Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2011 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2012 (2011/2042(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-Ewropa 2020(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma 2011 tal-Kummissjoni(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar “il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta' nofs il-perjodu)”(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza ekonomika(5),
– wara li kkunsidra l-ipprogrammar finanzjarju aġġornat tal-Kummissjoni għall-2007-2013, imressaq f'konformità mal-Punt 46 tal-Ftehim Interistituzzjonali msemmi hawn fuq tas-17 ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-linji gwida tal-baġit għall-2012,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0058/2011),
Baġit 2012 taħt l-awspiċji ta' governanza ekonomika Ewropea msaħħa, il-mekkaniżmu Semestrali Ewropew u l-objettivi tal-Ewropa 2020 biex biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi
1. Hu tal-opinjoni li l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tgħin lill-Ewropa biex tirkupra mill-kriżi u toħroġ aktar b'saħħitha, primarjament bil-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib tal-kundizzjonijiet – u n-nefqa pubblika – għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-kisba tal-objettivi tagħna marbuta mat-tibdil fil-klima u l-enerġija, it-titjib tal-livelli edukattivi u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, ifakkar li l-Istati Membri innifishom ħaddnu bis-sħiħ dawn il-ħames miri;
2. Jinnota li trid tiġi żgurata xi konsistenza bejn il-kisba ta' dawn l-objettivi u l-finanzjament allokat għalihom fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali; jinsisti li l-politika baġitarja tal-UE trid tkun f'konformità ma' dan il-prinċipju; hu tal-opinjoni li s-Semestru Ewropew, bħala mekkaniżmu ġdid għal governanza ekonomika Ewropea msaħħa, għandu jkollu l-opportunità li jikkunsidra kif l-aħjar jilħaq dawn il-ħames objettivi prinċipali;
3. Jemmen bis-saħħa li s-Semestru Ewropew għandu jimmira li jtejjeb il-koordinazzjoni u l-konsistenza tal-politiki ekonomiċi u baġitarji nazzjonali u Ewropej; hu tal-fehma li għandu jiffoka fuq it-titjib tas-sinerġiji bejn l-investimenti pubbliċi Ewropej u nazzjonali sabiex jinkisbu aħjar l-objettivi politiċi ġenerali tal-UE; jieħu nota tad-differenzi fundamentali bejn l-istruttura tal-baġit tal-UE u dik tal-baġits nazzjonali; jemmen, madankollu, li n-nefqa pubblika nazzjonali u tal-UE aggregata għal dawn l-objettivi politiċi komuni għandha tiġi deċiża kemm jista' jkun malajr;
4. Jirrikonoxxi t-tħassib tal-Kunsill dwar il-limiti ekonomiċi u baġitarji fil-livell nazzjonali, iżda jfakkar, l-ewwel u qabel kollox, li skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat il-baġit tal-UE ma jistax iġarrab difiċit pubbliku; ifakkar li, fl-2009, id-defiċit pubbliku akkumulat tal-UE bħala tali ammonta għal EUR 908 biljun, u li l-baġit tal-UE jirrappreżenta biss 2% tan-nefqa pubblika totali fl-UE;
5. Hu tal-opinjoni, madankollu, li l-qagħda ekonomika diffiċli fl-Unjoni tagħmilha importanti aktar minn qatt qabel li tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-baġit tal-UE, il-kwalità tal-infiq u l-użu ottimali tal-finanzjament eżistenti tal-Komunità; jissuġġerixxi li għandha ssir revista dettaljata ta' dawk il-linji li għandhom storja ta' eżitu baxx u fejn kien hemm problemi fl-implimentazzjoni;
