Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti bejn, fuq naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u fuq l-oħra, il-Federazzjoni Russa(1), u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-“Sħubija għall-Modernizzazzjoni” li nbdiet fl-2010,
– wara li kkunsidra l-objettiv kondiviż mill-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fil-31 ta' Mejju 2003 wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja f'San Pietruburgu, dwar il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali (“l-erba” spazji komuni“),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011(2) dwar l-istat tad-dritt, tas-17 ta' Ġunju 2010(3) dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja, tat-12 ta' Novembru 2009(4) qabel is-Samit bejn l-UE u r-Russja fi Stokkolma fit-18 ta' Novembru 2009, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja(5) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija(6),
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-aħħar laqgħa li saret f'dan il-kuntest fl-4 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-ftehimiet iffirmati u d-dikjarazzjonijiet konġunti maħruġa waqt is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Rostov-on-Don mill-31 ta' Mejju sal-1 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton, tal-24 ta' Mejju 2011, dwar il-każ ta' Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-18 ta' Mejju 2011 mill-kopresidenti tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Russja f'Sochi,
– wara li kkunsidra l-aġenda tas-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ir-Russja, li hi membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, taqsam ir-responsabilità mal-UE għaż-żamma tal-istabilità dinjija, u billi l-kooperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet ta' ġirien tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza ewlenija għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa u lil hinn minnha; billi huwa importanti li l-UE titkellem b'vuċi waħda u turi solidarjetà fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u tibbaża dawk ir-relazzjonijiet fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,
B. billi l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa jibqa' ta' importanza kbira għal aktar żvilupp u intensifikazzjoni tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ sħab,
C. billi l-UE u r-Russja huma reċiprokament interdipendenti kemm ekonomikament u kemm politikament; billi l-Unjoni Ewropea tkompli timpenja ruħha biex tapprofondixxi u tiżviluppa ulterjorment ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, imsejsa fuq impenn profond favur prinċipji demokratiċi,
D. billi għad hemm tħassib rigward ir-rispett u l-protezzjoni tar-Russja għad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, , l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-kontroll politiku tal-midja, il-miżuri ripressivi li ttieħdu kontra l-ġurnalisti u r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni u dwar kemm kienu ġusti l-elezzjonijiet; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,
E. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lill-Federazzjoni Russa għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem f'ħafna każijiet u sentenzi; billi l-implimentazzjoni tas-sentenza għadha insuffiċjenti,
F. billi ħafna sfidi fuq livell internazzjonali, partikolarment rigward il-Lvant Nofsani, il-Libja, l-Iran, it-terroriżmu, is-sigurtà tal-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-kriżijiet finanzjarji mhux se jingħelbu mingħajr relazzjonijiet responsabbli u ta' kooperazzjoni mar-Russja,
G. billi relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, il-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien komuni huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll tal-UE; billi kważi tliet snin wara l-kunflitt mal-Ġeorġja, ir-Russja għadha mhux qed tirrispetta l-ftehimiet tat-12 ta' Awwissu u tat-8 ta' Settembru 2008 fuq l-irtirar tat-truppi lejn il-pożizzjonijiet ta' qabel il-kunflitt mill-provinċji okkupati Ġeorġjani fin-Nofsinhar ta' Ossetia u f'Abkhazia u ma tiggarantix aċċess għall-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) f'dawn it-territorji,
1. Jerġa' jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mis-sħab l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta' kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jikkooperaw flimkien mill-qrib fl-Ewropa kif ukoll fil-viċinat komuni;
2. Jinnota li s-Samit ta' Nizhny Novgorod iffoka fuq sfidi komuni li qed jiffaċċaw kemm ir-Russja kif ukoll-UE (bħall-kriżi ekonomika, is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, l-adeżjoni mad-WTO, l-enerġija u kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-enerġija, l-ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, u kwistjonijiet internazzjonali u reġjonali);
3. Jistieden lill-UE u lir-Russja jieħdu l-opportunità tas-samit li ġej biex jintensifikaw in-negozjati dwar Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni li għandu jiġi konkluż fi żmien xieraq, msejjes fuq l-interdipendenza reċiproka tal-UE u r-Russja, u jenfasizza l-appoġġ qawwi tiegħu għal ftehim komprensiv u legalment vinkolanti li jirrigwarda s-sistema politika, ekonomika u soċjali u għalhekk jinkludi wkoll l-oqsma kollha marbutin mad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet fundamentali, li għandhom ikunu parti integrali mill-ftehim, bil-kundizzjoni li r-Russja tkun lesta tieħu passi biex issaħħaħ l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
4. Itenni l-appoġġ tiegħu għas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni; jilqa' l-inizjattiva li jinħareġ rapport konġunt tal-progress imma jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jintlaħaq qbil dwar il-passi li jmiss skont ir-riżultati miksuba sa issa fil-kuntest tal-erba' Spazji Komuni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja kif ukoll skont il-lakuni li għad fadal; jappoġġja speċjalment il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u jenfasizza li l-erba' Spazji Komuni jistrieħu fuq il-prinċipju tar-reċiproċità; jistieden għalhekk lill-partijiet fis-sammit li jmiss bejn l-UE u r-Russja biex jieħdu azzjoni biex jifformulaw objettivi konkreti; jenfasizza l-importanza li jiġu ttratati l-kwistjonijiet ta' funzjonament effettiv u indipendenti tal-ġudikatura u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza li l-UE hija lesta tikkontribwixxi b'kull mod possibbli għal titjib tal-effikaċja ta' sistema indipendenti ta' stat tad-dritt fir-Russja; jilqa' l-fatt li r-Russja ħabbret li se tiffirma l-Konvenzjoni tal-OKŻE dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim ta' Uffiċjali Pubbliċi Barranin;
5. Jittama li s-Samit jgħin biex isolvi l-aħħar kwistjonijiet relatati mal-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, wara l-ftehim bilaterali f'Diċembru 2010 bejn l-UE u r-Russja dwar il-faċilitazzjoni tal-adeżjoni tal-pajjiż mad-WTO; itenni l-appoġġ tiegħu għall-adeżjoni tar-Russja, li se toħloq kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta għall-komunitajiet kummerċjali fuq iż-żewġ naħat u se tiffaċilita u tilliberalizza l-kummerċ fl-ekonomija dinjija; jistieden lill-awtoritajiet Russi jadottaw qafas legali stabbli u ġust biex jirregolaw kif jixraq l-attività tan-negozji; jenfasizza li prerekwiżit għall-adeżjoni mad-WTO huwa li r-Russja tissodisfa r-regoli kollha tad-WTO, inkluża r-rinunzja ta' kull miżura protezzjonista, inkluża r-rettifika ta' elementi li jfixklu l-kummerċ, bħalma hija l-għaqda doganali Russja-Kazakistan-Belarus, li wasslet għal tariffi konsolidati ogħla;
6. Jissottolinja li s-sħubija fid-WTO u l-implimentazzjoni tagħha se tgħin lir-Russja tattira aktar investiment barrani u biex tiddiversifika l-ekonomija tagħha permezz ta' qafas regolatorju li se jżid il-kunfidenza tal-investituri; jitlob lill-awtoritajiet Russi biex ma jagħmlux użu ħażin minn raġunijiet sanitarji għal miżuri protezzjonistiċi mhux ġustifikati; jitlob lill-awtoritajiet Russi, abbażi ta' dan, biex jirrevedu l-projbizzjoni attwali fuq l-importazzjonijiet kollha tal-ħaxix tal-UE;
7. Jinnota b'interess id-djalogu li għaddej bħalissa bejn l-UE u r-Russja dwar tħaffif ulterjuri tal-viża; itenni l-impenn favur l-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, abbażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jilqa' l-lista ta' passi komuni (pjan tar-rotta) għall-ivvjaġġar mingħajr viżi bejn ir-Russja u l-UE li tħabbar f'Mejju 2011; jenfasizza li dan id-djalogu għandu jkun f'konformità mal-proċess tat-tħaffif tal-viża li jolqot il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; ifakkar li kemm l-UE u r-Russja għandhom jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehimiet li ġew konklużi; jistieden lir-Rappreżentat Għoli u lill-Kummisjoni biex jikkonvinċu lir-Russja ma tibqax toħroġ passaporti lir-residenti tal-provinċji okkupati tan-Nofsinhar tal-Ossetia u ta' Abkhazia; jenfasizza l-ħtieġa tal-prevenzjoni ta' kull ksur ta' sikurezza fl-Ewropa; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni ulterjuri dwar l-immigrazzjoni illegali, kontrolli mtejba fil-punti transkonfinali ta' kontroll u skambju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;
8. Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija u huwa tal-fehma li l-politika tal-enerġija tar-Russja fir-rigward tal-Istati Membri u l-pajjiżi fil-viċinat komuni tkun test deċiżiv tas-serjetà reali tal-intenzjoni tar-Russja li ssegwi t-triq tal-modernizzazzjoni u tad-demokratizzazzjoni; jissottolinja li l-provvista tar-riżorsi naturali m'għandhiex tintuża bħala għodda politika; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-kooperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; jilqa' l-interess muri wkoll min-naħa tar-Russja għal qafas legalment vinkolanti rigward l-enerġija; itenni l-interess tal-UE f'soluzzjoni trilaterali UE-Russja-Ukraina dwar il-provvisti tal-gass lejn l-UE fil-ġejjieni; jitlob kooperezzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Russja dwar il-provvista ta' materja prima u metalli rari, speċjalment ta' dawk meqjusa bħala kritiċi, u jitlob f'dal-kuntest għar-rispett tar-regoli internazzjonali, speċjalment ir-regoli tad-WTO;
9. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu anness miegħu jiddaħħlu fi Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-UE u r-Russja u biex jiżguraw provvista affidabbli u sikura tal-enerġija bbażata fuq standards ugwali; jilqa' l-iffirmar fi Frar 2011 ta' Mekkaniżmu ta' Twissija Bikrija aġġornat biex itejjeb aktar il-koordinament f'każ ta' emerġenzi tal-provvista jew tad-domanda; jilqa' l-qbil li jinħoloq Forum Konsultattiv dwar il-Gass li għandu jipprovdi informazzjoni, anke mingħand l-industrija, dwar żviluppi fis-swieq tal-gass tar-Russja u tal-Ewropa.
