara t-talba tiegħu biex l-UE tappoġġa b'mod pubbliku t-twaqqif ta' kummissjonijiet ta' inkjesta tan-NU biex jivvalutaw il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi u jivvalutaw il-punt sakemm dawn jikkostitwixxu reati kontra l-umanità; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' koperazzjoni tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea mar-Rapporteur Speċjali u jitlob li jiġi estiż il-mandat tar-Rapporteur Speċjali għall-Mjanmar/Burma;

19.  Iħeġġeġ lill-UE tikkontribwixxi u tappoġġa b'mod proattiv, fis-sessjoni li ġejja tal-HRC, riżoluzzjoni relatata mar-rapport dwar is-segwitu tal-kumitat ta' esperti indipendenti għall-missjoni internazzjonali għas-sejba tal-fatti dwar il-kunflitt ta' Gaza, sabiex tiġi żgurata r-responsabilità għall-ksur tad-dritt internazzjonali u tappoġġa riferiment lill-Assemblea Ġenerali u l-mekkaniżmi tal-Ġustizzja Internazzjonali fil-każ li l-partijiet Iżraeljani u Palestinjani jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jwettqu investigazzjonijiet skont l-istandards internazzjonali; jitlob ukoll lir-Rappreżentant Għoli tikkontrolla b'mod attiv il-konformità mas-sejbiet ta' “Is-segwitu għar-rapport tal-missjoni internazzjonali għas-sejbien tal-fatti dwar l-inċident tal-flotta umanitarja”, waqt li tiżgura li jiġu rispettati l-prinċipji ta' responsabilità u li wieħed jagħti rendikont ta' għemilu; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem għandhom l-ewwel jiġu diskussi fi ħdan il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael u fil-Kumitat Konġunt UE-PA; jinsab imħasseb b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael tal-21 ta“ Frar 2011 ma jirriflettux il-pożizzjoni tal-UE dwar din il-kwistjoni;

20.  Jilqa“ d-dikjarazzjonijiet li l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem għamlet fl-ewwel żjara tagħha fit-territorju Palestinjan okkupat u fl-Iżrael u, b'mod partikulari, il-messaġġ b'saħħtu li wasslet mal-kritika tagħha tal-politika tal-insedjamenti tal-Iżrael u li ”wieħed ma jistax jinnegozja dwar id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali“; jisħaq fuq l-importanza ta' demokratizzazzjoni paċifika tal-Lvant Nofsani;

21.  Jiddispjaċih li, waqt li l-kriterji għal sħubija mal-UNHRC kif stabbiliti mir-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali, jimplikaw kooperazzjoni sħiħa ma' dik l-entità, il-prattika attwali ta' wegħdiet volontarji kellha riżultati varjati u inadegwati ħafna; itenni għalhekk li l-membri kollha għandu jkollhom stediniet permanenti effettivi għall-Proċeduri Speċjali bħala livell minimu għas-sħubija, flimkien ma' rekord solidu ta' impenn għad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq l-importanza ta' ambjent tassew kompetittiv fil-proċess elttorali; jitlob li tiġi eliminata l-possibilità li gruppi reġjonali jippreżentaw skjerament ta' kandidati prestabbilit għas-sħubija fil-UNHRC;

22.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lis-SEAE jinvolvu ruħhom attivament fl-eżami tal-2011 tal-UNHRC biex isaħħu l-konformità mal-mandat tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li l-UNHRC għandu jkun aktar mekkaniżmu ta' twissija bikrija u mekkaniżmu preventiv u li l-kompetenza tal-Proċeduri Speċjali għandha tintuża għal dan l-iskop; itenni li hemm bżonn ta' proċess ta' eżami mill-ġdid trasparenti u li jinkludi kollox, li jqis il-fehmiet tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati l-oħra relevanti kollha; jistieden lis-SEAE jżomm lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew infurmat dwar il-qagħda attwali tal-eżami mill-ġdid;

