Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 19 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali ***II
 Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja FLEGT
 Ftehim UE-Kamerun dwar il-liġi dwar il -foresti ***
 Ftehim UE-Repubblika tal-Kongo dwar il-liġi dwar il-foresti ***
 Ftehim ta' Sħubija Interim bejn il-KE u l-Istati tal-Paċifiku
 Ftehim Interim ta' Sħubija bejn il-KE u l-Istati tal-Paċifiku ***
 L-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea
 Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-KE u s-Serbja
 Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni KE-Serbja ***
 Inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta' Alzheimer u dimenzji oħrajn
 Inalaturi għall-ażma
 Ir-rikostruzzjoni ta' Ħaiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u rikostruzzjoni
 Ksur tal-libertà tal-espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fil-Litwanja

Id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali ***II
PDF 287kWORD 44k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (11038/2/2010 – C7-0266/2010 – 2008/0142(COD))
P7_TA(2011)0007A7-0307/2010

(Proċedura leġislattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari 11038/2/2010 – C7-0266/2010),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2008)0414),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0257/2008),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) u l-Artikolu 114 tat-Trattat FUE,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2008(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta' Frar 2009(3),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta' Diċembru 2010, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(8)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0307/2010),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fid-19 ta' Jannar 2011 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali

P7_TC2-COD(2008)0142


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2011/24/UE).

(1) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 368.
(2) ĠU C 175, 28.7.2009, p. 116.
(3) ĠU C 120, 28.5.2009, p. 65.


Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja FLEGT
PDF 292kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja FLEGT
P7_TA(2011)0008B7-0028/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill (10028/2010) (ir-Repubblika tal-Kongo) u l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (12796/2010) (Kamerun),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kongo dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-injam u tal-prodotti derivati lejn l-Unjoni Ewropea (FLEGT) (07636/2010),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kamerun dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-injam u tal-prodotti derivati lejn l-Unjoni Ewropea (FLEGT) (13187/2010),

–  wara li kkunsidra t-talba għal kunsens ippreżentata mill-Kunsill bi qbil mal-Artikolu 207(3), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu (a)(v) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0170/2010 u C7-0339/2010),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (adottata mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 61/295 fit-13 ta' Settembru 2007),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru. 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kankun,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Jannar 2011 dwar l-abbozz tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja dwar FLEGT mar-Repubblika tal-Kongo(2) u r-Repubblika tal-Kamerun(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jilqa' l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (FSV) mar-Repubblika tal-Kamerun u r-Repubblika tal-Kongo; jemmen li l-linji gwida għal prattika tajba jistgħu jissiltu min-negozjati ta' dawn il-FSV biex isir preċedent għal negozjati oħrajn tal-FSV ma' pajjiżi li jipproduċu l-injam;

2.  Jisħaq fuq ir-responsabilità maqsuma ta' kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi li jfornu l-prodotti tal-injam tropikali fis-suq tal-UE biex jeliminaw il-qtugħ illegali ta' siġar għall-injam, u għal kummerċ relatat u biex jissaħħu l-isforzi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli b'mod globali tar-riżorsi tal-foresti;

3.  Jilqa' f'dan ir-rigward l-impenji tal-partijiet involuti biex itejbu l-governanza tal-foresti u jirriformaw il-leġiżlazzjoni eżistenti fejn hu neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet fis-settur tal-forestrija jkunu trasparenti, b'rispett lejn id-drittijiet tal-popli indiġeni, u ma jikkontribwixxux għall-impatti ambjentali negattivi; jilqa' wkoll l-impenn tal-UE biex tipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċità, inkluż b'mod partikolari t-twaqqif ta' sistemi ta' verifika tat-traċċabilità u l-legalità għall-injam u l-prodotti tal-injam fil-pajjiżi li jipproduċu l-injam;

Il-bijodiversità tal-foresti, il-klima u l-iżvilupp uman sostenibbli

4.  Ifakkar li l-FSV huma mmotivati mill-idea li jitwaqqaf b'mod konġunt il-kummerċ tal-injam maqtugħ b'mod illegali u ta' prodotti magħmula minn dan l-injam u li jikkontribwixxu għall-isforzi biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, l-emissjonijiet tal-karbonju relatati u t-telf tal-bijodiversità globali filwaqt li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-iżvilupp uman sostenibbli, is-sorsi tal-ikel sostenibbli u r-rispett għall-popli indiġeni u persuni lokali;

5.  Ifakkar li l-espansjoni ta' sfruttament fuq skala kbira tal-foresti tropikali u foresti oħrajn b'bijodiversità kbira u valuri tal-istokk tal-karbonju mhijiex sostenibbli u taf tirriżulta f'aktar deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti, filwaqt li tikkontribwixxi għall-qerda tal-ambjent globali; jinnota t-tensjoni inerenti fil-FSV, fis-sens li, filwaqt li jitħeġġeġ il-kummerċ tal-prodotti tal-injam minn pajjiżi b'żoni kbar ta' foresti naturali, l-UE taf tfixkel l-objettivi tagħha tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, l-appoġġ għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità, it-tnaqqis tal-faqar u l-waqfa tad-deforestazzjoni mad-dinja kollha; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-politika tal-UE tkun koerenti u li azzjonijiet appoġġjati mill-FSV jagħtu kontribut effettiv għall-impenji internazzjonali tal-partijiet kollha għal FSV; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex iniżżlu fid-dettall liema inizjattivi addizzjonali għall-FSV huma previsti sabiex tiġi miġġielda d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti naturali u biex titħeġġeġ il-protezzjoni tagħhom;

6.  Ifakkar li filwaqt li l-foresti huma proprjetà tal-istat fejn jinsabu, l-ambjent tal-foresti huwa wirt komuni tar-razza umana u jrid jiġi protett, ippreservat u, fejn hu applikabbli, irrestawrat bl-għan aħħari li jinżammu l-bijodiversità globali u l-funzjonijiet tal-ekosistemi, tiġi mħarsa s-sistema tal-klima, u jitħarsu d-drittijiet tal-popli indiġeni u l-komunitajiet dipendenti fuq il-foresti; għalhekk jistieden lill-gvernijiet sħab fl-Afrika u f'pajjiżi terzi biex jiżviluppaw pjanijiet għall-użu tal-art u għall-immaniġġjar tar-riżorsi li jilħqu dawn l-objettivi, u biex jidentifikaw fejn u kemm hemm bżonn ta' appoġġ mis-sħab barranin u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jitressqu “l quddiem dawk l-objettivi;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni, minħabba dan, biex tagħti l-akbar attenzjoni ħalli tiżgura li l-FSV ma jħeġġux l-espansjoni ta' attivitajiet industrijali tal-qtugħ ta' siġar għall-injam f'foresti intatti, u biex taħdem mal-gvernijiet tar-Repubblika tal-Kamerun u r-Repubblika tal-Kongo u l-gvernijiet kollha li jiffirmaw FSV fil-futur biex jimmonitorjaw u jieħdu passi biex jeliminaw l-effetti negattivi fuq in-natura, kemm diretti kif ukoll indiretti, tal-qtugħ ta' siġar għall-injam kummerċjali;

Il-proċess tan-negozjati

8.  Jilqa' l-approċċ volontarju, trasparenti, parteċipatorju u li jxaqleb lejn il-kunsens li permezz tiegħu jrid jintlaħaq ftehim; jirrakkomanda li dan l-approċċ għandu jsir in-norma għan-negozjati tal-FSV ma' pajjiżi sħab oħrajn li jipproduċu l-injam;

9.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali indipendenti u tal-osservaturi esterni indipendenti fl-immonitorjar tal-implimentazzjoni adatta tal-ftehimiet mill-partijiet involuti kollha, inkluż permezz ta' impenn għall-involviment tal-partijiet interessati nazzjonali fil-kumitati konġunti li jridu jitwaqqfu biex jissorveljaw il-proċess ta' implimentazzjoni; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali għandu bżonn ikollhom is-setgħa li jimmonitorjaw b'mod indipendenti l-infurzar tal-liġi kif ukoll l-implimentazzjoni tar-riformi ta' governanza fis-settur tal-forestrija;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmu biex jiġi żgurat li l-FSV jiġu infurzati b'mod effettiv u f'waqthom fl-istadji differenti tal-fażi ta' implimentazzjoni, filwaqt li jiġu ggarantiti b'mod partikolari r-rinfurzar tal-kapaċitajiet tal-partijiet interessati lokali u l-involviment dirett tal-komunitajiet lokali u l-popolazzjonijiet indiġeni matul il-fażi ta' implimentazzjoni sabiex tiżgura aċċettazzjoni akbar tar-riformi tal-FSV li se jitwettqu aktar “il quddiem kif ukoll il-verifika sħiħa tal-importazzjonijiiet fl-UE;

Il-liċenzji tal-FLEGT u l-oqfsa legali

11.  Ifakkar li reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv u regolatorju li jiggverna s-settur tal-forestrija hija neċessarja sabiex ikun hemm FSV li jikkonforma mal-objettivi tal-pjan ta' azzjoni FLEGT u biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-FSV tikkontribwixxi għall-konvenzjonijiet ambjentali u soċjali u għall-ftehimiet internazzjonali li għalihom irid isir il-FSV;

12.  Ifakkar li l-FSV jfittex ukoll li jtejjeb il-ġustizzja soċjali u jirrispetta d-drittijiet tal-komunitajiet lokali u indiġeni, b'hekk jiġu inklużi l-prinċipji tat-trasparenza u tal-parteċipazzjoni fuq l-istess livell;

13.  Ifakkar li dan it-titjib leġiżlattiv irid jitkompla qabel ma joħorġu l-liċenzji tal-FLEGT;

L-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-popolazzjoni lokali

14.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' kwalunkwe FSV, rapport dwar il-miżuri meħuda biex jiġi żgurat li d-djalogu bejn il-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili, inkluża l-popolazzjoni lokali u indiġena, jitkompla u jinżamm matul il-fażi ta' implimentazzjoni; huwa tal-opinjoni li dan ir-rapport għandu jinkludi evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet reali tal-kontenut tal-FSV fir-rigward tal-impenji internazzjonali tal-UE u dawk tal-pajjiż firmatarju rigward l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-bijodiversità;

15.  Jitlob liż-żewġ partijiet ta' FSV biex jiżguraw li s-soċjetà ċivili, il-popolazzjonijiet lokali u l-popli indiġeni jkunu kapaċi jikkontribwixxu b'mod ħieles u kunfidenti għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-FSV; huwa tal-opinjoni li l-Kumitat Konġunt ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim għandu jipprovdi s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-popolazzjonijiet lokali u tal-popli indiġeni bid-dritt li jilmentaw u mbagħad bid-dritt ta' appell jekk dan ma jkunx ta' suċċess;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li għandha fehim tajjeb tas-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem f'kwalunkwe pajjiż sħab tal-FSV potenzjali u jirrakkomanda li l-Kummissjoni ma taħdimx ma' xi pajjiż fejn m'hemm l-ebda qafas legali fis-seħħ biex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali bażiċi; jafferma mill-ġdid il-bżonn li jkun hemm djalogu miftuħ, libertà tal-kelma – inkluża l-libertà tat-twemmin reliġjuż – u libertà tal-istampa f'kwalunkwe pajjiż ikkonċernat mill-FSV sabiex ikun jista' jinstama' kwalunkwe ilment;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproduċi u tippreżenta lill-Parlament, fuq bażi regolari, rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet varji tal-FSV attwali u futuri kollha;

18.  Jistenna li fis-snin li ġejjin jiġu ffirmati aktar FSV li jkollhom bżonn iffinanzjar speċifiku u addizzjonali għall-iżvilupp ta' riżorsi tekniċi u umani; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE biex jispeċifikaw liema fondi se jintużaw biex jappoġġaw in-negozjati u l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet;

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

19.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress fin-negozjar u l-implimentazzjoni tal-FSV attwali u futuri u biex iżżomm lill-Parlament infurmat fi żmien raġonevoli dwar il-ħidma tal-Kumitat Konġunt ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim, ir-rapporti tal-missjoni u tal-verifika tal-awditur indipendenti tal-ftehim, ir-rapporti li jevalwaw l-implimentazzjoni tal-ftehim – inklużi l-istudji tal-impatt soċjali, ekonomiċi u ambjentali tiegħu – u l-listi tal-ismijiet tal-kumpaniji li ngħatalhom konċessjonijiet;

o
o   o

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijet u l-parlamenti tal-Istati Membri u ta' kwalunkwe gvern ikkonċernat mill-FSV.

(1) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0010.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0009.


Ftehim UE-Kamerun dwar il-liġi dwar il -foresti ***
PDF 201kWORD 32k
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija Volontarja UE-Kamerun dwar l-infurzar tal-liġi dwar il-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-injam u tal-prodotti derivati lejn l-Unjoni Ewropea (FLEGT) (12796/2010 – C7-0339/2010 – 2010/0217(NLE))
P7_TA(2011)0009A7-0371/2010

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill (12796/2010),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kamerun dwar l-infurzar tal-liġi dwar il-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-injam u tal-prodotti derivati lejn l-Unjoni Ewropea (FLEGT) (13187/2010),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-ewwel subparagrafu tal Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu Article 207(4), l-Artikolu 218(6) it-tieni subparagrafu, punt (a), punt (v) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0339/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0371/2010),

1.  Jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kamerun.


Ftehim UE-Repubblika tal-Kongo dwar il-liġi dwar il-foresti ***
PDF 202kWORD 32k
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar l-abbozz ta' proposta għal deċiżjoni tal-Kusill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kongo dwar l-infurzar tal-liġi dwar il-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-injam u l-prodotti derivati lejn l-Unjoni Ewropea (FLEGT) (10028/2010 – C7-0170/2010 – 2010/0062(NLE))
P7_TA(2011)0010A7-0370/2010

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10028/2010),

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kongo dwar l-infurzar tal-liġi dwar il-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-injam u d-derivati lejn l-Unjoni Ewropea (FLEGT) (07636/2010),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-ewwel subparagrafu tal Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu Article 207(4), l-Artikolu 218(6) it-tieni subparagrafu, punt (a), punt (v) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0170/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0370/2010),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kongo.


Ftehim ta' Sħubija Interim bejn il-KE u l-Istati tal-Paċifiku
PDF 246kWORD 80k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar il-Ftehima ta' Sħubija bejn il-KE u l-Istati tal-Paċifiku
P7_TA(2011)0011B7-0022/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li saret f'Cancún(1), tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004(2), tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-preparamenti għas-Sitt Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Ħong Kong(3), tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs)(4), tal-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong(5), tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: it-tfassil ta' politiki kummerċjali biex ikun massimizzat il-kontribut tal-kummerċ għat-tnaqqis tal-faqar(6), tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha(7), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku(8), tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku(9) il-pożizzonijiet tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, x (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u (KE) Nru 1100/2006(10), u ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehima Tranżitorju ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, fuq in-naħa l-oħra(11),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Tranżitorja ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, fuq in-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku (ACP) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku (COM(2007)0635),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Hong Kong,

–  wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-10 ta' Ottubru 2006,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000 li stabbiliet l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti kollettivament mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kigali adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE f'Kigali, Rwanda, fit-22 ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Fiġi(13), li fiha kkundanna bil-qawwa l-ħtif tal-poter mill-forzi militari tal-Fiġi,

–  wara li kkunsidra katalgu ta' 103 rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, maħruġa fir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Rieżami Perjodiku Universali tat-23 ta' Marzu 2010, u wara li kkunsidra r-risposta uffiċjali tal-gvern tal-Fiġi tal-10 ta' Ġunju 2010 li tistqarr li l-elezzjonijiet ġenerali tant mitluba u bosta drabi posposti issa kienu ġew iffissati għall-2014 u li din id-data mhijiex negozjabbli,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tas-16 ta' Diċembru 2010 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima Tranżitorja ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, fuq in-naħa l-oħra (O-0212/2010 – B7-0807/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi mill-1 ta' Jannar 2008 ir-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-UE mal-pajjiżi tal-ACP - li kienet tagħti lil dawn tal-aħħar aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiprokata - ma baqgħetx tikkonforma aktar mar-regoli tad-WTO,

B.  billi l-EPAs huma ftehimiet kompatibbli mad-WTO mmirati biex jappoġġaw l-integrazzjoni reġjonali u jippromwovu l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija, biex b'hekk jisseddaq l-iżvilupp sostenibbli soċjali u ekonomiku ta' dawk il-pajjiżi u jingħata kontribut għall-isforz globali biex jinqered il-faqar hemmhekk,

C.  billi l-EPAs għandhom jintużaw biex tinbena relazzjoni fit-tul li fiha l-kummerċ jappoġġa l-iżvilupp,

D.  billi l-Protokoll dwar iz-Zokkor taħt il-Konvenzjonijiet ta' Lomé u l-Ftehima ta' Cotonou suċċessivi pprovdew għal dħul prevedibbli għal gżejjer żgħar tal-Paċifiku, li għandhom potenzjal limitat ta' diversifikazzjoni fis-settur agrikolu,

E.  billi l-Ftehimiet Interim ta' Sħubija Ekonomika (IEPAs) huma ftehimiet dwar kummerċ ta' merkanzija li għandhom l-għan li jevitaw it-tfixkil tal-kummerċ tal-AKP mal-Unjoni Ewropea,

F.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali tfisser li l-politika kummerċjali hi importanti aktar minn qatt qabel għad-dinja li għadha qed tiżviluppa,

G.  billi mill-Stati AKP tal-Paċifiku s'issa l-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi biss iffirmaw IEPA (fi tmiem l-2009); billi l-pajjiżi l-oħra AKP tal-Paċifiku lkoll huma koperti jew mill-inizjattiva ta' Kollox Barra Armi, li toffri aċċess liberu għal kwoti mingħajr dazji għas-suq tal-UE, jew mis-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi regolari tal-UE,

H.  billi fil-każ tal-Papwa Ginea Ġdida l-ftehima ġiet proviżorjament applikata sa mill-20 ta' Diċembru 2009; billi fil-każ tar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi l-applikazzjoni tagħha għadha pendenti sakemm ikun hemm notifika ta' applikazzjoni proviżorja jew ratifika mir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi,

I.  billi n-negozjati rigward EPA komprensiva mal-14-il Stat tal-Paċifiku kollha tal-AKP għadhom għaddejjin,

J.  billi IEPA tinkorpora d-dispożizzjonijiet kollha ta' ftehima rigward kummerċ ta' merkanzija,

K.  billi l-impatt tal-impenji fuq il-pajjiżi konċernati u fuq ir-reġjun tal-Paċifiku inklużi fil-ftehima jista' jkun sostanzjali ħafna,

L.  billi l-IEPA se tinfluwenza l-ambitu u l-kontenut tal-ftehimiet futuri konklużi bejn il-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi u sħab kummerċjali oħra u l-pożizzjoni tar-reġjun fin-negozjati tal-EPA,

M.  billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-UE u l-Istati tal-Paċifiku minħabba li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjoni mill-UE tikkonsisti prinċipalment minn prodotti li l-Istati tal-Paċifiku ma jipproduċux imma li sikwit ikunu jeħtiġuhom għall-konsum direttjew bħala ħtiġijiet tal-industrija domestika,

N.  billi s-sajd u l-attivitajiet u l-industriji marbuta miegħu juru l-akbar potenzjal għaż-żieda fl-esportazzjoni għall-ġejjieni sakemm is-sajd isir b'mod sostenibbli mil-lat ambjentali,

O.  billi regoli ġodda dwar il-kummerċ iridu jkunu maħsuba bil-għan li jappoġġaw l-iżvilupp ta' industriji domestiċi u jagħtuhom kenn mill-ħela tar-riżorsi u mill-bidla fil-klima u billi jeħtiġilhom ikunu akkumpanjati b'iktar appoġġ għall-għajnuna relatata mal-kummerċ,

P.  billi l-objettiv tal-Għajnuna għall-Kummerċ huwa li tkun imsaħħa l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kummerċjali ġodda,

Q.  billi l-UE u l-pajjiżi tal-AKP innegozjaw regoli tal-oriġini mtejba ġodda u aktar flessibbli li se jwasslu għal benefiċċji konsiderevoli jekk jiġu implimentati kif jixraq f'rispett sħiħ tal-finijiet tal-ftehima u b'kunsiderazzjoni xierqa għal-livelli ta' kapaċità mnaqqsa ta' dawk il-pajjiżi,

R.  billi d-deroga mir-regoli tal-oriġini fl-EPA interim tkopri l-katina sħiħa tal-produzzjoni, mill-estrazzjoni tal-materja prima għall-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-esportazzjoni,

S.  billi d-domanda kbira għall-prodotti tat-tonn tfisser li dawn tal-aħħar għandhom karatteristiki speċifiċi – pereżempju, li jirreaġixxu bil-ħeffa għal varjazzjonijiet fil-prezz – li wasslu biex jiġu kklassifikati bħala “prodotti sensittivi” fis-suq internazzjonali, ħaġa li jeħtieġ li titqies fin-negozjati kummerċjali kollha,

T.  billi l-Kummissjoni tas-Sajd tal-Punent u ċ-Ċentru tal-Paċifiku (WCPFC), l-organizzazzjoni internazzjonali responsabbli għall-iżgurar li l-istokkijiet tal-ħut fiż-żona jkunu sostenibbli, irrappurtat li pajjiżi terzi – b'mod partikolari ċ-Ċina – li ilhom jinvestu fi proġetti kbar fil-Papwa Ginea Ġdida mindu ġew stabbiliti r-regoli l-ġodda dwar l-oriġini, żiedu b'mod massiv il-kapaċità tas-sajd tagħhom fiż-żona u billi din ix-xejra tidher li se tkompli tikber, bi tkabbir tar-riskju li l-istokkijiet tal-ħut jiġu sfruttati żżejjed,

1.  Jemmen li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn dan ir-reġjun u l-UE għandhom jippromwovu u jżidu l-kummerċ, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali, filwaqt li jġibu “l quddiem id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tnaqqis tal-faqar; jinnota li l-IEPA jeħtiġilha tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-MDGs;

2.  Jenfasizza li l-konklużjoni pożittiva tan-negozjati tal-IEPA mal-Papwa Ginea Ġdida u l-Fiġi turi li l-Unjoni Ewropea għandha interess qawwi li tkompli żżomm relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib u ta' livell għoli mal-Istati tal-Paċifiku; jittama li dan l-IEPA, illum limitat għal żewġ pajjiżi, jista' jwitti t-triq għal ftehim usa' li jinkludi pajjiżi oħra fiż-żona tal-Paċifiku;

3.  Jenfasizza li l-IEPA għandha l-iskop li żżomm miftuħ is-suq għall-esportazzjonijiet mill-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi u tippermetti negożjati għal EPA komprensiva jekk l-Istati konċernati jkunu jixtiequ hekk;

4.  Jirrimarka li l-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi - iż-żewġ pajjiżi tal-Paċifiku li għandhom esportazzjonijiet sinifikkattivi lejn l-UE - huma l-uniċi membri tar-reġjun tal-Paċifiku li s'issa kkonkludew il-ftehim, waqt li l-membri l-oħra ta' dak il-grupp jagħżlu li ma jiffirmawx minħabba l-livelli iktar baxxi ta' kummerċ ta' merkanzija mal-UE min-naħa tagħhom;

5.  Ifakkar li waqt li l-IEPA tista' titqies bħala l-ewwel pass fil-proċess, f'termini legali din hija ftehima internazzjonali kompletament indipendenti li tista' ma twassalx awtomatikament la lejn EPA sħiħa u lanqas għall-firma tal-EPA komprensiva min-naħa tal-firmatarji inizjali kollha tal-IEPA;

6.  Ifakkar lill-istituzzjonijiet u lill-gvernijiet tal-UE li la l-konklużjoni u lanqas ir-rinunzja għal EPA m'għandhom iwasslu għal sitwazzjoni fejn pajjiż tal-AKP jista' jsib ruħu f'pożizzjoni anqas favorevoli milli kien fiha skont id-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ tal-Ftehima ta' Cotonou;

7.  Jenfasizza li l-kunsens possibbli mill-Parlament għall-IEPA ma jiddeterminax minn qabel il-pożizzjoni tal-Parlament rigward il-kunsens tiegħu għall-EPA komprensiva, ladarba l-proċedura tal-konklużjoni hija relatata ma' żewġ ftehimiet internazzjonali differenti;

8.  Ifakkar li suq reġjonali ġenwin huwa bażi essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-IEPA - u bl-istess mod kwalunkwe EPA komprensiva tal-futur - u li l-integrazzjoni u l-koperazzjoni reġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Istati Paċifiċi; jemmen li dan għandu jitqies fil-kuntest tal-implimentazzjoni;

9.  Jenfasizza li l-iskop ta' dispozizzjionijiet speċifiċi dwar regoli tal-oriġini għall-prodotti tas-sajd huwa l-izvilupp tal-kapaċità ta' pproccessar fuq l-art fl-Istati tal-Paċifiku tal-AKP sabiex jiġu ġenerati impjiegi lokali u dħul ekonomiku;

10.  Jinnota li EPA tranżitorja wittiet it-triq għall-iżvilupp ta' proġetti industrijali fil-Papwa Ginea Ġdida, bħaż-Żona Industrijali Marina tal-Paċifiku f'Madang, li hi mistennija li tipproduċi aktar minn 400 000 tunnellata ta' bottijiet tat-tonn tul sentejn;

11.  F'dan il-kuntest, huwa mħasseb u allarmat b'miżuri, pereżempju bħala ma hi r-rieżami reċenti tal-leġiżlazzjoni ambjentali min-naħa tal-awtoritajiet tal-Papwa Ginea Ġdida, li fil-prattika jneħħi r-rekwiżit li jitressqu rapporti ambjentali għal proġetti bħal dawn u jfixkel il-proċess tal-klejms;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-industrija tas-sajd bħala sors primarju ta' impjiegi għan-nisa fir-reġjun tal-Paċifiku; jemmen li l-Kummissjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika, politika u finanzjarja sabiex ittejjeb l-opportunitajiet ta' xogħol għan-nisa fl-Istati tal-Paċifiku;

13.  Jirrimarka bi tħassib li d-dejta tal-WCPFC turi li pajjiżi terzi kabbru l-kapaċità tas-sajd tagħhom f'dawn l-ilmijiet tal-Paċifiku u li għalhekk hemm riskju ta' sajd u sajd żejjed illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, li ma jwasslux għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd lokali;

14.  Jenfasizza li anki minejja l-fatt li l-Papwa Ginea Ġdida u l-Fiġi għandhom kapaċità limitata ta' sajd u għalhekk provvista limitata ta' ħut miksub sħiħ u kapaċità limitata ta' pproċessar fuq l-art, id-deroga mir-regoli dwar l-oriġini għal-prodotti tas-sajd ipproċessati, li qed tintuża attivament mill-Papwa Ginea Ġdida, lil dan il-pajjiż għamlitu tabilħaqq ċentru għall-ipproċessar ta' kwantitajiet enormi ta' tonn minn diversi sorsi (il-Filippini, it-Tajlandja, Ċina, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Awstralja); jiġbed attenzjoni għall-fatt li d-deroga mir-regoli dwar l-oriġini jista' jkollha effett destabilizzanti fuq l-industrija tal-ipproċessar u tal-konservazzjoni fil-laned tal-UE;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, malajr kemm jista' jkun, tippreżenta lill-Parlament rapport dwar dawn l-aspetti speċifiċi tas-settur tas-sajd tal-Istati tal-Pacifiku u dwar il-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Pacifiku, inklużi prattiki ta' żvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien tibda l-konsultazzjonijiet previsti mill-Artikolu 6(6)(d) tal-Protokoll II anness mal-IEPA u twettaq is-sospensjoni tal-arranġamenti eċċezzjonali rigward ir-regoli dwar l-oriġini fil-każ li r-rapport ta' valutazzjoni juri l-effett destabilizzanti fuq l-industrija tas-sajd u tal-prodotti fil-laned tal-UE;

16.  Jinnota li tali rapport dwar l-implimentazzjoni tar-regoli speċjali ta' oriġini għandhom jitħejjew matul l-2011, jiġifieri tliet snin wara li ssir notifika lill-Papwa Ginea Ġdida tal-adozzjoni tar-regoli fir-Regolament (KE) Nru 1528/2007, u li għandu jikkunsidra l-impatt ekonomiku ambjentali u soċjali tad-deroga dwar global sourcing (strateġija li biha negozju jfittex l-aħjar lokalità, mill-aspett finanzjarju, biex jimmanifattura xi prodott minn tiegħu) fuq il-popolazzjoni tal-Papwa Ginea Ġdida, b'mod partikolari fuq il-komunitajiet li jgħixu fuq l-ixtut f'dan ir-rigward, jitlob għal informazzjoni immedjata dwar it-termini ta' referenza ta' dan ir-rapport u dwar jekk il-partijiet interessati u dawk affettwati kollha inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Papwa Ginea Ġdida, se jiġux ikkonsultati matul it-tħejjija tar-rapport;

17.  Iħeġġeġ lill-Fiġi sabiex taċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-komunità internazzjonali u sabiex timplimenta prattiki ta' governanza tajba; jemmen li passi bħal dawn għandhom jirriżultaw fir-rilaxx ta' assistenza finanzjarja għas-settur taz-zokkor fil-Fiġi; jirrikonoxxi li dawn il-flus huma meħtieġa ħafna sabiex jappoġġaw is-settur taz-zokkor li huwa sors kruċjali ta' impjiegi fil-Fiġi;

18.  Jenfasizza li kull EPA reġjonali għandu jitfassal fuq pjan ta' azzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi bl-approvazzjoni tar-raggruppamenti politiċi partikolari kollha fir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi;

19.  Jirrakkomanda strateġija flessibbli, asimmetrika u pragmatika fin-negozjati li għadhom għaddejjin għal Ftehima ta' Sħubija Ekonomika komprensiva; jinsisti fuq l-inklużjoni ta' kapitolu tal-koperazzjoni fl-iżvilupp fl-EPA komprensiva;

20.  Ifakkar li l-ftehima jista' jkollha wkoll implikazzjonijiet għar-relazzjonijiet bejn ir-reġjun Paċifiku u l-eqreb u l-ikbar sħab kummerċjali tiegħu, l-Awstralja u n-New Zealand, u li jrid ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-ftehima attwali ma jkunux ta' tfixkil għall-ftehimiet kummerċjali futuri ma' dawk il-pajjiżi;

21.  Ifakkar li l-EPA għandha tappoġġa l-objettivi, il-politiki u l-prijoritajiet ta' żvilupp tal-Istati tal-Paċifiku, mhux biss fl-istruttura u l-kontenut, iżda wkoll fil-mod u l-ispirtu tal-implimentazzjoni tagħha;

22.  Ifakkar fl-adozzjoni f'Ottubru 2007 tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2 biljun fis-sena sal-2010 (EUR 1 biljun mill-Komunità u EUR 1 biljun mill-Istati Membri); jinsisti li r-reġjun Paċifiku għandu jirċievi sehem xieraq u ġust ta' din l-għajnuna;

23.  Jitlob li jkun deċiż u pprovdut minn kmieni s-sehem tar-riżorsi tar-reġjun tal-Paċifiku ta' Għajnuna għall-Kummerċ; jenfasizza li dawn il-fondi għandhom ikunu riżorsi addizzjonali u mhux biss fondi mill-EDF ippreżentati f'pakket ġdid, u li għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi kif ukoll tar-reġjun usa' tal-Paċifiku, u li l-għoti tagħhom isir f'waqtu, b'mod prevedibbli u skont l-iskedi ta' twettiq tal-pjanijiet strateġiċi ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-impenji li ttieħdu mill-Kunsill f'Settembru 2007 b'konnessjoni mal-Ftehima dwar Aspetti li Għandhom x'Jaqsmu mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS) u l-aċċess għall-mediċini, sabiex ma tinnegozjax dispożizzjonijiet TRIPS-Plus relatati mal-farmaċewtika li jaffettwaw is-saħħa pubblika u l-aċċess għall-mediċini fl-EPA, sabiex toqgħod lura milli titlob l-adeżjoni mat-Trattat ta' Kooperazzjoni dwar il-Privattivi jew mat-Trattat tal-Liġi dwar il-Privattivi jew l-aċċettazzjoni tal-obbligi marbuta magħhom, u biex toqgħod lura wkoll milli tinkorpora t-termini tad-Direttiva 2004/48/KE(14) u biex ma tintroduċix fl-EPA regoli bħall-protezzjoni ta' bażi ta' dejta mhux originali;

25.  Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għal EPA finali bejn L-UE u l-Istati tal-Paċifiku; jaqbel li l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu nnegozjati jinkludu:

   a) negozjati dwar id-dritt tal-proprjetà intellettwali li jkopru mhux biss l-għarfien tradizzjonali iżda wkoll prodotti teknoloġiċi tal-Punent;
   b) it-trasparenza tal-akkwist pubbliku b'opportunitajiet għal kuntratturi tal-UE li tibda taħdem f'punt xieraq għall-ħtigijiet tal-Istati Pacifici;
   c) viżi għax-xogħol li għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċittadini tal-Gżejjer Paċifiċi għal perjodi ta' mhux anqas minn 24 xahar sabiex ikunu jistgħu jaħdmu bħala “carers” jew f'xogħlijiet simili;

26.  Jitlob madankollu li l-Kummissjoni tkompli taħdem għal ftehim aktar komprensiv u tfittex alternattivi possibbli, aċċessibbli u vijabbli li jiggarantixxu aċċess għas-suq, f'konformità mar-regoli tad-WTO, b'użu kreattiv tal-flessibilitajiet kollha disponibbli taħt dawk ir-regoli, inklużi rinunzji għal dawk il-pajjiżi li ma jixtiqux li jimpenjaw ruħhom fl-IEPA jew fl-EPA sħiħa jew fit-tnejn li huma;

27.  Huwa tal-fehma li fl-EPA komprensiva għandu jitwaqqaf Kumitat Parlamentari biex jimmoniterja l-implimentazzjoni tal-ftehima u li l-kompożizzjoni ta' dan il-kumitat min-naħa tal-PE għandha għalhekk tkun konformi ma' dik tal-Kumitat Parlamentari Konġunt Cariforum-UE;

28.  Jisħaq li sew l-IEPA kif ukoll l-EPA komprensiva għandhom tinkorporaw klawsola ta' rieżami li tipprevedi evalwazzjoni globali tal-impatt indipendenti, li tinkludi l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali u l-kosts u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni, li għandha xsir fi żmien perjodu ta' bejn tlieta u ħames snin wara l-iffirmar tal-ftehima; jenfasizza li l-klawsola ta' rieżami tal-IEPA - u sussegwentament, dik tal-EPA - għandu jkollha dispożizzjoni li l-firmatarji kollha jkunu intitolati li jinvokawha abbażi tal-evalwazzjoni tal-impatt diġà msemmi; jitlob li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti tal-Istati tal-Paċifiku għandhom ikunu involuti f'kull rieżami tal-ftehima;

29.  F'dan il-kuntest, jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li din id-deroga ġenerali mir-regoli dwar l-oriġini tkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola fil-ftehimiet ta' sħubija tal-ġejjieni;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-AKP, lill-Kunsill AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.
(2) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 397.
(3) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.
(4) ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.
(5) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
(6) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.
(7) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p 244.
(8) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.
(9) ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.
(10) ĠU C 285 E, 26.11.2009, p. 126.
(11) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 118.
(12) ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.
(13) ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 898.
(14) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.


Ftehim Interim ta' Sħubija bejn il-KE u l-Istati tal-Paċifiku ***
PDF 201kWORD 31k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Interim ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (05078/2010 – C7-0036/2010 – 2008/0250(NLE))
P7_TA(2011)0012A7-0365/2010

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05078/2010),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim Interim ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (05558/2/2009),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207(4) u 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0036/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għas-Sajd (A7-0365/2010),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati tal-Paċifiku.


L-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea
PDF 206kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar l-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea
P7_TA(2011)0013RC-B7-0029/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Novembru 1989, u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea tal-1967 dwar l-Adozzjoni tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni rigward l-Adozzjoni bejn il-Pajjiżi (iffirmata fl-Aja fid-29 ta' Mejju 1993) u l-Konvenzjoni Ewropea tal-25 ta' Jannar 1996 dwar l-Eżerċizzju tal-Jeddijiet tat-Tfal (ETS Nru 160),

–  wara li kkunisidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 1996 dwar it-titjib tal-liġijiet u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-adozzjoni tal-minuri(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta'Jannar 2008: Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-benessri tat-tfal u s-salvagwardja tal-aqwa interess tat-tfal huma tal-akbar importanza. u billi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija għan tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi fil-qasam tal-adozzjoni l-kompetenza hija eżerċitata mill-Istati Membri, li jimplimentaw il-proċeduri rilevanti skont l-aqwa interessi tat-tfal,

C.  billi hemm fis-seħħ konvenzjonijiet li jittrattaw il-protezzjoni tat-tfal u r-responsabbiltajiet tal-ġenituri, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea tal-1967 dwar l-Adozzjoni tat-Tfal, li għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri f'każijiet fejn l-adozzjoni tinvolvi li t-tfal imorru minn pajjiż għall-ieħor, u l-Konvenzjoni tal-1993 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni rigward l-Adozzjoni bejn il-Pajjiżi (il-Konvenzjoni tal-Aja),

D.  billi l-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji tal-Konvenzjoni tal-Aja,

E.  billi, bħala riżultat tal-Konvenzjoni tal-Aja, sar progress konsiderevoli,

F.  billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tal-Aja jiddeskrivu l-familja bħala l-grupp fundamentali fis-soċjetà, bħala l-ambjent naturali għat-trobbija u għall-benessri tat-tfal fil-maġġoranza kbira tal-każijiet, u bħala l-ewwel għażla rigward il-kura tat-tfal,

G.  billi, jekk ma tkunx disponibbli l-kura primarja tat-tfal mill-familja, l-adozzjoni għandha tkun fost l-għażliet sekondarji naturali, filwaqt li t-tqegħid tat-tfal fil-kura istituzzjonali għandu tabilħaqq ikun l-aħħar għażla,

H.  billi fl-Ewropa l-problema tat-tfulija prekarja, u b'mod partikolari dik tat-tfal abbandunati u istituzzjonalizzati, hija waħda sinifikanti u għandha tiġi ttrattata bl-akbar serjetà,

I.  billi l-ksur tad-drittijiet tat-tfal, il-vjolenza kontra tagħhom u t-traffikar tat-tfal għall-adozzjonijiet, il-prostituzzjoni, ix-xogħol illegali, iż-żwieġ furzat, u x-xogħol bħala tallaba fit-toroq jew għal kull skop illegali ieħor, jibqa' problema fl-UE,

J.  billi huwa importanti li nipproteġu d-dritt tat-tfal għal ħajja tal-familja u li niżguraw li t-tfal ma jiġux sfurzati jgħixu għal perjodi twal fl-orfanatrofji,

K.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali saret vinkolanti; billi, skont l-Artikolu 24 tal-Karta, “it-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom”; u billi, barra minn hekk, l-Artikolu 3 tat-Trattat ta' Lisbona jistqarr li “l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal” hija mira tal-Unjoni,

1.  Jistieden biex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li, fil-livell Ewropew, jiġu kkoordinati l-istrateġiji relatati mal-istrument tal-adozzjoni internazzjonali, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali, biex tittejjeb l-assistenza fl-oqsma tas-servizzi ta' informazzjoni, it-tħejjija għall-adozzjoni barra l-pajjiż, l-ipproċessar ta' proċeduri ta' applikazzjoni għal adozzjoni internazzjonali u s-servizzi ta' wara l-adozzjoni, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal orfni jew abbandunati li jkollhom familja u jkunu protetti;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-funzjonament tas-sistemi nazzjonali fil-livell Ewropew;

3.  Iqis li l-prijorità għandha tingħata, kulfejn possibbli u fl-aqwa interessi tat-tfal, għall-adozzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tat-tfal, bl-alternattivi possibbli ta' soluzzjoni tal-kura f'familja, bħall-fostering jew kura residenzjali, jew is-sejbien ta' familja permezz tal-adozzjoni internazzjonali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, u li t-tqegħid f'istituzzjoni għandu jintuża biss bħala soluzzjoni temporanja;

4.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż tal-oriġini tal-familja li tkun qed tfittex tifel jew tifla għall-adozzjoni internazzjonali jeħtieġ li tapplika rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fit-tul;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Konferenza tal-Aja, mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-organizzazzjonijiet tat-tfal, biex jiżviluppaw qafas li jiżgura t-trasparenza u l-valutazzjoni effikaċi tax-xejriet rigward it-tfal abbandunati u adottati, inklużi dawk li jkunu għaddew minn adozzjoni internazzjonali, u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom bil-għan li jevitaw it-traffikar tat-tfal għall-adozzjoni;

6.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jieħdu rwol aktar attiv fil-Konferenza tal-Aja bil-għan li jagħmlu pressjoni fuq il-Konferenza biex ittejjeb, tissimplifika u tiffaċilita l-proċeduri għall-adozzjoni internazzjonali u telimina l-burokrazija żejda, filwaqt li jikkommettu rwieħhom għas-salvagwardja tat-tfal minn pajjiżi terzi;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jirrapportaw perjodikament lill-Istat Membru tal-oriġini dwar l-iżvilupp tat-tfal li jkunu għaddew minn adozzjoni internazzjonali;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-implikazzjonijiet psikoloġiċi, emozzjonali, fiżiċi u soċjali/edukattivi tat-tneħħija tat-tfal mill-post tal-oriġini tagħhom u biex joffru assistenza xierqa lill-ġenituri adottivi u t-tfal adottati;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lil tfal bi bżonnijiet speċjali, bħal tfal li jeħtieġu kura medika u tfal b'diżabilità;

10.  Jirrikonoxxi li salvagwardji proċedurali u skrutinju adegwat tad-dokumenti kollha tal-adozzjoni, inklużi ċ-ċertifikati tat-twelid, jgħinu biex iħarsu lit-tfal mill-ksur ta' drittijiethom minħabba dubji dwar l-età jew l-identità; jemmen li sistema affidabbli tar-reġistrazzjoni tat-twelid tista' tipprevjeni t-trafikar tat-tfal għall-adozzjoni, u jitlob li jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet legali biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-dokumenti meħtieġa għall-adozzjoni;

11.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri kollha biex jipparteċipaw attivament fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal għall-adozzjoni;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Konferenza tal-Aja u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 20, 20.1.1997, p. 176.
(2) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 24.


Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-KE u s-Serbja
PDF 283kWORD 116k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-19 ta' Jannar 2011 dwar il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tas-Serbja
P7_TA(2011)0014B7-0021/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li qiegħed fil-proċess ta' ratifika mill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, u l-Ftehim Interim dwar kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2010,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2010 li jistieden lill-Kummissjoni tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244 (1999), l-Opinjoni Konsultattiva tal-QIĠ tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-Konformità mal-liġi internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza rigward il-Kosovo, u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet ir-rieda tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn Belgrad u Pristina(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u r-revoka tad-Deċiżjoni 2006/56/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2010 tal-Kummissjoni dwar ir-Repubblika tas-Serbja(3) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011(4),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta mill-Assemblea Inter-Parlamentari bejn l-UE u s-Serbja tal-4-5 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' riammissjoni bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja tat-8 ta' Novembru 2007(5) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa(6),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja(7) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 Novembru 2009 dwar id-dokument tal-Kummissjoni tal-2009 dwar it-tkabbir li jikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija(8),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kap Prosekutur tal-ICTY imressqa lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-18 ta' Ġunju 2010 u fis-6 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-HR/VP Catherine Ashton tat-8 ta' Settembru 2010 dwar il-passi li jmiss fin-NU rigward l-opinjoni konsultattiva dwar il-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza li ħarġu mill-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, ittieħed impenn mal-Istati tal-Balkani tal-Punent kollha, li se jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea ladarba jilħqu l-kriterji stabbiliti u dan l-impenn reġa' ttenna fil-konsensus imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew fl-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar is-Serbja,

B.  billi l-pass tal-integrazzjoni fl-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huwa individwali u jiddependi fuq il-merti ta' kull wieħed minnhom b'mod partikolari rigward id-determinazzjoni biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha, jilħqu l-obbligi kollha, iwettqu r-riformi u jadottaw il-miżuri meħtieġa li timplika l-adeżjoni mal-UE,

C.  billi approċċi kostruttivi lejn il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien huma l-elementi prinċipali tal-Istabilizzazzjoni u l-Proċess ta' Assoċjazzjoni; billi dawn għandhom rwol deċiżiv fil-proċess ta' transformazzjoni tal-Balkani tal-Punent f'żona ta' stabilità li ilha żmien twil u ta' żvilupp sostenibbli,

D.  billi s-Serbja tinsab fil-qagħda li ssir protagonista prinċipali fil-garanzija tas-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun,

E.  billi l-UE nnifisha hija msejsa fuq prinċipji bħar-rikonċiljazzjoni, il-kompromess u l-koeżistenza paċifika; billi l-politika tal-UE fil-Balkani tal-Punent ssegwi l-istess għanijiet sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-popli tar-reġjun; billi, konformi ma' din il-politika, l-UE tikkundanna r-reati kollha tal-gwerra li twettqu f'dik li qabel kienet il-Jugoslavja u tappoġġa x-xogħol tal-ICTY u tal-Kmamar lokali tad-Delitti tal-Gwerra fl-isforz tagħhom biex jiġu assigurati l-ġustizzja u l-kontabilità,

1.  Jafferma mill-ġdid li l-futur tas-Serbja qiegħed fl-UE, u jinkuraġġixxi lill-pajjiż biex ikompli bl-isforzi tiegħu għal dan il-għan; ifaħħar lis-Serbja għall-progress li għamlet fil-proċess ta' riforma; jilqa' d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta' ratifika tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja li ttieħdet mill-Kunsill fl-14 ta' Ġunju 2010 u l-fatt li ħdax-il Stat Membru diġà rratifikaw il-Ftehim; jistieden lill-Istati Membri li baqa' biex jipproċedu malajr bil-proċedura ta' ratifika;

2.  Jilqa' l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, imressqa fit-22 ta' Diċembru 2009 u d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill tal-Ministri fil-25 ta' Ottubru 2010 biex jitlob lill-Kummissjoni ħalli teżamina l-applikazzjoni tas-Serbja; hu tal-opinjoni li d-deċiżjoni tal-Kunsill tagħti sinjal pożittiv lis-Serbja u tħeġġiġha biex iżżid ir-riformi meħtieġa biex tikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen; jenfasizza li d-deċiżjoni tal-Kunsill tirrappreżenta kontribuzzjoni importanti għall-istabilità tal-Balkani tal-Punent; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji l-opinjoni tagħha dwar is-suġġett, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

3.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża, li jippermetti liċ-ċittadini Serbi li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn iż-żona Schengen mid-19 ta' Diċembru 2009; jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Serb li jippermetti liċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn is-Serbja bil-karti tal-identità u jistieden iktar inizjattivi biex jitħaffu l-kuntatti bejn il-popli u l-mobilità tal-persuni mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent; jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jadottaw miżuri adegwati u jagħmlu sforz sħiħ sabiex il-possibilitajiet ta' abbuż mir-reġim ta' ħelsien mill-viża jiġu limitati; b'mod partikolari biex ikun żgurat li ċ-ċittadini Serbi jkunu infurmati kif xieraq dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li joriġinaw mir-reġim ta' ħelsien mill-viża;

4.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-għajnuna tal-IPA taħdem sewwa fis-Serbja; iħeġġeġ kemm lill-gvern kif ukoll lill-UE biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għall-finanzjament tal-IPA bil-għan li jagħmluh aktar aċċessibbli għal benefiċjarji iżgħar u mhux ċentralizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm livell adegwat ta' appoġġ ta' qabel l-adeżjoni fir-reviżjoni li jmiss tal-qafas finanzjarju tal-UE;

5.  Jilqa' r-riżoluzzjoni konġunta bejn l-UE u s-Serbja dwar l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar il-Konformità mal-liġi internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali tal-indipendenza tal-Kosovo, adottata b'akklamazzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-9 ta' Settembru 2010; jilqa' r-rieda tal-Gvern Serb li jġedded id-djalogu mal-Kosovo fi ħdan qafas tal-UE u jappella biex it-taħdidiet jibdew mingħajr dewmien; jistieden lis-Serbja tidħol fi djalogu mal-Kosovo mingħajr ma tibqa' ssir referenza għal negozjati ġodda dwar l-istatus tiegħu; jesprimi l-fiduċja tiegħu li jista' jiġi adottat approċċ li jimxi pass pass għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Kosovo; jenfasizza li d-djalogu, sabiex ikun ta' suċċess, se jirrikjedi impenn u rieda sabiex jinstab kompromess miż-żewġ naħat bil-ħsieb tal-futur Ewropew komuni tagħhom u l-interess komuni tagħhom biex jiġu stabbiliti l-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fit-tul fir-reġjun u jitjieb il-benessri tal-poplu; jenfasizza li l-abilità li jkun iffaċilitat dan il-proċess jikkostitwixxi prova tal-kredibilità u l-viżjoni politika tal-UE fir-reġjun kollu; ifakkar li relazzjonijiet tajba ta' viċinat huma fost l-aktar kundizzjonijiet importanti għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għall-progress lejn sħubija fl-UE;

6.  Jilqa' l-kooperazzjoni mtejba mal-EULEX iżda jenfasizza l-bżonn għal aktar sforzi f'dan ir-rigward, b'mod partikolari biex jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Serbi sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-EULEX mas-Serbi tal-Kosovo fl-isforzi biex ikun implimentat l-istat tad-dritt fit-Tramuntana tal-Kosovo;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Serb iżarma l-istrutturi Serbi paralleli fil-Kosovo li jdgħajfu l-proċess ta' deċentralizzazzjoni u jimpedixxu l-integrazzjoni sħiħa tal-komunità Serba fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi li jieħdu rwol kostruttiv fit-twaqqif u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet muniċipali f'muniċipalitajiet multietniċi Serbi kemm fit-Tramuntana u kemm fin-Nofsinhar tax-xmara Ibar;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jadottaw attitudni kostruttiva għall-elezzjonijiet ġenerali li jmiss fil-Kosovo; jindika li istituzzjonijiet stabbli u multietniċi fil-Kosovo huma fl-interess kemm tas-Serbja kif ukoll ta' pajjiżi oħra ġirien u jqis, f'dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo fil-proċess elettorali element indispensabbli mmirat biex ma jħallix li l-komunità Serba tal-Kosovo titwarrab fil-ġenb;

9.  Jinnota l-isforzi kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo biex jinstabu persuni li ilhom mitlufa mill-kunflitt tal-1998-1999 permezz tal-“Grupp ta' Ħidma dwar Persuni Nieqsa Marbuta mal-Ġrajjiet fil-Kosovo”; jenfasizza s-sinifikat tas-soluzzjoni ta' din il-kwistjoni biex jitbiegħed il-konflitt tal-1998-1999; jinnota wkoll il-każijiet ta' madwar 1862 persuna li għadhom nieqsa u jistieden kemm lis-Serbja kif ukoll lill-Kosovo biex jestendu l-kooperazzjoni kollha possibbli lejn xulxin, lejn l-ICRC, lejn l-EULEX u l-entitajiet l-oħra fit-tfittxija għal dawn il-persuni;

10.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali jibqa' prijorità prinċipali għall-UE u huwa maħsub bħala katalist għar-rikonċiljazzjoni, għar-relazzjonijiet tajba tal-viċinat u għat-tisħiħ tal-kuntatti fost in-nies fil-Balkani tal-Punent; għalhekk, jistieden lis-Serbja biex tadotta approċċ kostruttiv lejn kooperazzjoni reġjonali aktar inklussiva, sabiex ikun possibbli li tinstab soluzzjoni prattika u sostenibbli għar-rappreżentazzjoni tal-Kosovo f'fora reġjonali; jilqa“, għalhekk, il-Laqgħa ta' livell Għoli bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f'Sarajevo fit-2 ta” Ġunju 2010;

11.  Ifakkar li l-kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY hija kundizzjoni fundamentali għas-Serbja għall-progress fit-triq għall-adeżjoni mal-UE; jinnota li s-Serbja qed tkompli twieġeb b'mod xieraq għat-talbiet ta' għajnuna tal-ICTY u jistieden lill-Gvern Serb biex ikompli jaħdem mill-qrib mal-Qorti, inkluż trażmissjoni rapida tad-dokumenti kollha rikjesti u finalizzazzjoni f'waqtha tal-każijiet trasferiti lura mill-ICTY; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-aktar valutazzjoni riċenti tal-Kap Prosekutur tal-ICTY li l-isforzi tas-Serbja biex tarresta liż-żewġ maħruba li fadal għadhom problematiċi; jenfasizza li l-arrest u l-estradizzjoni lejn L-Aja tal-maħrubin biss jista' jitqies bħala l-aktar prova konvinċenti tal-kooperazzjoni sħiħa u jitlob għal sforzi aktar sistematiċi għall-arrest tagħhom sabiex il-mandat tal-Qorti jkun jista' jiġi finalament sodisfatt; b'mod partikolari jħeġġeġ rivalutazzjoni tal-approċċ preżenti, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICTY; jenfasizza li s-Serbja tista' biss tiggwadanja status ta' kandidat u/jew negozjati miftuħa għal adeżjoni mal-UE jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-ICTY jivvaluta li offriet kooperazzjoni sħiħa;

12.  Jilqa' r-riżoluzzjoni dwar Srebrenica adottata mill-Parlament Serb bħala pass sinifikanti fil-proċess ta' sensibilizzazzjoni dwar l-atroċitajiet li seħħew fil-passat riċenti u ta' rikonċiljazzjoni reġjonali; ifaħħar id-deċiżjoni tal-President Tadić li jipparteċipa fil-kommemorazzjoni tal-15-il anniversarju tal-ġenoċidju fi Srebrenica bħala pass ieħor f'din id-direzzjoni, kif ukoll iż-żjara tiegħu f'Vukovar, fejn sellem u talab apoloġija lill-vittmi tal-massakru ta' Ovčara fl-1991, li ta impetu ġdid lill-iżvilupp ta' relazzjonijiet tajba tal-viċinat bejn is-Serbja u l-Kroazja; jilqa' l-impenn u l-professjonaliżmu tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali għal Delitti tal-Gwerra, inkluża r-reazzjoni rapida fir-rigward tal-investigazzjoni ta' Lag Perućac;

13.  Jieħu nota tar-riforma tal-ġudikatura u jitlob għal sforzi enerġiċi ulterjuri sabiex tkun żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin u tittejjeb l-effiċjenza tal-ħidma tal-qrati; jilqa' d-deċiżjoni politika li tinbeda l-proċedura tal-ħatra mill-ġdid tal-imħallfin, iżda jenfasizza li din għandha ssir b'mod trasparenti, li jiggarantixxi d-dritt ta' mħallfin li ma kinux maħtura mill-ġdid li jappellaw b'mod effettiv kontra tali deċiżjonijiet, u jwissi kontra l-politiċizzazzjoni ta' dan il-proċess; jiġbed l-attenzjoni għad-dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u jitlob lill-gvern biex jibgħat malajr l-abbozzi ta' liġijiet li jonqos lill-parlament; jitlob trasparenza sħiħa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja; barra minn hekk, jitlob li jkunu allokati aktar riżorsi finanzjarji u amministrattivi lill-qrati, inkluża l-Qorti Kostituzzjonali, sabiex jittejjeb il-funzjonament tagħhom u biex ilaħħqu mal-każijiet b'lura li għandhom; f'dan is-sens, iqis li r-restituzzjoni tal-proprjetà lil dawk li qabel kienu s-sidien tagħha għandha tingħata l-prijorità li ħaqqha; jenfasizza li l-preżunzjoni ta' innoċenza hija waħda mill-istrumenti legali ċentrali li jiżguraw l-istat ta' dritt; jistieden lill-awtoritajiet u partikolarment lill-fergħa eżekuttiva biex iżommu sew ma' dan il-prinċipju;

14.  Ifakkar li l-isforzi biex jiġi rispettat l-istat tad-dritt għandhom jikkostitwixxu l-prijorità assoluta tal-awtoritajiet; jilqa' l-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, manifestat fost oħrajn bil-prosekuzzjonijiet reċenti bi profil għoli u bl-istabbiliment ta' qafas ġuridiku adegwat, kif ukoll bit-tnedija tal-attivitajiet tal-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni f'Jannar tal-2010, iżda jenfasizza li l-korruzzjoni għadha prevalenti fil-pajjiż u jitlob li jsiru iktar sforzi biex jeqirduha; jinnota b'mod partikolari r-rwol li għandu t-traffikar u l-konsegwenzi negattivi ta' dan u attivitajiet illegali oħra li jsostnu netwerks kriminali; jiġbed l-attenzjoni għall-prattika ta' karigi doppji, li toħloq riskju serju ta' kunflitt ta' interessi u li għandha tiġi indirizzata bħala kwistjoni ta' prijorità; f'dan ir-rigward, huwa mħasseb mill-bidliet reċenti fil-Liġi dwar l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni, li sejrin fid-direzzjoni opposta, u jinnota riferiment mill-Aġenzija lill-Qorti Kostituzzjonali dwar il-kostituzzjonalità ta' din id-dispożizzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jagħtu l-appoġġ politiku u amministrattiv kollu meħtieġ lill-attivitajiet tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u jenfasizza l-ħtieġa li jkunu investigati bla dewmien il-każijiet ta' korruzzjoni rrappurtati mill-Aġenzija; jitlob għall-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi dwar l-Iffinanzjar tal-Partiti Politiċi sabiex tkun żgurata trasparenza sħiħa u sistema effiċjenti għall-monitoraġġ tal-finanzjament tal-partiti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jadottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi protezzjoni effettiva lill-whistleblowers; jenfasizza l-importanza tar-restituzzjoni tal-proprjetà bħala pass importanti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja; jenfasizza l-importanza li jiġu segwiti b'mod rigoruż il-proċeduri stabbiliti sabiex tissaħħaħ il-fiduċja min-naħa tas-soċjetà fl-imparzjalità tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

15.  Jilqa' l-progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; jisħaq li għandhom isiru aktar sforzi għall-ħolqien ta' servizz pubbliku indipendenti; għal dan il-għan jappella għall-introduzzjoni ta' sistema ta' karrieri bbażati fuq il-mertu, inkluż proċess ta' reklutaġġ professjonali u trasparenti kif ukoll ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani, u jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, għall-prattika negattiva li jitqabbad persunal b'modi li ma jaqgħux taħt il-Liġi dwar l-Impjegati tas-Servizz Pubbliku, iżda ta' spiss fuq bażi ta' kuntatti politiċi; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas estrem ta' rappreżentanza ta' minoranzi nazzjonali fl-amministrazzjoni pubblika u fil-qrati, kif ukoll fil-kumpaniji tal-istat; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn kontinwu għall-bini tal-kapaċità tal-amministrazzjoni, kemm fuq il-livell nazzjonali u kemm fuq dak lokali, jappella għal aktar tisħiħ tal-kapaċità u l-koordinazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-qasam tal-integrazzjoni tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tgħin lill-awtoritajiet f'dan ir-rigward, b'koordinament ma' donaturi oħra;

16.  Jilqa' l-progress fir-riforma tal-pulizija u l-kooperazzjoni dejjem akbar fil-qasam tal-pulizija mal-pajjiżi ġirien u mal-pajjiżi tal-UE; jilqa“, b'mod partikolari, il-ftehim dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija mal-Kroazja, il-Montenegro u mal-Bosnja-Ħerzegovina; jilqa” l-iffirmar ta' pjan direzzjonali għall-kooperazzjoni mal-Ewropol minħabba l-konklużjoni ta' ftehim operattiv ma' din l-Aġenzija tal-UE dwar l-infurzar tal-liġi; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa sforzi msaħħa sabiex jilqgħu l-isfidi tal-pjan direzzjonali, b'mod partikolari fl-oqsma relatati mal-protezzjoni tad-data personali u d-data klassifikata, elementi ewlenin ukoll għall-konklużjoni ta' ftehim għall-kooperazzjoni mal-Eurojust;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-każijiet ta' kondotta mhux xierqa tal-pulizija, inkluż ċirkostanzi fejn kien hemm eċċess ta' awtorità u vjolenza ta' uffiċjali tal-pulizija kontra ċittadini, u jappella biex isiru sforzi qawwija ulterjuri sabiex jiġu kkastigati dawk li jinsabu ħatja; f'dan ir-rigward, jilqa' l-kooperazzjoni tal-pulizija mal-awtoritajiet indipendenti tas-sorveljanza u l-implimentazzjoni tas-sejbiet tagħhom; iqis in-newtralità tal-forzi tal-pulizija u tal-korpi l-oħra tal-infurzar tal-liġi meta jittrattaw ma' membri tal-minoranzi kollha li tgawdi l-ogħla prijorità u jistieden lill-awtoritajiet biex jitjieb it-taħriġ ta' sensitività f'dan il-qasam; jilqa' l-isforzi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tal-pulizija;

18.  Jilqa' l-isforzi li saru sal-lum biex jiġi eliminat il-dell li tħalla mill-attivitajiet tas-servizzi tas-sigurtà fil-passat; jindika, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' aktar riformi fis-settur tas-sigurtà, partikolarment fir-rigward tal-monitoraġġ kif ukoll aktar sorveljanza parlamentari u kontroll tas-servizzi tas-sigurtà; ifakkar lill-awtoritajiet li d-disponibilità għall-pubbliku tal-arkivji tas-servizzi sigrieti hija meħtieġa biex tirnexxi r-rikonċiljazzjoni reġjonali, partikolarment fir-rigward tal-atroċitajiet li seħħew matul it-Tieni Gwerra Dinjija u warajha; jiġbed l-attenzjoni li m'hemmx biżżejjed protezzjoni għad-drittijiet tal-privatezza, u jitlob li jsiru aktar riformi leġiżlattivi f'dan ir-rigward;

19.  Jilqa' l-koordinament imtejjeb bejn il-pulizija u l-prosekuturi, li qed jikseb riżultati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga, li jippreżenta sfidi komuni għall-UE u s-Serbja; jinnota l-firma ta' memoranda ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi tal-Amerika Latina bil-għan li jittrattaw b'mod aktar effettiv mal-kummerċ tad-drogi f'pajjiżi barranin; jistieden biex isiru aktar sforzi ħalli jitjiebu l-kapaċitajiet tal-pulizija u tal-ġudikatura interna, u jenfasizza li t-traffikar tad-droga minn u lejn s-Serbja għadu ta' tħassib għall-UE;

20.  Ifakkar fl-importanza ta' parlament li jiffunzjona b'mod adegwat bħala istituzzjoni vitali fis-sistema demokratika u jilqa' l-innovazzjonijiet proċedurali miġjuba bl-adozzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar l-Assemblea Nazzjonali; jitlob għall-abolizzjoni immedjata ta' prattiki mhux kostituzzjonali ta' “mandati inbjank”, li jippermettu lill-partiti politiċi li jikkontrollaw l-attivitajiet tal-membri tal-parlament; barra minn hekk, jitlob għall-waqfien tal-allokazzjoni arbitrarja tas-siġġijiet fil-parlament; jistieden lill-partiti politiċi biex kemm jista' jkun malajr jintroduċu dispożizzjoni xierqa f'konformità mal-istandards demokratiċi Ewropej, ċertament fi żmien iċ-ċiklu parlamentari preżenti jilqa' l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-parlament il-ġdid, jappella għat-tisħiħ tas-superviżjoni tal-attivitajiet tal-gvern u jfaħħar l-introduzzjoni formali tas-seduti ta' smigħ pubbliċi għal dan il-għan fir-Regoli ta' Proċedura; jilqa' l-fatt li għall-ewwel darba d-dispożizzjonijiet li jippermettu s-superviżjoni tal-korpi indipendenti kienu inklużi fir-Regoli ta' Proċedura iżda jqajjem tħassib dwar l-interferenza possibbli tal-parlament fix-xogħol ta' dawn il-korpi; jitlob għat-tfassil ta' dispożizzjonijiet ġodda konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja li stabbiliet il-qafas legali għal dawn il-korpi biex iwettqu xogħolhom b'mod indipendenti;

21.  Ifaħħar ix-xogħol imwettaq mill-Ombudsman biex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini rigward il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet statali, inkluża wkoll l-azzjoni b'appoġġ għad-drittijiet tat-tfal u tal-minoranzi, kemm fil-livelli statali kif ukoll provinċjali; jappella lill-awtoritajiet statali biex jiffaċilitaw dawn l-isforzi u biex jassiguraw segwitu adegwat tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jilqa' t-twaqqif ta' tliet uffiċċji lokali tal-Ombudsman fil-muniċipalitajiet ta' Preševo, Bujanovac u Medvedja;

22.  Ifakkar fl-importanza kbira ta' midja b'saħħitha u indipendenti għad-demokrazija u jitlob li jittieħdu passi biex jiżguraw l-indipendenza tagħha minn pressjonijiet politiċi u influwenzi oħra; jilqa' l-isforzi tal-Gvern Serb biex jistabbilixxi qafas legali li jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni iżda jesprimi tħassib dwar it-tentattivi biex ikun hemm kontroll u ndħil fis-settur tal-midja; huwa mħasseb bil-kontroversji dwar il-privatizzazzjoni tal-gazzetta ta' kuljum “Večernje Novosti” u jistieden lill-gvern biex jiżgura trattament ugwali għall-investituri barranin u domestiċi kollha; jikkundanna l-attakki fuq il-ġurnalisti Serbi u t-theddid kontrihom u jistieden lill-awtoritajiet biex jinvestigawhom bis-sħiħ u jressqu lill-awturi quddiem il-ġustizzja; jiġbed l-attenzjoni għall-konċentrazzjoni tas-sjieda u nuqqas ta' trasparenza fis-settur tal-midja; jiġbed l-attenzjoni għall-każijiet ta' xandir ta' dejta personali u jenfasizza l-ħtieġa ta' awtoregolazzjoni mill-ġurnalisti u r-rispett għall-Kodiċi tal-Etika; jinnota li l-livell ta' aċċess għall-internet għadu baxx, billi jirrikonoxxi l-importanza tal-internet fil-libertà tal-midja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu passi pożittivi f'dan il-qasam;

23.  Jenfasizza l-importanza tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni fit-titjib tal-funzjonament tal-istat billi jitqarreb lejn iċ-ċittadini, waqt li fl-istess ħin jiġi rispettat id-dritt tagħhom għall-awtonomija provinċjali u l-awtogovernanza lokali; f'dan il-kuntest, jilqa' l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kunsilli Nazzjonali tal-Minoranzi li tirregola l-kompetenzi u l-elezzjoni tal-Kunsilli Nazzjonali tal-Minoranzi b'mod li tkun konformi mal-istandards internazzjonali; jirrikonoxxi l-progress fl-implimentazzjoni tal-Kostituzzjoni ta' Novembru 2006 permezz tal-adozzjoni tal-Istatut u l-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Vojvodina; jitlob li l-proċess ta' devoluzzjoni tal-poter jitkompla bl-adozzjoni tal-liġi dwar id-dħul pubbliku u l-liġi dwar il-proprjetà pubblika fil-Vojvodina u l-muniċipalitajiet lokali, li jippermettu li l-Vojvodina tibda tuża l-awtoritajiet tagħha skont l-Istatut il-ġdid; barra minn hekk, jappella għal sforzi politiċi ulterjuri sabiex jiġu indirizzati l-aspirazzjonijiet tal-minoranza Albaniża fil-wied ta' Presevo għall-amministrazzjoni lokali permezz ta' dispożizzjoni rapida tal-fondi adegwati biex jitqassmu b'konsultazzjoni mal-Korp ta' Koordinazzjoni għall-Muniċipalitajiet ta' Preševo, Bujanovac u Medvedja; fl-istess ħin jenfasizza r-responsabilità prinċipali tar-rappreżentanti tal-minoranza Albaniża u jħeġġiġhom biex jiskoraġġixxu r-retorika ħarxa nazzjonalistika u seċessjonista, li tikkuntrasta bil-kbir mal-valuri bażiċi Ewropej; jenfasizza tant ieħor l-importanza tal-integrazzjoni tas-Serbi f'dawn il-korpi governattivi lokali;

24.  Jilqa' l-isforzi magħmula mis-Serbja fil-qasam tal-protezzjoni tal-minoranzi; jenfasizza, madankollu, li l-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni fil-lingwi minoritarji għad irid jitjieb, b'mod partikolari fil-każ tal-minoranzi Bosnijaċi, Bulgari, Bunjevċi u Rumeni;

25.  Jilqa' l-istabbiliment ta' maġġoranza tal-kunsilli tal-minoranzi nazzjonali, li jippermettulhom li jieħdu deċiżjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni, il-kultura, l-użu ta' lingwi minoritarji u l-informazzjoni pubblika; jinnota l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-kompetenzi ta' dawn il-korpi awtogovernattivi minoritarji u tal-ħtieġa ta' sussidji baġitarji adegwati ggarantiti bil-Liġi dwar il-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali; jinnota l-ilmenti dwar l-irregolaritajiet fil-proċess ta' tħejjija u r-rekwiżiti ġuridiċi għat-twaqqif tal-kunsilli, kif ukoll jinnota l-ilmenti dwar il-vjolazzjoni tal-kompetenzi garantiti tal-kunsilli nazzjonali minn xi ministeri u muniċipalitajiet lokali, u jistieden lill-awtoritajiet biex jirrisponduhom; jesprimi tħassib dwar il-kostituzzjoni tal-kunsill Bożnijaku nazzjonali u jappella għall-konklużjoni rapida tal-proċess f'konformità mar-regoli, b'mod li jippermetti r-rappreżentazzjoni leġittima tal-Bosnijaċi fil-kunsill; huwa mħasseb dwar it-tensjoni li qed tikber f'Sandžak, kif deher fost oħrajn mill-inċidenti vjolenti reċenti, u jappella bis-saħħa biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim politiku permezz ta' djalogu fil-qafas tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

26.  Jilqa' l-progress li sar b'rabta mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari l-adozzjoni tal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel u l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali biex titjieb il-pożizzjoni tan-nisa u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi; ifakkar, madankollu, li l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri għadha pendenti u li għad baqa' diskriminazzjoni kontra n-nisa, l-aktar fis-suq tax-xogħol; għalhekk jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex iqiegħdu fil-prattika b'urġenza l-qafas legali ġdid dwar l-ugwaljanza tas-sessi fil-prattika u jindirizzaw kwistjonijiet usa' ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, bħal-livell dejjem jogħla ta' vjolenza domestika fis-Serbja;

27.  Jistieden biex jittieħdu aktar passi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni u jilqa' b'sodisfazzjon il-progress f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-istabbiliment tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Ugwaljanza, bħala pass importanti fl-iżgurar tat-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tas-Serbja;

28.  Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni huma valuri ċentrali Ewropej u jilqa' l-fatt li l-ewwel Gay Pride f'Belgrad saret fl-10 ta' Ottubru 2010; jara l-avveniment bħala pass ta' importanza seminali għat-twaqqif ta' soċjetà miftuħa, tolleranti u diversa kif ukoll bħala l-impenn tal-gvern biex iżomm l-istandards tal-UE tat-tolleranza u biex jipproteġi l-minoranzi vulnerabbli fis-soċjetà; esprimi sodisfazzjon bil-miżuri adegwati ta' sigurtà meħuda għall-protezzjoni tal-parteċipanti tal-parata;

29.  Madankollu, jiddeplora l-konfrontazzjonijiet vjolenti li akkumpanjaw l-Parata, li wasslu għal għadd kbir ta' midruba, l-aktar fost il-pulizija; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-estremisti involuti kellhom appoġġ indirett minn ċerti partiti politiċi u figuri reliġjużi prominenti; jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jiżguraw l-istat tad-dritt, bil-prosekuzzjoni tal-awturi tal-vjolenza li ħassret il-parata u billi effettivament jipprojbixxu l-organizzazzjonijiet estremisti li jappartjenu għalihom; jinnota li dawn l-organizzazzjonijiet kienu responsabbli għall-każijiet ta' vjolenza serji fil-passat, b'mod partikolari fis-17 ta' Frar 2008 u f'għadd ta' avvenimenti sportivi; jieħu nota, f'dan ir-rigward, li għadd ta' każijiet bħal dawn issa huma pendenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali; jappella għall-adozzjoni ta' miżuri xierqa biex jiġġieldu b'mod effettiv kontra kull tip ta' estremiżmu u radikaliżmu fis-soċjetà;

30.  Jenfasizza li ħafna Roma għadhom jgħixu f'faqar estrem, li jħalli impatt partikolarment negattiv fuq il-futur tar-Roma żgħażagħ; jinnota barra minn hekk li huma jsofru diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, 5% biss minnhom għandhom impjieg permanenti; jistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu passi urġenti fir-rigward tas-sitwazzjoni tagħhom, billi jipprovdulhom kollha Karta tal-Identità, kif ukoll biex itejbu l-aċċess tagħhom għal akkomodazzjoni adegwata, suq tax-xogħol, edukazzjoni u kura tas-saħħa; jiġbed l-attenzjoni għad-diskriminazzjoni kontinwa kif ukoll għall-każijiet reċenti ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni tar-Roma u għar-rilokazzjoni furzata tar-Roma mill-awtoritajiet Serbi;

31.  Jindika l-fatt li s-Serbja hija l-pajjiż bl-akbar għadd ta' refuġjati u persuni spostati internament (IDPs) fl-Ewropa: jenfasizza l-qagħda diffiċli tagħhom fir-rigward ta' akkomodazzjoni u faqar u jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jirrevedu l-istrateġija nazzjonali dwar ir-refuġjati; jilqa' l-inizjattivi tas-Serbja biex jerġa' jingħata saħħa l-proċess reġjonali għal soluzzjoni dejjiema għall-problemi tar-refuġjati u jistieden lill-pajjiżi firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo biex jiksbu progress aktar sinifikanti f'dan il-qasam; jirrimarka, f'dan ir-rigward, dwar l-impenn komuni li ttieħed mill-Presidenti tas-Serbja u tal-Kroazja li jinvestigaw il-każijiet ta' persuni li għebu u li jsibu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ta' refuġjati u ta' ritorn; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-saħħa politika tagħha fuq il-pajjiżi kandidati u dawk potenzjali għall-adeżjoni mal-UE fir-reġjun sabiex jiġi assigurat li jitneħħew l-ostakli li jfixklu r-ritorn tar-refuġjati; barra minn hekk, ifakkar li huma previsti li jirritornaw sa 150 000 persuna bħala riżultat ta' ftehimiet ta' riammissjoni mal-pajjiżi tal-UE u li r-reintegrazzjoni b'suċċess tagħhom teħtieġ tħejjijiet metikolużi, partikolarment mill-awtoritajiet lokali; jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'dan il-proċess;

32.  Jilqa' r-riformi fis-settur militari u b'mod partikolari l-professjonalizzazzjoni tal-Armata Serba, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2011, bħala pass importanti lejn il-modernizzazzjoni tal-armata u lejn aktar tisħiħ tal-kontroll ċivili fuq il-militar;

33.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni tal-prijoritajiet tal-politika; jenfasizza l-importanza tad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili li jikkontribwixxu kooperazzjoni reġjonali msaħħa dwar aspetti soċjali u politiċi; jilqa' l-fatt li l-Liġi ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet adottata fl-2009 iċċarat l-istejtus legali tal-NGOs u li sar titjib fil-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjoni Serba u s-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi l-isforzi tal-gvern biex jikkonsulta mas-soċjetà ċivili; jistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu passi ulterjuri biex tiġi fformalizzata u tiżdied il-parteċipazzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politika u fis-sorveljanza tal-attivitajiet tal-awtoritajiet; jenfasizza l-ħtieġa tal-appoġġ u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet ċivili, l-aktar l-attivisti LGBT, dawk li qegħdin jaħdmu fuq id-delitti tal-gwerra u dawk li qegħdin ifittxu li jtejbu r-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo;

34.  Jesprimi, f'dan ir-rigward, l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva tar-RECOM (Kummissjoni Reġjonali għat-Tiftix tal-Verità u l-Istqarrija tal-Verità dwar id-Delitti tal-Gwerra u Ksur Serju Ieħor tad-Drittijiet tal-Bniedem f'dik li qabel kienet il-Jugożlavja) bl-għan li jitmexxa aktar “il quddiem il-proċess ta' sensibilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni madwar il-Balkani tal-Punent u jitlob li dan jiġi appoġġat mill-awtoritajiet Serbi u pajjiżi oħra konċernati;

35.  Jenfasizza l-importanza kbira tas-sistema edukattiva għaż-żgħażagħ tal-pajjiż u l-prospetti ekonomiċi futuri; jenfasizza li l-edukazzjoni moderna u ta' standard għoli li tipproduċi ġenerazzjonijiet ta' ħaddiema kwalifikati ħafna hija waħda mill-prekundizzjonijiet ċentrali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jiddispjaċih li fil-pajjiż u b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ jeżisti qgħad għoli u perċentwal baxx ta' gradwati universitarji; jistieden lill-awtoritajiet sabiex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-proċess ta' Bolonja u biex iqarrbu s-sistema ta' edukazzjoni Serba f'konformità mal-istandards Ewropej; jilqa' l-progress fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka iżda jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi jekk is-Serbja trid tidħol fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka; barra minn hekk, jappella lill-awtoritajiet biex iżidu l-investimenti f'kapaċitajiet nazzjonali ta' riċerka sabiex ma jħallux l-istandards u l-kapaċitajiet Serbi fir-riċerka milli jkarkru wara dawk Ewropej;

36.  Jirrikonoxxi l-ftehim ġenerali kollettiv estiż li l-Gvern Serb iffirma mat-trejdunjins u l-assoċjazzjoni ta' min iħaddem f'Novembru 2008; iħeġġeġ lill-Gvern Serb biex itemm is-sospensjoni attwali tal-ftehim; jenfasizza li d-drittijiet tat-trejdjunjins għadhom limitati minkejja l-garanziji kostituzzjonali u jappella lis-Serbja biex issaħħaħ aktar id-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdunjins; huwa mħasseb li d-djalogu soċjali għadu dgħajjef u li l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għadha irregolari; jirrikonoxxi li l-Kunsill Soċjali u Ekonomiku ltaqa' aktar ta' spiss u li l-korpi kollha speċjalizzati huma operattivi, iżda huwa mħasseb li l-kapaċità tiegħu għadha dgħajfa; jitlob li jittieħdu aktar passi biex jissaħħaħ il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali biex jiġi assigurat li dan ikun jista' jkollu rwol attiv fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali u jkollu rwol konsultattiv aktar attiv fit-tfassil tal-liġijiet;

37.  Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni diffiċli fis-sistema penitenzjarja u jitlob li jittieħdu passi biex jitnaqqas l-iffullar żejjed fil-ħabsijiet, biex jittejbu l-kundizzjonijiet deplorevoli ta' detenzjoni u jkunu pprovduti programmi xierqa ta' rijabilitazzjoni u taħriġ għall-ħabsin;

38.  Jenfasizza l-konsegwenzi ta' detriment tal-kriżi finanzjarja fuq il-pajjiż; jinnota r-reviżjoni reċenti tal-ftehim stand-by mal-FMI akkumpanjata mill-evalwazzjoni pożittiva tal-politika makroekonomika tal-pajjiż u jilqa' t-twaqqif tal-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent għall-iżvilupp ta' integrazzjoni u rkupru ekonomiku tar-reġjun, billi jagħmel disponibbli self għal proġetti infrastrutturali ta' prijorità; jappella għat-twessigħ tal-qafas sabiex jinkludi l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u jistieden lis-Serbja biex tieħu vantaġġ minn dawn ir-riżorsi finanzjarji ġodda, kif ukoll mill-opportunitajiet taħt l-għajnuna tal-IPA, anki bl-għan biex jiġu protetti b'mod aktar effettiv il-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà mill-effetti tal-kriżi;

39.  Ifakkar li l-eżistenza tal-monopolji tfixkel severament l-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq totalment operattiva; għalhekk, jistieden lill-gvern biex jieħu miżuri attivi biex jiġi assigurat li tiġi segwita politika ta' kompetizzjoni effettiva li ma tippermettihomx; jenfasizza li l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jidħlu fl-ekonomija għadhom ikbar milli wieħed jixtieq; jilqa' l-istabbiliment tar-regolaturi tas-suq f'diversi oqsma u jħares lejn l-awtoritajiet biex jiżguraw l-indipendenza ta' dawn il-korpi sabiex jevitaw li jiġu kkontrollati;

40.  Jinnota wkoll li l-istatistiċi nazzjonali u ekonomiċi tal-pajjiż jeħtieġu aktar titjib u jistieden lill-awtoritajiet biex dawn jaġġornawhom;

41.  Jappella lill-awtoritajiet Serbi u lill-movimenti politiċi biex jimpenjaw ruħhom b'mod aktar sod fil-politiki tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u biex jinħoloq ambjent li jwassal għall-iżvilupp tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-ekonomija tas-suq ħieles u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

