Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2613(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0167/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2011 - 15.2

Testi adottati :

P7_TA(2011)0099

Testi adottati
PDF 215kWORD 50k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2011 - Strasburgu
Il-Bjelorussja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Ales Michalevic u Natalia Radina
P7_TA(2011)0099RC-B7-0167/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-Bjelorussja (b'mod partikolari dwar il-każijiet ta' Ales Mikhalevic u Natalia Radina)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja b'mod partikulari, dawk tal-20 ta' Jannar 2011(1), tas-17 ta' Diċembru 2009(2) u tat-22 ta' Mejju 2008(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, fit-18 ta' Frar 2011 fi Brussell, dwar il-kundanna u s-sentenzjar tar-rappreżentant tal-oppożizzjoni tal-Bjelorussja,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bjelorussja adottati fit-3065 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saret fi Brussell fil-31 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 2011/69/PESK tal-31 ta' Jannar 2011 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru.2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (Konvenzjoni kontra t-Tortura) li l-Bjelorussja hi firmatarja tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Regoli Standard Minimi tan-NU għat-Trattament tal-Priġunieri,

–  wara li kkunsidra l-Linjigwida għall-politika tal-UE fir-rigward ta' pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, adottati fl-2001 u riveduti fl-2008,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 1790(2011) tas-27 ta' Jannar 2011 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja wara l-elezzjoni Presidenzjali,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Amnesty International tat-2 ta' Frar 2011, bl-isem ta' “Sigurtà, Paċi u Ordni? Ksur tad-drittijiet wara l-elezzjonijiet fil-Bjelorussja”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi numru kbir ta' membri tal-oppożizzjoni, inkluż ex kandidati Presidenzjali, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kienu arrestati wara l-avvenimenti tad-19 ta' Diċembru 2010 f'Minsk u li għadhom miżmuma bħala prinġunieri fiċ-ċentru ta' detenzjoni tal-KGB; billi l-atti ta' ripressjoni u l-proċessi b'motivazzjoni politika kontra l-membri tal-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom għaddejjin sal-lum, b'aktar minn 40 persuna tkun akkużata u b'riskju ta' sentenzi ta' priġunerija sa 15-il sena;

B.  billi l-uffiċċju tal-Prosekutur tal-Belt ta' Minsk estenda l-perjodu ta' investigazzjoni b'ħames xhur, għall-każ tal-hekk imsejħa “rewwixta tal-massa” b'konnessjoni mal-avvenimenti tad-19 ta' Diċembru 2010; billi l-proċessi kontra l-kandidati presidenzjali, l-attivisti tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti b'rabta ma' dan il-każ kienu istigati minn motivazzjoni politika;

C.  billi Aliaksandr Atroshchankau, Aliaksandr Malchanau, Dzmitry Novik, Vasil Parfiankou, membri tat-timijiet tal-kampanja elettorali tal-kandidati tal-oppożizzjoni demokratika Uladzimir Niakliayeu u Andrei Sannikau kienu kkundannati minn tliet sa erba“ snin priġunerija f'kolonja ta' sigurtà għolja b'konnessjoni mad-dimostrazzjonijiet tad-19 ta' Diċembru 2010; billi kif dikjarat mill-avukati tagħhom, l-awtoritajiet naqsu milli jippruvaw il-ħtijiet tagħhom;

D.  billi l-avukati tagħhom ġew miċħuda ripetutament milli jiltaqgħu magħhom; billi, minħabba t-theddid tal-KGB, l-avukati kienu sfurzati jirtiraw mill-każijiet tagħhom, u billi l-Ministeru tal-Ġustizzja sussegwentement irrevoka l-liċenzji tagħhom,

E.  billi Ales Mikhalevic, ex kandidat Presidenzjali arrestat wara l-protesti ta' wara l-elezzjoni, inħeles biss fis-26 ta' Frar 2011, wara li ffirma impenn li jikkollabora mal-KGB tal-Bjelorussja, impenn li aktar tard ċaħad pubblikament,

F.  billi fit-28 ta' Frar 2011, Ales Mikhalevic ħareġ stqarrija fejn ta rendikont tat-tortura mentali u fiżika li għaliha kienu soġġetti l-priġunieri politiċi sabiex jiġu mġiegħla jammettu u jaċċettaw il-prova tal-ħtija tagħhom;

G.  billi Natalia Radina, l-editur tas-sit elettroniku tal-oppożizzjoni Charter 97, ukoll kienet arrestata f'Diċembru 2010, u akkużata bl-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-irvelli tal-massa li seħħew wara l-elezzjonijiet Presidenzjali; billi s-Sa Radina nħelset miċ-ċentru pre-proċesswali tal-KGB u nżammet milli tħalli belt twelida sa tmiem l-investigazzjoni tal-każ tagħha;

H.  billi wara l-ħelsien tagħha Natalia Radina ddikjarat li tul id-detenzjoni tagħha, kienet soġġetta għal pressjoni psikoloġika mill-uffiċjali tal-KGB u li dawn ippruvaw jirreklutawha bħala informatriċi tal-KGB; billi d-dikjarazzjoni tagħha tikkonferma r-rapporti ta' tortura ta' priġunieri politiċi fiċ-ċentru ta' detenzjoni tal-KGB f'Minsk;

I.  billi l-Kumitat għas-Sigurtà tal-Istat tal-Bjelorussja ċaħad kull użu ta' tortura kontra l-priġunieri fiċ-ċentru ta' detenzjoni tal-KGB,

1.  Jikkundanna n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet fundamentali ta' libertà ta' assemblea u ta' espressjoni mill-awtoritajiet tal-Bjelorussja u jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta' kull dimostrant arrestat u għat-twaqqigħ tal-akkużi kollha b'motivazzjoni politika kontrihom;

2.  Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-użu tat-tortura kontra priġunieri bħala forma ta' trattament inuman li hu pprojbit bl-iktar mod ċar mil-liġi internazzjonali u li assolutament mhuwiex aċċettabbli f'pajjiż Ewropew u f'wieħed mill-eqreb ġirien tal-UE;

3.  Jikkundanna s-sentenzi severi reċenti imposti fuq attivisti żgħażagħ tal-oppożizzjoni għas-sempliċi fatt li pparteċipaw fid-dimostrazzjonijiet tad-19 ta' Diċembru 2010 bħala ksur flagranti u serju tad-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom u għall-ksur flagranti tal-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Bjelorussja hi firmatarja tagħhom;

4.  Jiddenunzja l-klima ta' biża“ u intimidazzjoni fil-konfront ta' avversarji politiċi fil-Bjelorussja jikkundanna r-ripressjoni u l-abbuż tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-midja indipendenti, ta' wara jum l-elezzjoni, inklużi tfittxijiet tal-massa f'appartamenti privati, uffiċċji tal-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, espulsjonijiet mill-universitajiet u l-postijiet tax-xogħol; jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja fil-Bjelorussja;

5.  Iħeġġeġ lill-Bjelorussja tirrispetta l-istat tad-dritt, il-konvenzjonijiet internazzjonali u l-liġijiet nazzjonali li jiżguraw it-trattament ugwali tal-priġunieri u l-aċċess mingħajr xkiel għall-familjari tagħhom, għal pariri legali u l-kura medika u biex jintemm l-abbuż kontinwu tal-avversarji politiċi, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-midja indipendenti;

6.  Jikkundanna d-deċiżjoni meħuda mill-Kulleġġ tal-Avukati tal-Belt ta' Minsk li jirtira l-liċenzji ta' wħud mill-avukati ta' dawk akkużati fil-każ kriminali b'akkuża ta' irvell tal-massa inklużi, Aleh Ahiejev, Pavel Sapelko, Tatiana Ahijeva, Uladzimir Touscik u Tamata Harajeva, u jistieden lill-Kulleġġ tal-Avukati tal-Belt ta' Minsk jannulla din id-deċiżjoni;

7.  Jikkundanna t-tkeċċija ta' Alyaksandr Pylchanka, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati tal-Belt ta' Minsk, mill-Ministru tal-Ġustizzja, talli esprima t-tħassib tiegħu għad-deċiżjoni tal-Ministeru li jirrevoka l-liċenzji ta' erba“ avukati involuti fl-hekk imsejjaħ każ ta' rewwixta bħala wieħed mingħajr bażi u bla provi ta' theddida reali għall-indipendenza tal-ġudikatura u għall-indipendenza ta' kull avukat individwali;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jwettqu investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali tal-allegazzjonijiet ta' tortura fuq priġunieri politiċi u biex jidentifikaw u jtellgħu l-qorti lill-individwi involuti f'dawn il-prattiki;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jirrevedu l-Liġi dwar l-avvenimenti Pubbliċi biex din tkun konformi mar-rekwiżti tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

10.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u lill pajjiżi sieħba oħrajn tal-UE biex jikkunsidraw l-estensjoni ta' miżuri ta' restrizzjoni fuq prosekuturi, imħallfin u rappreżentanti tal-KGB konnessi mal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja sakemm ma tintemmx minnufih ir-repressjoni f'dan il-pajjiż u sakemm ma jsirx progress konsiderevoli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; iqis li l-kunsill għandu jeżamina l-possibilità li jintroduċi sanzjonijiet ekonomiċi intelliġenti u mmirati fuq il-kumpaniji b'sieda tal-Gvern tal-Bjelorussja;

11.  Jilqa“ l-impenn meħud minn disa” pajjiżi – b'mod partikolari l-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, l-Albanija, il-Bosnja-Ħerżegovina, is-Serbja, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja – li japplikaw miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja;

12.  Itenni li sakemm il-Gvern tal-Bjelorussja ma jiħux passi immedjati lejn id- demokratizzazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-proċess ta' parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja ser ikun iffriżat, inkluż il-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant;

13.  Jenfasizza, li minkejja l-konsegwenzi politiċi fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bjelorussja tal-infurzar strett fuq l-oppożizzjoni wara l-elezzjoni, l-UE teħtieġ tintensifika l-assistenza tagħha lis-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja, inkluż fil-forma ta' faċilitar tal-viżi;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti u l-Gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0022.
(2) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 16.
(3) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 113.

Avviż legali - Politika tal-privatezza