Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 20 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Ftehim ta' Qafas UE-Libja
 Is-sitwazzjoni tal-Kristjani fil-kuntest tal-libertà tar-reliġjon
 Is-sitwazzjoni fil-Belarus
 Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009
 Politika tal-UE sostenibbli għat-Tramuntana Estrema
 Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed
 Il-Pakistan: qtil tal-Gvernatur tal-Punjab, Salmaan Taseer
 Brażil: l-estradizzjoni ta' Cesare Battisti
 L-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh

Ftehim ta' Qafas UE-Libja
PDF 248kWORD 70k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 lill-Kunsill dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja (2010/2268 (INI))
P7_TA(2011)0020A7-0368/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill imressqa minn Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja (B7-0615/2010),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-15 ta' Ottubru 2007 dwar il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Qafas bejn l-UE u l-Libja, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta' Ġunju u tad-29-30 ta' Ottubru 2009 dwar il-politiki relatati mal-migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil iffirmat konġuntament mill-Kummissarju Ferrero-Waldner u s-Segretarju għall-Affarijiet Ewropej El Obeidi fit-23 ta' Lulju 2007,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Libja dwar Ftehim ta' Qafas,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-HIV għal Bengażi, imniedi f'Novembru 2004,

–  wara li kkunsidra l-kooperazzjoni prattika UE-Libja rigward il-migrazzjoni u l-Aġenda dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-Migrazzjoni ffirmata mill-Kummissjoni u mil-Libja fl-4 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra d-diversi strumenti tad-drittijiet tal-bniedem li ffirmat il-Libja, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1970), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1970), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (1968), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (1989), il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (1989), il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1993), u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji Tagħhom (2004),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA) tat-18 ta' Diċembru 2007 fejn intalab moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali, u r-Riżoluzzjoni 63/168 tal-UNGA tat-18 ta' Diċembru 2008 li fiha ntalbet l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali 2007,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-protokoll tagħha dwar it-twaqqif ta' Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, irratifikati mil-Libja fis-26 ta' Marzu 1987 u d-19 ta' Novembru 2003 rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li tirregola aspetti speċifiċi tar-rifuġjati fl-Afrika ta' Settembru 1969, li l-Libja ilha li aderiet għaliha mis-17 ta' Lulju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar il-pieni tal-mewt imposti fuq persunal mediku fil-Libja(1) u tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Libja(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121(3) u l-Artikolu 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0368/2010),

A.   billi minkejja l-persistenza tat-tmexxija awtoritarja, u l-ksur sistematiku tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, il-Libja għandha relazzjonijiet kummerċjali u politiki li qegħdin jespandu mal-Istati Membri tal-UE u tiżvolġi rwol ta' sieħba tal-UE fir-reġjun tal-Mediterran u fl-Afrika, f'firxa wiesgħa ta' oqsma b'impatt fuq is-sigurtà u l-istabilità, partikolarment il-migrazzjoni, is-saħħa pubblika, l-iżvilupp, il-kummerċ u r-relazzjonijiet kummerċjali, it-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-wirt kulturali,

B.  billi diversi Stati Membri għandhom relazzjonijiet mill-qrib mal-Libja, b'kumpaniji nazzjonali u banek iservu bħala vettura għall-investiment finanzjarju Libjan fl-Ewropa, u billi fit-30 ta' Awissu 2008 l-Italja ffirmat Ftehim ta' Ħbiberija mal-Libja li jirregola r-relazzjonijiet f'varji oqsma, inkluża l-koperazzjoni fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kumpens finanzjarju għall-gwerra u l-ħakma kolonjali; billi fid-9 ta' Novembru 2010 l-Parlament Taljan talab lill-Gvern biex jirrevedi dan it-Trattat,

C.   billi l-Ftehim ta' Qafas UE-Libja li attwalment qed ikun innegozjat ikopri firxa wiesgħa ta' setturi, mit-tisħiħ tad-djalogu politiku, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-iżvilupp ta' relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, is-sigurtà fl-enerġija, sat-titjib tal-kooperazzjoni f'setturi differenti; billi l-Ftehim ta' Qafas huwa mistenni jipprovdi opportunità biex jiżdied id-djalogu politiku bejn il-Libja u l-UE,

D.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat ta' dritt, kif ukoll l-oppożizzjoni għall-piena tal-mewt, huma prinċipji fundamentali tal-UE; billi l-Parlament huwa impenjat bis-sħiħ għall-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt u ħeġġeġ ripetutament ir-revoka tas-sentenzi tal-mewt u r-rilaxx mill-ħabs tal-ħames infermiera Bulgari u t-tabib Palestinjan li kienu l-ħabs fil-Libja għal diversi snin, minbarra li kkundanna l-eżekuzzjonijiet ta' ċittadini Libjani u mhux li seħħew fil-Libja,

E.   billi l-Libja rratifikat il-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li tirregola aspetti speċifiċi tal-problemi tar-rifuġjati fl-Afrika, li l-Artikolu 8 tagħha jenfasizza li din il-Konvenzjoni għandha tkun komplement effettiv fl-Afrika għall-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951 tan-NU u li l-membri tagħha għandhom jikkoperaw mal-UNHCR; billi madankollu l-Libja ma rratifikatx il-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951, li hija l-unika konvenzjoni internazzjonali li tipprovdi definizzjoni komprensiva ta' rifuġjati, u li għandha tkun akkumpanjata minn miżuri ta' protezzjoni li jorbtu u mekkaniżmu speċifiku għall-monitoraġġ mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati,

F.  billi hemm provi sustanzjali tal-prattika ta' diskriminazzjoni mifruxa min-naħa tal-Libja fil-konfront tal-ħaddiema migranti fuq il-bażi tal-oriġini nazzjonali jew etnika tagħhom, b'mod partikolari tal-persekuzzjoni razzjali tagħha tal-ħaddiema migranti Afrikani, u billi l-Parlament Ewropew huwa mħasseb ħafna dwar l-atti ta' vjolenza sesswali li kienu rrapurtati li saru kontra n-nisa,

G.   billi l-Artikolu19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jipprojbixxi t-tneħħija, it-tkeċċija jew l-estradizzjoni ta' persuni lejn stat fejn dawn ikunu f'riskju serju li jkunu suġġetti għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti,

H.   billi l-Libja kienet eletta fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-13 ta' Mejju 2010 u rratifikat diversi strumenti tad-drittijiet tal-bniedem u billi, bħala konsegwenza, il-Libja għandha obbligi speċifiċi ġuridiċi internazzjonali biex tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, iżda s'issa naqset li tieħu miżuri konkreti biex ittejjeb ir-rekord tagħha tad-drittijiet tal-bniedem u li tniedi kooperazzjoni ġenwina mal-Proċeduri Speċjali u mal-Korpi tat-Trattati tan-NU; billi d-drittijiet tal-bniedem huma indiviżibbli, iżda minkejja dan u t-tgawdija ta' xi benefiċċji ekonomiċi u ta' benessri dovuti għad-distribuzzjoni tad-dħul nazzjonali min-naħa tal-Istat, il-Libjani u l-barranin fil-Libja ma jgawdux mill-parti l-kbira tad-drittijiet politiċi u ċivili, jiġifieri l-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni, id-dritt għall-proċess ġust, id-drittijiet marbuta max-xogħol, id-drittijiet tan-nisa u elezzjonijiet ħielsa, u billi każijiet ta' detenzjoni arbitrarja, tortura, għajbien involontarju u diskriminazzjoni jseħħu ta' spiss, u jaffettwaw b'mod partikulari lill-migranti,

I.   billi l-eżerċizzju tal-poter tal-Istat fil-Libja mhux ankrat fl-istat tad-dritt jew fir-responsabilità demokratika u wassal għal aġir arbitrarju u imprevedibbli rigward persuni u interessi barranin, bħal ma ġara reċentement ma' negozjanti Svizzeri, u barranin ġustizzjati għal kriminalità komuni, li l-identità tagħhom ma kinitx żvelata,

1.  Jindirizza, fil-kuntest tan-negozjati attwali tal-Ftehim ta' Qafas, dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

   (a) jinnota d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill li finalment jippermetti li numru limitat ta' Membri Parlamentari jaqra l-mandat mogħti lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta' Qafas bejn l-UE u l-Libja; jiddispjaċih madankollu dwar id-dewmien fit-teħid ta' din id-deċiżjoni li l-PE jingħata aċċess għall-mandati għall-ftehimiet internazzjonali kollha fil-proċess ta' negozjati, skont l-Artikolu 218(10) TFUE, li jgħid li l-Parlament għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;
   (b) jilqa' l-ftuħ tan-negozjati bejn l-UE u l-Libja, bħala pass lejn l-iżvilupp ta' relazzjoni ġdida għall-UE fir-reġjun tal-Mediterran u fl-Afrika; iqis il-kooperazzjoni mal-Libja bħala utli fl-indirizzar ta' kwistjonijiet bħas-sigurtà u l-istabilità, il-migrazzjoni, is-saħħa pubblika, l-iżvilupp, il-kummerċ, it-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-kultura;
   (c) iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrakkomandaw bil-qawwa li l-Libja tirratifika u timplimenta l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 tagħha, inkluża l-koperazzjoni sħiħa mal-UNHCR sabiex tiggarantixxi protezzjoni adegwata u drittijiet għall-migranti, u tadotta leġiżlazzjoni għall-asil li tirrikonoxxi l-istatus u d-drittijiet tar-rifuġjati skont il-Konvenzjoni u l-Protokoll, b'mod partikulari l-projbizzjoni tat-tkeċċija kollettiva u l-prinċipju ta' “non-refoulment”;
   (d) ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-obbligi tagħhom li jiżguraw il-konformità sħiħa tal-politika esterna tal-UE mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha, li jipprojbixxi t-tkeċċija kollettiva u jirrikonoxxi l-prinċipju tan-“non-refoulement”;
   (e) iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jitolbu lill-awtoritajiet Libjani jiffirmaw Memorandum ta' Qbil li jikkonċedi lill-UNHCR preżenza legali fil-pajjiż, b'mandat biex teżerċita l-firxa kompluta tal-attivitajiet ta' aċċess u protezzjoni tagħha;
   (f) iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li ftehim ta' riammissjoni mal-Libja jista' jitqies biss għall-immigranti irregolari, bl-esklużjoni għalhekk ta' dawk li jiddikjaraw lilhom infushom persuni li qed ifittxu asil, rifuġjati jew persuni fil-bżonn ta' protezzjoni, u jtenni li l-prinċipju ta' “non-refoulement” japplika għal kull persuna li tkun f'riskju tal-piena tal-mewt, trattament inuman jew tortura;
   (g) jistieden lill-Kunsill biex joffri risistemazzjoni lil rifuġjati rikonoxxuti identifikati mill-UNHCR fil-Libja skont l-Aġenda dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-Migrazzjoni tal-4 ta' Ottubru 2010;
   (h) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex issaħħu l-appoġġ tagħhom għall-attivitajiet tal-UNHCR filwaqt li jippromwovu mal-awtoritajiet Libjani r-rispett għall-istandards umanitarji internazzjonali għall-migranti mingħajr dokumenti fil-pajjiż, inkluż l-aċċess sistematiku tal-UNHCR għaċ-ċentri ta' detenzjoni;
   (i) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipproponu assistenza lil-Libja, bl-involviment tal-UNHCR, l-IOM, l-ICMPD bil-għan li tkun indirizzata l-problema tat-traffikar tal-bnedmin fir-reġjun, b'attenzjoni speċjali għall-protezzjoni tan-nisa u t-tfal, inkluża għajnuna għall-integrazzjoni tal-migranti legali u għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-migranti li jinstabu illegalment fil-pajjiż; fil-kuntest ta' dan il-għan jilqa' l-ftehim dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni ffirmat bejn il-Kummissarji Mälmstrom u Füle u l-awtortajiet Libjani f'Ottubru 2010;
   (j) iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżvela lill-Parlament l-informazzjoni dettaljata kollha marbuta ml-istrumenti finanzjarji esterni użati għall-Ftehim ta' Sħubija UE-Libja;
   (k) iħeġġeġ lill-Kunsill biex jinkoraġġixxi lil-Libja tikkommetti ruħha għal moratorju fuq il-piena tal-mewt, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-UNGA adottati fit-18 ta' Diċembru 2007 u t-18 ta' Diċembru 2008, bl-għan tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, biex tippublika statistiċi dwar il-persuni kollha ġġustizzjati fil-Libja mill-2008 u tiżvela l-identità tal-persuni kkonċernati u l-akkużi li tagħhom instabu ħatja; jistieden lir-RGħ/VP biex tagħti prova tal-prijorità politika li l-UE tagħti lill-abolizzjoni tal-piena tal-mewt billi tqajjem il-kwistjoni sistematikament mal-awtoritajiet Libjani;
   (l) jistieden lill-Kunsill jinsisti dwar l-inklużjoni fil-Ftehim ta' Qafas ta' klawżola dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali, li twassal lil-Libja biex tikkunsidra r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma;
   (m) jistieden lill-Kunsill jipproponi lil-Libja kooperazzjoni fi programmi għat-tisħiħ tas-sinerġiji reġjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-kwistjonijiet ambjentali, bħat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tal-ilma u d-deżertifikazzjoni;
   (n) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu, waqt in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Qafas, il-parteċipazzjoni tal-Libja fis-Sħubija Ewro-Mediterranja u fl-attivitajiet u l-proġetti prinċipali tal-Unjoni għall-Mediterran;
   (o) jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta bis-sħiħ l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 218 TFUE billi tinforma lill-Parlament dwar dak li qed jiġi mitlub mill-UE fil-“kooperazzjoni nukleari” mal-Libja taħt il-kapitolu “Enerġija” fin-negozjati għall-Ftehim ta' Qafas, inkluż l-implikazzjonijiet politiċi u ta' sigurtà kollha;
   (p) jifraħ lill-awtoritajiet u lill-professjonisti tas-saħħa Libjani dwar it-titjib notevoli fil-kapaċitajiet mediċi u xjentifiċi biex jittrattaw l-HIV-AIDS, li nkiseb permezz tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Bengażi, implimentat konġuntament mill-UE u mil-Libja, u jappoġġja l-estensjoni mitluba ta' kooperazzjoni bħal din għal mard infettiv ieħor u ċentri mediċi oħra fil-Libja; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jestendu l-kura tas-saħħa speċjalizzata lill-pazjenti Libjani, inkluża l-faċilitazzjoni ta' trattament temporanju fl-istituzzjonijiet speċjalizzati fl-Ewropa;
   (q) iqis li l-Ftehim ta' Qafas għandu jinkludi għajnuna għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali, bħala mezz għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili, appoġġ għall-modernizzazzjoni, inkoraġġiment għar-riformi demokratiċi, midja indipendenti u ġudikatura indipendenti, u inkoraġġiment għal sforzi oħra biex jinfetaħ spazju għan-negozju, għad-dinja akkademika, għall-NGOs u għal partijiet interessati oħra Libjani;
   (r) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-programmi mfassla għall-kummerċ jiffukaw fuq l-għoti ta' appoġġ reali lill-intrapriżi, partikolarment negozji żgħar u medji, sabiex ikun massimizzat il-potenzjal tal-esportazzjoni tagħhom;
   (s) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu lil-Libja tirrispetta bis-sħiħ l-impenji li ħadet meta aderiet għall-UNHRC u għalhekk iħeġġeġ lil-Libja biex toħroġ stedina permanenti lil dawk maħtura fil-kuntest tal-Proċeduri Speċjali tan-NU, bħar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extra-ġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura, ir-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà tal-espressjoni u r-Rapporteur Speċjali dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma dwar id-detenzjoni arbitrarja, kif mitlub fl-Eżami Perjodiku Universali tal-Libja; jistieden, bl-istess spirtu, għall-aċċess bla xkiel għall-pajjiż għal skrutinju indipendenti tas-sitwazzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem;
   (t) jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li l-viżi ta' Schengen għal-Libjani jinħarġu mingħajr dewmien bla bżonn, biex jeżamina proċeduri oħra ta' faċilitazzjoni u biex jipperswadi lill-awtoritajiet Libjani biex jiffaċilitaw il-viżi għall-Ewropej li għandhom residenza jew attivitajiet professjonali fil-Libja;
   (u) jirrakkomanda l-istabbiliment ta' Delegazzjoni tal-UE fi Tripli malajr kemm jista' jkun;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(1) ĠU C 244E, 18.10.2007, p. 208.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0246.


Is-sitwazzjoni tal-Kristjani fil-kuntest tal-libertà tar-reliġjon
PDF 241kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
P7_TA(2011)0021RC-B7-0039/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, u b'mod partikolari dik tal-15 ta' Novembru 2007 dwar avvenimenti serji li jikkompromettu l-eżistenza tal-komunitajiet Insara(1) u dik ta' komunitajiet reliġjużi oħra(2), dik tal-21 ta' Jannar 2010 dwar l-attakki li saru fuq il-komunitajiet Insara, dik tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, in-Niġerja(3), dik tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan(4) u dik tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-iraq: il-piena tal-mewt (notevolment il-każ ta' Tariq Aziz) u l-attakki kontra l-komunitajiet Insara(5),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(6);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażata fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u b'mod partikolari r-rapporti tagħha tad-29 ta' Diċembru 2009, tas-16 ta' Frar 2010 u tal-29 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidraw l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliemi ta' Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni wara l-attakk kontra l-kongregazzjoni fi knisja Kopta f'Lixandra, l-Eġittu, fl-1 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek, dwar l-isplużjoni qattiela fi knisja fl-Eġittu fl-1 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha; billi l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-libertajiet ċivili huwa l-bażi komuni li fuqha l-Unjoni Ewropea tibni r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u dwaru tipprovdi l-klawsola dwar id-demokrazija fil-ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi,

B.  billi l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistqarr li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed ikollu jew jadotta r-reliġjon jew it-twemmin tal-għażla tiegħu, u l-libertà li, waħdu jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim,

C.  billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon tapplika għal dawk li jħaddnu reliġjon, iżda wkoll għall-atei, għall-anjostiċi u għall-persuni li m'għandhomx twemmin,

D.  billi fl-2010 kien hemm żieda fin-numru ta' attakki fuq il-komunitajiet Insara madwar id-dinja kif ukoll fin-numru ta' proċessi u sentenzi tal-mewt għall-blasfemija, li spiss jaffettwaw lin-nisa; billi l-istatistika dwar il-libertà reliġjuża f'dawn l-aħħar snin turi li l-parti l-kbira tal-atti vjolenti ta' nisel reliġjuż saru kontra l-Insara, kif indikat fir-rapport tal-2009 dwar il-Libertà Reliġjuża fid-Dinja mħejji mill-organizzazzjoni “Għajnuna għall-Knisja fil-Bżonn”; billi f'xi każijiet il-qagħda li magħha qed iħabbtu wiċċhom il-komunitajiet Insara hija tali li tipperikola l-eżistenza tagħhom fil-ġejjieni, u jekk kellhom jgħibu, dan jimplika t-telf ta' parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tal-pajjiżi kkonċernati,

E.  billi għal darb' oħra ħajjiet inqatgħu ħesrem f'attakki atroċi maħsub biex jolqtu lill-komunità Nisranija fin-Niġerja fil-11 ta' Jannar 2011; billi fl-24 ta' Diċembru 2010 saru attakki fuq bosta knejjes f'Maiduguri u billi fil-25 ta' Diċembru 2010 seħħew attakki bil-bombi fil-belt Niġerjana ta' Jos, li fihom inqatlu 38 persuna ċivili u sfaw midruba tużżani ta' persuni oħra; billi fil-21 ta' Diċembru 2010 rġiel armati bis-sjuf u l-machetes ħebbew għal grupp ta' Nsara lokali tal-villaġġi, qatlu 3 min-nies u darbu 2 oħra f'Turu, fin-Niġerja; billi fit-3 ta' Diċembru 2010 nstabu mejta 7 Nsara, fosthom nisa u tfal, filwaqt li 4 persuni oħra tħallew midruba f'attakk fil-belt ta' Jos, fin-Niġerja,

F.  billi l-assassinju ta' Salman Taseer, Gvernatur tal-Punjab, fl-4 ta' Jannar 2011, kif ukoll il-każ ta' Asa Bibi fil-Pakistan, ipprovokaw protesti mill-komunità internazzjonali,

G.  billi attakk terroristiku fuq Insara Kopti qatel u darab ċivili innnoċenti f'Lixandra fl-1 ta' Jannar 2011,

H.  billi fil-25 ta' Diċembru 2010 qassis u tifla ta' 9 snin kienu fost il-11-il ruħ li sfaw midruba meta splodiet bomba f'kappella f'Jum il-Milied, f'Sulu, fil-Filippini,

I.  billi ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Milied fil-knisja lokali ta' San Sinesios fil-villaġġ ta' Rizokarpaso fit-Tramuntana ta' Ċipru sfat interrotta bil-forza fil-25 ta' Diċembru 2010,

J.  billi fit-30 ta' Diċembru 2010 attakki terrosirtiċi jihadi kontra familji Nsara Assirjani ħallew tal-anqas żewġ persuni mejta u 14-il persuna midruba f'sensiela ta' attakki koordinati bil-bombi fuq djar tal-Insara f'Bagdad, l-Iraq; billi fis-27 ta' Diċembru 2010 bomba mħollija fil-ġenb ta' triq qatlet mara Nisranija Assirjana u darbet ir-raġel tagħha f'Dujail, fl-Iraq; billi żewġ Insara Iraqini nqatlu f'Mosul fit-22 ta' Novembru 2010; billi sensiela ta' attakki fuq inħawi Nsara qatlu ċivili innoċenti f'Bagdad fl-10 ta' Novembru 2010; billi nqatlu 52 persuna, fosthom nisa u tfal, fil-massakru tal-1 ta' Novembru 2010 fil-Knisja Kattolika Sirjana tal-Madonna tal-Ħelsien f'Bagdad,

K.  billi l-gvern Iranjan intensifika l-kampanja tiegħu kontra l-Insara fir-Repubblika Iżlamika, b'aktar minn 100 ruħ arrestati f'dan l-aħħar xahar, bir-riżultat li ħafna ġġiegħlu jaħarbu mill-pajjiż jew jiffaċċaw akkużi kriminali u l-possibbiltà ta' sentenza tal-mewt,

L.  billi anki fil-Vjetnam, l-attivitajiet tal-Knisja Kattolika u ta' komunitajiet reliġjużi oħra ġew ripressi bil-qawwa, kif turi l-qagħda serja li qed jaffrontaw il-komunitajiet tal-“montagnards” Vjetnamiżi; billi, madankollu, nistgħu nilqgħu il-bidla tal-attitudni tar-reġim tal-Vjetnam rigward il-każ tal-qassis Nguyen Van Ly, li wasslet biex inħeles,

M.  billi attakki min-naħa ta' estremisti Iżlamisti vjolenti huma wkoll attakki fuq ir-reġim attwali tal-istati kkonċernati, immirati biex joħolqu kunflitt u biex jagħtu bidu għal gwerra ċivili bejn il-gruppi reliġjużi differenti,

N.  billi l-Ewropa, bħal partijiet oħra tad-dinja, mhijiex ħielsa minn każijiet ta' ksur tal-libertà reliġjuża, minn attakki fuq membri ta' minoranzi reliġjużi abbażi tat-twemmin tagħhom, u mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' reliġjon,

O.  billi d-djalogu bejn il-komunitajiet huwa kruċjali għall-promozzjoni tal-paċi u tal-fehim reċiproku bejn il-popli,

1.  Jikkundanna l-attakki reċenti kontra minoranzi Nsara f'diversi pajjiżi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta' episodji ta' intolleranza u ripressjoni, u dwar ġrajjiet vjolenti reċenti kontra komunitajiet Insara, partikolarment fil-pajjiżi ta' l-Afrika, ta' l-Ażja u tal-Lvant Nofsani;

2.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati biex jidentifikaw lil dawk li ppjanaw u wettqu l-attakki fuq il-komunitajiet Insara; iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jiżguraw li dawk li wettqu dawn ir-reati u dawk kollha responsabbli għall-attakki, kif ukoll għal atti vjolenti oħra kontra l-Insara jew kontra reliġjonijiet jew minoranzi oħra, jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jgħaddu mill-qrati;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-Insara u kontra komunitajiet reliġjużi oħra kif ukoll kull tip ta' diskriminazzjoni u intolleranza bbażati fuq ir-reliġjon u t-twemmin kontra persuni reliġjużi, apostati u persuni bla twemmin; jenfasizza mill-ġdid li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

4.  Jinsab imħasseb dwar l-eżodu tal-Insara minn diversi pajjiżi, b'mod speċjali mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, f'dawn l-aħħar snin;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-liġi Pakistana kontra l-blasfemija, li opponieha pubblikament il-Gvernatur Salam Taseer li safa maqtul, għadha qed tintuża biex tippersegwita denominazzjonijiet reliġjużi, fosthom Insara bħal Asia Noreen, omm Nisranija b'ħamest itfal li ġiet ikkundannata għall-mewt, u li l-qattiel tal-Gvernatur Salam Taseer huwa ttrattat bħala eroj minn partijiet kbar tas-soċjetà Pakistana;

6.  Jilqa' r-reazzjoni tal-opinjoni pubblika fl-Eġittu li kkundannat bil-qawwi l-att terroristiku u li fehmet mill-ewwel li l-attakk sar biex jipperikola r-rabtiet soċjali b'saħħithom u fil-fond bejn l-Insara u l-Musulmani fl-Eġittu; jilqa' d-dimostrazzjonijiet konġunti min-naħa tal-Insara Koptiċi u l-Musulmani fl-Eġittu bi protesta kontra l-attakk; jilqa' wkoll il-kundanna pubblika tal-attakk mill-President tal-Eġittu Hosni Mubarak u x-Xejk il-Kbir ta' Al-Azhar u l-Mufti l-Kbir tal-Eġittu;

