Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2664(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0274/2011

Dibattiti :

PV 07/04/2011 - 10.1
CRE 07/04/2011 - 10.1

Votazzjonijiet :

PV 07/04/2011 - 11.1

Testi adottati :

P7_TA(2011)0157

Testi adottati
PDF 208kWORD 40k
Il-Ħamis, 7 ta' April 2011 - Strasburgu
Il-każ ta' Ai WeiWei fiċ-Ċina
P7_TA(2011)0157RC-B7-0274/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar Ai Weiwei

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fil-leġiżlatura attwali dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi mewġa ta' sejħiet fuq l-internet għal “Rivoluzzjoni Jasmine” Ċiniża (ispirata minn żviluppi politiċi fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fil-Libja) irriżultat f'serje ta' azzjonijiet u ta' ripressjoni mifruxa min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi, fuq attivisti u dissidenti tad-drittijiet tal-bniedem,

B.  billi l-artist u kritiku tar-reġim rinomat internazzjonalment, Ai Weiwei, qatt ma deher aktar minn meta ġie detenut waqt li kien qiegħed jgħaddi minn kontrolli ta' sigurtà fl-ajruport ta' Beijing, nhar il-Ħadd it-3 April 2011,

C.  billi, flimkien mad-detenzjoni tiegħu, kien hemm rapporti li sar rejd mill-pulizija fuq l-uffiċċju tiegħu, li matulu kkonfiskaw diversi oġġetti,

D.  billi Ai Weiwei dan l-aħħar ġie impedit milli jivvjaġġa lejn Oslo biex jattendi ċ-ċerimonja tal-Premju Nobel għall-Paċi u nżamm taħt arrest domiċiljari wara l-ftuħ tal-wirja tiegħu taż-żerriegħa tal-ġirasol fl-Londra, u wara li l-uffiċċju tiegħu ġie sakkeġġat f'Shanghai,

E.  billi Ai Weiwei huwa magħruf sew barra miċ-Ċina, iżda ġie impedit, bħala artist, li juri l-wirjiet tiegħu fiċ-Ċina, għalkemm ix-xogħol tiegħu sar magħruf minħabba d-disinn bi sħab tiegħu tal-istadju Olimpiku bl-isem “Bird's Nest”,

F.  billi Ai Weiwei kiseb prominenza nazzjonali u internazzjonali meta ppubblika l-ismijiet tal-vittmi tfal tat-terremot ta' Sichuan u sussegwentement ġie msawwat minn persuni mhux magħrufa, bil-konsegwenza li kellu jiddaħħal l-isptar fil-Ġermanja,

G.  billi Ai Weiwei huwa wieħed mill-firmatarji l-aktar prominenti tal-Karta 08, petizzjoni li tħeġġeġ liċ-Ċina biex tkompli għaddejja fid-direzzjoni tar-riforma politika u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

1.  Jikkundanna d-detenzjoni inġustifikabbli u inaċċettabbli tal-kritiku tar-reġim u tal-artist rinomat internazzjonalment, Ai Weiwei;

2.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Ai Weiwei u jesprimi s-solidarjetà tiegħu għall-azzjonijiet u l-inizjattivi paċifiċi tiegħu favur riformi demokratiċi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jenfasizza li l-pulizija irrifjutaw li jagħtu informazzjoni lil mara ta' Ai Weiwei, dwar ir-raġuni wara d-detenzjoni tiegħu;

4.  Jenfasizza li d-detenzjoni ta' Ai Weiwei hija karatteristika ta' ripressjoni reċenti mifruxa fuq attivisti u dissidenti tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, fejn saru għadd kbir ta' arresti, ingħataw sentenzi ta' ħabs eċċessivi, u kien hemm żieda fis-sorveljanza personali u żieda fir-restrizzjonijiet ripressivi fuq ġurnalisti barranin;

5.  Jistieden lill-VP/HR, Catherine Ashton, biex tkompli tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fuq l-aktar livell għoli, waqt il-kuntatti tagħha mal-awtoritajiet Ċiniżi, - inkluż il-kundanna ta' ħabs riċenti ta' Liu Xianbin għal 10 snin u ta' Liu Xiaobo għal 11-il sena kif ukoll, pereżempju, il-każijiet ta' Liu Xia, Chen Guangcheng, Gao Zhisheng, Liu Xianbin, Hu Jia, Tang Jitian, Jiang Tianyong, Teng Biao, Liu Shihui, Tang jingling, Li Tiantian, Ran Yunfei, Ding Mao u Chen Wei, filwaqt li jinnota wkoll bi tħassib il-kundizzjonijiet ripressivi li taħthom qegħdin jgħixu n-nisa jew l-irġiel taghħom kif ukoll il-familji tagħhom - u biex tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar dawk il-każijiet wara d-djalogu politiku ta' livell għoli li ġej bejn l-UE u ċ-Ċina, li fih se jipparteċipa l-VP/RGħ;

6.  Jieħu nota li r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċina għadu kwistjoni gravi; jenfasizza l-bżonn li ssir valutazzjoni komprensiva tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, inkluż tas-seminar legali dwar drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, sabiex tiġi ġudikata l-metodoloġija applikata u l-progress miksub s'issa;

7.  Jitlob lid-Delegazzjonijiet tiegħu għar-Relazzjonijiet mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex iqajmu u jindirizzaw sew il-kwistjoni ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward, b'mod partikolari, għall-każijiet elenkati f'din ir-riżoluzzjoni fil-laqgħa interparlamentari li jmiss;

8.  Jistieden lill-VP/RGħ biex tikkunsidra mill-ġdid dak id-djalogu sabiex isir effettiv u orjentat lejn il-ksib tar-riżultati, u biex tieħu l-passi kollha meħtieġa għall-organizzazzjoni rapida tad-djalogu li jmiss dwar id-drittijiet tal-bniedem, li matulu se jitqajmu dawk il-każijiet flimkien ma' każijiet oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, imsemmija fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

9.  Ifakkar li ċ-Ċina ilha taħt partit uniku mill-1949, u f'dan il-kuntest ta' żvilupp politiku riċenti, u fid-dawl tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina li qed tiddeterjora, isostni li l-partijiet politiċi fl-UE għandhom jikkunsidraw mill-ġdid ir-relazzjonijiet tagħhom;

10.  Huwa tal-fehma li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom ikunu akkumpanjati mill-iżvilupp ta' djalogu politiku, ġenwin, produttiv u effettiv u jitlob li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jagħmel parti integrali mill-ftehim ta' qafas ġdid li issa qed jiġi nnegozjat maċ-Ċina;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-VP/RGħ tal-UE, lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni, u lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Assemblea Nazzjonali Popolari tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Avviż legali - Politika tal-privatezza