23.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-eżami mill-ġdid għandu jippreserva l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u jopponi kull tentattiv li jinbidel l-istatus tal-OHCHR li jista“ jkollu impatt negattiv fuq il-finanzjament u konsegwentement fuq l-indipendenza tiegħu; jilqa” l-ħatra riċenti ta' Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li jmexxi l-uffiċċju tal-OHCHR fi New York; iqis li dan l-uffiċċju l-ġdid se jgħin isaħħaħ il-kuntatt, id-djalogu u t-trasparenza bejn l-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-entitajiet l-oħrajn tan-NU, inklużi l-Kunsill tas-Sigurtà u l-OHCHR; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat biżżejjed finanzjament biex l-uffiċċji reġjonali u l-antenni tal-OHCHR jibqgħu miftuħin sabiex ikunu jistgħu jkomplu b'ħidmithom fuq il-post;

24.  Jinsisti fuq is-salvagwardja u t-tisħiħ tal-Proċeduri Speċjali u fuq il-garanzija tal-possibilità li l-UNHRC jindirizza ksur speċifiku tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' riżoluzzjonijiet u mandati speċifiċi għall-pajjiżi; jenfasizza l-importanza tal-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk huma soċjali, ekonomiċi, kulturali, ċivili jew politiċi; jinnota bi tħassib li l-Mekkaniżmu għall-Ilmenti, mekkaniżmu uniku u universali orjentat lejn il-vittmi, ftit ipproduċa riżultati meta mqabbel man-numru kbir ta' lmenti li rċieva; jenfasizza l-ħtieġa li din il-kwistjoni tiġi indirzzata fl-eżami tal-UNHRC;

Eżami Perjodiku Universali (EPU)

25.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-EPU bħala esperjenza kondiviża għall-gvernijiet kollha li jissottometti lill-membri kollha tan-NU għal trattament u skrutinju ugwali minkejja l-fatt li l-pajjiżi jridu jaċċettaw volontarjament li jgħaddu minnu u jkun hemm segwitu għar-rakkomandazzjonijiet; jinnota li sa Diċembru 2011, l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti se jkunu ġew eżaminati taħt dan il-mekkaniżmu;

26.  Jinsisti li hu essenzjali li jinżamm spazju għas-soċjetà ċivili fl-HRC sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-djalogu, jinfetħu opportunitajiet ġodda biex l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) jidħlu fi djalogu fi Stati partikulari;

27.  Jappoġġa l-involviment ulterjuri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-EPU billi jkunu permessi t-tressiq ta' rakkomandazzjonijiet bil-miktub biex jiġu eżaminati mill-Grupp ta' ħidma u l-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tiegħu;

28.  Jieħu nota tal-possibilità li joffri l-EPU biex l-Istati jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u għas-segwitu tal-konklużjonijiet tal-entitajiet tat-trattati u l-Proċeduri Speċjali;

29.  Jerġa“ jafferma l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu aktar orjentati lejn ir-riżultati u jitlob li jkun hemm aktar involviment minn esperti indipendenti u istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fl-EPU sabiex jiġi żgurat li hu mekkaniżmu ta' segwitu effikaċi; jikkunsidra li l-kompetenza indipendenti tista” tiġi inkluża fil-proċess tal-EPU billi jitqabbdu esperti biex josservaw il-proċess ta' eżami u jippreżentaw sommarju u analiżi tal-EPU waqt l-adozzjoni tar-rapport finali;

30.  Jiddispjaċih li l-ewwel ċiklu tal-eżami ta' ċerti pajjiżi għadu ma laħaqx l-aspettattivi ta' proċess trasparenti, mhux selettiv u mhux konfrontazzjonali; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, ir-rwol li żvolġew l-Istati Membri tal-UE meta ppruvaw jisfrondaw “il-mentalità ta' blokk”; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu assistenza teknika biex jgħinu fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;

