Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Marzu 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' mekkaniżmu ta' stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (00033/2010 – C7-0014/2011 – 2010/0821(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48(6) u l-Artikolu 48(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra r-rapport finali tat-Task Force għall-Kunsill Ewropew dwar “It-Tisħiħ tal-Governanza Ekonomika fl-UE”,
– wara li kkunsidra l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif tressaq lill-Kunsill Ewropew fis-16 ta' Diċembru 2010 (00033/2010 – C7-0014/2011),
– wara li kkunsidra l-ittri mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Grupp tal-Euro u l-Kummissarju responsabbli għall-politika monetarja, annessi ma' din ir-riżoluzzjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 74b tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tat-18 ta' Frar 2011 mill-Kumitat għall-Baġits lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0052/2011),
A. billi l-Artikolu 3(4) tat-TUE jiddikkajra li: “L-Unjoni għandha tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha tkun l-euro”,
B. billi r-Renju Unit għażel li jibqa“ barra mill-munita unika,
C. billi skont l-Artikolu 3(1) tat-TFUE, “l-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” hija “kompetenza esklużiva” tal-Unjoni,
D. billi l-Artikolu 5(1) tat-TFUE jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom fi ħdan l-Unjoni”, b'dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro,
E. billi l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, jekk jiġi adottat, jista“ jwassal għall-kostituzzjoni ta' mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita” għalkollox “il barra mill-isfera tal-Unjoni, mingħajr ma jingħata kwalunkwe rwol partikolari lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala tali,
F. billi parteċipazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita“ għandha tiġi żgurata għalkollox u salvagwardjata permanentement u għandha tiġi stabbilita konnessjoni għall-intervent possibbli tal-baġit tal-Unjoni fis-sistema ta' garanzija,
G. billi l-possibbilitajiet kollha għandhom ikunu esplorati bl-għan li l-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita“ jiddaħħal bis-sħiħ fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni u li jsir provvediment għall-involviment fih ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro; billi dan jista” jinkludi rikors għall-Artikolu 20 tat-TUE dwar kooperazzjoni msaħħa, fejn dan ikun f'loku biex jiżgura l-konsistenza tal-politika ekonomika tal-Unjoni,
H. billi r-regoli li jirregolaw il-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita“ għandhom preferibbilment jitressqu mill-Kummissjoni mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita'u għandhom jiżguraw arranġamenti adegwati ta' verifika, rendikont u trasparenza,
I. billi l-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita“ għandu jkun akkumpanjat bit-tisħiħ tal-lat preventiv u korrettiv tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), u b'miżuri relatati mal-kompetitttività fiż-żmien medju u fit-tul u bit-trattament ta' żbilanċi makroekonomiċi bejn l-Istati Membri,
J. billi, bħala kumpliment għall-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita“ , l-Unjoni għandha tippromwovi suq konsolidat tal-Eurobonds,
K. billi l-Kummissjoni għandha tressaq proposti għal leġislazzjoni u, fejn meħtieġ, għal reviżjoni tat-Trattati, bil-għan li fiż-żmien medju tinbena sistema ta' gvern ekonomiku għall-Unjoni, u b'mod partikolari fiż-żona tal-euro, li ssaħħaħ il-koeżjoni u l-kompetittività tal-ekonomija u tistabbilizza s-sistema finanzjarja,
L. billi l-Artikolu 48(6) tat-TUE jippermetti li l-Kunsill Ewropew, wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament, jadotta deċiżjoni li temenda b'mod sħiħ jew parzjali d-dispożizzjonijiet tat-tielet parti tat-TFUE, bla ma taffettwa l-bilanċ tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha,
M. billi kwalunkwe twessigħ jew tnaqqis fil-kompetenzi tal-Unjoni jirrikjedi proċedura ta' reviżjoni ordinarja,
N. billi kwalunkwe reviżjoni ulterjuri tat-TFUE għandha ssir skont il-proċedura ta' reviżjoni ordinarja,
O. billi d-deċiżjoni proposta tista“ tidħol fis-seħħ biss wara li jkunu approvawha l-Istati Membri l-approvazzjoni tagħha mill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom,
1. Jenfasizza li l-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni u ilha politika Komunitarja mit-Trattat ta' Maastricht;
2. Jisħaq fuq l-importanza tal-euro għall-proġett politiku u ekonomiku Ewropew, u jenfasizza l-importanza tal-impenn li ħadu l-Istati Membri kollha favur l-istabbiltà taż-żona tal-euro u s-sens ta' responsabbiltà u solidarjeta li wrew;
3. Jenfasizza li l-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà jikkostitwixxi parti importanti ta' pakkett globali tal-miżuri maħsuba biex jiddefinixxu qafas ġdid, li jsaħħaħ id-dixxiplina baġitarja u l-koordinament tal-politiki ekonomiċi u finanzjarji tal-Istati Membri, u li għandu jinkludi l-promozzjoni ta' risposta konġunta tal-Unjoni Ewropea għal sfidi ta' tkabbir, u fl-istess waqt jegħleb żbilanċi ekonomiċi u soċjali u jtejjeb il-kompetittività;
4. Jinnota li l-Kunsill ma użax il-possibbilitajiet kollha provduti bit-Trattati biex jinforza bis-sħiħ il-PST u jtejjeb il-koordinament ekonomiku fil-livell tal-Unjoni Ewropea;
5. Jikkunsidra li huwa essenzjali li mmorru lil hinn mill-miżuri temporanji maħsuba biex jistabbilizzaw iż-żona tal-euro, u li l-Unjoni għandha tibni l-governanza ekonomika tagħha, inkluż permezz ta' politiki u strumenti mfassla biex jippromwovu tkabbir sostenibbli fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-PST, is-semestru Ewropew, l-istrateġija UE 2020 u l-emendar tal-Artikolu 136 tat-TFUE fir-rigward tal-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita“ huma biss l-ewwel pass f'dik id-direzzjoni;
6. Jenfasizza li l-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà, flimkien mal-kondizzjonalità stretta li jinkorpora fih, jinvolvi l-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, anki dawk iż-żgħar li l-ekonomija tagħhom jista“ jkun li ma titqiesx ”indispensabbli“ għall-finijiet tas-salvagwardja taż-żona tal-euro kollha kemm hi;
7. Iwissi li l-intenzjoni li l-mekkaniżmu ta' stabbiltà permanenti jiġi stabbilit barra l-qafas istituzzjonali tal-UE tirrappreżenta riskju għall-integrità tas-sistema msejsa fuq it-Trattati; jikkunsidra li jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun membru tal-bord ta' dan il-mekkaniżmu, u mhux biss osservatur; jikkunsidra, barra minn hekk, li f'dan il-kuntest il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tieħu inizjattivi adegwati biex, bil-qbil tal-Istati membri kkonċernati, tilħaq il-miri tal-Mekkanżimu Ewropew ta' Stabbiltà; jenfasizza li l-Istati Membri fi kwalunkwe każ jeħtiġilhom jirrispettaw il-liġi tal-Unjoni u l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet stipulati hemmhekk;