42.  Jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġi żviluppat network sostenibbli ta' transport pubbliku ġewwa s-Serbja u fil-Balkani tal-Punent kollha u għat-titjib tal-infrastruttura tat-toroq, inkluża t-tlestija malajr tal-Kuritur X, iżda tant ieħor importanti huwa t-trasport bil-ferrovija u l-ilmijiet navigabbli interni; jenfasizza l-importanza ta' sistema ta' trasport integrata kemm għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni Serbi u biex jiżdied il-livell tal-kummerċ reġjonali; jesprimi interess partikolari fl-iżvilupp tal-Istrateġija tad-Danubju sabiex jitjiebu s-sistemi ta' konnessjoni u komunikazzjoni (li jkopru b'mod partikolari t-trasport, il-kwistjonijiet tal-enerġija u s-soċjetà tal-informazzjoni), biex jippreservaw l-ambjent, jipprevjenu r-riskji naturali u jsaħħu l-iżvilupp soċjoekonomiku;

43.  Jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, għall-kundizzjoni fqira tat-trasport pubbliku b'mod partikolari, fir-rigward tal-ferroviji; jistieden lill-gvern Serb biex jagħmel użu sħiħ mill-fondi tal-IPA sabiex jiżviluppa, jaġġorna u jimmodernizza n-netwerk tal-ferroviji u jtejjeb l-interkonnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien kemm għan-nies kif ukoll għall-merkanziji;

44.  Ifaħħar il-progress kbir tas-Serbja fil-qasam tal-ambjent; iħeġġeġ, madankollu, sforzi intensifikati fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded u fl-effiċjenza tal-enerġija, billi jinnota li l-elementi ewlenin tal-acquis dwar l-enerġija li tiġġedded għad iridu jiġu trasposti u li għad irid jiġi adottat qafas legislattiv dwar l-effiċjenza tal-enerġija;

45.  Jilqa' l-adozzjoni ta' ktieb tar-regoli mill-Aġenzija għas-Sustanzi Kimiċi li jistabbilixxi l-limiti jew jipprojbixxi l-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi li jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kif ukoll iressaq is-settur tas-sustanzi kimiċi eqreb lejn ir-regolamenti tal-UE; jiddispjaċih, madankollu, li kien hemm dewmien fl-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jeħtieġu teknoloġija avvanzata u investimenti relatati billi skont rappreżentanti tal-industrija, dan jista' jwassal għal telf finanzjarju u tfixkil fl-operat tan-negozju tal-industrija fis-Serbja; jitlob għall-implimentazzjoni urġenti u sħiħa tal-pakkett ekoloġiku leġiżlattiv tal-2009;

46.  Jilqa' l-ftehimiet mal-Montenegro u l-Kroazja li jippermettu l-estradizzjoni ta' ċittadini suspettati; li jinsabu f'dawn il-pajjiżi, li ħadu sehem fi kriminalità organizzata u t-taħdidiet previsti dwar id-demarkazzjoni tal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Kroazja; jinkoraġġixxi lill-Gvern Serb sabiex jikkonkludi ftehimiet simili ma' ġirien oħra u jilqa' l-passi meħuda għal dan il-għan mis-Serbja u l-Montenegro; iħeġġeġ lis-Serbja biex tkompli taqsam l-informazzjoni u l-evidenza dwar netwerks ta' kriminalità transkonfinali, b'mod partikolari dawk involuti fit-traffikar tad-droga, mal-pajjiżi ġirien sabiex tiġġieled b'mod effettiv kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali fir-reġjun tal-Balkani;

47.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandha s-Serbja rigward l-istabilità tal-Balkani tal-Punent kollha u b'mod partikolari l-istabilità u l-koeżjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina; jistieden f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet Serbi biex jappoġġaw attivament kull bidla kostituzzjonali meħtieġa li tippermetti lill-istituzzjonijiet statali tal-Bosnja-Ħerzegovina li jwettqu riformi impenjattivi fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; jistieden b'mod partikolari lil Belgrad biex jappoġġa l-konsolidazzjoni, is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet Bosnijaċi;

48.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex ikomplu bl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istandards ambjentali tal-UE u biex jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni adottata;

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) A/RES/64/298.
(2) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.
(3) SEC(2010) 1330.
(4) COM (2010)0660.
(5) ĠU L 334, 19.12.2007, p. 46.
(6) ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.
(7) ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 626.
(8) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 47.


Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni KE-Serbja ***
PDF 199kWORD 32k
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (15619/1/2007 – C7-0341/2010 – 2007/0255(NLE))
P7_TA(2011)0015A7-0362/2010

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (15619/1/2007),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (16005/2007),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikoli 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 101, it-tieni paragrafu, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (C7-0341/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0362/2010),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Serbja.


Inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta' Alzheimer u dimenzji oħrajn
PDF 272kWORD 117k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta' Alzheimer u dimenzji oħrajn (2010/2084(INI))
P7_TA(2011)0016A7-0366/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, partikolarment il-marda ta' Alzheimer, permezz ta' programmazzjoni konġunta ta' attivitajiet ta' riċerka, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġiji tas-saħħa pubblika għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv assoċjat mal-età u, b'mod partikolari, mal-marda ta' Alzheimer,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-proġett tal-UE tal-organizzazzjoni Alzheimer Europe bl-isem EuroCoDe (European Collaboration on Dementia) (2006/2008) iffinanzjat mid-DĠ SANCO u r-Rapport Dinji dwar il-Marda ta' Alzheimer tal-2009 maħruġ mill-Alzheimer's Disease International (ADI) fil-kuntest tal-Jum Dinji tal-Marda ta' Alzheimer fil-21 ta' Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-EuroCoDe (European Collaboration on Dementia), proġett Ewropew tal-organizzazzjoni Alzheimer Europe iffinanzjat mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta' Alzheimer u dimenzji oħrajn (COM(2009)0380),

–  wara li kkunsidra l-objettiv strateġiku tal-UE tal-promozzjoni ta' saħħa tajba f'Ewropa li qiegħda tixjieħ, stabbilit abbażi tal-White Paper tal-Kummissjoni “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013”, li tenfasizza l-bżonn li tiġi intensifikata r-riċerka fl-interessi tal-kura palljattiva u ta' għarfien ikbar tal-mard newrodeġenerattiv,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2010 dwar il-kura fit-tul għall-anzjani(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar ir-rwol tan-nisa f'soċjetà li qed tixjieħ(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0366/2010),

A.  billi huwa stmat li, fl-2010, 35.6 miljun ruħ fid-dinja kollha se jkunu qed ibatu bid-dimenzja fil-forom kollha tagħha, u billi huwa stmat li kull 20 sena din iċ-ċifra sejra kważi tirdoppja, u possibbilment tilħaq il-65.7 miljun ruħ fl-2030, (Rapport tal-2010 ta' Alzheimer's Disease International); billi l-istima tal-għadd ta' persuni li jbatu bid-dimenzja mhijiex korretta minħabba diffikultajiet ta' dijanjożi bikrija,

B.  billi l-istima tal-għadd ta' persuni li jbatu bid-dimenzja fl-Ewropa tilħaq id-9.9 miljun ruħ, u l-marda ta' Alzheimer tirrappreżenta l-maġġoranza kbira ta' dawn il-każijiet (Rapport tal-2010 ta' Alzheimer's Disease International); filwaqt li jitqies li l-mard newrodeġenerattiv jista' jolqot lil persuni ta' kull età iżda jirrappreżenta waħda mill-kawżi ewlenin ta' diżabilità u ta' dipendenza f'persuni ixjeħ, kif ukoll li l-għadd ta' persuni li jbatu b'dan il-mard huwa mistenni li jiżdied drammatikament sal-2020 minħabba li n-nies qed jgħixu aktar fit-tul u minħabba nuqqas ta' ħajja soċjali fost il-persuni li jirtiraw; billi din iċ-ċifra għall-għadd ta' persuni milquta kważi tittriplika meta jitqiesu wkoll l-għadd ta' persuni li informalment jieħdu ħsieb il-pazjenti bid-dimenzja,

C.  billi, skont ir-Rapport Dinji dwar l-Alzheimer għall-2009, l-Ewropa tirrappreżenta “l fuq minn 28 % tal-għadd totali ta' persuni li jbatu bid-dimenzja, u b'hekk tikklassifika ruħha fit-tieni post wara l-Asja (b'35 %), filwaqt li fost ir-reġjuni kollha tad-dinja l-Ewropa tal-Punent għandha l-ogħla perċentwali ta' persuni li jbatu b'din il-marda (19 %),

D.  billi l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ, u l-persuni li għandhom aktar minn 80 sena jikkostitwixxu l-koorti li qed tikber l-aktar malajr fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej; billi l-għadd ta' persuni li rtiraw huwa akbar meta mqabbel mal-għadd ta' persuni li jaħdmu u billi għalhekk huwa mistenni li d-dimenzja tkun waħda mill-isfidi ewlenin għas-sostenibilità tas-sistemi nazzjonali soċjali u tal-kura tas-saħħa, inklużi l-kura informali u l-faċilitajiet għall-kura fit-tul, fid-deċennji li ġejjin,

E.  billi skont ċerti stimi (Rapport tal-2010 ta' Alzheimer's Disease International) it-total tal-ispejjeż għall-kura medika u soċjali diretta tal-marda ta' Alzheimer fl-Ewropa jammontaw għal USD 135.04 biljun,

F.  billi d-dijanjożi bikrija tista' tgħin fil-ġestjoni tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa kollha,

G.  billi l-Unjoni Ewropea attwalment ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha statistika preċiża biżżejjed dwar id-dimenzji, u b'mod partikolari dwar il-mard newrodeġenerattiv, u billi l-istimi jistgħu jvarjaw sa fattur ta' tlieta, skont l-istudji; billi huwa għalhekk indispensabbli li jsiru studji epidemjoloġiċi Ewropej abbażi ta' indikaturi komuni u rigorużi,

H.  billi l-konsegwenzi tad-dimenzja huma soċjali kif ukoll ekonomiċi u jolqtu s-sistemi tas-saħħa kollha fl-Istati Membri,

I.  billi bil-għan li nilqgħu għall-impatt ekonomiku u soċjali tal-marda ta' Alzheimer u l-forom l-oħra ta' dimenzja, jeħtieġ ninvestu fir-riċerka xjentifika u f'approċċi effiċjenti għas-sistemi tal-kura,

J.  billi l-biċċa l-kbira tal-isforzi tar-riċerka f'dan il-qasam issir mill-Istati Membri, b'livell relattivament baxx ta' koordinament transnazzjonali, u dan iwassal għal frammentazzjoni u kondiviżjoni limitata tal-għarfien u tal-aħjar prassi fost l-Istati Membri, u billi r-riċerka dwar il-marda ta' Alzheimer qiegħda taqa' lura meta mqabbla mar-riċerka dwar mard importanti ieħor fl-Ewropa,

K.  billi r-riżultati reċenti ta' Alzheimer Europe juru li l-marda ta' Alzheimer tibqa' sottodijanjostikata fl-UE u li jeżistu bosta inugwaljanzi fl-Istati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni, l-aċċess għat-trattament u l-għoti ta' servizzi xierqa,

L.  billi r-riċerka attwali turi li d-dieta tista' tkun fattur kawżali sinifikanti fl-iżvilupp tal-marda ta' Alzheimer u għalhekk il-prevenzjoni tad-dimenzja permezz ta' interventi modifikabbli għandha tkun prijorità u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-fatturi preventivi bħal dieta tajba għas-saħħa, promozzjoni tal-attività fiżika u konjittiva u kontroll tal-fatturi ta' riskju kardjovaskolari bħad-dijabete, il-kolesterol għoli, l-ipertensjoni u t-tipjip,

M.  billi teżisti sensibilizzazzjoni li kulma jmur qiegħda tiżdied li r-riperkussjonijiet tal-mard newrodeġenerattiv fuq il-popolazzjoni tal-Ewropa tant huma kbar li l-ebda Stat Membru mhu kapaċi jsib tarfhom waħdu; billi jeħtieġ għalhekk li l-Istati Membri u l-UE jsaħħu konsiderevolment il-kooperazzjoni u l-koordinament tal-isforzi tar-riċerka klinika innovattiva u multidixxiplinari dwar il-kawżi, il-prevenzjoni u t-trattament tal-marda ta' Alzheimer, tal-qsim ta' informazzjoni kif ukoll il-livell ta' riżorsi finanzjarji f'dan il-qasam, bil-għan li jiġi miġġieled il-mard newrodeġenerattiv, partikolarment il-marda ta' Alzheimer, li tirrappreżenta sfida kbira għas-soċjetajiet Ewropej,

N.  billi din l-inizjattiva Ewropea mhjiex maħsuba biex tissostitwixxi l-pjanijiet nazzjonali diġà eżistenti tal-ġlieda kontra l-marda ta' Alzheimer u tal-forom l-oħra ta' dimenzja, iżda għandha tintuża bħala mezz biex tikkoordina r-riċerka Ewropea f'dan il-qasam b'mod aktar effikaċi,

O.  billi d-dimenzja mhux biss hija disturb devastanti għall-pazjenti nfushom iżda tista' wkoll, jekk ma jiġux ipprovduti servizzi adegwati ta' kwalità tajba, issir piż tqil ħafna fuq spallejn il-qraba tal-pazjenti u ta' dawk li jieħdu ħsiebhom, minħabba d-diffikultajiet emottivi, fiżiċi u finanzjarji li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom il-qraba u l-ħbieb ta' dawk li jbatu bit-tipi kollha ta' dimenzja; billi f'kull familja b'pazjent, medja ta' tliet persuni jintlaqtu direttament, u dan ifisser li madwar 19-il miljun ċittadin Ewropew jintlaqtu direttament mid-dimenzji,

P.  billi jeżisti tnaqqis fil-kapaċità fil-kura istituzzjonali għall-persuni li jbatu bil-marda ta' Alzheimer, u dan it-tnaqqis se jaggrava fil-futur; billi jeżisti nuqqas ta' professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u ta' assistenti soċjali li jieħdu ħsieb il-persuni li jbatu bil-marda ta' Alzheimer, u dan in-nuqqas se jaggrava fil-futur; billi fl-istess ħin huwa ċar li l-aħjar ħaġa għal dawn il-persuni hija li jingħataw assistenza u jibqgħu fil-kuntest familjari tagħhom tad-dar,

Q.  billi b'rabta mal-assistenza għall-persuni li jbatu bid-dimenzja u ta' appoġġ għal dawk li jieħdu ħsiebhom, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom isegwu objettiv triplu: jiżguraw assistenza ta' kwalità għall-morda, jiggarantixxu ħin ta' mistrieħ għal dawk li jieħdu ħsiebhom adattat għall-eżiġenzi tagħhom u jiżguraw li l-morda jinżammu d-dar jew fi strutturi ta' kura innovattivi u ta' kwalità għolja,

R.  billi s-servizzi moderni tat-telemediċina jistgħu jagħtu appoġġ effikaċi ħafna lill-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer, kif ukoll lil min jieħu ħsiebhom, u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu għal kwalità tal-ħajja aħjar għall-pazjenti fil-kuntest familjari tagħhom u jservu ta' alternattiva tajba għall-kura istituzzjonali,

S.  billi teżisti stigma marbuta mal-marda ta' Alzheimer u l-atteġġjament tal-pubbliku lejn il-marda u l-persuni milquta minnha jikkawża l-iżolament tal-morda, tal-familji tagħhom u ta' qrabathom; billi l-approċċ ġenerali għall-problema għadu dak żbaljat, u jwassal għall-esklużjoni soċjali tal-persuni milquta u ta' qrabathom; billi, għalhekk, jinħtieġ għarfien aħjar tal-istigma, il-preġudizzju u d-diskriminazzjoni marbuta mad-dimenzja filwaqt li hija meħtieġa wkoll riċerka dwar kif tiġi evitata l-esklużjoni soċjali u kif titħeġġeġ iċ-ċittadinanza attiva sabiex jitħarsu d-dinjità u r-rispett tal-persuni bid-dimenzja fiċ-ċentru ta' kull azzjoni,

T.  billi t-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti spiss huwa marbut mal-ħajja emottiva tal-qraba tal-pazjenti,

U.  billi l-Gruppi ta' Appoġġ jirrappreżentaw spazju idoneu għar-riflessjoni fi grupp għas-sostenn u l-kondiviżjoni tar-“responsabilità konxja” tal-qraba tal-pazjenti,

V.  billi l-marda ta' Alzheimer u l-forom l-oħra ta' dimenzja ma għandhomx jinħassu bħala problema normali li jħabbtu wiċċhom magħha l-individwi bħala parti mill-proċess ta' tixjiħ mingħajr ma dawn ikollhom id-dritt għal trattament idoneu, assistenza medika u kura speċjalizzata,

W.  billi, għalkemm is-sensibilizzazzjoni soċjali u l-għarfien xjentifiku dwar il-marda ta' Alzheimer żdiedu b'mod sostanzjali, u jenfasizzaw b'mod partikolari kif il-marda hija kkaratterizzata mhux biss mid-dimenzja klinika iżda anke mill-iżvilupp aktar bikri tal-predimenzja, l-għażliet terapewtiċi għadhom limitati għall-mediċini sintomatiċi; billi attwalment jeżistu disparitajiet kbar bejn u anke fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll nuqqasijiet fir-rigward tat-taħriġ u l-kwalifiki tal-persunal u d-disponibilità tat-tagħmir meħtieġ għad-dijanjożi u r-riċerka u billi d-dijanjożi tal-marda ta' Alzheimer spiss issir snin wara li tkun bdiet il-marda, u għalhekk idum ma jibda jingħata trattament li jista' jnaqqas ir-rata ta' żvilupp tal-marda,

X.  billi l-avvanzi reċenti fl-użu ta' bijomarkaturi affidabbli għall-marda ta' Alzheimer stimolaw l-iżvilupp ta' kriterji ġodda għad-definizzjoni tal-marda ta' Alzheimer bħala entità klinika li tiġbor fiha mhux biss fażi li tolqot il-memorja u l-konjizzjoni iżda wkoll fażi aktar bikrija,

Y.  billi l-marda ta' Alzheimer u l-forom l-oħra ta' dimenzja ma jolqtux biss lill-anzjani, iżda jistgħu wkoll jikkonċernaw liż-żgħażagħ; billi jeħtieġ għalhekk li jitjiebu l-aċċess għas-servizzi dijanjostiċi, ir-riċerka u s-servizzi ta' kura, assistenza u alloġġ għall-morda żgħażagħ,

Z.  billi sensibilizzazzjoni pubblika u professjonali akbar dwar il-marda ta' Alzheimer, sew f'livell nazzjonali sew f'dak Ewropew, għandha tippermetti l-popolazzjoni tagħraf l-ewwel sinjali tal-marda, titlob dijanjożi bikrija u taċċedi għal trattament u servizzi f'fażi bikrija,

AA.  billi attenzjoni akbar fuq il-fażi ta' predimenzja tal-marda ta' Alzheimer tista' tikkontribwixxi għas-sostenn tal-iżvilupp ta' interventi terapewtiċi xierqa li kapaċi jnaqqsu r-rata tal-iżvilupp tal-marda, u fl-aħħar mill-aħħar jittardjaw id-dħul tal-pazjent fl-istadju gravi ta' Alzheimer, jiġifieri l-aktar forma debilitanti tal-marda,

AB.  billi l-iżvilupp ta' aġenti effikaċi li jimmodifikaw il-marda (minflok aġenti purament sintomatiċi) jirrappreżenta qasam ta' bżonn kritiku u urġenti li għadu ma ġiex issodisfat għall-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer,

AC.  billi, barra minn hekk, id-dijanjożi tal-marda ta' Alzheimer, applikata għal kważi 70 % tal-każijiet ta' dimenzja tonqos milli tqis il-varjetà ta' leżjonijiet ċerebrali indentifikati u l-fatt li l-morda żgħażagħ u anzjani ma jurux l-istess stampa patoloġika u klinika,

1.  Jistieden lill-Kunsill jiddikjara d-dimenzja bħala prijorità tal-UE fil-qasam tas-saħħa u jħeġġeġ b'mod qawwi lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet u strateġiji nazzjonali speċifiċi għall-marda ta' Alzheimer biex jaffrontaw il-konsegwenzi soċjali u rigward is-saħħa tad-dimenzja u biex jagħtu servizzi u sostenn lin-nies li jbatu bid-dimenzja u lill-familji tagħhom, kif inhu l-każ f'ċerti Stati Membri fejn il-pjan “Alzheimer u mard simili” mniedi fl-2008 ppermetta li tiġi kkoordinata l-kura medika u soċjali u r-riċerka klinika u bażika dwar din il-marda fil-livell nazzjonali;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Programmazzjoni Konġunta tal-UE promossa mill-Istati Membri bil-għan li jagħtu spinta lir-riċerka dwar il-marda ta' Alzheimer u mard newrodeġenerattiv ieħor u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tniedi attivitajiet biex tittratta sfidi soċjali, teknoloġiċi, ambjentali u relatati mas-saħħa għat-trattament tal-marda ta' Alzheimer u mard newrodeġenerattiv ieħor;

