Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020 (2010/2234(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 bit-titolu: “Aġenda Soċjali Mġedda”: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21“” (COM(2008)0412),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ġunju 2010 bit-titolu: “Impetu ġdid għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020” (COM(2010)0296),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2009 bit-titolu “Kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel” (COM(2009)0640),
– wara li kkunsidra t-tmien ħiliet ewlenin spjegati bħala “Qafas Ewropew ta' Referenza” fir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(1),
– wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' April 2008 dwar il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' kredits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ECVET) (COM(2008)0180),
– wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma ta' 10 snin “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” u r-rapporti interim konġunti sussegwenti dwar il-progress lejn l-implimentazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2009 bit-titolu: “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni”, (COM(2009)0200),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu: “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni”(2),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u tal-apprendistat(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu: Żgħażagħ mobbli - Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea' (COM(2010)0477),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2009 dwar il-valutazzjoni tal-qafas attwali għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ u dwar il-perspettivi futuri għall-qafas imġedded (09169/2009),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2010 bit-titolu: “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda(4),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: L-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ 2010(5),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar it-tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni ‐ l-implimentazzjoni tal-“Programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”(6),
– wara li kkunsidra l-istudju Cedefop ta' Marzu 2009 dwar il-professjonalizzazzjoni tal-gwida għall-karrieri. Ħiliet tal-professjonist u rotot għall-kwalifiki fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-riċerka tas-Cedefop dwar ħiliet għall-futur tal-Ewropa: Antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta' ħiliet okkupazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: “Europa 2020. Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar kompetenzi li jappoġġaw it-tagħlim tul il-ħajja u l-inizjattiva “ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda”,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2006 intitolat:“Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET). Sistema għat-trasferiment, l-akkumulazzjoni u l-għarfien tar-riżultati tat-tagħlim fl-Ewropa”; (SEC(2006)1431),
– wara li kkunsidra r-riżultat tad-diskussjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2008 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prijoritajiet futuri għal kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (16459/2008),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)(7),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali(8),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja(9),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008 dwar il-mobilità taż-żgħażagħ(10),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Frar 2007 intitolata “Qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza biex bihom jiġi monitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta' Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ” (COM(2007)0061),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Settembru 2006 bit-titolu:“L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ Ewropej” (COM(2006)0481),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riċerka “Guiding at-risk youth through learning to work” (Cedefop, il-Lussemburg 2010),
– wara li kkunsidra n-nota ta' tagħrif “Jobs in Europe to become more knowledge- and skills-intensive” (Cedefop, Frar 2010),
– wara li kkunsidra n-nota ta' tagħrif intitolata “Skill mismatch in Europe” (Cedefop, Ġunju 2010),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni intitolata “Working and ageing” (Cedefop, il-Lussemburgu, 2010),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċernaw l-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7- 0082/2011),
A. billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ issa hija 21 %, li huwa d-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad fil-livell tal-UE u hija waħda mill-isfidi l-aktar urġenti fl-Ewropa, u għalhekk hija wieħed mill-għanijiet li qed jiġu segwiti biex l-ammont ta' studenti li jħallu l-iskola qabel iż-żmien jonqos b'10 %; billi għan ieħor huwa li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol b'70 % sal-2020; u billi l-edukazzjoni u t-taħriġ huma fatturi ewlenin għas-suċċess fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-abilità li wieħed jieħu deċiżjonijit għall-ħajja, f'sitwazzjoni fejn aktar minn 5,5 miljun żagħżugħ Ewropew huma mingħajr xogħol, huma fir-riskju tal-esklużjoni soċjali u jiffaċċjaw il-faqar u n-nuqqas ta' opportunità wara li jħallu l-iskola, u bosta żgħażagħ huma mġiegħla jaċċettaw impjiegi prekarji, b'salarji baxxi u kopertura mnaqqsa tas-sigurtà soċjali, ħaġa li teffettwalhom saħħithom u s-sikurezza tagħhom fil-post tax-xogħol,
B. billi, filwaqt li 58,9 % tal-kwalifiki universitarji konferiti fl-Unjoni Ewropea jingħataw lin-nisa, il-figura korrispondenti fil-livell ta' PhD hija biss 43 % u terġa' hija aktar baxxa f'livell ta' professur sħiħ, u billi 15 % biss ta' professuri ta' Grad A huma nisa,
C. billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu: “Impetu ġdid għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020” (COM(2010)0296) naqset milli tqis id-dimensjoni tas-sessi,
