Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 72kWORD 33k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2011 - Strasburgu
L-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet
P7_TA(2011)0101P7_DCL(2010)0084

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-ekonomija soċjali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta“ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġid u l-istabilità tas-soċjetà ġejjin mid-diversità tagħha f'dak li hu imprenditorjat, u billi l-assoċjazzjonijiet, is-soċjetajiet mutwi u l-fondazzjonijiet jikkontribwixxu għal dik id-diversità billi jipprovdu mudell kummerċjali distintiv ibbażat fuq valuri fundamentali, jiġifieri s-solidarjetà, is-sorveljanza demokratika u li wieħed jiffavorixxi l-objettivi soċjali aktar milli l-gwadann,

B.  billi, filwaqt li l-assoċjazzjonijiet, is-soċjetajiet mutwi u l-fondazzjonijiet s'issa żviluppaw f'kuntest primarjament nazzjonali, jeħtieġ li jtejbu l-aċċess transkonfinali biex jimmassimizzaw il-potenzjal imprenditorjali tagħhom fl-UE,

1.  Jinnota li hu meħtieġ li jinħolqu “kundizzjonijiet ugwali” li jipprovdu lill-assoċjazzjonijiet, lis-soċjetajiet mutwi u lill-fondazzjonijiet strumenti u opportunitajiet ekwivalenti għal dawk disponibbli għal strutturi ġuridiċi organizzattivi oħrajn, biex b'hekk tingħata dimensjoni Ewropea lill-organizzazzjoni u lill-attivitajiet tagħhom;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tintroduċi proposti għal statuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet, is-soċjetajiet mutwi u l-fondazzjonijiet, tipproponi studju tal-fattibilità u valutazzjoni tal-impatt għall-istatuti għall-assoċjazzjonijiet u għas-soċjetajiet mutwi, u biex tlesti l-valutazzjoni tal-impatt għall-istatut għall-fondazzjonijiet fiż-żmien opportun;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(3), lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0186.
(3) Il-lista tal-firmatarji hija ppublikata fl-Anness 1 tal-Minuti tal-10 ta' Marzu 2011 (P7_PV(2011)03-10(ANN1)).

Avviż legali - Politika tal-privatezza