Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-analiżi f'nofs il-perjodu tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita: valutazzjoni tal-implimentazzjoni, sfidi futuri u prospettivi ta' finanzjament (2009/2226(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007(1) dwar l-iffinanzjar tal-programm Ewropew ta' radjunavigazzjoni bis-satellita (Galileo) fi ħdan il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 u l-programm ta' qafas finanzjarju pluriennali 2007-2013,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tat-22 ta' Settembru 2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)” (COM(2010)0308),
– wara li kkunsidra r-“Rapport tas-Suq GNSS” tal-Aġenzija Ewropea GNSS (Ottubru 2010),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE” (COM(2010)0700),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni, “Eżami ta' nofs it-terminu tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita” (COM(2011)0005),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Baġits (A7-0165/2011),
A. billi l-Parlament Ewropew b'mod konsistenti ta l-appoġġ sħiħ tiegħu lis-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ewropea, implimentata permezz tal-programmi Galileo u EGNOS, intiża sabiex ittejjeb il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, tiżgura l-awtonomija u l-indipendenza tal-Ewropa, u tikseb parti sinifikanti tas-suq dinji tat-teknoloġija avvanzata li jiddependi fuq in-navigazzjoni bis-satellita,
B. billi l-UE hija attwalment dipendenti fuq is-Sistema ta' Pożizzjonament Globali (GPS) tal-Istati Uniti tal-Amerika, peress li attivitajiet li jirrappreżentaw madwar 7 % tal-PDG huma dipendenti fuqha,
C. billi Galileo huwa mistenni li joffri vantaġġi meta mqabbel mal-GPS, bħat-titjib fil-preċiżjoni, l-integrità globali, l-awtentikazzjoni u l-garanzija ta' servizz, kif ukoll li jagħti l-Unjoni awtonomija strateġika,
D. billi s-suq dinji tal-GNSS qed jikber b'mod esponenzjali, u huwa stmat li jilħaq madwar EUR 150 biljun fl-2020, li anqas minn 20 % minnu huwa ġġenerat fl-UE,
E. billi l-EGNOS diġà beda jintuża fuq bażi ta' kuljum minn 80 000 bidwi Ewropew u reċentement ġie ċċertifikat għall-avjazzjoni ċivili u huwa mistenni li ċ-ċertifikazzjoni għat-trasport marittimu tingħata fil-futur qrib,
F. billi l-Galileo qed jimmira li jsir il-GNSS bl-aktar teknoloġija avvanzata fid-dinja, kapaċi li jiffissa l-istandard globali għall-futur, li jinvolvi konċentrazzjoni qawwija tax-xjenza, tekonoloġiji avvanzati u riżorsi umani kkwalifikati u jikkontribwixxi għall-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija tal-UE,
G. billi l-EGNOS u l-Galileo se jiġġeneraw EUR 60 biljun ta' benefiċċji indiretti lill-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, fil-forma ta' titjib fis-sikurezza tat-toroq u tal-avjazzjoni, tnaqqis fil-konsum tat-tniġġis u l-pestiċidi, impjiegi ġodda u sikurezza pubblika, li jiġġeneraw valur sinifikanti għall-flus minfuqa meta mqabbla ma' investimenti komparabbli oħra,
H. billi bl-istabbiliment ta' erba' sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita dinjija u tnejn reġjonali minn atturi internazzjonali differenti, il-ħeffa fit-tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-servizzi hija element essenzjali għall-Galileo sabiex din is-sistema Ewropea ssir, kemm jista' jkun malajr, sistema ta' referenza GNSS alternattiva u ewlenija ta' preferenza,
I. billi n-nuqqas ta' suċċess tas-sħubija pubblika-privata inizjali għall-finanzjament tal-programmi GNSS wassal, fl-2007, għad-deċiżjoni li l-implimentazzjoni tagħhom issir permezz ta' finanzjament meħud esklużivament mill-baġit tal-Unjoni (EUR 3,4 biljun għall-fażijiet ta' definizzjoni, ta' validazzjoni u ta' użu sal-2013), u konsegwentement huwa għalkollox il-proprjetà tal-Unjoni Ewropea, u dan irendi l-Galileo u l-EGNOS l-ewwel proġetti ewlenija tal-UE ta' dan it-tip,
J. billi l-Galileo huwa sistema ċivili taħt kontroll ċivili, u s-servizzi tiegħu kollha għandhom ikunu konformi mal-liġi internazzjonali tal-ispazju, it-Trattati tal-UE, u l-prinċipji mniżżla fil-Karta tan-NU u fit-Trattati;
K. billi ż-żieda fl-ispejjeż tal-programm, minħabba, fost oħrajn, l-ineżattezza tal-previżjonijiet tan-nefqa u tal-istrateġiji ta' ġestjoni tan-nefqa, tfisser li l-baġit attwali jista' jiffinanzja biss l-użu tal-Kapaċità Operattiva Inizjali (Initial Operating Capacity, IOC), li tinkludi 18-il satellita,
L. billi, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar impenn finanzjarju addizzjonali mill-baġit tal-UE fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jeħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni ċara tal-għażliet tekniċi u l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati kollha possibbli,
Reviżjoni ta' nofs it-terminu: valutazzjoni tal-implimentazzjoni
1. Jilqa' r-Rapport tal-Kummissjoni, li jiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri ta' din l-inizjattiva ewlenija importanti;
2. Jiddispjaċih, mandankollu, bid-dewmien fil-pubblikazzjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu, li għal żmien twil wisq ħoloq inċertezza fir-rigward tal-progress ġenerali tal-proġett u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, u dan huwa ta' detriment għall-adozzjoni mis-suq tal-applikazzjonijiet GNSS u għas-sostenn pubbliku;
3. Għal aktar trasparenza, jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-Qafas Strateġiku GNSS (C(2008)8378) fid-dawl tas-sitwazzjoni kurrenti, inklużi l-azzjonijiet prinċipali, l-istima tal-baġit u l-iskeda neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi;
4. Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex jiġu eliminati l-ispejjeż żejda fil-ġejjieni, timplimenta politiki ta' trażżin strett tal-ispejjeż u ta' mitigazzjoni tar-riskji, biex l-ispejjeż tal-illanċjar tas-satelliti jinżammu taħt kontroll; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tanalizza r-riżultati miksuba sal-lum u tikkunsidra l-użu ta' esperti indipendenti, inklużi rappreżentanti tal-industrija, sabiex ittejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-proġetti;
5. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji rrakkomandati bħall-approċċ ta' żewġ sorsi, fil-ksib tal-pakketti kollha ta' ħidma kritiċi, sabiex ikun jista' jinżamm il-kalendarju ambizzjuż, fid-dawl tal-livell ta' kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti, kif ukoll ir-rieda politika li tinżamm il-kapaċità tal-illanċjar fl-Ewropa fil-ġejjieni, kif riflessa fost oħrajn fis-Seba' Riżoluzzjoni tal-Ispazju tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2010;
Is-sitwazzjoni finanzjarja
6. Jemmen li l-IOC, li tista' tipprovdi servizzi inizjali bbażati fuq 18-il satellita, għandha titlesta sa mhux aktar tard mill-2014 sabiex jiġi żgurat li l-Galileo tabilħaqq isir it-tieni kostellazzjoni ta' referenza għall-produtturi tar-riċevituri; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tillanċja fl-inqas żmien possibbli l-erba' satelliti tal-validazzjoni fl-orbita (IOV), tfassal pjan ta' rotta għall-illanċjar tal-14-il satellita li jifdal, u tikkonkludi l-pakketti ta' ħidma finali;
7. Huwa konvint li l-iskop ta' Kapaċità Operattiva Sħiħa (Full Operating Capacity, FOC), ibbażata fuq kostellazzjoni ta' 27 satellita flimkien ma' numru adegwat ta' satelliti sper u infrastruttura tajba huwa prerekwiżit sabiex jinkiseb il-valur miżjud tal-Galileo f'termini ta' awtentikazzjoni, preċiżjoni kbira u servizz mhux interrott u għalhekk sabiex jittieħdu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali; jemmen li jeħtieġ appoġġ ċar u mhux ambigwu mill-Istituzzjonijiet Ewropej kollha għall-ilħiq tal-FOC sabiex l-utenti u l-investituri jkunu konvinti mill-impenn fit-tul tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħti sinjal pożittiv lis-suq f'dan ir-rigward;
8. Jiddeplora l-fatt li ma saritx proposta biex jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali għal dan il-programm permezz tal-aġġustament mill-ġdid tal-qafas finanzjarju pluriennali, li wassal għal aktar dewmien, spejjeż addizzjonali u possibbilment it-telf ta' opportunità; jemmen, f'dan id-dawl, li l-FOC għandha tintlaħaq l-aktar tard sal-2018, u dan skont il-Kummissjoni huwa stmat li jeħtieġ finanzjament addizzjonali ta' EUR 1,9 biljun u finanzjament annwali għall-ispejjeż operattivi ta' madwar EUR 800 biljun mill-2014 “il quddiem; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra b'mod attiv xi ffrankar jista” jsir fir-rigward tal-effiċjenza finanzjarja u timplimenta struttura ta' finanzjament xierqa (fid-dawl, fost oħrajn, tad-dħul mis-Servizz Kummerċjali ta' Galileo) sabiex tillimita l-finanzjament addizzjonali neċessarju;
9. Jenfasizza l-fatt li l-finanzjament attwali tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp tal-GNSS huwa limitat għal EUR 15 miljun fis-sena; iwissi li tista' ssir ħsara lil programmi oħra ta' riċerka u żvilupp jekk il-finanzjament addizzjonali għal dawn l-attivitajiet jitneħħa mill-programm qafas attwali (FP7); Huwa tal-opinjoni li fil-ġejjieni għandu jiġi pprovdut aktar finanzjament taħt l-FP8 u permezz ta' miżuri oħra ħalli jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi bbażati fuq il-GNSS;
10. Jenfasizza l-bżonn li jiżdied il-finanzjament ħalli jissaħħaħ l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u s-servizzi GNSS, li huwa essenzjali biex ikun żgurat li l-investiment fl-infrastruttura li l-Galileo jirrappreżenta jiġi sfruttat bis-sħiħ u li s-sistema Galileo tiġi żviluppata bil-kapaċità sħiħa tagħha;
L-għarfien tal-pubbliku
11. Huwa konvint sew li finanzjament addizzjonali għall-GNSS jista' jkun żgurat biss jekk l-għarfien tal-benefiċċji għall-ekonomija u għas-soċjetà tal-UE li jirriżultaw mill-GNSS jikber b'mod konsiderevoli fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku ġenerali; ifaħħar l-istabbiliment ta' inizjattivi konkreti, bħall-kompetizzjoni għall-ideat Galileo Masters organizzat kull sena, li għalih applikaw 350 parteċipant minn 44 pajjiż fl-2010, il-kompetizzjoni tat-tfal Galileo u l-premju ta' innovazzjoni GNSS;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Awtorità tal-GNSS tal-UE (GSA) jagħmlu sforz wisq akbar biex ikabbru l-għarfien tal-GNSS fost l-utenti u l-investituri potenzjali, jippromwovu l-użu ta' servizzi bbażati fuq il-GNSS, kif ukoll jidentifikaw u jikkonċentraw id-domanda għal dawn is-servizzi fl-Ewropa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Galileo huwa fl-interess pubbliku fil-livell tal-UE u għalhekk jikkostitwixxi raġuni ġustifikata għal finanzjament mill-fondi pubbliċi;
13. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-GSA javviċinaw awtoritajiet nazzjonali u SMEs fis-settur spazjali, bħala utenti potenzjali ta' applikazzjonijiet tal-GNSS, permezz ta' sejħiet għall-offerti, kampanji ta' informazzjoni u mekkaniżmi tat-trasferiment tat-teknoloġiji biex iwettqu dan, filwaqt li fl-istess ħin isir enfasi fuq l-importanza li jinżamm il-bilanċ reġjonali Ewropew;
Id-dimensjoni internazzjonali
14. Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod attiv ir-reġjuni tad-dinja li fihom l-adozzjoni tat-tekonoloġija u l-applikazzjonijiet Ewropej GNSS jistgħu jgħinu l-iżvilupp tas-suq, bħall-Amerika Latina, ix-Xlokk tal-Asja jew l-Afrika;
15. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tiżgura l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tal-Galileo ma' sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita oħra u biex taħdem favur standardizzazzjoni fuq livell dinji; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw kull mezz disponibbli sabiex isolvu l-kwistjonijiet attwali ta' kompatibbiltà maċ-Ċina;
L-isfidi tal-futur: finanzjament u governanza
16. Jenfasizza l-importanza strateġika tal-politika spazjali u l-programm GNSS fl-isforz li nistabbilixxu politika industrijali Ewropea reali bbażta fuq proġetti konkreti ta' benefiċċju tanġibbli għall-pubbliku u għan-negozji; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti li n-navigazzjoni bis-satellita jista' jkollha u biex tintegraha fl-iżvilupp tal-politiki Komunitarji rilevanti l-oħra;
17. Jirrimarka li stabbiltà fit-tul hija importanti sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun id-dewmien addizzjonali, it-tibdiliet tad-disinn li jqumu ħafna flus u d-destabilizzazzjoni tal-bażi tal-utenti; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tippreżenta bla dewmien proposti leġiżlattivi dwar il-livell futur tas-servizzi, il-finanzjament u l-governanza tal-programmi GNSS; jemmen, barra minn hekk, li huwa vitali li tiġi żgurata ż-żamma ta' know-how rilevanti u ta' kompetenza akkwiżita sabiex il-programmi jkunu ġestiti b'mod tajjeb;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-impatt li għandha ssir fil-qafas tal-proposta leġiżlattiva li jmiss, tinkludi informazzjoni ċara u komprensiva dwar:
–
l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (eżattezza, kopertura ġeografika, integrità, eċċ.) tas-servizzi (Servizzi Miftuħa, Salvagwardja tal-Ħajja, Servizzi Kummerċjali, Servizzi Pubbliċi Regolati) li jistgħu jipprovdu l-konfigurazzjonijiet differenti tas-satellita Galileo (inklużi l-IOC u l-FOC, użati flimkien ma' sistemi GNSS oħra jew waħedhom);
–
ir-rwol tas-servizzi EGNOS fir-rigward tal-konfigurazzjonijiet differenti possibbli ta' Galileo u jekk l-EGNOS għandhiex tinżamm f'kostellazzjoni FOC jew le;
–
l-ispejjeż tal-konfigurazzjonijiet possibbli tal-Galileo u l-EGNOS fir-rigward mhux biss tal-investimenti fl-infrastruttura iżda anku l-ispejjeż tal-ġestjoni u tal-kontinġenza (inklużi l-IOC, l-FOC jew għażliet oħra possibbli);
19. Iqis li l-Galileo u l-EGNOS, bħala programmi Ewropej proprjetà tal-UE li jindirizzaw interess pubbliku fil-livell tal-UE, għandhom ikunu fil-biċċa l-kbira ffinanzjati mill-baġit tal-UE; jemmen li – flimkien mal-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE – għandhom jiġu investigati s-sorsi kollha possibbli ta' finanzjament, inklużi forom innovattivi ta' finanzjament; jenfasizza li ad hoc, soluzzjonijiet baġitarji ta' emerġenza bħal dawk li saru fil-passat probabbilment jipperikolaw is-suċċess u l-valur miżjud ta' proġetti strateġiċi u fuq skala kbira tal-UE bħal dawn u jipperikolaw il-momentum politiku madwarhom; jemmen, għalhekk, li trid tinsab soluzzjoni għall-finanzjamenti soda, globali u fit-tul ; jissuġġerixxi li ammont annwali deċiż min qabel għandu jiġi pprovdut mill-baġit tal-UE (għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-Galileo li fadal kif ukoll l-ispejjeż operattivi); jindika li ċ-ċifri stmati inklużi fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu għall-perjodu wara l-2013 huma indikattivi, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi dettaljata tal-bżonnijiet finanzjarji stmati sas-Sajf 2011, ħalli tiżdied ir-responsabilità politika, il-prevedibbiltà u t-trasparenza tal-proġett;
20. Jemmen li l-ispejjeż addizzjonali mhux mistennija għandhom ikunu ffinanzjati mill-baġit Komunitarju mingħajr ma jiġu pperikolati l-programmi eżistenti l-oħra; jistieden, f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tistabbilixxi “fond ta' riżerva Galileo”, li jista' jintuża f'każ li jinħolqu spejjeż mhux mistennija;
21. Jemmen li l-istruttura tal-governanza u l-ġestjoni fit-tul tal-GNSS għandha tindirizza l-qsim ta' xogħol u responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni, il-GSA u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), kif ukoll kwistjonijiet rilevanti oħra, bħall-qsim tal-ispejjeż b'mod xieraq, il-mekkaniżmu tal-qsim tad-dħul, is-sistema ta' responsabbiltà, il-politika ta' prezzijiet u l-involviment u l-kontribuzzjoni tas-settur privat fil-programmi tal-GNSS; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummisjjoni tipproċedi malajr bir-riflessjoni attwali dwar skemi futuri ta' governanza għall-operat tas-sistema, tassumi r-responsabbiltà għall-operazzjonijiet fit-tul u għall-adattament tal-infrastrutura, biex tiżgura l-provvediment ta' dejta u servizzi kontinwi lill-utenti, u biex timmassimizza l-opportunitajiet għall-iżvilupp ta' servizzi kummerċjali;
22. Jisħaq fuq l-importanza li kull struttura ta' governanza u ġestjoni tal-GNSS fit-tul tkun għalkollox trasparenti, finanzjarjament soda u obbligata li tagħti rendikont kif ukoll immaniġġjata bl-aktar mod responsabbli possibbli; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-koordinament mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandu jseħħ fuq bażi regolari u jinkludi aġġornamenti dettaljati;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi xierqa biex tiżgura li servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq il-GNSS, kemm jekk irregolati privatament kif ukoll jekk pubblikament, jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini bħall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta;
o o o
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-ESA.