D. billi t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u minn impjieg għal ieħor hija sfida strutturali għall-ħaddiema madwar l-UE kollha; billi, għalhekk, is-sigurtà tat-tranżizzjoni hija element essenzjali biex timmotiva lill-ħaddiema għal taħriġ barra l-post tax-xogħol; billi l-apprendistati ta' kwalità għandhom impatt pozittiv mhux ħażin fuq l-aċċess taż-żgħażagħ għal impjieg,
E. billi l-qgħad kmieni fil-ħajja għandu effetti ħżiena fit-tul, inkluż riskju ogħla ta' qgħad fil-futur u dħul anqas matul il-ħajja,
F. billi d-demografija u ħajja itwal huma tali li l-ħajja tax-xogħol, konsegwentement, se tkun itwal u aktar varja, u billi inter alia t-tagħlim tul il-ħajja, l-edukazzjoni, l-ekonomija diġitali ġdida, l-adattament għal teknoloġiji ġodda u l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-UE 2020 huma modi biex jiġu żgurati xogħol u livell ta' ħajja aħjar,
G. billi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mfassla għall-bżonnijiet individwali tal-apprendisti huma ta' valur deċiżiv, u jżidu l-possibilità għall-individwi li jiffaċċjaw il-pressjoni tal-kompetizzjoni, u jgħollu l-livell tal-ħajja, u jgħinu biex tinkiseb il-koeżjoni soċjoekonomika u integrazzjoni aħjar, b'mod partikolari ta' gruppi speċifiċi bħall-migranti, il-persuni b'diżabilità, jew l-istudenti li jħallu l-iskola kmieni, u n-nisa vulnerabbli,
H. billi n-negozji żgħar ħolqu storikament aktar minn 50 % tal-impjiegi ġodda fl-Ewropa – impjiegi li huma awtosuffiċjenti u li għandhom effett multiplikatur,
I. billi r-rwol tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni għandu jkun primarjament biex jgħinu l-ħolqien ta' ambjent fejn l-intrapriżi jistgħu jagħmlu suċċess, jiżviluppaw u jikbru, u biex jikbru dawn jeħtieġu piż ta' taxxa mnaqqsa u prevedibbiltà sabiex ikunu jistgħu jippjanaw u jagħmlu investimenti,
J. billi, minħabba d-differenzi kbar fil-livelli ta' parteċipazzjoni tal-istudenti fit-taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri, l-iskambji tal-aħjar prattiki huma importanti sabiex jiżdied in-numru u titjieb il-kwalità tal-istudenti li jagħżlu taħriġ tekniku fl-Istati Membri li jmorru ħażin fejn għandhom x'jaqsmu n-numri u l-kwalità tal-istudenti,
1. Jirrikonoxxi l-importanza li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jiġu modernizzati, minħabba li l-kapital uman huwa kruċjali għas-suċċess tal-Ewropa;
2. Jirrikonoxxi l-importanza kemm tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kemm inizjali u kontinwi u jsostni li s-suċċess tagħhom jiddependi mill-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni tal-atturi kollha involuti fit-tfassil, l-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-istrateġiji għal dan il-fini; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-esperjenzi pożittivi bis-sistema doppja fi ħdan l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) f'pajjiżi eżemplari, fejn is-sistema wasslet għall-integrazzjoni fuq terminu ta' żmien itwal tal-ħaddiema żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u għal rati ogħla ta' impjieg għall-ħaddiema żgħażagħ, kif ukoll għal livelli ogħla ta' kompetenza li mbagħad iżidu l-prospetti tal-impjiegi f'età akbar;
3. Ifakkar li l-programmi tal-ETV għandhom ikunu estiżi biex jikkonformaw mal-prinċipji tat-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ tal-bidu u dak kontinwu;
4. Jenfasizza l-importanza li jiġu inkoraġġiti korsijiet regolari għal taħriġ ulterjuri bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonkludu l-edukazzjoni bażika b'valutazzjoni tax-“xeħta għal karrieri”;
6. Iwissi li żgħażagħ Ewropej jistgħu jsiru ġenerazzjoni mitlufa fin-nuqqas ta' appoġġ prattiku biex isibu xogħol u jkomplu bl-istudji tagħhom, fi żmien meta l-faqar li dejjem sejjer għall-agħar qed iwassal għal żieda fl-assenteiżmu mill-iskola;
7. Jilqa' l-miżuri tal-Kummissjoni mmirati sabiex jitneħħew l-ostakli, ikun hemm aktar trasparenza u s-sistemi edukattivi jkunu jistgħu jiġu mqabbla u ċ-ċertifikati tagħhom rikonoxxuti aħjar,
8. Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja jkunu orjentati aktar mill-qrib lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jippermettu d-dħul u l-mobilità fi ħdanu; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn ta' interazzjoni aħjar u akbar bejn id-dinja tal-edukazzjoni, ix-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala rabta kruċjali bejn id-dinja tal-edukazzjoni u dik tax-xogħol; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex irawmu l-ħtieġa kontinwa tal-individwi għall-kwalifiki, l-iżvilupp u t-tagħlim tul il-ħajja;
9. Jirrimarka li l-konnessjoni bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ, partikolarment il-passaġġ mill-edukazzjoni vokazzjonali għall-edukazzjoni ogħla, titlob li l-opportunitajiet għal konnessjonijiet bejn it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni universitarja jikbru, b'enfasi speċjali fuq l-integrazzjoni tagħhom fil-mekkaniżmi għall-għoti ta' informazzjoni dwar il-karrieri, għas-servizzi ta' gwida u ta' pariri; fl-istess ħin huwa tal-opinjoni li l-alternanza bejn it-taħriġ u x-xogħol tiżgura li dawk li jirċievu t-taħriġ vokazzjonali jakkwistaw il-ħiliet mitluba mis-suq tax-xogħol;
10. Jenfasizza l-importanza, fil-livell lokali u reġjonali, ta' trawwim ta' sinerġiji effettivi u forom affidabbli ta' kooperazzjoni bejn l-iskejjel, l-aġenziji tat-taħriġ, iċ-ċentri u l-kumpaniji tar-riċerka, sabiex tingħeleb in-natura ta' sistemi tal-edukazzjoni li jħarsu “l ġewwa u n-nuqqas ta' armonija bejn l-għarfien u l-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, u sabiex tikber il-possibilità li ż-żgħażagħ, b'mod partikolari n-nisa, isiru aktar impjegabbli, b'referenza speċifika għal kwalifiki tal-edukazzjoni vokazzjonali ulterjuri;
11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrendu l-ġestjoni tal-FSE aktar flessibbli meta wieħed iqis in-natura tas-suq tax-xogħol li qed tinbidel;
12. Jilqa' l-enfasi akbar fuq approċċ għat-tagħlim orjentat lejn il-ksib ta' riżultati u l-fatt li l-ħiliet miksuba b'mod informali jew mhux formali għandhom jiġu rikonoxxuti b'mod aktar wiesa“;
13. Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ inizjali għall-għalliema, billi l-kwalità tal-għalliema u l-edukaturi hija riflessa fil-kwalità tal-programmi tat-tagħlim u l-edukazzjoni inġenerali;
14. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ikomplu jtejbu r-rikonoxximent tat-tagħlim informali u dak mhux formali; jinnota l-aħjar prattiki f'dan il-qasam, speċjalment bil-finanzjament tal-FSE, li jagħti prova li r-rikonoxximent tal-ħiliet, kulfejn dawn jiġu mgħallma, iwasslu għal aktar suċċess fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;
Edukazzjoni vokazzjonali
15. Jitlob lill-Istati Membri joffru standard tal-edukazzjoni vokazzjonali ta' kwalità għolja, orjentat lejn it-tagħlim professjonali fil-prattika u l-ħtiġijiet individwali tal-persuni kkonċernati; jemmen, fl-istess ħin, li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja huma fundamentali biex jippermettu lill-Ewropa tistabbilixxi lilha nnifisha bħala soċjetà ta' għarfien u tikkompeti b'mod effettiv fl-ekonomija globalizzata;
16. Jinnota li hemm ukoll suq intern fit-taħriġ professjonali, u jistieden lill-Istati Membri biex jistabilixxu aktar ċentri ta' pariri dwar l-opportunitajiet ta' taħriġ u l-mobilità professjonali f'pajjiżhom stess u fi Stati Membri oħra;
17. Hu tal-fehma li, sabiex titwettaq bis-sħiħ l-inizjattiva prinċipali tal-UE 2020 “Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi”, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jidħlu għal inizjattiva aktar pragmatika, komprensiva u mifruxa li tkun appoġġjata mill-Istati Membri kollha, li għandhom jiffukaw biex jgħaqqdu l-oqsma tal-edukazzjoni vokazzjonali, il-kwalifiki professjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-apprendistat mas-suq tax-xogħol, sabiex jiżguraw li kull Stat Membru jħoss l-għanijiet stipulati fil-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) bħala tiegħu;
18. Jistieden lill-Istati Membri biex jassiguraw li l-edukazzjonu u t-taħriġ vokazzjonali jkunu mmirati aktar mill-qrib lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;
19. Jitlob biex it-taħriġ permezz ta' apprendistati jingħata prijorità fuq kull tip ieħor ta' taħriġ, p.e. t-traineeships; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jippjanaw l-ebda kors universitarju ta' natura vokazzjonali li ma jkunx akkumpanjat b'kuntratt ta' apprendistat;
20. Jistieden lill-Istati Membri biex jiftħu rotot għal studenti b'anqas kapaċità biex jerġgħu lura għall-edukazzjoni ġenerali kemm fil-livell sekondarju kif ukoll dak terzjarju;
21. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali, biex jgħinu jimmodernizzaw il-programmi vokazzjonali u n-know-how ipprovdut, billi jfasslu b'mod konġunt il-mudelli vokazzjonali li jkunu jifformaw il-bażi għall-kurrikuli edukattivi u li jkunu jiġġeddu kull sentejn jew tlieta skont l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi f'kull qasam;
22. Jenfasizza l-bżonn ta' kompatibilità u sinerġija akbar bejn is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri differenti, b'iffukar fuq it-tagħlim tal-lingwi u kurrikuli adattati għall-għanijiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni; jenfasizza l-bżonn li jitneħħew l-ostakli legali u amministrattivi kollha għall-iżvilupp ta' qafas Ewropew li jiżgura medda wiesgħa ta' apprendistati ta' kwalità għolja fl-UE;
23. Jitlob għal bilanċ akbar fl-għażliet tal-karriera tas-subien u l-bniet, sabiex tiġi evitata s-segregazzjoni tas-swieq tax-xogħol skont is-sess u sabiex wieħed jipprepara aħjar biex jintlaħqu l-miri futuri ta' ammont akbar ta' impjiegi u aktar ibbilanċjat madwar l-UE, billi jiġu introdotti inizjattivi li jgħinu lin-nisa jagħżlu karrieri li tradizzjonalment kienu dominati mill-irġiel u viċe versa; jistieden għallhekk lill-Istati Membri joffru standard għoli fil-kwalità ta' parir b'relazzjoni mal-għażla tal-karriera u biex iġibu bilanċ akbar fl-għażla tal-karriera tas-subien u l-bniet, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-isterjotipi li għadhom jeżistu u li jinfluwenzaw l-għażla tagħhom ta' orjentament tal-impjieg;
24.Jinnota li taħriġ vokazzjonali ta' standard għoli huwa bbażat fuq edukazzjoni ġenerali soda li tkun newtrali fir-rigward tal-ġeneru, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-materjali użati għat-tagħlim ma jkunx fihom mudelli ta' karrieri li huma speċifiċi għal xi ġeneru partikolari ħalli jiġi żgurat li l-interessi tas-subien u tal-bniet fil-possibilitajiet kollha ta' karriera jitqajmu sa mill-bidu nett;
25. Jirrikonoxxi r-rwol sinifikanti li għandhom l-isterjotipi tal-ġeneru fil-prattiki tal-edukazzjoni, u jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jiġu stabbiliti strateġiji mfassla b'mod li jwasslu sabiex tiġi stabbilita edukazzjoni newtrali fir-rigward tal-ġeneru, li tgħin biex iġġib, pereżempju, aċċess ugwali għan-nisa u l-irġiel għall-ETV u għall-impjiegi;
26. Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jipprovdu għall-iffaċilitar tal-kombinazzjoni tal-ETV, it-tagħlim u l-ħajja tal-familja, f'dawk li huma indukrar disponibbli tat-tfal u ħinijiet prattiċi ta' lezzjonijiet kompatibbli mal-ħinijiet tal-iskola tat-tfal;
27. Jitlob għall-introduzzjoni ta' djalogu formali bejn l-atturi, speċjalment l-istituzzjonijiet edukattivi, dawk li jħaddmu, l-impjegati u l-unjins, sabiex ikunu ggarantiti l-kwalità u l-orjentament lejn is-suq tax-xogħol fil-kuntest tat-taħriġ vokazzjonali;
28. Jitlob li jingħata appoġġ lir-rabtiet transkonfinali u lill-pjattaformi ta' komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min jimpjega sabiex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki;
29. Jistieden lill-atturi kollha fis-suq tax-xogħol, inklużi dawk mis-setturi professjonali, minn negozju, mill-għaqdiet tal-ħaddiema, mill-ministeri u mis-servizzi ċivili, biex jidħlu fi djalogu soċjali strutturat dwar il-mod kif tista' tiġi ggarantita aħjar l-integrazzjoni professjonali taż-żgħażagħ u jkun promoss it-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ formali/informali;
