Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2011 dwar Suq Uniku għall-Impriżi u t-Tkabbir (2010/2277(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin” (COM(2010)0608),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini(1),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Professur Monti tad-9 ta' Mejju 2010 bl-isem “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku”,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Ewropa 2020 – strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'” COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0543),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),
– wara li kkunsidra dokument bl-isem “Report on Evaluation of SME's access to public procurement markets in the EU”(2) (Rapport dwar l-Evalwazzjoni tal-aċċess tal-SMEs għas-suq tal-akkwist pubbliku fl-UE),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Dwar in-negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum fl-UE” (COM(2009)0557),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar” (COM(2008)0400),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir – Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (COM(2008)0394),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0724) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li akkumpanjaha “The Single Market: review of achievements” (Is-Suq Uniku: ħarsa lejn il-kisbiet) (SEC(2007)1521),
– wra li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-seklu 21” (COM(2007)0726),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar “l-applikazzjoni tal-liġ Komunitarja dwar l-appalti pubbliċi u l-konċessjonijiet lil sħubijiet pubbliċi-privati istituzzjonalizzati (PPPI)” (C(2007)6661),
– wara li kkunsirda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Wasal iż-żmien li ningranaw. Is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi” (COM(2006)0030),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Att dwar is-Suq Uniku tal-10 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar żviluppi ġodda fl-akkwisti pubbliċi(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-9 ta' Marzu 2010 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar l-akkwist pubbliku prekummerċjali: inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta' kwalità għolja fl-Ewropa(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2006 dwar “Wasal iż-żmien li ningranaw - noħolqu Ewropa ta' imprenditorija u tkabbir”(8),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-imodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011)0015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumiatt għal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0071/2011),
A. billi suq uniku bbażat fuq kompetizzjoni ħielsa u ġusta hu l-għan kruċjali tar-riforma ekonomika tal-UE u jirrappreżenta vantaġġ kompetittiv ewlieni għall-Ewropa fl-ekonomija globali,
B. billi wieħed mill-vantaġġi l-kbar tas-suq intern kien it-tneħħija tal-ostakoli għall-mobilità u l-armonizzazzjoni tar-regolamenti istituzzjonali, filwaqt li rawwem il-fehim kulturali, l-integrazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u s-solidarjetà Ewropea,
C. billi huwa importanti li l-kunfidenza fis-Suq Uniku tiżdied fil-livelli kollha u li jitneħħew l-ostakoli eżistenti għall-impriżi li jkunu deħlin fin-negozju; billi l-piżijiet amministrattivi tqal jiskoraġġixxu lill-intraprendituri ġodda,
D. billi huwa importanti li l-Att tas-Suq Uniku ma jikkonsistix minn sensiela ta' miżuri iżolati minn xulxin, u li l-proposti kollha jingħaqdu flimkien biex jintlaħaq objettiv koerenti,
E. billi l-impriżi kollha huma milquta mill-frammentazzjoni tas-suq, imma l-SMEs huma partikolarment vulnerabbli għall-problemi li joħorġu minnha,
F. billi hemm perċezzjoni frekwenti li s-Suq Uniku sal-lum l-aktar li gawdew minnu kienu l-impriżi l-kbar, minkejja li l-SMEs huma l-mutur tat-tkabbir tal-UE,
G. billi n-nuqqas ta' innovazzjoni fl-UE huwa fattur ewlieni għar-rati baxxi ta' tkabbir ta' dawn l-aħħar snin; billi l-innovazzjoni tat-teknoloġiji ħodor jipprovdu opportunità għar-rikonċiljazzjoni tat-tkabbir fit-tul mal-ħarsien ambjentali,
H. billi, biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija UE 2020, jeħtieġ li s-Suq Uniku jipprovdi l-kundizzjonijiet għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv; billi s-Suq Uniku għandu jsir ambjent aħjar għall-innovazzjoni u r-riċerka min-naħa ta' impriżi tal-UE,
I. billi l-politika ta' kompetizzjoni hija għodda essenzjali biex tiżgura li l-UE jkollha suq intern dinamiku, effiċjenti u innovattiv u biex tkun kompetittiva fix-xena globali,
J. billi l-kapital ta' riskju huwa għajn importanti ta' finanzjament għal negozji ġodda u innovattivi; billi l-fondi tal-kapital ta' riskju li jkunu jridu jinvestu fi Stati Membri differenti tal-UE jiltaqgħu ma' ostakoli,
