Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tat-13 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)(1), tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(2), tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI)(3), tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-orjentazzjonijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK)(4), tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-Reviżjoni tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(5), tas-17 ta' Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed(6) u tal-20 ta' Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(7),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar(8),
– wara li kkunsidra l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) mill-2004 “l hawn, u b'mod partikolari r-rapporti ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitati ta' Kooperazzjoni Parlamentari ma' dawn il-pajjiżi bl-eċċezzjoni tal-Bjelorussja,
– wara li kkunsidra l-paragrafu 41 tar-Riżoluzzjoni ta' hawn fuq tal-15 ta' Novembru 2007, li ssejjaħ għall-ħolqien ta' Assemblea Parlamentari bejn l-UE u l-Viċinat tal-Lvant (EURONEST),
– wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni adottati b'mod konġunt mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja u l-Moldova, u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-26 ta' Lulju 2010 dwar il-PEV,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2010 intitolata “Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (COM(2010)0207),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar Is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2007 intitolata “Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha” (COM(2007)0774), tal-4 ta' Diċembru 2006 intitolata “It-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2006)0726), tat-12 ta' Mejju 2004 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dokument ta' Strateġija (COM(2004)0373) u tal-11 ta' Marzu 2003 dwar Ewropa Usa” - Viċinat: Qafas ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar' (COM(2003)0104),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(9),
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru. 13/2010 intitolat “L-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija l-Ġdid (ENPI) ġie varat b'suċċess u qiegħed jilħaq ir-riżultati fil-Kawkasu tan-Nofosinhar (l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja)?”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-Trattat ta' Lisbona ħoloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-UE biex ittejjeb l-effettività u l-koerenza tar-relazzjonijiet tagħha mal-protagonisti u s-sieħba kollha, partikolarment mal-ġirien tagħha,
B. billi, skont l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tiżviluppa mal-ġirien tagħha relazzjonijiet privileġġjati, sabiex tistabbilixxi żona ta' prosperità u ta' viċinat tajjeb, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaraterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni,
C. billi sa mit-tnedija tagħha l-PEV wasslet għal tisħiħ tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi sħab u ġabet magħha xi benefiċċji tanġibbli; billi għad baqa' sfidi u l-mira issa għandha tkun l-implimentazzjoni, bi prijoritajiet iddefiniti b'mod ċar għal azzjoni, l-iffissar ta' standards ċari u differenzjazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni,
D. billi s-Sħubija tal-Lvant (EaP) tikkostitwixxi qafas politiku sinifikanti għal r-relazzjonijiet aktar profondi mal-pajjiżi sħab u bejniethom, fuq bażi tal-prinċipji ta' sjieda u responsabilità komuni, kif ukoll ta' kondizzjonalità; billi relazzjonijiet msaħħin jeħtieġu żieda fl-impenn konġunt u progress tanġibbli lejn governanza tajba u standards demokratiċi,
E. billi l-EaP tiffoka fuq pjattaformi tematiċi ta' kooperazzjoni, li huma: id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istabilità; l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza mal-politiki tal-UE; l-ambjent, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija; u l-kuntati bejn il-persuni,
F. billi l-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Assemblea Parlamentari EURONEST tfittex li tikseb effetti pożittivi billi sservi ta' pjattaforma għall-iskambju ta' fehmiet, biex jinstabu pożizzjonijiet komuni dwar l-isfidi globali ta' żminijietna fir-rigward tad-demokrazija, il-politika, l-ekonomiji, is-sigurtà tal-enerġija u l-affarijiet soċjali, u biex jissaħħu r-rabtiet bejn il-pajjiżi tar-reġjun u l-UE, u wkoll fost il-pajjiżi tal-EaP innifishom,
G. billi l-UE għandha tippromwovi u ssaħħaħ sostanzjalment approċċ minn isfel għal fuq, billi żżid l-appoġġ ekonomiku tagħha għas-soċjetà ċivili u tippromwovi l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda biex tappoġġa l-proċessi ta' demokratizzazzjoni, li huma prekundizzjoni għal stabilizzazzjoni fit-tul,
