Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2233(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0042/2011

Testi mressqa :

A7-0042/2011

Dibattiti :

PV 23/03/2011 - 24
CRE 23/03/2011 - 24

Votazzjonijiet :

PV 24/03/2011 - 6.6
CRE 24/03/2011 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0109

Testi adottati
PDF 386kWORD 126k
Il-Ħamis, 24 ta' Marzu 2011 - Brussell
Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf
P7_TA(2011)0109A7-0042/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (2010/2233(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' kooperazzjoni tal-25 ta' Frar 1989 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn il-KE u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Lulju 1990 dwar is-sinifikat tal-ftehim ta' kummerċ ħieles li se tiġi konkluża bejn il-KEE u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf (GCC)(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà: Nipprovdu s-Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel, approvat mill-Kunsill f'Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra s-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea mal-Mediterran u l-Lvant Nofsani approvata mill-Kunsill f'Ġunju 2004,

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tal-20 Kunsill Ministerjali tal-14 ta' Ġunju 2010 fil-Lussemburgu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-10 ta' Mejju 2010 dwar l-Unjoni għall-Mediterran,

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tad-19-il Kunsill Ministerjali tad-29 ta' April 2009 f'Muscat,

–  wara li kkunsidra l-programm ta' azzjoni konġunta (2010-2013) għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni UE-GCC tal-1988,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri (COM(2001)0385),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2007 dwar ir-riformi fid-dinja Għarbija: x'inhi l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea?(3),

–  wara li kkunsidra l-ftehim ekonomiku bejn l-Istati tal-GCC, adottat fil-31 ta' Diċembru 2001 f'Muscat, fis-Sultanat tal-Oman, u d-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-GCC dwar it-tnedija tal-unjoni doganali għall-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Istati Għarab tal-Golf li saret fil-21 ta' Diċembru 2002,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kunsill għandu jitlob il-kunsens tal-Parlament qabel il-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali li jkopri oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-1998 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-Dritt u r-Responsabilità tal-Individwi, tal-Gruppi u tal-Entitajiet tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem Rikonoxxuti Universalment (magħrufa wkoll bħala d-“Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem”),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli tal-10, l-15 u s-17 ta' Marzu 2011 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Baħrajn u filwaqt li jiġbed l-attenzjoni f'dan il-kuntest tal-appoġġ sħiħ tiegħu għal-libertà tal-espressjoni u għad-dritt taċ-ċittadini li jiddimostraw b'mod paċifiku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0042/2011),

A.  billi r-relazzjonijiet UE-GCC ta' bħalissa jeħtieġu reviżjoni u aġġornar kostanti minħabba l-iżviluppi lokali importanti ta' dan l-aħħar u li qed iseħħu b'mod mgħaġġel, u li fil-qalba tagħhom għandu jkun hemm it-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija,

B.  billi d-dimostranti stqarru aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi f'bosta Stati tal-GCC; billi r-reazzjoni vjolenti mill-awtoritajiet għall-protesti fil-Baħrajn irriżultaw fi mwiet, korrimenti u tfigħ il-ħabs; billi waslu fil-pajjiż truppi Sawditi, mill-Emirati Għarab Magħquda u mill-Kuwajt taħt il-bandiera tal-GCC biex jieħdu sehem fir-ripressjoni tad-dimostranti,

C.  billi r-reġjun tal-Golf illum għandu jitqies bħala ċentru ekonomiku dinji emerġenti kostitwit mill-istati tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), jinnota li l-UE hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-GCC u li l-GCC huwa l-ħames l-akbar suq ta' esportazzjoni għall-UE,

D.  billi l-ambjent ġeopolitiku tiegħu jagħmel mill-Golf punt fokali ta' sfidi fi kwistjonijiet ta' sigurtà li għandhom implikazzjonijiet globali u reġjonali (il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani, il-programm nukleari tal-Iran, l-istabbilizzazzjoni tal-Iraq, tal-Jemen u d-Darfur, it-terroriżmu u l-piraterija) u li sal-lum il-GCC għadu l-unika organizzazzjoni reġjonali stabbli bbażata fuq il-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni,

E.  billi l-istati tal-GCC għandhom f'idejhom iktar minn terz tal-valur totali tal-fondi sovrani dinjija, u, f'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, dawn il-fondi kkontribwew għas-salvataġġ tas-sistema finanzjarja dinjija u dik Ewropea,

F.  billi r-reġjun tal-Golf huwa ta' importanza kruċjali għall-Unjoni u li, f'dinja multipolari u interdipendenti, kooperazzjoni bħal din tippermetti li niffaċċjaw l-isfidi politiċi u ta' sigurtà,

G.  billi l-proċess tal-liberalizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-istrutturi ekonomiċi mibdi f'diversi Stati Membri tal-GCC ħoloq dinamiċi interni ġodda, kemm politiċi (riformi kostituzzjonali, parteċipazzjoni politika u tisħiħ tal-istituzzjonijiet) u soċjali (nibet netwerk ta' assoċjazzjonijiet, qed jiżviluppaw għaqdiet ta' min iħaddem u n-nisa qed jiksbu aċċess għal karigi b'responsabilità) li ta' min jinkoraġġixxihom u jappoġġahom,

H.  billi l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema migranti, partikolarment tan-nisa li jaħdmu fid-djar tan-nies, huma preokkupanti u deplorabbli minkejja li dawn għandhom rwol ċentrali f'diversi setturi tal-attività ekonomika tal-Istati Membri tal-GCC, u fil-fatt jikkostitwixxu 40% tal-popolazzjoni tal-Istati Membri tal-GCC u jirrappreżentaw madwar 80% tal-popolazzjoni ta' ċerti emirati,

I.  billi s-sitt Stati Membri tal-GCC huma mingħajr eċċezzjoni monarkiji ereditarji fejn ir-rappreżentanza politika hija limita, b'mod partikolari dik tan-nisa, u fejn ma jeżistux, fil-parti l-kbira, parlamenti eletti,

J.  billi l-importanza tal-investimenti tal-pajjiżi tal-GCC u l-isfidi komuni fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea jeħtieġu sinerġiji ta' kooperazzjoni bejn l-Ewropa, il-Mediterran u l-Golf,