31.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jinvolvu rwieħhom fl-eżami tal-UNHRC, biex jiżguraw li ma jkunx hemm distakk bejn l-ewwel u t-tieni ċikli tal-EPU, u jiżguraw li t-tieni ċiklu jiffoka fuq l-implimentazzjoni u s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet; jappoġġa l-fehma li l-Istati sottomessi għall-EPU għandhom jipprovdu risposti ċari għal kull rakkomandazzjoni u kalendarji għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma; jinnota li t-tressiq ta' rapport ta' nofs it-terminu dwar l-istatus tal-implimentazzjoni jista“ jikkontribwixxi għal dan il-proċess;

Il-Proċeduri Speċjali

32.  Jerġa“ jiddikjara li l-Proċeduri Speċjali qegħdin fil-qalba tal-mekkaniżmu tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, u li l-kredibilità u l-effikaċità tal-UNHRC fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jiddependu fuq il-koperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jisħaq, f'dan il-kuntest, li t-tisħiħ tal-indipendenza u l-interattività tal-Proċeduri Speċjali mal-Kunsill hu fundamentali;

33.  Jikkundanna t-tentattivi li tiddgħajjef l-indipendenza tal-Proċeduri Speċjali billi l-gvernijiet jitqiegħdu f'pożizzjoni ta' sorveljanza fuq il-Proċeduri Speċjali; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe tip ta' kontroll jippolitiċizza u jagħmel ħsara lill-effikaċja tas-sistema;

34.  Itenni li l-Proċeduri Speċjali dwar sitwazzjonijiet ta' pajjiżi huma strument essenzjali għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post; jisħaq fuq il-fatt li, minħabba elementi kruċjali bħall-perjodiċità tagħhom u l-kompetenza li huma bbażati fuqha, il-mandati tal-pajjiżi ma jistgħux jiġu sostitwiti mill-EPU;

35.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jiddefendu l-integrità u r-responsabilità tal-UNHRS fl-eżami mill-ġdid billi jappoġġaw il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' segwitu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Proċeduri Speċjali, apparti l-adozzjoni ta' kriterji ta' għażla u proċess aktar trasparenti għall-ħatriet li jkun ibbażat fuq il-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persuni nominati; jappoġġa l-proposta mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' twissija bikrija tal-Proċeduri Speċjali permezz ta' mekkaniżmu li jippermettilhom iqanqlu l-eżami awtomatiku ta' sitwazzjoni mill-UNHRC;

L-involviment tal-UE

36.  Jilqa“ l-parteċipazzjoni tal-VP/RGħ tal-UE fis-16-il sessjoni tal-UNHRC;

37.  Jinsisti li s-SEAE, u b'mod speċjali d-delegazzjonijiet tal-UE f'Ġinevra u New York, iżid il-koerenza, il-viżibilità u l-kredibilità tal-azzjoni tal-UE fil-UNHRC billi jkompli jiżviluppa programmi ta' kuntatt u kooperazzjoni interreġjonali u speċjalment billi jagħmel lobbying mal-istati moderati fil-gruppi kollha;

38.  Itenni f'dan ir-rigward il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kunċett tal-“inġurja tar-reliġjonijiet” u, waqt li jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi indirizzata bis-sħiħ il-problema tad-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, jikkunsidra li l-inklużjoni ta' dan il-kunċett fil-Protokoll dwar standards komplementari dwar ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni mhijiex xierqa; jilqa“ l-avveniment sekondarju organizzat mid-delegazzjoni tal-UE għall-kommemorazzjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; jitlob lill-UE tinvolvi ruħha mal-isponsors ewlenin tar-riżoluzzjoni u ma' atturi oħrajn biex issib alternattiva għar-riżoluzzjoni dwar l-inġurja li se tiġi ppreżentata;

39.  Jappoġġa d-dikjarazzjoni interreġjonali li se titressaq dwar id-drittijiet tal-LGBTI;

40.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni attiva tal-UE fil-ħidma tal-UNHRC minn mindu twaqqaf, speċifikament billi sponsorjat jew kosponsorjat riżoluzzjonijiet, ħarġet dikjarazzjonijiet u interveniet fi djalogi u dibattiti interattivi; jirrikonoxxi l-impenji li ħadet l-UE biex tindirizza sitwazzjonijiet ta' pajjiżi fil-UNHRC u jisħaq fuq l-importanza li dawn l-impenji jiġu implimentati b'mod qawwi;

41.  Jappoġġa l-inizjattiva konġunta tal-UE u l-GRULAC (il-Grupp tal-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew) għal riżoluzzjoni dwar it-tfal li jgħixu u jaħdmu fit-triq;

42.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu kull ma jistgħu biex jippreservaw il-mandat tal-proċeduri speċjali kollha u jitlob b'mod partikulari għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

43.  Jiddispjaċih li bħala effett sekondarju tal-isforzi tagħha biex issib kunsens, l-UE ta' spiss tidher li qed tbaxxi l-ambizzjonijiet tagħha, u jemmen li l-UE għandha tkun ħafna aktar kuraġġuża meta tipproponi u/jew tappoġġa r-riżoluzzjonijiet tal-pajjiżi;

44.  Jinnota bi tħassib li l-UE ma kinitx kapaċi teżerċità influwenza b'mod effikaċi fi ħdan is-sistema aktar estiża tan-NU; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tagħti prijorità lill-HRC, tikkoordina aħjar fost l-Istati Membri u jistieden lill-Kunsill jadotta linji gwida sabiex jiffaċilita l-koordinament u t-teħid tad-deċiżjonijiet f'dan il-kuntest, u jfittex li jibni koalizzjonijiet/alleanzi mas-sħab reġjonali ewlenin u l-istati moderati kollha fl-isforz biex tingħeleb il-loġika tal-blokkijiet fl-HRC;

45.  Jiġbed l-attenzjoni, fuq livell prattiku, għall-importanza li jkun hemm Delegazzjoni tal-UE akbar u b'riżorsi tajbin f'Ġinevra u fi New York; jisħaq fuq il-fatt li dak li jiġri f'Ġinevra u fi New York irid ikun parti integrali tal-politika barranija tal-UE, waqt li tingħata attenzjoni biex jittejjeb il-koordinament intern, u jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta' azzjoni reċiproka tajba bejn il-livelli bilaterali u l-livelli multilaterali;

46.  Jiddeplora l-fatt li r-riżoluzzjoni mressqa mill-UE fl-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2010 bil-għan li ssaħħaħ “l-istatus” tagħha sabiex tkun konsistenti mal-arranġamenti istituzzjonali l-ġodda minħabba t-Trattat ta' Lisbona ġiet posposta; jinnota li dan l-istatus imsaħħaħ jagħti l-possibilità li l-UE tkun rappreżentata minn persuna stabbli (il-President tal-Kunsill Ewropew u/jew ir-Rappreżentant Għoli) biex titkellem b'leħen wieħed u dan jgħolli l-viżibilità u l-influwenza tal-UE bħala attur globali; jinsisti fuq il-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi li għamel “it-task force speċjali” tas-SEAE biex jippromwovi l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE;

47.  Jagħti l-mandat lid-delegazzjoni tiegħu għas-16-il Sessjoni tal-UNHRC biex tleħħen it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni; jistieden lid-delegazzjoni tirrapporta lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward taż-żjara tagħha, u jikkunsidra li hu indispensabbli li tibqa“ tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew lis-sessjonijiet relevanti tal-UNHRC;

48.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati fil-politiki interni tagħhom sabiex jiġu evitati standards doppji u fil-prospettiva tal-proċess attwali tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, peress li jekk jonqsu milli jagħmlu dan b'mod fundamentali, tista“ tiddgħajjef il-pożizzjoni tal-UE fil-UNHRC;

o
o   o

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-64 Assemblea Ġenerali, lill-President tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.

(1) ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 6.
(2) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 71.
(3) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 409.
(4) ĠU C 96 E, 21.4.2004, p. 79.
(5) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 549.
(6) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 582.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.
(8) L-Artikoli 2, 3(5) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Avviż legali - Politika tal-privatezza