Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2124(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0168/2011

Testi mressqa :

A7-0168/2011

Dibattiti :

PV 11/05/2011 - 4
CRE 11/05/2011 - 4

Votazzjonijiet :

PV 11/05/2011 - 5.20
CRE 11/05/2011 - 5.20
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0227

Testi adottati
PDF 516kWORD 194k
L-Erbgħa, 11 ta' Mejju 2011 - Strasburgu
Ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fl-2009
P7_TA(2011)0227A7-0168/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Mejju 2011 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fl-2009, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b'applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 (2010/2124(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fl-2009, ippreżentat lill-Parlament Ewropew f konformità mal-Parti II, Taqsima G, Paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali msemmi hawn fuq, tas-17 ta' Mejju 2006, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Frar 2009(2) u tal-10 ta' Marzu 2010(3) dwar ir-rapporti annwali tal-PESK tal-2007 u tal-2008 rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010(4) dwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-OSKE: rwol għall-UE(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar r-responsabilizzazzjoni politika(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli fil-plenarja tal-Parlament Ewropew dwar l-organizzazzjoni bażika tal-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE tat-8 ta' Lulju 2010(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-16 ta' Settembru 2010 dwar ir-relazzjonijiet esteri tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0168/2011),

A.  billi l-UE għandha tiżviluppa aktar l-objettivi tal-politika estera tagħha u għandha tavvanza l-valuri u l-interessi tagħha mad-dinja kollha bl-għan globali li tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, is-solidarjetà, il-prevenzjoni tal-kunflitti, il-promozzjoni tad-demokrazija, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett għad-dritt internazzjonali, l-appoġġ għall-istituzzjonijiet internazzjonali, il-multilateraliżmu effikaċi u r-rispett reċiproku fost in-nazzjonijiet, l-iżvilupp sostenibbli, il-kummerċ ħieles u ġust u l-qerda tal-faqar,

B.  billi l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona qed iġġib dimensjoni ġdida lill-azzjoni esterna Ewropea u se jkun strumentali biex jitjiebu l-koerenza, il-konsistenza u l-effikaċja tal-politika estera tal-UE u, b'mod iktar mifrux, l-azzjonijiet esterni,

C.  billi t-Trattat ta' Lisbona qed joħloq momentum ġdid fil-politika estera tal-UE, li partikolarment jagħti l-għodod istituzzjonali u operattivi li jistgħu jippermettu lill-UE li jkollha rwol internazzjonali kompatibbli mal-istatus ekonomiku prominenti tagħha u mal-ambizzjonijiet tagħha u li torganizza ruħha b'tali mod biex tkun attur globali effettiv, kapaċi li jkollha sehem fir-responsabilità għas-sigurtà dinjija u li tkun mexxejja fid-definizzjoni ta' reazzjonijiet komuni għall-isfidi komuni,

D.  billi l-momentum il-ġdid fl-azzjoni esterna Ewropea jirrikjedi wkoll li l-UE taġixxi b'mod aktar strateġiku sabiex ikollha piż fix-xena internazzjonali; billi l-kapaċità tal-UE li tinfluwenza l-ordni internazzjonali tiddependi mhux biss mill-koerenza bejn il-politiki, l-atturi u l-istituzzjonijiet tagħha imma wkoll minn kunċett strateġiku reali tal-politika estera tal-UE li għandha tgħaqqad flimkien l-Istati Membri kollha wara l-istess sensiela ta' prijoritajiet u miri, sabiex dawn jitkellmu b'vuċi unika b'saħħitha fl-arena internazzjonali; billi l-politika barranija tal-UE għandhom jingħatawlha l-mezzi u l-istrumenti neċessarji ħalli tippermetti lill-Unjoni taġixxi b'mod effikaċi u konsistenti fix-xenarju dinji,

E.  billi qed issir trasformazzjoni sostanzjali tal-ordni internazzjonali attwali, sforz li fiġġew sfidi ġodda u l-ħolqien ta' strutturi ta' poter ġoddam, li jitolbu mill-UE li timpenja ruħha b'mod iktar attiv mal-poteri kurrenti u emerġenti tad-dinja kif ukoll mal-personaġġi mhux statali kif ukoll mas-sħab u l-istituzzjonijiet bilaterali u multilaterali sabiex ikunu promossi soluzzjonijiet effettivi għall-problemi li huma komuni għaċ-ċittadini Ewropej u għad-dinja b'mod ġenerali, li jista' jkollhom impatt fuq is-sigurtà globali,

F.  billi anke l-momentum il-ġdid għandu bżonn iwassal għad-definizzjoni ta' paradigma ġdida għas-sħubijiet strateġiċi tal-UE, kemm ġodda kif ukoll dawk antiki, u billi din għandha tkun ibbażata fuq valuri universali kondiviżi bħalma huma l-ħeġġa għad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet bażiċi, l-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali, kif ukoll il-benefiċċji u l-interessi reċiproċi u fehim komuni tas-sigurtá globali,

G.  billi l-iskrutinju parlamentari tal-politika estera tal-UE huwa essenzjali jekk l-azzjoni esterna Ewropea għandha tiġi mifhuma u appoġġata miċ-ċittadini tal-UE; billi l-iskrutinju jtejjeb il-leġittimità ta' din l-azzjoni; billi l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fl-UE għandhom ikunu determinati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, bi qbil mal-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll 1 tat-Trattat ta' Lisbona,

Ir-rapport annwali tal-Kunsill tal-2009 dwar il-PESK

1.  Jilqa' r-rapport annwali tal-Kunsill u jfaħħar l-istruttura tiegħu trasparenti u bbażata fuq temi, li tipprovdi ħarsa ġenerali ċara lejn il-politiki u l-azzjonijiet fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni; jilqa' wkoll l-ambizzjoni tal-Kunsill li jenfasizza aktar u jiffoka b'mod iktar qawwi fuq il-kuntest reġjonali tal-kunflitti u l-kwistjonijiet; jisogħobih, madankollu, li r-rapport ma jressaq ebda approċċi possibli biex tinsab soluzzjoni għall-kunflitti u l-kwistjonijiet;

2.  Jistieden lill-Kunsill ma jillimitax l-għan tar-rapport annwali tal-PESK għal sempliċi deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-PESK iżda jagħmlu strument iffukat fuq il-politika u soluzzjonijiet; hu tal-fehma li r-rapport għandu jipprovdi aktar minn katalogu tal-avvenimenti u l-iżviluppi u li għandu jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-effikaċja tal-politika barranija tal-UE u l-mezzi neċessarji għall-persegwiment tal-objettivi tal-azzjoni esterna Ewropea; jitlob lill-Kunsill jinkludi wkoll fir-rapport, valutazzjoni tal-koordinazzjoni u l-koerenza bejn il-PESK u l-politiki esterni l-oħra tal-Unjoni, kif ukoll rakkomandazzjonijiet strateġiċi u organizzattivi għall-futur fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-azzjonijiet fil-qafas tal-PESK;

3.  Jemmen li r-rapport annwali dwar il-PESK għandu jkun imsejjes fuq il-qafas istituzzjonali l-ġdid maħluq mit-Trattat ta' Lisbona u għandu jservi ta' strument għal djalogu interistituzzjonali mtejjeb, partikolarment billi jiddiskuti dwar l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-UE dwar il-politika estera, jevalwa l-effettività tagħha u jindika d-direzzjoni tagħha fil-ġejjieni;

It-tisħiħ tat-Trattat ta' Lisbona

4.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu favur l-iżvilupp ta' strateġija tal-politika estera tal-UE bbażata fuq l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat UE), li għandha tidentifika b'mod ċar l-interessi tal-UE għall-politika estera u ta' sigurtà komuni; jistieden lir-Viċi-President/ir-Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) biex tuża bis-sħiħ is-setgħat tagħha biex tniedi, timplimenta, tiżgura l-konformità mal-PESK, bl-inklużjoni tal-korpi rilevanti tal-Parlament bi sħiħ ma' dan l-objettiv;

5.  Jisħaq li hemm bżonn li tissaħħaħ il-koerenza bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-Istati Membri u l-Kummissjoni taħt it-tmexxija tal-VP/RGħ; jitlob li jitjiebu s-sinerġiji bejn l-UE u l-livell nazzjonali u li titjieb il-koordinazzjoni bejn id-diversi atturi istituzzjonali, bil-għan li jiġu integrati aħjar l-istrumenti u l-politiki relevanti kollha u li jitwassal messaġġ uniku tal-UE dwar kwistjonijiet politiċi prinċipali; iqis li l-kooperazzjoni fil-livelli kollha bejn is-SEAE, il-korpi relevanti u l-kumitati fil-Parlament Ewropew u s-servizzi rispettivi fil-Kummissjoni hija essenzjali sabiex l-UE tkun tista' tiżviluppa approċċ strateġiku lejn il-viċinat tagħha u lejn pajjiżi kandidati, sħab bi prospetti ta' sħubija u pajjiżi sħab oħra, kif ukoll lejn oqsma ta' politika oħra bħad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tad-demokrazija, il-kummerċ, l-iżvilupp, is-sigurtà enerġetika u l-ġustizzja u l-intern;

6.  Jistenna li s-SEAE, permezz tal-promozzjoni ta' koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-PESK u l-politiki esteri oħrajn, jgħin fit-tisħiħ tal-irwol u l-influwenza tal-UE fl-istadju dinji u jkun possibbli għaliha li tipproġetta l-interessi u l-valuri tagħha b'mod iktar effiċjenti, b'tali mod li jkun jaqbel mal-istatus kummerċjali u ekonomiku internazzjonali eżistenti tagħha; jistieden lill-VP/RGħ toħloq l-istrutturi u l-mekkaniżmi neċessarji ta' koordinazzjoni fis-SEAE;

7.  Jinnota, madankollu, li parallellament għat-twaqqif tas-SEAE, il-ksib tal-koerenza u l-effikaċja sħaħ fil-politiki komuni tal-UE se jirrikjedi, l-ewwel nett, li l-Istati Membri tal-UE jegħlbu politikament il-perpsettivi differenti tagħhom dwar kwistjonijiet prinċipali tal-politika estera; iqisha bħala ħaġa essenzjali, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri mhux biss jaqblu dwar strateġija komuni għall-politika estera u ta' sigurtà imma wkoll li jiżguraw li l-politiki nazzjonali tagħhom jappoġġaw il-pożizzjonjiet tal-UE;

8.  Jiddispjaċih li f'bosta każijiet, id-dikjarazzjonijiet minn rappreżentanti individwali jew ta' grupp ta' Stati Membri tal-UE ħallew l-impressjoni ta' firda u għamlu x-xogħol tal-VP/RGħ partikolarment diffiċli; jitlob għalhekk lill-Istati Membri joqogħdu lura minn tali azzjonijiet u stqarrijiet individwali u mhux ikkoordinati u li jikkontribwixxu għal PESK effikaċi u viżibbli; jitlob mill-banda l-oħra li l-VP/RGħ ssemma' b'mod ċar il-pożizzjonijiet tal-UE, tirreaġixxi malajr u viżibilment, u tagħti profil aktar ċar u speċifiku lill-PESK;

9.  Jisħaq li r-rwol tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (RSUE) b'mod ġenerali għandu jkun li jirrappreżentaw u jikkoordinaw il-politika tal-UE lejn ir-reġjuni b'interessi strateġiċi u ta' sigurtà speċifiċi għall-UE li jirrikjedu preżenza u viżibilità kontinwa tal-UE; hu tal-fehma li għandha tiġi stabbilita koordinazzjoni mill-qrib bejn ir-RSUE u d-dipartimenti rilevanti tas-SEAE u li għandhom jitqiesu mill-ġdid kwistjonijiet tematiċi importanti, li preċedentement kienu koperti mir-Rappreżentanti Personali,u għandhom jitressqu proposti sabiex dan ir-rwol jittieħed minn uffiċċjali għoljin tas-SEAE jew minn RSUE; iqisha bħala ħaġa essenzjali li d-definizzjoni tar-rwol u l-mandati tar-RSUE issir suġġetta għal konsultazzjoni minn qabel mal-Parlament u li jitressqu proposti, bi qbil mal-Artikolu 36(1) tat-TUE, dwar il-proċeduri u l-mandat tad-dokumenti ta' tagħrif u tar-rapporti li għandhom jingħataw għad-dispożizzjoni tal-Parlament mir-RSUE;

10.  Ifakkar fil-prerrogattiva tiegħu tat-Trattat li jiġi kkonsultat fl-oqsma tal-PESK u tal-PSDK, li l-opinjonijiet tiegħu jitqiesu b'mod xieraq u li jagħmel rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-VP/RGħ tikkonsolida d-doveri ta' konsultazzjoni u rrapurtar mwettqa s'issa mill-Kummissjoni u l-Kunsill fil-qasam tal-azzjoni estera; jitlob lill-Kunsill jadotta approċċ kostruttiv fil-qafas tal-kumitat għall-konċiljazzjoni għall-istrumenti ta' assistenza esterna, inkluż l-Istrument għall-Istabilità, billi jirrikonoxxi d-dritt tal-Parlament għall-iskrutinju demokratiku tad-dokumenti ta' strateġija u pjanijiet ta' azzjoni pluriennali, kif jingħad fl-Artikolu 290 TFUE;

11.  Jisħaq li l-Ftehim Interistituzzjonali revedut tal-2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda għandu jipprovdi iktar trasparenza fil-proċedura baġitarja tal-PESK u għandu jindirizza b'mod xieraq ir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-awtorità baġitarja sabiex dik l-awtorità tkun informata b'mod sħiħ u regolari dwar l-isfond, il-kuntest u l-implikazzjonijiet finanzjarji tad-deċiżjonijiet politiċi f'dan il-qasam politiku; hu tal-fehma li l-Parlament Ewropew għandu jirċievi informazzjoni xierqa qabel l-adozzjoni ta' mandati u strateġiji fl-isfera tal-PESK; jilqa' l-appoġġ espress mill-VP/RGħ għall-proposta li l-missjonijiet kollha importanti tal-PSDK għandhom jiġu identifikati fil-baġit; jemmen, f'dan ir-rigward, li t-trasparenza sħiħa u l-iskrutinju demokratiku jirrikjedu linji tal-baġit separati għal kull missjoni individwali; itenni l-pożizzjoni tiegħu li, sabiex tiżdied il-leġittimità demokratika tal-PESK, il-korpi kompetenti tal-Parlament għandhom jiġu kkonsultati qabel it-tnedija tal-missjonijiet tal-PSDK u għandhom ikunu jistgħu jissorveljaw kif xieraq il-missjonijiet tal-PSDK b'mod partikolari; jisħaq li sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji ta' kredibilità u ta' awtodefinizzjoni fit-Trattat ta' Lisbona, għandhom jiġu allokati riżorsi baġitarji adegwati għall-objettivi tal-PESK;

12.  Iqis li l-laqgħat konġunti regolari ta' konsultazzjoni dwar il-PESK għandhom ikunu kkumplimentati minn laqgħat addizzjonali li għandhom isiru jekk ikun hemm bżonn li tiġi provduta informazzjoni ex-ante; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-laqgħat għandhom ukoll ikunu mmirati lejn it-tagħlim ta' lezzjonijiet strateġiċi u politiċi militari prinċipali sabiex jitjiebu l-ippjanar u l-ġestjoni ta' missjonijiet futuri u sabiex jiġi megħjun l-iżvilupp ta' approċċ li jħares “l quddiem għall-bżonnijiet tal-futur; ifakkar, barra minn dan, fid-dritt tiegħu li jiġi kkonsultat u l-bżonn li jiġi infurmat kif xieraq dwar l-arranġamenti tal-finanzjament urġenti ta' ċerti inizjattivi mnedija taħt il-PESK bi qbil mal-Artikolu 41(3) tat-TUE;

13.  Jappoġġja, b'konformità mal-ftehim li nlaħaq fil-kwadrilogu ta' Madrid dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-SEAE, u konformi mar-Regolament Finanzjarju kif modifikat fir-rigward tas-SEAE, il-ħoliqien fil-baġit tal-2011 ta' punti tal-baġit dedikati għat-tliet missjonijiet maġġuri taħt is-PESK/PSDK; jemmen li l-identifikazzjoni aħjar tal-missjonijiet iżżid kemm it-trasparenza kif ukoll ir-responsabilizzazzjoni tas-PESK/PSDK u sservi l-interessi tal-UE; jenfasizza li l-identifikazzjoni tal-missjonijiet maġġuri tal-PESK / PSDK m'għandhiex tkun detrimentali għall-informazzjoni u t-trasparenza rigward missjonijiet ta' dimensjoni iżgħar u ta' anqas viżibilità politika;

14.  Iqis madankollu li din in-nomeklatura ġdida hija l-prirekwiżit minimu u hija biss l-ewwel pass għal baġit tal-PESK dettaljat b'mod sħiħ li tkun tista' tippermetti sinteżi kompleta u segwitu tal-missjonijiet fl-ambitu ta' din il-politika; huwa tal-fehma li nomeklatura ġdida bħal din la m'hi se thedded il-flessibilità indispensabbli tal-baġit tal-PESK u lanqas il-kontinwità tal-azzjoni tal-missjonijiet diġà mibdija;

15.  Ifakkar fl-ispirtu tat-TFUE li għandu l-iskop li jagħmel il-kodeċiżjoni bħala l-proċedura ġenerali u li, b'analoġija, twassal għat-tneħħija ta' klawsoli speċifiċi jew proċeduri li qabel kienu japplikaw għal xi strumenti jew politiki taħt it-Trattat preċedenti u l-Ftehim Interistrituzzjonali; jikkonferma b'dan u hawnhekk li d-dispożizzjonijiet li jirrestrinġu l-flessibilità tal-finanzjament tal-PESK issa huma bla bażi; jenfasizza, b'konformità ma' dak t'hawn fuq u sabiex tisseddaq l-effiċjenza u r-responsabilizzazzjoni tal-PESK, li kultura ġdida ta' djalogu, fiduċja reċiproka u skambju ta' informazzjoni għandhom saflaħħar jinfirxu fir-relazzjonijiet interistituzzjonali, kemm fil-fażi ta' definizzjoni kif ukoll fit-tmexxija u fażijiet ta' evalwazzjoni a posteriori;

16.  Jenfasizza li fil-kuntest ta' riflessjonijiet futuri dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020, jeħtieġ li ssir analiżi bir-reqqa tar-rekwiżiti finanzjarji tal-PESK għal perjodu twil ta' żmien;

17.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li skont it-termini tal-Artikolu 218(6) tat-TFUE, l-opinjoni/approvazzjoni tal-Parlament Ewropew huwa/hija meħtieġ/a għal kull ftehim internazzjonali inklużi dawk prinċipalment marbutin mal-PESK, bl-eċċezzjoni waħdanija ta' dawk marbutin esklussivament mal-PESK; skont it-termini tal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, għandha tiġi provduta informazzjoni sħiħa lill-Parlament fl-istadji inizjali, tan-negozjati u finali tal-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali; jistenna li l-VP/RGħ tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar in-negozjati matul il-proċedura, inklużi d-direttivi tan-negozjati u l-abbozzi ta' test tan-negozjati, u jfakkar li fid-dikjarazzjoni dwar ir-responsabilizzazzjoni politika l-VP/RGħ ntrabtet li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas dwar il-ftehimiet internazzjonali fir-rigward tad-dokumenti kunfidenzjali tal-PESK; jitlob li jiġi stabbilit modus operandi effiċjenti li jgħaqqad flimkien l-osservanza tal-prerrogattivi tal-Parlament mal-grad neċessarju ta' kunfidenzjalità; jemmen li huwa meħtieġ ftehim komprensiv li jinvolvi l-istituzzjonijiet kollha u li jkopri l-korpi kollha tal-UE sabiex ikun regolat l-aċċess għad-dokumenti kunfidenzjali mill-Membri tal-Parlament;

18.  Jinnota l-obbligu tiegħu skont it-Trattat li jiddetermina, flimkien mal-parlamenti nazzjonali, l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni interparlamentari regolari, b'mod partikolari fil-qasam tal-politika komuni barranija, ta' sigurtà u ta' difiża; jiddispjaċih li s'issa għad ma ntlaħaqx ftehim dwar kif għandu jitmexxa dan l-eżerċizzju; jinsisti li li r-rappreżentanza tiegħu stess f'kull sura forma ta' kooperazzjoni interparlamentari għandha tkun ta' daqs li jirrifletti l-firxa u l-importanza tar-rwol tiegħu fl-affarijiet esterni, u, minħabba f'hekk itenni r-rieda tiegħu li jilħaq ftehim mal-parlamenti nazzjonali li għandu jwassal għal tisħiħ reali tad-dimensjoni parlamentari tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali;

Il-kwistjonijiet tematiċi prinċipali tal-PESK

19.  Jenfasizza li l-azzjonijiet tal-PSDK għandhom jiddaħħlu f'politika komprensiva li timmira lejn il-pajjiżi u r-reġjuni fi kriżi fejn il-valuri u l-interessi strateġiċi tal-UE u fejn l-operazzjonijiet tal-PESK jagħtu valur miżjud reali fil-promozzjoni tal-paċi, l-istabilità u l-istat tad-dritt; jisħaq, barra minn hekk, dwar il-ħtieġa ta' proċess ta' teħid it-tagħlimiet li jkun aktar preċiż fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni b'suċċess ta' kull operazzjoni u tal-impatt tagħha fit-tul fil-post;

20.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jegħlbu l-iżbilanċ bejn il-kapaċitajiet ta' pjanifikazzjoni ċivili u dik militari fis-SEAE, u żżid l-għadd ta' persunal fl-oqsma tal-ġustizzja, l-amministrazzjoni ċivili, id-dwana u l-medjazzjoni, b'tali mod li tiżgura li l-missjonijiet tal-PSDK ikunu jistgħu jingħataw għarfien espert adegwat u suffiċjenti;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni ottima bejn ir-reazzjonijiet tal-UE għad-diżastri u strumenti oħra tal-UE - bħall-missjonijiet ċivili u/jew militari tal-CSDP - li diġà qed jitniedu fil-post jew jistgħu jiġu stabbiliti wara kriżi; huwa tal-fehma li f'bosta każijiet distinzjoni riġida wisq bejn l-operazzjonijiet militari u ċivili tal-ġestjoni tal-kriżi tirrifletti mudelli istituzzjonali pjuttost mhux aġġornati u li l-interazzjoni ċivili-militari tista' tirrispondi aħjar għar-realtajiet fil-post; jisħaq, għalhekk, dwar il-ħtieġa ta' valutazzjoni sistematika skont il-każ tal-ħtiġijiet ħalli tiġi żgurata l-iktar reazzjoni xierqa peress li ċerti każijiet jistgħu jieħtieġu kuombinazzjoni ta' strumenti militari u ċivili, abbażi ta' fehim komprensiv tar-rabtiet bejn is-sigurtà u l-iżvilupp;

22.  Iqisha bħala prijorità strateġika tal-UE li jissaħħu s-sħubijiet internazzjonali tal-ġestjoni tal-kriżi u li jitjieb id-djalogu ma' atturi oħra maġġuri tal-ġestjoni tal-kriżi - bħan-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, l-Unjoni Afrikana (UA), l-OSKE u pajjiżi terzi bħall-Istati Uniti tal-Amerika, it-Turkija, in-Norveġja u l-Kanada - u li jiġu sinkronizzati l-azzjonijiet, tinxtered l-informazzjoni u jitqiegħdu flimkien ir-riżorsi fl-oqsma taż-żamma tal-paċi u tal-bini tal-paċi, inkluża l-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kriżi u, b'mod partikolari, is-sigurtà marittima, kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu skont il-liġi internazzjonali;

23.  Jisħaq li t-twaqqif tas-SEAE għandu jagħti lill-UE opportunità unika li timplimenta l-impenji tagħha dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi, b'riferiment partikolari għall-Programm ta' Gothenburg, u biex twessa' aktar il-kapaċità tal-UE li tipprevjeni l-kunflitti bħala alternattiva għall-ġestjoni tal-kriżijiet; għal dan il-fini, jisħaq fuq l-importanza li tingħata l-istess importanza lid-Direttorat għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti u l-Politika ta' Sigurtà bħalma tingħata lil direttorati oħrajn billi jingħataw riżorsi adegwati għall-ipprogrammar tal-politika u bit-tisħiħ tal-konnessjonijiet mad-dipartimenti ġeografiċi u bit-twaqqif ta' relazzjonijiet formali mal-Gruppi ta' Ħidma relevanti tal-Kunsill; huwa tal-fehma li s-separazzjoni eżistenti bejn l-istruttura tal-ġestjoni tal-kriżi u d-Direttorat għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti u l-Politika ta' Sigurtà għandha wkoll titqies mill-ġdid;

24.  Javża dwar ir-riskju li l-Istati Membri tal-UE jsiru dipendenti żżejjed minn pajjiżi terzi għall-provvista enerġetika tagħhom, ħaġa li tista' fl-aħħar mill-aħħar iddgħajjef l-indipendenza tal-politika estera tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kunċett tas-sigurtà enerġetika huwa fundamentalment marbut mas-sigurtà tal-forniment; ifakkar, għalhekk, fil-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-isfidi enerġetiċi permezz tal-promozzjoni kemm tal-għejun enerġetiċi rinnovabbli u domestiċi, kemm dawk fossili indiġeni, bit-tlestija ta' suq enerġetiku intern effikaċi u l-implimentazzjoni ta' politika estera Ewropea komuni tal-enerġija, ibbażata fuq koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-Istati f'dan il-qasam, id-diversifikazzjoni tal-fornituri tal-enerġija u l-faċilitazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura enerġetika strateġiċi bħal Nabucco jew alternattivi oħrajn fattibbli ta' kuridur fin-Nofsinhar; jappoġġa network enerġetiku Ewropew integrat u interoperabbli; jiddispjaċih li l-Istati Membri huma attivament imdaħħlin fl-appoġġ għal inizjattivi li fir-realtà jikkonkorru kontra l-isforzi favur l-iżgurar u d-diversifikar tal-għejun ta' fornitura enerġetika;

25.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta sa Ġunju 2011 komunikazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista u l-kooperazzjoni internazzjonali bl-għan li jissaħħu aktar il-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tal-enerġija; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-VP/RGħ biex issegwi b'determinazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament għall-iżvilupp ta' politika koerenti u koordinata, b'mod partikolari billi tiġi promossa l-koeżjoni tal-UE fid-djalogu kostruttiv mal-fornituri tal-enerġija, u partikularment mar-Russja kif ukoll il-pajjiżi ta' tranżitu; hu tal-opinjoni li s-sigurtà enerġetika għandha wkoll tkun kompletament riflessa fil-politika ta' tkabbir u ta' viċinat tal-UE, inkluż permezz tad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni prattika ma' sħab;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ġenerazzjoni ġdida ta' sfidi u riskji għas-sigurtà , pereżempju attakki ċibernetiċi, ferment soċjali, tixwix politiku, netwerks kriminali globali u attivitajiet ekonomiċi li jipperikolaw l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-demokrazija, u jenfasizza l-importanza tal-formulazzjoni ta' strateġiji adegwati għal dawn l-iżviluppi;

27.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' koordinament tat-tħejjija tal-ilqugħ għat-theddid mhux konvenzjonali, bħalma huwa t-theddid ċibernetiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu analiżi fil-fond tat-theddid u l-ħtiġiet f'dan il-qasam riżultanti fi strateġija Ewropea għaċ-ċibersigurtà multidimensjonali u komprensiva li għandha tinkludi l-pjanijiet ta' kontinġenza f'każ ta' ċiberattakki;

28.  Jirrimarka li l-politika barranija Ewropea għandha tqis id-dimensjoni esterna taż-żona Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; itenni l-importanza tal-ġestjoni tal-immigrazzjoni b'ordni; iqis li huwa essenzjali li tkun żgurata l-kooperazzjoni kemm tal-pajjiżi tal-oriġini kemm dawk tat-tranżitu, kif ukoll li titħeġġeġ attitudni ta' kooperazzjoni b'saħħitha fost dawk il-pajjiżi bl-applikazzjoni ta' politika ta' kundizzjonalità pożittiva;

29.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-UE għandha ssaħħaħ ir-rwol mexxej tagħha fil-qasam tal-governanza dinjija tal-klima u tiżviluppa aktar djalogu ma' atturi ewlenin oħra, bħall-ekonomiji emerġenti (iċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja), ir-Russja, l-Istati Uniti u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li t-tibdil fil-klima sar element kruċjali tar-relazzjonijiet internazzjonali;

30.  Huwa tal-fehma li, biex tkun konsistenti mal-valuri proprji tal-UE, il-politika estera u l-azzjoni esterna tal-UE għandhom jagħtu prijorità lill-promozzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba u soċjetajiet ġusti, peress li soċjetà demokratika bbażata fuq ir-regoli hija l-bażi għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tat-tisħiħ tal-istabilitá; għalhekk itenni l-pożizzjoni tiegħu li d-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu integrati b'mod sod fil-politika barranija tal-UE; jemmen li l-istruttura istituzzjonali l-ġdida tal-UE, b'referenza partikulari għas-SEAE u d-dipartiment dedikat tiegħu, toffri opportunità biex jitjiebu l-koerenza u l-effettività tal-UE f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-VP/RGħ ssegwi, b'mod proattiv, oermezz ta' relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi terzi u l-parteċipazzjoni attiva f'for a internazzjonali, l-impenn ta' pajjiżi terzi għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll titkellem kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ma żżommx lura milli tieħu miżuri adegwati jekk jinkisru; meta titqies iiż-żieda fil-ksur gravi tal-libertà tat-twemmin, jistieden lill-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa u tintegra l-libertà tat-twemmin fil-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

31.  Jikkunsidra l-kwistjoni tal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin fid-dinja - notevolment tal-Kristjani, minoranzi ppersegwitati jew ipperikolati u dissidenti reliġjużi - u d-djalogu interreliġjuż bħala kwistjoni ewlenija ġdida għall-PESK; jenfasizza li l-libertà tar-reliġjon u t-twemmin hija dritt tal-bniedem fundamentali, u d-djalogu interreliġjuż strument biex jiġu ffaċċjati d-diskriminazzjoni u l-vjolenza mmotivati mir-reliġjon u b'hekk tikkontribwixxi għall-istabilità politika u tas-soċjetà; għalhekk jitlob lill-VP/RGħ biex tiżviluppa urġentement strateġija tal-UE dwar l-infurzar tad-dritt tal-bniedem tal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin; għalhekk jistieden lill-VP/RGħ ukoll biex tistabbilixxi kapaċità permanenti fi ħdan id-direttorat tad-drittijiet tal-bniedem tas-SEAE biex timmonitorja s-sitwazzjoni rigward restrizzjonijiet mill-gvernijiet u s-soċjetajiet tal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin u d-drittijiet marbuta magħha;

32.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex tiżgura li l-politiki tal-PESK u l-azzjonijiet jimplimentaw bis-sħiħ il-UNSCR 1325 (2000) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li titlob il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-aspetti kollha u fil-livelli kollha tas-soluzzjoni ta' kunflitt; jitlob ukoll li l-politiki tal-PESK iqisu l-UNSCR 1820 (2008) dwar il-vjolenza sesswali f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara kunflitt kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet sussegwenti UNSCR 1888 (2009), 1889 (2009) u 1960 (2010), li jibnu fuq ir-riżoluzzjonijiet imsemmija qabel; jitlob lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kapijiet ta' Missjoni tal-PSDK sabiex jagħmlu l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet lokali tan-nisa element standard ta' kull missjoni; jinnota b'dispjaċir li s'issa mara waħda biss kienet innominata għal kariga għolja fis-SEAE u li hemm biss mara waħda fost ir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE;

Il-prijoritajiet ġeografiċi prinċipali tal-PESK
Id-diplomazija multilaterali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali

33.  Jenfasizza li l-multilateraliżmu effettiv għandu jkun it-tħassib strateġiku prinċipali tal-Unjoni u li, f'dan il-kuntest, l-UE għandu jkollha rwol mexxej fil-kooperazzjoni internazzjonali, tappoġġa l-istituzzjonijiet internazzjonali, tiffaċilita l-kunsens internazzjonali u tavvanza l-azzjoni dinjija; jenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu indirizzati kwistjonijiet dinjija ta' tħassib komuni għaċ-ċittadini tal-UE, bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-pandemiji u t-tibdil fil-klima, iċ-ċibersigurtà, l-iżgurar tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u l-qerda tal-faqar, l-iżgurar tas-sigurtà enerġetika, in-nonproliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa u d-diżarm, is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, l-immaniġġjar tal-migrazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa għal monitoraġġ aħjar tal-fondi tal-UE skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 15/2009;

34.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea ġenerali tan-NU dwar il-parteċipazzjoni tal-UE fil-ħidma tan-NU fit-3 ta' Mejju 2011, li tieħu kont tal-bidliet istituzzjonali introdotti mit-Trattat ta' Liżbona u tippermetti r-rappreżentanti tal-UE jippreżentaw u jippromwovu l-pożizzjonijiet tal-UE fin-NU fi żmien debitu u b'mod effiċjenti; iqisha essenzjali li wieħed jopera mas-sħab strateġiċi tal-UE sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi reġjonali u dinjija ewlenin; jirrakkomanda, barra minn hekk, li s-sħubijiet strateġiċi jingħataw dimensjoni multilaterali billi jiġu inklużi kwistjonijiet dinjija fl-aġendi għas-samits bilaterali u multilaterali tal-UE; jistieden lill-Franza u lir-Renju Unit, bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC), u skont l-Artikolu 34(2) TUE, biex jistiednu lill-VP/RGħ biex tippreżenta l-pożizzjoni tal-Unjoni kull meta l-UE jkollha pożizzjoni dwar suġġett fuq l-aġenda tal-UNSC; huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tiġi rrappreżentata bħala tali fl-organizzazzjonijiet finanzjarji multilaterali, b'mod partikolari l-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji, mingħajr preġudizzju għar-rappreżentanza tal-Istati Membri;

35.  Hu tal-opinjoni li l-UE għandha taħtaf l-opportunità tal-adozzjoni tal-Kunċett Strateġiku tan-NATO l-ġdid biex issaħħaħ b'mod sustanzjali s-sħubija tagħha man-NATO, filwaqt li fl-istess ħin tiżviluppa l-politiki esteri, ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE; jilqa“, bħħala pass pożittiv f'dan ir-rigward, il-ġabra ta' proposti konkreti preżentat mill-VP/RGħ lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, li għandha l-għan tal-adozzjoni ta' relazzjoni bejn organizzazzjoni u oħra; jenfasizza li l-UE hija kkonċernata mill-parti l-kbira tat-theddid għas-sigurtà identifikat min-NATO fil-Kunċett Strateġiku l-ġdid tagħha; jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li jinstabu modi prammatiċi biex jiġu solvuti d-diffikultajiet pendenti; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE biex teżerċita l-influwenza tagħha għall-konklużjoni b'suċċess tal-proċess ta' sejba ta' soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru, li ssolvi d-differenzi bejn Ċipru u t-Turkija, li qed ixekklu l-iżvilupp ta' kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-UE u n-NATO;

36.  Iqis li hu importanti li jiġi żgurat li l-forzi u l-kapaċitajiet eżistenti li huma maqsuma fi grad għoli bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet jintużaw bl-iktar mod effiċjenti possibbli u li jkunu ottimizzati l-kundizzjonijiet għas-sigurtà tat-truppi Ewropej u l-operaturi ċivili; jistieden lin-NATO żżomm lura milli tiżviluppa kapaċità ċivili għall-ġestjoni ta' kriżijiet li tkun qed tidduplika l-istrutturi u l-kapaċitajiet tal-UE; jitlob għal strateġija koerenti ta' nonproliferazzjoni nukleari u diżarm fil-qafas tal-kooperazzjoni UE-NATO u skont il-pjan ta' azzjoni tad-dikjarazzjoni tal-Konferenza għar-Revizjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-2010; iħeġġeġ kemm lin-NATO kif ukoll lir-Russja iwettqu ħidma għal relazzjoni iktar stabbli abbażi tal-fiduċja reċiproka;

37.  Jirrikonoxxi li l-OSKE għandu bżonn jissaħħaħ u li jiġu affermati mill-ġdid il-valuri tagħha; jemmen fermament li l-UE għandha timpenja ruħha b'mod effettiv fit-tisħiħ tal-OSKE, anke billi tiżgura li l-proċess ma jirriżulta fid-dgħjufija tal-ebda waħda mit-tliet dimensjonijiet ta' dik l-organizzazzjoni (politika militari, ekonomika u ambjentali u umana); jenfasizza li l-UE għandha wkoll tiġbed l-attenzjoni lejn l-imporortanza li l-Proċess ta' Corfu jitkompla u li jkun hemm laqgħat regolari ta' livell għoli sabix jingħata sfond politiku lill-attivitajiet tal-OSKE u sabiex tittejjeb il-viżibilità tagħbhom;

38.  Jirrikonoxxi l-istatus u l-importanza internazzjonali li dejjem qed jiżdiedu tal-Artiku u jitlob politika sostenibbli, f'kuntest soċjali, ambjentali u ekonomiku, għall-Artiku li tqis id-drittijiet tal-popolazzjoni lokali u tal-indiġeni; iqis il-Kunsill tal-Artiku, il-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u l-Kunsill Barents Euro-Artiku bħala punti ċentrali għall-kooperazzjoni fl-Artiku u jappoġġa l-aspirazzjoni tal-UE li ssir osservatriċi permanenti fil-Kunsill tal-Artiku; jenfasizza l-bżonn ta' unità Artika fi ħdan is-SEAE;

Ir-relazzjonijiet Transatlantiċi

39.  Itenni l-impenn tiegħu għas-sħubija transatlantika bħala element importanti u wieħed mill-pilastri ewlenin tal-azzjoni esterna tal-UE; jitlob lill-UE, barra minn hekk, tikkonferma mill-ġdid l-impenn tagħha għall-partenarjat transatlantiku mal-Istati Uniti u l-objettiv ta' suq transatlantiku mingħajr xkiel, li għandu jkun is-sies għal sħubija transatlantika msaħħa; iħeġġeġ lill-VP/RGħ taħdem għal koordinazzjoni aħjar u akbar bejn l-UE u l-eqreb alleat tagħha, l-Istati Uniti; jitlobha tiżgura li l-UE taġixxi ta' sieħba koerenti, attiva iżda awtonoma tal-Istati Uniti fit-tisħiħ, fost affarijiet oħra, tas-sigurtà u tal-istabilità dinjija, fil-promozzjoni tal-paċi u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ, barra minn hekk, l-adozzjoni ta' approċċ konġunt għall-isfidi globali bħall-proliferazzjoni nukleari, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà enerġetika u l-iżgurar ta' approċċ konġunt għall-governanza dinjija bl-appoġġ u r-riforma ta' istituzzjonijiet internazzjonali u l-promozzjoni tar-rispett tal-liġi internazzjonali u soluzzjoni paċifika tal-kunflitti; jistieden lill-VP/RGħ biex tikkoordina mill-qrib u tiżviluppa sinerġiji mal-Istati Uniti bil-għan li jiġu żgurati l-istabilità u s-sigurtà fil-kontinent Ewropew u globalment, inkluża l-abbażi ta' hi attraenti l-kooperazzjoni mal-atturi rilevanti bħar-Russja, iċ-Ċina, l-Indja u t-Turkija u fir-rigward ta' stabilità fiż-żona akbar tal-Lvant Nofsani, il-Mediterran, l-Iran, l-Afganistan u l-Pakistan;

40.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija komprensiva UE-Stati Uniti għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-sigurtà madwar iż-żona akbar tal-Lvant Nofsani, l-Iran, l-Afganistan u l-Pakistan li tkun tinvolvi kooperazzjoni mat-Turkija, ir-Russja u ċ-Ċina;

Il-Balkani tal-Punent

41.  Jikkonferma l-perspettiva tas-sħubija fl-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jenfasizza l-importanza ta' impenn kontinwu fil-proċess ta' tkabbir kemm mill-pajjiżi tar-reġjun kif ukoll mill-UE; ifakkar li l-prospettiva tat-tkabbir tal-UE hija inċentiv importanti għall-kontinwazzjoni tar-riformi politiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li tikkontribwixxi għall-istabbiltà effettiva u l-iżvilupp tar-reġjun;

42.  Jagħraf il-progress li sar mill-pajjiżi kollha tar-reġjun fi triqthom lejn l-UE; jinnota, madankollu, li l-instabilità politika u d-dgħufija istituzzjonali, flimkien ma' kwistjonijiet bilaterali li għadha ma nstabitx soluzzjoni għalihom, qed ixekklu iktar progress ta' xi pajjiżi lejn l-integrazzjoni fl-UE; jenfasizza li l-Unjoni teħtieġ viżjoni ċara u komuni dwar ir-reġjun; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex jinvolvu ruħhom attivament fis-soluzzjoni tal-problemi persistenti;

43.  Jinnota l-fatt li s-sitwazzjoni fil-Kosovo għadha stabbli u paċifika, iżda fraġli; hu mħasseb dwar il-problemi serji u l-ksur tal-liġi elettorali li sar f'diversi muniċipalitajiet matul l-elezzjonijiet riċenti u jitlob lill-UE timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-demokrazija fil-Kosovo; iħeġġeġ lil dawk kollha involuti biex jieħdu passi għat-titjib tad-drittijiet demokratiċi u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja għall-persuni kollha li jgħixu fil-Kosovo I jenfasizza l-importanza ta' riforma elettorali u l-elezzjonijiet ġusti bħala parti mit-tranżizzjoni demokratika tal-Kosovo għaddejja bħalissa; jitlob lill-politikanti tal-Kosovo jirrispettaw il-Kostituzzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern il-ġdid tal-Kosovo u l-parlament itejbu l-proċess elettorali fil-ġejjieni sabiex jiżguraw id-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini tal-Kosovo kollha u jtejbu l-prospettivi tal-integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo; huwa konxju li mhux l-Istati Membri kollha rrikonoxxew l-indipendenza tal-Kosovo;

44.  Jilqa' d-djalogu bejn il-Kosovo u s-Serbja u jenfasizza li jistgħu jikkontribwixxu għall-istabilità mhux biss madwar il-Kosovo iżda wkoll fir-reġjun kollu u jgħinu biex tittejjeb is-sitwazzjoni għan-nies kollha fil-Kosovo; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Missjoni tal-Istat tad-Dritt tal-EULEX fil-Kosovo biex tindirizza l-problema tal-persuni neqsin b'rabta mal-kunflitt tal-Kosovo u biex tinvestiga l-kriminalità organizzata u tressaq quddiem qorti lill-persuni kriminali involuti, b'mod partikolari bħala reazzjoni għall-allegazzjonijiet ta' trattament inuman u traffikar ta' organi matul u eżatt wara l-kunflitt; jitlob investigazzjoni bir-reqqa mill-EULEX ta' dawn l-allegazzjonijiet u proċessi eżemplari għal dawk kollha li eventwalment jinstabu responsabbli; itenni l-bżonn li l-EULEX tappoġġa u tgħin lill-amministrazzjoni lokali b'governanza tajba u tiżgura li l-missjoni tista' tiffunzjona b'mod effikaċi madwar it-territorju kollu tal-Kosovo billi żżid l-attivitajiet tagħha fit-Tramuntana tal-Kosovo; jitlob lill-Kummissjoni tibda immedjatament djalogu dwar il-viża mal-awtoritajiet ta' Prishtina sabiex ikun definit il-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża;

45.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex itejbu d-djalogu mal-mexxejja politiċi fil-Bosnja-Ħerzegovina wara l-elezzjonijiet, sabiex jgħinu biex dak il-pajjiż u n-nies tiegħu jibqgħu fit-triq lejn l-integrazzjoni fl-UE; hu tal-fehma li l-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress limitat dwar ir-riformi relatati mal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u li l-aġendi etniċi u tal-entità prevalenti jistgħu jxekklu l-issodisfar tar-rekwiżiti għas-sħubija fl-UE u fin-NATO;

46.  Jinsab imħasseb ħafna mill-kunflitt intern li għaddej fl-Albanija u jistieden lill-gvern u lill-oppożizzjoni jżommu lura mill-użu tal-forza u jibdew djalogu ġdid ħalli jtemmu l-kunflitt u jsibu kompromess sostenibbli; jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattiva meħuda mir-rappreżentant tal-VP/RGħ f'koordinazzjoni mal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat;

Is-sħubija tal-Lvant

47.  Jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex iżommu l-impenn tagħhom lejn is-Sħubija tal-Lvant mal-ġirien Ewropej tagħna tal-Lvant, fid-dawl tas-sħubija politika u l-integrazzjoni ekonomika tagħhom, inkluż fiż-żona tal-enerġija, fuq il-bażi ta' valuri Ewropej komuni u f'qafas ta' kundizzjonijiet u inċentivi maħsuba biex iġibu riformi; ifakkar li l-kunflitti li għadhom mhux riżolti jżommu lill-partijiet involuti f'sitwazzjoni fejn il-paċi ma tkunx sostenibbli; jistieden lill-partijiet involuti jfittxu soluzzjoni paċifika fuq perjodu ta' żmien twil; jenfasizza kemm hu importanti li jitqiesu l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fin-negozjati li għaddejjin dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jitlob li jittieħdu inizjattivi u azzjonijiet li jrawmu u javvanzaw il-kooperazzjoni reġjonali fil-Kawkasu tan-Nofsinhar;

48.  Jittama li l-proċess tar-riforma tal-Politika Ewropea tal-Viċinat imniedi mill-Kummissjoni se jwassal għal viżjoni strateġika ġdida u approċċ differenzjat fl-istess politika, rigward l-oqsma ta' interess, skont id-diversità tal-interessi tal-Unjoni, u tal-isfidi u t-theddid reġjonali li tiffaċċja;

49.  Jafferma mill-ġdid in-neċessità ta' approċċ koerenti fil-proċessi ta' kooperazzjoni reġjonali permezz tal-operazzjonalizzazzjoni tal-inizjattivi u l-istrumenti proposti mill-UE għall-viċinat tal-Lvant (is-Sħubija tal-Lvant, is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed /l-Istrateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed eċċ); huwa tal-opinjoni li huwa neċessarju li jiġu żgurati l-komplementarjetà u d-divrenzjar bejn l-inizjattivi proposti, speċjalment fil-livell ta' proġett, għall-użu aktar effiċjenti ta' riżorsi u għall-ilħuq ta' riżultati konkreti;

50.  Jikkundanna r-repressjoni li saret mir-reġim tal-President tal-Bjelorussja Lukashenko kontra l-membri tal-oppożizzjoni, il-ġurnalisti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Diċembru 2010 u jitlob għall-ħelsien immedjat ta' dawk kollha li ġew miżmuma u li dawn jinħelsu mill-akkużi kollha kontrihom; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill fil-31 ta' Jannar 2011 għall-impożizzjoni ta' projbizzjoni tal-viża u l-iffriżar tal-beni finanzjarji ta' 157 uffiċjal magħżul tal-Bjolorussja; jieħu l-pożizzjoni li s-sanzjonijiet kontra l-uffiċjali tal-gvern tal-Bjelorussja għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm il-priġunieri politiċi kollha jinħelsu mill-ħabsijiet Bjelorussi; jilqa' r-riżultat tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi dwar “Solidarjetà mal-Bjelorussja” tat-2 ta' Frar 2011, li matulha l-UE wiegħdet 17.3 miljun euro għall-azzjonijiet b'appoġġ għas-soċjetà ċivili, b'mod partikulari studenti u midja indipendenti; hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-kuntatti bejn l-UE u l-Bjelorussja bejn persuna u oħra; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma wettqux dan sabiex jieħdu passi unilaterali biex jiffaċilitaw il-ħruġ tal-viżi u biex inaqqsu l-prezz ta' viża fuq terminu ta' żmien qasir, partikolarment il-viża ta' Schengen, li hi l-aktar rilevanti għas-soċjetà usa“, l-istudenti u żgħażagħ oħra; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Bjelorussja ma tiġix iżolata, partikularment minn ofqsa reġjonali eżistenti;

51.  Jitlob għat-twaqqif fil-pront tal-Assemblea Parlamentari għall-Viċinat ta' Lvant (EURONEST), mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament Bjeloruss, u b'hekk jiġi enfasizzat l-irwol tiegħu fit-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-importanza tiegħu fit-titjib tad-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija;

52.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' progress sostanzjali rigward is-soluzzjoni tal-kunflitti ffriżati fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; jenfasizza li dan huwa ostakolu li jfixkel l-iżvilupp ta' dimensjoni multilaterali u reġjonali ġenwina tas-Sħubija tal-Lvant; jistenna impenn isħaħ tas-SEAE fir-reġjun u jitlob li jittieħed rwol aktar proattiv mmirat għall-faċilitazzjoni tad-djalogu bejn il-partijiet, l-iżvilupp ta' miżuri tal-bini ta' fiduċja, l-inkoraġġiment ta' kuntatti bejn in-nies biex b'hekk titwitta t-triq għal soluzzjoni dejjiema;

53.  Jenfasizza l-importanza ta' rwol aktar attiv tal-UE fis-soluzzjoni tal-kunflitti ffriżati fit-Transnistrija u l-Kawkasu tan-Nofsinhar;

54.  Ifaħħar u jappoġġa l-impenn tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova li jsaħħu r-relazzjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-iżvilupp ta' djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, u l-bidu ta' negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles;

L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Baħar l-Iswed

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef l-implimentazzjoni tal-proġetti li huma parti mis-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed u żżomm din il-kwistjoni fuq l-aġenda tas-SEAE;

56.  Jenfasizza l-importanza tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed fis-Sħubija tal-Lvant u jikkunsidra li involviment akbar tal-Unjoni Ewropea hu meħtieġ f'dan ir-rigward;

L-Asja Ċentrali

57.  Jirrikonoxxi l-potenzjal kbir ta' żvilupp ta' kooperazzjoni strateġika bejn l-UE u l-Asja Ċentrali; billi jqis il-pożizzjoni ġeopolitika tar-reġjun, u jitlob għal kooperazzjoni msaħħa sabiex jiġu affrontati l-isfidi komuni fil-qasam tas-sikurezza kif ukoll fil-kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u tal-enerġija; jenfasizza l-urġenza li kwistjonijiet tal-ġestjoni tal-ilma jiġu ttrattati fil-livell reġjonali għall-promozzjoni ta' żvilupp komprensiv sostenibbli, it-titjib tas-sigurta umana, il-faċilitazzjoni tar-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u l-prevenzjoni tal-kunflitti;

Ir-Russja

58.  Jistieden lill-VP/RGħ sabiex tiżgura li l-approċċ tal-UE lejn ir-Russja, inkluż fin-negozjati dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, ikun koerenti; iħeġġiġha, barra minn hekk, tiżgura li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluża l-liġi internazzjonali, il-prinċipji ta' reċiproċità u t-trasparenza, kif ukoll impenn għall-valuri tad-demokrazija pluralista u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, jikkostitwixxu l-bażi tal-ftehim kompensiv il-ġdid; jenfasizza li impenn biex titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u tiġi miġġielda l-korruzzjoni, partikolarment fis-sistema ġudizzjarja, għandu jkun parti integrali ta' dan il-ftehim il-ġdid; jistenna progress kostanti fin-negozjati attwali;

59.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-istat ta' dritt fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika Russa, inkluża l-ekonomija, tgawdi minnu s-soċjetà kollha kemm hi; jitlob għat-tisħiħ tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja sabiex jiġu promossi bidliet pożittivi fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja; jitlob għal azzjonijiet u għall-implimentazzjoni ta' inizjattivi li jsaħħu l-kuntatti bejn is-soċjetajiet ċivili tal-Ewropa u r-Russja u li jsaħħu s-soċjetà ċivili Russa; jisħaq l-importanza tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni f'dan il-kuntest; jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa għal sħubija bi spinta ġdida mar-Russja, ibbażata fuq ir-rispett reċiproku u r-reċiproċità, dwar il-kwistjonijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà u l-provvista tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, id-diżarm, il-prevenzjoni tal-kunflitti u nonproliferazzjoni nukleari, anke b'referenza għall-Iran, l-Afganistan u l-Lvant Nofsani, bil-għan li jissaħħu s-sigurtà u l-istabilità dinjija;

60.  Jistieden lill-VP/RGħ tintensifika d-diskussjonijiet mar-Russja sabiex tiżgura t-twettiq mhux kundizzjonali u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijet kollha tal-ftehim tal-2008 bejn ir-Russja, l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja kif ukoll biex taħdem lejn is-sejba ta' soluzzjoni finali għal dan il-kunflitt li tirrispetta l-integrità territorjali tal-Ġeorġja; huwa tal-opinjoni li r-Russja għandha, b'mod partikolari, tiggaranatixxi aċċess sħiħ u mhux limitat għall-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) fl-Abkazja u l-Ossezja tan-Nofsinhar; jenfasizza n-neċessità li tiġi pprovduta stabilità fir-reġjuni tal-Ġeorġja msemmija hawn fuq;

It-Turkija

61.  Jenfasizza l-bżonn ta' approċċ strateġiku fit-tul li għandu jseħħ kemm mill-UE u ukoll mit-Turkija rigward ir-relazzjoni futura tagħhom; jilqa' d-dikjarazzjoni mill-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2010 li titlob kooperazzjoni intensifikata fi kwistjonijiet ta' politika ta' sigurtà u esterna ta' interess reċiproku; huwa tal-opinjoni li l-politika esterna aktar u aktar attiva ta' Ankara tippreżenta sfidi u opportunitajiet ġodda għall-PESK; iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex tinvoli t-Turkija fi djalogu istituzzjonalizzat dwar kwistjonijiet strateġiċi ewlenija – bħall-politika tal-enerġija, l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent u fir-reġjuni tal-Kawkasu, il-programm nukleari tal-Iran, jew il-qawmien demokratiku li qed iseħħ fil-Lvant Nofsani – biex b'hekk tiżgura konverġenza aħjar tal-objettivi kif ukoll iddaħħal dinamiżmu ġdid fir-relazzjonijiet bilaterali; jenfasizza, madankollu, li tali djalogu ma għandux jissostitwixxi l-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija iżda għandu jikkomplementah u jsaħħu;

62.  Jiddispjaċih li l-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija huwa virtwalment staġnat; ifakkar li l-Istati Membri kollha tal-UE u t-Turkija huma responsabbli b'mod konġunt biex jeliminaw l-ostakoli għall-adeżjoni tat-Turkija mal-UE; iwwisi dwar problemi serji fit-tul jekk ir-relazzjoni bejn l-UE u t-Turkija ma tkunx stabbilizzata u l-UE u n-NATO jkomplu jiġu impediti milli jilħqu l-objettiv tagħhom ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib; jittama f'kull każ li t-Turkija tkompli l-modernizzazzjoni tagħha skont il-kriterji Ewropej;

Il-Lvant Nofsani u l-Mediterran

63.  Jappoġġa l-fatt li reġgħu bdew id-diskussjonijiet diretti dwar il-paċi bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana u jenfasizza l-bżonn li jsiru negozjati bis-sens f'qafas ta' żmien limitat u f'atmosfera ta' fiduċja reċiproka, atmosfera li tista' teżisti biss jekk il-politika tal-kontinwazzjoni tal-bini ta' abitazzjonijiet titwaqqaf immedjatament mill-Iżrael; ifakkar li l-UE hija l-akbar kontributur għall-Awtorità Palestinjana u s-sieħba kummerċjali prinċipali tal-Iżrael, u b'hekk għandha interess dirett f'li tikkonvinċi ż-żewġ partijiet biex jaffrontaw malajr kemm jista' jkun il-kwistjonijiet fundamentali li għandhom jiġu riżolti (b'mod partikolari r-refuġjati, il-konfini u l-istatus ta' Ġerusalem) u biex ikun hemm Stat tal-Palestina vjabbli ħdejn u fil-paċi mal-Istat tal-Iżrael; jenfasizza l-bżonn ta' soluzzjoni li tinvolvi żewġ stati u jirrikonoxxi d-dritt tat-tnejn li jgħixu ħdejn xulxin f'sikurezza, prosperità u paċi; jilqa“, għalhekk, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani tat-13 ta' Diċembru 2010 u l-intenzjoni ddikjarata tal-UE li tgħin lill-partijiet jilħqu dan l-objettiv;

64.  Jistieden lill-UE, b'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2009, biex tieħu rwol politiku iktar qawwi li jaqbel mal-impenn finanzjarju tagħha fir-reġjun; jinsab konvint li hemm ħtieġa urġenti għal tiswir mill-ġdid komprensiv tal-politika tal-UE lejn il-Lvant Nofsani, sabiex din twettaq rwol politiku deċiżiv u koerenti, akkumpanjat minn għodod diplomatiċi effettivi, fl-interess tal-paċi u s-sigurtà f'dan ir-reġjun qarib ta' interess strateġiku vitali għall-UE; jistieden lill-VP/RGħ tippreżenta strateġija Ewropea ġdida għar-reġjun li tindika l-interessi, l-għanijiet u l-mezzi tal-UE, li tippromwovi d-demokrazija u l-istat ta' dritt fir-reġjun u li talloka riżorsi primarjament għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili;

65.  Huwa mħasseb ħafna bl-użu tal-forza kontra r-residenti tal-Kamp ta' Ashraf fl-Iraq li rrizżultat f'bosta nies midruba u jiddeplora t-telf ta' ħajjiet; jistieden lill-Gvern tal-Iraq sabiex iżomm lura mill-użu tal-forza u sabiex jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem tar-residenti tal-Kamp; jitlob li jkun hemm investigazzjoni indipendenti internazzjonali, inkluż aċċess liberu għall-Kamp Ashraf, sabiex issir evalwazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni fuq il-post; jistieden lill-partijiet kollha sabiex juru moderazzjoni u jsibu soluzzjoni paċifika u sostenibbli għas-sitwazzjoni;

66.  Jiddikjara s-solidarjetà tiegħu maċ-ċittadini fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar li qed jiġġieldu għad-demokrazija, il-libertà u l-ġustizzja soċjali; jitlob lill-UE toffri appoġġ u aspirazzjonijiet ġodda għad-demokrazija, il-libertà u l-ġustizzja soċjali; jibqa'mħasseb dwar in-nuqqas, fil-politika Mediterranja tal-UE, ta' viżjoni strateġika ċara għal żmien twil għall-progress u l-iżvilupp tar-reġjun; jitlob għal kjarifika u titjib tal-bażi loġika, l-objettivi u l-metodi operattivi tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM); iqis għalhekk li hu tal-ikbar importanza u urġenza li jerġa' jsir eżami u tfassil tal-istrateġija tal-UE għall-Mediterranean u jħeġġeġ, f'dan ir-rigward, li r-Rieżami Strateġiku tal-PEV għandu jqis u jirrifletti kompletament l-iżviluppi l-ġodda fir-reġjun u jistabbilixxi djalogu politiku mal-ġirien tan-Nofsinhar tal-UE; jitlob, barra minn hekk, li l-Unjoni għall-Mediterran titfassal mill-ġdid sabiex tikkontribwixxi b'mod attiv u effiċjenti għal soċjetajiet demokratiċi, sostenibbli u ġusti fir-reġjun kollu; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tranżizzjoni demokratika u r-riformi istituzzjonali; jerġa' jenfasizza li t-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat ta' dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma elementi essenzjali ta' dan id-djalogu;

67.  Ifakkar fir-rwol tiegħu fi ħdan il-proċedura baġitarja tal-UE u jenfasizza l-bżonn li tkun żgurata l-leġittimità demokratika tal-UgħM u li d-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod trasparenti u li l-Parlament Ewropew, l-Assemblea Parlamentari tal-UgħM u l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

68.  Isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni tat-Tuneżija, tal-Eġittu, u ta' pajjiżi oħra fir-reġjun; jappoġġa l-aspirazzjonijiet ġodda tan-nies għad-demokrazija, il-libertà u l-ġustizzja soċjali; jistieden lill-UE tibni sħubija abbażi tal-interess reċiproku u li tiffoka fuq l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tgħin biex ittaffi l-kriżi ekonomika u soċjali attwali f'dawn il-pajjiżi, u biex tipprovdi l-għajnuna li tista' tkun meħtieġa biex tappoġġa r-riformi politiċi attwali u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali, sistema ġudizzjarja indipendenti, it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-formazzjoni ta' partiti politiċi pluralisti fi ħdan sistema sekulari; jilqa' r-referendum dwar ir-riformi kostituzzjonali fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jkomplu bir-reviżjoni tal-Kostituzzjoni u l-liġi elettorali bil-ħsieb li dan jirriżulta f'elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

69.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' koeżjoni bejn l-Istati Membri dwar kif għandhom jindirizzaw is-sitwazzjoni fil-Libja, li jnaqqas l-ambitu għal azzjonijiet tal-PESK komprensivi mill-VP/RGħ dwar din il-kwistjoni; jilqa' madankollu d-deċiżjoni tal-Kunsill li jistabbilixxi operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea f'appoġġ tal-operazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja f'reazzjoni għas-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Libja, l-hekk imsejħa operazzjoni EUFOR Libja;

70.  Jenfasizza li r-repressjoni vjolenti kontra min jipprotesta paċifikament fis-Sirja, b'mijiet maqtula u arrestati, trid tintemm immedjatament; jitlob lill-President u lill-Gvern tas-Sirja sabiex jindirizzaw it-talbiet leġittimi tal-poplu Sirjan billi jinbeda djalogu nazzjonali ġenwin bl-iskop li jiġu implimentati riformi politiċi, ekonmici u soċjali essenzjali u tintemm il-politika ta' repressjoni tal-oppożizzjoni politika, is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li tikkundanna l-vjolenza tal-Gvern tas-Sirja kontra dimostranti paċifiċi u li tintbgħat missjoni fil-pajjiż mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex tinvestiga l-fatti; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri sabiex fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-pajjiż jqisu bis-sħiħ il-grajjiet li qed iseħħu fis-Sirja;

71.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn u l-Jemen biex ma jużawx il-forza kontra min jipprotesta u jirrispettaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' għaqda u espressjoni; jenfasizza li dawk responsabbli għall-imwiet u l-ġrieħi kkawżati għandhom, mill-aktar fis possibbli, jinżammu responsabbli minn dan u jitressqu l-qorti jew qabel il-qrati nazzjonali jew qabel il-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-Aja; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi paċifiċi tan-nies tal-Baħrejn u l-Jemen, jirrieżaminaw il-politiki tagħhom lejn dawk il-pajjiżi, jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi, u jkunu lesti jgħidnu, f'każ ta' impenn serju mill-awtoritajiet nazzjonali, fl-implimentazzjoni ta' aġendi ta' riforma politika, ekonomika u soċjali f'dawk il-pajjiżi; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-Baħrejn u b'mod partikolari s-sentenza tal-mewt mogħtija lil erba' protestaturi fit-28 ta' April 2011; jistieden lill-VP/RGĦ biex tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Baħrejn biex tadotta moratorju fuq eżekuzzjonijiet kif ukoll biex tiżgura proċessi ġusti b'rappreżentazzjoni legali adegwata u d-dritt għall-appell;

72.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għat-Tribunal Speċjali għal-Libanu (STL) bħala qorti indipendenti, maħluq mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1757 u sabiex jilħaq l-ogħla standards legali; jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għas-sovrenità, l-unità u l-integrità territorjali fil-Libanu u għall-funzjonament sħiħ tal-istituzzjonijiet kollha Libaniżi; jisħaq li l-istabilità interna u r-rispett għal-liġi internazzjonali huma kompletament kompatibbli; jistieden lill-forzi politiċi Libaniżi kollha jkomplu jieħdu sehem fi djalogi miftuħa u konstruttivi sabiex jiffavorixxu l-benesseri, il-prosperità u s-sigurtà liċ-ċittadini Libaniżi kollha; ifaħħar ir-rwol kruċjali tal-Forza Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL) u jitlob għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tar-Riżoluzzjoni 1701 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

L-Asja

73.  Jisħaq li l-punt inizjali għal kwalunkwe soluzzjoni għaż-żmien twil għall-kriżi Afgana għandu jkun l-interessi taċ-ċittadini Afgani fir-rigward tas-sigurtà interna, il-protezzjoni ċivili, u l-progress ekonomiku u soċjali, u għandu jinkludi miżuri konkreti għall-eliminazzjoni tal-faqar, id-diskriminazzjoni kontra n-nisa, għat-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt, kif ukoll mekkaniżmi ta' rikonċiljazzjoni, it-tmiem tal-produzzjoni tal-opju, eżerċizzju robust tal-bini tal-istat, l-integrazzjoni tal-Afganistan fil-komunità internazzjonali u t-tkeċċija tal-Al Qa'ida mill-pajjiż; jenfasizza li l-Afganistan għandu jingħata forza tal-pulizija kapaċi li tiżgura standard minimu ta' sigurtà li jippermetti l-irtirar sussegwenti ta' preżenza militari barranija mill-pajjiż; itenni l-pożizzjoni tiegħu li impenn sinifikanti tal-UE u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali fl-Afganistan għandu jiffoka fuq l-appoġġ tal-Afgani fil-bini tal-istat tagħhom, b'istituzzjonijiet demokratiċi aktar b'saħħithom li jkunu kapaċi jirrappreżentaw lin-nies, jiżguraw l-istat tad-dritt, il-paċi, l-integrità territorjali, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja għaċ-ċittadini kollha u partikolarment għan-nisa u t-tfal, filwaqt li jirrispettaw it-tradizzjonijiet storiċi, reliġjużi, spiritwali u kulturali tal-komunitajiet etniċi u reliġjużi kollha tal-pajjiż; ifakkar ukoll l-importanza tal-appoġġ tas-soċjetà ċivili, il-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi, bħat-taħriġ tal-forzi ta' sigurtà u tas-sistema ġudizzjarja, u l-appoġġ ta' midja indipendenti, tal-NGOs u l-iskrutinju parlamentari;

74.  Itenni l-fehma tiegħu li l-Pakistan għandu rwol prinċipali fir-reġjun u li Pakistan stabbli, sekulari, u legali huwa ta' importanza vitali għall-istabilità fl-Afganistan u fir-reġjun iktar wiesa“; jisħaq, barra minn hekk, fuq ir-rwol potenzjali tal-Pakistan fil-proċess ta' paċi Afgan; jenfasizza li l-Pakistan m'għandux iservi ta' kenn għall-al-Qa'ida jew għat-Taliban-; jirrikonoxxi li l-għargħar devastanti ta' Awwissu 2010 kien daqqa ta' ħarta għall-gvern il-ġdid tal-Pakistan, li kien qed jibda jimxi ”l quddiem fit-trattament ta' diversi sfidi; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, flimkien mal-komunità internazzjonali usa“, biex jirreaġixxu b'turija b'saħħitha ta' solidarjetà u b'appoġġ konkret għall-bżonn urġenti tal-Pakistan ta' bini mill-ġdid u rijabilitazzjoni wara l-għargħar u għat-tamiet tal-pajjiż li jibni soċjetà b'saħħitha u prospera; jilqa” u jinkoraġġixxi iktar l-isforzi tal-UE li ssaħħaħ l-appoġġ politiku biex iżżid il-bini tal-istituzzjonijiet u tal-kapaċitajiet fil-Pakistan u biex tgħin lill-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Pakistan jiġġieldu kontra l-estremiżmu, b'mod partikolari billi jaġixxu favur l-abolizzjoni tal-liġijiet dwar id-dagħa u billi jsostnu s-soċjetà ċivili tal-Pakistan; jistieden lill-Pakistan jaderixxi immedjatament għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u jikkoopera kompletament mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika billi jiżvela l-ħażna u l-faċilitajiet nukleari tal-Pakistan;

75.  Jappoġġa bis-sħiħ l-impenn tal-E3+3 biex ifittxu soluzzjoni nnegozjata minn kmieni għall-kwistjoni nukleari Iranjana sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja internazzjonali fin-natura esklussivament paċifika tal-programm nukleari tal-Iran, skont prinċipju fundamentali tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni; jappoġġa l-approċċ fuq żewġ binarji tal-Kunsill immirat lejn is-sejba ta' soluzzjoni diplomatika peress li din hija l-unika soluzzjoni vijabbli għal reazzjoni għall-kwistjoni nukleari tal-Iran; jiddispjaċih li r-Riżoluzzjoni 1929(2010) tal-UNSC li tintroduċi r-raba' sensiela ta' sanzjonijiet fuq l-Iran dwar il-programm nukleari tiegħu u l-miżuri restrittivi addizzjonali mħabbra mill-UE, l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada u l-Awstralja ma setgħetx tiġi evitata minħabba nuqqas min-naħa tal-Iran biex tikkoopera bi sħiħ mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) rigward l-għanijiet tal-programm nukleari tagħha; jenfasizza li soluzzjoni għall-kwistjoni nukleari ma tistax tinsab għad-detriment tal-appoġġ tal-UE għas-soċjetà ċivili Iranjana u l-pretensjonijiet ġusti tagħha għad-drittijiet tal-bniedem universali u elezzjonijiet verament demokratiċi;

76.  Jikkundanna bil-qawwi r-retorika provokattiva, infjammatorja, anti-Semitika kontinwa tal-President tal-Iran, li talab biex l-Iżrael tinqered, u partikolarment jiddispjaċih mit-theddidiet li saru kontra l-eżistenza proprja tal-Istat tal-Iżrael; huwa imħasseb ħafna dwar iż-żieda esponenzjali fin-numru ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran li għandhom jitqiesu bħala qtil statali extraġudizzjarju fid-dawl tan-nuqqas ta' kwalunkwe proċedura ġudizzjarja kif ukoll ir-ripressjoni kontinwa u sistematika taċ-ċittadini li jixtiequ aktar libertà u demokrazija; jenfasizza li l-kuntatti uffiċjali reċiproċi bejn id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Majlis għandhom jintużaw ukoll biex jindirizzaw il-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u jkunu suġġetti għall-possibbiltà ta' aċċess ħieles għal żjarat lill-priġunieri politiċi u attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti għandhom jingħataw l-opportunità li jagħmlu skambju ħieles ta' kull tip ta' opinjoni politika; jitlob lill-VP/RGħ tagħmel arranġamenti għall-istabbiliment mill-ġdid ta' Delegazzjoni tal-UE fl-Iran sabiex tkun tista' timmonitorja, mill-perspettiva tal-UE, is-sitwazzjoni fil-post; iħeġġeġ lir-reġim Iranjan jastjeni minn indħil fl-affarijiet interni tal-Iraq;

77.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-intensifikazzjoni tad-djologi settorali maċ-Ċina u jistieden li jkun hemm ħidma konġunta konċertata dwar kwistjonijiet kontroversjali enfasizzati fis-Samit riċenti bejn l-UE u ċ-Ċina; jilqa' l-progress lejn governanza ekonomika u ġudizzjarja aħjar; huwa mħasseb sew dwar il-ksur sever u sistematiku kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi u partikolarment dawk tat-Tibetani, l-Uighurs u l-Mongols, u jistieden lill-VP/RGħ issaħħaħ id-djalogu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem ikunu dejjem fuq l-aġenda;

78.  Jindika li r-relazzjonijiet mal-Ġappun se jiġu affettwati ħafna mit-terremot terribbli, it-tsunami u l-katastrofu nukleari sussegwenti li laqtu lill-pajjiż u jistenna li l-UE turi s-solidarjetà tagħha u tipprovdi l-appoġġ sabiex tgħin lill-awtoritajiet Ġappuniżi biex ikampaw mad-diżastru; iqis li, partikolarment wara l-avvenimenti drammatiċi riċenti, ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Ġappun, pajjiż li għandu l-istess valuri demokratiċi u tħassib dwar d-drittijiet tal-bniedem bħall-UE, għadhom estremament importanti kemm f'termini ekonomiċi kif ukoll fir-rigward tal-ħidma konġunta f'fora multinazzjonali; jenfasizza li l-enfasi kurrenti fuq iċ-Ċina m'għandhiex tinsa l-isforzi neċessarji biex tiżdied il-kooperazzjoni mal-Ġappun u biex jitneħħew l-ostakli li għad baqa' għall-interpenetrazzjoni ekonomika;

79.  Jilqa' l-passi li ttieħdu mill-partiti miż-żewġ naħat tal-Fliegu tat-Tajwan, li rriżultaw fl-iffirmar ta' madwar 15-il ftehim, inkluż il-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni Ekonomika (ECFA) u ftehim dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali f'Ġunju 2010; peress li l-espansjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi man-naħa l-oħra tal-flieġu hija fl-interess taż-żewġ naħat u tal-UE, jappoġġa bis-sħiħ it-tisħiħ tar-rabtiet ekonomiċi tal-UE u t-Tajwan u l-iffirmar ta' ftehim dwar il-kooperazzjoni ekonomika bejn l-UE u t-Tajwan; itenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan bħala osservatur fl-oganizzazzjonijiet u l-attivitajiet internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO); ifaħħar id-deċiżjoni tal-UE li tagħti eżenzjoni tal-viża liċ-ċittadini tat-Tajwan, li ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u t-Tajwan kif ukoll tal-kuntatt bejn il-popli;

80.  Jirrikonoxxi l-importanza enormi tal-Indja bħala setgħa ekonomika u reġjonali emerġenti u bħala sieħba demokratika importanti għall-Ewropa; ifaħħar il-kooperazzjoni tal-Indja mal-UE, b'mod partikolari fl-Afganistan u bl-operazzjoni Atalanta; jitlob kooperazzjoni aktar mill-qrib fuq kwistjonijiet relatati mad-diżarm nukleari, it-tibdil fil-klima, il-governanza ekonomika dinjija u l-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-isfidi għal-libertajiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem f'Jammu u Kashmir u rigward il-persistenza tad-diskriminazzjoni kulturali abbażi tal-kasta; jistenna li s-sħubija strateġika mal-Indja tiżviluppa bi qbil mal-Pjan ta' Azzjoni Konġunta, sabiex tagħti riżultati konkreti; jistenna bil-ħerqa għall-konklużjoni bikrija u l-firma ta' ftehim ta' kummerċ ħieles iżda, fl-istess ħin, jenfasizza l-importanza li n-negozjati attwali dwar ftehim bħal dan bl-ebda mod ma għandhom ifixxklu l-isforzi biex jitnaqqas il-faqar fl-Indja;

L-Afrika

81.  Jesprimi appoġġ u inkoraġġiment qawwija għas-sħubijiet mal-Unjoni Afrikana u ma' organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani oħra fl-indirizzar tat-tħassib dwar l-istabilità u s-sigurtà fil-kontinent Afrikan u fl-iżgurar tal-progress f'oqsma prinċipali oħra, bħall-governanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem, it-tibdil fil-klima u l-kisba tal-MDGs; jemmen li l-proċess ta' pussess u ta' teħid ta' poter progressivi tal-Unjoni Afrikana fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' sigurtà u stabilità fil-kontinent Afrikan, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-missjonijiet taż-żamma tal-paċi, jirrikjedi l-konsolidazzjoni tal-bini tal-istituzzjonijiet u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni Afrikana, u li l-UE għandha tgħid lill-Unjoni Afrikana f'dan ir-rigward;

82.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni li jitfassal approċċ kompensiv tal-UE għar-reġjun tal-Qarn tal-Afrika, li jgħin fil-bini mill-ġdid ta' istituzzjonijiet statali fis-Somalja u li jorbot flimkien is-sigurtà tal-bniedem mal-iżvilupp, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa u b'hekk jiġbor fih l-istrumenti kollha tal-UE bil-għan li jipprovdi soluzzjonijiet għaż-żmien twil;

83.  Jilqa' r-rieda tal-UE li tappoġġa l-implimentazzjoni paċifika tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi fis-Sudan u li taħdem lejn l-istabilità reġjonali għaż-żmien twil; jisħaq, fl-istess ħin, fuq il-bżonn li jiġġeddu l-isforzi biex tiġi indirizzata l-insigurtà u biex tinkiseb soluzzjoni għall-paċi fid-Darfur; huwa tal-opinjoni li l-indipendenza li ġejja fis-Sudan tan-Nofsinhar għandha implikazzjonijiet għall-istabbiltà ta' stati diviżi kulturalment u tinvolvi sfidi li għalihom il-VP/RGħ għandha tkun ippreparata; jifraħ lill-poplu tas-Sudan fuq l-iżvolġiment tajjeb tar-referendum fis-Sudan tan-Nofsinhar, kif ikkonfermat mill-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE; jistieden lill-UE tkompli tappoġġa l-isforzi li saru mill-partijiet sabiex isir progress fuq il-kwistjonijiet pendenti taħt il-Ftehim ta' Paċi Komprensiv, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tar-refuġjati u dawk li rritornaw, u tikkunsidra l-miżuri neċessarji sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tar-relazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar wara r-referendum;

84.  Ifakkar li Alassane Ouattara huwa l-uniku rebbiegħ leġittimu tal-elezzjonijiet presidenzjali li saru f'Côte d'Ivoire fit-28 ta' Novembru 2010 u li r-riżultati tal-elezzjoni ma tistax tiġi sfidata; jieħu nota tal-arrest tal-mexxej attwali Laurent Gbagbo u jispera li dan se jikkontribwixxi għat-tmiem tal-vjolenza; iħeġġeġ lill-forzi politiċi u armati kollha fil-pajjizi biex jirrispettaw ix-xewqa tal-elettorat Ivorjan u jiżguraw t-trasferiment paċifiku tal-poter mingħajr dewmien, u jitlob f'dan ir-rigward, għar-ristawr tal-liġi u l-ordni; jistieden lill-UE tappoġġa bi sħiħ lill-President Quattara fi sforzi mmirati lejn ir-rikonċiljazzjoni, l-irkupru u l-iżvilupp kif ukoll fil-promozzjoni tal-prosperità u l-istabilità għall-persuni mill-Côte d'Ivoire;

85.  Jemmen li l-UE għandha tadotta approċċ komprensiv għat-tħassib dwar is-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun ta' Sahel; jinsisti li t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata transkonfinali (drogi, armi, sigaretti, traffikar tal-bnedmin) jikkostitwixxu theddid serju mhux biss għall-pajjiżi tar-reġjun iżda wkoll direttament għall-Unjoni Ewropea; iqis neċessarju li l-UE tgħin il-pajjiżi tar-reġjun jiżviluppaw politiki u strumenti li jindirizzaw dan it-theddid għas-sikurezza li dejjem qed jiżdied billi tuża l-istrumenti kollha relevanti tal-UE biex jintemmu l-kunflitti persistenti bħall-kunflitt tas-Saħara tal-Punent u biex jiġu promossi riformi demokratiċi fil-pajjiżi kollha tar-reġjun, jinqered il-faqar, jiġi garantit l-iżvilupp sostenibbli, jiġi indirizzat it-tħassib dwar it-tibdil fil-klima fir-reġjun, jiġu ġestiti l-flussi migratorji min-Nofsinhar għan-Nofsinhar u min-Nofsinhar għat-Tramuntana u jiġu żgurati d-demokrazija u l-bini tal-istituzzjonijiet (b'mod partikolari s-settur tas-sikurezza) u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jemmen li l-proċess ta' bini ta' kunsens fost il-pajjiżi tar-reġjun, b'kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana u bil-pussess progressiv tagħha, għandu wkoll jiġi implimentat;

86.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward taż-Żimbabwe li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra ċerti politikanti, uffiċjali u kumpanniji li jżommu r-reġim ta' Mugabe fis-setgħa; jiddispjaċih li għandha ma seħħitx bidla demokratika suffiċjenti u jistieden lill-pajjiżi tal-SADC b'mod partikolari, jgħinu li jiġi żgurat li ż-Żimbabwe jimxi b'mod rapidu lejn elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali u li jersaq b'mod rapidu lejn transizzjoni bla intoppi tas-setgħa;

87.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tmiem tal-Missjoni tal-PSDK fil-Ginea Bissaw f'Settembru 2010 u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jikkunsidraw modi ġodda ta' kif tiġi miġġielda l-kriminalità fil-Ginea Bissaw, sabiex jiġi evitat li dan il-pajjiż isir narko-stat ieħor;

L-Amerika Latina

88.  Jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali u dwar Ftehim Kummerċjali bejn Bosta Partijiet mal-Perù u l-Kolombja; jisħaq, madankollu, li l-UE għandha tkompli tagħti prijorità lill-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali fl-Amerika Latina; jinnota b'sodisfazzjon li n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Mercosur reġgħu bdew, u jistieden biex dawn jiġu konklużi malajr u bla problemi;

89.  Jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi tas-Samit bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew f'Madrid u jissottolinja l-bżonn li tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Madrid; ifakkar fil-bżonn li tiġi adottata Karta Ewro-Latinamerikana għall-Paċi u s-Sigurtà u li din il-karta tkun tinkludi, fuq il-bażi tal-Karta tan-NU u l-liġi internazzjonali relatata, strateġiji u linji gwida għal azzjoni konġunta fl-oqsma tal-politika u tas-sigurtà biex taffronta t-theddidiet u l-isfidi komuni;

o
o   o

90.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p.
(2) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 54.
(3) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 51.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0280.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0399.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0280, it-tieni anness.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0280, it-tieni anness.

Avviż legali - Politika tal-privatezza