7.  Jikkundanna l-interruzzjoni bil-forza, min-naħa tal-awtoritajiet Torok, tal-Quddiesa tal-Milied iċċelebrata f'Jum il-Milied mit-300 Nisrani li għad fadal fil-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru;

8.  Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-abbuż tar-reliġjon minn dawk li jwettqu attakki terroristċi f'diversi nħawi tad-dinja; jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon f'diversi kunflitti politiċi;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' stati li fihom qegħdin jitwettqu livelli għoljin ta' attakki kontra denominazzjonijiet reliġjużi biex jieħdu responsabbiltà jiżguraw l-issuktar ta' prattiki reliġjużi pubbliċi u normali għad-denominazzjonijiet reliġjużi kollha, biex iżidu fl-isforzi tagħhom ħalli jipprovdu protezzjoni affidabbli u effiċjenti għad-denominazzjonijiet reliġjużi f'pajjiżhom u jiżguraw is-sikurezza personali u l-integrità fiżika tal-membri tad-denominazzjonijiet reliġjużi fil-pajjiż biex b'hekk ikunu konformi mal-obbligi tagħhom fi ħdan l-arena internazzjonali;

10.  Jerġa' jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi;

11.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu aktar attenzjoni għas-suġġett tal-libertà tar-reliġjon u għas-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi, inklużi l-Insara, fil-ftehimiet u fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi kif ukoll fir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin li ġej tal-31 ta' Jannar 2011 biex jiddiskuti l-kwestjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara u r-rispett tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, liema diskussjoni għandha twassal għal riżultati konkreti, speċjalment rigward l-istrumenti li jistgħu jintużaw ħalli jipprovdu sigurtà u protezzjoni għall-komunitajiet Insara mhedda, ikunu fejn ikunu fid-dinja;

13.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa b'urġenza strateġija tal-UE dwar l-infurzar tad-dritt tal-bniedem tal-libertà reliġjuża, inkluża lista ta' miżuri kontra stati li konxjament jonqsu milli jipproteġu denominazzjonijiet reliġjużi;

14.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli, fid-dawl tal-ġrajjiet ta' dan l-aħħar u tal-ħtieġa dejjem tkber li tiġi analizzata u mifhuma l-evoluzzjoni ta' żviluppi kulturali u reliġjużi fir-relazzjonijiet internazzjonali u fis-soċjetajiet kontemporanji, biex tiżviluppa kapaċità permanenti fi ħdan id-direttorat għad-drittijiet tal-bniedem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-monitoraġġ tar-restrizzjonijiet governamentali u soċjetali fuq il-libertà reliġjuża u drittijiet relatati, u biex tirrapporta kull sena lill-Parlament;

15.  Jistieden lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament biex jinkludu kapitlu dwar il-libertà reliġjuża fir-Rapport Annwali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

16.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jimxu skont l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 17 tat-TFUE li żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u mhux konfessjonali, biex jiżguraw li l-kwestjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara u ta' komunitajiet reliġjużi oħra tkun waħda prijoritarja li tiġi diskussa fuq bażi sistematika;

17.  Jistieden lill-mexxejja tal-komunitajiet reliġjużi kollha fl-Ewropa biex jikkundannaw l-attakki fuq i-komunitajiet Insara u fuq gruppi oħra ta' fidi fuq il-bażi ta' rispett ugwali għal kull denominazzjoni;

18.  Jerġa' jsostni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha li jfittxu jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn ir-reliġjonijiet u bejn komunitajiet oħra; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estremista;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-parlament u lill-gvern tal-Eġittu, lill-parlament u lill-gvern tal-Iraq, lill-parlament u lill-gvern tan-Niġerja, lill-parlament u lill-gvern tal-Pakistan, lill-parlament u lill-gvern tal-Filippini, lill-parlament u lill-gvern tal-Vjetnam u lill-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika.

(1) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 474.
(2) ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 7.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0157.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0194.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0448.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.


Is-sitwazzjoni fil-Belarus
PDF 217kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus
P7_TA(2011)0022RC-B7-0044/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-Bjelorussja(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja(2), li testendi kemm il-miżuri restrittivi kif ukoll is-sospensjoni tagħhom sal-31 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE) tal-20 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Dikjarazzjoni ta' Praga tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant ittenni l-impenji, inter alia tal-Bjelorussja, favur il-prinċipji tal-liġi internazzjonali u l-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,

B.  billi fil-25 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill “appella lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiżguraw li l-elezzjonijiet (presidenzjali) isiru f'konformità man-normi u l-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u mal-impenji tal-Bjelorussja fl-OSKE u n-NU”,

C.  billi l-Bjelorussja impenjat ruħha li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSKE u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) rigward titjib fil-liġi elettorali tagħha sabiex issir konformi mal-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u li tikkonsulta mal-OSKE rigward l-emendi proposti; billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Bjelorussja għaddiet riforma tal-Kodiċi Elettorali mingħajr ma l-ewwel ikkonsultat lill-OSKE,

D.  billi l-Kunsill tenna “d-disponibilità tiegħu li japprofondixxi r-relazzjonijiet tiegħu mal-Bjelorussja skont l-iżviluppi fil-Bjelorussja favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif ukoll id-disponibilità tiegħu li jgħin lill-pajjiż jilħaq dawn l-objettivi. Skont il-progress li jkun sar fil-Bjelorussja f'dawn l-oqsma, qal li huwa lest li jieħu l-passi meħtieġa biex jittejbu r-relazzjonijiet kuntrattwali mal-Bjelorussja”,

E.  billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja, iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi iżda li jissospendi l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE, it-tnejn li huma sal-31 ta' Ottubru 2011,

F.  billi skont “id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja” tal-AP OSKE u l-OSKE/ODIHR sar xi titjib qabel l-elezzjonijiet iżda ma baqax evidenti minħabba l-irregolaritajiet serji fil-jum tal-votazzjoni u l-vjolenza li faqqgħet fil-lejl tad-19 ta' Diċembru 2010,

G.  billi aktar minn 700 persuna ġew detenuti minħabba li ħadu sehem fid-dimostrazzjoni fid-19 ta' Diċembru 2010 f'Minsk, li l-biċċa l-kbira minnhom inħelsu wara li għamlu żmien qasir il-ħabs filwaqt li 24 attivist u ġurnalist tal-oppożizzjoni, fosthom 6 kandidati presidenzjali, ġew akkużati bl-“organizzazzjoni ta' diżordni tal-massa” kif ukoll b'attakki vjolenti u reżistenza armata, akkużi li jistgħu jwasslu għal sentenzi ta' ħabs ta' massimu ta' 15-il sena; billi 14-il persuna oħra jistgħu jiġu akkużati dalwaqt,

H.  billi r-repressjoni mill-pulizija tad-dimostrazzjoni tad-19 ta' Diċembru 2010 u iktar miżuri li ttieħdu mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kontra l-oppożizzjoni demokratika, il-midja ħielsa u l-attivisti tas-soċjetà ċivili ġew ikkundannati mill-President tal-Parlament Ewropew, mir-Rappreżentant Għoli tal-UE u mis-Segretarju Ġenerali tan-NU,

I.  billi l-avukati li jirrappreżentaw lid-dimostranti, lill-oppożizzjoni politika jew lill-familji tagħhom huma mhedda li titneħħielhom il-liċenzja jew li ma jitħallewx jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fil-qrati,

1.  Iqis, skont ir-riżultati tal-Konklużjonijiet Preliminari tal-AP OSKE u l-OSKE/ODIHR, li l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Diċembru 2010 ma laħqux l-istandards internazzjonali ta' elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti; iqis din il-votazzjoni bħala opportunità oħra li ma ġietx sfruttata għal tranżizzjoni demokratika fil-Bjelorussja u jitlob, fid-dawl tal-irregolaritajiet numerużi u serji rrappurtati mill-OSKE/ODIHR, li l-elezzjonijiet jerġgħu jsiru b'kundizzjonijiet ħielsa u demokratiċi skont l-istandards tal-OSKE;

2.  Jikkundanna l-użu ta' forza brutali mill-pulizija u s-servizzi tal-KGB kontra dawk id-dimostranti fil-Jum tal-Elezzjoni, u b'mod partikolari jesprimi l-għadab tiegħu dwar attakk brutali fuq is-Sur Niakliayeu, billi ż-żewġ każijiet huma eżempji ta' ksur serju tal-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, bħal-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem, u jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar it-tentattivi tal-awtoritajiet Bjelorussi li jieħdu fil-kustodja tal-istat lil Danil Sannikov, it-tifel ta' tliet snin tal-kandidat presidenzajli Andrei Sannikov, u lil Irina Khalip, ġurnalista investigattiva, li t-tnejn li huma ilhom arrestati mill-elezzjoni tad-19 ta' Diċembru 2010; huwa partikolarment mħasseb dwar l-istat ta' saħħa ta' Mikalay Statkevich, li ilu 31 jum fuq strike tal-ġuħ.

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni ta' dimostranti paċifiċi u tal-biċċa l-kbira tal-kandidati presidenzjali (e.g. Uladzimir Niakliayeu, Andrei  Sannikov, Mikalay Statkevich and Aleksey Michalevich); il-kapijiet tal-oppożizzjoni demokratika (e.g. Pavel Sevyarynets, Anatoly Lebedko),   kif ukoll ta' għadd kbir ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, għalliema u studenti li qed jaffaċċjaw sentenzi ta' massimu ta' 15-il sena ħabs; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti u imparzjali dwar l-avvenimenti taħt il-patroċinju tal-OSKE; jitlob li l-akkużi għal raġunijiet politiċi jiġu rtirati minnufih;

4.  Jikkundanna r-repressjonijiet u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex iwaqqfu minnufih kull forma ta' fastidju, intimidazzjoni jew theddid kontra l-attivisti tas-soċjetà ċivili inklużi razziji, tfittxijiet u konfiska ta' materjal f'appartamenti privati, binjiet ta' midja indipendenti u uffiċċji ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll tkeċċijiet mill-universitajiet u minn postijiet tax-xogħol;

5.  Jitlob b'insistenza li jinħeles minnufih u inkundizzjonatament kull min ġie detenut matul Jum l-Elezzjoni u warajh, fosthom il-priġunieri tal-kuxjenza rikonoxxuti minn Amnesty International; jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi jagħtu aċċess bla xkiel lid-detenuti għall-qraba, l-assistenza legali u l-kura medika;

6.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Bjelorussi li jwaqqfu l-missjoni tal-Uffiċċju tal-OSKE fil-Bjelorussja u jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirtiraw din id-deċiżjoni;

7.  Jikkundanna l-imblukkar ta' għadd ta' websajts ewlenin tal-Internet, inklużi kanali ta' netwerking u websajts tal-oppożizzjoni, f'Jum l-Elezzjoni fil-Bjelorussja; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-midja fil-Bjelorussja ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali u għalhekk jitlob lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirreveduha u jemendawha;

8.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jeżaminaw mill-ġdid il-politika tal-UE dwar il-Bjelorussja u biex jikkunsidraw sanzjonijiet ekonomiċi mmirati u l-iffriżar tal-għajnuna makrofinanzjarja kollha mogħtija permezz ta' self mill-FMI kif ukoll l-operazzjonijiet ta' self minn programmi tal-BEI u tal-BERŻ; jenfasizza l-ħtieġa li l-PEV u l-għajnuna nazzjonali għall-Bjelorussja jiġu orjentati mill-ġdid biex ikun żgurat appoġġ xieraq għas-soċjetà ċivili; itenni l-importanza tal-użu effikaċi tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, bil-mezzi finanzjarji u politiċi kollha, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Bjelorussa, il-midja indipendenti (fosthom TV Belsat, ir-Radju Ewropew għall-Bjelorussja, Radio Racja u oħrajn) u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Bjelorussja biex jippromwovu d-demokrazija u jopponu r-reġim; jara l-ħtieġa li jittejbu u jiġu ffaċilitati r-relazzjonijiet tal-NGOs Bjelorussi mal-komunità internazzjonali tal-NGOs; fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf il-kooperazzjoni attwali u biex tirtira l-għajnuna tagħha għall-midja tal-istat fil-Bjelorussja; fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tiffinanzja l-istampar mill-ġdid u d-distribuzzjoni ta' kotba tal-poeżija minn Uladzimir Niakliayeu, li reċentement ġew konfiskati u maħruqa mill-awtoritajiet tal-Bjelorussja;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa mekkaniżmu ta' reġistrazzjoni tal-NGOs li tinċaħdilhom ir-reġistrazzjoni fil-Bjelorussja għal raġunijiet politiċi, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi tal-UE;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli u żżid l-għajnuna finanzjarja lill-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi (EHU) ibbażata f'Vilnjus, il-Litwanja, biex iżżid l-għadd ta' boroż ta' studju għall-istudenti Bjelorussi, li ġew repressi minħabba l-attivitajiet ċiviċi tagħhom u li tkeċċew mill-universitajiet u biex tikkontribwixxi għall-konferenza tad-donaturi tal-organizzazzjoni “Solidarjetà mal-Bjelorussja” li se ssir f'Varsavja fit-2 ta' Frar 2011 u l-konferenza sussegwenti f'Vilnjus mit-3 sal-4 ta' Frar 2011;

12.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jerġgħu japplikaw minnufih il-projbizzjoni tal-ħruġ ta' viżi għall-awtoritajiet Bjelorussi ewlenin filwaqt li jestenduha għall-uffiċjali tal-istat, il-membri tal-ġudikatura u l-uffiċjali tas-sigurtà li jistgħu jitqiesu responsabbli għat-tbagħbis tal-votazzjoni u għar-repressjonijiet brutali u l-arresti postelettorali ta' membri tal-oppożizzjoni, kif ukoll biex jiffriżawlhom l-assi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sanzjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ tal-anqas sakemm il-priġunieri u d-detenuti politiċi kollha jinħelsu u jiġu rtirati l-akkużi kontrihom; jilqa' l-eżempju tajjeb tal-Gvern Pollakk, li imponew ir-restrizzjoni tagħhom stess fuq l-ivvjaġġar għar-rappreżentanti tar-reġim ta' Minsk u li fl-istess ħin issimplifikaw l-aċċess għall-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini Bjelorussi;

13.  Jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-possibbiltà li jissospendi l-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fl-attivitajiet tas-Sħubija tal-Lvant mhux aktar tard minn matul is-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant f'Budapest jekk ma tingħatax spjegazzjoni aċċettabbli u jekk is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja ma titjiebx b'mod sinifikanti; din is-sospensjoni m'għandhiex tapplika għall-NGOs u s-soċjetà ċivili;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jintensifikaw il-ħidma fuq id-direttivi tan-negozjati għall-ftehim ta' riammissjoni u għall-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, li jinkludu ħlasijiet raġonevoli għall-viżi sabiex jittejbu l-kuntatti interpersonali;

15.  Jistenna li l-Istati Membri tal-UE ma jdgħajfux l-azzjoni tal-UE b'inizjattivi bilaterali mar-reġim Bjelorussu li jikkompromettu l-kredibilità u l-effikaċja tal-politika barranija Ewropea;

16.  Huwa tal-fehma li avvenimenti sportivi, bħall-Kampjonati Dinjija tal-Hockey fuq is-Silġ fl-2014, m'għandhomx isiru fil-Bjelorussja waqt li jkun għad hemm priġunieri politiċi f'dak il-pajjiż;

17.  Jiddispjaċih rigward id-deċiżjoni min-naħa tal-Federazzjoni Russa li tirrikonoxxi l-elezzjonijiet kif ukoll li tiddeskrivi r-repressjoni bħala “kwistjoni interna”; jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tniedi djalogu, konsultazzjonijiet u koordinazzjoni politika mal-ġirien tal-Bjelorussja li mhumiex fl-UE, li tradizzjonalment għandhom relazzjonijiet speċjali ma' dak il-pajjiż u huma wkoll sħab tal-UE, partikolarment ir-Russja u l-Ukraina, sabiex timmassimizza l-effiċjenza tal-politika tal-UE għall-Bjelorussja u biex tikkoopera fil-bilanċ xieraq għar-reazzjoni kontra d-defiċit demokratiku u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja bil-ħtieġa li tiġi evitata l-iżolazzjoni internazzjonali tal-Bjelorussja;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-Istati Membri tal-UE, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bjelorussja u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.

(1) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 16.
(2) ĠU L 280, 26.10.2010, p. 18.


Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009
PDF 360kWORD 135k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009 (2010/2137(INI))
P7_TA(2011)0023A7-0374/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009 (COM(2010)0282) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li huwa mehmuż mar-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009 (SEC(2010)0666),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament KE dwar il-Merġers)(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2008 dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti(3) (il-Komunikazzjoni Bankarja),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2008 dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni mhux mistħoqqa(4) (il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2009 dwar it-trattament ta' assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità(5) (il-Komunikazzjoni dwar Assi Indeboliti),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2009 dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat(6) (il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar), b'dawn l-aħħar erba' Komunikazzjonijiet minn issa “l quddiem imsemmija flimkien bħala ”l-erba' Komunikazzjonijiet għas-settur finanzjarju“,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar qafas temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali(7) (il-Qafas Temporanju),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Frar 2009 bit-titolu “Linji gwida dwar il-prijoritajiet ta' infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti”(8),

–  wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat(9), l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti tipi ta' għajnuna mill-Istat(10) u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali(11) (il-Pakkett ta' Simplifikazzjoni),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent(12),

–  wara li kkunsidra t-Tabelli ta' Valutazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat għar-Rebbiegħa 2009 (COM(2009)0164), għall-Ħarifa 2009 (COM(2009)0661) u għar-Rebbiegħa 2010 (COM(2010)0255),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007(13) u tad-9 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008(14),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa(15),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż ta' poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea(16),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumaturi u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7–0374/2010),

A.  billi ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kriżi finanzjarja u ekonomika ta' dawn l-aħħar sentejn qajmu l-ħtieġa għal miżuri eċċezzjonali; billi l-isforzi tal-Kummissjoni għenu sabiex jiġu stabilizzati s-swieq finanzjarji filwaqt li fl-istess ħin tiġi mħarsa l-integrità tas-Suq Uniku,

B.  billi, fi żminijiet ta' kriżi, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-istabilità finanzjarja, jerġgħu jiġu stabbiliti l-flussi tal-kreditu u tiġi rriformata s-sistema finanzjarja biex is-swieq jaħdmu sewwa, u billi r-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom għalhekk jiġu applikati b'mod flessibbli imma strett,

C.   billi l-protezzjoniżmu u n-nuqqas ta' infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni jservu biss biex japprofondixxu l-kriżi u jtawluha,

D.   billi l-politika tal-kompetizzjoni hija għodda essenzjali biex tgħin lill-UE jkollha suq intern dinamiku, effiċjenti u innovattiv, u biex tkun kompetittiva fix-xena dinjija, kif ukoll biex tegħleb il-kriżi finanzjarja,

E.   billi l-iżbilanċi tal-baġit li qed jikbru u l-livelli tad-djun pubbliċi li qed jogħlew f'bosta Stati Membri jistgħu jkomplu jżommu lura l-pass tal-irkupru ekonomiku u tat-tkabbir ekonomiku għal snin sħaħ,

F.   billi l-gvernijiet tal-Istati Membri, bħala reazzjoni għall-kriżi ekonomika, taw ammont konsiderevoli ta' għajnuna statali fil-forma, pereżempju, ta' skemi ta' garanzija, skemi ta' rikapitalizzazzjoni u forom komplementari ta' għajnuna f'likwidità fuq iffinanzjar bankarju; billi dawn il-miżuri pprovdew lill-banek b'sors sinifikattiv ta' ffinanzjar u ta' assigurazzjoni kontra r-riskji li normalment is-settur finanzjarju jiffaċċja,

G.   billi l-analiżijiet empiriċi jissuġġerixxu li din l-għajnuna statali ġġenerat għadd ta' effetti u distorsjonijiet, bħalma huwa tnaqqis tal-marġni tal-bonds privati, li jeħtieġ li jitqiesu meta tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-għajnuna jew meta r-regoli eċċezzjonali fis-seħħ jiġġeddu għal żmien itwal,

H.   billi l-governanza fiskali hija fattur importanti għaż-żamma ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-kompetizzjoni, u għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern,

I.  billi l-kompetizzjoni għadha mhix perfetta fis-settur tal-enerġija, fil-produzzjoni agrikola u f'setturi oħrajn,

J.  billi l-iżvilupp b'suċċess tal-SMEs f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ħielsa huwa wieħed mill-aktar prekondizzjonijiet essenzjali biex tingħeleb b'mod effikaċi l-kriżi finanzjarja,

Kummenti ġenerali

1.  Jilqa' r-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009;

2.  Huwa sodisfatt jinnota li l-Kummissjoni mal-ewwel irreaġixxiet għall-kriżi; jifraħ lill-Kummissjoni għall-użu effettiv tagħha tal-miżuri dwar il-politika tal-kompetizzjoni f'ċirkostanzi eċċezzjonali;

3.  Ikompli jappoġġa rwol aktar attiv għall-Parlament fit-tfassil tal-politika tal-kompetizzjoni permezz tal-introduzzjoni ta' rwol ta' koleġiżlazzjoni; jitlob li l-Parlament jiġi infurmat regolarment b'kull inizjattiva f'dan il-qasam;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex għal darb'oħra, bħala l-unika awtorità kompetenti għall-kompetizzjoni fl-UE kollha, tirrapporta fid-dettall u kull sena lill-Parlament dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u biex tispjega kull diverġenza mir-rakkomandazzjonijiet li jkun għamel il-Parlament; jinnota li t-tweġiba mill-Kummissjoni għar-Rapport tal-Kompetizzjoni tal-Parlament għall-2008 hija sempliċi sommarju tal-azzjonijiet li ttieħdu, u ma tipprovdi l-ebda għarfien dwar l-effikaċja tal-miżuri;

5.  Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni tal-UE bbażata fuq il-prinċipji ta' swieq miftuħa u kundizzjonijiet ugwali fis-setturi kollha hija l-pedament ta' suq intern ta' suċċess u prekundizzjoni għall-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u bbażati fuq l-għarfien;

6.  Jenfasizza s-sejħiet tiegħu għall-konsistenza bejn il-politiki u l-prijoritajiet kollha tal-UE inklużi fl-istrateġija 2020 tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza li dan huwa ta' importanza speċjali fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni;

7.  Jisħaq fuq l-importanza tas-servizzi ta' interess ġenerali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi tal-pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-qafas provdut mit-Trattat ta' Lisbona meta tkun qiegħda tikkonkludi l-ħidma tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE dwar is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u jitlob biex ikun involut mill-qrib fis-segwitu tal-Kummissjoni għall-konsultazzjoni miftuħa dwar ir-regoli tal-għajnuna statali għas-Servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu regoli tal-kompetizzjoni ċari li jkunu ta' għajnuna u utli għall-SMEs;

9.  Jirrimarka li l-SMEs huma partikolarment importanti għall-ekonomija Ewropea kollha kemm hi; jenfasizza, barra minn hekk, il-potenzjal kbir ta' innovazzjoni tal-SMEs u jtenni t-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi kapitolu ddedikat li jiffoka fuq kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta u mhux diskriminatorja għall-SMEs;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu minn nies esperti indipendenti u affidabbli għall-valutazzjonijiet u l-istudji meħtieġa għall-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni; iħeġġiġha tippubblika r-riżultati tagħhom;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li “fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur”, jiġi implimentat f'leġiżlazzjoni tas-suq intern fil-ġejjieni;

12.  Jitlob li l-Kummissjoni fir-rapport annwali tagħha tesponi b'aktar qawwa l-vantaġġi tal-kompetizzjoni għall-konsumaturi;

13.  Jilqa' b'interess ir-Rapport dwar il-funzjonament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, ippreżentat mill-Kummissjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u, filwaqt li jaqbel li huwa pedament fil-proċess tal-modernizzazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u tal-koordinament tal-azzjoni mill-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali, jinnota l-ħtieġa li jingħelbu d-differenzi ta' opinjoni rigward it-twaqqif tal-prijoritajiet, l-aspetti importanti tal-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni u l-funzjonament tas-sistemi ta' kooperazzjoni sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni aktar effikaċi;

14.  Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-iżvilupp ta' sinerġiji bejn il-politika tal-kompetizzjoni u dik tal-ħarsien tal-konsumatur, inkluż permezz tal-ħolqien ta' forma ta' rimedju kollettiv Ewropew għall-vittmi individwali tal-vjolazzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, ibbażata fuq il-prinċipju ta' parteċipazzjoni fakultattiva (opt-in) u filwaqt li jitqiesu l-kriterji stabbiliti fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2009 li tistipula li l-kumpens għandu jitħallas biss lill-grupp ta' persuni identifikat jew lil persuni nnominati minnhom għad-danni li jkunu effettivament batew; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-modi kif mekkaniżmu bħal dan ikun jista' jiġi inkorporat fis-sistemi legali nazzjonali eżistenti;

15.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar il-Green Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust(17) u jenfasizza li l-proposta leġiżlattiva pendenti fir-rigward tiegħu għandha tinkludi l-kontenut tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-White Paper: Azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust(18); jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni, mingħajr ma ddgħajjifha b'mod li ma jkunx meħtieġ, biex tiffaċilita talbiet individwali u kollettivi għal kumpens effettiv għal danni li jirriżultaw minn ksur tal-liġi tal-antitrust tal-UE; leġiżlazzjoni bħal din għandha tkun ta' natura transsettorjali, tevita l-eċċessi tas-sistema tal-Amerika ta' Fuq u tiġi adottata bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kodeċiżjoni);

16.  Jenfasizza li appoġġa t-talba tal-Kummissjoni biex jiġu allokati aktar riżorsi għall-persunal tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni fil-baġit tal-2011; jitlob li jiġi mgħarraf dwar kif ikunu ntużaw ir-riżorsi addizzjonali; ifakkar fit-talba tiegħu biex persunal attwali tal-Kummissjoni jerġa' jiġi assenjat lill-kompetenzi ewlenin tal-Kummissjoni;

17.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' politika tal-kompetizzjoni li jkollha suċċess u l-funzjonament bla restrizzjonijiet tas-suq intern huma prekondizzjonijiet essenzjali għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni Ewropea;

18.  Jenfasizza li l-isforzi attwali favur il-konsolidament fiskali u l-irkupru sostenibbli għandhom jintużaw mill-Istati Membri biex isir progress biex ikun hemm kundizzjonijiet fiskali aktar ugwali;

19.  Iqis li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni u r-rinforz ta' standards miftuħa u tal-interoperabilità biex jiġi evitat li jkun hemm irbit teknoloġiku tal-konsumaturi u tal-klijenti ma' minoranza ta' parteċipanti fis-suq;

Kapitolu ta' Approfondiment: Il-Politika tal-Kompetizzjoni u l-Kriżi Finanzjarja u Ekonomika

20.  Jilqa' r-regoli temporanji dwar l-għajuna mill-Istat bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, li huma l-erba' Komunikazzjonijiet għas-settur finanzjarju u l-Qafas Temporanju dirett lejn is-setturi l-oħra; jinnota l-estensjoni għal sena oħra tal-applikazzjoni tal-miżuri temporanji dwar l-għajnuna statali;

21.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li dawn il-miżuri, li huma temporanji fin-natura, finalment jistgħu ma jirriżultawx daqstant temporanji; jisħaq fuq il-ħtieġa li jieqfu l-miżuri u l-eżenzjonijiet temporanji mill-aktar fis, b'mod partikolari fis-settur awtomotiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi ċarezza dwar il-kriterji ta' tmiem gradwali li se jintużaw biex tittieħed deċiżjoni dwar l-estensjoni possibbli tagħhom;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tqis jekk il-qafas temporanju eżistenti hux qiegħed jagħti kontribut reali biex jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet fl-Unjoni kollha u jekk l-applikazzjoni b'diskrezzjoni tal-qafas hijiex qiegħda tagħti l-aħjar riżultat f'dan ir-rigward;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji valutazzjoni dettaljata tad-deċiżjonijiet adottati fil-qafas tal-applikazzjoni tal-miżuri temporanji dwar l-għajnuna statali bi tweġiba għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, filwaqt li tqis l-ambitu u l-grad ta' trasparenza u konsistenza tal-miżuri differenti li huma bbażati fuq il-qafas, u biex tehmeż din il-valutazzjoni mar-rapport annwali li jmiss tagħha dwar il-kompetizzjoni;

24.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippubblika, fl-2010, rapport komprensiv dwar l-effikaċja tal-għajnuna statali mogħtija għall-“irkupru aħdar” u l-għajnuna statali għall-ħarsien tal-ambjent;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li terġa' tinġieb fl-istat li kienet fih il-pożizzjoni kompetittiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji li ma rrikorrewx għar-regoli temporanji dwar l-għajnuna statali;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-banek iħallsu lura l-għajnuna statali hekk kif jirkupra s-settur finanzjajru, biex b'hekk jiżguraw kompetizzjoni ġusta fis-suq intern u kundizzjonijiet ta' ħruġ ugwali għal kulħadd;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara l-miżuri vinkolanti ta' ristrutturar marbuta ma' effetti potenzjali ta' distorsjoni li jirriżultaw f'differenzi fil-kundizzjonijiet tal-ħlas lura bejn l-Istati Membri;

28.  Jenfasizza madankollu li l-konsolidament li għaddej bħalissa fis-settur bankarju fil-fatt żied is-sehem tas-suq ta' bosta istituzzjonijiet finanzjarji kbar, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni żżomm għajnejha fuq is-settur biex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq bankarji Ewropej, anke bi pjanijiet ta' ristrutturar li jeħtieġu s-separazzjoni ta' attivitajiet bankarji f'każijiet meta d-depożiti tal-konsumaturi jkunu ntużaw għal sussidji trasversali għal attivitajiet bankarji ta' investiment li jinvolvu riskju ikbar;

Eżami tar-regoli temporanji tal-għajnuna statali adottati b'reazzjoni għall-kriżi

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproduċi studju li juri l-impatt tal-miżuri ta' għajnuna statali fuq l-ekonomija;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament analiżi dettaljata tal-impatti li l-għajnuna statali kellha fuq il-kompetizzjoni matul il-kriżi;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, wara valutazzjoni tal-impatt komprensiva bħal din, timplimenta miżuri korrettivi fejn ikun meħtieġ biex tiżgura kundizzjonijiet ugwali fis-suq uniku;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi dettaljata tal-konsegwenzi tal-mekkaniżmi riveduti tal-għajnuna statali adottati b'reazzjoni għall-kriżi, fir-rigward tal-kompetizzjoni u ż-żamma ta' kundizzjonijiet ugwali fl-UE, ir-riformi finanzjarji u l-ħolqien tal-impjiegi;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod attiv mal-Kummissjoni fl-iżvilupp u l-valutazzjoni tar-regoli temporanji stabbiliti b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika billi jipprovdu rapporti f'waqthom u dettaljati dwar l-implimentazzjoni u l-effikaċja tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta' kif jaħdmu u tfassal studju dwar l-impatt tal-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi fuq l-Unjoni Ewropea;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura livell massimu ta' trasparenza u tikkonforma strettament mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fl-approvazzjoni tal-għajnuna statali u fl-adozzjoni ta' miżuri ta' ċessjoni;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi studju li jistħarreġ l-impatt li jista' jkollha l-għajnuna tal-BĊE fir-rigward tal-likwidità għal dik li hi distorsjoni tal-kompetizzjoni;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-massa monetarja M3 fir-rigward tal-għajnuna statali li ġiet approvata biex jiġi evitat li jkun hemm kapitalizzazzjoni żejda mhux intenzjonata tal-kumpaniji, xi ħaġa li sussegwentement tgħawweġ il-kompetizzjoni;

Il-kontroll tal-għajnuna statali

37.  Jinnota li l-politika dwar l-għajnuna statali hija parti integrali mill-politika tal-kompetizzjoni u li l-kontroll tal-għajnuna statali jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ugwali għall-impriżi kollha li jkunu qed iwettqu attivitajiet fis-suq uniku Ewropew;

38.  Jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni tissorvelja l-użu tal-għajnuna statali sabiex jiġi żgurat li dawn l-arranġamenti ta' appoġġ ma jintużawx biex jipproteġu l-industriji nazzjonali b'mod li jagħmel ħsara lis-suq intern u lill-konsumaturi Ewropej;

39.  Iqis li huwa essenzjali li meta ssir l-evalwazzjoni ta' jekk l-għajnuna statali tkunx kompatibbli mat-Trattat, jinstab bilanċ ġust bejn l-effetti negattivi tal-għajnuna statali fuq il-kompetizzjoni u l-finanzi pubbliċi u l-effetti pożittivi tagħha f'termini ta' interessi komuni;

40.  Jitlob għall-ħolqien ta' kriterji ċari għaċ-ċessjonijiet, fil-kunsiderazzjoni tal-impatt tagħhom fuq il-kumpaniji kkonċernati fi żmien medju, jiġifieri fuq it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi kif ukoll rigward it-tnaqqis fis-sehem ta' dawn il-kumpaniji fis-suq dinji;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tispezzjona bir-reqqa s-sistemi li hemm fis-seħħ f'ċerti Stati Membri li jikkonċernaw għajnuna fiskali statali, biex jeżaminaw in-natura nondiskriminatorja u trasparenti tagħhom;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkostitwixxi u ssaħħaħ l-unità tagħha għall-għajnuna fiskali statali;

43.  Iqis li sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tidentifika aħjar is-sistemi ta' kompetizzjoni fiskali li jagħmlu ħsara, huwa essenzjali li d-deċiżjoni dwar in-notifikazzjoni awtomatika tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa meħuda fl-2002 mill-grupp ta' ħidma għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE għat-tassazzjoni tan-negozji (dokument tal-Kunsill 11077/02) jiġu implimentati għalkollox mill-Istati Membri;

44.  Jinnota bi tħassib li l-irkupru ta' għajnuna illegali mill-Istati jibqa' proċess twil u kumpless; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tissikka l-proċeduri u tibqa' tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jiksru l-liġi ripetutament;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina kemm allokazzjoni ġeneruża wisq ta' permessi b'xejn ta' EUA (Kwoti ta' Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea) f'ċerti setturi tista' tgħawweġ il-kompetizzjoni, meta jitqies li dawn il-permessi, li l-effiċjenza tagħhom naqset minn meta naqset ir-rata tal-attività ekonomika, iġġeneraw profitti mhux mistennija għal ċerti kumpaniji filwaqt li naqqsu l-inċentivi li jagħtu s-sehem tagħhom fit-tranżizzjoni għal ekonomija ekoeffiċjenti;

46.  Jenfasizza li l-għajnuna statali għandha primarjament tkun indirizzata biex tippromwovi proġetti b'interess komuni fl-Unjoni bħall-introduzzjoni tal-infrastrutturi tal-broadband u tal-enerġija;

47.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-Linji Gwida dwar in-netwerks tal-broadband li jkopru l-għajnuna statali għal netwerks bażiċi tal-broadband (servizzi broadband ADSL, bil-cable, mobbli, mingħajr fili jew bis-satellita) u l-appoġġ għan-netwerks NGA ta' veloċità għolja ħafna (fl-istadju attwali, netwerks ibbażati fuq il-fajbers jew netwerks bil-cable avvanzati u aġġornati) u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jxerrdu u jippromwovu l-aħjar prattiki u jżidu l-kompetizzjoni;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni – filwaqt li tqis li hi meħtieġa t-tlestija tas-suq intern għall-modalitajiet kollha ta' trasport – tippubblika rapport b'titwila lejn l-għajnuna statali kollha offruta lis-settur tat-trasport pubbliku;

49.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna statali għall-ħarsien ambjentali fil-qasam tat-trasport, li jgħinu biex tingħata spinta lis-sostenibilità tal-qasam tat-trasport Ewropew; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ttejjeb il-karatteristika msejsa fuq l-inċentiv tal-għajnuna statali awtorizzata fil-qasam tat-trasport;

Antitrust

50.  Jilqa' l-pożizzjoni soda li ħadet il-Kummissjoni dwar l-imġiba antikompetittiva f'dawn l-aħħar snin;

51.  Jilqa' bi pjaċir l-estensjoni tar-Regolament tal-Eżenzjoni Ġenerali Vertikali, peress li dan jiżgura bilanċ bejn il-manifatturi u d-distributuri; jirrimarka madankollu li l-Kummissjoni ma qisitx biżżejjed iċ-ċirkostanzi speċifiċi relatati mal-bejgħ fuq l-internet, b'mod partikolari fir-rigward tal-Aġenda Diġitali u fid-dawl tal-isforzi attwali tagħha biex tlesti għalkollox is-suq intern għall-kummerċ elettroniku;

52.  Jirrimarka b'mod partikolari li, fid-dawl tal-miżuri ta' sorveljanza tas-suq segwiti bħalissa mill-Kummissjoni, l-ammissibilità skont il-leġiżlazzjoni antitrust tal-akkwisti konġunti minn distributuri kbar li joperaw fil-livell internazzjonali hija dibattibbli;

53.  Jinnota madankollu li fil-prattika n-nuqqas ta' konformità ma' restrizzjonijiet temporanji tal-klawsoli tal-kompetizzjoni bl-ebda mod mhuwa rari, u jitlob lill-Kummissjoni toqgħod partikolarment attenta għal prattiki inaċċettabbli ta' dan it-tip;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-qafas regolatorju integrat tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-użu tal-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni bħala għodda biex jiġi evitat li jkun hemm abbuż tal-IPRs;

55.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-UE, biex tqis kif jixraq id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni u għal dan il-għan tadotta l-miżuri neċessarji biex jintlaħaq dan l-objettiv;

56.  Ifakkar li l-kartelli jirrappreżentaw ksur mill-iktar serju tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni; jemmen li dan il-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni jmur kontra l-interessi taċ-ċittadini tal-UE peress li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet orħos;

57.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex fl-inizjattivi tagħha ttejjeb il-koordinazzjoni bejn l-approċċ skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni u ieħor skont il-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur;

58.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta' miżuri orjentati lejn l-aġir u l-konsegwenzi ta' dawn il-miżuri għall-klijenti u l-konsumaturi;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta tivvaluta abbużi possibbli minn pożizzjonijiet dominanti, u ssib li l-pożizzjoni dominanti ma ġietx abbużata, tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn l-hekk imsejjaħ “trickle down economics”, fejn il-popolazzjoni suppost li tgawdi indirettament minn benefiċċji magħmula lin-negozji;

60.  Jemmen li l-użu tal-istrument tal-multi li dejjem qed ikomplu jogħlew bħala l-uniku strument antitrust jista' jkun goff wisq, l-aktar meta jitqies it-telf potenzjali ta' impjiegi li jista' jirriżulta mill-inkapaċità li jsiru ħlasijiet, u jitlob li tiġi żviluppata firxa usa' ta' strumenti aktar sofistikati, li jkopru kwistjonijiet bħar-responsabilità individwali, it-trasparenza u r-responsabilità tal-kumpaniji, proċeduri iqsar, id-dritt għad-difiża u għal proċess ġust, il-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-operazzjoni effikaċi tal-applikazzjonijiet għall-klemenza (b'mod partikolari biex tingħeleb l-interferenza kkawżata mill-proċessi ta' skoperta fl-Istati Uniti), il-programmi ta' konformità korporattiva u l-iżvilupp ta' standards Ewropej; jippreferi l-approċċ “tal-inċentiv u l-kastig”, b'pieni li jservu bħala deterrent effikaċi, b'mod partikulari għal dawk li jiksru l-liġi ripetutament, filwaqt li jħeġġeġ il-konformità;

61.  Jitlob lill-Kummissjoni mill-ġdid biex, jekk dan ikun f'loku, tinkorpora l-bażi għall-kalkolu ta' multi u l-prinċipji l-ġodda dwar il-multi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1/2003;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi investigazzjoni ġenerali rigward il-prezzijiet tal-minerali tal-ħadid;

Kontroll tal-merġers

63.  Jenfasizza, aktar minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi, l-importanza li jiġu identifikati oqsma fejn tista' titnaqqas il-burokrazija żejda u fejn tista' tintlaħaq aktar konverġenza bejn ir-regoli nazzjonali u tal-UE applikabbli;

64.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika attwali ma tiġġustifikax l-illaxkar tal-politiki tal-UE dwar il-kontroll tal-merġers;

65.  Jenfasizza li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-merġers għandha tiġi vvalutata mill-perspettiva tas-suq intern kollu kemm hu;

Żviluppi settorjali

66.  Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja l-iżviluppi fis-swieq tal-prodotti bażiċi wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2008 (paragrafu 40) u, fejn ikun xieraq, tindirizza l-ispekulazzjoni;

67.  Jirrikonoxxi li l-konċentrazzjoni għolja fis-suq u n-nuqqas ta' trasparenza fis-swieq tal-prodotti bażiċi jistgħu jfixklu b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni u jaffettwaw b'mod negattiv l-industrija Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, teżamina s-swieq tal-prodotti bażiċi, bħal dawk tal-minerali tal-ħadid u b'mod partikolari tal-erbatax-il materja prima importanti identifikati mill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jiġi stabbilit kemm dawn is-swieq jirrikjedu aktar trasparenza u kompetizzjoni, billi wħud minn dawn il-prodotti bażiċi huma ta' importanza fundamentali għall-introduzzjoni ta' teknoloġiji ekoeffiċjenti (bħal pannelli fotovoltajċi u l-batteriji tal-joni tal-litju);

68.  Jafferma li t-trasparenza hija prerekwiżit essenzjali biex is-swieq finanzjarji jaħdmu sew; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dak kollu li tista' biex tiżgura li d-data dwar is-swieq finanzjarji tkun żvelata f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u, f'dan ir-rigward, jilqa' bi pjaċir l-inizjattivi biex jiġi evitat li jkun hemm abbuż tal-kodiċi ISIN u RIC għall-identifikazzjoni tat-titoli;

69.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja s-SEPA (Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro) biex jiġi żgurat li s-sistema ta' pagamenti tkun aċċessibbli, mhux diskriminatorja, trasparenti u effiċjenti u ma tfixkel bl-ebda mod il-kompetizzjoni; jitlob li jkun hemm sorveljanza mill-qrib tal-aspetti tas-sistema li jaffettwaw il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE;

70.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli l-isforzi biex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-pagamenti bil-kards, bi qbil mal-prinċipji tas-SEPA, bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-pagamenti transkonfinali u jiġi mmassimizzat il-potenzjal tas-suq intern; jitlob li jkun hemm sorveljanza sistematika tal-iżviluppi f'dawn is-swieq u li r-rapporti annwali dwar il-kompetizzjoni jinkludu indikaturi ta' progress f'dan ir-rigward;

71.  Jemmen li l-ksur tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni fis-suq tal-karti ta' pagament ikollu effetti negattivi fuq il-konsumaturi; jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha kontra imposti ogħla mis-soltu ta' skambju multilaterali transkonfinali li jwasslu għal prezzijiet ogħla tal-prodotti għall-konsumaturi;

72.  Jiddispjaċih li l-konsumaturi tal-enerġija fl-UE qegħdin ikomplu jbatu minħabba d-distorsjoni fis-suq tal-enerġija; jenfasizza li l-kompetizzjoni reali fis-swieq tal-enerġija twassal għal aktar innovazzjoni, għal provvista tal-enerġija aktar sikura u bi prezzijiet raġonevoli u għal anqas impatt fuq l-ambjent; josserva li ostakli persistenti fis-settur tal-enerġija jinkludu interkonnessjoni insuffiċjenti, nuqqas ta' trasparenza fis-sistema ta' trażmissjoni li biha l-operaturi jallokaw l-enerġija lill-produtturi, u definizzjonijiet differenti tal-kategoriji ta' riċevituri tas-servizz fost l-Istati Membri;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett tal-liberalizzazzjoni tal-enerġija mill-Istati Membri u tivvaluta l-effikaċja tiegħu għall-ħolqien ta' suq intern li jiffunzjona; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda inkjesta oħra dwar is-settur tal-enerġija jekk din il-valutazzjoni tasal għal konklużjoni negattiva;

74.  Jenfasizza l-importanza partikolari tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni biex ikun hemm innovazzjoni, jiġi mmassimizzat il-potenzjal tal-ekonomija diġitali u tiġi żviluppata s-soċjetà tal-għarfien; iqis li huwa tal-akbar importanza li tiġi żgurata l-interoperabilità, li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tan-netwerks u li jinżammu s-swieq miftuħa biex l-operaturi ekonomiċi jikkompetu fuq il-bażi tal-mertu tal-prodotti tagħhom;

75.  Ifakkar li l-konverġenza diġitali u l-importanza li kulma tmur qed tikber tal-interoperabilità u tal-istandards huma kwistjonijiet ewlenin għall-ICTs fl-ambjent globali li kulma jmur qed isir dejjem aktar interkonness; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li tiġi żgurata b'mod kontinwu l-kompetizzjoni ħielsa fil-qasam tal-ICT hekk kif prodotti u servizzi diġitali ġodda jidhru fis-suq; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-linji gwida imminenti dwar il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali;

76.  Jappoġġa l-miżuri tal-Kummissjoni li jinkoraġġixxu l-provvista ta' kopertura adegwata tal-broadband bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd għaċ-ċittadini Ewropej kollha u jistedinha tirdoppja l-isforzi tagħha biex iżżomm taħt kontroll it-tariffi tar-roaming transkonfinali għall-komunikazzjoni elettronika u biex tinkludi dettalji tal-progress f'dan ir-rigward fir-rapporti annwali tagħha dwar il-kompetizzjoni;

77.  Jenfasizza r-rwol ġdid u importanti tal-politika tal-kompetizzjoni fl-ekonomija diġitali; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-iżviluppi teknoloġiċi fis-suq diġitali u tirreaġixxi malajr fejn meħtieġ biex iżżomm il-pjattaformi diġitali miftuħin kemm jista' jkun billi tapplika b'mod strett ir-regoli tal-kompetizzjoni;

78.  Jenfasizza l-importanza li jiġi promoss suq diġitali intern; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu promossi l-fiduċja tal-konsumaturi fis-servizzi online u l-aċċessibilità tagħhom, b'mod partikolari billi jittejbu d-drittijiet tal-konsumaturi u l-ħarsien tal-informazzjoni privata u jitneħħew l-ostakoli li għad fadal għall-kummerċ u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali online;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fis-settur tat-telekomunikazzjoni jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħha, sabiex titneħħa d-distorsjoni tal-kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri ulterjuri jekk ir-riżultati mistennija, jiġifieri prezzijiet orħos għall-konsumaturi, ma jintlaħqux;

80.  Jinnota r-Regolament (KE) Nru 544/2009 dwar it-tariffi tar-roaming intra-Komunitarju, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2010, biex b'hekk ġab lill-konsumaturi benefiċċji fil-forma ta' tnaqqis fil-prezzijiet għas-servizzi tar-roaming bil-vuċi jew bl-SMS; jirrimarka, madankollu, li l-kompetizzjoni fis-swieq tar-roaming għadha ma żviluppatx biżżejjed u li għad baqa' problemi strutturali; jitlob lill-Kummissjoni biex fl-eżami tagħha tal-2011 tipprevedi l-għażla li jitneħħew għalkollox id-drittijiet għar-roaming intra-UE;

81.  Jiddispjaċih dwar il-każijiet ta' rkanti mhux trasparenti ta' frekwenzi mobbli ġodda tar-raba' ġenerazzjoni f'xi Stati Membri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja mill-qrib ħafna l-attivitajiet tal-Istati Membri f'dan ir-rigward u tobbliga lill-Istati Membri jwettqu analiżi bir-reqqa tal-impatt tad-deċiżjonijiet dwar l-ispettru fuq il-kompetizzjoni u tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-eżiti antikompetittivi bi qbil mad-Direttiva GSM emendata, biex b'hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-parteċipanti fis-suq u għal dawk ġodda fis-suq;

82.  Jirrikonoxxi l-Komunikazzjoni riveduta dwar ix-Xandir ta' Lulju 2009 li tafferma mill-ġdid il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-ambitu, il-finanzjament u l-organizzazzjoni tax-xandir tas-servizz pubbliku filwaqt li tirrikonoxxi r-responsabilità tal-Kummissjoni li tikkontrolla l-iżbalji ċari, u jistieden lill-Istati Membri jżommu bilanċ fost is-servizzi tal-midja diġitali offruti u biex jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta, u b'hekk jinżamm ambjent medjatiku dinamiku fil-kuntest onlajn;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna statali lis-settur tal-posta u tħaffef il-progress tagħhom;

84.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni akbar bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, biex jiżviluppaw mudell komuni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-oġġetti tal-ikel – abbażi ta' skambju kontinwu ta' informazzjoni, l-identifikazzjoni bikrija ta' oqsma problematiċi u t-tqassim effiċjenti tal-kompiti bejn il-membri tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni – ladarba s-swieq tal-oġġetti tal-ikel x'aktarx huma limitati għal-livell nazzjonali u għandhom bosta karatteristiki legali, ekonomiċi u kulturali differenti;

85.  Jenfasizza li din il-kooperazzjoni msaħħa għandha timmira lejn l-iżvilupp ta' approċċ koerenti f'dak li jirrigwarda l-protezzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni, għall-iżgurar ta' kompetizzjoni ġusta u prestazzjoni ottimali tal-katina tal-provvista tal-oġġetti tal-ikel għall-ġid tal-konsumaturi;

86.  Huwa tal-fehma li, fil-kuntest tas-sorveljanza attwali tas-suq kummerċjali, il-Kummissjoni għandha tinvestiga operazzjonijiet internazzjonali ta' xiri konġunt billi l-vantaġġi ta' prezz li jiġġeneraw minħabba l-qawwa tagħhom fis-suq mhumiex qed jingħaddew lill-konsumaturi fil-forma ta' prezzijiet orħos bl-imnut;

87.  Ifakkar li l-Grupp ta' Livell Għoli, stabbilit f'Ottubru 2009 wara l-kriżi li heżżet lill-produtturi tal-ħalib, ippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li jikkonċernaw b'mod partikolari r-relazzjonijiet kuntrattwali u s-saħħa tal-produtturi fin-negozjati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi immedjatament biex tixpruna l-progress b'mod li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE;

88.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'koperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tħares aktar mill-qrib lejn il-kompetizzjoni fis-settur agroindustrijali f'termini ta' trasparenza u evoluzzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur; jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi studju li jiffoka b'mod partikolari fuq l-effetti li għandhom il-fornituri ewlenin tal-ikel u d-distributuri bl-ingrossa fuq is-saħħa tas-suq, li jippermettulhom jinfluwenzaw il-funzjonament tas-suq tal-ikel;

