Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 18 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Mergers ta' kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata ***I
 Protokoll għall-Ftehima Ewro-Mediterranja bejn il-KE u l-Ġordan, fid-dawl tal-adeżjoni mal-UE tal-Bulgarija u r-Rumanija ***
 Ftehim KE-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent dwar is-servizzi tal-ajru ***
 Kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni ***II
 L-implimentazzjoni tal-Konsensus Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja: l-analiżi ta' nofs it-term tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha u t-triq “il quddiem
 Ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel

Mergers ta' kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata ***I
PDF 288kWORD 38k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2011 dwar il-proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mergers ta' kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata (kodifikazzjoni) (COM(2010)0391 – C7-0209/2010 – 2008/0009(COD))
P7_TA(2011)0001A7-0363/2010

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0026) u l-proposta emendata (COM(2010)0391),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tas-17 ta' Ġunju 2008(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0209/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 – Metodu ta' ħidma aċċellerat għall-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 86 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0363/2010),

A.  billi, skont il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta inkwistjoni fiha kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti mingħajr ebda bidla fis-sustanza tagħhom,

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, u japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif adattata għar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' Jannar 2011 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mergers ta' kumpanniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata (kodifikazzjoni)

P7_TC1-COD(2008)0009


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2011/35/UE.)

(1) ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 60.
(2) Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.
(3) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


Protokoll għall-Ftehima Ewro-Mediterranja bejn il-KE u l-Ġordan, fid-dawl tal-adeżjoni mal-UE tal-Bulgarija u r-Rumanija ***
PDF 204kWORD 32k
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija (06903/2010 – C7-0384/2010 – 2007/0231(NLE))
P7_TA(2011)0002A7-0373/2010

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06903/2010),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' protokoll mal-ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (09373/2008),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218 (6), it-tieni subparagrafu, punt a, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0384/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81, l-Artikolu 90(8) u l-Artikolu 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0373/2010),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.


Ftehim KE-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent dwar is-servizzi tal-ajru ***
PDF 199kWORD 31k
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (06646/2010 – C7-0103/2010 – 2008/0145(NLE))
P7_TA(2011)0003A7-0361/2010

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06646/2010),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (06190/2009),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2), l-Artiklu 218(8), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0103/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0361/2010),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent.


Kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni ***II
PDF 291kWORD 41k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (10753/3/2010 – C7-0267/2010 – 2008/0098(COD))
P7_TA(2011)0004A7-0343/2010

(Proċedura leġislattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10753/3/2010 – C7-0267/2010),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0311) u l-proposta emendata (COM(2009)0579),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE, skont liema artikolu l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0203/2008]),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bit-titolu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' Frar 2009(2),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-8ta' Diċembru 2010, li japprova l-pożizzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(8)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0343/2010),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fit-18 ta' Jannar 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE

P7_TC2-COD(2008)0098


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 305/2011.)

(1) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 441.
(2) ĠU C 218, 11.9.2009, p.15.


L-implimentazzjoni tal-Konsensus Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja: l-analiżi ta' nofs it-term tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha u t-triq “il quddiem
PDF 411kWORD 100k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja: l-analiżi ta' nofs it-term tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha u t-triq “il quddiem (2010/2101(INI))
P7_TA(2011)0005A7-0375/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja ffirmat fit-18 ta' Diċembru 2007 mill-Presidenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi pjan ta' azzjoni li fih miżuri konkreti għall-implimentazzjoni tal-kunsens (SEC(2008)1991),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ddedikat għall-għajnuna umanitarja,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 ta' l-20 ta' Ġunju 1996 dwar l-għajnuna umanitarja(1),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali tat-23 ta' Diċembru 2005, aġġornati f'Diċembru 2009, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE tal-5 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom tat-8 ta' Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2007 li jistiednu lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mill-mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili u biex issaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra d-dokument konġunt ta' Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u ta' Kristalina Georgieva, membru tal-Kummissjoni Ewropea, dwar it-tagħlimiet mir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea waqt id-diżastru ta' Ħaiti,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2003, bit-titolu “L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti: L-għażla għall-multilateraliżmu” (COM(2003)0526), li titlob li jkun hemm tisħiħ u integrazzjoni sistematika tar-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NU, permezz ta' djalogu politiku sistematiku, koperazzjoni akbar fuq il-post, immaniġġjar u prevenzjoni aħjar tal-kriżijiet, u sħubijiet strateġiċi bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet magħżula tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill tal-5 ta' Marzu 2008, dwar “It-Tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-Reazzjoni għad-Diżastri” (COM(2008)0130) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar “it-Titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri”(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-23 ta' Frar 2009 dwar l-Istrateġija tal-UE ta' Sostenn għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri fil-Pajjiżi fil-Fażi ta' Żvilupp' (COM(2009)0084),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2010, dwar l-“Għajnuna Umanitarja tal-Ikel” (COM(2010)0126),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija operattiva 2010 tad-DĠ ECHO,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Michel Barnier intitolat “'Għal Korp Ewropew ta' Protezzjoni Ċivili: EuropeAid”, ippubblikat f'Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Anċillari tagħhom tal-1977,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati adottata f'Lulju 1951,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokoll fakultattiv tagħha dwar l-involviment tat-tfal fil-kunflitti armati, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari li tistabbilixxi impenn tal-Komunità Ewropea li tirrispondi għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza alimentari u għall-ħtiġijiet alimentari oħra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iffirmata f'Londra fit-13 ta' April 1999(5),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar u għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi f'operazzjonijiet ta' sokkors f'każ ta' diżastri, adottat fl-1994,

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva “Donatur umanitarju tajjeb” (GHD), approvati fi Stokkolma fis-17 ta' Ġunju 2003,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji fil-qasam tas-sħubija approvati fl-2007 mill-Global Humanitarian Platform (GHP) bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet umanitarji,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-użu ta' riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' sokkors f'każ ta' diżastru (Linji gwida ta' Oslo), riveduti fis-27 ta' Novembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida ta' Marzu 2003 dwar l-użu ta' riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili biex jiġu appoġġati l-operazzjonijiet umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kumplessi (Linji Gwida MCDA),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Azzjoni ta' Hyogo, adottat fil-konferenza dinjija dwar il-Prevenzjoni tad-Diżastri li saret f'Kobe, (prefettura ta' Hyogo, il-Ġappun), mit-18 sat-22 ta' Jannar 2005,

–  wara li kkunsidra r-Rieżami tar-Reazzjoni Umanitarja kkummissjonat mill-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza u s-Sotto Segretarju għall-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f'Awissu 2005,

–  wara li kkunsidra l-indiċi ta' reazzjoni umanitarja tal-2010 stabbilit mill-organizazzjoni DARA (Development Assistance Research Associates), li janalizza u jikklassifika l-mod kif il-pajjiżi donaturi prinċipali jirrispondu għall-bżonnijiet tal-persuni milquta mid-diżastri, kunflitti u emerġenzi,

–  wara li kkunsidra l-Programm Internazzjonali ta' liġijiet, regoli u prinċipji applikabbli għall-azzjonijiet internazzjonali f'każ ta' diżastru (il-“linji gwida IDRL”), adottati waqt it-30 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar fl-2007 f'Ġinevra, u l-impenn konġunt tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex isostnuhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar it-terremot reċenti f'Ħaiti(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lil Kunsill ta' l-14 ta' Diċembru 2010 dwar It-twaqqif ta' kapaċità ta' reazzjoni rapida tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta' Gaża(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar il-kriżi umanitarja fis-Somalja mressqa mill-Onerevoli Oreste Rossi skont l-Artikolu 120 tar-Regoli ta' Proċedura (B7-0489/2010),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-għoti ta' għajnuna umanitarja f'pajjiżi terzi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0375/2010),

A.  billi jfakkar il-viżjoni komuni tal-għajnuna umanitarja kif imħaddna mill-Kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja li jenfasizza r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tikkoopera mill-qrib f'dan il-qasam bil-għan li tottimizza l-effikaċja tagħha, li tiddefendi u tippromwovi l-prinċipji umanitarji fundamentali ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza u li tistinka bil-qawwa favur ir-rispett tad-dritt internazzjonali umanitarju,

B.  billi l-impenji li jirriżultaw mill-kunsens japplikaw kemm għall-Istati Membri u kemm għall-Kummissjoni, u billi l-azzjonijiet elenkati fil-pjan ta' azzjoni jridu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikunu implimentati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li jaġixxu flimkien,

C.  billi kien hemm żieda esponenzjali tal-għadd u tal-kobor tad-diżastri naturali dovuti partikolarment għall-impatt tal-azzjonijiet tat-tibdil fil-bażi tal-klima magħmula mill-bniedem u billi l-pajjiżi industrijali iġorru fuqhom responsabilità storika, billi jqis l-inċidenza tal-kriżijiet kumplessi li hija marbuta ma' għadd ta' fatturi inklużi n-natura dejjem tinbidel tal-konflitti, il-governanza ħażina u sitwazzjonijiet fraġli, l-aggravazzjoni tal-ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u t-tnaqqis tal-ispazju umanitarju,

D.  billi l-provvediment tal-għajnuna kulma jmur qed isir dejjem aktar diffiċli u perikoluż, billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-persunal tal-għajnuna umanitarja qiegħed jikber u billi, fl-2008, ġew maqtula 122 ħaddiem tal-għajnuna umanitarja,

E.  billi għandha tingħata aktar attenzjoni partikolari lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħalma huma n-nisa, it-tfal u l-persuni li ġew imġiegħla jitilqu minn djarhom, u billi l-aggravar tal-inċidenza tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-vjolenzi sesswali huwa problema kbira fil-kuntesti umanitarji fejn l-istupru sistematiku huwa kultant użat bħala arma tal-gwerra,

F.  billi l-involviment dejjem ikbar ta' atturi mhux umanitarji fir-reazzjoni għall-kriżijiet umanitarji tikkawża riskju gravi ta' konfużjoni tar-rwoli bejn atturi militari u umanitarji u tħawwad il-limiti tal-għajnuna umanitarja newtrali, imparzjali u indipendenti,

G.  billi t-traġedji reċenti f'Ħaiti u fil-Pakistan għal darb'oħra wrew il-bżonn li jissaħħew l-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tegħleb id-diżastri (għajnuna umanitarja u l-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili), mill-perspettiva tal-effikaċja, il-ħeffa, il-koordinament u l-viżibbiltà, u billi dawn id-diżastri enfasizzaw għal darb'oħra l-ħtieġa li tinħoloq kapaċità Ewropea ta' reazzjoni rapida,

H.  billi l-kuntest umanitarju globali mar għall-agħar, billi l-isfidi u l-bżonnijiet umanitarji huma enormi u billi jeħtieġ li ssir ħidma fuq it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-kunsens u tal-pjan ta' azzjoni tiegħu, kif ukoll il-koordinament u l-qsim tal-piż fid-dinja kollha filwaqt li jitqiesu r-responsabilitajiet reġjonali tal-pajjiżi li għandhom il-kapaċità li jkunu kontributuri ewlenin tal-għajnuna umanitarja,

I.  billi l-baġit tal-Kummissjoni għal diżastri umanitarji, u speċifikament dak tad-Direttorat Ġenerali ECHO, mhux biss ġie ffriżat imma matul dawn l-aħħar ħames snin naqas ftit f'termini reali,

Il-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja u l-pjan ta' azzjoni tiegħu

1.  Jiddispjaċih li l-Kunsens Ewropew għadu mhux magħruf lil hinn mill-imsieħba umanitarji u jitlob li jsir taħriġ speċifiku dwaru partikolarment fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għad-diplomatiċi mill-Istati Membri u l-atturi militari;

2.  Jiddispjaċih tan-nuqqas ta' involviment tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-kunsens u jqis li r-rwol tal-grupp ta' ħidma dwar l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna alimentari fi ħdan il-Kunsill (Cohafa) għandu jissaħħaħ bil-għan li jiżgura segwitu aħjar ta' din l-implimentazzjoni tal-kunsens – pereżempju billi jiġu organizzati sessjonijiet speċifiċi dwar l-integrar tal-kunsens fl-istrateġiji umanitarji nazzjonali jew billi jitressaq rapport annwali tal-attività – u bil-għan li japplika l-mandat tiegħu ta' difiża tal-għajnuna umanitarja aktar attiva fil-konfront tal-gruppi ta' ħidma l-oħra tal-Kunsill u tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS), filwaqt li tkompli ssir konċentrazzjoni fuq il-koordinazzjoni effettiva u ta' malajr;

3.  Jinkoraġġixxi d-delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi terzi jippromwovu b'mod attiv it-tixrid u l-implimentazzjoni tal-kunsens u tal-pjan ta' azzjoni tiegħu fost ir-rappreżentanti tal-Istati Membri;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li jsir skambju annwali tal-aħjar prattiki mal-Parlamenti Nazzjonali tal-UE dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-impenji tal-Kunsens;

5.  Jirrakkomanda żieda fil-finanzjament tal-għajnuna umanitarja minħabba l-multiplikazzjoni taż-żoni ta' intervent u jitlob lill-awtorità tal-baġit tittrasferixxi direttament l-ammont kollu, jew parti minnu, tar-riserva ta' emerġenza lill-baġit inizjali tad-DĠ ECHO; jenfasizza kemm hu importanti li jiġi konkretizzat l-objettiv iffissat mill-OKŻE u l-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp li jintlaħaq 0,7% tad-DGN sal-2015;

6.  Jitlob ukoll li jitfasslu baġits realistiċi, fejn l-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet għad-diżastri naturali jew għall-azzjoni umanitarja ssir fuq il-bażi tal-esperjenza ripetuta tal-infiq li jkun sar fis-snin ta' qabel;

7.  Iħeġġeġ li jsiru sforzi addizzjonali ħalli jitħaffef il-finanzjament tal-operazzjonijiet wara li jkun seħħ diżastru naturali jew xi diżastru ieħor u ħalli jiġu ssimplifikati l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-awtorizzazzjoni għall-implimentazzjoni baġitarja; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-servizzi tal-Kummissjoni jaħdmu f'kollaborazzjoni mill-qrib mas-SEAE, ħalli l-finanzjament inizjali rapidu tal-operazzjonijiet isir possibbli;

8.  Ifakkar kemm hu importanti li tinżamm reazzjoni ġenerali bbilanċjata filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-“kriżijiet minsija”;

9.  Jitlob li ssir żieda fil-finanzjament u jiġu żviluppati kapaċitajiet u riżorsi bil-għan li jkun żgurat li l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili jibqgħu purament kompiti ċivili;

10.  Jappoġġja r-rwol essenzjali mwettaq min-NOHA (l-ewwel netwerk ta' universitajiet li joffru taħriġ fl-għajnuna umanitarja f'livell Ewropew) fil-promozzjoni ta' għarfien akbar tal-kuntest dinji tas-sitwazzjoni umanitarja u, partikolarment, fil-politika Ewropea b'reazzjoni għall-ħtiġijiet tal-gruppi l-aktar vulnerabbli permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Ewropej żgħażagħ;

