Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2645(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0249/2011

Dibattiti :

PV 06/04/2011 - 13
CRE 06/04/2011 - 13

Votazzjonijiet :

PV 07/04/2011 - 6.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0148

Testi adottati
PDF 228kWORD 63k
Il-Ħamis, 7 ta' April 2011 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
P7_TA(2011)0148RC-B7-0249/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u l-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 bir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehima ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Marzu 2011 mill-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek dwar l-attakk mortali kontra d-dimostranti fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li l-Baħrejn, is-Sirja u l-Jemen huma firmatarji tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1975, li l-Baħrejn, is-Sirja u l-Jemen huma firmatarji tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Baħrejn u l-Jemen tal-21 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-Baħrejn tal-10, tal-15 u tas-17 ta' Marzu 2011, dwar is-Sirja tat-18, tat-22, tal-24 u tas-26 ta' Marzu 2011 u dwar il-Jemen tal-10, tat-12 u tat-18 ta' Marzu 2011 u tal-5 ta' April 2011,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-8 ta' Marzu 2011 mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni dwar “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran”,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2004 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kif aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, wara żviluppi simili f'pajjiżi Għarab oħra, dimostranti fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen esprimew aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u sejħa popolari qawwija għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali mmirati lejn il-kisba ta' demokrazija ġenwina, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, l-iżgurar tar-rispett tal-istat ta' dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar,

B.  billi l-gvernijiet rispettivi rreaġixxew billi żiedu r-repressjoni vjolenta, billi ddikjaraw stat ta' emerġenza u billi applikaw liġijiet ta' kontra t-terroriżmu biex jiġġustifikaw delitti serji, inklużi każijiet ta' qtil extra-ġudizzjarju, ħtif u għajbien, arresti arbitrarji, tortura u proċessi mhux ġusti,

C.  billi l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti mill-forzi tas-sigurtà fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen wassal għal telf konsiderevoli ta' ħajjiet, korrimenti u priġuneriji, u jikser il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li dawn il-pajjiżi huma firmatarji tiegħu,

D.  billi d-dimostrazzjonijiet fis-Sirja bdew fil-belt ta' Deraa fin-Nofsinhar tal-pajjiż, qabel ma nfirxu fil-pajjiż kollu; billi l-awtoritajiet Sirjani rażżnu d-dimostrazzjonijiet bl-użu ta' balal ta' vera biex ixerrdu l-ġemgħa paċifika, arrestaw mijiet ta' ċivili u mmobilizzaw dimostranti favur ir-reġim f'Damasku u fi bliet oħra; billi fid-29 ta' Marzu 2011 il-gvern Sirjan irreżenja u s-Sur Adel Safar inħatar biex jifforma gvern ġdid; billi d-diskors li għamel il-President Bashar al-Assad fil-Parlament Sirjan fit-30 ta' Marzu 2011 naqas milli jilħaq l-aspettattivi u jissodisfa t-tamiet għal riformi sinifikanti,

E.  billi s-Sirja ilha taħt Liġi ta' Emerġenza mill-1963; billi l-liġi ta' emerġenza qegħda effettivament tillimita liċ-ċittadini fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom filwaqt li tippermetti kontroll kontinwu lill-awtoritajiet Sirjani fuq is-sistema ġudizzjarja,

F.  billi l-gvern Sirjan għamel numru ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn impenja ruħu favur il-libertà tal-espressjoni u l-parteċipazzjoni politika (it-tneħħija tal-liġi ta' emerġenza, l-abolizzjoni tal-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni Sirjana, li jgħid li l-partit Ba'ath imexxi l-istat u s-soċjetà, is-soluzzjoni tal-problemi kkawżati miċ-ċensiment tal-1962 fil-gvernaturat ta' al-Hasaka, li wassal sabiex mijiet ta' eluf ta' Kurdi ċċaħħdu mill-passaport tagħhom u ġew irreġistrati bħala barranin) iżda naqas milli jwettaq progress tanġibbli fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet; billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem u kritiku tal-gvern prominenti, Haitham al-Maleh, inħeles mill-ħabs f'Marzu 2011 u talab lill-komunità internazzjonali tagħmel pressjoni fuq ir-reġim Sirjan biex jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

G.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, għad irid jiġi ffirmat; billi l-iffirmar ta' dan il-Ftehim ġie pospost fuq talba tas-Sirja minn Ottubru 2009; billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi parti essenzjali ta' dan il-Ftehim,

H.  billi d-dimostrazzjonijiet fil-Baħrejn bdew fl-14 ta' Frar 2011, bid-dimostranti jitolbu riformi politiċi, bħal monarkija kostituzzjonali u gvern elett, kif ukoll it-tmiem tal-korruzzjoni u tal-marġinalizzazzjoni tax-Xiti, li jirrappreżentaw “il fuq minn 60% tal-popolazzjoni, billi s-sitwazzjoni fil-Baħrejn għadha kkaratterizzata minn tensjoni, u fil-ġimgħa li għaddiet bejn 50 ruħ u 100 ruħ ġew irrappurtati neqsin; billi, skont ir-rapporti, il-persunal mediku, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi ġew miżmuma fil-Baħrejn, u l-forzi tas-sigurtà ħadu kontroll tas-swali fl-isptarijiet,

I.  billi, wara t-talba li saret mill-Gvern tal-Baħrejn, il-forzi tas-sigurtà tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf, mill-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Kuwajt intbagħtu l-Baħrejn,

J.  billi miljuni ta' ċittadini ilhom jipprotestaw fil-Jemen minn Jannar, fil-parti l-kbira b'mod paċifiku, u allegatament inqatlu madwar mitt persuna, primarjament mill-forzi tas-sigurtà bl-użu ta' munizzjonijiet ta' vera sparati fuq il-folol, filwaqt li mijiet ġew feruti; billi fil-Jemen l-ambulanzi li kienu qed iwasslu l-isptar lid-dimostranti li huma kontra l-gvern ġew ostakolati mill-forzi tas-sigurtà,

K.  billi l-President tal-Jemen Ali Abdullah Saleh, li ilu jmexxi l-pajjiż għal 32 sena, wiegħed li jirreżenja; billi, madankollu, il-President s'issa ma ħa ebda passi serji biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu ta' tranżizzjoni demokratika u paċifika,

L.  billi l-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf iddeċidew li jistiednu rappreżentanti tal-gvern Jemenit u tal-oppożizzjoni għal taħditiet f'Riyadh biex isolvu l-imblokk fir-rigward ta' ċerti kwistjonijiet speċifiċi,

M.  billi l-Jemen hu l-aktar pajjiż fqir fil-Lvant Nofsani, b'malnutrizzjoni mifruxa, riżervi taż-żejt li qed jonqsu, popolazzjoni li qed tikber, gvern ċentrali dgħajjef, nuqqas ta' ilma li dejjem jiżdied u ftit investiment fl-ekonomija tal-pajjiż; billi hemm tħassib serju dwar id-diżintegrazzjoni tal-istat Jemenit, bi tregwa fraġli li ilha fis-seħħ minn Frar mar-ribelli Xiti fit-Tramuntana, moviment seċessjonista fin-Nofsinhar u ħafna ġellieda ta' Al Qaeda li huma rrappurtati li jużaw il-Jemen bħala bażi,

N.  billi dan l-aħħar ġie ddikjarat stat ta' emerġenza fil-Baħrejn u l-Jemen; billi d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza fi kwalunkwe pajjiż ma teżentax lill-gvern tan-nazzjon mill-obbligu essenzjali tiegħu li jiddefendi l-istat tad-dritt u l-impenji internazzjonali tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

1.  Jikkundanna bis-saħħa r-repressjoni vjolenta mill-forzi tas-sigurtà ta' dimostranti paċifiċi fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popli f'dawk il-pajjiżi, ifaħħar il-qlubija u d-determinazzjoni tagħhom u jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen biex iżommu lura mill-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti u jirrispettaw il-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni tagħhom; jikkundanna l-indħil mill-awtoritajiet fil-Baħrejn u fil-Jemen fil-forniment ta' trattamenti mediċi u ċ-ċaħda u l-limitazzjoni tal-aċċess għall-faċilitajiet ta' saħħa; jenfasizza li dawk responsabbli għat-telf tal-ħajja u l-korrimenti kkawżati għandhom jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob lill-awtoritajiet biex immedjatament jeħilsu lill-priġunieri politiċi, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti kollha u lil dawk kollha miżmuma b'rabta mal-attivitajiet paċifiċi tagħhom fil-kuntest tal-protesti;

3.  Jistqarr li l-użu ta' vjolenza minn stat kontra l-popolazzjoni tiegħu stess għandu jkollu riperkussjonijiet diretti fuq ir-relazzjonijiet bilaterali tiegħu mal-Unjoni Ewropea; ifakkar lir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni li l-UE tista' tuża numru kbir ta' għodod biex tiskoraġġixxi azzjonijiet bħal dawn, bħal iffriżar tal-assi, projbizzjoni ta' vjaġġar, eċċ.; ifakkar madankollu li l-popli b'mod ġenerali qatt ma għandhom ikunu affettwati minn rieżami bħal dan tar-relazzjonijiet bilaterali;

4.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jikkunsidraw bis-sħiħ l-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar u li għadhom għaddejjin kif ukoll żviluppi oħra fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen fir-relazzjonijiet bilaterali ma' dawn il-pajjiżi, inkluża s-sospensjoni ta' negozjati addizzjonali dwar l-iffirmar ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni li għadu pendenti bejn l-UE u s-Sirja; huwa tal-fehma li l-konklużjoni ta' ftehim bħal dan għandu jiddependi mill-ħila tal-awtoritajiet Sirjani li jwettqu r-riformi demokratiċi mistennija f'forma tanġibbli;

5.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw it-talbiet biex jitwettqu investigazzjonijiet indipendenti dwar l-attakki fuq id-dimostranti f'dawk il-pajjiżi, b'attenzjoni speċjali għal investigazzjoni indipendenti li għandha titwettaq min-Nazzjonijiet Uniti (NU) jew mill-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar l-attakk fuq id-dimostranti fit-18 ta' Marzu 2011 f'Sana'a, il-Jemen, fejn inqatlu 54 persuna u ndarbu aktar minn 300; jistieden lill-UE tieħu r-riedni f'idejha minnufih u tlaqqa' Sessjoni Speċjali tal-HRC biex jiġu ttrattati l-abbużi li twettqu fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen matul it-trażżin tad-dimostrazzjonijiet u r-repressjoni tad-dissidenza;

6.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen biex jinvolvu ruħhom fi proċess u fi djalogu politiku miftuħ u sinifikanti mingħajr dewmien jew prekondizzjonijiet, bil-parteċipazzjoni tal-forżi politiċi demokratiċi kollha u tas-soċjetà ċivili, maħsuba biex titwitta t-triq għal demokrazija ġenwina, jitneħħa l-istat ta' emerġenza u jkunu implimentati riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali konkreti, ambizzjużi u sinifikanti, li huma essenzjali għal stabilità u żvilupp fit-tul;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen biex jirrispettaw l-impenji internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-awtoritajiet f'dawk il-pajjiżi biex ineħħu immedjatament l-istat ta' emerġenza, jeħilsu immedjatament il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u d-dimostranti paċifiċi kollha, idaħħlu fil-liġi u fil-prattika l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, jintensifikaw il-miżuri biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jiggarantixxu drittijiet ugwali għall-minoranzi, jiżguraw aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni, bħall-internet u t-telefonija mobbli, u jiżguraw l-aċċess għall-midja indipendenti;

8.  Jieħu nota tar-riżenja tal-Gvern Sirjan fid-29 ta' Marzu 2011, iżda jemmen li dan mhux se jkun biżżejjed biex jikkontrobatti l-frustrazzjonijiet li qed jiżdiedu tal-poplu Sirjan; jistieden lill-President Bashar al-Assad itemm il-politika ta' repressjoni tal-oppożizzjoni politika u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ineħħi realment l-istat ta' emerġenza li ilu fis-seħħ mill-1963, jippromwovi l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika fis-Sirja u jistabbilixxi aġenda konkreta għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Baħrejn u lil partijiet oħra biex jinvolvu ruħhom fi djalogu sinifikanti u kostruttiv mingħajr dewmien jew prekondizzjonijiet, biex jitwettqu r-riformi; jilqa' l-aħbar mis-Segretarju Ġenerali tan-NU li n-NU hija lesta tipprovdi appoġġ għall-isforzi mmexxija nazzjonalment, jekk tkun mitluba li tagħmel dan;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-preżenza ta' truppi barranin taħt il-bandiera tal-GCC fil-Baħrejn; jistieden lill-GCC biex juża r-riżorsi tiegħu bħala parteċipant kollettiv reġjonali biex jaġixxi b'mod kostruttiv u jagħmilha ta' medjatur fl-interess ta' riformi paċifiċi fil-Baħrejn;

11.  Jitlob lill-President Saleh tal-Jemen jieħu passi konkreti favur l-implimentazzjoni tal-wegħda tiegħu li “jittrasferixxi l-poter b'mod paċifiku permezz ta' istituzzjonijiet kostituzzjonali”; jitlob lill-partijiet kollha, inkluża l-oppożizzjoni, biex jaġixxu b'mod responsabbli, jinvolvu ruħhom fi djalogu miftuħ u kostruttiv mingħajr dewmien, sabiex tintlaħaq tranżizzjoni politika ordnata, u biex jinkludu f'dan id-djalogu l-partiti u l-movimenti kollha li jirrappreżentaw lill-poplu Jemenit;

12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-livell tal-faqar u tal-qgħad u l-instabilità politika u ekonomika li qed tiżdied fil-Jemen; jinsisti li t-twettiq, fil-post, tal-wegħdiet li saru fil-konferenza tad-donaturi tal-2006 għandu jitħaffef; barra minn hekk jistieden lill-UE u lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jagħmlu sforz partikolari biex jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku hekk kif il-President Saleh ikun lest li jċedi t-triq għal gvern stabbilit demokratikament;

13.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi u paċifiċi tal-poplu tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen, jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom rigward dawk il-pajjiżi, jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, u jkunu lesti jgħinu, f'każ ta' impenn serju mill-awtoritajiet nazzjonali, fl-implimentazzjoni ta' aġendi konkreti ta' riforma politika, ekonomika u soċjali f'dawk il-pajjizi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża b'mod sħiħ u effikaċi l-appoġġ eżisteni mogħti permezz tal-ENPI, l-EIDHR u l-IfS, u tfassal urġentement proposti konkreti dwar kif l-għajnuna finanzjarja futura tal-UE tista' tgħin aħjar lill-pajjiżi u lis-soċjetajiet ċivili fil-Lvant Nofsani u fil-Golf fit-tranżizzjoni tagħhom lejn id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jenfasizza l-impenji meħuda mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran biex jiġu appoġġjati aktar il-bidla demokratika u s-soċjetà ċivili b'reazzjoni għall-iżviluppi storiċi attwali fir-reġjun; jitlob għajnuna tal-UE favur il-proċessi demokratiċi fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Golf biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini kollha – partikolarment tan-nisa, li kellhom rwol kruċjali fit-talbiet favur il-bidla demokratika – fil-ħajja politika;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0109.
(2) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 436.

Avviż legali - Politika tal-privatezza