Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar ir-rapport ta' progress 2010 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 biex jagħti lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-istatus ta' pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE u l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 u tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU 845 (1993) u 817 (1993), kif ukoll il-Ftehim Interim tal-1995 bejn ir-Repubblika Ellenika u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni 2010 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (SEC(2010)1332) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Strateġija ta' Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011” (COM(2010)0660),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-rapport ta' progress 2009 rigward dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja(1),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari Konġunt tal-UE u ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tat-30 ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/212/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-13 u tal-14 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-proċess ta' tkabbir tal-UE jagħti impetu kbir għall-paċi, l-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun,
B. billi fl-2005 l-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta' kandidat lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja imma minn dak inhar “l hawn naqas li jistipula data għall-ftuħ tan-negozjati, minkejja l-progress sostanzjali li sar minn dan il-pajjiż fi triqtu lejn l-UE; billi kwistjonijiet bilaterali m'għandhomx jirrappreżentaw ostakolu u m'għandhomx jintużaw bħala tali fil-proċess ta' adeżjoni, għalkemm għandhom jissolvew qabel is-sħubija; billi l-kontinwazzjoni tal-proċess ta' adeżjoni tikkontribwixxi għall-istabbiltà ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u ssaħħaħ iktar id-djalogu interetniku,
C. billi l-intensifkazzjoni tad-djalogu ekonomiku u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi kandidati għat-tkabbir jgħin lill-UE biex flimkien magħhom tikkonċentra sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika u tikkontribwixxi għall-kompetittività globali tal-Unjoni,
D. billi l-istrateġija għat-tkabbir tal-2010 tenfasizza bħala prijoritajiet ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, kif ukoll id-djalogu bejn l-atturi politiċi,
E. billi l-UE topera proċeduri komprensivi ta' approvazzjoni li jiżguraw li l-membri l-ġodda jiddaħħlu biss meta jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti kollha, u biss bil-kunsens tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE,
F. billi l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja jibqgħu element ta' tħassib fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li se jissieħbu mal-UE,
Żviluppi politiċi
1. Jaqbel mal-evalwazzjoni tar-rapport ta' progress tal-Kummissjoni 2010 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jiddispjaċih li l-Kunsill għadu ma ħax deċiżjoni sabiex jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni kif irrakkomandat il-Kummissjoni għat-tieni sena konsekuttiva u bi qbil ma' riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament; ifakkar ir-rakkomandazzjoni preċedenti tiegħu lill-Kunsill biex in-negozjati jibdew immedjatament;
2. Jinnota l-iżviluppi politiċi reċenti li qed iwasslu għal elezzjonijiet bikrin; jitlob lill-partiti politiċi kollha biex ikollhom rwol attiv u kostruttiv fil-proċess tat-tħejjija għall-elezzjonijiet; jenfasizza li elezzjonijiet ħielsa u ġusti mmexxija fuq bażi ta' trasparenza sħiħa u skont l-istandards internazzjonali huma element importanti għal demokrazija kkonsolidata; jitlob lill-partiti politiċi kollha biex jipparteċipaw attivament fl-elezzjonijiet; jinsab imħasseb bis-sitwazzjoni politika attwali u jappella lill-mexxejja politiċi kollha biex ifittxu l-kunsens fuq il-bażi ta' istituzzjonijiet demokratiċi;
3. Jirrimarka li kwistjonijiet bilaterali jeħtieġ li jiġu solvuti mill-partijiet konċernati fi spirtu ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u billi jitqies l-interess ġenerali tal-UE; jappella sabiex l-atturi prinċipali u l-partijiet ikkonċernati kollha jżidu l-isforzi u juru s-sens ta' responsabbiltà u d-determinazzjoni tagħhom sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti kollha li qed ixekklu mhux biss il-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż kandidat kif ukoll il-politika tal-UE stess fir-reġjun, iżda qed ikollhom ukoll riperkussjoniiet fuq ir-relazzjonijiet interetniċi, l-istabbiltà reġjunali u l-iżvilupp ekonomiku;
4. Jikkongratula l-pajjiż għal Għaxar anniversarju tal-Ftehim ta' Qafas Ohrid, li jibqa' s-sinsla tar-relazzjonijiet interetniċi fil-pajjiż, u jistieden lill-gvern u lill-istituzzjonijiet tal-istat kollha jużaw dan l-anniversarju memorabbli bħala mezz biex jitħeġġeġ it-trawwim kontinwu tal-kooperazzjoni u l-fiduċja interetnika; hu madanakollu mħasseb dwar iż-żieda fit-tensjonijiet interetniċi minħabba l-konstruzzjoni li qed ssir fuq is-sit tal-fortizza Kale fi Skopje; jappella lill-mexxejja politiċi u reliġjużi kollha biex jaġixxu b'mod responsabbli, u biex joqogħdu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tista' żżid it-tensjonijiet interetniċi; jinnota bi tħassib ir-riskju ta' mentalità ta' iżolazzjoni li dejjem qed tikber, li tista' tiżviluppa f'politika sostituta fl-assenza ta' perspettiva tanġibbli tal-UE;
5. Jistieden lill-gvern biex irawwem djalogu komprensiv bejn il-komunitajiet etniċi, biex iqis is-sensitivitajiet tal-komunitajiet u l-minoritajiet kollha fid-deċiżjonijiet tiegħu, bħall-pjan urban għal “Skopje 2014”, u biex jevita atti u inizjattivi mmirati għat-tisħiħ tal-identità nazzjonali għad-dannu ta' komunitajiet oħra; jiġbed l-attenzjoni li jeħtieġ li l-kumitat parlamentari dwar ir-relazzjonijiet interetniċi jiffunzjona b'mod effettiv fl-integrazzjoni tal-minoranzi fil-proċess leġiżlattiv u jenfasizza li jinħtieġu sforzi addizzjonali biex jitmexxa “l quddiem il-proċess ta' deċentralizzazzjoni b'konformità mal-Ftehim Qafas ta' Ohrid;
6. Jiddispjaċih li l-isforzi ta' medjazzjoni tan-NU biex jissolva t-tilwim dwar l-isem ma wasslux għal riżultati konkreti;
Id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem
7. Ifakkar li kultura politika sana hija l-pedament tad-demokrazija; jistieden lill-partijiet tal-oppożizzjoni biex iwaqqfu l-bojkott tal-parlament nazzjonali u jerġgħu jibdew djalogu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet; jikkunsidra li l-gvern u l-oppożizzjoni huma responsabbli milli jiżguraw djalogu immedjat u miftuħ dwar l-isfidi eżistenti kollha li l-pajjiż qed jiffaċċja; jenfasizza li n-nuqqas ta' stabbiltà politika jista' jaffettwa l-proċess ta' integrazzjoni Ewropew, li għandu jirrappreżenta prijorità komuni kondiviża għall-komponenti kollha tas-soċjetà; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-emendi għar-regoli ta' proċedura tal-parlament li jippermettu impenn aqwa tal-oppożizzjoni fix-xogħol tagħha; hu madanakollu mħasseb li hemm djalogu insuffiċjenti bejn il-gvern u l-partijiet tal-opożizzjoni u li teżisti klima ġenerali ta' sfiduċja u konfrontazzjoni; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex itejbu l-klima ta' fiduċja u juru impenn qawwi biex jużaw regoli ta' proċedura parlamentari ġodda biex kemm id-djalogu politiku kif ukoll il-kooperazzjoni kostruttiva jissaħħew fil-proċess leġiżlattiv u fl-iskrutinju parlamentari tal-attivitajiet tal-gvern;
8. Jilqa' r-rieda politika li jitkompla t-tħabbir li ilu ħafna mistenni tal-ismijiet tal-aġenti affiljati mas-servizzi sigrieti ta' dik li kienet il-Jugoslavja bħala pass maġġuri biex il-pajjiż finalment jinqata' mill-epoka tal-Komuniżmu; jinnota, madankollu, progress insuffiċjenti lejn l-infurzar sħiħ tal-liġijiet rilevanti; iħeġġeġ lill-gvern biex itemm mingħajr dewmien il-proċess ta' tisfija billi jevita li jużah b'mod selettiv għal skopijiet politiċi, bħalma huma l-awtoleġittimizzazzjoni politika jew il-malafama tal-avversarji politiċi;
9. Jagħti ġieħ lix-xogħol eċċellenti tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE/Kap tad-Delegazzjoni tal-UE; jikkundanna l-attakki mhux xierqa mill-politikanti tal-partit fil-gvern kontra r-rappreżentanti tal-UE u jiddispjaċih li l-gvern ma wriex b'mod ċar u fil-pubbliku li jiddissassoċja ruħu minn insulti bħal dawn; iqis dawn l-inċidenti bħala ta' ħsara kbira għall-immaġni tal-pajjiż;
10. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tittejjeb il-leġiżlazzjoni elettorali sabiex din tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja stipulati fir-rapport dwar l-elezzjonijiet presidenzjali u lokali tal-2009;
11. Itenni li midja ħielsa u indipendenti hija prekundizzjoni neċessarja għall-iżvilupp ta' demokrazija stabbli; jinnota l-eżistenza ta' varjetà u taħlita wiesgħa ta' stabbilimenti pubbliċi u privati tal-midja fil-pajjiż; jesprimi madankollu tħassib serju dwar il-politiċizzazzjoni tal-midja u l-indħil fil-ħidma tagħha; jinsab imħasseb dwar id-dipendenza ekonomika u l-konċentrazzjoni tal-poter politiku tal-midja, li ħafna drabi jirriżultaw f'nuqqas ta' indipendenza editorjali u fi standards tal-ġurnaliżmu baxxi; jinsab imħasseb bid-deterjorazzjoni konsiderevoli tal-libertà tal-midja fil-pajjiż kif tidher minn kif il-pajjiż niżel fil-klassifika (mill-34 post għat-68 post) tal-istampa tar-“Reporters Without Borders” għall-2010; jieħu nota tal-fatt li l-Ministeru tal-Intern xandar fuq il-paġna ewlenija tal-internet tiegħu sejħa sabiex iċ-ċittadini jiddenunzjaw rapporti tal-istampa “mhux oġġettivi”, jistieden lill-ġurnalisti biex iżommu standards professjonali għoljin fix-xogħol tagħhom, iżommu d-distanza mill-influwenzi politiċi u jistabbilixxu assoċjazzjonijiet professjonali tal-ġurnalisti, filwaqt li fl-istess ħin iħeġġeġ l-awtoritajiet responsabbli biex isaħħu l-indipendenza u l-libertà tal-midja billi japplikaw standards ugwali għal kull wieħed minnhom u jtejbu t-trasparenza tas-sjieda tagħhom;
12. Jilqa' l-liġijiet numerużi li ġew adottati għar-riforma ġudizzjarja u jitlob li jkun hemm iktar sforzi intensivi tal-ġudikatura sabiex ikunu żgurati l-professjonaliżmu u l-indipendenza tagħha minn pressjonijiet politiċi; għal dan il-fini, jenfasizza li l-qafas legali eżistenti jeħtieġ li jiġi implimentat malajr u b'mod effettiv; jinsab imħasseb bir-rwol kontinwu tal-Ministeru tal-Ġustizzja fil-Kunsill Ġudizzjarju u bil-kritika tal-Qorti Kostituzzjonali mill-gvern u l-parlamentari, li joħolqu r-riskju li l-ġudikatura tkun suġġetta għall-indħil politiku; madanakollu, jieħu nota b'sodisfazzjon li, minkejja dan in-nuqqas ta' qbil, is-sentenzi tal-qorti ġew implimentati kollha; jilqa' bi pjaċir l-isforzi sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema tal-qorti, b'mod partikolari bit-tnaqqis tal-każijiet li waqgħu lura fil-biċċa kbira tal-qrati; jilqa' wkoll id-dħul fis-seħħ tal-liġi rigward l-għajnuna legali;
13. Jilqa' bi pjaċir it-tkomplija tal-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni murija fost affarijiet oħra permezz tal-implimentazzjoni tat-tieni ronda tar-rakkomandazzjonijiet GRECO u d-dħul fis-seħħ tal-emendi għall-Kodiċi Kriminali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu jimplimentaw leġiżlazzjoni li tiġġieled il-korruzzjoni, kif ukoll li ttejjeb l-indipendenza, l-effiċjenza u r-riżorsi tal-ġudikatura; ifakkar madankollu li l-korruzzjoni għadha prevalenti u jitlob sabiex ikun hemm sforzi intensivi għall-eradikazzjoni tagħha; jenfasizza l-importanza tal-infurzar effettiv u imparzjali ta' leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, partikolarment rigward il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-konflitti ta' interess; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġi żgurat li s-sistema tal-qorti tiffunzjona ħielsa minn kull interferenza politika; jilqa' l-isforzi biex jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema tal-qorti; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm rekord tal-infurzar ta' prosekuzzjonijiet u sentenzi li permezz tiegħu jista' jitkejjel il-progress li jsir; jitlob l-armonizzazzjoni tal-ġurisprudenza, biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja trasparenti u l-fiduċja taċ-ċittadini;
14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi, fir-Rapport ta' Progress tagħha li jmiss, stima tal-impatt u r-riżultati miksuba permezz tal-allokazzjoni ta' fondi tal-UE fir-riforma tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem il-Kunsill u l-Parlament valutazzjoni aktar dettaljata tal-effiċjenza tal-miżuri kontra l-korruzzjoni meħuda minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-qasam kemm tal-akkwist pubbliku kif ukoll tal-frodi, u biex tippreżentaha flimkien mar-Rapport ta' Progress li jmiss.
15. Jirrikonoxxi l-isforzi li saru fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika iżda jitlob għal sforzi ulterjuri fil-qasam, li għadu politiċizzat u nieqes mill-kapaċitajiet u l-professjonaliżmu; jappoġġa l-adozzjoni min-naħa tal-gvern tal-Istrateġija Nazzjonali għar-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-ħolqien tas-sottokumitat tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; jinsab imħasseb dwar il-proċess mhux trasparenti u ad hoc għall-konverżjoni ta' postijiet temporanji f'postijiet permanenti, li jġib miegħu aktar politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni; jitlob li tiġi żviluppata strateġija għar-riżorsi umana ċara li tiddefinixxi l-bżonnijiet tal-amministrazzjoni f'termini ta' kapaċitajiet u kompetenzi u l-implimentazzjoni tagħha permezz ta' reklutaġġ ibbażat fuq il-mertu u l-iżvilupp ta' karrieri; jilqa' bi pjaċir iż-żieda fir-reklutaġġ minn komunitajiet mhux maġġoritarji iżda jenfasizza li dan għandu jsir abbażi ta' evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-amministrazzjoni, sabiex ikun żgurat li l-kapaċitajiet ta' impjegati ġodda jkunu jaqblu mar-rekwiżiti tal-impjiegi;
16. Ifaħħar il-progress kontinwu fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni; jinnota, madankollu, li baġits adegwati għandhom jakkumpanjaw it-trasferiment tar-responsabilitajiet għall-awtoritajiet iktar baxxi;
17. Jilqa' l-progress li nkiseb fir-rigward tar-riforma tas-sistema tal-ħabs; jibqa“, madankollu, imħasseb serjament dwar il-kundizzjonijiet li qed jiddegradaw f'xi ħabsijiet, b'mod partikolari fir-rigward ta' popolazzjoni iktar milli jifilħu l-ħabsijiet u sistema mhux adegwata ta' kura tas-saħħa; jenfasizza l-bżonn li jiġi osservat il-prinċipju li l-persuni f'detenzjoni għandhom ikunu suġġetti għal trattament xieraq, skont il-prinċipji tan-NU;
18. Jilqa' l-adozzjoni tal-liġi dwar iċ-ċens tal-popolazzjoni u l-unitajiet domestiċi tal-2011, u jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati l-preparazzjoni u l-organizzazzjoni operattiva adegwati sabiex jitwettaq ċens preċiż; jistieden lill-gvern biex jalloka fondi xierqa għall-organizzazzjoni tiegħu u jisħaq fuq l-importanza tad-depolitiċizzazzjoni tal-kwistjoni sabiex isir ċens mhux suġġettiv bl-usa' parteċipazzjoni possibbli;
19. Jisħaq fuq kemm huwa tassew importanti li jiġi żgurat li s-sistema edukattiva tappoġġa l-integrazzjoni etnika; għal dan il-għan, jilqa' bi pjaċir l-istrateġija tal-edukazzjoni integrata u jitlob li din tiġi implimentata malajr billi fost affarijiet oħra titneħħa gradwalment is-segregazzjoni abbażi ta' kunċetti etniċi u biż-żieda tat-tagħlim tal-lingwi uffiċjali kollha f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; jistieden lill-gvern sabiex itejjeb il-proċess ta' konsultazzjoni mal-komunitajiet differenti u sabiex jikkoopera magħhom mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;
20. Jidentifika nuqqas ta' progress fit-tfakkir konġunt ta' ġrajjiet storiċi komuni ma' Stati Membri ġirien tal-UE bl-għan tal-kontribut għall-fehim aħjar tal-istorja u għal rabtiet tajba bejn il-ġirien, kif enfasizzat mir-rapport preċedenti; iħeġġeġ l-introduzzjoni ta' kotba tal-iskola bla ħlas dwar l-interpretazzjonijiet ideoloġiċi tal-istorja;
21. Huwa mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni tal-komunitá tar-Roma, li għadha qed tiffaċċja kundizzjonijiet ta' ħajja iebsa u diskriminazzjoni fl-aċċess għas-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali; jenfasizza partikolarment is-sitwazzjoni diffiċli tat-tfajliet u n-nisa Roma li qed ikomplu jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni doppja bbażata kemm fuq l-etniċità kif ukoll is-sess; jistieden lill-gvern sabiex jimpenja ruħu biex jimplimenta l-istrateġija għar-Roma u l-pjan ta' azzjoni tad-Deċenju tar-Roma; f'dan ir-rigward, jilqa' l-attivitajiet tal-gvern immirati lejn l-integrazzjoni politika tar-Roma, inkluż li jkun hemm ministru għall-etniċità Roma inkarigat mill-kwistjonijiet relatati mal-komunità tar-Roma; ifaħħar lill-gvern għall-organizzazzjoni ta' laqgħa dwar is-suġġett tal-integrazzjoni tar-Roma filwaqt li kellu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa;
22. Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni bħala pass vitali fil-ġlieda kontra prattiki diskriminatorji, li għadhom mifruxa sew, u jappella biex din tiġi implimentata b'ħeffa u b'mod effikaċi; madankollu jiddispjaċih li, għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni Ewropea, l-orjentazzjoni sesswali ma ġietx inkluża fil-liġi bħala bażi ta' diskriminazzjoni; jitlob li jsir malajr allinjament tad-dispożizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam mal-acquis u li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u jenfasizza li din hija kundizzjoni għall-adeżjoni; jinsab imħasseb dwar l-andament tal-proċedura tal-għażla għall-membri tal-Kummissjoni għall-ħarsien mid-diskriminazzjoni; jiddispjaċih li l-ebda rappreżentant tas-soċjetà ċivili ma ġie nnominat fil-Kummissjoni; jitlob li jsiru aktar sforzi rigward id-drittijiet tan-nisa, biex jiżdied is-sehem tagħhom fis-suq tax-xogħol u fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ta' negozju, u sabiex in-nisa u t-tfal jitħarsu mill-vjolenza domestika;
23. Jitlob għal iktar sforzi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw bis-sħiħ il-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u biex jiżguraw li l-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi ikun iktar konsistenti; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; jitlob għall-implimentazzjoni ta' sistema ta' appoġġ għall-vittmi; iħeġġeġ lill-gvern u lis-settur nongovernattiv jippromwovu għarfien ikbar dwar dawn il-kwistjonijiet;
24. Jikkundanna l-każijiet riċenti ta' intimidazzjoni u l-attakki diretti fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-malafama personali tal-attivisti prominenti tagħhom; jilqa' l-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili introdotti mill-gvern iżda jinsab imħasseb li m'hemm l-ebda mekkaniżmu sistematiku u trasparenti għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar politiki nazzjonali ta' żvilupp, ta' leġiżlazzjoni, ta' programmi jew dokumenti strateġiċi oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'mod mhux selettiv sabiex jiġi stimulat dibattitu pubbliku effikaċi u li jiġu inklużi dawk interessati fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż; jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fil-kontribuzzjoni tagħha għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa fir-rigward tal-aspetti soċjali u politiċi; ifaħħar l-adozzjoni tal-Liġi ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet taċ-Ċittadin u jħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw organizzazzjonijiet ta' “benefiċċju pubbliku” billi jiżguraw skemi ta' finanzjament kemm jista' jkun malajr;
25. Jinnota b'sodisfazzjon li l-għajnuna tal-IPA taħdem sew f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; jinkuraġġixxi kemm lill-gvern tagħha kif ukoll lill-Kummissjoni biex jissimplifikaw il-proċedura ta' amministrazzjoni tal-finanzjament mill-IPA, bil-għan li din issir aktar aċċessibbli għal organizzazzjonijiet ċivili iżgħar u mhux ċentralizzati, trejdjunjins u benefiċjarji oħra;
26. Jenfasizza li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja rratifikat it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO li jikkonċernaw id-drittijiet tax-xogħol; jinsab imħasseb li sar biss progress dgħajjef fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins; jistieden lill-awtoritajiet isaħħu aktar id-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins u, f'dan ir-rigward jinkuraġġixxi wkoll lill-Gvern jiżgura biżżejjed kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-liġi tax-xogħol; jirrimarka dwar ir-rwol importanti tad-djalogu soċjali u jinkuraġġixxi lill-gvern isaħħaħ l-ambizzjonijiet tiegħu u jwaqqaf djalogu soċjali li jinkludi l-aspetti kollha mas-sħab relevanti;
27. Jenfasizza l-importanza tal-ħarsien u ż-żamma tal-wirt kulturali, li huwa pilastru tal-valuri u l-prinċipji Ewropej; jinnota b'dispjaċir li għadd ta' ċimiterji, affreski u artefatti li jagħmlu parti mill-wirt kulturali Bulgaru, ġew kompletament abbandunati u rvinati;
28. Jilqa' l-progress tal-pajjiż lejn ekonomija tas-suq li taħdem u kunsens wiesa' dwar aspetti fundamentali tal-politika ekonomika tal-pajjiż; ifaħħar lill-gvern għaż-żamma tal-istabbiltà makroekonomika, minkejja l-impatt negattiv li kellha l-kriżi finanzjarja globali, u jinnota l-prospettivi tajbin għal tkabbir ekonomiku fis-snin li ġejjin;
Żviluppi soċjoekonomiċi
29. Huwa mħasseb dwar il-qgħad għoli ħafna u persistenti, partikolarment fost iż-żgħażagħ, li huwa problema komuni f'ħafna pajjiżi tar-reġjun; jistieden lill-gvern sabiex jimplimenta malajr miżuri aktar effiċjenti sabiex itejbu l-investimenti pubbliċi ffukati fuq il-politiki tal-impjiegi u t-tqegħid tal-forza tax-xogħol f'impjiegi ta' kwalità għolja, stabbli u diċenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-awtoritajiet b'aktar assistenza mill-IPA;
30. Jinnota t-titjib li sar fil-klima tan-negozju li rriżulta minn riformi ekonomiċi li twettqu tul dawn l-aħħar snin u jenfasizza l-ħtieġa għal riforma strutturali kontinwa fil-pajjiż; jinnota fl-istess ħin li l-investiment barrani reġa' naqas minn livell li diġà kien baxx, u li s-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba l-kriżi finanzjarja globali; jitlob lill-aġenziji statali li huma responsabbli biex iħajru l-investiment dirett barrani, sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom biex iħajru investituri barranin potenzjali;
31. Jifraħ lill-gvern tal-implimentazzjoni effikaċi u bla xkiel tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-UE; għal dan il-għan, jilqa' d-deċiżjoni riċenti tal-gvern biex jabolixxi t-tariffi tad-dwana fuq aktar minn mitt prodott differenti bħala pass lejn il-liberalizzazzjoni kummerċjali sħiħa mal-UE; jittama li dawn il-bidliet iżidu l-kompetittività tal-produtturi domestiċi u b'hekk jistimulaw tkabbir ekonomiku usa“; iqis dan l-iżvilupp bħala stadju importanti li juri l-isforzi tal-pajjiż biex jiffaċċja l-kompetizzjoni li se tiżdied hekk kif isir membru tal-UE;
32. Jenfasizza l-bżonn li jiġu applikati prinċipji ta' governanza tajba fl-infiq tal-baġit billi jittejjeb l-aċċess liberu għall-informazzjoni pubblika, isiru konsultazzjonijiet ma' dawk interessati fil-proċedura baġitarja, u bit-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' rappurtaġġ li bih trid tittieħed responsabbilità għall-flus li jintnefqu; ifakkar li l-infiq tal-baġit mhux trasparenti jwassal għall-esklużjoni soċjali u l-kunflitti, u għandu dubji dwar il-leġittimità ta' xi kampanji nazzjonali;
33. Jilqa' l-adozzjoni riċenti tal-Att dwar l-Enerġija, bil-għan li jiġi liberalizzat is-suq tal-elettriku tal-pajjiż, li huwa konformi mad-direttivi relevanti Ewropej;
34. Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata sistema effiċjenti u affidabbli tat-trasport pubbliku, kemm fil-pajjiż kif ukoll fil-livell reġjonali (inkluż il-kollegament ferrovjarju Sofija-Skopje-Tirana); għal dan il-għan, itenni l-appell tiegħu biex l-awtoritajiet jibdew jinvestu fil-manutenzjoni u t-tijib tan-netwerk ferrovjarju bħala alternattiva vijabbli għas-sistema tat-toroq; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-gvern li jnaqqas l-investiment fil-programm annwali tal-infrastrutturi ferrovjarji u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-assistenza teknika u finanzjarja meħtieġa fi ħdan il-qafas tal-IPA;
35. Jistieden lill-awtoritajiet ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tal-Bulgarija jerġgħu jiftħu l-linja transkonfinali għall-persuni li jimxu fit-triq u għaċ-ċiklisti bejn Staro Konjarevo u Gabrene bil-għan li titjieb il-medda tal-Mogħdija tal-Purtiera tal-Ħadid bejn Strumica u Petric;
36. Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, iżda jitlob li jkun hemm aktar sforzi sabiex tiġi implimentata leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ambjent u sabiex ikunu pprovduti finanzi adegwati għal dan il-għan; b'mod partikolari jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi fil-qasam tal-kwalità tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart u l-protezzjoni tan-natura; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet ambjentali transkonfinali, ibbażata fuq standards tal-UE; f'dan ir-rigward, itenni l-istedina tiegħu għal monitoraġġ effikaċi tal-kwalità u l-livell tal-ilma fil-lagi Ohrid, Prespa u Dojran mal-fruntiera, kif ukoll fix-xmara Vardar; jilqa' l-inizjattiva tal-Ewroreġjun trilaterali tal-lag Prespa li jinvolvi lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, lill-Greċja u lill-Albanija; jistieden lill-gvern biex jestendi l-esperjenza b'suċċess tas-sistema ta' ġbir tal-ilma mormi ta' Ohrid u japplikaha għal-lagi l-oħra fir-reġjun; barra minn hekk, jilqa' l-progress li nkiseb fil-konstruzzjoni ta' impjant għat-trattament tal-ilma mormi f'Gevgelia;
37. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-tniġġis tal-ħamrija fil-belt ta' Veles li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjaratu bħal post perikoluż għall-ħajja tal-bniedem; jistieden lill-gvern sabiex jindirizza din il-kwistjoni u jieħu miżuri adegwati sabiex jipproteġi s-saħħa pubblika f'din iż-żona; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra jekk il-fondi tal-IPA jkunux jistgħu jintużaw għal dan il-każ partikolari;
Kwistjonijiet reġjonali
38. Ifaħħar lill-pajjiż li qed ikompli jkollu rwol fl-istabbilità tar-reġjun; filwaqt li jenfasizza l-parteċipazzjoni tiegħu fil-missjonijiet ċivili u militari tal-UE, madankollu jfakkar lill-gvern fl-obbligu tiegħu li jaderixxi mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-PESK, speċjalment dawk li jirreferu għal miżuri restrittivi, partikolarment rigward il-każ partikolari taż-Żimbabwe;
39. Jilqa' d-deċiżjoni riċenti meħuda mill-awtoritajiet tas-Serbja u ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jabolixxu l-ħtieġa ta' passaporti internazzjonali għaċ-ċittadini li jsiefru bejn iż-żewġ stati bil-għan li jiġi stabbilit kontroll konġunt tal-konfini komuni ta' bejniethom;
40. Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li t-tilwima dwar l-isem mal-Greċja qed tkompli timblokka t-triq tal-pajjiż lejn l-adeżjoni fl-UE, u jfakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill sabiex jibda n-negozjati għall-adeżjoni immedjatament; jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien u tal-fehim tas-sensitivitajiet tal-pajjiżi ġirien f'dan il-proċess; jistieden lill-gvernijiet sabiex jevitaw ġesti, azzjonijiet u dikjarazzjonijiet kontroversjali li jista' jkollhom effetti negattivi u li jistgħu jżidu l-piż fuq ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien; jinnota b'sodisfazzjon id-djalogu intensifikat bejn iż-żewġ Prim Ministri u jħeġġiġhom juru għarfien politiku u r-rieda li jagħmlu kompromess u jsibu malajr formola sodisfaċenti għaż-żewġ partijiet;
41. Ifakkar li, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-14 ta' Diċembru 2010, iż-żamma ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien, inkluża soluzzjoni negozjata u aċċettata miż-żewġ naħat rigward il-kwistjoni tal-isem, taħt l-awspiċi tan-NU, hija essenzjali;
42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jibdew jiżviluppaw mekkaniżmu ta' arbitraġġ applikabbli b'mod ġenerali bil-għan li jsolvi kwistjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi tat-tkabbir, bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir, u bejn l-Istati Membri;
43. Jinnota bi tħassib l-użu ta' argumenti storiċi fid-dibattitu li jinsab għaddej, inkluż il-fenomenu tal-hekk imsejħa “antiquisation”, li thedded li tqawwi t-tensjonijiet mal-pajjiżi ġirien u toħloq qasmiet interni ġodda;
44. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissarju responsabbli għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat sabiex jiffaċilitaw ftehim dwar il-kwistjoni tal-isem u joffru gwida politika, b'rispett sħiħ għall-proċedura ta' negozjati li għaddejja u għad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU; iqis li t-tfittxija għal soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet mill-aktar fis possibbli sservi bħala każ ta' prova għall-politika barranija komuni ta' wara Lisbona, kif ukoll għall-kapaċità tal-Unjoni li ssolvi kontroversji persistenti internazzjonali fuq il-fruntieri tagħha;
45. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jonoraw l-impenji tagħhom lejn pajjiżi terzi u jippremjaw il-progress u l-isforzi għal riforma tal-pajjiżi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Unjoni; jirrimarka li, inkella, ir-rieda ta' dawk il-pajjiżi li jirriformaw tista' tiddgħajjef;
46. Huwa tal-fehma li prolongazzjoni oħra tal-istatus quo dwar il-kwistjoni tal-isem u kwistjionijiet oħra pendenti ma' pajjiżi ġirien jistgħu jkunu ta' theddida mhux biss għall-istabbilità tal-pajjiż u tar-reġjun, iżda wkoll għall-kredibilità tal-politika għat-tkabbir, u għalhekk jistieden lill-partijiet kollha involuti sabiex juru r-rieda tajba tagħhom, solidarjetà u responsabilità sabiex isolvu l-kwistjonijiet pendenti; f'dan ir-rigward jistieden lill-awtoritajiet fil-pajjiż javvanzaw l-inizjattiva li jitwaqqfu kumitati ta' esperti konġunti dwar l-istorja u l-edukazzjoni mal-Bulgarija u mal-Greċja;
o o o
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.