10. Iħeġġeġ lil-Federazzjoni Russa tintensifika l-kontribut tagħha biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, permezz ta' tnaqqis domestiku fil-gassijiet serra u speċjalment billi ttejjeb l-effiċjenza enerġetika; jitlob kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Russja rigward negozjati internazzjonali għal qafas politiku komprensiv għal wara l-2012 fil-qasam klimatiku skont l-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kjoto;
11. Jistenna li l-parteċipanti fis-samit bejn l-UE u r-Russja sejrin jaħdmu biex jintlaħaq impenn konġunt mis-sħab tal-UE favur l-ogħla standards ta' sikurezza, testijiet tal-istress ambizzjużi tal-impjanti tal-enerġija nukleari u kooperazzjoni internazzjonali msaħħa, wara l-esperjenza tal-kriżi li għaddejja fl-impjant nukleari ta' Fukushima; iqis li dan jgħodd b'mod speċjali għar-reatturi nukleari tat-tip ta' Chernobyl li għadhom fl-użu;
12. Jissottolinja li s-Samit jasal fi żmien kruċjali fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet tad-Duma Statali u jikkunsidra li huwa importanti li dawn l-elezzjonijiet għandhom ikunu ħielsa u ġusti u msejsa fuq l-implimentazzjoni ta' standards tal-elezzjonijiet ifformati mill-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; jinnota li xi proċeduri ta' reġistrazzjoni ta' partiti politiċi u listi ta' kandidati rriżultaw li mhumiex ġustifikati u b'hekk huma ostakolu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jesprimi n-nuqqas ta' qbil tiegħu ma' kwalunkwe restrizzjoni tal-possibbiltajiet għall-partiti tal-oppożizzjoni li jirreġistraw għall-elezzjonijiet u jistieden lir-Russja tieħu azzjoni biex timplimenta l-istandards tal-elezzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jippermettu li l-OSKE/Kunsill tal-Ewropa jagħmlu osservazzjoni fit-tul tal-elezzjonijiet fl-aktar stadju bikri u jistieden lir-Rappreżentat Għoli/Viċi President tinsisti fuq l-istabbiliment ta' missjoni għal dan il-għan;
13. Jirriafferma l-ħtieġa urġenti li r-Russja timplimenta l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-midja bħala bażi għall-kooperazzjoni; jistieden lir-Russja tieħu azzjoni konkreta biex ittejjeb ir-rekord tagħha tad-drittijiet tal-bniedem u biex tipproteġi l-ġurnalisti, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, il-minoranzi u r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni minn vjolenza u intimidazzjoni;
14. Jilqa' r-rieda tal-kontroparti Russa li tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv u miftuħ rigward il-kwistjonijiet ewlenin imqajma mir-rappreżentanti tal-UE fil-laqgħa tal-Konsultazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Mejju 2011; jitlob li dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma, kif ukoll għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet Russi konċernati inklużi l-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Affarijiet Interni, u minn NGOs favur id-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk id-djalogu jsir fir-Russja, kif ukoll jekk isir fi Stat Membru tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu kuntatti fil-qrib u programmi ta' appoġġ għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fir-Russja; jesprimi tħassib serju fuq l-istatus tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja; jilqa' d-deċiżjoni tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russa li jaħtar Ambaxxatur għad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem;
15. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-proposta, adottata mill-Parlament Ewropew fil-baġit tal-2011, biex jiġi stabbilit djalogu tas-soċjetà ċivili bejn l-UE u r-Russja bi rbit mas-Samits biennali bejn l-UE u r-Russja; jitlob sabiex il-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Russja jiġi inkluż fil-qafas tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni;
