Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar il-PDG u lil hinn minnu – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel (2010/2088(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Awwissu 2009 dwar il-PDG u lil hinn - Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel (COM(2009)0433),
– wara li kkunsidra l-“Konferenza lil hinn mill-PDG” organizzata mill-Parlament, il-Kummissjoni, il-Klabb ta' Ruma, il-WWF u l-OECD f'Novembru 2007 fi Brussell,
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni dwar il-Kejl tar-Rendiment Ekonomiku u l-Progress Soċjali (ir-Rapport Stiglitz), ippreżentat fl-14 ta' Settembru 2009,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva globali dwar l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB) approvata mill-mexxejja tal-G8+5 f'Ġunju 2007 u r-riżultati tagħha ppubblikati fl-2009 u l-2010,
– wara li kkunsidra r-Rapport Stern dwar l-Ekonomija tat-Tibdil fil-Klima fit-30 ta' Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Istanbul iffirmata waqt it-tieni Forum Dinji tal-OECD dwar l-Istatistika, l-Għarfien u l-Politika tat-30 ta' Ġunju 2007,
– wara li kkunsidra l-konklużjoniiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009, il-25 u s-26 ta' Marzu 2010 u s-17 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2009 (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) dwar l-Istatistika,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2009 (Ambjent) dwar Ekonomija Ekoeffiċjenti fil-kuntest tal-Aġenda ta' Lisbona wara l-2010 u l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej (COM(2010)0132),
– wara li kkunsidra l-linji gwida integrati tal-UE 2020 għall-politiki Ewropej dwar l-ekonomija u l-impjiegi, proposti mill-Kummissjoni Ewropea fis-27 ta' April 2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet dwar il-Governanza Ewropea: Leġiżlar aħjar (COM(2002)0275), reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea (COM(2006)0689), it-tieni reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea (COM(2008)0032) u t-tielet reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea (COM(2009)0015),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (COM(2008)0397),
– wara li kkunsidra l-istrumenti eżistenti tal-istatistika, bħall-EU-SILC, l-Istħarriġ tal-Forza tax-Xogħol (LFS), il-Eurobarometers, l-Istħarriġ dwar il-Valuri Ewropej u l-Istħarriġ Soċjali Ewropew (ESS),
– wara li kkunsidra l-Istħarriġ dwar il-Kwalità tal-Ħajja fl-Ewropa (EQLS), ikkoordinat mill-Eurofound, li jipprovdi stampa komprensiva tal-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tal-għejxien fil-Pajjiżi Ewropej (li jkopri l-Istati Membri kollha tal-UE u l-pajjiżi kandidati) b'aktar minn 120 indikatur li jipprovdu data komparattiva tal-pajjiżi(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Marzu(2) u s-16 ta' Ġunju 2010(3) dwar l-Istrateġija UE 2020, ir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2009(4) dwar is-Samit tal-G-20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009, ir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2006(5) dwar l-istrateġija riveduta għall-iżvilupp sostenibbli u r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008(6) dwar il-Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0175/2011),
A. billi l-ħtieġa li jittejbu d-data u l-indikaturi li jikkompletaw il-PDG għall-iżvilupp ġenerali tas-soċjetà kulma jmur illum hi rikonoxxuta mill-istituzzjonijiet internazzjonali kollha,
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel” bħala għodda kumplimentari possibbli biex tgħin it-titjib tal-analiżi u tad-dibattiti politiċi;
2. Jenfasizza li l-PDG huwa indikatur tal-attività tas-suq ekonomiku li sar standard ta' referenza użat minn dawk li jfasslu l-politika madwar id-dinja; jissotolinja li PDG huwa kejl tal-produzzjoni u ma jkejjilx is-sostenibilità ambjentali, l-effiċjenza tar-riżorsi, l-inklużjoni soċjali u l-progress soċjali b'mod ġenerali; jenfaiszza, barra minn hekk, li jista' jwassal għal konklużjonijiet żbaljati fis-sens li miżuri ta' rimedju wara li jseħħu ċerti inċidenti bħal diżastri naturali jiġu trattati bħala benefiċċju minflok spiża;
3. Jinnota li, apparti l-kejl tal-iżvilupp ekonomiku u l-produttività, hemm indikaturi oħra li jinfluwenzaw u jispjegaw l-istandards tal-għajxien u li sa issa għadhom ma ġewx kwantifikati għalkemm jeżistu indikaturi relevanti;
4. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati indikaturi addizzjonali għall-kejl tal-progress ekonomiku u soċjali fuq terminu ta' żmien medju u twil; jitlob l-iżvilupp ta' indikaturi ċari u miżurabbli li jikkunsidraw it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-inklużjoni soċjali; jitlob, barra minn hekk, l-iżvilupp ta' indikaturi li jiffukaw iktar mill-qrib fuq il-prospettivi tal-livell domestiku, li jirriflettu d-dħul, il-konsum u l-ġid;
5. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippreżenta indiċi għall-pressjoni ambjentali, li għandha tiġi sottomessa flimkien mal-PDG, li inizjalment ikun jinkludi l-aspetti li ġejjin tal-politika ambjentali: “it-tibdil fil-klima u l-użu tal-enerġija”, “in-natura u l-bijodiversità”, “it-tniġġis tal-arja u l-impatti tas-saħħa”, “l-użu tal-ilma u t-tniġġis”, “il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-użu tar-riżorsi”;
6. Jistenna li l-ispostament tal-attenzjoni lejn indikaturi usa' u aktar sostenibbli jwassal ukoll għall-għoti ta' aktar attenzjoni sistematika għal fatturi soċjali u ambjentali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi t-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-governanza, u b'hekk il-politiki ta' żvilupp ikunu jistgħu jilħqu l-popolazzjonijiet l-aktar fil-bżonn u żvantaġġati; jenfasizza li tali indikaturi għandhom ikunu kompatibbli u konsistenti ma' inizjattivi globali eżistenti, bħall-Indiċi ta' Żvilupp Uman tan-NU;
7. Jenfasizza l-ħtieġa ta' kejl tal-kwalità tal-ħajja fis-soċjetajiet; iqis li l-ilħiq u s-sostenn tal-kwalità tal-ħajja jinvolvu fatturi importanti u kunsenswali bħas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, l-impjieg, l-akkomodazzjoni, il-kundizzjonijiet ambjentali eċċ.; huwa tal-fehma li l-indikaturi li jkejlu tali fatturi għandhom jingħataw rwol akbar; jissuġġerixxi li jinbena fuq l-indikaturi EQLS, li jkopru l-oqsma ċentrali tal-kwalità tal-ħajja, bl-iżvilupp ulterjuri ta' mezzi ta' kejl sew kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi;
8. Jinnota l-miżuri u l-għodda adottati fil-livell Ewropew biex jitkejlu u jiġu analizzati l-impatti possibbli ta' inizjattivi leġiżlattivi fuq il-progress, bħall-valutazzjonijiet tal-impatt, inklużi l-benefiċċji tal-ispiża, l-effikaċja tal-ispiża u l-analiżijiet ta' diversi kriterji, il-valutazzjonijiet tar-riskji, il-ġbir tad-data, l-istatistiċi, il-kontijiet ekonomiċi ambjentali, l-analiżi politika f'diversi livelli politiċi, rapporti dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-infurzar u rieżamijiet imwettqa f'diversi oqsma tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jappoġġa bis-sħiħ it-twaqqif ta' qafas legali solidu għall-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej bħala pass pożittiv fil-proċess “Il-PDG u lil hinn”;
9. Jinnota r-rikonoxximent internazzjonali dejjem jikber tal-limiti għall-PDG bħala indikatur tal-progress soċjali, ir-riżorsi naturali u s-servizzi tal-ekosistema, trasformazzjonijiet maġġuri bħal dawk li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli; jagħraf il-progress li sar f'fora differenti, bħall-Programm tal-Iżvilupp tan-NU, il-Bank Dinji u l-OECD, u mill-Kummissjoni fost l-oħrajn, dwar l-iżvilupp ta' indikaturi li jkejlu u janalizzaw il-progress;
10. Jenfasizza l-importanza li jsir qbil dwar approċċ sistemiku għall-ħolqien ta' “Sistema lil hinn mill-PDG” li tkun koerenti sabiex tagħti kontribut għal analiżi politika u dibattiti mtejba;
11. Jenfasizza li l-isfida hija li jiġi żviluppat sett ċar u komprensibbli ta' indikaturi li fl-istess ħin tkun teoretikament konsistenti, politikament relevanti u li tista' titkejjel b'mod empiriku u li tiżgura li l-pajjiżi u r-reġjuni jkunu komparabbli; jenfasizza l-ħtieġa li dan ix-xogħol isir b'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet u ma' organizzazzjonijiet relevanti oħra;
12. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata statistika affidabbli, armonizzata u f'waqtha u li jinkisbu sensiela ta' data u indikaturi li jkopru perjodu twil li jistgħu jintużaw għall-proġezzjoni tal-iżviluppi futuri u għat-tfassil tal-politiki; jirrrakkomanda li diversi bażijiet tad-data miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom jintużaw aħjar u jinġemgħu flimkien u li f'kull Stat Membru għandhom jintużaw metodoloġiji, standards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabilità simili biex jiggarantixxu l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data; jitlob li l-ġbir u l-ipproċessar tad-data jsir skont prinċipji ta' indipendenza professjonali, imparzjalità, oġġettività, kunfidenzjalità statistika u effikaċja tal-infiq, madankollu bl-attenzjoni dovuta għal kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data personali; Huwa tal-fehma li l-Eurostat għandu jiżvolġi rwol maġġuri f'dan il-proċess;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
L-EQLS ikopri l-oqsma ċentrali li ġejjin marbutin mal-kunċett tal-kwalità tal-ħajja: riżorsi ekonomiċi, privazzjoni; saħħa u aċċess għall-kura tas-saħħa; impjiegi u kwalità tax-xogħol; bilanċ bejn xogħol u ħajja; relazzjonijiet familjari u appoġġ; inklużjoni/esklużjoni soċjali (ħajja komunitarja u parteċipazzjoni soċjali); edukazzjoni u taħriġ; kwalità tal-akkomodazzjoni u ambjent lokali; kapital soċjali u kwalità tas-soċjetà; kwalità tas-servizzi pubbliċi; benessri soġġettiv (inklużi kuntentezza, sodisfazzjon fil-ħajja, ottimiżmu dwar il-ġejjieni).