Il-prinċipji umanitarji, id-dritt internazzjonali umanitarju u l-protezzjoni tal-ispazju umanitarju

11.  Jerġa' jafferma l-prinċipji u l-objettivi tal-għajnuna umanitarja li jinsabu fil-Kunsens; ifakkar li l-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea mhijiex strument ta' ġestjoni ta' kriżi, u jiddispjaċih biż-żieda fil-politiċizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja u l-konsegwenzi tagħha fuq ir-rispett tal-ispazju umanitarju;

12.  Hu tal-fehma li l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea, prevista fit-Trattat ta' Lisbona, trid tirrispetta l-prinċipji affermati u l-impenji mogħtija fil-kunsens dwar l-għajnuna umanitarja, u jqis li l-Unjoni, fid-dawl tal-piż politiku tagħha u l-influwenza tagħha bħala d-donatriċi internazzjonali ewlenija, għandha tippromwovi l-prinċipji umanitarji bil-ħila kollha tagħha;

13.  Jistieden ukoll lill-perunal militari u ċivili, u lill-ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja involuti fir-reazzjoni għad-diżastri jew f'operazzjonijiet umanitarji, biex jaġixxu skont il-prinċipji tan-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni, li saret f'Diċembru 2009, tal-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni tad-dritt internazzjonali umanitarju (DUI) u jqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom rwol politiku kbir x'jiżvolġu fl-implimentazzjoni tagħhom; jittama, ukoll, li fl-SEAE jiġi pprovdut taħriġ speċifiku fid-dritt umanitarju internazzjonali;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-fondi supplementari jkunu allokati għal attivitajiet ta' promozzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' tixrid fuq il-post ma' dawk li jġorru arma, maż-żgħażagħ, mal-klassi politika u mas-soċjetà ċivili;

16.  Ifakkar li l-prinċipji u l-prattiki t-tajba fil-qasam tal-għajnuna umanitarja adottati f'Ġunju 2003 jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti l-għoti ta' rendikonti u t-twettiq regolari ta' evalwazzjonijiet dwar ir-reazzjonijiet internazzjonali għall-kriżijiet umanitarji, inklużi dwar l-effikaċja tad-donaturi, u jenfasizza li dawn l-evalwazzjonijiet iridu jkunu s-suġġett ta' konsultazzjoni aktar wiesgħa, partikolarment mal-atturi umanitarji;

Qafas komuni għall-għoti tal-għajnuna
Il-kwalità tal-għajnuna

17.  Ifakkar li l-għoti tal-għajnuna għandu jkun ibbażat esklussivament fuq il-bżonnijiet identifikati u il-grad ta' vulnerabilità u li l-kwalità u l-kwantità tal-għajnuna huma qabel kollox iddeterminati minn evalwazzjoni inizjali, li għadu jrid jitjieb, b'mod partikolari fil-livell tal-applikazzjoni tal-kriterji ta' vulnerabbiltà, speċjalment fir-rigward tan-nisa, it-tfal u l-gruppi ta' persuni b'dażabilità;

18.  Ifakkar li l-involviment ġenwin u kontinwu – u jekk tkun possibbli, il-parteċipazzjoni – tal-benefiċjarji fil-ġestjoni tal-għajnuna huwa waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-kwalità tar-reazzjonijiet umanitarji, partikolarment fil-każ ta' kriżijiet li jdumu għaddejjin għal żmien twil;

19.  Jinsisti li l-għajnuna tal-UE fil-każ ta' xi diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem għandha timmira li tgħin lill-ekonomija lokali, bħal pereżempju billi kemm jista' jkun jinxtraw affarijiet tal-ikel prodotti lokalment jew reġjonalment, u billi jiġu pprovduti l-materjali meħtieġa għall-bdiewa;

20.  Jappella għal armonizzazzjoni tal-metodi użati mid-diversi atturi u jinkoraġġixxi lill-Uffiċċju għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) ikompli xogħlu bil-għan li jiddefinixxi qafas metodoloġiku komuni li jqiegħed bħala prijorità l-intervent effettiv u ta' malajr u jinvolvi b'mod permanenti, sa fejn ikun possibbli, il-partijiet interessati lokali, inklużi l-partijiet interessati mhux statali;

21.  Jinkoraġġixxi bil-qawwa t-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissjoni fl-oqsma settorjali bħan-nutrizzjoni, il-protezzjoni, l-ugwaljanza bjen in-nisa u l-irġiel u l-vjolenza sesswali, ir-refuġjati, il-persuni spostati f'pajjiżhom u jappella għall-integrazzjoni sistematika tad-dimensjoni tan-nisa u l-irġiel u tas-saħħa riproduttiva fir-reazzjoni umanitarja fil-qasam tas-sevizzi tas-saħħa tal-ewwel sokkors;

22.  Jistieden lill-Kunsill jelabora d-dettalji ta' kif għandha tittieħed azzjoni fuq ir-rakkomandazzjoni li hemm fir-rapport Barnier li r-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE għandhom jiġu utilizzati, fuq bażi mhux esklussiva, bħala bażijiet ta' appoġġ biex ikun iffaċilitat l-ippożizzjonar minn qabel ta' prodotti u loġistika vitali, ħaġa li tkun tagħmilha aktar faċli biex jiġu użati r-riżorsi umani u materjali Ewropej fil-każ ta' intervent umanitarju urġenti barra mill-Unjoni Ewropea;

23.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli bil-ħsieb tagħha dwar l-impatt negattiv potenzjali tal-għajnuna umanitarja fuq iż-żoni fejn tingħata – partikolarment id-destabbilizzazzjoni possibbli tal-istrutturi ekonomiċi u soċjali u l-impatt fuq l-ambjent naturali – u jistedinha tfassal strateġiji xierqa biex tagħmilha possibbli li dan l-impatt jitqies sa mill-istadju tad-disinjar tal-proġetti;

Id-diversità u l-kwalità tas-sħubiji

24.  Jappella għar-rispett tad-diversità tal-atturi involuti b'mod attiv fil-qafas tal-finanzjament u tal-implimentazzjoni tal-programmi umanitarji internazzjonali – in-Nazzjonijiet Uniti, il-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi – u jinkoraġġixxi x-xogħol ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi lokali; jitlob li jkun hemm koordinament u skambju xierqa tat-tagħrif bejn l-atturi kollha involuti;

25.  Jitlob lill-korpi governattivi kollha jirrispettaw ir-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (OMG) fil-ġbir ta' fondi permezz tad-donazzjonijiet privati;

26.  Jappoġġa t-tkomplija tar-riformi umanitarji fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u jappella għat-tisħiħ tas-sistema tal-koordinaturi umanitarji, għal trasparenza u flessibbiltà akbar, għal approċċ immexxi iktar skont il-benefiċċjarji, għal iktar flessibbiltà fl-użu tal-“pooled funds” u għal ċertu numru ta' provvedimenti ta' titjib tal-approċċ permezz ta' “cluster” (responsabbiltà settorjali), ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istħarriġ dwar l-interventi umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti u filwaqt li jissaħħew il-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni, b'mod partikolari fil-livell tal-koordinament mal-istrutturi lokali u l-atturi mhux statali, tal-kunsiderazzjoni tal-aspetti intersettorjali u tal-koordinament bejn il-“clusters”;

Il-koordinament fil-livell internazzjonali u Ewropew

27.  Jerġa' jafferma r-rwol ċentrali li tiżvolġi n-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-OCHA, fil-koordinament tal-azzjoni umanitarja internazzjonali;

28.  Jilqa' favorevolment l-inizjattivi li jiggarantixxu koerenza akbar tad-diversi strumenti Ewropej ta' reazzjoni għall-kriżijiet u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-għajnuna umanitarja ngħaqdet mal-protezzjoni ċivili fi ħdan l-istess direttorat ġenerali; jinsisti, madankollu, biex il-mandati, ir-rwoli u r-riżorsi rispettivi tagħhom jibqgħu separati formalment;

29.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu regoli preċiżi u trasparenti għall-kooperazzjoni u l-koordinament bejn is-SEAE u l-Kummissjoni għall-ġestjoni ta' kriżijiet kbar ħafna barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u jaħdmu b'mod attiv rigward il-viżibilità tal-UE ta' dawk ir-riżorsi u l-kapaċitajiet użati fuq il-post;

30.  Ifakkar li l-istrateġija esterna tal-Unjoni Ewropea f'dak li jikkonċerna d-drittijiet tat-tfal għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji definiti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment fl-Artikoli 3, 16, 18, 23, 25, 26 u 29 tagħha, kif ukoll fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha;

L-użu tal-mezzi u kapaċitajiet militari u tal-protezzjoni ċivili

31.  Jerġa' jafferma li d-distinzjoni bejn il-mandati tal-atturi militari u umanitarji, b'mod partikolari fiż-żoni milquta minn diżastri naturali u suxxettibbli għal kunflitti armati, għandha tibqa' ċara ħafna u li huwa essenzjali li l-mezzi u l-kapaċitajiet militari jintużaw esklussivament f'każijiet limitati ferm u bħala l-aħħar għażla bħala appoġġ tal-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja b'konformità mal-linji gwida ta-Nazzjonijiet Uniti (il-Linji Gwida MCDA u l-Linji Gwida ta' Oslo)(10);

32.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili jridu jitqiesu bħala kompiti purament ċivili u, għalhekk, iridu jiġu implimentati bħala tali;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni għall-ispeċifiċità tal-għajnuna umanitarja fi ħdan il-politika esterna tal-Unjoni Ewropea u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-forzi armati tagħhom jirrispettaw u japplikaw il-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti; iqis barra minn hekk li jeħtieġ djalogu bejn l-atturi militari u umanitarji bil-għan li jiġi favorit fehim reċiproku;

34.  Jerġa' jafferma li r-rikors għall-mezzi tal-protezzjoni ċivili waqt kriżijiet umanitarji għandu jissejjes fuq il-bżonnijiet u jkun komplementari u koerenti mal-għajnuna umanitarja, u jirrimarka li, fil-każ tad-diżastri naturali, dawn il-mezzi jistgħu jikkontribwixxu b'ċertu mod għall-azzjonijiet umanitarji, jekk ikunu utilizzati skont il-prinċipji li jirrigwardaw dan is-suġġett tal-kumitat permanenti interorganizzattiv (IASC);

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi ambizzjużi bil-għan li tistabbilixxi forza Ewropea tal-protezzjoni ċivili, ibbażata fuq ottimizzazzjoni tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili attwali u fuq ġbir komuni tal-mezzi nazzjonali eżistenti li ma jikkawżax spejjeż addizzjonali kbar, u filwaqt li tiġi ispirata minn modi ppruvati fil-qafas tal-azzjonijiet preparatorji; il-finanzjament tal-forza tal-protezzjoni ċivili jrid ikun addizzjonali għall-finanzjament intenzjonat għall-emerġenzi umanitarji;

36.  Iqis li l-forza Ewropea tal-protezzjoni ċivili tista' tinkludi impenn minn ċerti Stati Membri li volontarjament jagħmlu disponibbli moduli essenzjali ta' protezzjoni ċivili, determinati minn qabel u li jkunu lesti li jintervjenu immedjatament għal operazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu kkoordinati miċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC), u jqis barra minn hekk li l-parti l-kbira ta' dawn il-moduli, li diġà huma disponibbli fil-livell nazzjonali, ikunu jibqgħu taħt il-kontroll tagħhom u li l-iskjerament ta' dawn il-moduli fuq il-bażi ta' tlestija għal dak li jista' jinqala' jkun jifforma n-nukleu tal-protezzjoni ċivili tal-Unjoni biex tirreaġixxi għad-diżastri kemm barra kif ukoll ġewwa l-fruntieri tagħha;

Il-kontinwità tal-għajnuna
It-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u t-tibdil fil-klima

37.  Jilqa' l-adozzjoni, fi Frar 2009, ta' strateġija Ewropea ġdida għas-sostenn tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastru fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward ħalli flimkien mal-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi benefiċjarji tiżviluppa programmi fil-qasam tal-kapaċita ta' prevenzjoni tad-diżastri u ta' ġestjoni tar-reazzjoni, u jappella għall-implimentazzjoni rapida ta' din l-istrateġija;

38.  Jitlob li jsir sforz sinifikanti bil-għan li d-dimensjoni tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri tiġi integrata b'mod iktar sistematiku fil-politiki tal-għajnuna għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja;

39.  Jirrakkomanda żieda sinifikanti tal-ammonti allokati għal din id-dimensjoni u jinsisti fuq l-importanza li l-finanzjamenti jinżammu fuq skala żgħira bil-għan li jiġi garantit approċċ aktar rispettuż tal-kuntest u pussess lokali tal-proġetti;

40.  Jitlob li l-aġenda marbuta mal-adattament għat-tibdil fil-klima tkun ikkoordinata aħjar mal-attivitajiet tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri;

Ir-rabta bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp

41.  Jiddispjaċih li l-progress konkret fil-qasam tal-kollegament tal-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp huwa dejjem limitat minkejja t-tkattir tal-impenji politiċi matul dawn l-aħħar snin;

42.  Jisħaq fuq kemm hu importanti li ssir tranżizzjoni f'waqtha mill-emerġenza għall-iżvilupp, ibbażata fuq kriterji speċifiċi u valutazzjoni tal-ħtiġijiet immexxija bir-reqqa kollha;

43.  Jitlob għal aktar riżorsi bil-għan li tkun żgurata l-kontinwità tal-għajnuna u li r-riflessjoni torjenta ruħha lejn il-flessibbiltà u l-komplementarjetà tal-faċilitajiet finanzjarji eżistenti waqt il-fażijiet ta' tranżizzjoni mill-emerġenza għall-iżvilupp;

44.  Jappella għal titjib tad-djalogu u tal-koordinament bejn l-organizzazzjonijiet umanitarji u l-aġenziji ta' żvilupp fiż-żoni ta' invervent u fi ħdan is-servizzi korrispondenti fil-livell tal-istituzzonijiet Ewropej u tal-Istati Membri;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA).

(1) ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.
(2) ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.
(3) ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9.
(4) ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 15.
(5) ĠU L 163, 4.7.2000, p. 37.
(6) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 273.
(7) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 5.
(8) Testi adottati, P7_TA(2010)0465.
(9) Testi adottati, P7_TA(2010)0235.
(10) Linji Gwida MCDA: linji gwida dwar l-użu ta' riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili biex jiġu appoġġati l-operazzjonijiet umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kumplessi; Marzu 2003. Linji Gwida ta' Oslo: linji gwida dwar l-użu tar-riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili barranin fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' sokkors f'każ ta' diżastru; Novembru 2007.


Ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel
PDF 331kWORD 91k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel (2010/2112(INI))
P7_TA(2011)0006A7-0376/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-agrikoltura tal-UE u t-tibdil fil-klima(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji kummerċjali, SEC(2010)1058,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel”,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, li jinkludu li sal-2015 jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-popolazzjoni dinjija li tbati minħabba l-ġuħ meta mqabbel mal-1990,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0376/2010),

A.  billi l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-Ewropa, il-fatt li l-konsumaturi jingħataw ikel tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli, u s-salvagwardja tad-dħul tal-bdiewa ilhom l-objettivi ewlenin tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) mindu bdiet u għadhom l-objettivi ewlenin tal-UE sal-lum,

B.  billi l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista alimentari Ewropea u dinjija u billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel laqtet l-agħar lill-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli,

C.  billi l-volatilità tal-prezzijiet fl-agrikoltura hija fin-natura tagħha permanenti, peress li l-prezzijiet jirrispondu sproporzjonatament għal varjazzjonijiet żgħar fil-livell ta' produzzjoni, ta' spiss bħala riżultat tal-ispekulazzjoni,

D.  billi waqt laqgħa reċenti tal-Kumitat għas-Sigurtà tal-Ikel Dinji fil-FAO, l-UE saħqet fuq il-problema tal-volatilità estrema tal-prezzijiet u l-Panel ta' Esperti ta' Livell Għoli l-ġdid ġie mitlub li jirrapporta dwar il-kawżi u l-miżuri fir-rigward taċ-ċaqliq fil-prezzijiet,

E.  billi fenomeni klimatiċi u oħrajn jistgħu jwasslu lil xi pajjiżi biex jadottaw politiki protezzjonisti, kif ġara fil-każ tal-projbizzjoni reċenti fuq l-esportazzjoni tal-qamħ li ġiet imposta fuq l-Ukraina mir-Russja, li flimkien jesportaw madwar 30% tal-qamħ dinji,

F.  billi l-produzzjoni dinjija tal-ikel tista' tiġi ostakolata b'mod regolari minn firxa ta' fatturi inklużi l-impatt tal-annimali li jagħmlu l-ħsara u tal-mard, id-disponibilità tar-riżorsi naturali u d-diżastri naturali, kif ġara fl-2010 minħabba n-nixfa u n-nirien li damu ħafna fir-Russja u l-għargħar enormi fil-Pakistan,

G.  billi t-tibdil fil-klima se jirriżulta f'każijiet aktar frekwenti ta' tali diżastri naturali, u b'hekk tiġi pperikolata s-sigurtà tal-ikel,

H.  billi l-isfida hija li jiġi prodott “aktar minn anqas”, b'enfasi fuq il-produzzjoni sostenibbli minħabba pressjoni fuq ir-riżorsi naturali,

I.  billi l-UE hija l-akbar importatur nett ta' prodotti agrikoli, u tiddependi żżejjed mill-importazzjonijiet tal-proteini, ta' prodotti oljużi u tal-qamħirrum għas-settur tagħha tat-trobbija tal-annimali, kif ukoll tal-frott u l-ħaxix, mhux l-anqas għax il-produtturi tagħna mhumiex permessi li jużaw l-istess metodi ta' produzzjoni għal tali prodotti,

J.  billi skont l-FAO, it-tkabbir stmat fil-popolazzjoni dinjija minn 7 biljun ruħ għal 9.1 biljun ruħ se jeħtieġ żieda ta' 70% fil-provvista tal-ikel sas-sena 2050,

K.  billi l-karestija u l-faqar għadhom jeżistu fl-Unjoni Ewropea; billi 79 miljun ruħ fl-UE għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar (60 % tad-dħul medju tal-pajjiż li fih tgħix il-persuna); u billi fix-xitwa li għaddiet 16-il miljun ċittadin tal-UE ngħataw għajnuna alimentari minn istituzzjonijiet tal-karità,

L.  billi s-sigurtà tal-ikel ma tfissirx biss id-disponibilità ta' provvisti tal-ikel, iżda skont l-FAO tinkludi wkoll id-dritt għall-ikel u l-aċċessibilità għal nutriment tajjeb għas-saħħa għal kulħadd; billi, billi ssir dejjem aktar kompetittiva, l-Ewropa tista' tikkontribwixxi għas-sigurtà dinjija tal-ikel,

M.  billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel għall-ifqar membri tas-soċjetà kien aggravat mill-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija,

N.  billi d-dħul tal-bdiewa naqas b'mod drammatiku fl-2009 wara deċennju ta' staġnar tad-dħul, l-aktar minħabba kundizzjonijiet tas-suq diffiċli u spejjeż dejjem jiżdiedu tal-produzzjoni; billi d-dħul agrikolu huwa aktar baxx b'mod sinifikanti (b'estimu ta' 40 % għal kull unità tax-xogħol) mill-bqija tal-ekonomija, u billi d-dħul għal kull abitant f'żoni rurali huwa ferm aktar baxx (b'madwar 50 %) minn f'żoni urbani,

O.  billi l-bdiewa jirċievu sehem li gradwalment dejjem qed jonqos tal-valur miżjud iġġenerat mill-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li s-sehem tal-industrija tal-ikel żdied; billi katina tal-provvista li tiffunzjona kif suppost hija prerekwiżit neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jieħdu qligħ ġust għall-prodotti tagħhom,

P.  billi matul il-katina sħiħa tal-produzzjoni, tal-provvista u tal-konsum tal-ikel, sa 50% tal-ikel prodott fl-UE qed jintrema,

Q.  billi 7% biss tal-bdiewa fl-UE huma taħt l-età ta' 35 sena,

R.  billi s-sigurtà tal-ikel hija kwistjoni ta' importanza kbira għall-Ewropa u teħtieġ koerenza u koordinament bejn diversi oqsma politiċi settorjali fil-livell tal-UE, jiġifieri l-PAK, il-politika dwar l-enerġija, il-programmi ta' riċerka, il-politiki kummerċjali u dwar l-iżvilupp, u r-regolament finanzjarju,

1.  Jisħaq fuq il-fatt li settur agrikolu b'saħħtu u sostenibbli fl-UE kollha u ambjent rurali sostenibbli u li jkun qed jiżviluppa, żgurat minn PAK b'saħħitha, huma komponenti vitali sabiex tingħeleb l-isfida tas-sigurtà tal-ikel;

2.  Jafferma li l-UE għandha l-ogħla standards tal-produzzjoni agrikola u tal-ikel fid-dinja b'enfasi qawwija fuq is-sikurezza tal-ikel, il-kwalità tal-ikel u s-sostenibilità ambjentali tal-agrikoltura;

3.  Huwa tal-fehma li jeħtiġilna nużaw il-forom kollha ta' biedja biex inkunu nistgħu nitimgħu lill-Ewropa u lil pajjiżi terzi;

Is-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja

4.  Jemmen li d-dritt għas-sigurtà tal-ikel huwa dritt tal-bniedem bażiku u jinkiseb biss meta kulħadd, f'kull ħin, ikollu aċċess fiżiku u ekonomiku għal ikel xieraq, sikur (fir-rigward tas-saħħa) u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-preferenzi alimentari tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa;

5.  Jiddikjara li l-UE għandha d-dmir li titma' liċ-ċittadini tagħha u li t-tkomplija tal-attività tal-biedja fl-UE hija importanti ferm f'dan ir-rigward; jiġbed l-attenzjoni rigward id-dħul tal-biedja li qed jonqos fl-UE, minħabba l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu u l-volatilità tal-prezijiet, li għandhom impatt negattiv fuq il-ħila tal-bdiewa li jżommu l-produzzjoni; jenfasizza l-ispejjeż li jkollhom iġarrbu l-bdiewa Ewropej biex jissodisfaw l-ogħla standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel, tal-benesseri tal-annimali u tax-xogħol fid-dinja; jisħaq fuq il-fatt li l-bdiewa għandhom jiġu kkumpensati għal dawn l-ispejjeż addizzjonali u talli jipprovdu l-prodotti lis-soċjetà; jenfasizza li l-ikel minn pajjiżi terzi li jidħol fl-UE jrid jissodisfa l-istess standards għoljin, biex il-produtturi Ewropej ma jbatux mil-lat tal-kompetittività;