16. Jinnota bi tħassib is-sentenza maqtugħa mill-qorti tal-appell Russa kontra Mikhail Khordorkovsky u sieħbu fin-negozju Platon Lebedev fis-26 ta' Mejju 2011 bħala kontinwazzjoni ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji politikament motivati; jikkundanna l-interferenza politika fil-proċess; jilqa' d-deċiżjoni tal-President Medvedev li jeżamina dan il-każ fil-Kunsill Presidenzjali tad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f'dan il-każ li fiha aċċettat l-allegazzjonijiet ta' Khodorkovsky ta' detenzjoni illegali; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-President Medvedev li jibda' investigazzjoni dwar l-akkużi kriminali kontra Sergey Magnitsky; iħeġġeġ lill-kumitat investigattiv jippubblika rapport indipendenti u dettaljat mill-aktar fis possibbli; jilqa' l-kundanni għall-qtil ta' Anastasiya Baburova u Stanislav Markelov, u jistieden lill-awtoritajiet Russi jkomplu xogħolhom fuq dan il-każ; jieħu nota tal-arrest tal-assassin suspettat ta' Anna Politkovskaya;
17. Jiddispjaċih ħafna li, kuntrarju għall-obbligi tar-Russja bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa li tiddefendi l-libertà tal-għaqda, ġemgħat paċifċi jibqgħu jiġu pprojbiti u sfrattati b'mod vjolenti, inkluża l-mixja Gay Pride f'Moska għas-sitt sena konsekuttiva, b'mod li jinjora d-deċiżjoni finali ta' April 2011 tal-Qorti Ewropea tad-Drittijet tal-Bniedem; jistenna li fil-futur, d-delegazzjonijiet tal-UE u tal-korp diplomatiku tal-UE jimplimentaw b'mod attiv il-Kaxxa tal-Għodda għall-Promozzjoni u l-Ħarsien tad-Drittijiet Kollha tal-Bniedem għal Persuni LGBT;
18. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li r-Russja tirriżolvi b'mod urġenti l-kwistjoni tal-istatus legali tan-numru kbir ta' persuni mhux ċittadini fir-Russja;
19. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inċidenti fatali f'Nagorno-Karabakh u jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta tas-sħab tal-G8 imxandra fis-26 ta' Mejju 2011 li tenfasizza qbil li jittieħed pass deċiżiv lejn soluzzjoni paċifika tal-kunflitt f'Nagorno-Karabakh, jitlob lir-Russja biex tgħin issolvi l-kunflitt minflok tforni armi liż-żewġ partijiet tal-konflitt; iħeġġeġ lir-Rappreżentat Għoli/Viċi President tieħu passi li jipprevjenu eskalazzjoni potenzajli tal-kunflitt u jitlob diżinċentivi fir-rigward ta' kwalunkwe parti li tikser il-ftehim ta' Bishkek dwar waqfien mill-ġlied;
20. Jistieden lir-Russja tirrispetta l-ftehimiet li ffirmat u tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-Ftehim tas-Sitt punti għall-Waqfien mill-Ġlied u biex tirtira immedjatament it-truppi tagħha mit-territorji Ġeorġjani tan-Nofsinhar ta' Ossetia u Abkhazia għall-pożizzjonijiet ta' qabel il-kunflitt kif ukoll biex tiggarantixxi li l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) ikollha aċċess għal dawn it-territorji;
21. Jistieden lir-Russja tieħu pożizzjoni kostruttiva fil-każ ta' Transnistria u n-negozjati dwar il-kunflitt t'hemmhekk u tesprimi l-fehma tagħha dwar Transnistria bħala test għall-appoġġ reċiproku bejn l-UE u r-Russja fis-soluzzjoni ta' “kunflitt ffriżati”, jitlob biex jerġgħu jibdew in-negozjati uffiċjali 5+2 bl-intenzjoni li jaslu għal soluzzjoni fil-futur qarib (l-inizjattiva Meseberg);
22. Jiddikjara li r-Russja, li għandha s-setgħa tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha tieħu r-responsabbiltà tagħha fil-kriżijiet internazzjonali u għandha tiggarantixxi u tirrispetta bis-sħiħ is-sovrenità tal-pajjiżi ġirien tagħha; f'dan ir-rigward, tħeġġeġ lir-Russja biex ma tkomplix tagħmel pressjoni fuq l-Ukraina biex tissieħeb mal-unjoni doganali Russja-Kazakistan-Bjelorussja;
23. Jitlob li jkun hemm djalogu komprensiv ulterjuri bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, inkluż l-istabbiliment tat-tarka ta' difiża kontra l-missili;
24. Jitlob lir-rappreżentanti tal-UE fis-Samit bejn l-UE u r-Russja biex iqajmu l-kwistjonijiet kollha li saret referenza għalihom f'din ir-riżoluzzjoni;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.