89.  Itenni f'dan ir-rigward it-talbiet preċedenti tiegħu għal inkjesti speċifiċi għas-settur fir-rigward tar-reklamar fuq l-internet, is-“search engines” u l-industriji tal-ikel; jitlob li ssir inkjesta dwar il-konċentrazzjonijiet tal-midja, fosthom il-mezzi kollha għad-distribuzzjoni tal-kontenut, bħall-istampa, it-televiżjoni u r-radju, u l-internet; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-kompetizzjoni fis-setturi tat-telekomunikazzjoni u tal-karozzi;

90.  Iqis li l-kompetizzjoni fis-settur tal-produzzjoni agrikola hija prekondizzjoni għal prezzijiet irħas għall-konsumaturi fil-pajjiżi Ewropej, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tħares aktar mill-qrib lejn il-kompetizzjoni fis-settur agroindustrijali f'termini ta' appoġġ, trasparenza u evoluzzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur;

91.  Jiddeplora n-nuqqas ta' progress fit-titjib tal-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku, u jitlob lill-Kummissjoni ġġib “il quddiem l-ikkompletar tas-suq intern tal-mediċini, pereżempju billi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tingħata rwol akbar fil-każ ta' mediċini approvati ċentralment; jitlob lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-abbużi possibbli permezz tal-prattiki sistematiċi tat-tiġmigħ tal-privattivi li jdewmu d-dħul fis-suq tal-mediċini ġeneriċi u jirrestrinġu l-aċċess tal-pazjenti għal mediċini bi prezzijiet li jifilħu għalihom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri punittivi bi tweġiba għall-kampanji ta' informazzjoni qarrieqa kontra l-mediċini ġeneriċi;

92.  Huwa tal-fehma li l-kompetizzjoni fil-qasam tas-saħħa tista' ttejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa, u b'hekk il-pazjenti Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja l-qasam tas-saħħa u, b'mod partikolari, il-kompetizzjoni bejn l-isptarijiet statali u dawk privati; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga b'aktar reqqa l-każijiet fejn sptarijiet privati f'pajjiżi fejn il-qasam tas-saħħa ġie lliberalizzat jilmentaw minn sussidji inkroċjati favur sptarijiet statali;

93.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tinħoloq u tkun immonitorjata l-kompetizzjoni ġusta intermodali u intramodali biex jinħolqu strutturi tariffarji u politiki ta' pprezzar trasparenti u ċari;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-modalitajiet differenti ta' trasport tal-assistenza sostanzjali mogħtija fl-aħħar snin lill-industrija awtomotiva, fost setturi oħrajn;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza rigward l-allokazzjoni u l-użu effikaċi tal-islots, sabiex jiġi ggarantit li teżisti kompetizzjoni vera fil-qasam tal-avjazzjoni;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni tal-każijiet li fihom il-linji tal-ajru “low cost” ilhom jibbenefikaw mill-għajnuna statali vis-à-vis linji oħrajn permezz ta' kondizzjonijiet speċjali mogħtija lilhom meta jagħmlu użu minn ċerti ajruporti, għal aktar mill-perjodu ta' tliet snin preskritt għall-għajnuna inizjali għall-kumpaniji tal-ajru;

97.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm limitu, kif jixraq, għas-sehem mis-suq tal-konsorzji marittimi tal-linji tal-kontejners u li jeħtieġ ikun hemm kondiviżjoni tal-vantaġġi operazzjonali – kemm għas-servizzi marittimi kif ukoll għal dawk tal-hinterland – skont ir-regoli ġenerali tal-UE dwar il-kompetizzjoni ġusta u soġġett għall-kondizzjonijiet imniżżlin fir-Regolament (KE) Nru 906/2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li tkun żgurata l-koperazzjoni operazzjonali bil-għan li jkun hemm il-provvista konġunta tas-servizzi tal-linji tal-bastimenti merkantili, bl-iskop tas-salvagwardja tal-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-ikkompletar tas-suq intern għat-trasport u l-kompetizzjoni aktar ġusta fil-qasam tat-trasport, filwaqt li jqisu b'mod xieraq l-objettivi l-oħrajn tal-politika tal-Unjoni Ewropea, bħalma huma s-servizzi tat-trasport u l-mobilità li jkunu jaħdmu tajjeb, l-objettivi tal-politika fl-oqsma tas-servizzi pubbliċi, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ambjent, u l-miri tal-UE għall-2020 dwar l-emissjonijiet ta' CO2 u d-dipendenza miż-żejt;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu opportunitajiet indaqs kemm għad-diversi modalitajiet ta' trasport kif ukoll għall-kumpaniji pubbliċi u privati f'kull modalità;

100.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm aktar trasparenza fir-relazzjoni bejn l-Istat u l-kumpaniji ferrovjarji pubbliċi, inklużi s-sussidjarji tagħhom għat-trasport stradali, kif ukoll fit-trasferiment ta' fondi;

101.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn it-tassazzjoni, l-imposti, il-finanzjament u l-ħlas ta' drittijiet infrastruttuali u sistemi ta' VAT għall-modi ta' trasport differenti u għall-Istati Membri individwali u għall-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni intermodali u intramodali, u tistipula, f'din il-ħarsa ġenerali, l-effett tal-ammont illimitat u obbligatorju ċċarġjat għall-użu tal-ferroviji meta jitqabbel mal-ammont mhux obbligatorju u limitat iċċarġjat għall-użu tal-infrastruttura stradali;

102.  Jistieden lill-Kummissjoni, hi u tgħarbel il-leġiżlazzjoni dwar jeddijiet il-passiġġieri u r-rimborżi għad-dewmien, tiggarantixxi skemi ġusti u ekwi ta' kumpens għad-dewmien fil-modi kollha ta' trasport u t-twaqqif ta' korpi indipendenti ta' arbitraġġ bejn l-operaturi u l-klijenti;

103.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta fis-settur tat-trasport stradali liberalizzat billi jkun hemm garanziji li r-regoli soċjali, ambjentali u ta' sigurtà jkunu applikati b'mod xieraq, billi tingħata attenzjoni speċjali lill-ftuħ ta' dan is-suq kemm għal prattiki ta' kabotaġġ kif ukoll ta' dumping;

104.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex tikkompleta s-suq intern tat-trasport ferrovjarju permezz tal-ftuħ tas-swieq nazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri; jerġa' jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, fil-perjodu tranżitorji, tipproponi klawsola ta' reċiproċità għal dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li jiftħu swieqhom qabel iż-żmien;

105.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ostakli indiretti għall-kompetizzjoni li joriġinaw mid-disparitajiet, fil-qasam tat-trasport, fir-regoli dwar is-sikurezza, l-interoperabilità u l-approvazzjoni tat-tip;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu ħsieb jiżguraw, permezz tad-deċiżjonijiet li jittieħdu kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell tal-UE, l-implimentazzjoni koeżiva u armonizzata tar-regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-qasam ferrovjarju; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta' koeżjoni bejn l-awtoritajiet (regolaturi) superviżorji ferrovjarji u l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej tal-kompetizzjoni;

107.  Jappoġġa b'mod sod il-ħolqien ta' privattiva tal-UE u mekkaniżmu wieħed għall-UE kollha kemm hi għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar il-privattivi biex jiġu trattati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mid-dispożizzjonijiet preżenti dwar il-privattivi;

108.  Jenfasizza li l-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika, il-privattivi u l-industriji kulturali jikkontribwixxu immensament għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex isibu soluzzjoni malajr għall-kwistjonijiet pendenti li jirrigwardaw is-sistema tal-privattiv uniku tal-UE; għal din ir-raġuni jilqa' bi pjaċir, kif stipulat fl-Inizjattiva Ewlenija tal-Unjoni għall-Innovazzjoni tal-Ewropa 2020, l-objettiv li l-ewwel privattivi tal-UE jingħataw fl-2014;

109.  Itenni li l-kompetittività tal-UE tiddependi ħafna mill-kapaċità ta' innovazzjoni, mir-riċerka u l-faċilitajiet ta' żvilupp u mir-rabta bejn l-innovazzjoni u l-proċess tal-manifattura;

110.  Jenfasizza s-sehem ewlieni li għandha r-riċerka fit-titjib tal-kompetittività Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-mira ta' 3% għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp tintlaħaq;

o
o   o

111.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.
(2) ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.
(3) ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.
(4) ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2.
(5) ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.
(6) ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.
(7) ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.
(8) ĠU C 45, 24.2.2009, p. 7.
(9) ĠU C 136, 16.6.2009, p. 13.
(10) ĠU C 136, 16.6.2009, p. 3.
(11) ĠU C 85, 9.4.2009, p. 1.
(12) ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.
(13) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 43.
(14) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 16.
(15) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 180.
(16) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 23.
(17) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 653.
(18) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 161.


Politika tal-UE sostenibbli għat-Tramuntana Estrema
PDF 438kWORD 132k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema (2009/2214 (INI))
P7_TA(2011)0024A7-0377/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) konkluża fl-10 ta' Diċembru 1982 u li ilha fis-seħħ mis-16 ta' Novembru 1994,

–  wara li kkunsidra l-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Blata Kontinentali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Popli Indiġeni tat-13 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Iistabbiliment ta' Kunsill tal-Artiku (KA), iffirmat fid-19 ta' Settembru 1996,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari r-Raba' Parti tiegħu u l-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Koperazzjoni fir-Reġjun Barents-Ewro-Artiku ffirmat f'Kirkenes fil-11 ta' Jannar 1993,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tal-20 ta' Novembru 2008 dwar l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku (COM(2008)0763),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-governanza tal-Artiku(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku tat-8 ta' Diċembru 2009(2) u dwar l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku tat-8 ta' Diċembru 2008(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ilulissat adottata fit-28 ta' Mejju 2008 fil-Konferenza tal-Oċean Artiku,

–  wara li kkunsidra t-Tratta bejn in-Norveġja, l-istati Uniti tal-Amerika, id-Danimarka, Franza, l-Italja, il-Ġappun, il-Pajjiżi Baxxi, il-Gran Brettanja, l-Irlanda , id-Dominji Brittaniċi ta' Barra u l-Isvezja dwar Spitsbergen/Svalbard tad-9 ta' Frar 1920,

–  wara li kkunsidra l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u s-Sħubijiet tagħha, kif ukoll l-Ispazji Komuni UE/Russja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija UE-Greenland, 2007-2012,

–  wara li kkunsidra l-Ħames, is-Sitt u s-Sebgħa Programmi ta' Qafas tal-UE għar-riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottata fis-27 ta' Ġunju 1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nordika Sami f'Novembru 2005,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni 61/295 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Settembru 2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 6/12 tat-28 ta' Settembru 2007, 6/36 tal-14 ta' Diċembru 2007, 9/7 tal-24 ta' Settembru 2008, 12/13 tal-1 ta' Ottubru 2009 u 15/7 tal-5 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-istrateġja tal-Finlandja għar-Reġjun Artiku adottata fl-4 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Svediż dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2008)0763(4),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta tad-Danimarka u Greenland għall-Artiku fi żmien ta' tranżizzjoni ta' Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Gvern Norveġiż għat-Tramuntana Estrema tal-2007, u s-segwitu tagħha ta' Marzu 2009,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Nordregio 2009:2, “Strong, Specific and Promising – Towards a Vision for the Northern Sparsely Populated Areas in 2020”,

–  wara li kkunsidra l-programm ta' Kooperazzjoni Artika tal-Kunsill tal-Ministri Nordiku 2009-2011, il-programm tal-Kunsill Barents Euro-Artiku (BEAC) u l-Programm ta' Presidenzi tal-KA,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Kanadiża għat-Tramunatana ta' Awissu 2009 u d-dikjarazzjoni ta' segwitu dwar il-Politika Barranija għall-Artiku tal-Kanada tal -20 ta' Awissu 2010,

–  wara li kkunsidra l-Att Kanadiż sabiex jemenda l-Att għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Ilmiet tal-Artiku ta' Awissu 2009,

–  wara li kkunsidra l-“Prinċipji fundamentali tal-politika tal-istat tal-Federazzjoni Russa fl-Artiku għall-perjodu sal-2020 u għal perspettiva ulterjuri” adottati fit-18 ta' Settembru 2008 u l-istrateġja għas-sigurtà nazzjonali Russa sal-2020 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva Presidenzjali għas-Sigurtà Nazzjonali Amerikana u d-Direttiva Presidenzjali tas-Sigurtà Interna tad-9 ta' Jannar 2009,

–  wara li kkunsidra l-Att għall-Iżvilupp Responsabbli tal-Enerġija Artika tal-Istati Uniti tal- 2010,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar Riċerka dwar it-Tixrid taż-Żejt tal-Istati Uniti tal-2009,

–  wara li kkunsidra l-Att ta' Implimentazzjoni dwar Evalwazzjoni tat-Trasport Artiku ta' Merkanzija Marittima tal-Istati Uniti tal-2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Monako ta' Novembru 2008,

–  waar li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adotatta waqt l-Ewwel Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana fi Brussell fis-26 ta' Settembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tad-Disa' Konferenza tal-Membri Parlamentari tar-Reġjun tal-Artiku tal-15 ta' Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku ġdid tan-NATO, approvat mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern fis-Samit ta' Lisbona f'Novembru 2010, u l-implikazzjonijiet tiegħu vis-à-vis il-prospetti tas-sigurtà fir-reġjun Artiku, b'mod partikolari l-aspetti militari tat-Tramuntana Estrema,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0377/2010),

A.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi l-ewwel pass formali fir-reazzjoni għat-talba tal-Parlament Ewropew għall-formulazzjoni ta' politika tal-UE għall-Artiku; billi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet tal-Artiku għandhom jiġu rikonoxxuti bħala pass ieħor lejn definizzjoni ta' politika tal-UE għall-Artiku,

B.  billi l-Parlament Ewropew kien parteċipant attiv fil-ħidma tal-Kumitat Permanenti tal-Parlamentari Artiċi permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Isvizzera, l-Islanda u n-Norveġja għal perjodu ta' madwar għoxrin sena, li laħqu l-qofol tagħhom bil-Konferenza sħiħa tal-Parlamentari tal-Artiku ospitata fi Brussell f'Settembru 2010,

C.  billi d-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja huma pajjiżi Artiċi u kemm il-Finlandja kif ukoll l-Isvezja jinsabu parzjalment fiċ-Ċirku Artiku; billi l-uniku poplu indiġenu tal-UE, il-poplu Sami, jgħix fir-reġjuni Artiċi tal-Finlandja u tal-Isvezja kif ukoll tan-Norveġja u tar-Russja,

D.  billi l-applikazjoni tal-Islanda sabiex tissieħeb fl-UE se żżid l-bżonn li l-UE tqis r-reġjun Artiku fil-perspettiva ġeopolitika tagħha,

E.  billi n-Norveġja, sieħba affidabbli, hija assoċjata mal-UE permezz tal-Ftehim taż-ŻEE,

F.  billi kien hemm impenn tal-UE dejjiemi fl-Artiku permezz tal-involviment tagħha fil-Politika Komuni tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mar-Russja, in-Norveġja u l-Islanda inkluża t-Tieqa Artika tagħha, fil-kooperazzjoni ta' Barents u b'mod partikolari fil-Kunsill Barents-Euro-Artiku, l-implikazzjonijiet tal-partnerjat strateġiku mal-Kanada, l-Istati Uniti u r-Russja, u l-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur ad hoc attiv fil-KA,

G.  billi l-formulazzjoni gradwali tal-politika tal-UE għall-Artiku għandha tkun ibbażata fuq ir-rikonoxximent tal-oqsfa legali internazzjonali, multilaterali u bilaterali eżistenti bħalma huwa s-sett ta' regoli komprensivi stipulati fl-UNCLOS u bosta ftehimiet settorjali, bilaterali u multilaterali li diġà jirregolaw ċerti kwistjonijiet importanti tal-Artiku,

H.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu kontribut maġġuri fir-riċerka fl-Artiku, u billi l-programmi l-UE, inkluż is-Seba' Programm Qafas attwali, jappoġġjaw proġetti tar-riċerka maġġuri fir-reġjun,

I.  billi huwa stmat li parti waħda minn kull ħamsa tar-riżorsi dinjin ta' idrokarbonju li għadhom ma ġewx skoperti jinsabu fir-reġjun tal-Artiku, għalkemm hija meħtieġa riċerka aktar estensiva biex tistabbilixxi b'mod aktar preċiż kemm hemm gass u żejt fir-reġjun u kemm huwa vijabbli ekonomikament li jiġu sfruttati dawn ir-riżervi,

J.  billi jeżisti interess qawwi globali wkoll f'riżorsi oħra Artiċi rinnovabbli u mhux rinnovabbli bħal minerali, foresti, ħut u pajsaġġi verġni għat-turiżmu,

K.  billi l-interess dejjem akbar fir-reġjun Artiku ta' atturi oħrajn mhux mill-Artiku bħalma huma ċ-Ċina - kif juri l-ikkomissjonar miċ-Ċina tal-ewwel vapur għall-qtugħ tas-silġ - l-allokazzjoni tagħhom ta' finanzjament għal riċerka polari u, mhux anqas minn hekk, l-applikazzjonijiet mill-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, l-Italja, l-UE, il-Ġappun u Singapore għall-istejtus ta' osservaturi permanenti fil-KA, jindika apprezzament ġeopolitiku differenti tal-Artiku fuq skala kbira,

L.  billi l-awtogovernanza stabbilita reċentement fi Greenland rigward oqsma ta' politika relevanti li jinkludu l-leġiżlazzjoni u r-riżorsi ambjentali u l-aġġornament reċenti tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u Greenland wasslet għal żieda fl-interess fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi fi Greenland u l-blata Kontinentali tagħha,

M.  billi l-effetti tat-tibdil fil-klima li joriġinaw l-aktar minn barra l-Artiku u l-globalizzazzjoni tal-ekonomija dinjija se jkollhom impatt fuq ir-reġjun; billi b'mod partikolari l-irtirar tas-silġ fil-baħar, kif ukoll il-potenzjal għar-riżorsi u l-użu possibbli ta' teknoloġiji ġodda, aktarx li se jkollu effetti u riperkussjonijiet ambjentali mhux prevedibbli f'partijiet oħra tal-pjaneta kif ukoll żieda fit-trasport ta' merkanzija marittimu b'mod paritikolari bejn l-Ewropa, l-Ażja u l-Amerika ta' Fuq, fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali, l-aktar il-gass, iż-żejt u minerali oħrajn, iżda wkoll riżorsi naturali bħalma huma l-ħut, u l-esplorazzjoni ta' riżorsi ġenetiċi marittimi, żieda fl-attivitajiet ta' estrazzjoni u ta' qtugh ta' sigar u żieda fit-turiżmu u attivitajiet ta' riċerka; billi dawk l-effetti se jipproduċu sfidi ġodda iżda wkoll opportunitajiet ġodda fl-Artiku u bnadi oħra,

N.  billi t-tibdil fil-klima huwa ġestit minn metodi ta' monitoraġġ, mitigazzjoni u adattazzjoni; billi l-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli bl-użu ta' riżorsi naturali u bil-bini ta' infrastrutturi ġodda hija ġestita minn proċessi ta' ppjanar strateġiku,

L-EU u l-Artiku

1.  Ifakkar li tliet Stati Membri tal-UE – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja – huma Stati Artiċi; jirrikonoxxi li l-UE s'issa m'għandha l-ebda kosta mal-Oċean Artiku; jerġa' jafferma l-interess leġittimu tal-UE u ta' pajjiżi terzi oħrajn bħala partijiet interessati bis-saħħa tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, l-impenn tagħha għal politiki ambjentali, klimatiċi u oħrajn u l-finanzjament, l-attivitajiet ta' riċerka u l-interessi ekonomiċi tagħha, inkluż it-tbaħħir u l-isfruttament tar-riżorsi naturali; barra minn hekk ifakkar li l-UE għandha żoni kbar ta' art fl-Artiku fil-Finlandja u fl-Isvezja li huma abitati mill-uniku grupp ta' popolazzjoni indiġena fl-Ewropa, is-Sami;

2.  Iqis li permezz tal-Istati Membri Nordiċi u l-pajjiżi kandidati, l-UE hija affettwata mill-politiki Artiċi u bl-istess mod għandha impatt fuq il-politiki Artiċi, u tirrikonoxxi l-ħidma li għaddejja f'diversi sħubiji tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, politika komuni tal-UE mar-Russja, man-Norveġja u mal-Islanda;

3.  Jenfasizza li ċerti politiki li huma relevanti għall-Artiku huma ta' kompetenza esklussiva tal-Unjoni, bħalma hija l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd, filwaqt li politiki oħrajn huma maqsumin ma' Stati Membri oħrajn;

4.  Jenfasizza li l-UE hija impenjata li tfassal ir-rispons ta' politika tagħha fl-Artiku fuq il-bażi tal-aħjar għarfien u fehim xjentifiku disponibbli tal-proċessi li jaffettwaw l-Artiku, u għal dan diġà qed tiddedika sforzi kbar fir-riċerka biex tiġġenera evidenza xjentifika soda biex tgħin fit-tfassil tal-politika;

5.  Billi huwa konxju tal-ħtieġa ta' protezzjoni tal-ambjent fraġli tal-Artiku, jenfasizza l-importanza tal-istabilità ġenerali u l-paċi fir-reġjun; jenfasizza li l-UE għandha ssegwi politiki li jiżguraw li l-miżuri biex jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali jikkunsidraw l-interessi tal-abitanti tar-reġjun Artiku, inklużi l-popli indiġeni tiegħu, għall-protezzjoni u l-iżvilupp tar-reġjun; jenfasizza s-similarità tal-approċċ, l-analiżi u l-prijoritajiet bejn il-Komununikazzjoni tal-Kummissjoni u d-dokumenti ta' politika fl-Istati Artiċi; jenfasizza l-bżonn li jiġu segwiti politiki li jirrispettaw l-interess f'ġestjoni u użu sostenibbli tar-riżorsi naturali fuq l-art u fil-baħar, rinnovabbli u mhux tar-reġjun Artiku, li min-naħa tagħhom jipprovdu riżorsi importanti għall-Ewropa u huma sors maġġuri ta' dħul ekonomiku għall-abitanti tar-reġjun;

6.  Jenfasizza l-fatt li adeżjoni futura tal-Islanda mal-UE tbiddel l-Unjoni f'entità tal-kosta Artika, filwaqt li jinnota li l-istatus tal-Islanda bħala pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE jenfasizza l-ħtieġa għal politika Artika koordinata fil-livell tal-UE u huwa opportunità strateġika għall-UE biex ikollha rwol aktar attiv u tikkontribwixxi għal governanza multilaterali fir-Reġjun Artiku; iqis li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE tikkonsolida aktar il-preżenza tal-UE fil-Kunsill Artiku;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-interazzjoni mal-komunitajiet Artiċi u tal-appoġġ ta' programmi fil-bini tal-kapaċitajiet sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet indiġeni u lokali fir-reġjun u jiġi akkwistat aktar fehim tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-kulturi ta' dawn il-komunitajiet; jistieden lill-UE biex tippromwovi djalogu aktar b'saħħtu mal-popli indiġeni u l-abitanti lokali Artiċi;

8 Jenfasizza l-ħtieġa ta' politika tal-UE maqgħuda u koordinata dwar ir-reġjun Artiku, fejn il-prijoritajiet tal-UE u l-isfidi potenzjali u l-istrateġija jkunu definiti b'mod ċar;
Rotot ġodda ta' trasport dinjin

9.  Jenfasizza l-importanza maġġuri tas-sikurezza u s-sigurtà ta' rotot ġodda tat-trasport dinjin permezz tal-baħar fl-Artiku, b'mod partikolari għall-UE u l-ekonomiji tal-Istati Membri, meta dawn il-pajjiżi jikkontrollaw 40% tat-trasport kummerċjali bil-baħar tad-dinja; jilqa' x-xogħol magħmul mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fuq Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu u x-xogħol tal-Gruppi ta' Ħidma tal-KA, partikolarment it-Taskforce għat-Tfittix u Salvataġġ (SAR); jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw b'mod attiv il-libertà tal-ibħra u d-dritt tal-passaġġ liberu mill-mogħdijiet internazzjonali tal-ilma;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' ferroviji u kurituri għat-trasport ġodda fiż-Żona Barents-Ewro-Artiku tat-Trasport (Beata) biex jiġi ffaċilitat il-bżonn li qed jikber għal kummerċ internazzjonali, xogħol fil-minjieri u żvilupp ekonomiku ieħor, kif ukoll konnessjonijiet bl-ajru fit-Tamuntana Estrema; jiġbed l-attenzjoni f'dan ir-rigward għas-Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana l-Ġdida dwar it-Trasport u l-Loġistika;

11.  Jissuġġerixxi li nazzjonijiet tat-trasport marittimu mhux Artiċi importanti li jużaw l-Oċean Artiku għandhom jiġu inklużi fir-riżultati tal-Inizjattiva ta' Ħidma ta' Tiftix u Salvataġġ tal-KA; għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Kunsill, flimkien mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza Marittima (EMSA), jikkoordinaw il-politiki tal-UE u tal-Istati Membri f'dak il-qasam partikolari fl-IMO, il-KA u organizzazzjonijiet oħra;

12.  Jindika li minkejja l-isforzi dwar Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu tista' tinstab soluzzjoni aktar mgħaġġla għall-kwistjoni tas-sikurezza tat-trasport marittimu Artiku permezz ta' koordinazzjoni u armonizzazzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u jistieden lill-EMSA biex tittratta kemm tista' t-trasport marittimu Artiku;

13.  Jilqa' inizjattivi oħrajn ta' kooperazzjoni rigward sikurezza u sigurtà fit-trasport marittimu fl-Artiku u aċċess aħjar għad-diversi rotot tal-baħar tat-Tramuntana; jenfasizza li dan jikkonċerna mhux biss it-traffiku kummerċjali iżda wkoll volum kbir u li qed jikber ta' trasport marittimu tat-turisti li jġorr ċittadini tal-UE; jitlob li ssir aktar riċerka dwar l-effett li t-tibdil fil-klima għandu fuq in-navigazzjoni fl-Artiku u fuq ir-rotot tat-tbaħħir; jitlob bl-istess mod li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt taż-żieda fin-navigazzjoni u fl-attivitajiet kummerċjali, inklużi attivitajiet lil hinn mill-kosta, fuq l-ambjent Artiku u fuq l-abitanti tiegħu;

14.  Jistieden lill-Istati fir-reġjun biex jassiguraw li kwalunkwe rotot tat-trasport attwali – u dawk li jistgħu jitfaċċjaw fil-futur – ikunu miftuħa għat-trasport marittimu internazzjonali u li jżommu lura milli jintroduċu piżijiet unilaterali u arbitrarji, kemm finanzjarji kif ukoll amministrattivi, li jistgħu jfixklu t-trasport marittimu fl-Artiku, minbarra l-miżuri maqbula internazzjonalment immirati biex tiżdied is-sigurtà jew għall-protezzjoni tal-ambjent;

Ir-riżorsi naturali

15.  Huwa konxju tal-bżonn tar-riżorsi għal popolazzjoni dinjija li dejjem qed tikber u jirrikonoxxi ż-żieda fl-interess fihom, kif ukoll id-drittijiet sovrani taħt il-liġi internazzjonali tal-Istati Artiċi; jirrakkomanda li kwalunkwe parti involuta tieħu passi sabiex tiżgura l-aktar standards għoljin ta' sikurezza, u standards soċjali u ambjentali fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali;

16.  Jenfasizza l-fatt li l-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) kif ukoll il-proċessi tal-valutazzjoni tal-impatt strateġiku u soċjali se jkunu għodod ċentrali fil-ġestjoni ta' proġetti u programmi konkreti fl-Artiku; jiġbed l-attenzjoni għad-Direttiva 2001/42/KE(5) dwar l-Istima Ambjentali Strateġika (SEA) u għall-fatt li l-Finlandja, l-Isvezja u n-Norveġja rratifikaw il-Konvenzjoni UNECE dwar l-EIA f'Kuntest Transkonfinali (il-Konvenzjoni Espoo), li se tipprovdi bażi tajba għall-promozzjoni attiva tal-proċeduri tal-istima tal-impatt fl-Artiku; jirreferi f'dan ir-rigward wkoll għall-Istqarrija Bergen maħruġa mil-Laqgħa Ministerjali tal-Kummissjoni OSPAR tat-23 u l-24 ta' Settembru 2010;

17.  Jistieden lill-Istati fir-reġjun biex isolvu kull konflitt attwali jew futur dwar l-aċċess għal riżorsi naturali fl-Artiku permezz ta' djalogu kostruttiv, possibilment fi ħdan l-KA, li tikkostitwixxi forum tajjeb għal diskussjoni bħal din; jenfasizza r-rwol tal-Kummissjoni tan-NU dwar il-Limiti tal-Blata Kontinentali (CLCS) biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti bejn l-Istati Artiċi dwar id-delimitazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom;

18.  Jindika b'mod partikolari r-responsabilità tal-Istati Artiċi biex jiġi żgurat li l-kumpaniji taż-żejt li jippjanaw li jkunu involuti fit-tħaffir għaż-żejt fil-baħar ġewwa l-fruntieri marittimi rispettivi tagħhom ikollhom it-teknoloġija u l-ħila esperta tas-sikurezza meħtieġa u li huma mħejjija finanzjarjament biex jipprevjenu u jirrispondu għad-diżastri tar-riggijiet taż-żejt u t-tixrid taż-żejt; jinnota li l-kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-fraġilità ekoloġika kbira tar-reġjun Artiku jeżiġu li l-kumpaniji taż-żejt involuti jiżviluppaw ħila esperta speċjali fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tat-tixrid taż-żejt fir-reġjun;

19.  Jilqa' l-ftehim ġdid ta' delimitazzjoni(6) bejn in-Norveġja u r-Russja, b'mod partikolari r-rieda espressa favur koperazzjoni aktar mill-qrib rigward l-ġestjoni konġunta tar-riżorsi, u l-ġestjoni konġunta kontinwa tal-istokk tal-ħut tal-Baħar Barents, inklużi dispożizzjonijiet rigward sostenibilità; iqis b'mod partikolari l-kooperazzjoni bilaterali bejn in-Norveġja u r-Russja bħala xempju ta' applikazzjoni konġunta tal-aqwa standards tekniċi disponibbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent fit-tfittxija għaż-żejt u l-gass fil-Baħar Barents; jindika b'mod partikolari l-importanza tal-iżvilupp kontroversjali ta' teknoloġiji ġodda żviluppati speċjalment għall-ambjent Artiku, bħat-teknoloġija tal-installazzjoni taħt qiegħ il-baħar;

20.  Huwa konxju tal-interpretazzjonijiet differenti tat-Trattat ta' Svalbard/Spitsbergen fir-rigward tal-applikabilità tiegħu għall-blata kontinentali u ż-żoni marittimi ta' Svalbard/Spitsbergen u, meta titqies l-aċċessibilità relattivament tajba tar-riżorsi fil-blata kontinentali, jilqa' ftehim dwar l-istatus legali tal-blata li jirrikonoxxi d-drittijiet u d-dmirijiet legali tal-istati tal-blata kostali; huwa fiduċjuż li kwalunkwe tilwim li jista' jinqala' se jiġi ttrattat b'mod kostruttiv;

21.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE bħala l-konsumatur prinċipali tar-riżorsi naturali tal-Artiku, kif ukoll fl-involviment tal-parteċipanti ekonomiċi Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli timpenja ruħha fis-sedqa tal-kooperazzjoni u t-trasfriment tat-teknoloġija sabiex tiżgura l-ogħla standards u proċeduri amministrattivi adegwati, sabiex tiġi stabbilità bażi xjentifika soda għat-tendenzi futuri u l-bżonnijiet ta' governanza tar-riżorsi Artiċi, bħalma huwa s-sajd, ix-xogħol tal-minjieri, il-forestrija u t-turiżmu u sabiex tagħmel użu sħiħ mill-kompetenzi ta' regolazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward; peress li l-attivitajiet ekonomiċi fl-Artiku se jiżdiedu, jistieden lill-UE tippromowovi l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli fih;

22.  Jinsisti li qabel jinfetaħ sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku, iridu jitwettqu valutazzjonjiet xjentifiċi tal-istokkijiet li jkunu affidabbli u ta' prekawzjoni biex jiġu ddeterminati l-livelli ta' sajd li jippreservaw l-istokkijiet ta' ħut immirati u ma jwasslux għall-eżawriment ta' speċi oħrajn jew għal ħsara serja għall-ambjent tal-baħar, u li kwalunkwe sajd fl-ibħra miftuħa għandu jiġi rregolat minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd li tirrispetta l-pariri xjentifiċi u jkollha programm sod ta' kontroll u ta' sorveljanza biex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri ta' ġestjoni, filwaqt li s-sajd fiż-Żoni Ekonomiċi Esklużivi (ŻEE) għandu jissodisfa l-istess standards;

23.  Iqis li l-ħolqien u l-infurzar ta' żoni tal-baħar protetti ta' daqs u diversità suffiċjenti huma għodda importanti fil-konservazzjoni tal-ambjent marittimu;

It-tibdil fil-klima u l-effetti tat-tniġġis fuq l-Artiku

24.  Jirrikonoxxi li l-UE, bħal żoni żviluppati oħrajn fid-dinja, tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għat-tibdil fil-klima u għalhekk għandha responsabbiltà speċjali u għandu jkollha rwol prinċipali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

25.  Jirrikonoxxi li l-aħjar protezzjoni għall-Artiku jkun ftehim ambizzjuż fuq perjodu ta' żmien twil u dwar il-klima globali, iżda jirrealizza li t-tisħin rapidu tal-Artiku jagħmilha neċessarja li, barra minn hekk, jaħdem fuq miżuri oħra possibbli fuq perjodu ta' żmien qasir biex jiġi limitat it-tisħin tal-Artiku;

26.  Iqis l-Artiku bħala reġjun sensittiv fejn l-effetti tat-tibdil fil-klima huma viżibbli b'mod speċjali, hekk li għandhom riperkussjonijiet fuq reġjuni oħrajn tad-dinja; jappoġġa għalhekk il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar żieda fil-kooperazzjoni mal-UNFCCC u man-Netwerks ta' Sostenn għall-Osservazzjoni tal-Artiku (SAON) u l-isforzi biex tinħoloq is-Sistema ta' Osservazzjoni Integrata ta' Svalbard (SIOS) u l-komponenti Artiċi tal-Osservatorju Multidixxiplinarju Ewropew ta' Qiegħ il-Baħar (EMSO), peress li dawn l-inizjattivi jiżguraw kontribut Ewropew uniku biex ikun hemm fehim tat-tibdil fil-klima u fl-ambjent fir-reġjun tal-Artiku;

27.  Jirrikonoxxi l-impatt sproporzjonalment kbir ta' tisħin tal-Artiku kkawżat mill-emissjonijiet ta' karbonju iswed mill-UE u minn reġjuni oħra fl-emisfera tat-Tramuntana, u jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed fil-qafas regolatorju relevanti tal-UNECE u tal-UE, bħall-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali fuq Medda Wiegħa u d-Direttiva tal-Limiti Massimi Nazzjonali tal-Emissjonijiet;

28.  Jilqa' għalhekk il-projbizzjoni tal-użu u l-ġarr ta' żejt tal-fjuwil tqil fuq vapuri li joperaw fiż-Żona tal-Antartiku, approvata mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-IMO (MEPC), li għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2011; jenfasizza li projbizzjoni simili tista' tkun xierqa fl-ibħra Artiċi biex tnaqqas ir-riskji lill-ambjent f'każ ta' aċċidenti

29.  Jappoġġja kooperazzjoni ikbar ma' stati Artiċi u dawk li mhumiex dwar l-iżvilupp ta' Netwerks ta' Sostenn għall-Osservazzjoni tal-Artiku (SAON) u jħeġġeġ l-Aġenzija Ewropea Ambjentali biex tkompli bil-ħidma siewja tagħha u biex tippromwovi l-kooperazzjoni permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) billi tuża l-prinċipji gwida tas-Sistema ta' Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS);

30.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-UE u n-nazzjonijiet ċirkumpolari fit-tnaqqis tat-tniġġis fir-reġjun tal-Artiku kkawżat minn trasport fuq distanzi twal, bħal pereżempju t-trasport marittimu; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea bħar-Regolament (KE) Nru 1907/2006(7); jindika l-fatt li l-bidliet klimatiċi fl-Artiku se jkollhom impatt maġġuri fuq ir-reġjuni kostali tal-Ewropa u mkejjen oħrajn u fuq setturi dipendenti fuq il-klima fl-Ewropa bħalma huma l-agrikoltura, is-sajd, l-enerġija rinnovabbli, it-trobbija ta' merħliet tar-renni, il-kaċċa, it-turiżmu u t-trasport;

Żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli

31.  Jirrikonoxxi li l-effetti tas-silġ li qed jinħall u t-temperaturi aktar moderati mhux biss qed jispostjaw il-popli indiġeni u b'hekk jiġi mhedded il-mod ta' ħajja indiġena, iżda qed joħolqu wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun Artiku; jirrikonoxxi x-xewqa tal-abitanti u tal-gvernijiet tar-reġjun Artiku bi drittijiet u responsabilitajiet sovrani li jkomplu jfittxu żvilupp ekonomiku sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu sorsi tradizzjonali tal-għajxien tal-popli indiġeni u n-natura sensittiva ħafna tal-ekosistemi tal-Artiku, meta titqies l-esperjenza tagħhom fl-użu u l-iżvilupp tar-riżorsi varji tar-reġjun b'mod sostenibbli; jirrakkomanda li jiġu applikati l-prinċipji ta' ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema biex jiġi kkonsolidat l-għarfien ekoloġiku xjentifiku mal-valuri u l-ħtiġijiet soċjali;

32.  Jenfasizza li huwa importanti li l-UE flimkien ma' rappreżentanti tar-reġjuni fiż-żona jiddiskutu l-importanza tal-Fondi Strutturali għall-iżvilupp u l-koperazzjoni sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi globali futuri bil-ħsieb li jsir progress u biex ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjali tal-iżvilupp taż-żona;

33.  Huwa tal-opinjoni li sabiex jiġi identifikat il-potenzjal speċifiku ta' kull post u biex jiġu żviluppati strateġiji adegwati ta' soluzzjoni dwar differenzi reġjunali, ikun jeħieġ proċess inklussiv bil-għajnuna tal-livelli nazzjonali u tal-UE; jemmen li s-sħubiji u d-djalogu bejn il-livelli kkonċernati ta' awtorità jassiguraw li l-politiki jistgħu jiġu implimentati fil-livell l-aktar effettiv;

34.  Jinnota l-pożizzjoni speċjali u jagħraf id-drittijiet tal-popli indiġeni tal-Artiku u jindika b'mod partikulari s-sitwazzjoni legali u politika tal-popli indiġeni fl-Istati Artiċi u fir-rappreżentanza tagħhom fil-Kunsill Artiku; jitlob li jkun hemm involviment akbar tal-popli indiġeni fit-tfassil tal-politiki; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri speċjali biex jiġu salvagwardati l-kultura, il-lingwa u d-drittijiet tal-art tal-popli indiġeni kif definit fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO; jitlob li jkun hemm djalogu regolari bejn ir-rappreżentanti tal-popli indiġeni u l-istituzzjonijiet tal-UE u jistieden barra minn hekk lill-UE tqis il-ħtiġijiet speċjali ta' żoni periferali skarsament popolati f'termini ta' żvilupp reġjonali, għajxien u edukazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati attivitajiet li jippromwovu l-kultura, il-lingwa u d-drawwiet tal-popli indiġeni;

35.  Jinnota li l-ekonomiji tal-popli indiġeni jiddependu ħafna fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u għalhekk it-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu u d-dritt tal-poplu indiġenu għal ambjent naturali mhux imniġġes huma wkoll kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem;

36.  Jilqa' l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-poplu indiġenu u tal-Mekkaniżmu Espert tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

37.  Jilqa' t-tlestija b'suċċess mill-Mekkaniżmu Espert tar-rapport ta' progress tiegħu dwar l-istudju fuq il-popli indiġeni u d-dritt li jipparteċipaw fit-tfassil tad-deċiżjonijiet;

38.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri Artiċi biex jimpenjaw ruħhom fin-negozjati li jwasslu għal Konvenzjoni ġdida ratifikata dwar is-Sami Nordiċi;

39.  Iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi b'mod attiv id-drittijiet tal-kultura u l-lingwa tal-poplu Finno-Ugric fir-Russja tat-Tramuntana;

40.  Jieħu nota tal-iżviluppi legali reċenti rigward il-projbizzjoni ta' prodotti tal-foki, b'mod partikolari l-azzjoni miġjuba għall-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009(8) (Kawża T-18/10, Inuit Tapiriit Kanatami vs il-Parlament u l-Kunsill) pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali; jinnota l-proċedura ta' konsultazzjoni taħt l-awspiċju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) mitluba mill-Kanada u n-Norveġja; jesprimi t-tama tiegħu li nuqqas ta' ftehim bejn il-partijiet jista' jingħeleb skont is-sentenzi tal-ECJ u r-riżultat tal-proċeduri tad-WTO;

41.  Huwa konxju mill-interess dejjem jiżdied fl-esplojtazzjoni tar-riżorsi; f'dak ir-rigward jindika l-ħtieġa għal approċċi wiesgħa b'bażi li tħaddan l-ekosistema kollha li aktarx ikunu kapaċi jittrattaw l-isfidi multipli li jiffaċċja l-Artiku relatati mat-tibdil fil-klima, it-trasport marittimu, perikli u kontaminanti ambjentali, is-sajd u attivitajiet oħra tal-bniedem, skont il-Politika Marittima Integrata tal-UE jew il-Pjan ta' Ġestjoni Integrat tan-Norveġja għall-Baħar Barents u żoni tal-baħar tal-Gżejjer Lofoten; jirrakkomanda lill-Istati Membri biex japprovaw il-Linji gwida tal-Kunsill Artiku dwar iż-Żejt u l-Gass Offshore tal-2009;

Il-Governanza

42.  Jirrikonoxxi l-istituzzjonijiet u l-qafas wiesa' ta' liġijiet u ftehimiet internazzjonali li jirregolaw oqsma ta' importanza fl-Artiku bħalma huma UNCLOS (inklużi l-prinċipji bażiċi tal-libertà tan-navigazzjoni u ta' mogħdija innoċenti), l-IMO, il-Konvenzjoni OSPAR(9), il-Kumitat tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC), CITES(10) u l-Konvenzjoni ta' Stokkolma, kif ukoll il-ftehimiet u l-oqsfabilaterali numerużi attwali, flimkien mar-regolamenti nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Artiki; għalhekk jasal għall-konklużjoni li r-reġjun Artiku ma jistax jitqies bħala vakum legali iżda żona b'għodod ta' governanza żviluppati tajjeb; madankollu jindika l-fatt li minħabba l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ekonomiku li qed jiżdied, dawk ir-regoli eżistenti jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar, imsaħħa u implimentati mill-partijiet kollha konċernati;

43.  Jenfasizza li, minkejja li l-Istati għandhom rwol prinċipali fit-tmexxija tal-Artiku, atturi oħra – bħall-organizzazzjonijiet internazzjonali, persuni indiġeni u lokali u awtoritajiet ta' taħt l-istat – għandhom rwoli importanti wkoll; jindika li huwa importanti li tiżdied il-fiduċja fost dawk b'interessi leġittimi fir-reġjun billi jittieħed approċċ partiċipattiv u jintuża d-djalogu bħala mezz ta' żvilupp ta' viżjoni komuni għall-Artiku;

44.  Jemmen li l-impressjoni mogħtija minn osservaturi oħrajn għall-hekk imsejħa ġirja għall-Artiku ma tgħinx biex isseddaq fehim kostruttiv u koooperazzjoni fir-reġjun; jindika li l-Istati tal-Artiku bosta drabi ddikjaraw li l-impenn tagħhom favur risoluzzjoni u f'xi każijiet ħadmu biex isolvu konflitti ta' interess possibbli skont prinċipji tal-liġi internazzjonali;

45.  Jirrikonoxxi l-irwol importanti tal-KA bħala l-aqwa forum reġjunali għall-kooperazzjoni għar-reġjun kollu tal-Artiku; ifakkar li, apparti l-Istati Membri tal-UE: id-Danimarka, l-Isvezja u l-Finlandja u l-Istat Kandidat: l-Islanda, li huma Membri tal-Kunsill Artiku, l-Istati Membri: il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Olanda, Spanja u l-Polonja huma osservaturi permanenti attivi; jafferma l-impenn tiegħu li ma jappoġġax arranġamenti li jeskludu kwalunkwe Stati Membri Artiċi tal-UE, pajjiżi kandidati Artiċi jew stati Artiċi taż-ŻEE/EFTA; jirrikonoxxi l-ħidma konkreta magħmula mill-gruppi ta' ħidma tal-KA bl-involviment tal-osservaturi u jistieden lill-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE biex ikompli jimpenjaw ruħhom attivament fil-gruppi ta' ħidma rilevanti kollha kulmeta jkun possibbli; huwa favur li tissaħħaħ il-bażi legali u ekonomika tal-KA;

46.  Jirrikonoxxi li l-isfidi li qiegħed jaffaċċja l-Artiku huma globali u għandhom għalhekk jinkludu lill-parteċipanti rilevanti kollha;

47.  Jilqa' r-riżultati tar-rapporti prinċipali li l-gruppi ta' ħidma tal-KA ipprovdew fl-aħħar snin dwar iż-żejt u l-gass Artiku, l-impatti tat-tisħin u l-ħtiġijiet ta' rispons ta' emerġenza;

48.  Jilqa' l-livell tal-organizzazzjoni politika tal-interessi indiġeni fil-Parlamenti tas-Sami u mbagħad saru l-Kunsill tas-Sami fl-Ewropa tat-Tramuntana u l-koperazzjoni fost diversi organizzazzjonijiet indiġeni fuq bażi ċirkumpolari u jirrikonoxxi r-rwol uniku tal-KA rigward l-involviment tal-popli indiġeni; jirrikonoxxi d-drittijiet tal-popli indiġeni tal-Artiku kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mill-EIDHR għall-benefiċċju tal-għoti tal-poter lill-poplu indiġenu Artiku;

49.  Jilqa' l-kooperazzjoni wiesgħa dwar kwistjonijiet bħalma huma l-protezzjoni tal-ambjent marittimu Artiku (il-Grupp ta' Ħidma PAME), mhux biss fil-livell reġjunali imma wkoll fil-livell bilaterali u internazzjonali; rigward dan jinterpreta x-xogħol magħmul fuq l-SAR fil-KA bħala l-ewwel pass lejn mekkaniżmi li jieħdu wkoll deċiżjonijiet vinkolanti;

50.  Jilqa' l-evalwazzjoni kontinwa tal-KA tal-ambitu u l-istruttura tal-ħidma tiegħu u jinsab fiduċjuż li se jkompli jwessa' l-bażi għal proċessi li jsawru d-deċiżjonijiet biex jinkludu atturi li mhumiex fil-KA;

51.  Jesprimi t-tama tiegħu li l-KA jkompli jiżviluppa aktar ix-xogħol importanti tiegħu u jwessa' l-bażi tal-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex jinkludu atturi oħra tal-Artiku li qed ikabbru l-preżenza taħghom fir-reġjun Artiku u b'hekk jinvolvi l-għarfien u l-kompetenzi tagħhom u jagħti kunsiderazzjoni lill-interessi leġittimi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin, l-importanza akbar b'mod sinifikanti tal-interessi tal-Istati Artiċi għandha tiġi enfasizzata; jilqa' l-proċedura interna fi ħdan il-KA rigward reviżjoni tal-istejtus ta' osservaturi u tal-futur possibbli tal-ambitu tal-kompiti tal-KA;

52.  Huwa tal-opinjoni li KA msaħħaħ għandu jkollu rwol ta' tmexxija fil-kooperazzjoni dwar l-Artiku u għalhekk jilqa' kapaċitajiet imtejba politikament u amministrattivament tal-KA, pereżempju s-segretarjat permanenti li qiegħed jiġi diskuss bħalissa, qsim aktar ugwali tal-ispejjeż, laqgħat ministerjali aktar frekwenti u Samit Artiku Annwali fl-Ogħla Livell, kif propost mill-Ministru għall-affarijiet Barranin tal-Istat membru tal-UE, il-Finlandja, li hija wkoll membru tal-Kunsill tal-Artiku; jilqa' wkoll involviment akbar tad-Deputati tal-Artiku biex tiġi enfasizzata d-dimensjoni parlamentari u biex wieħed ikun żgur li jiġu inklużi parteċipanti rilevanti mhux Artiċi; barra minn hekk jinsisti li laqgħat kontinwi ta' livell għoli bejn qalba aktar ġewwinija ta' Stati jwasslu biss biex idgħajfu l-istejtus u l-irwol tal-KA kollu kemm hu; jixtieq li l-KA jżomm l-approċċ tiegħu miftuħ u inklussiv u b'hekk jibqa' miftuħ għal dawk kollha interessati;

53.  Iqis id-Dimensjoni tat-Tramuntana bħala punt fokali għall-koperazzjoni reġjunali fl-Ewropa tat-Tramuntana; jinnota li l-erba' sħab, jiġifieri l-UE, l-Islanda, in-Norveġja u l-Federazzjoni Russa, kif ukoll il-Kunsill Artiku, il-Kunsill Barents-Ewro-Artiku, il-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku, il-Kunsill Nordiku tal-Ministri, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), il-Bank Ewropew ta' Investiment (EIB), il-Bank Nordiku ta' Investiment (NIB) u l-Bank Dinji (IBRD), huma parteċipanti fid-Dimensjoni tat-Tramuntana u li kemm il-Kanada u wkoll l-Istati Uniti għandhom stejtus ta' osservatur fid-Dimensjoni tat-Tramuntana; jenfasizza l-ħtieġa ta' allinjament mill-qrib bejn il-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u l-politika għall-Artiku tal-UE li qed tevolvi; jinnota t-Tieqa Artika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana; jenfasizza l-esperjenza siewja tas-sħubijiet tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, b'mod partikolari s-Sħubija l-ġdida tad-Dimensjoni tat-Tramuntana dwar it-Trasport u l-Loġistika u l-benefiċċji tagħha għall-kooperazzjoni fl-Artiku;

54.  Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għal stejtus ta' osservatur permanenti għall-UE fil-KA; jirrikonoxxi li l-Istati Membri tal-UE huma involuti fil-ħidma tal-KA permezz tad-diversi organizzazzjonijiet internazzjonali (bħall-IMO, l-OSPAR, l-NEAFC u l-Konvenzjoni ta' Stokkolma) u jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza fil-politiki kollha tal-UE għall-Artiku; jitlob lill-Kummissjoni sabiex iżżomm lill-Parlament informat kif dovut dwar laqgħat u xogħol fil-KA u l-Gruppi ta' Ħidma tiegħu; jenfasizza sadanittant li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma diġà preżenti bħala membri jew osservaturi f'organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn b'relevanza għall-Artiku, bħalma huma l-IMO, l-OSPAR, l-NEAFC u l-Konvenzjoni ta' Stokkolma u għalhekk għandhom jiffokaw b'mod aktar koerenti fuq ix-xogħol f'dawn l-organizzazzjonijiet; jenfasizza f'dan ir-rigward b'mod partikolari l-ħtieġa ta' koerenza fil-politiki kollha tal-UE fir-rigward tal-Artiku; iħeġġeġ lill-KA biex jinvolvi li-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi aktar mill-qrib bħala osservaturi ad hoc;

55.  Iqis il-Kunsill Barents-Ewro-Artiku (BEAC) bħala hub importanti għall-koperazzjoni bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea; jinnota x-xogħol tal-BEAC fl-oqsma tas-saħħa u kwistjonijiet soċjali, tal-edukazzjoni u r-riċerka, tal-enerġija, tal-kultura u tat-turiżmu; jinnota r-rwol konsultattiv tal-Grupp ta' Ħidma tal-Popli Indiġeni (WGIP) fi ħdan il-BEAC;

Konklużjonijiet u talbiet

56.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa l-Grupp Inter-Servizzi eżistenti fi struttura permanenti fost is-servizzi sabiex tiżgura approċċ għall-politiki li jkun koerenti, koordinat u integrat fl-oqsma kollha ta' politiki kruċjali li huma relevanti għall-Artiku, bħalma huma l-ambjent, l-enerġija, it-trasport u s-sajd; jirrakkomanda li jassenja t-tmexxija konġunta ta' din l-istruttura lill-EEAS u lid-DG MARE, dan tal-aħħar jagħmilha ta' koordinatur trasversali fi ħdan il-Kummissjoni; jirrakkomanda wkoll f'dan is-sens il-ħolqien ta' unità Artika fl-EEAS;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni, biex waqt in-negozjati ta' ftehim bilaterali, jiġi kkunsidrat il-fatt li l-ekosistema Artika sensittiva għandha tiġi protetta, l-interessi tal-popolazzjoni Artika, inklużi l-gruppi ta' popolazzjoni indiġena tagħha, għandhom jiġu mħarsa u r-riżorsi naturali tal-Artiku għandhom jintużaw b'mod sostenibbli, u jitlob lill-Kummissjoni biex tiġi ggwidata minn dawn il-prinċipji b'rabta mal-attivitajiet kollha;

58.  Jinnota li d-data xjentifika turi b'mod ċar li l-ekosistema Artika attwalment għaddejja minn bidliet massivi relatati mal-klima u li din is-sitwazzjoni teħtieġ li jittieħed approċċ ta' prekawzjoni u xjentifikament robust għal kwalunkwe żvilupp fl-Artiku fil-ġejjieni; jitlob għal aktar studji xjentifiċi fil-qafas ta' ftehim multilaterali li għandu jiġi kkompletat biex il-komunità internazzjonali tkun infumata biex tifhem l-ekosistema Artika u t-teħid ta' deċiżjonijiet dwarha qabel jinbeda kull żvilupp maġġuri ieħor;

59.  Jenfasizza l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-kontributuri prinċipali għar-riċerka relevanti tal-Artiku, il-kooperazzjonai reġjunali u l-iżvilupp ta' teknoloġija relevanti għar-reġjun u lilhinn minnu, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibilitajiet sabiex jiġu żviluppati inizjattivi ta' kofinanzjament ċirkopolari u koprogrammazzjoni sabiex jiffavorixxu kooperazzjoni aktar effettiva bejn esperti mill-pajjiżi involuti; jitlob lill-UE tippromwovi attivitajiet ta' koperazzjoni mal-USA, mal-Kanada, man-Norveġja, mal-Islanda, mal-Groenlandja u mar-Russja fil-qasam tar-riċerka multidixxiplinarja tal-Artiku, biex b'hekk jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' finanzjament koordinat; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex toħloq mezz biex taħdem direttament ma' Stati Membri Artiċi, organizzazzjonijiet indiġeni u istituti Artiċi ta' riċerka sabiex jgħinu fl-informazzjoni lill-UE dwar kwistjonijiet relevanti, suġġetti importanti ta' riċerka, u kwistjonijiet li jikkonċernaw lil dawk li qed jgħixu u jaħdmu fl-Artiku biex jgħinu t-twaqqif ta' attivitajiet futuri ta' riċerka;

60.  L-opinjoni tiegħu hi li l-UE għandha tiżviluppa aktar il-kapaċitajiet tagħha u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tesplora u tirrapporta dwar it-twaqqif kif ukoll il-kontinwazzjoni ta' attivitajiet tal-UE fl-Artiku bħalma hu l-finanzjament ta' programm ta' riċerka konġunta multilaterali ċirkopolari li jipprevedi kooperazzjoni eħfef u anqas burokratika u proġetti konġunti tal-komuniutà tar-riċerka; jitlob lill-Kummissjoni tesplora bħala prijorità ewlenija t-twaqqif ta' Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku bħala impriża konġunta f'netwerk, filwaqt li tqis proposti adattati; jinnota l-proposta mill-Università ta' Lapland f'dan ir-rigward; iqis li ċentru bħal dan jeħtieġ li jkun kapaċi kemm li jorganizza avviċinament permanenti mill-UE lejn il-parteċipanti ewlenin rilevanti għall-Artiku kif ukoll li jidderieġi l-informazzjoni u s-servizzi Artiċi lejn l-Istituzzjonijiet u l-partijiet interessati tal-UE;

61.  Jenfasizza li sabiex jiġu determinati b'mod oġġettiv in-natura u r-rata tal-bidliet li jseħħu fl-ambjent naturali tal-Artiku, huwa vitali li t-tims internazzjonali tax-xjentisti jingħataw aċċess sħiħ biex titwettaq ir-riċerka f'dan il-qasam partikolarment sensittiv tal-pjaneta tagħna; jindika li l-UE qed iżżid il-preżenza u l-involviment tagħha, partikolarment fis-settur Ewropew tal-Artika, billi tibni infrastruttura konġunta għar-riċerka u żżid in-numri ta' programmi tar-riċerka mwettqa fl-Artiku; jappoġġa b'mod partikolari t-timijiet ta' riċerka magħmula minn xjentisti minn ħafna oqsma differenti u li jirrappreżentaw il-pajjiżi kollha involuti; jilqa' l-kooperazzjoni li ta' spiss tkun tajba u miftuħa fir-riċerka u huwa tal-opinjoni li din ir-riċerka għandha tkun miftuħa, xi ħaġa li tkun fl-interess tal-komunità internazzjonali kollha kemm hi u li tippermetti li din tkun disponibbli għall-użu minnha;

62.  Jenfasizza l-kontribuzzjoni tal-objettiv tal-Koperazzjoni Ewropea Territorjali tal-UE, bħala valur ċar miżjud Ewropew, b'mod partikolari l-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ta' Kolartic u Karelia kif ukoll il-programm tas-CBC tal-Baċin tal-Baħar Baltiku, li jinkludi r-reġjun ta' Barents; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora kif Programm imsaħħaħ tal-Periferija tat-Tramuntana jista' jkollu impatt simili fuq Strateġija Artika fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

63.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi biex jinħolqu malajr u b'mod effiċjenti l-osservatorji SIOS u EMSO bħala kontributuri uniċi għal fehim u ħarsien aħjar tal-ambjent Artiku;

64.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti dwar kif il-Proġett Galileo jew progetti bħall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà li jista' jkollhom impatt fuq l-Artiku jistgħu jiġu żviluppati sabiex ikun hemm navigazzjoni aktar sikura u ta' malajr fl-ibħra tal-Artiku u b'hekk isir investiment fis-sikurezza u l-aċċessibilità tal-Passaġġ tat-Tramunatana-Lvant b'mod partikolari, sabiex jikkontribiwixxu għal predittibilità aħjar tal-moviment tas-silġ, kif ukoll immappjar aħjar ta' qiegħ il-baħar Artiku u fehim tal-proċessi ġeodinamiċi prinċipali fil-qasam, li huma ta' importanza maġġuri għall-ġeodinamika tad-Dinja u għaċ-ċiklu tal-ilma fir-reġjuni polari u sabiex jittejjeb l-għarfien tagħna dwar ekosistemi uniċi;

65.  Jitlob lill-gvernijiet kollha fir-reġjun Artiku, speċjalment dak tar-Russja, biex jadottaw u japprovaw id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Settembru 2007;

66.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-ftehimiet prinċipali kollha rigward id-drittijiet tal-popli indiġeni, bħall-Konvenzjoni 169 tal-ILO;

67.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipproponu, bħala parti mill-ħidma li għadha għaddejja tal-IMO dwar Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu, li l-emissjonijiet ta' nugrufun u żejt tal-fjuwil tqil għandhom ikunu regolati b'mod speċifiku; fil-każ li tali negozjati ma jħallux frott, jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar regoli għall-vapuri li jidħlu fil-portijiet tal-UE wara jew qabel vjaġġi minn ġo ibħra Artiċi, bil-għan li jiġi impost reġim strett li jillimita l-emissjonijiet ta' nugrufun u l-użu u l-ġarr ta' żejt tal-fjuwil tqil;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati tar-reġjun tal-Artiku.

(1) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 41.
(2) L-2985 laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin.
(3) L-2914 laqgħa tal-Kunsill.
(4) 2009/10:UU4.
(5) ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.
(6) Iffirmat fil-15 ta' Settembru 2010.
(7) ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.
(8) ĠU L 286, 31.10.2009, p. 36.
(9) Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar fil-Grigal tal-Atlantiku.
(10) Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċi Pperikolati ta' Fawna u Flora Selvaġġi.


Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed
PDF 348kWORD 116k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed (2010/2087(INI))
P7_TA(2011)0025A7-0378/2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Sinerġija tal-Baħar l-Iswed – Inizjattiva ta' Kooperazzjoni Reġjonali Ġdida” (COM(2007)0160),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjoniet tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed tal-14 ta' Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u taż-żona estiża madwar il-Baħar l-Iswed, adottata fi Kiev fl-14 ta' Frar 2008,

–  wara li kkunsidra r-“Rapport dwar l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tas-sinerġija tal-Baħar l-Iswed” tal-Kummissjoni, adottat fid-19 ta' Ġunju 2008 (COM(2008)0391),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta li nediet is-Sħubija Ambjentali tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed (Brussell, 16 ta' Marzu 2010),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2006)0726) u l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tippreżenta r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fl-2011,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija għall-Adeżjoni mat-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni konklużi mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, u n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni l-ġodda, kif ukoll il-Pjanijiet ta' Azzjoni rispettivi tal-PEV,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti ta' Progress tal-PEV dwar l-Armenja, l-Azerbajġan, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Ġeorġja u l-Ukraina adottati mill-Kummissjoni fit-12 ta' Mejju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u Kooperazzjoni kunkluż mal-Federazzjoni Russa, u n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar Ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2008 bl-isem “Is-Sħubija tal-Lvant” (COM(2008)0823),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra l-progress reċenti fid-djalogu dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi mal-pajjiżi mir-reġjun,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, il-Federazzjoni Russa, it-Turkija, l-Ukraina u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, kif ukoll dwar il-Politika Marittima Integrata,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0378/2010),

A.   billi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed hu pont strateġiku li jgħaqqad lill-Ewropa maż-żona tal-Baħar Kaspju, l-Ażja Ċentrali u l-Lvant Nofsani u anke max-Xlokk tal-Ażja u taċ-Ċina, u hu kkaratterizzat b'rabtiet mill-qrib u potenzjal kbir, imma anke b'diversitajiet u rivalitajiet; billi r-reġjun jinkludi l-Bulgarija, il-Greċja u r-Rumanija, li huma Stati Membri tal-UE, it-Turkija li huwa pajjiż kandidat, u l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorgja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina li huma sħab tal-PEV, kif ukoll il-Federazzjoni Russa bħala sieħba strateġika,

B.   billi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed huwa ta' importanza strateġika għall-UE; billi l-Baħar l-Iswed huwa parzjalment intern għall-UE u ġeografikament, fil-parti l-kbira tiegħu, baħar Ewropew, u dan iwassal kemm għal sfidi u opportunitajiet kondiviżi għall-UE u l-pajjiżi tar-reġjun, kif ukoll għal ħtieġa komuni li jiġi żgurat li jkun hemm spazju ta' paċi, demokrazija, sigurtà, stabilità, kooperazzjoni reġjonali u prosperità sostenibbli madwar il-Baħar l-Iswed, billi, fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, hemm bżonn ta' approċċ koeżiv, sostenibbli u strateġiku,

C.   billi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed hu ambjent soċjalment, kulturalment u reliġjożament għani fejn id-djalogu interkulturali u interreliġjuż għandu jiżvolġi rwol ċentrali,

D.  billi s-Sinerġja tal-Baħar l-Iswed (SBI) kellha l-mertu li tirrikonoxxi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed bħala wieħed strateġiku għall-UE, kif ukoll il-bżonn li jissaħħaħ l-involviment tal-UE f'din iż-żona; billi r-riżultati tal-SBI s'issa kienu pjuttost limitati u ma teżisti l-ebda stampa ċara u komprensiva tar-riżultati tal-implimentazzjoni attwali tal-SBI, u dan qiegħed iwassal biex l-UE tkun esposta għall-kritika li m'għandhiex viżjoni strateġika għar-reġjun u li qed tapplika approċċ frammentat fir-rigward tal-implimentazzjoni,

E.   billi ma tfassal l-ebda Pjan ta' Azzjoni li jistipula objettivi u punti ta' referenza konkreti, u mekkaniżmi ta' rappurtaġġ, monitoraġġ, valutazzjoni u segwitu kif kien talab il-Parlament saħansitra fl-ewwel riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Baħar l-Iswed,

F.  billi ħareġ biss rapport ta' progress wieħed, fl-2008, li ma ġie segwit bl-ebda mekkaniżmu ta' rappurtaġġ regolari; billi ma twettqux ħafna proġetti u s'issa tnediet biss Sħubija dwar l-Ambjent,

G.  billi mill-2008 ma saret l-ebda konferenza ministerjali, fatt li jenfasizza n-nuqqas ta' viżibilità tal-SBI u ta' viżjoni strateġika u gwida politika għaliha,

H.  billi l-isforzi li saru s'issa, filwaqt li ta' min ifaħħarhom, kienu mxekkla b'mod serju minħabba organizzazzjoni amministrattiva fqira, nuqqas ta' impenn istituzzjonali u politiku, u nuqqas ta' riżorsi umani u riżorsi finanzjarji dedikati,

I.   billi seħħew ħafna żviluppi fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed mill-2008, u minkejja li jidher li l-kooperazzjoni reġjonali qiegħda tavvanza f'ċerti oqsma tekniċi bħalma huma l-ambjent, l-edukazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġija, kif ukoll fl-approssimazzjoni normattiva, għadd ta' sfidi bħalma huma l-kunflitti mtawla fil-Kawkasu u t-Transnistrija, is-sigurtà marittima u l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ, il-militarizzazzjoni, il-popolazzjonijiet spustjati u d-deterjorament tat-tmexxija demokratika għadhom jippersistu u saħansitra żdiedu fl-intensità,

J.   billi l-missjoni tal-Presidenza Franċiża, flimkien ma' azzjoni mal-Istati Membri, uriet l-impenn tal-UE li trażżan u ssolvi l-kunflitt fil-Ġeorġja,

K.   billi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandu importanza ġeostrateġika għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE fir-rigward, b'mod partikolari, tad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija,

L.  billi inizjattivi oħrajn tal-UE li jinvolvu l-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed m'għandhomx jitqiesu bħala kompetizzjoni għall-SBI, iżda aktar bħala komplementari,

M.   billi l-Kummissjoni ntalbet tiżviluppa Strateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, li għandha tqis l-interkonessjoni mill-qrib tiegħu mar-reġjun tal-Baħar l-Iswed,

1.  Jikkunsidra li, minħabba l-importanza strateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-UE u r-riżultati pjuttost limitati tal-SBI, għandha titnieda strateġija li ssaħħaħ il-koerenza u l-viżibilità tal-azzjoni tal-UE fir-reġjun u li l-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed tal-UE għandha tkun parti integrali mill-viżjoni tal-politika dwar is-sigurtà u l-affarijiet barranin aktar estiża tal-UE;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ifasslu strateġija għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, b'mod parallel mar-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, biex b'hekk jiġi definit approċċ integrat u komprensiv tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tar-reġjun, bi pjan ta' azzjoni dettaljat, objettivi ċari, inizjattivi eżemplari u punti ta' referenza; jemmen li l-istrateġija se tiżgura l-koordinazzjoni effettiva tal-attivitajiet u t-tqassim tax-xogħol;

3.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u s-SEAE biex regolarment jerġgħu jeżaminaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija billi jistabbilixxi mekkaniżmi konkreti ta' monitoraġġ, valutazzjoni, segwitu u rappurtaġġ; iħeġġeġ li l-kumitati tal-Parlament Ewropew rilevanti jiġu kkonsultati fl-istadji ewlenin ta' dan il-proċess;

4.  Jirrakkomanda li hemm bżonn li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-politika fil-livell tal-UE u l-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

5.  Jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE għandhom jaqblu rigward prijoritajiet ċari biex sussegwentement jkun jista' jitfassal pjan ta' azzjoni realistiku u finanzjarjament sod, flimkien ma' sistema korrispondenti għall-evalwazzjoni tal-effikaċità tiegħu;

6.  Jenfasizza li jridu jiġu ddedikati r-riżorsi umani adegwati biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija l-ġdida, b'mod partikulari billi dik l-istrateġija titqies b'mod viżibbli fl-istruttura organizzattiva u l-persunal tas-SEAE;

7.  Jilqa' t-tnedija tal-Programm Operattiv Konġunt għall-Kooperazzjoni Transkonfinali fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed taħt l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija u jemmen li l-ammont kbir ta' applikazzjonijiet li waslu jirrifletti livell għoli ta' interess fil-proġetti konġunti ta' kooperazzjoni fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; ifaħħar l-approvazzjoni ta' 16-il proġett ġdid mill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ f'Novembru 2010; jemmen, madankollu, li r-rata batuta tal-funzjonament tal-programm tirrifletti n-nuqqasijiet tal-mekkaniżmi ta' finanzjament attwali; jindika, b'mod partikolari, id-diffikultajiet legali marbutin mal-ħtieġa li jiġu ffinanzjati l-parteċipanti permezz ta' strumenti finanzjarji differenti u jistieden lill-Kummissjoni taħseb f'soluzzjonijiet biex telimina tali ostakoli; hu tal-fehma li anke l-proġetti ta' investiment jistgħu jiġu koperti mill-programm;

8.  Jitlob sabiex jitfassal Programm Operattiv Konġunt tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed għall-perjodu ta' pprogrammar li jmiss biex jiġu indirizzati u jitkomplew bi sħiħ l-isforzi biex jinkisbu l-objettivi kollha ddikkjarati fid-Dokument ta' Strateġija għall-kooperazzjoni transkonfinali tal-ENPI għall-2007-2013; jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti termini uniformi għar-regolar tal-applikazzjonijiet, biex b'hekk kull entità legali f'kull stat parteċipanti fiż-żona koperta mill-programm tingħata l-opportunità li tapplika bħala l-parteċipant ewlieni; jikkunsidra li l-pajjiżi kollha fil-Programm Operattiv Konġunt tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed għandhom ikunu involuti u inkoraġġuti attivament biex jipparteċipaw fil-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss;

9.  Huwa konvint, għaldaqstant, li s-suċċess tal-istrateġija jiddependi fuq l-għoti ta' finanzjament xieraq u identifikabbli; jitlob li tinħoloq linja baġitarja speċifika għall-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed, u għall-Iżvilupp ta' metodi ta' ħlas effiċjenti, imfassla għall-karatteristiki speċifiċi tar-reġjun, u ta' kontrolli tal-użu tal-fondi; jinkoraġġixxi l-finanzjament prijoritarju ta' proġetti ta' żvilupp fuq skala żgħira; jistieden lill-Kummissjoni u lir-reġjuni jippromwovu l-proġetti bejn in-nies (“people-to-people”) fil-qafas tal-kooperazzjoni transkonfinali u jipprovdu għall-istrument ta' finanzjament għall-Fond għal Proġetti Żgħar u jsaħħuħ;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ibbażat fuq il-proġetti bl-intenzjoni li jiġu inklużi l-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet kummerċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra fid-disinn, is-sjieda konġunta u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed; jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed permezz tad-definizzjoni ta' punti ta' referenza jew ta' indikaturi xierqa oħra;

11.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' sinerġiji fost il-politiki varji tal-Unjoni involuti fl-Istrateġija, b'mod partikulari l-Fondi Strutturali, il-Programm Qafas ta' Riċerka u Żvilupp u n-Netwerks Trans-Ewropej ta' Trasport, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-azzjonijiet iffinanzjati; b'dan il-mod, l-opportunitajiet maħluqa minn inizjattiva ta' żvilupp ekonomiku waħda jkunu jistgħu jiġu adottati minn inizjattiva komplementari oħra;

12.  Iqis l-inklussività u s-sjieda reġjonali bħala prinċipji importanti tal-approċċ tal-UE fir-rigward tar-reġjun u jikkunsidra t-Turkija u r-Russja bħala sħab li idealment għandhom ikunu involuti b'mod xieraq fil-kooperazzjoni reġjonali tal-Baħar l-Iswed; jemmen li r-rwol doppju tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Greċja bħala Stati tax-xtut u Stati Membri tal-UE huwa essenzjali għas-suċċess tal-politika tal-UE fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

13.  Jikkunsidra li sabiex tiġi pprovduta viżibilità, gwida strateġika u koordinament ta' livell għoli, il-laqgħat ministerjali bejn l-UE u l-pajjiżi tar-reġjun aktar estiż tal-Baħar l-Iswed għandhom jiġu organizzati fuq bażi regolari u għandhom jinkudu l-atturi u l-pajjiżi kollha fir-reġjun, flimkien mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed (BSEC), il-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed kontra t-Tniġġis, il-BERŻ u l-BEI; jinsab konvint li djalogu istituzzjonali li jressaq flimkien l-UE u l-BSEC jista' jkun pass lejn ħolqien ta' sħubija ġenwina fir-reġjun; madankollu, jinnota li attwalment jidher li l-BSEC qed tiffaċċja diffikultajiet strutturali u teħtieġ tixtil u riforma sabiex issir sieħba reġjonali effiċjenti;

14.  Jiddeplora l-fatt li l-Forum tal-Baħar l-Iswed għad-Djalogu u s-Sħubija ġie affettwat b'mod negattiv bit-tensjonijiet reġjonali u, b'riżultat ta' dan, għadu ma ġiex stabbilit; jikkunsidra li tali Forum jista' jkollu rwol fil-ġenerazzjoni ta' ideat u fit-trawwim ta' djalogu fost l-atturi reġjonali;

15.  Jemmen li l-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed għandha tiġi żviluppata fil-livelli kollha tal-kooperazzjoni reġjonali; jilqa' l-kooperazzjoni parlamentari bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed,

16.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrateġija, minħabba r-rabtiet qawwija tagħhom mat-territorju u man-nies lokali; jitlob, għalhekk, li jiġu identifikati l-bżonnijiet tagħhom u li jkunu kompletament involuti fl-istrateġija;

17.  Jilqa' l-ħolqien tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Baħar l-Iswed u jinkoraġġixxi l-koperazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet legali, is-soċjetà ċivili u n-negozju; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ imsaħħaħ lis-soċjetà ċivili, inkluż l-appoġġ lin-netwerks tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizza r-rwol li għandu s-settur mhux governattiv biex jiżgura kemm l-implimentazzjoni effikaċi tal-attivitajiet tal-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed u s-suċċess tal-miżuri li jibnu l-fiduċja;

18.  Jisħaq fuq in-natura komplementari tal-SBI u s-Sħubija tal-Lvant, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu pożittiv mill-approċċi differenti taż-żewġ inizjattivi u tiċċara, fil-livelli kollha, kif dan il-grad sostanzjali ta' komplementarjetà għandu jiġi sfruttat; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiżgura li s-SEAE jikkoordina b'mod effikaċi l-inizjattivi u l-istrumenti varji użati mill-UE fir-reġjun aktar estiż tal-Baħar l-Iswed;

19.  Jilqa' l-iżvilupp tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, li għandha titlesta sal-aħħar ta' din is-sena, u jitlob li tiġi approvata u biex fl-ewwel parti tal-2011 tinbeda l-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi estiża l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju lejn ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jirrimarka li l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun tad-Danubju se jkompli jsaħħaħ l-importanza ġeostrateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; konsegwentement, filwaqt li jirrikonoxxi n-natura differenti tar-reġjuni u l-fokus ġeografiku distint taż-żewġ strateġiji, jikkunsidra li għandhom ikunu komplementari u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku;

20.  Jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv ewlieni tal-UE u l-Istati Membri fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar l-Iswed għandu jkun it-twaqqif ta' spazju ta' paċi, demokrazija, prosperità u stabilità, imsejjes fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdi għal sigurtà tal-enerġija għall-UE; jikkunsidra li l-governanza tajba, l-istat tad-dritt, il-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-ambjent u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali għandhom jikkostitwixxu azzjonijiet prijoritarji;

Is-sigurtà u l-governanza tajba

21.  Ifakkar li r-reġjun tal-Baħar l-Iswed jeħtieġ politiki attivi u soluzzjonijiet dewwiema biex jegħleb l-isfidi reġjonali u transnazzjonali konsiderevoli li qed jaffaċawh, bħal pereżempju kunflitti mtawwla, popolazzjonijiet spustjati, tilwim bilaterali, fruntieri magħluqa u rivalitajiet strateġiċi li jwasslu għall-militarizzazzjoni u l-proliferazzjoni tal-armi, governanza u istituzzjonijiet dgħajfa, u d-deterjorament tat-tmexxija demokratika, il-kriminalità u t-traffikar transkonfinali, l-immaniġġjar tal-fruntieri u tal-movimenti u sigurtà u sikurezza marittima fqar;