3.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu l-kunċett tad-dimenzja huma u jħejju azzjonijiet futuri fil-qasam tal-politika tas-saħħa preventiva, primarjament fir-rigward tal-interazzjoni tagħha mal-mard kardjovaskolari, is-saħħa mentali, l-attività fiżika, l-edukazzjoni fil-qasam tas-saħħa u tat-teknoloġiji l-ġodda;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE b'informazzjoni dwar l-istil ta' ħajja bil-għan li jiġi ttardjat jew prevenut il-bidu tal-marda ta' Alzheimer u tal-forom l-oħra ta' dimenzja, billi jippromwovu l-kunċett ta' “stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa għal moħħ b'saħħtu”;

5.  Jipproponi li l-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu t-tnedija ta' Sena Ewropea tal-Mard Mentali, li tikkomplementa l-Jum Dinji tal-Marda ta' Alzheimer fil-21 ta' Settembru, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-mard marbut mal-moħħ assoċjat mat-tixjiħ kif ukol dwar il-modi biex jiġu identifikati s-sintomi bikrin ta' tali mard, b'kampanji ta' informazzjoni pubblika dwar il-prevenzjoni tagħhom kif ukoll dwar it-trattament ta' problemi ċerebrovaskulari; is-Sena Ewropea għandha sservi wkoll ta' opportunità biex jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prassi fil-pajjiżi Ewropej;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li (a) it-tixjiħ demografiku progressiv u (b) il-pressjoni li qiegħda tikber fuq il-finanzi pubbliċi u fuq il-produttività privata, minħabba ż-żieda fl-ispejjeż għall-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ se joħolqu problema strutturali għall-Istati Membri; għaldaqstant l-Unjoni Ewropea għandha tadotta fl-istrateġija fit-tul tagħha l-politika ta' promozzjoni soda tal-prinċipju ta' prevenzjoni (f'termini ta' prattiki mediċi kif ukoll f'termini ta' inkoraġġiment ta' stili ta' ħajja aktar tajbin għas-saħħa). L-indikaturi tas-saħħa se jikkontribwixxu għal titjib sinifikanti tal-indikaturi ekonomiċi;

7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jirrikonoxxu r-rwol tal-għaqdiet tal-pazjenti fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv u jinvolvuhom fil-kampanji ta' informazzjoni, prevenzjoni u appoġġ għall-persuni li jbatu bid-demenzja kif ukoll fit-tħejjija tal-programmi ta' riċerka;

8.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra tippromwovi “Ġurnata għall-persuni li jieħdu ħsieb il-morda” biex tissensibilizza l-popolazzjoni u tirrikonoxxi r-rwol kruċjali ta' dawk li jieħdu ħsieb il-morda b'mod formali u informali fl-Ewropa kollha;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iskoperta ta' interventi effikaċi li jipprevjenu l-bidu jew jittardjaw l-avvanzament tal-marda ta' Alzheimer trid tassumi urġenza ġenerali;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaġixxu biex jissensibilizzaw l-Unjoni dwar id-dimenzja, jiffaċilitaw l-għarfien tas-sintomi bikrin tad-dimenzja bil-għan li ssir dijanjożi bikrija u jingħata trattament korrispondenti kif ukoll appoġġ adegwat;

11.  Jenfasizza n-natura primordjali tal-prevenzjoni kif ukoll ir-rilevanza ta' dijanjożi bikrija għal interventi effikaċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' dejta klinika u epidemjoloġika u jistieden lill-Istati Membri jtejbuha bħala għajnuna għar-riċerka, ir-riabilitazzjoni u l-azzjoni diretti, b'mod partikolari matul il-fażijiet asintomatiċi u qabel ma tibda l-fażi ta' inkapaċità;

12.  Josserva li attwalment m'hemmx prevenzjoni speċifika tal-marda ta' Alzheimer u jinkoraġġixxi għalhekk l-istabbiliment ta' politika bħal din, anke fuq livell Ewropew, li tkun ibbażata fuq ambjent favorevoli għall-attività fiżika u intellettwali tal-pazjenti, fuq ikel konformi ma' dak rakkomandat mill-Pjattaforma Ewropea għal Azzjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-politiki kollha biex jitnaqqas it-tipjip, sew attiv kif ukoll passiv;

13.  Huwa konvint li t-testijiet għal dijanjożi bikrija proposti mill-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali dwar il-Kriterji l-Ġodda għall-Marda ta' Alzheimer, ir-riċerka dwar il-fatturi ta' riskju u d-definizzjoni tal-kriterji ta' dijanjożi bikrija huma ta' importanza vitali;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom b'mod attiv għad-definizzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' protokolli komuni għad-dijanjożi bikrija, biex jiġu stabbiliti bijomarkaturi bil-għan li jsir avvanz fil-ħolqien ta' terapiji ġodda kemm għad-dimenzja kif ukoll għall-predimenzja, u biex tiġi definita aġenda komuni ta' riċerka fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv u l-qsim tal-aħjar prassi fil-qasam tar-riċerka dwar il-mard newrodeġenerattiv, biex b'hekk jitnaqqsu l-inugwaljanzi prevalenti bejn l-Istati Membri u fi ħdan l-Istati Membri fir-rigward tad-dijanjożi u t-trattament; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proċeduri operattivi standard għall-valutazzjoni tal-markaturi tal-mard se jkunu fundamentali għall-iskoperta tal-mediċini u għall-iżvilupp ta' assistenza aktar effikaċi u megħjuna mit-teknoloġija għall-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer;

15.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li l-mediċini li jistgħu jtawlu ż-żmien qabel ma tibda l-marda ta' Alzheimer isiru disponibbli għall-pazjenti kollha li jbatu bil-marda u mhux biss għall-pazjenti li jiġu dijanjostikati b'każijiet gravi tal-marda ta' Alzheimer;

16.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tfassal linji gwida għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' servizzi komuni ta' dijanjożi bikrija abbażi ta' valutazzjoni multidixxiplinari tal-istat tal-memorja tal-pazjent kif ukoll ta' sistema adattata ta' informazzjoni u notifika biex il-pazjenti u l-familji tagħhom jingħataw l-aħjar qafas possibbli li bih jistgħu jaffrontaw il-bidu tal-marda;

17.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu ċentri speċjalizzati u jipprovdu apparat mediku sodisfaċenti (inkluż il-magnetic resonance imaging, li l-kontribut tiegħu għar-riċerka dwar id-dimenzja huwa indisputabbli) madwar il-pajjiż kollu;

18.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu t-tixrid b'rata mgħaġġla tad-dimenzja u tal-marda ta' Alzheimer, kif ukoll l-impatt tagħhom, meta jfasslu pjanijiet ta' azzjoni għar-riċerka;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għar-riċerka fil-qasam tad-dimenzja u tal-marda ta' Alzheimer, inkluża r-riċerka dwar il-prevenzjoni, fuq bażi proporzjonata għall-impatt ekonomiku ta' dan il-mard fuq is-soċjetà;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' approċċ multidixxiplinari għall-modi li bihom il-kooperazzjoni u l-koordinament fil-qasam tar-riċerka f'livell Ewropew jistgħu jtejbu l-għarfien, id-dijanjożi, it-trattament, il-prevenzjoni u r-riċerka soċjali dwar il-benesseri tal-pazjenti, ta' qrabathom u ta' dawk li jieħdu ħsieb il-pazjenti; jemmen li r-riċerka dwar il-validazzjoni ta' kriterji dijanjostiċi ġodda, l-iżvilupp ta' testijiet ta' skrinjar bikri, u l-identifikazzjoni tal-fatturi tar-riskju għall-iżvilupp tal-marda mill-fażi tal-predimenzja sal-istadji avvanzati huma kruċjali; jirrakkomanda li rappreżentanti tal-pazjenti, l-organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa u l-fornituri ta' servizzi mediċi jiġu involuti f'dan il-proċess; għaldaqstant, jara valur miżjud ċar fit-twettiq ta' studji epidemjoloġiċi u kliniċi fuq skala kbira abbażi ta' kollaborazzjoni transnazzjonali;

21.  Jirrikonoxxi l-importanza attwali tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, li tagħti total ta' EUR 159 miljun, għal 34 proġett dwar il-mard newrodeġenerattiv; iqis li huwa essenzjali, madankollu, fil-kuntest tat-8 Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp, li tiġi indirizzata n-natura frammentata tar-riċerka, partikolarment dik dwar il-marda ta' Alzheimer, kif ukoll li jiġu inklużi proġetti fl-oqsma mhux esplorati biżżejjed tat-terapiji konoxittivi, tal-imġiba u bla mediċini;

22.  Iqis it-testijiet dijanjostiċi bikrin, ir-riċerka dwar il-fatturi tar-riskju u l-kriterji għal dijanjożi bikrija bħala kruċjali; għaldaqstant, jara valur miżjud ċar fit-twettiq ta' studji epidemjoloġiċi u kliniċi fuq skala kbira abbażi ta' kollaborazzjoni transnazzjonali; iqis li l-Istħarriġ Ewropew dwar l-Eżami tas-Saħħa, li jkun jista' jipprovdi informazzjoni siewja, permezz tal-modulu dwar it-testijiet konoxxittivi, dwar l-għadd ta' persuni b'nuqqasijiet konoxxittivi fl-istadju bikri, huwa daqstant importanti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, li jirrappreżentaw id-doppju tal-persuni morda meta mqabbla mal-irġiel u jikkostitwixxu għadd sproporzjonat tal-persuni li jieħdu ħsieb il-pazjenti, fl-oqsma tar-riċerka medika u soċjali, tas-saħħa u tal-politiki soċjali u tal-impjieg;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki u pjanijiet ta' azzjoni għal perjodu twil ta' żmien fil-qasam tal-kura u l-prevenzjoni, li jantiċipaw u jindirizzaw it-tendenzi soċjali u demografiċi, kif ukoll jiffukaw fuq l-appoġġ mogħti lill-familji tal-pazjenti li jkunu qed jieħdu ħsieb, biex b'hekk tingħata l-protezzjoni soċjali lil persuni vulnerabbli li jbatu bid-dimenzja;

25.  Jisħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni tal-marda ta' Alzheimer billi jitħeġġeġ stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, li jinkludi impenn kontinwu soċjali u mentali, il-promozzjoni ta' dieti tajbin u l-eżerċizzju;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw Pjan ta' Azzjoni għar-Riċerka Strateġika li jistabbilixxi l-eżiġenzi u l-objettivi għat-terminu medju u twil tar-riċerka fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv, inklużi l-ħtiġijiet ta' għoti ta' kura, speċjalment fil-qasam tal-marda ta' Alzheimer. Dawn il-pjanijiet ta' azzjoni għandhom jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tar-riċerkaturi żgħażagħ u fuq l-appoġġ ta' approċċi innovattivi għar-riċerka abbażi ta' sħubija pubblika-privta; jirrakkomanda li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' ċentri ta' eċċellenza għal oqsma speċifiċi ta' riċerka kif ukoll li jiġu involuti rappreżentanti tal-pazjenti, tal-organizzazzjonijiet ta' min jieħu ħsieb il-pazjenti u tal-fornituri pubbliċi/privati tal-kura tas-saħħa;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni bil-għan li jiġu evalwati inizjattivi possibbli tal-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw l-aġenda komuni dwar ir-riċerka;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni bil-għan li jittejbu l-benesseri u l-kwalità ta' ħajja tal-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u b'forom oħra ta' dimenzja, kif ukoll dawk tal-familji tagħhom;

29.  Jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej jappoġġjaw kemm jistgħu l-Osservatorju għar-Riċerka dwar id-Dimenzja ta' Alzheimer Europe bħala għodda utli għat-tixrid tal-aħjar prassi u tar-riżultati tar-riċerka lill-pazjenti u lil min jieħu ħsiebhom;

30.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta' riċerka dwar ir-rabta kif ukoll dwar id-distinzjoni bejn il-proċess ta' tixjiħ u d-dimenzja, bejn id-dimenzja u d-depressjoni f'persuni ixjeħ, u bejn id-differenzi bejn is-sessi u d-diversi tipi ta' dimenzja; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jippromwovu programmi speċifiċi ta' riċerka u fil-qasam tal-kura tas-saħħa li jagħtu importanza kbira lill-għażla u lill-prospettiva tal-pazjenti, u biex ifasslu rakkomandazzjonijiet li jiffukaw fuq il-prinċipji ewlenin tad-dinjità u l-inklużjoni soċjali, biex b'hekk jiġu promossi l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni tal-pazjenti;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi xierqa għall-kura tas-saħħa għall-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer kif ukoll għal skambji ta' informazzjoni u netwerking fir-rigward tar-riżultati miksuba;

32.  Jisħaq fuq l-importanza tal-għajnuna domiċiljari għall-pazjenti u għall-anzjani, kif ukoll fuq il-kontribut vitali mill-organizzazzjonijiet volontarji u bla skop ta' qligħ lill-kura tal-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u lil min ibati b'mard ieħor marbut mal-età; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri joħolqu forom ta' sħubija ma' dawk l-organizzazzjonijiet kif ukoll jappoġġjaw l-attivitajiet tagħhom; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jagħtu kreditu u rixonoxximent xierqa lir-rwol tal-kura informali mogħtija mill-qraba ta' min ibati b'dan il-mard;

33.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' azzjonijiet li ma jiffukawx biss fuq it-trattament ibbażat fuq il-mediċini tal-marda ta' Alzheimer ladarba din il-kundizzjoni tkun żviluppat, iżda anke fuq miżuri ta' prevenzjoni, fosthom id-dieta u n-nutriment, biex jitnaqqsu l-possibilitajiet li tiżviluppa l-marda ta' Alzheimer; jitlob li ssir riċerka estensiva dwar l-effetti tad-dieta u n-nutriment fuq il-marda ta' Alzheimer, kif ukoll li jiġu żviluppati u mxerrda lill-pubbliku pariri, fosthom pariri nutrizzjonali, dwar il-prevenzjoni tal-marda, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

34.  Jissottolinja li r-riċerka dwar l-ekonomiji tas-saħħa, ix-xjenzi soċjali u umanistiċi, u l-approċċi nonfarmakoloġiċi hija meħtieġa wkoll biex nifhmu l-aspetti psikoloġiċi u soċjali tad-dimenzja;

35.  Huwa tal-fehma li d-dijanjożi tas-sintomi bikrin tad-disturbi tal-memorja għandu jkun wieħed mill-oqsma fokali fil-kura tas-saħħa professjonali;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-istabbiliment ta' standards ta' sikurezza applikabbli għall-istituzzjonijiet li jispeċjalizzaw fil-kura tal-anzjani, għall-komunitajiet li jappartjenu għalihom u għall-arranġamenti ta' kura domiċiljari;

37.  Jistieden lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u flimkien ma' organizzazzjonijiet tar-riċerka, biex ifasslu linji gwida komuni għat-taħriġ tal-persunal li jaħdem fi kwalunkwe kapaċità mal-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer (professjoni medika u paramedika) u għat-taħriġ u l-monitoraġġ tal-familji u ta' min jieħu ħsieb il-morda b'mod informali biex jiġi garantit użu kompetenti u effikaċi tar-riżorsi eżistenti; jiġbed l-attenzjoni li l-ħtieġa ta' persuni tas-sengħa li jaħdmu ma' persuni bid-dimenzja qed tiżdied rapidament;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw opportunitajiet offruti mill-Istrateġiji UE 2020 “Aġenda għal impjiegi ġodda” u “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” biex isaħħu l-kapaċità tal-forza tax-xogħol futura marbuta mal-kura tal-persuni li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u b'tipi oħra ta' dimenzja; jeħtieġ li jiġu promossi impjiegi ġodda b'ħiliet speċifiċi fl-Ewropa kollha biex tkun tista' tingħata l-kura lil popolazzjoni li kulma jmur qed tixjieħ u ssir aktar dipendenti;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza r-riżorsi tal-inizjattiva ewlenija “Unjoni ta' Innvoazzjoni” fl-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll is-sħubija pilota ppjanata dwar it-tixjiħ attiv u b'mod li jkun tajjeb għas-saħħa (li se titnieda fil-bidu tal-2011) biex tiġi affrontata d-dimenzja fl-Ewropa;

40.  Jenfasizza li l-avvanzi reċenti fir-riċerka fil-qasam tal-imaging u tal-bijomarkaturi jwittu t-triq għall-identifikazzjoni ta' proċessi molekolari siekta u ta' sinjali bikrin tal-marda ta' Alzheimer bl-użu, pereżempju, ta' markatur li qed jiġi studjat attwalment li jagħmilha possibbli li jidhru plakek amilojdi, waħda miż-żewġ leżjonijiet assoċjati ma' din il-marda, fil-moħħ;

41.  Jirrikonoxxi l-kontribut vitali li l-familji, min jieħu ħsieb il-pazjenti u l-komunitajiet għandhom fl-iżgurar li l-pazjenti li jkunu qed ibatu jwettqu l-potenzjal tagħhom, u jitlob lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-familji, lil min jieħu ħsieb il-pazjenti u l-ħajja komunitarja;

42.  Jisħaq fuq l-importanza ta' sostenn psikoloġiku għall-pazjenti u għall-familji tagħhom; jenfasizza l-importanza li approċċ psikosoċjali jiġi kombinat mal-proċess ta' tixjiħ fir-rigward tar-riċerka medika u bijomedika; jaqbel mal-ħtieġa ta' riċerka fl-oqsma tal-ekonomija tas-saħħa, l-aspetti soċjali u umanistiċi u l-approċċi nonfarmaċewtiċi għat-trattament, sabiex jinkiseb għarfien tal-aspetti psikoloġiċi, ekonomiċi u soċjali tad-dimenzja u biex jiġi promoss l-użu ta' teknoloġiji eżistenti (is-saħħa elettronika, l-ITC, it-teknoloġiji ta' assistenza, eċċ);

43.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina kif jistgħu jiġu estiżi l-inizjattivi tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni li għandhom id-dimenzja, inklużi l-użu ta' istruzzjonijiet testamentarji (testmenti bijoloġiċi) u l-kwistjoni ta' sistemi ta' tutela;

44.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jqisu t-tnaqqis tal-użu ta' mediċini antipsikotiċi fil-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom biex jgħinu lill-persuni li jbatu bid-dimenzja, billi filwaqt li dawn il-mediċini bħalissa qed jiġu preskritti spiss biex jikkumbattu l-effetti tad-dimenzja, intwera li l-effett benefiku tagħhom huwa limitat, u barra minn hekk ikkontribwew għal ħafna mwiet kull sena, bħala riżultat tal-fatt li ġew preskritti;

45.  Jenfasizza li jeħteġ li titħares id-dinjità tal-persuni li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u jeħtieġ ukoll li jiġu eliminati l-istigma u d-diskriminazzjoni kontrihom;

46.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw inċentivi ġodda bbażati fuq il-politika biex jiffaċilitaw it-tixrid tal-informazzjoni kif ukoll strateġiji dwar l-aċċess għas-suq għal terapiji innovattivi u testijiet dijanjostiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-pazjenti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer li sal-lum għadhom ma ġewx issodisfati;

47.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa bil-prinċipju ċentrali li jimmassimizzaw il-kopertura u jiggarantixxu aċċess ekwu u ugwaljanza biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' għoti ta' servizzi integrati fil-komunitajiet u fid-djar, għall-ġid tal-persuni li jbatu bid-dimenzja indipendentement mill-età, sess, etniċità, riżorsi finanzjarji, diżabilità u residenza rurali jew urbana; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jittrattaw dawk il-fatturi li jkollhom impatt inekwu fuq is-saħħa tal-popolazzjoni b'mod li jista' jkun evitat; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-ġbir ta' dejta dwar l-inugwaljanzi rigward is-saħħa;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jkunu konxji mit-trattament ta' prevenzjoni li jgħin biex idewwem il-bidu tad-dimenzja kif ukoll jiżguraw l-aċċess għall-kura affordabbli u ta' kwalità għall-morda; ifakkar lill-Istati Membri li tali servizzi jridu jitħarsu fi żmien ta' konsolidament fiskali fl-Ewropa kollha;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu netwerk interkonness Ewropew ta' ċentri ta' referenza fejn il-kompetenza fid-dijanjożi, it-trattament u l-kura tad-dimenzja u tal-marda ta' Alzheimer tkun kkonċentrata u li permezz tiegħu l-informazzjoni u d-dejta jkunu jistgħu jiġu skambjati u evalwati bejn l-Istati Membri;

50.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw metodi personalizzati għal kura u appoġġ multiprofessjonali u multidixxiplinari kkoordinati minn persuna ta' referenza waħda mill-mument li d-dijanjożi tiġi nnotifikata, biex titġi ffaċilitata l-kura domiċiljari b'użu akbar ta' servizzi ta' kura u ta' għajnuna domiċiljari speċjalizzati u polivalenti, id-domotika u t-teknoloġiji informatiċi u ta' komunikazzjoni ġodda;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw faċilitajiet diversi, innovattivi u ta' kwalità għolja biex joffru serħan lil min jieħu ħsieb il-pazjenti, bħal ċentri ta' akkomodazzjoni u akkoljenza temporanja, kif ukoll jimmonitorjaw is-saħħa ta' min jieħu ħsueb il-pazjenti billi, pereżempju, jingħataw kura medika xierqa u appoġġ psikoloġiku jew soċjali;

52.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsaħħu r-riċerka, itejbu l-aċċess għas-servizzi dijanjostiċi u jadattaw is-servizzi ta' kura u ta' appoġġ għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ li jkunu morda;

53.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħtu lill-pazjenti aċċess għal trattamenti ġodda li l-effikaċja terapewtika tagħhom ġiet verifikata u stabbilita, u li dan jagħmluh mill-aktar fis possibbli wara li jsiru disponibbli;

54.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-għarfien pubbliku u professjonali dwar id-dimenzja fost il-professjonisti speċjalizzati/semispeċjalizzati fil-qasam tal-kura tas-saħħa, min ifassal il-politika dwar il-kura tas-saħħa u l-midja, li jwassal għal identifikazzjoni aħjar tas-sintomi tal-marda ta' Alzheimer kif ukoll għal għarfien akbar tal-marda u tal-kura tagħha; l-għarfien irid jiffoka fuq komponenti differenti bħad-dijanjożi, it-trattament u l-appoġġ xieraq;

55.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-Rapport Bowis 2006 li jistieden lil min jimpjega jintroduċi politiki dwar “Is-Saħħa Mentali fil-Post tax-Xogħol” bħala parti neċessarja mir-responsabilità tagħhom rigward is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, bil-għan li tkun żgurata l-aħjar integrazzjoni possibbli fis-suq tax-xogħol ta' persuni b'disturbi mentali, kif ukoll li dawn il-politiki għandhom jiġu ppubblikati u mmonitorjati fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-saħħa u s-sikurezza; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament għadu qed jistenna li dawn il-politiki jiġu ppubblikati;

56.  Jenfasizza l-kobor tal-ispejjeż mediċi marbuta mal-marda ta' Alzheimer u ma' forom oħra ta' dimenzja u li huwa importanti li jinstabu soluzzjonijiet vijabbli li jqisu: l-ispejjeż mediċi diretti (inklużi l-ispejjeż tas-sistema tas-saħħa: spejjeż ta' speċjalisti, prodotti mediċinali, eżamijiet mediċi u visti regolari); l-ispejjeż soċjali diretti (inkluża l-ispiża ta' servizzi formali li mhumiex inklużi fis-sistema medika: servizzi komunitarji, kura domiċiljari, forniment ta' ikel, trasport, u kollokazzjoni ta' pazjenti f'ċentri residenzjali speċjalizzati għall-kura tal-anzjani, fejn ikunu jistgħu jingħataw għajnuna medika); u l-ispejjeż informali (inklużi l-ispejjeż marbuta ma' produttività mnaqqsa f'każ ta' titwil tal-ħajja tax-xogħol, u nuqqas ta' produzzjoni bħala riżultat ta' rtirar bikri, liv għal raġunijiet mediċi jew mewt);

57.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta' informazzjoni għall-pubbliku ġenerali u għal gruppi speċifiċi bħat-tfal tal-iskola, il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-assistenti soċjali, iqabblu u jiskambjaw l-esperjenzi dwar miżuri ta' sostenn għall-familji li jieħdu ħsieb il-morda, l-għaqdiet tal-pazjenti u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi permezz tal-promozzjoni tal-pubblikazzjoni u tad-distribuzzjoni ta' opuskoli informattivi – anke onlajn – dwar it-taħriġ u l-organizzazzjoni ta' ħaddiema volontarji u ta' assistenti legali, psikoloġiċi u sanitarji kemm fid-dar kif ukoll f'ċentri ta' matul il-jum billi jippromwovu jew iwaqqfu għaqdiet tal-marda ta' Alzheimer biex dawk ikkonċernati jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi; jenfasizza l-importanza fil-kampanji kollha ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni tal-kapaċità li jintgħarfu s-sintomi tad-dimenzja;

58.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu, fuq bażi volontarja, il-prattika ta' skrinjar b'xejn tal-memorja, għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li skont dejta xjentifika għandhom riskju għoli li jiżviluppaw il-marda ta' Alzheimer jew forom oħra ta' dimenzja;

59.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-morda u approċċ etiku għall-morda sabiex jiġi ggarantit ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, kif ukoll jikkunsidraw l-istatus legali tal-persuni li jbatu b'mard newrodeġenerattiv bil-għan li jipprovdu qafas legali għat-tiċħid tal-libertà u għall-protezzjoni legali għall-morda;

60.  Jitlob ir-rikonoxximent tal-assoċjazzjonijiet tal-marda ta' Alzheimer bħala sħab ewlenin kif ukoll li jiġu involuti 1) fid-definizzjoni ta' rakkomandazzjonijiet ta' prevenzjoni u tal-aħjar prassi u fit-tixrid tagħhom lill-pubbliku ġenerali, 2) fl-għoti ta' informazzjoni u ta' appoġġ ferm meħtieġa lill-persuni bid-dimenzja u lil min jieħu ħsiebhom, 3) fil-preżentazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persuni bid-dimenzja u tal-persuni li jieħdu ħsiebhom lil min ifassal il-politika, u 4) fil-promozzjoni ta' sħubijiet mal-professjoni medika biex jiġi pprovdut approċċ olistiku; jiġbed l-attenzjoni li biex dan isir, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jinvestigaw il-possibilitajiet li l-Programm Ewropew għas-Saħħa Pubblika jipprovdi finanzjament bażiku regolari lill-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Marda ta' Alzheimer u għandhom jinkoraġġixxu lill-Istati Membri jappoġġjaw l-assoċjazzjonijiet tal-marda ta' Alzheimer f'livell nazzjonali;

61.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw gruppi ta' appoġġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jaħdmu f'istituzzjonijiet, għall-qraba tal-pazjenti li jiddaħħlu l-isptar, għall-qraba li jgħinu lill-pazjent id-dar u għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jaħdmu fis-servizz domiċiljari tal-kura tas-saħħa;

62.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex flimkien mal-Parlament Ewropew, iħeġġu l-awtonomija tal-persuni bid-dimenzja u jippromwovu d-dinjità u l-inklużjoni soċjali tagħhom permezz tal-pjan ta' azzjoni fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll jipprovdu informazzjoni dwar l-aħjar prassi fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-persuni vulnerabbli u tal-ġlieda kontra l-maltrattament tal-pazjenti bid-dimenzja;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu l-iżvilupp, b'rabta mal-implimentazzjoni tal-proġetti ta' riċerka, ta' sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati, biex b'hekk jinkisbu faċilitajiet, riżorsi u esperjenza fis-setturi pubbliċi u privati biex jiġu miġġielda l-effetti tal-marda ta' Alzheimer u ta' forom oħra ta' dimenzja;

64.  Jiġbed l-attenzjoni li għad irid isir progress konsiderevoli fil-qasam tal-aċċess għall-provi terapewtiċi għal pazejnti li jbatu bil-marda ta' Alzheimer u b'mard simili biex ikun żgurat li l-molekuli ġodda jkunu effikaċi; jenfasizza li din il-problema għandha tiġi affrontata fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva tal-UE dwar provi kliniċi fuq prodotti mediċinali (2001/20/KE);

65.  Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-impatt distruttiv tal-marda ta' Alzheimer fuq il-memorja u l-kapaċitajiet mentali, ifasslu strateġiji nazzjonali li jippermettu lill-awtoritajiet responsabbli mill-għajnuna finanzjarja għall-morda jimmonitorjaw tali għajnuna biex ikun żgurat li tintuża esklużivament għall-benefiċċju tal-morda;

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0313.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0306.


Inalaturi għall-ażma
PDF 210kWORD 39k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar il-Petizzjoni 0473/2008, imressqa mis-Sur Christoph Klein, ta' nazzjonalità Ġermaniża, dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni fir-rigward ta' każ marbut mal-kompetizzjoni, u l-impatt negattiv ta' dan fuq il-kumpanija kkonċernata
P7_TA(2011)0017B7-0026/2011

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-10 ta' Novembru 2010 lill-Kummissjoni dwar il-Petizzjoni 0473/2008, imressqa mis-Sur Christoph Klein, ta' nazzjonalità Ġermaniża, dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni fir-rigward ta' każ marbut mal-kompetizzjoni, u l-impatt negattiv ta' dan fuq il-kumpanija kkonċernata (O-0182/2010 – B7-0666/2010),

  wara li kkunsidra l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 201 u 202 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-qafas legali applikabbli f'dan il-każ hi d-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE(1) dwar apparat mediku, li tipprevedi li l-manifatturi ta' apparat mediku tal-Klassi I jistgħu jqiegħdu l-apparat bħal dan fis-suq mingħajr l-intervent ta' korp notifikat jew awtorità, u li hi f'idejn il-manifatturi li juru li l-apparat tagħhom jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva,

B.  billi l-Istati Membri, sabiex jiżguraw li dawn ir-rekwiżiti qed jiġu sodisfatti, huma obbligati jwettqu sorveljanza tas-suq u jieħdu l-miżuri meħtieġa, li jinkludu l-proċedura tal-klawżola ta' salvagwardja skont l-Artikolu 8 u l-miżuri skont l-Artikolu 18 fil-każ ta' marka CE mwaħħla b'mod mhux xieraq,

C.  billi l-manifattur konċernat wera lill-awtorità responsabbli fl-Istat Membru li l-apparat tiegħu ssodisfa r-rekwiżiti legali kollha biex apparat mediku u prodott ta' Klassi 1 bil-marka CE jitqiegħed fis-suq,

D.  billi Stat Membru għandu, permezz tal-awtorità responsabbli, meta jieħu l-miżuri interim xierqa biex jirtira apparat mis-suq jew jipprojbixxi jew jillimita t-tqegħid fis-suq tiegħu, għandu l-eżiġenza li jinforma lill-Kummissjoni minnufih dwar kull miżura ta' dan it-tip waqt li jindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu,

E.  billi l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu ilhom jesprimu tħassib dwar is-sikurezza tal-apparat in kwistjoni (inalatur) mill-1996 u kienu informaw lill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni biex ikun hemm proċedura ta' salvagwardja, imma l-Kummissjoni ma kkonsultatx lill-manifattur u qatt ma ħarġet deċiżjoni; u billi bħala riżultat ta' dan, deċiżjoni dwar din il-kwistjoni għadha pendenti u l-petizzjonant qed jittħalla mingħajr ebda mezz ta' rimedju legali disponibbli għalih,

F.  billi l-awtoritajiet ta' Saxon-Anhalt imponew projbizzjoni fuq il-bejgħ tal-apparat fl-1997, fuq l-insistenza tal-awtoritajiet Bavarjani,

G.  billi l-kumpanija biegħet prodotti legalment qabel ma nħarġet l-ewwel inġunzjoni fuq il-bejgħ fl-1997 u skont l-awtorità responsabbli ssodisfat id-dispożizzjonijiet kollha skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE,

H.  billi, fl-2003, il-manifattur qiegħed l-apparat fis-suq taħt isem ġdid u, fl-2005, il-Gvern tal-Bavarja ta' Fuq ordna li dan jiġi rtirat mis-suq skont l-Att Ġermaniż dwar l-Apparat Mediku mingħajr ma informa lill-Kummissjoni dwar dan,

I.  billi, fl-2006, il-manifattur informa lill-Kummissjoni dwar it-tieni projbizzjoni tal-bejgħ, bil-ħsieb li jniedi proċedimenti ta' ksur kontra l-Ġermanja talli kisret l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 93/42/KEE,

J.  billi l-Kummissjoni tiddikjara li m'hemmx biżżejjed evidenza li l-inalatur issodisfa r-rekwiżiti essenzjali kif stipulati fid-Direttiva 93/42/KEE u kkonkludiet li ma kienx hemm bżonn ta' eżami mill-ġdida tas-sikurezza tal-prodott peress li l-każ kien jaqa' taħt l-Artikolu 18 aktar milli taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva,

K.  billi l-manifattur, fl-2008, ressaq petizzjoni lill-Parlament Ewropew li kienet tistqarr li, fit-trattament tagħha tal-każ, il-Kummissjoni kienet kisret l-obbligi tagħha taħt id-direttiva u naqset milli twettaq id-dmir tagħha li taġixxi bħala l-Gwardjan tat-Trattati,

1.  Jikkunsidra li t-tweġiba tal-Kummissjoni lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet naqset milli twieġeb b'mod suffiċjenti għall-mistoqsijiet tal-petizzjonant u tal-membri tal-kumitat, kif ukoll għat-tħassib imqajjem fl-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu minnufih il-passi meħtieġa biex ittemm il-proċedura li għadha pendenti u li tnediet fl-1997 taħt il-klawżola ta' salvagwardja tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/42/KEE;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, b'mod urġenti, tagħti tweġiba għat-tħassib leġittimu tal-petizzjonant – li ilu f'din is-sitwazzjoni intollerabbli għal 13-il sena u konsegwentement bata minn telf konsiderevoli ta' dħul – u biex tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tippermetti li l-petizzjonant jasserixxi d-drittijiet tiegħu;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Gvern Federali Ġermaniż.

(1) ĠU L 169, 12.07.1993, p. 1.


Ir-rikostruzzjoni ta' Ħaiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u rikostruzzjoni
PDF 234kWORD 69k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni f'Ħaiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u rikostruzzjoni
P7_TA(2011)0018RC-B7-0023/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għal Futur Ġdid f'Ħaiti, li saret fi New York fil-31 ta' Marzu 2010, kif ukoll ir-rapport tal-missjoni tad-delegazzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew fi New York,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Irkupru u l-Iżvilupp Nazzjonali ta' Ħaiti: Inizjattivi ewlenin għall-futur, ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li saret fi Brussell fit-18 ta' Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-terremot f'Ħaiti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà tad-19 ta' Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali preparatorja li saret f'Montreal fil-25 ta' Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ffirmat mit-tliet istituzzjonijiet Ewropej f'Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar it-terremot reċenti f'Ħaiti(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew f'Ħaiti (mill-25 sas-27 ta' Ġunju 2010),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar il-missjoni għall-ġbir ta' informazzjoni f'Ħaiti u fir-Repubblika Dominikana tat-30 ta' Awwissu 2010,

–  wara li kkunsidra d-dokument konġunt ta' Catherine Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u ta' Kristalina Georgieva, Membru tal-Kummissjoni, dwar it-tagħlimiet mir-reazzjoni tal-Unjoni waqt id-diżastru ta' Ħaiti, ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kapaċità ta' reazzjoni Ewropea għall-emerġenzi, tas-26 ta' Ottubru 2010 (COM(2010)0600),

–   wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Stabilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ħaiti (Minustah),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Michel Barnier intitolat “Għal Forza Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili: għajnuna Ewropea”, li ġie ppubblikat f'Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-terremot b'qawwa ta' 7.3 fuq l-iskala Richter li laqat lil Ħaiti fit-12 ta' Jannar 2010, wassal għall-mewt ta' 222 750 persuna, affettwa lil 3 miljun persuna u kkawża l-ispostament ta' madwar 1.7 miljun persuna, li “l fuq minn miljun fosthom għadhom qed joqogħdu f'kampjiet ta' akkoljenza mhux organizzati li kellhom ikunu temporanji, u billi l-assoċjazzjonijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jikkundannaw il-kondizzjonijiet ta' għajxien ”tal-biża' ' fil-kampijiet, u speċjalment “l-istupri u l-vjolenza sesswali” li jiffaċċjaw in-nisa,

B.  billi bejn 2.5 u 3.3 miljun ruħ attwalment huma f'kundizzjonijiet ta' “insigurtà alimentari”, f'pajjiż li fih 60% tal-popolazzjoni jgħixu f'żoni rurali u 80% jgħixu fi stat ta' faqar assolut,

C.  billi sena wara t-terremot, is-sitwazzjoni f'Ħaiti għadha kaotika, il-pajjiż għadu f'sitwazzjoni ta' emerġenza u r-rikostruzzjoni bilkemm għadha bdiet,

D.  billi deċennji ta' faqar, ta' degradazzjoni tal-ambjent, ta' vulnerabilità għal diversi diżastri naturali, ta' vjolenza, ta' instabilità politika u ta' dittatura għamlu lil dan il-pajjiż l-ifqar wieħed fl-Ameriki, fejn qabel il-katastrofi, il-maġġoranza tat-12-il miljun Ħaitjan kienu jgħixu fuq inqas minn żewġ dollari kuljum; u billi l-ħsarat ikkawżati mit-terremot aggravaw ukoll l-inkapaċità tal-Istat li jipprovdi servizzi pubbliċi bażiċi u għaldaqstant li jirreaġixxi attivament għall-isforzi ta' għajnuna u ta' rikostruzzjoni,

E.  billi s'issa ngħataw USD 1.2 biljun mill-USD 10 biljun (b'żewġ skadenzi : 18-il xahar u 3 snin) imwegħda matul il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għar-Rikostruzzjoni ta' Ħaiti fi New York fil-31 ta' Marzu 2010,

F.  billi t-traġedja reċenti f'Ħaiti wriet il-bżonn li jitjiebu l-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-Unjoni biex tegħleb id-diżastri (għajnuna umanitarja u mekkaniżmu Komunitarju ta' protezzjoni ċivili) f'termini ta' effikaċja, ħeffa, koordinament u viżibilità,

G.  billi wara proposta minn Ħaiti twaqqfet Kummissjoni Interim għar-Rikostruzzjoni ta' Ħaiti (IHRC), bl-għan li tiżgura l-koordinament u l-użu effikaċi tar-riżorsi, u bl-għan li timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni għall-Iżvilupp ta' Ħaiti; billi l-Kummissjoni Ewropea, bħala donatur ewlieni, hija membru tal-IHRC u għandha dritt għall-vot,

H.  billi t-tneħħija tat-tifrik tikkostitwixxi sfida kbira għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż – tneħħiet parti minuskola tat-tiġrif –  u billi bir-ritmu attwali, iridu jgħaddu 6 snin biex jitneħħew il-miljuni ta' metri kubi ta' tifrik,

I.  billi l-epidemija tal-kolera, li bdiet fid-19 ta' Ottubru 2010, sal-lum qatlet “il fuq minn 3 000 ruħ u billi ntlaqtu aktar minn 150 000 persuna; billi t-tixrid tal-epidemija jenfasizza n-nuqqasijiet strutturali evidenti tal-Istat ta' Ħaiti u l-limiti tas-sistema tal-għajnuna internazzjonali u tal-Minustah, u billi l-attivitajiet ta' reazzjoni għall-kolera huma partikolarment affettwati mill-kriżi politika attwali li oriġinat mill-elezzjonijiet,

J.  billi mill-USD 174 miljun, in-Nazzjonijiet Uniti rċevew biss USD 44 miljun biex tiġi miġġielda l-epidemija tal-kolera,

K.  billi d-WHO tbassar 400 000 każ ġdid ta' kolera matul it-12-il xahar li jmiss jekk l-epidemija ma tinqeridx,

L.  billi l-elezzjonijiet tat-28 ta' Novembru 2010, li r-riżultati proviżorji tagħhom tħabbru fil-bidu ta' Diċembru, wasslu għal dimostrazzjonijiet vjolenti f'Ħaiti kif ukoll għal diversi denunzji ta' frodi; billi l-komunità internazzjonali trid tappoġġa proċess elettorali trasparenti u leġittimu biex tiżgura ma jkunx hemm tbagħbis fl-elezzjonijiet, fatt li huwa indispensabbli għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż; u billi l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili tikkostitwixxi prijorità,

1.  Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-abitanti ta' Ħaiti vittmi tat-terremot u tal-kolera u jenfasizza li r-rikostruzzjoni għandha ssir billi jiġu kkonsultati u involuti l-popolazzjoni u s-soċjetà ċivili Ħaitjani ;

2.  Jinsisti dwar impenn qawwi u fit-tul min-naħa tal-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, bil-għan li jinżammu l-wegħdiet kollha li saru matul il-Konferenza internazzjonali tad-Donaturi fi New York, u biex il-komunità internazzjonali taġixxi mill-aktar fis; ikompli jisħaq li kull assistenza umanitarja u ta' rikostruzzjoni min-naħa tal-Unjoni trid tkun ipprovduta f'forma ta' għotjiet u mhux f'forma ta' self li jiġġenera d-dejn;

3.  Ifakkar fil-mobilizzazzjoni kbira tal-komunità internazzjonali wara t-terremot qerriedi f'Ħaiti kif ukoll fir-rieda politika reali tagħha li tagħti appoġġ għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti b'mod differenti, filwaqt li ma tagħmilx l-iżbalji tal-passat, kif ukoll li tittratta darba għal dejjem il-kawżi profondi tal-faqar f'Ħaiti;

4.  Jiddeplora d-daqs kbir tal-katastrofi f'Ħaiti, li l-effetti tagħha għadhom viżibbli sew, sena wara t-terremot ; jilqa' l-ammont ta' għajnuna umanitarja mogħtija lil Ħaiti mill-Kummissjoni Ewropea, li ta' EUR 120 miljun (li EUR 12-il miljun minnhom marru għall-ġlieda kontra l-kolera) u dak tal-Istati Membri tal-Unjoni li jammonta għal madwar EUR 200 miljun, kif ukoll l-impenn tal-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tad-DĠ ECHO u l-esperti tiegħu;

5.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-“clusters” ippermettiet il-koordinament fuq l-art tal-interventi umanitarji iżda li dan il-metodu sadattant wera l-limiti tiegħu minħabba l-multipliċità kbira tal-protagonisti umanitarji u l-kumplessità tal-emerġenza minħabba l-konċentrazzjoni urbana qawwija;

6.  Jilqa' l-isforzi li saru u l-ħidma li twettqet mill-organizzazzjonijiet umanitarji (is-Salib l-Aħmar, l-NGOs, in-Nazzjonijiet Uniti) u mill-Istati Membri u jinsisti dwar konnessjoni neċessarja tal-effetti li ma jidhrux tal-interventi umanitarji u dwar il-fatt li s-sitwazzjoni setgħet tiġi kkontrollata partikolarment billi ttieħdet responsabilità għall-persuni midruba, billi ġew ipprovduti ilma għax-xorb u prodotti tal-ikel u billi ngħataw postijiet ta' kenn temporanji;

7.  Jinnota li l-epidemija tal-kolera wriet biċ-ċar l-inkapaċità kważi totali tal-Istat Ħaitjan, quddiem marda li faċli li wieħed jipprevjeniha u jfejjaqha, u jinnota l-limiti tas-sistema tal-għajnuna internazzjonali f'pajjiż li jibbenefika minn skjerament umanitarju enormi (12 000 NGO); jenfasizza li l-protagonisti umanitarji ma jistgħux u m'għandhomx jibqgħu jikkumpensaw għad-dgħufijiet tal-Istat Ħaitjan jew jirrimpjazzawh, u li huwa urġenti li fl-aħħar tittieħed azzjoni fl-iżvilupp għall-futur imbiegħed, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, għall-ilma għax-xorb u għal kundizzjonijiet sanitarji;

8.  Jilqa' l-impenn, li ttieħed b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, ta' ammont ta' EUR 1.2 biljun – li EUR 460 miljun minnhom huma għajnuna mhux umanitarja mill-Kummissjoni Ewropea – waqt il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għar-Rikostruzzjoni ta' Ħaiti; itenni t-talba tiegħu biex l-Unjoni Ewropea, bħala donatur ewlieni, ikollha rwol importanti ta' tmexxija politika fl-isforzi ta' rikostruzzjoni;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jintegraw il-produzzjoni alimentari lokali u s-sikurezza alimentari fl-isforzi ta' rikostruzzjoni ta' Ħaiti, permezz ta' żvilupp ta' infrastruttura rurali u għajnuna lill-agrikolturi ż-żgħar, fil-qafas tal-approċċ konġunt tagħhom fil-programmazzjoni tar-riżorsi tagħhom għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti u fir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-programmazzjoni tal-fondi li jkun fadal tal-Kummissjoni, jiġifieri EUR 169 miljun li għadhom disponibbli mill-EUR 460 miljun imħabbra fi New York; jitlob li jiġi implimentat il-qafas ta' azzjoni l-ġdid dwar is-sikurezza alimentari mħabbar mill-Kummissjoni f'Marzu 2010 ;

10.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni interim għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti, li għandu jkollha rwol ewlieni fil-koordinament tar-rikostruzzjoni, bdiet il-ħidma tagħha tard; jiddispjaċih rigward in-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-funzjonament u l-effikaċja tagħha, u jitlob lill-Kummissjoni , bħala membru tal-IHRC, biex tintervjeni biex tħaffef l-implimentazzjoni tal-mandat tal-IHRC u tirrevedi l-operat tagħha, u biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew rapport dwar l-attivitajiet tal-IHRC, dwar l-użu tar-riżorsi u dwar il-fondi, imwiegħda fil-Konferenza ta' New York, effettivament allokati għar-rikostruzzjoni;

11.  Jirrikonoxxi li l-IHCR, li hija struttura ewlenija ta' ġestjoni tar-rikostruzzjoni, tista' taħdem b'mod effikaċi biss permezz tal-istabbiliment mill-ġdid tal-kapaċitajiet tal-Istat Ħaitjan, billi jinbidlu l-mexxejja Ħaitjani - li jridu jiġu eletti wara elezzjonijiet trasparenti u leġittimi - u permezz ta' rieda politika reali li jittieħdu deċiżjonijiet indispensabbli biex jiġi affrontat dan il-proġett enormi;

12.  Iħeġġeġ lill-gvern Ħaitjan ikompli u jimplimenta l-impenji li daħal għalihom skont il-Pjan ta' Rikostruzzjoni Nazzjonali biex isaħħaħ l-awtorità tal-Istat, biex b'hekk il-gvern lokali jsir aktar effikaċi, jibni kapaċità tal-istituzzjonijiet lokali u nazzjonali kif ukoll jinkorpora l-kunċett ta' deċentralizzazzjoni politika, ekonomika u istituzzjonali;

13.  Iqis li l-awtoritajiet lokali kif ukoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu sostnuti u involuti aktar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

14.  Jiddeplora l-fatt li l-Ħaitjani għandhom biss pali, bqaqen u karretti biex ineħħu t-tunnellati ta' tifrik li jimblukkaw il-kapitali, fatt li huwa redikolu meta jitqies id-daqs enormi tas-sitwazzjoni; jenfasizza li t-tneħħija tat-tifrik hija indispensabbli għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti ; jiddispjaċih li, prattikament, l-ebda fond ma ntuża biex jitneħħa t-tifrik; u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti għajnuna finanzjarja u assistenza teknika għat-tneħħija tat-tifrik;

15.  Jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti jeżaminaw mill-ġdid il-mandat tal-Minustah billi jagħtu attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet ta' sigurtà, u jinkwieta dwar l-effikaċja tal-Minustah fir-rigward tal-aħħar avvenimenti, l-epidemija tal-kolera u l-elezzjonijiet li qed isiru bħalissa;

16.  Jiddeplora l-kriżi kbira tal-akkomodazzjoni f'Ħaiti; jenfasizza li r-rilokazzjoni tal-persuni bla dar, li l-biċċa l-kbira fosthom tqiegħdu f'kampijiet temporanji prinċipalment fil-kapitali Port-au-Prince, qed tkun mxekkla minħabba nuqqas ta' art disponibbli, nuqqas ta' reġistru tal-artijiet u minħabba l-fatt li ħafna biċċiet ta' art huma l-proprjetà ta' Ħaitjani li telqu mill-pajjiż; jappella lir-rieda politika tal-awtoritajiet Ħaitjani biex dawn jieħdu miżuri proattivi, partikolarment ta' esproprjazzjoni;

17.  Jesprimi l-preokkupazzjoni dejjem tikber tiegħu rigward is-sitwazzjoni tal-iktar persuni vulnerabbli, partikolarment in-nisa u t-tfal, wara t-terremot li laqat bil-kbir lil aktar minn 800 000 tifel u tifla, li ġew esposti għall-perikli tal-vjolenza, tal-abbużi sesswali, tat-traffikar tal-bnedmin, tal-isfruttament u tal-abbandun, u jitlob lill-Unjoni Ewropea (lill-Kummissjoni ) biex timpenja ruħha reżolutament biex tistabbilixxi mill-ġdid il-protezzjoni u s-sigurtà għal dawn it-tfal, sabiex tappoġġa l-proċess ta' implimentazzjoni ta' sistema ta' protezzjoni soċjali f'Ħaiti u sabiex tappoġġa l-inkoraġġiment tar-riforma tal-edukazzjoni; u jitlob li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' għajxien u ta' sigurtà fil-kampijiet;

18.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tikkollabora mal-Gvern tal-gżira biex titfassal leġiżlazzjoni globali li tħares id-drittijiet tat-tfal, biex jiġu implimentati fid-dritt nazzjonali l-obbligi li joriġinaw minn diversi strumenti nazzjonali, ratifikati minn Ħaiti, fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-qerda tal-jasar u dwar il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal;

19.  Iqis li huwa importanti ferm li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-implimentazzjoni tal-proċess ta' identifikazzjoni, ta' reġistrazzjoni u ta' tfittxija tal-familji tat-tfal li nfirdu minn magħhom u li tiġi identifikata s-sorveljanza speċjali fil-fruntieri bl-għan li jiġu miġġielda t-traffikar u l-adozzjoni illegali tat-tfal;

20.  Jinsisti dwar il-fatt li huwa essenzjali li jinbnew minnufih il-kapaċitajiet tal-Istat Ħaitjan li jħaddem id-demokrazija u l-governanza tajba tal-pajjiż, li huma indispensabbli għall-pajjiż, kif ukoll li jiżgura l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-popolazzjoni Ħaitjani;

21.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu rigward il-kriżi politika attwali wara r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li ġew ikkontestati b'mod qawwi u li ngħataw biss appoġġ parzjali mill-missjonijiet ta' osservaturi barranin, u li bħalissa qed jerġgħu jingħaddu l-voti tagħhom minn esperti mibgħuta mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), li fir-rapport tagħhom li tressaq fit-13 ta' Jannar 2011, irrakkomandaw li jitneħħa l-kandidat fil-poter, Jude Célestin, u floku jittella' Michel Martelly, minħabba raġunijiet ta' frodi bil-provi;

22.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea tagħmel kull ma tista' biex tappoġġa bil-qawwa proċess elettorali leġittimu u trasparenti u t-twettiq tajjeb tat-tieni ċiklu li ġie pospost għal Frar, biex ikun evitat li Ħaiti jaqa' fi kriżi aktar gravi; iqis li huma biss president elett u leġittimu u deputati leġittimi li jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa u li r-rikostruzzjoni teħtieġ l-istabilità u r-rieda politika;

23.  Jitlob lill-Komunità Internazzjonali u lill-Unjoni Ewropea biex jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet Ħaitjani futuri u biex jakkumpanjawhom fl-organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-karigi statali tagħhom, lejn ekwilibriju ġdid fil-livelli kollha, lejn demokrazija operattiva għalkollox, u matul il-proċess kollu ta' rikostruzzjoni;

24.  Jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-flus mibgħuta mid-dijaspora Ħaitjana billi l-kapital jgħaddi direttament f'idejn il-popolazzjoni Ħaitjana, li tista' tuża b'mod rapidu dawn il-flus għall-bżonnijiet urġenti; jitlob lill-Istati Membri u lill-Gvern Ħaitjan biex jiffaċilitaw it-twassil tal-flus mibgħuta u biex jaħdmu favur it-tnaqqis tal-ispejjeż tagħhom;

25.  Iħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jibqgħu jagħtu prijorità fl-aġenda tagħhom lill-irkupru u lir-riabilitazzjoni ta' Ħaiti; jenfasizza li issa huwa l-waqt li Ħaiti tiġi megħjuna ssir ekonomikament u politikament b'saħħitha u awtonoma; u jitlob lill-komunità internazzjonali tuża din l-opportunità biex tegħleb ir-raġunijiet bażiċi għall-faqar sottostanti f'Ħaiti darba għal dejjem;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fl-ispirtu tal-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja, isir sforz sinifikanti bl-għan li d-dimensjoni tat-tħejjija għall-katastrofijiet u tat-tnaqqis tar-riskji tal-katastrofijiet, b'kollaborazzjoni mal-Gvern, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, tiġi integrata fil-fażi ta' emerġenza u ta' żvilupp fuq medda twila ta' żmien;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq immedjatament proposti biex tistabbilixxi forza ta' protezzjoni ċivili Ewropea bbażata fuq il-mekkaniżmu Ewropew għall-protezzjoni ċivili;

28.  Jinnota li l-għajnuna umanitarja ilha preżenti f'Ħaiti għal deċennji u li l-importanza tar-rabta bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp dehret aktar fil-kuntest ta' din il-kriżi; jinsisti dwar il-fatt li huwa ta' importanza fundamentali li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tkun u tibqa' minn ta' quddiemnett fil-koordinament tal-operazzjoni ċivili u militari kollha, kemm f'dak li jikkonċerna l-istabbiliment mill-ġdid tas-sigurtà u tal-għajnuna umanitarja kif ukoll ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-President u lill-Gvern ta' Ħaiti, lid-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Barranin u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll lill-Bank Dinji u lill-FMI.

(1) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 5.


Ksur tal-libertà tal-espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fil-Litwanja
PDF 214kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar ksur tal-libertà ta' espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fil-Litwanja
P7_TA(2011)0019B7-0031/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, fosthom notevolment il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu l-mezzi Ewropej biex jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-emendi lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi tar-Repubblika tal-Litwanja (Nru XIP-2595),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' opinjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (Nru 11-30-01),

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali u l-omofobija,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali ta' Novembru 2010 dwar “l-Omofobija, it-Transfobija u d-Diskriminazzjoni fuq bażi tal-Orjentament Sesswali u l-Identità tal-Ġeneri”,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar is-Sitwazzjoni fil-Litwanja wara li ġiet adottata l-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, u partikolarment dawk dwar l-omofobija fl-Ewropa(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-16 ta' Diċembru 2010, is-Seimas ippospona votazzjoni dwar abbozz ta' leġiżlazzjoni li temenda l-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi biex tikkastiga l-“promozzjoni pubblika ta' relazzjonijiet omosesswali” b'multa ta' bejn LTL 2 000 u 10 000 (EUR 580–2 900), minħabba li l-emendi kienu għadhom ma ġewx eżaminati mill-kumitati parlamentari partikolari u li għadhom qegħdin jiġu vvalutati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Litwanja,

B.  billi fit-8 ta' Diċembru 2010 l-Kumitat għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura tas-Seimas ħassar ukoll l-orjentament sesswali mil-lista ta' raġunijiet li ħaqqhom protezzjoni fil-qasam tad-dispożizzjonijiet dwar l-opportunitajiet indaqs tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni (Artikolu 5(1)),

C.  billi l-abbozz ta' emendi lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi jmur kontra l-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, li jgħid li “'l-persuni ma jistgħux jiġu ostakolati milli jfittxu, jirċievu u jaqsmu informazzjoni u ideat'”, u l-Artikolu 29, li jgħid li “'l-persuni kollha għandhom ikunu indaqs quddiem il-liġi, il-qorti u istituzzjonijiet u uffiċjali statali oħra. Id-drittijiet tal-persuni ma jistgħux jiġu ristretti, u lanqas ma jistgħu jingħataw privileġġi abbażi tal-ġeneru, razza, nazzjonalità, lingwa, oriġini, stat soċjali, twemmin, konvinzjonijiet jew opinjonijiet'”,

D.  billi l-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja esprima l-opinjoni li l-abbozz ta' emendi lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi jmur kontra l-obbligi tal-Litwanja skont il-Kostituzzjoni tagħha, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

E.  billi l-aħħar rapport mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar “L-Omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-indentità tal-ġeneru”, ta' Novembru 2010, jikkonkludi li “L-emendi jistgħu jikkriminalizzaw kważi kull espressjoni pubblika jew turija ta', jew informazzjoni dwar, l-omosesswalità”,

F.  billi f'Ġunju 2009 s-Seimas ivvota b'maġġoranza kbira biex tiġi emendata l-“Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika”, fejn il-minorenni ġew ipprojbiti milli jaċċedu għal informazzjoni dwar l-omosesswalità,

G.  billi t-tifsira ta' “turija jew promozzjoni tal-orjentament sesswali” fil-Liġi dwar ir-Reklamar għadha mhijiex ċara,

H.  billi din ir-riżoluzzjoni hija dovuta għal numru ta' avvenimenti inkwetanti bħall-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika, il-fatt li l-awtoritajiet lokali ppruvaw jipprojbixxu l-organizzazzjoni ta' mixjiet favur l-ugwaljanza u tal-gay pride, u għall-użu min-naħa ta' politikanti u ta' membri parlamentari ewlenin ta' lingwaġġ ta' theddid li jinstiga l-mibgħeda,

I.  billi l-Viċi-President tal-Kummissjoni Viviane Reding, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Catherine Ashton, il-President tal-Kunsill Ewropew Herman van Rompuy u l-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek ikkundannaw b'mod unanimu kwalunkwe tip ta' omofobija u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fis-17 ta' Mejju 2010, li kien il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija,

J.  billi l-omosesswalità tneħħiet mil-lista tal-mard mentali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-1990, billi l-ebda riċerka kredibbli ma tindika li l-għoti ta' edukazzjoni lit-tfal u liż-żgħażagħ dwar is-sesswalità jista' jaffettwa l-orjentament sesswali tagħhom u billi l-edukazzjoni dwar id-diversità sesswali tħeġġeġ it-tolleranza u l-aċċettazzjoni tad-differenzi,

1.  Isostni l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b'mod partikolari r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi kollha;

2.  Jafferma mill-ġdid li l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE għandhom id-dmir li jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati, imħarsa u promossi fl-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mingħajr distinzjoni fuq bażi tal-orjentament sesswali;

3.  Jitlob lis-Seimas biex jirrifjuta l-abbozz ta' emendi lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi, jinkludi l-orjentament sesswali fil-lista tar-raġunijiet protetti fil-Liġi dwar l-Edukazzjoni, jippermetti lill-minorenni li jaċċedu liberament għal informazzjoni dwar l-orjentament sesswali, u jiċċara t-tifsira tal-projbizzjoni fil-Liġi dwar ir-Reklamar;

4.  Jinnota li l-modifiki proposti għadhom ma ġewx ivvutati mill-Plenarja tal-Parlament Litwan u għadhom qed jiġu eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Litwanja;

5.  Jirrikonoxxi l-pożizzjoni ferm iebsa li f'bosta okkażjonijiet ħadet il-President tar-Repubblika tal-Litwanja, Dalia Grybauskaitė, fejn iddenunċjat l-abbozz tal-leġiżlazzjoni omofobika bħala li kien ta' ħsara għaċ-ċittadini Litwani u għall-immaġini tal-Litwanja, u jitlob lill-President biex topponi l-veto tagħha għall-emendi lill-Kodiċi tal-Offiżi Amministrattivi, jekk dawn jiġu approvati;

6.  Jilqa' l-fatt li dan l-aħħar l-omofobija ssemmiet bħala ċirkostanza aggravanti għat-twettiq tad-delitti;

7.  Jilqa' l-azzjoni bilaterali li ttieħdet s'issa mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni legali tal-emendi proposti lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi, u toħroġ Pjan Direzzjonali tal-UE b'miżuri konkreti kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentament sesswali;

8.  Jilqa' l-pjan tal-awtoritajiet tal-Litwanja li jeżaminaw il-modifiki proposti li tqiesu f'kunflitt mal-liġi Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-President u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 18.
(2) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 179, ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 491, ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 776.

Avviż legali - Politika tal-privatezza