Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2203(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0070/2011

Testi mressqa :

A7-0070/2011

Dibattiti :

PV 04/04/2011 - 23
CRE 04/04/2011 - 23

Votazzjonijiet :

PV 06/04/2011 - 8.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0141

Testi adottati
PDF 315kWORD 79k
L-Erbgħa, 6 ta' April 2011 - Strasburgu
Politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali
P7_TA(2011)0141A7-0070/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali (2010/2203(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Lulju 2010 bit-titolu “Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew” (COM(2010)0343), kif ukoll il-Proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2010 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (COM(2010)0344),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020), u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija - Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-istrateġija tal-UE 2020” (COM(2010)0612),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar politika Ewropea komprensiva ta' investiment internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar każijiet fejn l-Istati Membri naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom, u partikolarment is-sentenza tat-3 ta' Marzu 2009 fil-kawża l-Kummissjoni v l-Awstrija (Kawża C–205/06), is-sentenza tat-3 ta' Marzu 2009 fil-kawża l-Kummissjoni v l-Isvezja (Kawża C–249/06), u s-sentenza tad-19 ta' Novembru 2009 fil-kawża l-Kummissjoni v il-Finlandja (Kawża C–118/07),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7–0070/2011),

A.  billi t-Trattat ta' Lisbona ġab l-investiment barrani dirett (IBD) taħt kompetenza esklussiva tal-UE, kif stipulat fl-Artikoli 3(1)(e), 206 u 207 tat-Tratatt dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

B.  billi mill-1959 aktar minn 1 200 trattat bilaterali ta' investiment (TBI) ġew konklużi mill-Istati Membri fl-livell bilaterali u kważi 3 000 TBI ġew konklużi b' kollox,

C.  billi huwa ġeneralment rikonoxxut li investiment “il ġewwa jista” jtejjeb l-kompetittività tal-pajjiżi ospitanti iżda l-għajnuna ta' aġġustament għal ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet tista' tkun meħtieġa fil-każ ta' investimet “il barra; billi hija r-responsabbiltà ta' kwalunkwe gvern li jħeġġeġ l-impatti tal-investimenti li huma ta' benefiċċju filwaqt li jipprevjeni kwalunkwe effetti ta' ħsara,

D.  billi l-Artikoli 206 u 207 tat-TFUE ma joffrux definizzjoni tal-IBD, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(1) speċifikat it-tifsira tagħha tat-terminu IBD, fuq il-bażi ta' tliet kriterji: għandu jiġi kkunsidrat bħala investiment fit-tul, li jirrappreżenta tal-anqas 10% tal-kapital ta' ekwità/tal-ishma tal-kumpanija affiljata u għandu jipprovdi kontroll maniġerjali tal-operazzjonijiet tal-kumpanija affiljata lill-investitur, billi din id-definizzjoni taqbel ma' dawk tal-FMI u l-OECD u tmur kontra, b'mod partikolari, l-investimenti ta' portafoll u d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali; billi huwa diffiċli li ssir distinzjoni ċara bejn l-IBD u l-investimenti ta' portafoll u se jkun diffiċli wkoll li tiġi adottata definizzjoni legali stretta tal-prattiki tal-investituri fid-dinja reali,

E.  billi xi Stati Membri jużaw definizzjonijiet wiesgħa tat-terminu “investitur barrani”, fejn sempliċi indirizz postali huwa biżżejjed biex bih tiġi determinata n-nazzjonalità ta' intrapriża, u billi dan ta l-opportunità lil xi intrapriżi biex jistitwixxu kawżi kontra pajjiżhom stess permezz ta' TBI iffirmati minn pajjiżi terzi, u billi kwalunkwe kumpanija għandha tkun tista' toqgħod fuq il-ftehimiet ta' investiment futuri tal-UE jew il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) bil-kapitoli tal-investiment,

F.  billi l-emerġenza ta' pajjiżi ġodda b'kapaċità ta' investiment qawwija bħala awtoritajiet lokali jew dinjija biddlet il-perċezzjoni klassika li skontha l-pajjiżi żviluppati kienu l-uniċi investituri,

G.  billi, wara l-ewwel każijiet tad-disgħinijiet li fihom instabet soluzzjoni għal tilwim, u minkejja esperjenzi ġeneralment pożittivi, għadd ta' problemi ħarġu fil-beraħ minħabba l-użu ta' lingwaġġ vag fil-ftehimiet li setgħu jiġu interpretati b'diversi modi, b'mod partikolari dwar il-possibbiltà ta' kunflitt bejn interessi privati u l-kompiti regolatorji tal-awtoritajiet pubbliċi, pereżempju fil-każijiet fejn l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni leġittima wasslet biex stat ġie kundannat minn arbitri internazzjonali għal ksur tal-prinċipju ta' “trattament ġust u ekwu”,

H.  filwaqt li l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada, li kienu fost l-ewwel stati li ħabbtu wiċċhom ma' tali sentenzi, adattaw il-mudell tat-TBI tagħhom sabiex jillimitaw il-wisa' ta' interpretazzjoni mill-arbitraġġ u jiżguraw protezzjoni aħjar tad-dominju tagħhom għall-intervent pubbliku,

I.  billi l-Kummissjoni elenkat il-pajjiżi li se jkunu sħab privileġġjati matul in-negozjati għall-ewwel ftehimiet ta' investiment (il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, Mercosur, ir-Russja u Singapor),

J.   billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li għadu kif ġie stabbilit għandu jirrinforza wkoll il-preżenza globali u r-rwol tal-UE, inklużi l-promozzjoni u d-difiża tal-għanijiet tal-kummerċ tal-UE, fil-qasam tal-investiment,

1.  Jirrikonoxxi li, bħala riżultat tat-Trattat ta' Lisbona, l-IBD issa jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE; jinnota li din il-kompetenza ġdida tal-UE tippreżenta sfida doppja, minn banda biex jiġu ġestiti t-TBI eżistenti u mill-banda l-oħra biex tinstab definizzjoni għall-politika ta' investiment Ewropea li tissodisfa l-aspettattivi tal-investituri u tal-Istati benefiċjarji iżda anke l-interessi ekonomiċi usa' tal-UE u l-objettivi tal-politika esterna tagħha;

2.  Jilqa' din il-kompetenza ġdida tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħtfu din l-opportunità biex ifasslu, flimkien mal-Parlament, politika ta' investiment koerenti u integrata li tippromwovi investimenti ta' kwalità għolja u li tagħti kontribut pożittiv lill-progress ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli fid-dinja kollha; huwa tal-fehma li l-Parlament irid ikun involut b'mod xieraq fit-tiswir tal-politika futura dwar l-investiment u li dan jirrikjedi konsultazzjoni xierqa dwar il-mandati għan-negozjati li jmiss, kif ukoll għoti siewi ta' rapporti qosra regolari dwar l-istat tan-negozjati li jkunu għaddejjin;

3.  Jinnota li l-UE hija blokk ekonomiku importanti li għandu piż konsiderevoli fin-negozjati; jemmen li politika komuni dwar l-investiment tissodisfa l-aspettattivi kemm tal-investituri kif ukoll tal-istati kkonċernati u tgħin fit-tkattir tal-kompetittività tal-UE u tan-negozji tagħha u fit-tkattir tal-impjieg;

4.  Jinnota l-ħtieġa ta' qafas Ewropew ikkoordinat, wieħed li jkun imfassal biex jipprovdi ċertezza u li jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-prinċipji u tal-objettivi tal-UE;

5.  Ifakkar li l-fażi attwali tal-globalizzazzjoni rat żieda drammatika fl-IBD, li fl-2007, is-sena ta' qabel l-investiment kien affettwat mill-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija, kien ilaħħaq livell rekord għoli ta' kważi EUR 1 500 biljun, bl-UE tkun l-ikbar sors ta' IBD fl-ekonomija dinjija kollha; jissottolinja, madankollu, li fl-2008 u fl-2009 l-investiment naqas minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija; jenfasizza wkoll li madwar 80% tal-valur totali tal-IBD dinji jikkonċerna fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet transkonfinali;

6.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew” iżda jenfasizza li, filwaqt li se tiffoka sew fuq il-protezzjoni tal-investitur, għandha tindirizza aħjar id-dritt li tkun protetta l-kapaċità tar-regolamentazzjoni pubblika u li tissodisfa l-obbligu tal-UE li teżerċita koerenza politika għall-iżvilupp;

7.  Iqis li l-investiment jista' jkollu impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi, mhux biss fl-UE iżda wkoll f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, sakemm l-investituri jikkontribwixxu b'mod attiv għall-objettivi ta' żvilupp tal-istati ospitanti, jiġifieri billi jappoġġjaw l-ekonomija lokali permezz ta' trasferiment teknoloġiku u billi jużaw ħaddiema u mezzi ta' produzzjoni lokali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm quddiem għajnejha l-lezzjonijiet meħuda fuq livell multilaterali, plurilaterali u bilaterali, b'mod partikolari fir-rigward tal-falliment tan-negozjati OECD dwar il-Ftehim Multilaterali dwar l-Investimenti;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa l-istrateġija ta' investiment tal-UE bir-reqqa u b'mod koordinat billi tqis l-aħjar prattiki tal-IBD; jinnota d-diverġenza tal-kontenut bejn il-ftehimiet tal-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni biex tirrikonċilja dawn id-diverġenzi biex tipprovdi mudell b'saħħtu tal-UE għall-ftehimiet ta' investiment, li jista' jiġi aġġustat ukoll skont il-livell ta' żvilupp tal-pajjiż sieħeb;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida mhux obbligatorja malajr kemm jista' jkun, pereżempju fil-forma ta' mudell għat-TBI, li jkun jista' jintuża mill-Istati Membri biex itejbu ċ-ċertezza u l-konsistenza;

Definizzjonijiet u ambitu

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ċara tal-investimenti li għandhom jiġu protetti, inklużi l-IBD u l-investiment ta' portafoll; iqis, madankollu, li forom spekulattivi ta' investiment, kif definiti mill-Kummissjoni, m'għandhomx jiġu protetti; jinsisti li meta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu inklużi fl-ambitu tal-ftehim ta' investiment, inklużi dawk il-ftehimiet fejn l-abbozzi tal-mandati diġà ġew proposti, id-dispożizzjonijiet għandhom jevitaw li jkollhom impatt negattiv fuq il-produzzjoni ta' mediċini ġeneriċi u jridu jirrispettaw l-eċċezzjonijiet TRIPS għas-saħħa pubblika;

12.  Jinnota bi tħassib li n-negozjar ta' varjetà wiesgħa ta' investimenti se jwassal għal taħlit bejn kompetenzi esklussivi u kondiviżi;

13.  Jitlob l-introduzzjoni tat-terminu “investitur tal-UE” li, filwaqt li jirrifletti l-ispirtu tal-Artikolu 207 TFUE, jissottolinja s-sinifikat tal-promozzjoni tal-investituri mill-Istati Membri kollha fuq termini ugwali, filwaqt li jiżguralhom kundizzjonijiet għall-funzjonament u l-protezzjoni tal-investimenti tagħhom fuq bażi ugwali;

14.  Ifakkar li t-TBI standard tal-Istati Membri tal-UE juża definizzjoni wiesgħa ta' “investitur barrani”; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta fejn dan wassal għal prattiki abbużivi; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ċara ta' “investitur barrani” abbażi ta' din il-valutazzjoni u billi tfassal fuq id-definizzjoni ta' riferiment l-iktar riċenti tal-OECD ta' IBD;

Protezzjoni tal-investituri

15.  Jenfasizza li l-protezzjoni tal-investitur għall-investituri kollha tal-UE għandha tibqa' l-ewwel prijorità ta' ftehimiet ta' investiment;

16.  Jinnota li n-negozjar tat-TBI huwa proċess li jieħu ħafna żmien; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvesti f'termini tar-riżorsi materjali u tal-persunal tagħha fin-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' investiment tal-UE;

17.  Iqis li t-talba li saret mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Komunikazzjoni – li l-qafas legali l-ġdid Ewropew m'għandux ikollu impatt negattiv fuq il-protezzjoni tal-investitur u l-garanziji skont il-ftehimiet eżistenti – tista' toħloq riskju ta' oppożizzjoni għal kull ftehim ġdid, u tista' twassal biex il-bilanċ meħtieġ bejn il-protezzjoni tal-investitur u l-protezzjoni tad-dritt għar-regolamentazzjoni – fi żmien ta' żieda fl-investiment “il ġewwa fl-UE – jitqiegħed f'riskju; iqis, barra minn hekk, li tali formulazzjoni tal-kriterju tal-evalwazzjoni tista” tikkontradixxi t-tifsira u l-ispirtu tal-Artikolu 207 tat-TFUE;

18.  Jemmen li l-ħtieġa li jkunu identifikati l-aħjar prattiki, li għalihom jirreferu wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill, hija għażla ferm aktar loġika u effettiva, u b'dan il-mod tista' tiġi żviluppata politika ta' investiment Ewropea konsistenti;

19.  Jikkunsidra li ftehimiet ta' investiment futuri konklużi mill-UE għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar prattiki meħuda mill-esperjenzi tal-Istati Membri u jinkludu l-istandards li ġejjin:

   non-diskriminazzjoni (trattament nazzjonali u l-aktar nazzjon favorit), bi kliem aktar preċiż fid-definizzjoni li tgħid li investituri nazzjonali u barranin għandhom joperaw taħt “kundizzjonijiet simili” u li tippermetti ċerta flessibilità fil-klawsola MFN sabiex ma jiġux ostakolati l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
   trattament ġust u ekwu, definit fuq il-bażi tal-livell ta' trattament stabbilit mil-liġi internazzjonali li tiġi applikata normalment;
   protezzjoni kontra l-esproprjazzjoni diretta u indiretta, filwaqt li tingħata definizzjoni li tistabbilixxi bilanċ ċar u ġust bejn l-objettivi dwar il-benesseri pubbliku u l-interessi privati, u li tippermetti kumpens xieraq skont id-danni li jkunu saru f'każ ta' esproprjazzjoni illegali;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt potenzjali tal-inklużjoni ta' klawsola ġenerika fi ftehimiet futuri dwar investiment Ewropew, u tippreżenta rapport kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kunsill;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura reċiproċità meta tkun qiegħda tinnegozja aċċess għas-suq mas-sħab prinċipali żviluppati tagħha u mal-ekonomiji emerġenti ewlenin, filwaqt li tikkunsidra l-ħtieġa li teskludi setturi sensittivi u li żżomm asimetrija fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

22.  Jinnota li t-titjib mistenni fiċ-ċertezza se jgħin lill-SMEs jinvestu barra mill-pajjiż, u jinnota f'dan is-sens li leħen l-SMEs għandu jinstema' matul in-negozjati;

Protezzjoni tad-dritt tar-regolamentazzjoni

23.  Jenfasizza li ftehimiet futuri ta' investiment konklużi mill-UE għandhom jirrispettaw il-kapaċità għal intervent min-naħa tal-pubbliku;

