Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu: prospettivi futuri (2010/2302(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra n-nota tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) ta' Marzu 2009 dwar “Il-kooperazzjoni internazzjonali fis-sorveljanza tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu”,
– wara li kkunsidra l-Forum Konġunt dwar “Rendikont tal-qagħda attwali tal-użu tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu” li sar f'Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja lill-mexxejja tal-G20 intitolat “Titjib fir-regolament finanzjarju”, tal-25 ta' Settembru 2009,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali tad-29 ta' Ottubru 2010 intitolat “Rapport dwar l-Istabilità Finanzjarja Globali: Fondi Sovrani, Finanzjament u Likwidità Sistemika”,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit ta' Toronto tal-G20 tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja dwar “Prinċipji għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu”, tas-27 ta' Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni fil-5 ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0081/2011),
A. billi jilqa' l-ħidma li għaddejja f'livell globali, Ewropew u internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu,
B. billi suppost li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu huma intermedjarji tal-informazzjoni, li jnaqqsu l-asimmetriji tal-informazzjoni fis-swieq kapitali u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq globali, inaqqsu l-ispejjeż tal-informazzjoni u jwessgħu l-grupp potenzjali ta' dawk li jissellfu u tal-investituri, u b'hekk jipprovdu likwidità u trasparenza għas-swieq u jgħinu biex jinstabu l-prezzijiet,
C. billi, fil-leġiżlazzjoni reċenti, l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ngħatalhom rwol ieħor li jista' jiġi kklassifikat bħala wieħed ta' “ċertifikazzjoni”, li jirrifletti l-fatt li l-klassifikazzjonijiet kulma jmorru qegħdin jiġu inkorporati fir-rekwiżiti kapitali regolatorji,
D. billi l-operaturi finanzjarji fdaw iżżejjed fuq id-deċiżjonijiet li ħadu l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu,
E. billi l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jikklassifikaw tliet setturi differenti, is-settur pubbliku, il-kumpaniji u l-istrumenti finanzjarji strutturati, u billi l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu kellhom rwol sinifikanti fil-perjodu li antiċipa l-kriżi finanzjarja permezz tal-assenjazzjoni ta' klassifikazzjonijiet ħżiena għal strumenti finanzjarji strutturati, li, matul il-kriżi, kellhom jingħataw klassifikazzjonijiet aktar baxxa b'medja ta' bejn tlieta u erba' gradi,
F. billi r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 kien l-ewwel reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u diġà jittratta l-aktar kwistjonijiet urġenti, filwaqt li jissoġġeta l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għas-sorveljanza u r-regolamentazzjoni; billi, madankollu, ir-Regolament ma jindirizzax il-problemi fundamentali kollha, u, fil-fatt, joħloq xi ostakli ġodda għad-dħul fis-suq,
G. billi n-nuqqas ta' ċertezza regolatorja f'dan is-settur qed jipperikola l-iffunzjonar xieraq tas-swieq finanzjarji tal-UE u għalhekk jirrikjedi li l-Kummissjoni tal-UE, qabel ma tippreżenta emendi ulterjuri għar-Regolament (KE) Nru. 1060/2009, tidentifika sew il-lakuni fil-qafas il-ġdid u tipprovdi valutazzjoni tal-impatt dwar il-firxa ta' alternattivi disponibbli sabiex jimtlew dawn il-lakuni inkluża l-possibilità ta' proposti leġiżlattivi ulterjuri,
H. billi l-industrija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandha diversi problemi, li fosthom dawk l-aktar importanti huma n-nuqqas ta' kompetizzjoni, strutturi oligopolistiċi u n-nuqqas ta' responsabilità u trasparenza; billi problema partikulari tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni dominanti hi l-mudell ta' ħlas u billi l-problema fundamentali tas-sistema regolatorja hi li tiddependi żżejjed fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni,
