Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2054(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0016/2011

Testi mressqa :

A7-0016/2011

Dibattiti :

PV 04/04/2011 - 21
CRE 04/04/2011 - 21

Votazzjonijiet :

PV 05/04/2011 - 4.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0122

Testi adottati
PDF 316kWORD 80k
It-Tlieta, 5 ta' April 2011 - Strasburgu
L-irwol tan-nisa fl-agrikoltura u ż-żoni rurali
P7_TA(2011)0122A7-0016/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2011 dwar ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u ż-żoni rurali (2010/2054(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 8, 153 u 157,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE tal- 20 ta' Frar 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (Perjodu ta' programmazzjoni 2007 sal-2013)(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2008 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fiz-zoni rurali tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Seminar dwar it-tema “In-nisa fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali”, li sar f'Cáceres bejn is-27 u d-29 ta' April 2010 fuq inizjattiva tal-Presidenza Spanjola tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0016/2011),

Żoni rurali b'użu multifunzjonali

A.  billi l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli taż-żoni rurali u l-kapaċità funzjonali sostenibbli u fuq żmien twil tal-unitajiet ekonomiċi fl-Ewropa hija prijorità, u billi l-potenzjal partikolari taż-żoni agrikoli b'densità inqas ta' popolazzjoni għandu jintuża u jiġi żviluppat b'mod utli u sabiex jiġi żgurat li żoni bħal dawn jibqgħu abitati,

B.  billi r-reġjuni li huma ekonomikament u kulturalment awtonomi, fil-kuntesti rispettivi tagħhom, b'ċirkuwiti funzjonali ta' distribuzzjoni reġjonali, jistgħu jirreaġixxu b'mod aktar stabbli għat-tibdiliet mondjali,

C.  billi settur agrikolu kompetittiv orjentat lejn il-multifunzjonalità huwa bażi indispensabbli għal strateġiji ta' żvilupp sostenibbli u għal kummerċ imprenditorjali aktar ambizzjuż f'bosta reġjuni, u billi dan it-tip ta' potenzjal, fil-qafas ta' diversifikazzjoni aktar qawwija tal-attività ekonomika, għadu mhux qed jiġi sfruttat fl-oqsma kollha,

D.  billi ż-żoni rurali huma affettwati b'mod partikulari mit-tixjiħ tal-popolazzjoni, minn densità baxxa tal-popolazzjoni u mit-tnaqqis tal-popolazzjoni f'xi żoni,

E.  billi, minħabba t-tibdil demografiku, l-emigrazzjoni u t-tnaqqis ġenerali fis-sehem tan-nisa mill-popolazzjoni f'bosta żoni rurali, fil-ġejjieni l-provvista lokali ta' merkanzija u servizzi tal-bżonnijiet ta' kuljum, il-provvista tal-kura medika bażika, l-edukazzjoni qabel il-primarja, l-edukazzjoni skolastika, professjonali u akkademika kif ukoll it-taħriġ vokazzjonali ulterjuri u l-offerta kulturali u ta' divertiment ma jistgħux jibqgħu jkunu ggarantiti aktar bl-infrastruttura preżenti fiż-żoni rurali jew l-istrutturi li jipprovdu dawn is-servizzi jitilqu minħabba pressjonijiet ekonomiċi,

F.  billi kważi 42% mis-26,7 miljun ruħ li jaħdmu regolarment fl-agrikultura fl-Unjoni Ewropea huma nisa, u madwar proprjetà waħda minn ħamsa (29%) hija mmaniġġata minn mara,

G.  billi l-kontribut sinifikanti min-naħa tan-nisa għall-iżvilupp lokali u komunitarju huwa rifless b'mod inadegwat fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi rilevanti għat-teħid tad-deċiżjonijiet,

H.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi huwa rekwiżit bażiku għall-istrateġija Ewropa 2020 u għandu jiġi promoss sabiex jiżdied l-involviment attiv tan-nisa fl-attivitajiet ekonomiċi u soċjali u biex ikun iggarantit ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem,

Nisa fil-ħajja u l-ekonomija agrikola

I.  billi quddiem l-isfond tat-tibdil ekonomiku u soċjali r-realtajiet ta' ħajjiet in-nisa fiż-żoni rurali nbidlu u saru aktar diversi fl-aħħar għexieren ta' snin, u mhux l-inqas in-nisa li taw bidu u forma lil dan it-tibdil, fejn is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa tvarja bil-kbir kemm bejn l-Istati Membri u fihom stess,