22.  Jisħaq fuq l-importanza vitali li jiġu stabbiliti, imħeġġa u żviluppati relazzjonijiet ta' ġirien tajba bejn il-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed bħala prekundizzjoni għall-kooperazzjoni ta' suċċess, u jqis li hi xi ħaġa inaċċettabbli li r-reġjun għadu qed jiffaċċja l-problema ta' fruntieri magħluqa bejn il-pajjiżi ġirien;

23.  Jemmen li l-UE tista' u għandha tiżvolġi rwol aktar attiv fit-tiswir tal-ambjent ta' sigurtà tal-Baħar l-Iswed; jitlob involviment imsaħħaħ tal-UE fid-djalogu strateġiku reġjonali u kooperazzjoni tal-UE mas-sħab stateġiċi tagħha dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u dwar prevenzjoni ta' kunflitti u r-riżoluzzjoni tagħhom, f'konformità mal-liġi internazzjonali; jenfasizza li l-iżvilupp sħiħ tal-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed hu marbut ukoll mal-progress konkret fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti attwalment mhux riżolti; jistieden, għaldaqstant, lill-UE tinvolvi ruħha b'mod aktar dirett u tieħu rwol mexxej fin-negozjati u l-proċessi għall-paċi, sabiex tintensifika l-miżuri għall-bini tal-fiduċja u l-programmi ta' assistenza bl-intenzjoni li tistabbilixxi l-bażi għal soluzzjonijiet dewwiema u komprensivi u li ttaffi l-konsegwenzi tal-kunflitti għan-nies lokali; ifaħħar il-ħidma tal-EUBAM u tal-EUMM;

24.  Jitlob lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jintensifika l-isforzi sabiex jinkoraġġixxi lir-Russja tikkonforma mal-Pjan fuq sitt punti ta' Sarkozy biex il-kunflitt fil-Ġeoġja jiġi stabbilizzat u riżolt;

25.  Jindika l-ħtieġa li jissaħħu s-sistemi ta' monitoraġġ u jistieden lill-UE tiżviluppa sistema ta' avviż bikri bħala mezz għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-fiduċja fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, sabiex jiġu evitati d-destabbilizzazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-kunflitti; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lil każijiet konkreti minflok espressjonijiet ġenerali ta' tħassib; jitlob li jingħata l-kunsiderazzjoni lill-miżuri li jibnu l-fiduċja bħal pereżempju l-iżvelar pubbliku tal-bejgħ tal-armi u tal-attivitajiet militari navali; jesprimi tħassib partikulari dwar l-estensjoni tal-ftehim portwali għall-Flotta tal-Baħar l-Iswed tar-Russja fil-Krimea u l-impatt li jista' jkollu fuq l-istabilità fir-reġjun;

26.  Jistieden lill-UE tieħu passi biex tistabbilixxi qafas legali reġjonali u mekkaniżmi li jindirizzaw il-proliferazzjoni tal-armi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

27.  Jitlob li l-kriminalità u t-traffikar transkonfinali, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-drogi u l-bnedmin, jiġu indirizzati fl-Istrateġija tal-Baħar l-Iswed, kif ukoll li l-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u l-movimenti tkompli tissaħħaħ;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u minnu permezz tat-tisħiħ tal-integrazzjoni politika, ekonomika u soċjali tal-immigranti, ibbażata fuq il-prinċipji tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni tal-UE;

29.  Jinnota ż-żieda fl-għadd ta' inċidenti fil-baħar f'dawn l-aħħar snin, li laqtu bnedmin u għamlu danni ambjentali, u l-fatt li l-istati tax-xtut ma rnexxilhomx iwettqu operazzjonijiet ta' salvataġġ koordinati u ta' suċċess; f'dan ir-rigward jitlob lill-UE tuża l-Politika Marittima Integrata biex tikkoordina l-attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ u ta' prevenzjoni tal-inċidenti fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jitlob għall-istabbiliment ta' strateġija ta' sorveljanza tal-Baħar l-Iswed;

30.  Jemmen li strateġija ta' sigurtà għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandha tinkorpora wkoll l-objettivi tat-titjib tal-governanza, it-tmexxija demokratika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-kapaċitajiet statali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jintegraw fil-kurrent dominanti l-inizjattivi għall-bini tal-istituzzjonijiet u l-governanza demokratika li huma indispensabbli għal kwalunkwe stat li jixtieq jiżviluppa b'suċċess; jenfasizza li l-objettiv li jitjiebu l-governanza, l-istat tad-dritt u l-istrutturi tal-istat fl-ex stati Sovjetiċi fir-reġjun, hu fih innifsu strateġija ta' sigurtà, billi l-falliment totali jew parzjali min-naħa tal-istat u l-istaġnar politiku joħolqu l-kundizzjonijiet għal interferenza esterna u theddid transnazzjonali;

31.  Jenfasizza li l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed trid tqiegħed enfasi kbira fuq id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tad-demokrazija fir-reġjun kollu, li għandu jinkludi l-promozzjoni ta' kooperazzjoni ta' suċċess fost l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tagħha;

32.  Jinnota li r-rispett dejjem jikber għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija madwar id-dinja huwa fost il-prijoritajiet tal-UE; jindika li vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iseħħu ta' kuljum fl-Ossezja t'Isfel u l-Abkhazia okkupati; jistieden lill-UE, u b'mod partikolari lis-SEAE, għalhekk, jirreaġixxu b'mod attiv għal kull forma ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

33.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandha l-OSKE fir-reġjun u jqis li hu essenzjali li l-UE tikkoopera mal-OSKE fl-oqsma tal-bini tal-istituzzjonijiet, l-istat tad-dritt, l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, il-libertà medjatika u d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

L-enerġija, it-trasport u l-ambjent

34.  Jikkunsidra, minn naħa waħda, li r-reġjun tal-Baħar l-Iswed hu ta' importanza strateġika għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE u, f'dan ir-rigward, itenni l-importanza urġenti ta' strateġija koerenti għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; min-naħa l-oħra, jikkunsidra li l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u l-ambjent huma kruċjali għall-iżvilupp armonjuż u sostenibbli tar-reġjun; jilqa' t-tnedija tas-Sħubija Ambjentali, filwaqt li jistenna bil-ħerqa t-tnedija taż-żewġ sħubiji oħra, fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija; jitlob li jiġu implimentati malajr u b'mod effiċjenti; hu tal-fehma li l-iżvilupp ta' qafas legali komuni fil-livell reġjonali jkun ta' benefiċċju kbir f'termini ta' kooperazzjoni u sinerġiji iktar effikaċi dwar dawn il-kwistjonijiet; jemmen li t-twaqqif ta' netwerks professjonali u istituzzjonali u s-sostenn għalihom jistgħu isaħħu l-kapaċità għal teħid ta' deċiżjonijiet b'mod kooperattiv u effiċjenti;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali tal-enerġija fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed li l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u t-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija jipprovdu l-prinċipji ewlenin għaliha; jappoġġja l-integrazzjoni sħiħa tas-suq u l-integrazzjoni regolatorja sħiħa abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija u l-ambjent u jħeġġeġ lill-pajjiżi fir-reġjun aktar estiż tal-Baħar l-Iswed jieħdu sehem fit-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija u fl-assistenza mill-UE, mill-BEI u mill-BERŻ għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

36.  Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jadottaw approċċ komuni fir-rigward tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, bl-għan li jinkiseb l-objettiv fit-tul tal-UE ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-istabilità fil-viċinat tagħha;

37.  Ifakkar fil-ħtieġa ta' azzjoni aktar enerġika mill-Kummissjoni bħala appoġġ għall-miżuri għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass u għal qafas normattiv komuni għall-promozzjoni ta' suq tal-gass trasparenti, kompetittiv u bbażat fuq ir-regoli; jistieden lill-UE tiżviluppa, fl-istess ħin, b'mod attiv kooperazzjoni mal-Istati fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u toffrilhom opportunitajiet akbar biex jappoġġjaw proġetti tal-enerġija ta' interess għall-UE; jilqa“, f'dan ir-rigward, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna mal-Komunità tal-Enerġija;

38.  Jenfasizza l-urġenza li tiġi stabbilita l-Assemblea Parlamentari Euronest, li se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant u għalhekk se jkollha impatt pożittiv fuq il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-enerġija;

39.  Ifakkar fl-għan tal-UE li tiddiversifika r-rotot u s-sorsi ta' provvista, kif ukoll it-tfassil ta' politika tal-enerġija komuni tal-UE; itenni l-importanza tal-proġetti tal-Kuritur ta' Nofsinhar, b'mod partikulari l-importanza fundamentali għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa tal-proġett prijoritarju strateġiku ta' Nabucco u tat-twettiq ta' malajr tiegħu; jieħu nota tal-proġett South Stream; jenfasizza, ulterjurment, is-sinifikat tat-trasport tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG) lejn l-Ewropa, fil-forma tal-proġett AGRI u l-iżvilupp tat-terminals tal-LNG fil-portijiet tal-Baħar l-Iswed u tas-Sistema ta' Pajpijiet taż-Żejt Pan-Ewropea Constanta-Trieste;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet mal-pajjiżi fornituri potenzjali għas-sistema tal-pajpijiet ta' Nabucco sal-aħħar tal-2011;

41.  Jikkunsidra li l-Pakkett tal-Infrastruttura tal-Eneġija li jitressaq dalwaqt mill-Kummissjoni irid ipoġġi enfasi kbira fuq il-proġetti tal-enerġija proposti fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rotot ta' tranżitu li jgħaddu mill-istati fir-reġjun jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista tal-UE;

42.  Jenfasizza l-potenzjal li joffru s-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, li jistgħu jagħtu kontribut kbir għal ġejjieni b'sigurtà tal-provvista tal-enerġija f'livell globali u għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tax-xtut tal-Baħar l-Iswed jisfruttaw dan il-potenzjal;

43.  Jitlob li s-sħubija UE-reġjun tal-Baħar l-Iswed tinkludi t-trasferiment ta' għarfien u teknoloġija fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll l-appoġġ tekniku għat-tfassil tas-sistemi ta' distribuzzjoni, u jirrimarka li l-iffrankar tal-enerġija huwa ċentrali biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista; jappoġġa riċerka dwar sorsi tal-enerġija alternattivi u, b'mod partikulari, dwar l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija, li huma essenzjali jekk irridu nindirizzaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima u nikkontribwixxu għall-isforzi globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra;

44.  Jappoġġa l-iżvilupp kontinwu ta' inizjattivi taħt il-programmi TRACECA u INOGATE; jistieden lill-UE tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-proġetti ta' infrastruttura fir-reġjun, direttament u permezz tal-koordinament ta' kontributuri u investituri oħrajn;

45.  Jikkunsidra li, għall-finijiet tal-kummerċ internazzjonali u t-trasport tal-idrokarburi fir-reġjun, huwa essenzjali li jiġu żviluppati l-portijiet tal-UE fil-Baħar l-Iswed u dawk marittimi tad-Danubju, inklużi t-terminals taż-żejt u tal-gass u l-arranġamenti ta' trasport intermodali; Jikkunsidra li hemm bżonn tiġi mmodernizzata l-infrastruttura fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u li jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet mal-kurituri ta' trasport Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu t-tlestija tal-proġetti prijoritarji tat-trasport trans-Ewropew fuq il-linja tal-assi 7, 18, 21 u 22, kif previst fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE dwar il-linji gwida Komunitarji sabiex jiġi żviluppat network trans-Ewropew tat-trasport, u l-assimilazzjoni kif progressiva tagħhom fil-kuritur TRACECA, l-assi ċentrali, l-assi tax-Xlokk u r-rotot tat-trasport marittimu internazzjonali, kif definiti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar “L-estensjoni tal-assi tat-trasport trans-Ewropej prinċipali għall-pajjiżi ġirien - Linji Gwida għat-trasport fl-Ewropa u fir-reġjuni ġirien” (COM(2007)0032) u tal-Kurituri ta' Trasport Pan-Ewropej nri 8 u 9;

46.  Jistieden lill-istati tax-xtut tal-Baħar l-Iswed jikkonkludu memorandum ta' fehim dwar l-iżvilupp tal-kurituri marittimi tal-Baħar l-Iswed u jitlob lill-Kummissjoni tiftaħ linja baġitarja tat-TEN-T b'finanzjament għall-kurituri marittimi tal-Baħar l-Iswed simili għal dawk li diġà jeżistu għall-kurituri marittimi tal-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran;

47.  Jilqa l-azzjoni meħuda biex l-Ispazju Komuni tal-UE għall-Avjazzjoni jiġi estiż għall-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed; jistieden lill-Kummissjoni tkompli d-djalogu mar-Repubblika tal-Moldova rigward il-liberalizzazzjoni tat-trasport tal-ajru tagħha u tiftaħ malajr in-negozjati għall-aċċess tar-Repubblika tal-Moldova għall-Ispazju Komuni tal-UE għall-Avjazzjoni;

48.  Jenfasizza l-importanza tal-Baħar l-Iswed bħala riżorsa naturali u jesprimi tħassib kbir dwar il-qagħda ambjentali fir-reġjun; jenfasizza l-ħtieġa biex jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-ħarsien ambjentali, u l-ħtieġa għal approċċ komuni għal din l-isfida, u għaldaqstant jisħaq fuq il-ħtieġa għal implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Baħar l-Iswed kontra t-Tniġġis;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lir-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-enerġija u l-ħarsien tal-ambjent u l-klima meta tkun qiegħda tiffinanzja proġetti infrastutturali, li għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni ambjentali pożittiva; ifakkar fl-isfidi li jirriżultaw mill-effetti tat-tibdil fil-klima għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed u għalhekk iħeġġeġ biex ikun hemm aktar kooperazzjoni fost il-pajjiżi tax-xtut tal-Baħar l-Iswed, speċjalment fil-qasam tal-prevenzjoni tal-emerġenzi;

50.  Jistieden lill-UE tinkludi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed fil-Politika Marittima Integrata u b'mod partikolari fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fuq livell ugwali ma' baċiri Ewropej oħra; l-UE għandha tagħmel l-isforzi diplomatiċi meħtieġa kollha biex tikkonvinċi lill-istati tal-Baħar l-Iswed li mhumiex fl-UE jikkonformaw kemm jista' jkun mal-prinċipji tal-PKS; jenfasizza l-importanza li jinħoloq korp separat għall-ġestjoni ta' stokks komuni għall-Baħar l-Iswed u li jiġi applikat il-mekkaniżmu tal-pjanijiet għall-ġestjoni multiannwali;

L-iżvilupp ekonomiku, soċjali u uman

51.  Jemmen li għandu jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u uman tar-reġjun b'mod ġenerali; jagħti importanza partikolari lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fir-reġjun; jindika li r-reġjun għandu riżorsi naturali straordinarji li jistgħu jinkuraġġixxu tkabbir ekonomiku mgħaġġel; jenfasizza li l-ġestjoni xierqa ta' dawn ir-riżorsi hija vitali għall-faċilitazzjoni ta' dan l-iżvilupp;

52.  Jenfasizza li aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-intensifikazzjoni tal-kummerċ intrareġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun; jenfasizza l-importanza għall-popolazzjoni lokali u s-sħab kummerċjali tar-reġjun li jiġi stabbilit spazju ta' opportunità ekonomika u prosperità fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jenfasizza l-ħtieġa li r-reġjun isir aktar attraenti għall-investituri permezz tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-turiżmu u tal-iżvilupp tal-portijiet u tal-kosta; jappoġġa l-Politika Marittima Integrata tal-UE, li l-għan tagħha hu l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni marittimi, iżda iqis b'dispjaċir li d-dimensjoni tagħha tal-Baħar l-Iswed ftit hija żviluppata; jilqa' r-riżultati miksuba fil-qasam ta' kooperazzjoni dwar l-edukazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġija; għal darb'oħra jappoġġa l-għan li jiġu promossi l-iżvilupp soċjali u soċjetà ċivili b'saħħitha; jenfasizza li l-UE għandha tkompli sejra bid-djalogu tagħha dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi mal-pajjiżi tar-reġjun;

53.  Jinsab konvint li l-UE għandha tiżvolġi rwol akbar fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed billi toffri lill-pajjiżi fir-reġjun aktar prospetti għal integrazzjoni aktar mill-qrib mal-politiki tal-UE; jenfasizza li l-opportunitajiet għal-liberalizzazzjoni kummerċjali u l-ħolqien ta' spazju ta' kummerċ ħieles skont il-prinċipji tad-WTO għandhom jitqiesu b'attenzjoni, jiġu eżaminati u promossi bir-reqqa;

54.  Jiġbed l-attenzjoni għas-sħubija strateġika li ilha teżisti bejn l-UE u r-Russja u l-interess komuni taż-żewġ pajjiżi fit-tisħiħ tal-investiment u l-kummerċ bilaterali, fl-iffaċilitar u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-ekonomija globali u fit-tisħiħ u l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, inkluż fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed;

55.  Jirrikonoxxi li l-kriżi finanzjarja globali laqtet lir-reġjun tal-Baħar l-Iswed ħażin, peress li waqqfet ħesrem kemm perjodu ta' tkabbir li kellu medja ta' 6% fis-sena, kif ukoll l-influss ta' kapital barrani meħtieġ għall-iżvilupp ekonomiku ulterjuri tal-Istati tal-Baħar l-Iswed, u qiegħdet lis-sistema finanzjarja reġjonali taħt pressjoni qawwija; jenfasizza li dan kollu jeħtieġ jiġi indirizzat permezz tat-tisħiħ tar-regolamenti finanzjarji u bankarji, it-titjib tal-kredibilità u t-trasparenza fiskali, il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxi, l-evażjoni tat-taxxi u l-korruzzjoni, l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni fost organizzazzjonijiet reġjonali bħall-BSEC;

56.  Iħeġġeġ l-iżvilupp, fil-kuntest tal-Istrateġija, ta' approċċ integrat u l-użu tal-prinċipji stabbiliti sew tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Politika tal-Viċinat tal-UE, li jistgħu jgħinu biex jinkisbu riżultati effikaċi filwaqt li jiġi ffaċilitat il-proċess ta' bini tal-kapaċitajiet għar-reġjuni li għadhom lura; jemmen, b'mod partikulari, li l-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġjuni għandha tissaħħaħ, sabiex jiġu indirizzati problemi komuni permezz ta' azzjoni koordinata; jinnota li r-Raggruppament Ewropew għal Kooperazzjoni Territorjali (REKT) joffri qafas xieraq ta' kooperazzjoni għal governanza strutturata u f'diversi livelli; jistieden lill-Kummissjoni tesplora modijiet kif jistgħu jiġu kkoordinati aħjar l-istrumenti Ewropej varji li jipprovdu għall-kooperazzjoni transkonfinali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni;

57.  Jirrimarka li l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn ir-reġjuni huwa ta' importanza kruċjali għall-oqsma ta' kooperazzjoni kollha, peress li reġjuni b'esperjenza twila fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti jistgħu jgħinu lil reġjuni oħrajn itejbu l-prestazzjoni tagħhom;

58.  Iqis li t-titjib tal-kapaċità amministrattiva tal-partijiet interessati lokali u reġjonali kollha fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed huwa vitali sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni effiċjenti u ġestjoni finanzjarja tajba tal-proġetti tal-UE, trasparenza u responsabbiltà ikbar u żvilupp territorjali bbilanċjat madwar ir-reġjun;

59.  Jenfasizza l-importanza tal-faċilitazzjoni tal-viżi u l-mobilità tal-persuni fir-reġjun u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi skemi preferenzjali tal-viżi għan-negozjanti, għall-persunal akkademiku, għaż-żgħażagħ, għall-uffiċjali lokali u gruppi oħra bil-għan li jissaħħu l-kuntatti tul ir-reġjun kollu u b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-bini tal-fiduċja; iħeġġeġ l-iżvilupp taħt il-patronċinju tal-UE ta' proġetti konġunti relatati mal-promozzjoni tal-wirt kulturali u t-turiżmu fir-reġjun;

60.  Jemmen li programmi li jippromwovu djalogu interkulturali u bejn ir-reliġjonijiet jeħtieġu inkuraġġiment sostnut sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni fir-reġjun, li inizjattivi konġunti fil-qasam tal-edukazzjoni u l-midja huma meħtieġa ħafna sabiex jinħolqu u jiġu kkonsolidati r-rabtiet sinifikattivi bejn il-poplu u dawk li jinfluwenzaw l-opinjonijiet fir-reġjun u li inizjattivi bħan-Netwerk ta' Universitajiet tal-Baħar l-Iswed jipprovdu eżempji tajbin ta' kif l-interazzjoni akkademika tista' tqanqal sinerġiji pożittivi fir-reġjun; jitlob li jissaħħu n-netwerks akkademiċi u tal-istudenti, l-infrastrutturi elettroniċi u l-proġetti ta' riċerka kollaborattiva; jilqa' l-inizjattiva biex jitwaqqaf u jiġi appoġġjat Kulleġġ tal-Baħar l-Iswed biex irawwem fl-iżvilupp ta' klassi elitista reġjonali li tqis il-kooperazzjoni bħala metodu naturali kif jiġu indirizzati l-isfidi komuni;

61.  Jirrikonoxxi r-riżultati tal-proġett tal-Interkonnessjonijiet tal-Baħar l-Iswed bit-twaqqif ta' netwerk reġjonali ta' riċerka u edukazzjoni fir-reġjun aktar estiż tal-Baħar l-Iswed u r-rabta tiegħu mal-GEANT u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa proġetti ta' riċerka fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed bħalma huma l-proġetti HP-SEE, SEE-GRID, SCENE, CAREN u BSRN;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed.

(1) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 64.
(2) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.


Il-Pakistan: qtil tal-Gvernatur tal-Punjab, Salmaan Taseer
PDF 223kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar il-Pakistan, b'mod partikulari dwar il-qtil tal-Gvernatur Salmaan Taseer
P7_TA(2011)0026RC-B7-0041/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b'mod partikolari dawk tal 20 ta' Mejju 2010(1) u tat-12 ta' Lulju 2007(2), tal-25 ta' Ottubru 2007(3) u tal-15 ta' Novembru 2007(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-Unjoni Ewropea fuq dan is-suġġett(5),

–  wara li kkunisdra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin li fihom il-Kunsill jenfasizza l-importanza strateġika ta' din il-libertà u tal-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Pakistan tal-4 ta' Ġunju 2010 li fiha ż-żewġ partijiet reġgħu stqarru d-determinazzjoni tagħhom sabiex jindirizzaw flimkien kwistjonijiet ta' sikurezza reġjunali u globali, li jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li jikkooperaw flimkien sabiex isaħħu aktar il-gvern u istituzzjonijiet demokratiċi tal-Pakistan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tiegħu tad-19 ta' Novembru 2010 dwar il-kundanna għal mewt imposta fuq Asia Bibi,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-4 ta' Jannar 2011 tal-Viċi President tal-Kummissjoniti/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin, Catherine Ashton dwar il-qtil tal-Gvernatur Salmaan taseer u dwar l-istqarrija tagħha tat-12 ta' Novembru 2010 u dwar il-każ ta' piena tal-mewt fil-Pakistan,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 (UDHR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Salmaan Taseer, il-Gvernatur tal-pronvinċja ta' Punjab kien wieħed mill-aktar kritiċi viżibbli u li tkellmu kontra l-ligijiet dwar atti blasfemi fil-Pakistan u dwar l-abbuż tagħhom minn gruppi estremisti bħal fil-każ ta' Asia Bibi, mara Nisranija li ngħatat il-piena tal mewt minħabba att blafem skont it-Taqsima 295-C tal-Kodiċi Penali tal-Pakistan,

B.   billi fl-4 ta' Jannar 2011, Salmaan Taseer, inqatel f'Islamabad minn wieħed mill-gwardji ta' sikurezza tiegħu, Malik Mumtaz Hussein Qadri, li ma kienx jaqbel mal-oppożizzjoni ta' Taseer kontra l-liġijiet dwar atti blasfemi fil-Pakistan,

C.   billi ebda wieħed mill-gwardji ta' sikurezza l-oħrajn li assistew għall-qtil ma pprova jwaqqaf lill-qattiel b'xi mod jew ieħor; billi mijiet ta' avukati ferħu lill-qattiel u tawħ appoġġ meta tela' quddiem il-qorti u għexieren ta' eluf ta' dimostranti mxew fit-toroq fit-toroq ta' Karaċibiex juru l-approvazzjoni tagħhom għal dak azzjonijiet tiegħu; u billi Imam prominenti huwa rrappurtat li nieda fatwa kontra Sherry Rehman, eks ministru Pakistani, politikanta riformista u ġurnalista magħrufa, u identifikaha bħala l-mira li jmiss għall-qtil,

D.   billi wara l-avveniment traġiku ħarġet stqarrija minn alleanza wiesa' tal-kleru tal-pajjiż rappreżentata minn Jamaate Ahle Sunnat Pakistan, organizzazzjoni li titkellem f'isem is-setta moderata Barelvi, fejn skaġunat lill-qattiel tal-Gvernatur Taseer u faħħret bil-kbir lill-assassin, u qalet “li ebda Musulman ma għandu jattendi għall-funeral jew saħansitra jitlob għal Salman Taseer jew imqar jesprimi xi sogħba jew simpatija dwar l-inċident”, u titlob ukoll li ebda Msulman ma' għandu la joffri talb għall-funeral, jew li xi membru reliġjkuż tal-kleru jattendi l-funeral tal-gvernatur assissinat,