6. Hu tal-opinjoni li l-baġit tal-UE jagħti valur miżjud lin-nefqa pubblika nazzjonali meta joħloq, jappoġġa u jikkomplimenta l-investimenti f'dawk l-oqsma ta' politika li huma fil-qalba tal-Ewropa 2020; jemmen, barra minn hekk, li l-baġit tal-UE għandu rwol strumentali x'jilgħab biex jgħin lill-UE toħroġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja permezz tal-kapaċità tiegħu ta' katalist li jagħti impetu lill-investimenti, lit-tkabbir u lill-impjiegi fl-Ewropa; hu tal-opinjoni li l-baġit tal-UE jista' tal-anqas inaqqas l-effetti tal-politiki baġitarji nazzjonali restrittivi attwali waqt li jappoġġa l-isforzi tal-gvernijiet nazzjonali; jenfasizza wkoll li, meta tiġi kkunsidrata n-natura ridestributtiva tiegħu, it-tnaqqis fil-livell tal-baġit tal-UE jista' jagħmel ħsara lis-solidarjetà Ewropea u jħalli impatt negattiv fuq ir-ritmu tal-iżvilupp ekonomiku f'bosta Stati Membri; jemmen li strateġija tal-“kontributur nett”/“benefiċjarju nett” pura ma tqisx b'mod adegwat l-effetti tar-riperkussjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE u għalhekk tipperikola l-għanijiet tal-politika komuni tal-UE;
7. Ifakkar li l-kisba tas-seba' inizjattivi prinċipali tal-istrateġija Ewropa 2020 teħtieġ ammont kbir ta' investiment orjentat lejn il-futur, li l-Kummissjoni Ewropea, fil-komunikazzjoni tagħha bit-titlu “Ir-reviżjoni tal-Baġit tal-UE” (COM(2010)0700), stmat għal mhux anqas minn 1 800 biljun Euro sal-2020; jenfasizza li wieħed mill-objettivi prinċipali tal-istrateġija Ewropea 2020 – primarjament, li jippromwovi l-impjiegi u l-impjiegi ta' kwalità għolja għall-Ewropej kollha – se jinkiseb biss jekk l-investimenti meħtieġa fl-edukazzjoni, favur soċjetà tal-għarfien, fir-riċerka u fl-iżvilupp, fl-innovazzjoni, fl-SMEs u fit-teknoloġiji ħodor u ġodda jsiru immedjatament u mingħajr dewmien; jitlob għal kompromess politiku mġedded li jgħaqqad it-tnaqqis tad-defiċits pubbliċi u d-dejn mal-promozzjoni ta' investimenti bħal dawn; jesprimi r-rieda tiegħu, bil-għan li jitkabbar l-impatt tal-baġit tal-UE u ssir kontribuzzjoni għar-rispons tal-UE fir-rigward tal-kriżi ekonomika, li jesplora modi differenti biex jitwessgħu l-istrumenti eżistenti li jsaħħu s-sinerġiji bejn il-baġit tal-UE u l-azzjonijiet tal-BEI, sabiex ikun hemm appoġġ għall-investimenti fuq medda twila ta' żmien; jilqa' b'sodisfazzjon, it-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika min-naħa tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva tal-obbligi għall-finanzjament ta' proġetti (project bond) fil-qafas tal-Ewropa 2020;
8. Hu kontra, għalhekk, kull tentattiv li jillimita jew inaqqas l-approprjazzjonjiet tal-baġit marbuta mal-kisba tal-miri prinċipali u s-seba' inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020; jinnota li tentattiv ta' dan it-tip ikun kontroproduċenti, u probabbli jwassal għall-falliment tal-Ewropa 2020, kif kien il-każ għall-Istrateġija ta' Lisbona; hu tal-fehma li l-istrateġija Ewropa 2020 tista' tkun kredibbli biss jekk tiġi ffinanzjata b'mod adegwat, u jfakkar li f'bosta ċirkostanzi l-Parlament Ewropew wera tħassib politiku serju dwar dan; itenni l-istedina qawwija tiegħu biex il-Kummissjoni tikkjarifika d-dimensjoni baġitarja tal-inizjattivi ewlenin, u tinforma lill-Parlament dwar il-mezzi baġitarji meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020;