J.  billi n-nisa fis-soċjetà moderna, quddiem l-isfond tal-pożizzjoni stabbilita tagħhom fil-familji b'mod individwali u fil-ħajja tax-xogħol, jassumu rwol multifunzjonali, u proprju dawn id-diversi rwoli kapaċi jagħtu kontribut lill-progress u l-innovazzjoni fil-livelli kollha tas-soċjetà u lit-titjib tal-kwalità tal-ħajja, partikolarment fiż-żoni rurali,

K.  billi, speċjalment fiż-żoni rurali, il-kura tal-familja u l-kura tal-anzjani ta' spiss tiġi pprovduta min-nisa,

L.  billi, minħabba l-isforzi tal-politika tal-mara tul bosta snin u l-promozzjoni pubblika intensiva tal-edukazzjoni, il-konsulenza, l-inizjattivi ta' ħolqien ta' intrapriżi, fost affarijiet oħra fi ħdan it-tieni pilastru tal-PAK ġew reġistrati suċċessi kunsiderevoli fit-titjib tas-sitwazzjoni tal-ħajja għall-irġiel u n-nisa fil-kampanja,

M.  billi, minkejja individwalizzazzjoni kbira fil-kundizzjonijiet tal-ħajja, l-isfida fundamentali għan-nisa u l-irġiel se tibqa' dik li jikombinaw minn naħa waħda x-xogħol u l-impenn soċjali u kulturali tagħhom u min-naħa l-oħra r-responsabilità tal-familja,

N.  billi din “l-isfida multifunzjonali”, fiċ-ċirkustanzi tas-soċjetà moderna, tista' titwettaq biss permezz ta' servizzi ta' appoġġ, istituzzjonijiet u strutturi ta' kura, li għandhom ikunu aċċessibbli finanzjarjament u fiżikament,

O.  billi r-rwol multifunzjonali tal-mara fiż-żoni rurali jista' jagħti kontribut kunsiderevoli biex jistabbilixxi l-immaġini tal-mara moderna fis-soċjetà tagħna,

P.  billi, kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, ir-rati tal-impjieg huma baxxi fiż-żoni rurali u ħafna nisa qatt mhuma attivi fis-suq tax-xogħol, u għalhekk la huma rreġistrati bħala persuni qiegħda u lanqas mhuma inklużi fl-istatistika dwar il-qgħad,

Q.  billi l-ħarsien soċjali tan-nisa attivi fl-agrikoltura, inklużi n-nisa miżżewġa lill-proprjetarji agrikoli bi dħul addizzjonali (kombinazzjoni tad-dħul finanzjarju, dawk li jaħdmu għal rashom u dawk li jaħdmu part-time) kif ukoll ħaddiema temporanji u migranti, huwa element indispensabbli għal żvilupp modern u sostenibbli taż-żoni rurali,

R.  billi l-proprjetarju tal-azjenda agrikola huwa l-unika persuna li tissemma fid-dokumenti tal-bank u għal skopijiet ta' sussidji u drittijiet akkumulati, u huwa wkoll l-unika persuna li tirrappreżenta l-azjenda fi ħdan assoċjazzjonijiet u gruppi,

S.  billi t-turiżmu rurali, li jinvolvi l-provvista ta' prodotti u servizzi fil-kampanja permezz ta' intrapriżi tal-familja u intrapriżi kooperattivi tat-turiżmu, huwa negozju b'riskju baxx, joħloq opportunitajiet ta' xogħol, jippermetti li l-obbligi familjari jiġu kkombinati max-xogħol u jħeġġeġ lill-popolazzjoni rurali biex tibqa' fil-kampanja,

Żoni rurali bħala spazji fejn jgħix il-bniedem u jeżerċita attività ekonomika

1.  Jinnota li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija objettiv ewlieni tal-UE u l-Istati Membri tagħha; jenfasizza l-importanza li dan il-prinċipju jiġi inkorporat fil-KAP bħala mod biex issir promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u żvilupp rurali sostenibbli;

2.  Jinnota li, bħal fir-reġjuni urbani, hemm il-ħtieġa li fl-ispazji rurali wieħed ifittex il-kundizzjonijiet ta' ħajja adattati għar-realtà rurali, sabiex in-nisa u l-familji tagħhom ikollhom raġunijiet biex jibqgħu u li jkollhom suċċess hemmhekk;