K.  billi r-rijorjentazzjoni ġeoekonomika tal-istati tal-GCC lejn l-Asja, b'rispons għat-talba dejjem ikbar għaż-żejt fis-swieq Asjatiċi (iċ-Ċina, l-Indja, Singapor, il-Ġappun, il-Filippini u l-Korea t'Isfel) bħalissa qed twassal għal diversifikazzjoni fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi li qed tkun ikkonsolidata minn ftehimiet ta' kummerċ ħieles u mill-iżvilupp ta' djalogu politiku,

L.  billi l-istati tal-GCC għandhom rwol ewlieni fix-xena globali u għaldaqstant għandhom interessi komuni mal-UE rigward l-istabilità internazzjonali u l-governanza ekonomika globali,

M.  billi l-influwenza tal-Istati Membri tal-GCC fid-dinja Għarbija u Musulmana qed tikber u dawn jistgħu jkollhom rwol importanti fid-djalogu interkulturali,

N.  billi n-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-GCC, li nbdew 20 sena ilu, huma l-iktar negozjati li ilhom għaddejjin mingħajr konklużjoni li qatt kellha l-Unjoni Ewropea,

O.  billi jeħtieġ li tittieħed pożizzjoni ċara u li jittieħed impenn dewwiem min-naħa tal-UE fir-reġjun tal-Golf, biex ikun żgurat li jkollha viżibilità akbar kif ukoll preżenza strateġika fiż-żona,

P.  billi l-inklużjoni ta' klawsoli politiċi, u speċjalment il-klawsola marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, hija parti integrali ta' kull ftehim kummerċjali konkluż bejn l-Unjoni u parti terza,

Q.  billi preżenza tal-Unjoni fir-reġjun hija limitata u l-perċezzjoni tal-Ewropa ta' spiss tkun konfusa mal-perċezzjoni ta' ċerti Stati Membri tal-UE li għandhom rabtiet żviluppati u antiki mar-reġjun,

R.  billi l-UE għandha għarfien espert fl-oqsma tat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali, tal-edukazzjoni u r-riċerka, tal-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u tal-ambjent, ta' appoġġ tekniku u regolamentazzjoni, u ta' djalogu politiku u diplomatiku dwar l-istabilità tal-viċinat u kwistjonijiet ta' sigurtà globali,

1.  Ifakkar li l-konklużjoni tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-GCC tibqa' prijorità, u li n-nuqqas ta' konklużjoni ma jkun fl-interess tal-ebda parti; jenfasizza li l-konklużjoni ta' dan il-ftehim se tikkostitwixxi rikonoxximent reċiproku tal-kredibilità taż-żewġ entitajiet li għażlu t-triq tal-multilateraliżmu u tal-integrazzjoni;

2.  Iqis li, ladarba l-preżenza tal-Unjoni fir-reġjun tal-Golf hija limitata, politika ta' komunikazzjoni integrata, fil-kuntest tal-istruttura l-ġdida tal-UE għar-relazzjonijiet esterni, għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' informazzjoni mmirata u effikaċi dwar l-UE fil-pajjiżi tal-Golf;

3.  Jemmen li jeħtieġ li l-UE tiżviluppa strateġija għar-reġjun bil-għan li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-GCC, tappoġġja l-progress ta' integrazzjoni reġjonali, u tinkoraġġixxi r-relazzjonijiet bilaterali mal-Istati tal-GCC;

4.  Jenfasizza li l-objettiv huwa sħubija strateġika mal-GCC u l-Istati Membri tiegħu li tikkorrispondi għall-importanza tar-rwoli rispettivi taż-żewġ entitajiet fix-xena internazzjonali; jenfasizza l-importanza, għal dak il-għan, tal-introduzzjoni ta' laqgħat perjodiċi ta' livell għoli tal-kapijiet ta' stat u gvern, indipendentement mill-progress tan-negozjati li jkunu għaddejjin;

5.  Jenfasizza wkoll l-importanza ta' sħubija ndaqs fil-kooperazzjoni u d-djalogu, filwaqt li jinżammu f'kunsiderazzjoni d-differenzi bejn iż-żewġ entitajiet, u l-potenzjal għall-espansjoni tal-kooperazzjoni u d-djalogu f'diversi setturi;

6.  Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), jiddedika aktar riżorsi umani għar-reġjun u li jinfetħu iktar missjonijiet diplomatiċi tal-UE fl-Istati Membri tal-GCC, biex l-Unjoni tkun iktar viżibbli, biex jitħaffef id-djalogu politiku u biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni; jenfasizza li dawn ir-riżorsi għandhom jiġu qabel kollox minn riallokazzjoni tal-istaff fis-SEAE; jistieden lil dawk l-Istati Membri tal-UE b'rappreżentanzi diplomatiċi fir-reġjun biex jaġixxu skont il-politika tal-UE; jenfasizza li l-approċċi bilaterali differenzjati lejn l-Istati tal-GCC inklini li jżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-UE jistgħu biss jikkomplementaw u jsaħħu l-qafas multilaterali; jitlob għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jeżaminaw il-prospetti ta' tali kooperazzjoni bilaterali;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-iżviluppi soċjali u politiċi li seħħew f'dawn l-aħħar snin fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-GCC; jinkoraġġixxi lill-istati kollha biex isostnu l-isforzi tagħhom u jistedinhom jagħmlu aktar biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, jiġġieldu kontra kull tip ta' diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, jew ir-reliġjon; jistieden lill-Istati Membri tal-GCC biex jiggarantixxu u jippromwovu d-drittijiet tal-minoranzi, inklużi dawk reliġjużi, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, id-dritt għax-xogħol, inkluż għall-ħaddiema migranti, kif ukoll il-libertà tal-kuxjenza, tal-espressjoni u tal-opinjoni; iħeġġeġ djalogu kontinwu bejn l-UE u l-GCC dwar dawn it-temi; jistieden lill-Istati Membri tal-GCC biex jinteraġixxu b'mod aktar pożittiv mas-soċjetà ċivili u biex jappoġġjaw il-ħolqien ta' strutturi u assoċjazzjonijiet lokali; jistieden b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-GCC biex:

   jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, b'mod speċjali f'dawk li huwa d-dritt tal-kelma u ta' għaqda u d-dritt għal dimostrazzjonijiet paċifiċi, u jisimgħu u jqisu it-talbiet leġittimi ta' min qed jipprotesta u kif ukoll jiżguraw is-sigurtà tagħhom,
   jadottaw miżuri biex jinkoraġġixxu l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u għall-edukazzjoni billi jaffrontaw kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u dispożizzjonijiet ta' tradizzjoni jew legali oħra, fosthom dawk kollha marbuta mal-istatus personali,
   jabolixxu s-sistema ta' sponsorizzazzjoni imposta fuq il-ħaddiema migranti, fejn din għadha fis-seħħ, u jwettqu riformi tal-liġijiet tax-xogħol sabiex ikun żgurat li l-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema migranti u dawk li jaħdmu fid-djar, jingħataw protezzjoni legali u soċjali sħiħa,
   joħolqu sinerġiji mal-UE u lill-Istati Membri tagħha b'appoġġ għal Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għad-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi;
   jiġġieldu kontra l-forom kollha ta' impunità, jiggarantixxu l-indipendenza tal-ġudikatura, jiżguraw id-dritt għall-proċess ġust u bla dewmien u jsaħħu r-rwol tal-professjonisti tas-sistema tal-ġustizzja,
   jieħdu passi biex ikun żgurat li n-normi kollha rigward id-drittijiet tal-bniedem jiġu ppubbliċizzati b'mod wiesa' u jintużaw fit-taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, għall-avukati, u għall-membri tal-ġudikatura;

8.  Isejjaħ lill-Istati Membri kollha fil-GCC sabiex jagħrfu ċ-ċaqliq popolari li qed ikompli lejn ir-riforma demokratika fir-reġjun b'mod wiesgħa, u jsejjaħ għal diskussjonijiet sħaħ mal-gruppi tas-soċjeta ċivili li qed joħorġu sabiex jiġi promoss proċess ta' tranżizzjoni demokratika paċifika ġenwina, fil-pajjiżi tagħhom infushom, b'sieħba fir-reġjun u bl-appoġġ sħiħ tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu għar-reazzjoni vjolenti mill-awtoritajiet tal-Baħrajn u l-użu tas-saħħa minnhom kontra min qed jipprotesta u s-seħem ta' truppi barranin taħt il-bandiera tal-GCC fir-ripressjoni tad-dimostranti; jikkunsidra li dan jikkuntrasta bil-kbir mal-appoġġ tal-GCC għat-tħaris taċ-ċittadini li qed jitolbu l-ħelsien u d-demokrazija fil-Libja; isejjaħ għal tmiem minnufih tal-vjolenza kontra min ikun qed jipprotesta paċifikament u għal djalogu politiku li jista' jwassal għal aktar riformi politiċi meħtieġa fil-pajjiż;

10.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati tal-GCC biex jaħdmu flimkien fi spirtu ta' kooperazzjoni biex jittrattaw il-problemi dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, speċjalment fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sitwazzjoni tal-grupp ta' persuni bla stat magħrufa bħala “bidun”, ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea fosthom id-drittijiet tat-trejdjunjins u tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura u d-dritt għal proċessi ġusti u li jsiru malajr; jitlob li t-tisħiħ propost tad-djalogu politiku mal-GCC jinkludi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem f'livell tekniku u f'livell politiku;

11.  Jistieden lill-Istati tal-GCC biex jirtiraw ir-riżervi għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa kif ukoll għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali fejn dawn għadhom miżmuma, u lill-Istati kollha tal-GCC biex jirratifikaw il-Protokolli Fakultattivi għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali; jisħaq bl-istess mod fuq l-importanza li jiġu ratifikati u implimentati l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ħaddiema Migranti u l-Konvenzjonijiet 97 u 143 tal-ILO;

12.  Jinkoraġġixxi lill-UE biex teżamina u tipproponi, flimkien mal-GCC, soluzzjonijiet biex jitneħħew l-ostakli għall-eżerċizzju sħiħ u effettiv tad-dritt fundamentali tal-libertà tar-reliġjon, kemm fuq livell individwali kif ukoll kollettiv, u kemm fil-publiku kif ukoll fil-privat, għal membri ta' minoranzi reliġjużi f'dan ir-reġjun;

13.  Jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż; ifakkar li l-Unjoni Ewropea u l-GCC fissru l-impenn komuni tagħhom biex jippromwovu u jħarsu l-valuri tat-tolleranza, il-moderazzjoni u l-koeżistenza;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Gvernijiet u lill-Assemblej Parlamentari eżistenti tal-GCC biex jieħdu passi immedjati biex jirratifikaw mingħajr riżervi l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, kif ukoll biex jikkooperaw mal-mekkaniżmi tematiċi tal-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u jistednuhom għal żjara, b'mod partikolari lir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-indipendenza tal-imħallfin u tal-avukati;

15.  Jiddikjara mill-ġdid l-oppożizzjoni tal-UE għall-użu tal-piena tal-mewt fil-każijiet kollha u t-talba tagħha għal moratorju globali fuq l-użu tal-piena tal-mewt; jiddeplora f'dan ir-rigward li l-piena tal-mewt għada fil-liġi fl-Istati Membri kollha tal-GCC; jistidinhom jadottaw moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kapitali; jistieden b'mod partikulari lill-istati li jużaw metodi bħad-dekapitazzjoni, it-tħaġġir, it-tislib, il-flaġellazzjoni jew l-amputazzjoni li jabolixxu dawn il-prattiki;

16.  Jinnota l-Programm ta' Azzjoni Konġunta triennali adottat mill-Kunsill Ministerjali tal-14 ta' Ġunju 2010 maħsub sabiex isaħħaħ il-kooperazzjoni f'diversi oqsma strateġiċi ta' interess reċiproku, anke billi jinħoloq netwerk li jgħaqqad ir-riċerkaturi, l-akkademiċi u n-negozjanti; jiddispjaċih, madankollu, li dan ma jinkludix taqsima dwar id-djalogu politiku miftuħ, regolari u kostruttiv;

17.  Iqis li l-implimentazzjoni ta' dan il-Programm ta' Azzjoni Konġunta għandha tkun appoġġjata bi skema ta' finanzjament preċiża u dettaljata u għandha titwettaq minn persunal assenjat speċifikament għal dan il-kompitu kemm fi Brussell kif ukoll fl-Istati Membri tal-GCC; jisħaq fuq l-importanza li tkun żgurata l-viżibilità ta' dan il-programm kif ukoll tat-tixrid ta' firxa wiesgħa ta' informazzjoni aċċessibbli għall-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet ikkonċernati; jitlob li fi tmiem il-perjodu ta' tliet snin issir evalwazzjoni tar-riżultati u li, jekk ir-riżultati jkunu sodisfaċenti, tkun prevista aġenzija ta' kooperazzjoni UE-GCC;

18.  Jistieden lill-UE biex tiffoka l-programmi ta' kooperazzjoni tagħha mal-Istati tal-GCC iktar fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll biex tappoġġa l-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ;

19.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu minħabba li r-reġjun tal-Golf inqabad fit-tiġrija għall-armi; jistieden lill-UE biex tibda djalogu strateġiku mal-Istati tal-GCC dwar kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali ta' interess komuni (il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, il-programm nukleari tal-Iran, l-istabbilizzazzjoni tal-Iraq, il-Jemen u d-Darfur, it-terroriżmu u l-piraterija) u, finalment, sabiex tikkontribwixxi għall-bini ta' struttura ta' sigurtà reġjonali fil-Lvant Nofsani fi sħubija mal-Istati tal-Golf;

20.  Ifakkar li l-Istati Membri tal-GCC huma atturi reġjonali importanti; jenfasizza li l-UE u l-GCC għandhom interessi komuni li jippromwovu l-paċi u l-istabilità fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta' Fuq u fil-Qarn tal-Afrika, kif ukoll fid-dinja kollha; iħeġġeġ lis-sħab isaħħu l-kooperazzjoni rigward dawn l-interessi komuni;

21.  Jieħu nota tal-istqarrija mill-GCC tas-7 ta' Marzu 2011 f'Abu Dhabi, li tgħid li “l-kunsill Ministerjali jitlob li l-Kunsill ta' Sigurtà jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiġu mħarsa ċ-ċivili, inkluża żona mingħajr titjir fil-Libja”, liema stqarrija ikkontribwiet għad-deċiżjoni tal-Lega Għarbija u imbgħad tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jagħtu l-pożizzjoni tagħhom favur tali żona;

22.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi mressqa minn wieħed mill-Istati Membri tal-GCC u approvata mill-Istati kollha tal-Lega Għarbija u mill-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika; jistieden lill-Istati tal-GCC biex ikomplu bl-isforzi ta' medjazzjoni tagħhom u biex ikomplu jappoġġjaw il-proċess ta' paċi bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; jitlob li l-UE u l-GCC jirduppjaw l-isforzi konġunti tagħhom biex in-negozjati jwasslu għat-tmiem tal-okkupazzjoni tat-Territorji Palestinjani waqt li jkomplu jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għal soluzzjoni b'żewġ stati tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; jisħaq fuq l-interessi komuni tal-UE u tal-GCC li jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu paċi reġjonali ġusta u dewwiema fil-Lvant Nofsani; jipproponi, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni aktar regolari bejn il-Kwartett u l-kumitat ta' monitoraġġ tal-Lega Għarbija; Ifakkar li l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna lill-poplu Palestinjan; jirrikonoxxi l-appoġġ tal-Istati tal-GCC għar-refuġjati Palestinjani u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (UNRWA); jistieden lill-Istati Membri tal-GCC biex jikkontribwixxu aktar għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet Palestinjani u għall-iżvilupp ekonomiku fil-kuntest tal-programm tal-gvern tal-Awtorità Palestinjana,u biex jikkunsidraw li jħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom permezz ta' mekkaniżmi ta' għajnuna internazzjonali, meta jkun xieraq;

23.  Jilqa' l-fatt li qed issir ħidma għall-integrazzjoni tal-GCC (unjoni doganali, suq komuni u finalment munita unika); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi lis-Segretarjat tal-GCC li ż-żewġ korpi jfasslu flimkien qafas għall-kooperazzjoni, biex taqsam l-esperjenza tagħha fil-qasam tal-konsolidazzjoni istituzzjonali, tal-kapaċità amministrattiva, tal-mekkaniżmi ta' regolamentazzjoni u ta' soluzzjoni tat-tilwim; jenfassizza li approċċ bħal dan jista' jikkontribwixxi biex jispira proċessi ta' sjieda;

24.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-Istati Membri tal-GCC, li ltaqgħu f'Abu Dhabi fit-23 ta' Novembru 2010, li jibdew jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-GCC u d-deċiżjonijiet eżekuttivi tiegħu u li jistabbilixxu konferenza annwali tal-istituzzjonijiet parlamentari tal-Istati Membri tal-GCC; jilqa' l-istabbiliment fil-futur qrib ta' delegazzjoni interparlamentari għar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew; huwa konvint li kooperazzjoni parlamentari wiesgħa tagħti kontribut sinifikanti lill-ħolqien ta' sħubija strateġika bejn iż-żewġ gruppi;

Relazzjonijiet kummerċjali

25.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) bejn il-KE u l-GCC, li kienet appoġġata minn 96% tal-Membri tal-Parlament Ewropew; jinnota li l-kwistjonijiet li tqajmu mir-riżoluzzjoni, bħall-ħtieġa għal aċċess reċiproku għas-swieq, il-ħarsien effettiv tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR), it-tneħħija ta' ostakoli li mhumiex tariffi għall-provvediment tas-servizzi, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u r-rispett tal-konvenzjonijiet internazzjonali, għadhom jippersistu;

26.  Jiddispjaċih li n-negozjati dwar l-FTA UE-GCC kienu ripetutament posposti għal perjodi twal ta' żmien u jiddeplora d-deċiżjoni tal-GCC li jissospendi dawn in-negozjati fl-2008; jemmen li wasal iż-żmien li jkunu żblukkati dawn in-negozjati biex tinstab soluzzjoni definittiva, sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-benefiċċju tas-soċjetajiet u l-komunitajiet tan-negozju fuq iż-żewġ naħat;