I. billi l-aħjar mod kif tissaħħaħ il-kompetizzjoni jkun li jinħoloq ambjent regolatorju li jkun effikaċi fil-promozzjoni tad-dħul fis-suq, u li titwettaq analiżi iktar fil-fond tal-ostakoli kurrenti għad-dħul fis-suq u ta' fatturi oħra li jaffettwaw il-kompetizzjoni,
J. billi, fi żminijiet favorevoli, il-parteċipanti fis-suq għandhom it-tendenza li jiżbaljaw jew li jinjoraw il-metodoloġija sottostanti u t-tifsira tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, li jfittxu li jispeċifikaw il-probabilità ta' nuqqas,
K. billi l-iżviluppi reċenti fil-kriżi tal-euro enfasizzaw ir-rwol sinifikanti tal-klassifikazzjonijiet tad-dejn sovran, u kemm l-inkonsistenza, kif ukoll il-proċiklikalità fl-użu regolatorju tal-klassifikazzjonijiet,
L. billi l-indipendenza tal-klassifikazzjonijiet mill-interferenza mis-suq u l-interferenza politika hi tal-ogħla importanza u trid tiġi żgurata jkunu xi jkunu l-istrutturi u l-mudelli kummerċjali l-ġodda li jistgħu joħorġu u fil-kuntest tal-governanza ekonomika u tas-simulazzjonijiet ta' kriżi,
M. waqt li l-klassifikazzjonijiet jistgħu jinbidlu u effettivement jinbidlu bħala riżultat ta' aġġustamenti fundamentali għal profili tar-riskju jew għal informazzjoni ġdida, dawn għandhom jitfasslu b'tali mod li jkunu stabbli u ma jvarjawx abbażi tas-sentiment tas-suq,
N. billi s-sistema ta' Basel II irriżultat f'dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet esterni, ħaġa li f'xi każi wasslet biex il-banek iddeċidew li ma jwettqux valutazzjonijiet awtonomi tal-iskoperturi tagħhom,
O. billi r-regolamentazzjoni riċenti tal-klassifikazzjonijiet fl-Istati Uniti, permezz tal-Att Dodd-Frank, għażlet li r-regolamentazzjoni tkun tiddependi inqas fuq id-deċiżjonijiet tal-aġenziji,
1. Jikkunsidra li, fid-dawl tal-bidla fl-użu tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, fejn l-emittent jiġi klassifikat biex jikseb trattament preferenzjali skont qafas regolatorju aktar milli biex jikseb aċċess għas-swieq kapitali globali, id-dipendenza żejda tas-sistema regolatorja finanzjarji globali fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni għandha titnaqqas kemm jista' jkun u fi żmien realistiku;
2. Jikkunsidra li l-preġudizzji fil-kompetizzjoni kkawżati mill-prattika komuni li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jivvalutaw il-parteċipanti tas-suq filwaqt li simultanjament jiksbu mingħandhom l-ordnijiet, għandhom jitnaqqsu;
3. Jaqbel mal-prinċipji stabbiliti mill-Bord tal-Istabilità Finanzjarja f'Ottubru 2010 li jagħtu gwida ġenerali dwar kif titnaqqas id-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni, u jilqa' l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni li bdiet f'Novembru 2010; jitlob lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid jekk l-Istati Membri jużawx il-klassifikazzjonijiet għal skopijiet regolatorji, u kif jagħmlu dan sabiex titnaqqas id-dipendenza żejda ġenerali fuqhom tas-sistema regolatorja finanzjarja;
4. Jindika n-nuqqasijiet fl-approċċ standardizzat fil-qafas regolatorju ta' Basel li jippermetti li jiġu stabbiliti rekwiżiti kapitali regolatorji għall-istituzzjonijiet finanzjarji abbażi tal-klassifikazzjonijiet ta' kreditu esterni; jikkunsidra li hu importanti li jiġi stabbilit qafas tal-adegwatezza kapitali li jiżgura valutazzjoni tar-riskji interna li tkun robusta, sorveljanza aħjar ta' tali valutazzjoni tar-riskji u aċċess imtejjeb għall-informazzjoni relevanti għall-kreditu; jappoġġa f'dan ir-rigward użu akbar tal-approċċ ibbażat fuq il-klassifikazzjonijiet interni, sakemm ikun joffri affidabilità u sikurezza u sakemm id-daqs, il-kapaċità u s-sofistikazzjoni tal-istituzzjoni finanzjarja jippermettu valutazzjoni tar-riskji adegwata; jikkunsidra li, sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fis-suq, hu importanti li l-mudelli interni jirrispettaw il-parametri preskritti fir-regolamentazzjoni tal-UE u li jkunu soġġetti għal validazzjoni superviżorja rigoruża; jikkunsdira, fl-istess ħin, li atturi iżgħar u anqas sofistikati b'kapaċitajiet aktar baxxi għandhom ikunu jistgħu jużaw klassifikazzjonijiet esterni, jekk ma tkun vijabbli l-ebda valutazzjoni interna tar-riskji tal-kreditu, sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti xierqa ta' diliġenza dovuta;
5. Jindika l-importanza li jiġu segwiti l-iżviluppi skont il-qafas ta' Basel III u l-proċess li għaddej bħalissa tad-DRK IV f'dan ir-rigward;
6. Jara l-ħtieġa li terġa' lura għal li kienet il-kapaċità tal-investituri li jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom stess bħala prerekwiżit biex ikun jista' jkun hemm użu akbar tal-mudelli interni proprjetarji għall-valutazzjoni tar-riskji tal-kreditu; jissuġġerixxi li l-banek u atturi finanzjarji oħrajn għandhom jużaw valutazzjonijiet interni xierqa tar-riskji b'ħafna iktar frekwenza;
7. Jesprimi l-fehma li l-parteċipanti fis-suq m'għandhomx jinvestu fi prodotti strutturati jew prodotti oħrajn jekk ma jkunux jistgħu jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu sottostanti huma stess, jew inkella li għandhom japplikaw l-ogħla piż tar-riskju;
8. Jitlob lill-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jeżaminaw mill-ġdid l-użu tagħhom tal-klassifikazzjonijiet esterni, u jħeġġiġhom jibnu kompetenza fit-tfassil tal-mudelli tagħhom stess biex jivvalutaw l-istandard ta' kreditu tal-assi eliġibbli li jintużaw bħala sigurtà għal operazzjonijiet li jipprovdu likwidità, u biex titnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq il-klassifikazzjonijiet esterni;
9. Jiltob lill-Kummissjoni tivvaluta b'attenzjoni l-użu potenzjali ta' strumenti alternattivi għall-kejl tar-riskju tal-kreditu;
Aktar kapaċità għas-superviżuri
10. Hu konxju tal-kunflitt ta' interess inerenti jekk il-parteċipanti fis-suq ifasslu valutazzjonijiet interni tar-riskju tal-kreditu għar-rekwiżiti kapitali regolatorji tagħhom stess, u għalhekk jara l-ħtieġa li jiżdiedu r-responsabilitajiet, il-kapaċità, is-setgħat u r-riżorsi tas-superviżuri għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u s-sorveljanza tal-adegwatezza tal-mudelli interni u għall-impożizzjoni ta' miżuri prudenzjali; jikkunsidra li jekk mudell intern ma jkunx jista' jiġi vvalutat b'mod xieraq mis-superviżur minħabba l-kumplessità tiegħu, it-tali mudell m'għandux jiġi approvat għal użu regolatorju; jissuġġerixxi li anke t-trasparenza tas-suppożizzjonijiet għal valutazzjoni akkademika indipendenti għandha rwol;
11. Jiddikjara li, sabiex teżerċità s-setgħat superviżorji tagħha b'mod effikaċi, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) għandu jkollha d-dritt li twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post mingħajr avviż u li, meta tkun qed teżerċita s-setgħat superviżorji tagħha, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għandha tagħti ċ-ċans lill-persuni li huma soġġetti għal proċedimenti li jinstemgħa sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom ta' difiża;
L-istess kundizzjonijiet għal kulħadd
12. Jenfasizza n-natura globali tal-industrija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-pajjiżi l-oħra tal-G20 fuq approċċ globali, ibbażat fuq l-ogħla standards, fir-rigward kemm tar-regolamentazzjoni dwar l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, kif ukoll tar-regolamentazzjoni prudenzjali u tas-swieq fir-rigward tat-tnaqqis tad-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni għall-preżervazzjoni tal-istess kundizzjonijiet għal kulħadd u għall-prevenzjoni tal-arbitraġġ regolatorju filwaqt li is-swieq jinżammu miftuħa;
13. Iqis it-tqanqil tal-kompetizzjoni, il-promozzjoni tat-trasparenza u l-kwistjoni ta' mudell tal-ħlas futur bħala l-iktar kompiti importanti filwaqt li l-kwistjoni tal-oriġini ta' aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tkun sekondarja;
14. Itenni li r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jfassal żewġ sistemi biex jiġu ttrattati l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni minn pajjiżi terzi u li l-ħsieb wara s-sistema ta' approvazzjoni kien li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni meqjusa bħala nonekwivalenti jintużaw fl-Unjoni Ewropea jekk tinhemeż responsabilità ċara ma' aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu approvanti;
Livell intermedju: struttura industrijali Kompetizzjoni
15. Jisħaq fuq il-fatt li aktar kompetizzjoni fis-settur ma timplikax awtomatikament kwalità aħjar tal-klassifikazzjonijiet u jtenni li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni jridu jikkonformaw mal-ogħla standards ta' integrità, żvelar, trasparenza u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess kif stipulati fir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u jiġi evitat it-tiftix tal-aġenzija li tipprovdi l-aħjar klassifikazzjoni;
Fondazzjoni Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu
16. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt u studju tal-vijabilità dettaljati dwar l-ispejjeż, il-benefiċċji u l-istruttura ta' governanza potenzjali ta' Fondazzjoni Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (FEKK) indipendenti għalkollox li tespandi l-kompetenza tagħha fit-tliet setturi tal-klassifikazzjonijiet; jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ispejjeż ta' finanzjament tal-bidu li jkopru l-ewwel tlieta sa mhux aktar minn ħames snin tal-ħidma tal-FEKK u li hemm bżonn li jiġu vvalutati b'attenzjoni; jenfasizza li hemm bżonn li kwalunkwe proposta leġiżlattiva f'dak is-sens tiġi fformulata b'attenzjoni konsiderevoli bil-għan li jiġi evitat li l-inizjattivi ta' politika paralleli biex titnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet u biex aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ġodda jitħeġġew jidħlu fis-suq;
17. Jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi, flimkien max-xogħol imsemmi fil-paragrafu 9, valutazzjoni tal-impatt , analiżi tal-vijabilità, u stima tal-ispejjeż dettaljati għall-finanzjament meħtieġ f'dan ir-rigward; hu ta' fehma b'saħħitha li l-ispejjeż għall-finanzjament m'għandhom fl-ebda ċirkustanza jiġġarrbu minn min iħallas it-taxxi u jikkunsidra li m'għandu jiġi pprovdu l-ebda finanzjament ultejuri u li l-FEKK il-ġdida għandha tkun kompletament awtosuffiċjenti u wara l-perjodu tal-bidu għandha tiffinanzja l-baġit tagħha stess;
18. Jikkunsidra li, biex tiġi żgurata l-kredibilità tagħha, il-ġestjoni, il-persunal u l-istruttura ta' governanza tal-FEKK ġdida għandhom ikunu indipendenti u awtonomi għalkollox, jiġifieri ma jkunux vinkolati b'istruzzjonijiet vis-à-vis l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-korpi pubbliċi l-oħrajn kollha, kif ukoll l-industrija tal-finanza u l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu l-oħrajn, u li hemm bżonn li joperaw skont ir-Regolament emendat (KE) Nru 1060/2009;
19. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż, il-benefiċċji u l-istruttura ta' governanza ta' tali netwerk ta' aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu Ewropej, inklużi kunsiderazzjonijiet dwar kif l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu attivi nazzjonalment jistgħu jitħeġġew jimxu lejn strutturi ta' sħubija jew ta' netwerk konġunt, biex jisiltu mir-riżorsi u l-persunal eżistenti, u b'hekk ikunu jistgħu jipprovdu kopertura akbar li tippermettilhom jikkompetu mal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu attivi f'livell transkonfinali; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista' tinvestiga metodi ta' appoġġ għan-netwerks tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, iżda huwa tal-fehma li kwalunkwe netwerk ta' dan it-tip għandu jkun inizjattiva mmexxija mill-industrija;
20. Jara ħtieġa potenzjali għal appoġġ biex jitwaqqaf inizjalment netwerk ta' dan it-tip iżda jqis li n-netwerk għandu jkun awtosuffiċjenti u jħalli l-qligħ mid-dħul proprju tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa u l-mezzi potenzjali għall-finanzjament tal-bidu u għall-istrutturi legali possibbli għal dan il-proġett;
21. Iqis li l-istabbiliment ta' Aġenzija Ewropea tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu għandu jiġi esplorat u evalwat mill-Kummissjoni; jiltob lill-Kummissjoni tesplora b'mod partikolari l-kwestjoni tal-persunal tagħha, li għandu jkun indipendenti bis-sħiħ u l-kwestjoni tar-riżorsi tagħha, li għandhom jiġu minn miżati mis-settur finanzjarju privat;
Żvelar u aċċess għall-informazzjoni
22. Jikkunsidra li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jridu jaqdu l-iskop li jżidu l-informazzjoni għas-suq b'mod li jipprovdi lill-investituri b'valutazzjoni konsistenti tar-riskju tal-kreditu fost is-setturi u l-pajjiżi kollha; jikkunsidra li hu importanti li l-utenti jitħallew jiskrutinjaw aħjar lill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u f'dan ir-rigward jenfasizza r-rwol ċentrali ta' aktar trasparenza fl-attivitajiet tagħhom;
23. Jindika li, biex l-investituri jkunu jistgħu jivvalutaw ir-riskju b'mod adegwat u jwettqu d-dmirijiet ta' diliġenza dovuta u l-obbligi fiduċjarji tagħhom, hemm bżonn ta' aktar żvelar tal-informazzjoni dwar il-prodotti fil-qasam tal-istrumenti finanzjarji strutturati biex l-investituri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati; jikkunsidra li investituri sofistikati għandhom ikunu jistgħu jivvalutaw il-krediti sottostanti li minnhom imbagħad ikunu jistgħu mbagħad jisiltu r-riskju tal-prodott titolizzat; jappoġġa l-inizjattivi eżistenti tal-BĊE u oħrajn biex issir disponibbli aktar informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji strutturati f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa biex jiżdied l-iżvelar tal-informazzjoni għal kull prodott fil-qasam tal-istrumenti finanzarji;
24. Jinnota li, barra mill-attività tagħhom ta' kklassifikazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu joħorġu għadd ta' prospettivi, rieżamijiet, twissijiet u għases li tassew ikollhom impatt sinifikanti fuq is-swieq. hu tal-fehma li għandhom jiġu żvelati skont kriterju u protokolli stabbiliti minn qabel li jiżguraw it-trasparenza u l-kunfidenzjalità;
25. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 2003/71/KE u tad-Direttiva 2004/109/KE biex jiġi żgurat li ssir disponibbli b'mod aktar mifrux biżżejjed informazzjoni preċiża u sħiħa dwar l-istrumenti finanzjarji strutturati;
26. Jikkunsidra li huwa vitali f'dan ir-rigward li fi kwalunkwe miżura futura potenzjali jiġu kkunsidrati kompletament l-aspetti tal-protezzjoni tad-data;
27. Jehwden jekk ikunx ta' vantaġġ li l-emittenti jiġu obbligati jiddiskutu l-kontenut u l-metodu wara strument finanzjarju strutturat ma' parti terza li jew tkun qiegħda twettaq klassifikazzjoni tal-kreditu mhux mitluba jew li tkun qiegħda tfassal valutazzjoni tar-riskji interna;
28. Itenni l-obbligu fuq il-Kummissjoni fil-Premessa 5 tar-Regolament emendat (KE) Nru 1060/2009 rigward it-trasparenza tal-informazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni twettaq l-analiżi meħtieġa sabiex tippreżenta r-riżultat b'emendi potenzjali għal-leġiżlazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bħala parti mir-rieżami attwali tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li qed twettaq;
29. Jinnota l-progress li sar rigward it-trasparenza u l-iżvelar minn aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu 1 u mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu 2; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt ta' dawn ir-regolamenti wara t-tlestija tal-proċess ta' reġistrazzjoni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu biex jiġu enfasizzati oqsma futuri fejn żvelar ulterjuri għall-utenti jista' jkun ta' ġid;
30. Jitlob, flimkien ma' trasparenza akbar tal-proċess ta' klassifikazzjoni u l-verifika interna tagħhom, għal superviżjoni aqwa tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu min-naħa tal-awtoritajiet superviżorji tal-UE u għal superviżjoni aktar intrużiva min-naħa tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-użu tal-klassifikazzjonijiet jew id-dipendenza fuqhom mill-istituzzjonijiet finanzjarji;
Żewġ klassifikazzjonijiet obbligatorji
31. Hu tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk, f'ċerti ċirkustanzi, huwiex xieraq l-użu ta' żewġ klassifikazzjonijiet obbligatorji, eż. għall-istrumenti finanzjarji strutturati u għal kull klassifikazzjoni ta' kreditu esterna użata għal skopijiet regolatorji, u jekk il-klassifikazzjoni ta' kreditu esterna l-aktar konservattiva, jiġifieri l-anqas favorevoli, għandhiex titqies bħala r-referenza għall-iskop regolatorju; jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi valutazzjoni tal-impatt dwar l-użu potenzjali ta' żewġ klassifikazzjonijiet obbligatorji;
32. Jikkunsidra li l-ispejjeż taż-żewġ klassifikazzjonijiet għandhom jiġġarrbu mill-emittent u li l-ewwel klassifikazzjoni ta' kreditu esterna għandha ssir minn aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu mikrija, skont l-għażla tal-emittent, filwaqt li, fil-każ tat-tieni klassifikazzjoni ta' kreditu esterna, għandhom jitqiesu diversi alternattivi għall-assenjazzjoni, inkluża l-possibilità tal-assenjazzjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), abbażi ta' kriterji speċifiċi, definiti u oġġettivi, waqt li jitqies ir-rendiment storiku u jiġi appoġġat it-twaqqif ta' aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ġodda waqt li jiġi evitat kull tgħawwiġ tal-kompetizzjoni;
33. Jindika li r-reputazzjoni ma tistax tiġi imposta minn regolatur, imma li kull aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ġdida tiġi aċċettata biss jekk tikseb il-kredibilità;
Klassifikazzjoni tad-dejn sovran
34. Hu konxju mill-fatt li l-atturi tas-swieq huma kontra l-klassifikazzjonijiet ta' kreditu li ma jkunux stabbli minħabba l-ispejjeż kbar involuti (f'deċiżjonijiet relatati ma' bejgħ jew xiri) meta l-klassifikazzjonijiet jiġu aġġustati; jikkunsidra, madankollu, li b'konsegwenza ta' dan il-klassifikazzjonijiet ikollhom it-tendenza li jkunu proċikliċi u jaqgħu lura meta mqabbla mal-iżviluppi tas-swieq finanzjarji;
35. Jinnota li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jużaw kriterji ċari biex jagħtu l-punti lill-prestazzjoni tal-pajjiżi, hu konxju mill-fatt li l-klassifikazzjoni nnifisha mhijiex ippiżar mekkaniku ta' dawn il-fatturi. jitlob lill-industrija tiċċara liema metodoloġija u ġudizzji jintużaw biex jiġu kkalibrati l-klassifikazzjonijiet sovrani u tispjega d-devjazzjoni minn dawn il-klassifikazzjonijiet iġġenerati mill-mudelli u d-devjazzjoni mit-tbassir tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali prinċipali;
36. Jinnota li, skont il-FMI, il-klassifikazzjonijiet jistgħu jispjegaw sa kważi 70% tal-firxiet tal-iskambji ta' inadempjenzi tal-kreditu; jinsab imħasseb dwar l-effetti proċikliċi li jista' jkollhom il-klassifikazzjonijiet u jirrikjedi li dawn il-kwistjonijiet sensittivi tingħatalhom kunsiderazzjoni speċjali;
37. Jemmen li, bil-għan li jitnaqqsu l-“effetti tal-irdum” negattivi fil-prezzijiet u l-firxiet li huma implikati mill-bidliet fil-klassifikazzjonijiet, ir-regolament li jgħaqqad id-deċiżjonijiet tax-xiri jew tal-bejgħ mal-klassifikazzjonijiet għandu jiġi eliminat;
38. Jikkunsidra li, billi kwazi l-informazzjoni kollha dwar id-dejn sovran hija disponibbli fil-qasam pubbliku, tali informazzjoni għandha ssir disponibbli b'mod aktar faċli, konsistenti u komparabbli ħalli atturi akbar u aktar sofistikati tas-swieq jingħataw l-inċentiv biex jiddependu fuq il-ġudizzju tagħhom stess biex jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu sovran;
39. Jemmen li, minħabba l-effetti li jista' jkollhom il-klassifikazzjonijiet ta' kreditu tad-dejn sovran fuq is-suq, jeħtieġ li t-trasparenza dwar il-metodi u r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet kif ukoll ir-responsabilità tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jittejbu f'dan il-qasam; jitlob għal studju li jinvolvi f'din il-klassifikazzjoni, il-Fondazzjoni Ewropea futura u l-Aġenzija Ewropea tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu indipendenti u futura
40. Jappoġġja l-iżvelar u l-ispjegazzjoni msaħħa tal-metodoloġiji, il-mudelli u l-assunzjonijiet fundamentali dwar il-klassifikazzjoni adottati mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, anke fid-dawl tal-impatt sistemiku li jista' jirriżulta minħabba xi tnaqqis fil-grad fuq id-dejn sovran;
Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni (EURIX)
41. Jikkunsidra li t-tagħrif pubbliku dwar il-medja tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni eżistenti minn aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu akkreditati huwa prezzjuż; jissuġġerixxi għalhekk li jiġi stabbilit Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni (EURIX) li jinkorpora l-klassifikazzjonijiet kollha tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati li huma disponibbli fis-suq;
Livell mikro: mudell kummerċjali Mudelli ta' ħlas
42. Jappoġġa l-eżistenza ta' diversi mudelli ta' ħlas fl-industrija imma jenfasizza l-eżistenza ta' riskji ta' kunflitti ta' interess li hemm bżonn jiġu indirizzati mill-mezzi ta' trasparenza u ta' regolamentazzjoni xierqa waqt li ma jiġi impost mudell mhux iġġustifikat; jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tal-konsultazzjoni reċenti, toħroġ bi proposti għal mudelli ta' ħlas vijabbli alternattivi li jinvolvu kemm lill-emittenti, kif ukoll l-utenti; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikulari f'dan ir-rigward għall-użu potenzjali tal-mudelli li “l-investitur iħallas” u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu sabiex titnaqqas it-tendenza li l-klassifikazzjonijiet ikunu soġġetti għal kunflitti ta' interess;
43. Hu tal-fehma li l-governanza tajba fl-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu dwar l-arranġamenti fis-seħħ rigward il-governanza;
Responsabilità ġudizzjarja u finanzjarja
44. Jenfasizza li l-AETS hi responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-konformità tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009; jikkunsidra li jekk il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jissodisfaw skop regolatorju dawn m'għandhomx jiġu kklassifikati bħala sempliċi opinjonijiet, u li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jinżammu responsabbli għall-applikazzjoni konsistenti tal-metodoloġija sottostanti tal-klassifikazzjonijiet ta' kreditu tagħhom; jirrakkomanda, għalhekk, li l-iskopertura tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għar-responsabilità ċivili fil-każ ta' negliġenza jew imġiba ħażina serji tiġi ddefinita b'bażi konsistenti fl-UE kollha, u li l-Kummissjoni għandha tidentifika modi biex tali responsabilità ċivili tingħata għeruq sodi fil-leġiżlazzjoni ċivili tal-Istati Membri;
45. Jindika li r-responsabbiltà aħħarija għal deċiżjoni dwar l-investiment għandha tkun tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji, jiġifieri l-amministratur tal-assi, l-istituzzjoni finanzjarja jew l-investitur sofistikat; jinnota li r-responsabilità se tkun sostnuta wkoll mir-reġistru ċentrali (CEREP) stabbilit mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu 1, li jippubblika data f'sura standardizzata dwar il-prestazzjoni tal-klassifikazzjonijiet maħruġa mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati fi ħdan l-UE, biex l-investituri jkunu jistgħu jagħmlu l-valutazzjoni proprja tagħhom dwar ċerti aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, u b'hekk jeżerċitaw aktar pressjoni reputazzjonali; jindika li l-investituri għandu jkollhom kapaċitajiet ta' ġestjoni tar-riskji effikaċi soġġetti għal sorveljanza adegwata mill-amministrazzjoni;
46. Jissuġġerixxi li kull aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata għandha twettaq rieżami annwali biex tivvaluta r-rendiment tagħha tal-klassifikazzjonijiet ta' kreditu tal-passat u għandha tiġbor din l-informazzjoni f'rapport ta' responsabilità għas-superviżur; jissuġġerixxi li l-AETS għandha twettaq kontrolli fortuwiti dwar ir-rapporti ta' responsabilità fuq bażi regolari biex jiġi żgurat standard ta' kwalità għolja fil-klassifikazzjonijiet ta' kreditu;
o o o
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.