H. billi l-kunflitti reġjonali fil-viċinat tal-UE li ma jiġux solvuti jimminaw l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku sostenibbli tal-pajjiżi kkonċernati u joħolqu ostaklu serju għall-kooperazzjoni reġjonali, l-istabilità u s-sikurezza, billi huma wkoll impediment serju għall-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ u tal-prijoritajiet tal-PEV, billi dawn il-kunflitti jimminaw l-iżvilupp ta' dimensjoni ġenwina u multilaterali effettiva għall-PEV; billi r-rwol li jista' jkollha s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kkonċernati għadu qed ikun sottovalutat,
I. billi d-dimostrazzjonijiet reċenti kontra r-reġimi repressivi fil-Bjeolrussja, it-Tuneżija u l-Eġittu diġà wrew biċ-ċar l-aspirazzjonijiet leġittimi tagħhom għad-demokrazija,
J. billi l-politika tal-UE u tal-Istati Membri għall-appoġġ u l-kooperazzjoni ma' reġimi mhux demokratiċi fit-Tuneżija u l-Eġittu falliet u għandha sservi ta' lezzjoni importanti fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Bjelorussja, u billi ġeneralment il-politika tal-UE dwar il-PEV għandha tissejjes fuq il-valuri,
K. billi l-ENPI għen biex ġie ssimplifikat il-finanzjament tal-PEV; billi l-proċess tat-tfassil tal-istrument li għandu joħodlu postu għandu jirrefletti l-konklużjonijiet tar-reviżjoni strateġika tal-PEV u għandu jinvolvi konsultazzjonijiet vasti,
Reviżjoni PEV – Ġenerali
1. Jilqa' l-progress fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-viċinat fi ħdan il-PEV, u jafferma mill-ġdid il-valuri, il-prinċipji u l-impenji li fuqhom ġiet mibnija l-PEV, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba; iqis li l-PEV għadha tikkostitwixxi qafas ta' importanzza strateġika biex jiġu approfonditi u msaħħa r-relazzjonijiet mas-sieħba l-aktar qrib tagħna, sabiex jiġu appoġġati r-riformi politiċi, soċjali u ekonomiċi tagħhom, u jenfasizza l-importanza taż-żamma tal-prinċipju ta' sjieda konġunta fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' programmi u azzjonijiet;
2. Jilqa' r-reviżjoni kontinwa tal-PEV u jenfasizza li dan il-proċess għandu jwassal għal tisħiħ ulterjuri tar-rabtiet tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat u jenfasizza li filwaqt li l-aspirazzjonijiet u l-miri ta' dawn il-pajjiżi jistgħu jkunu differenti, kollha kemm huma għandhom il-potenzjal li jkunu l-eqreb fost l-alleati politiċi tal-UE;
3. Jinnota li ż-żewġ dimensjonijiet (dik tan-Nofsinhar u dik tal-Lvant) tal-PEV għandhom jitqiesu bħala partijiet integrali tal-istess politika ta' prijorità; jenfasizza l-ħtieġa tal-flessibilità u ta' differenzjazzjoni tal-approċċ tagħna rigward sieħba individwali u nfiq aħjar;
4. Jenfasizza li r-reviżjoni strateġika tal-PEV għandha tirrifletti impenn politiku miżjud mis-sħab kollha u ssaħħaħ id-differenzjazzjoni bbażata fuq ir-rendiment, fuq bażi ta' limiti definiti b'mod ċar;
5. Iqis li huwa partikolarment utli li jiġu valutati u evalwati kontinwament mhux biss ir-riżultati li nkisbu s'issa permezz tal-programmi implimentati, iżda wkoll l-adegwatezza tar-riżorsi użati fi ħdan il-qafas tas-sħubija; huwa tal-fehma li din il-proċedura għandha tagħti opportunità għall-korrezzjoni futura ta' kull defiċjenza u għażliet magħmulin ħażin;
6. Jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut it-tibdil li sar permezz tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari r-rwol imsaħħaħ tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-ħolqien ta' Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-ħatra tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat u l-poteri ġodda għall-Parlament Ewropew, biex tingħata iktar koerenza lill-politika barranija tal-UE u jiżdiedu l-effiċjenza u l-leġittimità tad-dimensjoni u l-azzjoni esterna tagħha; jistenna li l-Istati Membri ma jieħdux inizjattivi bilaterali fil-pajjiżi tal-PEV li jistgħu jimminaw l-effikaċja tal-azzjoni tal-UE;
7. Jistieden lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja biex jikkontribwixxu bil-qawwa biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji politiċi jiġu integrati b'mod aktar qawwi fl-analiżi tas-sitwazzjoni politika f'pajjiżi terzi u biex dawn jiddaħħlu f'politiki ta' “trasformazzjoni” permezz ta' proġetti ta' għajnuna fejn possibbli;
PEV - Il-Lvant
8. Jilqa' t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant bħala qafas politiku biex isir progress fid-dimensjoni tal-Lvant tal-PEV, li tfittex li tapprofondixxi u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ġirien tagħha tal-Lvant, billi jitrawmu l-assoċjazzjoni politika, l-integrazzjoni ekonomika u l-approssimazzjoni leġiżlattiva, filwaqt li jingħata appoġġ lir-riformi politiċi u soċjoekonomiċi fil-pajjiżi sħab; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jfasslu standards ċari għall-monitoraġġ ta' dawn ir-riformi, filwaqt li jinnota li dawn l-istandards għandhom iqisu l-karatteristiċi ta' kull sieħeb, inklużi l-għanijiet speċifiċi u l-potenzjal tiegħu; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jinkludu l-Parlament fit-tfassil ta' dawn l-istandards; jenfasizza li r-riformi ekonomiċi għandhom jimxu id f'id mar-riformi politiċi u li l-governanza tajba tista' tinkiseb biss permezz ta' proċess ta' teħid ta' deċiżjoni miftuħ u trasparenti bbażat fuq istituzzjonijiet demokratiċi;
9. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ulterjuri tal-istabilità u l-bini ta' fiduċja multilaterali fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant kif maqbul fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant;
10. Jenfasizza li perspettiva Ewropea li tinkludi l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandha tikkostitwixxi impetu għar-riformi f'dawn il-pajjiżi u ssaħħaħ ulterjorment l-impenn tagħhom favur valuri u prinċipji komuni bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;
11. Ifakkar li l-valuri fundamentali komuni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-rispett tal-libertajiet tal-midja u l-promozzjoni tal-NGOs, li huma l-bażi li fuqha ġew imsejsa l-PEV u s-Sħubija tal-Lvant, għandhom jibqgħu jikkostitwixxu l-kejl ewlieni biex jiġi vvalutat ir-rendiment tal-pajjiżi sħabna; jistieden, għal dan il-għan, lis-sieħba kollha tal-PEV biex jieħdu azzjonijiet konkreti f'din id-direzzjoni; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jieħdu approċċ iktar ambizzjuż favur l-implimentazzjoni tal-programmi ta' azzjoni annwali f'dan il-qasam;
12. Jinnota li, sa mit-tnedija tal-PEV fl-2004, ġew irreġistrati riżultati mħallta, bi żviluppi pożittivi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni f'ċerti pajjiżi sħab u xi żviluppi negattivi f'oħrajn, partikolarment fil-Bjelorussja;
13. Jinnota li l-Bjelorussja jibqa' l-uniku pajjiż sieħeb tal-Lvant b'parteċipazzjoni limitata fir-rotta bilaterali tal-PEV u s-Sħubija tal-Lvantl-PEV u li l-impenn ulterjuri tiegħu f'dawn il-programmi se jiddependi minn kemm huwa lest li jżomm mal-valuri u mal-prinċipji bażiċi komuni; iqis li l-iżviluppi riċenti fil-Bjelorussja huma ta' offiża għall-viżjoni tal-UE tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jilqa' l-konlużjonijiet ta' Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar il-Bjelorussja fil-31 ta' Jannar 2011; jistieden lill-UE tieħu l-passi kollha meħteiġa biex timplimenta bis-sħiħ dawn il-konlużjonijiet, inkluż billi tipprova timpenja lill-Bjelorussi fl-idea ta' riforma billi jinqatgħu l-burokrazija u l-ispejjeż żejda involuti għall-ksib ta' viżi ta' Schengen u billi jiġu ffaċilitati l-kuntatti bejn il-popli; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-flessibilità kollha fi ħdan il-kodiċi tal-viża tal-UE meta jinħarġu vużu ta' Schengen; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lil donaturi oħra jappoġġaw l-iżvilupp ta' partiti politiċi b'orjentazzjoni demokratika fil-Bjelorussja, kif ukoll il-ħolqien ta' NGOs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili akbar u l-inizjattivi ċiviċi fir-reġjuni tal-Bjelorussja;
14. Jenfasizza li f'numru ta' pajjiżi l-qafas legali għall-elezzjonijiet u t-tmexxija tagħhom ma kinux konsistenti mal-istandards internazzjonali; jinsisti fuq l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti b'konformità mal-istandards u l-impenji internazzjonali;
15. Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-ġudikatura u fil-pulizija, għandha tkun prijorità ewlenija għall-UE fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet tagħha mas-sħab tal-Lvant, u li dan għandu jkun rifless fil-bini komprensiv tal-istituzzjonijiet; jenfasizza wkoll l-importanza li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra n-netwerks internazzjonali tal-kriminalità organizzata u jitlob iktar kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija mal-Aġenziji tal-UE;
16. Jenfasizza l-importanza li r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jiġu kkompletati b'dimensjoni multilaterali billi jiżdied l-ammont ta' attivitajiet u ta' inizjattivi inklużi fil-pjattaformi tematiċi, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ ta' proġetti transkonfinali, iż-żieda ta' programmi min-nies għan-nies, l-iżvilupp ta' inċentivi għall-kooperazzjoni reġjonali u t-tisħiħ ulterjuri ta' djalogu attiv mas-soċjetà ċivili sabiex issir promozzjoni tal-istabbiliment meħtieġ ta' istituzzjonijiet mhux governattivi miftuħa u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali; jinnota, madankollu, li d-dimensjoni bilaterali għadha importanti, u jitlob li jkun hemm differenzjazzjoni u kundizzjonalità iktar ċari u rigorużi, fejn l-ambizzjonijiet u l-impenji jiġu segwiti minn implimentazzjoni u fejn il-progress reali jiġi segwit b'passi konkreti lejn perspettiva Ewropea; jinsab konvint li l-intensifikazzjoni tar-rabtiet mas-sħab bl-aħjar rendiment se jkollha impatt pożittiv fuq l-oħrajn u tista' ssaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali;
17. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni jiżguraw li l-offerta ta' liberalizzazzjoni tal-viża magħmula lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant hi, f'termini tal-iskeda ta' żmien u l-kontenut, ġeneruża tal-anqas daqs dawk proposti lil pajjiżi oħra li magħhom jaqsmu fruntieri, sabiex jiġi evitat li jinħolqu inċentivi għall-għoti ta' passaporti barranin lil ċittadini ta' pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li, bħal fil-każ tal-Ġeorġja, l-Ukraina u l-Moldova, jista' jkollu l-effett li jidistabbilizza lil dawk il-pajjiżi, u għaldaqstant jista' jmur kontra s-sigurtà u l-interessi tal-UE nnifisha;
18. Jenfasizza l-importanza li tiġi inkoraġġuta aktar il-kooperazzjoni reġjonali fiż-żona tal-Baħar l-Iswed u jittejbu l-politiki tal-UE fir-rigward tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, partikolarment billi tiġi mnedija Strateġija kompluta tal-UE għall-Baħar l-Iswed u jiġi żgurat li jkun hemm ir-riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom; jenfasizza l-komplementarità bejn il-politiki tal-UE dwar il-Baħar l-Iswed u s-Sħubija tal-Lvant, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jagħmlu użu pożittiv mill-approċċi differenti taż-żewġ inizjattivi u jiċċaraw, fil-livelli kollha, kif dan il-grad sostanzjali ta' komplementarjetà għandu jiġi applikat pożittivament;
19. Jinkoraġġixxi lill-pajjiżi tar-reġjun biex jikkooperaw iktar mill-qrib u biex jinvolvu ruħhom fi djalogu msaħħaħ u prolongat, fil-livelli rilevanti kollha, rigward oqsma bħal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u partikolarment dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-asil, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-persuni, l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-drogi kif ukoll il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija; ifakkar li relazzjonijiet tajba ta' viċinat huma fost l-aktar prekundizzjonijiet importanti għall-progress mill-pajjiżi tal-PEV lejn sħubija fl-UE;
20. Jenfasizza li għad fadal problemi serji f'diversi pajjiżi rigward il-libertà tal-espressjoni, speċjalment fil-midja, il-libertà tal-għaqda l-assoċjazzjoni, u li l-ispazju disponibbli għas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jibqa' ristrett b'mod irraġonevoli;
21. Jilqa' r-rwol attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-valuri li hija bbażata fuqhom il-PEV, b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-midja u d-demokratizzazzjoni; jenfasizza li dan ir-rwol, flimkien mal-involviment fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ ta' proġetti taħt l-ENPI u l-Pjanijiet ta' Azzjoni PEV, jeħtieġ li jiġu appoġġati ulterjorment billi jiġi allokat appoġġ finanzjarju u istituzzjonali lilhom; jilqa' l-involviment attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment ta' dawk minn pajjiżi sħab, fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili; jinkoraġġixxi lill-Forum tas-Soċjetà Ċivili biex jinvolvi ruħu f'laqgħat ta' pjattaforma uffiċjali u fil-gruppi ta' ħidma tematiċi tas-Sħubija tal-Lvant;
22. Iqis li huwa neċessarju li ssir valutazzjoni dettaljata tal-kredibilità tal-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili li huma involuti f'dan il-proċess, biex jiġu żgurati l-leġittimità u l-effiċjenza tal-azzjonijiet tagħna;
23. Jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiżi sħab tagħna u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġahom b'mod attiv biex jissaħħu d-demokrazija lokali u l-governanza lokali; iħeġġeġ l-espansjoni ta' programmi ta' ġemellaġġ bejn awtoritajiet lokali tal-UE u pajjiżi sħab, kif ukoll it-twaqqif ta' Assemblea Lokali u Reġjonali tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;
24. Jenfasizza l-importanza tal-għaqdiet tal-ħaddiema u tad-djalogu soċjali bħala parti mill-iżvilupp demokratiku tas-sħab tal-Lvant; jenfasizza li d-drittijiet tal-għaqdiet tal-ħaddiema huma limitati u jistieden lis-sħab tal-Lvant isaħħu aktar id-drittijiet tax-xogħol u tal-għaqdiet tal-ħaddiema; jirrakkomanda t-tisħiħ tad-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali;
25. Jenfasizza l-importanza tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja indipendenti, inkluż fl-Internet, għall-iżvilupp ta' demokraziji u bħala mezz ta' promozzjoni ta' skambji u komunikazzjoni bejn soċjetajiet fir-reġjun u bejn dawn is-soċjetajiet u l-UE; iħeġġeġ lill-UE tkompli tiffinanzja lil Belsat, Radyo Racyja u lir-Radju Ewropew għall-Bjelorussja, kif ukoll tappoġġa l-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta' mezzi tal-midja oħra, anke permezz ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji, inter alia bħala mod ta' promozzjoni ta' rotot diretti ta' komunikazzjoni bejn is-soċjetajiet; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rtirata l-għajnuna li tingħata lil midja kkontrollata li tkun proprjetà tal-istat, bħal dak fil-Bjelorussja;
26. Ifakkar fil-fehma tiegħu li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni huma għodda importanti biex tiġi stimolata r-riforma u għandhom jinkludu kundizzjonijiet konkreti, skadenzi u standards ta' rendiment u jkunu akkumpanjati minn proċess ta' monitoraġġ regolari sabiex japprofondixxu r-relazzjoni bilaterali mal-UE b'mod ħolistiku u biex isaħħu l-koerenza bejn il-komponenti kollha ta' atli ftehimiet, jiġifieri l-komponenti politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-Programmi għall-Bini Komprensiv tal-Istituzzjonijiet għandu jiġi mniedi malajr kemm jista' jkun; jenfasizza li, filwaqt li titqies in-natura ambizzjuża tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u l-importanza kruċjali tagħhom għall-ġejjieni tas-Sħubija tal-Lvant, l-UE għandha tappoġġa lil dawn il-pajjiżi permezz ta' għajnuna teknika u finanzjarja, sabiex tagħtihom il-poter biex jonoraw l-impenji dwar l-implimentazzjoni; ifakkar lill-Kummissjoni fir-responsabilità tagħha li żżomm lill-Parlament u lir-rapporteurs responsabbli infurmati kif jixraq dwar il-mandati tan-negozjati għall-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u dwar in-negozjati nfushom;
27. Jilqa' l-ħidma tal-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE fl-Armenja u t-tnedija ta' grupp simili fil-Moldova; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni jiddiskuti l-possibilità li tingħata din l-għajnuna lil sħab oħra tal-Lvant;
28. Iqis li integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib tista' tkun aġent qawwi għal bidla soċjali u politika; jenfasizza li ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi (DCFTAs) mal-UE għandu jiġi implimentat biss ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa; jenfasizza li dawn jibqgħu waħda mill-inizjattivi ewlenin tas-Sħubija tal-Lvant għall-pajjiżi sħab u inċentiva b'saħħitha għar-riforma, sakemm l-impatt soċjali u ambjentali tagħhom jiġi vvalutat kompletament fi żmien dovut; jirrikonoxxi li, min-naħa tiegħu, il-kunċett tad-DCFTA għandu jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu tal-pajjiżi sħab tal-Lvant rispettivament;
29. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni ekonomika bilaterali u multilaterali miżjuda fost is-sħab tal-PEV, peress li dan jirriżulta f'benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, itejjeb il-klima politika fir-reġjun u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi sħab; jinkoraġġixxi, għalhekk, it-twaqqif ta' żoni ta' kummerċ ħieles fost il-pajjiżi sħab;
30. Jinnota l-preżenza ekonomika li kulma jmur qed tikber taċ-Ċina fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
31. Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lill-mobilità taċ-ċittadini u lill-ġestjoni tal-flussi migratorji, partikolarment permezz ta' faċilitazzjoni tal-viżi u ta' ftehimiet ta' riammissjoni bl-għan li wieħed jimxi gradwalment lejn liberalizzazzjoni tal-viża, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti; jistieden lill-UE biex tipprova b'mod attiv u malajr li jkollha negozjati għal dan l-iskop, filwaqt li sadanittant tiżgura implimentazzjoni aħjar tal-ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-viżi; jirrakkomanda li ftehimiet bilaterali għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aġġornament ta' liġijiet nazzjonali dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-PEV; jinsisti li l-implimentazzjoni ta' ftehimiet u politiki bħal dawn, b'mod partikolari l-għoti tal-asil, għandha tkun konformi bis-sħiħ mal-obbligi u l-impenji internazzjonali u mal-istandards tal-UE, speċjalment fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
32. Jenfasizza ulterjorment il-fatt li l-liberalizzazzjoni tal-viżi tista' tintuża bħala inċentiv qawwi biex jiġu promossi r-riformi tad-demokratizzazzjoni u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi sħab, kif ukoll bħala mezz kif jiġu rikonoxxuti passi konkreti lejn assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika mal-UE fil-qafas tal-PEV;
33. Jipproponi li l-Kummissjoni tippubblika rapport annwali ta' valutazzjoni rigward il-ftehimiet ta' riammissjoni Ewropej;
34. Jemmen li hija meħtieġa kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi tal-PEV u l-FRONTEX;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-mobilità tal-istudenti, tal-akkademiċi, tar-riċerkaturi u tal-kummerċjanti billi tiżgura li riżorsi suffiċjenti jkunu disponibbli u billi ssaħħaħ u twessa' l-programmi ta' għoti ta' boroż tal-istudju eżistenti; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati, fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, proġetti ġodda li jiffokaw fuq kooperazzjoni aktar strutturata fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla u tar-riċerka li tippromwovi skambji unversitarji u sħubijiet pubbliċi-privati fil-qasam tar-riċerka; jilqa' t-twaqqif tas-sħubiji ta' mobilità mal-Moldova u mal-Ġeorġja u jħeġġeġ il-konklużjoni ta' dawn l-isħubiji ma' sħab oħra tal-Lvant, bħala parti mill-Approċċ Globali tal-UE dwar il-Migrazzjoni; iqis, dan ir-rigward, li l-flessibilitajiet eżistenti fi ħdan il-Kodiċi tal-Viża ta' Schengen għandhom jintużaw u jiġi applikati aħjar biex tiġi ffaċilitata l-mobilità ta' dawn il-gruppi;