8. Jenfasizza li jeħtieġ li l-istabbiliment u l-funzjonament tal-mekkaniżmu permanenti ta' stabbilità jirrispettaw il-prinċipji tal-qofol tat-teħid demokratiku tad-deċiżjonijiet, bħalma huma t-trasparenza, l-iskrutinju parlamentari u r-responsabbiltà demokratika ta' rendikont; jenfasizza li l-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita“ għandu jinvolvi mill-qrib l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni responsabbli għal kwestjonijiet monetarji – il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Bank Ewropew tal-Investiment; jenfasizza li l-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita” m'għandux iwassal għal mudell ġdid ta' governanza Ewropea li ma jilħaqx il-livell tal-istandards demokratiċi milħuqa fl-Unjoni;
9. Jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew ma esplorax il-possibbiltajiet kollha li fihom it-Trattati għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu permanenti ta' stabbilità; jikkunsidra b'mod partikolari li, fil-qafas tal-kompetenzi preżenti tal-Unjoni fir-rigward tal-unjoni ekonomika u monetarja (l-Artikolu 3(4) tat-TUE) u l-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (l-Artikolu 3(1)(c) tat-TFUE), kien ikun xieraq li jsir użu mis-setgħat mogħtija lill-Kunsill fl-Artikolu 136 tat-TFUE, jew alternattivament jintuża l-Artikolu 352 tat-TFUE flimkiem mal-Artikoli 133 u 136 tat-TFUE;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tfittex mekkaniżmi oħra għall-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja u ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli u adegwat taż-żona tal-euro, u tressaq il-proposti leġislattivi meħtieġa; jenfasizza l-ħtieġa li l-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita'jinkludi miżuri użati għat-tnaqqis tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, ekonomika u soċjali, inklużi r-regolazzjoni effikaċi tas-swieq finanzjarji, ir-reviżjoni tal-PST u koordinament ekonomiku mtejjeb, l-introduzzjoni ta' strumenti għat-tnaqqis ta' żbilanċi makroekonomiċi fi ħdan iż-żona tal-euro u miżuri tar-rikostruzzjoni ekoloġika;
11. Jikkunsidra barra minn hekk li t-twaqqif u l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' stabbiltà permanenti għandu jiddaħħal fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, bl-utilizzazzjoni wkoll, b'mod analogu, tal-mekkaniżmu istituzzjonali ta' kooperazzjoni msaħħa bħala mezz kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu involuti fl-istadji kollha u kif titħeġġeġ il-pateċipazzjoni fil-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita“ ta' dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom;
12. Jinnota li, fid-dawl tad-diskussjonijiet fil-Parlament, il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern taż-żona tal-euro fil-laqgħa tagħhom tal-11 ta' Marzu 2011, fil-kuntest tal-patt għall-euro, qablu li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol ċentrali b'saħħtu fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-impenji, b'mod partikulari sabiex tiżgura li l-miżuri jkunu kompatibbli u ta' sostenn kemm fir-rigward tar-regoli tal-UE kif ukoll fir-rigward tal-involviment tal-Parlament; jinnota li, fil-kunsiderazzjoni tagħhom tal-karatteristiċi ġenerali tal-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà, qablu li l-assistenza pprovduta lil Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro se tkun ibbażata fuq programm strett ta' aġġustament ekonomiku u fiskali u fuq analiżi rigoruża tas-sostenibilità tad-dejn imwettqa mill-Kummissjoni u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), b'kollaborazzjoni mal-BĊE;
13. Jirrikonoxxi s-sinjali pożittivi perċepiti fl-ittra mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Grupp tal-Euro u l-Kummissarju responsabbli għall-politika monetarja; jieħu nota li:
–
il-kondizzjonalità tal-politika stabbilita taħt sorveljanza ikbar jew programm ta' aġġustament makroekonomiku se tiġi definita permezz ta' regolament li għandu jiġi propost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 136 TFUE sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-qafas ta' sorveljanza multilaterali tal-UE;
–
l-aċċess għal assistenza finanzjarja taħt il-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà se jiġi pprovdut abbażi ta' analiżi rigoruża tas-sostenibilità tad-dejn pubbliku mwettqa mill-Kummissjoni flimkien mal-FMI b'kollaborazzjoni mal-BĊE; u se tiġi imposta kondizzjonalità tal-politika stretta skont programm ta' aġġustament makroekonomiku kommensurabbli mal-gravità tal-iżbilanċi tal-Istat Membru kkonċernat;
–
abbażi tal-valutazzjoni, pprovduta mill-Kummissjoni flimkien mal-FMI u b'kollaborazzjoni mal-BĊE, tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-Istat Membru benefiċjarju, il-Bord tal-Gvernaturi tal-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilita“ jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja programm ta' aġġustament makroekonomiku mal-Istat Membru kkonċernat, flimkien mal-FMI u b'kollaborazzjoni mal-BĊE;
–
il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill deċiżjoni li tapprova l-programm makroekonomiku u, ladarba dik id-deċiżjoni tiġi adottata, tiffirma Memorandum ta' Ftehim f'isem l-Isati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;
–
il-kondizzjonalità tal-politika stabbilita taħt sorveljanza msaħħa jew programm ta' aġġustament makroekonomiku għandha ssir b'konsistenza mal-qafas ta' sorveljanza tal-Unjoni Ewropea u għandha tiggarantixxi konformità mal-proċeduri tal-UE;
–
l-assistenza finanzjarja se tiġi attivata fuq talba ta' Stat Membru, wara valutazzjoni mill-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-BĊE, tal-eżistenza ta' riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha;
–
il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u b'kollaborazzjoni mal-BĊE, se tkun responsabbli biex tissorvelja l-konformità mal-kondizzjonalità tal-politika u se tirrapporta lill-Kunsill u lill-Bord tad-Diretturi;
–
wara diskussjoni fil-Bord tal-Gvernaturi, id-deċiżjoni tal-Kunsill li tiġi implimentata sorveljanza ta' wara l-programm tittieħed fuq proposta mressqa mill-Kummissjoni;
–
il-Parlament se jiġi infurmat regolarment mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar it-twaqqif tal-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà u dwar l-operazzjonijiet tiegħu u għaldaqstant se jkun f'pożizzjoni li jwettaq skrutinju xieraq tal-attiviatajiet tiegħu;
–
il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea se jkollha ġurisdizzjoni fi kwalunkwe tilwim, b'konformità mal-Artikolu 273 TFUE.
14. Japprova l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, minkejja r-riżerva tiegħu li kien ikun preferibbli kieku ġiet abbozzata kif propost fl-Anness I ta' din ir-riżoluzzjoni; jaqbel mal-fehma espressa mill-BĊE favur l-użu tal-metodu tal-Unjoni li jippermetti li l-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà jsir mekkaniżmu tal-Unjoni fi żmienmeta dan ikun xieraq; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jiżgura li:
–
ir-regolament li jindirizza l-kondizzjonalità tal-politika jiġi adottat b'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja tal-Unjoni;
–
kull Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro li jkun ikkontribwixxa għall-mekkaniżmu ta' stabbiltà permanenti għandu jkollu aċċess għalih indipendentement mid-daqs tal-Istat Membru;
15. Ifakkar li l-mekkaniżmu permanenti ta' stabbiltà futur għandu jutilizza l-istituzzjonijiet Ewropej, ladarba dan jevita t-twaqqif ta' strutturi doppji li jkunu ta' ħsara għall-integrazzjoni Ewropea;
16. Jesiġi li l-kondizzjonijiet tas-self li għandhom jiġu applikati għas-sald ta' fondi lill-mekkaniżmu ta' stabbiltà permanenti jekk dan jiġi attivat għandhom ikunu jixbhu dawk applikati għall-istrumenti tal-Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti u tal-Assitenza Makrofinanzjarja użati mill-Kummissjoni, jiġifieri strettament “back-to-back” bla marġni fuq il-kosts tas-self; barra minn hekk jikkunsidra li r-rati tal-imgħax li għandu juża l-mekkaniżmu ta' stabbiltà permanenti għandhom ikunu offruti b'termini favorevoli;
17. Jinsisti li jeħtieġ li l-Parlament Ewropew iwettaq skrutinju fuq kemm l-Istati Membri jimxu skont il-linji gwida ekonomiċi stabbiliti mill-Kummissjoni u skont il-kondizzjonijiet imposti mill-mekkaniżmu ta' stabbiltà, u jisħaq li kull parlament nazzjonali għandu jkun involut bis-sħiħ, bi qbil mad-drittijiet baġitarji u ta' kontroll tagħhom, fl-istadji kollha, speċjalment fil-kuntest tas-semestru Ewropew, biex jissaħħu t-trasparenza, is-sjieda u r-responsabbiltà ta' rendikont għal kull deċiżjoni li tittieħed;
18. Japprova l-intenzjoni tal-Kummissjoni li “tiżgura konsistenza bejn il-mekkaniżmu tal-futur u l-governanza ekonomika tal-Unjoni fiż-żona tal-euro b'mod partikolari, fir-rispett tal-kompetenzi li konferiti lill-Unjoni u lill-istituzzjonijiet tagħha permezz tat-Trattat”;
19. Jenfasizza li l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew kif emedat mhuwiex se jżid il-kompetenzi tal-Unjoni u għalhekk jibqa“ fi ħdan l-ambitu tal-proċedura ssimplifikata għar-reviżjoni tat-Trattati; jinnota, min-naħa l-oħra, li dik id-deċiżjoni ma tistax tnaqqas il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-politika ekonomika u monetarja għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, u fl-ebda każ ma tista” tkun bi ħsara għall-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari tal-Artikoli 122 u 143 tat-TFUE, u tal-acquis tal-Unjoni;
20. Jerġa“ jsostni li l-użu tal-Artikolu 48(6) tat-TUE huwa proċedura eċċezzjonali, u jfakkar fid-dritt tal-Parlament skont l-Artikolu 48(3) tat-TUE li jsejjaħ Konvenzjoni biex ifassal mill-ġdid l-istituzzjonijiet, il-proċeduri u l-politiki li jsawru l-governanza ekonomika tal-Unjoni;
21. Jagħti istruzzjonjiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew bħala l-opinjoni tal-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(6) tat-TUE.
ANNESS I GĦAR-RIŻOLUZZJONI
Emenda għall-Artikolu 1 tal-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew
Is-subparagrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-Artikolu 136(1) tat-TFUE:"
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jkunu kkonsultaw mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta' stabbiltà biex jiġi attivat jekk ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà taż-żona tal-euro. L-għoti ta' kwalunkwe għajnuna finanzjarja taħt il-mekkaniżmu se jkun deċiż abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni Ewropea u jkun soġġett għal kriterji stretti ta' kondizzjonalità bi qbil mal-prinċipji u l-objettivi tal-Unjoni, kif stipulati fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u f'dan it-Trattat.
Il-prinċipji u r-regoli għall-kondizzjonalità tal-għajnuna finanzjarja skont il-mekkaniżmu u l-kontroll tiegħu għandhom ikunu stipulati f'regolament f'konformita‘ mal-proċedura leġislattiva ordinarja.
"
L-Artikolu 136(2) huwa mibdul b“ dan li ġej:"
‘2. Għal dawk il-miżuri stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, għandhom jieħdu sehem fil-votazzjoni biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
Maġġoranza kwalifikata ta' dawn il-membri tal-Kunsill għandha tiġi definita b'konformità mal-Artikolu 238(3)(a).
Għal dawk il-miżuri stipulati fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, għandhom jieħdu sehem fil-votazzjoni biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li jieħdu sehem fil-mekkaniżmu.
"
ANNESS II GĦAR-RIŻOLUZZJONI
Ittra mill-President tal-Kunsill Ewropew lir-rapporteurs(1)
Brussell, 22 ta' Marzu 2011
Sur Brok, Sur Gualtieri,
Wara d-diversi laqgħat tagħkom u d-diskussjonijiet miegħi u ma' membri tal-kabinett tiegħi dwar l-emenda proposta għall-Artikolu 136 tat-Trattat rigward mekkaniżmu ta' stabilità għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, ippermettuli nibgħatilkom id-dokument mehmuż, imfassal mill-kabinett tiegħi, li jeżamina l-preokkupazzjonijiet li esprimejtu u li jirreaġixxi għalihom.
Is-Sur Juncker, President tal-Grupp tal-Euro, u s-Sur Ollie Rehn, Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, qed jiktbulkom separatament dwar l-eżitu tan-negozjati dwar id-dettalji tal-Mekkaniżmu futur, li jien nappoġġa b'mod sħiħ.
Ninsab ċert li taqblu miegħi li dan kollu għandu jagħti lill-Parlament livell wiesa“ ta' sodisfazzjon fir-rigward tal-punti ppreżentati fl-għażla (b) tar-rapport tagħkom.
Kif forsi tafu, din l-emenda tat-trattat se tiġi diskussa mill-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta' Marzu. Ċert li tifhmu l-importanza u l-urġenza ta' din il-kwistjoni.
Dejjem tagħkom,
(iffirmata)
Herman Van Rompuy
Anness
Rigward l-għażla (a) fil-paragrafu 12 tar-rapport, li tipproponi li l-emenda għat-trattat tiġi abbozzata mill-ġdid, għandu jingħad li dan l-abbozz ta' emenda tat-trattat tfassal b'attenzjoni kbira biex ikun accettabbli għall-Istati Membri kollha, li kollha kemm huma jridu jirratifikawh. M'hemm tista“ tgħid l-ebda possibilità li t-test bħala tali jiġi emendat u tabilħaqq l-emendi ssuġġeriti jipprekludu l-użu tal-proċedura ta' reviżjoni simplifikata – jew għall-inqas ikunu suġġetti għal kontestazzjoni legali abbażi ta' dan. Iċ-ċertezza legali hija r-raġuni ewlenija għalfejn għandu jiġi emendat it-trattat qabel kollox, u kwalunkwe ħaġa li ddgħajjifha tkun problematika.
Fir-rigward ta' emendi futuri għat-trattat, huwa impossibbli li ssir xi wegħda speċifika. Intlaħaq qbil, madankollu, li se jkun hemm valutazzjoni tal-effikaċja ġenerali ta' dan il-qafas fl-2016, li għandha ssir mill-Kummissjoni Ewropea. Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi li kwalunkwe valutazzjoni futura - u s-suġġerimenti li jafu jsiru għal tibdil – jiġu qabel kollox mill-Kummissjoni.
Fir-rigward tal-għażla (b) tar-rapport, il-preokkupazzjonijiet fis-sens li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità jista“ jipprovdi n-nukleu ta' segretarjat intergovernattiv futur biex jimmaniġġja l-ekonomija taż-żona tal-Euro huma mingħajr bażi. Il-mekkaniżmu huwa maħsub għal skop iddefinit b'mod speċifiku. Il-persunal tiegħu se jkun kollu kemm hu ddedikat għall-aspetti finanzjarji u tat-teżor ta' dan il-mekkaniżmu u mhux se jkun involut fil-kwistjonjiet usa” tal-governanza ekonomika. Ir-rwol tal-MES huwa li jimmobilizza l-finanzi u jipprovdi għajnuna finanzjarja, iżda l-valutazzjoni tal-ħtieġa ta' appoġġ finanzjarju u d-definizzjoni tal-kundizzjonalità se ssir mill-Kummissjoni.
Wieħed jista“ wkoll iserraħ moħħu mill-biża” li l-Kummisjoni tista“ tiġi eskluża mill-ħidma tal-mekkaniżmu. L-esperjenza bil-mekkaniżmi temporanji turi li l-involviment tal-Kummissjoni huwa mhux biss possibbli, iżda essenzjali. Fil-mekkaniżmu temporanju, il-miżuri ta' kundizzjonalità rigward l-Istat benefiċjarju ġew adottati bl-użu tal-proċedura tal-Unjoni, jiġifieri Deċiżjoni adottata mill-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 136 TFUE flimkien mal-Artikolu 126(9) TFUE (ara l-Artikolu 126(13) li jistipula l-proċedura applikabbli għal deċiżjonijiet skont l-Artikolu 126(9)). Din hija l-proċedura li ġiet segwita għall-adozzjoni tal-miżuri ta' kundizzjonalità għall-Greċja (ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (2010/320/UE) tal-10 ta' Mejju 2010 (ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6) adotatta fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2010 (SEC(2010)0560 finali)).
Rigward il-Mekkaniżmu permanenti, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Diċembru, fl-anness II li jistipula l-“Karatteristiċi Ġenerali tal-Mekkaniżmu Futur”, l-involviment tal-Kummissjoni diġà huwa speċifikat numru ta' drabi. Minn dak iż-żmien “l hawn, il-ħidma preparatora mwettqa għall-MES iċċarat li:
– Jekk Stat Membru jitlob għajnuna finanzjarja, hija l-Kummissjoni li tivvaluta, f'kooperazzjoni mal-BĊE, l-eżistenza ta' riskju għall-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi u twettaq analiżi tas-sostenibilità tad-dejn pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat (flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE).
– Jekk tintalab għajnuna għall-istabilità, hija l-Kummissjoni (flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE) li tivvaluta l-ħtiġijiet reali ta' finanzjament tal-Istat Membru benefiċjarju u n-natura tal-involviment meħtieġ tas-settur privat.
– Il-Bord tal-Gvernaturi jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja (flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE) programm ta' aġġustament makroekonomiku mal-Istat Membru kkonċernat.
– Il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill deċiżjoni li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku. Meta l-programm ikun ġie adottat mill-Kunsill, il-Kummissjoni tiffirma l-Memorandum ta' Ftehim f'isem l-Istati Membri taż-żona tal-euro.
– Il-Kummissjoni (flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE) tkun responsabbli biex tissorvelja l-konformità mal-kundizzjonalità tal-politika meħtieġa minn programm ta' aġġustament makroekonomiku.
– Wara diskussjoni fil-Bord tal-Gvernaturi, huwa fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummisjoni li l-Kunsill ikun jista“ jiddeċiedi li jimplimenta sorveljanza wara l-programm.
– Il-kundizzjonalità tal-politika stabbilita taħt sorveljanza msaħħa jew programm ta' aġġustament makroekonomiku għandha tkun konsistenti mal-qafas ta' sorveljanza tal-UE u għandha tiggarantixxi r-rispett tal-proċeduri tal-UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi Regolament li jiċċara l-passi proċedurali meħtieġa skont l-Artikolu 136 tat-Trattat biex il-kundizzjonalità tal-politika titnaqqax fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas ta' sorveljanza multilaterali tal-UE.
– Il-Kunsill u l-Kummissjoni jinformaw lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-MES.
– F'każ li jinqala“ ċertu tilwim, hija l-Qorti tal-UE li tkun responsabbli bi qbil mal-Artikolu 273 TFUE.
* Tradotta għal skopijiet ta' informazzjoni. Il-lingwa oriġinali tal-ittra hija l-Ingliż.
ANNESS III GĦAR-RIŻOLUZZJONI
Ittra mill-President tal-Grupp tal-Euro u mill-Kummissarju responsabbli għall-politika monetarja lir-rapporteurs(1)
Brussell, 22 ta' Marzu 2011
Sur Brok, Sur Gualtieri,
Permezz ta' din l-ittra nixtiequ nifurmawkom bl-eżitu tan-negozjati dwar it-twaqqif ta' Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità, peress li dan se jkun ta' importanza għall-Parlament Ewropew meta jieħu deċiżjoni, abbażi tar-rapport tagħkom, rigward l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta' emenda għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Ilbieraħ, 21 ta' Marzu, laqgħa ministerjali intergovernattiva ffinalizzat Dokument dwar il-Kundizzjonijiet (Term Sheet) tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità (MES). Issibu t-test finali ta' dan id-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet mehmuż ma' din l-ittra.
Kif tistgħu taraw, skont id-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet, il-MES se jiġi stabbilit bi trattat fost l-Istati Membri taż-żona tal-Euro bħala organizzazzjoni intergovernattiva skont id-dritt internazzjonali pubbliku u se jkollu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu. Il-MES se jkollu Bord ta' Gvernaturi li jkun magħmul mill-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro (bħala membri votanti) u mill-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-President tal-BĊE bħala osservaturi. L-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħu jipparteċipaw fuq bażi ad hoc flimkien mal-MES f'operazzjonijiet ta' għajnuna finanzjarja għal Stati Membri li huma fiż-żona tal-euro.
Ir-rwol tal-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-MES huwa ċentrali, u l-konnessjoni tal-MES mal-istituzzjonijiet tal-UE hija stabbilita b'mod ċar.
Kif deskritt fid-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet, hija l-Kummissjoni li tivvaluta, f'kooperazzjoni mal-BĊE, l-eżistenza ta' riskju għall-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi, u twettaq analiżi tas-sostenibilità tad-dejn pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat, flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE. Barra minn hekk, se tkun responsabilità tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni ta' tmexxija fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-Istat Membru benefiċjarju, kif ukoll tan-natura tal-involviment meħtieġ tas-settur privat.
Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Bord tal-Gvernaturi jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja, flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE, programm ta' aġġustament makroekonomiku mal-Istat Membru kkonċernat, li d-dettalji tiegħu jingħataw f'Memorandum ta' Ftehim (MtF).
Tkun responsabilità tal-Kummissjoni li tipproponi lill-Kunsill deċiżjoni li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku. Il-Bord tal-Gvernaturi jiddeċiedi rigward l-għoti ta' għajnuna finanzjarja u t-termini u l-kundizzjonijiet li bihom tingħata l-għajnuna. Meta l-programm ikun ġie adottat mill-Kunsill, il-Kummissjoni tiffirma l-MtF f'isem l-Istati Membri taż-żona tal-euro, salv ftehim komuni minn qabel mill-Bord tal-Gvernaturi. Il-Bord tad-Diretturi mbagħad japprova l-ftehim ta' għajnuna finanzjarja li jkun fih l-aspetti tekniċi tal-għajnuna finanzjarja li tkun se tingħata.
Il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE, tkun responsabbli biex tissorvelja l-konformità mal-kundizzjonalità tal-politika meħtieġa minn programm ta' aġġustament makroekonomiku. Tirrapporta lill-Kunsill u lill-Bord tad-Diretturi. Abbażi ta' dan ir-rapport, il-Bord tad-Diretturi jiddeċiedi bi ftehim komuni dwar l-iżborż tal-partijiet ġodda tas-self.
Wara diskussjoni fil-Bord tal-Gvernaturi, il-Kunsill jista“ jiddeċiedi, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, li jimplimenta sorveljanza wara l-programm, liema sorveljanza tista” tinżamm sakemm ma jkunx tħallas lura ammont speċifiku tal-għajnuna finanzjarja.
Il-kundizzjonalità tal-politika stabbilita taħt sorveljanza msaħħa jew programm ta' aġġustament makroekonomiku għandha tkun konsistenti mal-qafas ta' sorveljanza tal-UE u għandha tiggarantixxi r-rispett tal-proċeduri tal-UE, u b'hekk anke r-rwol tal-Parlament Ewropew.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 136 tat-Trattat, li jiċċara l-passi proċedurali meħtieġa biex il-kundizzjonalità tal-politika titnaqqax fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas ta' sorveljanza multilaterali tal-UE. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jinformaw lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-MES.