6.  Jirrikonoxxi li l-garanzija ta' provvista tal-ikel adegwata hija komponent essenzjali tas-sigurtà tal-ikel, imma jirrikonoxxi wkoll li l-aċċess għall-ikel u kemm wieħed jista' jaffordja l-ikel jeħtieġu li tingħata attenzjoni għat-twaqqif ta' standard ta' għajxien xieraq, partikolarment għal min m'għandux biżżejjed riżorsi ekonomiċi, li spiss ikunu tfal, anzjani, migranti, refuġjati u persuni qegħda;

7.  Jappoġġja l-formula Sigurtà tal-Ikel - Nutriment - Kwalità – Qrubija – Innovazzjoni - Produttività; jemmen li biex dan iseħħ il-PAK futura għandha tieħu nota tal-aspettattivi tan-nies li għandha tkun kemm politika agrikola kif ukoll politika dwar l-ikel immirati biex jipprovdu informazzjoni pubblika dwar id-dieta b'saħħitha;

8.  Iqis li l-UE għandha toħloq kundizzjonijiet aħjar għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' nutrizzjoni bħal “School Fruit” u “School Milk” fl-Istati Membri, kif ukoll appoġġ aħjar għall-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-oriġini ta' prodotti u nutrizzjoni, meta jitqies il-fatt li għażliet infurmati dwar id-dieta jistgħu jipprevjenu l-mard u jnaqqsu l-piż kbir fuq l-infiq soċjali fl-Ewropa; u jitlob li jsiru aktar programmi ta' appoġġ rigward id-dieta, li għandu jkollhom piż amministrattiv inqas, kif ukoll li jiżdied il-baġit għal dawk il-programmi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-prattiċità ta' dawn il-programmi;

9.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm tal-UE “Il-Persuni l-Aktar Imċaħħda”; ifakkar li permezz tal-Liġi tagħha dwar il-Farms, l-Istati Uniti talloka appoġġ sinifikanti lill-Programm Supplimentari ta' Għajnuna għan-Nutriment (SNAP), li jiġġenera dħul sostanzjali għas-settur u għall-ekonomija b'mod ġenerali, minbarra li jissodisfa ftit mill-ħtiġijiet alimentari tal-ifqar nies tagħha;

10.  Huwa konxju mill-isfida kbira li jġib it-tibdil fil-klima għall-kisba tas-sigurtà tal-ikel, speċjalment permezz ta' żieda fil-frekwenza u fl-iskala ta' fenomeni klimatiċi, bħan-nixfiet, l-għargħar, in-nirien u l-maltempati; jisħaq fuq l-isfida dejjem tikber tal-iskarsezza tal-ilma u l-impatt tagħha fuq il-produzzjoni tal-ikel; jisħaq fuq il-bżonn li l-immaniġġjar tal-ilma u t-tibdil fil-klima jiġu ttrattati b'urġenza;

11.  Ifakkar li s-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel għandhom rabta b'saħħitha ħafna; jagħraf li l-ispejjeż enerġetiċi huma fattur ewlieni fid-determinazzjoni tal-livell tal-profitabilità tal-agrikoltura, li huwa s-settur li jiddependi l-aktar miż-żejt; jinkoraġġixxi miżuri li jkunu ta' inċentiv għall-bdiewa li jsiru aktar effiċjenti fir-rigward tal-enerġija u jiżviluppaw sorsi alternattivi ta' provvista ta' enerġija; ifakkar li jinħtieġ appoġġ aktar konsistenti għar-riċerka u l-iżvilupp u għal servizzi ta' konsulenza;

12.  Iqis, madankollu, li l-isforzi akbar biex jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija li jiġġeddu u biex jintlaħqu l-miri 2020 iridu jqisu l-impatt fuq il-produzzjoni u l-provvista tal-ikel; jisħaq fuq il-bilanċ delikat involut biex tingħeleb l-isfida ikel/fjuwil;

13.  Jinnota li l-livell ta' dipendenza minn importazzjonijiet ta' proteini u ta' prodotti oljużi minn pajjiżi terzi, li għandu konsegwenzi negattivi għall-industrija alimentari u agrikola, b'mod partikolari għas-settur tat-trobbija tal-annimali meta l-prezzijiet tal-annimali jogħlew f'daqqa;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjoni teknika għall-problema ta' preżenza f'livell baxx ta' materjal ĠM f'importazzjonijiet ta' materjal mhux ĠM u sabiex tipproponi proċess ta' approvazzjoni aktar rapidu fl-UE għall-importazzjoni ta' varjanti ta' għalf ĠM ġaladarba jkun approvat li hu sikur;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pubbliku jkollu aċċess għat-tagħrif dwar l-eżitu tal-kontrolli fuq is-sigurtà tal-ikel bil-għan li tiżdied it-trasparenza fuq livell Ewropew;

16.  Huwa preokkupat dwar il-ħolqien tal-fenomenu tal-akkapparrar tal-art u l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-futur tal-agrikoltura u tal-bdiewa; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga din is-sitwazzjoni b'relazzjoni mad-dritt taż-żamma tal-art u r-riżorsi naturali;

17.  Jagħmel l-osservazzjoni li minħabba l-prezz għoli tal-għalf is-sitwazzjoni tal-farms għat-trobbija tal-annimali fl-UE marret għall-agħar; jitlob għalhekk li jsir użu speċifiku tal-istrumenti disponibbli skont ir-Regolament tal-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni (KE) Nru 1234/2007 sabiex jiġi stabbilizzat is-suq u tiġi evitata kriżi;

18.  Jemmen li l-kisbiet fil-produzzjoni li jsiru fl-Istati Membri ġodda se jżidu l-ammont ta' art disponibbli u jipprovdu opportunità biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-proteini u prodotti oljużi fl-UE;

19.  Jinnota li s-sikurezza alimentari ma tistax tkun żgurata jekk ma jkunx disponibbli aċċess ħieles għal riżorsi ġenetiċi tal-ikel u l-agrikoltura; jirrikonoxxi t-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura tal-FAO bħala strument importanti għall-preservazzjoni tal-bijodiveristà agrikola biex b'hekk jiġu evitati l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;

20.  Jenfasizza li l-inċentivi għall-għelejjel tal-enerġija sostenibbli li bħalissa qed jiġu ppjanati ma għandhom bl-ebda mod jikkompromettu s-sigurtà tal-ikel għall-pubbliku;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw programmi li jkun fihom miżuri agrikoli konkreti mmirati biex itaffu u jadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa t-tnedija ta' kampanja ta' informazzjoni għall-konsumaturi rigward l-isforzi li jsiru min-naħa tal-bdiewa u s-settur agrikolu f'dawk li huma ħarsien ambjentali u sigurtà tal-ikel;

L-agrikoltura, is-swieq finanzjarji u l-volatilità tal-prezzijiet

23.  Jemmen li s-swieq finanzjarji u agrikoli llum huma aktar interkonnessi minn qatt qabel; iqis li reazzjoni Ewropea waħedha m'għadhiex biżżejjed u li l-Ewropa għandha taġixxi flimkien ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-volatilità tal-prezzijiet u tas-sigurtà tal-ikel; japprova l-azzjoni li ttieħdet għal dan il-għan mill-Presidenza tal-G20;