9. Jenfasizza l-fatt li l-miżuri baġitarji mhumiex l-uniku fattur biex jinkisbu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, imma l-iżforzi baġitarji għandhom ikunu ssumplimentati bi proposti konkreti għas-simplifikazzjoni sabiex jinħoloq l-ambjent meħtieġ għall-kisba tal-għanijiet tagħna fl-oqsma tal-impjiegi, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fit-teknoloġiji ħodor u tal-enerġija; bl-istess mod konvint li l-kisba tal-objettivi tal-Ewropea 2020, inkluż il-ħolqien ta' impjiegi ħodor ġodda, hi kwistjoni mhux biss ta' żieda fil-mezzi baġitarji, iżda anki ffukar mill-ġdid kwalitattiv ta' politiki eżistenti tal-UE, inkluża il-PAK, billi jitqiesu sew il-kriterji ta' sostenibilità;
10. Hu tal-fehma, barra minn hekk, li l-approprjazzjonijiet baġitarji tal-2012, inklużi f'dawk l-oqsma li mhumiex direttament marbuta mal-kisba tal-istrateġija Ewropa 2020, iridu jinżammu f'livell adegwat sabiex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tal-politiki tal-UE u l-kisba tal-objettivi tal-UE sew lil hinn mid-dewmien tal-kriżi ekonomika attwali;
11. Jitlob għal aktar koerenza bejn il-politiki esterni u interni tal-UE, b'kunsiderazzjoni għall-impatt qawwi tal-iżviluppi globali fuq l-ambjent ekonomiku, naturali u industrijali, fuq il-kompetittività u fuq l-impjiegi; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn li l-UE tissaħħaħ bil-mezzi finanzjarji meħtieġa biex tkun tista' tirreaġixxi b'mod adegwat għall-isfidi globali dejjem akbar kif ukoll biex tiddefendi u tippromwovi l-interessi komuni u l-valuri fundamentali tagħha – bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat ta' dritt, il-libertajiet fundamentali u l-ħarsien tal-ambjent – b'mod effikaċi; ifakkar li ta' spiss nefqa addizzjonali moderata fil-livell tal-UE tista' toħloq aktar iffrankar proporzjonalment fil-livell tal-Istati Membri;
12. Jemmen li l-UE għandha rwol importanti x'tilgħab billi tassisti u tappoġġa finanzjarjament lill-pajjiżi Għarab f'dan il-mument storiku ta' żvilupp demokratiku u fil-bidla ekonomika u soċjali tagħhom; jilqa' f'dan ir-rigward il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-nofsinhar tal-Mediterran” (COM(2011)0200));
13. Jikkundanna n-nuqqas ta' kwalunkwe dimensjoni parlamentari għall-ewwel eżerċizzju tas-Semestru Ewropew, minkejja r-rwol li l-Parlament Ewropew u s-27 parlament nazzjonali għandhom fil-proċeduri baġitarji rispettivi tagħhom; anzi hu konvint sew li involviment parlamentari aktar qawwi jtejjeb b'mod sinifikanti n-natura demokratika u t-trasparenza ta' eżerċizzju bħal dan; jappoġġa l-inizjattiva tal-Kumitat għall-Baġits tiegħu biex jorganizza, bħala l-ewwel pass, laqgħa mal-parlamenti nazzjonali sabiex jiddiskutu t-tfassil ġenerali tal-baġits tal-2012 tal-Istati Membri u tal-UE;
14. Jilqa' l-impenn pubbliku tal-presidenza Ungeriża u Pollakka biex jidħlu fi djalogu miftuħ u kostruttiv mal-PE dwar kwistjonijiet baġitarji fl-2011; itenni r-rieda tiegħu li jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill u l-Kummissjoni f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona; jistenna li l-linji gwida preżenti se jitqiesu bis-sħiħ matul il-proċedura baġitarja 2012;
Sostenibilità u responsabilità fil-qalba tal-baġit 2012 tal-UE
15. Jinnota li, għall-2012, il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) għall-2007-2013 jipprevedi livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għall-impenji (AI) ta' EUR 147.55 biljun u limitu ġenerali tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (AĦ) ta' EUR 141.36 biljun; ifakkar li dawn l-ammonti huma f'kull każ konsiderevolment aktar baxxi (b'madwar EUR 25 biljun fil-każ tal-AI, u madwar EUR 22 biljun fil-każ tal-AĦ) mil-limitu speċifikat fid-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji attwali;
16. Jenfasizza li l-ipprogrammar finanzjarju mressaq mill-Kummissjoni fil-31 ta' Jannar 2011 jirrappreżenta pakkett ta' referenza indikattiv għall-approprjazzjonijiet għall-impenji għal kull wieħed mill-programmi u l-azzjonijiet eżistenti tal-UE; jinnota li l-livell ġenerali tal-approprjazzjonijiet għall-impenji jista' jiġi stabbilit għal EUR 147.88 biljun;
17. Jenfasizza li dawn iċ-ċifri jikkostitwixxu analiżi annwali ta' ammonti globali multiannwali bi qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill meta dawn il-programmi u azzjonijiet kienu adottati; jenfasizza li l-ammonti annwali pprogrammati jirrappreżentaw approprjazzjonijiet li jippermettu li jinkisbu l-objettivi u l-prijoritajiet tal-UE primarjament fil-kuntest tal-Ewropa 2020; jirrikonoxxi madankollu li jista' jkun hemm xi spazju għal manuvrar taħt ċerti intestaturi tal-QFM, meta jitqiesu ċ-ċifri indikattivi proviżorji (b'mod partikolari fl-Intestatura 2) imressqa mill-Kummissjoni f'dak il-mument tas-sena;
18. Jinnota li l-baġit 2012 hu s-sitta minn sebgħa taħt l-QFM attwali; jemmen li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja issa għandhom, għalhekk, viżjoni ċara tan-nuqqasijiet u tal-iżviluppi pożittivi assoċjati mal-programmi multiannwali eżistenti; jinnota li r-reviżjonijiet ta' nofs it-terminu ta' bosta programmi kodeċiżi diġà seħħew u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta kull implikazzjoni baġitarja li tirriżulta minn dan l-eżerċizzju; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-PE determinat – jekk ikun hemm il-bżonn li l-prijoritajiet politiċi tal-UE jiġu appoġġati u msaħħa kif ukoll biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet politiċi l-ġodda u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitati speċjalizzati tiegħu – li jagħmel użu sħiħ, inter alia, mill-Punt 37 tat-IIA (jippermetti 5% marġini ta' flessibilità leġiżlattiva);
19. Jenfasizza l-fatt li mhijiex l-unika soluzzjoni li jitħallew marġini biżżejjed taħt l-intestaturi kollha tal-QFM sabiex jiġu indirizzati ċirkostanzi mhux previsti; jinnota n-nuqqas ta' finanzjament rikorrenti ta' ċerti intestaturi tal-QFM, partikolarment l-Intestaturi 1a, 3b u 4, meta mqabbel mal-bżonnijiet u mal-prijoritajiet politiċi tal-UE mħaddna mill-Istati Membri; isib li l-istrateġija li sseddaq il-linji gwida tal-baġit tal-Kunsill għall-2012 ma tirriflettix perspettiva fuq medda twila ta' żmien, u tista' tipperikola azzjonijiet u programmi eżistenti, f'każ ta' avvenimenti mhux previsti jew jekk jinqalgħu prijoritajiet politiċi ġodda; jenfasizza li l-avvenimenti reċenti f'bosta pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq diġà jippuntaw lejn din id-direzzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa kif l-istrumenti finanzjarji eżistenti jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-aspirazzjonijiet għad-demokrazija;