36. Jerġa' jafferma l-appoġġ kbir tiegħu għall-proġett iffinanzjat mill-UE li jivolvu boroż ta' studju lil gradwati universitarji mill-PEV u mill-UE fil-Kulleġġ tal-Ewropa; jemmen li dan se jippermetti li interlokuturi futuri jiġu mħarrġa fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, jiġifieri l-persunal għal impjiegi relatati mal-UE u l-PEV, li huwa familjara kompletament u professjonalment mas-sustanza u l-ispirtu tal-politiki, tal-liġijiet u tal-istituzzjonijiet tal-UE;
37. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni settorjali, meta jitqies il-livell ta' interdipendenza dejjem jiżdied, partikolarment f'oqsma bħal ma huma s-sikurezza tal-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni, it-teknoloġija tal-informazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-inklużjoni soċjali, l-impjiegi u l-ħolqien tagħhom u l-kooperazzjoni fis-settur tas-saħħa; jenfasizza li żieda fil-kooperazzjoni settorjali tista' trawwem sinerġiji bejn politiki interni tal-UE u l-PEV; f'dan ir-rigward, iqis li għandu jkun hemm iktar pajjiżi sħab li jitħeġġu jikkonkludu protokolli mal-UE fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-programmi u l-aġenziji Komunitarji; jilqa“, f'dan ir-rigward, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina mal-Komunità tal-Enerġija;
38. Jikkunsidra li hu neċessarju li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli li se jkunu objettivi ċentrali tal-arranġamenti tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-PEV; jenfasizza l-importanza strateġika tal-proġett Nabucco u l-implimentazzjoni rapida tiegħu, kif ukoll tat-trasport tal-gass naturali likwifikat (LNG) fi ħdan il-proġett AGRI;
39. Jenfasizza l-bżonn li jiġi pprovdut livell adegwat ta' finanzjament mill-UE għall-kooperazzjoni mal-viċinat u jtenni l-valur tal-ENPI bħala strument ta' finanzjament tal-PEV, li għandu jevolvi sabiex jirrispondi b'mod aktar flessibbli għall-bżonnijiet differenti tal-pajjiżi u r-reġjuni ġirien, jiżgura li jkun hemm rabta diretta bejn l-objettivi tal-politika tal-PEV u l-ipprogrammar tal-ENPI, kif ukoll jirrifletti l-karattru bbażat fuq ir-rendiment tal-PEV tal-futur; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li jiġu żgurati flessibilità u kapaċità ta' reazzjoni akbar għall-kriżijiet, kif ukoll assistenza mmirata aħjar, li tiffoka partikolarment fuq is-soċjetà ċivili u l-livelli lokali, filwaqt li jiġi żgurat approċċ minn isfel għal fuq u jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja ma tkunu suġġetta għall-interferenza mhuz ġustifikata mill-istat; jenfasizza l-valur tal-monitoraġġ tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi varji fi ħdan l-ENPI u jissottolija l-fatt li kriterju fundamentali għall-iffinanzjar tal-proġetti għandu jkun il-valur miżjud tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku lokali, billi tiġi kkunsidrata l-ispiża vera ta' kull proġett u l-kontribut reali li jagħti; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħmlu konsultazzjonijiet bikrin mal-Parlament u mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili waqt it-tfassil li jmiss tal-istrument suċċessur;
40. Jitlob li tiġi pprovduta żieda fil-finanzjament tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jsir użu aħjar minnu, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tas-soċjetà ċivili biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u r-riforma demokratika, kif ukoll tal-Istrument tal-Atturi mhux Statali li jappoġġa l-attivitajiet ta' żvilupp lokali fuq skala żgħira li għandhom jiġu implimentati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari fil-Bjelorussja;
41. Jenfasizza l-importanza li jinżammu livelli adegwati ta' finanzjament u huwa inkuraġġit mill-koordinazzjoni mtejba tal-ħidma li saret mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi oħra biex jittejbu l-effiċjenza u jiġu ġenerati sinerġiji; jenfasizza li l-UE għandha wkoll tikkontribwixxi għal użu aħjar tar-riżorsi eżistenti mill-pajjiżi sħab billi titqiegħed enfasi ikbar fuq kooperazzjoni prattika biex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jimplimentaw ir-riformi u l-impenji dovuti għad-diversi ftehimiet konklużi mal-UE; jinnota li l-konnessjoni diretta bejn ir-rendiment u l-assistenza finanzjarja (p.e. il-Faċilità ta' Governanza fi ħdan l-ENPI) jeħtieġ li tiġi msaħħa, speċjalment fil-qasam tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;
42. Iqis li l-appoġġ baġitarju jista' jiġi diskuss bħala opzjoni utli li tista' tipprovdi inċentivi reali fil-futur; jemmen, madankollu, li għandu jkunibbażat fuq il-prinċipju ta' differenzjazzjoni u jkun soġġett għall-kundizzjonalità, inkluż l-aderenza tal-pajjiżi benefiċarji lejn valuri u prinċipji komuni, ġestjoni effettiva tal-baġit u proċeduri ta' kontroll, livelli baxxi ta' korruzzjoni, u l-kapaċità li dan l-appoġġ jintuża b'mod trasparenti, effettiv u responsabbli;