30. Jilqa' l-għan tal-Istrateġija UE 2020, fejn is-sistemi tal-edukazzjoni vokazzjonali għandhom jiġu msaħħin, u jistieden lill-Istati Membri biex jorjentaw dawk is-sistemi lejn parteċipazzjoni, umanizzazzjoni tax-xogħol u kwalifiki b'bażi wiesgħa;
31. Jirrakkomanda li l-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorjat jingħataw spinta fil-livelli kollha tal-edukazzjoni inkluż it-taħriġ vokazzjonali, u jiġu rikonoxxuti l-ħiliet akkwistati permezz ta' kwalunkwe forma ta' tagħlim, inkluż dak mhux formali u informali; jirrakkomanda wkoll li jiġu inkuraġġiti proġetti li jsostnu t-tixrid tal-għarfien u l-ħiliet minn ġenerazzjoni għal oħra;
32. Isostni li edukazzjoni għall-intraprenditorjat għandha tifforma parti importanti mill-ETV, bil-għan li ssir aktar attraenti għall-istudenti kollha u jitħeġġeġ l-intraprenditorjat skont id-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;
33. Ifakkar l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija tal-Ewropa 2020 aktar kmieni din is-sena, li jenfasizzaw il-ħtieġa ta' forza tax-xogħol Ewropea edukata u bi kwalifiki għolja u sabiex jinkiseb tkabbir b'saħħtu u sostenibbli u jintlaħqu l-għanijiet tal-impjiegi stabbiliti fl-Istrateġija; jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-ETV bi prezzijiet xierqa u aċċessibbli fil-proċess ta' edukazzjoni u titjib fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea;
34. Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-proċedura biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet fil-livel lokali, nazzjonali u Ewropej sabiex jinkiseb l-eqreb tqabbil possibbli bejn il-ħiliet offruti u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol;
35. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-ħajja tax-xogħol tal-ġejjieni itwal u inqas stabbli permezz tal-għoti ta' ħiliet li jkunu adattati għad-dinja tax-xogħol;
36. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ETV jipprovdu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa biex dawn isibu impjiegi ġodda u sostenibbli li se jinħolqu fl-ekonomija sostenibbli tal-ġejjieni;
37. Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-azzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-iskola għall-ħajja tax-xogħol billi jiġu żviluppati programmi integrati ta' gwida u konsulenza għall-karrieri;
38. Jinnota li s-sistema dupliċi (edukazzjoni prattika u skolastika) qed tagħti prova ta' suċċess f'ċerti Stati Membri grazzi għall-kooperazzjoni tal-kumpaniji u l-interazzjoni tal-inizjattivi fil-provvediment ta' taħriġ li għandu x'jaqsam ma' karrieri;
39. Jistieden lill-intrapriżi biex jagħmlu użu akbar mill-iskemi konġunti ta' taħriġ sabiex il-miri speċifiċi ta' taħriġ li qed jintalbu mis-suq tax-xogħol ikunu jistgħu jintlaħqu;
40. Jistieden lill-Istati Membri, minħabba l-orjentazzjoni lejn ekonomija sostenibbli u tkabbir sostenibbli, biex isaħħu l-istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ladarba dan għandu l-potenzjal li jsir mezz biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tar-ristrutturar korporattiv għall-ħaddiema, billi tiżdied l-impjegabilità tagħhom;
41. Jenfasizza l-importanza ta' mudelli ekonomiċi soċjali u inklużivi għal din il-kultura ġdida ta' intrapriża, u jindika li huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inkluża l-edukazzjoni ogħla, għandhom iħejju lill-istudenti tagħhom b'għarfien dettaljat dwar il-forom kollha tal-intraprenditorjat, inkluż fl-ekonomija soċjali u dik inklużiva, u dwar il-prinċipji ta' ġestjoni responsabbli u etika;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit inventarju ta' dawk l-oqsma li fihom l-Unjoni Ewropea għandha jew jista' jkollha vantaġġ komparattiv fid-dinja kollha, u li għalih jistgħu jiġu żviluppati strateġiji għal taħriġ ulterjuri;
Taħriġ Vokazzjonali
43. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-ħtieġa dejjem tiżdied għat-taħriġ vokazzjonali ulterjuri u biex jappoġġjaw lill-ħaddiema meta jippjanaw it-taħriġ ulterjuri adattat għalihom permezz ta' ċentri ta' konsulenza; jitlob lil dawk li jimpjegaw il-ħaddiema biex jagħtu lill-ħaddiema kollha l-possibilità ta' taħriġ ulterjuri;
44. Jirrakkomanda li jiġu provduti inċentivi lil dawk li jħaddmu biex jinkoraġġixxu lill-ħaddiema tagħhom jieħdu sehem fi programmi ta' taħriġ;
45. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw inċentivi għal min iħaddem biex tiġi ffaċilitata l-provvista ta' taħriġ li huwa effettiv mil-lat tal-ispejjeż u flessibbli f'mikroimpriżi u impriżi żgħar, adattat għall-bżonnijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jagħmlu sforzi determinati biex jiġġieldu kontra l-inugwaljanzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, bil-hsieb li sal-2020 tiġi eliminata d-differenzjali li hemm bhalissa ta' 18 % bbazata fuq il-ġeneru;
46. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu, bil-għajnuna tal-Kummissjoni, permezz ta' programmi universitarji relevanti, mudelli għall-immaniġġjar u sfruttar tar-riżorsi umani bbażati fuq ir-rikonoxximent tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fi ħdan il-qafas tat-tagħlim tul il-ħajja, bħala valur miżjud u vantaġġ kompetittiv għal intrapriżi;
47. Jirrakkomanda li l-awtonomija taċ-ċentri tal-ETV tkun promossa fl-oqsma tal-attivitajiet ta' ppjanar, iffinanzjar, immaniġġjar u valutazzjoni u li forom aktar dinamiċi ta' kooperazzjoni jkunu introdotti bejn iċ-ċentri tal-ETV u l-intrapriżi;
48. Ifakkar li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa essenzjali għal ġejjieni aħjar għall-Ewropej; huwa tal-opinjoni li l-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet ġodda, b'mod partikolari dawk meħtieġa għal xogħlijiet f'setturi ta' tkabbir strateġiku, jipprovdu lin-nies b'opportunitajiet ġodda u, barra minn hekk, iqiegħdu l-bażi għal żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli fuq perjodu ta' żmien twil; iqis li huwa importanti, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri u l-atturi kollha involuti jiżguraw li l-ħaddiema jakkwistaw il-kompetenzi bażiċi li għandhom bżonn;
49. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti bħall-iskemi ta' valutazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, biex tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-ħaddiema biex sistematikament isegwu tagħlim/edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja fuq inizjattiva tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lil dawk li jeħtieġu jikonċiljaw il-ħajja tal-familja ma' dik tax-xogħol, u biex jirrevedu regolarment liema kwalifiki huma meħtieġa għas-suċċess fis-suq tax-xogħol, biex jittejbu l-ħiliet tagħhom u tiġi pprovduta mobilità fl-impjiegi;
50. Jistieden lill-Istati Membri, bil-ħsieb li l-ħajja tal-familja u l-karrieri jiġu armonizzati bejniethom u n-nisa fiż-żoni rurali jiġu megħjuna, joffru tagħlim ulterjuri fit-teknoloġija tal-kompjuters ħalli l-impjegati femminili jingħataw il-possibilità li jaħdmu mid-dar ukoll;
51. Iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jippromwovu ETV flessibbli, immirati lejn il-ħtiġijiet speċifiċi tal-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi, li jippermettu li t-taħriġ kollu li jkun twettaq ikun ta' benefiċċju, il-konċiljazzjoni ta' dak it-taħriġ mal-ħajja privata u mal-attivitajiet professjonali l-oħra, u l-inkoraġġiment tal-mobilità Ewropea, b'enfasi partikolari fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għall-ETV għal organizzazzjonijiet fir-riskju ta' marġinalizzazzjoni, sabiex jittawwal it-taħriġ tagħhom;
52. Jindika li t-tagħlim tul il-ħajja se jkun kruċjali biex jiġi evitat il-qgħad u jiġu kkunsidrati kif jixraq il-bijografiji tal-impjiegi differenti; iqis, fid-dawl ta' dan il-għan, li l-ħaddiema jridu jsiru aktar konxji tal-ħtieġa għal taħriġ ulterjuri kontinwu;
53. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar il-konsegwenzi tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-produttività tal-ħaddiema u għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-kwalità tax-xogħol;
54. Jinnota l-importanza ta' formazzjoni professjonali għall-persuni fi stadji differenti tal-ħajja, li tkun faċilment aċċessibbli, flessibbli u individwali, u b'hekk tiġi ffaċilitata u mtejba l-parteċipazzjoni professjonali fis-suq tax-xogħol; iqis li t-taħriġ vokazzjonali u edukattiv għandu jkun aċċessibbli, disponibbli u bi prezzijiet raġonevoli fl-stadji kollha tal-ħajja tal-bniedem, independentement mill-istatus tagħhom fis-suq tax-xogħol jew id-dħul tagħhom, u bil-ħsieb mhux biss tal-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, iżda wkoll tal-kontribut għall-evoluzzjoni ta' professjonijiet eżistenti u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda, ibbażati fuq il-ħtiġijiet attwali tas-soċjetà; iqis, barra minn hekk, li dan għandu jitqies bħala strument importanti biex titwal il-ħajja tax-xogħol tal-individwi;
55. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aċċess ta' kwalità għolja, mifrux sew, flessibbli u bi prezz xieraq għan-nisa għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, flimkien ma' gwida speċifika u għoti ta' pariri dwar il-karriera dwar il-kwalifiki f'kull tip ta' professjoni, li huma rilevanti għal nisa minn ambjenti diversi, bil-ħsieb li jiġu integrati b'mod effikaċi f'impjiegi ta' kwalità tajba b'pagi diċenti, li jipprovdu soluzzjoni għall-bżonnijiet ta' taħriġ multidimensjonali tagħhom, bħalma huma:
–
edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali maħsub għal ħtiġiet speċifiċi ħalli jkun sostnut l-iżvilupp tal-karrieri,
aċċess għal mudelli ta' rwoli u għal konsulenti esperti u ta' fiducja (mentors);
–
żvilupp ta' programmi adattati għal arranġamenti ta' xogħol flessibbli u kuntratti ta' xogħol part-time;
–
għażliet adattati ta' tagħlim bl-internet;
56. Jinnota li r-rati dejjem jogħlew tal-popolazzjoni li qed tixjieħ fl-Ewropa qed iżidu l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u l-programmi edukattivi u qed jagħmluha neċessarja li jiġi pprovdut appoġġ;
57. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lill-isforzi, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs fit-taħriġ professjonali u fit-tagħlim tul il-ħajja u biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema b'ħiliet baxxi, li l-parteċipazzjoni reġistrata tagħhom hija partikolarment baxxa;
58. Jenfasizza li, bħala parti mill-isforzi biex jinkiseb l-objettiv tal-flessibilità b'sigurtà, huwa urġentement meħtieġ li b'mod effettiv tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema involuti fil-forom flessibbli tal-impjieg fit-taħriġ vokazzjonali; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jieħdu l-inizjattivi relevanti;
59. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar qawwi minn programmi tat-tagħlim fuq l-internet, biex b'dan il-mod jikkontribwixxu għall-konċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol fil-familji;
60. Jenfasizza r-rwol tal-gvernijiet lokali, l-intraprendituri, is-sħubiji u l-istituzzjonijiet edukattivi fil-formazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali skont il-ħtiġijiet attwali tas-suq tax-xogħol;
61. Huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol essenzjali fil-kooperazzjoni maċ-ċentri tal-ETV u d-dinja tan-negozju u biex jgħinu lill-fornituri tal-ETV biex jiżviluppaw ambjent amikevoli li jgħin id-dħul b'suċċess tal-istudenti tal-ETV fis-suq tax-xogħol;
62. Jitlob li l-kuntratti ta' apprendistat, filwaqt li jiġi protett l-apprentist u jiġu pprovduti ċerta flessibilità u miżuri flessibbli għall-applikazzjoni tagħhom, jippermettu t-terminazzjoni tal-kuntratt jekk il-persuna kkonċernata tagħti prova li mhix adattata għall-impjieg tagħha jew tkun ħatja ta' mġiba ħażina serja;
63. Jistieden lill-Istati Membri, b'konformità mal-objettivi u l-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020, biex itejbu r-rabtiet bejn it-taħriġ vokazzjonali u l-bżonnijiet fis-suq tax-xogħol, pereżempju billi jtejbu s-servizzi ta' gwida fil-qasam akkademiku u f'dak tal-karrieri u jinkoraġġixxu perjodi ta' taħriġ u kuntratti ta' apprendistat għan-nisa, u biex joħolqu opportunitajiet ġodda għal taħriġ, inkluż fl-oqsma xjentifiċi, matematiċi u teknoloġiċi, sabiex tiżdied il-kapaċità tan-nisa li jsibu xogħol f'oqsma tekniċi u xjentifiċi u f'impjiegi mhux tradizzjonali u fis-setturi tal-ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, biex jinħolqu impjiegi b'salarji deċenti;
64. Jemmen li l-programmi Ewropej eżistenti ta' taħriġ vokazzjonali huma effettivi u għandhom jingħataw aktar appoġġ fil-futur;
Kwalità u effiċjenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
65. Jitlob lill-Istati Membri joħolqu possibilitajiet aħjar ta' taħriġ għall-edukaturi u biex jibnu l-bażi għal sħubija fit-tagħlim li sservi ta' inċentiv, partikolarment fil-livelli reġjonali u lokali, bil-ħsieb li jiġu assigurati s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, kif ukoll it-trasferiment effiċjenti u b'suċċess tal-għerf;
66. Jenfasizza li forza tax-xogħol edukata u bi kwalifiki għolja hija waħda mill-istimoli tal-innovazzjoni u tirrappreżenta vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-Unjoni; jenfasizza li edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja jikkontribwixxu fundamentalment għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ħolqien ta' suq uniku li jiffunzjona, u għandhom jiġu adattati b'mod kostanti għall-bżonnijiet u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol Ewropew permezz ta' djalogu intensiv fost il-partijiet interessati kollha;
67. Jirrimarka li fl-ekonomija diġitali ġdida, il-kreattività u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs) qed jibnu kultura ta' negozju ġdida li tista' tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' prattika tajba fost l-Istati Membri bil-għan li titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) u li għalhekk wasal iż-żmien li l-ETV jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-aġenda, speċjalment bil-għan li jiġu ffaċċjati l-isfidi ppreżentati mill-istrateġija 2020, bħalma hija l-mira ewlenija tal-UE ta' 40 % ta' nies bejn it-30 u l-34 sena li jtemmu l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti;
68. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi tal-assigurazzjoni ta' kwalità fil-livell nazzjonali u jiżviluppaw qafas ta' kompetenza għall-għalliema u l-edukaturi;
69. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni rigward il-bidliet mistennija fis-swieq tax-xogħol fi ħdan l-UE, u lill-Istati Membri biex jinkorporaw din l-informazzjoni fl-istrateġiji u l-programmi edukattivi tagħhom;
70. Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu sinerġiji fil-livell lokali bejn is-sħab soċjali, l-assoċjazzjonijiet professjonali lokali, l-universitajiet u l-bordijiet maniġerjali tal-iskejjel u unitajiet edukattivi sabiex, permezz ta' studji xjentifiċi u konsultazzjonijiet sistematiċi, ifasslu pjan fuq perjodu medju għall-bżonnijiet tal-ħiliet futuri u biex jiġi kkalkulat l-għadd ta' studenti f'kull qasam, li jkabbar l-effettività tat-taħriġ vokazzjonali biex issir tranżizzjoni diretta u sostenibbli għas-suq tax-xogħol;
71. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u taġġorna b'mod regolari grafika li tagħti stampa reġjun b'reġjun tal-kwalifiki u d-domanda tat-taħriġ;
72. Jinnota li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma ffokati fuq kompetenzi, li l-promozzjoni tagħhom għandha titrawwem sa mill-bidu nett tal-edukazzjoni tat-tfal; iqis li dan il-proċess irid ikompli flimkien mat-tagħlim tal-prattika vokazzjonali;
73. Jitlob l-appoġġ fil-livell nazzjonali u Ewropew bil-ħolqien ta' bażi komuni ta' azzjoni rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bil-ħsieb li jinkisbu l-miri tal-effiċjenza, il-mobilità tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi fi ħdan l-Unjoni Ewropea;
74. Jitlob lill-Istati Membri biex jinvolvu b'mod attiv l-ogħla istituzzjonijiet privati, kif ukoll istituzzjonijiet pubbliċi bħall-universitajiet, fl-aġġornament u l-espansjoni tal-iżvilupp ta' ħiliet vokazzjonali, b'mod partikolari fix-xogħol relatat mal-matematika, l-informatika, ix-xjenzi u t-teknoloġija;
75. Jitlob għal inizjattiva speċifika tal-UE biex il-bniet jinġibdu lejn il-professjonijiet “MINT” (matematika, informatika, xjenzi naturali u teknoloġija) u biex jigu miġġielda l-isterjotipi li ghadhom jiddominaw dawn il-professjonijiet; jisħaq fuq il-fatt li l-mezzi tax-xandir u l-edukazzjoni għandhom rwol essenzjali fit-taqbida kontra dawn l-isterjotipi;
76. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu t-traspożizzjoni sħiħa, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE li hija l-bażi tas-suq uniku, billi jappoġġjaw il-programmi ta' taħriġ li għandhom l-għan li jiżguraw li dawk interessati jiksbu għarfien adegwat tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u tad-drittijiet u r-responsabilitajiet korrispondenti tagħhom;
77. Jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġjaw attivitajiet innovattivi u programmi dottorali u postdottorali li jsostnu l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli;
Possibilitajiet għal gruppi speċjalizzati ta' persuni
78. Jitlob lill-Istati Membri biex fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, jikkunsidraw in-neċessitajiet individwali ta' persuni bi kwalifiki baxxi, tal-istudenti bi sfond ta' immigrazzjoni, ta' nies li jappartjenu lil minoranza etnika, tan-nisa vulnerabbli, ta' nies qiegħda, tal-persuni b'diżabilità u tal-ommijiet li jrabbu waħedhom; jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lill-minoranza tar-Roma, ladarba l-attendenza fl-iskola u l-integrazzjoni fuq ix-xogħol huma elementi ewlenin biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali tar-Roma;
79. Jistieden lill-Istati Membri joħolqu possibilitajiet ta' tranżizzjoni għaż-żagħżagħ mingħajr kwalifiki jew bi kwalifiki ta' livell baxx, sabiex jassistuhom fid-dħul tagħhom fid-dinja tax-xogħol, u fejn għandu jkun possibbli wkoll li jkomplu jippromwovu u jirrikonoxxu kwalifiki parzjali; jitlob, meta wieħed iqis in-natura esplożiva tal-problema, li jkun hemm strateġija komprensiva biex jiġi kkumbattut il-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nisa, u biex l-Istati Membri jingħataw għajnuna fil-bini ta' netwerks fil-post li joħolqu rabta bejn l-iskejjel, l-impriżi, l-għajnuna soċjali u ż-żgħażagħ;
80. Jinnota l-ostakli għall-integrazzjoni li ċittadini ta' pajjiżi terzi jiffaċċjaw meta l-kwalifiki tagħhom ma jiġux rikonoxxuti; jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi;
81. Jitlob lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jadottaw inizjattivi biex jgħinu b'mod effettiv lill-ħaddiema anzjani fit-tagħlim tul il-ħajja u fit-taħriġ vokazzjonali;
82. Jara l-opportunità tal-mobilità bħala parti importanti tal-ETV, u konsegwentement jirrakkomanda l-aġġornament tal-programm Leonardo da Vinci;
Flessibilità u mobilità
83. Jilqa' l-idea li l-mobilità transkonfinali titqies komponent alternattiv tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-iżvilupp tal-potenzjal tas-suq tax-xogħol transkonfinali għal dawk involuti; dan qed isir bil-Programm Leonardo da Vinci; iħeġġeġ bil-qawwa lill-dawk interessati jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-Programm Leonardo da Vinci u programmi relevanti oħra; jitlob, għalhekk, għal promozzjoni akbar tal-mobilità, sabiex ikun aktar faċli għaż-żgħażagħ biex jakkwistaw l-esperjenza barra l-pajjiż;
84. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew jappoġġjaw u jwessgħu l-programmi Ewropej għall-mobilità tal-istudenti, b'mod partikolari l-Programm Leonardo da Vinci, bil-għan li jippromwovu mobilità akbar għall-apprendisti fis-suq uniku;
85. Jemmen li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom joħolqu l-kondizzjonijiet għall-mobilità tax-xogħol, kemm matul l-istudji tal-bidu kif ukoll fil-qafas tal-proċess tat-tagħlim matul il-ħajja;
86. Jemmen li l-mobilità transkonfinali fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali hija importanti daqs il-mobilità fil-qasam tal-edukazzjoni ġenerali, u jemmen li għandu jsir aktar sforz fl-iżvilupp ta' tali mobilità;
87. Huwa tal-opinjoni li koperazzjoni aħjar bejn is-sistemi edukattivi differenti tal-Istati Membri – li twitti dawn id-differenzi u tiżgura r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati u d-diplomi fost l-Istati Membri – għandha tkun enfasizzata sabiex tiżdied il-kollaborazzjoni transkonfinali u tiġi megħjuna l-mobilità;
88. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu t-tagħlim li ma jsirx b'mod formali u t-tagħlim informali u jinkoraġġixxu l-iskambju tal-esperjenza tax-xogħol sabiex jiksbu l-massimu mill-mobilità tax-xogħol u l-iskambju tal-għarfien, sabiex jitħalla marġini akbar għar-rotot individwali tat-tagħlim;
89. Jinnota li huwa ta' importanza prinċipali li tkun faċilitata l-mobilità tax-xogħol fis-suq intern; jilqa' u jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tevalwa mill-ġdid is-sistema attwali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali; jemmen li valutazzjoni serja tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali fil-forma attwali tagħha għandha tkun inkluża fl-eżerċizzju ta' rieżami tad-Direttiva mill-Kummissjoni; hu tal-fehma li r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali fl-Istati Membri għandu jibqa' ta' prijorità ewlenija għall-Kummissjoni;
90. Jissuġġerixxi li t-twaqqif ta' strateġija ġdida għat-tagħlim tal-lingwi biex jittejjeb it-tagħrif ġenerali f'oqsma ta' ħiliet speċifiċi se jiffaċilita l-mobilità tal-għalliema u tal-istudenti; barra minn hekk, jinnota li l-garanzija ta' tranżizzjoni bla xkiel minn edukazzjoni vokazzjonali għal edukazzjoni ogħla tgħin biex il-korsijiet tat-taħriġ vokazzjonali jsiru aktar attraenti;
91. Jistieden lill-Istati Membri, bil-għajnuna tal-Kummissjoni, u b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, biex jintroduċu sistemi għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki vokazzjonali fi ħdan il-qafas tat-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ professjonali;
92. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li l-offerta tal-possibilitajiet ta' taħriġ tkun ifformulata skont moduli; jitlob, madankollu, biex in-natura integrali ta' kwalifika vokazzjonali wiesgħa tkun preservata bħala prijorità assoluta u li l-moduli singoli jiġu ddefiniti b'mod ċar biex wieħed jieħu ħsieb li dawn ikunu jistgħu jitqabblu;
93. Jenfasizza r-rwol li għandhom l-għalliema u dawk li jħarrġu lill-oħrajn fit-trawwim tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ETV u jitlob għall-iżvilupp ta' programmi ta' mobilità bħalma huma l-Programm Leonardo da Vinċi u l-proġett għall-apprendisti, b'azzjonijiet speċifiċi li jindirizzaw lin-nisa, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-akkwiżizzjoni tul il-ħajja kollha tal-ħiliet relevanti bil-ħsieb li jiġu integrati jew integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;
94. Huwa konvint li s-sħubiji indikati fl-Istrateġija Ewropa 2020 fost l-atturi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jikkostitwixxu rekwiżit għall-effiċjenza u l-importanza tas-suq tax-xogħol, u li dawn għandhom jingħataw sura ta' kunsilli għall-ħiliet fit-tul immirati lejn is-suq tax-xogħol;
95. Jistieden lill-Istati Membri biex fil-kuntest tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, jagħmlu enfasi fuq l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet fil-lingwi barranin filwaqt li jiffokaw fuq l-intrapriżi żgħar u medji, u b'hekk jinħolqu l-kundizzjonijiet biex tiżdied il-kompetittività tagħhom bħala parti mis-suq uniku;
96. Jenfasizza kemm huma ta' importanza maġġuri l-kisba u t-titjib tal-profiċjenza f'diversi lingwi bhala mezz li bih jissaħħu l-fiduċja li wieħed ikollu fih innifsu, l-adattabilità u l-ħiliet interkulturali;
97. Jenfasizza li l-opportunità li ż-żgħażagħ iqattgħu perjodu ta' edukazzjoni jew taħriġ barra l-pajjiż hu essenzjali għall-akkwist ta' ħiliet ġodda, inkluż ħiliet lingwistiċi, u b'hekk jiżdiedu l-opportunitajiet tagħhom għal integrazzjoni fis-suq tax-xogħol; jilqa' għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa l-karta “Żgħażagħ Mobbli” li se tgħin liż-żgħażagħ kollha biex imorru jistudjaw fi Stat Membru ieħor, kif ukoll il-ħolqien ta' self għall-mobilità tal-istudenti Ewropej sabiex aktar Ewropej żgħażagħ, b'mod partikolari dawk l-aktar żvantaġġati, ikollhom l-opportunità li jesperjenzaw perjodu ta' studju, taħriġ jew xogħol f'pajjiż ieħor;
Il-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
98. Jilqa' l-għodda ta' referenza komuni tal-Proċess ta' Kopenħagen (Europass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-Sistema Ewropea ta' Kreditu għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u l-Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assikurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali), u jsostni li permezz ta' rieda determinata dawn l-għodod għandhom jitpoġġew fil-prattika u jiġu żviluppati ulterjorment;
99. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-interazzjoni – u tistabbilixxi sinerġiji aktar mill-qrib – bejn id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, il-Proċess ta' Bologna dwar l-edukazzjoni ogħla u l-Proċess ta' Kopenħagen dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b'użu mtejjeb tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) u l-Ewropass; isostni li l-Istati Membri għandhom iżommu l-kompetenza fl-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom skont il-kundizzjonijiet kulturali u tas-soċjetà partikolari tagħhom;
100. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja u timplimenta b'mod konsistenti ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità li tagħti spinta fundamentali lill-proċessi tal-innovazzjoni f'termini ta' azzjoni, effiċjenza u effettività, bħalma huma dawk rakkomandati fin-Netwerk Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-ETV (EQAVET), kif ukoll l-istrumenti żviluppati permezz tal-proċess ta' Kopenħagen, bħall-Ewropass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF); jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali barranin sabiex jassiguraw li l-ħiliet fl-impjiegi jistgħu jintwerew mhux biss bis-saħħa ta' kwalifiki formali, iżda wkoll permezz ta' perjodi ta' prova, eżamijiet tat-teorija u tal-prattika, u valutazzjonijiet ta' esperti;
101. Huwa tal-opinjoni li l-isfidi ppreżentati mill-proċess ta' Kopenħagen u l-Istrateġija UE 2020 jitolbu għall-għoti ta' riżorsi finanzjarji adegwati, fost l-oħrajn permezz tal-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-FSE, u għal involviment aktar sħiħ fil-promozzjoni ta' ETV bi kwalità għolja permezz ta' azzjoni konkreta u l-inklużjoni ta' mudelli u metodi ġodda ta' taħriġ, bħal li tingħata viżibilità lill-istejjer ta' suċċess tal-istudenti fis-suq tax-xogħol, li jiġi rreklamat il-prestiġju marbut mal-ETV f'kumpaniji kbar u li jiġu pprovduti informazzjoni u linji gwida aktar kompleti dwar kwistjonijiet tal-ETV qabel it-tlestija tal-iskola obbligatorja; jinnota li t-tħeġġiġ tal-iskambji ta' esperjenzi rigward programmi ta' appoġġ u perjodi li jkunu tqattgħu barra mill-pajjiż, bħalma huma l-parteċipazzjoni fil-Programm Leonardo da Vinci, ikunu ta' valur kbir;
102. Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri għar-rikonoxximent tad-diplomi barranin li jingħataw wara l-konklużjoni tat-tagħlim vokazzjonali, li jagħtu l-possibilità ta' prova għall-kapaċitajiet professjonali mhux biss permezz taċ-ċertifikati formali, iżda wkoll permezz ta' provi fuq ix-xogħol, eżamijiet prattiċi u fit-teorija, kif ukoll valutazzjoni minn esperti;
103. Jitlob għall-promozzjoni ta' kooperazzjoni transnazzjonali, kemm fost l-Istati Membri tal-UE kif ukoll fost pajjiżi terzi, sabiex jiġu stabbiliti programmi għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;
104. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta s-sistema ta' valutazzjoni tal-effikaċja tat-taħriġ sabiex tinkiseb u tinżamm rata għolja tal-impjiegi;
105. Jistieden lill-Kummissjoni u liċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) jinkludu d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-segwitu għall-Communiqué ta' Bruges dwar it-titjib tal-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-perjodu 2011-2010 speċjalment f'dak li hu aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja kollha ħalli n-nisa u l-irġiel ikollhom opportunitajiet li jitgħallmu fi kwalunkwe stadju tal-ħajja u billi r-rotot li jwasslu għall-edukazzjoni u t-taħriġ isiru aktar miftuħa u flessibbli;
Finanzjament
106. Jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta l-Fond Soċjali Ewropew, il-programm kollu għat-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ b'mod li jkun possibbli li jiġu allokati fondi għal proġetti dwar edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kif ukoll dwar il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u dwar it-taħriġ ulterjuri ta' persuni anzjani fl-UE kollha kemm hi, u biex l-aċċess għal dawn il-fondi jiġi ssimplifikat; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja programmi Komunitarji biex jgħinu ż-żgħażagħ jakkwistaw l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenzi li huma jeħtieġu sabiex isibu l-ewwel impjieg tagħhom;
107. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw l-aħjar użu tal-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew, għall-programmi speċifiċi li jippromwovu tagħlim tul il-ħajja u jimmiraw li jħeġġu aktar nisa jipparteċipaw fis-sistema ETV u jżidu r-rata tal-parteċipazzjoni tagħhom fiha, mhux l-anqas permezz ta' miżuri ffinanzjati kif jixraq, imfassla speċifikament biex dan il-għan jintlaħaq; jitlob li jiġu żviluppati azzjonijiet speċifiċi fil-proġett pilota Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ sabiex tiġi inkuraġġita l-intraprenditorija fost in-nisa;
108. Itenni l-kritika tiegħu għat-tnaqqis li għamel il-Kunsill tal-Ministri fil-baġit 2011 rigward il-finanzjament għall-programmi ewlenin tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni (il-Programm tat-“Tagħlim tul il-Ħajja” u l-programm Nies – tnaqqis ta' EUR 25 miljun u EUR 100 miljun rispettivament); l-Istrateġija ambizzjuża Ewropa 2020 hija għaldaqstant lura sewwa mir-realtà bil-limitazzjonijiet baġitarji;
109. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw bħala opzjoni waħda skema ta' vouchers biex tiġi żgurata għall-persuni bi dħul baxx il-possibilità li jipparteċipaw fit-taħriġ; jekk ikun meħtieġ, jistieden lill-Istati Membri biex japplikaw għall-finanzjament għal tali skemi ta' vouchers għat-taħriġ taħt il-FSE;
o o o
110. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.