20. Jemmen, min-naħa l-oħra, li l-mekkaniżmi ta' flessibilità differenti previsti mit-IIA (bħal ċaqliq tan-nefqa bejn l-intestaturi jew mobilizzazzjoni tal-istrument ta' flessibilità) huma għodda li għandhom jintużaw bis-sħiħ; ifakkar li dawn kellhom jiġu wżati kull sena sa mill-2007 b'reazzjoni għall-isfidi diversi li nqalgħu; jistenna l-kooperazzjoni sħiħa tal-Kunsill fl-użu tagħhom, u li jidħol f'negozjati bħal dawn minn kmieni sabiex jevita negozjati twal u diffiċli b'mod sproporzjonat fir-rigward tal-mobilizzazzjoni tagħhom;
21. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li ż-żamma ta' approprjazzjonijiet għall-impenji taħt kontroll strett tirrikjedi mhux biss riallokazzjoni u prijoritizzazzjoni mill-ġdid sinifikanti, iżda anki identifikazzjoni konġunta tal-prijoritajiet negattivi possibbli u tal-iffrankar mill-istituzzjonijiet; iħeġġeġ bis-saħħa lill-kumitati speċjalizzati tiegħu biex serjament jinvolvu ruħhom fil-proċess li jiddetermina prijoritajiet politiċi ċara fl-oqsma ta' politika kollha tal-UE; jenfasizza l-fatt madankollu li, għal dan il-għan, flessibilità baġitarja akbar hija meħtieġa u li reviżjoni tal-QFM (pereżempju, kumpens bejn l-intestaturi tal-QFM attwali) tista' tkun neċessità għall-abilità tal-Unjoni li tiffunzjona, mhux biss f'termini li jiġu affrontati l-isfidi l-ġodda iżda anki bil-għan li jkun iffaċilitat il-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet sabiex ir-riżorsi baġitarji jiġu allinjati maċ-ċirkostanzi u l-prijoritajiet li jevolvu; jenfasizza li dan il-proċess irid ikun totalment trasparenti;
22. Jenfasizza li t-tisħiħ ta' għadd ta' politiki kif ukoll il-kompetenzi ġodda stabbiliti fil-livell tal-UE, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, għandhom loġikament jimplikaw kapaċità finanzjarja addizzjonali għall-UE, li rari kien il-każ għall-2011, l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha; ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-dikjarazjoni politika annessa mal-baġit 2011, fejn il-Kummissjoni impenjat ruħha li tqis modi kif issaħħaħ l-oqsma prijoritarji tat-Trattat ta' Lisbona u tevalwa sew il-bżonnjijiet fit-tħejjija tal-abbozz ta' baġit għall-2012; jistenna li l-Kummissjoni ssegwi, pereżempju, billi tipproponi li tbiddel proġetti pilota jew azzjonijiet preparatorji ta' suċċess marbuta ma' Lisbona fi programmi multiannwali;
23. Iqis l-istrateġija tal-Kummissjoni, biex tiddetermina s-sussidji tal-aġenziji deċentralizzati tal-UE mill-baġit tal-Komunità, bħala affidabbli u li jipprovdu l-inċentivi t-tajba; jenfasizza li l-allokazzjonijiet baġitarji tal-aġenziji tal-EU huma “l bogħod milli jkunu konfinati għan-nefqa amministrattiva biss, iżda minflok jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u tal-objettivi tal-UE in ġenerali, kif deċiż mill-awtorità leġiżlattiva; itenni l-bżonn li jiġu eżaminati b'attenzjoni r-rikjesti għal postijiet ġodda fir-rigward ta' ħidmiet ġodda assenjati; jenfasizza sabiex ma titfixkilx il-prestazzjoni tagħhom; jitlob għal strateġija speċifika fir-rigward tar-reklutaġġ ta' persunal xjentifiku speċjalizzat b'esperjenza professjonali, speċjalment meta dawn il-postijiet iffinanzjati esklussivament permezz ta' ħlasijiet u għalhekk huma newtrali fuq il-baġit għall-baġit tal-UE; jappoġġa x-xogħol imwettaq mill-grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar il-ġejjieni tal-aġenziji, li nħoloq fil-bidu tal-2009, u jistenna bil-ħerqa l-konklużjonijiet tiegħu, primarjament dwar il-punti msemmija hawn fuq;
Livell ta' ħlasijiet, RAL u ffinanzjar tal-baġit tal-UE
24. Jinnota li l-livell ta' ħlasijiet tal-2012 se jirriżultaw direttament minn impenji legali u politiċi tas-snin ta' qabel; jemmen li żieda mqabbla mal-livell tal-baġit tal-2011 hi prevista u f'konformità mal-profil ġenerali tal-ħlasijiet matul il-perjodu ta' programmar 2007-2013 (ara t-tabelli fl-anness);
25. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' livell dejjem akbar ta' impenji pendenti (RAL) fi tmiem l-2010 (EUR 194 biljun, ara t-tabella fl-anness); jiddispjaċih bl-atitudni adottata mill-Kunsill fir-rigward tad-deċiżjonijiet tiegħu għal-livell ta' ħlasijiet a priori mingħajr ma jqis il-valutazzjoni akkurata tal-bżonnijiet reali; jenfasizza l-fatt li l-livell ta' RAL hu partikolarment għoli fl-Intestatura 1b; ma jqisx l-għażla tal-Kunsill li jitnaqqsu l-impenji baġitarji tal-UE sabiex jitnaqqas il-livell ta' RAL bħala soluzzjoni sostenibbli, ladarba tista' tkun ta' detriment għall-kisba ta' objettivi u prijoritajiet tal-UE li diġà kien hemm qbil dwarhom; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kunsill għal dikjarazzjoni konġunta mal-Parlament dwar il-possibilità li jkunu sodisfatti l-bżonnijiet li joħroġu fil-livell tal-ħlasijiet tal-2011 permezz tal-baġit emendatorju;
26. Jenfasizza li ċertu livell ta' RAL ma jistax jiġi evitat meta programmi multiannwali jiġu implimentati, u li l-eżistenza ta' impenji pendenti b'definizzjoni teħtieġ li jsiru ħlasijiet korrispondenti; jirrikjedi għalhekk li tinżamm relazzjoni xierqa bejn impenji u ħlasijiet, u se jagħmel dak kollu possibbli fil-proċedura baġitarja biex titnaqqas id-diskrepanza bejn l-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet;
27. Hu tal-istess fehma tal-Kusnill li bbaġitjar realistiku għandu jiġi promoss; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-abbozz ta' baġit tagħha jkun ibbażat fuq dan il-prinċipju; jinnota madankollu, li implimentazzjoni fil-passat, li tjiebet f'dawn l-aħħar snin, f'xi każijiet ma tikkostitwixxix indikatur ċar ħafna tal-bżonnijiet tal-2012, ladarba għal xi programmi l-implimentazzjoni tista' titħaffef fl-2012 u għalhekk jista' jikber il-bżonn għall-ħlasijiet; iħaddan is-sejħa tal-Kunsill għall-Istati Membri biex jipprovdu previżjonijiet ta' implimentazzjoni aħjar, primarjament bil-għan li tiġi evitata s-sottoimplimentazzjoni, u hu tal-fehma li l-maġġoranza tal-isforz f'dan ir-rigward għandu jittieħed mill-Istati Membri nnifishom, ladarba l-livell tal-abbozz ta' baġit tal-Kummissjoni determinat primarjament mill-previżjonijiet tagħhom stess (b'mod partikolari taħt l-Intestatura 2) u mill-kapaċità ta' implimentazzjoni tagħhom; ifakkar li l-Istati Membri jimmaniġġjaw, flimkien mal-Kummissjoni, aktar minn 80% tal-finanzjament tal-UE; ifakkar l-Istati Membri bir-responsabilità legali tagħhom fid-definizzjoni u l-infurzar tar-regoli finanzjarji għal dawk li jirċievu finanzjament tal-UE;
28. Jinnota li, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-ħarsien tal-interessi finanzjarji kienet ukoll ir-responsabilità tal-Istati Membri; jenfasizza s-sejba tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll f'xi Stati Membri mhumiex totalment effikaċi; ifakkar barra minn hekk, li fondi strutturali minfuqa ħażin u li jammontaw għal biljuni ta' euro għadhom ma ġewx irkuprati; jinnota li r-rapport annwali attwali tad-DĠ REGIO ma jistax jiddikjara l-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-Istati Membri, għaliex xi Stati Membri ma kkonformawx mal-obbligu tagħhom li jressqu r-rapporti tagħhom fil-ħin; jinnota li, minħabba s-sottofinanzjar kostanti tal-baġit tal-UE min-naħa tal-Istati Membri, il-Parlament jista' jkun obbligat li jidentifika prijoritajiet negattivi fost il-proġetti tal-UE, u sussegwentement jaqta' l-baġits tagħhom;
29. Konxju li l-livell ta' ħlasijiet li finalment jiġu implimentati kull sena kultant jinkludi l-hekk imsejjaħ “bilanċ favorevoli” sinifikanti meta mqabbel mal-livell ta' ħlasijiet li oriġinarjament kien hemm qbil dwarhom mill-awtorità baġitarja, li jfisser li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE huma għalhekk imnaqqsa kif xieraq u l-qagħda fiskali tagħhom imtejba; ma jqisx t-tħassib tal-Kunsill, fir-rigward tal-livell u l-waqt ta' dan ir-“redditu”, bħala rilevanti fl-indirizzar tal-kwistjoni politika sottostanti u sensittiva tal-finanzjament tal-baġit tal-UE; hu, pjuttost tal-opinjoni li l-ħlasijiet li ma ntefqux mis-sena “n” jistgħu jiġu trasferiti għall-baġit tas-sena ta' wara (“n+1”) minflok jitnaqqsu mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni għalhekk biex tressaq proposti ambizzjużi għall-istabbiliment ta' riżorsi proprji ġodda u ġenwini sabiex l-Unjoni tingħata riżorsi finanzjarji konkreti u awtonomi; jinsisti, madankollu, li kwalunkwe riżorsa proprja ġdida għadha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt komprensiv, u mmirata biex tiżviluppa modi li bihom tissaħħaħ il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku; jitlob lill-Kunsill biex jikkoopera b'mod kostruttiv fid-dibattitu dwar riżorsi proprji ġusti u ġodda għall-UE;
In-nefqa amministrattiva taħt it-Taqsima III tal-baġit tal-UE
30. Jieħu nota tal-ittra tat-3 ta' Frar 2011 mill-Kummissarju għall-Ipprogrammar Finanzjarju u l-Baġit, li fiha jtenni l-impenn tal-Kummissjoni li ma jkun hemm ebda żieda fil-persunal u tiġi limitata ż-żieda nominali (meta mqabbla mal-2011) fl-approprjazzjonijet amministrattivi fl-Intestatura 5; konxju madankollu, li waqt li l-kompetenzi tal-UE qed ikomplu jiżdiedu, din ix-xejra tista' ma tkunx sostenibbli fuq medda il-twila ta' żmien u tista' tħalli impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni f'waqtha u effikaċi tal-azzjonijiet tal-UE;
31. Jistieden lill-Kummissarju biex iqis l-impatt fit-tul tal-politika ta' esternalizzazzjoni, u tal-istrateġija tagħha li timpjega għadd dejjem akbar ta' aġenti kuntrattwali, fuq il-kwalità u l-indipendenza tas-servizz ċivili Ewropew; jenfasizza li għalkemm dan iwassal għal frankar fuq salarji u pensjonijiet, joħloq ukoll sitwazzjoni fejn għadd dejjem akbar ta' persunal impjegat mill-Kummissjoni mhuwiex inkluż fit-tabella tal-persunal; ifakkar fil-livelli tal-pensjonijiet u s-salarji stabbiliti bi ftehimiet li legalment jorbtu u li magħhom il-Kummisjoni trid tikkonforma fl-intier tagħhom;
32. Jenfasizza l-fatt li, fil-każ ta' programmi multiannwali, xi nefqiet ammistrattivi speċifiċi (inklużi dawk tal-aġenziji eżekuttivi) huma inklużi fil-pakkett finanzjarju ġenerali tal-programmi fl-hekk imsejħa “nefqa operazzjonali”; jinnota li d-drawwa tal-Kunsill li jaqta' dawn il-linji baġitarji orizzontalment bl-għan li titnaqqas in-nefqa amministrattiva għandha inevitabbilment tispiċċa biex timmodifika l-pakkett kodeċiż kollu għal dawn il-programmi, u tissugra li taffettwa r-rapidità u l-kwalità tal-implimentazzjoni tagħhom;
o o o
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.