Ninsabu fiduċjużi li din l-informazzjoni tkun utli għall-Parlament Ewropew għall-fini tal-kunsiderazzjoni minnu tal-abbozz ta' emenda għall-Artikolu 136 TFUE fir-rigward ta' mekkaniżmun ta' stabilità għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
Dejjem tiegħek,
(iffirmata) (iffirmata)
Olli Rehn Jean-Claude Juncker
Membru tal-Kummissjoni Ewropea President tal-Grupp tal-Euro
Kopji:
President tal-Parlament Ewropew
President tal-Kunsill Ewropew
President tal-Kummissjoni Ewropea
Anness għall-ittra mill-President tal-Grupp tal-Euro u mill-Kummissarju responsabbli għall-politika monetarja lir-rapporteurs
21 ta' Marzu 2011
Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-MES
Il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri li huma fiż-żona tal-euro jistabbilixxu mekkaniżmu ta' stabilità permanenti: Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità (MES). Il-MES se jiġi attivat bi ftehim komuni(2), jekk dan ikun indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Il-MES se tieħu r-rwol tal-Faċilità Ewropea ta' Stabilità Finanzjarja (EFSF) u tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja esterna lill-Istati Membri taż-żona tal-euro wara Ġunju 2013.
L-aċċess għall-għajnuna finanzjarja mill-MES se jkun provdut abbażi ta' kundizzjonalità stretta tal-politika skont programm ta' aġġustament makroekonomiku u analiżi rigoruża tas-sostenibilità tad-dejn pubbliku, li ssir mill-Kummissjoni flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE. L-Istat Membru benefiċjarju se jkun obbligat jibda jħaddem forma xierqa ta' involviment tas-settur privat, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi u b'mod li jkun għalkollox konsistenti mal-prattiki tal-FMI.
Il-MES se jkollu kapaċità effettiva ta' self ta' EUR 500 biljun(3). L-adegwatezza tal-kapaċità ta' self se tiġi rieżaminata fuq bażi regolari u mill-inqas kull ħames snin. Il-MES se jfittex li jissupplimenta l-kapaċità ta' self tiegħu permezz tal-parteċipazzjoni tal-FMI f'operazzjonijiet ta' għajnuna finanzjarja, filwaqt li l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħu jipparteċipaw ukoll fuq bażi ad hoc.
Il-bqija ta' dan id-dokument dwar il-kundizzjonijiet jippreżenta l-karatteristiċi strutturali tal-MES:
Il-forma istituzzjonali
Il-MES se jiġi stabbilit bi trattat fost l-Istati Membri taż-żona tal-Euro bħala organizzazzjoni intergovernattiva skont id-dritt internazzjonali pubbliku u se jkollu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu. L-istatut tal-MES se jiġi ppreżentat f'anness għat-trattat.
Il-funzjoni u l-istrateġija ta' finanzjament
Il-funzjoni tal-MES se tkun li jimmobilizza l-finanzjament u jipprovdi għajnuna finanzjarja, b'kundizzjonalità stretta, għall-benefiċċju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li jkunu qed jesperjenzaw jew ikunu mhedda bi problemi serji ta' finanzjament, biex tiġi salvagwardjata l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi.
L-Istati Membri taż-żona tal-euro se jagħtu lill-MES is-sanzjonijiet finanzjarji imposti fuqhom skont il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u l-proċeduri tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi(4). Dawn is-sanzjonijiet se jiffurmaw parti mill-kapital imħallas.
Il-MES se juża strateġija xierqa ta' finanzjament biex jiżgura aċċess għal sorsi wiesgħa ta' finanzjament u sabiex ikun jista“ jestendi pakketti ta' għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri fil-kundizzjonijiet kollha tas-suq. Kwalunkwe riskju assoċjat se jiġi limitat permezz ta' ġestjoni adegwata tal-attivi u tal-passivi.
Il-governanza
Il-MES se jkollu Bord ta' Gvernaturi li jkun magħmul mill-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro (bħala membri votanti) u mill-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-President tal-BĊE bħala osservaturi. Il-Bord tal-Gvernaturi jeleġġi President minn fost il-membri votanti tiegħu.
Il-Bord tal-Gvernaturi se jkun l-ogħla korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-MES u se jieħu d-deċiżjonijiet ewlenin li ġejjin bi ftehim komuni:
–
l-għoti ta' għajnuna finanzjarja;
–
it-termini u l-kundizzjonijiet tal-għajnuna finanzjarja;
–
il-kapaċità ta' self tal-MES;
–
tibdiliet għall-firxa ta' strumenti.
Id-deċiżjonijiet l-oħra kollha mill-Bord tal-Gvernaturi se jittieħdu b'maġġoranza kwalifikata, sakemm ma jingħadx xorta oħra.
Il-MES se jkollu Bord tad-Diretturi, li se jwettaq kompiti speċifiċi skont kif iddelegati mill-Bord tal-Gvernaturi. Kull Stat Membru taż-żona tal-euro jaħtar Direttur wieħed u Direttur sostitut wieħed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-BĊE jinnominaw osservatur u sostitut għall-Bord tad-Diretturi kull wieħed. Id-deċiżjonijiet kollha mill-Bord tad-Diretturi se jittieħdu b'maġġoranza kwalifikata, sakemm ma jingħadx xorta oħra.
Il-piż tal-voti fil-Bord tal-Gvernaturi u fil-Bord tad-Diretturi se jkun proporzjonat mas-sottoskrizzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri għall-kapital tal-MES. Maġġoranza kwalifikata hija definite bħala 80 fil-mija tal-voti.
Il-Bord tal-Gvernaturi jaħtar Direttur Maniġerjali responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-MES. Id-Direttur Maniġerjali jippresiedi l-Bord tad-Diretturi.
L-istruttura tal-kapital
Il-MES se jipprova jikseb u jżomm l-ogħla klassifikazzjoni tal-kreditu mill-aġenziji ewlenin tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.
Il-MES se jkollu kapital totali sottoskritt ta' EUR 700 biljun. Minn dan l-ammont, EUR 80 biljun se jkunu fil-forma ta' kapital imħallas provdut mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, li minnhom EUR 40 biljun se jkunu disponibbli minn Ġunju 2013, filwaqt li s-sehem li jibqa“ jiddaħħal gradwalment tul it-tliet snin ta' wara. Barra minn hekk, il-MES se jkollu wkoll taħlita ta' kapital eżerċitabbli impenjat u ta' garanziji mill-Istati Membri taż-żona tal-euro għal ammont totali ta' EUR 620 biljun.
Il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru fil-kapital totali sottoskritt tal-MES se jkun ibbażat fuq il-koeffiċjent tal-kapital imħallas tal-BĊE kif muri fl-anness. Bir-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi l-MES, l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom legalment li jipprovdu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kapital totali sottoskritt.
Il-Bord tal-Gvernaturi jiddeċiedi bi ftehim komuni meta jiġi adattat l-ammont ta' kapital sottoskritt jew meta jissejjaħ il-kapital, ħlief fil-każijiet speċifiċi deskritti aktar “l isfel. L-ewwel nett, il-Bord tad-Diretturi jista” jiddeċiedi, b'maġġoranza sempliċi, li jerġa“ jġib għal-livell li kien - billi jsejjaħ il-kapital - il-livell ta' kapital imħallas f'każ li l-ammont ta' kapital imħallas jitnaqqas bl-assorbiment tat-telf(5). It-tieni nett, se tiġi stabbilita proċedura ta' garanzija fuq talba li tippermetti li jissejjaħ kapital awtomatikament mill-azzjonisti tal-MES jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi evitat nuqqas fil-ħlasijiet lill-kredituri tal-MES. Ir-responsabilità ta' kull azzjonist f'kull ċirkostanza se tkun limitata għas-sehem tiegħu fil-kapital sottoskritt.
Kwalunkwe kontribuzzjoni għall-kapital sottoskritt minn Stat Membru(6) li jissieħeb fil-MES wara Ġunju 2013 issir skont l-istess termini applikati għall-kontribuzzjonijiet oriġinali. L-implikazzjonijiet prattiċi għall-ammont globali ta' kapital sottoskritt u d-distribuzzjoni tal-kapital fost l-Istati Membri jiġu deċiżi mill-Bord tal-Gvernaturi permezz ta' ftehim komuni.
Sakemm il-MES ma jkunx ġie attivat u sakemm il-kapaċità effettiva ta' self ma tkunx inqas minn EUR 500 biljun, ir-rikavat mill-investiment tal-kapital imħallas tal-MES jintradd lura lill-Istati Membri, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż operattivi. Wara l-ewwel attivazzjoni tal-MES, ir-rikavat mill-investiment tal-kapital u mill-attività ta' għajnuna finanzjarja tal-MES jinżamm fil-MES. Madankollu, f'każ li l-kapital imħallas jaqbeż il-livell meħtieġ biex tinżamm il-kapaċità ta' self tal-MES, il-Bord tad-Diretturi jista“ jiddeċiedi, b'maġġoranza sempliċi, li jqassam dividend lill-Istati Membri taż-żona tal-euro abbażi tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni.
Strumenti
Il-MES se jipprovdi għajnuna finanzjarja suġġetta għal kundizzjonalità stretta skont programm ta' aġġustament makroekonomiku, fi proporzjon ma' kemm ikunu serji l-iżbilanċi tal-Istat Membru. Tingħata permezz ta' self.
Madankollu jista“ jintervjeni, bħala eċċezzjoni, fis-swieq primarji tad-dejn abbażi ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku b'kundizzjonalità stretta u jekk ikun hemm qbil f'dan is-sens bi ftehim komuni mill-Bord tal-Gvernaturi.
Għajnuna għall-istabilità tal-MES (ESS)
Il-MES jista“ jagħti għajnuna għall-istabilità għal perjodu qasir jew medju lil Stat Membru taż-żona tal-euro li jkun qed jesperjenza problemi finanzjarji. L-aċċess għall-ESS jimplika programm ta' aġġustament makroekonomiku b'kundizzjonalità adegwata tal-politika fi proporzjon ma' kemm ikunu serji l-iżbilanċi sottostanti fl-Istat Membru benefiċjarju. It-tul ta' żmien tal-programm u l-maturità tas-self se jiddependu fuq in-natura tal-iżbilanċi u l-prospetti li l-Istat Membru benefiċjarju jerġa” jikseb aċċess għas-swieq finanzjarji fiż-żmien li jkunu disponibbli r-riżorsi tal-MES.
Il-faċilità ta' appoġġ fis-suq primarju
Il-MES jista“ jakkwista l-bonds ta' Stat Membru li jkun qed jesperjenza problemi serji ta' finanzjament, fis-suq primarju, bl-għan li jimmassimizza l-kosteffiċjenza tal-appoġġ. Il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom isir l-akkwist tal-bonds se jkunu speċifikati fid-Deċiżjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-għajnuna finanzjarja.
Il-Bord tal-Gvernaturi jista“ jerġa” jeżamina l-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-MES u jista“ jiddeċiedi li jagħmel tibdiliet għall-firxa ta' strumenti.
L-involviment tal-FMI
Il-MES se jikkoopera mill-qrib ħafna mal-FMI fl-għoti tal-għajnuna finanzjarja(7). Fiċ-ċirkostanzi kollha, se tintalab il-parteċipazzjoni attiva tal-FMI, kemm fil-livell tekniku kif ukoll f'dak finanzjarju. L-analiżi tas-sostenibilità tad-dejn se ssir b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-FMI, f'kooperazzjoni mal-BĊE. Il-kundizzjonijiet tal-politika marbuta ma' għajnuna konġunta mill-MES/FMI se jiġu nnegozjati b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-FMI, f'kooperazzjon mal-BĊE.
L-attivazzjoni tal-għajnuna finanzjarja, is-sorveljanza tal-programm u s-segwitu
L-għajnuna finanzjarja mill-MES f'kull eventwalità tiġi attivata fuq talba minn Stat Membru lill-Istati Membri l-oħrajn taż-żona tal-euro. Il-Grupp tal-Euro jinforma lill-Kunsill li tkun saret talba għall-attivazzjoni tal-għajnuna. Meta jirċievi talba bħal din, il-Bord tal-Gvernaturi jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta, f'kooperazzjoni mal-BĊE, l-eżistenza ta' riskju għall-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi, u twettaq analiżi tas-sostenibilità tad-dejn pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat, flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE. Il-passi sussegwenti fl-attivazzjoni tal-għajnuna finanzjarja tal-MES ikunu kif ġej:
–
Jekk tintalab ESS, il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE, tivvaluta l-ħtiġijiet reali ta' finanzjament tal-Istat Membru benefiċjarju u n-natura tal-involviment meħtieġ tas-settur privat, li għandu jkun konsistenti mal-prattiki tal-FMI.
–
Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Bord tal-Gvernaturi jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja, flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE, programm ta' aġġustament makroekonomiku mal-Istat Membru kkonċernat, li d-dettalji tiegħu jingħataw f'MtF.
–
Il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill deċiżjoni li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku. Il-Bord tal-Gvernaturi jiddeċiedi rigward l-għoti ta' għajnuna finanzjarja u t-termini u l-kundizzjonijiet li bihom tingħata l-għajnuna. Meta l-programm ikun ġie adottat mill-Kunsill, il-Kummissjoni tiffirma l-MtF f'isem l-Istati Membri taż-żona tal-euro, salv ftehim komuni minn qabel mill-Bord tal-Gvernaturi. Il-Bord tad-Diretturi mbagħad japprova l-ftehim ta' għajnuna finanzjarja li jkun fih l-aspetti tekniċi tal-għajnuna finanzjarja li tkun se tingħata.
–
Il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE, tkun responsabbli biex tissorvelja l-konformità mal-kundizzjonalità tal-politika meħtieġa minn programm ta' aġġustament makroekonomiku. Tirrapporta lill-Kunsill u lill-Bord tad-Diretturi. Abbażi ta' dan ir-rapport, il-Bord tad-Diretturi jiddeċiedi bi ftehim komuni dwar l-iżborż tal-partijiet ġodda tas-self.
–
Wara diskussjoni fil-Bord tal-Gvernaturi, il-Kunsill jista“ jiddeċiedi, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, li jimplimenta sorveljanza wara l-programm, liema sorveljanza tista” tinżamm sakemm ma jkunx tħallas lura ammont speċifiku tal-għajnuna finanzjarja.
Konsistenza mal-qafas ta' sorveljanza multilaterali tal-UE
Tintalab l-approvazzjoni mill-Istati Membri tal-UE biex l-Istati Membri taż-żona tal-euro jkunu jistgħu jinkarigaw lill-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u f'kooperazzjoni mal-BĊE, bl-analiżi tas-sostenibilità tad-dejn tal-Istat Membru li jitlob l-appoġġ finanzjarju, bit-tħejjija tal-programm ta' aġġustament li jakkumpanja l-għajnuna finanzjarja, kif ukoll bis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tiegħu.
Filwaqt li l-Bord tal-Gvernaturi għandu l-awtonomija li jiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-modalitajiet tal-għajnuna finanzjarja f'qafas intergovernattiv, il-kundizzjonalità tal-politika stabbilita fi programm ta' sorveljanza msaħħa jew ta' aġġustament makroekonomiku għandha tkun konsistenti mal-qafas ta' sorveljanza tal-UE u għandha tiggarantixxi r-rispett tal-proċeduri tal-UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi Regolament li jiċċara l-passi proċedurali meħtieġa skont l-Artikolu 136 tat-Trattat biex il-kundizzjonalità tal-politika titnaqqax fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas ta' sorveljanza multilaterali tal-UE. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jinformaw lill-Parlament Ewropew fuq bażi regolari dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-MES.
Id-determinazzjoni tal-prezzijiet
Il-Bord tal-Gvernaturi jiddeċiedi dwar l-istruttura tad-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-għajnuna finanzjarja lil Stat Membru benefiċjarju.
Il-MES se jkun jista“ jsellef b'rata fissa jew varjabbli. Id-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-MES se tkun konformi mal-prinċipji tad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-FMI u, filwaqt li tibqa” f'livell ogħla mill-ispejjeż ta' finanzjament tal-MES, se tinkludi awment għar-riskji.
L-istruttura tad-determinazzjoni tal-prezzijiet li ġejja se tapplika għas-self mill-MES:
1)
L-ispiża tal-finanzjament tal-MES
2)
Oneru ta' 200 punti ta' bażi applikat għas-self kollu
3)
Ħlas supplimentari ta' 100 punti ta' bażi għal ammonti ta' self li jkunu għadhom pendenti wara 3 snin.
Għal self b'rata fissa bi skadenzi ta' aktar minn 3 snin, il-marġni se jkun medja peżata tal-oneru ta' 200 punti ta' bażi għall-ewwel tliet snin u 200 punti ta' bażi biż-żieda ta' 100 punti ta' bażi għas-snin ta' wara.
L-istruttura tad-determinazzjoni tal-prezzijiet se tiġi definita fil-politika tad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-MES, li se tiġi rieżaminata perjodikament.
Se tkun mistennija forma adegwata u proporzjonata ta' involviment tas-settur privat fil-każijiet kollha fejn Stat benefiċjarju jirċievi għajnuna finanzjarja. In-natura u l-kobor ta' dan l-involviment se jiġu ddeterminati skont il-każ partikolari u se jiddependu fuq l-eżitu ta' analiżi tas-sostenibilità tad-dejn, bi qbil mal-prattika tal-FMI(8), u fuq l-implikazzjonijiet li jista“ jkun hemm għall-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro.
(a)Jekk, abbażi ta' analiżi tas-sostenibilità, wieħed jasal għall-konklużjoni li programm ta' aġġustament makroekonomiku jkun jista“ b'mod realistiku jerġa” jqiegħed id-dejn pubbliku fi triq sostenibbli, l-Istat Membru benefiċjarju jieħu inizjattivi bl-għan li jinkoraġġixxi lill-investituri privati ewlenin iżommu l-iskoperturi tagħhom (pereżempju apporoċċ tal-“Inizjattiva ta' Vjenna”). Il-Kummissjoni, il-FMI, il-BĊE u l-ABE jkunu involuti mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' inizjattivi bħal dawn.
(b)Jekk, abbażi tal-analiżi tas-sostenibilità, wieħed jasal għall-konklużjoni li programm ta' aġġustament makroekonomiku ma jkunx jista“ b'mod realistiku jerġa” jqiegħed id-dejn fi triq sostenibbli, l-Istat Membru benefiċjarju jkun meħtieġ jinvolvi ruħu f'negozjati attivi b'bona fidi mal-kredituri tiegħu biex jikseb l-involviment dirett tagħhom fl-istabbiliment mill-ġdid tas-sostenibilità tad-dejn. L-għoti tal-għajnuna finanzjarja jkun jiddependi fuq il-fatt li l-Istat Membru jkollu pjan kredibbli u juri impenn suffiċjenti li jiżgura involviment adegwat u proporzjonat tas-settur privat. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan jiġi sorveljat skont il-programm u jitqies fid-deċiżjoni dwar l-iżborż.
Fin-negozjar mal-kredituri, l-Istat Membru benefiċjarju jaderixxi mal-prinċipji li ġejjin:
– Proporzjonalità: l-Istat Membru jfittex soluzzjonijiet li jkunu proporzjonati mal-problema tas-sostenibilità tad-dejn tiegħu.
– Trasparenza: l-Istat Membru kkonċernat jinvolvi ruħu fi djalogu miftuħ mal-kredituri u jaqsam magħhom informazzjoni rilevanti fil-waqt.
– Ekwità: l-Istat Membru jikkonsulta mal-kredituri dwar it-tfassil ta' kwalunkwe reviżjoni tal-kalendarju tad-dejn pubbliku jew ristrutturar tiegħu bl-għan li jintlaħqu soluzzjonijiet innegozjati. Miżuri li jnaqqsu l-valur nett preżenti tad-dejn jitqiesu biss meta ma jkunx probabbli li l-għażliet l-oħra jwasslu għar-riżultati mistennija.
– Koordinament transkonfinali: ir-riskju tal-kontaġju u l-effetti sekondarji li jista“ jkun hemm fuq Stati Membri oħra u pajjiżi terzi jitqiesu kif xieraq fit-tfassil tal-miżuri biex jiġi involut is-settur privat. Il-miżuri meħuda jkunu akkumpanjati b'komunikazzjoni xierqa mill-Istat Membru kkonċernat bl-għan li tinżamm l-istabilità finanzjarja taż-Żona tal-Euro kollha kemm hi.
2.Klawsoli ta' Azzjoni Kollettiva
Il-klwasoli ta' Azzjoni Kollettiva (CAC) se jiġu inklużi fit-titoli ta' sigurtà kollha ġodda tal-gvernijiet taż-żona tal-euro, b'maturità li taqbeż is-sena, minn Ġunju 2013 “il quddiem. L-objettiv ta' CAC bħal dawn se jkun li jiġi ffaċilitat il-ftehim bejn is-sovran u l-kredituri tiegħu mis-settur privat fil-kuntest tal-involviment tas-settur privat. L-inklużjoni tas-CAC f'bond mhux se jimplika probabilità akbar ta' inadempjenza jew ta' ristrutturar tad-dejn relatat ma' dak il-bond. Għalhekk, l-istatus tal-kreditur ta' dejn sovran mhux se jiġi affettwat bl-inklużjoni tas-CAC.
Il-karatteristiċi ewlenin tas-CAC se jkunu konsistenti ma' dawk użati ta' spiss fis-swieq tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit mir-rapport tal-G10 dwar is-CAC “l hawn. Is-CAC se jiddaħħlu b'mod li jżomm kundizzjonijiet ugwali fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Dan jimplika l-użu ta' klawsoli identiċi u standardizzati għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, armonizzati fit-termini u l-kundizzjonijiet tat-titoli ta' sigurtà maħruġa mill-Istati Membri. Il-bażi tagħhom se tkun konsistenti mas-CAC li huma komuni fid-dritt ta' New York u f'dak tal-Ingilterra.
Is-CAC se jinkludu klawsola ta' aggregazzjoni, li tippermetti li maġġoranza kwalifikata ta' detenturi ta' bonds fil-qafas ta' aktar minn ħruġ wieħed ta' bonds, suġġetti għal klawsola bħal din u suġġetti għad-dritt ta' ġurisdizzjoni waħda, tinkludi klawsola ta' azzjoni tal-maġġoranza fejn il-maġġoranza meħtieġa ta' kredituri għar-ristrutturar ma tintlaħaqx fuq ħruġ wieħed ta' bonds. Se tiddaħħal rappreżentazzjoni xierqa. L-aktar kwistjonijiet importanti – il-kwistjonijiet ta' riserva – (pereżempju t-termini ewlenin tal-ħlas, il-konverżjoni jew l-iskambju tal-bonds) se jiġu deċiżi b'maġġoranza akbar minn dik li tapplika għal kwistjonijiet li mhumiex ta' riserva. Japplikaw ir-rekwiżiti xierqa ta' kworum. Tibdiliet maqbula mill-maġġoranzi rilevanti jorbtu lid-detenturi kollha tal-bonds.
Klawsola xierqa dwar it-tneħħija tad-dritt tal-vot se tapplika biex jiġi żgurat proċess xieraq ta' votazzjoni. Klawsoli xierqa biex jiġi evitat li jkun hemm azzjoni legali ta' xkiel se jiġu kkunsidrati.
Is-CAC se jiddaħħlu b'mod standardizzat, li jiżgura li l-impatt legali tagħhom ikun identiku fil-ġurisdizzjonijiet kollha taż-żona tal-euro u b'hekk jippreserva kundizzjonijiet ugwali fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-Istati Membri taż-żona tal-euro se jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jagħtu effett lis-CAC.
L-Istati Membri taż-żona tal-euro se jitħallew ikomplu jirrifinanzjaw dejn pendenti mingħajr CAC wara Ġunju 2013 skont kundizzjonijiet predeterminati, biex iżommu l-likwidità meħtieġa ta' bonds antiki u jagħtu biżżejjed żmien lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex joħolqu, b'mod ordnat, bonds ġodda bl-iskadenzi kollha ta' riferiment. L-arranġamenti legali dettaljati għall-inklużjoni tas-CAC f'titoli ta' sigurtà tal-gvernijiet taż-żona tal-euro se jiġu deċiżi abbażi tal-ħidma li għandha titwettaq mis-Sottokumitat tal-KEF dwar is-Swieq tad-Dejn Sovran tal-UE, wara konsultazzjoni xierqa mal-parteċipanti tas-suq u ma' partijiet interessati oħrajn, u jiġu ffinalizzati sa tmiem l-2011.
3.L-Istatus ta' Kreditur Privileġġat tal-MES
Bħall-FMI, il-MES se jagħti għajnuna finanzjarja lil Stat Membru meta l-aċċess regolari tiegħu għal finanzjament mis-suq jiddeterjora ruħu. F'rifless ta' dan, il-Kapijiet tal-Istati jew tal-Gvernijiet iddikjaraw li l-MES se jgawdi minn status ta' kreditur privileġġat b'mod simili għall-FMI, filwaqt li aċċettaw il-preċedenza tal-istatus ta' kreditur privileġġat tal-FMI qabel dak tal-MES.
Dan se jkun effettiv mill-1 ta' Lulju 2013, mingħajr preġudizzju għat-termini u l-kundizzjonijiet ta' kwalunkwe ftehim ieħor taħt l-EFSF u l-faċilità Griega.
Arranġamenti tranżitorji bejn l-EFSF u l-MES
Kif previst oriġinarjament, l-EFSF se tibqa“ teżisti wara Ġunju 2013 biex tamministra l-bonds pendenti. Se tibqa” operattiva sakemm tkun irċeviet il-ħlas sħiħ tal-finanzjament mogħti lill-Istati Membri u tkun saldat il-passivi tagħha taħt l-istrumenti finanzjarji u kwalunkwe obbligu li tirrimborża l-garanti. Porzjonijiet mhux minfuqa u mhux iffinanzjati ta' faċilitajiet eżistenti ta' self għandhom jiġu trasferiti lill-MES (pereżempju l-ħlas u l-finanzjament ta' ħlas parzjali li jsiru dovuti biss wara d-dħul fis-seħħ tal-MES). Is-self konsolidat tal-EFSF u tal-MES m'għandux jaqbeż l-EUR 500 biljun.
Biex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel mill-EFSF għall-MES, is-CEO tal-EFSF se jiġi inkarigat bit-tħejjija fil-prattika tat-twaqqif tal-MES. Se jirrapporta regolarment dwar il-progress li jkun sar lill-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro.
Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro
L-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħu jipparteċipaw fuq bażi ad hoc flimkien mal-MES f'operazzjonijiet ta' għajnuna finanzjarja għal Stati Membri li huma fiż-żona tal-euro. Jekk l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jipparteċipaw f'dawn l-operazzjonijiet, ikunu rappreżentati fil-laqgħat rilevanti tal-bordijiet tal-MES li jiddeċiedu dwar l-għoti u s-sorveljanza tal-għajnuna. Ikollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti fil-waqt u jiġu kkonsultati kif jixraq. L-Istati Membri taż-żona tal-euro se jappoġġaw l-istatus ta' kreditur ekwivalenti tal-MES u ta' Stati Membri oħra li jsellfu b'mod bilaterali flimkien mal-MES.
Is-soluzzjoni tat-tilwim
Jekk tinqala“ tilwima bejn Stat Membru taż-żona tal-euro u l-MES b'rabta mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-trattat li jistabblixxi l-MES, il-Bord tal-Gvernaturi jiddeċiedi dwar it-tilwima. Jekk l-Istat Membru jikkontesta din id-deċiżjoni, din it-tilwima għandha titressaq quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja bi qbil mal-Artikolu 273 TFUE.
Fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-MES u partijiet terzi, id-dritt li jirregola l-kwistjoni u l-ġurisdizzjoni li japplikaw jiġu trattati bid-dokumentazzjoni legali u kuntrattwali li mbagħad tiġi stabbilita bejn il-MES u dawk il-partijiet terzi.
Noti: Il-koeffiċjent tal-MES huwa bbażat fuq il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni għall-kapital tal-BĊE.
L-Istati Membri b'PDG per capita ta' inqas minn 75% tal-medja tal-UE se jibbenefikaw minn korrezzjoni temporanja għal perjodu ta' 12-il sena wara d-dħul fiż-żona tal-euro.
Din il-korrezzjoni temporanja se tkun tliet kwarti tad-differenza bejn l-ING u l-ishma kapitali tal-BĊE (li effettivament huma magħmula minn 75% tas-sehem tal-ING u 25% tas-sehem tal-kapital tal-BĊE kif ġej: Sehem tal-MES = sehem koeffiċjent tal-BĊE – 0,75*(sehem koeffiċjent tal-BĊE – sehem tal-ING)
Il-kumpens “l isfel mogħti lil dawk il-pajjiżi huwa ridistribwit fost il-pajjiżi l-oħra kollha skont is-sehem koeffiċjent tagħhom tal-BĊE.
Deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni hija deċiżjoni meħuda bl-unanimità tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-votazzjoni, jiġifieri l-astensjonijiet ma jwaqqfux lid-deċiżjoni milli tiġi adottata.
Madankollu wieħed jifhem li kwalunkwe involviment tal-FMI se jkun konsistenti mal-mandat tiegħu skont l-Istatut u d-deċiżjoni u l-politiki applikabbli tal-Bord tal-FMI.
F'konformità mal-FMI, id-dejn jitqies sostenibbli meta jkun previst li min jissellef ikun jista“ jkompli jħallas id-dejn tiegħu mingħajr korrezzjoni mhux realistika għall-introjtu u għall-infiq tiegħu. Dan il-ġudizzju jiddetermina d-disponibilità tal-kobor xieraq tal-finanzjament.