K. billi l-iżvilupp u l-użu aktar mifrux tal-ICT min-naħa ta' impriżi tal-UE huma essenzjali għat-tkabbir tagħna fil-ġejjieni,
L. billi l-kummerċ elettroniku u s-servizzi elettroniċi, inklużi s-servizzi tal-gvern elettroniċi u s-Saħħa elettronika, għadhom sottosviluppati fil-livell tal-UE,
M. billi s-settur postali u l-promozzjoni tal-interoperabbiltà u l-kooperazzjoni fost is-sistemi u s-servizzi postali jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transkonfinali,
N. billi jeżistu ostakli regolatorji għal-liċenzjar effiċjenti tad-drittijiet tal-awtur li jwasslu għal livell għoli ta' frammentazzjoni fis-suq tal-prodotti awdjoviżivi, li huwa ta' dannu għan-negozji tal-UE; billi sew in-negozji kif ukoll il-konsumaturi jgawdu mill-ħolqien ta' Suq tassew Uniku għall-prodotti awdjoviżivi sakemm id-drittijiet fundamentali tal-utenti tal-internet ikunu rrispettati bis-sħiħ,
O. billi l-falsifikazzjoni u l-piraterija jnaqqsu l-fiduċja tan-negozji fil-kummerċ elettroniku u jagħtu lok għall-frammentazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali li toħnoq l-innovazzjoni fis-Suq Uniku,
P. billi differenzi fid-dispożizzjonijiet fiskali jistgħu iwasslu għal ostakoli sinifikanti għat-tranżazzjonijiet transkonfinali; billi l-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali tat-taxxa kif proposti minn Mario Monti fir-rapport tiegħu jistgħu jġibu valur miżjud prezzjuż lill-intrapriżi u liċ-ċittadini,
Q. billi l-akkwist pubbliku, li jammonta għal madwar 17% tal-PGD tal-UE, għandu rwol importanti biex jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku; billi l-akkwisti pubbliċi transkonfinali jirrappreżenta sehem żgħir mis-suq sħiħ tal-akkwist pubbliku, minkejja li huma opportunità għall-azjendi tal-UE; billi l-SMEs għad għandhom aċċess limitat għas-swieq tal-akkwist pubbliku,
R. billi s-servizzi huma settur kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjieg iżda s-Suq Uniku għas-servizzi għadu sottożviluppat b'mod partikolari minħabba lakuni u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi,
Daħla
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”; iqis li t-tliet kapitli tal-Komunikazzjoni huma importanti ndaqs u interkonnessi, u għandhom ikunu ttrattati b'approċċ konsistenti mingħajr ma jiġu iżolati minn xulxin il-kwistjonijiet differenti li hemm involuti;
2. Jenfasizza b'mod partikolari l-impenn tal-Kummissjoni, f'din il-Komunikazzjoni, biex tippromwovi approċċi ġodda lejn żvilupp sostenibbli;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq verifika finanzjarja tal-prijoritajiet tal-Baġit tal-UE għall-qafas finanzjarju li jmiss u biex jiġu pprijoritizzati proġetti Ewropej ta' valur miżjud li jistgħu jsaħħu l-kompetittività u l-integrazzjoni tal-UE fl-oqsma tar-riċerka, l-għarfien u l-innovazzjoni;
4. Jisħaq, b'mod partikoalri fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, fuq l-importanza tas-Suq Uniku għall-kompetittività tal-impriżi tal-UE u għat-tkabbir tal-ekonomiji Ewropej, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw biżżejjed riżorsi biex titjieb l-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq uniku, u jilqa' l-approċċ olistiku li jintuża fil-Komunikazzjoni; jenfasizza n-natura komplementarja tal-miżuri varji li hemm fir-rapport Monti, li l-koerenza tagħhom mhux dejjem hija riflessa b'mod sħiħ fl-Att dwar is-Suq Uniku;
5. Jistiedenlill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tressaq pakkett ambizzjuż ta' miżuri appoġġjat minn strateġija ċara u koerenti biex tipptomwovi l-kompetittività tas-suq intern. jistieden lill-Kummissjoni terġa' tingħaqad mal-ispirtu tar-rapport ta' Mario Monti, li kien jippromwovi l-liberalizzazzjoni u l-kompetizzjoni kif ukoll it-titjib tal-konverġenza fiskali u soċjali;
6. Jenfasizza l-importanza li titjieb il-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet ekonomiċi biex l-impriżi jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ipprovduti mis-suq uniku li jippermettulhom jikbru u jsiru iktar kompetittivi, u jitlob li din ir-rabta ssir espliċita fl-Att dwar is-Suq Uniku; jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attemnta ħafna għall-impatt tad-diverġenza ekonomika dejjem ikbar bejn l-Istati Membri tal-UE fuq il-koeżjoni interna tas-Suq Uniku;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li nadottaw politika industrijali Ewropea bil-għan li ssaħħaħ l-ekonomija reali u tilħaq it-tranżizzjoni għal waħda aktar intelliġenti u sostenibbli;
8. Jenfasizza li d-dimensjoni esterna tal-istrateġija Ewropea, li tinkludi l-kummerċ internazzjonali wkoll, qed issir dejjem aktar importanti minħabba l-integrazzjoni tas-swieq u, għalhekk, li strateġija esterna adegwata tista' tkun tassew utli biex tistabbilixxi t-tkabbir sostenibbli, l-impjieg u t-tisħiħ tas-suq uniku għall-impriżi, b'konformità mal-objettivi tal-Istrateġija UE 2020; jenfasizza l-ħtieġa li l-politika kummerċjali tal-UE tinbidel fi strument reali għall-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien ta' iktar impjiegi u impjiegi aħjar; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika kummerċjali konsistenti ma' politika industrijali b'saħħitha, li toħloq l-impjiegi;
9. Josserva li l-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar is-Suq Uniku u l-iżvilupp reġjonali huma komplementari ħafna u jisħaq fuq li l-progress tas-suq intern u l-żvilupp ulterjuri tar-reġjuni tal-Unjoni huma interdependenti, u jwasslu għal Ewropa kkaratterizzata mill-koeżjoni u l-kompetittività; jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li japprofondixxu s-suq uniku; jenfasizza li l-aċċessibilità reali u effikaċi tas-suq uniku għar-reġjuni kollha tal-UE hija prerekwiżit għall-moviment tal-persuni, il-merkanzija, il-kapital u s-servizzi, u għaldaqstant għal suq uniku b'saħħtu u dinamiku; jinnota, f'dan ir-rigward, r-rwol essenzjali li għandha l-politika reġjonali tal-Unjoni f'termini tal-iżvilupp infrastrutturali u rigward l-iżvilupp ibbilanċjat, ekonomikament u soċjalment koerenti, tar-reġjuni;
Valutazzjoni Ġenerali Suq Uniku innovattiv
10. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija konsistenti u bbilanċjata f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, bl-għan li titħeġġeġ l-innovazzjoni kif ukoll li jiġi appoġġjat in-negozju innovattiv, bħala l-aħjar mod kif tiġi ppremjata l-kreattività, u li jitħarsu d-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali;
11. Jappoġġa bil-qawwa l-ħolqien ta' privattiv tal-UE li jiffavorixxi l-SMEs u ta' sistema unifikata tal-litigazzjoni dwar il-privattivi biex is-Suq Uniku jsir minn ta' quddiem fl-innovazzjoni u jagħti spinta lill-kompetittività Ewropea; jenfasizza li t-traduzzjoni tal-privattivi f'bosta ilsna hija piż ta' spejjeż addizzjonali li jtellef l-innovazzjoni fi ħdan is-Suq Uniku, u li mil-aktar fis possibbli għandu jintlaħaq kompromess dwar l-aspetti lingwistiċi;
12. Jappoġġa l-ħolqien ta' bonds tal-proġetti Ewropej biex jirfdu l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi fi-tul fis-Suq Uniku u ħalli jiffinanzjaw l-implimentazzjoni ta' proġetti kbar ta' infrastruttura transkonfinali, partikolarment fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, b'appoġġ għat-trasformazjzoni ekoloġika tal-ekonomiji tagħna; jenfasizza l-ħtieġa għal strutturi adegwati tal-ġestjoni tar-riskju u għall-iżvelar sħiħ tal-obbligazzjonijiet potenzjali kollha;
13. Jirrimarka l-importanza ta' suq intern tal-enerġija li jaħdem bis-sħiħ għall-ilħiq ta' aktar awtonomija fil-provvista tal-enerġija; iqis li dan jista' jintlaħaq permezz ta' approċċ li jinvolvi raggruppamenti reġjonali, kif ukoll permezz tad-diversifikazzjoni tar-roto u tas-sorsi tal-enerġija; jenfasizza li l-infrastrutturi tal-Ewropa tal-Lvant għandhom jittejbu ħallu jiġu allinjati ma' dawk tal-Istati membri tal-Punent; jenfasizza li s-suq intern tal-enerġija għandu jikkontribwixxi biex iil-prezzijiet tal-enerġija jżommhom raġonevoli sew għall-konsumaturi kif ukoll għall-impriżi; jemmen li, biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u enerġetiċi tal-UE, jeħtieġ approċċ fiskali ġdid, bl-applikazzjoni ta' rati minimi ta' dazju fuq l-emissjonijiet tas-CO2 u fuq il-kontenut tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar pjanijiet tal-effiċjenza tal-enerġija u għal miżuri biex iqawwu l-iffrankar tal-enerġija b'mod sinifikanti; jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni ta' grids intelliġenti kif ukoll tal-enerġiji rinnovabbli u li l-awtoritajiet loakli u rġjoanli jiġu inkoraġġiti jisfruttaw il-potenzjal tal-ICTs fil-pjanijiet tagħhom dwar l-effiċjenza tal-enerġija; jistieden lilll-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar it-tikkettar enerġetiku, l-ekodisinn, it-trasport, il-binjiet u l-infrastrutturi, biex tiżgura u timplimenta approċċ ta' qafas komuni Ewropew;
14. Jilqa' l-inizjattiva dwar impronta ambjentali tal-prodotti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi malajr sistema ta' valutazzjoni u tikkettar komuni u reali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-investiment transkonfinali u tistabbilixxi qafas li jinkoraġġixxi l-investiment effikaċi ta' fondi tal-kapital ta' riskju fis-Suq Intern, jipproteġi l-investituri u jipprovdi inċentivi biex dawn il-fondi jiġu investiti fi proġetti sostenibbli ħalli jint;aħqu l-miri ambizzjużi tal-Istrateġija UE 2020; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibilità li jinħoloq fond Ewropew tal-kapital ta' riskju li kapaċi jinvesti fil-“prova tal-validità tal-kunċett” f'fażi bikrija u fl-iżvilupp tan-negozju qabel l-investiment kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni annwali tal-bżonnijiet ta' investiment pubbliku u privat u tal-mod li bih dawn qed jiqdew, jew għandhom jinqdew, fil-qafas tal-proposti tagħha;
16. Jirrikonoxxi l-importanza tal-akkwist pubbliku, speċjalment l-akkwist prekummerċjali, u r-rwol tiegħu biex jistimola l-innovazzjoni fis-Suq Uniku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-akkwisti prekummerċjali biex jagħtu spinta inizjali deċiżiva lis-swieq ġodda tat-teknoloġiji innovattivi u ħodor filwaqt li jtejbu l-kwalità u l-effikaċja tas-servizzi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkomunikaw aħjar dwar il-possibbiltajiet eżistenti għall-awtoritajiet pubbliċi rigward l-akkwisti prekummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni tesplora kif jista' jiġi ffaċilitat l-akkwist transkonfinali konġunt; jikkundanna n-nuqqas ta' ċarezza legali dwar l-inklużjoni ta' konsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni tesplora kif jista' jiġi ffaċilitat l-akkwist transkonfinali konġunt;
17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqawwu l-isforzi biex jiġmgħu ir-riżorsi tal-innovazzjoni billi joħolqu raggruppamenti tal-innovazzjoni u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-programmi ta' riċerka tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa tat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka xjentifika u tal-innovazzjoni, kif ukoll il-ħtieġa tal-isfruttament transkonfinali tagħhom;
Suq Uniku diġitali
18. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Firem Elettroniċi biex tipprovdi qafas legali għar-rikonoxximent u l-interoperabilità transkonfinali tas-sistemi ta' awtentikazzjoni elettronika sikuri; jenfasizza l-ħtieġa ta' rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni elettronika u l-awtentikazzjoni elettronika fl-UE kollha kemm hi u jitlob lill-Kummissjoni tindirizza, f'dan ir-rigward, il-problemi relatati mad-diskriminazzjoni kontra dawk li jirċievu servizzi minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta' residenza tagħhom;
19. Iqis li l-White Paper dwar il-politika tat-trasport għandha tiffoka fuq proposti li jsaħħu l-modi sostenibbli tat-trasport, inkluża l-intermodalità; jenfasizza l-importanza tal-pakkett propost dwar il-mobilità elettronika bl-għan li jintużaw teknoloġiji ġodda biex jappoġġjaw sistema ta' transport effiċjenti u sostenibbli, speċjalment permezz tal-użu ta' biljetti integrati; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr id-Direttiva dwar is-sistemi ta' transport intelliġenti;
20. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri adegwati ħalli jqawwu l-fiduċja tan-negozji u taċ-ċittadini fil-kummerċ elettroniku, partikolarment billi jiggarantixxu protezzjoni ta' livell għoli tal-konsumatur f'dan il-qasam; jenfasizza li dan jista' jintlaħaq wara evalwazzjoni komprensiva tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u stima komprensiva tal-impatt fuq l-għażliet kollha ta' politika fil-Green Paper dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea; jirrimarka li s-semplifikazzjoni tar-reġistrazzjoni transkonfinali tad-domains għan-negozji onlajn, minbarra li ttejjeb is-sistemi tal-pagament onlajn u tiffaċilita l-irkupru transkonfinali tad-djun, tikostitwixxi wkoll miżuri siewja għall-promozzjoni tal-kummerċ elettroniku fl-UE kolha kemm hi;
21. Jisħaq fuq il-ħtieġa imperattiva li l-politika tal-UE ta' standardizzazzjoni dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) tkun adattata għall-iżviluppi fis-suq u fil-politikim bil-għan li twassal għall-ilħiq tal-objettivi ta' politika Ewropej li jirrikjedu l-interoperabilità;
22. Jenfasizza l-ħtieġa li negħlbu l-ostakoli eżistenti għall-kummerċ elettroniku transkonfinali tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal politika attiva li tippermetti li l-pubbliku u l-kumpaniji jibbenefikaw minn din l-għodda li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom u li tista' toffrilhom prodotti u servizzi ta' kwalità bi prezzijiet kompetittivi; jemmen li dan huwa essenzjali fil-klima attwali tal-kriżi ekonomika, u li jkun ta' għajnuna enormi fl-ikkompletar tas-suq uniku, bħala mezz biex tiġi miġġielda l-inugwaljanza li dejjem qed tiżdied u biex jiġu protetti l-konsumaturi li huma vulnerabbli, jgħixu f'postijiet remoti ħafna jew isofru minn mobilità mnaqqsa, kif ukoll gruppi bi dħul baxx u l-SMEs, li għalihom l-integrazzjoni fid-dinja tal-kummerċ elettroniku hija partikolarment importanti;
23. Jisħaq fuq il-potenzjal tar-reġjuni tal-UE li jaqdu rwol konsiderevoli biex jgħinu fl-isforz tal-Kummissjoni ħalli jinħoloq Suq Uniku diġitali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li għandha tingħata lill-użu tal-fondi disponibbli għar-reġjuni tal-UE sabiex jingħeleb in-nuqqas ta' żvilupp tagħhom fl-oqsma tal-kummerċ u s-servizzi elettroniċi, li jistgħu jservu bħala sors siewi għat-tkabbir futur fir-reġjuni;
24. Iqis li l-SMEs għandhom jingħataw is-setgħa biex jagħmlu użu estensiv mill-kummerċ elettroniku fl-Ewropa; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni mhix se tressaq proposta għal sistema Ewropea għar-riżoluzzjoni ta' tilwin onlajn għal tranżazzjonijiet diġitali qabel l-2012, tnax-il sena wara li l-Parlament kien talab għal tali inizjattiva f'Settembru 2000(9);
25. Iħeġġeġ lill-Istati membri jimplimentaw bis-sħiħ it-Tielet Direttiva Postali (2008/6/KE); jenfasizza l-ħtieġa li niaggarantixxu aċċess universali għal servizzi postali ta' kwalità għolja, nevitaw id-dumping soċjali u nippromwovu l-interoperabilità u l-kooperazzjoi bejn is-sistemi u s-servizzi postali, biex niffaċilitaw id-distribuzzjoni u t-traċċar effiċjenti tal-oġġetti mixtrija onlajn, li jagħtu spinta l-fiduċja tal-konsumaturi fir-rigward tax-xiri transkonfinali;
26. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq Suq Uniku għall-prodotti awdjoviżivi onlajn permezz tal-promozzjoni ta' standards miftuħa tal-ICT u l-appoġġ tal-innovazzjoni u l-kreattività permezz tal-ġestjoni elettronika effiċjenti tad-drittijiet tal-awtur, inkluż permezz ta' sistema Pan-Ewropea ta' liċenzjar, bil-għan li jiġi ggarantit l-aċċess usa' u aktar ġust taċ-ċittadini għall-prodotti u s-servizzi kulturali u li jkun żgurat li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu rimunerazzjoni adegwata għax-xogħlijiet kreattivi tagħhom u li d-drittijiet fundamentali tal-utenti tal-internet jkunu rrispettati; jenfasizza l-ħtieġa li l-leġilazzjoni onlajn dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tiġi allinjata mal-leġilazzjoni offlajn eżistenti dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, speċjalment dwar it-trademarks, sabiex il-konsumaturi u n-negozju jrabbu aktar fiduċja fil-kummerċ elettroniku;
27. Jinnota l-ħtieġa li l-ġlieda kontra l-piraterija onlajn tissaħħaħ biex tipproteġi d-drittijiet tal-ħallieqa, filwaqt li jitħarsu d-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi; jenfasizza li l-korpi u ċ-ċittadini għandhom ikunu mgħarrfa sewwa dwar il-konsegwenzi tal-falsifikazzjoni u l-piraterija; jilqa' l-inizjattiva mħabbra mill-Kummissjoni maħsuba biex tiġi miġġielda l-piraterija tat-trademarks u tal-prodotti u, b'mod partikolari, il-proposti leġiżlattivi li għandhom jitressqu fl-2011 li għandhom l-għan li jaġġustaw il-qafas legali għall-isfidi l-ġodda tal-internet u li jsaħħu l-miżuri mill-awtoritajiet doganali f'dan il-qasam; jinnota li f'dan ir-rigward jista' jkun hemm ukoll sinerġiji bil-pjan ta' azzjoni li jmiss biex tiżdied is-sorveljanza tas-suq Ewropew;
28. Jissottolinja wkoll li l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom jiġu żviluppati bħala parti minn approċċ usa' billi jqisu d-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u taċ-ċittadini tal-UE, iżda mingħajr ma jinħoloq konflitt mal-politiki interni u esterni l-oħra tal-UE bħall-promozzjoni tas-soċjetà tal-informazzjoni, it-trawwim tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-iżvilupp fil-pajjiżi terzi u l-promozzjoni tad-diversità bijoloġika u kulturali fuq skala internazzjonali;
Suq Uniku li jiffavorixxi n-negozju
29. Jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni u kkompletar effikaċi tal-pakkett ta' sorveljanza finanzjarja biex jinkiseb suq intern sostenibbli; jitlob evalwazzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li tali implimentazzjoni titwettaq madwar l-UE u tiġi ppublikata tabella ta' korrelazzjoni fuq bażi annwali; għal dak l-għan, jikkunsidra li għandhom jiġu promossi l-aqwa prattiku fost l-entitajiet superviżorji nazzjonali u tal-UE;
30. Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-kapital billi tkattar l-informazzjoni disponibbli dwar opportunitajiet differenti ta' finanzjament tal-UE, bħalma huma dawk provduti mill-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni, il-Bank Ewropew tal-Inverstiment jew il-Fond Ewropew tal-Investiment, u billi l-proċeduri tal-finanzjament tagħmilhom aktar faċli, eħfef u anqas burokratiċi; għal dak il-għan jirrakkomanda approċċ wisq aktar olistiku lejn l-għoti tal-finanzjament, b'mod partikoalri bil-għan li tintrifed it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli;
31. Jemmen li l-istruttura pluralistika tas-suq Ewropew tal-attivitajiet bankarji tissodisfa tajjeb il-varjetà ta' ħtiġijiet finanzjarji tal-SMEs u li d-diversità ta' mudelli legali u objettivi tan-negozju ittejjeb l-aċċess għall-finanzi;
32. Jenfasizza l-importanza ekonomika tal-SMEs u l-mikroimpriżi fl-ekonomija Ewropea; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jiġi assigurat li l-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” promoss mill-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” ikun implimentat tajjeb u jappoġġa l-mżuri tal-Kummissjoni biex minn fuq ineħħu l-SMEs il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa; jissuġġerixxi li l-SMEs b'potenzjal ta' tkabbir speċifiku, pagi għoljin u kundizzjonijiet tajba tax-xogħol għandhom jiġu appoġġati u jitlob għal differenzazzjoni fi ħdan l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar biex dan isir konformi ma' Ewropa 2020;
33. Jirrimarka l-importanza tan-negozji lokali għar-relazzjonijiet soċjali, l-impjiegi u d-dinamiżmu fit-territorji żvantaġġati, b'mod partikolari ż-żoni urbani li jinsabu f'diffikultà jew iż-żoni b'popolazzjoni baxxa; jitlob li jingħatalhom appoġġ sod permezz tal-politika reġjonali tal-Unjoni;
34. Jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-SMEs fejn għandha x'taqsam il-protezzjoni tad-disinjar u l-kitba tal-proposti, inklużi l-assistenza teknika u l-programmi ta' edukazzjoni adattata;
35. Jitlob li jiġi adottat Statut għal Kumpanija Privata Ewropea biex jiffaċilita t-twaqqif u l-operat transkonfinali tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fis-Suq Uniku;
36. Jemmen li l-investituri fl-ekwitajiet ikunu aktar inkoraġġiti biex jiffinanzjaw negozji żgħar u dawk żgħar ħafna fil-fażi tal-bidu tagħhom jekk jiġu pprovduti rotot ta' ħruġ aktar effiċjenti permezz ta' swieq ta' stocks ta' tkabbir nazzjonali jew pan-Ewropej li fil-preżent mhux qed jiffunzjonaw b'mod adegwat;
37. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Pakkett tal-Merkanzija;
38. Jirrimarka l-importanza ta' reġistri tan-negozji interkonnessi u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas legali ċar li jassigura li l-informazzjoni f'tali reġistri tan-negozju tkun kompleta u korretta;
39. Jirrikonoxxi l-kontibut importanti għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tas-settur tal-bejgħ bl-imnut; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi fi ħdan l-Att tas-Suq Uniku proposta għal Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-bejgħ bl-imnut li jidentifika u jindirizza l-bosta sfidi li jiffaċċaw il-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri fi ħdan is-Suq Uniku; iqis li l-Pjan ta' Azzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-konklużjonijiet tax-xogħol li qed isir fil-Parlament dwar “suq tal-bejgħ bl-imnut aktar effiċjenti u aktar ġust”;
40. Jenfasizza l-importanza tat-tneħħija tal-ostakoli mhux meħtieġa ta' natura fiskali, amministrattivi u legali li jfixklu l-attivitajiet transkonfinali; iqis li qafas tal-VAT u obbligi tar-rappurtar tal-VAT aktar ċari għan-negozji huma meħtieġa biex jinkoraġġixxu mudelli ta' produzzjoni u konsum sostenibbli, jillimitaw l-ispejjeż ta' adattament, jikkumbattu l-frodi tal-VAT u jtejbu l-kompetittività tal-azjendi tal-UE;
41. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tippubblika Green Paper dwar governanza korporattiva u biex tniedi konsiltazzjoni pubblika dwar l-informazzjoni fuq aspetti soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem tal-investimenti min-negozji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti konkreti dwar investimenti private sabiex jinħolqu inċentivi effiċjenti għal investimenti fit-tul, sostenibbli u etiċi, biex jiġu kkoordinati aħjar il-politiki fiskali korporattivi u biex tiġi inkoraġġita r-responsabilità korporattiva;
42. Jilqa' r-rieżami tad-Direttiva dwar Taxxa fuq l-Enerġija, bl-għan li jiġu riflessi aħjar l-objettivi tat-tibdil fil-klima, bil-kundizzjoni li l-piż tat-taxxa ma jintefax b'mod mhux mistħoqq fuq il-konsumaturi vulnerabbli;
43. Jilqa' bil-ħerqa l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal Direttiva li tintroduċi bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva u jenfasizza li din tista' tnaqqas l-evitar u l-evażjoni tat-taxxi u tqawwi t-trasparenza u l-komparabbiltà tar-rati tat-taxxa korporattiva, u b'hekk tnaqqas l-ostakoli għall-attivitajiet transkonfinali;
44. Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel il-proċeduri tal-akkwist pubbliku aktar effikaċi u anqas burokratiċi biex tinkoraġġixxi lil azjendi tal-UE jieħdu sehem fl-akkwist pubbliku transkonfinali; jenfasizza li jeħtieġ li ssir aktar simplifikazzjoni, speċjalment għal awtoritajiet lokali u reġjonali u biex tippermetti lill-SMEs aċċess akbar għall-akkwist pubbliku; iħeġġeġ għalhekk li l-Kummissjoni tipprovdi dejta rigward il-livell ta' ftuħ fl-akkwist pubbliku u li tiżgura r-reċiproċità ma' pajjiżi industrijalizzati oħra u ma' ekonomiji emerġenti maġġuri; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina sewwa modi ġodda kif ittejjeb l-aċċess għall-intrapriżi Ewropej għas-swieq tal-akkwist pubbliku barra l-UE, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs kemm għall-intrapriżi Ewropej kif ukoll għal dawk barranin li jikkompetu għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi;
45. Jipproponi, f'termini aktar ġenerali, li ftehimiet kummerċjali futuri nnegozjati mill-Unjoni għandhom jinkorporaw kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli, imfassal fuq il-prinċipji tas-CSR kif definiti mill-aġġornament tal-2010 tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali;
46. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa koordinazzjoni ikbar bejn il-miżuri marbuta mal-SMEs fil-livell nazzjonali u internazzjonali, u biex tidentifika u tippromwovi l-SMEs li għandhom potenzjal kummerċjali; huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jagħmlu iktar biex jinkoraġġixxu lill-SMEs jużaw l-inizjattivi u l-għodda eżistenti bħall-bażi ta' dejta bl-aċċess għas-suq u l-uffiċċju tal-informazzjoni tal-esportazzjoni;
47. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ttejjeb l-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-attivitajiet bankarji transkonfinali, billi tneħħi l-ostakli eżistenti kollha għall-użu ta' sistemi kompetittivi tal-ikklerjar u tas-saldu u bl-applikazjzoni ta' regoli komuni għall-kummerċ;
48. Iqis li l-Kummissjoni għandha tisponsorja skambju ta' ħiliet Ewropej fejn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ħiliet disponibbli f'intrapriżi akbar, b'hekk jiġu promossi s-sinerġiji u l-konsulenza esperta;
49. Jitlob li l-Kummissjoni toħroġ proposti biex jiġu riveduti d-Direttivi tal-Kontabilità bil-għan li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda għalja u ineffiċjenti, b'mod partikolari għall-SMEs, ħalli l-kompetittività tagħhom u l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom ikunu jistgħu jiġu sfruttati b'mod aktar effikaċi;
Suq Uniku għas-Servizzi
50. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni tajba tad-Direttiva dwar is-Servizzi, inkluż l-istabbiliment ta' Punti ta' Kuntatt Uniku kompletament operattivi li jippermettu onlajn it-tlestija tal-proċeduri u l-formalitajiet, li jistgħu jraħħasu konsiderevolment l-ispejjeż operazzjonali tal-impriżi u jagħtu spinta lis-servizzi tas-Suq Uniku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien u jieħdu aktar passi fl-iżvilupp tas-Suq Uniku għas-servizzi abbażi ta' proċess ta' evalwazzjoni reċiproka; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed enfasi speċjali fuq l-iżvilupp tas-Suq Uniku għas-servizzi onlajn;
51. Jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-settur tas-servizzi tan-negozju u tieħu l-miżuri regolatorji meħtieġa biex tipproteġi n-negozji, speċjalment lill-SMEs, minn prattiki kummerċjali inġusti min-naħa ta' impriżi akbar fil-katina tal-provvista; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi “prattiki kummerċjali manifestament inġusti” fil-katina tal-provvista, f'konsultazzjoni mal-persuni interessati, u tipproponi azzjoni ulterjuri biex tipprevjeni prattiki kummerċjali inġusti rigward il-kompetizzjoni u l-libertà tal-kuntratti; ifakkar fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar kumpaniji ta' direttorju qarrieqa(10) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni mill-ġdid biex tressaq proposta biex tipprevjeni l-prattiki frodulenti tad-direttorji kummerċjali qarrieqa;
52. Iqis li kwalunkwe proposta leġiżlattiva dwar il-konċessjonijiet ta' servizzi għandha tipprovdi qafas legali li jiżgura t-trasparenza u l-protezzjoni ġudizzjarja effikaċi sew għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet kontraenti fl-UE kollha kemm hi; jitlob li l-Kummissjoni, qabel ma tippropni kwalunkwe leġiżlazzjoni, tipprovdi evidenza li l-prinċipji stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (in-nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta' trattament indaqs, u t-trasparenza) ma jkunux applikati b'mod sodisfaċenti fil-prattika għall-konċessjonijiet ta' servizzi;
53. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi riforma leġiżlattiva tal-qafas tal-istandardizzazzjoni, li tkopri wkoll is-servizzi; jenfasizza li l-istandardizzazzjoni tas-servizzi għandha twassal għall-kompletar tas-suq uniku fejn dan intwera li jkun importanti u, b'mod partikolari, għandha tikkunsidra għalkollox il-ħtiġijiet tal-SMEs; jirrikonoxxi r-rwol tal-istandards tal-prodotti għall-funzjonament tas-suq intern Ewropew u jqis l-istandards bħala għodod essenzjali għall-promozzjoni ta' prodotti u servizzi sostenibbli u ta' kwalità għolja għall-konsumaturi u l-impriżi; jitlob aktar miżuri li jġibu “l quddiem it-trasparenza, it-tnaqqis tal-ispejjeż u aktar involviment tal-persuni interessati;
54. Jenfasizza l-importanza, f'ġieħ it-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali, ta' “speċjalizzazzjoni intelliġenti” tar-reġjuni; iqis li s-suq uniku tal-UE jista' jirnexxi fit-totalità tiegħu biss meta jkunu involuti l-atturi kollha u r-reġjuni kollha – inklużi l-SMEs fis-setturi kollha, inkluż is-settur pubbliku, l-ekonomija soċjali u ċ-ċittadini nfushom; iqis ukoll li jeħtieġ li jkunu involuti mhux biss ftit oqsma ta' teknoloġija avvanzata, iżda r-reġjuni kollha fl-Ewropa u kull Stat Membru, b'kull wieħed jiffoka fuq il-ħilietu (“l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti”) fi ħdan l-Ewropa;
55. Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni esterna tas-suq intern u, b'mod partikolari, il-kooperazzjoni regolatorja mas-sħab kummerċjali prinċipali kemm f'livelli bilaterali jew multilaterali bil-għan li jinġiebu “l quddiem il-konverġenza regolatorja, l-ekwivalenza tas-sistemi ta' pajjiżi terzi u l-adozzjoni usa” ta' standards internazzjonali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni teżamina l-ftehimiet eistenti ma' partijiet terzi li jestendu l-elementi tas-suq intern lil hinn mill-fruntieri f'dak li jirrigwarda l-effikaċja tagħhom biex tiġi pprovduta ċertezza legali għall-benefiċjarji potenzjali tiegħu;
Prijoritajiet Essenzjali Il-ħolqien ta' Privattiv tal-UE u sistema unifikata ta' litigazzjoni
56. Jenfasizza li l-ħolqien ta' Privattiv tal-UE u sistema ta' litigazzjoni unifikata, kif ukoll sistema mtejba għall-ġestjoni tad-dritt tal-awtur, huma indispensabbli biex jirfdu l-innovazzjoni u l-kreattività fi ħdan is-Suq Uniku (proposti 1 u 2 tal-Att dwar is-Suq Uniku);
L-innovazzjoni fil-finanzjament
57. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu kif jixraq l-importanza tal-innovazzjoni għal tkabbir b'saħħtu u aktar sostenibbli kif ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi billi jiżguraw li l-innovazzjoni tkun iffinanzjata sewwa, b'mod partikoalri permezz tal-ħolqien ta' bonds ta' proġetti tal-UE, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, li jappoġġaw it-trasfromazzjoni ekoloġika tal-ekonomiji tagħna, kif ukoll permezz ta' qafas leġiżlattiv biex jinkoraġġixxi li fondi ta' kapital tar-riskju jinvestu b'mod effikaċi fl-UE kollha kemm hi; jenfasizza li għandhom jingħataw inċentivi għall-investiment fit-tul f'setturi innovattivi u li joħolqu l-impjiegi (proposti 15 u 16 tal-Att dwar is-Suq Uniku);
Stimolu għall-kummerċ elettroniku
58. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi kollha meħtieġa ħalli jtejbu l-fiduċja tan-negozji u tal-konsumaturi fil-tal-kummerċ elettroniku u jistimulaw l-iżvilupp tiegħu fis-Suq Uniku; jenfasizza li l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija kif ukoll id-direttiva qafas dwar il-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur huma kruċjali biex dan l-objettiv jintlaħaq (proposti 2, 3 u 5 tal-Att dwar is-Suq Uniku);
59. Jenfasizza li jeħtieġ tittieħed aktar azzjoni biex is-Suq Uniku jsir ambjent aħjar għall-SMEs; iqis li tali azzjoni għandha tinkludi t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-swieq tal-kapital, it-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi u fiskali għal-attivitajiet transkonfinali tagħhom permezz tal-adozzjoni ta' qafas aktar ċar tal-VAT u bażi komuni u konsolidata tat-taxxa korporattiva, kif ukoll ir-rieżami tal-qafas dwar l-akkwsit pubbliku, b'tali mod li l-proċeduri jsiru aktar flessibbli u anqas burokratiċi (proposti 12, 17, 19 u 20 tal-Att dwar is-Suq Uniku);
60. Jitlob lill-Kunsill jirrevedi l-leġislazzjoni relatata mal-akkwist pubbliku u ma' sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat bil-għan li jitrawwem tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fi ħdan is-Suq Uniku u li jiġi stimulat l-akkwist pubbliku transkonfinali; jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas aktar ċar, li jipprovdi ċ-ċertezza legali sew għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għal-awtoritajiet kontraenti; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jużaw l-akkwist pubbliku prekummerċjali sabiex jistimolaw is-suq tat-teknoloġiji innovattivi u ekoloġiċi; jinsisti fuq il-ħtieġa li niżguraw ir-reċiproċità ma' pajjiżi industrijalizzati u ma' ekonomiji maġġuri emerġenti fil-qasam tal-akkwist pubbliku (proposti 17 u 24 tal-Att dwar is-Suq Uniku);
o o o
61. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.