3.  Jitlob li ż-żoni agrikoli jiġu megħjuna bħala spazji b'diversi aspetti fejn il-bniedem jgħix u jeżerċita attività ekonomika u għaldaqstant għandhom jiġu sfruttati l-funzjoni kruċjali, l-għarfien u l-kompetenzi tan-nisa b'mod partikolari;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex fin-negozjati dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, ma tkomplix tnaqqas il-proporzjon tal-baġit totali allokat għall-ispiża agrikola;

5.  Jenfasizza li l-azjendi agrikoli differenti, anki dawk orjentati lejn is-servizzi (p.e. il-btala fil-farms, il-kummerċjalizzazzjoni diretta, is-servizzi soċjali bħal pereżempju l-kura tal-anzjani u t-tfal, tagħlim fil-farms fil-kuntest ta' skola regolari ta' kuljum) huma pedamenti importanti ta' infrastruttura tal-forniment tas-servizzi fiż-żoni rurali u għandhom jiġu appoġġati permezz tal-PAK b'mod sostenibbli; jitlob, għalhekk, biex tali servizzi jiġu promossi permezz tal-PAK, liema servizzi jiftħu prospetti ġodda u opportunitajiet ta' xogħol bi ħlas għan-nisa kif ukoll jiffaċilitaw b'mod sinifikanti l-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali ma' dik tal-familja;

6.  Jitlob li ssir promozzjoni ta' strateġiji ta' żvilupp dinamiċi proprji, permezz tal-appoġġ għall-kreattività tal-atturi nisa u rġiel tal-kampanja, filwaqt li jsir użu mir-riżorsi tradizzjonali speċifiċi ta' kull komunità rurali;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' ambjent rurali vijabbli u dinamiku b'popolazzjoni bi kwalitajiet differenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' opportunitajiet ta' żvilupp u sfidi adegwati għal nisa żgħażagħ;

8.  Jitlob li l-kundizzjonijiet ta' qafas fiż-żoni rurali jiġu strutturati b'mod li n-nisa ta' kull ġenerazzjoni jkunu jistgħu jibqgħu fl-ambjent immedjat tagħhom u jikkontribwixxu għar-riġenerazzjoni u għall-iżvilupp tiegħu;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-arranġamenti għal irtirar bikri għall-bdiewa u l-ħaddiema tal-azjendi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa fiż-żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma wettqux dan biex jimplimentaw dawn l-arranġamenti;

10.  Jitlob, f'dan il-kuntest, biex isiru sforzi akbar sabiex iż-żoni rurali fil-firxa wiesgħa tagħhom ikunu mogħnija b'infrastruttura tat-teknoloġija tal-informatika l-aktar moderna, fuq kollox kull aċċess adegwat għall-broadband, u biex tittieħed azzjoni biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni u t-teknoloġiji ta' komunikazzjoni u biex jiġu promossi opportunitajiet indaqs fir-rigward ta' tali aċċess u taħriġ xieraq dwar kif jintuża; jinnota li l-livelli baxxi ta' aċċess għall-broadband ixekklu t-tkabbir tan-negozji ż-żgħar f'bosta żoni rurali madwar l-UE; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu mal-impenn tagħhom li jtejbu l-provvista ta' broadband tagħhom fiż-żoni rurali bħala mod biex jagħtu spinta lill-kompetittività;

11.  Jitlob li forom elettroniċi ta' impriżi, bħal pereżempju n-negozju elettroniku, li jippermettu li jsir in-negozju irrispettivament mid-distanza miċ-ċentri urbani l-kbar, jiġu promossi u appoġġati fost in-nisa fiż-żoni rurali;