24.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-livell ta' diskrezzjoni tal-arbitri internazzjonali li jużaw interpretazzjoni wiesgħa tal-klawsoli dwar il-protezzjoni tal-investitur, li twassal għall-esklużjoni ta' regolamenti pubbliċi leġittimi; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq definizzjonijiet ċari ta' standards dwar il-protezzjoni tal-investitur sabiex problemi bħal dawn ikunu evitati fil-ftehimiet ta' investiment il-ġodda;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-ftehimiet futuri kollha, klawsoli speċifiċi li jistipulaw id-dritt tal-partijiet għall-ftehim għal regolamentazzjoni, inter alia, fl-oqsma tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ambjent, tas-saħħa pubblika, tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumatur, tal-politika industijali u tad-diversità kulturali;

26.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi każ b'każ dwar setturi li m'għandhomx ikunu koperti minn ftehimiet futuri, pereżempju setturi sensittivi bħalma huma l-kultura, l-edukazzjoni, is-saħħa pubblika u dawk is-setturi li huma strateġikament importanti għad-difiża nazzjonali, u jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-mandat li ngħatat f'kull każ; jinnota li l-UE għandha tkun konxja wkoll tal-elementi ta' tħasssib tas-sħab tagħha li qegħdin jiżviluppaw u ma għandhiex titlob aktar liberalizzazzjoni jekk dawn jemmnu li li din hija neċessarja għall-protezzjoni ta' ċerti setturi, b'mod partikolari s-servizzi pubbliċi;

Inklużjoni ta' standards soċjali u ambjentali

27.  Jenfasizza li l-politika futura tal-UE għandha tippromwovi wkoll investiment li huwa sostenibbli, li jirrispetta l-ambjent (b'mod partikolari fil-qasam ta' industriji ta' estrazzjoni) u li jinkoraġġixxi kundizzjonijiet tax-xogħol tajba fl-intrapriżi fil-mira tal-investiment; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi, fil-ftehimiet futuri kollha, referenza għal-Linji gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

28.  Itenni t-talba tiegħu, fir-rigward tal-kapitoli ta' investiment f'FTAs usa“, biex tiddaħħal klawsola korporattiva dwar ir-responsabbiltà soċjali u biex jiddaħħlu klawsoli ambjentali u soċjali effikaċi f'kull FTA iffirmat mill-UE;

29.  Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta kif klawsoli bħal dawn ġew inklużi fit-TBI tal-Istati Membri u kif jistgħu jiġu inklużi wkoll fi ftehimiet ta' investiment indipendenti futuri;

30.  Jilqa' l-fatt li għadd ta' TBI attwalment fihom klawsola li tostakola d-dgħufija ta' leġiżlazzjoni soċjali u ambjentali li tista' sservi biex tattira l-investiment u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-inklużjoni ta' klawsola bħal din fil-ftehimiet futuri tagħha;

Mekkaniżmu għal soluzzjoni tat-tilwim u r-responsabbiltà tal-UE

31.  Jemmen li għandhom isiru tibdiliet fir-reġim preżenti għal soluzzjoni tat-tilwim, sabiex ikunu inklużi aktar trasparenza, l-opportunità biex il-partijiet ikunu jistgħu jappellaw, l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji lokali meta jkunu affidabbli biżżejjed biex jiggarantixxu proċess xieraq, il-possibbiltà li jintużaw rappreżentanzi amicus curiae u l-obbligu li jintgħażel post uniku ta' arbitraġġ tal-istat investitur;

32.  Huwa tal-fehma li, minbarra l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni għal tilwim bejn stat u stat għandu jkun hemm ukoll l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni għal tilwim bejn investitur u stat biex b'hekk tiġi żgurata protezzjoni komprensiva tal-investimenti;

