Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2278(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0072/2011

Testi mressqa :

A7-0072/2011

Dibattiti :

PV 06/04/2011 - 4
PV 06/04/2011 - 6
CRE 06/04/2011 - 4
CRE 06/04/2011 - 6

Votazzjonijiet :

PV 06/04/2011 - 8.19
CRE 06/04/2011 - 8.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0145

Testi adottati
PDF 351kWORD 130k
L-Erbgħa, 6 ta' April 2011 - Strasburgu
Suq Uniku għall-Ewropej
P7_TA(2011)0145A7-0072/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2011 dwar Suq Uniku għall-Ewropej (2010/2278(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif inhuma inkorporati fit-Trattati bl-Artikolu 6 tat-Trattat UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li “s-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat tal-UE, li jorbot l-Unjoni biex taħdem għal “ekonomija ta' suq soċjali kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta' mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità ta' l-ambjent”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistipula li, “[f]id-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li “[l]-ħtiġijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta' l-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li “[f]id-definizzjoni u l-implementazzjoni ta' politika u attivitajiet oħra ta' l-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll 26 tiegħu fuq is-servizzi ta' interess (ekonomiku) ġenerali,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna” (COM(2010)0608),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Aġenda taċ-ċittadin – il-kisba tar-riżultati għall-Ewropa” (COM(2006)0211),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0724) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppreżentat magħha bit-titolu “Is-Suq Uniku: reviżjoni tal-kisbiet” (SEC(2007)1521), ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Settembru 2007 dwar ir-reviżjoni tas-Suq Wieħed(1) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Ir-reviżjoni tas-Suq Uniku: sena wara” (SEC(2008)3064),

–  wara li kkunsidra il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0726) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Servizzi ta' interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid” (COM(2007)0725) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Settembru 2006 dwar il-White Paper tal-Kummissjoni dwar servizzi ta' interess ġenerali(2),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku(3) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta' direttivi li jolqtu s-suq intern(4),

–  wara li kkunsidra t-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Suq Intern ta' Lulju 2009 (SEC(2009)1007) u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2010(5) u tat-23 ta' Settembru 2008(6) dwar it-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Suq Intern,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur 2007-2013 – Aktar poteri lill-konsumaturi, tisħiħ tal-benesseri tagħhom, għal ħarsien effettiv tagħhom” u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur 2007-2013(7),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2009 bit-titolu “Il-monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumatur fis-suq waħdieni: It-tieni edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (COM(2009)0025) flimkien mad-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “It-tieni edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (SEC(2009)0076),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-2 ta' Lulju 2009 dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330) u r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (COM(2009)0336),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “In-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE” (COM(2009)0557),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Professur Mario Monti lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tas-Suq Uniku,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali(10);

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Żgħażagħ Mobbli” (COM(2010)0477),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(11),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE” (COM(2010)0603),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Sezzjoni għas-Suq Waħdieni, Produzzjoni u Konsum, dwar “Tfixkil għas-Suq Waħdieni Ewropew 2008”(12),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2008 tas-SOLVIT dwar l-iżvilupp u l-eżekuzzjoni tan-netwerk tas-SOLVIT (SEC(2009)0142), id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2008 dwar pjan ta' azzjoni dwar approċċ integrat għall-provvediment ta' servizzi ta' għajnuna fis-suq waħdieni liċ-ċittadin u n-negozju (SEC(2008)1882) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2010 dwar SOLVIT(13),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) No 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, li jimmira li joħloq qafas ġenerali ta' regoli u prinċipji fir-rigward tal-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq(14),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet(A7-0072/2011),

A.  billi Suq Uniku li jiffunzjona huwa l-forza ewlenija li se tippermetti lill-Unjoni Ewropea tilħaq l-potenzjal sħiħ tagħha fir-rigward tal-kompetittività, it-tkabbir intelliġenti, inklussiv u sostenibbli, il-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar, l-isforzi biex jinħolqu kundizzjonijiet pari għal kull tip ta' impriża, l-istabbiliment ta' drittijiet ugwali għaċ-ċittadini Ewropej kollha u t-tisħiħ ta' ekonomija ta' suq soċjali kompetittiva ħafna,

B.  billi l-Att dwar is-Suq Uniku jirrigwarda lill-Ewropej bħala parteċipanti attivi fl-ekonomija Ewropea,

C.  billi s-Suq Uniku ma jistax jitqies f'termini purament ekonomiċi, iżda għandu jitqies bħala inkorporat f'qafas legali usa' li jagħti drittijiet fundamentali speċifiċi liċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-ħaddiema, l-imprendituri u n-negozji, b'mod partikolari kull tip ta' negozji żgħar u n-negozji ta' daqs medju (SMEs),

D.  billi hemm wisq ostakli għaċ-ċittadini li jixtiequ jistudjaw jew jaħdmu fi Stat Membru ieħor jew jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor jew jixtru barra mill-fruntiera, u għall-SMEs li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor u jinnegozjaw barra mill-fruntieri; billi dawn l-ostakli jirriżultaw, fost oħrajn, minn liġijiet nazzjonali li mhumiex armonizzati biżżejjed, trasferabbiltà baxxa tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u burokrazija eċċessiva, li jxekklu l-moviment liberu tal-persuni, merkanzija, servizzi u kapital fi ħdan l-Unjoni,

E.  billi t-tlestija tas-suq uniku teħtieġ viżjoni olistika sabiex jissaħħaħ aktar l-iżvilupp tiegħu, kif jenfasizzaw ir-rapport Monti u r-riżoluzzjoni dwar ir-realizzazzjoni tas-Suq Uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini, li tinvolvi l-inklużjoni tal-politiki relevanti kollha f'objettiv strateġiku ta' suq uniku, li jħaddan mhux biss il-politika ta' kompetizzjoni, iżda wkoll, fost oħrajn, il-politiki dwar l-industrija, il-konsumatur, l-enerġija, it-trasport, dawk diġitali, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-kummerċ, dawk reġjonali, il-ġustizzja u ċ-ċittadinanza, sabiex jintħalaq livell għoli ta' integrazzjoni,

F.  billi s-Suq Uniku għandu joffri lill-konsumaturi Ewropej iktar għażla bi prezz aktar baxx, speċjalment għal dawk li jgħixu f'żoni inqas aċċessibbli, bħal gżejjer, reġjuni muntanjużi u reġjuni b'popolazzjoni żgħira, u dawk b'mobbiltà mnaqqsa,

G.  billi materjal ippubblikat mill-Kummissjoni pprintjat jew onlajn huwa ta' spiss jew astratt iżżejjed jew ikkomplikat iżżejjed biex verament jimpenja liċ-ċittadini u verament jilħaq udjenza wiesgħa,

H.  billi huwa importanti li l-Att tas-Suq Uniku ma għandux jikkonsisti minn għadd ta' miżuri iżolati, u li l-proposti kollha jridu jikkontribwixxu għall-ksib ta' objettiv koerenti,

Introduzzjoni

1.  Jilqa' l-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”, u b'mod partikolari l-Kapitolu II, “L-Ewropej fil-qalba tas-suq uniku sabiex terġa” tinkiseb il-fiduċja' li fih 19-il intizjattiva intiża għall-bżonnijiet taċ-ċittadini Ewropej;

2.  Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni huma ġeneralment konformi mal-aspettattivi tal-Parlament, iżda jeħtieġ jiġu msaħħa aktar biex iċ-ċittadini jkunu fiċ-ċentru tal-proġett tas-Suq Uniku;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-Komunikazzjoni nqasmet fi tliet kapitoli li jiffukaw fuq l-Ewropej, in-negozji u l-governanza, pjutost milli skont il-fil tas-suġġett; jindika li l-kompetittività tas-Suq Uniku u l-aċċettazzjoni tiegħu fost iċ-ċittadini ma għandhomx jitqiesu bħala kontradittorji, iżda bħala objettivi li jirrinforzaw b'mod reċiproku; iqis, madankollu, li t-tliet kapitoli tal-Komunikazzjoni huma tal-istess importanza u huma interkonnessi, u għandhom ikunu ttrattati permezz ta' approċċ konsistenti, fid-dawl tal-proposti magħmula u tħassib espress mill-partijiet interessati fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri;

4.  Jemmen b'mod qawwi li l-Att dwar is-Suq Uniku jeħtieġ li jikkostitwixxi pakkett koerenti u bbilanċjat ta' miżuri f'konformità mal-ispirtu tar-rapport Grech (A7-0132/2010) u r-rapport Monti, li jistabbilixxi l-pedament għal Ewropa ta' Valur Miżjud għaċ-ċittadini u għall-impriżi;

5.  Isostni li t-tnedija mill-ġdid u l-approfondiment tas-Suq Uniku huma essenzjali fil-kuntest tal-politiki tal-UE sabiex jiġu miġġielda l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, u bħala parti mill-istrateġija UE 2020;

6.  Huwa tal-fehma li l-Ewropej għadhom ma sfruttawx għalkollox il-potenzjal tas-Suq Uniku f'bosta oqsma, inkluż il-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija u s-servizzi u li jeħtieġ li jkun hemm inċentivi ġodda b'mod partikolari biex tiġi żgurata mobilità ġeografika effikaċi tax-xogħol madwar l-Ewropa kollha;

7.  Huwa tal-fehmai li l-istrateġija tas-Suq Uniku għandha ssaħħaħ l-benesseri soċjali, id-drittijiet tal-ħaddiema u tiżgura kundizzjonijiet ta' xogħol ġusti għall-Ewropej kollha;

8.  Jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li tibda, permezz tal-Att dwar is-Suq Uniku, dibattitu globali u prammatiku fl-Ewropa kollha dwar il-benefiċċji u l-ispejjeż tas-suq intern u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tas-suq intern li jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq iċ-ċittadini;

9.  Jaqbel mal-konvinzjoni li t-twettiq sħiħ tas-Suq Uniku Ewropew għandu jifforma l-bażi tal-ikkompletar tal-proċess tal-integrazzjoni politika u ekonomika;

10.  Jenfasizza b'mod partikolari l-impenn tal-Kummissjoni, f'din il-Komunikazzjoni, biex jiġu promossi approċċi ġodda lejn żvilupp sostenibbli;

11.  Jenfasizza li mhijiex biss il-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku li hija implimentata u applikata b'mod batut mill-Istati Membri, iżda wkoll leġiżlazzjoni oħra li taffettwa d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej u residenti legali oħrajn; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni aħjar b'mod partikolari tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu (2004/38/KE);

12.  Iqis li l-isforzi sabiex jitlesta s-Suq Uniku għandhom jikkonċentraw fuq it-tħassib u d-drittijiet taċ-ċittadini, il-konsumaturi, l-utenti tas-servizzi pubbliċi u n-negozji u jagħtuhom benefiċċji tanġibbli sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja sħiħa tagħhom fis-Suq Uniku u jsiru aktar konxji mill-opportunitajiet li dan joffri;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membru u l-Kummissjoni jingħaqdu flimkien ħalli jwasslu liċ-ċittadini l-azzjonijiet tal-komunikazzjoni dwar is-Suq Uniku u ħalli jiżguraw li l-benefiċċji tiegħu jkunu magħrufa u li d-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi jkunu mifhuma u infurzati sew u kullimkien; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal strateġiji ta' komunikazzjoni itjeb li verament jinvolvu l-interess tal-maġġoranza taċ-ċittadini u għall-użu estensiv u immaġinattiv tat-teknoloġiji moderni;

14.  Jenfasizza li s-Suq Uniku għall-Ewropej huwa primarjament dwar l-impjiegi u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda u li huwa vitali li jinħoloq ambjent li fih in-negozji u ċ-ċittadini jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom;

15.  Jenfasizza li s-Suq Uniku joffri potenzjal kbir f'dawk li huma impjiegi, tkabbir u kompetittività u li għandhom jiġu adottati politiki strutturali b'saħħithom biex dan il-potenzjal jiġi sfruttat għalkollox;

16.  Jenfasizza li l-isfidi demografiċi jirrikjedu strateġija li tgħin il-ħolqien ta' impjiegi li jimlew il-vojt li hemm fis-suq tax-xogħol tal-UE;

17.  Itenni l-opinjoni espressa fir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-Suq Uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini li l-Kummissjoni messha tippromwovi leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku li tkun “faċli għall-konsumatur”, sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumatur jitqiesu bis-sħiħ fil-funzjonament tas-Suq Uniku;

18.  Jirrimarka li l-fiduċja taċ-ċittadini u tal-konsumaturi hija kruċjali għall-funzjonament tas-Suq Uniku u din il-fiduċja wieħed ma jistax tagħmilha fatta u għandha tiġi inkoraġġuta; iqis, b'mod partikolari, li sabiex jirrealizzaw il-wegħdiet tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jiżguraw li l-qafas attwali tas-Suq Uniku jopera fil-kapaċità sħiħa tiegħu; jenfasizza li l-fiduċja taċ-ċittadini hija indispensabbli għat-tlestija b'suċċess tas-Suq Uniku daqs kemm hu ambjent favorevoli għall-impriżi; jemmen li l-integrazzjoni ekonomika għandha sseħħ flimkien ma' miżuri soċjali, ambjentali u miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi adegwati, biex jinkisbu ż-żewġ objettivi;

19.  Iqis barra minn hekk, li dwar il-kwistjoni tal-valur miżjud li jiksbu ċ-ċittadini Ewropej, il-proposti għas-Suq Uniku jridu jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà, is-sovranità tal-Istati Membri u jippromwovu skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

20.  Jenfasizza n-nuqqas ta' komunikazzjoni diretta maċ-ċittadini u jqis li r-rappreżentanzi tal-UE fl-Istati Membri għandhom jingħataw il-mandat li jwieġbu immedjatament għar-rapporti negattivi u qarrieqa li jidhru fil-midja billi jippreżentaw il-fatti, u għandhom jagħmlu aktar sforzi biex jipprovdu informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni, il-proġetti u l-programmi Ewropej, biex b'hekk ikunu qed jippromwovu wkoll dibattitu infurmat dwar kwistjonijiet Ewropej; jesprimi ruħu, barra minn hekk, favur l-użu estensiv u immaġinattiv tat-teknoloġija moderna, inkluż il-logħob tar-rwol tal-vidjo fejn iż-żgħażagħ jistgħu jilagħbu b'mod kompetittiv fil-livell Ewropew (e.g. bħala parti minn kompetizzjoni tal-UE għall-iskejjel), filwaqt li fl-istess ħin jitgħallmu u jinfurmaw ruħhom dwar kif jaħdmu l-ekonomija u l-UE;

21.  Jindika li l-effikaċja u l-leġittimità demokratika tal-UE mkabbra jistgħu u għandhom ikunu mtejba, ladarba l-appoġġ taċ-ċittadini Ewropej għall-UE jidher ċar li qed jonqos; huwa tal-opinjoni li ftit wisq żmien u sforz qed jingħata jew li qed jintuża metodu ħażin biex il-poplu Ewropew jinġieb flimkien, li għandu jkun il-qofol tax-xogħol tal-UE; jitlob, għaldaqstant, li ssir aktar ħidma mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jinħoloq appoġġ għall-UE u biex il-poplu Ewropew isir konvint mill-importanza tal-valuri tal-UE u l-utilità u l-benefiċċji tal-UE;

22.  Iqis il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata essenzjali għall-funzjonament xieraq tas-suq intern u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu l-ħidma tagħhom f'dan il-qasam, filwaqt li jużaw l-istrumenti disponibbli kollha, inkluż il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-għanijiet tal-Programm ta' Stokkolma, b'mod partikulari l-fruntieri miftuħa u l-moviment liberu tal-merkanzija, kapital, servizzi u persuni, fit-tfassil tal-Att dwar is-Suq Uniku;

24.  Jafferma li l-Istati Membri għandhom id-dmir li jadottaw u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-suq intern u dwar id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej relatati miegħu;

25.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tas-Suq Uniku għandha tipproċedi b'rispett sħiħ għad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni, kif jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

26.  Jemmen li l-proċess tal-petizzjonijiet jista' jagħti kontribut pożittiv fl-għajnuna liċ-ċittadini biex jieħdu vantaġġ mis-suq intern;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta immedjatament “Karta taċ-Ċittadini” ċara dwar id-dritt li persuna tgħix u taħdem kullimkien fl-UE u tiżviluppa informazzjoni mmirata u multilingwi dwar il-problemi kwotidjani li ċ-ċittadini jiltaqgħu magħhom meta jiċċaqilqu, jixtru jew ibigħu fl-Ewropa u dwar l-istandards soċjali, tas-saħħa, tal-ħarsien tal-konsumaturi u tal-protezzjoni tal-ambjent li fuqhom jistgħu jserrħu;

28.  Iqis li d-19-il azzjoni li ġew proposti mill-Kummissjoni għandhom ikunu pprijoritizzati skont l-impatt tagħhom fuq il-ħolqien tal-impjiegi u r-realizzazzjoni tal-benefiċċji tanġibbli tagħhom kif ukoll il-fattibbiltà tagħhom għaċ-ċittadini f'perjodu realistiku ta' żmien;

29.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-ekonomija soċjali, huwa talab għal aktar rikonoxximent tal-impriżi tal-ekonomija soċjali, inkluża l-integrazzjoni ġeneralizzata tal-kunċett fil-politiki tal-UE, djalogu intensifikat mar-rappreżentanti tal-ekonomija soċjali, miżuri ta' appoġġ għan-negozji aħjar u rikonoxximent fil-kuntest tad-djalogu soċjali; ifakkar li fl-istess riżoluzzjoni, huwa talab li r-reġistri nazzjonali jqisu l-impriżi tal-ekonomija soċjali u talab statistika speċifika dwar l-attivitajiet tal-impriżi tal-ekonomija soċjali;

30.  Jitlob li titnieda kompetizzjoni Ewropea fuq it-televixin għan-negozju Ewropew transkonfinali tas-sena biex jiftaħ għajnejn il-poplu għall-opportunitajiet u l-benefiċċji tas-Suq Uniku u għall-potenzjal taż-żgħażagħ b'ideat; iqis li l-attrazzjoni li tara nies minn partijiet differenti tal-Ewropa jinġabru flimkien u jiżviluppaw pjan ta' negozju, jiġbru l-fondi u jibdew xi ħaġa pożittiva flimkien tgħin biex tippromwovi l-idea tal-Ewropa u s-Suq Uniku u l-idea ta' intraprenditorjat; jemmen ukoll li bin-negozju rebbieħ segwit matul is-sena – bl-attenzjoni mitfugħa wkoll fuq l-impjegati tiegħu u l-ħbieb u l-familji tagħhom – jistgħu jiġu enfasizzati l-benefiċċji, in-nuqqasijiet tas-Suq Uniku, u r-rimedji għal dawn in-nuqqasijiet, sabiex in-nies isiru konxji ta' x'inhi verament l-Ewropa, ukoll f'termini umani;

31.  Ifakkar il-bżonn li titqies, taħt il-politiki integrati tal-UE, is-sitwazzjoni tar-reġjuni b'karatteristiċi territorjali speċifiċi, b'mod partikolari r-reġjuni l-aktar il-bogħod kif definiti fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ħalli dawn ir-reġjuni u l-impriżi, il-forza tax-xogħol u ċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jiġu integrati kompletament fis-suq intern tal-UE u b'hekk igawdu bis-sħiħ minnhu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm u tiżviluppa aktar id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal dawn ir-reġjuni; ifakkar il-ħtieġa li jitwaqqaf il-Pjan ta' Azzjoni tal-Viċinat Ewropew usa“, imsemmi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2004)0343, flimkien mal-integrazzjoni fis-Suq Uniku; jitlob, fl-aħħarnett, li l-proposti tal-kapitolu bit-titolu ”Tisħiħ tas-solidarjetà fis-suq uniku' jiġu elaborati u jissaħħu u, b'mod partikolari, li jitqies b'mod xieraq l-impatt tas-Suq Uniku fir-reġjuni l-iktar żvantaġġati, sabiex jiġu antiċipati u appoġġjati l-isforzi ta' adattament ta' dawn ir-reġjuni;

Valutazzjoni ġenerali

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti ħalli tinkoraġġixxi l-mobbiltà taċ-ċittadini sabiex jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, u jitlob li tiġi stabbilita “tabella tal-valutazzjoni” biex tiġi mkejla l-mobbiltà ġo l-UE; f'dan ir-rigward, jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, l-inizjattiva “Żgħażagħ Mobbli”, il-“Passaport Ewropew ta' Ħiliet”, il-proposta dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, l-inizjattiva dwar l-aċċess għal ċerti servizzi bankarji bażiċi u l-inizjattiva proposta biex jittejbu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-ispejjeż bankarji; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, twettaq analiżi kost-benefiċċju u tfittex sinerġiji bejn l-inizjattivi msemmija hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni żżid u twessa' l-parteċipazzjoni fil-programmi ta' mobbiltà, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u tagħti dawn il-programmi aktar viżibbiltà;

33.  Jinnota li kwistjonijiet marbuta mas-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq huma tal-akbar importanza għaċ-ċittadini Ewropej; Jilqa“, għalhekk, il-pjan ta' azzjoni multiannwali tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tas-sorveljanza tas-suq Ewropew ibbażat fuq linji gwida għall-kontroll doganali u għas-sikurezza tal-prodotti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' sorveljanza tas-Suq Uniku għall-prodotti kollha, ibbażata fuq att leġiżlattiv wieħed li jkopri kemm id-direttiva dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti u r-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq; jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol aktar attiv fil-koordinazzjoni u l-qsim tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet nazzjonali doganali u tas-sorveljanza tas-suq ħalli tiżdied l-effikaċja tal-kontrolli fuq il-fruntiera fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jużaw ir-riżorsi li hemm bżonn għall-effettività tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri li għadhom jimponu restrizzjonijiet fuq is-swieq tax-xogħol tagħhom jeżaminaw mill-ġdid id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tagħhom sabiex jiftħu s-swieq tax-xogħol tagħhom għall-ħaddiema Ewropej kollha;

35.  Iqis li influss ta' migranti b'livell għoli ta' kwalifiki u ħaddiema tal-istaġun ikun ta' benefiċċju għall-ekonomija Ewropea; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex b'mod rapidu jneħħu r-restrizzjonijiet fis-seħħ fis-swieq tax-xogħol tagħhom għaċ-ċittadini tal-UE kollha; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-politika dwar l-immigrazzjoni rigward dawk il-gruppi, filwaqt li żżomm f'moħħha l-ħtieġa li l-pajjiżi ta' oriġini ma pprivati mir-riżorsi umani vitali tagħhom, u fl-istess ħin ittejjeb il-miżuri relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali;

36.  Itenni li l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni fi ħdan is-suq intern jelimina r-rekwiżit impost fuq iċ-ċittadini ta' Stat Membru ieħor biex jipprovdu dokumenti oriġinali, kopji ċċertifikati, ċertifikat tan-nazzjonalità jew traduzzjonijiet uffiċjali ta' dokumenti sabiex ikunu jistgħu jiksbu servizz jew termini jew prezzijiet iktar vantaġġjużi;

37.  Huwa tal-fehma li d-Direttiva dwar is-Servizzi toħloq qafas fundamentali għal livell ogħla ta' moviment liberu għall-fornituri tas-servizzi, kif ukoll timmira biex issaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi bħal r-riċevituri tas-servizzi u ssaħħaħ id-disponibbiltà tal-informazzjoni, l-assistenza u t-trasparenza rigward il-fornituri ta' servizz u s-servizzi tagħhom;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti prattiċi biex il-ħarsien tal-konsumaturi minn prattiki kummerċjali żleali jiġi estiż għal negozji żgħar;

39.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tipproponi inizjattiva leġiżlattiva ħalli tiġi riformata s-sistema għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-acquis u tippubblika Green Paper sa Settembru 2011 jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li tiġi garantita t-trasferibbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki tagħhom dwar il-pensjonijiet b'mod aktar effikaċi u jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew;

40.  Jitlob li tipi stabbilita rabta aktar ċara bejn il-programmi ta' edukazzjoni sekondarja u ta' edukazzjoni għolja u l-bżonnnijiet tas-suq tal-impjiegi u jenfasizza r-rwol importanti tal-apprendistati; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi tagħlim formali u informali; jemmen li t-tesseri professjonali jistgħu jkunu miżura konkreta biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-professjonisti fis-Suq Uniku, tal-anqas f'ċerti setturi; iħeġġeġ lil-Kummissjoni, qabel ir-rieżami tagħha, biex twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-introduzzjoni tat-tesseri professjonali Ewropej, billi tikkunsidra l-benefiċċji, il-valur miżjud, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u l-ispejjeż tagħhom;

41.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tagħti appoġġ finanzjarju għal skambju tal-ħiliet Ewropej li bih l-impriżi żgħar u ta' daqs medju jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ħiliet disponibbli f'impriżi akbar, biex b'hekk jiġu promossi s-sinerġiji u l-iggwidar;

42.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta Komunikazzjoni dwar prijoritajiet tal-enerġija għall-perjodu 2020-2030; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-konnessjonijiet ta' infrastruttura neqsin u tiffaċilita l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiġi żviluppat suq intern tal-enerġija li jkun operattiv b'mod sħiħ;

43.  Jilqa' t-tħabbir ta' inizjattiva leġiżlattiva dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (96/71/KE) bil-għan li jiġi garantit ir-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati u biex jiġu kkjarifikati l-obbligi tal-awtoritajiet u n-negozji nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri kollha jirrimedjaw in-nuqqasijiet li hemm fl-implimentazzjoni u l-infurzar tad-direttiva;

44.  Jilqa' l-miżura mħabbra mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat l-aċċess għal ċerti servizzi bankarji bażiċi; jinnota li miżuri ta' skrutinju applikati għall-konsumaturi li huma kkunsidrati li jirrappreżentaw riskji ogħla għall-banek għandhom ikunu oġġettivament iġġustifikati u proporzjonati; jilqa' l-inizjattiva proposta biex jitjiebu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-ispejjeż bankarji;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-programm tagħha inizjattivi ta' servizzi finanzjarji ewlenin (eż. iż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) u ċertezza legali ikbar fir-rigward tal-holdings ta' titoli) li huma ta' rilevanza kbira għas-Suq Uniku; jenfasizza li sistema ta' ħlasijiet frammentata hija ostaklu għall-kummerċ transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb is-sistema SEPA sabiex tiddefinixxi servizzi ta' ħlas bażiku disponibbli għall-kards ta' kreditu kollha, li jżidu t-trasparenza fl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u jnaqqsu t-tariffi għal skambji fl-UE;

46.  Jitlob miżuri ħalli jinħoloq qafas legali xieraq għall-fondazzjonijiet, soċjetajiet mutwi u assoċjazzjonijiet ħalli jingħatalhom status Ewropew, tiġi evitata l-inċertezza legali u jiġu promossi impriżi tal-ekonomija soċjali oħra u proġetti soċjali oħra; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 1435/2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea u jitlob, bħala parti ta' din ir-reviżjoni, il-ħolqien ta' Statut verament awtonomu; jenfasizza l-bżonn li jitjib l-aċċess transkonfinali għall-impriżi tal-ekonomija soċjali u li jiġi massimizzat il-potenzjal intraprenditorju, soċjali, kulturali u innovattiv tagħhom fis-Suq Uniku;

47.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-impatt soċjali tal-leġiżlazzjoni proposta dwar is-Suq Uniku kull meta jkun hemm bżonn sabiex tasal għal deċiżjonijiet politiċi informati aħjar u aktar ibbażati fuq l-evidenza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi sett ta' indikaturi li jistgħu jintużaw għall-valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-leġiżlazzjoni; iqis li din il-valutazzjoni tal-impatt għandha titwettaq bħala parti minn valutazzjoni integrata li tqis l-impatti relevanti kollha ta' proposta (jiġifieri finanzjarji u ambjentali u fuq il-kompetittività, il-ħolqien ta' impjiegi u t-tkabbir);

48.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-varar mill-ġdid ta' suq uniku iktar kompetittiv maħsub biex joħloq tkabbir sostenibbli bi tkattir u titjib tal-impjiegi, tiżgura li d-drittijiet soċjali rikonoxxuti mit-Trattati jiġu rrispettati; huwa tal-fehma li, għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tinkludi riferiment għall-politiki u d-drittijiet soċjali fil-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku, meta dan ikun ġustifikat fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-leġiżlazzjoni proposta; jenfasizza, barra minn hekk, li fejn dan ikun rilevanti, fil-leġiżlazzjoni ġdida dwar is-Suq Uniku għandhom jitqiesu l-Artikoli 8 u 9 l-ġodda tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li lill-Ewropej tagħtihom firxa ta' drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll id-dritt li jinnegozjaw, jikkonkludu u jinfurzaw ftehimiet kollettivi skont il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali u bir-rispett dovut għal-liġi tal-UE;

49.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta leġiżlattiva fuq is-self b'ipoteka ħalli tindirizza n-nuqqas attwali ta' protezzjoni tal-konsumatur, l-inċertezza legali fir-rigward tas-self b'ipoteka u l-komparabbiltà insuffiċjenti tal-kundizzjonijiet u l-għażliet offruti mill-provdituri tas-self b'ipoteka, tiggarantixxi l-istabbiltà tas-sistema ekonomika u finanzjarja u tnaqqas l-ostakli sabiex il-provdituri tas-self b'ipoteka jkunu jistgħu jinnegozjaw fi Stat Membru ieħor u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu ipoteka fi Stat Membru ieħor;

50.  Jiddeplora l-fatt li mhija prevista l-ebda azzjoni dwar it-tariffi tar-roaming fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, minkejja n-natura tanġibbli ta' tali miżuri u l-aspettattivi għolja taċ-ċittadini f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi estensjoni tar-Regolament tar-Roaming eżistenti fiż-żmien - sa Ġunju 2015 - u fl-ambitu, biex jiddaħħlu limiti fuq il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tar-roaming tad-dejta; huwa tal-opinjoni li, biex jinkisbu miri għall-aġenda diġitali, din l-inizjattiva għandha tkun inkluża fl-ambitu tal-Att dwar is-Suq Uniku; jistieden is-settur tat-telekomunikazzjoni jippromwovi mudell ta' impriża bbażat fuq tariffi b'rata fissa għat-trażmissjoni tad-dejta, il-messaġġi vokali u l-SMS b'roaming ġo l-UE;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri urġenti biex tistabbilizza s-swieq finanzjarji, tiżgura li dawk is-swieq jaħdmu għall-benefiċċju tal-ekonomija reali u toħloq suq uniku ta' bejgħ bl-imnut irregolat u sorveljat kif jixraq, bl-għan doppju li jikseb livell għoli ta' ħarsien tal-konsumaturi u li jiżgura l-istabilità finanzjarja billi jevita l-bżieżaq finanzjarji, b'mod partikulari fir-rigward tal-proprjetà immobbli;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u telimina l-ostakli fiskali li għadhom jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej; jitlob li tittieħed azzjoni aktar b'saħħitha biex tiġi impedita t-tassazzjoni doppja taċ-ċittadini Ewropej;

53.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-governanza korporattiva u t-titjib tat-trasparenza tal-informazzjoni pprovduta min-negozji fuq kwistjonijiet soċjali u ambjentali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, iżda jenfasizza l-importanza li jittieħdu aktar passi speċifiċi biex jiġu promossi politiki ta' rimunerazzjoni sodi u responsabbli, parteċipazzjoni xierqa tan-nisa fil-bordijiet maniġerjali u l-bordijiet eżekuttivi, il-valorizzazzjoni tal-impenn fit-tul tal-azzjonisti u t-tisħiħ tal-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati kif ukoll l-iskemi tal-ishma; jitlob, b'mod partikolari, il-promozzjoni tal-iskemi fejn l-impjegati jkunu azzjonisti, it-tisħiħ tal-impenn tal-azzjonisti għal żmien twil u l-promozzjoni tad-drittijiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-impjegati u tar-rappreżentanti tagħhom, flimkien mad-drittijiet għall-parteċipazzjoni fil-bordijiet; jenfasizza li trasparenza akbar, relazzjonijiet tajba mal-persunal, u proċessi tal-produzzjoni konformi mal-iżvilupp sostenibbli wkoll huma fl-interess tan-negozji, is-sidien tagħhom u ta' dawk li jinvestu fihom;

54.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva tan-negozju soċjali u jirrakkomanda t-tnedija ta' proċess ta' konsultazzjoni dwar dan il-proġett sabiex jiġi vvalutat il-potenzjal ta' din il-miżura f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi;

55.  Iqis li l-Att dwar is-Suq Uniku għandu jipproponi modi ta' kif is-settur pubbliku jista' jinvolvi aktar n-negozji fil-promozzjoni ta' arranġamenti innovattivi għal-forniment tas-servizzi publiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, abbażi tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jiżguraw li servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI), inklużi servizzi soċjali ta' interess ġenerali (SSGI), jiġu żgurati fil-kuntest ta' regoli ta' finanzjament b'aċċess universali, ta' kwalità għolja, bi spejjeż raġonevoli u ċari billi jipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi b'“sett ta' strumenti” biex tiġi evalwata l-kwalità ta' servizzi bħal dawn; jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi skont is-settur billi tagħmel użu mill-għażliet kollha disponibbli, abbażi ta' u f'konformità mal-Artikolu 14 tal-Protokoll 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex tiżgura li s-SGEI u s-SSGI jistgħu jiġu pprovduti f'livell adegwat, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE billi tikkjarifika l-kriterji li jirregolaw il-kompatibilità tal-għajnuna tal-istat u l-akkwist pubbliku fir-rigward tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (SSGI) mas-suq intern;

57.  Jitlob li jintużaw b'mod strateġiku u xieraq ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni u li jiġu estiżi n-Netwerks Trans-Ewropej bil-ħsieb li jiġi żviluppat is-Suq Uniku;

58.  Jiġbed b'mod partikolari l-attenzjoni għall-valur miżjud tan-netwerk TEN-T, speċjalment għal dawk il-proġetti li huma min-natura tagħhom stess transnazzjonali u li jwaqqfu l-blokki: jirrimarka li t-TEN-T jipprovdi qafas effikaċi għall-moviment tal-persuni u l-prodotti ġo l-UE, u jinnota li l-Istrateġija tal-Ewropa 2020 tirrikonoxxi l-valur miżjud tat-tħaffif ta' proġetti strateġiċi li jaqsmu l-fruntieri, jneħħu l-blokki u jappoġġaw il-punti ta' konġunzjoni intermodali (bliet, portijiet, ajruporti u pjattaformi loġistiċi);

59.  Jappoġġa l-kunċett ta' network ċentrali li jikkonsisti fi proġetti ta' prijorità li jżommu ma' dawn il-prinċipji, li għandhom imbagħad ikunu l-benefiċjarji prinċipali tal-finanzjament tal-UE, u jitlob li l-investiment tat-trasport appoġġat mill-UE jkun ikkoordinat ma' proġetti ta' infrastruttura tat-trasport relatati oħra li jirċievu finanzjament tal-UE minn sorsi oħra;

60.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' drittijiet reali għall-passiġġieri li qed jivvjaġġaw fl-UE fis-setturi tal-avjazzjoni, ferrovjarju, marittimu u t-trasport bil-kowċ u x-xarabank, u jirrikonoxxi li dawn id-drittijiet huma essenzjali biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni fi ħdan is-Suq Uniku;

61.  Jitlob rieżami tal-infurzar ta' dawk id-drittijiet fis-settur tal-avjazzjoni, li għandu jiġi segwit, jekk neċessarju, bi proposti leġiżlattivi biex jiġu ċċarati u kkonsolidati dawk id-drittijiet ħalli tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Unjoni Ewropea kollha u jiġi eliminat ir-riskju ta´ distorsjoni ta´ kompetizzjoni fis-Suq Uniku kemm fl-istess mezz tat-trasport kif ukoll bejn mezzi differenti tat-trasport; jitlob li dawn il-proposti jkunu jinkludu protezzjoni adegwata għall-konsumaturi f´oqsma bħal vjaġġi b'kollox inkluż, fallimenti u tariff eċċessivi għal servizzi;

62.  Jindika li l-qafas leġiżlattiv eżistenti li jirregola d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru jeħtieġ miżuri aħjar ta' infurzar, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom, b'mod partikolari fil-kuntest tal-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa (PRM); jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta li temena r-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, u komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jużaw il-mezzi kollha tat-trasport, li għandhom jiġu segwiti bi proposti leġiżlattivi;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-esperjenza miksuba s'issa fil-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri, tidentifika elementi komuni bejn il-mezzi u tistabbilixxi linji gwida ta' politika ġenerali għas-snin li ġejjin, billi tiffoka b´mod partikolari fuq kif iżżid l-għarfien tal-passiġġieri tad-drittijiet tagħhom u kif jeżerċitawhom;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta´ teknoloġiji ġodda f´sistema ta' trasport effikaċi, intelliġenti u sostenibbli li tgħin lill-passiġġier billi tappoġġa l-użu ta' sistema ta' xiri ta´ biljetti integrata;

65.  Jenfasizza l-bżonn li jitlesta s-Suq Uniku Diġitali, u jinnota li l-benefiċċji tiegħu se jkollhom impatt dirett fuq il-ħajja ta' kuljum tal-Ewropej; jitlob miżuri li jippromwovu s-saħħa-e u l-aċċess universali għas-servizzi broadband bi prezzijiet raġonevoli; jilqa' l-proposta għal deċiżjoni li tistabbilixxi Programm ta' Azzjoni dwar l-Ispettru tar-Radju Ewropew, b'mod partikolari l-liberazzjoni tal-medda tad-dividend diġitali tat-800 MHz sal-2013 sabiex is-suq tal-broadband bla fili jkun jista' jikber u jiġi żgurat aċċess rapidu għall-internet għaċ-ċittadini kollha, partikolarment dawk li jgħixu f´partijiet anqas aċċessibbli tal-Ewropa, bħal gżejjer, żoni muntanjużi, rurali u żoni ftit li xejn popolati;

66.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni dwar direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni (COM(2008)0426) mhux mil-lat tal-ispejjeż biss, iżda wkoll mil-lat tal-benefiċċji potenzjali fejn il-persuni li preċedentement ma kinux iħossuhom sikuri f'ċerti oqsma jibda jkollhom aċċess għal servizzi hemmhekk;

67.  Jappoġġa bil-qawwa l-“25 azzjoni sabiex tittejjeb il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE” li hemm fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (COM(2010)0603), b'mod partikolari dawk relatati mat-titjib tal-protezzjoni tal-vittmi, il-persuni suspettati u dawk akkużati;

68.  Jilqa' d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali u jistieden lill-Istati Membri jimplimentawha b'mod sħiħ;

Prijoritajiet Ewlenin

69.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tapprova l-lista ta' proposti li ġejjin bħala prijoritajiet ewlenin tal-Parlament:

o
o   o

   - Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex iżżid il-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari billi tippubblika Green Paper dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali sa Settembru 2011, flimkien ma' valutazzjoni tal-qafas eżistenti u, jekk ikun xieraq, tipproponi inizjattiva leġiżlattiva biex jiġi riformat dan il-qafas fl-2012, filwaqt li fl-istess ħin tivvaluta l-fattibilità u l-valur miżjud tat-tesseri professjonali u l-“Passaport Ewropew ta' Ħiliet” fl-2011 fl-UE kollha kemm hi u l-istabbiliment ta' “tabella tal-valutazzjoni” biex titkejjel il-mobbiltà ġo l-UE;
   - Jistieden lill-Kummissjoni jkollha rwol aktar attiv fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq nazzjonali u l-awtoritajiet doganali, sabiex ittejjeb l-effikaċja tal-kontrolli fuq il-fruntiera fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi, u tabozza fl-2011 pjan ta' azzjoni multiannwali għall-iżvilupp ta' sistema effikaċi tas-sorveljanza tas-suq Ewropew għall-prodotti kollha, filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri flessibbiltà fit-twettiq tal-obbligi legali tagħhom;
   - Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi estensjoni tar-Regolament tar-Roaming eżistenti fiż-żmien - sa Ġunju 2015 - u fl-ambitu, biex jiddaħħlu limiti fuq il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tar-roaming tad-data biex jitnaqqsu l-ispejjeż tar-roaming għall-membri tal-pubbliku u n-negozji;
   - Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta sa Ġunju 2011 proposta leġiżlattiva dwar l-iżgurar ta' aċċess għal ċerti servizzi bankarji bażiċi u ttejjeb it-trasparenza u l-komparabilità tal-ispejjeż bankarji sal-aħħar tal-2011;
   - Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva sabiex jitneħħew l-ostakli li jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema mobbli sabiex tiġi żgurata it-trasferibbiltà sħiħa tad-drittijiet tal-pensjoni;

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 80.
(2) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 277
(3) ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.
(4) ĠU L 98, 16.4.2005, p. 47.
(5) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 25.
(6) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 7.
(7) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 17.
(8) ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 1.
(9) Testi adottati, P7_TA(2010)0186.
(10) Testi adottati, P7_TA(2010)0376.
(11) Testi adottati, P7_TA(2010)0320.
(12) http://www.eesc.europa.eu/smo/news/Obstacles_December-2008.pdf.
(13) ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 10.
(14) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

Avviż legali - Politika tal-privatezza