Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (2010/2201(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew (il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet tagħhom kif definit fl-Artikolu 2(3) u (4) tiegħu) u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom(1) (ir-Regolament dwar il-Finanzjament), b'mod partikolari l-Artikolu 12 ta' dan,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-partiti politiċi Ewropej(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau tat-18 ta' Ottubru 2010 dwar il-finanzjament tal-partiti fil-livell Ewropew, li tressaq skont l-Artikolu 15 tad-deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta' Marzu 2004(3) dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Finanzjament,
– wara li kkunsidra n-nota tal-Bureau tal-10 ta' Jannar 2011 bħala l-verżjoni riveduta tad-deċiżjonijiet tal-Bureau meħuda fit-13 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 210(6) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0062/2011),
A. billi l-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li “l-partiti politċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”, filwaqt li l-Parlament u l-Kunsill, b'konformità mal-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jistipulaw ir-regoli li jiggwidaw dawn il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi tagħhom u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom,
B. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tgħid b'mod ċar li l-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni,
C. billi l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi fuq il-bażi tal-prinċipju ta' “demokrazija rappreżentattiva”, kif iddikjarat fl-Artikolu 10(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
D. billi l-fondazzjonijiet għall-partiti politiċi Ewropej ġew stabbiliti fit-Trattati ta' Maastricht u ta' Nizza, li introduċew il-possibilità ta' finanzjament u b'hekk taw lill-partiti politiċi awtonomija operazzjonali fir-rigward tal-gruppi parlamentari,
E. billi fl-2007, wara talba mill-Parlament(4), il-Kummissjoni ppreżentat proposta li tintroduċi l-finanzjament tal-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew (fondazzjonijiet politiċi Ewropej), li ġiet adottata f'Diċembru 2007 bil-għan li tappoġġja l-partiti politiċi Ewropej fid-dibattitu dwar kwistjonijiet politiċi pubbliċi u dwar l-integrazzjoni Ewropea,
F. billi r-Regolament emendatorju tal-2007(5) jfittex li jiffaċilita l-proċess ta' integrazzjoni għall-partiti politiċi Ewropej billi jagħmilha possibbli għall-partiti politiċi fl-Unjoni li jistrutturaw u jorganizzaw ruħhom b'mod iktar effettiv,
G. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 kabbar b'mod konsiderevoli r-rwol tal-partiti politiċi Ewropej fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew billi stipula li l-infiq tagħhom jista' jinkludi finanzjament għall-kampanji elettorali; billi, madankollu, din l-għażla ġiet ristretta bil-kondizzjoni li l-approprjazzjonijiet ikkonċernati m'għandhomx jintużaw għall-finanzjament dirett jew indirett tal-partiti politiċi jew tal-kandidati nazzjonali,
H. billi l-partiti politiċi Ewropej kollha li huma ffinanzjati ffirmaw kodiċi ta' kondotta, liema kodiċi titqies mill-Bureau bħala vinkolanti għall-partijiet kollha u tistipula r-regoli li wieħed għandu jikkonforma magħhom matul il-kampanji elettorali,
I. billi t-tkabbir tar-rwol tal-partiti politiċi Ewropej huwa neċessarjament marbut mal-involviment tagħhom fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
J. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 jitlob rikonoxximent formali ikbar tal-partiti politiċi Ewropej,
K. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 huwa orjentat lejn il-ħolqien ta' partiti politiċi organizzati u effikaċi bis-sħiħ fil-livell Ewropew u f'dak tal-Istati Membri permezz ta' proċess ibbilanċjat ta' istituzzjonalizzazzjoni,
L. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 jfittex li jġib il-konverġenza organizzattiva tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet tagħhom fil-livell Ewropew, filwaqt li fl-istess ħin jirrikonoxxi l-kompiti differenti li għandhom, rispettivament, il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi,
M. billi din il-konverġenza organizzattiva tista' tinkiseb biss billi jiġi stabbilit status politiku, legali u fiskali komuni għall-partiti politiċi Ewropej, għalkemm dan m'għandu jinvolvi ebda standardizzazzjoni tal-organizzazzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet tagħhom, li għandhom il-kompetenza esklussiva għalihom il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet innifishom,
N. billi r-rekwiżit li jiġi adottat statut legali għall-partiti politiċi Ewropej u għall-fondazzjonijiet politiċi tagħhom ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea huwa pass ċar u sostanzjali lejn it-tkabbir tad-demokrazija fl-Unjoni,
O. billi l-konverġenza organizzattiva u operattiva u t-titjib tal-proċess tal-finanzjament jistgħu jinkisbu biss billi jiġi adottat statut Ewropew uniformi u komuni għall-partiti politiċi Ewropej kollha u l-fondazzjonijiet politiċi tagħhom ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea,
P. billi r-regolament dwar il-partiti politiċi fil-livell Ewropew ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-rikonoxximent u l-finanzjament tal-partiti politiċi,
Q. billi n-nota tal-Bureau tal-10 ta' Jannar 2011 irrakkomandat li l-kriterji għall-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej ikunu iktar stretti; billi dan ifisser restrizzjoni tal-kompetizzjoni tal-partiti fil-livell Ewropew sakemm il-kriterji għar-rikonoxximent legali u l-finanzjament tal-partiti politiċi jkunu identiċi,
R. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 jipprovdi bażi legali u finanzjarja ċara għall-istabbiliment tal-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiżdied l-għarfien Ewropew u tiġi espressa b'mod effikaċi r-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea,
S. billi l-finanzjament tal-partiti politiċi huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI “Għotjiet” tar-Regolament Finanzjarju(6) u tar-Regoli Implimentattivi(7) tiegħu,
T. billi l-Bureau, bħala l-korp responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Finanzjament, iddeċieda fl-2006 dwar ammont sinifikanti ta' titjib fir-regoli implimentattivi, bħaż-żieda fl-għażla tal-finanzjament minn qabel minn 50 % sa 80 % sabiex tiġi simplifikata l-proċedura u titjieb is-solvenza tal-benefiċjarji, u sabiex ir-regoli dwar it-trasferimenti bejn il-kapitoli fil-baġits tal-benefiċjarji jsiru inqas stretti biex dawn ikunu jistgħu jaġġustaw il-baġits tagħhom skont iċ-ċirkostanzi politiċi li qed jinbidlu,
U. billi l-esperjenza bil-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati tagħhom uriet li dawn jeħtieġu iktar flessibilità u kundizzjonijiet komprabbli fir-rigward tat-trasferiment tal-fondi għas-sena finanzjarja ta' wara u tal-ħolqien ta' riservi mir-riżorsi proprji li jaqbżu l-livell minimu preskritt tan-nefqa tagħhom li għandu jiġi ffinanzjat mill-fondi tagħhom stess,
V. billi l-partiti politiċi Ewropej bħala medja jonfqu kważi nofs il-baġits tagħhom fuq l-amministrazzjoni ċentrali (persunal, kera, eċċ.) u kwart ieħor fuq il-laqgħat tal-korpi (statutorji u mhux) tal-partit, u l-bqija jintefaq fuq il-kampanji elettorali u fuq l-appoġġ għall-organizzazzjonaijiet affiljati,
W. billi l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jonfqu flushom għal raġunijiet differenti, fejn jonfqu medja ta' 40% tal-baġits tagħhom fuq l-amministrazzjoni ċentralizzata u l-laqgħat u 40% oħra fuq is-servizzi esterni bħall-istudji, ir-riċerka, il-pubblikazzjonijiet u s-seminars,
X. billi s-sors ewlieni tar-riżorsi proprji tal-partiti politiċi Ewropej huma l-miżati tas-sħubija li jinġabru mill-partiti membri, u billi inqas minn 5% tad-dħul totali tagħhom jikkonsistu f'miżati tas-sħubija tal-individwi u donazzjonijiet,
Y. billi l-porzjon tad-dħul totali tagħhom minn finanzjament mill-baġit tal-Unjoni huwa ogħla fil-każ tal-partiti politiċi Ewropej milli f'dak tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej,
Z. billi d-donazzjonijiet għadhom ma jirrappreżentawx parti sinifikanti tal-finanzjament, bi tliet partiti u żewġ fondazzjonijiet biss li jirċievu donazzjonijiet fuq bażi regolari fl-2009,
AA. billi hemm konflitt potenzjali bejn, min-naħa l-waħda, l-għan li jiġi ffaċilitat u aċċellerat il-finanzjament, biex b'hekk isir iktar effikaċi u, mill-oħra, l-għan li jitnaqqas ir-riskju finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni,
AB. billi matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, jiġifieri mill-2008 sal-2011, ma kellha tiġi imposta l-ebda penalità fuq l-ebda partit jew fondazzjoni ffinanzjati,
AC. billi l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jiksbu personalità ġuridika b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li se jirrappreżentaw biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, u billi dawn m'għandhomx status legali komuni,
AD. billi s-sussidji għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huma “għotjiet” skont it-tifsira tat-Titolu VI tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli Implimentattivi tiegħu, iżda n-natura speċifika tagħhom tfisser li mhumiex komparabbli mal-ebda għotja li tingħata jew tiġi amministrata mill-Kummissjoni; billi dan jiġi rifless f'numru sinifikanti ta' dispożizzjonijiet fir-Regolament dwar il-Finanzjament li jistabbilixxu eċċezzjonijiet; billi din is-soluzzjoni mhijiex sodisfaċenti,
L-ambjent politiku ġdid
1. Jinnota li l-partiti politiċi – u l-fondazzjonijiet relatati tagħhom – huma strumenti essenzjali tad-demokrazija parlamentari, li jirresponsabilizzaw lill-membri parlamenti, jgħinu fit-tiswir tar-rieda politika taċ-ċittadini, iħejju l-programmi politiċi, iħarrġu u jagħżlu l-kandidati, iżommu d-djalogu maċ-ċittadini u jippermettu liċ-ċittadini jesprimu l-opinjonijiet tagħhom;
2. Jenfasizza li t-Trattat ta' Lisbona jipprovdi għal dan ir-rwol tal-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet tagħhom bil-għan li tinħoloq polis Ewropea, spazju politiku fil-livell tal-UE, u demokrazija Ewropea li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija element konsituttiv prinċipali tagħha;
3. Jinnota li l-partiti politiċi Ewropej, kif huma attwalment, mhumiex f'pożizzjoni li jkollhom dan ir-rwol bis-sħiħ għax huma biss organizzazzjonijiet li jiġbru taħthom lill-partiti nazzjonali u m'għandhomx kuntatt dirett mal-elettorat fl-Istati Membri;
4. Jinnota b'sodisfazzjon, madankollu, li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi minkejja dan saru atturi indispensabbli fil-ħajja politika tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi jsawru u jagħtu leħen lill-pożizzjonijiet rispettivi tad-diversi “familji politiċi”;
5. Jenfasizza l-bżonn li l-partiti politiċi Ewropej kollha jikkonformaw mal-ogħla standards tad-demokrazija partitarja interna (fir-rigward tal-elezzjoni demokratika tal-korpi tal-partiti u proċessi demokratiċi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, inkluż l-għażla tal-kandidati);
6. Hu tal-fehma li, malli partit jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitqies bħala partit politiku fil-livell tal-UE, dan jista' jirċievi finanzjament sakemm ikun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b'mill-inqas wieħed mill-membri tiegħu;
7. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-partiti politiċi għandhom drittijiet, obbligi u responsabilitajiet u għaldaqstant għandhom isegwu mudelli organizzattivi ġenerali ta' konverġenza; iqis li din il-konverġenza organizzattiva tista' tinkiseb biss billi jiġi stabbilit status legali u fiskali komuni bbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi tagħhom;
8. Jinsab konvint li status legali awtentiku għall-partiti politiċi Ewropej u personalità ġuridika tagħhom stess, ibbażati direttament fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, se jagħmluha possibbli li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi tagħhom jaġixxu bħala aġenti rappreżentattivi tal-interess pubbliku Ewropew;
9. Hu tal-fehma li l-partiti politiċi Ewropej għandhom jinteraġġixxu u jikkompetu dwar kwistjonijiet relatati ma' sfidi komuni Ewropej u mal-Unjoni Ewropea u l-iżvilupp tagħha fi tliet livelli: il-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew; iqis li huwa tal-ikbar importanza għall-partiti politiċi li jkunu effiċjenti u produttivi kemm fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali u lil hinn;
10. Jenfasizza l-isfidi importanti f'termini tal-kapaċità organizzattiva li l-partiti politiċi Ewropej se jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom fid-dawl tar-riformi li jistgħu jsiru lis-sistema elettorali Ewropea (il-ħolqien ta' kostitwenza addizzjonali, l-istabbiliment ta' listi transnazzjonali),;
11. Jinnota li l-idea t'hawn fuq hija, bħala regola ġenerali, b'konformità mal-idea tal-partiti politiċi Ewropej li jipparteċipaw f'kampanji għal referenda, meta r-referenda kkonċernati jkunu direttament marbutin mal-kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea;
12. Jiddeċiedi, għalhekk, li jitlob lill-Kummissjoni tipproponi abbozz ta' statut għall-partiti politiċi Ewropej bi qbil mal-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
13. Jinnota li dak li huwa meħtieġ fuq bażi ta' żmien iqsar huwa li jitjieb l-ambjent regolatorju għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, titjib li jinvolvi l-adozzjoni tal-istatut Ewropew bħala l-ewwel pass;
Proposti għal riforma addizzjonali
14. Iqis li l-Membri li għandhom siġġu f'parlamenti jew assemblej reġjonali għandhom jitqiesu b'rabta mal-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament biss jekk il-parlament jew l-assemblea inkwistjoni għandhom setgħat leġiżlattivi;
15. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-għoti ta' finanzjament u l-għeluq tal-kontijiet tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huma proċeduri burokratiċi u twal; iqis li dan ġej, fil-parti l-kbira tiegħu, mill-fatt li l-pagamenti tal-finanzjament huma meqjusa bħala “għotjiet” skont it-tifsira tar-Regolament Finanzjarju, ħaġa li hi adegwata għall-finanzjament ta' proġetti jew assoċjazzjonijiet iżda mhux għall-partiti;
16. Huwa tal-fehma, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha tipproponi l-ħolqien ta' titolu ġdid fir-Regolament Finanzjarju ddedikat biss u mfassal b'mod speċifiku għall-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet Ewropej; iqis li r-Regolament dwar il-Finanzjament għandu, f'dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni tiegħu, jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta' dan it-titolu l-ġdid;
17. Jenfasizza li l-fatt li l-partiti u l-fondazzjonijiet jiffinanzjaw lilhom infushom huwa sinjal ta' vitalità; jemmen li dan għandu jitħeġġeġ billi l-limitu attwali ta' EUR 12,000 fis-sena għad-donazzjonijiet jogħla għal EUR 25,000 fis-sena għal kull donatur, flimkien, madankollu, ma' rekwiżit li tiġi żvelata l-identità tad-donatur meta tasal id-donazzjoni, bi qbil mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u fl-interessi ta' trasparenza;
18. Iqis li r-rekwiżit li jiġu preżentati “programmi ta' ħidma annwali” bħala prekondizzjoni għall-finanzjament mhux adegwat għall-partiti politiċi; jinnota, barra minn hekk, li dan ir-rekwiżit ma jeżisti fl-ebda Stat Membru tal-UE;
19. Jenfasizza l-fatt li l-mument meta jingħata l-finanzjament huwa kruċjali jekk dan għandu jissodisfa l-għan tiegħu; jitlob, bħala eċċezzjoni għar-regoli implimentattivi għar-Regolament Finanzjarju, li 100% tal-finanzjament isir disponibbli fil-bidu tas-sena finanzjarja, u mhux 80%; iqis li, fid-dawl tal-esperjenza pożittiva fl-imgħoddi, ir-riskju għall-Parlament huwa negliġibbli;
20. Jindika li r-Regolament Finanzjarju jistipula li l-għotja “ma tistax tiffinanzja n-nefqa operattiva intiera tal-korp benefiċjarju”; josserva li l-osservanza ta' din ir-regola hija speċjalment diffiċli għall-fondazzjonijiet u dan iwassal għal tekniki ta' kontabilità evażivi (pereżempju l-“kontribuzzjonijiet in natura”); jindika li kważi l-ebda waħda mill-iskemi ta' finanzjament fl-Istati Membri ma teħtieġ awtofinanzjament parzjali, billi dan jista' jkun ta' żvantaġġ għal partiti iżgħar jew għal dawk stabbiliti reċentement;
21. Jindika li r-riżorsi indipendenti li l-partiti politiċi Ewropej huma mitluba juru jistgħu jitnaqqsu għal 10% mill-baġit totali tagħhom, sabiex ikompli jiżdied l-iżvilupp tagħhom; fl-istess ħin, jemmen li r-riżorsi proprji tagħhom fil-forma ta' riżorsi fiżiċi m'għandhomx jaqbżu s-7.5% tal-baġit totali tagħhom,
22. Jinnota li, fil-każ tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, ir-reviżjoni tal-istrument legali għandha titqies bħala opportunità biex jitneħħa r-rekwiżit li jintwera li dawn għandhom ir-riżorsi tagħhom stess;
23. Jinnota li fil-kuntest ta' din ir-reviżjoni għandha titneħħa l-limitazzjoni imposta fuq il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li tirrikjedi minnhom li jużaw il-fondi tagħhom fl-Unjoni Ewropea; jinnota li dan jagħmilha possibbli għall-fondazzjonijiet li jkollhom rwol kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;
24. Jenfasizza, madankollu, li jekk ir-reġim tal-finanzjament isir iktar strett, dan għandu jiġi kontrobilanċjat billi jiġu stipulati sanzjonijiet fir-Regolament dwar il-Finanzjament fejn bħalissa huma nieqsa; iqis li dawn is-sanzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta' penalitajiet finanzjarji fil-każ ta' ksur tar-regoli li jikkonċerna, pereżempju, it-trasparenza tad-donazzjonijiet; jenfasizza l-bżonn li jiġu stipulati l-istess kundizzjonijiet li jirregolaw il-bini tar-riżervi mir-riżorsi proprji fuq il-limitu u t-trasferiment għas-sena ta' wara tal-fondi kemm għall-partiti politiċi Ewropej kif ukoll għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati tagħhom;
25. Jindika li mill-2008, il-partiti politiċi Ewropej huma intitolati jużaw somom riċevuti bħala għotjiet għall-“kampanji ta' finanzjament mwettqa (...) fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew” (l-Artikolu 8, it-tielet paragrafu, tar-Regolament dwar il-Finanzjament); jindika wkoll, madankollu, li huma pprojbiti milli jużaw dawn is-somom għall-finanzjament ta' “kampanji ta' referenda”; jemmen, madankollu, li jekk il-partiti politiċi Ewropej għandu jkollhom rwol fil-livell tal-UE, huma għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw f'dawn il-kampanji sakemm is-suġġett tar-referendum ikun marbut direttament ma' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-Unjoni Ewropea;
26. Jistieden lill-partiti politiċi Ewropej jibdew proċess ta' kunsiderazzjoni tat-termini għas-sħubija diretta tal-individwi u tal-arranġamenti adegwati għall-parteċipazzjoni diretta jew indiretta tal-individwi fl-attivitajiet interni u fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni tal-partiti;
o o o
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.