33.  Huwa konxju mill-fatt li l-UE ma tistax tuża mekkaniżmi għal soluzzjoni tat-tilwim taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta' Tilwim dwar l-Investiment (ICSID) u tal-Kummissjoni tan-Nazzjonaijiet Uniti dwar il-Liġi Kummerċjali Internazzjonali (UNCITRAL) billi l-UE bħala tali m'hija membru tal-ebda waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet; jistieden lill-UE biex tinkludi kapitolu dwar is-soluzzjoni tat-tilwim f'kull trattat ġdid tal-UE dwar l-investiment skont ir-riformi proposti f'din ir-riżoluzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jassumu r-responsabbiltà tagħhom bħala parteċipanti internazzjonali prinċipali biex jaħdmu favur ir-riformi neċessarji tar-regoli tal-ICSID u tal-UNCITRAL;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta soluzzjonijiet li permezz tagħhom l-SMEs ikunu jistgħu jiffinanzjaw aħjar l-ispejjeż għoljin tal-proċeduri għas-soluzzjoni għal tilwim;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, regolament dwar kif jistgħu jitqassmu r-responsabbiltajiet bejn il-livelli nazzjonali u tal-UE, b'mod partikolari f'termini finanzjarji, jekk każ ta' arbitraġġ internazzjonali jinqata' kontra l-UE;

L-għażla tas-sħab u l-poteri tal-Parlament

36.  Japprova l-prinċipju li s-sħab ta' prijorità għal ftehimiet futuri ta' investiment tal-UE għandhom ikunu pajjiżi li għandhom potenzjal kbir fis-suq iżda fejn investimenti barranin jeħtieġu protezzjoni aħjar;

37.  Jinnota li r-riskju tal-investiment huwa ġeneralment ogħla fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u dawk anqas żviluppati u li l-protezzjoni b'saħħitha u effettiva tal-investitur fil-forma ta' trattati ta' investiment hija fundamentali għall-protezzjoni tal-investituri Ewropej u tista' ttejjeb il-governanza, biex b'hekk twassal għall-ambjent stabbli meħtieġ biex jiżdied l-IBD f'dawn il-pajjiżi; jinnota li, biex ftehimiet ta' investiment ikunu ta' benefiċċju akbar għal dawn il-pajjiżi, għandhom ikunu bbażati wkoll fuq l-obbligi tal-investituri f'termini ta' konformità mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u kontra l-korruzzjoni bħala parti minn sħubija usa' bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-finijiet tat-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta sħab futuri vijabbli, filwaqt li tqis l-aħjar prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tat-TBI;

38.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-IBD fil-pajjiżi l-inqas żviluppati huwa limitat ħafna u għandu t-tendenza li jkun ikkonċentrat fuq ir-riżorsi naturali;

39.  Iqis li fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jingħata appoġġ akbar lid-ditti lokali, b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi biex tissaħħaħ il-produttività tagħhom, biex ikun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib u biex jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema – oqsma li huma ta' potenzjal konsiderevoli f'termini ta' spinta lill-iżvilupp ekonomiku, lill-kompetittività u lit-tkabbir; jinkoraġġixxi, bl-istess mod, it-trasferiment ta' teknoloġiji ambjentali ġodda tal-UE lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala l-aħjar mod kif jiġi promoss it-tkabbir ambjentali u sostenibbli;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Parlament qabel ma jibdew in-negozjati ta' investiment, kif ukoll matul tali negozjati; ifakkar fil-kontenut tal-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta mal-Parlament dwar l-abbozz tal-mandati ta' negozjar meta xieraq sabiex ikun jista' jressaq il-pożizzjoni tiegħu, li għandha, imbagħad, tkun ikkunsidrata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkluż ir-rwol tad-delegazzjonijiet tas-SEAE fl-istrateġija tal-politika futura tal-investiment, filwaqt li jirrikonoxxi l-potenzjal u l-kompetenzi lokali tagħhom bħala assi strateġiċi fil-ksib tal-għanijiet il-ġodda tal-politika;

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) Sentenza tat-12 ta' Diċembru 2006 fil-kawża Test Claimants in the FII Group Litigation v Commissioners of Inland Revenue (Kawża C–446/04).

Avviż legali - Politika tal-privatezza