Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2011 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (00003/2011 – C7-0058/2011 – 2011/0802(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2011 (00003/2011),
– wara li kkunsidra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0058/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 109 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0064/2011),
A. billi b'ittra tat-18 ta' Frar 2011 il-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar il-ħatra ta' Peter Praet bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat ta' tmien snin b'effett mill-1 ta' Ġunju 2011,
B. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad evalwa l-kredenzjali tal-persuna nnominata, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fid-dawl tal-ħtieġa tal-indipendenza sħiħa tal-BĊE skont l-Artikolu 130 ta' dak it-Trattat, u billi fit-twettiq ta' din l-evalwazzjoni, il-kumitat irċieva CV mingħand il-kandidat kif ukoll it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju bil-miktub li ntbagħatlu,
C. billi l-kumitat imbagħad kellu smigħ ta' siegħa u nofs mal-persuna nnominata fis-16 ta' Marzu 2011, li fiha għamel dikjarazzjoni tal-ftuħ u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-kumitat,
1. Jagħti opinjoni favorevoili lill-Kunsill Ewropew dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Peter Praet bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill.