Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE fir-rigward tat-tilqima kontra l-bluetongue (COM(2010)0666 – 05499/2011 – C7-0032/2011 – 2010/0326(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2010)0666),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kunsill fid-data 26 ta' Jannar 2011, li fiha l-Kunsill iqis li l-bażi ġuridika għandha tiġi modifikata u jitlob lill-Parlament Ewropew jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (05499/2011 - C7-0032/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Marzu 2011(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-modifika mitluba tal-bażi ġuridika,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0121/2011),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' April 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE fir-rigward tat-tilqima kontra l-bluetongue
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
▌
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),
Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),
Billi:
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue(3) tistipula regoli u miżuri ta' kontroll biex jiġġieldu u jeradikaw il-bluetongue, inklużi regoli dwar l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza u l-użu ta' vaċċini kontra l-bluetongue.
(2) Fil-passat, ġew irreġistrati biss inkursjonijiet sporadiċi ta' ċerti stereotipi tal-virus tal-bluetongue fl-Unjoni. Dawk l-inkursjonijiet ġew irrappurtati prinċipalment fil-partijiet tan-Nofsinhar tal-Unjoni. Madankollu, mill-adozzjoni tad-Direttiva 2000/75/KE, u partikolarment mill-introduzzjoni fl-Unjoni tal-istereotipi 1 u 8 tal-virus tal-bluetongue fis-snin 2006 u 2007, il-virus tal-bluetongue infirex iktar mal-Unjoni, bir-riskju li jsir endemija f'ċerti żoni. Għalhekk, sar iktar diffiċli biex tiġi kkontrollata l-firxa tal-virus.
(3) Ir-regoli dwar it-tilqim kontra l-bluetongue stipulati fid-Direttiva 2000/75/KE huma bbażati fuq l-esperjenza tal-użu tal-hekk imsejħa “vaċċini ħajjin immodifikati”, jew “vaċċini ħajjin immoderati”, li kienu l-uniċi vaċċini disponibbli meta d-Direttiva ġiet adottata. L-użu ta' dawk il-vaċċini jista' jwassal għal ċirkolazzjoni lokali mhux mixtieqa tal-virus tal-vaċċin anke f'annimali li ma jingħatawx it-tilqima.
(4) Reċentement, bħala riżultat ta' teknoloġija ġdida, “vaċċini inattivati” kontra l-bluetongue saru disponibbli, li ma jippreżentawx riskju għal annimali li ma jkunux ingħataw it-tilqima. L-użu estensiv ta' tali vaċċini waqt il-kampanja ta' tilqim fis-snin 2008 u 2009 wassal għal titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tal-marda. Attwalment jeżisti qbil ġenerali li t-tilqim b'vaċċini inattivati huwa l-għodda preferuta għall-kontroll tal-bluetongue u għall-prevenzjoni ta' mard kliniku fl-Unjoni.
(5) Biex jiġi żgurat kontroll aħjar tal-firxa tal-virus tal-bluetongue u biex jitħaffef il-piż fuq is-settur agrikolu ppreżentat minn dik il-marda, huwa xieraq li r-regoli eżistenti dwar it-tilqim stipulati fid-Direttiva 2000/75/KE jiġu emendati sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi teknoloġiċi fil-produzzjoni tal-vaċċini.
(6)Sabiex tippermetti liż-żmien tat-tilqim fl-2011 jibbenefika mir-regoli l-ġodda, id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(7) L-emendi stipulati f'din id-Direttiva għandhom jagħmlu r-regoli dwar it-tilqim iktar flessibbli u jieħdu inkonsiderazzjoni wkoll il-fatt li vaċċini inattivati, li jistgħu jintużaw b'suċċess ukoll barra miż-żoni suġġetti għar-restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq tal-annimali, issa huma disponibbli.
(8) Barra minn hekk, u sakemm jittieħdu l-miżuri prekawzjonarji adegwati, l-użu ta' vaċċini ħajjin immoderati ma għandux jiġi eskluż, billi l-użu tagħhom xorta waħda jista' jkun neċessarju taħt ċerti kundizzjonijiet, bħal pereżempju wara l-introduzzjoni ta' stereotip ta' virus ġdid tal-bluetongue li jista' jkun li ma jkunx hemm disponibbli vaċċini inattivati kontrih.
(9) Għalhekk, id-Direttiva 2000/75/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2000/75/KE hija b'dan emendata kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt li ġej:"
(j)
‘vaċċini ħajjin immoderati’: vaċċini li huma mmanifatturati bl-adattament ta' varjetajiet puri tal-virus tal-bluetongue minn każ ta' studju partikolari permezz ta' serje ta' passaġġi fit-trobbija tat-tessut jew fil-bajd tat-tiġieġ b'embriju.
"
(2) L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:"
Artikolu 5
1. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tiddeċiedi li tippermetti l-użu ta' vaċċini kontra l-bluetongue jekk:
(a)
tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq ir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju speċifika mwettqa mill-awtorità kompetenti;
(b)
il-Kummissjoni tiġi infurmata qabel tingħata tali tilqima.
2. Kull meta jintużaw vaċċini ħajjin immoderati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tiddemarka:
(a)
żona ta' protezzjoni, li tikkonsisti minn tal-inqas żona waħda ta' tilqim;
(b)
żona ta' sorveljanza, li tikkonsisti minn parti mit-territorju tal-Unjoni b'fond ta' tal-inqas 50 kilometru li testendi lil hinn mil-limiti taż-żona ta' protezzjoni.
"
(3) Fl-Artikolu 6(1), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:"
(d)
jiġu implimentati l-miżuri adattati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2), b'mod partikolari fir-rigward tal-introduzzjoni ta' kull programm ta' tilqim jew ta' xi miżuri alternattivi oħra;
"
(4) Fl-Artikolu 8(2), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:"
(b) Iż-żona ta' sorveljanza għandha tikkonsisti minn parti mit-territorju tal-Unjoni b'fond ta' tal-inqas 50 kilometru u li testendi lil hinn mil-limiti taż-żona ta' protezzjoni u li fiha ma jkun sar l-ebda tilqim kontra l-bluetongue b'vaċċini ħajjin immoderati matul it-12-il xahar ta' qabel.
"
(5) Fl-Artikolu 10, il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"
2.
kull tilqim kontra l-bluetongue bl-użu ta' vaċċini ħajjin immoderati huwa pprojbit fiż-żona ta' sorveljanza.
"
Artikolu 2
(1) L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejnhom u din id-Direttiva.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju 2011.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.
(2) L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.