Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2623(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0344/2011

Testi mressqa :

B7-0344/2011

Dibattiti :

PV 06/06/2011 - 19
CRE 06/06/2011 - 19

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2011 - 6.4
CRE 08/06/2011 - 6.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0257

Testi adottati
PDF 231kWORD 70k
L-Erbgħa, 8 ta' Ġunju 2011 - Strasburgu
Relazzjonijiet kummerċjali UE-Kanada
P7_TA(2011)0257B7-0344/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta Novembru 2010 bit-titolu “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” (COM(2010)0612), u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Lulju 2010 bit-titolu “Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew” (COM(2010)0343),

–  wara li kkunsidra l-Istudju Konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Kanada bl-isem “Assessing the costs and benefits of a closer EU-Canada economic partnership” (Il-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' sħubija ekonomika aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Kanada) ta' Ottubru 2008(1), u r-Rapport Konġunt dwar l-Eżerċizzju dwar l-Ambitu UE-Kanada tal-5 ta' Marzu 2009(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit UE-Kanada rigward ftehim komprensiv ta' sħubija ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada, iffirmata fi Praga fis-6 ta' Mejju 2009 (Dokument tal-Kunsill. 09547/2009),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar il-modifika tad-direttivi ta' negozjati għal Ftehim ta' Integrazzjoni Ekonomika mal-Kanada sabiex il-Kummissjoni tiġi awtorizzata tinnegozja, f'isem l-Unjoni, dwar l-investiment (SEC(2010)1577),

–  wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 bl-isem “Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment 2011 – Nimpenjaw lill-imsieħba ekonomiċi strateġiċi tagħna fuq l-aċċess imtejjeb għas-suq: Prijoritajiet għall-azzjoni dwar it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ” (COM(2011)0114),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Mejju 2007 dwar L-Ewropa Globali: l-aspetti esterni tal-kompetittività(3), ir-riżoluzzjoni tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea li tiżgura aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej(4), ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-kummerċ ta' materja prima u ta' prodotti bażiċi(5), ir-riżoluzzjoni tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċ fis-servizzi(6), ir-riżoluzzjoni tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali(7), ir-riżoluzzjoni tal-5 ta' Frar 2009 dwar it-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali(8), ir-riżoluzzjoni tal-5 ta' Mejju 2010 dwar is-Samit UE-Kanada(9), ir-riżoluzzjoni tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(10), ir-riżoluzzjoni tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(11), ir-riżoluzzjoni tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(12), ir-riżoluzzjoni tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020(13), u r-riżoluzzjoni tas-6 ta' April 2011 dwar politika Ewropea futura dwar l-investiment internazzjonali(14),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta Qafas għall-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Kanada(15), u ftehimiet sussegwenti bilaterali oħrajn mal-Kanada, b'mod partikolari l-Ftehim dwar il-kooperazzjoni doganali u l-għajnuna reċiproka dwar materji doganali(16), il-Ftehim rigward miżuri sanitarji għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali fir-rigward tal-kummerċ f'annimali ħajjin u prodotti mill-annimali(17), il-Ftehim dwar il-kummerċ fl-inbejjed u x-xorb alkoħoliku(18), il-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili(19), u l-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru(20),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas rivedut dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(21),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), għadha tirrappreżenta l-aktar qafas xieraq għar-regolazzjoni u l-promozzjoni ta' kummerċ ġust u ekwitabbli permezz tal-iżvilupp ta' regoli xierqa u l-iżgurar tal-konformità ma' dawn ir-regoli,

B.  billi l-konklużjoni pożittiva tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) hija ta' importanza kruċjali għall-iżvilupp ulterjuri tad-WTO; billi ftehim bħal dan ma jipprekludix ftehimiet bilaterali li jmorru lil hinn mill-impenji tad-WTO u li jkunu komplementari għar-regoli multilaterali,

C.  billi l-Kanada hija waħda mis-sħab l-iktar antiki kif ukoll waħda mill-eqreb sħab tal-UE, peress li kienet l-ewwel pajjiż industrijali li miegħu l-UE ffirmat Ftehim ta' Qafas għal kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika fl-1976; billi għadd ta' ftehimiet bilaterali mfassla biex jiġu ffaċilitati rabtiet kummerċjali eqreb ġew iffirmati matul is-snin,

D.  billi, l-UE hija t-tieni l-aktar sieħba kummerċjali importanti tal-Kanada u attwalment il-Kanada hija l-ħdax l-aktar sieħba kummerċjali importanti tal-UE (2009); billi l-Kanada hija r-raba' l-akbar sors ta' investiment barrani dirett (IBD) fl-UE, filwaqt li l-UE hija t-tieni l-akbar sors ta' IBD fil-Kanada (2008),

E.  billi l-Istudju Konġunt tal-2008 wera benefiċċji potenzjali sinifikanti kemm għall-Kanada kif ukoll għall-UE li jistgħu jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bilaterali tagħhom,

F.  billi s-setturi privati kemm fl-UE kif ukoll fil-Kanada wrew sostenn qawwi għal ftehim ekonomiku ambizzjuż u komprensiv u jemmen li l-promozzjoni ta' sħubija ekonomika aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Kanada tibgħat sinjal qawwi favur it-tkabbir lill-investituri u lin-negozji fl-UE u fil-Kanada kif ukoll internazzjonalment,

G.  billi hemm kunsens ġenerali li relazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Kanada għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha u li ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Kanada jista' jikkontribwixxi b'mod qawwi għall-iżvilupp u t-twettiq ta' dan billi jittejbu l-kummerċ u l-flussi tal-investiment filwaqt li jitneħħew it-tariffi, it-tariffi għolja u l-ostakoli non-tariffarji mhux iġġustifikati u tiġi appoġġata l-kooperazzjoni aktar mill-qrib, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kooperazzjoni regolatorja, il-mobilità tax-xogħol u r-rikonoxximent tal-kwalifiki,

H.  billi n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) qed jimmiraw għal ftehim avvanzat ħafna, li fil-livell ta' ambizzjoni tiegħu jaqbeż kwalunkwe ftehim kummerċjali u ekonomiku nnegozjat mill-UE jew mill-Kanada sal-ġurnata tal-lum, li saħansitra jaf ikompli jsaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali diġà b'saħħitha ta' kummerċ u investiment,

I.  billi l-Kummissjoni qed tipprova tintegra l-protezzjoni tal-investiment fin-negozjati li għaddejjin bħalissa mal-Kanada u pproponiet lill-Kunsill modifika tad-direttivi eżistenti tan-negozjati,

J.  billi kemm l-UE kif ukoll il-Kanada ddikjaraw li sar progress sinifikanti fin-negozjati CETA, bl-għan li jintlaħaq ftehim sal-aħħar tal-2011,

1.  Iqis li s-sistema multilaterali tal-kummerċ, inkorporata fid-WTO, tibqa' bil-bosta l-aktar qafas effettiv biex jintlaħaq il-kummerċ ħieles, ġust u ewku fuq bażi globali; itenni l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għal konklużjoni pożittiva tan-negozjati tad-DDA, li tibqa' l-prijorità kummerċjali tal-UE; jemmen li l-UE u l-Kanada flimkien jistgħu jikkontribwixxu għal konklużjoni pożittiva tan-negozjati tad-DDA;

2.  Jilqa' ftehim mal-Kanada li jmur lil hinn mill-impenji tad-WTO u jkun komplementari għar-regoli multilaterali, sakemm in-negozjati jipproduċu ftehim ambizzjuż, ibbilanċjat u ta' kwalità għolja li jmur lil hinn sew mit-tnaqqis tat-tariffi; jitlob li jiġi applikat il-prinċipju tar-reċiproċità fil-qafas tar-rimedji legali disponibbli f'każ ta' tilwim kummerċjali u jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jitjieb il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż tat-trademarks, il-privattivi u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif ukoll li jinkiseb aċċess realment reċiproku għas-suq, speċjalment għas-servizzi u s-swieq tal-akkwist pubbliku (inkluż fil-livell subfederali);

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala sinjal ta' rieda tajba, biex tabbanduna r-rikors tagħha kontra r-rekwiżiti dwar il-kontenut lokali li jinsabu fl-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika ta' Ontario;

4.  Iqis li l-kapitolu dwar il-proprjetà intellettwali ma għandux jaffettwa b'mod negattiv il-produzzjoni ta' mediċini ġeneriċi u għandu jirrispetta l-eċċezzjonijiet tat-TRIPS fir-rigward tas-saħħa pubblika;

5.  Jinnota li l-Kummissjoni għażlet “approċċ ta' lista negattiva” għal-liberalizzazzjoni ta' servizzi, iżda jqis li dan għandu jitqies bħala eċċezzjoni biss u ma għandux iservi bħala preċedent għal negozjati futuri; iqis ukoll li l-eżenzjoni tal-utilitajiet pubbliċi GATS tibqa' tikkostitwixxi l-aktar għodda adegwata biex jiġi garantit aċċess universali għas-servizzi pubbliċi liċ-ċittadini;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tat-tħaffir għall-asbestos li qed ikompli jsir fil-Kanada u l-konsegwenzi serji ta' dan fuq saħħet il-ħaddiema; ifakkar li l-UE pprojbixxiet kull użu, estrazzjoni u pproċessar tal-asbestos u l-manifattura ta' prodotti tal-asbestos; jistieden lill-Kanada tieħu azzjoni simili sabiex ittejjeb is-saħħa pubblika;

7.  Jiġbed l-attenzjoni, abbażi tal-komplementarjetajiet taż-żewġ ekonomiji, għall-potenzjal fil-ġejjieni ta' żieda fil-kummerċ u l-investiment u fl-opportunijiet ta' negozju bejn l-UE u l-Kanada bħala riżultat tas-CETA;

8.  Jemmen li l-livell ta' ambizzjoni tal-Kummissjon fid-diskussjonijiet mal-Kanada għandu jkun ibbilanċjat permezz ta' approċċ ugwalment ambizzjuż għall-iżviupp sostenibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-livell ta' obbligi lejn ix-xogħol, l-iskop tal-kapitolu tal-ambjent u l-mod ta' kif għandhom jiġu indirizzati kwistjonijiet li jirrigardaw il-Ftehim Ambjentali Multilaterali (MEA) kif ukoll il-mekkaniżmu ta' infurzar, u għandu jappoġġa u jippromwovi inizjattivi li jikkontribwixxu għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali vinkolanti u l-promozzjoni tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji;

9.  Jilqa' l-progress li sar fin-negozjati tas-CETA u jinkoraġġixxi l-Kummissjoni tkompli tikkonsulta mal-partijiet interessati; minkejja li l-Istudju Konġunt wera benefiċċji potenzjali sinifikanti kemm għall-Kanada kif ukoll għall-UE, jistieden lill-Kummissjoni twettaq kemm jista' jkun malajr evalwazzjoni komprensiva tal-impatt fuq is-sostenibilità sabiex tevalwa l-implikazzjonijiet settorjali u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi prevedibbli għall-UE li jirriżultaw mill-ftehim finali;

10.  Jinnota li l-kompetenza għar-relazzjonijiet UE-Kanada hija limitata għall-livell federali biss, iżda, peress li l-provinċji u t-territorji Kanadiżi huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-obbligi tat-trattat li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom, iqis essenzjali, u jilqa' l-parteċipazzjoni tagħhom fin-negozjati tas-CETA, u jħeġġeġ lill-provinċji u t-territorji jissinkronizzaw il-politiki u l-proċeduri sabiex il-benefiċċji potenzjali jiġu mmassimizzati; iqis li negozjar li jkollu suċċess għandu jinkludi impenji ċari mill-gvernijiet tal-provinċji u tat-territorji;

11.  Jinnota, mhux mingħajr tħassib, li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta għal modifika tad-direttivi ta' negozjati li tawtorizza l-Kummissjoni tinnegozja mal-Kanada fuq investiment mingħajr ma tistenna l-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-politika futura tal-UE dwar l-investiment b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tqis għalkollox il-konklużjoni tal-Parlament Ewropew dwar dan is-suġġett fin-negozjati tagħha dwar l-investiment mal-Kanada; iqis li, meta jitqiesu s-sistemi legali ferm żviluppati tal-Kanada u tal-UE, mekkaniżmu ta' sejba ta' soluzzjoni għal tilwim bejn Stat u ieħor u l-użu ta' rimedji ġudizzjarji lokali jikkostitwixxu l-iktar għodod adegwati biex jiġi indirizzat tilwim dwar l-investiment; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li mekkaniżmu potenzjali ta' sejba ta' soluzzjoni għal tilwim bejn Stat u investitur ma jipprekludix leġiżlazzjoni futura f'oqsma ta' politiki sensittivi, bħal pereżempju leġiżlazzjoni ambjentali, u jkun inkorporat f'obbligi usa' kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-politika Ewropea futura fil-qasam tal-investiment internazzjonali;

12.  Jenfasizza li l-kapitolu tal-investiment għandu jippromwovi investimenti ta' kwalità għolja li jirrispettaw l-ambjent u jinkoraġixxu kundizzjonijiet ta' xogħol tajbin; barra minn hekk, jitlob li l-kapitolu tal-investiment jirrispetta d-dritt li jirregolaw taż-żewġ partijiet , b'mod partikolari fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, tal-ambjent, tas-saħħa pubblika, tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi, tal-politika industrijali u tad-diversità kulturali; jistieden lill-Kummissjoni teskludi mill-ambitu tal-ftehimiet dwar l-investiment setturi sensittivi bħall-kultura, l-edukazzjoni, id-difiża nazzjonali u s-saħħa pubblika;

13.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tal-estrazzjoni tar-ramel bituminuż fuq l-ambjent globali minħabba l-livell għoli ta' emissjonijiet ta' CO2 waqt il-proċess ta' produzzjoni tiegħu u t-theddida li joħloq għall-bijodiversità lokali; jesprimi l-fehma tiegħu li n-negozjati tas-CETA ma għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-UE li tilleġiżla fid-direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwil jew ifixklu l-kapaċità tal-awtoritajiet Kanadiżi li jintroduċu standards ambjentali futuri fir-rigward tal-estrazzjoni tar-ramel bituminuż; jinkoraġixxi ż-żewġ partijiet jirrisolvu kwalunkwe nuqqas ta' qbil b'mod amikevoli u bla ma jiġu affettwati n-negozjati tas-CETA;

14.  Jieħu nota tal-iżviluppi legali reċenti rigward il-projbizzjoni tal-UE fuq il-prodotti mill-foki, b'mod partikolari t-talba tal-Kanada lid-WTO biex jitwaqqaf panel formali ta' riżoluzzjoni tal-kontroversji; jistenna li l-Kummissjoni tibqa' soda dwar il-pożizzjoni tal-UE rigward il-projbizzjoni tal-prodotti tal-foki, u jesprimi t-tama kbira tiegħu li l-Kanada tirtira l-oġġezzjoni fid-WTO, li tmur kontra r-relazzjonijiet kummerċjali pożittivi, qabel ma jkun jeħtieġ li l-Parlament Ewropew jirratifika l-ftehim tas-CETA;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għall-politiki differenti tal-UE u tal-Kanada rigward ir-regolamentazzjoni tal-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); iwissi li r-regolamenti aktar stretti li saru fl-UE jistgħu jiġu kkontestati minn kumpaniji privati skont il-mekkaniżmu propost għas-soluzzjoni tat-tilwimiet tas-CETA;

16.  Iqis li l-kapitoli agrikoli se jkunu kwistjoni importanti għaż-żewġ partijiet f'dawn in-negozjati; huwa mħasseb dwar il-konċessjonijiet possibilment sostanzjali fil-qasam tal-OĠM, il-ħalib u t-tikkettar tal-oriġini; jenfasizza għalhekk li l-interessi u l-prijoritajiet fl-agrikoltura għandhom jiġu kkunsidrati għalkollox u jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim li jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi tal-UE u tal-Kanada u għas-setturi agrikoli fuq iż-żewġ naħat ukoll, u tiżgura, fil-qafas ta' eżitu globalment ibbilanċjat, kompetizzjoni akbar iżda ġusta bejn il-fornituri tal-UE u l-Kanada fir-rigward tal-prodotti agrikoli; jilqa“, f'dan il-kuntest, l-impenn inizjali miż-żewġ naħat li ma jżommux, idaħħlu jew jerġgħu idaħħlu sussidji fuq l-esportazzjoni agrikola għall-prodotti agrikoli kummerċjalizzati bħala pass pożittiv għal negozjati ambizzjużi u ġusti kif ukoll il-ftehim li jikkooperaw fin-negozjati agrikoli tad-WTO;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jkun hemm koerenza fil-politiki tal-UE, u b'mod partikolari għall-OCTs, biex tiżgura li l-interessi tagħhom fir-rigward tal-prodotti strateġiċi tagħhom jkunu ppreservati fil-ftehim futur bejn l-UE u l-Kanada;

18.  Jenfasizza li n-negozjati dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji huma kwistjoni ewlenija fil-kapitoli agrikoli; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni timpenja ruħha sabiex tinnegozja regoli dwarhom li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni;

19.  Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kunsill huwa meħtieġ jikseb il-kunsens tal-Parlament għall-ftehimiet kummerċjali internazzjonali kollha u li kemm il-Kunsill, kif ukoll il-Kummissjoni, għandhom iżommu lill-Parlament informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura; jistieden lill-Kunsill jipprovdi immedjatament lill-Parlament bl-informazzjoni kollha fl-istadji tal-proċedura li għaliha huwa responsabbli, b'mod partikolari d-direttivi tan-negozjati kif adottati minnu u kwalunkwe modifika tagħhom; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jżommu lill-Parlament involut fl-istadji kollha tan-negozjati u sabiex iqisu l-fehmiet tal-Parlament b'mod sħiħ;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-Gvern Federali u l-Parlament u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-provinċji u tat-territorji tal-Kanada;

(1) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2008/october/tradoc_141032.pdf
(2) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2009/march/tradoc_142470.pdf
(3) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.
(4) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 16.
(5) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 5.
(6) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 67.
(7) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 47.
(8) ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 101.
(9) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 64.
(10) Testi adottati , P7_TA(2010)0434.
(11) Testi adottati , P7_TA(2010)0445.
(12) Testi adottati , P7_TA(2010)0446.
(13) Testi adottati , P7_TA(2011)0068.
(14) Testi adottati , P7_TA(2011)0141.
(15) ĠU L 260, 24.9.1976, p. 2.
(16) ĠU L 7, 13.1.1998, p. 38.
(17) ĠU L 71, 18.3.1999, p. 3.
(18) ĠU L 35, 6.2.2004, p. 3.
(19) ĠU L 153, 17.6.2009, p. 11.
(20) ĠU L 207, 6.8.2010, p. 32.
(21) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

Avviż legali - Politika tal-privatezza