24.  Jenfasizza l-problemi li jiffaċċjaw il-bdiewa fi żminijiet ta' volatilità estrema tas-suq u tal-prezzijiet; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-bdiewa biex jippruvaw jippjanaw minn qabel fi żminijiet ta' volatilità estrema; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi b'urġenza miżuri permanenti u b'saħħithom biex jindirizzaw il-volatilità fis-swieq agrikoli; jemmen li dan ikun fattur ewlieni sabiex jiġi żgurat li tinżamm il-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea;

25.  Jinnota li l-indiċi tal-prezzijiet fis-swieq finanzjarji għal prodotti agrikoli primarji qatt ma kien daqshekk instabbli; isemmi bħala eżempju ż-żieda reċenti tal-prezz tal-kuntratti għall-qamħ, li żdied b'70% f'xahrejn, filwaqt li l-volum tal-kummerċ tagħhom irdoppja u aktar fis-suq tal-prodotti bażiċi ta' Pariġi;

26.  Jenfasizza l-fatt li dawn il-fenomeni huma biss parzjalment ikkawżati mill-prinċipji fundamentali tas-suq bħad-domanda u l-provvista u fil-biċċa l-kbira huma r-riżultat ta' spekulazzjoni; jinnota li l-imġiba spekulattiva kkaġunat madwar 50% taż-żidiet reċenti tal-prezzijiet; japprova l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel rigward ir-rwol ta' investituri istituzzjonali kbar, bħall-fondi spekulattivi, il-fondi tal-pensjonijiet u l-banek tal-investiment – li kollha ġeneralment ma tantx ikollhom interess fis-swieq agrikoli – fil-mod li bih jaffettwaw l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi permezz taċ-ċaqliq tagħhom fis-swieq tad-derivattivi;

27.  Jappoġġja, f'dan il-kuntest, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-istrumenti finanzjarji, li għandha tipprevedi kummerċ aktar trasparenti; ifakkar li l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu ta' servizz għall-ekonomija u jgħinu l-produzzjoni agrikola tegħleb il-kriżijiet u l-fenomeni klimatiċi; fl-istess ħin, l-ispekulazzjoni m'għandhiex titħalla thedded lil impriżi agikoli li jkunu effiċjenti;

28.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji kummerċjali; jixtieq li jinħolqu salvagwardji kontra l-volatilità estrema tal-prezzijiet bħala għodda ta' reazzjoni rapida għall-kriżijiet; jixtieq jara koordinazzjoni rigward leġiżlazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi, bħall-Istati Uniti, sabiex jitnaqqsu l-opportunitajiet għal spekulaturi li japprofittaw ruħhom b'mod inġust mid-differenzi bejn is-sistemi regolatorji varji;

29.  Huwa favur azzjoni Ewropea aktar b'saħħitha biex tiġi ttrattata l-problema tal-ispekulazzjoni, anke permezz ta' mandat maħruġ għar-regolaturi u għall-korpi ta' sorveljanza biex tiġi limitata l-ispekulazzjoni; jemmen li d-derivattivi tal-prodotti bażiċi huma differenti minn derivattivi finanzjarji oħra u li tal-ewwel għandhom jiġu ttrattati biss minn negozjanti li għandhom interessi leġittimi li jipproteġu l-merkanzija agrikola mir-riskji kif ukoll minn kategoriji oħra ta' persuni marbuta direttament mal-produzzjoni agrikola vera; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-negozju ta' derivattivi ta' prodotti bażiċi tal-ikel ikun limitat kemm jista' jkun għal investituri marbuta direttament mas-swieq agrikoli;

30.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konċentrazzjoni b'effetti wiesgħa ħafna li seħħet fil-kummerċ taċ-ċereali li bħala riżultat tagħha n-negozji konċernati kapaċi jinfluwenzaw il-prezzijiet tas-suq; jinnota li dan jista' jżid il-volatilità tal-prezzijiet billi n-negozjanti taċ-ċereali għandhom interess li jkun hemm ċaqliq fil-prezz minħabba t-tranżazzjonijiet spekulattivi tagħhom; iqis li dan juri wkoll il-bżonn ta' stokkijiet ta' intervent jew għal xi salvagwardja oħra biex jippromwovu l-istabilità tal-prezzijiet u jiddefendu l-interessi tal-bdiewa u l-konsumaturi;

31.  Jenfasizza li mhux possibbli li tittieħed azzjoni effikaċi kontra caċliq kbir ta' prezzijiet mingħajr stokkijiet ta' intervent jew stokkijiet strateġiċi; iqis għalhekk li r-rwol ta' strumenti ta' intervent fis-suq irid jisseddaq fil-PAK tal-futur;

32.  Jenfasizza li aktar trasparenza u ekwità fil-katina tal-provvista tal-ikel huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat profitt ġust għall-bdiewa, qligħ u pprezzar ġusti fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel u settur agrikolu vijabbli li jipprovdi sikurezza alimentari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti tanġibbli u effettivi biex jindirizzaw din il-kwistjoni;

33.  Jiġbed l-attenzjoni li, meta affaċċjati bil-volatilità tal-prezzijiet, il-pajjiżi bi dħul baxx u b'defiċit alimentari (LIFDC) x'aktarx li jkunu aktar vulnerabbli;

Stokkijiet dinjija tal-ikel għas-sigurtà dinjija tal-ikel

34.  Jinnota li attwalment il-provvista dinjija totali tal-ikel mhijiex insuffiċjenti u li fil-fatt huma l-inaċċessibilità u l-prezzijiet għoljin li jċaħħdu lil bosta nies mis-sigurtà tal-ikel;

35.  Jinnota, madankollu, li l-istokkijiet dinjija tal-ikel huma ħafna aktar limitati milli fl-imgħoddi, billi naqsu għal-livell rekord ta' 12-il ġimgħa ta' riżervi dinjija tal-ikel matul il-kriżi tal-ikel tal-2007; jiġbed l-attenzjoni li l-produzzjoni dinjija tal-ikel hija dejjem aktar vulnerabbli għal fenomeni meteoroloġiċi estremi marbuta mat-tibdil fil-klima, għal pressjoni globali li qed tiżdied fuq l-art bħala riżultat tal-urbanizzazzjoni, u għal għadd akbar ta' pesti u mard li jistgħu jikkawżaw nuqqasijiet tal-ikel għal għarrieda u imprevedibbli;

36.  Iqis, għalhekk, li sistema dinjija mmirata ta' stokkijiet tal-ikel (kemm stokkijiet ta' emerġenza biex inaqqsu l-ġuħ, kif ukoll stokkijiet użati biex jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti ta' konsum) tkun ta' benefiċċju billi tgħin biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji meta l-prezzijiet jogħlew f'daqqa, tilqa' għall-protezzjoniżmu rikorrenti u ttaffi l-pressjoni fuq is-swieq dinjija tal-ikel; iqis li dawn l-istokkijiet għandhom ikunu mmaniġġjati minn korp komuni taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti, jew mill-FAO, u għandha tintuża b'mod sħiħ l-esperjenza miksuba mill-Programmi Dinjija tal-Ikel tal-FAO u tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni biex b'urġenza twettaq studju u tirrapporta lill-Parlament dwar l-aktar mod effikaċi biex dan isir; jistieden ukoll lill-Kummissjoni jkollha rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' din is-sistema dinjija mmirata ta' stokkijiet tal-ikel;

37.  Ifakkar li l-UE sal-lum irreaġiet b'għajnuna u flus, anke permezz tal-Faċilità tal-Ikel; jixtieq li jsiru rapporti dwar l-effikaċja ta' din il-faċilità, anke fir-rigward tal-progress fil-ġlieda kontra l-kawżi u s-sintomi, u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibilità li jiddaħħal strument li jgħin fil-ġlieda kontra l-karestija fid-dinja;

38.  Itenni l-importanza tal-iżviluppi tal-agrikoltura fid-dinja li qed tiżviluppa u l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) tal-UE lis-settur agrikolu; jiddispjaċih li kien hemm tnaqqis kbir ħafna fil-livell ta' għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin “l hawn u jilqa” b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li din it-tendenza tinbidel; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-agrikoltura fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha, inkluża l-għajnuna lill-bdiewa biex ikollhom aċċess għas-swieq;

39.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-konklużjonijiet tas-Samit tal-2010 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG), filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pajjiżi żviluppati għadhom “il bogħod wisq milli jissodisfaw l-impenji mogħtija f'dik li hi assistenza uffiċjali għall-iżvilupp;

40.  Ifaħħar l-inizjattiva li ħa l-Bank Dinji, waqt is-Samit tal-2010 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), biex iżid is-sostenn tiegħu lis-settur agrikolu bil-għan li jiġu stimolati d-dħul finanzjarju, l-impjiegi u s-sigurtà tal-ikel, partikolarment fiż-żoni bi dħul baxx;

PAK ġdida bħala reazzjoni għall-isfidi

41.  Itenni l-pożizzjoni stabbilita f'dan ir-rapport dwar il-futur tal-PAK wara l-2013; itenni l-impenn tiegħu favur politika agrikola u ta' żvilupp rurali li tkun b'saħħitha u li tiżgura s-sigurtà tal-ikel għal kulħadd, iżżomm il-vitalità tal-Ewropa rurali, tagħmel l-agrikoltura aktar kompetittiva, tiżgura l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni agrikola madwar l-UE kollha, tappoġġja l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi, u jkollha sehem fl-affaċċjar ta' sfidi dinjija kbar, bħat-tibdil fil-klima; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar simplifikazzjoni u għad-deburokratizzazzjoni tal-PAK biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' implimentazzjoni għall-benefiċjarji;

42.  Jenfasizza r-rwol li għandu jkollhom il-bdiewa żgħażagħ fil-PAK futura; jiġbed l-attenzjoni li 7% biss tal-bdiewa Ewropej għandhom anqas minn 35 sena, u fl-istess ħin li mhux anqas minn 4.5 miljun bidwi se jirtiraw fl-10 snin li ġejjin; jiffavorixxi t-tisħiħ ta' miżuri ta' benefiċċju għal bdiewa żgħażagħ bħall-primjums ta' installazzjoni, rati tal-interess sussidjati fuq self u inċentivi oħra li ġew implimentati mill-Istati Membri permezz tal-baġits tagħhom għall-iżvilupp rurali; itenni s-sustanza tal-emenda baġitarja tiegħu dwar il-programm ta' skambju għaż-żgħażagħ u jixtieq li dan jiġi implimentat bħala proġett pilota; jitlob ukoll li jitneħħew l-ostakoli amministrattivi kollha li ma jħallux iż-żgħażagħ jidħlu għax-xogħol tal-biedja;

43.  Jemmen li r-riċeka u l-innovazzjoni huma kruċjali sabiex tiġi ffaċċjata l-isfida tas-sigurtà tal-ikel biż-żieda tal-produzzjoni filwaqt li jintużaw anqas riżorsi; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tat-taħriġ professjonali, l-aċċess għall-edukazzjoni, it-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju tal-aħjar prattiki fis-settur tal-biedja; itenni l-ħtieġa ta' approċċ koordinat bejn il-PAK u politiki oħra sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprofittaw ruħhom għalkollox mill-opportunitajiet offruti mis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika bil-għan li jtejbu l-produttività filwaqt li jirrispettaw il-kriterji tal-effiċjenza enerġetika u tas-sostenibilità;

45.  Jinnota li kull sena l-ammont ta' art disponibbli għall-produzzjoni agrikola qed jonqos minħabba t-tibdil fil-klima u l-urbanizzazzjoni;

46.  Jixtieq jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tad-diversità fl-agrikoltura Ewropea u tal-iżgurar tal-koeżistenza ta' mudelli agrikoli differenti, inkluża l-biedja fuq skala żgħira li toħloq impjiegi f'partijiet rurali tal-UE, kif ukoll dik tad-diversità u tal-kwalità tal-ikel, inklużi prodotti ta' impriżi agrikoli żgħar u prodotti mhux industrijali f'katini żgħar tal-provvista, u tan-nutriment madwar l-Ewropa kollha, bil-għan li jitħeġġeġ l-iżvilupp taż-żoni rurali u li jitħares il-wirt tas-setturi reġjonali tal-ikel u tal-inbid;

47.  Jinnota li l-prattiki agrikoli tradizzjonali lokali, il-farms immexxijja minn familji, il-biedja fuq skala żgħira, u l-biedja organika, jistgħu jagħtu kontribut siewi lis-sigurtà tal-ikel, għaliex spiss jirrappreżentaw l-aktar modi effikaċi biex tintuża l-art permezz ta' metodi żviluppati speċifikament f'reġjuni individwali fuq perjodi twal ta' żmien u jippermettu li tiġi stabbilita rabta profonda bejn il-prodott u ż-aona li minnha joriġina u li tirrappreżenta l-kwalità u l-awtentiċità tal-prodott; jisħaq fuq il-ħtieġa li dawk it-tipi ta' agrikoltura jikkoeżistu ma' farms moderni sostenibbli, li jikkombinaw produttività għolja ma' użu tal-art sostenibbli;

48.  Jenfasizza wkoll li suddiviżjoni eċċessiva ta' raba' f'xi Stati Membri hija ostakolu għall-produttvità agrikola u li jeħtieġ jittieħdu passi li jinkuraġġixxu l-amalgamazzjoni ta' impriżi agrikoli żgħar;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħares id-diversità tal-agrikoltura fl-UE, u jirrikonoxxi l-fatt li s-swieq lokali li jbigħu prodotti agrikoli friski u mkabbra lokalment huma ambjentalment sostenibbli u jgħinu biex jappoġġjaw il-komunitajiet tal-biedja stabbiliti; jisħaq fuq l-importanza tal-agrikoltura f'żoni anqas vantaġġjati; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-diversi mudelli agrikoli Ewropej fil-proposti futuri tagħha dwar il-PAK, inkluża l-konsiderazzjoni tal-possibilità li jinħolqu inċentivi finanzjarji speċjali u skemi ta' identifikazzjoni;

50.  Il-ħtieġa li tiġi implimentata PAK aktar ġusta, li għandha tiżgura distribuzzjoni bilanċjata ta' appoġġ lill-bdiewa, kemm fi ħdan kif ukoll bejn l-Istati Membri kollha, koeżjoni territorjali akbar, u t-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-esportazzjoni, b'mod parallel mat-tneħħija gradwali tal-forom kollha ta' sussidji għall-esportazzjoni mis-sħab kummerċjali tal-UE u l-impożizzjoni ta' dixxiplina fuq il-miżuri kollha tal-esportazzjoni b'effett ekwivalenti;

51.  Jirrikonoxxi li riformi tal-PAK jnaqqsu b'mod sinifikanti l-impatt tal-produzzjoni agrikola tal-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, hekk li tista' tgħid li kważi ġew eliminati r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni; jitlob li l-UE tirrikonoxxi l-importanza tal-appoġġ għas-setturi agrikoli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari billi tiżgura li l-agrikola tingħata prijorità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fil-baġit ta' għajnuna estera tal-UE għall-iżvilupp;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0286.
(2) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 10.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0131.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0302.
(5) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 71.

Avviż legali - Politika tal-privatezza