12.  Jinnota li, bħal fiż-żoni rurali, huwa kruċjali li titjieb il-kwalità u l-aċċessibilità tal-infrastruttura, il-faċilitajiet u s-servizzi għall-ħajja ta' kuljum fiż-żoni rurali sabiex l-irġiel u n-nisa jkunu jistgħu jibbilanċjaw il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali tagħhom u jippreservaw il-komunitajiet fiż-żoni rurali; dan jinkludi l-faċilitajiet ta' kura tat-tfal bħala parti mill-infrastruttura tal-farm (bħal “farm crèches” u faċilitajiet oħra ta' qabel l-età tal-iskola), servizzi tal-kura tas-saħħa, faċilitajiet edukattivi (inkluż għat-tagħlim tul il-ħajja), istituti u kura għall-anzjani u dipendenti oħra, servizzi ta' sostituzzjoni fil-każ ta' mard jew tqala, ħwienet lokali għall-oġġetti ta' kuljum, u faċilitajiet ta' mistrieħ u faċilitajiet kulturali; jitlob li l-kundizzjonijiet ta' qafas tal-politika agrikola jiġu mfassla b'mod li lin-nisa tingħatalhom il-possibilità li jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom għal ekonomija agrikola multifunzjonali;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-Fondi Strutturali u l-Fondi ta' Koeżjoni biex isibu soluzzjoni għan-nuqqas ta' infrastruttura tajba għat-trasport f'żoni rurali u biex jimplimentaw politiki pożittivi biex itejbu l-aċċess għat-trasport għal kulħadd, partikolarment għall-persuni b'diżabilitajiet, peress li t-trasport jibqa' fattur li jiggrava l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza fis-soċjetà, li primarjament jaffettwaw lin-nisa;

14.  Jitlob li l-politika ta' għajnuna għaż-żoni rurali tkun indirizzata b'aktar qawwa lejn kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fil-kampanja li jkunu innovattivi u sostenibbli;

15.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jappoġġaw proġetti li jippromwovu u joffru pariri għat-twaqqif ta' intrapriżi innovattivi ta' produzzjoni agrikola primarja f'żoni rurali li jkunu jistgħu jipprovdu impjiegi ġodda, partikolarment għan-nisa, f'oqsma ta' azzjoni bħal: żieda fil-valur għall-prodotti agrikoli u provvista ta' ħwienet tal-bejgħ għalihom, użu ta' teknoloġiji ġodda u kontribut għad-diversifikazzjoni ekonomika taż-żona u provvista ta' servizzi li jippermettu l-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali ma' dik tal-familja;

16.  Jinnota li fil-kuntest ta' forom ta' offerti innovattivi l-esperjenzi magħmula sa issa tal-proġetti tan-nisa tat-tieni pilastru tal-PAK (b'mod partikolari l-Axis 3 u l-programm Leader +) għandhom jiġu segwiti, u eżempji tal-aħjar prattika għandhom jiġu identifikati;

17.  Jitlob li l-istrateġiji ta' żvilupp rurali jagħmlu enfasi speċjali fuq ir-rwol tan-nisa biex jiffaċilitaw il-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, partikolarment inizjattivi li jiffukaw fuq l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp;

18.  Jilqa“, b'rabta ma' dan, il-proġetti ESF/EQUAL, li l-għan tagħhom hu li jinvestigaw u jtejbu l-pożizzjoni tan-nisa fl-agrikultura u fiż-żoni rurali;

19.  Jitlob li r-Regolament FAEŻR il-ġdid jipprovdi għal miżuri speċifiċi li jkunu ta' appoġġ għan-nisa fil-perjodu ta' pprogrammar 2014-2020, li jkun ta' benefiċċju għall-impjieg tan-nisa f'żoni rurali;

Nisa fl-ekonomija agrikola

20.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkontribwixxu għal database sinifikattiva dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa u l-impenn imprenditorjali tagħhom fir-reġjuni rurali u biex itejbu l-valutazzjoni tad-data (p.e. permezz tal-Eurostat) li tinsab disponibbli, sabiex ikunu jistgħu jiġu adattati l-miżuri politiċi;

21.  Huwa konvint li t-taħriġ u l-assistenza għan-nisa speċifiċi għaż-żoni rurali, proprju fid-dawl tal-kundizzjonijiet fiż-żoni agrikoli, għandhom jinżammu u jiġu estiżi, l-aktar fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja agrikola;

22.  Iqis li hu mixtieq li jkun hemm ħidma biex jinħoloq netwerk Ewropew rurali tan-nisa (jew netwerk ta' assoċjazzjonijiet tan-nisa) u jiġbed l-attenzjoni għas-suċċessi miksuba permezz ta' miżuri tal-PAK tat-tieni pilastru;