E.  billi l-kapitolu dwar id-Drittijiet Fundamentali fil-Kostituzzjoni tal-Pakistan tal-1973 jiggarantixxi “l-libertà tat-tħaddin ta' reliġjon u l-ġestjoni ta' istituzzjonijiet reliġjużi” (l-Artikolu 20), l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha (l-Artikolu 25) u “id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-minoranzi” (l-Artikol 26),

F.  billi fil-25 ta' Diċembru 2009 il-President Asif Ali Zardari tenna l-wegħda li għamel il-Partit tal-Poplu tal-Pakistan li jirrispetta d-dritt tal-minoranzi kollha li jiġu ttrattati bħala ċittadini ugwali

  Ġ. billi d-dispożizzjonijiet legali magħrufin bħala l-“liġijiet dwar atti blasfemi” introdotti fl-1982 u fl-1986, jimminaw id-drittijiet fundamentali reliġjużi u tal-minoranzi mogħtija bil-Kostituzzjoni u qed jiġu użati ħażin minn gruppi estremisti u minn dawk li jixtiequ jivvendikaw kwistjonijiet personali u wasslu għal żieda fil-vjolenza kontra membri ta' minoranzi reliġjużi, kif ukoll kontra ċittadini li jikkritikaw u li jazzardaw isemmgħu leħinhom kontra l-inġustizzja,

H.  billi l-maġġoranza kbira tan-nies akużati taħt il-liġijiet dwar l-atti blasfemi huma Musulmani, imma l-akkużi kontra individwi minn reliġjonijiet minoritarji jistgħu jiskattaw vjolenza sproporzjonata kontra komunità sħiħa,

I.  billi l-gvern tal-Pakistan pubblikament mar lura mill-kelma tiegħu fit-30 Diċembru 2010 rigward l-impenn tal-manifest tiegħu li jirrevedi l-liġijiet diskriminatorji, meta ħabbar f'dikjarazzjoni dwar il-politika li ma kellu ebda intenzjoni li jirtira jew jemenda l-liġijiet dwar atti blasfemi,

J.  billi l-qtil tal-Gvernatur Salmaan Taseer iqajjem preokkupazzjonijiet rigward sigurtà għall-imħallfin li jisimgħu każijiet rigward atti blasfemi, meta jitqies li imħallfin tal-qorti inferjuri diġà saritilhom pressjoni minn estremisti Musilmin filwaqt li wkoll l-imħallfin ta' qrati ogħla jistgħu jżommu lura milli jagħtu sentenzi mhux preġudikati f'każijiet ta' prosekkuzzjonijiet reliġjużi minħabba l-biża' ta' attakki terroristiċi kontra ħajjithom,

K.  billi minn wara l-qtil tal-Gvernatur Taseer, kelliema moderati, minoranzi reliġjużi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed iħossu dejjem in-nuqqas ta' sigurtà,

L.  billi l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili huma prinċipji u miri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi; billi l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp tiddependi mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u drittijiet tal-minoranzi,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil brutali ta' Salmaan Taseer, Gvernatur tal-Punjab, provinċja tal-Pakistan, fl-4 ta' Jannar 2011 f'suq f'Islamabad, iffaħħar il-kuraġġ u s-saħħa morali tiegħu meta ħa l-pożizzjoni favur it-tolleranza reliġjuża u t-trattament uman ta' dawk miċħuda mill-poteri minkejja l-klima politika polarizzata fil-Pakistan u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-vittma u lill-poplu tal-Pakistan;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Pakistan sabiex jagħmlu investigazzjoni bir-reqqa tal-aspetti kollha tal-qtil u jtellgħu malajr quddiem il-ġustizzja l-awturi kollha ta' dan id-delitt b'konformità mal-applikazzjoni stretta tal-istat tad-dritt;

3.  Jinnota li ħafna gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ikkritikaw in-nuqqas ta' appoġġ minn mexxejja tal-Pakistan - kemm minn fost il-politikanti u kemm fost il-militar - għall-pożizzjonijiet kuraġġużi tal-Gvernatur Taseer u jesprimi l-inkwiet u l-preokkupazzjonijiet kbar tiegħu dwar l-ammont ta' appoġġ pubbliku, saħansitra mill-professjoni legali, għall-intolleranza reliġjuża u qtil sfaċċċat muri fid-dimostrazzjonijiet u l-appoġġ pubbliku għall-qattiel; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan sabiex ma jħallix li l-vuċijiet moderati fil-pajjiż ma jissiktu mill-estremisti;

4.  Iħossu mħasseb ħafna li sezzjonijiet mill-klassi militari, ġudizzjarja u politika, lesti jappoġġaw taċitament jew saħansitra jappoġġaw fil-beraħ il-paċifikazzjoni tal-estremisti politiċi u reliġjużi fil-Pakistan;

5.  Jesprimi l-preokkuzzjonijiet tiegħu għall-fatt li l-qattiel tal-Gvernatur Taseer fl-Islamabad kien pulizija membru tal-unità ta' protezzjoni tal-gvernatur innifsu; jistieden lill-gvern tal-Pakistan sabiex jelimina l-forzi estremisti Islamiċi fil-forzi tas-sigurtà tal-Pakistan u sabiex jiżgura li l-forzi tas-sigurtà jimxi skont il-kostituzzjoni u l-istat tad-dritt;

6.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-miżuri kollha meħuda mill-Gvern tal-Pakistan fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tifrix tal-estremiżmu vjolenti;

7.  Huwa mħasseb li l-liġijiet dwar atti blasfemi tal-Pakistan, li kienu opponuti pubblikament mill-mejjet Gvernatur Salmaan Taseer, għadhom qed jintużaw biex jipproċessaw denominazzjonijiet reliġjużi, inklużi Insara bħal Asia Bibi, omm ta' ħamest itfal, li ġiet ikkundannata għall-mewt;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Pakistan sabiex jeħilsu immedjatament lil Asia Bibi u sabiex jieħdu passi sabiex jiggaratixxu s-sigurtà tal-familja tagħha li kellhom imorru jinħbew; Jistieden lill-President Zadari sabiex jużu l-awtorità kostituzzjonali tiegħu biex jagħtiha l-maħfra; wara l-konklużjoni tal-appell magħmul f'isimha;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-akbar żewġ partiti politiċi reliġjużi ltal-Pakistan iddikjaraw li Salaam Taseer kien jistħoqqlu jinqatel minħabba l-fehmiet tiegħu, u b'hekk żiedu aktar il-biża' u l-paċifikazzjoni tat-terroriżmu politiku u reliġjuż u d-delitti;

10.  Huwa mħasseb li l-libertà tal-kelma, inkluż fuq l-internet, jistgħu jitrażżnu fil-Pakistan wara l-qtil ta' Taseer, għaliex studjużi reliġjużi mill-Jamaat e-Ahl e-Sunnat Pakistan qed jistqarru fil-beraħ li “dawk li jappoġġjaw dawk li jwettqu atti blasfemi huwa ħatja daqs dawk li jwettquhom” u jżiedu jgħidu li “il-politikanti, il-midja u oħrajn għandhom jieħdu tagħlima minn din il-mewt eżemplari”;

11.  Jilqa' bi pjaċir il-kundanna tal-qtil minn sezzjonijiet sinifikanti tal-istampa tal-Pakistan u jinnota l-azzjoni li ħa r-regolatur tal-midja tal-Pakistan kontra ċerti stazzjonijiet tat-televiżjoni bi tweġiba għal aspetti tax-xandir tagħhom ta' dan l-avveniment;

12.  Jappoġġja s-sejħa magħmula minn ġurnalisti Pakistani anzjani sabiex isir eżami tar-rwol tal-midja sabiex tipprovdi pjattaforma lil predikaturi periferiċi u estremisti oħrajn li kien heddew fil-beraħ lil Taseer u persuni pubbliċi oħrajn tal-istess fehma tiegħu;

13.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu li l-liġijiet dwar l-atti blasfemi - li fil-Pakistan jistgħu jġorru magħhom il-piena tal-mewt u li ta' spiss jintużaw biex jiġġustifikaw iċ-ċensura, il-kriminalizzazzjoni, il-persekuzzjoni u f'ċerti każijiet il-qtil ta' minoranzi politiċi, razzjali u reliġjużi - huma suxxettibbli forom ta' użu ħażin li jaffettwa l-popli tar-reliġjonijiet kollha fil-Pakistan;

14.  Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrevedi sew il-liġijiet dwar l-atti blasfemi u l-applikazzjoni attwali tagħhom inkluż il-piena tal-mewt jew ta' ħabs għal ħajja kollha preskritti mas-sessjoni 295C tal-kodiċi Penali għal kull min jinstab ħati ta' atti blasfemi kontra l-Profeta Mohammed bil-ħsieb tal-implimentazzjoni ta' emendi;

15.  Ifaħħar b'mod partikulari l-isforzi ta' Shahbaz Bhatti, Ministru għall-Affarijiet tal-Minoranzi, li kienet introduċiet liġi intiża biex tabolixxi l-piena tal-mewt fuq akkużi ta' atti blasfemi; jistenna mill-awtoritajiet tal-Pakistan li jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jipproteġu l-ħajja ta' dawk kollha mhedda minn Islamisti radikali minħabba l-fehmiet sekulari jew diverġenti tagħhom, speċjalment avukati, imħallfin u attivisti għad-drittijiet tal-bniedem li jiddefendu l-istat tad-dritt;

16.  Jistenna li l-Gvern tal-Pakistan jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-imħallfin kollha fil-Pakistan u jippermettilhom li jaqdu r-rwol kostituzzjonali tagħhom mingħajr biża' ta' intimidazzjoni, vjolenza jew fastidju;

17.  Iqis bħala pass pożittiv l-iffirmar mill-Pakistan tal-istrumenti ta' ratifikazzjoni tal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Patt kontra t-Tortura (CAT); jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jirtira r-riservi fuq iż-żewġ Pattijiet u li jiggarantixxi l-libertà ta' twemmin kif imħaddan fil-Patt tan-NU hekk li jipprovdi protezzjoni għaċ-ċittadini tagħhom sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-fidi tagħhom liberament;

18.  Jitlob lill-Gvern biex jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi stipulati fil-Kostituzzjoni u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari Artikolu 18, li jipprevedi li “kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon”;

19.  Jappoġġa kull inizjattiva li għandha l-għan li tippromwovi d-djalogu u r-rispett reċiproku fost il-komunitajiet; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi u politiċi fil-Pakistan biex jippromwovu t-tolleranza u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u l-estremiżmu vjolenti;

20.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jimplimenta r-riformi proposti tas-sistema edukattiva u biex jirregola u jispezzjona l-madrasas; jistieden lill-awtoritajiet Pakistani biex ineħħu kull propaganda li tippromwovi l-mibegħda, superjorità reliġjuża u diffamazzjoni ta' reliġjonijiet mill-kotba tal-iskola approvati mill-dipartiment tal-kurrikulu nazzjonali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni;

21.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jinkludi l-kwistjoni tat-tolleranza reliġjuża fis-soċjetà fid-djalogu politiku tiegħu mal-Pakistan ġaladarba din hija ta' importanza ċentrali fil-ġlieda fit-tul kontra l-estremiżmu reliġjuż;

22.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex ikomplu jipprovdu l-appoġġ finanzjarju tal-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex joħolqu miżuri prattiċi ħalli jappoġġaw il-moviment tas-soċjetà ċivili fil-Pakistan kontra l-liġijiet dwar l-atti blasfemi u leġiżlazzjoni diskriminatorja oħra;

23.  Jitlob Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jinsisti li l-Gvern tal-Pakistan jirrispetta l-klawsola rigward id-demokrazija u drittijiet tal-bniedem imħaddna fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Pakistan; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni u dwar il-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;

24.  Jitlob lill-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jappoġġa lill-Gvern tal-Pakistan fl-iżvilupp tal-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu, u fit-twaqqif ta' Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem bis-sens, indipendenti u awtorevoli;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/iRappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan.

(1)1 Testi adottati, P7_TA(2010)0194.
(2)2 ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 583.
(3)3 ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 666.
(4)4 ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 434.
(5)5 Testi adottati, P7_TA(2010)0489.


Brażil: l-estradizzjoni ta' Cesare Battisti
PDF 199kWORD 38k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar il-Brażil: l-estradizzjoni ta' Cesare Battisti
P7_TA(2011)0027RC-B7-0042/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar iċ-ċaħda għall-estradizzjoni mill-Brażil ta' Cesare Battisti(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2009 dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil(2), u b'mod partikolari l-paragrafu 1(n) tagħha, li b'mod ċar isemmi r-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi finali,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' qafas għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-prinċipji li jinsabu fiha dwar id-demokrazija u l-istat ta' dritt, li fuqhom hija msejsa l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sħubija bejn l-UE u l-Brażil hija mibnija fuq il-fiduċja reċiproka u fuq ir-rispett tad-demokrazija, tal-istat ta' dritt u tad-drittijiet fundamentali,

B.  billi r-relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u politiċi bejn il-Brażil u l-UE huma eċċellenti u ta' suċċess, u huma msejsa fuq, inter alia, prinċipji kondiviżi bħar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat ta' dritt,

C.  billi Cesare Battisti, ċittadin Taljan, instab ħati f'seba' proċessi u ġie kkundannat in absentia darbtejn għal priġunerija għal għomru, f'sentenzi finali mogħtija minn qrati Taljani, għal erba' omiċidji u għal involviment fi grupp armat, serq u pussess ta' armi tan-nar,

D.  billi Cesare Battisti nħeba sakemm ġie arrestat fil-Brażil f'Marzu 2007,

E.  billi Cesare Battisti ressaq applikazzjoni mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-estradizzjoni tiegħu lejn l-Italja, u billi dik l-applikazzjoni ġiet iddikjarata inammissibbli f'Diċembru 2006,

F.  billi d-dispożizzjonijiet u r-regoli tat-Trattat ta' Estradizzjoni tal-1989 bejn l-Italja u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil għandhom l-għan li jiddefinixxu l-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet taż-żewġ stati fil-qasam tal-estradizzjoni, f'konformità sħiħa mal-garanziji previsti skont is-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom,

G.  billi fit-18 ta' Novembru 2009 l-Qorti Suprema Brażiljana ddeċidiet li tippermetti l-estradizzjoni ta' Cesare Battisti u awtorizzat lill-President fil-kariga tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil jikkonsenja l-priġunier lill-Italja, bi qbil mar-regoli tat-Trattat ta' Estradizzjoni bejn l-Italja u l-Brażil,

H.  billi fil-31 ta' Diċembru 2010 l-President li dak iż-żmien kien fil-kariga ddeċieda li jirrifjuta l-estradizzjoni ta' Cesare Battisti,

I.  billi dik id-deċiżjoni qed tiġi kkontestata mill-Gvern Taljan quddiem il-Qorti Suprema Brażiljana,

J.  billi l-avukati ta' Cesare Battisti applikaw formalment mal-istess qorti għall-ħelsien immedjat tiegħu,

K. billi fis-6 ta' Jannar 2011 il-President tal-Qorti Suprema Brażiljana rrifjuta l-ħelsien immedjat ta' Cesare Battisti u reġa' fetaħ il-każ b'mod uffiċjali, li se jiġi kkunsidrat mill-ġdid fi Frar meta l-Qorti terġa' tibda ħidmietha,

1.  Jirrikonoxxi li r-rispett tal-legalità u tal-indipendenza tal-ġudikatura, inkluż it-trattament ġust ta' dawk li nstabu ħatja, huwa wieħed mill-valuri bażiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll tal-Brażil;

2.  jirrimarka li s-sħubija bejn l-UE u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil hija msejsa fuq il-fehim reċiproku li ż-żewġ partijiet jirrispettaw l-istat ta' dritt u d-drittijiet fundamentali, inklużi d-dritt għal difiża u d-dritt għal proċess ġust u ekwitabbli;

3.  Jesprimi fiduċja li, fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-awtoritajiet Brażiljani kompetenti jeżerċitaw id-dritt tagħhom – u jwettqu dmirhom – li jipproċessaw it-talba l-ġdida tal-Gvern Taljan li d-deċiżjoni dwar l-estradizzjoni ta' Cesari Battisti tiġi rieżaminata, u jesploraw modi kif jiġi żgurat li t-trattat bilaterali dwar l-estradizzjoni jiġi interpretat b'mod korrett;

4.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex ikollu djalogu politiku mal-Brażil u biex jiżgura li kull deċiżjoni tikkonforma mal-prinċipji bażiċi tal-UE u twassal għal relazzjonijiet tajba mal-Istati Membri;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Brażiljan, lill-President tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil, lill-President tal-Kungress Brażiljan u lill-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Mercosur.

(1) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 146.
(2) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 168.


L-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh
PDF 215kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 dwar l-Iran – il-każ ta' Nasrin Sotoudeh
P7_TA(2011)0028RC-B7-0043/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, l-aktar dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikulari dawk tal-10 ta' Frar 2010(1) u tat-8 ta' Settembru 2010(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Novembru 2010 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navy Pillay, li fiha esprimiet tħassib dwar il-każ ta' Nasrin Sotoudeh, u stqarret li din kienet biss parti minn azzjonijiet ripressivi usa“, u li s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran kienet qed issir dejjem aktar diffiċli,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat b'kunsens fl-1998, li tgħid li l-istati “għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-ħarsien min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn kull vjolenza, theddid, ritaljazzjoni, diskriminazzjoni avversa de facto jew de jure, pressjoni jew kull azzjoni arbitrarja oħra” bħala konsegwenza tal-isforzi leġittimi tagħhom biex iġibu “l quddiem id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tagħha l-Iran hija stat kontraenti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta' Diċembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-biedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Nasrin Sotoudeh, li hija avukata prominenti Iranjana tad-drittijiet tal-bniedem, irċeviet sentenza ta' 11-il sena ħabs bl-akkuża li “aġixxiet kontra s-sigurtà nazzjonali”, “kienet membru taċ-Ċentru għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem”, talli ma libsitx il-hejab waqt messaġġ irrikordjat fuq vidjo, u “għal propaganada kontra r-reġim”; billi hi ġiet ipprojbita wkoll milli tipprattika l-liġi u milli tivjaġġa għal 20 sena minn tmiem is-sentenza tagħha,

B.  billi Sotoudeh, omm ta' żewġt itfal, kienet arrestata fl-4 ta' Settembru 2010, inżammet għal perjodi twal maqfula waħedha, allegatament ġiet ittorturata u nċaħdilha l-kuntatt mal-familja u mal-avukat tagħha, u billi ġiet f'xifer il-mewt wara strajk tal-ġuħ li għamlitu biex tipprotesta kontra l-kundizzjonijiet tal-ħabs fejn kienet miżmuma u kontra l-vjolazzjonijiet fil-proċess ġudizzjarju,

C.  billi fil-15 ta' Jannar 2011 ir-raġel ta' Sotoudeh, Reza Khandan, issejjaħ biex jidher quddiem il-pulizija u nżamm matul-lejl, inħeles fuq garanzija ta' terza persuna u qiegħed għaddej prosekuzzjoni minħabba l-avukatura tiegħu f'isem martu,

D.  billi Nasrin Sotoudeh kienet l-avukata taċ-ċittadina Olandiża Zahra Bahrami li kienet ġiet arrestata wara l-protesti ta' Ashura tas-27 ta' Diċmebru 2009 u riċentement ġiet ikkundannata għall-mewt,

E.  billi s-sentenza ta' Sotoudeh hija parti minn assalt sistematiku fuq l-avukati u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, li jinkludi s-sentenza fis-7 ta' Jannar 2011 ta' erba' snin ħabs u 74 daqqa ta' frosta kontra Shiva Nazarahari, kofundatur tal-Kumitat tal-Ġurnalisti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u s-sentenza tat-30 ta' Ottubru 2010 ta' disa' snin ħabs u projbizzjoni milli jipprattika l-liġi għal għaxar snin kontra l-avukat Mohammad Seifzadeh; billi l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Mohammad Oliyafar qed iservi sentenza ta' sena ħabs għall-avukatura tiegħu f'isem il-klijenti; billi Mohammad Ali Dadkhah, Abdolfattah Soltani u Houtan Kian huma difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem li qed iħabbtu wiċċhom ma' prosekuzzjoni fl-Iran,

F.  billi aktar minn sena wara d-dimostrazzjonijiet ta' Diċembru 2009 f'Ashura mijiet ta' ċittadini Iranjani li kienu ġew arrestati għadhom fil-ħabsijiet u l-awtoritajiet komplew iwettqu arresti matul is-sena, partikolarment fl-okkażjoni tal-Jum tal-Istudenti tas-7 ta' Diċembru 2010, u billi skont ir-rapporti tal-Amnesty International aktar minn 70 student għadhom miżmuma,

G.  billi l-ġurnalisti u l-bloggers għadhom qed jisfaw fil-mira tal-oppressjoni, u jingħad li fil-mument hemm aktar minn 30 miżmuma l-ħabs, u li anki rappreżentanti magħrufa tal-kultura Iranjana, bħad-direttur tal-films Jafar Panahi, li f'Diċembru tal-2010 ġie ssentenzjat għal 6 snin ħabs u għal projbizzjoni ta' 20 sena milli jaħdem il-films, qed tinċaħdilhom il-libertà tal-espressjoni,

H.  billi l-konfessjonijiet furzati, it-tortura u t-trattament ħażin tal-priġunieri, it-tiċħid mill-irqad, l-iżolament fil-ħabs, id-detenzjoni sigrieta, l-applikazzjoni ta' trattament krudili, inuman u degradanti, l-abbuż fiżiku, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-impunità ta' aġenti tal-Istat ilkoll għadhom frekwenti fl-Iran, b'mod li jqajmu dubji serji dwar il-ġustizzja u t-trasparenza tal-proċedura ġudizzjarja f'dak il-pajjiż,

I.  billi minflok ma l-awtoritajiet jinvestigaw il-qtil extraġudizzjarju, il-qraba ta' dawk li sfaw maqtula qed iħabbtu wiċċhom huma stess ma' arrest, kif inhu l-każ ta' Mahdi Ramazani, li twaqqaf mill-pulizija fuq il-qabar ta' ibnu f'Diċembru 2010 u qed jinżamm sakemm iħallas kawzjoni eżorbitanti tal-libertà provviżorja li bl-ebda mod ma jista' jħallasha,

J.  billi l-Iran wegħdet lill-komunità internazzjonali li kienet se taderixxi mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

1.  Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħles lil Nasrin Sotoudeh kif ukoll lill-priġunieri l-oħra kollha ta' kuxjenza, u jqis li s-sentenza ta' Nasrin Sotoudeh hija ta' natura politika u maħsuba biex tinnewtralizza lil waħda mid-difensuri Iranjani ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza eċċezzjonalment ħarxa kontra Nasrin Sotoudeh u l-intimidazzjoni ta' żewġha, u jfaħħarha tal-kuraġġ u l-impenn tagħha;

3.  Jistieden lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran taderixxi mal-istandards stipulati mill-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar ir-Rwol tal-Avukati, li jgħidu li l-avukati għandhom jitħallew iwettqu ħidmiethom “mingħajr intimidazzjoni, xkiel, kedd jew indħil mhux xieraq” u jirrikonoxxi li l-avukati huma intitolati għal-libertà tal-espressjoni, inkluż id-dritt li jieħdu sehem f'diskussjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-liġi, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem“;

4.  Jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta' ġustizzja u trasparenza fil-proċess ġudizzjarju fl-Iran u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jiggarantixxu proċeduri xierqa fil-liġi u fil-prattika; jappella lill-Kap tal-Ġudikatura Iranjana, Ayatollah Sadegh Amoli Larijani, biex jistabbilixxi kummissjoni indipendenti biex teżamina l-prosekuzzjoni tal-avukati tad-drittijiet tal-bniedem u biex iżomm responsabbli lil dawk l-uffiċjali kollha li ħadu sehem fi proċeduri illegali;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet jiġġieldu l-impunità ta' dawk fi ħdan il-forzi tas-sigurtà li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu għal investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji wara l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju u biex dawk li allegatament wettqu reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Iran jikkoopera bis-sħiħ mal-mekkaniżmi internazzjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem, biex ikompli jesplora l-kooperazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tar-riforma fil-ġustizzja man-Nazzjonijiet Uniti u biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Evalwazzjoni Perjodika Universali;

7.  Isejjaħ biex jerġa' jiġi stabbilit mandat tan-NU għal Rapporteur Speċjali li jinvestiga l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jinkoraġġixxi r-responsabbiltà għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jagħtu aċċess lill-Kumitat Internazzjonali tan-Nofs Qamar l-Aħmar għall-priġunieri kollha u biex iħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jerġgħu jikkunsidraw is-sentenza mogħtija lil Zahra Bahrami, u biex ikollha smigħ ġust u aċċess għall-awtoritajiet Olandiżi, ladarba hija ċittadina Olandiża, skont l-istandards internazzjonali;

10.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jfassal miżuri addizzjonali, fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, ħalli jipproteġu attivament id-drittijiet tad-difensuri Iranjani tad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jappoġġjaw inizjattivi bħall-Programm Ewropew “Belt ta' Kenn” u n-Netwerk Internazzjonali tal-Bliet ta' Kenn;

11.  Jappella biex il-lista eżistenti ta' individwi u organizzazzjonijiet li huma soġġetti għal projbizzjoni tal-UE tal-ivvjaġġar u għall-iffriżar tal-assi tiġi estiża biex tinkludi lil dawk l-uffiċjali Iranjani li huma responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, għar-ripressjoni u għat-trażżin tal-libertà fl-Iran;

12.  Jistieden lir-rappreżentanti tal-UE u lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin jerġgħu jidħlu f'diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi Prsident tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Qorti Suprema tal-Iran u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

(1) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 9.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0310.

Avviż legali - Politika tal-privatezza