43. Jinsisti li għandu jkun hemm żieda sostanzjali tal-limiti tal-Intestatura 4 fi ħdan il-baġit ġenerali, b'mod partikolari fir-rigward tal-ENPI, peress li, minkejja li f'dawn l-aħħar snin sar xi progress fil-promozzjoni ta' kooperazzjoni msaħħa u l-integrazzjoni ekonomika progressiva bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi sħab, jeħtieġ li jsir iktar hekk kif jitfaċċaw sfidi u oqsma għall-kooperazzjoni ġodda;
44. Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ finanzjarju, għalkemm mhux għad-detriment tal-iffinanzjar tal-Unjoni għall-Mediterran, għall-komponent tal-Lvant tal-PEV, sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant u tiġi assigurata l-implimentazzjoni effettiva tagħha;
45. Jinnota li għalkemm l-għajnuna tista' taġixxi bħala lieva għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, mhijiex biżżejjed biex tiggarantixxi żvilupp sostenibbli u dejjiemi; għalhekk jistieden lill-pajjiżi tal-PEV biex isaħħu u jimmobilizzaw ir-riżorsi domestiċi tagħhom, jinvolvu b'mod attiv lis-settur privat, lill-gvernijiet lokali u lis-soċjetà ċivili fl-aġenda tal-PEV u biex japproprjaw ruħhom aktar mill-proġetti tal-PEV tagħhom;
46. Jinnota li t-tisħiħ tad-dimensjoni taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant jirrappreżenta investiment importanti fil-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Viċinat tal-Lvant b'potenzjal kbir għas-snin li ġejjin u fid-demokratizzazzjoni ta' dawk is-sħab u l-armonizzazzjoni tal-legiżlazzjoni tagħhom mal-istandards Ewropej; itenni li l-EUR 1,000,000 addizzjonali allokati għall-ENPI għall-2011 fi ħdan il-Baġit tal-UE għall-2011 għandhom jintefqu mill-Kummissjoni għat-tisħiħ tad-dimensjoni taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant billi jipprovdu:
(a)
għotjiet żgħar li għandhom jiġu assenjati permezz ta' sejħiet għal proposti maħruġa mill-Kummissjoni jew minn delegazzjoni tal-UE u indirizzati lill-UE u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għal proġetti komuni,
(b)
boroż ta' studju għall-istudenti li ġejjin mill-pajjiżi tal-Lvant tal-PEV;
47. Jilqa' r-riżultat tal-konferenza tad-donaturi organizzata fit-2 ta' Frar 2011 għall-Bjelorussja b'riżultat ta' madwar EUR 87 miljun li għandhom jintefqu għall-appoġġ tal-kelliema għad-drittijiet tal-bniedem, għat-tisħiħ tal-għaqdiet tal-ħaddiema, taċ-ċentri ta' riċerka u tal-organizzazzjonijiet tal-istudenti;
48. Jinnota l-impenn aktar qawwi tal-UE fi kwistjonijiet ta' sigurtà fil-Viċinat tal-Lvant, bit-twaqqif ta' EUBAM fil-Moldova u ta' EUMM fil-Ġeorġja; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lill-SEAE jżidu l-involviment tagħhom fis-sejba ta' soluzzjoni għal kunflitti li ilhom għaddejjin żmien fit-Tranżnistrija u fin-Nofsinhar tal-Kawkasu fuq il-bażi tal-prinċipji tal-liġi internazzjonali, partikolarment in-nuqqas ta' użu tal-forza, l-awtodeterminazzjoni u l-integrità territorjali, permezz ta' pożizzjonijiet ta' politika aktar attivi, parteċipazzjoni iktar attiva u rwol prominenti fi strutturi ta' soluzzjoni ta' kunflitti permanenti jew ad hoc, inkluż il-formati ta' negozjar diġà eżistenti, partikolarment tal-OSKE;
49. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lis-SEAE jiżviluppaw aktar miżuri u programmi għall-bini ta' fiduċja, inkluża t-tnedija ta' missjonijiet ġodda u strateġiji ta' komunikazzjoni pubblika u billi jqisu inizjattivi prammatiċi u approċċi innovattivi bħal pereżempju kuntatti informali u konsultazzjonijiet mas-soċjetajiet tat-territorji li jfittxu l-indipendenza, filwaqt li jikkonservaw il-politika ta' nuqqasb ta' rikonoxximent tal-UE, sabiex jiġu appoġġati l-kultura ċivika u d-djalogu komunitarju; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ il-prinċipju tar-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien kif ukoll l-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali permezz tal-PEV, is-Sħubija tal-Lvant u n-negozjati ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni; iqis li r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għad għandhom rwol sinifikanti, partikolarment meta l-mandat tagħhom ikollu dimensjoni reġjonali, bħal pereżempju fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; jikkunsidra li aktar miżuri ta' kwalità aħjar għandhom ikunu implimentati bl-għan li jsolvu l-kunflitti li ilhom għaddejjin żmien fir-reġjun li qegħdin jostakolaw id-dimensjoni multilaterali;
50. Jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-fatt li n-nuqqas ta' kwalunkwe progress dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti li għad ma ġewx solvuti fil-Kawkasu tan-Nofsinhar xekkel l-iżvilupp ta' kull tip ta' kooperazzjoni fir-reġjun, bl-eċċezzjoni taċ-Ċentru Reġjonali għall-Ambjent, u sussegwentament dgħajjef il-PEV; jikkunsidra li huwa tal-akbar importanza li jiġu identifikati oqsma ta' kooperazzjoni fejn ikunu involuti t-tliet pajjiżi, b'mod partikolari fir-rigward tad-djalogu bejn is-soċjetajiet ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-midja indipendenti kif ukoll l-interazzjoni ekonomika, u jistieden lis-SEAE biex jagħmel l-isforzi kollha sabiex jinvolvi wkoll il-Federazzjoni Russa u t-Turkija f'din l-inizjattiva;
51. Jemmen li, sabiex jitnaqqas l-ammont ta' xogħol tad-delegazzjonijiet tal-UE għal dawn il-pajjiżi u biex jitjieb l-involviment tal-UE fis-soluzzjonijiet negozjati internazzjonalment tal-kunflitti li ilhom għaddejjin żmien, il-ħatra ta' Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSRs) tista' tkun għodda utli, partikolarment fil-każ tar-reġjun tat-Transnistrija u l-Kawkasu tan-Nofsinhar; jenfasizza li x-xogħol tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSR) jista' jkun ikoordinat mill-Rappreżentant Għoli/Viċi President;
52. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-persuni spustati bil-forza (kemm refuġjati u persuni spustati internament (IDPs)) għadhom qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jirritornaw lura, id-drittijiet għal proprjetà u d-dritt għas-sigurtà personali, bħala riżultat tal-ġlied bl-armi fit-territorji tal-pajjiżi sħab; jistieden lill-partijiet kollha biex jirrikonoxxu dawn id-drittijiet mingħajr ambigwità u mingħajr kundizzjonijiet, il-ħtieġa li dawn jitwettqu minnufih u l-ħtieġa li malajr kemm jista' jkun tinstab soluzzjoni għal din il-problema li tkun konformi mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali; jistieden, f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu u jżidu l-provvista ta' assistenza u appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi rispettivi tas-Sħubija tal-Lvant fl-indirizzar ta' din is-sitwazzjoni, b'mod partikolari billi jgħinu sabiex jiġu rrinovati u mibnija l-binjiet u t-toroq meħtieġa, l-infrastruttura tal-provvista tal-ilma u tal-elettriku, l-isptarijiet u l-iskejjel;
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
53. Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-Parlament Ewropew fit-trawwim ta' dibattitu politiku u biex jiżdiedu l-libertà u d-demokrazija fil-pajjiżi msieħba ġirien inkluż l-missjonijiet parlamentari għall-osservazzjoni ta' elezzjonijiet; jenfasizza l-impenn tiegħu biex tiżdied il-koerenza tal-ħidma tiegħu fost il-korpi tiegħu, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet tiegħu mas-soċjetà ċivili u l-effikaċja tax-xogħol tal-korpi tiegħu, inkluż permezz ta' użu aħjar tad-delegazzjonijiet tiegħu għall-korpi interparlamentari;
54. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Assemblea Parlamentari tal-EURONEST, filwaqt li jenfasizza li r-rwol tal-entità biex jissaħħu d-demokrazija u l-istituzzjonijiet demokratiċi u bħala d-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant; jikkunsidra li l-Assemblea għandha tagħti kontribut utli fl-implimentazzjoni tal-PEV msaħħa u tagħti valur miżjud lill-partijiet kollha interessati fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni, tas-solidarjetà u tal-fiduċja reċiproka; jiddikjara li l-parlamentari tal-Bjelorussja huma milqugħa biex jissieħbu mal-Assemblea Parlamentari tal-EURONEST, iżda biss meta l-parlament tal-Bjelorussja jiġi elett b'mod demokratiku u jiġi rikonoxxut bħala tali mill-UE;
55. Jenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew fil-fażijiet u l-oqsma kollha ta' żvilupp tal-PEV, kemm fit-teħid tal-għażliet strateġiċi kif ukoll fl-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-PEV, u jtenni l-impenn tiegħu li jkompli jeżerċita d-dritt ta' skrutinju parlamentari fl-implimentazzjoni tal-PEV, inkluż billi jkollu dibattiti regolari mal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-ENPI; jiddispjaċih madankollu, dwar il-konsultazzjoni u l-aċċess limitat għal dokumenti waqt it-tħejjija ta' abbozzi ta' dokumenti relevanti ta' pprogrammar; jitlob li l-Parlament jingħata aċċess għall-mandati tal-ftehimiet internazzjonali kollha fil-proċess ta' negozjati mal-pajjiżi sħab tal-PEV, bi qbil mal-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li l-Parlament għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;
56. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jlaqqa' t-tieni Summit tas-Sħubija tal-Lvant fl-2011; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex jisfruttaw din l-opportunità sabiex janalizzaw il-progress li sar u biex ikomplu jirrevedu l-gwida strateġika għas-Sħubija tal-Lvant biex tkun tista' tkompli twassal riżultati sostanzjali fil-futur;
o o o
57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kommissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lis-SEAE, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Pajjiżi tal-PEV, lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa.