Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti (2010/2016(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kumissjoni tat-8 ta' Ottubru 2010 dwar “Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0543),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2010 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet – il-15-il rapport ta' kull sena mill-Kummissjoni skont it-termini tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2006” skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2007 dwar tfassil aħjar tal-liġijiet 2005: l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – it-13-il rapport annwali(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2007 dwar l-imminimizzar tal-ispejjeż amministrattivi imposti mil-leġiżlazzjoni(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Mejju 2006 dwar leġiżlar aħjar 2004: l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà – it-12-il rapport annwali(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2004 dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-proċeduri ta' konsultazzjoni(6),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet tas-16 ta' Diċembru 2003 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-Approċċ Interistituzzjonali Komuni għal Valutazzjonijiet tal-Impatt konkluż bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'Novembru 2005,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 3/2010,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-istudju kkummissjonat mill-Parlamemt Ewropew dwar valutazzjonijiet tal-impatt fl-Istati Membri tal-UE,
– wara li kunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2009 dwar valutazzjoni tal-impatt u l-annessi tagħhom (SEC(2009)0092),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ġunju 2002 dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt (COM(2002)0276),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 bejn il-Parlament u l-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 dwar Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni: il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali (COM(2010)0614),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt għall-2010 tal-24 ta' Jannar 2011 (SEC(2011)0126),
– wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Novembru 2010 mill-President tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi lir-rapporteur dwar l-esperjenzi miksuba minn valutazzjoni tal-impatt li saret dwar l-effett tal-estensjoni tal-liv tal-maternità għal 20 ġimgħa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0159/2011),
A. billi l-valutazzjonijiet tal-impatt jippreżentaw evalwazzjoni sistematika tal-effetti mistennija tal-azzjoni leġiżlattiva,
B. billi l-introduzzjoni ta' ambjent regolatorju trasparenti, ċar, effettiv u ta' kwalità għolja għandha tkun objettiv prijoritarju tal-politika tal-Unjoni Ewropea,
C. billi l-valutazzjonijiet tal-impatt jagħtu kontribut pożittiv lit-titjib ġenerali tal-kwalità tad-dispożizzzjonijet legali Komunitarji fil-kuntest tat-tfassil aħjar tal-liġijiet,
D. billi l-problemi li jinqalgħu fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE attwalment applikabbli huma, fost affarijiet oħra, ir-riżultat ta' testi leġiżlattivi mfassla inadegwatament, u billi l-entitajiet leġiżlattivi kollha Ewropej jaqsmu r-responsabilità għal dan,
E. billi t-Trattat ta' Lisbona fih klawsoli soċjali u ambjentali orizzontali (l-Artikoli 9 u 11 tat-TFUE) li għandhom jitqiesu fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni u jirrikjedu analiżi profonda tal-impatt soċjali u ambjentali ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta;
F. billi, meta jiġu adottati liġijiet ġodda u meta jiġu ssimplifikati u riformulati liġijiet eżistenti, il-valutazzjonijiet tal-impatt jistgħu jservu biex itejbu l-evalwazzjoni tal-effetti soċjali, ekonomiċi, ambjentali u dawk fuq is-saħħa tagħhom u l-kompatibilità tagħhom mad-drittijiet fundamentali, u b'hekk jistgħu jgħinu biex tonqos il-burokrazija, kif ukoll jiżguraw il-konsistenza tal-politiki tal-UE fil-ksib tal-objettivi predominanti stipulati mill-Kunsill Ewropew,
G. billi l-Kummissjoni tqis li l-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt huwa indipendenti minkejja li jinsab taħt l-awtorità tal-President tal-Kummissjoni u huwa magħmul minn uffiċjali għolja minn diversi Direttorati Ġenerali u ppresedut mill-Viċi Segretarju Ġenerali; billi dan iwassal għall-preġudizzju fl-informazzjoni u għaldaqstant għal ksur tan-newtralità meħtieġa,
H. billi l-Parlament f'diversi okkażżjonijiet esprima appoġġ għall-użu ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti fl-Unjoni Ewropea,
I. billi l-valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni huma inkonsistenti fil-livell ta' kwalità tagħhom u spiss iservu pjuttost biex jiġġustifikaw proposta leġiżlattiva milli biex jippermettu kunsiderazzjoni oġġettiva tal-fatti,
J. billi l-valutazzjonijiet tal-impatt jistgħu jintużaw biex jinħolqu ostakli burokratiċi bla bżonn għall-iżvilupp ulterjuri jew għad-dħul fis-seħħ ta' leġiżlazzjoni jew politiki Ewropej,
K. billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003, fl-Approċċ Interistituzzjonali Komuni għal Valutazzjonijiet tal-Impatt ta' Novembru 2005, u l-Parlament u l-Kummissjoni fil-Ftehim ta' Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010, ħadu l-impenn li jistabbilixxu aġenda għal-leġiżlar aħjar, u billi din ir-riżoluzzjoni tinkludi proposti konkreti għat-titjib tal-valutazzjonijiet tal-impatt,
L. billi l-Kummissjoni qed issegwi tip ġdid ta' approċċ fil-politika industrijali, fejn il-proposti politiċi kollha b'impatt qawwi fuq l-ekonomija għandhom jiġu analizzati fid-dettall fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-kompetittività,
Rekwiżiti ġenerali għall-valutazzjonijiet tal-impatt fil-livell Ewropew
1. Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma għajnuna importanti għal leġiżlar iktar intelliġenti u aħjar matul iċ-ċiklu politiku kollu li l-leġiżlaturi tad-dritt tal-UE għandhom jisfruttaw iktar spiss sabiex jgħinuhom jevalwaw b'mod iktar effettiv il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali, ambjentali u dawk relatati mas-saħħa tal-għażliet politiċi tagħhom, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-analiżi tal-ispiża f'paragun mal-benefiċċju tikkostitwixxi kriterju wieħed fost oħrajn;
2. Jilqa' l-Komunikazzjoni dwar Regolamentazzjoni Intelliġenti u jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandu jkollhom rwol prinċipali matul iċ-ċiklu kollu tal-politika, mit-tfassil għall-implimentazzjoni, l-infurzar, l-evalwazzjoni u sar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' teħid ta' deċiżjonijiet meqjus tajjeb u infurmat sew fl-istadju tat-tfassil tal-proposti leġiżlattivi, minħabba li dan jista' jwassal kemm għal kwalità mtejba tar-riżultati kif ukoll għall-proċess leġiżlattiv iqsar;
3. Jisħaq fuq il-bżonn ta' valutazzjonijiet tal-impatt magħmulin sew bħala prerekwiżit għal leġiżlazzjoni ta' kwalità għolja u għat-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar kif jixraq;
4. Jenfasizza li valutazzjoni tal-impatt ma hija bl-ebda mod sostitut għad-dibattitu politiku u l-proċess demokratiku ta' teħid ta' deċiżjoni tal-leġiżlatur, iżda sempliċement isservi biex tgħin fil-preparazzjoni teknika ta' deċiżjoni politika;
5. Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom isiru fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tal-politika; jenfasizza li dawn għandhom ikunu kompletament indipendenti u dejjem għandhom ikunu bbażati fuq analiżi raġunata u oġġettiva u tal-effetti potenzjali;
6. Jenfasizza li, skont l-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-koleġiżlaturi ntrabtu li jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt meta jqisu li dan ikun xieraq u meħtieġ għall-proċess leġiżlattiv, qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe emenda sostantiva;
7. Iqis li huwa neċessarju li jiġu involuti esperti esterni mill-oqsma politiċi kollha kif ukoll il-gruppi kollha tal-partijiet interessati li jkunu milquta fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt sabiex ikunu ggarantiti l-indipendenza u l-oġġettività; jenfasizza, f'dan il-kuntest, id-distinzjoni fundamentali bejn konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatt indipendenti; jinnota li r-riżultat finali u l-kontroll tal-metodoloġija u l-kwalità tal-valutazzjoni tal-impatt għandhom jibqgħu f'idejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun żgurat li dawn jitwettqu bl-istess standard għoli;
8. Jitlob li jkun hemm trasparenza massima fit-tfassil tal-valutazzjonijiet tal-impatt, inkluża l-pubblikazzjoni bikrija ta' pjanijiet direzzjonali komprensivi tal-leġiżlazzjoni proposta sabiex ikun żgurat aċċess ugwali għall-proċeduri leġiżlattivi għall-partijiet interessati kollha; iqis, għalhekk, ukoll li l-perjodu attwali ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi estiż għal 12-il ġimgħa;
9. Huwa tal-opinjoni li m'għandux ikun possibbli li l-valutazzjonijiet tal-impatt dwar proġetti jew leġiżlazzjoni mħallsa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi jew l-intrapriżi dipendenti tagħhom jiġu approvati mill-amministrazzjoni kkonċernata;
10. Iqis li hu essenzjali li l-valutazzjonijiet tal-impatt jiġu skrutinizzati mill-Istati Membri ex-ante, sabiex ikunu valutati l-effetti tal-leġiżlazzjoni proposta fuq il-liġijiet u l-politiċi pubbliki nazzjonali; jitlob li titwettaq evalwazzjoni ex-post ikbar u biex titqies iktar l-inklużjoni ta' tabelli ta' korrelazzjoni obbligatorji sabiex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun ġiet implimentata b'mod korrett mill-Istati Membri u laħqet l-objettivi tagħha;
11. Jemmen li l-valutazzjoni tal-impatt hija strument xieraq għall-verifika tar-rilevanza tal-proposti tal-Kummissjoni, u partikolarment skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u biex ikunu spjegati b'mod iktar ċar lill-koleġiżlaturi u lill-pubbliku b'mod ġenerali r-raġunijiet għall-għażla ta' miżura partikolari;
12. Jenfasizza li l-elementi ewlenin ta' valutazzjoni tajba tal-impatt huma r-rikonoxximent tal-problema, il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, id-definizzjoni tal-objettivi li għandhom jintlaħqu u l-elaborazzjoni ta' alternattivi strateġiċi tal-politika;
13. Iqis li huwa importanti li proposti leġiżlattivi ġodda jkunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt; jinnota li dan jista' japplika wkoll għas-simplifikazzjoni u r-riformulazzjoni tal-liġi tal-UE u għall-atti delegati u implimentattivi skont l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, meta dan ikun xieraq;
14. Iqis il-valutazzjoni tal-impatt bħala “dokument ħaj” li jifforma parti mill-proċess leġiżlattiv; jenfasizza l-ħtieġa li tkun garantita biżżejjed flessibbiltà biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet tal-impatt ulterjuri matul il-proċess leġiżlattiv;
15. Jitlob li l-valutazzjonijiet tal-impatt ma jiffokawx esklussivament fuq l-analiżi tal-ispiża f'paragun mal-benefiċċju imma li dawn jikkunsidraw ammont kbir ta' kriterji, bi qbil mal-prinċipju ta' approċċ integrat, sabiex jipprovdu lil-leġiżlatur stampa kemm jista' jkun komprensiva; jinnota, f'dan il-kuntest, l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali msemmija fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 u fl-approċċ komuni tal-2005, li għandhom jiġu miġbura f'evalwazzjoni waħda; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-bżonn li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-politiki u l-attivitajiet tal-UE billi jitqiesu l-objettivi tagħha u bi qbil mal-prinċipju tal-għoti tal-poteri kif stipulat fl-Artikolu 7 tat-TFUE;
16. Iħeġġeġ, fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-impatt, sabiex dejjem issir analiżi tal-ispiża f'paragun mal-benefiċċju – jiġifieri, eżami tal-effiċenza f'termini ta' spejjeż tal-programmi u l-miżuri kollha li jinvolvu nefqa – kif ukoll biex jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet potenzjali għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; jitlob, f'dan il-kuntest, l-użu konsistenti tat-test tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju propost fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tal-2008; ifakkar, f'dan il-kuntest, li f'kull liġi li timponi piżijiet fuq l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għandu jkun hemm evalwazzjoni bir-reqqa tar-regolamenti eżistenti bil-għan li jitnaqqas il-piż regolatorju globali fuq l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;
17. Jitlob, fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-impatt, li ssir analiżi intensiva dwar il-proposti politiċi ġodda kollha b'effetti sinifikattivi fuq il-kompetittività industrijali; jitlob, barra minn hekk, li ssir valutazzjoni ex-post tal-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea; jinnota li l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni fil-fatt wiegħdet l-applikazzjoni ta' proċedura ta' dan it-tip;
18. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu t-tagħlimiet mill-evalwazzjoni ex-post tal-leġiżlazzjoni eżistenti u minn analiżi tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li qabel ma tiġi proposta leġiżlazzjoni ġdida ssir diskussjoni xierqa dwar l-għażliet strateġiċi disponibbli għal qasam ta' politika speċifika;
19. Iħeġġeġ li l-valutazzjonijiet tal-impatt fil-livell Ewropew għandhom jeżaminaw il-valur miżjud Ewropew f'dak li għandu x'jaqsam ma' liema spejjeż jiġu ffrankati minn soluzzjoni Ewropea u/jew xi spejjeż supplementari jirriżultaw għall-Istati Membri fin-nuqqas ta' soluzzjoni Ewropea;
20. Jemmen li l-impatt fuq is-sħubiji ekonomiċi tal-UE kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-għażla ta' standard Ewropew speċifiku minflok standard internazzjonali għandu jitqies fil-valutazzjonijiet tal-impatt;
21. Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom iqisu bis-sħiħ l-alternattivi disponibbli għal-leġiżlatur u dejjem għandhom jinkludu eżami serju tal-alternattiva li ma tittieħed ebda azzjoni;
22. Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt m'għandhomx iwasslu għal iżjed burokrazija u dewmien żejjed fil-proċedura leġiżlattiva; madankollu, għandu jingħata biżżejjed ħin sabiex il-valutazzjonijiet tal-impatt jipproduċu riżultati affidabbli; jenfasizza wkoll, f'dan il-kuntest, li l-valutazzjonijiet tal-impatt m'għandhomx jiġu abbużati biex jimblukkaw leġiżlazzjoni mhux mixtieqa; iħeġġeġ, għalhekk, li jinħolqu l-kundizzjonijiet tekniċi u amministrattivi biex jiżguraw li l-valutazzjonijiet tal-impatt jitwettqu bil-ħeffa u mal-ewwel, pereżempju permezz ta' strumenti bħal ftehimiet qafas, proċeduri ta' sejħiet għall-offerti mgħaġġla u l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi;
23. Iħeġġeġ, bi qbil mal-prinċipju tal-Aħjar Prattika, li jsir użu mill-esperjenza miksuba f'pajjiżi oħra fejn valutazzjonijiet tal-impatt diġà twettqu għal diversi snin, sabiex ikomplu jitjiebu l-valutazzjonijiet tal-impatt fil-livell tal-UE;
24. Jitlob li l-valutazzjonijiet tal-impatt jiġu aġġornati matul il-proċess leġiżlattiv sħiħ, sabiex jiġu kkunsidrati tibdiliet li jseħħu matul dan il-proċess;
25. Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt m'għandhomx isiru biss qabel l-adozzjoni ta' test leġiżlattiv (ex-ante) iżda għandhom jitwettqu wkoll wara l-adozzjoni tiegħu (ex-post); ifakkar li dan huwa neċessarju sabiex jiġi vvalutat aktar bir-reqqa jekk l-oġġettivi ta' liġi fil-verità ntlaħqux u jekk att legali għandux jiġi adattat jew għandux jinżamm; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-evalwazzjoni ex-post m'għandha qatt tissostitwixxi d-dover tal-Kummissjoni bħala “l-Gwardjana tat-Trattati” li timmoniterja b'mod effettiv u fil-waqt l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri;
26. Jenfasizza r-responsabilità primarja tal-Kummissjoni biex twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ta' kwalità għolja tal-proposti tagħha fl-eżerċitar tad-dritt tagħha ta' inizjattiva bi qbil mat-Trattat;
Potenzjal għat-titjib fil-livell tal-Kummissjoni
27. Jirrikonoxxi li l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni għoliet fis-snin riċenti, imma jenfasizza li hemm bżonn ta' iktar titjib;
28. Jirreferi, f'dan il-kuntest, għall-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni, li ġie mwaqqaf fl-2006, li huwa responsabbli għall-iżvilupp tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni;
29. Jenfasizza li membri tal-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt huma indipendenti biss f'termini formali, peress li attwalment jinħatru mill-President tal-Kummissjoni u huma soġġetti għall-istruzzjonijiet tiegħu, u għalhekk ma jistax jingħad li huma kompletament indipendenti; jitlob, għalhekk, li l-membri tal-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt jinħatru mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u li ma jkunux iktar soġġetti għall-istruzzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni; jitlob, għalhekk, li l-ħidma tal-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt u tal-esperti ssir fl-ambitu pubbliku bl-ogħla livell ta' trasparenza sabiex l-indipendenza tagħhom tkun tista' tiġi verifikata fil-prattika;
30. Jitlob ukoll li l-esperti mill-oqsma politiċi kollha kif ukoll il-gruppi tal-partijiet interessati kollha milquta jiġu involuti fix-xogħol tal-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt; jitlob li dawn l-esperti jiġu minn barra l-Kummissjoni u li ma jkunux suġġetti għal istruzzjonijiet;
31. Jitlob li l-Parlament Ewropew jiġi involut b'mod bikri u komprensiv – anki permezz ta' notifiki u rapporti interim – u b'mod partikolari li jiġu involuti l-kumitati relevanti tiegħu, fil-proċess sħiħ ta' valutazzjoni tal-impatt u fix-xogħol tal-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill b'sommarji ta' bejn żewġ u erba' faċċati mal-valutazzjoni tal-impatt sħiħa, inkluża, meta tkun relevanti, spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt, meta tippreżenta proposta leġiżlattiva sabiex tivverifika li l-kwistjonijiet relevanti kollha jiġu indirizzati mingħajr ma tkun ipperikolata l-indipendenza tal-valutazzjoni billi tiġi influwenzata l-evalwazzjoni attwali;
32. Jinnota li fit-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha l-Kummissjoni għandha tikkonsulta wkoll mal-Istati Membri, għaliex dawn tal-aħħar wara għandhom jittrasponu d-direttivi fil-liġi nazzjonali u l-l-awtoritajiet nazzjonali normalment ikunu jafu iktar kif id-dispożizzjonijiet legali se jaħdmu fil-prattika;
33. Jenfasizza li r-regolamentazzjoni intelliġenti bbażata fuq valutazzjoni kompleta u oġġettiva tal-impatt għadha r-responsabilità komuni tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri, u li l-Kummissjoni għandha għaldaqstant tqis ukoll l-osservazzjonijiet li hija tirċievi mill-Parlament Ewropew, mill-Kumitat tar-Reġjuni, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mill-Istati Membri;
34. Jinnota li, qabel l-adozzjoni finali ta' valutazzjoni tal-impatt, ir-riżultati preliminari tagħha dejjem għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni esterna; jitlob li s-sejbiet ta' din ir-reviżjoni jkunu aċċessibbli għall-pubbliku;
35. Jinnota l-kritika mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fis-sens li l-Kummissjoni kultant tieħu inizjattivi leġiżlattivi minkejja l-fatt li proċess ta' valutazzjoni tal-impatt ikun għadu ma ġiex konkluż; jinnota wkoll il-kritika li mhux l-għażliet politiċi kollha jistgħu jirċievu l-istess livell ta' attenzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-għażliet politiċi kollha għandhom jitqiesu bis-sħiħ fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt;
36. Jitlob, fl-interess ta' trasparenza akbar, li jiġu ppubblikati l-ismijiet tal-esperti u l-parteċipanti l-oħra kollha fil-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt kif ukoll id-dikjarazzjoni tagħhom ta' interessi;
37. Jitlob, fir-rigward tal-konsultazzjonijiet pubbliċi, li l-gruppi ta' partijiet interessati jiġu notifikati fil-ħin dwar kwalunkwe konsultazzjoni ppjanata; jitlob ukoll li l-gruppi ta' partijiet interessati jingħataw l-opportunità, bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni pubblika, li jikkummentaw dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt, u dan għandu jsir kmieni biżżejjed, qabel ma tiġi ppubblikata l-proposta tal-Kummissjoni;
38. Jitlob li d-data użata mill-Kummissjoni tkun affidabbli u komparabbli;
39. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha teżamina sistematikament il-piżijiet amministrattivi ta' proposti leġiżlattivi u biex dejjem tindika ċar liema waħda mill-għażliet li jkunu ġew eżaminati l-aktar li tneħħi piżijiet amministrattivi jew l-anqas li toħloq piżijiet ġodda;
40. Jinnota li t-tressiq ta' proposta leġiżlattiva fl-istess ħin tal-preżentazzjoni tar-riżultati ta' valutazzjoni tal-impatt huwa kontroproduttiv għaliex dan jagħti l-impressjoni li l-għan prinċipali tal-valutazzjoni tal-impatt huwa li jiġġustifika l-proposta tal-Kummissjoni; huwa tal-parir, għalhekk, li d-dokumenti jiġu ppubblikati aktar kmieni f'kull stadju tal-proċess leġiżlattiv, inkluża l-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni finali tal-impatt tal-Kummissjoni, kif approvata mill-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt, qabel jibdew il-konsultazzjonijiet bejn is-servizzi;
41. Jissuġġerixxi li l-valutazzjonijiet kollha tal-impatt li jitlestew mill-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati f'serje speċjali ta' pubblikazzjonijiet mill-Kummissjoni sabiex ikun faċli għall-pubbliku li jirreferi għalihom u jfittixhom f'websajt apposta;
42. Jitlob li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ex-post tal-atti legali adottati; itenni, madankollu, li l-evalwazzjoni ex-post m'għandha qatt tissostitwixxi d-dover tal-Kummissjoni li timmoniterja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri;
Potenzjal għat-titjib fil-livell tal-Parlament Ewropew
44. Jitlob lill-kumitati tiegħu jagħmlu użu aktar konsistenti mill-istrument parlamentari ta' valutazzjoni tal-impatt, strument li hu diġà disponibbli; ifakkar li teżisti linja baġitarja speċifika li tkopri t-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt; iqis ir-rikors għal valutazzjoni parlamentari tal-impatt bħala partikolarment neċessarju meta jkunu ddaħħlu bidliet sostantivi fil-proposta inizjali;
45. Ifakkar, barra minn hekk, li l-valutazzjonijiet tal-impatt m'hemmx għalfejn ikunu parti minn studju kumpless iżda jistgħu jieħdu l-forma ta' studji limitati, workshops u sessjonijiet ta' smigħ mal-esperti;
46. Hu tal-fehma li għandha tiddaħħal sistematikament kunsiderazzjoni standard mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet leġiżlattivi tiegħu, li biha ssir referenza għall-kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet kollha tal-impatt li jitwettqu mill-istituzzjonijiet tal-UE fl-oqsma relevanti għal-leġiżlazzjoni kkonċernata;
47. Jinnota li l-Parlament u l-kumitati tiegħu diġà għandhom il-makkinarju biex jeżaminaw il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni; iqis li preżentazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt mill-Kummissjoni lill-kumitati relevanti tkun żieda ta' valur kbir għall-iskrutinju li jsir fil-Parlament; jinnota li tali skrutinju jista' wkoll jieħu numru ta' forom oħra, inklużi valutazzjonijiet tal-impatt komplementari, analiżi aktar dettaljata, rieżami tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni minn esperti esterni u laqgħat speċjali ma' esperti indipendenti; jenfasizza li l-ħidma tad-dipartimenti politiċi tagħha f'dan il-qasam għandha tiżviluppa b'mod konsistenti;
48. Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Parlament għandhom jitqiesu bħala korrettivi tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni;
49. Jitlob li l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni jiġu trattati sistematikament u kemm jista' jkun malajr fil-livell parlamentari u partikolarment fil-livell tal-kumitati;
50. Jenfasizza li d-deċiżjoni għat-twettiq tal-valutazzjoni parlamentari tal-impatt għandha tittieħed mill-kumitat relevanti tal-Parlament bil-parteċipazzjoni tar-rapporteur; iħeġġeġ li r-Regoli ta' Proċedura tiegħu għandhom jiġu emendati biex jagħmluha possibbli li valutazzjoni tal-impatt tista' tintalab minn kwota minima ta' kwart tal-membri tal-kumitat;
51. Iħeġġeġ lill-kumitati kollha tiegħu biex, qabel ma jikkunsidraw proposta leġiżlattiva, jiddiskutu mal-Kummissjoni fil-fond dwar il-valutazzjoni tal-impatt;
52. Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt li jitwettqu matul il-proċess parlamentari leġiżlattiv huma importanti wkoll; jinkoraġġixxi lill-Parlament biex jeżamina l-possibilità ta' valutazzjoni tal-impatt meta jsiru emendi sostantivi fi kwalunkwe stadju tal-proċess leġiżlattiv; jinnota, madankollu, li dan m'għandux iwassal għal dewmien żejjed;
53. Jitlob, barra minn hekk, li l-Membri individwali jkollhom il-possibilità li jitolbu studji żgħar sabiex jipprovdulhom fatti jew statistiki relevanti fl-oqsma relatati mal-ħidma parlamentari tagħhom, u jissuġġerixxi li tali studji jkunu jistgħu jsiru mil-librerija tal-Parlament Ewropew bħala komplement għall-funzjonijiet kurrenti tagħha;
54. Jistieden, għalhekk, lill-Parlament biex jadotta pjanijiet biex il-librerija tiegħu tipprovdi dan is-servizz lill-Membri; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe pjanijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar prattiki tal-libreriji parlamentari, inklużi dawk tal-Istati Membri, u għandhom jitwettqu skont regoli stretti u b'kooperazzjoni sħiħa mal-funzjoni ta' riċerka li taqdi l-kumitati;
Il-ħolqien ta' struttura awtonoma għall-valutazzjonijiet tal-impatt għall-Parlament Ewropew u l-prospetti għall-futur
55. Jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmu għal valutazzjoni tal-impatt uniformi għall-kwalità u l-koerenza tat-tfassil ta' politika tiegħu stess;
56. Jitlob, għalhekk, li jiġi stabbilit proċess integrat ta' valutazzjoni tal-impatt fil-Parlament Ewropew; jipproponi, f'dan il-kuntest, li tiġi żviluppata proċedura ta' valutazzjoni tal-impatt komuni fuq il-bażi ta' sistema u metodoloġija komuni użati mill-kumitati kollha;
57. Jinkoraġġixxi li dan isir taħt il-patroċinju ta' struttura awtonoma li tagħmel użu mir-riżorsi proprji tal-Parlament, pereżempju billi jiġu involuti l-librerija u d-dipartimenti politiċi, u tinkludi esperti esterni, bħal uffiċjali ssekondati minn faċilitajiet nazzjonali tal-valutazzjoni tal-impatt, fuq bażi ad hoc għall-valutazzjonijiet individwali tal-impatt, li għandha tkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew permezz ta' bord superviżorju li jkun magħmul minn membri;
58. Jitlob li tinħoloq l-infrastruttura amministrattiva neċessarja għal dan il-għan, filwaqt li jkun żgurat li kwalunkwe infrastruttura bħal din tkun newtrali għall-baġit billi jintużaw riżorsi eżistenti;
59. Jenfasizza li għandhom isiru deliberazzjonijiet fit-tul dwar il-prospetti ta' approċċ komuni għall-valutazzjonijiet tal-impatt mill-istituzzjonijiet Ewropej; ifakkar li l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 u l-Approċċ Interistituzzjonali Komuni għal valutazzjonijiet tal-impatt ta' Novembru 2005 diġà talbu li jkun hemm approċċ metodoloġiku komuni għall-valutazzjonijiet tal-impatt fl-istituzzjonijiet Ewropej;
60. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea topponi l-idea ta' approċċ komuni għall-valutazzjoni tal-impatt mill-istituzzjonijiet Ewropej;
61. Jinnota li l-Kunsill s'issa għamel użu minimu tal-valutazzjoni tal-impatt bħala strument; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill ukoll biex jagħmel użu aktar intensiv tal-valutazzjonijiet tal-impatt, b'konformità mal-approċċ interistituzzjonali komuni għall-valutazzjonijiet tal-impatt imsemmi hawn fuq, sabiex tittejjeb il-kwalità tal-kontribuzzjoni tiegħu għal-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza li regolamentazzjoni intelliġenti bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt kompleta u oġġettiva tibqa' r-responsabilità komuni tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.