27.  Jiddispjaċih li r-reġjun ġie ttraskurat mill-UE minkejja l-importanza stateġika fejn jidħlu l-provvisti ta' żejt, l-opportunitajiet kummerċjali u l-istabbiltà reġjonali;

28.  Jinnota li, wara 20 sena ta' negozjati, il-FTA għad irid ikun konkluż; huwa konxju li l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-immigrazzjoni illegali sabu l-oppożizzjoni ta' ċerti stati tal-GCC;

29.  Jikkunsidra li, meta wieħed iqis l-importanza strateġika tar-reġjun, l-FTA għandu jitqies mhux biss bħala strument li jsaħħaħ il-benesseri permezz tal-kummerċ iżda wkoll bħala strument li jħeġġeġ l-istabilità ġeografika;

30.  Jinnota li l-GCC bħalissa huwa s-sitt l-ikbar suq tal-UE għall-esportazzjoni u li l-UE bħalissa hija s-sieħba prinċipali tal-kummerċ tal-GCC; jinnota li, minkejja dan il-livell diġà intensiv ta' kummerċ, għad hemm skop għall-approfondiment tiegħu, kif ukoll spazju għal iktar diversifikazzjoni tal-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet, minħabba d-daqs tas-suq tal-UE u l-isforzi min-naħa tal-istati tal-GCC biex jiddiversifikaw l-esportazzjonijiet tagħhom; jinnota li FTA jista' jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni u għajnuna teknika; huwa tal-fehma li l-konklużjoni tal-FTA bejn l-UE u l-GCC tkun tiffavorixxi bil-kbir rabtiet eqreb u diversifikazzjoni akbar;

31.  Jirrimarka li, ladarba l-pajjiżi tal-GCC qed jimxu lejn id-diversifikazzjoni ekonomika intiża sabiex tnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq iż-żejt, żieda fil-kummerċ tas-servizzi u fl-investiment se tgħin biex trawwem l-iżvilupp tal-ekonomiji tal-GCC;

32.  Jilqa' l-fatt li matul l-aħħar żewġ deċennji r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn lUE u l-GCC qed jintensifikaw u li l-volum tal-kummerċ bejn iż-żewġ naħat żdied b'mod sinifikanti, minkejja n-nuqqas ta' FTA; iqis dan bħala sinjal li l-FTA se jkompli jsaħħaħ dan it-tkabbir naturali u jintegrah f'ambjent iżjed miftuħ, prevedibbli u sikur;

33.  Jinnota li l-parti l-kbira tal-ħidma fuq l-FTA diġà saret, u huwa tal-fehma li l-ambitu tal-FTA kif inhu jwiegħed vantaġġi kbar għaż-żewġ partijiet; jistieden liż-żewġ partijiet, għalhekk, li jqisu dan l-FTA bħala sforz kbir u importanti għaż-żewġ reġjuni u l-popli tagħhom; iqis li l-UE u l-GCC għandhom interessi u ħtiġiet komuni u li l-esperjenza tal-UE fl-integrazzjoni reġjonali tista' tkun sors ta' ispirazzjoni għall-Golf; iqis li, f'dan ir-rigward, l-UE tista' tipprovdi assistenza teknika ta' valur;

34.  Jenfasizza li, sakemm ma jinstablux rimedju, in-nuqqas ta' trasparenza fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku u l-ostakli għad-dħul ta' investituri barranin fis-settur tas-servizzi jistgħu jipperikolaw il-konklużjoni tal-ftehim;

35.  Huwa tal-fehma soda li FTA bejn l-UE u l-GCC ikun ta' vantaġġ sostanzjali għaż-żewġ partijiet; jemmen li FTA mal-UE jsaħħaħ iktar l-integrazzjoni ekonomika tal-GCC u li, wara t-twaqqif tal-Unjoni Doganali tal-GCC, jista' jipprovdi wkoll spinta akbar għall-proġetti importanti bħas-suq komuni tal-GCC, u t-tlestija tal-Unjoni Monetarja tal-GCC b'munita unika; iqis li l-GCC jista' jibbenefika mill-esperjenza miksuba tul il-ħolqien tas-suq uniku u l-adozzjoni ta' munita unika mill-UE;

36.  Jappoġġa bil-qawwa l-messaġġ li r-Rappreżentant Għoli /Viċi President Catherine Ashton bagħtet matul il-Laqgħa tal-Kunsill Ministerjali Konġunt UE-GCC f'Ġunju 2010 u aktar reċentement fit-22 ta' Settembru 2010, matul il-laqgħa UE-GCC fil-marġini tal-konferenza ministerjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, fejn indikat li l-UE lesta li tagħmel sforz finali għall-konklużjoni ta' dawn in-negozjati; jilqa' wkoll ir-reazzjoni tal-GCC, li kkonferma wkoll ix-xewqa tiegħu li jikkonkludi n-negozjati;

37.  Jirrikonoxxi s-sensittivitajiet ta' xi pajjiżi tal-GCC dwar id-dazji fuq l-esportazzjoni, iżda jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni reċenti tan-negozjaturi tal-GCC li jerġgħu lura għall-pożizzjoni tagħhom tal-2008 f'dan ir-rigward, jiġifieri li jħallu barra mill-FTA s-sanzjonijiet dwar din il-kwistjoni; huwa tal-fehma soda li l-ebda FTA attwali ma jista' jħalli barra l-kwistjoni tad-dazji fuq l-esportazzjoni u li regoli tad-WTO jgħidu li l-FTAs għandhom jipprovdu għal-liberalizzazzjoni sostanzjali kemm tal-importazzjonijiet u kif ukoll tal-esportazzjonijiet;

38.  Jirrakkomanda li l-UE talloka iktar riżorsi lill-GCC, permezz tal-istrument għal kooperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (ICIHI), li għandu jkun iktar viżibbli u għandu jiffoka fuq programmi xierqa għat-taħriġ ta' uffiċjali lokali, inkluż fi kwistjonijiet kummerċjali;

39.  Ifakkar li, wara t-Trattat ta' Lisbona, il-politika tal-kummerċ internazzjonali hija waħda mill-istrumenti tal-UE għall-politika barranija u bħala tali, għall-Unjoni, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, flimkien ma' dimensjonijiet soċjali u ambjentali, huma assolutament essenzjali fil-ftehimiet internazzjonali kollha tagħha; għalhekk jitlob li kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles fil-futur jinkludi klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem effettiva u infurzabbli;

40.  Jinnota li hemm 15-il miljun ħaddiem migrant fis-sitt stati tal-GCC u li dawk il-ħaddiema huma 40% tal-popolazzjoni totali; ifakkar fis-sitwazzjoni prekarja tal-ħaddiema migranti fl-Istati tal-Golf li ġibdet l-attenzjoni għaliha l-ILO u jappoġġja t-talba tal-ILO għal paga minima fir-reġjun biex ikun evitat li l-pożizzjoni tal-ħaddiema nazzjonali u migranti tibqa' sejra lura; jappoġġa wkoll id-dritt tal-ħaddiema kollha li jifformaw u jingħaqdu ma' trejdjunjins sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom;

41.  Jinsisti li jkunu rrispettati l-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-GCC jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tan-nisa u l-isfruttament tat-tfal, b'mod partikolari fis-suq tax-xogħol, u jimplimentaw effettivament il-konvenzjonijiet tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

42.  Iqis li r-ratifika u l-implimentazzjoni kompleta tal-Istati Membri tal-GCC tal-qafas stabbilit mill-Konvenzjonijiet tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familja Tagħhom għandu jkollhom rwol essenzjali fin-negozjati tal-FTA;

43.  Jemmen li l-konklużjoni ta' FTA ttejjeb ferm ir-relazzjonijiet attwali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-istati tal-GCC, u tipprovdi valur miżjud għall-Programm ta'Azzjoni Konġunta reċenti, b'mod partikulari, billi tipprovdi aktar bini tal-kapaċità u tal-qafas istituzzjonali, inkluż fis-Segretarjat tal-GCC; jiddispjaċih li l-preżenza diplomatika tal-UE fl-istati tal-GCC għadha waħda minima u jinsisti li taħt is-SEAE l-ġdid l-UE għandha żżid il-preżenza diplomatika tagħha fir-reġjun, inkluża Delegazzjoni tal-Unjoni f'kull wieħed mis-sitt stati tal-GCC, li għandha taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE li jinsabu fl-istati tal-GCC, sabiex ikun sfruttat kemm jista' jkun l-għarfien espert tagħhom dwar ir-reġjun; jemmen li preżenza diplomatika aktar sinifikanti żżid ħafna ċ-ċans ta' konklużjoni rapida tal-FTA u l-implimentazzjoni sussegwenti tiegħu;

44.  Jipproponi li jitwaqqaf samit regolari ta' Kapijiet ta' Stat u Gvern bejn l-UE u l-GCC; jenfasizza li dan is-summit jista' jtejjeb immens ir-rabtiet politiċi, finanzjarji, ekonomiċi, kummerċjali u kulturali bejn l-UE u l-GCC; jinkoraġġixxi bil-qawwa lil min hu l-iktar responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet kemm min-naħa tal-UE u kemm minn dik tal-GCC biex jiltaqgħu regolarment ħalli flimkien jiddefinixxu u jippromwovu l-interessi komuni, biex iżidu l-possibilità tal-konklużjoni u l-iffirmar tal-FTA mill-aktar fis possibbli; huwa tal-fehma li min hu l-iktar responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet kemm min-naħa tal-UE u kemm minn dik tal-GCC għandu jaħdem biex isir dan is-samit, irrispettivament mill-konklużjoni u l-iffirmar tal-FTA;

45.  Jilqa' l-fatt li matul is-snin l-UE u l-GCC saru sieħba kbar fl-investiment u li l-GCC flimkien mal-Iraq u l-Jemen, huwa kklasifikat bħala l-ikbar investitur fl-UE fl-2008; huwa tal-fehma li l-konklużjoni tal-FTA, jew għall-inqas il-ftuħ uffiċjali mill-ġdid tan-negozjati, żgur li se twitti t-triq għal ftehimiet ulterjuri li se jħeġġu u jiffaċilitaw l-investimenti diretti barranija (FDIs) reċiproċi bl-għan li jitneħħew l-ostakoli għas-sjieda barranija u l-ħarsien tal-investimenti; ifakkar li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-FDIs issa jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE, u għalhekk hemm aktar lok għall-konklużjoni rapida ta' FTA bejn l-UE u l-GCC; jinnota li kwalunkwe FTA futur se joħloq opportunitajiet ta' investimenti ġodda għaż-żewġ naħat waqt li jtejjeb il-possibbiltajiet għall-GCC li jissodisfa l-kriterji bħala kandidat għal ftehim dwar l-investiment mill-UE fil-kuntest tal-politika futura tal-investiment tal-UE;

46.  Jirrimarka li t-tnaqqis fit-tariffi tal-GCC bħala riżultat tal-FTA se jagħmel iktar attraenti l-investiment minn barra minn impriżi transnazzjonali; huwa konvint li l-FTA se jġib miegħu żieda fl-investimenti relatati mas-servizzi li se jiffavorixxu l-iżvilupp tal-Istati tal-GCC u tal-Istati Membri tal-UE;

47.  Jissuġġerixxi l-użu tal-euro f'kull tip ta' skambji kummerċjali bejn l-UE u l-GCC; jilqa' l-fatt li, mill-ħolqien tiegħu, il-GCC esprima r-rieda tiegħu li joħloq unjoni doganali u monetarja; jinnota li filwaqt li tal-ewwel daħlet fis-seħħ fl-2009, bħalissa qed isiru negozjati dwar munita komuni;

48.  Jinnota li s-sitt stati tal-GCC bħalissa kollha jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE taħt is-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) tal-UE; jenfasizza li l-Istati tal-GCC kollha għandhom, f'konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta' Lulju 2008, mhux biss jirratifikaw iżda wkoll jimplimentaw effettivament is-27 konvenzjoni tal-ILO u tan-NU elenkati fl-Anness III tar-regolament imsemmi; huwa tal-fehma li, minħabba l-livell tal-progress ekonomiku fir-reġjun, l-FTA jkun strument aħjar għat-tixrid tal-benefiċċji kummerċjali madwar ir-reġjun kollu;

49.  Jafferma mill-ġdid li l-objettiv primarju tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-GCC għandu jkun li tikkonkludi l-FTA, li se jkun ftehim importanti ta' kummerċ ħieles bejn reġjun u ieħor; iżda, sakemm dan iseħħ, u wara dak li sar diġà minn uħud mis-sieħba kummerċjali ewlenin tal-GCC, jinkoraġġixxi lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lill-Kummissarju għall-Kummerċ sabiex jevalwaw approċċi sostituttivi għar-relazzjonijiet kummerċjali futuri mal-Istati tal-GCC, fil-forma ta' ftehimiet bilaterali bejn l-UE u dawk l-Istati tal-Golf li diġà jħossuhom lesti li jidħlu għal impenn ulterjuri mal-UE, waqt li jitqiesu l-ekonomiji eteroġeni tal-Istati tal-Golf, ir-reazzjonijiet differenti ta' dawk l-istati għall-kriżi finanzjarja u r-relazzjonijiet tagħhom ma' sieħba kummerċjali oħra.

L-enerġija

50.  Jilqa' l-livell sinifikanti ta' kooperazzjoni bejn l-UE u s-sieħba Mediterranji tagħha fil-qasam tal-enerġija, kooperazzjoni li issa ġiet estiża għall-enerġiji rinnovabbli; iqis li s-sinerġiji f'dan il-qasam għandhom ikunu mħeġġa bejn it-tliet żoni ġeografiċi għaliex hemm interessi konverġenti, kompetenza teknoloġika, sorsi ta' finanzjament u riżorsi abbundanti (ix-xemx u r-riħ); jilqa' l-istabbiliment tan-netwerk UE-GCC dwar l-enerġija nadifa, li bħalissa hija interess ewlieni għall-istati tal-GCC;

51.  Jinnota li, minħabba r-rabtiet strateġiċi, ekonomiċi, politiċi u kulturali bejn il-pajjiżi tal-Golf u l-pajjiżi tal-kosti tan-Nofsinhar tal-Mediterran, iżda anke minħabba l-influwenza li qed tikber tal-pajjiżi tal-Golf fuq il-pajjiżi tal-Mediterran, tista' tkun prevista sħubija aktar b'saħħitha u strutturata bejn il-GCC u l-Unjoni għall-Mediterran, u l-Unjoni Ewropea għandha timpenja ruħha attivament fil-promozzjoni ta' tali proġett li jkun ta' benefiċċju għall-partijiet kollha;

52.  Ifaħħar il-ħidma li saret mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Enerġija UE-GCC, partikularment dwar il-gass naturali, l-effiċjenza tal-enerġija u s-sigurtà nukleari;

53.  Jitlob lill-Kummissjoni, filwaqt li titqies l-isfida tat-tibdil fil-klima u l-konsum tal-enerġija li kulma jmur qed jikber fiż-żewġ reġjuni, tindirizza l-effiċjenza tal-enerġija bħala wieħed mill-oqsma ewlenin tal-iżvilupp u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni rigward kwistjonijiet ta' effiċjenza tal-enerġija;

54.  Jirrikonoxxi li l-karburanti fossili attwalment ilaħħqu mal-biċċa kbira tal-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE; jinnota madankollu li d-domanda għaż-żejt fil-futur fl-UE se tkun affetwata minn diversi fatturi bħall-politiki dwar il-klima u l-enerġija tal-UE, l-ispejjeż tal-provvista, in-nuqqas ta' stabbiltà fil-prezzijiet u l-iżviluppi industrijali (rigward ir-relazzjoni għall-effiċjenza tal-enerġija u l-mobilità elettrika, per eżempju), li flimkien iwasslu għal nuqqas ta' ċertezza fuq perjodu twil taż-żmien dwar id-domanda fil-futur u l-investiment fil-bidu jew fit-tarf tal-produzzjoni rigward il-kapaċità produttiva;

55.  Jitlob aktar trasparenza fid-data dwar iż-żejt u l-gass fil-kuntest tax-xenarju futur rigward id-domanda u l-provvista bl-għan li jkunu ggarantiti l-interessi reċiproċi fis-swieq prevedibbli taż-żejt; jilqa' għaldaqstant l-importanza tal-Inizjattiva Konġunta tad-Data taż-Żejt (Joint Oil Data Initiative);

56.  Jilqa' bil-qalb id-determinazzjoni tal-Kunsill Ministerjali Konġunt sabiex jaħdem favur kooperazzjoni eqreb dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima;

57.  Jirrikonoxxi li l-isforzi tal-GCC biex iżid il-potenzjal tar-riżervi tal-gass naturali u tal-gass naturali likwefat (LNG) jaqblu max-xewqa tal-UE li tiddiversifika s-sorsi u r-rotot tal-enerġija; jenfasizza għaldaqstant l-importanza taż-żieda fl-esportazzjonijiet ta' LNG lejn l-UE, bil-ħolqien ta' terminali tal-LNG fil-Kuritur tan-Nofsinhar, u wkoll bit-twaqqif ta' netwerks ta' pajpijiet taħt l-art mal-GCC, kemm direttament kemm b'konnessjoni mal-pajpijiet ta' taħt l-art attwali u ma' dawk ippjanati bħall-AGP, in-Nabucco u l-ITGI;

58.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-GCC sabiex jikkoordinaw l-iżvilupp ulterjuri tat-teknika tal-likwefazzjoni tal-gass (GTL) mas-sħab Ewropej tagħhom biex jintegraw aħjar il-GTL fit-taħlita enerġetika Ewropea; jenfasizza li l-GCC jista' wkoll juża l-GTL bħala metodu alternattiv għall-emissjoni ta' gass maħruq fl-atmosfera;

59.  Jenfasizza li l-UE tista' tinvesti fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija tal-GCC bl-użu tal-aktar teknoloġiji reċenti f'termini ta' ġenerazzjoni, trażmissjoni u interkonnessjoni; jinkoraġġixxi f'dan ir-rigward il-kooperazzjoni futura b'attenzjoni partikolari għall-integrazzjoni tan-netwerks tal-elettriku u tat-teknoloġiji tal-grilji intelliġenti;

L-industrija u l-materja prima

60.  Jenfasizza l-importanza ta' sħubija ta' min jorbot fuqha bejn l-UE u l-GCC fl-użu u l-aċċess għall-materja prima; jiffavorixxi s-swieq miftuħha għall-prodotti u t-tneħħija ta' ostakli mhux tariffarji; jilqa' l-isforzi kollha li diġà saru fin-negozjati dwar kummerċ ħieles sabiex tiġi żgurata provvista sikura u sostenibbli tal-materji primi;

61.  Jitlob li jsiru sforzi komuni biex jiġu indirizzati l-ispekulazzjoni u l-volatilità tal-prezzijiet tal-materji primi permezz tat-titjib tat-trasparenza u tas-sorveljanza tal-bejgħ ta' prodotti derivati barra mill-Borża (OTC); f'dan il-kuntest, l-appell riċenti tal-OPEC għal kontrolli aktar stretti ta' negozjar OTC, flimkien mal-isforzi ta' Franza biex tindirizza fil-G-20 l-ispekulazzjoni fuq prodotti bażiċi;

Ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni

62.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni approfondita bilaterali mal-GCC dwar il-programmi tar-riċerka u t-teknoloġija, b'enfasi speċjali fuq l-industriji ġodda bbażati fuq l-għarfien f'oqsma bħal dawk tar-riżorsi rinnovabbli, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, il-prodotti derivati miż-żejt u mill-gass, l-effiċjenza tal-enerġija u l-bijomassa; jitlob li tkun stabbilita kooperazzjoni bilaterali li tinvolvi t-trasferiment tat-teknoloġiji flimkien ma' provvista sikura u sostenibbli ta' materji primi;

63.  Jitlob li l-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) u l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT) isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-GCC sabiex jiġu promossi u jitħeġġew id-djalogu xjentifiku u l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni f'dan il-qasam ukoll;

L-edukazzjoni

64.  Ifakkar li l-Istati Membri tal-GCC għamlu mill-edukazzjoni prijorità nazzjonali, minħabba li kellhom bżonn kbir f'termini ta' riżorsi umani (m'hemmx biżżejjed għalliema), ta' kontenut tal-korsijiet (li ma kienx adattat għall-evoluzzjoni tas-swieq tax-xogħol), tal-kwalità tas-sillabi (metodi ta' tagħlim u materjali antiki) u tal-użu ta' teknoloġiji ġodda; jitlob appoġġ attiv għall-isforzi tal-awtoritajiet sabiex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet u jipproponi kooperazzjoni ambizzjuża fl-edukazzjoni ta' livell ogħla, sekondarja u primarja biex jiġi promoss aċċess akbar għall-edukazzjoni kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa;

65.  Jenfasizza li din il-kooperazzjoni għandha wkoll tipprevedi appoġġ ikbar għall-programmi ta' skambji ta' studenti, akkademiċi u professjonisti; jiddispjaċih li l-Programm Erasmus Mundus għadu mhux magħruf fir-reġjun kollu, l-aktar minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni; jilqa' l-inizjattivi meħuda minn universitajiet Franċiżi, Britanniċi u Ġermaniżi biex jistabbilixxu sħubijiet u programmi ta' skambju universitarji; ifakkar, madankollu, li l-Ewropa għadha lura f'dan il-qasam meta mqabbla mal-Istati Uniti u mal-Asja; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi ġranet ta' informazzjoni għall-promozzjoni tat-tagħlim u tar-riċerka xjetifika Ewropea fil-post; jinsisti li dawn il-programmi ta' skambju għandhom ikunu mmirati għall-istudenti, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-persunal amministrattiv, filwaqt li tkun żgurata rappreżentanza bilanċjata tas-sessi; jemmen li għandhom jiġu stabbiliti programmi ta' skambju għal tfal iżgħar u b'mod partikolari għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji u post-sekondarji;

66.  Jilqa' l-proġett Al-Jisr dwar id-Diplomazija Pubblika u l-Attivitajiet ta' Komunikazzjoni, li bl-appoġġ tal-Kummissjoni, wera li huwa ta' benefiċċju kbir ferm; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, lis-servizzi tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President jikkunsidraw it-twessigħ tal-attivitajiet ta' diplomazija pubblika f'reġjun fejn l-UE għadha mhijiex mifhuma b'mod ċar u fejn il-mekkaniżmi biex dan id-defiċit jitnaqqas huma limitati; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata strateġija aħjar ta' komunikazzjoni, inkluża l-ħtieġa li l-politiki u l-pożizzjonijiet tal-UE jiġu spjegati bl-Għarbi sabiex ikunu jistgħu jifhmuhom aktar nies fir-reġjun;

67.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' programmi ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-GCC fil-qasam tal-midja jirriżulta f'nuqqas ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri biex tinvolvi lill-Istati tal-GCC f'kooperazzjoni eqreb f'dan il-qasam sabiex iżżid il-viżibilità tal-Unjoni fir-reġjun u tippromwovi l-fehim reċiproku;

68.  Iqis li huwa essenzjali li tinstab soluzzjoni għan-nuqqasijiet fl-Ewropa fir-rigward tar-riċerka u ta' studji dwar l-Istati tal-Golf; jinkoraġġixxi l-istabbiliment fl-universitajiet ta' programmi ta' studju kontemporanji dwar din il-parti tad-dinja Għarbija; jemmen li programmi ta' studju dwar l-Unjoni Ewropea għandhom jiġu offruti wkoll fl-universitajiet fir-reġjun;

o
o   o

69.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarjat tal-GCC, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-GCC.

(1) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 83.
(2) ĠU C 231, 17.9.1990, p. 216.
(3) ĠU C 76 E, 27.3.2008, p. 100.

Avviż legali - Politika tal-privatezza