23.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tan-netwerks eżistenti tan-nisa fil-livelli differenti, partikolarment f'termini ta' promozzjoni lokali taż-żoni rurali u l-perċezzjoni tagħhom fost il-pubbliku; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa ta' rikonoxximnet soċjali akbar u ta' appoġġ politiku u finanzjarju għal dawn in-netwerks fil-livell lokali, nazzjoanli u Ewropew, fid-dawl tal-kontribut kbir tagħhom biex jiksbu aktar ugwaljanza, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ għan-nisa fiż-żoni rurali u t-tnedija ta' proġetti għall-iżvilupp lokali, inkluż kampanji ta' informazzjoni dwar l-iskrining sabiex tiġi żgurata d-dijanjosi bikrija tal-kansers tan-nisa (il-kanser ċervikali, il-kanser tas-sider, eċċ.); jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw parteċipazzjoni aktar qawwija tan-nisa fil-proċess politiku, inkluża r-rappreżentanza xierqa tan-nisa fil-bordijiet ta' istituzzjonijiet, impriżi u assoċjazzjonijiet;

24.  Jitlob għal benefiċċji xierqa għan-nisa fiż-żoni rurali min-naħa tas-sistemi soċjali li jikkunsidraw is-sitwazzjoni partikolari tan-nisa li jaħdmu u l-intitolamenti għall-pensjoni;

25.  Jilqa' f'dan il-kuntest id-Direttiva 2010/41/UE u jitlob lill-Istati Membri jimplimentawha b'mod effiċjenti mill-aktar fis possibbli, l-aktar sabiex jiżguraw:

   li l-konjuġi tal-bdiewa u l-imsieba tagħhom tul il-ħajja jirċievu protezzjoni soċjali;
   li n-nisa bdiewa li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi nisa tal-bdiewa jkunu ggarantiti benefiċċji tal-maternità adegwati;

26.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, ta' strateġiji sostenibbli biex jinżammu l-kompetenzi vokazzjonali tan-nisa li jiddeċiedu jieħdu pawża mill-karriera tagħhom għat-trobbija tal-familja u għall-kura tal-familja; jitlob li l-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali ma' dik tal-familja tiġi ffaċilitata, sabiex is-sehem tan-nisa fil-forom differenti tax-xogħol ikun possibbli, jinżamm u jkompli jiġi żviluppat;

27.  Jinnota li d-“diversifikazzjoni tal-farms” hija aspett tal-ekonomija rurali li qed isir dejjem aktar importanti; jinnota li r-rwol tan-nisa biex jagħtu bidu, jiżviluppaw u jimmaniġġjaw il-proġetti tad-“diversifikazzjoni tal-farms” huwa sinifikanti;

28.  Jitlob għall-promozzjoni tal-ispirtu imprenditorjali tan-nisa, partikolarment permezz tal-promozzjoni tas-sjieda tan-nisa, tan-netwerks ta' imprendituri nisa, u l-opportunità fis-settur finanzjarju ta' faċilitazzjoni tal-aċċess għall-imprendituri agrikoli nisa (inklużi dawk li jaħdmu għal rashom individwalment, dawk li jaħdmu part-time bi dħul baxx u ż-żgħażagħ nisa) għall-kreditu – sabiex ikollhom aktar poter biex jaġixxu b'mod effettiv fis-suq u jkunu jistgħu jiżviluppaw negozji li minnhom ikunu jistgħu jaqilgħu l-għajxien b'mod stabbli; jitlob ukoll biex tittieħed azzjoni biex jitjiebu l-attitudnijiet, il-ħiliet u l-kapaċitajiet imprenditorjali tan-nisa biex tiġi promossa r-rappreżentanza tagħhom fl-entitajiet maniġerjali tal-intrapriżi u l-assoċjazzjonijiet;

29.  Jiltob lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fi gruppi ta' azzjoni lokali u l-iżvilupp ta' sħubija lokali skont il-programm Leader, kif ukoll li jiżguraw il-parteċipazzjoni bilanċjata fir-rigward tas-sessi fil-bordijiet tal-immaniġġjar tagħhom;

Nisa fl-ekonomija agrikola

30.  Jitlob li l-kompetenza professjonali agrikola u extra-agrikola tan-nisa tiġi kkunsidrata b'aktar attenzjoni fl-istrateġiji ta' żvilupp għall-azjendi individwali u fuq skala reġjonali; jenfasizza l-importanza tal-kwalifiki u l-edukazzjoni tal-bdiewa nisa u n-nisa li jaħdmu fil-kampanja bħala produtturi u imprendituri, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet rurali u l-assoċjazzjonijiet tan-nisa u tal-bdiewa, biex joħolqu inċentivi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol, biex titneħħa kwalunkwe diskriminazzjoni kontra n-nisa waqt ix-xogħol, u biex jitjieb it-taħriġ tan-nisa, inkluż bil-promozzjoni tal-aċċess għal edukazzjoni postgraduate u korsijiet speċjalizzati f'istituzzjonijiet edukattivi, biex jipproponu miżuri korrispondenti għall-iżvilupp rurali taħt l-Axis 3 tal-programmi għall-iżvilupp rurali u biex jinkoraġġixxu l-inizjattivi eżistenti; jinnota li dawn il-miżuri se jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali fiż-żoni rurali u li n-nisa għandhom riskju ikbar li jsiru fqar meta mqabbla mal-irġiel;

31.  Jitlob li l-isforzi politiċi jiġu appoġġati sabiex ir-rwol tan-nisa fil-kampanja jiġi msaħħaħ permezz tal-fatt li, b'mod konkret u bis-saħħa legali, l-eżerċitar ta' attività agrikola imprenditorjali jiġi ssimplifikat anki fir-rigward tas-sjieda tal-azjenda, sabiex jipparteċipaw b'mod aktar mill-qrib fid-drittijiet u d-dmirijiet tal-kumpanija fuq il-bażi tar-responsabilità tagħhom fl-impriża, li jinkludi, fost l-oħrajn, ir-rappreżentanza tal-interessi f'kunsilli agrikoli u l-parteċipazzjoni effettiva fid-dħul kollu mill-impriżi;

32.  Jitlob biex jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-bdiewa li għandhom sehem importanti biex iħeġġu u jagħtu bidu għal programmi ta' żvilupp ġodda u għad-diversifikazzjoni b'tali mod li n-nisa jkunu jistgħu jimplimentaw ideat ġodda sabiex jiddiversifikaw il-produzzjoni u l-provvista ta' servizzi fiż-żoni rurali;

33.  Huwa tal-fehma li, bħala parti mir-riforma tal-PAK tal-futur, il-bżonnijiet tan-nisa fiż-żoni rurali u r-rwol tan-nisa li qed jaħdmu fl-agrikultura għandhom jitqiesu u għandhom jingħataw prijorità fir-rigward tal-aċċess għal ċerti servizzi u għajnuna, skont il-bżonnijiet territorjali f'kull Stat Membru;

34.  Huwa konvint li fi żmien medju n-nisa għandhom ikunu rappreżentati b'mod xieraq fil-kunsilli politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha tas-settur agrikolu, sabiex il-perspettivi tan-nisa u tal-irġiel jintisġu flimkien fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jenfasizza l-importanza tal-introduzzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi għall-benefiċċju tan-nisa, biex jiġi ggarantit li n-nisa jipparteċipaw f'tali entitajiet fuq bażi ugwali;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess imtejjeb għall-art u l-kreditu għan-nisa biex in-nisa jistabbilixxu ruħhom fiż-żoni rurali u jkunu atturi fis-settur agrikolu;

36.  Jitlob li l-istrateġiji li hemm sa issa dwar il-ħarsien soċjali tan-nisa li jaħdmu fil-kampanja (bdiewa nisa, ħaddiema agrikoli nisa, ħaddiema staġjonali eċċ.), inkluża l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/41/UE, jiġu kkumpilati, quddiem l-isfond tas-sitwazzjoni nazzjonali partikolari rigward id-dritt tal-proprjetà u d-dritt fiskali, u li dawn l-esperjenzi jitpoġġew għad-dispożizzjoni għall-iżvilupp ta' ħarsien soċjali adegwat għan-nisa fiż-żoni rurali fl-Istati Membri;

37.  Jenfasizza li l-politiki Ewropej fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nisa f'żoni rurali għandhom iqisu wkoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien u dawk fuq il-post tax-xogħol tal-immigranti nisa impjegati bħala ħaddiema staġjonali fil-farms, speċjalment fir-rigward tal-bżonn ta' akkomodazzjoni adegwata, protezzjoni soċjali, assigurazzjoni medika u kura tas-saħħa; jenfasizza li hemm bżonn li jingħata l-ikbar valur possibbli lix-xogħol tan-nisa;

38.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi fir-rapport ta' sommarju tagħha, li għandu jiġi ppreżentat fl-2011 skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), analiżi fil-fond tal-impatt tal-miżuri meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni tan-nisa f'żoni rurali;

o
o   o

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20.
(2) ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.
(3) ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 23.
(4) Dokument tal-Kunsill 09184/2010.
(5) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza