Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2044(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0060/2011

Testi mressqa :

A7-0060/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/04/2011 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0124

Testi adottati
PDF 378kWORD 47k
It-Tlieta, 5 ta' April 2011 - Strasburgu
Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Ir-Repubblika Ċeka - UNILEVER
P7_TA(2011)0124A7-0060/2011
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l- amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEAG/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka) (COM(2011)0061 – C7-0055/2011 – 2011/2044(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0061 – C7-0055/2011),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) (Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ir-Regolament FEAG)(2),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits(A7-0060/2011),

A.  billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-ambitu tal-FEAG twessa' temporanjament għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,

D.  billi r-Repubblika Ċeka talbet assistenza fir-rigward ta' każi li jikkonċernaw 634 sensja (kollha immirati għall-assistenza) fl-intrapriża Unilever ČR, spol.sr.o li topera fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fir-reġjun ta' NUTS II ta' Střední Čechy,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEAG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG; japprezza f'dan is-sens il-proċedura mtejba applikata mill-Kummissjoni, wara t-talba mill-Parlament sabiex jitħaffef ir-rilaxx ta' għotjiet, immirata biex tippreżenta lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni tal-FEAG flimkien mal-proposta li jiġi mobilizzat il-FEAG; jittama li jinkiseb iktar titjib fil-proċedura fil-qafas tar-reviżjonijiet li ġejjin tal-FEAG;

2.  Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura mgħaġġla u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien, immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ġew issensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rwol li jista' jwettaq il-FEAG biex il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; jitlob, madankollu, li ssir evalwazzjoni dwar l-integrazzjoni fuq perjodu ta' żmien twil ta' dawn il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol bħala riżultat dirett tal-miżuri ffinanzjati mill-FEAG;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali ssensjati; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

4.  Jiddispjaċih li r-Regolament dwar il-FEAG fil-forma preżenti tiegħu ma jirrikjediex investigazzjoni tas-saħħa finanzjarja, il-possibbiltà ta' evażjoni tat-taxxa jew is-sitwazzjoni rigward l-għajnuna mill-istat fir-rigward ta' kumpaniji multinazzjonali li r-ristrutturar tagħhom jiġġustifika l-intervent tal-FEAG; jemmen li dan għandu jiġi indirizzat fir-reviżjoni li ġejja tar-Regolament dwar il-FEAG, mingħajr ma' jiġi kompromess l-aċċess tal-ħaddiema ssensjati għall-FEAG;

5.  Jinnota li t-tagħrif pprovdut fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEAG jinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dawn id-data fir-rapporti annwali tagħha wkoll;

6.  Jilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit tal-2011 juri approprjazzjonijiet tal-ħlas ta' EUR 47,608,950 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEAG; ifakkar li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li, għalhekk, jixraqlu allokazzjoni dedikata, li tevita t-trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, ħaġa li tista' tkun ta' detriment għall-ksib tal-bosta objettivi tad-politika;

7.  Japprova d-deċiżjoni mehmuża ma' din il-riżoluzzjoni;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEAG/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2011/233/UE.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza